Language of document : ECLI:EU:C:2024:370

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Seduta Plenarja)

30 ta’ April 2024 (*)

Werrej


Il kuntest ġuridiku

Id dritt talUnjoni

Il leġiżlazzjoni ġenerali dwar ilprotezzjoni ta’ data personali

– IdDirettiva 95/46/KE

– IlGDPR

Il leġiżlazzjoni settorjali dwar ilprotezzjoni taddata personali

– IdDirettiva 2002/58

– IdDirettiva (UE) 2016/680

Il leġiżlazzjoni dwar ilprotezzjoni taddrittijiet talproprjetà intellettwali

Id dritt Franċiż

Il KPI

Id Digriet Nru 2010-236

Il Kodiċi talPosta u talKomunikazzjonijiet Elettroniċi

Il kawża prinċipali u ddomandi preliminari

Fuq id domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq l eżistenza ta’ ġustifikazzjoni taħt lArtikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 għallaċċess ta’ awtorità pubblika għal data dwar lidentità ċivili li tikkorrispondi għal indirizz IP miżmum millfornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għallfinijiet talġlieda kontra lkontrafazzjoni mwettqa online

Fuq ir rekwiżiti marbuta maż-żamma taddata dwar lidentità ċivili u lindirizzi IP korrispondenti millfornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi

Fuq ir rekwiżiti marbuta malaċċess għaddata dwar lidentità ċivili li tikkorrispondi għal indirizz IP miżmum millfornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi

Fuq ir rekwiżit ta’ stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti qabel laċċess minn awtorità pubblika għal data dwar lidentità ċivili li tikkorrispondi għal indirizz IP

Fuq ir rekwiżiti relatati malkundizzjonijiet sostantivi u proċedurali kif ukoll malgaranziji kontra rriskji ta’ abbuż kif ukoll kontra kull aċċess u kull użu illegali ta’ din id-data imposti fuq laċċess minn awtorità pubblika għal data dwar lidentità ċivili li tikkorrispondi għal indirizz IP

Fuq l ispejjeż


“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58/KE – Kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Protezzjoni – Artikoli 5 u 15(1) – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7, 8, 11 u 52(1) – Leġiżlazzjoni nazzjonali intiża li tiġġieled, permezz tal-azzjoni ta’ awtorità pubblika, il-kontrafazzjoni mwettqa fuq l-internet – Proċedura magħrufa bħala ta’ ‘risposta gradwata’ – Ġbir minn qabel minn organi tad-detenturi ta’ drittijiet tal-indirizzi IP użati għal attivitajiet li jippreġudikaw id-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati – Aċċess sussegwenti tal-awtorità pubblika inkarigata mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati għal data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għal dawn l-indirizzi IP miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Ipproċessar awtomatizzat – Rekwiżit ta’ stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti – Kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali – Garanziji kontra r-riskji ta’ abbuż u kontra kwalunkwe aċċess għal din id-data u kwalunkwe użu illegali tagħha”

Fil-Kawża C‑470/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (France) (il-Kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Lulju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Lulju 2021, fil-proċedura

La Quadrature du Net,

Fédération des fournisseurs d’accès à Internet associatifs,

Franciliens.net,

French Data Network

vs

Premier ministre,

Ministre de la Culture,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Seduta Plenarja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal (Relatriċi), K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Regan, T. von Danwitz, F. Biltgen, N. Piçarra u Z. Csehi, Presidenti tal-Awla, M. Ilešič, J.-C. Bonichot, S. Rodin, P. G. Xuereb, L. S. Rossi, I. Jarukaitis, A. Kumin, N. Jääskinen, N. Wahl, I. Ziemele, J. Passer, D. Gratsias, M. L. Arastey Sahún u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistraturi: V. Giacobbo u M. Krausenböck, amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑5 ta’ Lulju 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal La Quadrature du Net, la Fédération des fournisseurs d’accès à Internet associatifs, Franciliens.net u French Data Network, minn A. Fitzjean Ó Cobhthaigh, avocat,

–        għall-Gvern Franċiż, minn A. Daniel, A.-L. Desjonquères u J. Illouz, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. F. Kronborg u V. Pasternak Jørgensen, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Estonjan, minn M. Kriisa, bħala aġent,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

–        għall-Gvern Svediż, minn H. Shev, bħala aġent,

–        għall-Gvern Norveġiż, minn F. Bergsjø, S.-E. Dahl, J. T. Kaasin u P. Wennerås, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. L. Kalėda, H. Kranenborg, P.-J. Loewenthal u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑27 ta’ Ottubru 2022,

wara li rat id-digriet tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali tat‑23 ta’ Marzu 2023 u wara s-seduta tal‑15 ta’ Mejju 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal La Quadrature du Net, la Fédération des fournisseurs d’accès à Internet associatifs, Franciliens.net u French Data Network, minn A. Fitzjean Ó Cobhthaigh, avocat,

–        għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard, J. Illouz u T. Stéhelin, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn T. Suchá u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. F. Kronborg u C. A.-S. Maertens, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Estonjan, minn M. Kriisa, bħala aġent,

–        għall-Irlanda, minn M. Browne, Chief State Solicitor, kif ukoll minn A. Joyce u D. O’Reilly, bħala aġenti, assistiti minn D. Fenelly, BL,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ċiprijott, minn I. Neophytou, bħala aġent,

–        għall-Gvern Latvjan, minn J. Davidoviča u K. Pommere, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn E. M. M. Besselink, K. Bultermann u A. Hanje, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn A. Laine u H. Leppo, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svediż, minn F.-D. Göransson u H. Shev, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Norveġiż, minn S.-E. Dahl u P. Wennerås, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. L. Kalėda, H. Kranenborg, P.-J. Loewenthal u F. Wilman, bħala aġenti,

–        għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, minn V. Bernardo, C.-A. Marnier, D. Nardi u M. Pollmann, bħala aġenti,

–        għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà, minn A. Bourka, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑28 ta’ Settembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika(Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), kif emendata mid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 9) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2002/58), moqrija fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, La Quadrature du Net, il-Fédération des fournisseurs d’accès à Internet associatifs, Franciliens.net u French Data Network, assoċjazzjonijiet, u, min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru (Franza) u l-ministre de la Culture (il-Ministru għall-Kultura, Franza) dwar il-legalità tad-décret no 2010-236, du 5 mars 2010, relatif au traitement automatisé de données à caractère personnel autorisé par l’article L. 331-29 du code de la propriété intellectuelle dénommé “Système de gestion des mesures pour la protection des œuvres sur internet” (JORF no 56 du 7 mars 2010, texte no 19) (id-Digriet Nru 2010-236, tal‑5 ta’ Marzu 2010 dwar l-ipproċessar awtomatizzat ta’ data ta’ natura personali awtorizzat mill-Artikolu L. 331-29 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali msejjaħ “Sistema ta’ ġestjoni tal-miżuri għall-protezzjoni tax-xogħlijiet fuq l-internet” (JORF tas‑7 ta’ Marzu 2010, test Nru 19)), kif emendat bid-décret no 2017-924, du 6 mai 2017, relatif à la gestion des droits d’auteur et des droits voisins par un organisme de gestion de droits et modifiant le code de la propriété intellectuelle (JORF no 109 du 10 mai 2017, texte no 176) (id-Digriet Nru 2017-924, tas‑6 ta’ Mejju 2017 dwar il-ġestjoni tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati minn organu ta’ ġestjoni tad-drittijiet u li jemenda l-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali (JORF Nru 109 tal‑10 ta’ Mejju 2017, test Nru 176)) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 2010-236”).

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 Illeġiżlazzjoni ġenerali dwar ilprotezzjoni ta’ data personali

–       IdDirettiva 95/46/KE

3        Filwaqt li huwa inkluż fit-Taqsima II, intitolata “Kriterji biex l-Ipproċessar ta’ Data Jkun Leġittimu”, tal-Kapitolu II tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), l-Artikolu 7 tagħha huwa fformulat kif ġej:

“Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista’ jkun ipproċessat biss jekk:

[...]

f)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ l-interessi leġittimi li jkollu l-kontrollur jew il-parti terza jew il-partijiet li lilhom ikun żvelat id-data, ħlief meta dawk l-interessi jiġu wara l-interessi ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jkun jeħtiġilhom protezzjoni skond l-Artikolu 1(1).”

4        L-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva kien jipprovdi:

“Stati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislattivi biex jirrestrinġu l-finijiet ta’ l-obbligazzjonijiet u d-drittijiet provduti fl-Artikoli 6(1), 10, 11(1), 12 u 21 meta dawn ir-restrizzjonijiet jikkostitwixxu miżuri meħtieġa li jagħtu protezzjoni lil:

[...]

g)      il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ l-oħrajn.”

–       IlGDPR

5        L-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2), intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni materjali”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati, u għall-ipproċessar għajr b’mezzi awtomatizzati ta’ data personali li tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar.

2.      Dan ir-Regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali:

[...]

d)      mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika.”

6        L-Artikolu 4 tal-GDPR, intitolat “Definizzjonijiet”, jippreċiża:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

1)      ‘data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); [...]

2)      ‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

[...] ”

7        L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Legalità tal-ipproċessar”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

[...]

f)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza, għajr meta dawn l-interessi jingħelbu mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jeħtieġu l-protezzjoni tad-data personali [...]

Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu m’għandux japplika għall-ipproċessar li jitwettaq minn awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.”

8        L-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali”, jipprevedi, fil-paragrafu 2(e) u (f) tiegħu, li l-projbizzjoni tal-ipproċessar ta’ ċertu tip ta’ data personali li tiżvela b’mod partikolari data relatata mal-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika ma tapplikax meta l-ipproċessar ikun jirrigwarda data personali li b’mod ċar tkun saret pubblika mill-persuna kkonċernata jew tkun neċessarja b’mod partikolari għall-konstatazzjoni, għall-eżerċizzju jew għad-difiża ta’ dritt legali.

9        L-Artikolu 23 tal-GDPR, intitolat “Restrizzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur jew il-proċessur tad-data tista’ tirrestrinġi permezz ta’ miżura leġiżlattiva l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikoli 12 sa 22 u l-Artikolu 34, kif ukoll l-Artikolu 5 sakemm id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu mad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 12 sa 22, meta tali restrizzjoni tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u hija miżura meħtieġa u proporzjonata f'soċjetà demokratika għas-salvagwardja ta’:

[...]

i)      il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew id-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni oħrajn;

j)      l-infurzar ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili.”

 Illeġiżlazzjoni settorjali dwar ilprotezzjoni taddata personali

–       IdDirettiva 2002/58

10      Il-premessi 2, 6, 7, 11, 26 u 30 tad-Direttiva 2002/58 jistipulaw:

“(2)      Din id-Direttiva tfittex li tirrispetta d-drittijiet fondamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-[Karta]. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ tad-drittijiet stipulati fl-Artikoli 7 u 8 ta’ dik il-Karta.

[...]

(6)      L-Internet qed jaqleb l-istrutturi tas-suq tradizzjonali billi jipprovdi infrastruttura komuni u globali għat-twassil ta’ medda wiesgħa ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika. Servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament fuq l-Internet jiftħu possibiltajiet ġodda għal min jużahom iżda ukoll riskji ġodda għal data personali u privatezza tagħhom.

(7)      Fil-każ ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni, dispożizzjonijiet speċifiċi legali, regolatorji, u tekniċi għandhom jsiru sabiex ikunu protetti d-drittijiet u libertajiet fondamentali tal-persuni naturali u l-interessi leġittimi tal-persuni legali, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità li dejjem tiżdied tal-ħażna awtomatizzata u l-ipproċessar tad-data li għandha x’taqsam ma’ l-abbonati u l-utenti.

[...]

(11)      Bħad-Direttiva [95/46], din id-Direttiva ma tittrattax kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fondamentali relatati ma’ l-attivitajiet li mhumiex regolati mil-liġi Komunitarja. Għaldaqstant ma tbiddilx il-bilanċ eżistenti bejn id-dritt ta’ l-individwu għall-privatezza u l-possibbiltà għall-Istati Membri li jieħdu l-miżuri msemmijin fl-Artikolu 15(1) ta’ din id-Direttiva, neċessarji għall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika, difiża, sigurta ta’ l-Istat (li tinkludi il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-attivitajiet huma ta’ materja ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-infurzar tal-liġi kriminali. Konsegwenetement, din id-Direttiva ma taffetwax l-abbiltà ta’ l-Istati Membri li jwettqu l-interċezzjoni legali ta’ komunikazzjoni elettronika, jew li jieħdu miżuri oħra, jekk neċessarji għal kwalunkwe wieħed minn dawn l-iskopijiet u skond il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali[, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950], hekk kif interpretati mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dawn il-miżuri għandhom jkunu xierqa, strettament proporzjonali għall-iskop maħsub kif ukoll neċessarji fi ħdan soċjetà demokratika u għandhom ikunu suġġetti għal salvagwardji adegwati skond il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali.

[...]

(26)      Id-data dwar l-abbonati li tiġi pproċessata fin-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi biex jiġu stabbiliti l-konnessjonijiet u tiġi trasmessa l-informazzjoni ikun fihom informazzjoni dwar il-ħajja privata ta’ persuni naturali u jikkonċernaw id-dritt għar-rispett tal-korrispondenza tagħhom jew jikkonċernaw l-interessi leġittimi ta’ persuni legali. Dawn id-data jistgħu jinħażnu biss sa fejn huma meħtieġa g]all-provvista tas-servizz u għall-iskop tal-kontijiet u l-ħlas ta’ l-interkonnessjoni, u għal żmien limitat. Kull proċessar ulterjuri ta’ dawn id-data [...] jista jiġi permess biss jekk l-abbonat ikun qabel ma’ dan fuq il-ba\i ta’ informazzjoni preċiża u sħiħa mogħtija mill-provditur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli pubblikament dwar it-tipi ta’ proċessar ulterjuri li bi ħsiebu jagħmel u dwar id-dritt ta’ l-abbonat li ma jagħtix jew li jirtira l-kunsens tiegħu/tag]ha għal tali proċessar. [...]

[...]

(30)      Sistemi għall-provvista ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika għandhom ikunu diżinjati li jillimitaw l-ammont ta’ data personali meħtieġa għall-minimu strettament possibbli. [...]”

11      Skont il-kliem tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Definizzjonijiet”:

“[...]

Għandhom jgħoddu wkoll dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)      ‘utent’ tfisser kull persuna naturali li tuża servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, għal skopijiet privati jew ta’ negozju, mingħajr ma tkun neċessarjament abbonat għal dan is-servizz;

b)      ‘Data dwar it-traffiku’ tfisser data pproċessata għall-iskopijiet li titntbagħat komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjoni elettonika jew biex isir il-kont għaliha;

c)      ‘data dwar is-sit’ tfisser data pproċessata f’network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jindikaw il-pożizzjoni ġeografika tat-tagħmir terminali ta’ utent ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament;

[...]”

12      L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Servizzi kkonċernati” jipprevedi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali f’konnessjoni mal-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi pubblikament disponibbli f’networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi fil-Komunità, inklużi n-networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi li jsostnu l-ġbir tad-data u l-apparat ta’ identifikazzjoni.”

13      Skont l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Konfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u data dwar it-traffiku relatati permezz ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, permezz ta’ liġijiet nazzjonali. Partikolarment għandhom jipprojbixxu s-smigħ, tapping, ħażna jew modi oħrajn ta’ interċettazzjoni jew sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatati minn persuni minbarra l-utenti, mingħajr il-kunsens ta’ l-utenti konċernati, ħlief fejn legalment awtorizzati li jagħmlu dan skond l-Artikolu 15(1). Dan il-paragrafu m’għandux jipprevjeni l-ħażna teknika li hija meħtieġa biex tintbagħat komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-prinċijpju tal-kunfidenzjalità.

[...]

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħżin tal-informazzjoni, jew il-ksib tal-aċċess għall-informazzjoni diġà maħżuna, fit-tagħmir terminali ta’ abbonat jew utent huma permessi biss bil-kondizzjoni li l-abbonat jew l-utent ikkonċernati ikunu taw il-kunsens tagħhom, wara li jkunu ġew provduti b’informazzjoni ċara u komprensiva skont id-Direttiva [95/46], dwar inter alia l-għanijiet tal-ipproċessar mill-kontrollur tad-data. [...]”

14      L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Data dwar it-traffiku”, jipprovdi:

“1.      Data dwar it-traffiku relatata ma’ abbonati u utenti ipproċessat u maħżun mill-provditur ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament għandhom jitħassru jew jiġu magħmula anonimi meta m’għadhomx aktar meħtieġa għall-iskop tat-trasmissjoni ta’ komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2, 3 u 5 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 15(1).

2.      Data dwar it-traffiku meħtieġa biex isiru l-kontijiet ta’ l-abbonati u ħlasijiet ta’ interkonnessjoni jistgħu jiġu proċessati. Tali proċessar huwa permissibbli biss sat-tmiem tal-perjodu li fih il-kont jista’ legalment jiġi kkontestat jew il-ħlas jiġi persegwit.

