Language of document : ECLI:EU:T:2015:188

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

25 ta’ Marzu 2015 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Saħħa pubblika – Għajnuna mogħtija għall-finanzjament ta’ testijiet għall-iscreening tal-enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli (EST) fl-annimali tal-ifrat – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna parzjalment kompatibbli u parzjalment inkompatibbli mas-suq intern – Rikors għal annullament – Att li jikkawża preġudizzju – Ammissibbiltà – Kunċett ta’ vantaġġ – Kunċett ta’ selettività”

Fil-Kawża T‑538/11,

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn C. Pochet u J.‑C. Halleux, bħala aġenti, assistiti minn L. Van den Hende, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn H. van Vliet u S. Thomas, sussegwentement minn H. van Vliet u S. Noë, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 5457 finali, tas-27 ta’ Lulju 2011, dwar l-għajnuna mill-Istat għall-finanzjament tal-iskrining [screening] għall-enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli (EST) fil-bovini [annimali tal-ifrat] implimentata mill-Belġju [Għajnuna mill-Istat C 44/08 (ex NN 45/04)] (ĠU L 274, p. 36),

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, I. Pelikánová u E. Buttigieg (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Settembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru 999/2001

1        Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 999/2001, tat-22 ta’ Mejju 2001, li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered [trażmissibbli] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 32, p. 289), ġie adottat abbażi tal-Artikolu 152(4)(b) KE. Hekk kif jirriżulta mill-premessa 2 tiegħu, dan ir-regolament għandu bħala għan l-adozzjoni ta’ regoli speċifiċi għall-prevenzjoni, għall-kontroll u għall-eradikazzjoni ta’ ċerti enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli (EST), fosthom l-enċefalopatija sponġiformi bovina (ESB), fid-dawl tal-gravità tar-riskju li huma jippreżentaw għas-saħħa tal-annimali.

2        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 999/2001, intitolat “Sistema ta’ sorveljanza”, jipprevedi li:

“Kull Stat Membru għandu jwettaq programm annwali għas-sorveljanza ta’ ESB u scrapie skond l-Anness III, Kapitolu A. Dak il-programm għandu jinkludi kull proċedura ta’ screening bl-użu ta’ testijiet rapidi [mgħaġġla].”

3        Fil-verżjoni oriġinali tar-Regolament Nru 999/2001, il-Parti I tal-Kapitolu A tal-Anness III tiegħu kien jistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għal kull programm ta’ sorveljanza tal-ESB f’annimali tal-ifrat. Huwa kien jipprovdi, b’mod partikolari, l-għażla ta’ ċerti sottopopolazzjonijiet ta’ annimali tal-ifrat ta’ iktar minn 30 xahar, inkluż fosthom dawk sottoposti għal qatla normali għall-konsum mill-bniedem, għall-finijiet ta’ dan il-program.

4        Barra minn hekk, fil-verżjoni oriġinali tar-Regolament Nru 999/2001, il-Parti IV tal-Kapitolu A tal-Anness III tiegħu kien jipprevedi li:

“L-Istati Membri għandhom jaċċertaw illi l-ebda parti tal-ġisem ta’ annimali meħuda bħala kampjun skond dan l-Anness ma jintuża[x] għall-ikel tal-bnedmin, ġwież ta’ l-annimali u fertilizzanti, sakemm tiġi konkluża l-eżaminazzjoni laboratorja b’riżultati negativi.”

5        Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1248/2001, tat-22 ta’ Ġunju 2001, li jemenda l-Annessi III, X u XI tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 32, p. 450), estenda, mill-1 ta’ Lulju 2001, l-obbligu ta’ screening tal-ESB permezz ta’ testijiet mgħaġġla għall-annimali kollha tal-ifrat ta’ iktar minn 24 xahar li jkunu nqatlu b’urġenza.

6        Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1494/2002, tal-21 ta’ Awwissu 2002, li jemenda l-Annessi III, VII u XI għar-Regolament (KE) Nru 999/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 36, p. 550), estenda dan l-istess obbligu għall-annimali tal-ifrat ta’ iktar minn 24 xahar li jkunu mietu jew inqatlu għal finijiet oħra għajr, b’mod partikolari, il-konsum mill-bniedem.

 Il-linji gwida EST

7        Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat, fl-2002, il-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat marbuta mat-testijiet EST, mal-annimali li jinstabu mejta u mal-iskart tal-biċċeriji (ĠU C 324, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida EST”).

8        Il-paragrafu 12 tal-linji gwida EST jippreċiża li dawn “jirrigwardaw l-għajnuna mill-Istat intiża sabiex jiġu koperti l-ispejjeż sostnuti minħabba t-testijiet għall-[iscreening tal-]EST, l-annimali li jinstabu mejta u l-iskart tal-biċċeriji, mogħtija lill-operaturi li jaħdmu fil-produzzjoni, fl-ipproċessar u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ annimali u ta’ prodotti mill-annimali li jaqgħu taħt l-Anness I tat-Trattat” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

9        Għal dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari t-testijiet għall-iscreening tal-EST, il-paragrafi 23 sa 25 tal-linji gwida EST jistabbilixxu dan li ġej:

“23.      Sabiex tiġi promossa l-adozzjoni ta’ miżuri intiżi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-annimali u tal-bnedmin, il-Kummissjoni ddeċidiet li ser tkompli tawtorizza l-għajnuna mill-Istat li tkopri 100 % tal-ispejjeż marbuta mat-testijiet għall-[iscreening tal-]EST, skont il-prinċipji esposti fil-punt 11.4 tal-linji gwida agrikoli.

24.      […] mill-1 ta’ Jannar 2003, għal dak li jirrigwarda l-eżami ESB obbligatorju ta’ annimali tal-ifrat maqtula għall-konsum mill-bniedem, l-għajnuna pubblika diretta u indiretta, inklużi l-ħlasijiet tal-Komunità, ma tistax teċċedi total ta’ EUR 40 għal kull test. L-obbligu ta’ eżami jista’ jkun bbażat fuq il-leġiżlazzjoni Komunitarja jew nazzjonali. Dan l-ammont jirreferi għall-ispiża totali tat-testijiet, inkluż it-tagħmir għat-testijiet, it-teħid ta’ kampjuni, it-trasport, l-eżami, il-ħażna u d-distruzzjoni tal-kampjuni. Dan l-ammont ikun jista’ jitnaqqas fil-futur, ladarba l-ispejjeż marbuta mat-testijiet jonqsu.

25.      L-għajnuna mill-Istat intiża li tkopri l-ispejjeż sostnuti minħabba t-testijiet għall-[iscreening tal-]EST għandha titħallas lill-operatur minn fejn il-kampjuni għall-finijiet tat-test għandhom jittieħdu. Madankollu, sabiex tiġi ffaċilitata l-amministrazzjoni ta’ din l-għajnuna, il-ħlas jista’ jsir lill-laboratorju, bil-kundizzjoni li jkun jista’ jintwera li l-ammont sħiħ tal-għajnuna jkun ġie mħallas lill-operatur. F’kull każ, għajnuna mill-Istat riċevuta direttament jew indirettament minn operatur minn fejn il-kampjuni għall-finijiet tat-test għandhom jittieħdu għandha tiġi riflessa fi tnaqqis ekwivalenti tal-prezzijiet mitluba minnu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

10      Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-għajnuna mill-Istat intiża li tkopri l-ispejjeż sostnuti minħabba t-testijiet għall-iscreening tal-EST u tal-ESB, li tkun ingħatat illegalment qabel l-1 ta’ Jannar 2003, il-paragrafu 45 tal-linji gwida EST jistabbilixxi li l-Kummissjoni għandha tevalwa l-kompatibbiltà tagħha skont il-punt 11.4 tal-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam agrikolu (ĠU 2000 C 28, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida agrikoli 2000‑2006”) u skont il-prattika tagħha mill-2001 li taċċetta tali għajnuna, li tista’ tkopri 100 % tal-ispejjeż.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Il-proċedura quddiem il-Kummissjoni

11      F’Jannar u fi Frar tal-2004, il-Kummissjoni rċeviet ilmenti fir-rigward ta’ abbozz ta’ digriet irjali intiż li jintroduċi, fil-Belġju, taxxa parafiskali intiża li tiffinanzja t-testijiet għall-iscreening tal-ESB.

