Language of document : ECLI:EU:T:2005:46

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (L-Ewwel Awla)

15 ta' Frar 2005 (*)

«Trade mark Komunitarja – Proċedura ta' oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja figurattiva li tirrappreżenta flixkun tal-birra u li fih l-element verbali 'negra modelo' – Modelo, trade mark figurattiva nazzjonali ta' qabel – Probabbilità ta' konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94»

Fil-kawża T-169/02

Cervecería Modelo, SA de CV, stabbilita f'Mexico (Il-Messiku), rappreżentata minn C. Lema Devesa u A. Velázquez Ibáñez, Avukati,

rikorrenti

vs

Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinji) (UASI), rappreżentat minn J. Crespo Carrillo u I. de Medrano Caballero, bħala aġenti,

konvenut

il-parti l-oħra fil-proċeduri quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, parti intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza,

Modelo Continente Hipermercados, SA, stabbilita f'Senhora da Hora (Il-Portugall), rappreżentata minn N. Cruz, J. Pimenta u T. Colaço Dias, Avukati,

li għandha bħala għan rikors magħmul kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tas-6 ta' Marzu 2002 (Każijiet R 536/2001-3 u R 674/2001-3), relatat ma' proċedura ta' oppożizzjoni bejn Cervecería Modelo, SA de CV  u Modelo Continente Hipermercados, SA,


IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn B. Vesterdorf, President, P. Mengozzi u  I. Labucka, Imħallfin,

Reġistratur:  H. Jung,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit- 30 ta' Mejju 2002,

wara li rat ir-risposta ippreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit- 12 ta' Diċembru 2002,

wara li rat ir-risposta ta' l-intervenjenti ippreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-25 ta' Novembru 2002,

wara s-seduta ta' l- 14 ta' Settembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 L-Isfond tal-Kawża

1       Fid-19 ta’ Mejju 1999, Cervecería Modelo, SA de CV applikat għal trade mark Komunitarja fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinji) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja(ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2       It-trade mark li tagħha ntalbet ir-reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv riprodott hawn taħt, li għandu l-kuluri oranġjo, abjad, iswed, kannella u l-kulur tad-deheb (minn hawn ‘il quddiem imsejħa "trade mark NEGRA MODELO").

Image not found

3       Il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 25, 32 u 42 skond Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Prodotti u tas-Servizzi għall-iskopijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, [traduzzjoni mhux uffiċjali], kif riveduta u modifikata, u li jikkorrispondu għal kull waħda mill-klassijiet skond id-deskrizzjonijiet li ġejjin:

–       klassi 25: "Ħwejjeġ";

–       klassi 32: "Birer";

–       klassi 42: "Servizzi ta’ barijiet, ristoranti u night clubs".

4       L-applikazzjoni ġiet ippubblikata fis-17 ta’ Jannar 2000, fil-Bullettin tat-Trademarks Komunitarji [Bullettin des marques communautaires] Nru 5/2000.

5       Fis-17 ta’ April 2000, Modelo Continente Hipermercados, SA ressqet oppożizzjoni kontra l-applikazzjoni tar-rikorrenti, skond l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94. L-oppożizzjoni kienet fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi kollha msemmija fl-applikazzjoni tar-rikorrenti għal trade mark Komunitarja. Din l-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark figurattiva nazzjonali li ġejja:

Image not found

6       Din it-trade mark kienet ġgiet irreġistrata fil-Portugall fl-20 ta’ Jannar 1995, għal "artikoli ta' ħwejjeġ, li jinkludu ukoll żraben" li jaqgħu taħt il-klassi 25, u fl-20 ta’ April 1995 għal "sirup, birer, soft drinks u xorb li mhuwiex alkoħoliku" li jaqgħu taħt il-klassi 32.

