Language of document : ECLI:EU:C:2024:345

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

25 ta’ April 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikolu 20 TFUE – Nazzjonalità ta’ Stat Membru u ta’ pajjiż terz ieħor – Kisba tan-nazzjonalità ta’ pajjiż terz – Telf ipso jure tan-nazzjonalità tal-Istat Membru u taċ-ċittadinanza tal-Unjoni – Possibbiltà li tintalab iż-żamma tan-nazzjonalità tal-Istat Membru qabel il-kisba tan-nazzjonalità ta’ pajjiż terz – Eżami individwali tal-konsegwenzi tat-telf tan-nazzjonalità tal-Istat Membru fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni – Portata”

Fil-Kawżi magħquda C‑684/22 sa C‑686/22,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Düsseldorf (il-Qorti Amministrattiva ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-3 ta’ Novembru 2022, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Novembru 2022, fil-proċeduri

S.Ö.

vs

Stadt Duisburg (C‑684/22),

u

N.Ö.,

M.Ö.

vs

Stadt Wuppertal (C‑685/22),

u

M.S.,

S.S.

vs

Stadt Krefeld (C‑686/22),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, O. Spineanu-Matei, J.-C. Bonichot, S. Rodin u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M.S. u S.S., minn B. Steeger, Rechtsanwältin,

–        għal Stadt Krefeld, minn S. Wolf, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Estonjan, minn M. Kriisa, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u E. Montaguti, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Diċembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE.

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tliet tilwimiet bejn, rispettivament, S.Ö. u l-iStadt Duisburg (il-Belt ta’ Duisburg, il-Ġermanja), N.Ö. u M.Ö. u l-iStadt Wuppertal (il-Belt ta’ Wuppertal, il-Ġermanja) kif ukoll M.S. u S.S. u l-iStadt Krefeld (il-Belt ta’ Krefeld, il-Ġermanja) dwar it-telf tan-nazzjonalità Ġermaniża tar-rikorrenti f’dawk il-kawżi.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt internazzjonali

3        Il-Konvenzjoni Ewropea dwar in-Nazzjonalità, adottata fis-6 ta’ Novembru 1997 fil-kuntest tal-Kunsill tal-Ewropa u li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2000 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar in-Nazzjonalità”), ġiet irratifikata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-11 ta’ Mejju 2005.

4        Bit-titolu “Telf tan-nazzjonalità ipso jure jew fuq l-inizjattiva ta’ Stat kontraenti”, l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni dwar in-Nazzjonalità jipprovdi:

“Stat kontraenti ma jistax jistabbilixxi fid-dritt nazzjonali tiegħu t-telf tan-nazzjonalità tiegħu ipso jure jew fuq inizjattiva tiegħu, ħlief fil‑każijiet segwenti

a)      il-kisba volontarja ta’ nazzjonalità oħra;

[...]

e)      nuqqas ta’ rabta effettiva bejn l-Istat kontraenti u ċittadin li jirrisjedi abitwalment barra mill-pajjiż;

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

5        L-Artikolu 15 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Każijiet oħra possibbli ta’ pluralità ta’ nazzjonalitajiet”, jipprovdi, fl-inċiż (b) tiegħu, li d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni ma jillimitawx id-dritt ta’ kull Stat kontraenti li jiddetermina fid-dritt nazzjonali tiegħu jekk il-kisba jew iż-żamma tan-nazzjonalità tiegħu hijiex suġġetta għar-rinunzja jew għat-telf ta’ nazzjonalità oħra.

 Iddritt talUnjoni

6        Skont il-kliem tal-Artikolu 20 TFUE:

“1.      Qed tiġi stabbilita ċ-Ċittadinanza ta’ l-Unjoni. Kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru hija ċittadina ta’ l-Unjoni. Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex.

2.      Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet u jintrabtu bid-dmirijiet previsti fit-Trattati. Huma għandhom, fost l-oħrajn:

a)      id-dritt ta’ moviment liberu u d-dritt ta’ residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri;

[...]”.

 Iddritt Ġermaniż

7        L-Artikolu 25 tal-iStaatsangehörigkeitsgesetz (il-Liġi dwar in-Nazzjonalità) fil-verżjoni konsolidata tagħha (Bundesgesetzblatt, Parti III, Nru 102‑1, kif emendata bil-punt 7 tal-Artikolu 1 tal-Gesetz zur Reform des Staatsangehörigkeitsrechts (il-Liġi li Tirriforma d-Dritt tan-Nazzjonalità), tal-15 ta’ Lulju 1999 (BGBl. I, p. 161) (iktar’ il quddiem l-“iStAG”), fis-seħħ sa mill-1 ta’ Jannar 2000 u applikabbli għat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali, jistipula:

“1.      (1) Ċittadin Ġermaniż jitlef in-nazzjonalità tiegħu meta jikseb nazzjonalità barranija jekk din il-kisba tkun seħħet fuq talba tiegħu jew fuq talba tar-rappreżentant legali tiegħu, iżda l-persuna kkonċernata ma titlifx in-nazzjonalità tagħha ħlief jekk il-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom it-telf jista’ jintalab bis-saħħa tal-Artikolu 19 ikunu ssodisfatti. It-telf imsemmi fl-ewwel sentenza ma jseħħx meta ċittadin Ġermaniż jikseb in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, tal-Isvizzera jew ta’ Stat li miegħu r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkonkludiet trattat internazzjonali skont l-Artikolu 12(3).

(2)      Kull persuna li, qabel ma kisbet in-nazzjonalità barranija, kisbet, fuq talba tagħha, l-awtorizzazzjoni bil-miktub tal-awtorità kompetenti sabiex iżżomm in-nazzjonalità tagħha ma titlifx in-nazzjonalità tagħha. [...] Sabiex tittieħed deċiżjoni dwar talba msemmija fl-ewwel sentenza, l-interessi pubbliċi u privati għandhom jiġu bbilanċjati. Jekk l-applikant ikollu r-residenza abitwali tiegħu f’pajjiż barrani, għandu jiġi kkunsidrat b’mod partikolari jekk jistax juri b’mod kredibbli żamma ta’ rabtiet mal-Ġermanja.”