12      Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Jannar 2004, il-Kummissjoni talbet lir-Renju tal-Belġju sabiex jagħtiha informazzjoni f’dan ir-rigward.

13      Ir-Renju tal-Belġju wieġeb għal din it-talba għal informazzjoni permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Frar 2004. Huwa indika b’mod partikolari lill-Kummissjoni li, mill-1 ta’ Jannar 2001, it-testijiet għall-iscreening tal-ESB kienu obbligatorji, fil-Belġju, għall-annimali tal-ifrat ta’ iktar minn 30 xahar u għall-annimali tal-ifrat ta’ iktar minn 24 xahar li jkunu nqatlu b’urġenza abbażi tar-Regolament Nru 999/2001. Barra minn hekk, huwa ppreċiża li, mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2001, l-ispiża tat-testijiet obbligatorji għall-iscreening tal-ESB kienet ġiet iffinanzjata mit-Teżor pubbliku u, mill-1 ta’ Jannar 2002, mill-Bureau d’Intervention et de Restitution belge (uffiċċju Belġjan għal miżuri ta’ intervent u għal ħlas lura, iktar ’il quddiem il-“BIRB”).

14      Fl-istess ħin, permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Jannar 2004, irreġistrata fit-28 tal-istess xahar, ir-Renju tal-Belġju nnotifika abbozz ta’ digriet irjali dwar il-finanzjament tal-iscreening tal-EST fl-annimali. Din il-miżura ġiet irreġistrata bin-numru N 54/04.

15      Billi l-abbozz ta’ digriet irjali inkwistjoni kien jindika li kienet diġà ngħatat għajnuna u li kienu nġabru taxxi mill-1 ta’ Jannar 2002, il-miżura ġiet irreġistrata bħala mhux innotifikata fid-19 ta’ Lulju 2004 bin-numru NN 45/04.

16      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju tal-Belġju bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE fir-rigward tal-finanzjament tat-testijiet għall-iscreening tal-EST imwettqa fil-Belġju mill-1 ta’ Jannar 2001 sal-31 ta’ Diċembru 2005, u stiednet lil terzi interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-16 ta’ Jannar 2009 (ĠU C 11, p. 8).

17      It-terzi interessati ma ppreżentawx osservazzjonijiet.

18      Ir-Renju tal-Belġju bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Frar 2009.

 Id-deċiżjoni kkontestata

19      Fis-27 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2011/678/UE dwar l-għajnuna mill-Istat għall-finanzjament tal-iskrining [screening] għall-enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli (TSE) [(EST)] fil-bovini implimentata mill-Belġju [Għajnuna mill-Istat C 44/08 (ex NN 45/04)], (ĠU L 274, p. 36, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

20      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni eżaminat is-sistema Belġjana ta’ finanzjament tat-testijiet obbligatorji għall-iscreening tal-ESB sabiex tivverifika jekk din kinitx tissodisfa l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi sabiex għajnuna mill-Istat tkun teżisti, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

21      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Kummissjoni kkonstatat li, mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2001, it-testijiet obbligatorji għall-iscreening tal-ESB kienu ġew iffinanzjati kompletament mit-Teżor pubbliku u, mill-1 ta’ Jannar 2002 sat-30 ta’ Ġunju 2004, mill-BIRB, jiġifieri stabbiliment pubbliku federali bi personalità ġuridika, taħt is-superviżjoni tal-ministre de l’Agriculture et des Classes moyennes belge (Ministru Belġjan tal-Agrikoltura u tal-Klassijiet Medji) u li jiddisponi minn fondi governattivi inklużi fil-baġit għas-setgħa tiegħu ta’ sorveljanza fuq livell federali, kif ukoll minn ċertu dħul proprju. Barra minn hekk, mill-1 ta’ Lulju sat-30 ta’ Novembru 2004, it-testijiet obbligatorji għall-iscreening tal-ESB kienu ġew iffinanzjati mill-Agence fédérale pour la sécurité de la chaîne alimentaire (Aġenzija federali għas-sigurtà tal-katina alimentari, iktar ’il quddiem l-“AFSCA”), jiġifieri minn stabbiliment pubbliku b’personalità ġuridika li, skont il-liġi tal-4 ta’ Frar 2000 dwar il-ħolqien tal-AFSCA, kien iffinanzjat minn dħul varju bħal ħlasijiet remunerattivi (jiġifieri tariffi), kontributi (jiġifieri taxxi parafiskali), dħul minn multi amministrattivi, donazzjonijiet u legati oħra, eċċ. Fl-aħħar nett, għall-perijodu bejn l-1 ta’ Diċembru 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni kkonstatat li t-testijiet obbligatorji għall-iscreening tal-ESB kienu ġew iffinanzjati, minn naħa, permezz ta’ tariffa ta’ EUR 10.70 għal kull annimal tal-ifrat ittestjat imħallsa mill-biċċeriji u ffatturata lill-klijenti ta’ dawn tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, permezz ta’ finanzjament tal-AFSCA mir-riżervi tagħha u mill-antiċipu rimborsabbli li tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha mit-Teżor pubbliku.

22      Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet, minn naħa, li mill-1 ta’ Jannar 2001 sal-31 ta’ Diċembru 2005 it-testijiet obbligatorji għall-iscreening tal-ESB kienu ġew iffinanzjati permezz tar-riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, li l-parti tal-ammont ta’ dawn it-testijiet iffinanzjata, mill-1 ta’ Diċembru 2004, permezz tat-tariffa ta’ EUR 10.70 għal kull annimal tal-ifrat ittestjat ma kinitx ġiet iffinanzjata permezz tar-riżorsi tal-Istat.

23      It-tieni nett, il-Kummissjoni vverifikat jekk is-sistema Belġjana ta’ finanzjament tat-testijiet obbligatorji għall-iscreening tal-ESB kinitx tat vantaġġ ekonomiku selettiv lil ċerti impriżi jew lil ċerti prodotti.

24      Għal dak li jirrigwarda, qabelxejn, il-finanzjament tat-testijiet obbligatorji għall-iscreening tal-ESB permezz tar-riżorsi tal-Istat, inklużi l-kontributi, il-Kummissjoni qieset li l-ispiża tal-kontrolli obbligatorji li kienu jirrigwardaw il-produzzjoni jew il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti kienet spiża li normalment kienet ta’ piż għall-baġit ta’ impriża. Għaldaqstant, fl-opinjoni tagħha, l-iffinanzjar tal-ispiża tal-imsemmija testijiet mir-Renju tal-Belġju mill-1 ta’ Jannar 2001 kien ta vantaġġ lil minn irabbi l-annimali, lill-biċċeriji u lill-impriżi l-oħra li kienu jipproċessaw, jimmaniġġjaw, ibigħu jew jikkummerċjalizzaw prodotti li joriġinaw mill-annimali tal-ifrat suġġetti għal dawn it-testijiet. F’dan ir-rigward, hija osservat li l-prezz ta’ dawn l-istess testijiet kien jitħallas direttament lil-laboratorji, li kellhom l-obbligu li jwettqu t-testijiet inkwistjoni fuq talba tal-biċċeriji, u li kienu jiffatturaw l-ispiża tagħhom lill-AFSCA.

25      Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li l-kundizzjoni dwar is-selettività kienet issodisfatta, peress li l-vantaġġ deskritt preċedentement kien irriżervat unikament għas-settur “tat-trobbija tal-annimali sottomessi għat-testijiet għall-[iscreening tal‑]BSE [ESB]”.

