Language of document : ECLI:EU:T:2023:437

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

26 ta’ Lulju 2023 (*)

“Klawżola ta’ arbitraġġ – Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni ‘Orizzont 2020’ (2014‑2020) – Proġett ‘aDvanced sOcial enGineering And vulNerability Assessment Framework (Dogana)’ – Ftehim ta’ sussidju – Rikors għal annullament – Rapport finali ta’ awditu – Nota ta’ debitu – Atti li ma jistgħux jiġu kkontestati – Atti li jaqgħu f’kuntest purament kuntrattwali li huma indissoċjabbli minnu – Inammissibbiltà – Identifikazzjoni tal-konvenut – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni – Spejjeż tal-persunal – Primjums ikkalkolati skont għanijiet kummerċjali – Ineliġibbiltà – Aspettattivi leġittimi”

Fil-Kawża T‑222/22,

Engineering Ingegneria Informatica SpA, stabbilita f’Ruma (l-Italja), irrappreżentata minn S. Villata, L. Montevecchi u C. Oncia, avukati,

rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Ilkova u S. Romoli, bħala aġenti,

u

L-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għar-Riċerka (REA), irrappreżentata minn S. Payan-Lagrou u V. Canetti, bħala aġenti, assistiti minn D. Gullo, avukat,

konvenuti,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn K. Kowalik-Bańczyk (Relatriċi), Presidenta, E. Buttigieg u B. Ricziová, Imħallfin,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:

–        l-eċċezzjoni mqajma skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali mill-Kummissjoni permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Lulju 2022,

–        l-osservazzjonijiet dwar din l-eċċezzjoni ppreżentati mir-rikorrenti fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Awwissu 2022,

wara li rat li ma kienx hemm talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mir-rikorrenti u mir-REA fit-terminu ta’ tliet ġimgħat mid-data tan-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikoli 263 u 272 TFUE, ir-rikorrenti, Engineering – Ingegneria Informatica SpA, titlob, essenzjalment, minn naħa, l-annullament ta’ diversi atti tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għar-Riċerka (REA) dwar l-eżekuzzjoni tal-ftehim ta’ sussidju Nru 653618 (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ sussidju”) dwar il-proġett intitolat “aDvanced sOcial enGineering And vulNerability Assessment Framework (Dogana)” (il-Qafas ta’ Evalwazzjoni tal-Inġinerija Soċjali Avvanzata u tal-Vulnerabbiltà) (iktar ’il quddiem il-“proġett”) u, min-naħa l-oħra, il-konstatazzjoni tan-natura eliġibbli għall-finanzjament abbażi ta’ dan il-ftehim ta’ ċerti spejjeż u, għaldaqstant, tal-assenza ta’ dritt tal-Kummissjoni u tar-REA li jfittxu r-rimbors tas-somom li jikkorrispondu għal dawn l-ispejjeż.

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Ir-rikorrenti hija kumpannija li teżerċita attivitajiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp fis-settur tat-teknoloġija.

3        Ir-REA hija aġenzija eżekuttiva stabbilita għall-ġestjoni tal-azzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-riċerka. Skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad‑19 ta’ Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 235), hija għandha personalità ġuridika, f’kull Stat Membru għandha l-kapaċità ġuridika l-iktar wiesgħa u tista’ b’mod partikolari tkun parti fi proċeduri legali.

 Ilftehim ta’ sussidju

4        Fil-kuntest tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni “Orizzont 2020” (2014‑2020) (iktar ’il quddiem il-“Programm Qafas Orizzont 2020”), Engineering International Belgium SA, li taġixxi bħala koordinatur, u benefiċjarji oħra, minn naħa, u r-REA, min-naħa l-oħra, ikkonkludew il-ftehim ta’ sussidju fit‑28 ta’ April 2015. Bis-saħħa ta’ żewġ emendi ffirmati f’Diċembru 2017 u f’Marzu 2018, ir-rikorrenti saret benefiċjarja mill‑5 ta’ Lulju 2017 u ssostitwixxiet lil Engineering International Belgium bħala koordinatur mill‑15 ta’ Diċembru 2017.

5        L-Artikolu 2 tal-ftehim ta’ sussidju jipprevedi l-għoti ta’ sussidju għall-proġett (iktar ’il quddiem is-“sussidju”). Skont l-Artikolu 3 ta’ dan il-ftehim, l-eżekuzzjoni ta’ dan il-proġett kellha tibda fl‑1 ta’ Settembru 2015 u ddum 36 xahar.

6        Skont l-Artikolu 5.2 tal-ftehim ta’ sussidju, is-sussidju jirrimborsa b’mod partikolari 70 % tal-ispejjeż eliġibbli tal-benefiċjarji li huma entitajiet legali bi skop ta’ lukru. Dawn l-ispejjeż eliġibbli jinkludu, b’mod partikolari, l-ewwel, l-“ispejjeż diretti tal-persunal” u, it-tieni, l-“ispejjeż indiretti” kkalkolati fuq bażi ta’ somma f’daqqa. L-“ispejjeż diretti tal-persunal” jinqasmu huma stess f’żewġ kategoriji, jiġifieri, minn naħa, l-“ispejjeż realment sostnuti” jew “spejjeż reali” u, min-naħa l-oħra, l-“ispejjeż unitarji”, iddeterminati abbażi ta’ ammont għal kull unità kkalkolat skont il-prattiki abitwali ta’ kontabbiltà tal-ispejjeż tal-benefiċjarju.

7        Skont l-Artikolu 6.1(a)(iv) tal-ftehim ta’ sussidju, l-ispejjeż reali huma eliġibbli bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li jkunu “sostnuti b’rabta mal-[proġett] u neċessarji għall-eżekuzzjoni tiegħu”.

8        Skont l-Artikolu 6.2(A.1) tal-ftehim ta’ sussidju, “l-ispejjeż tal-persunal huma eliġibbli jekk ikunu marbuta ma’ persunal li jaħdem għall-benefiċjarju bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ xogħol (jew ta’ att ta’ reklutaġġ ekwivalenti) u assenjat [għall-proġett]”. Dan l-istess artikolu jispeċifika li l-ispejjeż tal-persunal “għandhom ikunu limitati għas-salarji […], għall-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, għat-taxxi u għal spejjeż oħra inklużi fir-remunerazzjoni, jekk dawn jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew mill-kuntratt ta’ xogħol (jew minn att ta’ reklutaġġ ekwivalenti)”.

9        L-Artikolu 6.5 tal-ftehim ta’ sussidju jiddefinixxi u jelenka l-ispejjeż ineliġibbli. Dan l-artikolu jsemmi b’mod partikolari, fil-punt (a), l-“ispejjeż li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6.1 sa 6.4 [tal-istess ftehim]” u, b’mod partikolari, fil-paragrafu (a)(i), l-“ispejjeż li għandhom x’jaqsmu mal-kapital użat”.

10      L-Artikolu 6.6 tal-ftehim ta’ sussidju jipprevedi li l-ispejjeż iddikjarati li huma ineliġibbli għandhom jiġu miċħuda.

11      Skont l-Artikolu 22.1.3 tal-ftehim ta’ sussidju, ir-REA jew il-Kummissjoni jistgħu jwettqu awditi fuq l-eżekuzzjoni korretta tal-proġett u l-osservanza tal-obbligi stabbiliti minn dan il-ftehim. Abbozz ta’ rapport ta’ awditu u mbagħad rapport ta’ awditu għandhom jitfasslu u jiġu kkomunikati lill-koordinatur jew lill-benefiċjarju kkonċernat.

12      L-Artikolu 22.5.1 tal-ftehim ta’ sussidju jipprevedi li l-konstatazzjonijiet magħmula fil-kuntest ta’ awditi jistgħu jwasslu, b’mod partikolari, għaċ-ċaħda ta’ spejjeż ineliġibbli. Bis-saħħa ta’ dan l-istess artikolu, meta l-awditi jiżvelaw żbalji sistematiċi jew rikorrenti, dawn jistgħu jwasslu għal konsegwenzi għal sussidji oħra mogħtija f’kundizzjonijiet simili, b’estensjoni għal dawn is-sussidji tal-konstatazzjonijiet magħmula għas-sussidju.

13      L-Artikolu 42.1 tal-ftehim ta’ sussidju jiddisponi li r-REA għandha tiċħad l-ispejjeż kollha ineliġibbli, b’mod partikolari wara li jsiru awditi.

14      L-Artikolu 44.1 tal-ftehim ta’ sussidju jipprevedi li r-REA għandha titlob kull ammont li jkun tħallas iżda li ma huwiex dovut bis-saħħa ta’ dan il-ftehim. L-Artikolu 44.1.3 ta’ dan l-istess ftehim, applikabbli għall-irkupru ta’ somom wara l-ħlas tal-bilanċ, jiddisponi, essenzjalment, li r-REA għandha tibgħat lill-benefiċjarju ittra ta’ informazzjoni minn qabel, imbagħad ittra ta’ konferma u nota ta’ debitu. Fl-assenza ta’ pagament, ir-REA tista’ għalhekk twettaq tpaċija, tibda proċeduri ġudizzjarji jew tadotta deċiżjoni li tikkostitwixxi titolu eżekuttiv abbażi tal-Artikolu 299 TFUE.