3.      Għall-iskopijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jew għall-provvista ta’ servizzi bil-valur miżjud, il-fornitur ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament jista’ jipproċessa d-data msemmija fil-paragrafu 1 sa fejn u għaż-żmien meħtieġ għal dawn is-servizzi jew kummerċjalizzazzjoni, jekk l-abbonat jew l-utent li għalih tirrelata d-data jkun ta l-kunsens tiegħu/tagħha minn qabel. L-utenti jew abbonati għandhom jingħataw il-possibilità li jirtiraw il-kunsens tagħhom għall-ipproċessar tad-data dwar it-traffiku f’kull ħin.

[...]

5.      L-ipproċessar ta’ data dwar it-traffiku, skond il-paragrafi 1, 2, 3 u 4, għandu jiġi ristrett għal persuni li jaġixxu taħt l-awtorità ta’ provdituri ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament li jġestixxu l-kontijiet jew it-traffiku, talbiet tal-klijenti, skoperta tal-frodi, marketing ta’ komunikazzjoni elettronika kummerċjali jew il-provvista ta’ servizz bil-valur miżjud, u għandu jkun ristrett għal dak li huwa meħtieġ għall-iskop ta’ dawn l-attivitajiet.”

15      L-Artikolu 15(1) ta’ din id-Direttiva 2002/58, intitolat “Applikazzjoni ta’ xi disposizzjonijet tad-Direttiva [95/46]” jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id- Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva [95/46]. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta' l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għarr-raġunijiet stabbiliti f'dan il-paragrafu. Il-miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tat-[TUE].

[...]

2.      Id-dispożizzjonijiet fil-Kaptilu III dwar rimedji ġudizzjarji, risponsabbilità u sanzjonijiet tad-Direttiva 95/46/KE għandhom jgħoddu fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u fir-rigward tad-drittijiet individwali derivati minn din id-Direttiva.

[...]”

–       IdDirettiva (UE) 2016/680

16      L-Artikolu 1 tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016, L 119, p. 89, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 6), intitolat “Suġġett u objettivi”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli rigward il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika.”

17      L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

7.      ‘awtorità kompetenti’ tfisser:

a)      kwalunkwe awtorità kompetenti pubblika għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta' theddid għas-sigurtà pubblika; jew

b)      kwalunkwe korp jew entità oħra fdata mil-liġi ta’ Stat Membru li teżerċita awtorità pubblika u setgħat pubbliċi għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika;

[...]”

 Illeġiżlazzjoni dwar ilprotezzjoni taddrittijiet talproprjetà intellettwali

18      L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad‑29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32), intitolat “Id-dritt għall-informazzjoni”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, fil-kuntest tal-passi legali li jikkonċernaw il-kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali u b’risposta għal talba ġustifikata u proporżjonali ta’ min għamel il-klejm, l-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarji jistgħu jordnaw li l-informazzjoni fuq n-networks ta’ l-oriġini u tad-distribuzzjoni ta’ l-oġġetti jew is-servizzi li tikser id-dritt għall-proprjetà intellettwali għandu jkun pprovdut mill-kontravventur [...]:

2.      L-informazzjoni li għaliha hemm riferenza fil-paragrafu 1, kif inhu xieraq, tikkomprendi:

a)      l-ismijiet u l-indirizzi tal-produtturi, manifatturi, distributuri, fornituri u detenturi oħra ta’ qabel ta’ l-oġġetti jew servizzi, kif wkoll intiżi l-bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut;

[...]

3.      Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet statutorji oħra li:

a)      jagħtu d-detentur tad-dritt biex jirċievi aktar informazzjoni sħiħa;

b)      jiggvernaw l-użu tal-passi legali ċivili jew kriminali ta’ l-informazzjoni kkomunikata skond dan l-Artikolu;

ċ)      jiggvernaw ir-risponsabbilità ta’ l-użu ħażin tad-dritt ta’ l-informazzjon; jew

d)      jaffordjaw opportunità li jirrifjutaw li jipprovdu l-informazzjoni li tisforza il-persuna li għaliha saret riferenza fil-paragrafu 1 biex tammetti l-parteċipazzjoni tiegħu/tagħha jew ta’ familjari viċini li kien hemm kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali; jew

e)      jiggverna il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tas-sorsi ta’ l-informazzjoni jew il-proċessar tad-data personali.”

 Iddritt Franċiż

 IlKPI

19      L-Artikolu L. 331-12 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali, fil-verżjoni applikabbli fid-data tad-deċiżjoni li hija kkontestata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“KPI”), jipprovdi:

“L-Haute autorité pour la diffusion des œuvres et la protection des droits sur internet [(Hadopi)] [l-Awtorità Għolja għad-Distribuzzjoni tax-Xogħlijiet u għall-Protezzjoni tad-Drittijiet fuq l-Internet, iktar ’il quddiem il-“Hadopi”] hija awtorità pubblika indipendenti. [...]”

20      L-Artikolu L. 331-13 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“Il-[Hadopi] għandu jkollha:

1°      Missjoni ta’ inkoraġġiment għall-iżvilupp tal-offerta legali u ta’ osservazzjoni tal-użu legali u illegali tax-xogħlijiet u oġġetti li magħhom hemm marbutin drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati fuq in-networks ta’ komunikazzjoni elettronika użati għall-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku;

2°      Missjoni ta’ protezzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet kontra ksur ta’ dawn id-drittijiet imwettqa fuq in-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi użati għall-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku;

[...]”

21      Skont l-Artikolu L. 331-15 tal-imsemmi kodiċi:

“Il-[Hadopi] hija komposta minn kulleġġ u minn kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet. [...]

[...]

Fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom, il-membri tal-kulleġġ u tal-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet ma jirċievu struzzjonijiet minn ebda awtorità.”

22      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu L. 331-17 tal-istess kodiċi jipprovdi:

“Il-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet hija responsabbli biex tieħu l-miżuri previsti fl-Artikolu L. 331-25.”

23      Skont l-Artikolu L. 331-21 tal-KPI:

“Għall-eżerċizzju, mill-kummissjoni għall-protezzjonijiet tad-drittijiet, tas-setgħat tagħha, il-[Hadopi] għandha membri tal-persunal tas-servizz pubbliku li jkunu ħadu ġurament, li jkunu awtorizzati mill-President [tagħha] taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti b’digriet mill-Conseil d’État [il-Kunsill tal-Istat, Franza]. [...]

Il-membri tal-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-membri tal-persunal imsemmija fl-ewwel paragrafu jirċievu t-talbiet imressqa lill-imsemmija kummissjoni fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu L. 331-24. Huma għandhom jipproċedu bl-eżami tal-fatti.

Huma jistgħu, minħabba l-ħtiġijiet tal-proċedura, jiksbu kull dokument, indipendentement mill-għamla tiegħu, inkluż id-data maħżuna u pproċessata mill-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi skont l-Artikolu L. 34-1 tal-code des postes et des communications électroniques [il-Kodiċi tal-Posta u tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi] u mill-fornituri msemmija fl-Artikolu 6(I)(1) u 6(I)(2) tal-loi no 2004-575 du 21 juin 2004 pour la confiance dans l’économie numérique [il-Liġi Nru 2004-575 tal‑21 ta’ Ġunju 2004 għall-Fiduċja fl-Ekonomija Diġitali].

Huma jistgħu jiksbu wkoll kopja tad-dokumenti msemmija fil-paragrafu preċedenti.

Huma jistgħu, b’mod partikolari, jiksbu mingħand l-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi l-identità, l-indirizz postali, l-indirizz elettroniku u d-dettalji telefoniċi tal-abbonat li l-aċċess tiegħu għas-servizzi ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku ntuża għal skopijiet ta’ riproduzzjoni, ta’ rappreżentazzjoni, ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni jew ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet jew ta’ oġġetti protetti mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarji tad-drittijiet meta din l-awtorizzazzjoni tkun meħtieġa.”

24      L-Artikolu L. 331-24 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“Il-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet taġixxi fuq talba tal-membri tal-persunal li jkunu ħadu ġurament u ġew approvati [...] li jinħatru minn:

–        l-organi ta’ difiża professjonali kkostitwiti regolarment;

–        l-organi ta’ ġestjoni kollettiva;

–        iċ-Ċentru nazzjonali taċ-ċinema u tal-immaġni li tiċċaqlaq.

Il-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tista’ taġixxi wkoll fuq il-bażi ta’ informazzjoni li tiġi trażmessa lilha mill-prokuratur tar-Repubblika.

Hija ma tistax tkun adita b’fatti li jmorru lura iktar minn sitt xhur.”

25      Skont l-Artikolu L. 331-25 tal-imsemmi kodiċi, li jirregola l-proċedura magħrufa bħala ta’ “risposta gradwata”:

“Meta tiġi adita b’fatti li huma suxxettibbli li jikkostitwixxu nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ddefinit fl-Artikolu L. 336-3 [tal-KPI], il-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tista’ tibgħat lill-abbonat [...] rakkomandazzjoni li tfakkru bid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 336-3, li tordnalu jirrispetta l-obbligu li dawn jiddefinixxu u jwissuh bis-sanzjonijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikoli L. 335-7 u L. 335-71. Din ir-rakkomandazzjoni tinforma wkoll lill-abbonat fuq l-offerta legali ta’ kontenut kulturali online, fuq l-eżistenza ta’ mezzi ta’ sigurtà li jippermettu li jipprevjenu n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ddefinit fl-Artikolu L. 336-3 kif ukoll fuq il-perikli għall-iżvilupp tal-ħolqien artistiku u għall-ekonomija tas-settur kulturali tal-prattiki li ma jirrispettawx id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati.

F’każ ta’ ripetizzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, f’terminu ta’ sitt xhur minn meta tintbagħat ir-rakkomandazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu, ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ddefinit fl-Artikolu L. 336-3, il-kummissjoni tista’ tibgħat rakkomandazzjoni ġdida li tinkludi l-istess informazzjoni bħal dik preċedenti bil-mezz elettroniku [...]. Hija għandha takkumpanja din ir-rakkomandazzjoni b’ittra li tintbagħat b’firma bħala prova jew kull mezz ieħor xieraq li jistabbilixxi l-prova tad-data tal-preżentazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni.

Ir-rakkomandazzjonijiet mibgħuta fuq il-bażi ta’ dan l-artikolu jsemmu d-data u l-ħin li fihom ġew ikkonstatati l-fatti li jistgħu jikkostitwixxu nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ddefinit fl-Artikolu L. 336-3. Min-naħa l-oħra, dawn ma jiżvelawx il-kontenut tax-xogħlijiet jew tal-oġġetti protetti kkonċernati b’dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Huma jindikaw id-dettalji telefoniċi, postali u elettroniċi fejn id-destinatarju tagħhom jista’ jibgħat, jekk jixtieq, osservazzjonijiet lill-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet u jikseb, jekk jagħmel talba espressa għal dan il-għan, preċiżazzjonijiet fuq il-kontenut tax-xogħlijiet jew tal-oġġetti protetti kkonċernati bin-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li bih ikun akkużat.”

26      L-Artikolu L. 331-29 tal-KPI jipprovdi li:

“Huwa permess il-ħolqien, mill-[Hadopi], ta’ pproċessar awtomatizzat ta’ data ta’ natura personali li tirrigwarda lill-persuni li huma s-suġġett ta’ proċedura fil-kuntest ta’ din it-taqsima.

Dan l-ipproċessar għandu bħala għan l-implimentazzjoni, mill-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet, tal-miżuri previsti f’din it-taqsima, tal-atti kollha ta’ proċedura relatati u tal-modalitajiet biex jiġu informati l-organi ta’ difiża professjonali u tal-organi ta’ ġestjoni kollettiva tal-eventwali talbiet lill-awtorità ġudizzjarja kif ukoll tan-notifiki previsti fil-ħames paragrafu tal-Artikolu L. 335-7.

Id-digriet [...] jistabbilixxi l-modalitajiet għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu. Huwa jippreċiża b’mod partikolari:

–        il-kategoriji ta’ data rreġistrata u ż-żmien ta’ żamma tagħha;

–        id-destinatarji awtorizzati li jirċievu l-komunikazzjoni ta’ din id-data, b’mod partikolari l-persuni li l-attività tagħhom hija li joffru aċċess għas-servizzi ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku;

–        il-kundizzjonijiet li taħthom il-persuni kkonċernati jistgħu jeżerċitaw, quddiem il-[Hadopi], id-dritt ta’ aċċess tagħhom għad-data li tikkonċernahom [...]”

27      L-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu L. 335-2 ta’ dan il-kodiċi jippreċiża:

“Kull edizzjoni ta’ kitbiet, ta’ kompożizzjoni mużikali, ta’ disinn, ta’ pittura jew ta’ kull produzzjoni oħra, stampata jew imnaqqxa kompletament jew parzjalment, bi ksur tal-liġijiet u r-regolamenti dwar il-proprjetà tal-awturi, tikkostitwixxi kontrafazzjoni u kull ksur jikkostitwixxi delitt.

Il-kontrafazzjoni fi Franza ta’ xogħlijiet ippubblikati fi Franza jew f’pajjiż barrani hija punibbli bi tliet snin priġunerija u multa ta’ EUR 300 000.”

28      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu L. 335-4 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

“Kull iffissar, riproduzzjoni, komunikazzjoni jew tqegħid għad-dispożizzjoni għall-pubbliku, bi ħlas jew mingħajr ħlas, jew kull xandir televiżiv ta’ servizz, ta’ fonogramma, ta’ vidjogramma, ta’ programm jew ta’ pubblikazzjoni tal-istampa, imwettqa mingħajr l-awtorizzazzjoni, fejn din tkun meħtieġa, tal-artist interpretu, tal-produttur ta’ fonogrammi jew ta’ vidjogrammi, tal-impriża ta’ komunikazzjoni awdjoviżiva, tal-editur tal-istampa jew tal-aġenzija tal-istampa, huwa punibbli bi tliet snin priġunerija jew multa ta’ EUR 300 000.”

29      L-Artikolu L. 335-7 tal-KPI jistabbilixxi r-regoli dwar l-impożizzjoni fuq il-persuni ħatja tar-reati kriminali msemmija b’mod partikolari fl-Artikoli L. 335-2 u L. 335-4 ta’ dan il-kodiċi tal-piena addizzjonali ta’ sospensjoni tal-aċċess għal servizz ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku għal tul massimu ta’ sena.

30      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 335-7-1 tal-imsemmi kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“Għall-kontravenzjonijiet tal-ħames klassi previsti minn dan il-kodiċi, meta dan ikun previst mir-regolament, il-piena addizzjonali ddefinita fl-Artikolu L. 335-7 tista’ tiġi imposta skont l-istess modalitajiet, fil-każ ta’ negliġenza grossolana, kontra l-persuna li għandha d-dritt ta’ aċċess għal servizz ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku li lilha l-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet, skont l-Artikolu L. 331-25, tkun indirizzat minn qabel, permezz ta’ ittra li tintbagħat b’firma bħala prova jew kull mezz ieħor xieraq li jistabbilixxi l-prova tad-data tal-preżentazzjoni, rakkomandazzjoni sabiex timplimenta metodu ta’ sigurtà tal-aċċess tagħha għall-internet.”

31      Skont l-Artikolu L. 336-3 tal-istess kodiċi:

“Il-persuna li għandha dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku għandha l-obbligu li tiżgura li dan l-aċċess ma jkunx użat għal finijiet ta’ riproduzzjoni, ta’ rappreżentazzjoni, ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni jew ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet jew ta’ oġġetti protetti mid-drittijiet tal-awtur jew minn drittijiet relatati mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarji […] meta din tkun meħtieġa.

In-nuqqas, tal-persuna li għandha dritt ta’ aċċess, milli twettaq l-obbligu ddefinit fl-ewwel paragrafu ma għandux l-effett li jwassal għar-responsabbiltà kriminali tal-persuna kkonċernata […].”

32      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu R. 331-37 tal-KPI jipprevedi:

“L-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi [...] u l-fornituri [...] huma obbligati jikkomunikaw, b’interkonnessjoni mal-ipproċessar awtomatizzat tad-data ta’ natura personali msemmija fl-Artikolu L. 331-29 jew bl-użu ta’ mezz ta’ reġistrazzjoni li jiżgura l-integrità u s-sigurtà tagħhom, id-data ta’ natura personali u l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 tal-Anness tad-décret [Digriet Nru 2010-236] f’terminu ta’ tmint ijiem wara t-trażmissjoni mill-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet, tad-data teknika neċessarja għall-identifikazzjoni tal-abbonat li l-aċċess tiegħu għas-servizzi ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku ntuża għal skopijiet ta’ riproduzzjoni, ta’ rappreżentazzjoni, ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni jew ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet jew oġġetti protetti mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarji tad-drittijiet [...] meta dan ikun meħtieġ.”