8        L-Artikolu 30(1) tal-iStAG huwa fformulat kif ġej:

“(1)      L-eżistenza jew l-assenza tan-nazzjonalità Ġermaniża hija kkonstatata fuq talba mill-awtorità kompetenti fil-qasam tan‑nazzjonalità meta jintwera interess leġittimu b’mod kredibbli. Il-konstatazzjoni hija vinkolanti fil-kawżi kollha li għalihom l-eżistenza jew l-assenza tan-nazzjonalità Ġermaniża hija legalment rilevanti. Fil-preżenza ta’ interess pubbliku, il‑konstatazzjoni tista’ ssir ukoll ex officio.”

9        L-Artikolu 38 tal-Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet (il-Liġi relatata mar-Residenza, mal‑Attività Professjonali u mal-Integrazzjoni tal-Barranin fit-Territorju Federali), tat-30 ta’ Lulju 2004 (BGBl. 2004 I, p. 1950), jipprevedi:

“(1)      Ex ċittadin Ġermaniż għandu jingħata

1.      titolu ta’ resident permanenti jekk, fil-mument tat-telf tan-nazzjonalità Ġermaniża, huwa kellu r-residenza abitwali tiegħu fit-territorju nazzjonali għal ħames snin bħala ċittadin Ġermaniż.

2.      permess ta’ residenza jekk, fil-mument tat-telf tan-nazzjonalità Ġermaniża, huwa kellu r-residenza abitwali tiegħu fit-territorju nazzjonali għal mill-inqas sena.

L-applikazzjoni għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza msemmija fl-ewwel sentenza għandha tiġi ppreżentata fi żmien sitt xhur mill-għarfien tat-telf tan-nazzjonalità Ġermaniża.

[...]

(2)      Permess ta’ residenza jista’ jinħareġ lil ex ċittadin Ġermaniż li għandu r-residenza abitwali tiegħu barra mill-pajjiż jekk ikollu għarfien suffiċjenti tal-lingwa Ġermaniża.

(3)      F’każijiet partikolari, il-permess ta’ residenza msemmi fil-paragrafu 1 jew 2 jista’ jinħareġ b’deroga mill-Artikolu 5.

[...]”.

 Ilkawżi prinċipali u ddomandi preliminari

 IlKawża C684/22

10      S.Ö., li twieled fit-Turkija fis-sena 1966, daħal fit-territorju Ġermaniż matul is-sena 1990. Huwa miżżewweġ u missier ta’ tliet itfal. Fl-10 ta’ Mejju 1999, huwa kiseb in-nazzjonalità Ġermaniża permezz ta’ naturalizzazzjoni u n-nazzjonalità Torka tiegħu ġiet irtirata fit-13 ta’ Settembru 1999.

11      Fil-25 ta’ Mejju 2018, fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal dokument tal-ivvjaġġar għal ibnu, S.Ö. indika li kien reġa’ kiseb in-nazzjonalità Torka.

12      Peress li l-awtoritajiet Ġermaniżi esprimew dubji serji li iben S.Ö. kellu n-nazzjonalità Ġermaniża, fil-25 ta’ April 2019, S.Ö. talab lill-awtorità ta’ naturalizzazzjoni territorjalment kompetenti toħroġlu dokument ta’ nazzjonalità sabiex ikun jista’ jistabbilixxi ż-żamma tan-nazzjonalità Ġermaniża tiegħu. Sussegwentement S.Ö mar jirrisjedi fil-Belt ta’ Duisburg.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tal-Pulizija Amministrattiva tat-13 ta’ Settembru 2019, il-Belt ta’ Duisburg ikkonstatat, konformement mal-Artikolu 30(1) tal-iStAG, li S.Ö. ma kellux iktar in-nazzjonalità Ġermaniża. Skont il-Belt ta’ Duisburg, ir-reintegrazzjoni fin-nazzjonalità Torka kienet seħħet wara l‑1 ta’ Jannar 2000 u, konformement mal-punt 2 tal-Artikolu 17(1) u mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(1) tal-iStAG, din kienet wasslet għat-telf awtomatiku tan-nazzjonalità Ġermaniża. Is-sitwazzjoni kienet tkun differenti biss li kieku r-reintegrazzjoni fin-nazzjonalità Torka seħħet qabel il-31 ta’ Diċembru 1999, peress li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(1) tal-iStAG, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sa din id-data, kienet tipprevedi li jkun hemm telf tan-nazzjonalità Ġermaniża biss għall-Ġermaniżi residenti barra mill-pajjiż. Madankollu, S.Ö. ma weriex reintegrazzjoni fin-nazzjonalità Torka qabel l-imsemmija data.

14      S.Ö. ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgericht Düsseldorf (il-Qorti Amministrattiva ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), jiġifieri l-qorti tar-rinviju.

 IlKawża C685/22

15      Il-konjuġi M.Ö. u N.Ö., ta’ nazzjonalità Torka, imwielda rispettivament fis-sena 1959 u fis-sena 1970, daħlu fit-territorju Ġermaniż fis-sena 1974. Huma kisbu n-nazzjonalità Ġermaniża permezz ta’ naturalizzazzjoni fis-27 ta’ Awwissu 1999 u n-nazzjonalità Torka tagħhom ġiet irtirata fit-2 ta’ Settembru 1999.

16      Fl-1 ta’ Settembru 2005, fil-kuntest ta’ laqgħa mal-awtoritajiet muniċipali ta’ Wuppertal, huma rrikonoxxew li kienu reġgħu kisbu n-nazzjonalità Torka fl-24 ta’ Novembru 2000.