15      L-Artikolu 57.1 tal-ftehim ta’ sussidju jipprevedi li dan huwa rregolat mid-dritt tal-Unjoni applikabbli, ikkompletat jekk meħtieġ mid-dritt Belġjan.

16      L-Artikolu 57.2 tal-ftehim ta’ sussidju jipprovdi li l-Qorti Ġenerali jew, fuq appell, il-Qorti tal-Ġustizzja, huma l-uniċi kompetenti sabiex jiddeċiedu t-tilwim dwar l-interpretazzjoni, l-applikazzjoni jew il-validità ta’ dan il-ftehim, skont l-Artikolu 272 TFUE.

17      B’eżekuzzjoni tal-ftehim ta’ sussidju, ir-rikorrenti rċeviet mingħand ir-REA sussidju ta’ EUR 240 171.21, abbażi ta’ ammont iddikjarat ta’ spejjeż eliġibbli ta’ EUR 343 101.72 u ta’ rata ta’ rimbors ta’ 70 %.

 Ilproċedura ta’ awditu

18      Matul l‑2021, il-Kummissjoni wettqet awditu dwar l-eżekuzzjoni ta’ tliet ftehimiet ta’ sussidju konklużi mir-rikorrenti fil-kuntest tal-Programm Qafas Orizzont 2020, fosthom il-ftehim ta’ sussidju inkwistjoni f’din il-kawża. Fir-rigward ta’ dan il-ftehim tal-aħħar, l-awditu kien jirrigwarda l-perijodu mill‑1 ta’ Settembru 2015 sal‑31 ta’ Awwissu 2018.

19      Fit‑30 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti abbozz ta’ rapport ta’ awditu.

20      Permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Diċembru 2021 (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ għeluq”) u permezz ta’ rapport ta’ awditu finali tal-istess jum, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bir-riżultati definittivi tal-awditu.

21      Waqt l-awditu, il-Kummissjoni għamlet diversi aġġustamenti fir-rigward tal-ispejjeż eliġibbli skont il-ftehim ta’ sussidju.

22      B’mod partikolari, il-Kummissjoni qieset li ċerti primjums jew kummissjonijiet (iktar ’il quddiem il-“primjums kontenzjużi”), imħallsa lil żewġ impjegati tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem iż-“żewġ impjegati kkonċernati”) u ddikjarati minn din tal-aħħar bħala spejjeż tal-persunal, kienu marbuta mat-twettiq ta’ għanijiet differenti ta’ natura kummerċjali. Minn dan hija ddeduċiet li l-ispejjeż korrispondenti għal dawn il-primjums ma kinux ġew sostnuti fil-kuntest tal-proġett u ma kinux neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ dan il-proġett, b’tali mod li dawn ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà previsti fl-Artikolu 6.1(a)(iv) tal-ftehim ta’ sussidju u spjegati mill-mudell annotat tal-ftehim ta’ sussidju għall-Programm Qafas Orizzont 2020 (iktar ’il quddiem il-“mudell annotat tal-ftehim ta’ sussidju”). Għaldaqstant hija kkunsidrat li l-primjums kontenzjużi, li jammontaw għal EUR 14 758.03, ma kinux eliġibbli u għalhekk għamlet aġġustament.

23      Konsegwentement, fid-dawl tad-diversi aġġustamenti magħmula favur ir-REA, jew favur ir-rikorrenti, il-Kummissjoni naqqset b’EUR 12 927.34 l-ammont totali tal-ispejjeż eliġibbli skont il-ftehim ta’ sussidju.

24      Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li ċerti żbalji identifikati matul l-awditu kienu potenzjalment ta’ natura sistematika jew rikorrenti. Konsegwentement, hija fetħet proċedura ta’ estensjoni għal sussidji oħra tal-konstatazzjonijiet tal-awditu, skont l-Artikolu 22.5.1 tal-ftehim ta’ sussidju.

25      Madankollu, permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Frar 2022 (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ preċiżjoni”), il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li hija kienet estendiet il-konstatazzjonijiet tal-awditu biss għas-sussidji fis-seħħ, bl-esklużjoni tal-perijodi jew tas-sussidji mhux awditjati. Hija ppreċiżat li din il-limitazzjoni tal-proċedura ta’ estensjoni tal-konstatazzjonijiet tal-awditu kienet ġiet awtorizzata b’mod eċċezzjonali peress li l-awditi preċedenti ma kinux skoprew l-ineliġibbiltà tal-primjums kontenzjużi bbażati fuq għanijiet kummerċjali.

 Ilproċedura ta’ rkupru

26      Permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ Jannar 2022, intitolata “ittra ta’ informazzjoni minn qabel”, ir-REA informat lir-rikorrenti li, skont l-awditu mwettaq mill-Kummissjoni u fid-dawl tar-rata ta’ rimbors ta’ 70 %, hija kellha l-intenzjoni li tirkupra somma ta’ EUR 9 049.14.

27      Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Frar 2022 indirizzata lir-rikorrenti (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ konferma”), ir-REA kkonfermat l-irkupru tas-somma ta’ EUR 9 049.14. Din l-ittra kienet akkumpanjata minn nota ta’ debitu tal-istess ammont maħruġa fl-istess jum mir-REA (iktar ’il quddiem in-“nota ta’ debitu”).

 Ittalbiet talpartijiet

28      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara “nulli, illegali jew ineffettivi, jew tannulla” l-atti adottati mill-Kummissjoni u mir-REA u, b’mod partikolari, l-ittra ta’ għeluq, ir-rapport ta’ awditu finali, l-ittra ta’ konferma u n-nota ta’ debitu;

–        tiddikjara eliġibbli s-somom esklużi mill-ispejjeż eliġibbli, tikkonstata d-dritt tagħha li dawn is-somom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tas-sussidju u tikkonstata l-assenza ta’ dritt tal-Kummissjoni li tirkupra l-imsemmija somom;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni u lir-REA għall-ispejjeż.

29      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli sa fejn jikkonċernaha;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

30      Ir-REA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala, kompletament jew parzjalment, inammissibbli jew, fin-nuqqas ta’ dan, bħala kompletament infondat sa fejn jikkonċernah;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Iddritt

 Fuq issuġġett u lportata tarrikors

31      Mill-formulazzjoni u mill-kontenut tas-sottomissjonijiet bil-miktub kollha tar-rikorrenti, u b’mod partikolari mit-titolu tar-rikors u mill-preċiżazzjonijiet magħmula fir-replika, kif ukoll mill-fatt li l-Kummissjoni hija responsabbli għall-proċedura ta’ awditu filwaqt li r-REA hija responsabbli għall-proċedura ta’ rkupru, jirriżulta li r-rikorrenti titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali:

–        minn naħa, permezz tal-ewwel kap tat-talbiet tagħha, ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, tannulla l-atti adottati fir-rigward tagħha mill-Kummissjoni u mir-REA u, b’mod partikolari, l-ittra ta’ għeluq, ir-rapport ta’ awditu finali, l-ittra ta’ konferma u n-nota ta’ debitu, sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw l-eżekuzzjoni tal-ftehim ta’ sussidju;

–        min-naħa l-oħra, permezz tat-tieni kap tat-talbiet tagħha, ibbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE, tikkonstata n-natura eliġibbli tal-primjums kontenzjużi u, għaldaqstant, l-assenza ta’ dritt tal-Kummissjoni u, sussegwentement, tar-REA li tfittex ir-rimbors tas-somom li jikkorrispondu għal dawn il-primjums.

 Fuq ilkompetenza talQorti Ġenerali u fuq lammissibbiltà tarrikors

 Firrigward tattalbiet imressqa skont lArtikolu 263 TFUE

32      Il-Kummissjoni tqajjem eċċezzjoni skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li fil-kuntest tagħha hija ssostni, b’mod partikolari, li t-talbiet għall-finijiet ta’ annullament tar-rikorrenti huma inammissibbli. Hija ssostni, essenzjalment, l-ewwel, li dawn it-talbiet huma diretti kontra atti li jaqgħu f’kuntest kuntrattwali u li la jipproduċu effetti legali vinkolanti u lanqas ma jimplikaw l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Barra minn hekk, uħud minn dawn l-atti, jiġifieri l-ittra ta’ konferma u n-nota ta’ debitu, ġew adottati mir-REA, b’tali mod li l-Kummissjoni ma għandhiex leġittimazzjoni passiva fir-rigward tagħhom. It-tieni, ir-rikors ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 76(d) u (e) tar-Regoli tal-Proċedura sa fejn dan ma jesponix b’mod ċar il-bażi legali tar-rikors u ma jiżviluppax, fil-fatt u fid-dritt, it-talba intiża sabiex l-atti kkontestati jiġu ddikjarati “nulli, illegali jew ineffettivi, jew [annullati]”.

33      Mingħajr ma tqajjem formalment eċċezzjoni fis-sens tal-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-REA titlob ukoll li jiġu ddikjarati inammissibbli t-talbiet għall-finijiet ta’ annullament għal raġunijiet simili għal dawk invokati mill-Kummissjoni. Hija ssostni b’mod partikolari, essenzjalment, minn naħa, li r-rikorrenti titlob l-annullament ta’ atti ta’ natura kuntrattwali, u mhux amministrattiva u, min-naħa l-oħra, li, peress li ma ppreċiżax il-motivi invokati insostenn tat-talba għal annullament, ir-rikors ma huwiex konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura.

