Language of document : ECLI:EU:C:2018:906

Kawża C342/17

Memoria Srl u Antonia Dall’Antonia

vs

Comune di Padova

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Veneto)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari – Sitwazzjoni purament interna – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi kull attività lukrattiva relatata maż-żamma ta’ urni funebri – Eżami tal-proporzjonalità – Koerenza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali”

1.        Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 2006/123 – Kamp ta’ applikazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lis-servizzi muniċipali monopolju fuq il-provvista tas-servizz ta’ żamma ta’ urni funebri – Esklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/123, premessa 8 u Artikolu 1(3))

2.        Libertà ta’ stabbiliment – Restrizzjonijiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi kull attività lukrattiva relatata maż-żamma ta’ urni funebri – Inammissibbiltà – Ġustifikazzjoni – Assenza

(Artikolu 49 TFUE)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 41, 42)

2.      L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi, anki minkejja r-rieda espliċita tal-mejjet, lid-depożitarju ta’ urna funebri milli jafda l-kustodja tagħha lil terz, li tobbligah iżommha f’daru, bl-eċċezzjoni li jagħtiha lil ċimiterju muniċipali, u, barra minn hekk, li tipprojbixxi kull attività eżerċitata bi skop ta’ lukru li għandha bħala għan, anki jekk mhux esklużiv, iż-żamma ta’ urni funebri, fuq kwalunkwe bażi u għal kwalunkwe żmien.

F’dan ir-rigward, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-ġustifikazzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta ċertament li l-protezzjoni tas-saħħa pubblika tinsab fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni u li l-Istati Membri għandhom f’dan il-qasam marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez, C‑570/07 u C‑571/07, EU:C:2010:300, punti 44, 68 u 106). Madankollu, tali għan ma jistax jiġġustifika r-restrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali sa fejn l-irmied funebri, bid-differenza tal-fdalijiet mortali, huwa materja inerta minn perspettiva bijoloġika, inkwantu jiġi sterilizzat bis-sħana, b’tali mod li ż-żamma tiegħu ma tistax tirrappreżenta restrizzjoni imposta minn kunsiderazzjonijiet ta’ saħħa pubblika.

Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-għan ta’ protezzjoni tar-rispett dovut għall-memorja tal-mejtin, dan ukoll jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li jeżistu miżuri inqas restrittivi li jippermettu li jintlaħaq dan il-għan, bħal, b’mod partikolari, l-obbligu li tiġi żgurata ż-żamma tal-urni funebri f’kundizzjonijiet simili għal dawk taċ-ċimiterji muniċipali u, fil-każ ta’ waqfien tal-attività, li dawn l-urni jiġu ttrasferiti f’ċimiterju pubbliku jew li dawn jingħataw lura lill-qraba tal-mejjet.

(ara l-punti 54, 55, 57, 59, 66 u d-dispożittiv)