Language of document :

Appell ippreżentat fil-25 ta’ Frar 2021 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fis-16 ta’ Diċembru 2020 fil-Kawża T-315/19, BT vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-117/21 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: B. Schima, B. Mongin, G. Gattinara, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: BT, Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Association internationale des anciens de l’Union européenne (AIACE Internationale)

Talbiet

tannulla s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2020, BT vs Il-Kummissjoni (T-315/19) ;

tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza ;

tikkundanna lill-konvenuta fl-appell għall-ispejjeż tal-kawża fl-ewwel istanza;

tikkundanna lill-konvenuta fl-appell għall-ispejjeż tal-kawża fl-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li jikkonċerna l-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-legalità tal-għażliet imwettqa mil-leġiżlatur u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni (punti 42, 49 u 57 tas-sentenza appellata). Il-Kummissjoni tqis li:

- il-Qorti Ġenerali injorat il-prinċipju li abbażi tiegħu l-evalwazzjoni tal-legalità ta’ att tal-Unjoni fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ma tistax tkun ibbażata fuq allegazzjonijiet misluta mill-konsegwenzi ta’ dan l-att f’każ partikolari;

- l-illegalità ta’ dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal ma tistax tkun ibbażata fuq in-natura “mhux raġonevoli” tal-għażla magħmula mil-leġiżlatur;

- il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jikkaratterizzaw iż-żewġ sitwazzjonijiet li għandhom jitqabblu, bi ksur tal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza HK vs Il-Kummissjoni (C-460/18 P).

It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, peress li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li s-sitwazzjonijiet indikati fl-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal huma paragunabbli (punti 51 sa 63 tas-sentenza appellata). Il-Kummissjoni ssostni li:

- id-data taż-żwieġ ma huwiex l-uniku kriterju li jiddistingwi l-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Id-distinzjoni hija bbażata fuq sensiela ta’ elementi li l-Qorti Ġenerali rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni ;

- il-Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra l-għan tat-tul minumu taż-żwieġ fiż-żewġ dispożizzjonijiet inkwistjoni, li kien ikun wera d-differenzi bejniethom;

- id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età ma hijiex stabbilita.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fuq diversi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni (punti 66 sa 93 tas-sentenza appellata) :

l-ewwel parti tal-aggravju hija bbażata fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li jikkonsisti fir-rifjut li titwettaq distinzjoni bejn il-konsegwenzi tal-mewt tal-uffiċjal għall-konjuġi superstiti skont jekk iż-żwieġ ikunx seħħ qabel jew wara d-dħul fis-servizz (punti 87 sa 88 tas-sentenza appellata) ;

it-tieni parti tal-aggravju hija bbażata fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-għan intiż sabiex tiġi evitata l-frodi u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni (punti 66 sa 84 tas-sentenza appellata) ;

it-tielet parti tal-aggravju hija bbażata fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-għan intiż għall-protezzjoni tal-bilanċ finanzjarju tal-iskema ta’ pensjonijiet tal-Unjoni (punti 85 sa 93 tas-sentenza appellata).

____________