34      Ir-rikorrenti tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni u dawk tar-REA u ssostni li t-talbiet tagħha għall-finijiet ta’ annullament huma ammissibbli.

35      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE huwa disponibbli b’mod ġenerali kontra l-atti kollha adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni, indipendentement min-natura jew mill-forma tagħhom, li huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali ta’ dan tal-aħħar (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9; ara wkoll is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il‑Kummissjoni, C‑584/17 P, EU:C:2020:576, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      F’dan ir-rigward, bħala prinċipju, huma biss dawk il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni fi tmiem proċedura amministrattiva u li jkunu intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti li jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati, bl-esklużjoni b’mod partikolari tal-miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali, li ma għandhomx tali effetti (sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 10, u tas‑17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni, C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punt 42).

37      Barra minn hekk, fil-preżenza ta’ kuntratt li jorbot lir-rikorrent ma’ waħda mill-istituzzjonijiet jew ma’ wieħed mill-korpi jew organi tal-Unjoni, tista’ biss titressaq kawża quddiem il-qrati tal-Unjoni skont l-Artikolu 263 TFUE jekk l-att ikkontestat ikun intiż li jipproduċi effetti legali vinkolanti li ma jaqgħux taħt ir-relazzjoni kuntrattwali li torbot lill-partijiet u li jimplikaw l-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika mogħtija lill-istituzzjoni, lill-korp jew lill-organu kontraenti fil-kwalità tagħhom ta’ awtorità amministrattiva (sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2015, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il‑Kummissjoni, C‑506/13 P, EU:C:2015:562, punt 20; tat‑28 ta’ Frar 2019, Alfamicro vs Il‑Kummissjoni, C‑14/18 P, EU:C:2019:159, punt 50, u tas‑16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2020:576, C‑584/17 P, punt 65).

38      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li d-diversi atti kkontestati jaqgħu kollha fil-kuntest tal-ftehim ta’ sussidju, li minnu ma humiex dissoċjabbli.

39      Fil-fatt, minn naħa, l-atti adottati mill-Kummissjoni, u b’mod partikolari l-ittra ta’ għeluq u r-rapport ta’ awditu finali, huma bbażati fuq l-istipulazzjonijiet tal-Artikoli 22.1.3 u 22.5.1 tal-ftehim ta’ sussidju, li minnhom jirriżulta li dik l-istituzzjoni tista’ twettaq awditi li jistgħu jwasslu għaċ-ċaħda tal-ispejjeż ineliġibbli (ara l-punti 11 u 12 iktar ’il fuq).

40      Min-naħa l-oħra, l-atti adottati mir-REA, u b’mod partikolari l-ittra ta’ konferma u n-nota ta’ debitu, huma bbażati fuq l-Artikoli 42.1 u 44 tal-ftehim ta’ sussidju, li minnhom jirriżulta li, wara awditu, din l-aġenzija tiċħad l-ispejjeż li ma humiex eliġibbli u titlob mill-benefiċjarju kull ammont imħallas iżda mhux dovut (ara l-punti 13 u 14 iktar ’il fuq).

41      Fit-tieni lok, l-ebda element tal-proċess ma jippermetti li jiġi konkluż li l-Kummissjoni u r-REA aġixxew billi użaw il-prerogattivi tagħhom ta’ awtorità pubblika.

42      Fil-fatt, minn naħa, l-atti adottati mill-Kummissjoni, u b’mod partikolari l-ittra tal-għeluq u r-rapport ta’ awditu finali, la jobbligaw u lanqas jistiednu lir-rikorrenti tirrimborsa kwalunkwe somma u għalhekk ma jbiddlux is-sitwazzjoni legali tagħha.

43      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, la mill-formulazzjoni tal-atti adottati mill-Kummissjoni u lanqas mill-kuntest tagħhom ma jirriżulta li dik l-istituzzjoni kellha l-intenzjoni tobbliga lir-REA ssegwi l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ awditu finali u tipprojbixxiha milli teskludihom. Għalhekk, ir-rapport ta’ awditu finali jippreċiża li dan għandu l-għan li jesprimi “opinjoni indipendenti” dwar in-natura reali u eliġibbli tal-ispejjeż li taw lok għas-sussidju. Fir-rigward tal-ittra ta’ għeluq, hija tippreċiża li hija sempliċement tinforma lir-rikorrenti bir-riżultati tal-awditu u li hija ma tesprimix pożizzjoni definittiva dwar ir-riperkussjonijiet finanzjarji tal-awditu, peress li r-REA kienet għadha trid tanalizza dawn ir-riperkussjonijiet u tinforma lir-rikorrenti bihom.

44      Minn dan isegwi li l-atti adottati mill-Kummissjoni, u b’mod partikolari l-ittra ta’ għeluq u r-rapport ta’ awditu finali, huma atti preparatorji u ma jipproduċu, fihom infushom, l-ebda effett legali vinkolanti fil-konfront tar-rikorrenti jew tar-REA (ara, b’analoġija, id-digrieti tat‑8 ta’ Frar 2010, Alisei vs Il‑Kummissjoni, T‑481/08, EU:T:2010:32, punti 67 u 75, u tad‑9 ta’ Ġunju 2016, IREPA vs Il‑Kummissjoni u Il‑Qorti tal‑Awdituri, T‑825/14, mhux ippubblikat, EU:T:2016:345, punt 30). A fortiori, l-adozzjoni ta’ dawn l-atti ma tirriflettix l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

45      Min-naħa l-oħra, l-atti adottati mir-REA, u b’mod partikolari l-ittra ta’ konferma u n-nota ta’ debitu, sempliċement jistiednu lir-rikorrenti tħallas is-somma ta’ EUR 9 049.14 u tinformaha li, fl-assenza ta’ pagament, din l-aġenzija ser tipproċedi għall-irkupru ta’ din is-somma, pereżempju billi twettaq tpaċija jew billi tadotta deċiżjoni eżekuttiva abbażi tal-Artikolu 299 TFUE.

46      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li nota ta’ debitu jew intimazzjoni, li jinkludu l-indikazzjoni ta’ data ta’ skadenza kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-ħlas ta’ kreditu kuntrattwali, ma jistgħux jiġu mqabbla ma’ titolu eżekuttiv bħala tali, anki meta dawn isemmu l-mezz ta’ eżekuzzjoni tal-Artikolu 299 TFUE bħala mezz ta’ rkupru possibbli fost oħrajn fil-każ fejn id-debitur ma jeżegwixxix fid-data ta’ skadenza stabbilita. Konsegwentement, nota ta’ debitu jew intimazzjoni ma humiex intiżi li jipproduċu effetti legali li joriġinaw mill-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2015, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il‑Kummissjoni, C‑506/13 P, EU:C:2015:562, punti 23 u 24; tat‑28 ta’ Frar 2019, Alfamicro vs Il‑Kummissjoni, C‑14/18 P, EU:C:2019:159, punt 52, u tas‑16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il‑Kummissjoni, C‑584/17 P, EU:C:2020:576, punt 66).

47      Minn dan isegwi li l-atti adottati mir-REA, u b’mod partikolari l-ittra ta’ konferma u n-nota ta’ debitu, lanqas ma jirriflettu l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-atti kkontestati ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament abbażi tal-Artikolu 263 TFUE.

49      Għaldaqstant, it-talbiet għall-finijiet ta’ annullament tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, konformement mal-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma f’dan is-sens mill-Kummissjoni u mir-REA. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx bżonn li jiġi eżaminat l-argument ta’ dawn tal-aħħar li barra minn hekk dawn it-talbiet ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 76(d) u (e) tar-Regoli tal-Proċedura.

 Firrigward tattalbiet imressqa kontra lKummissjoni skont lArtikolu 272 TFUE

50      Fl-eċċezzjoni tagħha ppreżentata skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni ssostni li t-talbiet ifformulati fir-rigward tagħha abbażi tal-Artikolu 272 TFUE huma “inammissibbli”. Fil-fatt, peress li ma hijiex parti fil-ftehim ta’ sussidju, hija ma għandhiex leġittimazzjoni passiva.

51      Ir-rikorrenti tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni u ssostni li tista’ tinfetaħ kawża kontra l-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 272 TFUE.

52      Skont ġurisprudenza stabbilita, huma biss il-partijiet f’kuntratt li fih klawżola ta’ arbitraġġ li jistgħu jkunu partijiet fl-azzjoni ppreżentata abbażi tal-Artikolu 272 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 1976, Pellegrini vs Il‑Kummissjoni u Flexon‑Italia, 23/76, EU:C:1976:174, punt 31, u d-digriet tas‑16 ta’ Ġunju 2021, Green Power Technologies vs Il‑Kummissjoni u Impriża Konġunta ECSEL, T‑533/20, mhux ippubblikat, EU:T:2021:375, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-ftehim ta’ sussidju jinkludi klawżola ta’ arbitraġġ li tattribwixxi ġurisdizzjoni lill-Qorti Ġenerali (ara l-Artikolu 57.2 ta’ dan il-ftehim, imsemmi fil-punt 16 iktar ’il fuq).