26      Għal dak li jirrigwarda, sussegwentement, il-finanzjament tat-testijiet obbligatorji għall-iscreening tal-ESB permezz ta’ ħlasijiet remunerattivi, jiġifieri permezz ta’ tariffi mħallsa minn operaturi fis-settur, il-Kummissjoni osservat li dan ma kienx ta vantaġġ lill-operaturi fis-settur tal-annimali tal-ifrat, għaliex it-tariffi kienu tħallsu mill-benefiċjarji tas-servizzi pprovduti mill-AFSCA bħala remunerazzjoni għal dawn is-servizzi.

27      It-tielet nett, il-Kummissjoni kkonstatat li l-miżura inkwistjoni kienet twassal għal distorsjoni jew għal theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni u kienet affettwat il-kummerċ bejn Stati Membri.

28      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-finanzjament tat-testijiet obbligatorji għall-iscreening tal-ESB permezz ta’ riżorsi tal-Istat kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

29      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni osservat li l-għajnuna inkwistjoni kienet illegali għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2001 u t-30 ta’ Ġunju 2004, għaliex l-imsemmija għajnuna kienet ingħatat bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE.

30      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni osservat li, mill-1 ta’ Jannar 2003, l-għajnuna inkwistjoni kienet koperta mill-eżenzjoni tal-obbligu ta’ notifika prevista mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1/2004, tat-23 ta’ Diċembru 2003, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli [107 TFUE] u [108 TFUE] dwar l-għajnuna tal-Istat għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju attivi fil-produzzjoni, l-ipproċessar u l-marketing ta’ prodotti tal-agrikoltura (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 24). Madankollu, hija kkonstatat li l-kundizzjonijiet imposti mir-regolament iċċitat iktar ’il fuq ma kinux ġew osservati f’dan il-każ u, għalhekk, li l-imsemmija għajnuna kienet illegali.

31      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni vverifikat jekk kinitx teżisti rabta ta’ allokazzjoni vinkolanti bejn id-dħul mill-kontributi li għandhom jiġu ffinanzjati mill-AFSCA, miġbura mill-1 ta’ Lulju 2004, u l-finanzjament tat-testijiet obbligatorji għall-iscreening tal-ESB. Billi ma kkonstatatx l-eżistenza ta’ tali rabta, hija kkonkludiet li l-kontributi ma kinux jikkostitwixxu parti integrali mill-għajnuna inkwistjoni.

32      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni evalwat il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq intern. Hija vverifikat ukoll jekk il-kundizzjonijiet imposti mil-linji gwida EST ġewx osservati f’dan il-każ.

33      Għal dak li jirrigwardaw, minn naħa, il-finanzjament tat-testijiet obbligatorji għall-iscreening tal-ESB mogħti illegalment qabel l-1 ta’ Jannar 2003, jiġifieri qabel id-dħul fis-seħħ tal-linji gwida EST, il-Kummissjoni kkonstatat li l-kundizzjonijiet imposti mill-punt 11.4 tal-linji gwida agrikoli 2000‑2006, li jirreferi għalihom il-paragrafu 45 tal-linji gwida EST, kienu ssodisfatti. Hija kkonkludiet għalhekk li l-għajnuna mogħtija matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2001 u l-31 ta’ Diċembru 2002 kienu kompatibbli mas-suq intern.

34      Għal dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, il-finanzjament tat-testijiet obbligatorji għall-iscreening tal-ESB mogħti bejn l-1 ta’ Jannar 2003 u l-31 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni qieset li biss il-kundizzjoni imposta mill-paragrafu 24 tal-linji gwida EST, jiġifieri li l-għajnuna nazzjonali u Komunitarja ma teċċedix il-limitu massimu ta’ EUR 40 għal kull test, ma kinitx ġiet osservata matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2003 u t-30 ta’ Ġunju 2004. F’dan ir-rigward, hija osservat li l-ammont totali ta’ dan l-eċċess kien jammonta għal EUR 6 619 810.74.

35      Fil-ħames u fl-aħħar lok, il-Kummissjoni kkonstatat li s-sistema ta’ rkupru tal-għajnuna li teċċedi l-ammont ta’ EUR 40 għal kull test, propost mir-Renju tal-Belġju, ma kienx konformi mar-regoli fil-qasam tal-irkupru ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli.

36      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qieset li, matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2003 u t-30 ta’ Ġunju 2004, ir-Renju tal-Belġju kien implementa l-għajnuna għall-finanzjament tat-testijiet obbligatorji għall-iscreening tal-ESB bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE.

37      Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li l-għajnuna kienet inkompatibbli mas-suq intern, bl-eċċezzjoni tal-ammonti li jeċċedu l-limitu massimu ta’ EUR 40 għal kull test mogħtija matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2003 u t-30 ta’ Ġunju 2004.

38      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ordnat l-irkupru tal-għajnuna illegali u inkompatibbli, bl-eċċezzjoni tal-għajnuna mogħtija lil proġetti speċifiċi li, meta ngħatat l-għajnuna, kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fir-Regolament de minimis applikabbli.

39      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jaqra kif ġej:

Artikolu 1

1.      Il-miżuri ffinanzjati permezz tar-retribuzzjonijiet [ħlasijiet remunerattivi] mhumiex għajnuna.

2.      Il-finanzjament tat-testijiet għall-[iscreening tal-]BSE [ESB] permezz tar-riżorsi tal-Istat jikkostitwixxi għajnuna kumpatibbli mas-suq intern li tingħata lill-bdiewa, lill-biċċeriji u lil entitajiet oħrajn li jipproċessaw, jimmaniġġjaw, ibiegħu jew jikkumerċjalizzaw prodotti li jkunu ġejjin mill-bovini [annimali tal-ifrat] u sottomessi għal test obbligatorju għall-BSE għall-perjodu li jkopri bejn l-1 ta’ Jannar 2001 u l-31 ta’ Diċembru 2002 u għall-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Lulju 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2005.

3.      Il-finanzjament tat-testijiet għall-[iscreening tal-]BSE permezz tar-riżorsi tal-Istat għall-perjodu li jkopri bejn l-1 ta’ Jannar 2003 u t-30 ta’ Ġunju 2004 huwa għajnuna kumpatibbli mas-suq intern li tingħata lill-bdiewa, lill-biċċeriji u lil entitajiet oħrajn li jipproċessaw, jimmaniġġjaw, ibiegħu jew jikkumerċjalizzaw prodotti li jkunu ġejjin mill-bovini u sottomessi għal test obbligatorju għall-BSE għall-ammonti taħt EUR 40 għal kull test. L-ammonti li jaqbżu EUR 40 għal kull test mhumiex kumpatibbli mas-suq intern u għandhom jiġu rkuprati, minbarra l-għajnuna mogħtija lil proġetti speċifiċi li, meta ngħatat l-għajnuna, kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fir-Regolament de minimis applikabbli.

4.      Il-Belġju implimenta b’mod illegali għajnuna għall-finanzjament tat-testijiet għall-[iscreening tal-]BSE bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE matul il-perjodu li jkopri bejn l-1 ta’ Jannar 2001 u t-30 ta’ Ġunju 2004.

Artikolu 2

1.      Il-Belġju għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna illegali u mhux kumpatibbli msemmija fl-Artikolu 1(3) u (4), mingħand il-benefiċjarji.

[…]

Artikolu 3

L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1(2) u (3), għandu jkun immedjat u effettiv.

Il-Belġju għandu jiżgura li din id-Deċiżjoni tkun implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 4

1.      Fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, il-Belġju għandu jippreżenta din l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(a)      il-lista tal-benefiċjarji li rċevew għajnuna msemmija fl-Artikolu 1(3) u (4), u l-ammont totali tal-għajnuna li rċieva kull wieħed minnhom;

(b)      l-ammont totali (kapital u imgħax tal-irkupru) li għandu jiġi rkuprat mingħand il-benefiċjarji;

[…]

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

40      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Ottubru 2011, ir-Renju tal-Belġju ppreżenta dan ir-rikors.

