Language of document : ECLI:EU:C:2019:697

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fl-10 ta’ Settembru 2019 (1)

Kawża C-263/18

Nederlands Uitgeversverbond,

Groep Algemene Uitgevers

vs

Tom Kabinet Internet BV,

Tom Kabinet Holding BV,

Tom Kabinet Uitgeverij BV

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Direttiva 2001/29/KE – Soċjetà tal-informazzjoni – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati – Kotba elettroniċi (‘e-books’) – Suq virtwali għal kotba elettroniċi ‘użati’ – Artikolu 2 – Riproduzzjoni – Atti meħtieġa sabiex jiġi żgurat użu leġittimu – Artikolu 3 – Komunikazzjoni lill-pubbliku – Tqegħid għad-dispożizzjoni – Artikolu 4 – Distribuzzjoni – Tqegħid għad‑dispożizzjoni għall-użu, mill-bogħod, permezz ta’ tniżżil mill‑internet, għal perijodu mingħajr limitu, ta’ kotba elettroniċi – Eżawriment – Artikolu 5 – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Portata”






 Introduzzjoni

1.        Kunċett li oriġina mid-duttrina (2), l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni ġie introdott fil-bidu tas-seklu XX permezz tal‑ġurisprudenza (3). Skont din ir-regola, ladarba kopja ta’ xogħol protetta bid-drittijiet tal-awtur tpoġġiet fis-suq b’mod leġittimu, id-detentur tad-drittijiet tal-awtur ma jistax jopponi iktar il-bejgħ mill-ġdid ta’ din il-kopja mill-akkwirent tagħha. Il-ġustifikazzjoni għal dan hija li d-drittijiet tal-awtur ma għandhomx jieħdu l-preċedenza fuq id-dritt għall-proprjetà li għandu dan l-akkwirent fuq il-kopja tax-xogħol inkwistjoni bħala oġġett. Barra minn hekk, bit-tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni ta’ kopja tax‑xogħol mill-awtur jew bil-kunsens tiegħu, dan jiġi kkunsidrat bħala li kiseb ir-remunerazzjoni dovuta għal din il-kopja.

2.        Kien ukoll permezz tal-ġurisprudenza li r-regola tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni ta’ oġġetti protetti bid-drittijiet tal-awtur daħlet fid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, minkejja li din ir-regola kienet diġà teżisti fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja estendiet il-portata tagħha fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea (4). Din il-ġurisprudenza kienet immotivata prinċiparjament sabiex tiġi żgurata l-effettività tal‑moviment liberu tal-merkanzija.

3.        Minn dak inhar il hawn, l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni ġie rrikonoxxut kemm fil-livell tad-dritt internazzjonali, fil-livell tad‑dritt tal-Unjoni kif ukoll f’dak tal-Istati Membri (5).

4.        Madankollu, id-diġitalizzazzjoni tal-kontenut li jista’ jiġi protett bid-drittijiet tal-awtur u l-introduzzjoni ta’ mezzi ġodda li jippermettu li tali kontenut jiġi pprovdut onlajn qalbu l-ekwilibriju bejn l-interessi tad-detenturi tad‑drittijiet u tal-utenti tal-oġġetti protetti, u l-prinċipju tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni kien jikkontribwixxu għaż-żamma ta’ tali ekwilibriju.

5.        Minn naħa, sar possibbli li jinħolqu, bi spiża żgħira, kopji kompletament eżatti ta’ fajls diġitali li jkun fihom oġġetti protetti u li jiġu ttrasferiti mingħajr sforz jew spejjeż addizzjonali permezz tal‑internet. Dan l-iżvilupp jhedded il-possibbiltà għad-detenturi tad‑drittijiet tal-awtur li jiksbu remunerazzjoni adattata għall‑kreazzjonijiet tagħhom u jikkontribwixxi b’mod qawwi għall‑iżvilupp ta’ kopji foloz.

6.        Min-naħa l-oħra, il-mezzi tekniċi moderni jippermettu li d‑detenturi jikkontrollaw b’mod qawwi ħafna l-użu tax-xogħlijiet tagħhom mill-akkwirenti, inkluż fil-ħajja privata tagħhom, kif ukoll l‑iżvilupp ta’ mudelli kummerċjali li, ħafna drabi mingħajr ma jiġi ddikjarat b’mod miftuħ, jittrasformaw it-tgawdija sħiħa tal-kopja ta’ xogħol f’sempliċi dritt ta’ użu limitat u suġġett għal kundizzjonijiet.

7.        Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi jekk, fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, ir-regola tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni, stabbilita fil-kuntest reali tal-kopji – oġġetti, hijiex trasponibbli għall‑kuntest virtwali tal-kopji – fajls diġitali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

8.        L-Artikolu 6 tat-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) fuq id-drittijiet tal-awtur, adottat f’Genève fl‑20 ta’ Diċembru 1996 (6) (iktar ’il quddiem it-“TDA”), intitolat “Dritt ta’ distribuzzjoni”, jipprevedi:

“1)      Awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi għandhom igawdu d-dritt esklużiv fuq l-awtorizzazzjoni li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku x‑xogħol oriġinali tagħhom jew kopji ta’ dan ix-xogħol permezz ta’’ bejgħ jew trasferiment ieħor tal-proprjetà.

2)      Dan it-Trattat ma għandux jaffetwa l-libertà tal-Partijiet Kontraenti li jiddeterminaw, jekk iridu, kondizzjonijiet għall‑applikazzjoni ta’ l-eżawriment tad-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 wara l-ewwel bejgħ ta’ jew trasferiment ieħor tal-proprjetà fix-xogħol oriġinali jew f’kopja tax-xogħol bl-awtorizzazzjoni tal-awtur”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9.        Dikjarazzjoni komuni annessa mat-TDA u li tirrigwarda l‑Artikoli 6 u 7 tagħha tispjega:

“Kif użati f’dawn l-Artikoli, l-espressjonijiet “kopji” u “oriġinali u kopji” bħala suġġetti għad-dritt ta’ distribuzzjoni u għad-dritt ta’ self b’renta taħt l-Artikoli msemmija, jirreferu esklużivament għal kopji ffissati li jkunu jistgħu jitqiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni bħala oġġetti tanġibbli.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10.      L-Artikolu 8(1) tat-TDA jipprevedi li:

“[…] awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi għandhom igawdu d-dritt esklużiv għall-awtorizzazzjoni ta’ kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, b’mezzi bil-fil jew mingħajr fili, inklużi t‑tqegħid għad-disposizzjoni tal-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom b’tali mod li l-membri tal-pubbliku jistgħu ikollhom aċċess għalihom minn post u ħin li huma jagħżlu individwalment”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt tal-Unjoni

11.      Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal‑informazzjoni (7):

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

a)      għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom;

[…]”.

12.      L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal‑pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom”.

13.      Finalment, skont l-Artikolu 4 tal-istess direttiva:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi, rigward l‑oriġinal tax-xogħolijiet tagħhom jew tal-kopji tagħhom, id-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor.

2.      Id-dritt ta’ distribuzzjoni m’għandux jiġi eżawrit fil-Komunità rigward l-oriġinal jew kopji tax-xogħol, bla ħsara fejn l-ewwel bejgħ jew trasferiment ieħor ta’ sidien fil-Komunità ta’ dak l-oġġett isir mid‑detentur jew bil-kunsens tiegħu.”

 Id-dritt Olandiż

14.      L-Artikolu 1 tal-Auteurswet (il-Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur) jipprevedi:

“Id-drittijiet tal-awtur huma d-dritt esklużiv li għandu l-awtur ta’ xogħol letterarju, xjentifiku jew artistiku jew tal-aventi kawża tiegħu, li jikkomunika jew jirripproduċi dak ix-xogħol, suġġett għal‑limitazzjonijiet previsti mil-liġi.”

15.      Skont l-Artikolu 12(1)(1) ta’ din il-liġi:

“1.      B’komunikazzjoni ta’ xogħol letterarju, xjentifiku jew artistiku, għandu jinftiehem:

1°.      il-komunikazzjoni ta’ kopja tax-xogħol kollu jew ta’ parti minnu;

[…]”.

16.      Skont l-Artikolu 12b ta’ din l-istess liġi:

“Jekk kopja ta’ xogħol litterarju, xjentifiku jew artistiku tkun tqegħdet f’ċirkulazzjoni għall-ewwel darba permezz ta’ trasferiment tal-proprjetà fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew fi Stat kontraenti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea mill-awtur tagħha jew mill-aventi kawża tiegħu jew bil-kunsens tagħhom, it-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ din il-kopja b’mod ieħor, bl-eċċezzjoni tal-kiri u tas-self, ma jikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tal-awtur.”

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

17.      Nederlands Uitgeversverbond (iktar ’il quddiem “NUV”) u Groep Algemene Uitgevers (iktar ’il quddiem “GAU”), rikorrenti fil‑kawża prinċiali, huma assoċjazzjonijiet li għandhom l-għan li jiddefendu l-interessi tal-edituri Olandiżi.

18.      Tom Kabinet Internet BV (iktar ’il quddiem “Tom Kabinet”), konvenuta fil-kawża prinċipali (8), hija kumpannija stabbilita taħt id-dritt Olandiż. Tom Kabinet għandha sit tal-internet li jipprovdi suq onlajn għall-kotba elettroniċi użati. Il-modalitajiet ta’ funzjonament ta’ dan is‑suq evolvew matul il-proċedura fil-kawża prinċipali. Bħalissa, fil‑qafas ta’ dan is-servizz, intitolat “klabb tal-qari” (“leesclub”), Tom Kabinet tbigħ mill-ġdid lill-individwi rreġistrati fuq is-sit tagħha kotba elettroniċi li hija tkun xtrat kemm mingħand distributuri uffiċjali, kif ukoll mingħand individwi oħra. Il-prezzijiet ta’ Tom Kabinet huma inqas mill-prezzijiet tad-distributuri uffiċjali. Is-sit ta’ Tom Kabinet iħeġġeġ lill-individwi li jkunu xtraw kotba elettroniċi mis-sit tagħha sabiex wara li jaqrawhom jerġgħu jbiegħhomlha lura, u b’hekk jingħataw “krediti” li sussegwentament jippermettulhom jixtru kotba oħra. Waqt ix-xiri tal-kotba elettroniċi mingħand individwi, Tom Kabinet titlobhom iħassru l-kopja tagħhom (9) u fuq il-kopji li terġa’ tbigħ tpoġġi watermark diġitali (digital watermark), sabiex tiżgura l‑legalità tal-kopja.

19.      Fl-1 ta’ Lulju 2014, NUV u GAU ppreżentaw rikors kontra Tom Kabinet quddiem l-Imħallef għal miżuri provviżorji tar-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), li ċaħdet it-talba tagħhom peress li l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur ma kinitx, prima facie, suffiċjentement probabbli (10). NUV u GAU appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Gerechtshof te Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), li qablet mad-deċiżjoni tal-Imħallef għall-miżuri provviżorji, filwaqt li pprojbixxiet lil Tom Kabinet milli toffri servizz onlajn li jippermetti l-bejgħ ta’ kotba elettroniċi mniżżla mill-internet b’mod illegali. Ma ġie ppreżentat l-ebda appell fil‑kassazzjoni mis-sentenza tal-Gerechtshof te Amsterdam (il-Qorti tal‑Appell ta’ Amsterdam).

