Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Ottubru 2016 – BPCE vs BĊE

(Kawża T-745/16)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: BPCE (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: A. Gosset-Grainville, C. Renner u P. Kupka, avukati)

Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew Nru ECB/SSM/2016-9695005MSXI0YEMGDF46/195 tal-24 ta’ Awwissu 2016;

tikkundanna, fi kwalunkwe każ, lill-Bank Ċentrali Ewropew għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza li bih hija vvizzjata d-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), tal-24 ta’ Awwissu 2016, li tiċħad it-talba mressqa mir-rikorrenti sabiex tibbenefika mill-esklużjoni tal-iskoperturi għall-Caisse des dépôts et consignations (fond ta’ depożiti u kunsinni), li jirriżultaw mill-fondi ċċentralizzati miġbura fil-kuntest tat-tfaddil irregolat, mill-kalkolu tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), sa fejn il-BĊE ma kellux il-kompetenza sabiex jirrifjuta li jagħti l-esklużjoni mitluba wara li kkonstata li l-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tal-Unjoni applikabbli kollha kienu ġew osservati.

It-tieni motiv, ibbażat fuq diversi żbalji ta’ liġi li wettaq il-konvenut. Fil-fatt, ir-rikorrenti tqis li, anki jekk jitqies li l-BĊE kellu l-kompetenza sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmija deċiżjoni ma hijiex valida għaliex hija vvizzjata b’diversi żbalji ta’ liġi, kemm fid-dawl tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1; iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 575/2013”), kif ukoll fid-dawl tal-intenzjonijiet tal-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea, minħabba li l-BĊE interpreta b’mod żbaljat il-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u b’hekk ħa deċiżjoni li:

tmur kontra l-għanijiet u l-iskop tar-regoli dwar il-proporzjon tal-effett ta’ lieva, billi tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-għan tal-leġiżlazzjoni dwar il-proporzjon tal-effett ta’ lieva bħala tali, iżda wkoll l-intenzjoni tal-leġiżlatur immanifestata bl-adozzjoni tal-paragrafu 14 tal-Artikolu 429 tar-Regolament Nru 575/2013;

timmodifika d-dispożizzjoni bażika billi tieħu inkunsiderazzjoni żewġ kundizzjonijiet ġodda li ma jifformawx parti mis-suġġett tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni;

iċċaħħad l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 mill-effett utli.

It-tielet motiv, ibbażat fuq diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li bihom hija vvizzjata d-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda n-natura tal-fondi ta’ tfaddil irregolati ċċentralizzati, f’dak li jirrigwarda l-implikazzjonijiet tal-inklużjoni tal-fondi fil-karta tal-bilanċ tal-bank, u f’dak li jirrigwarda l-effetti tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-ammonti ċċentralizzati.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur ta’ diversi prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba sa fejn il-BĊE kiser l-obbligu ta’ diliġenza tiegħu.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-BĊE kien suġġett għal obbligu ta’ motivazzjoni msaħħaħ u l-imsemmija deċiżjoni hija mmotivata b’mod insuffiċjenti u ekwivoku.

____________