7       Permezz tad-Deċiżjoni Nru 763/2001, tat-23 ta’ Marzu 2001, id-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni ta’ l-UASI laqgħet l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni fir-rigward tal-"ħwejjeġ", is-"servizzi ta’ barijiet, ristoranti u night clubs" u, peress illi laqgħet parzjalment l-oppożizzjoni, ċaħdet din l-applikazzjoni fir-rigward tal-prodott inkluż fil-klassi 32 ("birra"), għar-raġuni li kienet teżisti probbabilità ta’ konfużjoni bejn is-sinjali konfliġġenti għal dan il-prodott.

8       Fit-23 ta’ Mejju 2001, ir-rikorrenti ressqet rikors (Kawża R 536/2001-3) kontra d-Deċciżjoni tad-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni, fejn issostni li din ma kellhiex tirrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba għall-prodott rilevanti fil-klassi 32 («birra»).

9       Fit-23 ta’ Mejju 2001, l-intervenjenti ressqet rikors (Kawża R 674/2001-3) kontra din l-istess deċiżjoni, safejn hija tilqa’ l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

10     Permezz tad-Deċiżjoni tas-6 ta’ Marzu 2002 (minn hawn ‘il quddiem imsejħa d-"deċiżjoni kkontestata"), it-Tielet Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI ċaħad ir-rikorsi, filwaqt li kkonferma r-reġistrazzjoni tat-trade mark għall-prodotti u s-servizzi fil-klassijiet 25 u 42 kif ukoll iċ-ċaħda tar-reġistrazzjoni għall-prodott fil-klassi 32, għhall-motiv li għal dan il-prodott kienet teżisti probbabilità ta’ konfużjoni bejn it-trade mark Komunitarja mitluba u t-trade mark nazzjonali ta’ qabel.

 Talbiet tal-Partijiet

11     Ir-rikorrenti titlob lil din il-Qorti:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tikkundanna l-UASI għall-ħlas ta’ l-ispejjeż.

12     L-UASI u l-parti intervenjenti jitolbu lil din il-Qorti:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti għall-ħlas ta’ l-ispejjeż.

 Il-Liġi

13     B’sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 Argumenti tal-partijiet

14     Ir-rikorrenti, l-ewwelnett, issostni li l-probbabilità ta’ konfużjoni bejn it-trade mark NEGRA MODELO li tagħha ntalbet ir-reġistrazzjoni u t-trade mark Modelo ta’ l-intervenjenti għandha tiġi evalwata fuq l-bażi ta’ l-użu li l-intervenjenti kellha qabel.  Madanakollu, peress illi l-intervenjenti, fil-fehma tar-rikorrenti, ma ġabet ebda prova ta’ użu serju tat-trade mark tagħha, ma jistax ikun hemm probbabilità ta’ konfużjoni bejn din it-trade mark u t-trade mark tar-rikorrenti.

15     It-tieninett, ir-rikorrenti tirreferi għar-reputazzjoni tat-trade mark NEGRA MODELO, filwaqt li tosserva li, min-naħa waħda, il-Bord ta’ l-Appell ma ħax kunsiderazzjoni biżżejjed ta’ din ir-reputazzjoni meta kien qiegħed jevalwa l-probbabilità ta’ konfużjoni mat-trade mark ta’ l-intervenjenti u, min-naħa l-oħra, li din ir-reputazzjoni ma tħallix li l-konsumatur jiġi żgwidat u b’hekk teskludi il-probbabilità ta’ konfużjoni.

16     It-tieletnett, ir-rikorrenti tikkontesta l-kunsiderazzjonijiet tal-Bord ta’ l-Appell fir-rigward ta’ l-eżistenza ta’ probbabilità ta’ konfużjoni bejn it-trade mark ta’ qabel u dik proposta għhar-reġistrazzjoni.  F’dan ir-rigward, il-Bord ma evalwax il-probbabilità ta’ konfużjoni b’mod globali, fuq il-bażi ta’ l-impressjoni totali li titħalla mit-trade marks in kwistjoni fuq livell viżwali, fonetiku u konċettwali, għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja f’paragrafu 25 tas-sentenza tagħha tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer (Kawża C-342/97, Ġabra p. I-3819).  Barra minn hekk, mill-evalwazzjoni sħiħa il-Bord ħalla barra l-elementi figurattivi u l-kuluri deskritti fl-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja NEGRO MODELO.  Fl-aħħarnett, il-Bord żbaljatament fired il-kliem "negra" u "modelo", peress illi kkunsidra lill-ewwel waħda bħala deskrittiva.