20.      Il-qorti tar-rinviju, fis-sentenza interlokutorja tagħha, ikkunsidrat li l-kotba inkwistjoni għandhom jiġu kklassifikati bħala “xogħlijiet” fis-sens tad-Direttiva 2001/29 u li l-offerta ta’ kotba elettroniċi mniżżla mill-internet f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ dawn ix-xogħlijiet, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva. Madankollu, hija tirrileva li r-risposta għall-mistoqsijiet dwar jekk, minn naħa, it-tqegħid għad-dispożizzjoni għall-użu, mill-bogħod, permezz ta’ tniżżil mill‑internet, għal perijodu mingħajr limitu, ta’ ktieb elettroniku jistax jikkostitwixxi att ta’ distribuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad‑Direttiva 2001/29 u, min-naħa l-oħra, jekk id-dritt ta’ distribuzzjoni jistax b’hekk jiġi eżawrit fis-sens tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva ma hijiex ċara. Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk id-detentur tad-drittijiet tal-awtur jistax, f’każ ta’ bejgħ mill-ġdid, jipprekludi l-atti ta’ riproduzzjoni neċessarji għat-trasferiment bejn xerrejja sussegwenti tal‑eżemplar li fuqu d-dritt ta’ distribuzzjoni huwa, jekk ikun il-każ, eżawrit.

21.      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal‑Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva [2001/29] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni ‘rigward l-oriġinal tax-xogħolijiet tagħhom jew tal-kopji tagħhom […] kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor’ fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tinkludi wkoll it-tqegħid għad-dispożizzjoni għall-użu, mill-bogħod, permezz ta’ tniżżil mill-internet, għal perijodu mingħajr limitu, ta’ kotba elettroniċi (jiġifieri kopji b’format diġitali ta’ kotba protetti mid-drittijiet tal-awtur) permezz ta’ ħlas ta’ prezz iddestinat sabiex jippermetti lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jirċievi remunerazzjoni li tikkorrispondi mal-valur ekonomiku tal-kopja tax-xogħol li huwa proprjetarju tiegħu?

2)      F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, id-dritt ta’ distribuzzjoni fl-Unjoni relatat mal-orġinal jew ma’ kopji ta’ xogħol fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva [2001/29], huwa eżawrit meta l-ewwel bejgħ jew kwalunkwe trasferiment ieħor ta’ dan l-oġġett, jiġifieri t-tqegħid għad-dispożizzjoni għall-użu, mill‑bogħod, permezz ta’ tniżżil mill-internet, għal perijodu mingħajr limitu, ta’ kotba elettroniċi (jiġifieri kopji b’format diġitali ta’ kotba protetti mid-drittijiet tal-awtur) permezz ta’ ħlas ta’ prezz iddestinat sabiex jippermetti lid-detentur tad-drittijiet tal‑awtur li jirċievi remunerazzjoni li tikkorrispondi mal-valur ekonomiku tal-kopja tax-xogħol li huwa proprjetarju tiegħu, isir fl-Unjoni mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu?

3)      L-Artikolu 2 tad-Direttiva [2001/29] għandu jiġi interpretat fis‑sens li trasferiment bejn xerrejja sussegwenti ta’ eżemplar leġittimament akkwistat, li fuqu d-dritt ta’ distribuzzjoni ġie eżawrit, jinkludi l-awtorizzazzjoni sabiex jitwettqu l-atti ta’ riproduzzjoni previsti f’dan l-artikolu, sa fejn dawn l-atti ta’ riproduzzjoni huma neċessarji sabiex jiġi żgurat użu leġittimu ta’ dan l-eżemplar u, fl-affermattiv, liema huma l-kundizzjonijiet applikabbli f’dan ir-rigward?

4)      L-Artikolu 5 tad-Direttiva [2001/29] għandu jiġi interpretat fis‑sens li d-detentur tad-drittijiet tal-awtur ma jistax iktar jipprekludi l-atti ta’ riproduzzjoni neċessarji għat-trasferiment bejn xerrejja sussegwenti tal-eżemplar akkwistat leġittimament li fuqu d-dritt ta’ distribuzzjoni ġie eżawrit, u, fl-affermattiv, liema huma l-kundizzjonijiet applikabbli f’dan ir-rigward?”

22.      It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ April 2018. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċiplali, mill-Gvern Ċek, minn dak Daniż, minn dak Ġermaniż, minn dak Spanjol, minn dak Taljan, minn dak Portugiż, u minn dak tar-Renju Unit, kif ukoll mill‑Kummissjoni Ewropea. Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Belġjan, dak Ċek, dak Daniż, dak Ġermaniż u dak Spanjol, kif ukoll il-Kummissjoni, kienu rrappreżentati waqt is-seduta li nżammet fit-2 ta’ April 2019.

 Analiżi

 Rimarki preliminari

23.      Il-qorti tar-rinviju tagħmel erba’ domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja li jirrigwardaw il-kwistjoni jekk il-provvista ta’ kotba elettroniċi permezz ta’ tniżżil onlajn mill-internet għal użu permanenti hijiex koperta bid-dritt ta’ distribuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 4 tad‑Direttiva 2001/29, jekk dan id-dritt huwiex eżawrit minħabba l-fatt li tali provvista tkun saret bil-kunsens tal-awtur u jekk l-atti ta’ riproduzzjoni neċesssarji għal eventwali trasferiment ulterjuri ta’ ktieb elettroniku hekk akkwistat humiex leġittimi. Barra minn hekk, diversi mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-kawża, b’mod partikolari NUV u GAU, il-Gvern Daniż u dak Ġermaniż, kif ukoll il‑Kummissjoni, iqisu li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-domandi għandu jitwessa’, sabiex jiġi inkluż il-punt dwar jekk l-atti inkwistjoni humiex koperti bid‑dritt tal-komunikazzjoni lill-pubbliku, kif previst fl‑Artikolu 3 tad‑Direttiva 2001/29.

24.      Madankollu, jiena naħseb li dawn id-domandi kollha għandhom jiġu analizzati flimkien, għaliex jiffurmaw partijiet indisassoċjabbli ta’ mistoqsija waħda kumplessa: il-provvista lill-utenti ta’ xogħlijiet protetti permezz ta’ tniżżil onlajn għandha tiġi kkunsidrata bħala koperta bid-dritt ta’ distribuzzjoni, bl-effett tal‑eżawriment tal-istess dritt bil-provvista oriġinali mogħtija bil-kunsens tal-awtur? B’mod partikolari, il-klassifikazzjoni tal-imsemmija atti bħala koperti bid-dritt tal-komunikazzjoni lill-pubbliku teskludi li dawn ikunu koperti bid-dritt ta’ distribuzzjoni u viċe-versa. Barra minn hekk, ma jidhirlix li huwa loġiku, u lanqas adattat, li ssir distinzjoni bejn id-dritt ta’ distribuzzjoni u l-eżawriment ta’ dan id-dritt għaliex dawn iż-żewġ kunċetti jkopru l‑istess atti (11). Finalment, sa fejn riproduzzjoni tax-xogħol hija indispensabbli għal kwalunkwe trażmissjoni mill-bogħod ta’ fajl elettroniku, il-kwistjoni tad-dritt ta’ riproduzzjoni hija inerenti għal kwalunkwe diskussjoni fuq eventwali eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni onlajn.

25.      F’dawn il-konklużjonijiet, ser nanalizza l-argumenti ta’ natura leġiżlattivi, ġurisprudenzjali u teleloġika li għandhom jiggwidaw lill‑Qorti tal-Ġustizzja fir-risposta tagħha għad-domandi preliminari.

 It-testi

26.      Tista’ ssir distinzjoni bejn żewġ forom ewlenin li fihom il‑pubbliku jista’ jkollu aċċess għal xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur. L-ewwel waħda hija rappreżentazzjoni tax-xogħol miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku. Hija l-forma l-iktar antika, li ġiet ferm qabel ma tnisslu d-drittijiet tal-awtur bħala tali. Dawn huma rappreżentazzjonijiet ta’ biċċiet ta’ teatru jew ta’ opra, espożizzjonijiet ta’ xogħlijiet ta’ arti figurattiva jew inkella sessjonijiet ta’ ċinema. Huwa d-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jorganizza r-rappreżentazzjoni u l‑pubbliku għandu jkun preżenti fil-post u fil-ħin magħżul minnu biex ikollu aċċess għalihom.

27.      Id-dħul tax-xandir bir-radju u bit-televiżjoni ppermetta r‑rappreżentazzjoni mill-bogħod, biex b’hekk il-pubbliku ma baqax obbligat li jmur fil-post fejn issir din ir-rappreżentazzjoni, iżda nżammet il‑limitazzjoni ratione temporis. Din il-limitazzjoni tneħħiet biss, qabel xejn, meta daħal is-servizz tat-televiżjoni on demand, imbagħad bid‑dħul tal-internet. Dawn il-mezzi tekniċi jippermettu li r‑rappreżentazzjoni tiġi segwita mhux biss mill-bogħod, iżda wkoll fil‑ħin mixtieq mill-ispettatur.

28.      Il-punt komuni ta’ dawn il-metodi ta’ aċċess għax-xogħlijiet huwa li l-possibbiltà, għall-pubbliku, li jkollu aċċess għalihom, hija suġġetta għall-kundizzjoni li dawn ix-xogħlijiet jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur tagħhom. Fi kliem ieħor, huma d-detenturi tad-drittijiet li jiddeċiedu jekk u b’liema metodu tekniku x-xogħol ikun aċċessibbli għall-pubbliku. Din is-setgħa ta’ deċiżjoni hija kruċjali mill-perspettiva tal-possibbiltà, għad-detentur tad-drittijiet, li jibbenefika mix-xogħol tiegħu. Fil-fatt, kull rappreżentazzjoni jew kull aċċess għax-xogħol minn membru tal‑pubbliku normalment tirriżulta f’remunerazzjoni għall-imsemmi detentur.

29.      It-tieni forma ta’ aċċess tikkonsisti fl-akkwist mill-membri tal‑pubbliku, b’mod permanenti jew temporanju, ta’ eżemplari (oriġinali jew kopji) ta’ xogħlijiet. Hija l-forma komuni ta’ aċċess għal xogħlijiet litterali, iżda wkoll ta’ xogħlijiet mużikali jew awdjoviżivi (taħt il-forma ta’ fonogrammi jew ta’ vidjogrammi), kif ukoll għal ċerti xogħlijiet ta’ arti figurattiva.

30.      F’dan il-każ, minkejja li l-ewwel tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tax-xogħol jiddependi naturalment mill‑volontà tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, il-membru tal-pubbliku, ladarba jkun akkwista eżemplari, jista’ madankollu jgawdih indipendetament minn din il-volontà. Ir-remunerazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur għandha għalhekk tiġi organizzata b’mod differenti. Fil-fatt, peress li ma jistax jikkontrolla, u għalhekk, jimmonetizza, kull aċċess għal xogħol minn membru partikolari tal-pubbliku, huwa għandu jkun issodisfatt mill-prezz miksub għall-bejgħ ta’ kull eżemplari tax-xogħol (12).