33      Skont l-Artikolu R. 331-40 ta’ dan il-kodiċi:

“Meta, fi żmien sena mill-preżentazzjoni tar-rakkomandazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu L. 335-7-1, il-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tiġi adita b’fatti ġodda li jistgħu jikkostitwixxu negliġenza grossolata ddefinita fl-Artikolu R. 335-5, hija għandha tinforma lill-abbonat, b’ittra li tintbagħat b’firma bħala prova, li dawn il-fatti jistgħu jagħtu lok għal prosekuzzjoni. Din l-ittra tistieden lill-persuna kkonċernata tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha f’terminu ta’ ħmistax-il ġurnata. Din tispeċifika li l-persuna kkonċernata tista’, fl-istess terminu, titlob seduta skont l-Artikolu L. 331-21-1 u li għandha d-dritt li tiġi assistita minn avukat. L-ittra tistedinha wkoll tispeċifika l-ispejjeż tal-familja u r-riżorsi tagħha.

Il-kummissjoni tista’, fuq inizjattiva tagħha stess, issejjaħ lill-persuna kkonċernata għal seduta. L-ittra ta’ konvokazzjoni għandha tispeċifika li hija għandha d-dritt li tkun assistita minn avukat.”

34      L-Artikolu R. 335-5 tal-KPI jipprovdi:

“I. – Jikkostitwixxi negliġenza grossolana, issanzjonat b’multa prevista għall-kontravvenzjonijiet tal-ħames klassi, il-fatt, mingħajr motiv leġittimu, li l-persuna li għandha dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku, meta jkunu jinsabu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fit-Taqsima II:

1°      Jew ma implimentatx metodu ta’ sigurtà għal dan l-aċċess;

2°      Jew naqset mid-diliġenza fl-implimentazzjoni ta’ dan il-metodu.

II. – Id-dispożizzjonijiet tat-taqsima I huma applikabbli biss meta jkunu ssodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

1°      Skont l-Artikolu L. 331-25 u bil-modi stabbiliti minn dan l-artikolu, il-persuna li għandha dritt ta’ aċċess tkun ingħatat rakkomandazzjoni mill-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet biex timplimenta metodu ta’ sigurtà tal-aċċess tagħha li jippermetti li jiġi prekluż l-użu mill-ġdid tal-aċċess għal finijiet ta’ riproduzzjoni, ta’ rappreżentazzjoni jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni jew ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet jew oġġetti protetti minn drittijiet tal-awtur jew minn drittijiet relatati mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarji tad-drittijiet […] meta din tkun meħtieġa;

2°      Fis-sena ta’ wara l-preżentazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni, dan l-aċċess jintuża mill-ġdid għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ din it-Taqsima II.”

35      B’effett mill‑1 ta’ Jannar 2022, b’applikazzjoni tal-loi no 2021-1382, du 25 octobre 2021, relative à la régulation et à la protection de l’accès aux œuvres culturelles à l’ère numérique (JORF no 250, du 26 octobre 2021, texte no 2) (il-Liġi Nru 2021-1382 tal‑25 ta’ Ottubru 2021 dwar ir-regolamentazzjoni u l-protezzjoni tal-aċċess għax-xogħlijiet kulturali fl-era diġitali (JORF Nru 250, tas‑26 ta’ Ottubru 2021, test Nru 2), il-Hadopi ngħaqdet mal-Conseil supérieur de l’audiovisuel (CSA) (il-Kunsill Superjuri għall-Awdjoviżiv (KSA)), li huwa awtorità pubblika indipendenti oħra, u saru l-Autorité de régulation de la communication audiovisuelle et numérique (ARCOM) (l-Awtorità Regolatorja għall-Komunikazzjoni Awdjoviżiva u Diġitali (ARCOM)).

36      Il-proċedura ta’ risposta gradwata, imsemmija fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, baqgħet madankollu essenzjalment l-istess anki jekk minn issa ’l quddiem ma baqgħetx implimentata mill-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-Hadopi, li kienet komposta minn tliet membri maħtura rispettivament mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), il-Cour des comptes (il-Qorti tal-Awdituri, Franza) u l-Cour de cassation (il-Qorti ta’ Kassazzjoni, Franza), iżda minn żewġ membri tal-kulleġġ tal-ARCOM li wieħed minnhom jinħatar mill-Kunsill tal-Istat u l-ieħor mill-Qorti ta’ Kassazzjoni.

 IdDigriet Nru 2010-236

37      Id-Digriet Nru 2010-236, adottat b’mod partikolari abbażi tal-Artikolu L. 331-29 tal-KPI, jipprevedi, fl-Artikolu 1 tiegħu:

“L-ipproċessar ta’ data ta’ natura personali msejjaħ ‘Sistema ta’ ġestjoni tal-miżuri għall-protezzjoni tax-xogħlijiet fuq l-internet’ għandu bħala għan l-implimentazzjoni, mill-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-[Hadopi]:

1°      Tal-miżuri previsti mill-Ktieb III tal-parti leġiżlattiva tal-[KPI] (Titolu III, Kapitolu I, Taqsima 3(3)) u mill-Ktieb III tal-parti regolatorja tal-istess kodiċi (Titolu III, Kapitolu I, Taqsima 2(2));

2°      Tar-riferimenti lill-prosekutur pubbliku tar-Repubblika ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu l-ksur previst fl-Artikoli L. 335-2, L. 335-3, L. 335-4 u R. 335-5 tal-istess kodiċi kif ukoll tal-informazzjoni lill-organi ta’ difiża professjonali u tal-organi ta’ ġestjoni kollettiva ta’ dawn ir-riferimenti;

[...]”

38      L-Artikolu 4 ta’ dan id-digriet jipprovdi:

“I. – Għandhom aċċess dirett għad-data ta’ natura personali u għall-informazzjoni msemmija fl-anness ta’ dan id-digriet il-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku li jkunu ħadu ġurament li jkunu awtorizzati mill-President tal-[Hadopi] skont l-Artikolu L. 331-21 tal-[KPI] u l-membri tal-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 1.

II – L-operaturi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-prestatarji msemmija fit-Taqsima 2 tal-anness ta’ dan id-digriet huma destinatarji:

–        tad-data teknika meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-abbonat;

–        tar-rakkomandazzjonijiet previsti fl-Artikolu L. 331-25 tal-[KPI] bil-għan li dawn jintbagħtu b’mod elettroniku lill-abbonati tagħhom;

–        tal-elementi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-pieni komplementari ta’ sospensjoni tal-aċċess għal servizz ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku li jkun inġieb għall-konjizzjoni tal-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet mill-prosekutur pubbliku tar-Repubblika.

III – L-organi ta’ difiża professjonali u l-organi ta’ ġestjoni kollettiva huma destinatarji ta’ informazzjoni dwar ir-riferiment lill-prosekutur pubbliku tar-Repubblika.

IV – L-awtoritajiet ġudizzjarji huma destinatarji tal-proċessi verbali li jikkonstataw il-fatti li jistgħu jikkostitwixxu l-ksur previst fl-Artikoli L. 335-2, L. 335-3, L. 335-4, L. 335-7, R. 331-37, R. 331-38 u R. 335-5 tal-[KPI].

Ir-rekord kriminali awtomatizzat jiġi aġġornat bl-eżekuzzjoni tal-piena ta’ sospensjoni.”

39      L-Anness għall-imsemmi digriet jipprevedi:

“Id-data ta’ natura personali u informazzjoni rreġistrata fl-ipproċessar imsejjaħ ‘Sistema ta’ ġestjoni tal-miżuri għall-protezzjoni tax-xogħlijiet fuq l-internet’ hija s-segwenti:

1°      Data ta’ natura personali u informazzjoni provenjenti mill-organi ta’ difiża professjonali regolarment ikkostitwiti, mill-organi ta’ ġestjoni kollettiva, miċ-Ċentru nazzjonali taċ-ċinema u mill-immaġni animata kif ukoll dik provenjenti mill-prosekutur pubbliku tar-Repubblika:

Fir-rigward tal-fatti li jistgħu jikkostitwixxu nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ddefinit fl-Artikolu L. 336-3 tal-[KPI]:

Data u ħin tal-fatti;

Indirizz IP tal-abbonati kkonċernati;

Protokoll peer-to-peer użat;

Psewdonimu użat mill-abbonat;

Informazzjoni dwar ix-xogħlijiet jew oġġetti protetti kkonċernati mill-fatti;

Isem tal-fajl kif jidher fuq il-kompjuter tal-abbonat (jekk ikun il-każ);

Fornitur tal-aċċess għall-internet li miegħu kien sar l-abbonament għall-aċċess jew li pprovda r-riżorsa teknika IP.

[...]

2°      Data ta’ natura personali u informazzjoni dwar l-abbonat miġbura mingħand l-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi [...] u tal-prestatarji [...]:

Kunjom, ismijiet;

Indirizz postali u indirizz elettroniku;

Dettalji tat-telefon;

Indirizz tal-istallazzjoni telefonika tal-abbonat;

Fornitur tal-aċċess għall-internet, li juża r-riżorsi tekniċi tal-fornitur tal-aċċess imsemmi fil-paragrafu 1, li miegħu abbonat iffirma kuntratt; numru tal-fajl;

Data tal-bidu tas-sospensjoni tal-aċċess għal servizz ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku.

[...]”

 IlKodiċi talPosta u talKomunikazzjonijiet Elettroniċi

40      L-Artikolu L. 34-1, II bis tal-Kodiċi tal-Posta u tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi jipprovdi:

“L-operaturi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom iżommu:

1°      Għall-bżonnijiet tal-proċeduri kriminali, tal-prevenzjoni tat-theddid kontra s-sigurtà pubblika u tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, l-informazzjoni dwar l-identità ċivili tal-utent, sal-iskadenza ta’ terminu ta’ ħames snin b’effett minn tmiem il-validità tal-kuntratt tiegħu;

2°      Għall-istess finijiet bħal dawk imsemmija fis-subparagrafu 1 ta’ dan il-paragrafu IIa, l-informazzjoni l-oħra pprovduta mill-utent waqt l-iffirmar ta’ kuntratt jew waqt il-ħolqien ta’ kont kif ukoll l-informazzjoni dwar il-ħlas sal-iskadenza ta’ terminu ta’ sena b’effett minn tmiem il-validità tal-kuntratt tiegħu jew mill-għeluq tal-kont tiegħu;

3°      Għall-bżonnijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità u d-delinkwenza gravi, tal-prevenzjoni tat-theddid gravi kontra s-sigurtà pubblika u tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, id-data teknika li tippermetti li jiġi identifikat is-sors ta’ konnessjoni jew dawk li jirrigwardaw it-tagħmir terminali użat, sal-iskadenza ta’ terminu ta’ sena b’effett mill-konnessjoni jew mill-użu tat-tagħmir terminali.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

41      Peress li l-Premier ministre (il-Prim Ministru) ċaħad b’mod impliċitu t-talba tagħhom intiża għat-tħassir tad-Digriet Nru 2010-236, permezz ta’ rikors tat‑12 ta’ Awwissu 2019, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxew lill-Conseil d’État (France) (il-Kunsill tal-Istat, Franza) b’rikors intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni ta’ ċaħda impliċita. Huma sostnew, essenzjalment, li t-tielet sal-ħames paragrafu tal-Artikolu L. 331-21 tal-KPI, li jagħmel parti mill-bażi legali ta’ dan id-digriet, minn naħa, imur kontra d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata stabbilit mill-Kostituzzjoni Franċiża u, min-naħa l-oħra, jikser id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58 kif ukoll l-Artikoli 7, 8, 11 u 52 tal-Karta.

42      Fir-rigward tal-aspett tar-rikors dwar l-allegat ksur tal-Kostituzzjoni, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ressaq quddiem il-Conseil constitutionnel (il-Kunsill Kostituzzjonali, Franza) kwistjoni prijoritarja ta’ kostituzzjonalità.

43      Permezz tad-Deċiżjoni tiegħu Nru 2020-841 QPC tal‑20 ta’ Mejju 2020, La Quadrature du Net et (Dritt ta’ komunikazzjoni lill-Hadopi), il-Conseil constitutionnel (il-Kunsill Kostituzzjonali) iddikjara li t-tielet u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu L. 331–21 tal-KPI jmorru kontra l-Kostituzzjoni, iżda ddikjara li l-ħames paragrafu tal-imsemmi artikolu huwa konformi magħha bl-eċċezzjoni tal-kliem “b’mod partikolari” li jinsabu fih.

44      Fir-rigward tal-aspett tar-rikors dwar il-ksur allegat tad-dritt tal-Unjoni, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostnew, b’mod partikolari, li d-digriet Nru 2010-236 u d-dispożizzjonijiet li jikkostitwixxu l-bażi legali tiegħu jawtorizzaw l-aċċess għad-data ta’ konnessjoni b’mod sproporzjonat għall-ksur mhux gravi tad-drittijiet tal-awtur imwettaq fuq l-internet, mingħajr stħarriġ minn qabel min-naħa ta’ qorti jew awtorità li toffri l-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità. B’mod partikolari, dawn il-ksur ma jaqgħux taħt il-“kriminalità gravi” prevista mis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970).

45      F’dan ir-rigward, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ifakkar, minn naħa, li, permezz tas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8, 11, kif ukoll fid-dawl tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, ma jipprekludix miżuri leġiżlattivi li jipprevedu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, tal-ġlieda kontra l-kriminalità u tas-salvagwardja tas-sigurtà pubblika, iż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data li tirrigwarda l-identità ċivili tal-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi. Għaldaqstant, fir-rigward tad-data dwar l-identità ċivili tal-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, tali żamma hija possibbli, mingħajr ebda terminu partikolari, għal finijiet ta’ investigazzjoni, ta’ identifikazzjoni u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali b’mod ġenerali. Id-Direttiva 2002/58 lanqas ma tipprekludi aċċess għal din id-data għal tali finijiet.

46      Minn dan il-qorti tar-rinviju tiddeduċi li, fir-rigward tal-aċċess għal data dwar l-identità ċivili tal-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, il-motiv tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali bbażat fuq il-fatt li d-Digriet Nru 2010-236 huwa illegali sa fejn ġie adottat fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-ksur mhux gravi għandu jiġi miċħud.

47      Hija tfakkar, sussegwentement, li, permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8, 11, u fid-dawl tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-protezzjoni u s-sigurtà tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni, b’mod partikolari l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma, mingħajr ma tissuġġetta l-imsemmi aċċess għal stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn awtorità amministrattiva indipendenti.

48      Il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment, b’mod iktar speċifiku, għall-punt 120 ta’ din is-sentenza, li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika li huwa essenzjali li tali aċċess għad-data miżmuma jkun, bħala prinċipju, ħlief f’każijiet urġenti debitament iġġustifikati, suġġett għar-rekwiżit ta’ stħarriġ minn qabel imwettaq jew minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti, u li d-deċiżjoni ta’ din il-qorti jew ta’ din l-entità tingħata fuq talba motivata minn dawn l-awtoritajiet imressqa, b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ prevenzjoni, ta’ identifikazzjoni jew ta’ prosekuzzjoni kriminali.

49      Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret dan ir-rekwiżit fis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791), fir-rigward tal-ġbir f’ħin reali ta’ data ta’ konnessjoni mis-servizzi ta’ ġbir ta’ informazzjoni, kif ukoll fis-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152), fir-rigward tal-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali għad-data ta’ konnessjoni.

50      Il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li, sa mill-ħolqien tagħha fl‑2009, il-Hadopi bagħtet iktar minn 12.7 miljun rakkomandazzjoni lill-persuni li għandhom abbonament skont il-proċedura ta’ risposta gradwata prevista fl-Artikolu L 331-25 tal-KPI, li fosthom 827 791 matul is-sena 2019 biss. Dan jimplika li, biex isir dan, il-membri tal-persunal tal-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-Hadopi neċessarjament ġabru, kull sena, numru kunsiderevoli ta’ data dwar l-identità ċivili tal-utenti kkonċernati. Hija ssostni li, fid-dawl tal-volum ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, l-issuġġettar ta’ dan il-ġbir għal stħarriġ minn qabel jirriskja li jirrendi impossibbli l-implimentazzjoni tal-imsemmija rakkomandazzjonijiet.

51      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Id-data tal-identità ċivili li tikkorrispondi ma’ indirizz IP tinsab fost id-data relatata mat-traffiku jew ta’ lokalizzazzjoni suġġetta, bħala prinċipju, għall-obbligu ta’ stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti li għandha setgħa vinkolanti?

2)      Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, u fid-dawl tas-sensittività dgħajfa tad-data relatata mal-identità ċivili tal-utenti, inkluża l-informazzjoni ta’ kuntatt tagħhom, id-Direttiva [2002/58], moqrija fid-dawl tal- [Karta], għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ġbir ta’ din l-informazzjoni li tikkorrispondi mal-indirizz IP tal-utenti minn awtorità amministrattiva, mingħajr stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti li għandha setgħa vinkolanti?