54      Madankollu, il-ftehim ta’ sussidju ġie ffirmat biss mir-rikorrenti u mir-REA, li għandha personalità ġuridika distinta minn dik tal-Unjoni (ara l-punt 3 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, ir-REA hija l-unika parti kontraenti tar-rikorrenti u l-Kummissjoni ma tistax tiġi kklassifikata bħala parti f’dan il-ftehim.

55      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li l-atti adottati mir-REA, u b’mod partikolari l-ittra ta’ konferma u n-nota ta’ debitu, joriġinaw minn dawk adottati mill-Kummissjoni, u b’mod partikolari l-ittra ta’ għeluq u r-rapport ta’ awditu finali. Fil-fatt, il-klawżoli tal-ftehim ta’ sussidju li jipprevedu li l-Kummissjoni tista’ twettaq awditu (ara l-Artikolu 22.1.3 tal-ftehim ta’ sussidju msemmi fil-punt 11 iktar ’il fuq) u li r-REA tista’ sussegwentement tislet il-konsegwenzi ta’ dan l-awditu, b’mod partikolari billi tiċħad l-ispejjeż ineliġibbli (ara l-Artikoli 22.5.1 u 42.1 tal-ftehim ta’ sussidju, imsemmija fil-punti 12 u 13 iktar ’il fuq), huma klawżoli standard, attwalment imdaħħla fi ftehimiet ta’ sussidju, u la għandhom bħala għan u lanqas bħala effett li jagħtu lill-Kummissjoni l-kwalità ta’ parti fil-ftehim ta’ sussidju (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑16 ta’ Ġunju 2021, Green Power Technologies vs Il‑Kummissjoni u Impriża Konġunta ECSEL, T‑533/20, mhux ippubblikat, EU:T:2021:375, punti 44 u 45).

56      Minn dan isegwi li, sa fejn il-Kummissjoni ma hijiex parti fil-ftehim ta’ sussidju, il-Qorti Ġenerali ma hijiex kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet tar-rikorrenti mressqa skont l-Artikolu 272 TFUE u indirizzati kontra din l-istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 1976, Pellegrini vs Il‑Kummissjoni u Flexon‑Italia, 23/76, EU:C:1976:174, punt 31, u d-digriet tas‑16 ta’ Ġunju 2021, Green Power Technologies vs Il‑Kummissjoni u Impriża Konġunta ECSEL, T‑533/20, mhux ippubblikat, EU:T:2021:375, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Għaldaqstant, it-talbiet tar-rikorrenti mressqa kontra l-Kummissjoni skont l-Artikolu 272 TFUE għandhom jiġu miċħuda bħala mressqa quddiem qorti li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħhom.

58      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikors jista’ jiġi eżaminat fil-mertu biss sa fejn huwa ppreżentat skont l-Artikolu 272 TFUE u dirett kontra r-REA.

 Fuq ilfondatezza tattalbiet imressqa kontra rREA skont lArtikolu 272 TFUE

59      Insostenn tat-talbiet tagħha ppreżentati kontra r-REA skont l-Artikolu 272 TFUE, ir-rikorrenti tqajjem formalment tliet motivi, ibbażati, rispettivament, l-ewwel wieħed, fuq il-fatt li l-primjums kontenzjużi ma humiex ta’ natura kummerċjali, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u, it-tielet wieħed, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-ftehim ta’ sussidju.

60      Fid-dawl tal-kontenut ta’ dawn it-tliet motivi, għandhom jiġu eżaminati, fl-ewwel lok u flimkien, l-ewwel u t-tielet motiv, it-tnejn li huma bbażati, essenzjalment, fuq il-ksur tal-ftehim ta’ sussidju, u sussegwentement, fit-tieni lok, it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

 Fuq lewwel u ttielet motiv, ibbażati fuq ilksur talftehim ta’ sussidju

61      Permezz tal-ewwel u tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-primjums kontenzjużi tħallsu fil-kuntest tal-proġett u li kienu neċessarji għall-eżekuzzjoni tiegħu, b’tali mod li dawn kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà previsti fl-Artikolu 6.1(a)(iv) tal-ftehim ta’ sussidju, interpretati fid-dawl tal-mudell annotat tal-ftehim ta’ sussidju.

62      Ir-REA tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Kunsiderazzjonijiet ġenerali

63      Fl-ewwel lok, mill-istipulazzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 6.1(a)(iv) u tal-Artikolu 6.2(A.1) tal-ftehim ta’ sussidju, iċċitati fil-punti 7 u 8 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-ispejjeż tal-persunal reali u indiretti huma eliġibbli bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li jkunu “sostnuti b’rabta mal-[proġett]” u li jkunu “neċessarji għall-eżekuzzjoni tiegħu”.

64      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti u r-REA jirreferu wkoll għall-ispjegazzjonijiet li jinsabu fil-mudell annotat tal-ftehim ta’ sussidju fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà tal-ispejjeż tal-persunal. Fil-verżjoni tiegħu tat‑30 ta’ Marzu 2015, applikabbli għall-fatti tal-kawża (ara l-paġna 46 tal-imsemmi mudell), dak id-dokument, li jikkummenta dwar l-Artikolu 6 tal-mudell ġenerali tal-ftehim ta’ sussidju mfassal mill-Kummissjoni (iktar ’il quddiem il-“mudell ġenerali tal-ftehim ta’ sussidju”), jippreċiża dan li ġej:

“[…] Il-ħlasijiet ta’ dividendi lill-impjegati (distribuzzjoni ta’ profitti) huma ineliġibbli fis-sens tal-Artikolu 6.5(a)(i) [tal-mudell ġenerali tal-ftehim ta’ sussidju]. (Madankollu, is-supplimenti [ta’ remunerazzjoni] bbażati fuq il-prestazzjoni finanzjarja ġenerali tal-organizzazzjoni (pereżempju, il-profittabbiltà jew l-eċċess) jistgħu jiġu aċċettati bħala supplimenti varjabbli jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti hawn taħt.)

Eżempji (aċċettabbli):

Jekk il-profitt tal-kumpannija fl-aħħar tas-sena huwa ta’ iktar minn [EUR] X (jew iktar minn X %), kull impjegat jirċievi suppliment ta’ z % tar-remunerazzjoni bażika tiegħu (jew suppliment fiss ta’ [EUR] x bħala parti mis-salarju gross tiegħu).

Eżempji (inaċċettabbli):

Jekk il-profitt tal-kumpannija fl-aħħar tas-sena huwa ta’ iktar minn [EUR] X (jew iktar minn X %), z % ta’ dan il-profitt għandu jitqassam lill-impjegati permezz ta’ remunerazzjoni addizzjonali.

Kwalunkwe sehem ta’ rimunerazzjoni kkalkolat abbażi ta’ għanijiet kummerċjali (pereżempju, [EUR] x għat-twettiq ta’ għan ta’ bejgħ, x % fuq il-bejgħ) jew ta’ għanijiet ta’ ġbir ta’ fondi (pereżempju, primjum ta’ [EUR] x għal kull proġett ta’ finanzjament estern miksub, x % tal-finanzjament estern miksub) huwa ineliġibbli. Ir-raġuni għal dan hija li [dawn l-ispejjeż] la huma sostnuti b’rabta mal-[proġett ikkonċernat] u lanqas ma huma neċessarji għall-eżekuzzjoni tiegħu.

Eżempju (ineliġibbli minħabba li huwa marbut ma’ għan ta’ ġbir ta’ fondi): [p]rimjum imħallas bħala kumpens minħabba li jkun inkiseb sussidju speċifiku huwa ineliġibbli […]”

65      Għandu jiġi rrilevat li, kif speċifikat fl-avviż introduttiv tiegħu, il-mudell annotat tal-ftehim ta’ sussidju huwa intiż li jispjega l-mudell ġenerali tal-ftehim ta’ sussidju u li jippermetti lill-utenti jifhmu u jinterpretaw il-ftehimiet ta’ sussidju redatti abbażi ta’ dan il-mudell. Minkejja li ma għandux valur vinkolanti, dak id-dokument, ippubblikat u aċċessibbli għall-kontraenti kollha, jaqa’ fil-kuntest li fih ġie konkluż il-ftehim ta’ sussidju u għandu, konsegwentement, jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dan il-ftehim (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 2017, Alfamicro vs Il‑Kummissjoni, T‑831/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:804, punti 68 u 104, u tat‑13 ta’ Lulju 2022, VeriGraft vs Eismea, T‑457/20, EU:T:2022:457, punt 109).

66      Fit-tielet lok, it-tqassim tal-oneru tal-prova fir-rigward tan-natura eliġibbli tal-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti huwa rregolat mid-dritt sostantiv applikabbli għall-ftehim ta’ sussidju, jiġifieri d-dritt tal-Unjoni, ikkompletat jekk meħtieġ mid-dritt Belġjan (ara l-punt 15 iktar ’il fuq). Fl-assenza ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tirregola l-eżekuzzjoni tal-kuntratti, għandu jiġi applikat l-Artikolu 1315 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan preċedenti, applikabbli ratione temporis għall-fatti tal-kawża. Dan l-artikolu jipprovdi li min jitlob l-eżekuzzjoni ta’ obbligu għandu jipproduċi prova tiegħu u li, reċiprokament, min jallega li huwa meħlus għandu jiġġustifika l-ħlas jew il-fatt li pproduċa l-estinzjoni tal-obbligu tiegħu. Minn dan isegwi li hija r-rikorrenti, li ddikjarat spejjeż għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni, li għandha tipproduċi l-prova li dawn l-ispejjeż jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà previsti mill-ftehim ta’ sussidju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2014, Isotis vs Il‑Kummissjoni, T‑59/11, EU:T:2014:679, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑27 ta’ April 2022, Sieć Badawcza Łukasiewicz – Port Polski Ośrodek Rozwoju Technologii vs Il‑Kummissjoni, T‑4/20, EU:T:2022:242, punti 113 u 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).