31.      Dawn iż-żewġ metodi ta’ aċċess tal-pubbliku għax-xogħlijiet huma suġġetti għal żewġ drittijiet esklużivi tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, imsejħa, fl-atti kkonċernati f’din il-kawża, dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku (13) u dritt ta’ distribuzzjoni (14). Il-kwistjoni li tqum hija dwar liema minn dawn id-drittijiet jirregola l-provvista lill‑pubbliku permezz ta’ tniżżil onlajn ta’ xogħlijiet protetti bid‑drittijiet tal-awtur (15).

32.      Ir-risposta ma hijiex a priori univoka, għaliex dan il-metodu ta’ provvista jgħaqqad flimkien iż-żewġ forom ta’ aċċess tal-pubbliku għax‑xogħlijiet. Fl-ewwel lok, ix-xogħol jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku onlajn u kulħadd jista’ jkollu aċċess għalih. Imbagħad, l‑utent, minflok ma jgawdi x-xogħol mill-bogħod, kif jiġri fil-każ ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku “klassika”, jagħmel huwa stess, bl‑awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, kopja ta’ dan ix‑xogħol li huwa jaħżen fil-kompjuter rispettiv tiegħu (16) u li għaliha, sussegwentement, ikollu aċċess, indipendentament, bħala prinċipju, mit‑tqegħid għad-dispożizzjoni li jsir mill-imsemmi detentur tad‑drittijiet. Konsegwentement, mill-mument li fih din ir-riproduzzjoni ssir mill-utent, it-tniżżil mill-internet ikun jixbah att ta’ distribuzzjoni.

33.      Ir-redatturi tat-TDA kienu konxji min-natura mħallta tat-tniżżil mill-internet. Skont il-gwida ta’ interpretazzjoni tat-TDA redatta mill‑WIPO (17), minħabba n-“natura ibrida” tat-tqegħid għad‑dispożizzjoni tax-xogħlijiet onlajn, kien impossibbli li ssir għażla, għal dan il-metodu ta’ trażmissjoni, bejn il-protezzjoni permezz ta’ “dritt marbut mal-kopja” jew ta’ dritt “mhux marbut mal-kopja”. Għalhekk kien aċċettat li tiġi adottata “soluzzjoni qafas” li, filwaqt li tagħti preferenza lid-dritt tal-komunikazzjoni lill-pubbliku, ma teskludix l-applikazzjoni tad-dritt ta’ distribuzzjoni.

34.      Madankollu, peress li t-TDA jistabbilixxi livell ta’ protezzjoni minimu, il-partijiet kontraenti huma pprojbiti milli jistabbilixxu livell iktar baxx ta’ protezzjoni. Issa, il-fatt li d-dritt ta’ distribuzzjoni limitat bir-regola tal-eżawriment tiegħu jiġi applikat minflok id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, li ma għandux tali regola, iwassal sabiex il-livell ta’ protezzjoni jkun inqas mil-livell preskritt mit-TDA.

35.      Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni komuni dwar l-Artikoli 6 u 7 tat-TDA tillimita l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għall‑“kopji ffissati li jkunu jistgħu jitqiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni bħala oġġetti tanġibbli”. Huwa veru li din id-dikjarazzjoni għandha biss natura interpretattiva u tirrifletti l-mod li bih dawn l-artikoli kienu mifhuma mill-partijiet firmatarji fil-mument tal-iffirmar tat-TDA. Għalhekk jista’ jiġi argumentat li r-realtà tas-swieq żviluppat ferm mill‑1996, is-sena meta ġie ffirmat it-TDA, u dan jiġġustifika approċċ differenti.

36.      Madankollu, peress li l-Unjoni Ewropea hija firmatarja tat‑TDA, dan ġie inkorporat fis-sistema ġuridika tagħha, b’mod partikolari, permezz tad-Direttiva 2001/29 (18). Issa, meta adotta din id‑direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni jidher ċar li ħa pożizzjoni favur l‑applikazzjoni tad-dritt tal-komunikazzjoni lill-pubbliku għall‑provvista ta’ xogħlijiet permezz ta’ tniżżil onlajn mill-internet kif ukoll tal-limitazzjoni tad-dritt ta’ distribuzzjoni, u għalhekk tal-eżawriment tiegħu, biss fir-rigward tal-kopji tanġibbli. B’mod iktar konkret, it‑tniżżil mill-internet huwa kopert bid-dritt tat‑tqegħid għad‑dispożizzjoni tal-pubbliku tax-xogħlijiet, previst fl‑Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva.

37.      Dan joħroġ ċar biżżejjed minn qari flimkien tal-premessi 24, 25, 28 u 29 tad‑Direttiva 2001/29. Skont dawn il-premessi:

“(24)      Id-dritt li jagħmel disponibbli lill-pubbliku s-suġġett imsemmi fl‑Artikolu 3(2) għandu jiftiehem li jirregola l-atti kollha li jagħmlu disponibbli dan is-suġġett lill-membri tal-pubbliku li ma jkunx preżenti fejn joriġina l-att li jagħmel disponibbli, u li ma jirregola ebda atti oħra.

(25)      […] Għandu jkun ċar li d-detenturi tad-drittijiet kollha rikonoxxuti minn din id-Direttiva għandu jkollhom dritt esklussiv biex jagħmlu disponibbli lill-pubbliku xogħolijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur jew kull suġġett ieħor permezz ta’ trasmissjonijiet interattivi fuq talba. Dawn it‑trasmissjonijiet interattivi fuq talba huma karatterizzati mill-fatt li l‑membri tal-pubbliku jistgħu jidħlu għalihom minn post u f’ħin individwalment magħżul minnhom.

[…]

(28)      Il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur skond din id-Direttiva tinkludi d-dritt esklussiv biex tikkontrolla d-distribuzzjoni tax-xogħol inkorporat f’oġġett tanġibbli. L-ewwel bejgħ fil-Komunità ta’ l-oriġinal ta’ xogħol jew kopji tiegħu mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu jeżawrixxi d-dritt li jikkontrolla bejgħ mill-ġdid ta’ dak l-oġġett fil-Komunità. […]

(29)      Il-kwistjoni ta’ eżawriment ma tqumx fil-każ ta’ servizzi u servizzi on-line b’mod partikolari. Din tapplika wkoll rigward kopja materjali ta’ xogħol jew suġġett magħmul minn utent ta’ servizz bħal dan bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet. […] Differenti minn CD‑ROM jew CD-I, fejn proprjetà intellettwali hija inkorporta fil‑medium tal-materjal, jiġifieri suġġett minn oġġetti, kull servizz on-line huwa fil-fatt att li għandu jkun regolat mill-awtorizzazzjoni fejn id-drittijiet ta’ l-awtur jew drittijiet relatati jipprovdu hekk” (19)

38.      Huwa veru li dawn il-premessi jinkludu xi ambigwitajiet. B’mod partikolari, ir-riferiment għas-servizzi fil-premessa 29 jista’ jidher inopportun. Fil-fatt, il-kummerċ onlajn xi ftit neħħa d-distinzjoni bejn prodotti u servizzi. B’hekk, id-Direttiva 2000/31/KE (20) tikklassifika bħala “servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni”, fost l-oħrajn, il-bejgħ ta’ oġġetti onlajn (21). Meħuda litteralment, din il-klassifikazzjoni tista’ twassal għar-riżultat assurd li l-bejgħ ta’ CD jew ta’ ktieb stampat onlajn ma jinkludiex l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni.

39.      Madankollu, dawn il-premessi juru b’mod ċar il-linja ta’ demarkazzjoni mixtieqa mil-leġiżlatur tal-Unjoni bejn id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku (fil-forma ta’ tqegħid għad‑dispożizzjoni tal-pubbliku) u d-dritt ta’ distribuzzjoni. B’hekk, id‑dritt tal-komunikazzjoni lill-pubbliku japplika għall-forom kollha ta’ użu tax-xogħlijiet onlajn, kemm dawk mhux marbuta ma’ kopja kif ukoll dawk li huma bbażati fuq il-ħolqien ta’ tali kopja. B’mod partikolari, il-premessa 29 hija espliċita f’dan ir-rigward. Jekk din il‑premessa ssemmi biss kopji fiżiċi maħluqa mill-utent bl‑awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet, dan huwa għaliex l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni huwa maħsub biss għall-kopji tanġibbli. L‑istess għandu japplika ovvjament għal kopji miksuba bi tniżżil mill-internet.

40.      Għandu jiġi osservat ukoll li l-applikazzjoni tad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku għal atti bħal dawk li saru minn Tom Kabinet tista’ tqajjem xi dubji minħabba d-definizzjoni tal‑komunikazzjoni lill-pubbliku mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil‑ġurisprudenza tagħha. Skont din il-qorti, il-komunikazzjoni lill‑pubbliku tinkludi, naturalment, att ta’ komunikazzjoni u pubbliku, u dan il-pubbliku jikkonsisti minn numru pjuttost kbir ta’ persuni (22).

41.      Fil-każ ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni oriġinali permezz ta’ tniżżil mill‑internet, magħmul mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur, dan ma joħloqx problemi, għaliex huwa possibbli li jinħolqu ammont ta’ kopji daqs kemm hemm membri tal-pubbliku li jixtiequ jakkwistaw waħda. Mhux l-istess japplika fir-rigward tal-provvista sussegwenti minn utent tal-kopja li akkwista l-pussess tagħha. Fil-fatt, fil-mudell li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-regola tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni, dan l-utent ikun f’pożizzjoni li jipprovdi kopja waħda biss, li tkun disponibbli għal akkwirent wieħed. Għalhekk tqum il‑kwistjoni dwar jekk din hijiex komunikazzjoni lill-pubbliku, peress li x-xogħol jista’ jiġi kkomunikat biss lil persuna waħda.

42.      Hawnhekk ma naqbilx mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni li t‑tqegħid għad-dispożizzjoni waħdu, jiġifieri l-fatt li toffri l-kopja għall‑bejgħ mill-ġdid, jikkostitwixxi l-att ta’ komunikazzjoni. Dan japplika fis-sitwazzjoni fejn l-utent jaċċedi direttament għax‑xogħol li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, pereżempju fuq sit internet. Għall-kuntrarju, meta l-aċċess jitlob l-akkwist ta’ kopja, huwa fil-mument tat-tniżżil mill-internet tagħha li jseħħ l-att ta’ komunikazzjoni. Jekk jiġi segwit l-approċċ propost mill-Kummissjoni kull offerta ta’ akkwist ta’ kopji ta’ xogħol, inkluż ta’ kopji materjali, tkun tikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku u d-dritt ta’ distribuzzjoni jitlef il-kontenut tiegħu. Għalhekk probabbilment huwa neċessarju li tiġi spjegata d‑definizzjoni tal-“komunikazzjoni lill-pubbliku” fis‑sitwazzjoni ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni permezz ta’ tniżżil mill‑internet. Fil-fatt, ma huwiex in-numru ta’ persuni li lilhom issir il‑komunikazzjoni li huwa importanti, iżda l-fatt, għall-persuna li minnha toriġina l-komunikazzjoni, li tindirizza l-offerta tagħha lil persuni li ma jappartjenux għaċ-ċirklu privat tagħha. F’dan il‑każ akkwirent wieħed jista’ għalhekk jikkostitwixxi pubbliku.

