Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Helsingin hallinto-oikeus (il-Finlandja), fis-6 ta’ Lulju 2023 – Metsä Fibre Oy

(Kawża C414/23, Metsä Fibre)

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Qorti tar-rinviju

Helsingin hallinto-oikeus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Metsä Fibre Oy

Domandi preliminari

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 70 u 40 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 389/2013 tat-2 ta’ Mejju 2013 li jistabbilixxi Reġistru tal-Unjoni skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Deċiżjonijiet Nri 280/2004/KE u 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nri 920/2010 u 1193/2011 , dwar it-termini għar-revoka tat-tranżazzjonijiet kif ukoll dwar in-natura definittiva u irrevokabbli tat-tranżazzjonijiet, huma invalidi fid-dawl tad-dritt għall-proprjetà stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u ta’ drittijiet oħra protetti mill-Karta, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu r-restituzzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet lil Metsä Fibre Oy f’sitwazzjoni fejn ir-restituzzjoni tal-eċċess ta’ dawn il-kwoti lir-reġistru tal-Unjoni tkun ibbażata fuq l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet meqjusa invalidi fis-sentenza Schaefer Kalk , u fejn din il-kumpannija ma tistax tibbenefika minn bilanċ indikattiv ta’ status ta’ konformità pożittiv, minħabba l-kwantità baxxa attwali ta’ emissjonijiet prodotti mill-impjant ta’ Äänekoski?1

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 70 u 40 tar-Regolament tal-Kummissjoni li jistabbilixxi Reġistru tal-Unjoni huma applikabbli f’sitwazzjoni fejn ir-restituzzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni eċċessivi fir-reġistru tal-Unjoni kienet tirriżulta minn applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet meqjusa invalidi fis-sentenza Schaefer Kalk, u mhux minn operazzjoni mwettqa b’mod aċċidentali jew bi żball minn detentur tal-kont jew minn amministratur nazzjonali f’isem id-detentur tal-kont?

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv u t-tieni domanda tingħata risposta fil-pożittiv, hemm xi mezz ieħor permess mid-dritt tal-Unjoni li jippermetti li Metsä Fibre Oy titqiegħed fil-pożizzjoni li kienet tinsab fiha, għall-finijiet tal-użu tal-kwoti ta’ emissjonijiet, li kieku d-dispożizzjonijiet meqjusa invalidi fis-sentenza Schaefer Kalk ma kinux jeżistu u kieku l-impriża ma kinitx tat lura l-kwoti żejda?

____________

1 ĠU 2013, L 122, p. 1

1 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Jannar 2017, (C460/15, Schaefer Kalk, EU:C:2017:29).