3)      Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, u fid-dawl tas-sensittività dgħajfa tad-data relatata mal-identità ċivili, tal-fatt li hija biss din id-data li tista’ tinġabar, unikament għall-bżonnijiet ta’ prevenzjoni ta’ ksur ta’ obbligi ddefiniti b’mod preċiż, limitattiv u restrittiv mid-dritt nazzjonali, u tal-fatt li stħarriġ sistematiku tal-aċċess għad-data ta’ kull utent minn qorti jew minn entità amministrattiva terza li għandha setgħa vinkolanti huwa tali li jikkomprometti t-twettiq tal-missjoni ta’ servizz pubbliku fdata lill-awtorità amministrattiva u li hija stess hija indipendenti, id-Direttiva [2002/58] tipprekludi li dan l-istħarriġ jitwettaq skont metodi adattati, bħal stħarriġ awtomatizzat, jekk ikun il-każ taħt is-superviżjoni ta’ servizz intern għall-organu li għandu garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità fir-rigward tal-aġenti inkarigati li jwettqu tali ġbir?”

 Fuq iddomandi preliminari

52      Permezz tal-ewwel tliet domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza l-aċċess għal data, minn awtorità amministrattiva responsabbli mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati kontra ksur ta’ dawn id-drittijiet imwettqa fuq l-internet, miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku, dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi mal-indirizzi IP miġbura minn qabel minn organi tad-detenturi ta’ drittijiet, sabiex din l-awtorità pubblika tkun tista’ tidentifika l-proprjetarji ta’ dawn l-indirizzi, użati għal attivitajiet li jistgħu jikkostitwixxu tali ksur, u tista’ tieħu, skont il-każ, miżuri fil-konfront tagħhom, mingħajr ma dan l-aċċess ikun suġġett għar-rekwiżit ta’ stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti.

 Osservazzjonijiet preliminari

53      Fil-kawża prinċipali, hemm inkwistjoni żewġ sistemi ta’ pproċessar ta’ data personali distinti u suċċessivi li jseħħu fil-kuntest tal-attivitajiet tal-Hadopi, awtorità pubblika indipendenti, li l-funzjoni tagħha tikkonsisti, b’mod partikolari, skont l-Artikolu L. 331-13 tal-KPI, fil-protezzjoni tax-xogħlijiet u tal-oġġetti koperti mid-drittijiet tal-awtur jew minn drittijiet relatati kontra ksur ta’ dawn id-drittijiet imwettaq fin-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi użati għall-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku.

54      L-ewwel attività ta’ pproċessar, li titwettaq fil-bidu minn membri tal-persunal li jkunu ħadu ġurament u ġew approvati ta’ organi tad-detenturi tad-drittijiet, tiżvolġi f’żewġ stadji. Inizjalment, indirizzi IP li jidhru li ntużaw għal attivitajiet li jistgħu jikkostitwixxu ksur ta’ drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet relatati jinġabru minn networks peer-to-peer. Sussegwentement, sett ta’ data personali u ta’ informazzjoni jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ Hadopi, fil-forma ta’ proċessi verbali. Din id-data hija, skont il-lista li tinsab fil-punt 1 tal-anness tad-Digriet Nru 2010-236, id-data u l-ħin tal-fatti, l-indirizz IP tal-abbonati kkonċernati, il-protokoll peer-to-peer użat, il-psewdonimu użat mill-abbonat, l-informazzjoni dwar ix-xogħlijiet jew oġġetti protetti kkonċernati mill-fatti, l-isem tal-fajl kif jidher fuq il-kompjuter tal-abbonat (jekk ikun il-każ), u l-fornitur tal-aċċess għall-internet li miegħu kien sar l-abbonament għall-aċċess jew li pprovda r-riżorsa teknika IP.

55      It-tieni attività ta’ pproċessar, imwettaq sussegwentement mill-fornituri ta’ aċċess għall-internet fuq talba tal-Hadopi, tiżvolġi ukoll f’żewġ stadji. Inizjalment, l-indirizzi IP miġbura minn qabel jitqabblu mad-detenturi ta’ dawn l-indirizzi. Sussegwentement, sett ta’ data personali u ta’ informazzjoni dwar l-imsemmija detenturi, li essenzjalment jirrigwarda l-identità ċivili tagħhom, jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ din l-awtorità pubblika. Din id-data hija, skont il-lista li tinsab fil-punt 2 tal-Anness tad-Digriet Nru 2010-236, essenzjalment, il-kunjom u l-ismijiet, l-indirizz postali u l-indirizzi elettroniċi, id-dettalji tat-telefon kif ukoll l-indirizz tal-installazzjoni telefonika tal-abbonat.

56      Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, l-Artikolu L. 331-21 tal-KPI jipprevedi, fil-ħames paragrafu tiegħu, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mid-deċiżjoni tal-Conseil constitutionnel (il-Qorti Kostituzzjonali) imsemmija fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, li l-membri tal-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-Hadopi u l-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku li jkunu ħadu ġurament ta’ din l-awtorità awtorizzati mill-president tagħha, jistgħu jiksbu mingħand l-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi l-identità, l-indirizz postali, l-indirizz elettroniku u d-dettalji tat-telefon tal-abbonat li l-aċċess tagħhom għal servizzi ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku ġie użat għal finijiet ta’ riproduzzjoni, ta’ rappreżentazzjoni, ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni jew ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet jew ta’ oġġetti protetti mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet meta din tkun meħtieġa.

57      Dawn id-differenti sistemi ta’ pproċessar ta’ data personali huma intiżi sabiex jippermettu lill-Hadopi tadotta, fir-rigward tad-detenturi tal-indirizzi IP identifikati b’dan il-mod, il-miżuri previsti fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva magħrufa bħala ta’ “risposta gradwata” irregolata mill-Artikolu L. 331-25 tal-KPI. Dawn il-miżuri huma, qabel kollox, it-trażmissjoni ta’ “rakkomandazzjonijiet”, li huma simili għal twissijiet; sussegwentement, fil-każ ta’ riferiment lill-kummissjoni tad-drittijiet tal-Hadopi, f’terminu ta’ sena minn meta tintbagħat it-tieni rakkomandazzjoni, għal fatti li jistgħu jikkostitwixxu ripetizzjoni tal-ksur ikkonstatat, l-abbonat jiġi informat, skont l-Artikolu R. 331-40 tal-KPI, dwar il-fatt li l-fatti jistgħu jikkostitwixxu l-ksur magħruf bħala ta’ “negliġenza grossolana”, iddefinit fl-Artikolu R. 335-5 tal-KPI, li huwa kontravvenzjoni punibbli b’multa massima ta’ EUR 1 500 u ta’ EUR 3 000 fil-każ ta’ reċidiva; fl-aħħar nett, wara deliberazzjoni, ir-riferiment lill-prosekutur pubbliku ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu tali kontravenzjoni jew, jekk ikun il-każ, id-delitt ta’ kontrafazzjoni msemmi fl-Artikolu L. 335-2 tal-KPI jew fl-Artikolu L. 335-4 ta’ dan il-kodiċi, punibbli bi tliet snin priġunerija u b’multa ta’ EUR 300 000.

58      Madankollu, id-domandi li tagħmel il-qorti tar-rinviju jikkonċernaw biss l-ipproċessar sussegwenti deskritt fil-punt 55 ta’ din is-sentenza u mhux l-ipproċessar minn qabel li l-karatteristiċi essenzjali tiegħu ġew esposti fil-punt 54 tal-istess sentenza.

59      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, jekk il-ġbir minn qabel tal-indirizzi IP mill-organi tad-detenturi tad-drittijiet ikkonċernati kien imur kontra d-dritt tal-Unjoni, dan id-dritt ikun jipprekludi wkoll l-użu ta’ din id-data fil-kuntest tal-ipproċessar sussegwenti mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jikkonsisti fil-konnessjoni tal-imsemmija indirizzi mad-data dwar l-identità ċivili tad-detenturi ta’ dawn l-istess indirizzi.

60      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar qabelxejn li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-indirizzi IP jikkostitwixxu kemm data dwar it-traffiku skont id-Direttiva 2002/58 kif ukoll data personali skont il-GDPR (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2021, M.I.C.M., C‑597/19, EU:C:2021:492, punti 102 u 113 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

61      Madankollu, il-ġbir ta’ indirizzi IP pubbliċi u viżibbli minn kulħadd, minn aġenti ta’ organi tad-detenturi tad-drittijiet, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58, peress li tali pproċessar manifestament ma jseħħx “f’konnessjoni mal-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”, fis-sens tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva.

62      Għall-kuntrarju, tali ġbir ta’ indirizzi IP, awtorizzat, kif jirriżulta mill-atti tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, f’ċerti limiti kwantitattivi u taħt ċerti kundizzjonijiet, mill-Commission nationale de l’informatique et des libertés (CNIL) (il-Kummissjoni Nazzjonali tal-Informatika u tal-Libertajiet, Franza), għat-trażmissjoni tagħhom lill-Hadopi għall-użu eventwali tagħhom fi proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji ulterjuri intiżi għall-ġlieda kontra l-attivitajiet li jippreġudikaw id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati jikkostitwixxi “ipproċessar”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, li l-legalità tiegħu tiddependi mill-kundizzjonijiet li jistabbilixxi l-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1), ta’ dan ir-regolament, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita b’mod partikolari fis-sentenzi tas‑17 ta’ Ġunju 2021, M.I.C.M. (C‑597/19, EU:C:2021:492, punti 102 u 103), kif ukoll tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali) (C‑252/21, EU:C:2023:537, punti 106 sa 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Fir-rigward tal-ipproċessar sussegwenti deskritt fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, dan jaqa’, min-naħa tiegħu, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58 peress li dan iseħħ “f’konnessjoni mal-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”, fis-sens tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, sakemm id-data inkwistjoni tinkiseb mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi skont l-Artikolu L. 331-21 tal-KPI.

 Fuq leżistenza ta’ ġustifikazzjoni taħt lArtikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 għallaċċess ta’ awtorità pubblika għal data dwar lidentità ċivili li tikkorrispondi għal indirizz IP miżmum millfornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għallfinijiet talġlieda kontra lkontrafazzjoni mwettqa online

64      Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preliminari preċedenti, tqum il-kwistjoni dwar jekk, kif tistaqsi l-qorti tar-rinviju, il-limitazzjoni tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta inerenti għall-aċċess minn awtorità pubblika, bħall-Hadopi, għal data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għal indirizz IP li hija diġà għandha tistax tiġi ġġustifikata taħt l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58.

65      Issa, l-aċċess għal tali data personali jista’ jingħata biss sa fejn din tkun inżammet konformement mad-Direttiva 2002/58 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 29).

 Fuq irrekwiżiti marbuta maż-żamma taddata dwar lidentità ċivili u lindirizzi IP korrispondenti millfornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi

66      L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jippermetti lill-Istati Membri jintroduċu eċċezzjonijiet għall-obbligu ta’ prinċipju, stipulat fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, li tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità ta’ data personali u għall-obbligi korrispondenti, imsemmija b’mod partikolari fl-Artikoli 6 u 9 tal-imsemmija direttiva, meta tali limitazzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata, fi ħdan soċjetà demokratika, għas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, id-difiża u s-sigurtà pubblika, jew sabiex tiġi żgurata l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-identifikazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu, fost l-oħrajn, jadottaw miżuri leġiżlattivi li jipprevedu ż-żamma ta’ data għal perijodu limitat meta dan ikun iġġustifikat minn wieħed minn dawn il-motivi. Madankollu, il-possibbiltà ta’ deroga għad-drittijiet u għall-obbligi previsti fl-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58 ma tistax tiġġustifika li d-deroga mill-obbligu fuq livell ta’ prinċipju li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u tad-data relatata magħhom u, b’mod partikolari, mill-projbizzjoni li tinħażen din id-data, espliċitament prevista fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, issir ir-regola (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 110 u 111).

67      Miżura leġiżlattiva adottata skont din id-dispożizzjoni għandha, għaldaqstant, tissodisfa effettivament u strettament wieħed mill-għanijiet imsemmija fil-punt preċedenti, peress li l-lista tagħhom fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 hija ta’ natura eżawrjenti, u għandha tosserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fosthom il-prinċipju ta’ proporzjonalità, u tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-obbligu impost minn Stat Membru fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, li jżommu d-data dwar it-traffiku bil-għan li, jekk ikun il-każ, jingħata aċċess għaliha lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jqajjem kwistjonijiet dwar l-osservanza mhux biss tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, relatati, rispettivament mal-protezzjoni tal-ħajja privata u l-protezzjoni ta’ data personali, iżda wkoll dwar dik tal-Artikolu 11 tal-Karta, dwar il-libertà ta’ espressjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 112 u 113).

68      B’hekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-importanza kemm tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, iggarantit bl-Artikolu 7 tal-Karta, kif ukoll tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantit bl-Artikolu 8 tagħha, kif tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll id-dritt għal-libertà ta’ espressjoni, li huwa dritt fundamentali, iggarantit bl-Artikolu 11 tal-Karta, li jikkostitwixxi wieħed mill-pedamenti essenzjali ta’ soċjetà demokratika u pluralistika u huwa parti mill-valuri li fuqhom, skont l-Artikolu 2 TUE, hija bbażata l-Unjoni (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 114 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

69      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li ż-żamma ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni tikkostitwixxi, fiha nnifisha, minn naħa, deroga mill-projbizzjoni, prevista fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/58, applikabbli għal kwalunkwe persuna oħra, għajr l-utenti, ta’ ħażna ta’ din id-data u, min-naħa l-oħra, indħil fid-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, sanċiti bl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, irrispettivament minn jekk l-informazzjoni relatata mal-ħajja privata kkonċernata hijiex ta’ natura sensittiva jew le, jew jekk il-persuni kkonċernati jkunux sofrew eventwali inkonvenjenzi jew le minħabba dan l-indħil. Huwa wkoll irrilevanti jekk id-data miżmuma tintużax jew le sussegwentement, peress li l-aċċess għal tali data jikkostitwixxi, irrispettivament mill-użu li jsir minnha sussegwentement, indħil distint fid-drittijiet fundamentali msemmija fil-punt preċedenti (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 115 u 116).

70      Madankollu, sa fejn jippermetti lill-Istati Membri jintroduċu ċerti miżuri derogatorji, kif tfakkar fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jirrifletti l-fatt li d-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta ma jidhrux li huma prerogattivi assoluti, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, din taċċetta limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet, kemm-il darba dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti fil-liġi, jirrispettaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu neċessarji u effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 120 u 121).

71      F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm, formalment il-Hadopi hija awtorizzata taċċedi biss għad-data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għal indirizz IP, dan l-aċċess għandu l-partikolarità li jeżiġi, minn qabel, li ssir konnessjoni bejn l-indirizz IP u d-data ta’ identità ċivili tad-detentur tiegħu mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi kkonċernati. L-imsemmi aċċess jippreżumi għalhekk neċessarjament li l-fornituri jkollhom l-indirizzi IP kif ukoll id-data dwar l-identità tad-detenturi tagħhom.

72      Barra minn hekk, din l-awtorità pubblika tfittex li tikseb l-aċċess għal din id-data bl-uniku għan li tidentifika d-detentur ta’ indirizz IP li jkun intuża għal attivitajiet li jistgħu jippreġudikaw id-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati, peress li huwa qiegħed illegalment għad-dispożizzjoni fuq l-internet xogħlijiet protetti, bl-għan li dawn jitniżżlu minn persuni oħra. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-data dwar l-identità ċivili għandha titqies li hija marbuta mill-qrib kemm mal-indirizz IP kif ukoll mal-informazzjoni li għandha l-Hadopi dwar ix-xogħol li jkun tqiegħed għad-dispożizzjoni fuq l-internet.

73      Issa, tali kuntest partikolari ma jistax jiġi injorat fil-kuntest tal-eżami tal-eventwali ġustifikazzjoni ta’ miżura ta’ żamma ta’ data personali skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, interpretat fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta (ara, b’analoġija, Qorti EDB, 24 ta’ April 2018, Benedik vs Is‑Slovenja, CE:ECHR:2018:0424JUD006235714, punt 109).

74      Għaldaqstant, huwa fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw, fil-qasam taż-żamma tal-indirizzi IP, mill-imsemmi Artikolu 15(1), interpretat fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta, li għandha tiġi eżaminata eventwali ġustifikazzjoni tal-indħil fid-drittijiet fundamentali stabbiliti minn dawn l-aħħar artikoli tal-Karta li tinvolvi ż-żamma, mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku, tad-data li għaliha l-Hadopi għandha setgħa ta’ aċċess.

75      F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm, kif tfakkar fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, l-indirizzi IP jikkostitwixxu data dwar it-traffiku għall-finijiet tad-Direttiva 2002/58, dawn l-indirizzi huma distinti minn kategoriji oħra ta’ data dwar it-traffiku kif ukoll minn data dwar il-lokalizzazzjoni.