43.      Apparti l-volontà tal-leġiżlatur, li tirriżulta b’mod ċar ħafna mill-premessi tad-Direttiva 2001/29, il-kliem tal-Artikolu 4 ta’ din id‑direttiva jipprekludi l-applikazzjoni tagħha għax-xogħlijiet mqegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz ta’ tniżżil onlajn mill-internet. Dan l-artikolu jipprovdi lill-awturi d-dritt li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu d‑distribuzzjoni tax-xogħlijiet tagħhom “b’bejgħ jew mod ieħor”. Il‑Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tispjega li l-kliem “jew mod ieħor” jimplika esklużivament trasferiment ta’ proprjetà (23). B’hekk, id-distribuzzjoni timplika t-trasferiment tal-proprjetà tal-eżemplari tax-xogħol inkwistjoni, jew bil-bejgħ, jew b’xi mod ieħor. Issa, fil-kuntest ta’ fajl diġitali, huwa diffiċli li titkellem dwar proprjetà (24). Dan ma għandux materjalità u għalhekk ma jikkostitwixxix oġġett fis-sens tad-dritt ċivili. Fajl jista’ pjuttost jiġi assimilat għal sempliċi informazzjoni. Din l-informazzjoni tista’ tiġi protetta minn diversi drittijiet, iżda mhux bid-dritt għall-proprjetà.

44.      Barra minn hekk, it-trasferiment ta’ proprjetà, fi kwalunkwe każ kuntrattwali, jirrikjedi, b’mod partikolari, il-kunsens taż-żewġ partijiet f’din it-tranżazzjoni, waħda tittrasferixxi lill-oħra d-drittijiet kollha fuq l-oġġett tal-proprjetà. Issa, fil-kuntest tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħlijiet permezz ta’ tniżżil onlajn mill-internet, hemm ħafna ftehimiet li jistipulaw id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet. Dawn il-ftehimiet jaqgħu taħt il-libertà li tikkuntratta u ma naħsibx li l-eventwali rikonoxximent tar-regola tal‑eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni tista’ tillimita din il-libertà. B’hekk, kuntrarjament għas-sitwazzjoni li tapplika għall-oġġetti tanġibbli, fil-każ ta’ xogħlijiet dematerjalizzati pprovduti onlajn, qatt ma jkun faċli tikkonstata b’ċertezza jekk kienx hemm jew le trasferiment ta’ proprjetà, u, għalhekk, eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni, peress li l-partijiet għall-kuntratt jistgħu jiddefinixxu b’modi differenti l‑modulitajiet tal-użu tal-kopja tax-xogħol.

45.      Finalment, id-dritt ta’ riproduzzjoni, irregolat bl-Artikolu 2 tad‑Direttiva 2001/29, fl-opinjoni tiegħi jipprekludi wkoll ir-rikonixximent tar-regola ta’ eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni f’dak li jirrigwarda x-xogħlijiet ipprovduti permezz ta’ tniżżil onlajn mill-internet.

46.      Fil-fatt, kull tniżżil mill-internet ta’ fajl diġitali jikkonsisti fil‑ħolqien ta’ kopja tal-imsemmi fajl fuq il-kompjuter li jirċevih. Issa, il-ħolqien ta’ din il-kopja jikkostitwixxi att ta’ riproduzzjoni suġġett għad‑dritt esklużiv tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq ix-xogħol li jinsab fil-fajl inkwistjoni. Dan jirriżulta b’mod ċar mill-formulazzjoni wiesgħa ferm tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, li tkopri r‑riproduzzjoni “b’kull mezz u f’kull forma” (25). Dan l-approċċ huwa kkonfermat mit-tieni frażi tad-dikjarazzjoni komuni li tirrigwarda l‑Artikolu 1(4) ta-TDA, li tipprevedi “[…] illi l-ħażna ta’ xogħol protett f’għamla diġitali f’medium elettroniku tammonta għal riproduzzjoni fis‑sens ta’ l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Berne [(26)]”.

47.      Fil-każ tal-provvista ta’ xogħlijiet permezz ta’ tniżżil onlajn mill-internet, il‑ħolqien tal-kopja tax-xogħol mill-akkwirent oriġinali tagħha jitwettaq bil‑kunsens tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, bħala element indispensabbli ta’ din il-forma ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal‑pubbliku. Madankollu, dan il-kunsens ma jkoprix ir‑riproduzzjonijiet li huma neċessarji għal trażmissjoni sussegwenti fil‑każ ta’ bejgħ mill-ġdid tal-kopja tax-xogħol.

48.      Dawn ir-riproduzzjonijiet lanqas ma għandhom jiġu kkunsidrati bħala koperti bir-regola tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni. Fil‑fatt, tali konklużjoni tfisser rikonoxximent tal-eżawriment tad-dritt ta’ riproduzzjoni. Issa, dan id-dritt ma jistax jiġi eżawrit. B’hekk, kull riproduzzjoni li takkumpanja l-bejgħ mill-ġdid ta’ xogħol fil-forma diġitali għandha jew tkun awtorizzata mid-detentur tad-dritt esklużiv ta’ riprodozzjoni, jew taqa’ taħt eċċezzjoni għal dan id-dritt esklużiv (27).

49.      Barra minn hekk, il-ħolqien ta’ dawn il-kopji ma huwa kopert minn l-ebda waħda mill-eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29. B’mod partikolari, ma huwiex kopert bl‑eċċezzjoni ta’ riproduzzjonijiet temporanji jew inċidentali li jikkostitwixxu parti integrali minn proċess tekniku, li jinsab fl‑Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, fl-ewwel lok, dawn ir-riproduzzjonijiet ma għandhomx natura provviżorja jew tranżitorja, għaliex jibqgħu fuq il-kompjuter li fuqu jsir it-tniżżil (28). Anki jekk il‑kopja oriġinali tat-tniżżil sussegwentement titħassar, l-iktar l-iktar huwa t-tkattir tal‑kopji li huwa tranżitorju u mhux ir-riproduzzjoni finali. Fit-tieni lok, dawn l-atti ta’ riproduzzjoni għandhom sinjifikat ekonomiku indipendenti, kif titlob din id-dispożizzjoni. Għall‑kuntrarju, l-għan tat-tniżżil mill-internet huwa preċiżament il-ħolqien ta’ kopja tal-fajl diġitali (li fih ix-xogħol inkwistjoni) fuq il-kompjuter li fuqu jsir it-tniżżil. Is-sinjifikat ekonomiku essenzjali tat-tranżazzjoni kollha għalhekk jinstab fl-att ta’ riproduzzjoni.

50.      Bħala konklużjoni, id-diversi dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2001/29, moqrija fid-dawl tal-premessi ta’ din id-direttiva kif ukoll tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-TDA, ma jidhirlix li jippermettu interpretazzjoni li permezz tagħha l-provvista ta’ xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur permezz tat-tniżżil onlajn mill-internet hija koperta bid-dritt ta’ distribuzzjoni previst fl-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva u bir-regola tal‑eżawriment tiegħu.

51.      Din il-konstatazzjoni ma jidhirlix li hija kkontestata bit-tagħlim li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

 Il-ġurisprudenza

52.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tesprimi ruħha fuq kawżi li jikkonċernaw problemi ġuridiċi simili għal dawk ta’ din il‑kawża. L-ewwel waħda li tiġi f’moħħi hija naturalment il-kawża li tat lok għas-sentenza UsedSoft (29).

 Il-programmi tal-kompjuter

53.      Dik il-kawża kienet tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-provvista ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter permezz ta’ tniżżil onlajn mill-internet, flimkien ma’ liċenzja ta’ użu ta’ dan il-programm għal perijodu indeterminat, teżawrixxix id‑dritt ta’ distribuzzjoni ta’ din il-kopja b’mod konformi mal-Artikolu 4(2) tad‑Direttiva 2009/24/KE (30).

54.      Huwa veru li ċerti konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal‑Ġustizzja fis-sentenza UsedSoft (31) jistgħu jimmilitaw favur rikonoxximent tal-applikabbiltà tar-regola tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni mhux biss fil-każ tal-provvista bi tniżżil mill-internet ta’ programmi tal-kompjuter iżda anke fil-każ ta’ provvista tal-kategoriji kollha ta’ xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur.

55.      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-trasferiment ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter, kemm jekk permezz ta’ sostenn materjali jew ta’ tniżżil mill-internet, akkumpanjat minn liċenzja ta’ użu tal‑imsemmi programm għal perijodu indefinit, huwa ekwivalenti għat‑trasferiment ta’ proprjetà ta’ din il-kopja u, konsegwentement, għall-bejgħ tagħha fis-sens tal-Artikolu 4(2)tad-Direttiva 2009/24 (32). Skont il-Qorti tal‑Ġustizzja, kull interpretazzjoni oħra tkun tippermetti li d‑detenturi tad‑drittijiet tal-awtur fuq il-programmi tal-kompjuter jevadu r-regola tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni u li l-effett utli tagħha jiġi kompromess sempliċement billi l‑kuntratt ma jiġix ikklassifikat bħala “bejgħ”, iżda bħala “liċenzja” (33). Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda d-dritt tal‑komunikazzjoni lill-pubbliku rregolat bl-Artikolu 3 tad‑Direttiva 2001/29, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-trasferiment tad-dritt għall-proprjetà fuq kopja ta’ programm tal-kompjuter jittrasforma l-att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku f’att ta’ distribuzzjoni fis-sens tal‑Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, li jwassal għall‑eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni b’mod konformi mal-Artikolu 4(2) tal‑imsemmija direttiva (34). Finalment, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, mill-perspettiva ekonomika, it-trażmissjoni onlajn ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter għandha l-istess funzjoni bħall-provvista ta’ sostenn materjali (35).

56.      Dan espost, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dikjarazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja saru fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni speċifika li tikkostitwixxi lex specialis meta mqabbla mad-Direttiva 2001/29 (36) u li tirrigwarda l-kategorija speċjali ferm ta’ xogħlijiet li huma l‑programmi tal-kompjuter.