41      Ir-Renju tal-Belġju jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-dispożittiv tagħha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

42      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ispejjeż.

43      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, stiednet lill-partijiet sabiex iwieġbu bil-miktub għal xi mistoqsijiet. Il-partijiet ikkonformaw ruħhom ma’ dawn il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fit-termini imposti.

44      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-5 ta’ Settembru 2014.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

45      Mingħajr ma tqajjem formalment l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali tiddikjara dan ir-rikors inammissibbli sa fejn huwa indirizzat kontra l-Artikolu 1(2) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni kkontestata, li jikklassifikaw il-miżura inkwistjoni bħala għajnuna kompatibbli mas-suq intern. F’dan ir-rigward, hija ssostni, essenzjalment, li din il-parti tad-dispożittiv ma hijiex att li jista’ jiġi kkontestat skont l-Artikolu 263 TFUE, għaliex hija ma tipproduċix effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-Renju tal-Belġju.

46      Fir-replika, ir-Renju tal-Belġju talab sabiex ir-rikors jiġi ddikjarat ammissibbli, b’mod partikolari sa fejn huwa kien indirizzat kontra l-Artikolu 1(2) u (3) tad-deċiżjoni kkontestata.

47      Minn ġurisprudenza stabbilita żviluppata fil-kuntest ta’ rikorsi għal annullament ippreżentati minn Stati Membri jew minn istituzzjonijiet jirriżulta li kull dispożizzjoni adottata mill-istituzzjonijiet, irrispettivament mill-forma, intiża sabiex tipproduċi effetti legali vinkolanti titqies li hija att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE (sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1971, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, 22/70, Ġabra, EU:C:1971:32, punt 42; tat-2 ta’ Marzu 1994, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑316/91, Ġabra, EU:C:1994:76, punt 8, u tat-13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, Ġabra, EU:C:2011:656, punt 36). Barra minn hekk mill-ġurisprudenza jirriżulta li Stat Membru jista’ jippreżenta rikors għal annullament ta’ att li jipproduċi effetti legali vinkolanti mingħajr il-bżonn li dan juri interess ġuridiku (sentenzi Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ʼil fuq, EU:C:2011:656, punt 36, u tal-20 ta’ Settembru 2012, France vs Il‑Kummissjoni, T‑154/10, Ġabra, EU:T:2012:452, punt 37).

48      Barra minn hekk, sabiex jiġi evalwat jekk id-deċiżjoni kkontestata tistax tiġi kkontestata, għandu jiġi eżaminat jekk din tikkostitwixxix att intiż li jipproduċi effetti legali vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, EU:C:2011:656, punt 40), liema fatt għandu jiġi ddeterminat abbażi tal-kontenut tagħha (sentenza France vs Il‑Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, EU:T:2012:452, punt 37).

49      F’dan il-każ, l-Artikolu 1(2) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni kkontestata, li jikklassifikaw il-miżura inkwistjoni bħala għajnuna kompatibbli mas-suq intern, huma neċessarjament intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti u jikkostitwixxu, għalhekk, att li jista’ jiġi kkontestat skont l-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi il-Baxxi, C‑279/08 P, Ġabra, EU:C:2011:551, punti 35 sa 42).

50      Il-ġurisprudenza ċċitata mill-Kummissjoni ma tistax tinvalida l-konklużjoni preċedenti.

51      Għal dak li jirrigwarda, qabelxejn, il-kawża li tat lok għad-digriet tat-28 ta’ Jannar 2004, Il‑Pajjiżi il-Baxxi vs Il‑Kummissjoni (C‑164/02, Ġabra, EU:C:2004:54), biżżejjed jiġi kkonstatat li r-raġuni li wasslet għal dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors tar-Renju tal-Pajjiżi il-Baxxi, ippreżentat kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna mas-suq intern, kienet ikkostitwita mill-fatt li dan l-Istat Membru kien talab l-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni “sa fejn il-Kummissjoni [kienet] ikkonkludiet li l-kontributi allokati lill-awtoritajiet portwali […] [kienu] jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE”, filwaqt li din il-konklużjoni ma tinsabx fid-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni.

52      Sussegwentement, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma qisitx fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, punt 49 iktar ’il fuq (EU:C:2011:551), li l-oppożizzjoni espliċita ta’ Stat Membru għall-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat ta’ miżura, b’mod partikolari fil-mument tan-notifika, hija element “determinanti” għall-finijiet tal-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat minn dan l-Istat Membru kontra deċiżjoni li tiddikjara l-imsemmija miżura kompatibbli mas-suq intern.

53      Fil-fatt, għandu jiġi osservat li , fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, punt 49 iktar ’il fuq (EU:C:2011:551), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 107(1) u (3) TFUE, li, filwaqt li tikklassifika l-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat, tiddikjaraha kompatibbli mas-suq komuni, kellha titqies bħala att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, għar-raġuni li l-klassifikazzjoni żbaljata ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat kellha konsegwenzi ġuridiċi għall-Istat Membru li jinnotifika inkwantu din il-miżura kienet suġġetta għal sorveljanza kostanti mill-Kummissjoni u għal kontroll perjodiku min-naħa tagħha, b’tali mod li dan l-Istat Membru kellu marġni ta’ manuvra ristretta fl-implementazzjoni tal-miżura nnotifikata (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, punt 49 iktar ’il fuq, EU:C:2011:551, punti 41 u 42).

54      Fl-aħħar nett, iċ-ċirkustanza, invokata mill-Kummissjoni, li tgħid li, qabel il-proċedura amministrattiva, ir-Renju tal-Belġju kien ammetta, għall-inqas b’mod impliċitu, li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, anki jekk jiġi preżunt li dan huwa minnu, ma jistax ikollha effett fuq l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tal-kontroreplika l-Kummissjoni stess irrikonoxxiet li, mil-lat strettament legali, il-fatt li ammetta preċedentement li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna ma jċaħħadx ir-Renju tal-Belġju mid-dritt li jikkontesta dan il-fatt.

55      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, dan ir-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

 Fuq il-mertu

56      Ir-Renju tal-Belġju jqajjem motiv uniku insostenn tar-rikors, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat il-finanzjament tat-testijiet obbligatorji għall-iscreening tal-ESB.

57      B’mod iktar partikolari, ir-Renju tal-Belġju jqis li waħda mill-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi affermata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat hija ma hijiex preżenti f’dan il-każ, jiġifieri l-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv mogħti mill-miżura inkwistjoni.

58      Il-motiv uniku jinqasam f’ħames partijiet ibbażati, rispettivament, l-ewwel nett, fuq l-assenza ta’ taffija ta’ spiża li normalment hija ta’ piż għall-baġit ta’ impriża, it-tieni nett, fuq l-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-finanzjament tat-testijiet obbligatorji għall-iscreening tal-ESB, it-tielet nett, fuq l-assenza ta’ kumpens eċċessiv li jirriżulta mill-miżura inkwistjoni, ir-raba’ nett, fuq l-assenza ta’ natura selettiva tal-miżura inkwistjoni u, il-ħames nett, fuq l-irrilevanza tas-sistemi ta’ finanzjament tal-imsemmija testijiet fis-seħħ fl-Istati Membri l-oħra fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar is-selettività.

59      Il-Qorti Ġenerali tqis li għandha tiġi eżaminata qabelxejn it-tieni parti tal-motiv invokat qabel ma tiġi eżaminata l-ewwel, ir-raba’, il-ħames u t-tielet parti tiegħu.