17     Mill-bidunett l-UASI tfakkar li skond l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94, il-prova ta’ l-użu tat-trade mark ta’ qabel, li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni, għandha tiġi miġjuba mill-persuna li tkun qed tagħmel l-oppożizzjoni jekk l-applikant iressaq talba f'dan is-sens.  F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma kinitx ressqet talba sabiex il-persuna li kienet qed tagħmel l-oppożizzjoni ġġib tali prova.

18     Fir-rigward ta’ l-argument imressaq mir-rikorrenti fuq il-bażi ta’ l-allegata reputazzjoni tat-trade mark tagħha, l-UASI tirrileva li d-dokumenti li hija ppreżentat sabiex issostni tali reputazzjoni jirreferu għall-użu tat-trade mark fi Spanja, meta fil-fatt huwa fil-Portugall li l-probbabilità ta’ konfużjoni għandha tiġgi evalwata.  Barra minn hekk, waqt is-seduta l-UASI kkontestat l-ammissibilità ta’ l-imsemmija dokumenti għal-motiv li huma kienu ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti.

19     Fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tal-probbabilità ta’ konfużjoni, l-UASI tirrileva li, jekk, fuq livell viżwali, x-xebh bejn iż-żewġ trade marks in kwistjoni hija żgħira, dan ix-xebh huwa aktar fuq il-livelli fonetiċi u konċettwali.  Fir-rigward, b’mod partikolari, tax-xebh konċettwali, l-UASI jikkunsidra li l-Bord ma firidx l-elementi tas-sinjal li jifforma t-trade mark b’mod arbitrarju, iżda, għall-kuntrarju, analiżża b’mod globali l-elementi kollha li jiffurmawh.

20     L-intervenjenti ssostni li m’hemmx kuntradizzjoni bejn l-evalwazzjoni globali tal-probbabilità ta’ konfużjoni u l-eżami ta’ l-elementi distintivi u dominanti tat-trade mark, peress illi l-viżjoni unitarja u kompluta tat-trade mark turi li wieħed minn dawn l-elementi huwa predominanti.

21     Fuq livell konċettwali, l-intervenjenti ssostni ukoll li l-kelma "negra" għandha tifsira partikolari, jiġifieri li "min għandu kulur skur ħafna: iswed", u li hija użata fil-Portugall fil-lingwaġgġ ta’ kuljum sabiex tindika tip ta’ birra kannella.  Għaldaqstant, b’referenza għall-prodotti indikati mit-trade marks in kwistjoni, il-kelma "negra" m’għandha ebda karattru distintiv.

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

22     Skond l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, fi proċedura li tikkonċerna l-motivi għal rifjut ta’ reġistrazzjoni, l-eżami għandu jkun limitat għall-fatti, provi u argumenti imressqa mill-partijiet.  B’hekk, fir-rigward ta’ raġuni relattiva għal rifjut ta’ reġistrazzjoni, elementi ta’ dritt u ta’ fatt li huma mressqa quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza mingħajr ma kienu ġew mressqa qabel quddiem l-UASI ma jistgħux jaffettwaw il-legalità ta’ deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI [ara, għal dak li jikkonċerna elementi ta’ fatti ġodda, sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Lulju 2004, Samar vs UASI – Grotto (GAS STATION), Kawża T-115/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, paragrafu 13].

23     Konsegwentament, fil-kuntest tar-reviżjoni tal-legalità ta' deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta’ l-Appell ta’ l-UASI, li taqa’ taħt il-kompetenza tal-Qorti skond l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94, dawn l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt ma jistgħux jiġu eżaminati meta tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell u għaldaqstant, huma għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli (sentenza GAS STATION, hawn fuq imsemmija, paragrafu 14).