57.      Huwa veru li, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2009/24, li jirrifletti l-Artikolu 4 tat-TDA, il-programmi tal-kompjuter huma protetti bħala xogħolijiet litterarji. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, dawn id-dispożizzjonijiet huma iktar riflessjoni tal-volontà tal-awturi tat-TDA, u sussegwentement dik tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li ma tinħoloqx kategorija ta’ xogħlijiet apparti, milli similarità verosimili tal‑programmi tal-kompjuter u tax-xogħlijiet litterali. Fil-fatt, il‑programmi tal-kompjuter huma sekwenzi ta’ istruzzjonijiet intiżi sabiex jiġu eżegwiti minn magna (kompjuter). Għalkemm il-programm tal‑kompjuter jista’ jiġi espress f’lingwa li tinftiehem mill-bniedem, fi kwalunkwe każ għall-persuni li għandhom ċerti kwalifiki (kodiċi tas-sors), dan ma huwiex l-għan tal-programm. L-għan tiegħu huwa li jinftiehem u jiġi eżegwit mill-magna, peress li l-interess tal-utent tal‑programm ma jirriżultax mill-qari tal-programm iżda mill‑funzjonament ta’ din il‑magna. Għall-utent, il-qari tal-linji ta’ kodiċi ta’ programm huwa utli daqs li kieku jixrob tazza diżil minflok ma jitfgħu fit-tank tal-karrozza tiegħu. B’hekk, programm tal-kompjuter huwa iktar għodda milli xogħol fil‑proprju sens tal-kelma. Minn dan jirriżultaw ċerti partikolaritajiet tal‑programm tal-kompjuter bħala oġġett ta’ protezzjoni mid-drittijiet tal-awtur li jiġġustifikaw it-trattament speċifiku tiegħu mill-perspettiva tal-liġi.

58.      B’hekk, l-ewwel nett, l-użu ta’ programm tal-kompjuter jirrikjedi li dan jiġi installat fuq il-kompjuter li fuqu huwa jista’ jaħdem. Minħabba f’hekk, huwa assolutament irrilevanti jekk dan il-programm jitqassamx fuq sostenn materjali (pereżempju CD-ROM) jew bi tniżżil mill-internet għaliex, fi kwalunkwe każ, il-kopja tal-programm għandha tiġi installata fuq kompjuter, irrispettivament minn jekk hijiex fuq sostenn materjali jew le; hija ma tistax tintuża waħidha. Dan ma huwiex il-każ ta’ kategoriji oħra ta’ xogħol bħal, ovvjament, il-kotba, iżda wkoll ix-xogħlijiet fuq disk drives ottiċi (CD jew DVD), li ma għandhomx bżonn li jgħaddu minn kompjuter, kuntrarjament għal xogħlijiet imniżżla mill-internet.

59.      It-tieni nett, peress li l-programm tal-kompjuter huwa għodda, ħafna drabi jkun jeħtieġ servizzi addizzjonali ta’ manutenzjoni u ta’ aġġornament, servizzi li normalment ikunu parti minn kuntratt ta’ użu msejjaħ “liċenzja”. L-eżistenza ta’ tali liċenzja hija indipendenti mill‑mod – materjali jew immaterjali – li biha l-programm ġie ddistribwit. Huwa għal din ir-raġuni li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tapplika definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “bejgħ” (37). Li kieku ma kienx hekk, kull provvista ta’ programm tal-kompjuter, kemm bi tniżżil mill-internet kif ukoll fuq sostenn materjali, tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala liċenzja, mingħajr qatt ma twassal għall-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni, u dan jikkomprometti l-effett utli tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ kategoriji oħra ta’ xogħlijiet, id‑distribuzzjoni fuq sostenn materjali normalment ma huwiex akkumpanjat minn liċenzja, li jista’ jkun il-każ ta’ provvista permezz ta’ tniżżil mill-internet.

60.      Dawn iż-żewġ aspetti speċifiċi tal-programmi tal-kompjuter ippermettew li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, mill-perspettiva ekonomika, il-provvista permezz ta’ tniżżil mill-internet għandha l‑istess funzjoni bħall-provvista fuq sostenn materjali (38). Fil-każ ta’ kategoriji oħra ta’ xogħlijiet, jekk l-ewwel użu tagħhom, jiġifieri li jsir konoxximent tax-xogħol, huwa l-istess, irrispettivament mill-mod kif huma pprovduti lill-utenti, il-mod kif dan il-konoxximent isir jista’ madankollu jvarja skont it-teknoloġija (diġitali jew analoġika) u l‑provvista.

61.      It-tielet nett, fil-każ ta’ xogħlijiet litterali, mużikali jew ċinematografiċi, l-utilità ħafna drabi tiġi eżawrita, biex ngħidu hekk, wara qari, smigħ jew turija ta’ darba. L-utenti għalhekk ikun lest li jiddisponi mill-kopja tax-xogħol wara dan l-ewwel konoxximent, wara li jkun kompletament issodisfa l-bżonnijiet tiegħu marbuta max-xogħol. Dan ma huwiex il-każ ta’ programm tal‑kompjuter li normalment jintuża għal perijodu twil. Huwa għalhekk ħafna inqas probabbli li l-programmi tal‑kompjuter jitpoġġew fis-suq bħala użati bl-istess ħeffa bħax-xogħlijiet li jappartjenu lil kategoriji oħra.

62.      Barra minn hekk, bħala għodda li jappartjenu għal settur li fih il‑progress tekniku huwa partikolarment rapidu, il-programmi tal‑kompjuter għandhom tendenza li jiqdiemu malajr, u dan minkejja l-eventwali aġġornamenti. Għalhekk jekk l-utent jixtieq jerġa’ jbigħ il-kopja tiegħu ta’ programm tal-kompjuter, jista’ jiġi preżunt li ma għadx għandu bżonnha u dan ħafna drabi minħabba li l-obsolexxenza (relattiva) tagħha. Għalhekk ikun ukoll inqas utli li jiġi akkwistat programm użat milli li jiġi akkwistat programm ġdid, teknikament aġġornat kompletament. Jista’ jingħad li t-telf tal-valur imġarrab mix-xogħlijiet litterali, mużikali jew ċinematografiċi fuq sostenn materjali minħabba l-fatt tad‑deterjorazzjoni tal-imsemmi sostenn materjali huwa l-istess fil‑programmi tal-kompjuter, minħabba l-obsoloxxenza teknika. Min-naħa l-oħra, ix-xogħlijiet litterali, mużikali jew ċinematografiċi mingħajr sostenn materjali jibqgħu utli kompletament, minkejja li jgħaddi ż-żmien u minkejja n-numru ta’ akkwirenti suċċessivi. B’hekk, suq ta’ kopji immaterjali użati ta’ xogħlijiet, litterali jew oħrajn, jirriskja li jaffetwa b’mod ħafna iktar qawwi l-interessi tad-detenturi tad-drittijiet tal‑awtur milli s-suq ta’ programmi tal-kompjuter użati.

63.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk evalwat il-kwistjoni tal‑eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni tal-programmi tal-kompjuter fil-każ tal-provvista permezz tat-tniżżil mill-internet fid-dawl taċ‑ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kategorija ta’ xogħlijiet, differenti minn dik ta’ xogħlijiet litterali, mużikali jew ċinematografiċi. Ma’ dawn id-differenzi fattwali hemm ukoll id-differenzi leġiżlattivi bejn id‑Direttiva 2009/24 u d-Direttiva 2001/29.

64.      Fl-ewwel lok, id-Direttiva 2009/24 ma tipprevedix, għall-awturi tal-programmi tal-kompjuter, dritt eslużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu l-komunikazzjoni lill-pubbliku jew it-tqegħid għad‑dispożizzjoni tal-pubbliku. L-uniċi drittijiet li huma rregolati minn din id-direttiva huma d-dritt ta’ riproduzzjoni, id-dritt ta’ trasformazzjoni u d-driitt li tagħmel jew tawtorizza “kull forma ta’ distribuzzjoni” tal-oriġinal jew tal-kopji tal-programm tal-kompjuter (39). B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikklassifika l-provvista ta’ programm tal-kompjuter permezz ta’ tniżżil onlajn mill-internet bħala li taqa’ taħt id-dritt ta’ distribuzzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2009/24; jekk mhux hekk, kien ikollha tammetti li l-leġiżlazzjoni speċifikament ikkonċepita għall-programmi tal‑kompjuter ma kinitx tagħti dritt esklużiv li jkopri l-iktar mezz tekniku tal-provvista tagħhom li jintuża, li huwa, bħalissa, it-tniżżil mill-internet. L-applikazzjoni tad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku kif previst mid-Direttiva 2001/29 kienet tikkontesta n-natura ta’ lex specialis tad-Direttiva 2009/24 (40) u tar-regoli ddettaljati tagħha, adattati għall-partikolaritajiet tal-programmi tal‑kompjuter bħala oġġett ta’ protezzjoni (41).

65.      Fit-tieni lok, kuntrarjament għad-Direttiva 2001/29, id‑Direttiva 2009/24 ma fiha l-ebda element li jindika li r-regola ta’ eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni, espressament prevista fl‑Artikolu 4(2) tagħha hija limitata għall-kopji li jinsabu fuq sostenn tanġibbli (42).

66.      Finalment, fit-tielet lok, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2009/24 fih eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni għall-atti “meħtieġa għall-użu tal-programm tal-kompjuter minn min jiksbu legalment skont il-fini maħsub tiegħu” Din id-dispożizzjoni ppermettiet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-akkwirent ta’ programm tal-kompjuter użat seta’ jagħmel ir-riproduzzjoni neċessarja għat-tniżżil tiegħu mill-internet mingħajr ma jikser id-dritt esklużiv tal-awtur tal-imsemmi programm (43). Issa, id-Direttiva 2001/29 ma fiha l-ebda eċċezzjoni analoga (44).

67.      F’din il-kawża, Tom Kabinet issostni li ktieb elettroniku jikkostitwixxi programm tal-kompjuter u li, konsegwentement, is‑sentenza UsedSoft għandha tiġi applikata għaliha b’mod dirett. Madankollu, dan l-argument ma għandux jintlaqa’. Ktieb elettroniku ma huwiex programm tal-kompjuter, jiġifieri sensiela ta’ istruzzjonijiet għall-kompjuter biex jagħmel ċerti tranżazzjonijiet, iżda fajl diġitali li fih informazzjoni li l-kompjuter għandu jitratta. Għalhekk ma hemmx raġuni għalfejn tiġi applikata għalih il-leġiżlazzjoni speċifika intiża għall‑programmi tal-kompjuter, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, ktieb elettroniku huwa protett bid-drittijiet tal-awtur mhux biss bħala sempliċi fajl diġitali iżda minħabba l-kontenut tiegħu, jiġifieri x‑xogħol litterarju li fih. Din il-protezzjoni taqa’ taħt id‑Direttiva 2001/29.

 Is-self ta’ kotba elettroniċi

68.      Fis-sentenza tagħha Vereniging Openbare Bibliotheken (45), il‑Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dritt ta’ self, previst fl-Artikolu 3 tad‑Direttiva 2006/115/KE (46), kif ukoll l-eċċezzjoni ta’ self pubbliku prevista fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, kienu intiżi sabiex japplikaw għall-kotba elettroniċi. Issa, bħall-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/29, l‑Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2006/115 jirreferi għall-oriġinal u għall‑kopji tax-xogħol. Għalhekk jista’ jiġi ssuġġerit li għandha ssir analoġija bejn is-self ta’ kotba elettroniċi u d-distribuzzjoni tagħhom, peress li t-tnejn jikkostitwixxu effettivament tniżżil mill-internet ta’ kopja diġitali.