 Fuq it-tieni parti tal-motiv uniku, ibbażata fuq l-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-finanzjament tat-testijiet obbligatorji għall-iscreening tal-ESB

60      Ir-Renju tal-Belġju jsostni, essenzjalment, li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-finanzjament tat-testijiet obbligatorji għall-iscreening tal-ESB fl-Unjoni Ewropea, huwa kien liberu li jiffinanzja huwa stess l-ispiża tal-imsemmija testijiet mingħajr ma dan jiġi eżaminat fid-dawl tal-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

61      Il-Kummissjoni titlob li din il-parti tiġi miċħuda.

62      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Artikolu 107(1) TFUE huwa intiż li jipprevjeni li l-kummerċ bejn Stati Membri jiġi affettwat minn vantaġġi permessi mill-awtoritajiet pubbliċi li, f’diversi forom, joħolqu jew jheddu li joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni billi jiffavorixxu ċerti impriżi jew ċerti produtturi (sentenzi tat-2 ta’ Lulju 1974, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, 173/73, Ġabra, EU:C:1974:71, punt 26, u tal-15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium, C‑393/04 u C‑41/05, Ġabra, EU:C:2006:403, punt 27).

63      Sabiex jiżgura l-effikaċja tal-projbizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat li taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri, sa fejn din twassal għal distorsjoni jew għal theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni, l-Artikolu 108 TFUE jimponi, fuq il-Kummissjoni, obbligu speċifiku ta’ kontroll u, fuq l-Istati Membri, obbligi preċiżi sabiex jiġi ffaċilitat il-kompitu tal-Kummissjoni u sabiex jiġi evitat li din tiġi ffaċċata b’fait accompli (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, C‑143/99, Ġabra, EU:C:2001:598, punt 23).

64      Għal dak li jirrigwarda l-proġetti sabiex tingħata jew sabiex tiġi mmodifikata għajnuna, l-Artikolu 108(3) TFUE jitlob li l-Kummissjoni tiġi informata dwar dan fil-ħin sabiex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha. Dan il-paragrafu jobbliga, sussegwentement, lill-Kummissjoni tibda mingħajr dewmien il-proċedura kontradittorja prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, jekk hija tqis il-proġett innotifikat ma jkunx kompatibbli mas-suq intern. Fl-aħħar nett, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE tipprojbixxi, fi kliem ċar, lill-Istat Membru milli jdaħħal fis-seħħ il-proġetti proposti, qabel ma din il-proċedura jkollha deċiżjoni finali (sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, punt 63 iktar ’il fuq, EU:C:2001:598, punt 24).

65      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-interventi tal-Istati Membri fl-oqsma li ma kinux is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fl-Unjoni Ewropea ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-kontroll ta’ għajnuna mill-Istat. Ammissjoni kuntrarja tirrendi, neċessarjament, ineffettivi d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE.

66      F’dan is-sens, pereżempju, l-interventi statali fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenzi esklużivi tal-Istati Membri, bħat-tassazzjoni diretta, jistgħu jiġu eżaminati fid-dawl tal-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Government of Gibraltar u Ir‑Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, Ġabra, EU:C:2011:732; tad-29 ta’ Marzu 2012, 3M Italia, C‑417/10, Ġabra, EU:C:2012:184, punt 25, u d-digriet tad-29 ta’ Marzu 2012, Safilo, C‑529/10, EU:C:2012:188, punt 18).

67      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-Renju tal-Belġju kien għalhekk obbligat jiżgura ruħu li, billi jiffinanzja kompletament l-ispiża tat-testijiet obbligatorji għall-iscreening tal-ESB, huwa ma kienx qiegħed jikser l-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE, u dan irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk il-finanzjament tal-imsemmija testijiet kienx jew le s-suġġett ta’ armonizzazzjoni fl-Unjoni Ewropea.

68      Għaldaqstant, it-tieni parti tal-motiv uniku għandha tiġi miċħuda għal din ir-raġuni biss, mingħajr in-neċessità li jiġu eżaminati l-argumenti, superfluwi, invokati mir-Renju tal-Belġju, intiżi li jistabbilixxu l-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-finanzjament tat-testijiet obbligatorji għall-iscreening tal-ESB.

 Fuq l-ewwel parti tal-motiv uniku, ibbażata fuq l-assenza ta’ taffija ta’ spiża li normalment hija ta’ piż għall-baġit ta’ impriża

69      Ir-Renju tal-Belġju jsostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li jeżisti vantaġġ ekonomiku mogħti mill-miżura inkwistjoni.

70      Il-Kummissjoni titlob li din il-parti tiġi miċħuda.

71      L-Artikolu 107(1) TFUE jiddefinixxi l-għajnuna mill-Istat bħala għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat taħt kwalunkwe forma, li twassal għal distorsjoni jew għal theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn Stati Membri. Il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa iktar ġenerali minn dak ta’ sussidju, peress li jinkludi mhux biss benefiċċji pożittivi, bħas-sussidji infushom, iżda wkoll interventi li, taħt forom diversi, itaffu l-ispejjeż li normalment huma ta’ piż għall-baġit ta’ impriża u li, b’hekk, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom l-istess effetti. Il-provvista ta’ beni jew ta’ servizzi b’kundizzjonijiet preferenzjali hija eżempju tal-vantaġġi indiretti li għandhom l-istess effetti bħas-sussidji (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, punt 49 iktar ’il fuq, EU:C:2011:551, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-interventi li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi jew li għandhom jitqiesu bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq jitqiesu bħala għajnuna (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, punt 49 iktar ’il fuq, EU:C:2011:551, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Ir-Renju tal-Belġju ma jikkontestax li, matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2001 u l-31 ta’ Diċembru 2005, it-testijiet obbligatorji għall-iscreening tal-ESB ġew iffinanzjati minn riżorsi pubbliċi. Għalhekk, għandu jiġi evalwat jekk, billi sostniet li dan il-finanzjament ħeles l-impriżi fis-settur tal-annimali tal-ifrat minn spiża li normalment hija ta’ piż għall-baġit tagħhom, il-Kummissjoni vvizzjatx id-deċiżjoni kkontestata bi żball ta’ liġi.

74      Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni qieset, fil-premessa 90 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ispiża għall-kontrolli obbligatorji li kienu jirrigwardaw il-produzzjoni jew il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, bħat-testijiet obbligatorji għall-iscreening tal-ESB, kienet spiża li normalment kienet ta’ piż għall-baġit tal-impriżi.

75      Fl-ewwel lok, ir-Renju tal-Belġju joġġezzjona li l-obbligu li jitwettqu testijiet obbligatorji għall-iscreening tal-ESB ma jirriżultax mill-kundizzjonijiet normali tas-suq, iżda minn intervent tal-awtoritajiet pubbliċi. F’dan ir-rigward, huwa jinvoka l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża GEMO (C‑126/01, Ġabra, EU:C:2002:273), li fihom huwa jispjega li l-kelma “normalment” tfisser “f’kundizzjonijiet normali tas-suq, jiġifieri fil-kundizzjonijiet ta’ suq mingħajr interventi tal-Istat jew mingħajr lakuni” (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża, iċċitati iktar ’il fuq, EU:C:2002:273, punt 77). Għaldaqstant, f’dan il-każ, huwa jsostni li, mingħajr l-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi, l-imsemmija testijiet obbligatorji ma kinux jikkostitwixxu spiża li normalment hija ta’ piż għall-baġit tal-operaturi fis-settur tal-annimali tal-ifrat.

76      Madankollu, il-kunċett ta’ spejjeż li normalment huma ta’ piż għall-baġit ta’ impriża jinkludi, b’mod partikolari, l-ispejjeż supplimentari li l-impriżi għandhom ibatu minħabba obbligi legali, regolamentari jew kuntrattwali li japplikaw għal attività ekonomika (ara, b’analoġija, is-sentenzi L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, punt 62 iktar ’il fuq, EU:C:1974:71, punt 33; tal-5 ta’ Ottubru 1999, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑251/97, Ġabra, EU:C:1999:480, punt 40, u tat-3 ta’ Marzu 2005, Heiser, C‑172/03, Ġabra, EU:C:2005:130, punt 38).