17      F’dan ir-rigward, huma pproduċew dikjarazzjoni tal-Konsulat Ġenerali tat-Turkija, tal-31 ta’ Awwissu 2005, li tindika li fit-2 ta’ Settembru 1999 huma kienu talbu r-reintegrazzjoni tagħhom fin-nazzjonalità Torka u kienu rkuprawha permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri tal-24 ta’ Novembru 2000.

18      Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-Pulizija Amministrattiva tal-24 ta’ Frar 2021, konformement mal-Artikolu 30(1) tal-iStAG, il-Belt ta’ Wuppertal ikkonstatat li M.Ö. u N.Ö. ma kellhomx iktar in-nazzjonalità Ġermaniża. Skont l-awtorità muniċipali, ir-reintegrazzjoni tagħhom fin-nazzjonalità Torka, fl-24 ta’ Novembru 2000, wasslet, konformement mal-punt 2 tal-Artikolu 17(1) u mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(1) tal-iStAG, għat-telf awtomatiku tan-nazzjonalità Ġermaniża. Is-sitwazzjoni kienet tkun differenti biss li kieku r-reintegrazzjoni fin-nazzjonalità Torka seħħet qabel il-31 ta’ Diċembru 1999, peress li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(1) tal-iStAG, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sa din id-data, kienet tipprevedi li jkun hemm telf tan-nazzjonalità Ġermaniża biss għall-Ġermaniżi residenti barra mill-pajjiż. Madankollu, M.Ö. u N.Ö. ma wrewx reintegrazzjoni fin-nazzjonalità Torka qabel l-imsemmija data.

19      M.Ö. u N.Ö. ippreżentaw rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Verwaltungsgericht Düsseldorf (il-Qorti Amministrattiva ta’ Düsseldorf).

 IlKawża C686/22

20      Il-konjuġi M.S. u S.S., ta’ nazzjonalità Torka, imwielda rispettivament fis-sena 1965 u fis-sena 1971, daħlu fit-territorju Ġermaniż rispettivament fis-sena 1981 u fis-sena 1989. Huma kisbu n-nazzjonalità Ġermaniża permezz ta’ naturalizzazzjoni fl-10 ta Ġunju 1999 u sussegwentement in-nazzjonalità Torka tagħhom ġiet irtirata.

21      M.S. u S.S. talbu r-reintegrazzjoni tagħhom fin-nazzjonalità Torka wara li kisbu n-nazzjonalità Ġermaniża.

22      Fid-19 ta’ Diċembru 2017, M.S. u S.S. talbu lill-Belt ta’ Krefeld tikkonstata li huma kellhom in-nazzjonalità Ġermaniża.

23      Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-Pulizija Amministrattiva tal-24 ta’ Frar 2021, konformement mal-Artikolu 30(1) tal-iStAG, il-Belt ta’ Krefeld ikkonstatat li M.S. u S.S. ma kellhomx iktar in-nazzjonalità Ġermaniża. Skont l-awtorità muniċipali, ir-reintegrazzjoni tagħhom fin-nazzjonalità Torka seħħet wara l-1ta’ Jannar 2000 u wasslet, konformement mal-punt 2 tal-Artikolu 17(1) u mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(1) tal-iStAG, għat-telf awtomatiku tan-nazzjonalità Ġermaniża. Is-sitwazzjoni kienet tkun differenti biss li kieku r-reintegrazzjoni fin-nazzjonalità Torka seħħet qabel il-31 ta’ Diċembru 1999, peress li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(1) tal-iStAG, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sa din id-data, kienet tipprevedi li jkun hemm telf tan-nazzjonalità Ġermaniża biss għall-Ġermaniżi residenti barra mill-pajjiż. Madankollu, M.S. u S.S. ma wrewx reintegrazzjoni fin-nazzjonalità Torka qabel l-imsemmija data.

24      M.S. u S.S. ippreżentaw rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Verwaltungsgericht Düsseldorf (il-Qorti Amministrattiva ta’ Düsseldorf).

 Iddomandi preliminari

25      F’dawn it-tliet kawżi magħquda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel nett, jekk it-telf awtomatiku tan-nazzjonalità Ġermaniża, previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(1) tal-iStAG, huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.

26      Hija tikkonferma, qabel kollox, li l-verżjoni tal-Artikolu 25 tal-iStAG, li hija applikabbli għar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, hija dik fis-seħħ b’effett mill-1 ta’ Jannar 2000 peress li huma kisbu mill-ġdid in-nazzjonalità Torka wara din id-data, peress li d-dokumenti ppreżentati minn uħud minnhom sabiex juru l-kuntrarju ma għandhom ebda valur probatorju. Hija tindika, barra minn hekk, li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ma talbu ebda awtorizzazzjoni għaż-żamma tan-nazzjonalità, prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(2) tal-iStAG, qabel ma kisbu, mill-ġdid, in-nazzjonalità Torka.

27      F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza nazzjonali, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(1) tal-iStAG hija konformi mad-dritt tal-Unjoni sa fejn il-persuna kkonċernata tista’ tippreżenta, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(2) tal-iStAG, applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għaż-żamma tan-nazzjonalità Ġermaniża, li fil-kuntest tagħha huwa espliċitament previst eżami individwali tal-konsegwenzi li t-telf ta’ din in-nazzjonalità jinvolvi għall-persuna kkonċernata.

28      Dan espost, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar tali konformità. Fil-fatt, fil-każ fejn ma tkun inbdiet ebda proċedura ta’ awtorizzazzjoni għaż-żamma tan-nazzjonalità Ġermaniża, prevista fl-Artikolu 25(2) tal-iStAG, mid-dispożizzjonijiet tal-istess Artikolu 25 jirriżulta li t-telf tan-nazzjonalità u, għaldaqstant, it-telf, għall-persuni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor, taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, iseħħ b’mod awtomatiku, mingħajr ebda eżami individwali.