76      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-indirizzi IP jiġu ġġenerati indipendentement minn komunikazzjoni partikolari u jservu prinċipalment sabiex jidentifikaw, permezz tal-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, il-proprjetarju tat-tagħmir terminali li minnu tkun saret komunikazzjoni bl-internet. Għalhekk, fir-rigward tal-posta elettronika u tat-telefonija bl-internet, sa fejn jinżammu biss l-indirizzi IP tas-sors tal-komunikazzjoni u mhux dawk tad-destinatarju tagħha, dawn l-indirizzi ma jiżvelaw, bħala tali, ebda informazzjoni dwar persuni terzi li kellhom kuntatt mal-persuna li minnha oriġinat il-komunikazzjoni. Għaldaqstant, din il-kategorija ta’ data hija inqas sensittiva minn data oħra dwar it-traffiku (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 152).

77      Ċertament, fil-punt 156 tas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, minkejja l-konstatazzjoni ta’ sensittività inqas tal-indirizzi IP meta jservu esklużivament sabiex jidentifikaw l-utent ta’ servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jipprekludi li żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tal-indirizzi IP attribwiti lis-sors ta’ konnessjoni ssir għal għanijiet differenti mill-ġlieda kontra l-kriminalità serja, il-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika jew is-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha espressament, sabiex tasal għal din il-konklużjoni, fuq in-natura serja tal-indħil fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta li jista’ jinkludi tali żamma tal-indirizzi IP.

78      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fil-punt 153 tal-istess sentenza, li, sa fejn l-indirizzi IP jistgħu, b’mod partikolari, meta jintużaw sabiex “jiġi ttraċċat b’mod eżawrjenti l-proċess ta’ navigazzjoni ta’ utent tal-internet” u, sussegwentement, l-attività tiegħu online, jippermettu li jiġi stabbilit il-“profil iddettaljat” ta’ dan tal-aħħar, iż-żamma u l-analiżi tal-imsemmija indirizzi IP li jeħtieġ tali traċċament jikkostitwixxu ndħil serju fid-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, li jista’ wkoll ikollu effetti dissważivi fuq l-eżerċizzju mill-utenti tal-mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi tal-libertà ta’ espressjoni tagħhom iggarantita fl-Artikolu 11 tal-Karta.

79      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li kull żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ grupp, jekk ikun il-każ wiesa’, ta’ indirizzi IP statiċi u dinamiċi użati minn persuna f’perijodu partikolari, ma tikkostitwixxix neċessarjament indħil serju fid-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta.

80      F’dan ir-rigward, qabelxejn, il-kawżi li taw lok għas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791), kienu jirrigwardaw leġiżlazzjonijiet nazzjonali li kienu jinvolvu obbligu ta’ żamma ta’ sett ta’ data neċessarja għad-determinazzjoni tad-data, il-ħin, it-tul u t-tip tal-komunikazzjoni, jiġi identifikat il-materjal tal-komunikazzjoni użata kif ukoll jiġi llokalizzat it-tagħmir terminali u l-komunikazzjonijiet, id-data li tinkludi, fost l-oħrajn, b’mod partikolari, l-isem u l-indirizz tal-utent, in-numri tat-telefon ta’ min jagħmel it-telefonata u ta’ min jirċievi t-telefonata u l-indirizz IP għas-servizzi tal-internet. Barra minn hekk, fi tnejn minn dawn il-kawżi, il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali inkwistjoni kienu jidhru li jkopru wkoll id-data dwar it-trażmissjoni tal-komunikazzjonijiet elettroniċi permezz tan-networks, peress li dawn kienu jippermettu wkoll li tiġi identifikata n-natura tal-informazzjoni kkonsultata online (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 82 u 83).

81      Iż-żamma tal-indirizzi IP imwettqa fil-kuntest ta’ tali leġiżlazzjonijiet nazzjonali kienet għalhekk ta’ natura, fid-dawl ta’ data oħra li dawn il-leġiżlazzjonijiet kienu jimponu ż-żamma tagħha u tal-possibbiltà li din id-data differenti tiġi kkombinata, li tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-persuni li d-data tagħhom kienet ikkonċernata u, għaldaqstant, li twassal għal indħil serju fid-drittijiet fundamentali, stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u tad-data personali ta’ dawn il-persuni, kif ukoll fl-Artikolu 11 ta’ din il-Karta, dwar il-libertà ta’ espressjoni tagħhom.

82      Għall-kuntrarju, l-obbligu impost fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, permezz ta’ miżura leġiżlattiva skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, li jiżguraw iż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tal-indirizzi IP jista’, skont il-każ, jiġi ġġustifikat mill-għan tal-ġlieda kontra r-reati kriminali b’mod ġenerali meta jkun effettivament eskluż li din iż-żamma tista’ toħloq indħil serju fil-ħajja privata tal-persuna kkonċernata minħabba l-possibbiltà li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi fuqha permezz, b’mod partikolari, tal-konnessjoni ta’ dawn l-indirizzi IP ma’ sett ta’ data dwar it-traffiku jew dwar il-lokalizzazzjoni li tkun inżammet ukoll minn dawn il-fornituri.

83      Għaldaqstant, Stat Membru li jkollu l-intenzjoni li jimponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi obbligu ġġeneralizzat u mingħajr distinzjoni ta’ żamma tal-indirizzi IP sabiex jintlaħaq għan marbut mal-ġlieda kontra r-reati kriminali b’mod ġenerali għandu jiżgura ruħu li l-modalitajiet taż-żamma ta’ din id-data jkunu ta’ natura li jiggarantixxu li tiġi eskluża kull kombinazzjoni tal-imsemmija indirizzi IP ma’ data oħra miżmuma, fl-osservanza tad-Direttiva 2002/58, li tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-persuni li d-data tagħhom tinżamm b’dan il-mod.

84      Sabiex jiġi żgurat li tiġi eskluża tali kombinazzjoni ta’ data li tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-persuna inkwistjoni, il-modalitajiet ta’ żamma għandhom jikkonċernaw l-istruttura stess taż-żamma li, essenzjalment, għandha tiġi organizzata b’mod li tiggarantixxi separazzjoni effettivament stretta u sigura tal-kategoriji differenti ta’ data miżmuma.

85      F’dan ir-rigward, huwa minnu li huwa l-Istat Membru li għandu l-intenzjoni li jimponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi obbligu ġġeneralizzat u mingħajr distinzjoni ta’ żamma tal-indirizzi IP sabiex jintlaħaq għan marbut mal-ġlieda kontra r-reati kriminali b’mod ġenerali li għandu jipprevedi, fil-leġiżlazzjoni tiegħu, regoli ċari u preċiżi dwar l-imsemmija modalitajiet ta’ żamma, peress li dawn il-modalitajiet għandhom jissodisfaw rekwiżiti stretti. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi preċiżazzjonijiet dwar dawn il-modalitajiet.

86      Fl-ewwel lok, ir-regoli nazzjonali msemmija fil-punt preċedenti għandhom jiżguraw li kull kategorija ta’ data, inkluża d-data dwar l-identità ċivili u l-indirizzi IP, tinżamm b’mod kompletament separat mill-kategoriji l-oħra ta’ data miżmuma.

87      Fit-tieni lok, dawn ir-regoli għandhom jiggarantixxu li, fuq livell tekniku, is-separazzjoni tal-kategoriji differenti ta’ data miżmuma, b’mod partikolari d-data dwar l-identità ċivili, l-indirizzi IP, id-data differenti dwar it-traffiku minbarra l-indirizzi IP u d-data differenti dwar il-lokalizzazzjoni, tkun effettivament stretta u sigura, permezz ta’ apparat informatiku sigur u affidabbli.

88      Fit-tielet lok, sa fejn l-imsemmija regoli jipprevedu l-possibbiltà ta’ konnessjoni tal-indirizzi IP miżmuma mal-identità ċivili tal-persuna kkonċernata b’osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta, dawn għandhom jippermettu tali konnessjoni biss bl-użu ta’ proċess tekniku effiċjenti li ma jippreġudikax l-effettività tas-separazzjoni stretta u sigura ta’ dawn il-kategoriji ta’ data.

89      Fir-raba’ lok, l-affidabbiltà ta’ din is-separazzjoni stretta u sigura għandha tkun suġġetta għal kontroll regolari minn awtorità pubblika differenti minn dik li tfittex li tikseb l-aċċess għad-data personali miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

90      Sa fejn huma previsti, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, tali rekwiżiti stretti dwar il-modalitajiet ta’ żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tal-indirizzi IP u tad-data l-oħra miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, l-indħil li jirriżulta minn din iż-żamma tal-indirizzi IP ma jistax, minħabba l-istruttura stess tal-imsemmija żamma, jiġi kklassifikat bħala “serju”.

91      Fil-fatt, fil-każ fejn tali dispożittiv leġiżlattiv jiġi stabbilit, il-modalitajiet ta’ żamma tal-indirizzi IP preskritti b’dan il-mod jeskludu li din id-data tkun tista’ tiġi kkombinata ma’ data oħra miżmuma fl-osservanza tad-Direttiva 2002/58, li tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-persuna kkonċernata.

92      Konsegwentement, fil-preżenza ta’ dispożittiv leġiżlattiv li jissodisfa r-rekwiżiti esposti fil-punti 86 sa 89 ta’ din is-sentenza, li jiggarantixxu li l-ebda kombinazzjoni ta’ data ma tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-persuna inkwistjoni, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta, ma jipprekludix li l-Istat Membru kkonċernat jimponi obbligu ta’ żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tal-indirizzi IP għall-finijiet ta’ għan tal-ġlieda kontra r-reati kriminali b’mod ġenerali.

93      Fl-aħħar nett, tali dispożittiv leġiżlattiv għandu, kif jirriżulta mill-punt 168 tas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791), jipprevedi perijodu ta’ żamma limitat għal dak li huwa strettament neċessarju u jiżgura, permezz ta’ regoli ċari u preċiżi, li ż-żamma tad-data inkwistjoni tkun suġġetta għall-osservanza tal-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali applikabbli u li l-persuni kkonċernati jkollhom garanziji effettivi kontra r-riskji ta’ abbuż kif ukoll kontra kull aċċess għal din id-data u kull użu illegali tagħha.

94      Hija l-qorti ta’ rinviju li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawża prinċipali tkunx tirrispetta r-rekwiżiti mfakkra fil-punti 85 sa 93 ta’ din is-sentenza.

 Fuq irrekwiżiti marbuta malaċċess għaddata dwar lidentità ċivili li tikkorrispondi għal indirizz IP miżmum millfornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi

95      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-qasam tal-ġlieda kontra r-reati kriminali, huma biss l-għanijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja jew ta’ prevenzjoni ta’ theddid serju għas-sigurtà pubblika li huma ta’ natura li jiġġustifikaw l-indħil serju fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta li jirriżulta mill-aċċess mill-awtoritajiet pubbliċi għal sett ta’ data dwar it-traffiku jew ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni, li tista’ tipprovdi informazzjoni dwar il-komunikazzjonijiet magħmula minn utent ta’ mezz ta’ komunikazzjoni elettronika jew dwar il-lokalizzazzjoni tat-tagħmir terminali li huwa juża u li tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati, mingħajr ma fatturi oħra relatati mal-proporzjonalità ta’ talba għal aċċess, bħat-tul tal-perijodu li għalih l-aċċess huwa mitlub għal tali data, jista’ jkollhom bħala effett li l-għan ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ identifikazzjoni u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali b’mod ġenerali jkun jista’ jiġġustifika tali aċċess (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi), C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 35).

96      Għall-kuntrarju, meta l-indħil fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta li jirriżulta mill-aċċess tal-awtoritajiet pubbliċi għad-data dwar l-identità ċivili miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, mingħajr ma din id-data tkun tista’ tiġi assoċjata ma’ informazzjoni dwar il-komunikazzjonijiet magħmula, ma jkunx serju peress li, meħuda flimkien, din id-data ma tippermettix li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-persuni li d-data tagħhom hija kkonċernata, l-imsemmi aċċess jista’ jiġi ġġustifikat minn għan ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ identifikazzjoni u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali b’mod ġenerali (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal, C‑207/16, EU:C:2018:788, punti 54, 57 u 60)

97      Għandu jingħad ukoll li, skont prinċipju stabbilit minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-aċċess għal data dwar it-traffiku u għal data dwar il-lokalizzazzjoni jista’ jiġi ġġustifikat biss skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 mill-għan ta’ interess ġenerali li għalih iż-żamma tagħha ġiet imposta fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, ħlief jekk dan l-aċċess ikun iġġustifikat minn għan ta’ interess ġenerali ta’ importanza ikbar. Minn dan il-prinċipju jirriżulta, b’mod partikolari, li tali aċċess għal finijiet tal-ġlieda kontra r-reati kriminali b’mod ġenerali fl-ebda każ ma għandu jingħata meta ż-żamma tagħha tkun ġiet iġġustifikata mill-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja jew, a fortiori, ta’ salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 166).

98      Għall-kuntrarju, tali għan tal-ġlieda kontra r-reati kriminali b’mod ġenerali jippermetti li jiġi ġġustifikat li jingħata aċċess għad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni li tkun inħażnet u li għalhekk tkun inżammet sa fejn u għall-perijodu neċessarju għall-kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi, għall-fatturazzjoni u għall-provvista ta’ servizzi b’valur miżjud, kif jawtorizza l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/58 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 108 u 167).

99      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta li l-Hadopi ma għandhiex aċċess għal “sett ta’ data dwar it-traffiku jew ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni”, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 95 ta’ din is-sentenza, b’tali mod li hija ma tistax, bħala prinċipju, tislet konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati. Issa, aċċess li ma jippermettix li jinsiltu tali konklużjonijiet ma jikkostitwixxix indħil serju fid-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

100    Fil-fatt, skont din il-leġiżlazzjoni u l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Franċiż dwar dan is-suġġett, l-aċċess mogħti lil din l-awtorità pubblika huwa strettament limitat għal ċerta data dwar l-identità ċivili tad-detentur ta’ indirizz IP u huwa awtorizzat biss sabiex tkun tista’ tidentifika lil dan id-detentur issuspettat li wettaq attività li tippreġudika d-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati peress li huwa illegalment qiegħed għad-dispożizzjoni fuq l-internet xogħlijiet protetti, bl-għan ta’ tniżżil tagħhom minn persuni oħra. Dan l-aċċess huwa intiż, jekk ikun il-każ, għall-adozzjoni fil-konfront ta’ dan id-detentur ta’ waħda mill-miżuri pedagoġiċi jew repressivi, previsti fil-kuntest tal-proċedura ta’ risposta gradwata, jiġifieri t-trażmissjoni tal-ewwel u tat-tieni rakkomandazzjoni u sussegwentement ta’ ittra li tinformah li din l-attività tista’ tikkostitwixxi reat ta’ negliġenza grossolana u, fl-aħħar nett, tadixxi lill-prosekutur pubbliku għall-finijiet tal-prosekuzzjoni ta’ dan il-ksur jew tad-delitt ta’ kontrafazzjoni.

101    Huwa meħtieġ ukoll li l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi regoli ċari u preċiżi ta’ natura li jiżguraw li l-indirizzi IP miżmuma b’osservanza tad-Direttiva 2002/58 ikunu jistgħu jintużaw biss sabiex tiġi identifikata l-persuna li lilha jkun ġie assenjat indirizz IP partikolari, filwaqt li teskludi użu li jippermetti li tiġi ssorveljata, permezz ta’ wieħed jew iktar minn dawn l-indirizzi, l-attività online ta’ din il-persuna kkonċernata. Meta indirizz IP jintuża b’dan il-mod biss sabiex jiġi identifikat id-detentur tagħha fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva speċifika li tista’ twassal għal proċeduri kriminali kontrih u mhux għal finijiet intiżi, pereżempju, sabiex jiġu żvelati l-kuntatti jew il-lokalizzazzjoni ta’ dan id-detentur, l-aċċess għal dan l-indirizz għal dan l-għan biss jikkonċerna l-imsemmi indirizz bħala data relatata mal-identità ċivili pjuttost milli bħala data dwar it-traffiku.

102    Barra minn hekk, mill-prinċipju stabbilit mill-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punt 97 ta’ din is-sentenza jirriżulta li aċċess bħal dak li minnu tibbenefika l-Hadopi skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li jsegwi l-għan tal-ġlieda kontra r-reati kriminali b’mod ġenerali, jista’ jiġi ġġustifikat biss jekk jirrigwarda indirizzi IP li għandhom jinżammu mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għall-finijiet ta’ dan l-għan u mhux għall-finijiet ta’ għan ta’ importanza ikbar bħal dak tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja, bla ħsara madankollu għal aċċess iġġustifikat minn tali għan tal-ġlieda kontra r-reati b’mod ġenerali meta dan jirrigwarda indirizzi IP maħżuna u għalhekk miżmuma taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/58.