77      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball meta qieset li l-ispiża tal-kontrolli li jirrigwardaw il-produzzjoni jew il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, obbligatorji permezz ta’ liġi jew regolament, bħat-testijiet obbligatorji għall-iscreening tal-ESB, kienet spiża li normalment kienet ta’ piż għall-baġit ta’ impriża.

78      Għaldaqstant, l-argument tar-Renju tal-Belġju għandu jiġi miċħud.

79      Fit-tieni lok, ir-Renju tal-Belġju jsostni, essenzjalment, li l-finanzjament tat-testijiet obbligatorji għall-iscreening tal-ESB permezz ta’ riżorsi tal-Istat ma jagħti ebda vantaġġ lill-operaturi fis-settur tal-annimali tal-ifrat, peress li l-obbligu li jitwettqu dawn it-testijiet għandu għan ta’ interess ġenerali, jiġifieri l-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

80      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li l-Artikolu 107 TFUE ma jagħmilx distinzjoni skont ir-raġunijiet jew l-għanijiet tal-interventi inkwistjoni, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom (sentenzi L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, punt 62 iktar ’il fuq, EU:C:1974:71, punt 27; tat-12 ta’ Diċembru 2002, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑5/01, Ġabra, EU:C:2002:754, punt 45, u Il‑Kummissjoni vs Government of Gibraltar u Ir‑Renju Unit, punt 66 iktar ’il fuq, EU:C:2011:732, punt 87).

81      Għaldaqstant, l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika mfittex mill-miżura inkwistjoni, jekk jiġi preżunt korrett, ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat stabbilita mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

82      Għaldaqstant, l-argument tar-Renju tal-Belġju għandu jiġi miċħud.

83      Fit-tielet lok, ir-Renju tal-Belġju jsostni li għandha ssir distinzjoni bejn din il-kawża u dik li tat lok għas-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2003, GEMO (C‑126/01, Ġabra, EU:C:2003:622), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-iffinanzjar tal-ispejjeż għall-ġbir u għar-rimi tal-karkassi ta’ bhejjem u tal-iskart ta’ biċċeriji mir-Repubblika Franċiża kien jagħti vantaġġ lil min irabbi l-annimali u lill-biċċeriji, peress li dawn l-ispejjeż kienu jikkostitwixxu piż inerenti fl-attività ekonomika tagħhom.

84      L-ewwel nett, ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-prinċipju ta’ “min iniġġeż iħallas”, applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza GEMO, punt 83 iktar ’il fuq (EU:C:2003:622), ma huwiex applikabbli f’din il-kawża. F’dan ir-rigward, huwa jsostni li l-karkassi ta’ bhejjem u l-iskart ta’ biċċeriji huma avvenimenti esterni inerenti fl-attività ta’ min irabbi l-annimali u ta’ biċċeriji, għad-differenza tal-ESB li hija marda li ma tirriżultax direttament mill-attività ta’ min irabbi l-annimali u ta’ biċċeriji u li għalhekk ma għandha l-ebda rabta ċara u diretta ma’ produttur speċifiku jew ma’ impriża partikolari. Fl-opinjoni tiegħu, dan l-argument huwa kkonfermat mil-linji gwida EST, li l-partijiet IV u V tagħhom, li jirrigwardaw, rispettivament, l-annimali li jinsabu mejta u l-iskart ta’ biċċeriji, jirreferu espressament għall-prinċipju ta’ “min iniġġeż iħallas”, filwaqt li din ir-referenza ma tidhirx fil-parti III tal-imsemmija linji gwida li tirrigwarda t-testijiet għall-iscreening tal-EST.

85      Madankollu, il-kunċett ta’ spejjeż li normalment huma ta’ piż għall-baġit ta’ impriża ma huwiex limitat għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ “min iniġġeż iħallas”. Għalhekk, il-fatt li l-imsemmi prinċipju ma huwiex applikabbli f’din il-kawża, anki jekk jiġi preżunt li dan huwa minnu, ma jistax jinvalida l-konklużjoni li tinsab fil-punt 76 iktar ’il fuq.

86      Għaldaqstant, l-argument tar-Renju tal-Belġju għandu jiġi miċħud.

87      It-tieni nett, ir-Renju tal-Belġju jsostni, billi jibbaża ruħu fuq is-sentenzi tal-5 ta’ Frar 1976, Conceria Bresciani (87/75, Ġabra, EU:C:1976:18) u tal-15 ta’ Diċembru 1993, Ligur Carni et (C‑277/91, C‑318/91 u C‑319/91, Ġabra, EU:C:1993:927), li sistema ta’ kontrolli obbligatorji intiża, bħal f’dan il-każ, li tipproteġi s-saħħa pubblika ma hijiex servizz ipprovdut lill-impriżi li għalih huma għandhom normalment iħallsu.

88      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fis-sentenzi ċċitati fil-punt 87 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li t-tariffi suġġetti għall-istħarriġ tagħha, dovuti minħabba kontrolli sanitarji mwettqa fl-interess ġenerali fuq prodotti importati li kienu diġà suġġetti għal kontrolli analogi fil-pajjiż ta’ oriġini, ma setgħux jitqiesu li tħallsu inkambju għal servizz u li kienet l-awtorità pubblika li kellha tbati l-ispiża tal-imsemmija kontrolli.

89      Madankollu, għandu jiġi osservat li, fis-sentenzi ċċitati fil-punt 87 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi biss dwar il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-finanzjament ta’ ċerti kontrolli sanitarji fid-dawl tar-regoli dwar il-moviment liberu tal-merkanzija u, għaldaqstant, ma ddeċidietx dwar il-legalità tal-imsemmi finanzjament fid-dawl tal-Artikolu 107(1) TFUE.

90      Konsegwentement, il-ġurisprudenza invokata mir-Renju tal-Belġju ma hijiex rilevanti f’dan il-każ.

91      Għaldaqstant, l-argument tar-Renju tal-Belġju għandu jiġi miċħud.

92      Ir-raba’ u l-aħħar nett, ir-Renju tal-Belġju jsostni, essenzjalment, li t-testijiet obbligatorji għall-iscreening tal-ESB huma marbuta mal-eżerċizzju tal-prerogattivi tiegħu ta’ awtorità pubblika u, għaldaqstant, ma għandhomx natura ekonomika li tiġġustifika l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat FUE. Konsegwentement, huwa jqis li seta’ jbati huwa stess l-ispiża kollha tal-imsemmija testijiet, mingħajr ma din il-miżura tkun tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

93      Fit-tweġiba tiegħu għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-Renju tal-Belġju kkjarifika l-argument imsemmi fil-punt 92 iktar ’il fuq, billi indika li l-organizzazzjoni tat-testijiet għall-iscreening tal-ESB, inkluża l-organizzazzjoni tal-finanzjament tagħhom, taqa’ taħt il-prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

94      F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi kkonstatat, hekk kif tosserva ġustament il-Kummissjoni u mingħajr ma ġie kkontestat mir-Renju tal-Belġju, li l-operaturi fis-settur tal-annimali tal-ifrat huma obbligati biss, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, li jwettqu t-testijiet għall-iscreening tal-ESB fuq l-annimali tal-ifrat li jkunu ser jinqatlu qabel ma jkunu jistgħu jikkummerċjalizzaw il-laħam, ix-xaħam u l-ġewwieni tagħhom, liema fatt ma jimplikax, min-naħa tagħhom, l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

95      Konsegwentement, l-argument imsemmi fil-punt 92 iktar ’il fuq ma jistax jinvalida l-konklużjoni li tgħid li l-ispiża tat-testijiet obbligatorji għall-iscreening tal-ESB hija spiża li l-operaturi fis-settur tal-annimali tal-ifrat għandhom ibatu fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-attività ekonomika tagħhom (ara l-punti 69 sa 86 iktar ’il fuq).