29      Dik il-qorti tindika li d-dritt Ġermaniż ma jipprevedi ebda possibbiltà ta’ eżami inċidentali tal-konsegwenzi tat-telf tan-nazzjonalità Ġermaniża wara li dan it-telf ikun seħħ. F’każ bħal dan, il-persuni kkonċernati jkollhom biss il-possibbiltà li jressqu applikazzjoni ġdida għan-naturalizzazzjoni sabiex jiksbu, mingħajr effett retroattiv, in-nazzjonalità Ġermaniża.

30      It-tieni nett, filwaqt li tosserva li, konformement mal-formulazzjoni tal-Artikolu 25(2) tal-iStAG, applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għaż-żamma tan-nazzjonalità Ġermaniża toffri l-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju tindika li l-konsegwenzi tat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, fil-prattika, la huma eżaminati mill-awtoritajiet amministrattivi u lanqas mill-qrati nazzjonali. Fil-fatt, l-awtorizzazzjoni għaż-żamma tan-nazzjonalità Ġermaniża tingħata biss meta jkun hemm interess partikolari għall-kisba tan-nazzjonalità barranija filwaqt li tinżamm in-nazzjonalità Ġermaniża. Għalhekk, il-konsegwenzi tat-telf tan-nazzjonalità Ġermaniża, li jwassal għat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, ma jiġux eżaminati fid-dawl tad-drittijiet li jirriżultaw minn dan l-istatus.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Düsseldorf (il-Qorti Amministrattiva ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri fit-tliet kawżi prinċipali u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      L-Artikolu 20 TFUE jipprekludi dispożizzjoni li tipprevedi li, fil-każ ta’ akkwist volontarju ta’ nazzjonalità (mhux ipprivileġġjata) ta’ Stat terz, in-nazzjonalità tal-Istat Membru u, għaldaqstant, iċ-ċittadinanza tal-Unjoni jintilfu ipso jure jekk eżami individwali tal-konsegwenzi tat-telf iseħħ biss fil-każ li ċ-ċittadin barrani kkonċernat ikun ippreżenta minn qabel applikazzjoni għal ħruġ ta’ awtorizzazzjoni sabiex iżomm in-nazzjonalità tiegħu u sakemm din l-applikazzjoni tkun ingħatat risposta pożittiva qabel l-akkwist tan-nazzjonalità barranija?

2)      Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv: l-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-proċedura ta’ ħruġ tal-awtorizzazzjoni sabiex tinżamm in-nazzjonalità, ma jistgħux jiġu stabbiliti kundizzjonijiet li jwasslu, fl-aħħar mill-aħħar, sabiex evalwazzjoni tas-sitwazzjoni individwali tal-persuna kkonċernata kif ukoll dik tal-familja tagħha fir-rigward tal-konsegwenzi tat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni ma ssirx jew tiġi ssostitwita b’rekwiżiti oħra?”

32      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Diċembru 2022, il-Kawżi C‑684/22 sa C‑686/22 ġew magħquda għall-finijiet kemm tal-proċeduri bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq iddomandi preliminari

33      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li, fil-każ ta’ ksib volontarju ta’ nazzjonalità ta’ pajjiż terz, in-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru tintilef ipso jure, li jwassal, għall-persuni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor, għat-telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, sakemm dawn il-persuni ma jiksbux l-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, wara eżami individwali tas-sitwazzjoni tal-imsemmija persuni li jieħu inkunsiderazzjoni l-ibbilanċjar tal-interessi pubbliċi u privati inkwistjoni, sabiex iżommu n-nazzjonalità tagħhom qabel il-kisba tan-nazzjonalità ta’ pajjiż terz.

34      Skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm id-definizzjoni tal-kundizzjonijiet għall-kisba u għat-telf tan-nazzjonalità taqa’, konformement mad-dritt internazzjonali, taħt il-ġurisdizzjoni ta’ kull Stat Membru, il-fatt li qasam jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri ma jipprekludix li, f’sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, ir-regoli nazzjonali kkonċernati għandhom josservaw l-imsemmi dritt tal-Unjoni (sentenzi tat-2 ta’ Marzu 2010, Rottmann, C‑135/08, EU:C:2010:104, punti 39 u 41, kif ukoll tal-5 ta’ Settembru 2023, Udlændinge- og Integrationsministeriet (Telf tan-nazzjonalità Daniża), C‑689/21, EU:C:2023:626, punt 28).

35      Issa, l-Artikolu 20 TFUE jagħti lil kull persuna li għandha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, li huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk, C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 31, u tal-5 ta’ Settembru 2023, Udlændinge- og Integrationsministeriet (Telf tan-nazzjonalità Daniża), C‑689/21, EU:C:2023:626, punt 29).

36      Għaldaqstant, is-sitwazzjoni ta’ ċittadini tal-Unjoni li, bħar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, għandhom in-nazzjonalità ta’ Stat Membru wieħed biss u li, minħabba t-telf ta’ din in-nazzjonalità, jaffaċċjaw it-telf tal-istatus mogħti fl-Artikolu 20 TFUE kif ukoll tad-drittijiet marbuta miegħu, taqa’, min-natura u mill-konsegwenzi rispettivi tagħha, taħt id-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tagħhom fil-qasam tan-nazzjonalità, josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenzi tat-2 ta’ Marzu 2010, Rottmann, C‑135/08, EU:C:2010:104, punti 42 u 45, kif ukoll tal-5 ta’ Settembru 2023, Udlændinge- og Integrationsministeriet (Telf tan-nazzjonalità Daniża), C‑689/21, EU:C:2023:626, punt 30).

37      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li huwa leġittimu li Stat Membru jkun irid jipproteġi r-relazzjoni partikolari ta’ solidarjetà u ta’ lealtà bejnu u bejn iċ-ċittadini tiegħu kif ukoll ir-reċiproċità tad-drittijiet u tad-dmirijiet, li huma l-bażi tar-rabta ta’ nazzjonalità (sentenzi tat-2 ta’ Marzu 2010, Rottmann, C‑135/08, EU:C:2010:104, punt 51, kif ukoll tal-5 ta’ Settembru 2023, Udlændinge- og Integrationsministeriet (Telf tan-nazzjonalità Daniża), C‑689/21, EU:C:2023:626, punt 31).