–       Iddeskrizzjoni tassistema ta’ primjums stabbilita mirrikorrenti

67      Ir-rikorrenti stabbilixxiet sistema ta’ primjums imħallsa lill-impjegati tagħha.

68      Mid-dokumentazzjoni interna tar-rikorrenti jirriżulta li, b’mod ġenerali, l-ammont ta’ dawn il-primjums jieħu inkunsiderazzjoni diversi għanijiet jew miri, (i) bħall-marġni fuq ordni partikolari, (ii) bħall-marġni ta’ kontribuzzjoni, (iii) bħall-kisba ta’ ordnijiet ġodda, (iv) bħaż-żmien medju ta’ dħul, (v) bħan-numru ta’ jiem li impjegat idum fuq ordni partikolari, (vi) bħall-fatturi li għandhom jinħarġu, (vii) bħad-dħul meħud minn ordni partikolari u (viii) bħall-eċċess gross tal-operat (iktar ’il quddiem, rispettivament, l-“għan (i)”, l-“għan (ii)”, l-“għan (iii)”, l-“għan (iv)”, l-“għan (v)”, l-“għan (vi)”, l-“għan (vii)” u l-“għan (viii)”).

69      Fil-prattika, dawn l-għanijiet huma marbuta jew ma’ ordni speċifika (għanijiet (i), (v) u (vii)), jew mal-attività ta’ diviżjoni tar-rikorrenti għal żona ta’ referenza matul is-sena (għanijiet (ii) sa (iv) u (vi)), jew mal-prestazzjoni finanzjarja globali tar-rikorrenti jew tal-grupp tagħha (għan (viii)). Dawn jitqiesu li ntlaħqu meta jintlaħaq valur ta’ limitu (minimu jew massimu).

70      Il-prinċipju u l-ammont tal-primjums huma ddeterminati skont regoli ta’ għoti u ta’ kalkolu li jinsabu fi skemi ta’ inċentiv individwali nnegozjati bejn ir-rikorrenti u l-impjegati tagħha. Dawn l-iskemi ta’ inċentiv ġeneralment jipprevedu li jingħata primjum meta jintlaħaq wieħed mill-għanijiet (i) sa (vii) u meta l-ammont gross ta’ dan il-primjum jiġi kkalkolat skont ir-riżultati miksuba taħt l-għan ikkonċernat. Jekk ikun il-każ, il-primjums li jirriżultaw mid-diversi għanijiet meħuda inkunsiderazzjoni b’hekk jingħaddu flimkien sabiex jinkiseb primjum globali. F’każ ta’ “dewmien fl-għeluq ta’ nuqqas ta’ konformità”, għandha tiġi applikata penali. Fl-aħħar nett, jiġi applikat koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni marbut mal-għan (viii) sabiex jiġi aġġustat il-primjum globali u jinkiseb il-primjum dovut lill-impjegat, li madankollu ma jistax jaqbeż ammont massimu.

71      B’mod partikolari, fir-rigward tal-proġett koperti mill-ftehim ta’ sussidju, l-iskemi ta’ inċentiv sottoskritti miż-żewġ impjegati kkonċernati ġew inklużi fil-proċess. Minn dawn l-iskemi ta’ inċentiv jirriżulta li l-ammont tal-primjums imħallsa lil dawn iż-żewġ impjegati huwa kkalkolat skont, l-ewwel, il-marġni fuq ordni partikolari (għan (i), għal wieħed biss miż-żewġ impjegati), it-tieni, il-marġni ta’ kontribuzzjoni (għan (ii)) u, it-tielet, l-eċċess gross tal-operat (għan (viii)). Barra minn hekk, il-primjums mogħtija lil dawn iż-żewġ impjegati huma limitati, rispettivament, għal EUR 9 450 u għal EUR 20 250 fis-sena.

–       Innatura eliġibbli jew le talprimjums kontenzjużi

72      Matul il-proċeduri ta’ awditu u ta’ rkupru, il-Kummissjoni u r-REA qiesu, essenzjalment, li l-primjums kontenzjużi kienu marbuta mat-twettiq ta’ għanijiet ta’ natura kummerċjali u li, għal din ir-raġuni, dawn ma kinux jikkostitwixxu spejjeż eliġibbli (ara l-punt 22 iktar ’il fuq).

73      Quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-REA tippreċiża l-pożizzjoni tagħha u tispjega, b’mod partikolari, li l-għanijiet elenkati fil-punt 68 iktar ’il fuq, u b’mod partikolari dawk relatati mal-marġni fuq ordni partikolari (għan (i)) u mal-marġni ta’ kontribuzzjoni (għan (ii), jikkorrispondu għat-twettiq ta’ attivitajiet li huma, evidentement, ta’ natura kummerċjali. Hija tosserva wkoll li l-ammont tal-primjums kontenzjużi huwa ffissat direttament b’mod proporzjonali għall-għanijiet kummerċjali. B’hekk, pereżempju, il-primjums marbuta mal-marġni miksuba jiġu attribwiti fil-każ li jinqabeż valur ta’ marġni ta’ referenza u billi l-marġni miksuba jiġu mmultiplikati b’koeffiċjent multiplikatur. Billi tibbaża ruħha fuq l-ispjegazzjonijiet li jinsabu fil-mudell annotat tal-ftehim ta’ sussidju, ir-REA tiddeduċi minn dan li, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħhom, il-primjums kontenzjużi huma ta’ natura kummerċjali u li, konsegwentement, dawn ma jikkorrispondux għal spejjeż sostnuti b’rabta mal-proġett u ma humiex neċessarji għall-eżekuzzjoni tiegħu, b’tali mod li dawn ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà previsti fl-Artikolu 6.1(a)(iv) tal-ftehim ta’ sussidju.

74      Ir-rikorrenti tirrikonoxxi li, skont l-ispjegazzjonijiet li jinsabu fil-mudell annotat tal-ftehim ta’ sussidju, kull remunerazzjoni li tiġi kkalkolata skont għanijiet kummerċjali ma tkunx eliġibbli. Hija lanqas ma tikkontesta l-konstatazzjoni tar-REA li l-primjums kontenzjużi huma kkundizzjonati u proporzjonati għat-twettiq ta’ ċerti għanijiet (ara l-punt 73 iktar ’il fuq).

75      Madankollu, ir-rikorrenti tikkontesta n-natura kummerċjali tal-primjums kontenzjużi. Hija ssostni, essenzjalment, li, minkejja l-klassifikazzjoni żbaljata tagħhom bħala “kummissjonijiet”, il-primjums kontenzjużi huma marbuta mat-twettiq ta’ għanijiet ekonomiċi globali u kollettivi ddefiniti fil-livell tal-impriża jew, tal-inqas, ta’ diviżjoni tagħha, u mhux mat-twettiq ta’ għanijiet kummerċjali (u b’mod partikolari ta’ bejgħ) individwali ddefiniti fil-livell ta’ kull impjegat. Għaldaqstant, dawn il-primjums jikkostitwixxu “supplimenti bbażati fuq il-prestazzjoni finanzjarja globali tal-organizzazzjoni” u, konsegwentement, huma eliġibbli skont l-ispjegazzjonijiet li jinsabu fil-mudell annotat tal-ftehim ta’ sussidju.

76      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-ammont tal-primjums kontenzjużi huwa limitat, b’tali mod li dawn il-primjums ma jistgħux jiġu mqabbla ma’ “dividendi” ineliġibbli fis-sens tal-mudell annotat tal-ftehim ta’ sussidju.

77      Qabel ma jiġi eżaminat b’mod konkret jekk il-primjums kontenzjużi kinux eliġibbli u qabel ma jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti, għandha tingħata interpretazzjoni tal-Artikolu 6.1(a)(iv) tal-ftehim ta’ sussidju, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispjegazzjonijiet li jinsabu fil-mudell annotat tal-ftehim ta’ sussidju.

78      Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-estratt tal-mudell annotat tal-ftehim ta’ sussidju invokat mill-partijiet u riprodott fil-punt 64 iktar ’il fuq, jeskludi, bħala ineliġibbli, żewġ kategoriji ta’ spejjeż distinti, jiġifieri, minn naħa, id-dividendi u l-profitti mħallsa lill-impjegati u, min-naħa l-oħra, is-supplimenti ta’ remunerazzjoni kkalkolati skont għanijiet kummerċjali jew skont għanijiet ta’ ġbir ta’ fondi. Fil-fatt, dawn iż-żewġ kategoriji ta’ spejjeż ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “spejjeż sostnuti b’rabta mal-[proġett ikkonċernat] u neċessarji għall-eżekuzzjoni tiegħu” fis-sens tal-Artikolu 6.1(a)(iv) tal-mudell ġenerali tal-ftehim ta’ sussidju.