103    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 85 sa 92 ta’ din is-sentenza, iż-żamma ta’ indirizzi IP, ibbażata fuq miżura leġiżlattiva skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, għall-finijiet tal-għan tal-ġlieda kontra r-reati kriminali b’mod ġenerali, tista’ tiġi ġġustifikata meta l-modalitajiet ta’ din iż-żamma stabbiliti mid-dispożittiv leġiżlattiv ikkonċernat jkunu jissodisfaw sett ta’ rekwiżiti intiżi li jiżguraw, essenzjalment, separazzjoni effettivament stretta u sigura tad-diversi kategoriji ta’ data miżmuma, b’tali mod li l-kombinazzjoni ta’ data li tappartjeni għal kategoriji differenti tkun effettivament eskluża. Fil-fatt, fil-każ fejn tali modalitajiet ta’ żamma jkunu imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tal-indirizzi IP ma tikkostitwixxix indħil serju fil-ħajja privata tad-detenturi tagħhom peress li din id-data ma tippermettix li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tagħhom.

104    Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 95 sa 97 ta’ din is-sentenza, fil-każ fejn tali sistema leġiżlattiva tiġi stabbilita, l-aċċess għall-indirizzi IP miżmuma għall-finijiet tal-għan tal-ġlieda kontra r-reati kriminali b’mod ġenerali jista’ jiġi ġġustifikat fid-dawl tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 meta dan l-aċċess ikun awtorizzat biss sabiex tiġi identifikata l-persuna ssuspettata li hija involuta f’tali reati.

105    Barra minn hekk, li jiġi permess lil awtorità pubblika bħalma hija l-Hadopi titħalla jkollha aċċess għal data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għal indirizz IP pubbliku li ġie trażmess lilha minn organi tad-detenturi tad-drittijiet bl-għan biss li jiġi identifikat id-detentur ta’ dan l-indirizz użat għal attivitajiet, imwettqa online u li jistgħu jippreġudikaw id-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati, sabiex tiġi imposta fuqu waħda mill-miżuri previsti fil-kuntest tal-proċedura ta’ risposta gradwata, huwa konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-“dritt għall-informazzjoni” fil-kuntest ta’ azzjoni dwar ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali kif previst fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48 (ara f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2008, Promusicae, C‑275/06, EU:C:2008:54, punti 47 et seq).

106    Fil-fatt, fil-kuntest ta’ din il-ġurisprudenza, filwaqt li enfasizzat li l-applikazzjoni tal-miżuri previsti mid-Direttiva 2004/48 la tista’ taffettwa l-GDPR u lanqas id-Direttiva 2002/58, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2004/48, moqri flimkien mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 u l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, ma jipprekludix li l-Istati Membri jistabbilixxu fir-rigward tal-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi obbligu ta’ trażmissjoni lil persuni privati ta’ data personali sabiex ikunu jistgħu jinbdew, quddiem il-qrati ċivili, proċeduri kontra l-ksur tad-drittijiet tal-awtur, iżda lanqas ma timponi fuq dawn l-Istati li jipprevedu tali obbligu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2021, M.I.C.M., C‑597/19, EU:C:2021:492, punti 124 u 125 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

107    Madankollu, fit-tieni lok, għall-finijiet tal-evalwazzjoni konkreta tal-livell tal-indħil fil-ħajja privata li jinvolvi aċċess minn awtorità pubblika għal data personali, ma jistgħux jiġu injorati l-ispeċifiċitajiet tal-kuntest li fih seħħ dan l-aċċess u, b’mod partikolari, id-data u l-informazzjoni kollha kkomunikata lil din l-awtorità skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, inkluża data u informazzjoni preeżistenti li jiżvelaw il-kontenut (ara, b’analoġija, Qorti EDB, 24 ta’ April 2018, Benedik vs Is‑Slovenja, CE:ECHR:2018:0424JUD006235714, punt 109).

108    B’hekk, f’dan il-każ, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-imsemmija evalwazzjoni, il-fatt li, qabel l-aċċess għad-data dwar l-identità ċivili inkwistjoni li hija tibbenefika minnha, l-Hadopi tirċievi mingħand l-organi tad-detenturi tad-drittijiet, b’mod partikolari, “informazzjoni dwar ix-xogħlijiet jew oġġetti protetti kkonċernati mill-fatti ” u, “jekk ikun il-każ”, tal-“isem tal-fajl kif jidher fuq il-kompjuter tal-abbonat”, konformement mal-punt 1 tal-anness tad-Digriet Nru 2010-236.

109    Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, iżda bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-informazzjoni dwar ix-xogħol ikkonċernat, kif irreġistrata f’proċess verbali li l-kontenut tiegħu huwa rregolat mid-deliberazzjonijiet taċ-CNIL, tal‑10 ta’ Ġunju 2010, hija limitata, essenzjalment, għat-titolu tax-xogħol ikkonċernat kif ukoll għal estratt imsejjaħ “chunk”, fil-forma ta’ sekwenza alfanumerika u mhux ta’ reġistrazzjoni awdjo jew vidjo tax-xogħol.

110    F’dan ir-rigward, ċertament, ma jistax jiġi eskluż, b’mod ġenerali, li l-aċċess ta’ awtorità pubblika għal numru limitat ta’ data dwar l-identità ċivili tad-detentur ta’ indirizz IP li ġie kkomunikat lilu minn fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi bl-għan uniku li jidentifika lil dan id-detentur fil-każ fejn dan l-indirizz jkun intuża għal attivitajiet li jistgħu jippreġudikaw id-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati, jekk jiġi kkombinat mal-analiżi ta’ informazzjoni, anki jekk limitata, dwar il-kontenut tax-xogħol illegalment imqiegħed għad-dispożizzjoni fuq l-internet li ntbagħtilha preċedentement mill-organi tad-detenturi tad-drittijiet, jista’ jinforma lil din l-awtorità pubblika dwar ċerti aspetti tal-ħajja privata tal-imsemmi detentur, inkluż dwar informazzjoni sensittiva, bħall-orjentazzjoni sesswali, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż, filosofiku, soċjetali jew oħrajn kif ukoll l-istat ta’ saħħa, filwaqt li tali data tgawdi, barra minn hekk, minn protezzjoni partikolari fid-dritt tal-Unjoni.

111    Madankollu, f’dan il-każ, fid-dawl tan-natura tad-data u tal-informazzjoni limitata li għandha l-Hadopi, huwa biss f’sitwazzjonijiet atipiċi li dawn jistgħu jiżvelaw informazzjoni, jekk ikun il-każ sensittiva, dwar aspetti tal-ħajja privata tal-persuna inkwistjoni li, meħuda flimkien, jistgħu jippermettu lil din l-awtorità pubblika tislet konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tagħha, pereżempju billi tistabbilixxi l-profil iddettaljat tagħha.

112    Dan jista’ b’mod partikolari jkun il-każ ta’ persuna li l-indirizz IP tagħha jkun intuża għal attivitajiet li jippreġudikaw id-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati fuq networks peer-to-peer, b’mod ripetut, jew saħansitra fuq skala kbira, b’rabta ma’ xogħlijiet protetti ta’ tipi partikolari li jistgħu jinġabru flimkien abbażi tal-kliem tat-titolu tagħhom li jistgħu jiżvelaw informazzjoni, possibbilment sensittiva, dwar aspetti tal-ħajja privata tagħha.

113    Madankollu, diversi elementi jippermettu li jitqies li, f’dan il-każ, l-indħil fil-ħajja privata ta’ persuna ssuspettata li wettqet attività li tippreġudika d-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati, li jippermetti leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandux neċessarjament grad għoli ta’ gravità. Qabel kollox, konformement ma’ tali leġiżlazzjoni, l-aċċess tal-Hadopi għad-data personali inkwistjoni huwa rriżervat għal numru limitat ta’ membri tal-persunal ta’ din l-awtorità pubblika li jkunu ħadu ġurament u ġew approvati, liema korp barra minn hekk jibbenefika minn status indipendenti skont l-Artikolu L. 331-12 tal-KPI. Sussegwentement, dan l-aċċess għandu l-għan uniku li jidentifika persuna ssuspettata li wettqet attività li tippreġudika d-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati meta jiġi kkonstatat li xogħol protett tqiegħed għad-dispożizzjoni illegalment mill-aċċess tagħha għall-internet. Fl-aħħar nett, l-aċċess tal-Hadopi għad-data personali inkwistjoni huwa strettament limitat għad-data neċessarja għal dan l-għan (ara, b’analoġija, Qorti EDB, 17 ta’ Ottubru 2019, López Ribalda et vs Spanja, CE:ECHR:2019:1017JUD000187413, punti 126 u 127).

114    Element ieħor ta’ natura li jnaqqas iktar il-grad ta’ ndħil fid-drittijiet fundamentali għall-protezzjoni tal-ħajja privata u tad-data personali li tirriżulta mill-imsemmi aċċess tal-Hadopi, li jidher li jirriżulta mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja iżda li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, jikkonċerna l-fatt li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, il-membri tal-persunal tal-Hadopi li għandhom aċċess għad-data u għall-informazzjoni kkonċernata huma marbuta b’obbligu ta’ kunfidenzjalità li jipprekludihom milli jiżvelaw din id-data u informazzjoni fi kwalunkwe forma, ħlief sabiex jadixxu lill-prosekutur pubbliku, u ma jistgħux jużawha għal finijiet oħra minbarra l-identifikazzjoni tad-detentur ta’ indirizz IP issuspettat li wettaq attività li tippreġudika d-drittijiet tal-awtur jew tad-drittijiet relatati sabiex timponi fuqu waħda mill-miżuri previsti fil-kuntest tal-proċedura ta’ risposta gradwata (ara, b’analoġija, Qorti EDB, sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2009, Gardel vs Franza (CE:ECHR:2014:0626JUD006519211, punt 70).

115    Għalhekk, sakemm leġiżlazzjoni nazzjonali tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 101 ta’ din is-sentenza, l-indirizzi IP ikkomunikati lil awtorità pubblika bħalma hija l-Hadopi ma jippermettux it-traċċament tal-proċess ta’ navigazzjoni tad-detentur tagħhom, fatt li jikkonferma l-konstatazzjoni li l-indħil li jirriżulta mill-aċċess ta’ din l-awtorità għad-data ta’ identifikazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jiġi kklassifikat bħala serju.

116    Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-konċiljazzjoni neċessarja bejn id-drittijiet u l-interessi inkwistjoni li jimponi r-rekwiżit ta’ proporzjonalità stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, minkejja li l-libertà tal-espressjoni u l-kunfidenzjalità tad-data personali jikkostitwixxu tħassib ewlieni u minkejja li l-utenti tat-telekomunikazzjonijiet u tas-servizzi tal-internet għandu jkollhom il-garanzija li l-intimatà tagħhom u l-libertà ta’ espressjoni tagħhom jiġu rrispettati, dawn id-drittijiet fundamentali ma humiex madankollu assoluti. Fil-fatt, skont l-ibbilanċjar tad-drittijiet u tal-interessi inkwistjoni, dawn għandhom xi drabi jitwarrbu fid-dawl ta’ drittijiet fundamentali oħra u rekwiżiti imperattivi ta’ interess ġenerali bħad-difiża tal-ordni u l-prevenzjoni ta’ reati kriminali jew il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor. Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ meta l-prevalenza mogħtija lill-imsemmi tħassib ewlieni tkun ta’ natura li tostakola l-effettività ta’ investigazzjoni kriminali, b’mod partikolari billi tirrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-identifikazzjoni effettiva tal-awtur ta’ reat kriminali u l-impożizzjoni ta’ sanzjoni fil-konfront tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti EDB tat‑2 ta’ Marzu 2009, K.U. vs Il‑Finlandja, CE:ECHR:2006:1123JUD007305301, punt 49).

117    F’dan il-kuntest, għandu jittieħed debitament inkunsiderazzjoni tal-fatt li, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward ta’ reati mwettqa online, l-aċċess għall-indirizzi IP jista’ jikkostitwixxi l-uniku mezz ta’ investigazzjoni li jippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna li lilha kien attribwit dan l-indirizz fil-mument tat-twettiq tar-reat (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 154).

118    Dan il-fatt għandu t-tendenza li jistabbilixxi, kif irrileva wkoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu tat‑28 ta’ Settembru 2023, li ż-żamma ta’ dawn l-indirizzi u l-aċċess għalihom huma, fir-rigward tal-ġlieda kontra reati kriminali bħal dawk li jippreġudikaw id-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati mwettqa online, strettament neċessarji għat-twettiq tal-għan imfittex u jissodisfaw għalhekk ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità li jimponi l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-premessa 11 ta’ din id-direttiva kif ukoll tal-Artikolu 52(2) tal-Karta.

119    Barra minn hekk, kif enfasizza, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 78 sa 80 tal-konklużjonijiet tiegħu tas‑27 ta’ Ottubru 2022, kif ukoll fil-punti 80 u 81 tal-konklużjonijiet tiegħu tat‑28 ta’ Settembru 2023, ir-rifjut tal-għoti ta’ tali aċċess jagħti lok għal riskju reali ta’ impunità sistemika mhux biss ta’ reati kriminali li jippreġudikaw id-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati, iżda wkoll tipi oħra ta’ reati kriminali mwettqa online jew li t-twettiq jew il-preparazzjoni tagħhom hija ffaċilitata mill-karatteristiċi stess tal-internet. Issa, l-eżistenza ta’ tali riskju tikkostitwixxi ċirkustanza rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni, fil-kuntest ta’ bbilanċjar tad-diversi drittijiet u interessi preżenti, jekk indħil fid-drittijiet iggarantiti fl-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta jikkostitwixxix miżura proporzjonata fid-dawl tal-għan tal-ġlieda kontra r-reati kriminali.

120    Huwa minnu li l-aċċess ta’ awtorità pubblika bħalma hija l-Hadopi għal data ta’ identità ċivili li tikkorrispondi għall-indirizz IP li minnu twettaq ir-reat online ma huwiex neċessarjament l-uniku mezz ta’ investigazzjoni possibbli sabiex tiġi identifikata l-persuna li hija l-proprjetarja ta’ dan l-indirizz fil-mument tat-twettiq ta’ dan ir-reat. Fil-fatt, tali identifikazzjoni tista’ wkoll tkun a priori possibbli billi jiġu eżaminati l-attivitajiet online kollha tal-persuna kkonċernata, b’mod partikolari billi jiġu analizzati t-“traċċi” li din setgħet tħalli fuq in-networks soċjali, bħall-identifikatur użat fuq dawn in-networks jew id-dettalji ta’ kuntatt tagħha.

121    Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 83 tal-konklużjonijiet tiegħu tat‑28 ta’ Settembru 2023, tali mezz ta’ investigazzjoni huwa partikolarment intrużiv peress li jista’ jiżvela informazzjoni preċiża dwar il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati. Dan jimplika għalhekk, f’dak li jirrigwarda lil dawn il-persuni, indħil iktar serju fid-drittijiet iggarantiti fl-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta, minn dak li jirriżulta minn leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

122    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-aċċess, minn awtorità pubblika responsabbli għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati kontra ksur ta’ dawn id-drittijiet imwettaq fuq l-internet, għal data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għal indirizzi IP miġbura minn qabel minn organi tad-detenturi tad-drittijiet u miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi b’mod separat u effettivament strett u sigur, unikament sabiex din l-awtorità tkun tista’ tidentifika d-detenturi ta’ dawn l-indirizzi ssuspettati li huma responsabbli għal dan il-ksur u tkun tista’ tieħu, jekk ikun il-każ, miżuri fil-konfront tagħhom. F’tali każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għandha tipprojbixxi lill-membri tal-persunal li għandhom tali aċċess, l-ewwel nett, milli jiżvelaw taħt kwalunkwe forma informazzjoni dwar il-kontenut tal-fajls ikkonsultati minn dawn id-detenturi ħlief sabiex jadixxu lill-prosekutur pubbliku, it-tieni nett, milli jwettqu kull traċċament tal-proċess ta’ navigazzjoni ta’ dawn id-detenturi u, it-tielet nett, milli jużaw dawn l-indirizzi IP għal finijiet differenti minn dak tal-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri.

 Fuq irrekwiżit ta’ stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti qabel laċċess minn awtorità pubblika għal data dwar lidentità ċivili li tikkorrispondi għal indirizz IP

123    Madankollu tqum il-kwistjoni dwar jekk l-aċċess tal-awtorità pubblika għal data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għal indirizz IP għandux ikun suġġett, barra minn hekk, għal stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti.

124    F’dan ir-rigward, huwa sabiex tiġi ggarantita, fil-prattika, l-osservanza sħiħa tal-kundizzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jipprevedu sabiex jiżguraw li l-aċċess ikun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa “essenzjali” li l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data dwar it-traffiku u għad-data dwar il-lokalizzazzjoni jkun suġġett għal stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 120; tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 189; tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi), C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 51, kif ukoll tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 106).