24     F’dan il-każ, peress illi mhuwiex ikkontestat li l-oġġezzjonijiet bbażati fuq in-nuqqas ta’ użu tat-trade mark ta’ qabel u r-reputazzjoni tat-trade mark proposta għar-reġistrazzjoni ma ġewx evalwati mill-Bord ta’ l-Appell, minħabba li r-rikorrenti ma bbażatx ruħha fuqhom, dawn għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

25     Fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ probbabilità ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ trade marks in kwistjoni, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill, 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40 p. 1), u tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar ir-Regolament Nru 40/94, il-probbabilità ta’ konfużjoni teżisti jekk il-pubbliku jista' jemmen li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni ġejjin mill-istess intrapriża, jew, jekk ikun il-każ, minn intrapriżi ekonomikament marbuta [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, Kawża C-39/97, Ġabra p. I-5507, paragrafu 29, u Lloyd Schunfabrik Meyer, hawn fuq imsemmija, paragrafu 17, sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Oberhauser vs UASI – Petit Liberto (Fifties), Kawża T-104/01, Ġabra p. II-4359, paragrafu 25, tal-15 ta’ Jannar 2003, Mystery Drinks vs UASI – Karlsberg Brauerei (MYSTERY), Kawża T-99/01, Ġabra p. II -43, paragrafu 29, u tas-17 ta’ Marzu 2004, El Corte Inglés vs UASI – González Cabello et Iberia Líneas Aéreas de España (MUNDICOR), Kawżi T0183/02 u T-184/02, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra, paragrafu 64].

26     B’mod partikolari, skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, l-evalwazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ probbabilità ta’ konfużjoni timplika, min-naħa, l-identiċità u x-xebh tal-prodotti jew servizzi indikati permezz tas-sinjali konfliġġenti u, min-naħa l-oħra, l-identiċità u x-xebh bejn dawn is-sinjali.

27     F’dan il-każ, fir-rigward tax-xebh tal-prodotti, hemm qbil bejn il-partijiet li l-prodott indikat permezz tat-trade mark ta’ qabel u dik proposta għar-reġistrazzjoni huwa l-istess, jiġifieri birra.

28     Għal dak li jikkonċerna x-xebh bejn is-sinjali konfliġġenti, għandu jiġi rilevat li l-probbabilità ta’ konfużjoni li kienet identifikata mill-Bord ta’ l-Appell kienet fuq is-suq Portugiż (paragrafu 50 tad-deċiżjoni kkontestata).  Il-Bord ta’ l-Appell ikkonkluda ukoll li l-konsumatur rilevanti kien il-konsumatur medju Portugiż, normalment infurmat u raġonevolment attent u prudenti, li b’referenza għalih huwa evalwa l-impressjoni li t-trade marks in kwistjoni jistgħu jħallu.  Dawn il-konklużjonijiet tal-Bord ta’ l-Appell ma ġewx ikkontestati fil-kuntest tar-rikors preżenti.

29     Għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-probbabilità ta’ konfużjoni, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta (paragrafu 36 et seq.) li l-Bord ta’ l-Appell qabbel it-trade marks in kwistjoni billi kkunsidra l-impressjoni totali li titħalla mit-trade marks konfliġgġenti fuq il-livelli viżwali, fonetiċi u konċettwali.

30     Kuntrarjament għal dak illi ssostni r-rikorrenti, il-Bord ta’ l-Appell għaldaqstant ma naqasx milli jwettaq l-obbligu ta’ evalwazzjoni globali tal-probbabilità ta’ konfużjoni.