79      Barra minn hekk, għandhom isiru l-preċiżazzjonijiet segwenti.

80      L-ewwel, fir-rigward tad-dividendi u tal-profitti mħallsa lill-impjegati, il-mudell annotat tal-ftehim ta’ sussidju jindika li s-supplimenti ta’ remunerazzjoni varjabbli jew fissi bbażati fuq il-prestazzjoni finanzjarja globali tal-organizzazzjoni jistgħu madankollu jkunu eliġibbli, bil-kundizzjoni li dawn jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet.

81      F’dan ir-rigward, l-ewwel kundizzjoni tikkonċerna l-metodu ta’ kalkolu tas-suppliment ta’ remunerazzjoni. Mill-eżempji mogħtija fil-mudell annotat tal-ftehim ta’ sussidju jirriżulta li s-suppliment ta’ remunerazzjoni jista’ jieħu l-forma ta’ somma f’daqqa jew dik ta’ ċertu perċentwali tar-remunerazzjoni bażika. Għall-kuntrarju, l-imsemmi suppliment ma għandux jieħu l-forma ta’ ċertu perċentwali tal-profitt tal-kumpannija, għaliex, f’dan il-każ, huwa simili għal distribuzzjoni ta’ dividendi.

82      It-tieni kundizzjoni tikkonċerna l-esklużjoni tas-supplimenti ta’ remunerazzjoni kkalkolati skont għanijiet kummerċjali jew skont għanijiet ta’ ġbir ta’ fondi (ara l-punt 83 iktar ’il quddiem). Minn dan isegwi li, kif tirrileva, essenzjalment u ġustament, ir-REA, suppliment fir-remunerazzjoni bbażat fuq il-prestazzjoni finanzjarja globali tal-organizzazzjoni huwa ineliġibbli jekk dan ikun ibbażat wkoll, b’mod indissoċjabbli, fuq għanijiet kummerċjali jew fuq għanijiet ta’ ġbir ta’ fondi.

83      It-tieni, fir-rigward tas-supplimenti ta’ remunerazzjoni kkalkolati skont għanijiet kummerċjali jew skont għanijiet ta’ ġbir ta’ fondi, il-mudell annotat tal-ftehim ta’ sussidju jippreċiża, essenzjalment, li l-primjums fissi jew varjabbli mogħtija bħala korrispettiv għat-twettiq ta’ tali għanijiet ma humiex eliġibbli. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-primjums li jieħdu l-forma ta’ ammont b’rata fissa kkundizzjonat għat-twettiq ta’ għan ta’ bejgħ jew ta’ ġbir ta’ fondi jew dak ta’ ċertu perċentwali tal-bejgħ jew tal-fondi miġbura.

84      F’dan ir-rigward, mill-mudell annotat tal-ftehim ta’ sussidju ma jirriżultax li huma biss l-għanijiet stabbiliti fil-livell ta’ impjegat li jistgħu jiġu kklassifikati bħala għanijiet kummerċjali jew ta’ ġbir ta’ fondi, b’tali mod li għanijiet stabbiliti fil-livell tal-organizzazzjoni kollha kemm hi jew fil-livell ta’ diviżjoni tagħha ma jistgħux, mid-definizzjoni tagħhom, ikunu ta’ tali natura kummerċjali jew ta’ ġbir ta’ fondi. Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi r-rikorrenti, supplimenti ta’ remunerazzjoni bbażati fuq għanijiet stabbiliti fil-livell tal-organizzazzjoni kollha kemm hi (jew, a fortiori, fil-livell ta’ diviżjoni tagħha) ma humiex neċessarjament eliġibbli. Għalhekk, is-supplimenti ta’ remunerazzjoni eliġibbli previsti fil-mudell annotat tal-ftehim ta’ sussidju għandhom, l-ewwel nett, jiġu stabbiliti fil-livell tal-organizzazzjoni kollha kemm hi, sussegwentement, ikunu bbażati fuq il-prestazzjoni finanzjarja globali ta’ din l-organizzazzjoni u, fl-aħħar nett, ma jagħmlux riferiment għal għanijiet kummerċjali jew għal għanijiet ta’ ġbir ta’ fondi.

85      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu interpretati l-istipulazzjonijiet tal-ftehim ta’ sussidju u li hemm lok li jiġi evalwat jekk il-primjums kontenzjużi kinux eliġibbli jew le.

86      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li s-sistema ta’ primjums stabbilita mir-rikorrenti hija bbażata fuq żewġ tipi ta’ għanijiet.

87      Fl-ewwel lok, l-ewwel seba’ għanijiet elenkati fil-punt 68 iktar ’il fuq huma ddefiniti fid-dawl jew ta’ ordni speċifika, jew tal-attività ta’ diviżjoni tar-rikorrenti matul is-sena. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-marġni fuq ordni partikolari (għan (i)) u tal-marġni ta’ kontribuzzjoni (għan (ii)), imsemmija fil-iskemi ta’ inċentiv taż-żewġ impjegati kkonċernati, fejn l-ewwel wieħed minn dawn il-marġni huwa marbut ma’ ordni speċifika u t-tieni wieħed mal-attività ta’ diviżjoni tar-rikorrenti matul is-sena (ara l-punt 69 iktar ’il fuq). Għaldaqstant jidher li dawn id-diversi għanijiet huma ta’ natura kummerċjali u ma humiex marbuta mal-prestazzjonijiet finanzjarji globali tar-rikorrenti.

88      Barra minn hekk, il-primjums mogħtija minħabba l-ewwel seba’ għanijiet huma kkundizzjonati u proporzjonati għat-twettiq tal-imsemmija għanijiet. B’mod partikolari, il-primjums marbuta mal-marġni fuq ordni partikolari u mal-marġni ta’ kontribuzzjoni, imsemmija fl-iskemi ta’ inċentiv taż-żewġ impjegati kkonċernati, huma direttament proporzjonali għall-marġni miksuba (ara l-punti 73 u 74 iktar ’il fuq).

89      Minn dan isegwi li l-primjums mogħtija minħabba l-ewwel seba’ għanijiet huma ta’ natura kummerċjali kemm minħabba l-għan tagħhom kif ukoll minħabba l-metodu ta’ kalkolu tagħhom.

90      Fit-tieni lok, it-tmien u l-aħħar għan imsemmi fil-punt 68 iktar ’il fuq, jiġifieri l-eċċess gross tal-operat, li huwa wkoll espressament imsemmi fl-iskemi ta’ inċentiv taż-żewġ impjegati kkonċernati, huwa, ċertament, marbut mal-prestazzjonijiet finanzjarji globali tar-rikorrenti u tal-kumpanniji l-oħra tal-grupp tagħha.

91      Madankollu, indipendentement anki mill-kwistjoni dwar jekk huwiex ammissibbli t-teħid inkunsiderazzjoni tal-prestazzjoni finanzjarja ta’ kumpanniji oħra tal-grupp tar-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li l-eċċess gross tal-operat ma jittiħidx inkunsiderazzjoni għall-kalkolu ta’ primjum awtonomu, fil-forma ta’ somma f’daqqa jew dik ta’ perċentwali partikolari tar-remunerazzjoni bażika, konformement mal-mudell annotat tal-ftehim ta’ sussidju. Fil-fatt, dan l-għan jintuża biss sabiex jaġġusta l-ammont tal-primjums mogħtija minħabba l-ewwel seba’ għanijiet (ara l-punt 70 iktar ’il fuq). Issa, il-prinċipju u l-ammont ta’ dawn tal-aħħar jiddependu mit-twettiq ta’ għanijiet kummerċjali (ara l-punt 89 iktar ’il fuq).

92      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li l-primjums imħallsa mir-rikorrenti lill-impjegati tagħha huma essenzjalment ibbażati fuq għanijiet kummerċjali u li, konsegwentement, l-ispejjeż li jikkorrispondu għal dawn il-primjums la huma sostnuti b’rabta mal-proġett u lanqas ma huma neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ dan il-proġett. Għaldaqstant, tali primjums ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6.1(a)(iv) tal-ftehim ta’ sussidju.

93      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti tar-rikorrenti miġbura fil-qosor fil-punti 75 u 76 iktar ’il fuq.

94      L-ewwel, ir-rikorrenti tinvoka l-fatt li l-għanijiet elenkati fil-punt 68 iktar ’il fuq ma humiex marbuta mal-attività individwali tal-impjegat, iżda ma’ riżultati kollettivi miksuba mill-impriża jew minn waħda mid-diviżjonijiet tagħha.

95      F’dan ir-rigward, anki jekk jitqies li l-għanijiet elenkati fil-punt 68 iktar ’il fuq ma humiex marbuta mal-attività individwali tal-impjegat, madankollu mill-prinċipji stabbiliti fil-punt 84 iktar ’il fuq jirriżulta li l-għanijiet stabbiliti fil-livell ta’ organizzazzjoni jew ta’ diviżjoni tagħha jistgħu jkunu ta’ natura kummerċjali. Issa, dan huwa l-każ tal-ewwel seba’ għanijiet (ara l-punt 87 iktar ’il fuq).

96      It-tieni, ir-rikorrenti tqis li, peress li ma implikawx attivitajiet ta’ “bejgħ” ta’ oġġetti jew ta’ servizzi, l-għanijiet elenkati fil-punt 68 iktar ’il fuq ma jikkostitwixxux għanijiet “kummerċjali”, iżda għanijiet “ekonomiċi”.

