Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta' Ottubru 2011 - Fundação Calouste Gulbenkian vs UASI - Gulbenkian (GULBENKIAN)

(Kawża T-541/11)

Lingwa tar-rikors: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Fundação Calouste Gulbenkian (Lisbona, il-Portugall) (rappreżentanti: G. Marín Raigal, P. López Ronda u G. Macias Bonilla, avukati)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Micael Gulbenkian (Oeiras, il-Portugall)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tal-15 ta' Lulju 2011 fil-Każ R 1436/2010-2;

teżamina u tieħu inkunsiderazzjoni d-dokumenti ppreżentati fil-kuntest tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni u ta' appell quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) għal dak li jirrigwarda r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew tordna lill-konvenut jadotta deċiżjoni ġdida li tqis dawn id-dokumenti;

tilqa', kollha kemm hi, l-oppożizzjoni tar-rikorrenti;

tordna lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) jiċħad definittivament u kollha kemm hi t-trademark Komunitarja ikkontestata Nru 4724647, tat-trade mark verbali "GULBENKIAN", għall-prodotti u għas-servizzi kollha fil-klassijiet 4, 33, 35, 36, 37, 41, 42 u 44;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti f'dawn il-proċeduri; u

tikkundanna lill-intervenjent, fil-każ li jidher quddiem il-Qorti Ġenerali, għall-ispejjeż ta' dawn il-proċeduri kif ukoll għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem l-UASI (oppożizzjoni u appell).

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell

Trade mark Komunitarja kkonċernata: it-trade mark verbali "GULBENKIAN", b'mod partikolari għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 4, 33, 35, 36, 37 u 42 - Applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja Nru 4724647

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: ir-rikorrenti

Trade mark jew sinjal invokat: trade mark li għandha reputazzjoni fil-Portugall "Fundação Calouste Gulbenkian" għal 'arti (arti plastika u musika); karità (żvilupp tas-saħħa u uman); xjenza (riċerka u promozzjoni); edukazzjoni (sostenn u żvilupp); servizzi tekniċi u ta' tmexxija relatati mal-industrija taż-żejt'; isem tal-Kumpannija "Fundação Calouste Gulbenkian" użat għal 'arti (arti plastika u musika); karità (żvilupp tas-saħħa u uman); xjenza (riċerka u promozzjoni); edukazzjoni (sostenn u żvilupp); servizzi tekniċi u ta' tmexxija relatati mal-industrija taż-żejt'; Logos Nri. 5 351 u 5 352 "Fundação Calouste Gulbenkian" użati għal 'arti (arti plastika u musika); karità (żvilupp tas-saħħa u uman); xjenza (riċerka u promozzjoni); edukazzjoni (sostenn u żvilupp); servizzi tekniċi u ta' tmexxija relatati mal-industrija taż-żejt'.

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: oppożizzjoni parzjalment milqugħa.

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: deċiżjoni tal-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni annullata parzjalment u l-kumplament tal-appell miċħud

Motivi invokati: ksur tal-Artikoli 8(1)(b), 8(4), u 8(5) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009 u tal-ġurisprudenza applikabbli, peress li l-Bord tal-Appell evalwa b'mod żbaljat il-fatturi differenti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni.

____________