69.      Madankollu, is-soluzzjoni użata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis‑sentenza Vereniging Openbare Bibliotheken (47) ġiet żviluppata f’ambjent ġuridiku differenti minn dak ta’ din il-kawża. Fil-fatt, id-dritt ta’ self – kuntrarjament għad-dritt ta’ kiri rregolat ukoll fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/115 u kuntrarjament ukoll għad-dritt ta’ distribuzzjoni li huwa inkwistjoni f’din il-kawża – ma jaqax taħt it‑TDA. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat b’mod speċjali din id‑differenza, filwaqt li kkonkludiet li t-TDA ma jipprekludix interpretazzjoni tad-Direttiva 2006/115 li tinkludi s-self ta’ kotba elettroniċi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ self (48). L-istess konklużjoni ma tistax issir fir-rigward tad-dritt ta’ distribuzzjoni (49).

70.      Barra minn hekk, l-eċċezzjoni tas-self pubbliku prevista fl‑Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/115 tilħaq għan ta’ politika pubblika u titlob kumpens għall-awturi. Dan ma huwiex il-każ tar-regola ta’ eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni li l-ġustifikazzjoni tagħha hija għal kollox differenti, marbuta mal-proprjetà u mal-iskambju ta’ oġġetti tanġibbli li fihom ix-xogħlijiet protetti.

71.      Għall-kuntrarju, Tom Kabinet hija korretta meta tosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja jidher li aċċettat l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni f’dak li jikkonċerna l-kotba elettroniċi billi ddeċidiet, bħala risposta għat-tieni domanda fil-Kawża Vereniging Openbare Bibliotheken, li “l‑Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/115, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jissuġġetta l-applikazzjoni tal‑Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115 għall-kundizzjoni li l-kopja ta’ ktieb f’forma diġitali li tkun saret disponibbli mil-librerija pubblika kienet tqiegħdet fiċ-ċirkulazzjoni permezz tal-ewwel bejgħ jew tal‑ewwel trasferiment ieħor ta’ proprjetà ta’ din il-kopja fl-Unjoni Ewropea mid-detentur tad-dritt għal distribuzzjoni lill-pubbliku jew bil-kunsens tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva [2001/29]” (50).

72.      Fil-fatt, tali kundizzjoni ma tagħmilx ħafna sens mingħajr ir‑rikonoxximent tal-applikabbiltà tad-dritt ta’ distribuzzjoni u tar‑regola tal-eżawriment tiegħu għall-kopji dematerjalizzati tal-kotba elettroniċi. Dan ikun jirrikjedi li l-kopja titpoġġa fuq sostenn fiżiku qabel ma tingħata lil-librerija, tranżazzjoni li ma tkun tagħmel l-ebda sens ekonomiku u li tkun kuntrarja għall-użanzi tas-suq, peress li l-kotba elettroniċi normalment huma pprovduti bi tniżżil mill-internet. F’każ li l-Qorti tal‑Ġustizzja tiddeċiedi, f’din il-kawża, li d-dritt ta’ distribuzzjoni ma japplikax għall-provvista tax-xogħlijiet bit-tniżżil mill-internet, din il‑kundizzjoni titlef is-sens tagħha. Madankollu ma naħsibx li din id‑dikjarazzjoni biss tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża Vereniging Openbare Bibliotheken tista’ taffettwa s-soluzzjoni f’din il-kawża.

 Il-links tal-internet

73.      Id-dritt tal-komunikazzjoni lill-pubbliku ma jistax, bħala prinċipju, jiġi eżawrit (51). Madankollu, fl-ambjent tal-internet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ċerti atti li jistgħu jaqgħu taħt dan id-dritt ma humiex suġġetti għall-awtorizzazzjoni tad-detentur tal-imsemmi dritt. Dawn huma l-hyperlinks (52), u links li jużaw it-teknika msejħa “framing” (53), li jieħdu lill-utent lejn kontenut liberament aċċessibbli fuq l-internet bil‑kunsens tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur. Skont il-Qorti tal‑Ġustizzja, dawn l-atti ta’ komunikazzjoni, li jużaw l-istess mezz tekniku bħall‑komunikazzjoni oriġinali (l-internet) u peress li huma indirizzati lejn l-istess pubbliku (l-utenti kollha tal-internet), ma jirrikjedux awtorizzazzjoni indipendenti tad-detenturi tad-drittijiet tal‑awtur (54). Fid‑duttrina, din il-ġurisprudenza setgħet anki tiġi kkunsidrata bħala l‑istabbiliment tal-eżawriment tad-dritt tal‑komunikazzjoni lill‑pubbliku (55).

74.      Mingħajr ma nidħol fid-diskussjoni tal-effetti u tal-fondatezza tal-argumenti duttrinali, nosserva li, fi kwalunkwe każ, din il‑ġurisprudenza ma għandhiex tiġi applikata b’analoġija għat-tqegħid għad-dispożizzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet permezz tat-tniżżil mill‑internet.

75.      Fil-fatt, l-ewwel nett, il-ġurisprudenza li tirrigwarda l-links tal‑internet hija bbażata fuq il-premessa li meta poġġa kontenut li jista’ liberalment ikun aċċessibbli fuq l-internet, id-detetentur tad-drittijiet tal‑awtur ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li, potenzjalment, l-utenti kollha tal-internet jista’ jkollhom aċċess għalih (56). Issa, dan ma huwiex il-każ tat-tniżżil mill-internet. Billi jitlob ħlas għal kull akkwist ta’ kopja diġitali tax-xogħol, id-detentur tad-drittijiet tal-awtur jieħu inkunsiderazzjoni biss, bħala pubbliku li għalih hija intenzjonata l‑komunikazzjoni tiegħu, lill‑utenti li jkunu ħallsu l-prezz tal-kopja tax‑xogħol u mhux lill-utenti sussegwenti, li ma ħallsux dan il-prezz jew li jkunu ħallsuh lil persuna oħra u mhux lill-imsemmi detentur tad-drittijiet (57). Kull provvista ulterjuri ta’ tali kopja għandha għalhekk tkun ikkunsidrata bħala komunikazzjoni lil pubbliku ġdid.

76.      It-tieni nett, jekk, fil-każ ta’ links tal-internet, ikun hemm komunikazzjoni, din hija komunikazzjoni sekondarja, fis-sens li hija dipendenti fuq il-komunikazzjoni oriġinali. Jekk id-detentur tad-drittijiet tal-awtur jiddeċiedi li jirtira x-xogħol tiegħu mill-internet, il-link ma jibqax jiffunzjona. Il-funzjonament tiegħu jiddependi għalhekk mill‑volontà tal-imsemmi detentur tad-drittijiet. Għall-kuntrarju, fil-każ tat-tniżżil mill-internet, ħlief għal miżuri tekniċi partikolari, id-detentur tad-drittijiet tal-awtur jitlef il-kontroll fattwali fuq il-kopja tax-xogħol tiegħu ladarba din titniżżel minn utent. L-uniku mezz ta’ kontroll tiegħu huwa l-kontroll ġuridiku li jirriżulta mid-dritt esklużiv tiegħu.

 Rimarki finali

77.      Sabiex niġbor fil-qosor il-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, anki jekk fil-ġurisprudenza tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet ċerti avvanzi fis-sens tar-rikonoxximent tal-eżawriment tad-drittijiet tal‑awtur fl-ambjent diġitali, minnha ma tirriżultax il-ħtieġa li tali eżawriment jiġi rrikonoxxut fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża.

78.      Huwa veru li din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti impressjoni ta’ kumplessità u ta’ inkoerenza u li hemm it-tentazzjoni li s-sitwazzjoni ġuridika tiġi ssimplifikata billi tiġi aċċettata r-regola tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni fl-ambjent diġitali għall-kategoriji kollha tax-xogħlijiet (58). Madankollu, jiena naħseb li, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni kompleta, permezz ta’ atti leġiżlattivi, f’dak li jirrigwarda din ir-regola, id-diversità tas-soluzzjonijiet ġurisprudenzjali hija ġġustifikata, u saħansitra inevitabbli, fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet fattwali differenti, irregolati minn atti leġiżlattivi differenti u li jfittxu li jilħqu għanijiet speċifiċi. Fl-opinjoni tiegħi, l-għan tat-tfittxija tal-koerenza ma għandux ikun il-bażi, waħdu, tar-rikonoxximent ġurisprudenza tar‑regola tal-eżawriment.

 Il-bilanc tal-interessi inkwistjoni

79.      Kif semmejt fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, id‑diġitalizzazzjoni tal-kontenuti, inkluż dak tax-xogħlijiet protetti mid‑drittijiet tal-awtur, u fuq kollox l-iżvilupp tal-modalitajiet il-ġodda tal‑provvista tagħhom lill-utenti li saru possibbli permezz tal-internet fixklu l-bilanċ li kien jeżisti fl-ambjent analoġiku bejn, minn naħa, l-interessi tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u, min-naħa l-oħra, dawk tal-utenti tax-xogħlijiet. Ir-regola tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni hija waħda mill-istrumenti li jikkontribwixxu għaż‑żamma ta’ dan il-bilanċ. Il-kwistjoni li tqum hija dik dwar jekk l-ekwilibriju tal-interessi inkwistjoni jirrikjedix l-applikazzjoni ta’ din ir-regola anki fil-każ tal-provvista tax-xogħlijiet bi tniżżil mill‑internet.

80.      Diversi argumenti, imqajma fid-duttrina, jimmilitaw favur din l‑applikazzjoni (59).

81.      L-ewwel nett, l-eżistenza tas-swieq ta’ oġġetti użati ssaħħaħ il‑kompetizzjoni, tbaxxi l-prezzijiet u tikkontribwixxi għal aċċessibbiltà aħjar tal-prodotti, b’benefiċċji evidenti għall-konsumatur. Peress li l‑kopji diġitali dematerjalizzat użati huma, kuntrarjament għall-kopji materjali, sostituti perfetti ta’ eżemplari ġodda, din il-kompetizzjoni hija ħafna iktar b’saħħitha.

82.      It-tieni nett, l-aċċessibbiltà, għal prezzijiet moderati, ta’ kopji ta’ xogħlijiet użati tippromwovi l-innovazzjoni, kemm min-naħa tad‑detenturi tad-drittijiet tal-awtur (sabiex jikkompetu mal-offerta ta’ prodott użat, ara l-punt preċedenti) kif ukoll minn naħa tal-utenti u ta’ terzi, bħall-pjattaformi ta’ swieq onlajn.

83.      It-tielet nett, in-nuqqas ta’ kontroll min-naħa tad-detenturi tad‑drittijiet tal-awtur fuq l-użu u d-destin tal-kopja tax-xogħol minħabba l-fatt tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni jsaħħaħ il‑protezzjoni tal-ħajja privata tal-utenti. Fil-fatt, il-provvista tax‑xogħlijiet bit-tniżżil mill-internet ma tippermettix biss li d-distributuri jkunu jafu l-identità ta’ kull akkwirent, iżda wkoll li jiġbru informazzjoni dwar il-mod kif dan tal-aħħar juża x-xogħol. Id-distributuri tal-kotba elettroniċi jistgħu b’mod partikolari jkunu jafu jekk il-qarrej qarax il‑ktieb sa l-aħħar u saħansitra jekk għamilx xi notamenti fih. Il-kontroll li għandhom id-distributuri fuq il-kopji mniżżla mill-internet jippermettilhom ukoll li jxolju l-kuntratt, billi jagħmlu inutilizzabbli l-kopja allegatament “mixtrija” mill-utent.