97      Madankollu, ir-rikorrenti ma tagħti l-ebda spjegazzjoni konvinċenti li tippermetti li l-kunċett ta’ “għan kummerċjali” jiġi limitat għall-attivitajiet ta’ “bejgħ” biss, li jiġi ddefinit kunċett distint ta’ “għan ekonomiku” u li tiġi ammessa l-eliġibbiltà ta’ primjums ibbażati fuq “għanijiet ekonomiċi” mhux marbuta mal-prestazzjonijiet finanzjarji globali tal-organizzazzjoni. B’mod partikolari, għandu jiġi osservat li l-mudell annotat tal-ftehim ta’ sussidju ma jsemmix tali “għanijiet ekonomiċi”. Dan id-dokument isemmi biss, minn naħa, kategorija ta’ primjums eliġibbli, taħt ċerti kundizzjonijiet, jiġifieri l-primjums ibbażati fuq il-prestazzjoni finanzjarja globali tal-organizzazzjoni, u, min-naħa l-oħra, żewġ kategoriji ta’ primjums ineliġibbli fiċ-ċirkustanzi kollha, jiġifieri l-primjums ikkalkolati skont għanijiet kummerċjali u dawk ikkalkolati skont għanijiet ta’ ġbir ta’ fondi.

98      It-tielet, ir-rikorrenti tinvoka l-fatt li l-ammont tal-primjum imħallas lil impjegat huwa limitat.

99      Madankollu, kif ġustament tirrileva r-REA, dan il-limitu massimu ma għandux effett fuq l-eliġibbiltà tal-primjum. Fil-fatt, suppliment ta’ remunerazzjoni kkalkolat skont għanijiet kummerċjali huwa, mid-definizzjoni tiegħu stess, ineliġibbli, u dan indipendentement mill-mod ta’ kalkolu tiegħu, min-natura fissa jew varjabbli tiegħu kif ukoll min-natura limitata jew le tiegħu.

100    Ir-raba’, ir-rikorrenti ssostni li l-primjums kontenzjużi ma jistgħux jiġu mqabbla ma’ dividendi li permezz tagħhom l-impjegati jirċievu l-profitti tal-organizzazzjoni.

101    Dan l-argument huwa ineffettiv. Fil-fatt, suppliment ta’ remunerazzjoni kkalkolat skont għanijiet kummerċjali, bħal dak imħallas mir-rikorrenti lill-impjegati tagħha, huwa, mid-definizzjoni tiegħu stess, ineliġibbli, u dan anki jekk barra minn hekk huwa ma għandux il-karatteristiċi ta’ dividend.

102    Il-ħames, ir-rikorrenti tirreferi għal nota mħejjija minn kumpannija ta’ awditu indipendenti u li tikkonkludi li l-primjums imħallsa mir-rikorrenti lill-impjegati tagħha huma eliġibbli.

103    Madankollu, minn naħa, din in-nota ma tistax tiġi kkunsidrata bħala perizja newtrali u indipendenti sa fejn din ġiet imħejjija fuq talba tar-rikorrenti. Minn dan isegwi li hija ma għandhiex valur probatorju inkontestabbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2011, Siemens vs Il‑Kummissjoni, T‑110/07, EU:T:2011:68, punt 137). Min-naħa l-oħra, l-imsemmija nota sempliċement tanalizza fil-qosor is-sistema ta’ primjums stabbilita mir-rikorrenti u ma tirreferi għal ebda punt ta’ liġi jew ta’ fatt addizzjonali fir-rigward ta’ dawk diġà analizzati f’din is-sentenza.

104    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tiġġustifikax l-eliġibbiltà tal-primjums kontenzjużi.

105    Għaldaqstant, l-ewwel u t-tielet motiv għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

106    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx bżonn li jiġu eżaminati l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mir-REA u bbażati, minn naħa, fuq il-fatt li r-rikors ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura fir-rigward tat-tielet motiv u, min-naħa l-oħra, fuq il-fatt li l-argument tar-rikorrenti miġbur fil-qosor fil-punt 96 iktar ’il fuq jinkludi motiv ġdid imqajjem għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika.

 Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ksur talprinċipju ta’ protezzjoni talaspettattivi leġittimi

107    Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-kontestazzjoni mill-Kummissjoni u mir-REA tal-eliġibbiltà tal-primjums kontenzjużi tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni diversi drabi rrikonoxxiet il-fondatezza tal-metodu ta’ determinazzjoni tal-ispejjeż eliġibbli u aċċettat it-teħid inkunsiderazzjoni tal-primjums kontenzjużi bħala spejjeż eliġibbli.

108    Ir-REA tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

109    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, meta l-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-organi tal-Unjoni jeżegwixxu kuntratt, huma jibqgħu suġġetti għall-obbligi tagħhom skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il‑Kummissjoni, C‑584/17 P, EU:C:2020:576, punt 86). Għalhekk, jekk il-partijiet jiddeċiedu, fil-kuntratt tagħhom, permezz ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, li jattribwixxu lill-qorti tal-Unjoni l-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tilwim marbut ma’ dan il-kuntratt, dik il-qorti jkollha ġurisdizzjoni, indipendentement mid-dritt applikabbli stipulat fl-imsemmi kuntratt, sabiex teżamina l-possibbiltà ta’ ksur tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Inclusion Alliance for Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑378/16 P, EU:C:2020:575, punt 81).

110    Minn dan isegwi li, billi invokat, insostenn tat-talbiet tagħha ppreżentati skont l-Artikolu 272 TFUE, il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ir-rikorrenti tinvoka tassew regola li l-amministrazzjoni tal-Unjoni hija obbligata tosserva f’kuntest kuntrattwali.

111    Barra minn hekk, fid-dritt Belġjan, applikabbli sussidjarjament f’dan il-każ (ara l-punti 15 u 66 iktar ’il fuq), tista’ tiġi invokata forma ta’ aspettattivi leġittimi fid-dritt tal-kuntratti peress li din tiddependi fuq l-osservanza tal-obbligu tal-partijiet f’kuntratt tal-eżekuzzjoni bona fide tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Novembru 2015, Synergy Hellas vs Il‑Kummissjoni, T‑106/13, EU:T:2015:860, punti 72 u 73, u tal‑4 ta’ Mejju 2017, Meta Group vs Il‑Kummissjoni, T‑744/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:304, punti 193 u 194).

112    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li wieħed jinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jippreżumi li l-persuna kkonċernata tirċievi garanziji preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, mill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fl-assenza ta’ dawn il-garanziji (ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Marzu 2011, AJD Tuna, C‑221/09, EU:C:2011:153, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il‑Kummissjoni, C‑584/17 P, EU:C:2020:576, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113    F’dan il-każ, sabiex tistabbilixxi l-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ir-rikorrenti tinvoka tliet pożizzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni, li għandhom jiġu eżaminati suċċessivament u kronoloġikament.

114    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tispjega li, fil-kuntest tas-Seba’ Programm Qafas għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni (2007‑2013) (iktar ’il quddiem is-“Seba’ Programm Qafas”), il-Kummissjoni kienet approvat il-metodoloġija użata għall-kalkolu tal-ispejjeż tal-persunal tagħha u talbitha tikkomunika kull bidla li saret lil din il-metodoloġija.

115    F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li, fis‑17 ta’ Marzu 2011, ir-rikorrenti ppreżentat formola ta’ ċertifikazzjoni lill-Kummissjoni li tiddeskrivi l-metodoloġija użata għall-kalkolu tal-ispejjeż tal-persunal tagħha (iktar ’il quddiem iċ-“ċertifikat ta’ metodoloġija”). Dan id-dokument kien jirreferi għal sistema ta’ primjums varjabbli attribwiti permezz ta’ “ittri ta’ inċentiv” u ddeterminati abbażi, minn naħa, tal-prestazzjoni individwali tal-impjegat u, min-naħa l-oħra, tal-prestazzjoni tal-impriża u tad-diviżjoni tagħha li lilha kien assenjat l-imsemmi impjegat.

116    Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni approvat iċ-ċertifikat ta’ metodoloġija (iktar ’il quddiem l-“ittra li tapprova ċ-ċertifikat ta’ metodoloġija”). Din l-ittra kienet tippreċiża b’mod partikolari li, fil-każ li l-metodoloġija ċċertifikata tinbidel, ir-rikorrenti jkollha tiddikjara lill-Kummissjoni l-bidliet li jkunu saru u tippreżenta ċertifikat ta’ metodoloġija ġdid.

117    Madankollu, bħar-REA, l-ewwel, għandu jiġi rrilevat li ċ-ċertifikat ta’ metodoloġija jikkonċerna s-Seba’ Programm Qafas. Minkejja l-eżistenza ta’ elementi ta’ xebh u ta’ kontinwità, dan is-Seba’ Programm Qafas huwa separat mill-Programm Qafas Orizzont 2020 li ssostitwixxih u li jifforma parti minnu l-proġett. Barra minn hekk, l-ittra li tapprova ċ-ċertifikat ta’ metodoloġija tindika li dan iċ-ċertifikat huwa validu għat-tul tas-Seba’ Programm Qafas u ma tipprevedix il-possibbiltà ta’ estensjoni ta’ din il-validità fil-kuntest ta’ programm qafas sussegwenti. Barra minn hekk, il-mudell annotat tal-ftehim ta’ sussidju (ara l-paġna 155 tal-imsemmi mudell) espressament jispeċifika li ċertifikat ta’ metodoloġija approvat fil-kuntest tas-Seba’ Programm Qafas ma huwiex validu fil-kuntest tal-Programm Qafas Orizzont 2020.

