Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Darmstadt (il-Ġermanja) fl-24 ta’ Frar 2022 – EF vs Stadt Offenbach am Main

(Kawża C-129/22)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Darmstadt

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: EF

Konvenut: Stadt Offenbach am Main

Domandi preliminari

Ċittadin ta’ pajjiż terz li, fl-ewwel Stat Membru (f’dan il-każ l-Italja), ikun ġie rrikonoxxut li għandu l-istatus ta’ resident għal żmien twil fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul 1 , jista’ jitlob, fit-tieni Stat Membru (f’dan il-każ il-Ġermanja), it-tiġdid ta’ permess ta’ residenza li jkun inħariġlu skont l-Artikoli 14 et seq. tad-Direttiva 2003/109 mingħajr ma jkollu għalfejn jistabbilixxi li huwa għadu jibbenefika mill-istatus ta’ resident għal żmien twil?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv:

L-istatus ta’ resident għal żmien twil għandu jitqies li nżamm fit-tieni Stat Membru għas-sempliċi raġuni li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz huwa d-detentur ta’ permess ta’ residenza bħala resident għal żmien twil fl-Unjoni Ewropea maħruġ mill-ewwel Stat Membru għal perijodu indeterminat, f’sitwazzjoni fejn, matul sitt snin, huwa ma kienx irrisjeda fit-territorju tal-Istat Membru li tah dan l-istatus?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv:

Fil-kuntest tat-tiġdid tal-permess ta’ residenza, it-tieni Stat Membru huwa kompetenti sabiex jeżamina t-telf tal-istatus ta’ resident għal żmien twil skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 2003/109 u, jekk ikun il-każ, sabiex jirrifjuta t-tiġdid, jew l-ewwel Stat Membru huwa kompetenti sabiex jikkonstata t-telf sussegwenti ta’ dan l-istatus?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv:

F’dan il-każ, l-eżami tar-raġuni għat-telf tal-istatus ta’ resident għal żmien twil skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 2003/109 jeħtieġ traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali li tispeċifika l-kundizzjonijiet li jimplikaw it-telf tal-istatus ta’ resident għal żmien twil fl-ewwel Stat Membru jew huwa biżżejjed li d-dritt nazzjonai jipprevedi, mingħajr riferiment konkret għad-Direttiva, li t-tieni Stat Membru jista’ jirrifjuta l-permess ta’ residenza “jekk il-persuna barranija titlef l-istatus tagħha bħala resident għal żmien twil fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni”?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272.