84.      Fir-raba’ u l-aħħar nett, l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni jippermetti li jiġu preklużi l-prattiki antikompetittivi li jorbtu lill-utenti mad‑distributuri billi jżidu l-ispejjeż tal-bidla ta’ distributur. Dawn il‑prattiki għadhom jidhru, b’mod partikolari, fis-suq tal-kotba elettroniċi meta l-akkwist u l-użu ta’ tali ktieb huma suġġetti, pereżempju, għall-ftuħ ta’ kont mad-distributur u l-pussess ta’ tagħmir għall-qari li jitqassam mill-istess impriża.

85.      Madankollu, uħud minn dawn l-argumenti jirrigwardaw aspetti ta’ politika ekonomika ġenerali (livelli ta’ prezzijiet, kompetizzjoni, innovazzjoni) li jistgħu, ċertament, jittieħdu inkunsiderazzjoni mil‑leġiżlatur, iżda li, fl-opinjoni tiegħi, ma għandhomx jiggwidaw deċiżjonijiet ta’ natura ġurisprudenzjali.

86.      Min-naħa l-oħra, argumenti oħra ma jirrigwardawx l-aġir tal‑benefiċjarji tad-drittijiet tal-awtur iżda dak tad-distributuri tax‑xogħlijiet. Ir-rikonoxximent tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni sabiex jiġi oppost dan l-aġir ikun ifisser għalhekk li d-drittijiet tal-awturi jiġu limitati għal raġunijiet li ma humiex relatati mal-bilanċ bejn dawn id-drittijiet u dawk tal-utenti. Fi kliem ieħor, id-drittijiet tal-awtur iservi bħala fattur għall-korrezzjoni tal-allegati nuqqasijiet ta’ funzjonament tas‑suq tal-provvista tax-xogħlijiet.

87.      Niddubita wkoll li r-regola tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni, waħidha, kapaċi tirrimedja l-problemi msemmija iktar ’il fuq. Fil-fatt, jekk, skont din ir-regola, l-akkwirent ta’ kopja dematerjalizzata ta’ xogħol ikun f’pożizzjoni li jerġa’ jbigħ din il‑kopja, dan ma jkollux awtomatikament il-konsegwenza li jannulla l‑kundizzjonijiet kollha kuntrattwali ta’ użu ta’ din il-kopja (60). Barra minn hekk, lanqas ma huwa ċert li l-utenti dejjem ikunu jridu jeħilsu minnha. Fil‑fatt, flimkien ma’ dawn il-limitazzjonijiet u l-intrużjonijiet fil-ħajja privata, id-distributuri jagħtu vantaġġi lill-utenti, li jistgħu jagħżlu li jissaportu l-inkonvenjenti biex jibbenefikaw mill-vantaġġi.

88.      Barra minn hekk, hemm ukoll argumenti sinjifikattivi kontra l‑applikazzjoni tar-regola tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni għall-provvista tax-xogħlijiet permezz tat-tniżżil mill-internet.

89.      Fl-ewwel lok, kif diġà semmejt, il-kopji diġitali dematerjalizzati ma jiddeterjorawx bl-użu, b’tali mod li kopji użati jikkostitwixxu sostituti perfetti tal-kopji ġodda. Ma’ dan tiżdied il-possibbiltà ta’ skambji ta’ tali kopji li la jeħtieġu sforzi u lanqas spejjeż addizzjonali. B’hekk, hemm ir-riskju li s-suq parallel ta’ oġġetti użati jaffettwa l-interessi tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur b’mod ħafna iktar sinjifikattiv milli s-suq ta’ oġġetti tanġibbli użati.

90.      Il-kawża prinċipali hija eżempju eċċellenti. Kif ammetta r‑rappreżentant ta’ Tom Kabinet waqt is-seduta, din il-kumpannija tbigħ mill-ġdid kotba elettroniċi bi prezz inqas minn dak tal-akkwist. Il-profittabbiltà ta’ tali proċess ġej mill-fatt li l-utenti tas-sit tal-internet tagħha jiġu mħajra jerġgħu jbigħu lil Tom Kabinet, wara li jkunu qrawhom, il-kotba elettroniċi li jkunu xtraw mingħandha, li mbagħad tista’ tipproponihom lil klijenti oħra. Sensiela ta’ diversi tranżazzjonijiet ta’ bejgħ u ta’ akkwist tippermetti b’hekk li Tom Kabinet tagħmel profitt mill-attività tagħha, bl-uniku spiża tagħha tkun l-ewwel akkwist tal-ktieb elettroniku.

91.      Minn dan jirriżultaw żewġ riskji għad-detenturi tad-drittijiet tal‑awtur. L-ewwel wieħed huwa dak tal-kompetizzjoni tal-kopji tal‑istess kwalità offruti għal frazzjoni tal-prezz tas-suq oriġinal u, it‑tieni, dak ta’ tkattir mingħajr kontroll tal-kopji fiċ‑ċirkolazzjoni. Fil-fatt, diversi skambji, matul perijodu qasir, ta’ kopja diġitali tax-xogħol fil-prattika huma ekwivalenti għal tkattir ta’ kopji. Dan huwa partikolarment veru meta, kif inhu spiss il-każ tal‑kotba, il-bżonnijiet tal-utenti huma ssodisfatti wara li l-ktieb jinqara darba (61).

92.      Fit-tieni lok, riskju ta’ tkattir, din id-darba reali, jeżisti mill-fatt li t-tniżżil mill-internet jikkonsisti f’riproduzzjoni tal-kopja fuq il-kompjuter li jirċeviha. Jekk, bħala prinċipju, wara t-tniżżil tagħha mill-internet, il-persuna li terġa’ tbigħ hija obbligata li tħassar il-kopja tagħha, huwa diffiċli li l-osservanza ta’ dan l-obbligu tiġi vverifikata, b’mod partikolari fil-każ ta’ individwi (62).

93.      Ċertament, din il-problema hija iktar relatata mad‑diġitalizzazzjoni milli mat-tniżżil onlajn mill-internet. Fil-fatt, kopja diġitali fuq sostenn tanġibbli tista’ tiġi rriprodotta mill-proprjetarju tagħha (att assolutament legali taħt l-eċċezzjoni ta’ kopja privata), u dan l‑utent sussegwentement jerġa’ jbigħ il-kopja materjali bis-saħħa tar‑regola tal-eżawriment. Jekk tali aġir ma jkunx onest ħafna, madankollu jkun diffiċli ferm li jiġi ddikjarat illegali. Barra minn hekk, il-projbizzjoni tiegħu diffiċli li tiġi implimentata mingħajr indħil fil‑ħajja privata tal‑utent. Madankollu, dan ma japplikax għall-kategoriji kollha ta’ xogħlijiet, b’mod partikolari ma japplikax għall-kotba (63), u l-bejgħ mill-ġdid ta’ kopja materjali jeħtieġ li tiġġarrab spiża (pereżempju l‑posta) li ma teżistix fil-każ ta’ skambji dematerjalizzati.

94.      Fit-tielet lok, ma huwiex ċert li, ladarba l-iskambji tal-kopji diġitali użati jiġu awtorizzati, ikun dejjem faċli jew possibbli li l-kopji legali, jiġifieri dawk legalment akkwistati u mibjugħa mill-ġdid, jintgħarfu minn dawk foloz. Ċertament, il-pjattaformi professjonali jistgħu jużaw mezzi tekniċi sabiex jiżguraw ruħhom minn dan, kif tagħmel, skont l‑informazzjoni li tinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari, Tom Kabinet. Madankollu hemm dubju dwar kemm individwi jwettqu l‑istess sforzi. B’hekk, ir-rikonoxximent tar-regola tal-eżawriment tad‑dritt ta’ distribuzzjoni tal-kopji dematerjalizzati jista’ jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-piraterija u jagħmel iktar diffiċli l‑implimentazzjoni tal-miżuri intiżi biex jiġġielduha.

95.      Finalment, infakkar li t-tniżżil mill-internet bi dritt ta’ użu perpetwu bħala modalità ta’ provvista ta’ kontenut onlajn jinsab fil‑proċess li jiġi relegat għall-passat. Metodi ġodda ta’ aċċess bħall‑istreaming jew l-aċċess abbażi ta’ abbonament ġew introdotti u huma popolari ferm, mhux biss mad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u d-distributuri, iżda wkoll mal-utenti. Fil-fatt, dawn il-metodi ġodda ta’ aċċess, minn naħa, jiżguraw dħul ogħla għal tal-ewwel u, min‑naħa l-oħra, jagħtu lit-tieni aċċess iktar flessibbli għal kontenut ħafna iktar wiesa’. Huwa veru li dawn il-metodi ġodda ta’ aċċess ma jirrigwardawx fl-ewwel lok il-kotba elettroniċi: huwa diffiċli tikkonċepixxi l-istreaming ta’ ktieb. Madankollu, is-soluzzjonijiet li fihom, għall-prezz ta’ abbonament mensili jew annwali, l-utent jikseb l‑aċċess għal librerija sħiħa ta’ kotba elettroniċi eżistenti diġà. Jekk dan l-aċċess dejjem jeħtieġ it-tniżżil mill-internet tal-ktieb, madankollu ma jkunx hemm pagament għal kull oġġett imniżżel u għalhekk ikun diffiċli li f’dan il-każ isir riferiment għal “bejgħ”. Issa, il-bejgħ ta’ kopja tax-xogħol hija l-kundizzjoni tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni.

96.      Il-Qorti tal-Ġustizzja, bir-rikonoximent tar-regola tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni fl-ambjent tal-internet, issolvi għalhekk problema li ma għandhiex tkun problema u li tappartjeni fil-parti l-kbira tagħha għall-passat.

97.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet iwasslu għall-konklużjoni li, għalkemm raġunijiet sodi jimmilitaw favur ir-rikonoxximent tar-regola tal‑eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni fil-każ ta’ tniżżil mill-internet, madankollu, raġunijiet oħra, tallinqas daqstant sodi, jopponuh. B’hekk il-bilanċ tad-diversi interessi involuti ma jaqlibx il-miżien lejn sens differenti minn dak li jirriżulta mit-termini tad-dispożizzjonijiet fis‑seħħ.