96      Fl-aħħar nett u f’kull każ, għandu jiġi osservat li, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 76 iktar ’il fuq, il-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi li l-impriżi għandhom ibatu ċertu spejjeż, li għalhekk ikunu marbuta neċessarjament mal-eżerċizzju mill-Istat Membru kkonċernat tal-prerogattivi tiegħu ta’ awtorità pubblika, ma jipprekludix li tali spejjeż jiġu kklassifikati bħala “spejjeż li normalment huma ta’ piż għall-baġit ta’ impriża”.

97      Għaldaqstant, l-argument tar-Renju tal-Belġju għandu jiġi miċħud.

98      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-ewwel parti tal-motiv uniku għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq ir-raba’ parti tal-motiv uniku, ibbażata fuq l-assenza ta’ natura selettiva tal-miżura inkwistjoni

99      Ir-Renju tal-Belġju jsostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta qieset il-miżura inkwistjoni bħala selettiva.

100    Il-Kummissjoni titlob li din il-parti tiġi miċħuda.

101    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-klassifikazzjoni bħala għajnuna teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 107(1) TFUE jiġu ssodisfatti (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, punt 49 iktar ’il fuq, EU:C:2011:551, punt 61). B’mod partikolari, hekk kif ġie osservat fil-punt 71 iktar ’il fuq, vantaġġ ekonomiku mogħti minn Stat Membru għandu n-natura ta’ għajnuna biss jekk huwa ta’ natura li jiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, punt 49 iktar ’il fuq, EU:C:2011:551, punt 61).

102    Għalhekk, sabiex jiġi pprovat li l-miżura inkwistjoni tapplika b’mod selettiv għal ċerti impriżi jew għal ċerti produtturi, il-Kummissjoni għandha turi li din tintroduċi distinzjonijiet bejn impriżi li jinsabu, fir-rigward tal-għan tal-miżura inkwistjoni, f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, punt 49 iktar ’il fuq, EU:C:2011:551, punt 62).

103    Madankollu, għandu jiġi indikat ukoll li l-kunċett ta’ għajnuna ma jkoprix miżuri li jintroduċu distinzjoni bejn l-impriżi fil-qasam tal-ispejjeż meta din id-distinzjoni tirriżulta min-natura u mill-istruttura tas-sistema ta’ spejjeż inkwistjoni. Huwa l-Istat Membru li introduċa tali distinzjoni bejn l-impriżi fil-qasam tal-ispejjeż li għandu juri li din hija effettivament iġġustifikat min-natura u mill-istruttura tas-sistema inkwistjoni (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, punt 49 iktar ’il fuq, EU:C:2011:551, punt 62).

104    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni qieset ġustament, fil-premessa 90 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ispiża tal-kontrolli obbligatorji li jirrigwardaw il-produzzjoni jew il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti kienet spiża li normalment kienet ta’ piż għall-baġit ta’ impriża (ara l-punt 77 iktar ’il fuq).

105    Għaldaqstant, permezz tal-miżura inkwistjoni, ir-Renju tal-Belġju taffa l-ispejjeż li normalment huma ta’ piż għall-baġit ta’ impriża.

106    Barra minn hekk, fil-premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li, fil-Belġju, il-vantaġġ inkwistjoni kien irriżervat unikament għal settur speċifiku, jiġifieri “dak tat-trobbija tal-annimali sottomessi għat-testijiet għall-[iscreening tal-]BSE [ESB]”.

107    F’dan ir-rigward, għandu jiġi indikat li, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni spjegat li “settur tat-trobbija tal-annimali sottomessi għat-testijiet għall-[iscreening tal-]BSE [ESB]” ifisser l-operaturi kollha fis-settur tal-annimali tal-ifrat li d-deċiżjoni kkontestata kienet identifikat bħala l-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni, jiġifieri min irabbi l-annimali, il-biċċeriji u l-entitajiet l-oħra li jipproċessaw, jimmaniġġjaw, ibigħu jew jikkummerċjalizzaw prodotti li joriġinaw mill-annimali tal-ifrat u li huma suġġetti għal test obbligatorju għall-iscreening tal-ESB.

108    Għalhekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 101 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni qieset ġustament, fil-premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-miżura inkwistjoni kienet selettiva.

109    Fl-ewwel lok, ir-Renju tal-Belġju joġġezzjona li l-Kummissjoni, li fuqha jaqa’ l-oneru tal-prova tan-natura selettiva tal-finanzjament tat-testijiet obbligatorji għall-iscreening tal-ESB, ma werietx li l-imsemmi finanzjament kien introduċa distinzjoni bejn impriżi li jinsabu, fir-rigward tal-għan tal-miżura inkwistjoni, f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli.

110    Madankollu, il-Kummissjoni kkonstatat li l-operaturi fis-settur tal-annimal tal-ifrat kienu jibbenefikaw minn vantaġġ li ma kienx disponibbli għall-impriżi ta’ setturi oħra, peress li huma kienu jibbenefikaw mill-fatt li l-kontrolli li huma kellhom iwettqu b’mod obbligatorju qabel it-tqegħid fis-suq jew il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħhom kienu b’xejn, filwaqt li l-impriżi ta’ setturi oħra ma kellhomx din il-possibbiltà, liema fatt ma huwiex ikkontestat mir-Renju tal-Belġju.

111    B’hekk, il-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi validament li r-Renju tal-Belġju introduċa distinzjoni bejn impriżi fil-qasam tal-ispejjeż, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 101 iktar ’il fuq.

112    Għaldaqstant, l-argument tar-Renju tal-Belġju għandu jiġi miċħud.

113    Fit-tieni lok, ir-Renju tal-Belġju jsostni li n-natura selettiva tal-miżura inkwistjoni tista’ tiġi evalwata biss fir-rigward tal-impriżi li jipproduċu, jikkummerċjalizzaw jew jipproċessaw il-prodotti suġġetti għat-testijiet obbligatorji għall-iscreening tal-ESB, billi l-impriżi l-oħra ma humiex f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli.

114    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li n-natura selettiva ta’ miżura għandha tiġi evalwata fil-konfront tat-totalità tal-impriżi, u mhux fil-konfront tal-impriżi benefiċjarji tal-istess vantaġġ ġewwa l-istess grupp (sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 2009, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑222/04, Ġabra, EU:T:2009:194, punt 66, u tat-13 ta’ Settembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑379/09, EU:T:2012:422, punt 47).

115    Barra minn hekk, għalkemm, permezz tal-argument tiegħu li jgħid li biss l-impriżi li jipproduċu, jikkummerċjalizzaw jew jipproċessaw il-prodotti suġġetti għat-testijiet obbligatorji għall-iscreening tal-ESB jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli, ir-Renju tal-Belġju jsostni li dawn l-impriżi għandhom ibatu spiża speċifika li l-impriżi ta’ setturi oħra ma għandhomx ibatu, jiġifieri l-ispiża tal-imsemmija testijiet, huwa ma jipprovax jikkontesta n-natura selettiva tal-miżura inkwistjoni, iżda jipprova jiġġustifikaha.

116    Issa, f’każ bħal dan, tali argument għandu jiġi miċħud, billi dan huma manifestament insuffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li d-distinzjoni bejn impriżi, introdotta mill-miżura inkwistjoni, hija ġġustifikata min-natura u mill-istruttura tas-sistema ta’ spejjeż inkwistjoni.

117    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball meta qieset li l-miżura inkwistjoni kienet selettiva fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

118    Għaldaqstant, ir-raba’ parti tal-motiv uniku għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq il-ħames parti tal-motiv uniku, ibbażata fuq l-irrilevanza tas-sistemi ta’ finanzjament tal-imsemmija testijiet fis-seħħ fl-Istati Membri l-oħra fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar is-selettività

119    Ir-Renju tal-Belġju jsostni li, fil-premessi 91 u 92 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li jeżisti vantaġġ selettiv wara li kkonstatat li l-miżura inkwistjoni setgħet twassal għal distorsjoni għall-kompetizzjoni fil-konfront tal-impriżi fl-Istati Membri fejn it-testijiet obbligatorji għall-iscreening tal-ESB kienu ffinanzjati b’mod differenti milli fil-Belġju. Issa, il-kundizzjoni dwar is-selettività tista’ tiġi evalwata biss fir-rigward tal-impriżi li huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li minnu toriġina l-miżura inkwistjoni.