125    Dan l-istħarriġ minn qabel jeħtieġ l-ewwel nett, li l-qorti jew l-entità amministrattiva indipendenti inkarigata li twettqu jkollha s-setgħat kollha u tippreżenta l-garanziji kollha neċessarji sabiex tiżgura konċiljazzjoni tal-interessi u tad-drittijiet differenti inkwistjoni. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, ta’ investigazzjoni kriminali, tali stħarriġ jeżiġi li din il-qorti jew din l-entità tkun f’pożizzjoni li tiżgura bilanċ ġust bejn, minn naħa, l-interessi leġittimi relatati mal-bżonnijiet tal-investigazzjoni fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kriminalità u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali tal-persuni li d-data tagħhom tkun kkonċernata mill-aċċess (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 107 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

126    It-tieni nett, meta dan l-istħarriġ jitwettaq mhux minn qorti, iżda minn entità amministrattiva indipendenti, din għandha tgawdi minn status li jippermettilha taġixxi, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha, b’mod oġġettiv u imparzjali u għandha tkun, għal dan il-għan, ħielsa minn kull influwenza esterna. Għalhekk, ir-rekwiżit ta’ indipendenza li għandha tissodisfa l-entità inkarigata li teżerċita l-istħarriġ minn qabel jimponi li din l-awtorità jkollha l-kwalità ta’ persuna terza fir-rigward ta’ dik li titlob l-aċċess għad-data, b’mod li tal-ewwel tkun f’pożizzjoni li teżerċita dan l-istħarriġ b’mod oġġettiv u imparzjali li tħalliha ħielsa minn kull influwenza esterna. B’mod partikolari, fil-qasam kriminali, ir-rekwiżit ta’ indipendenza jimplika li l-awtorità inkarigata minn dan l-istħarriġ minn qabel, minn naħa, ma tkunx involuta fit-tmexxija tal-investigazzjoni kriminali inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, ikollha pożizzjoni ta’ newtralità fil-konfront tal-partijiet fil-proċeduri kriminali (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 108 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

127    It-tielet nett, l-istħarriġ indipendenti meħtieġ skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 għandu jsir qabel kull aċċess għad-data kkonċernata, ħlief f’każ ta’ urġenza debitament iġġustifikata, f’liema każ l-imsemmi stħarriġ għandu jsir f’terminu qasir. Fil-fatt, stħarriġ sussegwenti ma jippermettix li jintlaħaq l-għan tal-istħarriġ minn qabel, li jikkonsisti fil-preklużjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ aċċess għad-data inkwistjoni li jaqbeż il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 110).

128    Madankollu, għalkemm, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 124 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa “essenzjali” li l-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data dwar it-traffiku u għad-data dwar il-lokalizzazzjoni jkun suġġett għal stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti, din il-ġurisprudenza żviluppat fil-kuntest ta’ miżuri nazzjonali li jippermettu, għall-finijiet ta’ għan marbut mal-ġlieda kontra l-kriminalità serja, aċċess ġenerali għad-data kollha dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni miżmuma, indipendentement minn kwalunkwe rabta, anki jekk indiretta, mal-għan imfittex, u li għalhekk kienu jinvolvu ndħil serju u anki “partikolarment serju” fid-drittijiet fundamentali kkonċernati.

129    Għall-kuntrarju, meta kienu inkwistjoni l-kundizzjonijiet li fihom aċċess għad-data dwar l-identità ċivili seta’ jiġi ġġustifikat fid-dawl tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għamlet ebda riferiment espliċitu għar-rekwiżit ta’ tali stħarriġ minn qabel (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal, C‑207/16, (EU:C:2018:788, punt 59, 60 u 62); tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 157 u 158, kif ukoll tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi, C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 34).

130    Issa, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipju ta’ proporzjonalità li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 timponi l-osservanza tiegħu, b’mod partikolari dik li tipprovdi li l-possibbiltà għall-Istati Membri li jiġġustifikaw limitazzjoni għad-drittijiet u għall-obbligi previsti, b’mod partikolari, fl-Artikoli 5, 6 u 9 ta’ din id-direttiva, li għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-serjetà tal-indħil fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta li jinvolvi tali limitazzjoni u billi jiġi vverifikat li l-importanza tal-għan ta’ interess ġenerali mfittex minn din il-limitazzjoni tkun tikkorispondi ma’ din il-serjetà (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 131), li l-grad ta’ ndħil fid-drittijiet fundamentali kkonċernati li jinvolvi l-aċċess għad-data personali inkwistjoni kif ukoll il-livell ta’ sensittività tagħha għandhom ukoll jinfluwenzaw il-garanziji sostantivi u proċedurali marbuta ma’ dan l-aċċess, li fosthom hemm ir-rekwiżit ta’ stħarriġ minn qabel minn qorti jew entità amministrattiva indipendenti.

131    Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dan il-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jitqies li r-rekwiżit ta’ stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti japplika meta, fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-aċċess ta’ awtorità pubblika għal data personali, dan l-aċċess jinvolvi r-riskju ta’ ndħil serju fid-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata fis-sens li jista’ jippermetti lil din l-awtorità pubblika tislet konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata ta’ din il-persuna u, jekk ikun il-każ, tistabbilixxi l-profil iddettaljat tagħha.

132    Għall-kuntrarju, dan ir-rekwiżit ta’ stħarriġ minn qabel ma huwiex intiż li japplika meta l-indħil fid-drittijiet fundamentali kkonċernati li jirriżulta mill-aċċess ta’ awtorità pubblika għal data personali ma jistax jiġi kklassifikat bħala serju.

133    Dan huwa l-każ tal-aċċess għal data dwar l-identità ċivili tal-utenti tal-mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għall-finijiet biss tal-identifikazzjoni tal-utent ikkonċernat u mingħajr ma din id-data tkun tista’ tiġi assoċjata ma’ informazzjoni dwar il-komunikazzjonijiet magħmula, peress li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-indħil li jinvolvi tali pproċessar tal-imsemmija data ma jistax, bħala prinċipju, jiġi kklassifikat bħala serju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 187 u 158).

134    Minn dan isegwi li, fil-każ li sistema ta’ żamma bħal dik deskritta fil-punti 86 sa 89 ta’ din is-sentenza hija stabbilita, l-aċċess tal-awtorità pubblika għad-data relatata mal-identità ċivili li tikkorrispondi mal-indirizzi IP hekk miżmuma ma huwiex, bħala prinċipju, suġġett għar-rekwiżit ta’ stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti.

135    Madankollu, kif diġà ġie rrilevat fil-punti 110 u 111 ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġi eskluż li, f’sitwazzjonijiet atipiċi, id-data u l-informazzjoni limitata mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ awtorità pubblika fil-kuntest ta’ proċedura bħalma hija l-proċedura ta’ risposta gradwata inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jiżvelaw informazzjoni, possibbilment sensittiva, dwar aspetti tal-ħajja privata tal-persuna kkonċernata, liema informazzjoni, meħuda flimkien, tista’ tippermetti lil din l-awtorità pubblika tislet konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata ta’ din il-persuna u, jekk ikun il-każ, tistabbilixxi l-profil iddettaljat tagħha.

136    Kif jirriżulta mill-punt 112 ta’ din is-sentenza, tali riskju għall-ħajja privata jista’ jirriżulta, b’mod partikolari, meta persuna twettaq attivitajiet li jippreġudikaw id-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati fuq networks peer-to-peer, b’mod ripetut, jew saħansitra fuq skala kbira, b’rabta ma’ xogħlijiet protetti ta’ tipi partikolari li jistgħu jinġabru flimkien abbażi tal-kliem tat-titolu tagħhom li jistgħu jiżvelaw informazzjoni, possibbilment sensittiva, dwar aspetti tal-ħajja privata tagħha.

137    Għalhekk, f’dan il-każ, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva ta’ risposta gradwata, detentur ta’ indirizz IP jista’ jkun partikolarment espost għal tali riskju għall-ħajja privata tiegħu meta din il-proċedura tilħaq l-istadju li fih il-Hadopi tintalab tiddeċiedi jekk tadixxix jew le lill-prosekutur pubbliku għall-prosekuzzjoni ta’ dan id-detentur għal fatti li jistgħu jikkostitwixxu kontravenzjoni ta’ negliġenza grossolana jew id-delitt ta’ kontrafazzjoni.

138    Fil-fatt, dan ir-riferiment jippreżupponi li d-detentur ta’ indirizz IP diġà kien is-suġġett ta’ żewġ rakkomandazzjonijiet u ta’ ittra ta’ notifika li tinformah li l-attivitajiet tiegħu jistgħu jwasslu għal proċeduri kriminali, liema miżuri jimplikaw li, kull darba, l-Hadopi kellha aċċess għal data dwar l-identità ċivili ta’ dan id-detentur li l-indirizz IP tiegħu ntuża għal attivitajiet li jippreġudikaw id-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati kif ukoll fajl dwar dan ix-xogħol li jinkludi, essenzjalment, it-titolu tiegħu.

139    Issa, ma jistax jiġi eskluż li, meħuda flimkien u tul l-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva ta’ risposta gradwata, id-data hekk ipprovduta fil-fażijiet differenti ta’ din il-proċedura tista’ tiżvela informazzjoni konkordanti u, li tista’ tkun, sensittiva dwar aspetti tal-ħajja privata tal-persuna kkonċernata li tippermetti, possibbilment, li jiġi stabbilit il-profil tagħha.

140    B’hekk, l-intensità tal-ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tista’ tikber tul l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ risposta gradwata, li topera fuq il-bażi ta’ proċess sekwenzjali, fl-istadji differenti li din hija komposta minnhom.

141    F’dan il-każ, l-aċċess tal-Hadopi għad-data kollha dwar il-persuna kkonċernata u akkumulata tul id-diversi stadji ta’ din il-proċedura jista’, permezz tal-konnessjoni ta’ din id-data, jippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja tagħha. Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ proċedura bħalma hija l-proċedura ta’ risposta gradwata inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tipprevedi wkoll, f’ċertu stadju tal-imsemmija proċedura, stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti, li tissodisfa l-kundizzjonijiet imfakkra fil-punti 125 sa 127 ta’ din is-sentenza, sabiex jiġu esklużi riskji ta’ ndħil sproporzjonat fid-drittijiet fundamentali għall-protezzjoni tal-ħajja privata u tad-data personali tal-persuna kkonċernata. Dan ifisser li, fil-prattika, tali stħarriġ għandu jsir qabel ma l-Hadopi tkun tista’ tagħmel il-konnessjoni bejn id-data ta’ identità ċivili ta’ persuna li tikkorrispondi għal indirizz IP u miksuba mingħand fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, peress li din il-persuna diġà kienet is-suġġett ta’ żewġ rakkomandazzjonijiet, u l-fajl dwar ix-xogħol tqiegħed għad-dispożizzjoni fuq l-internet sabiex dan jitniżżel minn persuni oħra. Għaldaqstant, l-imsemmi stħarriġ għandu jseħħ qabel l-eventwali trażmissjoni tal-ittra ta’ notifika msemmija fl-Artikolu R-331-40 tal-KPI, li tikkonstata li din il-persuna wettqet fatti li jistgħu jikkostitwixxu ksur ta’ negliġenza grossolana. Huwa biss wara tali stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn awtorità amministrattiva indipendenti u l-awtorizzazzjoni tagħha li l-Hadopi tkun tista’ tibgħat tali ittra u sussegwentement, jekk ikun il-każ, tadixxi lill-prosekutur pubbliku għall-prosekuzzjoni ta’ dan il-ksur.

142    Il-Hadopi għandha titħalla tidentifika l-każijiet li fihom id-detentur tal-indirizz IP ikkonċernat jilħaq dan it-tielet stadju ta’ tali proċedura ta’ risposta gradwata. Għaldaqstant, din il-proċedura għandha tiġi organizzata u strutturata b’tali mod li d-data tal-identità ċivili ta’ persuna li tikkorrispondi għal indirizzi IP miġbura minn qabel mill-internet, miġbura mingħand fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, ma tkunx tista’ tintrabat awtomatikament, mill-persuni inkarigati mill-eżami tal-fatti fi ħdan il-Hadopi, mal-fajls li jinkludu elementi li jippermettu li jsiru magħrufa t-titoli tax-xogħlijiet protetti li t-tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom fuq l-internet iġġustifika dan il-ġbir.

143    Għalhekk, din ir-rabta għall-finijiet tal-imsemmi tielet stadju tar-risposta gradwata għandha tiġi sospiża meta l-ġbir tal-imsemmija data ta’ identità ċivili, li jikkorrispondi possibbilment għal każ ta’ ripetizzjoni ta’ attività li tippreġudika d-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati, jagħti bidu għar-rekwiżit ta’ stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti deskritta fil-punt 141 ta’ din is-sentenza.

144    Barra minn hekk, l-aġġustament tar-rekwiżit tal-istħarriġ minn qabel espost fil-punti 141 sa 143 ta’ din is-sentenza, sa fejn huwa limitat għat-tielet stadju tal-imsemmija proċedura ta’ risposta gradwata u ma japplikax għall-istadji preċedenti tagħha, jippermetti wkoll li jittieħed inkunsiderazzjoni l-argument li hemm lok li tiġi ssalvagwardjata l-prattikabbiltà ta’ din il-proċedura li hija kkaratterizzata, speċjalment fl-istadji preċedenti għall-eventwali trażmissjoni tal-ittra ta’ notifika u, jekk ikun il-każ, għat-tressiq tal-każ quddiem il-prosekutur pubbliku, min-natura massiva tat-talbiet għal aċċess tal-awtorità pubblika li jirriżultaw min-numru daqstant kbir ta’ proċessi verbali li jitressqu quddiemha mill-organi tad-detenturi.

145    Fir-rigward ukoll tal-għan tal-istħarriġ minn qabel imsemmi fil-punti 141 sa 143 ta’ din is-sentenza, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 95 u 96 tal-imsemmija sentenza jirriżulta li, fil-każijiet fejn il-persuna kkonċernata hija ssuspettata li wettqet il-ksur ta’ “negliġenza grossolana” ddefinita fl-Artikolu R. 335-5 tal-KPI, li taqa’ taħt ir-reati kriminali b’mod ġenerali, il-qorti jew l-entità amministrattiva indipendenti inkarigata minn dan l-istħarriġ għandha tirrifjuta l-aċċess meta dan tal-aħħar ikun jippermetti lill-awtorità pubblika li talab dan l-aċċess, tislet konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-imsemmija persuna.

146    Għall-kuntrarju, anki aċċess li jippermetti li jinsiltu tali konklużjonijiet preċiżi għandu jiġi awtorizzat fil-każijiet fejn l-elementi miġjuba għall-attenzjoni ta’ din il-qorti jew ta’ din l-entità amministrattiva indipendenti jippermettu li jiġi ssuspettat li l-persuna kkonċernata wettqet id-delitt ta’ kontrafazzjoni msemmi fl-Artikolu L. 335-2 tal-KPI jew fl-Artikolu L. 335-4 ta’ dan il-kodiċi, peress li huwa possibbli għal Stat Membru li jqis li tali reat, sa fejn jippreġudika interess fundamentali tas-soċjetà, jikkostitwixxi forma ta’ kriminalità serja.

147    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-modalitajiet ta’ dan l-istħarriġ minn qabel, il-Gvern Franċiż iqis li, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-aċċess mill-Hadopi għad-data inkwistjoni, b’mod partikolari tan-natura massiva tagħha, ikun xieraq li stħarriġ minn qabel, jekk meħtieġ, ikun kompletament awtomatizzat. Fil-fatt, tali stħarriġ, li huwa ta’ natura purament oġġettiva, huwa intiż essenzjalment sabiex jiġi vverifikat li l-proċess verbali ta’ riferiment lill-Hadopi jkun jinkludi l-informazzjoni u d-data kollha meħtieġa mingħajr ma din l-awtorità tkun mitluba tevalwaha.

148    Madankollu, stħarriġ minn qabel fl-ebda każ ma jista’ jkun kompletament awtomatizzat peress li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 125 ta’ din is-sentenza, fir-rigward ta’ investigazzjoni kriminali, tali kontroll jeżiġi li din il-qorti jew din l-entità tkun f’pożizzjoni li tiżgura bilanċ ġust bejn, minn naħa, l-interessi marbuta mal-bżonnijiet tal-investigazzjoni fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kriminalità u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali tal-persuni li d-data tagħhom hija kkonċernata mill-aċċess.

149    Fil-fatt, tali bbilanċjar tal-interessi leġittimi differenti u tad-drittijiet ikkonċernati jeħtieġ l-intervent ta’ persuna fiżika, li huwa iktar u iktar neċessarju peress li l-awtomatiċità u l-iskala kbira tal-ipproċessar tad-data inkwistjoni joħolqu riskji għall-ħajja privata.

150    Barra minn hekk, stħarriġ kompletament awtomatizzat ma huwiex, bħala prinċipju, ta’ natura li jiżgura li l-aċċess ma jkunx jaqbeż il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju u li l-persuni li d-data personali tagħhom hija kkonċernata jkollhom garanziji effettivi kontra r-riskji ta’ abbuż kif ukoll kontra kull aċċess għal din id-data u kull użu illegali tagħha.