 Konklużjoni

98.      Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jwasslu għall-konklużjoni li argumenti, kemm legali kif ukoll teleoloġiċi, jimmilitaw favur ir‑rikonoxximent tar-regola tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni f’dak li jirrigwarda x-xogħlijiet ipprovduti permezz ta’ tniżżil onlajn mill-internet għal użu permanenti (64). B’mod partikolari, il-pussess permanenti ta’ kopja ta’ tali xogħol mill-utent juri x-xebh ta’ dan il-mod ta’ provvista mad‑distribuzzjoni tal-kopji tanġibbli. Madankollu, jiena tal-opinjoni li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jieħdu l-preċedenza l-argumenti f’sens kuntrarju. Dawn huma b’mod partikolari argumenti żviluppati fil-punti 36 sa 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li jirrigwardaw il-volontà ċara tal-leġiżlatur tal‑Unjoni li t-tniżżil mill-internet ikun kopert bid-dritt tal-komunikazzjoni lill‑pubbliku, il-limitazzjoni tad-dritt ta’ distribuzzjoni għall-atti ta’ trasferiment ta’ proprjetà ta’ kopja u d-dritt ta’ riproduzzjoni. Dawn l‑argumenti legali huma kkorroborati mill-kunsiderazzjonijiet ta’ natura teleoloġika spjegati fil-punti 89 sa 96 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

99.      Għal din ir-raġuni, nipproponi li tingħata r-risposta segwenti għad-domandi preliminari magħmula mir-Rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi):

L-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal‑informazzjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-provvista ta’ kotba elettroniċi permezz ta’ tniżżil onlajn mill-internet għal użu permanenti ma taqax taħt id-dritt ta’ distribuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, iżda taħt id-dritt tal-komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal‑imsemmija direttiva.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Kohler, J., Das Autorrecht: eine zivilistische Abhandlung, Jena, 1880.


3      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Reichsgericht (il-Qorti Imperjali tal-Ġustizzja, il‑Ġermanja) tas-16 ta’ Ġunju 1906, I 5/06 Koenigs Kursbuch. Idea simili dehret fl‑istess żmien fl-Istati Uniti bl-isem “first sale doctrine”, ara s-sentenza tas‑Supreme Court of the United States (il-Qorti Suprema, l-Istati Uniti) tal‑1 ta’ Ġunju 1908, Bobbs-Merrill Co. vs Straus, 210 U.S. 339 (1908).


4      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Ġunju 1971, Deutsche Grammophon Gesellschaft (78/70, EU:C:1971:59), u tal-20 ta’ Jannar 1981, Musik-Vertrieb membran u K-tel International (55/80 u 57/80, EU:C:1981:10).


5      Ara l-kuntest ġuridiku iktar ’il quddiem.


6      Trattat approvat permezz tad-Deċiżjoni tal‑Kunsill 2000/278/KE tas-16 ta’ Marzu 2000 dwar l-approvazzjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tat-Trattat WIPO dwar id-Dritt ta’ l-Awtur u tat-Trattat WIPO dwar il-Preżentazzjonijiet u l-Fonogrammi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208).


7      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.


8      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-talbiet indirizzati kontra l-partijiet konvenuti l-oħra, Tom Kabinet Holding BV u Tom Kabinet Uitgeverij BV, ser jiġu miċħuda mill-qorti tar-rinviju.


9      Fil-fatt, it-“trasferiment” ta’ fajl diġitali joħloq kopja ġdida tiegħu fuq il-kompjuter li jirċevih.


10      Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, l-Imħallef għall-miżuri provviżorji bbaża d-deċiżjoni tiegħu, b’mod partikolari, fuq is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft (C-128/11, EU:C:2012:407).


11      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ April 2008, Peek & Cloppenburg (C‑456/06, EU:C:2008:232, punt 34).


12      Barra minn hekk, huwa fuq din il-premessa li hija bbażata, fuq livell ekonomiku, ir‑regola tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni: meta l-eżemplari tax-xogħol jinbiegħ, id-detentur tad-drittijiet tal-awtur huwa meqjus li kiseb ir-remunerazzjoni adattat għal dan l-eżemplari.


13      Artikolu 8 tat-TDA u Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29.


14      Artikolu 6 tat-TDA u Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/29.


15      Inwarrab, għall-mument, il-kwistjoni ta’ atti ta’ riproduzzjoni, suġġetti wkoll għal dritt esklużiv ta’ awtur, meħtieġa għal dawn iż-żewġ metodi ta’ tqegħid għad‑dispożizzjoni tal-pubbliku.


16      B’“kompjuter” nifhem kull apparat li kapaċi jaqbad mal-internet u jaħżen data.


17      Guide des traités sur le droit d’auteur et les droits connexes administrés par l’WIPO, WIPO, Ġinevra, 2003, p. 210 et seq.


18      Ara l-premessa 15 ta’ din id-direttiva.


19      Enfażi miżjud minni.


20      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il‑kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).


21      Ara l-premessa 18 tad-Direttiva 2000/31.


22      Ara, fl-aħħar lok, is-sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff (C-161/17, EU:C:2018:634, punti 19 u 22).


23      Ara s-sentenza tas-17 ta’ April 2008, Peek & Cloppenburg (C-456/06, EU:C:2008:232, dispożittiv).


24      Ħlief, ovvjament, meta l-fajl ikun fuq sostenn tanġibbli, f’liema każ id-dritt għall-proprjetà jikkonċerna l-imsemmi sostenn.


25      Fil-kawża Infopaq, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li ma kellha l-ebda dubju dwar il-fatt li att ta’ ħażna informatika ta’ silta ta’ xogħol jikkostitwixxi att ta’ riproduzzjoni; ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International (C-5/08, EU:C:2009:465, punt 1 tad‑dispożittiv), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak f’din il-kawża (C‑5/08, EU:C:2009:89, punt 52).


26      Il-Konvenzjoni ta’ Berne għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, iffirmata f’Berne fid-9 ta’ Settembru 1886 (Att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971), kif emendata fit-28 ta’ Settembru 1979.


27      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2016, Ranks u Vasiļevičs (C‑166/15, EU:C:2016:762, punt 38).


28      Ara, f’dan ir-rigward, von Lewinsky, S., Walter, M., European Copyright Law, Oxford University Press, Oxford, 2010, p. 1027.


29      Sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012 (C-128/11, EU:C:2012:407).


30      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il‑protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU 2009, L 111, p. 16).


31      Sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012 (C-128/11, EU:C:2012:407).


32      Ara s-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft (C-128/11, EU:C:2012:407, punti 45 sa 48).


33      Ara s-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft (C-128/11, EU:C:2012:407, punt 49).


34      Ara s-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft (C-128/11, EU:C:2012:407, punt 52).


35      Ara s-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft (C-128/11, EU:C:2012:407, punt 61).


36      Ara s-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft (C-128/11, EU:C:2012:407, punt 51).


37      Ara s-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft (C-128/11, EU:C:2012:407, punt 49).


38      Ara s-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft (C-128/11, EU:C:2012:407, punt 61).


39      Artikolu 4(1)(c) tad-Direttiva 2009/24.


40      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft (C-128/11, EU:C:2012:407, punt 51).


41      Dawn huma regoli li jirrigwardaw il-kwalità ta’ awtur (l-Artikolu 2), l-eċċezzjonijiet (l-Artikolu 5) u d-dekumpilazzjoni (l-Artikolu 6).


42      Ara s-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft (C-128/11, EU:C:2012:407, punt 55).


43      Ara s-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft (C-128/11, EU:C:2012:407, punt 81).


44      Ħlief dik li tinsab fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29, li madankollu ma hijiex applikabbli għar-riproduzzjonijiet permanenti bħall-kopji mniżżla mill-internet.


45      Sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016 (C-174/15, EU:C:2016:856).


46      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU 2006, L 376, p. 28).


47      Sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016 (C-174/15, EU:C:2016:856).


48      Sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Vereniging Openbare Bibliotheken (C-174/15, EU:C:2016:856, punt 39).


49      Ara l-punti 33 sa 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


50      Sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Vereniging Openbare Bibliotheken (C-174/15, EU:C:2016:856, punt 2 tad-dispożittiv).


51      Ara l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/29.


52      Sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C-466/12, EU:C:2014:76).


53      Digriet tal-21 ta’ Ottubru 2014, BestWater International (C-348/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2315).


54      Sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C-466/12, EU:C:2014:76, punti 24, 27 u 28).


55      Ara, b’mod partikolari, in-nota ta’ A. Lucas dwar is-sentenza Svensson et, Propriétés intellectuelles, n°51 (2014), p. 165 et seq., u Rosén, J., “How Much Communication to the Public Is “Communication to the Public”?”, f’Stamatoudi, I. A. (ed.), New Developments in EU and International Copyright Law, Wolters Kluwer, Alphen aan den Rijn 2016, p. 331 et seq.


56      Sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C-466/12, EU:C:2014:76, punt 27).


57      Se nħalli mal-ġenb il-kwistjoni ta’ xogħlijiet imqassma b’xejn, li ma tqajmitx f’din il-kawża.


58      Ara, f’dan is-sens, Sganga, C., “A Plea for Digital Exhaustion in EU Copyright Law”, JIPITEC, 9/2018, p. 211.


59      Ara, b’mod partikolari, Perzanowski, A., Schultz, J., “Digital Exhaustion”, UCLA Law Review, 2011, n°58, p. 889; Sganga, C., op. cit. Għal approċċ iktar delikat tal-argumenti favur u kontra, ara Kerber, W., “Exhaustion of Digital Goods: An Economic Perspective”, Intellectual Property Journal, 2016, n°8, p. 149.


60      Id-drittijiet tal-awtur ma jirregolawx, bħala prinċipju, il-kuntratti li permezz tagħhom ix‑xogħlijiet jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-utenti finali; ara Lucas-Schloetter, A., “La revente d’occasion de fichiers numériques contenant des œuvres protégées par le droit d’auteur”, f’Bernault, C., Clavier, J.-P., Lucas-Schloetter, A., Lucas, F.‑X., (dir), Mélanges en l’honneur du Professeur André Lucas, LexisNexis, Pariġi, 2014, p. 573 et seq.


61      L-istess konstatazzjoni tapplika, pereżempju, għax-xogħlijiet ċinematografiċi.


62      Għalkemm il-kumpannija Amazon irreġistrat il-privattiva ta’ sistema ta’ suq ta’ oġġetti diġitali użati li tippermetti t-tħassir awtomatiku tal-kopja oriġinali wara t-tniżżil mill-internet (Karapapa, S., “Reconstructing copyright exhaustion in the online world”, Intellectual Property Quarterly, 4/2014, p. 307), tali sistemi jistgħu jiġu applikati biss minn pjattaformi professjonali. Ikun diffiċli li jintalab l‑użu tagħhom minn persuni privati.


63      Il-kotba elettroniċi normalment ma jitqassmux fuq sostenn tanġibbli. Min-naħa l-oħra, il-fatt li ktieb jiġi skenjat ma jwassalx għall-ħolqien ta’ ktieb elettroniku.


64      Ara, ukoll, minbarra x-xogħlijiet diġà ċċitati, Bernabou, L., “Digital Exhaustion of Copyright in the EU or Shall We Cease Being so Schizophrenic?”, f’Stamatoudi, I.A. (ed.), op.cit., p. 351; von Lewinsky, S., Walter, M., op.cit., p. 987 et seq.; Mezei, P., Copyright Exhaustion. Law and Policy in the United States and the European Union, Cambridge University Press, Cambridge, 2018; u Wójcik, A., “The evolution of the copyright exhaustion doctrine in the European Union: limitations and controversy in the digital age”, Zeszyty Naukowe Uniwersytetu Jagiellońskiego, 2017, n°1, p. 178.