120    Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni tammetti li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv, ma huwiex rilevanti li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi li jeżistu bejn l-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l-portata tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-finanzjament tat-testijiet obbligatorji għall-iscreening tal-ESB. F’dan il-kuntest, hija tippreċiża li s-sentenza tal-premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkontestata mir-Renju tal-Belġju, tirrigwarda l-evalwazzjoni tad-distorsjonijiet għall-kompetizzjoni u mhux dik ta’ vantaġġ selettiv.

121    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, qabelxejn, li l-premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata tinsab fil-punt 5.1.2 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolat “Vantaġġ selettiv għal impriża”, u mhux fil-punt 5.1.3 tal-imsemmija deċiżjoni, intitolat “Distorsjoni tal-kompetizzjoni u effett fuq il-kummerċ fl-UE”.

122    Sussegwentement, mill-kliem ċar tal-premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat jekk il-kundizzjoni dwar is-selettività kinitx issodisfatta b’dan il-mod:

“F’dan il-każ, fil-livell nazzjonali, il-finanzjament tat-testijiet għall-[iscreening tal‑]BSE [ESB] mill-Istat jibbenefika lil settur speċifiku, dak tat-trobbija tal-annimali sottomessi [għall-imsemmija testijiet]. Fil-livell Komunitarju, il-finanzjament [ta’ dawn it-testijiet] favur impriżi Belġjani mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat jagħti vantaġġ lil dawn l-impriżi fuq il-kompetituri barranin li l-finanzjament [tal-istess testijiet] obbligatorji [...] ma jsirx mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat.”

123    Għaldaqstant, huwa żbaljat li l-Kummissjoni ssostni li l-paragun bejn is-sitwazzjoni tal-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni u dik ta’ impriżi ta’ Stati Membri oħra li huma esklużi minnha, imwettaq fil-premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata, jirrigwarda l-evalwazzjoni tad-distorsjonijiet għall-kompetizzjoni.

124    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni, stabbilita fl-Artikolu 107(1) TFUE u relatata mal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, tikkonsisti f’li jiġi eżaminat jekk l-impriżi jew il-produtturi ta’ Stat Membru humiex vantaġġati meta mqabbla mal-impriżi jew mal-produtturi tal-Istati Membri l-oħra, filwaqt li l-kundizzjoni dwar is-selettività, stabbilita fl-istess paragrafu ta’ dan l-artikolu, tista’ tiġi evalwata biss fil-kuntest ta’ Stat Membru wieħed u tirriżulta biss minn analiżi tad-differenza fit-trattament bejn l-impriżi jew il-produtturi ta’ dan l-Istat Membru biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑73/03, EU:C:2004:711, punt 28).

125    F’dan il-każ, billi ma bbażatx ruħha unikament fuq differenza fit-trattament bejn l-impriżi li huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-istess Stat Membru, iżda bbażat ruħha wkoll fuq differenza fit-trattament bejn l-impriżi ta’ Stat Membru u dawk ta’ Stati Membri oħra (ara l-punti 121 u 122 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni wettqet żball fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kundizzjoni dwar is-selettività.

126    Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-punti 104 sa 117 iktar ’il fuq, anki fl-assenza ta’ din il-kunsiderazzjoni żbaljata, il-motivi l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, l-ewwel sentenza tal-premessa 92 tagħha, jiġġustifikaw il-konklużjoni li tgħid li l-miżura inkwistjoni hija selettiva. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iżball imwettaq mill-Kummissjoni ma jqiegħedx inkwistjoni l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

127    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, il-ħames parti tal-motiv uniku għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva.

 Fuq it-tielet parti tal-motiv uniku, fuq l-assenza ta’ kumpens eċċessiv

128    Ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-finanzjament tat-testijiet obbligatorji għall-iscreening tal-ESB permezz ta’ riżorsi tal-Istat qatt ma qabeż l-ispiża reali tal-imsemmija testijiet, biex b’hekk jeskludi kull kumpens eċċessiv favur il-benefiċjarji identifikati fid-deċiżjoni kkontestata.

129    Ir-Renju tal-Belġju jindika, barra minn hekk, li l-laboratorji li wettqu t-testijiet obbligatorji għall-iscreening tal-ESB “rċevew” prezz konformi ma’ dak tas-suq għas-servizzi tagħhom u ntgħażlu skont proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa u nondiskriminatorja.

130    Il-Kummissjoni titlob li din il-parti tiġi miċħuda.

131    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors promotur għandu jinkludi sunt tal-motivi invokati. Din l-informazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra ta’ sostenn. Ir-rikors għandu, għalhekk, jispjega fiex jikkonsisti l-motiv li fuqu huwa bbażat ir-rikors, b’mod li s-sempliċi dikjarazzjoni astratta tiegħu ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura (sentenza tat-12 ta’ Jannar 1995, Viho vs Il‑Kummissjoni, T‑102/92, Ġabra, EU:T:1995:3, punt 68). Rekwiżiti simili huma meħtieġa meta oġġezzjoni hija invokata insostenn ta’ motiv (sentenza tal-14 ta’ Mejju 1998, Mo och Domsjö vs Il‑Kummissjoni, T‑352/94, Ġabra, EU:T:1998:103, punt 333).

132    Barra minn hekk, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, hemm bżonn, sabiex argument ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan tal-aħħar ikun ibbażat jirriżultaw, minn tal-inqas sommarjament, iżda b’mod koerenti u li jiftiehem, mit-test tar-rikors stess (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-20 ta’ Ottubru 2000, RJB Mining vs Il‑Kummissjoni, T‑110/98, Ġabra, EU:T:2000:239, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tal-10 ta’ April 2003, Travelex Global and Financial Services u Interpayment Services vs Il‑Kummissjoni, T‑195/00, Ġabra, EU:T:2003:111, punt 26).

133    F’dan il-każ, ir-Renju tal-Belġju ma ppreċiżax suffiċjentement fir-rikors l-ilment tiegħu bbażat fuq l-assenza ta’ kumpens eċċessiv. Barra minn hekk, l-argumenti li huwa jressaq fl-imsemmi rikors insostenn ta’ dan l-ilment ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni imposti mill-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, huwa ma ppreċiżax sa fejn l-allegata assenza ta’ kumpens eċċessiv tippermetti li jitqies li l-miżura inkwistjoni ma tatx vantaġġ ekonomiku selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

134    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, it-tielet parti tal-motiv uniku għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

135    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

136    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Renju tal-Belġju tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Renju tal-Belġju huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Kanninen

Pelikánová

Buttigieg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Marzu 2015.

Firem

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 999/2001

Il-linji gwida EST

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura quddiem il-Kummissjoni

Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà

Fuq il-mertu

Fuq it-tieni parti tal-motiv uniku, ibbażata fuq l-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-finanzjament tat-testijiet obbligatorji għall-iscreening tal-ESB

Fuq l-ewwel parti tal-motiv uniku, ibbażata fuq l-assenza ta’ taffija ta’ spiża li normalment hija ta’ piż għall-baġit ta’ impriża

Fuq ir-raba’ parti tal-motiv uniku, ibbażata fuq l-assenza ta’ natura selettiva tal-miżura inkwistjoni

Fuq il-ħames parti tal-motiv uniku, ibbażata fuq l-irrilevanza tas-sistemi ta’ finanzjament tal-imsemmija testijiet fis-seħħ fl-Istati Membri l-oħra fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar is-selettivitŕ

Fuq it-tielet parti tal-motiv uniku, fuq l-assenza ta’ kumpens eċċessiv

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.