118    It-tieni, l-ittra li tapprova ċ-ċertifikat ta’ metodoloġija għandha portata limitata fis-Seba’ Programm Qafas. Fil-fatt, minn naħa, din l-ittra sempliċement tindika li hija teżenta lir-rikorrenti milli tippreżenta ċertifikati intermedji dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji meta tressaq it-talbiet tagħha għal ħlasijiet intermedji. Min-naħa l-oħra, il-mudell annotat tal-ftehim ta’ sussidju jindika li l-approvazzjoni tikkonċerna l-prattiki abitwali ta’ kontabbiltà tal-ispejjeż u li, bħala konsegwenza ta’ din l-approvazzjoni, il-Kummissjoni ma tikkontestax l-ispejjeż unitarji ddikjarati. Issa, mill-istipulazzjonijiet tal-Artikolu 5.2 tal-ftehim ta’ sussidju, miġbura fil-qosor fil-punt 6 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-“ispejjeż unitarji” jikkostitwixxu kategorija ta’ spejjeż tal-persunal distinti mill-“ispejjeż reali” li jaqgħu taħthom il-primjums kontenzjużi. Barra minn hekk, huma l-“ispejjeż reali”, u mhux l-“ispejjeż unitarji”, li huma suġġetti għall-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 6.1(a)(i) ta’ dan il-ftehim.

119    It-tielet, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-ittra li tapprova ċ-ċertifikat ta’ metodoloġija ma kinitx tobbligaha żżomm l-istruttura tal-ispejjeż tagħha sabiex tiggarantixxi l-eliġibbiltà tagħhom. Fil-fatt, kemm mill-kliem ta’ din l-ittra kif ukoll mill-ispjegazzjonijiet li jinsabu fil-mudell annotat tal-ftehim ta’ sussidju jirriżulta li l-imsemmija ittra kienet timponi biss fuq ir-rikorrenti li tiddikjara lill-Kummissjoni l-bidliet li saru fil-metodoloġija tagħha u, jekk ikun il-każ, li tippreżenta ċertifikat ta’ metodoloġija ġdid.

120    Għaldaqstant, l-ittra li tapprova ċ-ċertifikat ta’ metodoloġija ma kienet tinkludi l-ebda garanzija preċiża u inkundizzjonata fis-sens li l-primjums imħallsa mir-rikorrenti lill-impjegati tagħha, bħall-primjums kontenzjużi, huma eliġibbli fil-kuntest tal-Programm Qafas Orizzont 2020 u, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-ftehim ta’ sussidju.

121    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li, matul awditu preċedenti li jirrigwarda l-proġetti Festival, PATHway u WeLive (iktar ’il quddiem l-“awditu FPW”), il-Kummissjoni aċċettat li tieħu inkunsiderazzjoni, bħala spejjeż eliġibbli, il-primjums imħallsa lill-impjegati tagħha.

122    F’dan ir-rigward, huwa minnu li, fir-rapport ta’ awditu finali li jagħlaq il-verifika FPW (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ awditu FPW”), tat‑18 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni indikat, qabel kollox, li l-primjums previsti mill-iskemi ta’ inċentiv tal-impjegati tar-rikorrenti “[kienu] bbażati fuq il-prestazzjoni finanzjarja globali tal-organizzazzjoni, [kienu jikkorrispondu] għall-prattiki abitwali ta’ remunerazzjoni għal proġetti nazzjonali u [kienu] għalhekk eliġibbli bħala remunerazzjoni bażika”, sussegwentement, li hija “setgħet tivvalida l-eżattezza, l-oġġettività u l-eżistenza ta’ supplimenti varjabbli” u, fl-aħħar nett, li “[kienu] jeżistu biżżejjed provi sabiex tiġi vvalidata l-eliġibbiltà tal-ispejjeż [li jikkorrispondu għal dawn is-supplimenti]”.

123    Madankollu, l-ewwel, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet ir-REA, li l-awditu FPW kien jikkonċerna proġetti oħra minbarra l-proġett kopert mill-ftehim ta’ sussidju.

124    It-tieni, mill-proċess ma jirriżultax li, fil-kuntest tal-awditu FPW, il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond u eżawrjenti tas-sistema ta’ primjums stabbilita mir-rikorrenti fid-dawl tal-kundizzjonijiet kollha għall-eliġibbiltà previsti mill-ftehim ta’ sussidju applikabbli għall-proġetti kkonċernati. Għall-kuntrarju, ir-rapport ta’ awditu FPW sempliċement jikkonferma, f’termini ġenerali ħafna, l-eliġibbiltà tal-primjums inkwistjoni f’dak iż-żmien u jesprimi dispjaċir li l-iskemi ta’ inċentiv innegozjati bejn ir-rikorrenti u l-impjegati tagħha ma kinux iffirmati mill-imsemmija impjegati.

125    It-tielet, fir-rapport ta’ awditu FPW, il-Kummissjoni indikat espressament li din kienet “relazzjoni b’eċċezzjoni” u li, “ normalment, bħala tali, din ma setgħetx toħloq aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-konformità tal-ispejjeż iddikjarati u tal-metodi ta’ kalkolu użati”. Hija spjegat ukoll li “kull awditu jikkonsisti, mid-definizzjoni tiegħu stess, f’verifika li ma hijiex eżawrjenti u li hija bbażata fuq elementi rappreżentattivi u fuq eżempji”, li “ċertu riskju ta’ nuqqas ta’ detezzjoni huwa […] inerenti għall-awditi kollha” u li, konsegwentement, ir-“rapporti ta’ awditu ma jistgħux joħolqu aspettattivi fir-rigward tal-konformità tal-ispejjeż iddikjarati u tal-metodi ta’ kalkolu użati”. Issa, tali riżervi fuq il-portata tar-rapport ta’ awditu FPW huma biżżejjed sabiex tiġi introdotta inċertezza li tostakola l-ħolqien ta’ kull aspettattiva leġittima bbażata fuq il-kontenut ta’ dan ir-rapport (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2022, Sieć Badawcza Łukasiewicz – Port Polski Ośrodek Rozwoju Technologii vs Il‑Kummissjoni, T‑4/20, EU:T:2022:242, punt 141).

126    Għaldaqstant, ir-rapport ta’ awditu FPW ma kienx jinkludi garanzija preċiża u inkundizzjonata fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-primjums imħallsa mir-rikorrenti lill-impjegati tagħha, bħall-primjums kontenzjużi.

127    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tosserva li, fl-ittra ta’ preċiżjoni, il-Kummissjoni rrinunzjat milli testendi l-konstatazzjonijiet tal-awditu għall-ftehimiet ta’ sussidju kollha, minħabba li l-awditi preċedenti ma kinux skoprew l-ineliġibbiltà tal-primjums kontenzjużi bbażati fuq għanijiet kummerċjali (ara l-punt 25 iktar ’il fuq). Skont ir-rikorrenti, din il-limitazzjoni tal-estensjoni tal-konstatazzjonijiet tal-awditu, minn naħa, hija insuffiċjenti u, min-naħa l-oħra, turi li l-Kummissjoni kienet konxja li kienet qiegħda tippreġudika b’mod manifest l-interessi u l-aspettattivi leġittimi tiegħu.

128    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-natura allegatament insuffiċjenti tal-limitazzjoni tal-estensjoni tal-konstatazzjonijiet tal-awditu huwa irrilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża. Fil-fatt, l-ineliġibbiltà tal-primjums kontenzjużi kienet ġiet irrilevata matul l-awditu nnifsu, u mhux matul l-estensjoni tal-konstatazzjonijiet ta’ dan l-awditu.

129    Min-naħa l-oħra, ir-REA ssostni, ġustament, li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li hija favorevoli għar-rikorrenti, li tillimita l-estensjoni tal-konstatazzjonijiet tal-awditu kienet taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali ta’ dik l-istituzzjoni skont l-Artikolu 22.5.1 tal-ftehim ta’ sussidju, b’tali mod li ma tista’ tinsilet l-ebda konklużjoni minn dik id-deċiżjoni fil-kuntest ta’ dan il-motiv. Għandu jingħad ukoll li, peress li ġiet wara l-perijodu ta’ eżekuzzjoni tal-proġett, l-ittra ta’ preċiżjoni ma tistax, fi kwalunkwe każ, tikkostitwixxi garanzija mogħtija fi żmien xieraq fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-primjums kontenzjużi.

130    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tiġġustifikax li l-Kummissjoni tatha garanziji preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-primjums kontenzjużi. Konsegwentement, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 112 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

131    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

132    Minn dan isegwi li t-talbiet tar-rikorrenti mressqa kontra r-REA skont l-Artikolu 272 TFUE għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

133    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq lispejjeż

134    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

135    Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha, kif ukoll dawk tal-Kummissjoni u tar-REA, konformement mat-talbiet tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Engineering – Ingegneria Informatica SpA hija kkundannata għall-ispejjeż.

Kowalik-Bańczyk

Buttigieg

Ricziová

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑26 ta’ Lulju 2023.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.