38      Fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni li huwa għandu li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet għall-kisba u għat-telf tan-nazzjonalità tiegħu, huwa daqstant leġittimu li Stat Membru jqis li pluralità ta’ nazzjonalitajiet għandha tiġi evitata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2022, Wiener Landesregierung (Revoka ta’ assigurazzjoni ta’ naturalizzazzjoni), C‑118/20, EU:C:2022:34, punt 54).

39      F’dan il-każ, konformement mal-Artikolu 25(1) tal-iStAG, iċ-ċittadini Ġermaniżi jitilfu n-nazzjonalità tagħhom meta jiksbu volontarjament in-nazzjonalità ta’ ċerti pajjiżi terzi. Din id-dispożizzjoni tippreċiża, barra minn hekk, li t-telf tan-nazzjonalità Ġermaniża ma jseħħx meta ċittadin Ġermaniż jikseb, b’mod partikolari, in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor. Hekk kif indika l-Gvern Ġermaniż, din id-dispożizzjoni hija essenzjalment intiża sabiex tipprevjeni l-pluralità ta’ nazzjonalitajiet.

40      Il-leġittimità, bħala prinċipju, ta’ dan l-għan hija kkorroborata kemm fl-Artikolu 7(1)(a) tal-Konvenzjoni dwar in-Nazzjonalità li jgħid li Stat kontraenti ma jistax jistabbilixxi fid-dritt nazzjonali tiegħu t-telf tan-nazzjonalità tiegħu ipso jure jew fuq inizjattiva tiegħu, ħlief, b’mod partikolari, fil-każ ta’ ksib volontarju ta’ nazzjonalità oħra, kif ukoll fl-Artikolu 15(b) ta’ din il-konvenzjoni li jgħid li d-dispożizzjonijiet tagħha ma jillimitawx id-dritt ta’ kull Stat kontraenti li jiddetermina fid-dritt nazzjonali tiegħu jekk il-kisba jew iż-żamma tan-nazzjonalità tiegħu hijiex suġġetta għar-rinunzja jew għat-telf ta’ nazzjonalità oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2022, Wiener Landesregierung (Revoka ta’ assigurazzjoni ta’ naturalizzazzjoni), C‑118/20, EU:C:2022:34, punt 55).

41      Minn dan isegwi li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix, bħala prinċipju, li, f’sitwazzjonijiet bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 25(1) tal-iStAG, Stat Membru jipprevedi, għal raġunijiet ta’ interess ġenerali, it-telf ipso jure tan-nazzjonalità tiegħu meta ċ-ċittadini tiegħu jiksbu volontarjament in-nazzjonalità ta’ pajjiż terz, anki jekk dan it-telf iwassal, għall-persuni kkonċernati, għat-telf tal-istatus tagħhom ta’ ċittadin tal-Unjoni.

42      Madankollu, fid-dawl tal-importanza li d-dritt primarju tal-Unjoni jagħti lill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni li, kif tfakkar fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, jikkostitwixxi l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-qrati nazzjonali li għandhom jivverifikaw jekk it-telf tan-nazzjonalità tal-Istat Membru kkonċernat, meta dan iwassal għat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni u tad-drittijiet li jirriżultaw minnu, josservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-konsegwenzi tiegħu fuq is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata u, jekk ikun il-każ, fuq dik tal-membri tal-familja tiegħu, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tat-2 ta’ Marzu 2010, Rottmann, C‑135/08, EU:C:2010:104, punti 55 u 56, kif ukoll tal-5 ta’ Settembru 2023, Udlændinge- og Integrationsministeriet (Telf tan-nazzjonalità Daniża), C‑689/21, EU:C:2023:626, punt 38).

43      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-telf ipso jure tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru jkun inkompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità jekk ir-regoli nazzjonali rilevanti ma jippermettux, fl-ebda mument, eżami individwali tal-konsegwenzi li dan it-telf jinvolvi għall-persuni kkonċernati fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tat-12 ta’ Marzu 2019, Tjebbes et, C‑221/17, EU:C:2019:189, punt 41, kif ukoll tal-5 ta’ Settembru 2023, Udlændinge- og Integrationsministeriet (Telf tan-nazzjonalità Daniża), C‑689/21, EU:C:2023:626, punt 39).

44      Minn dan isegwi li, f’sitwazzjonijiet fejn it-telf tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru jseħħ ipso jure fil-każ ta’ ksib volontarju tan-nazzjonalità ta’ pajjiż terz u jwassal għat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali kompetenti għandhom ikunu f’pożizzjoni li jeżaminaw il-konsegwenzi ta’ dan it-telf ta’ nazzjonalità u, jekk ikun il-każ, li jippermettu li dawn il-persuni jżommu n-nazzjonalità tagħhom jew li jirkuprawha ex tunc (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Marzu 2019, Tjebbes et, C‑221/17, EU:C:2019:189, punt 42, kif ukoll tal-5 ta’ Settembru 2023, Udlændinge- og Integrationsministeriet (Telf tan-nazzjonalità Daniża), C‑689/21, EU:C:2023:626, punt 40).

45      F’dan il-każ, mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-Artikolu 25(2) tal-iStAG jipprevedi li kull persuna li, qabel ma tikseb in-nazzjonalità ta’ pajjiż terz, tkun kisbet, fuq applikazzjoni tagħha, l-awtorizzazzjoni bil-miktub tal-awtorità kompetenti sabiex iżżomm in-nazzjonalità tagħha ma titlifx in-nazzjonalità tagħha. Din id-dispożizzjoni tistipula wkoll li, waqt l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar tali applikazzjoni, għandu jkun hemm ibbilanċjar tal-interessi pubbliċi u privati.