151    Għalhekk, għalkemm stħarriġ awtomatizzat jista’ jippermetti li tiġi vverifikata ċerta informazzjoni li tinsab fil-proċessi verbali tal-organi tad-detenturi, tali stħarriġ għandu, fi kwalunkwe każ, imur id f’id ma’ stħarriġ imwettaq minn persuni fiżiċi li jissodisfaw b’mod sħiħ ir-rekwiżiti mfakkra fil-punti 125 sa 127ta’ din is-sentenza.

 Fuq irrekwiżiti relatati malkundizzjonijiet sostantivi u proċedurali kif ukoll malgaranziji kontra rriskji ta’ abbuż kif ukoll kontra kull aċċess u kull użu illegali ta’ din id-data imposti fuq laċċess minn awtorità pubblika għal data dwar lidentità ċivili li tikkorrispondi għal indirizz IP

152    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-aċċess għal data personali jista’ jkun konformi mar-rekwiżit ta’ proporzjonalità li jimponi l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 biss jekk il-miżura leġiżlattiva li tawtorizzah tkun tipprevedi, permezz ta’ regoli ċari u preċiżi, li l-imsemmi aċċess ikun suġġett għall-osservanza tal-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali relatati miegħu u li l-persuni kkonċernati jkollhom garanziji effettivi kontra r-riskji ta’ aċċess u ta’ użu abbużiv jew illegali ta’ din id-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 132 u 173, kif ukoll tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi, C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

153    Kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħtieġa li jiġu previsti tali garanziji hija iktar u iktar importanti meta d-data personali tkun suġġetta għal ipproċessar awtomatizzat (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems, C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 176 u l-ġurisprudenza ċċitata).

154    F’dan ir-rigward, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-dawl tas-seduta tal‑5 ta’ Lulju 2022, il-Gvern Franċiż ikkonferma li, kif jindika barra minn hekk l-Artikolu L. 331-29 tal-KPI, l-aċċess mill-Hadopi għad-data dwar l-identità ċivili fil-kuntest tal-proċedura ta’ risposta gradwata jinvolvi pproċessar ta’ data essenzjalment awtomatizzat li huwa spjegat min-natura massiva tal-kontrafazzjonijiet ikkonstatati fuq in-networks peer-to-peer mill-organi tad-detenturi, liema konstatazzjonijiet jintbagħtu lill-Hadopi fil-forma ta’ proċessi verbali.

155    Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod partikolari li, waqt dan l-ipproċessar ta’ data, l-membri tal-persunal tal-Hadopi jivverifikaw, b’mod essenzjalment awtomatizzat u mingħajr evalwazzjoni tal-fatti kkonċernati bħala tali, jekk il-proċessi verbali li jitressqu quddiemha jkunux jinkludu l-informazzjoni u d-data kollha msemmija fil-punt 1 tal-Anness tad-Digriet Nru 2010-236, b’mod partikolari l-fatti ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni illegali fuq l-internet ikkonċernati u l-indirizzi IP użati għal dan l-għan. Issa, tali pproċessar għandu jimxi id f’id ma’ kontrolli mwettqa minn persuni fiżiċi.

156    Peress li tali pproċessar awtomatizzat jista’ jinkludi ċertu numru ta’ każijiet pożittivi foloz, kif ukoll, u fuq kollox ir-riskju li numru ta’ data personali potenzjalment għoli ħafna jiġi ddevjat minn persuni terzi għal finijiet abbużivi jew illegali, huwa meħtieġ li, bis-saħħa ta’ miżura leġiżlattiva, is-sistema ta’ pproċessar ta’ data użata minn awtorità pubblika tkun suġġetta, f’intervalli regolari, għal stħarriġ minn organu indipendenti u li jkollu l-kwalità ta’ persuna terza fir-rigward ta’ din l-awtorità, intiż sabiex tiġi vverifikata l-integrità tas-sistema, inklużi l-garanziji effettivi kontra r-riskji ta’ abbuż kif ukoll kontra kull aċċess għal din id-data u kull użu illegali ta’ din tal-aħħar li din is-sistema għandha tiżgura, kif ukoll l-effikaċja u l-affidabbiltà tagħha sabiex jiġu identifikati l-ksur li jistgħu jiġu kklassifikati, fil-każ ta’ kontroll, bħala negliġenza grossolana jew ta’ kontrafazzjoni.

157    Fl-aħħar nett, għandu jingħad ukoll li pproċessar ta’ data personali mwettaq minn awtorità pubblika, bħalma huwa dak li jwettaq il-Hadopi fil-kuntest tal-proċedura ta’ risposta gradwata, għandu josserva r-regoli speċifiċi ta’ protezzjoni ta’ din id-data previsti mid-Direttiva 2016/680 li l-għan tagħha huwa, skont l-Artikolu 1 tagħha, li tistabbilixxi regoli dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni u ta’ identifikazzjoni tar-reati kriminali, tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjonijiet fil-qasam jew ta’ eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż il-protezzjoni kontra t-theddid għas-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni ta’ tali theddid.

158    Fil-fatt, f’dan il-każ, anki jekk, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, din ma għandhiex setgħat deċiżjonali tagħha stess, il-Hadopi, meta tipproċessa data personali fil-kuntest tal-proċedura ta’ risposta gradwata u tadotta miżuri bħal rakkomandazzjoni jew informazzjoni lill-persuna kkonċernata li l-fatti inkwistjoni jistgħu jagħtu lok għal proċeduri kriminali, għandha tiġi kklassifikata bħala “awtorità pubblika”, fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/680, hija involuta fil-prevenzjoni u fl-identifikazzjoni tar-reati kriminali, jiġifieri l-kontravenzjoni ta’ negliġenza grossolana jew id-delitt ta’ kontrafazzjoni, u taqa’ għalhekk fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva konformement mal-Artikolu 1 tagħha.

159    F’dan ir-rigward, il-Gvern Franċiż indika, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-dawl tas-seduta tal‑5 ta’ Lulju 2022, li, peress li l-miżuri adottati mill-Hadopi fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ risposta gradwata “huma ta’ natura prekriminali direttament marbuta mal-proċedura ġudizzjarja”, is-sistema ta’ ġestjoni tal-miżuri għall-protezzjoni tax-xogħlijiet fuq l-internet, implimentata mill-Hadopi, hija suġġetta, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-qorti tar-rinviju, għad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali intiżi li jittrasponu d-Direttiva 2016/680.

160    Għall-kuntrarju, tali pproċessar ta’ data mill-Hadopi ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(2)(d) tal-GDPR jipprevedi li dan ir-regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni u identifikazzjoni tar-reati kriminali, ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjonijiet fil-qasam jew ta’ implimentazzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż il-protezzjoni kontra theddid għas-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni ta’ tali theddid.

161    Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 104 tal-konklużjonijiet tiegħu tas‑27 ta’ Ottubru 2022, peress li l-Hadopi għandha tosserva d-Direttiva 2016/680 fil-kuntest tal-proċedura ta’ risposta gradwata, il-persuni involuti f’tali proċedura għandhom jibbenefikaw minn numru ta’ garanziji sostantivi u proċedurali li jinkludu d-dritt ta’ aċċess, ta’ rettifika u ta’ tħassir tad-data personali pproċessata mill-Hadopi kif ukoll il-possibbiltà ta’ tressiq ta’ lment quddiem awtorità ta’ stħarriġ indipendenti, segwit, jekk ikun il-każ, minn azzjoni ġudizzjarja eżerċitata taħt il-kundizzjonijiet tad-dritt komuni.

162    F’dan il-kuntest, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ risposta gradwata, b’mod iktar preċiż meta tintbagħat it-tieni rakkomandazzjoni u waqt in-notifika sussegwenti li l-fatti kkonstatati jistgħu jikkostitwixxu reat kriminali, id-destinatarju ta’ dawn il-komunikazzjonijiet jibbenefika minn ċerti garanziji proċedurali bħad-dritt li jippreżenta osservazzjonijiet, id-dritt li jikseb preċiżazzjonijiet dwar in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li huwa akkużat bih kif ukoll, fir-rigward tal-imsemmija notifika, id-dritt li jitlob seduta u li jiġi assistit minn avukat.

163    Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedix il-garanziji sostantivi u proċedurali kollha li tistabbilixxi d-Direttiva 2016/680.

164    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għat-tliet domandi preliminari hija li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lill-awtorità pubblika inkarigata mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati kontra l-ksur ta’ dawn id-drittijiet imwettaq fuq l-internet taċċedi għad-data, miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku, dwar l-identità ċivili korrispondenti għal indirizzi IP miġbura minn qabel minn organi tad-detenturi, sabiex din l-awtorità tkun tista’ tidentifika d-detenturi ta’ dawn l-indirizzi, użati għal attivitajiet li jistgħu jikkostitwixxu tali ksur, u tkun tista’ tieħu, jekk ikun il-każ, miżuri fil-konfront tagħhom, bil-kundizzjoni li, skont din il-leġiżlazzjoni,

–        din id-data tinżamm f’kundizzjonijiet u skont modalitajiet tekniċi li jiggarantixxu li jiġi eskluż li din iż-żamma tista’ tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata ta’ dawn id-detenturi, pereżempju billi jiġi stabbilit il-profil iddettaljat tagħhom, li tista’ titwettaq, b’mod partikolari, bl-impożizzjoni fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi ta’ obbligu ta’ żamma tal-kategoriji differenti ta’ data personali, bħala ma hija d-data dwar l-identità ċivili, l-indirizzi IP kif ukoll id-data dwar it-traffiku u d-data dwar il-lokalizzazzjoni, li tkun tiggarantixxi separazzjoni effettivament stretta u sigura ta’ dawn id-diversi kategoriji ta’ data li tipprekludi, fl-istadju taż-żamma, kwalunkwe użu kkombinat ta’ dawn il-kategoriji differenti ta’ data, u għal perijodu li ma jeċċedix dak li huwa strettament neċessarju,

–        l-aċċess ta’ din l-awtorità pubblika għal tali data miżmuma b’mod separat u effettivament strett u sigur iservi esklużivament sabiex tiġi identifikata l-persuna ssuspettata li wettqet reat kriminali u għandu jkollu l-garanziji neċessarji sabiex jiġi eskluż li, ħlief f’sitwazzjonijiet atipiċi, dan l-aċċess ikun jista’ jippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tad-detenturi tal-indirizzi IP, pereżempju billi jiġi stabbilit il-profil iddettaljat tagħhom, li jimplika, b’mod partikolari, li l-membri tal-persunal ta’ din l-awtorità awtorizzati li jkollhom tali aċċess għandhom jiġu pprojbiti milli jiżvelaw, taħt kwalunkwe forma, informazzjoni dwar il-kontenut tal-fajls ikkonsultati minn dawn id-detenturi, ħlief sabiex jadixxu lill-prosekutur pubbliku, milli jwettqu kull traċċament tal-proċess ta’ navigazzjoni ta’ dawn id-detenturi u, b’mod iktar ġenerali, milli jużaw dawn l-indirizzi IP għal finijiet differenti minn dak tal-identifikazzjoni tad-detenturi tagħhom sabiex possibbilment jadottaw miżuri fil-konfront ta’ dawn tal-aħħar,

–        il-possibbiltà, għall-persuni inkarigati mill-eżami tal-fatti fi ħdan l-imsemmija awtorità pubblika, li jagħmlu konnessjoni bejn tali data u l-fajls li jinkludu elementi li jippermettu li jkun magħruf it-titolu ta’ xogħlijiet protetti li t-tqegħid tagħhom għad-dispożizzjoni fuq l-internet iġġustifika l-ġbir tal-indirizzi IP minn organi tad-detenturi, tkun suġġetta, f’każijiet ta’ twettiq mill-ġdid ta’ attività li tippreġudika d-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati mill-istess persuna, għal stħarriġ minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti, li ma jistax ikun kompletament awtomatizzat u għandu jseħħ qabel tali konnessjoni, peress li din tista’, f’tali każijiet, tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-imsemmija persuna li l-indirizz IP tagħha jkun intuża għal attivitajiet li jistgħu jippreġudikaw id-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati,

–        is-sistema ta’ pproċessar tad-data użata mill-awtorità pubblika, f’intervalli regolari, tkun suġġetta għal stħarriġ minn organu indipendenti li jkollu l-kwalità ta’ persuna terza fir-rigward ta’ din l-awtorità pubblika sabiex tiġi vverifikata l-integrità tas-sistema, inklużi l-garanziji effettivi kontra r-riskji ta’ aċċess u ta’ użu abbużiv jew illegali ta’ din id-data, kif ukoll l-effikaċja u l-affidabbiltà tagħha biex jiġu identifikati eventwali nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu.

 Fuq lispejjeż

165    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Qorti Plenarja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika(Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal25 ta’ Novembru 2009, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretati fis-sens li:

ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lill-awtorità pubblika inkarigata mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati kontra l-ksur ta’ dawn id-drittijiet imwettaq fuq l-internet taċċedi għad-data, miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku, dwar l-identità ċivili korrispondenti għal indirizzi IP miġbura minn qabel minn organi ta’ detenturi, sabiex din l-awtorità tkun tista’ tidentifika d-detenturi ta’ dawn l-indirizzi, użati għal attivitajiet li jistgħu jikkostitwixxu tali ksur, u tkun tista’ tieħu, jekk ikun il-każ, miżuri fil-konfront tagħhom, bil-kundizzjoni li, skont din il-leġiżlazzjoni,

–        din id-data tinżamm f’kundizzjonijiet u skont modalitajiet tekniċi li jiggarantixxu li jiġi eskluż li din iż-żamma tista’ tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata ta’ dawn id-detenturi, pereżempju billi jiġi stabbilit il-profil iddettaljat tagħhom, li tista’ titwettaq, b’mod partikolari, bl-impożizzjoni fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi ta’ obbligu ta’ żamma tal-kategoriji differenti ta’ data personali, bħala ma hija d-data dwar l-identità ċivili, l-indirizzi IP kif ukoll id-data dwar it-traffiku u d-data dwar il-lokalizzazzjoni, li tkun tiggarantixxi separazzjoni effettivament stretta u sigura ta’ dawn id-diversi kategoriji ta’ data li tipprekludi, fl-istadju taż-żamma, kwalunkwe użu kkombinat ta’ dawn il-kategoriji differenti ta’ data, u għal perijodu li ma jeċċedix dak li huwa strettament neċessarju,

–        l-aċċess ta’ din l-awtorità pubblika għal tali data miżmuma b’mod separat u effettivament strett u sigur iservi esklużivament sabiex tiġi identifikata l-persuna ssuspettata li wettqet reat kriminali u għandu jkollu l-garanziji neċessarji sabiex jiġi eskluż li, ħlief f’sitwazzjonijiet atipiċi, dan l-aċċess jista’ jippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tad-detenturi tal-indirizzi IP, pereżempju billi jiġi stabbilit il-profil iddettaljat tagħhom, li jimplika, b’mod partikolari, li l-membri tal-persunal ta’ din l-awtorità awtorizzati li jkollhom tali aċċess għandhom jiġu pprojbiti milli jiżvelaw, taħt kwalunkwe forma, informazzjoni dwar il-kontenut tal-fajls ikkonsultati minn dawn id-detenturi, ħlief sabiex jadixxu lill-prosekutur pubbliku, milli jwettqu kull traċċament tal-proċess ta’ navigazzjoni ta’ dawn id-detenturi u, b’mod iktar ġenerali, milli jużaw dawn l-indirizzi IP għal finijiet differenti minn dak tal-identifikazzjoni tad-detenturi tagħhom sabiex possibbilment jadottaw miżuri fil-konfront ta’ dawn tal-aħħar,

–        il-possibbiltà, għall-persuni inkarigati mill-eżami tal-fatti fi ħdan l-imsemmija awtorità pubblika, li jagħmlu konnessjoni bejn tali data u l-fajls li jinkludu elementi li jippermettu li jkun magħruf it-titolu ta’ xogħlijiet protetti li t-tqegħid tagħhom għad-dispożizzjoni fuq l-internet iġġustifika l-ġbir tal-indirizzi IP minn organi tad-detenturi, tkun suġġetta, f’każijiet ta’ twettiq mill-ġdid ta’ attività li tippreġudika d-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati mill-istess persuna, għal stħarriġ minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti, li ma jistax ikun kompletament awtomatizzat u għandu jseħħ qabel tali konnessjoni, peress li din tista’, f’tali każijiet, tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-imsemmija persuna li l-indirizz IP tagħha jkun intuża għal attivitajiet li jistgħu jippreġudikaw id-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati

–        is-sistema ta’ pproċessar tad-data użata mill-awtorità pubblika, f’intervalli regolari, tkun suġġetta għal stħarriġ minn organu indipendenti li jkollu l-kwalità ta’ persuna terza fir-rigward ta’ din l-awtorità pubblika sabiex tiġi vverifikata l-integrità tas-sistema, inklużi l-garanziji effettivi kontra r-riskji ta’ aċċess u ta’ użu abbużiv jew illegali ta’ din id-data, kif ukoll l-effikaċja u l-affidabbiltà tagħha biex jiġu identifikati eventwali nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.