31     Għal dak li jikkonċerna l-osservazzjoni tar-rikorrenti dwar l-evalwazzjoni separata tal-kliem "negra" u "modelo", għandu jiġi mfakkar li l-evalwazzjoni globali tal-probbabilità ta’ konfużjoni bejn żewġ trade marks għandha tkun ibbażata fuq l-impressjoni totali li titħalla minnhom, tenut kont, b’mod partikolari, ta’ l-elementi distintivi u dominanti tagħhom [ara, b’analoġija, sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, Kawża C-251/95, Ġabra p. I-6191, paragrafu 23, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, hawn fuq imsemmija, paragrafu 25, sentenza Fifties, hawn fuq imsemmija, paragrafu 34].

32     Fir-rigward ta’ trade marks magħmula min-numru ta' kliem, it-tfittxija ta' element dominanti inevitabilment tinvolvi analiżi tat-tifsira, għall-konsumatur rilevanti, ta’ kull waħda minn dawn il-kliem.

33     Din it-tfittxija għandha tkun ibbażata, minn naħa, fuq eżami tat-trade marks in kwistjoni, "kull waħda kkunsidrata fl-intier tagħha", u, min-naħa l-oħra, fuq il-"kwalitajiet intrinsiċi" ta’ kull waħda mill-partijiet billi jiġu mqabbla ma’ dawk tal-partijiet l-oħra [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), Kawża T-6/01, Ġabra p. II-4335, paragrafi 34 u 35].

34     Għandu jiġi rilevat ukoll li l-pubbliku rilevanti mhuwiex ser jikkunsidra element deskrittiv li jifforma parti minn trade mark kumplessa bħala element distintiv u dominanti ta’ l-impressjoni totali li titħalla mit-trade mark [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Lulju 2003, Alejandro vs UASI – Anheuser-Busch (BUDMEN), Kawża T-129/01, Ġabra p. II-2251, paragrafu 53, tat-18 ta’ Frar 2004, Koubi vs UASI – Flabesa (CONFORFLEX), Kawża T-10/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, paragrafu 60, u tas-6 ta’ Lulju 2004 Grupo El Prado Cervera vs UASI – Debuschewitz (CHUFAFIT), Kawża T-117/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, paragrafu 51].

35     F’dan il-każ, ma jistgħax jiġi kkontestat li l-kelma "modelo" hija l-element dominanti tat-trade mark kumplessa NEGRA MODELO.

36     Fil-fatt, "negra" huwa element deskrittiv, peress illi jista’ jiġi użat bil-Portugiż sabiex jindika birra kannella, jiġifieri t-tip ta’ birra mibjugħha taħt it-trade mark NEGRA MODELO.

37     Konsegwentament, l-attenzjoni tal-konsumatur medju Portugiż ser tkun ikkonċentrata fuq il-kelma "modelo".

38     Isegwi li "modelo" hija l-element dominanti tat-trade mark NEGRA MODELO, kemm meta din il-kelma hija kkunsidrata b’referenza għall-elementi l-oħra tat-trade mark kif ukoll meta tiġi evalwata l-impressjoni totali li hija tħalli.  Għaldaqstant, il-Bord ta’ l-Appell iddeċieda tajjeb meta fil-paragrafu 42 tad-deċiżjoni kkontestata sab li l-kelma dominanti fit-trade mark proposta għar-reġistrazzjoni hija "modelo".

39     Fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti skond liema il-Bord naqas milli jieħu in kunsiderazzjoni l-karatteristiċi grafiċi tat-trade mark NEGRA MODELO, għandu jiġi nnutat li, fl-analiżi ta’ l-impressjoni totali li titħalla mit-trade marks in kwistjoni fuq il-livelli viżwali, fonetiċi u konċettwali, mhuwiex neċessarju li teżisti l-probbabilità ta’ konfużjoni fir-rigward ta’ dawn il-livelli kollha.  Fil-fatt, kif kien imfakkar tajjeb mill-UASI, huwa possibbli li ċerti differenzi eżistenti fuq wieħed minn dawn il-livelli jista’ jiġi newtralizzat, fl-impressjoni totali li titħalla lill-konsumatur, permezz ta’ similaritajiet li jeżistu fuq livelli oħra.  Tenut kont tax-xebh fonetiku u konċettwali bejn is-sinjali in kwistjoni, id-differenzi viżwali bejn is-sinjali mhumiex tali li jeskludu l-eżistenza ta’ probbabilità ta’ konfużjoni (sentenza Fifties, hawn fuq imsemmija, paragrafu 46).