46      Hekk kif osserva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix, bħala prinċipju, li Stat Membru jipprevedi li l-eżami individwali, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-konsegwenzi li jirriżultaw, għall-persuni kkonċernati, mit-telf tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni jitwettaq fil-kuntest speċifiku ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, bħal dik prevista fl-imsemmi Artikolu 25(2).

47      Dan espost, sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li ċ-ċittadini tal-Unjoni jisiltu mill-Artikolu 20 TFUE, huwa importanti li din il-proċedura tippermetti effettivament li dan l-eżami individwali tal-proporzjonalità jseħħ konformement ma’ dak li jeżiġi dan l-artikolu kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha.

48      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tindika li, fil-kuntest tal-imsemmija proċedura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, il-prassi tal-awtoritajiet amministrattivi, ikkorroborata mill-ġurisprudenza nazzjonali, tikkonsisti f’li ma jiġux eżaminati l-konsegwenzi, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, tat-telf tan-nazzjonalità Ġermaniża tal-persuna kkonċernata, meta dan it-telf iwassal għat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni. Fil-fatt, l-awtorizzazzjoni għaż-żamma tan-nazzjonalità Ġermaniża tingħata biss meta jkun hemm interess partikolari għall-kisba tan-nazzjonalità ta’ pajjiż terz.

49      Issa, f’sitwazzjoni fejn l-awtoritajiet kompetenti ma jwettqux dan l-eżami ta’ proporzjonalità jew fejn ma jirriżultax b’mod ċar mill-motivi li jinsabu fid-deċiżjoni ta’ dawn l-awtoritajiet, ibbażata fuq l-Artikolu 25(2) tal-iStAG, li l-imsemmi eżami seħħ, hija l-qorti nazzjonali, eventwalment adita, li għandha twettaq l-istess eżami jew li tiżgura li dan jitwettaq mill-imsemmija awtoritajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2023, Udlændinge- og Integrationsministeriet (Telf tan-nazzjonalità Daniża), C-689/21, EU:C:2023:626, punt 53).

50      L-eżami inkwistjoni għandu jinkludi evalwazzjoni tas-sitwazzjoni individwali tal-persuna kkonċernata, kif ukoll tas-sitwazzjoni tal-familja tagħha, sabiex jiġi ddeterminat jekk it-telf tan-nazzjonalità Ġermaniża, meta dan jinvolvi t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, għandux konsegwenzi li jaffettwaw b’mod sproporzjonat, meta mqabbla mal-għan imfittex mil-leġiżlatur nazzjonali, l-iżvilupp normali tal-ħajja tal-familja u professjonali tagħha, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. Tali konsegwenzi ma jistgħux ikunu ipotetiċi jew possibbli (sentenzi tat-12 ta’ Marzu 2019, Tjebbes et, C‑221/17, EU:C:2019:189, punt 44, kif ukoll tal-5 ta’ Settembru 2023, Udlændinge- og Integrationsministeriet (Telf tan-nazzjonalità Daniża), C‑689/21, EU:C:2023:626, punt 54).

51      Fil-kuntest ta’ dan l-eżami ta’ proporzjonalità, huma, b’mod partikolari, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u, jekk ikun il-każ, il-qrati nazzjonali li għandhom jiżguraw li tali telf ta’ nazzjonalità huwa konformi mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li l-osservanza tagħhom hija żgurata mill-Qorti tal-Ġustizzja, u, b’mod partikolari, mad-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja, kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta. Dan l-artikolu għandu jinqara, jekk ikun il-każ, flimkien mal-obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tal-wild, irrikonoxxut fl-Artikolu 24(2) tal-Karta (sentenzi tat-12 ta’ Marzu 2019, Tjebbes et, C‑221/17, EU:C:2019:189, punt 45, kif ukoll tal-5 ta’ Settembru 2023, Udlændinge- og Integrationsministeriet (Telf tan-nazzjonalità Daniża), C‑689/21, EU:C:2023:626, punt 55).

52      Fit-tieni lok, mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-Artikolu 25(2) tal-iStAG jeżiġi li l-persuna kkonċernata ma tkunx kisbet in-nazzjonalità ta’ pajjiż terz qabel ma titlob u, jekk ikun il-każ, tikseb, iż-żamma tan-nazzjonalità Ġermaniża.

53      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Istati Membri jistgħu jeżiġu, f’isem il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li titressaq talba għaż-żamma tan-nazzjonalità titressaq quddiem l-awtoritajiet kompetenti fil-limiti ta’ terminu raġonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2023, Udlændinge- og Integrationsministeriet (Telf tan-nazzjonalità Daniża), C‑689/21, EU:C:2023:626, punt 43).

54      Issa, bħalma jindika l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-rekwiżit li l-awtorizzazzjoni għaż-żamma tan-nazzjonalità għandha tintalab u tinkiseb qabel il-kisba tan-nazzjonalità ta’ pajjiż terz josserva l-limiti ta’ terminu raġonevoli peress li, fl-interess taċ-ċertezza legali li l-Istati Membri għandhom id-dritt li jipproteġu, dan ma jipprekludix, bħala prinċipju, lill-persuni kkonċernati milli jeżerċitaw b’mod effettiv id-drittijiet li jirriżultaw mill-istatus tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni, b’mod partikolari, id-dritt li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jwettqu eżami individwali tal-proporzjonalità tal-konsegwenzi tat-telf tan-nazzjonalità fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.

55      Għandu jiġi enfasizzat li, meta ċittadin Ġermaniż, li ma għandux in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor, ikun kiseb volontarjament in-nazzjonalità ta’ pajjiż terz filwaqt li jkun naqas, minn qabel, milli jsegwi l-proċedura prevista fl-Artikolu 25(2) tal-iStAG sabiex japplika għal u jikseb l-awtorizzazzjoni li jżomm in-nazzjonalità Ġermaniża, huwa leġittimu li jitqies li, fil-jum ta’ din il-kisba, huwa wera r-rieda tiegħu li ma jibqax ċittadin tal-Unjoni.