40     F’dan il-każ, l-identiċità fonetika u konċettwali bejn l-element dominanti tat-trade mark proposta għar-reġistrazzjoni u t-trade mark ta’ qabel tinnewtralizza d-differenzi viżwali li joħorġu mill-karatteristiċi grafiċi tat-trade mark proposta għar-reġistrazzjoni, b’mod li dawn id-differenzi ma jeskludux probbabilità ta’ konfużjoni.

41     Barra minn hekk, dan ix-xebh jikkonċerna żewġ trade marks li jindikaw l-istess prodott, jiġifieri l-birra.  F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li grad iżgħar ta’ xebh bejn it-trade marks jista’ jiġi kkumpensat permezz ta’ grad akbar ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi indikati (ara, b’analoġija, sentenzi Canon, hawn fuq imsemmija, paragrafu 17, u Lloyd Schunfabrik Meyer, hawn fuq imsemmija, paragrafu 19, sentenza Fifties, hawn fuq imsemmija, paragrafu 27).

42     Minn dak li ngħad qabel, isegwi li l-evalwazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata tal-probbabilità ta’ konfużjoni bejn it-trade mark NEGRA MODELO tar-rikorrenti u t-trade mark Modelo ta’ l-intervenjenti, mhijiex illegali, peress illi l-Bord ta’ l-Appell ikkonkluda b'mod korrett li l-kelma "modelo" hija dominanti fit-trade mark tar-rikorrenti u li hija ukoll identika għall-unika kelma li tikkostitwixxi t-trade mark ta’ qabel.

43     F’dan il-każ, l-identiċità tal-prodott indikat permezz tas-sinjali konfliġġenti ma tagħmel xejn ħlief li ssaħħaħ ix-xebh bejniethom.

44     Abbażi ta’ dak li ngħad qabel, għandu jiġi kkonstatat li teżisti probbabiltà li l-pubbliku rilevanti jista' jiġi mwassal biex jemmen li l-prodotti indikati permezz tas-sinjali konfliġġenti ġejjin mill-istess intrapriża jew, mill-inqas, minn intrapriżi ekonomikament marbuta.

45     Barra minn hekk, l-eżistenza ta’din il-probbabilità ta’ konfużjoni toħroġ ukoll mill-fatt li l-konsumatur medju rari jkollu l-possibilità li jqabbel direttament it-trade marks differenti, iżda jkollu joqgħod fuq l-istampa imperfetta tagħhom li jkollu f’moħħu (sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, hawn fuq imsemmija, paragrafu 26, u sentenza GAS STATION, hawn fuq imsemmija, paragrafu 37).

46     Konsegwentament, għandu jiġi konkluż li teżisti probbabilità ta’ konfużjoni bejn it-trade marks NEGRA MODELO u Modelo, skond kif joħroġ mill-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

47     Minn dak kollu li ngħad qabel isegwi li l-oġġezzjonijiet tar-rikorrenti intiżi sabiex tikseb dikjarazzjoni li l-Bord ta’ l-Appell kiser l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 ma jistgħux jiġu milqugħa.  Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġgi miċħud.

 Dwar l-ispejjeż

48     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.  Peress illi r-rikorrenti tilfet il-kawża, hija għandha tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż, konformement mat-talbiet ta’ l-UASI u ta’ l-intervenjenti.

Għhal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeciedi li

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti hija kkundannata tħallas l-ispejjeż.

Vesterdorf

Mengozzi

Labucka

Mogħhtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-15 ta' Frar 2005.

H. Jung

 

B. Vesterdorf  

Reġistratur

 

President


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.