56      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fid-dawl tal-konsegwenzi serji kkawżati mit-telf tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru, meta dan iwassal għat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, għall-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet li ċ-ċittadin tal-Unjoni jislet mill-Artikolu 20 TFUE, ma jistgħux jitqiesu li huma konformi mal-prinċipju ta’ effettività dawk ir-regoli jew il-prattiki nazzjonali li jista’ jkollhom l-effett li jipprekludu lill-persuna esposta għal dan it-telf ta’ nazzjonalità milli titlob li n-natura proporzjonata tal-konsegwenzi tal-imsemmi telf tiġi eżaminata fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, u dan minħabba li t-terminu sabiex jintalab dan l-eżami jkun skada, f’sitwazzjoni fejn din il-persuna ma tkunx ġiet debitament informata la bid-dritt li titlob tali eżami u lanqas bit-terminu li fih hija kellha tressaq tali talba (sentenza tal-5 ta’ Settembru 2023, Udlændinge- og Integrationsministeriet (Telf tan-nazzjonalità Daniża), C‑689/21, EU:C:2023:626, punt 48).

57      Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ġewx debitament informati dwar il-proċedura prevista fl-Artikolu 25 tal-iStAG fis-seħħ b’effett mill-1 ta’ Jannar 2000, li, skont dik il-qorti, hija applikabbli għalihom. Għal dan l-għan, dik il-qorti għandha, minn naħa, tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, qabel din id-data, dawn il-persuni kellhom jirrinunzjaw għan-nazzjonalità Torka tagħhom sabiex jiksbu n-nazzjonalità Ġermaniża, li jissuġġerixxi li huma kienu informati mhux biss bil-leġiżlazzjoni Ġermaniża li kienet applikabbli għalihom qabel l-imsemmija data, iżda wkoll, minn tal-inqas, bil-fatt li din il-leġiżlazzjoni hija intiża li tevita l-pluralità ta’ nazzjonalitajiet u, b’mod partikolari, ma tippermettix, bħala prinċipju, il-kumulu tan-nazzjonalità Ġermaniża ma’ dik ta’ pajjiż terz.

58      Dik il-qorti għandha, min-naħa l-oħra, tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih l-imsemmija persuni talbu, u sussegwentement irkupraw, in-nazzjonalità Torka. Fil-fatt, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali fittxew li jżommu kemm in-nazzjonalità Torka kif ukoll in-nazzjonalità Ġermaniża konformement ma dak li kienet tippermetti l-verżjoni tal-Artikolu 25 tal-iStAG applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 1999 għaċ-ċittadini Ġermaniżi residenti fil-Ġermanja. Għalkemm, qabel din id-data, huma rrinunzjaw għan-nazzjonalità Torka tagħhom sabiex jiksbu n-nazzjonalità Ġermaniża, imbagħad talbu l-irkupru tan-nazzjonalità Torka tagħhom, il-qorti tar-rinviju tindika li din in-nazzjonalità tal-aħħar ingħatatilhom mill-ġdid wara l-imsemmija data.

59      F’dan ir-rigward, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑686/22 jindikaw li huma ma kellhom ebda raġuni sabiex jippreżentaw applikazzjoni għal awtorizzazzjoni minn qabel għaż-żamma tan-nazzjonalità Ġermaniża qabel ir-riforma tal-Artikolu 25 tal-iStAG u li, fi kwalunkwe każ, din ir-riforma ma ġietx spjegata jew ikkomunikata lilhom b’mod ċar.

60      Issa, f’tali sitwazzjoni, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, fid-dawl tal-konsegwenzi serji li t-telf tan-nazzjonalità Ġermaniża, li jwassal għat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, jinvolvi għall-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet li ċ-ċittadin tal-Unjoni jislet mill-Artikolu 20 TFUE, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kellhom jitqiegħdu f’pożizzjoni, eventwalment fil-kuntest ta’ sistema tranżitorja, li jibdew, b’mod effettiv, il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel prevista fl-Artikolu 25(2) tal-iStAG, sabiex iżommu n-nazzjonalità Ġermaniża.

61      Sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kinux f’pożizzjoni li jibbenefikaw effettivament minn din il-proċedura u minn eżami individwali tal-konsegwenzi tat-telf tan-nazzjonalità Ġermaniża fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll id-dati li fihom huma rkupraw in-nazzjonalità Torka. Fil-fatt, ma huwiex eskluż li, fis-sitwazzjonijiet fejn id-data tal-irkupru ta’ din in-nazzjonalità hija qrib l-1 ta’ Jannar 2000, li hija data tad-dħul fis-seħħ tar-riforma tal-proċedura prevista fl-Artikolu 25 tal-iStAG, dawn ir-rikorrenti sabu ruħhom f’sitwazzjoni fejn ma kienx possibbli għalihom li, fil-prattika, jużaw din il-proċedura peress li din tal-aħħar teżiġi li l-awtorizzazzjoni għaż-żamma tan-nazzjonalità Ġermaniża tintalab u tinkiseb qabel ma tinkiseb in-nazzjonalità ta’ pajjiż terz. F’tali każ, kuntrarjament għall-persuni li talbu li jiksbu n-nazzjonalità ta’ pajjiż terz wara din id-data, l-imsemmija rikorrenti ma setgħux japplikaw għaż-żamma tan-nazzjonalità Ġermaniża, u jistennew ir-risposta għaliha, qabel ma l-awtoritajiet tal-pajjiż terz ikkonċernat jilqgħu t-talba tagħhom.

62      Għandu jingħad ukoll li, jekk il-qorti tar-rinviju jkollha tikkonkludi li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ma tqegħdux f’pożizzjoni li jibdew, b’mod effettiv, il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għaż-żamma tan-nazzjonalità Ġermaniża prevista fl-Artikolu 25(2) tal-iStAG u li jibbenefikaw minn eżami individwali tal-konsegwenzi tat-telf tan-nazzjonalità Ġermaniża fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, tali eżami għandu jkun jista’ jitwettaq, b’mod inċidentali, fil-kuntest ta’ applikazzjoni, mill-persuna kkonċernata, għal dokument tal-ivvjaġġar jew għal kwalunkwe dokument ieħor li jiċċertifika n-nazzjonalità tagħha u, b’mod iktar ġenerali, fil-kuntest ta’ proċedura għall-konstatazzjoni tan-nazzjonalità, fejn l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu f’pożizzjoni, jekk ikun il-każ, li jippermettu l-irkupru ex tunc tan-nazzjonalità tal-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2019, Tjebbes et, C‑221/17, EU:C:2019:189, punt 42).

63      F’dan il-każ, tali eżami inċidentali bil-possibbiltà ta’ rkupru ex tunc tan-nazzjonalità Ġermaniża għandu jkun jista’ jitwettaq mill-qorti tar-rinviju fil-kawżi prinċipali, li jirrigwardaw rikorsi kontra deċiżjonijiet tal-Pulizija Amministrattiva li kkonstataw it-telf tan-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati u li ġew adottati fil-kuntest ta’ applikazzjonijiet għal dokumenti tal-ivvjaġġar jew ta’ proċeduri għall-konstatazzjoni tan-nazzjonalità.

64      Għandu jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li d-data rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-eżami tal-proporzjonalità tal-konsegwenzi tat-telf tan-nazzjonalità Ġermaniża fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni hija dik ta’ meta l-persuna kkonċernata kisbet jew irkuprat in-nazzjonalità ta’ pajjiż terz, peress li, konformement mal-Artikolu 25(1) tal-iStAG, il-mument li fih din in-nazzjonalità tinkiseb jew tiġi rkuprata jifforma parti integrali mill-kriterji leġittimi li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ddeterminat, u li fuqhom jiddependi t-telf tan-nazzjonalità tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2023, Udlændinge- og Integrationsministeriet (Telf tan-nazzjonalità Daniża), C‑689/21, EU:C:2023:626, punt 56).

65      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li, fil-każ ta’ ksib volontarju ta’ nazzjonalità ta’ pajjiż terz, in-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru tintilef ipso jure, li jwassal, għall-persuni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor, għat-telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, sakemm dawn il-persuni ma jiksbux l-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, wara eżami individwali tas-sitwazzjoni tal-imsemmija persuni li jieħu inkunsiderazzjoni l-ibbilanċjar tal-interessi pubbliċi u privati inkwistjoni, sabiex iżommu n-nazzjonalità tagħhom qabel il-kisba tan-nazzjonalità ta’ pajjiż terz. Madankollu, il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni hija suġġetta għall-fatt, minn naħa, li l-istess persuni kellhom aċċess effettiv, fil-limiti ta’ terminu raġonevoli, għall-proċedura għaż-żamma tan-nazzjonalità prevista minn din il-leġiżlazzjoni, u kienu ġew debitament informati b’din il-proċedura u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija proċedura tinkludi eżami, mill-awtoritajiet kompetenti, tal-proporzjonalità tal-konsegwenzi tat-telf ta’ din in-nazzjonalità fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. Fin-nuqqas ta’ dan, kemm dawn l-awtoritajiet kif ukoll il-qrati eventwalment aditi għandhom ikunu f’pożizzjoni li jwettqu tali eżami, b’mod inċidentali, fil-kuntest ta’ applikazzjoni, mill-persuni kkonċernati, għal dokument tal-ivvjaġġar jew għal kwalunkwe dokument ieħor li jiċċertifika n-nazzjonalità tagħhom jew, jekk ikun il-każ, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ konstatazzjoni tat-telf tan-nazzjonalità, fejn għandu jkun possibbli li l-imsemmija awtoritajiet jew qrati jkunu f’pożizzjoni li jordnaw, jekk ikun il-każ, l-irkupru ex tunc ta’ din in-nazzjonalità.

 Fuq lispejjeż

66      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li, fil-każ ta’ ksib volontarju ta’ nazzjonalità ta’ pajjiż terz, in-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru tintilef ipso jure, li jwassal, għall-persuni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor, għat-telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, sakemm dawn il-persuni ma jiksbux l-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, wara eżami individwali tas-sitwazzjoni tal-imsemmija persuni li jieħu inkunsiderazzjoni l-ibbilanċjar tal-interessi pubbliċi u privati inkwistjoni, sabiex iżommu n-nazzjonalità tagħhom qabel il-kisba tan-nazzjonalità ta’ pajjiż terz. Madankollu, il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni hija suġġetta għall-fatt, minn naħa, li l-istess persuni kellhom aċċess effettiv, fil-limiti ta’ terminu raġonevoli, għall-proċedura għaż-żamma tan-nazzjonalità prevista minn din il-leġiżlazzjoni, u kienu ġew debitament informati b’din il-proċedura u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija proċedura tinkludi eżami, mill-awtoritajiet kompetenti, tal-proporzjonalità tal-konsegwenzi tat-telf ta’ din in-nazzjonalità fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. Fin-nuqqas ta’ dan, kemm dawn l-awtoritajiet kif ukoll il-qrati eventwalment aditi għandhom ikunu f’pożizzjoni li jwettqu tali eżami, b’mod inċidentali, fil-kuntest ta’ applikazzjoni, mill-persuni kkonċernati, għal dokument tal-ivvjaġġar jew għal kwalunkwe dokument ieħor li jiċċertifika n-nazzjonalità tagħhom jew, jekk ikun il-każ, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ konstatazzjoni tat-telf tan-nazzjonalità, fejn għandu jkun possibbli li l-imsemmija awtoritajiet jew qrati jkunu f’pożizzjoni li jordnaw, jekk ikun il-każ, l-irkupru ex tunc ta’ din in-nazzjonalità.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.