Language of document : ECLI:EU:T:2007:7

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

16 ta' Jannar 2007 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta' oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark figurattiva CALVO – Trade mark Komunitarja verbali preċedenti CALAVO – Ammissibbiltà ta' l-oppożizzjoni – Motivazzjoni ta' l-oppożizzjoni ppreżentata f'lingwa li mhijiex il-lingwa tal-proċedimenti – Artikolu 74(1) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Regola 20(3) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95”

Fil-kawża T‑53/05,

Calavo Growers,      Inc., stabbilita f'Santa Ana (L-Istati Uniti), irrappreżentata minn E. Armijo Chávarri u A. Castán Pérez-Gómez, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn J. García Murillo, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li hija

Luis Calvo Sanz, SA, stabbilita f'Carballo (Spanja), irrappreżentata minn J. Rivas Zurdo u E. López Leiva, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ta' 8 ta' Novembru 2004 (Każ R 159/2004-1), dwar proċedimenti ta' oppożizzjoni bejn Calavo Growers, Inc. u Luis Calvo Sanz, SA,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, A. W. H. Meij u I. Pelikánová, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-8 ta' Marzu 2001, Luis Calvo Sanz SA ressqet applikazzjoni quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) għar-reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja tat-trade mark figurattiva riprodotta hawn taħt:

Image not foundImage not found

2        Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 29, 30 u 31 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade marks tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 29 : "Laħam, ħut, tjur u selvaġġina; estratti tal-laħam; frott u ħaxix ippriżervat, imnixxef u msajjar; ġèli, ġammijiet, frott ippriżervat jew misjur; bajd, ħalib u prodotti tal-ħalib; żejt u xaħmijiet li jittieklu";

–        klassi 30 : "Kafè, te, kawkaw, zokkor, ross, tapjoka, sago, kafè artifiċjali; dqiq u preparazzjonijiet magħmulin miċ-ċereali, ħobż, għaġina u ħlewwiet, silġ; ġelati; għasel, għasel iswed; ħmira, trab tal-ħami; melħ, mustarda; ħall, zlazi (kondimenti); ħwawar; silġ";

–        klassi 31 : "Prodotti agrikoli, ta' ortikultura u ta' forestrija u qamħ, mhux inklużi fi klassijiet oħra; annimali ħajjin; frott u ħaxix frisk; żrieragħ, pjanti u fjuri naturali; għalf għall-annimali, malt".

3        Fl-24 ta' Settembru 2001, l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 84/2001.

4        Fil-21 ta' Diċembru 2001, Calavo Growers Inc. ippreżentat oppożizzjoni kontra l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. L-avviż ta' oppożizzjoni kien jikkonsisti f'żewġ partijiet. L-ewwel parti, miktuba bl-Ispanjol u msejħa "Escrito de Oposición" (iktar 'il quddiem il-"Formola"), kienet fil-forma ta' formola li tirriproduċi l-enumerazzjoni u d-denominazzjoni tat-titoli tal-formola uffiċjali ta' l-UASI u kien fiha, taħt it-titolu "Lingwa ta' l-oppożizzjoni", l-indikazzjoni "ES" u, taħt it-titolu "Raġunijiet għall-oppożizzjoni", l-indikazzjoni "94 l-oppożizzjoni hija bbażata fuq trade mark preċedenti u probabbiltà ta' konfużjoni". It-tieni parti, miktuba bl-Ingliż u msejħa "Notice of Opposition" (iktar 'il quddiem l-"Ispjegazzjoni tar-raġunijiet") kienet tikkonsisti f'test ta' tliet paġni li jispjegaw, taħt l-intestatura preliminari "99 Explanations of grounds", ir-raġunijiet għall-oppożizzjoni.

5        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq ir-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali Komunitarja Nru 102 822 CALAVO, li l-applikazzjoni għaliha saret fl-1 ta' April 1996 u li ġiet irreġistrata fis-26 ta' Awissu 1998 għal prodotti fil-klassijiet 29 u 31 skond il-Ftehim ta' Nizza, u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 29 : "Laħam, ħut, tjur u selvaġġina; estratti tal-laħam; frott u ħaxix ippriżervat, imnixxef u msajjar; ġèli, ġammijiet, frott ippriżervat jew misjur; bajd, ħalib u prodotti tal-ħalib; żejt u xaħmijiet li jittieklu; avokados u zalza abbażi ta' l-avokado (guacamole) ippreparati u ffriżati; papaja u mangu mnixxef";

–        klassi 31 : "Prodotti agrikoli, ta' ortikultura u ta' forestrija u qamħ, mhux inklużi fi klassijiet oħra; annimali ħajjin; frott u ħaxix frisk; żrieragħ, pjanti u fjuri naturali; għalf għall-annimali, malt; avokados, papaja u mangu frisk".

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq il-prodotti kollha koperti mit-trade mark preċedenti u kienet diretta kontra l-prodotti kollha koperti mill-applikazzjoni għal trade mark.

7        B'deċiżjoni tat-18 ta' Diċembru 2003, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ta' l-UASI laqgħet parzjalment l-oppożizzjoni billi kkonkludiet li kienet teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn is-sinjali konfliġġenti għal ċerti prodotti. Din id-deċiżjoni semmiet li ma setgħetx tittieħed in kunsiderazzjoni l-ispjegazzjoni tar-raġunijiet ppreżentata mal-Formola mill-parti li kienet qed topponi (ir-rikorrenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza), peress li dan id-dokument kien ġie ppreżentat f'lingwa li ma kinitx dik tal-proċedimenti u peress li t-traduzzjoni tagħha fil-lingwa tal-proċedimenti ma kinitx ġiet ipprovduta fit-terminu preskritt mill-UASI għal dan il-għan.

8        Fit-18 ta' Frar 2004, l-intervenjenti ressqet appell kontra din id-deċiżjoni. Fit-8 ta' Novembru 2004, l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI laqa' dan l-appell billi annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni. Bid-deċiżjoni tiegħu (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), li ġiet innotifikata lir-rikorrenti fit-12 ta' Novembru 2004, il-Bord ta' l-Appell ċaħad l-oppożizzjoni u ordna lill-parti li kienet qed topponi li tbati l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti (l-intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza) għall-finijiet tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni u ta' appell.

9        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ma kinitx kompetenti sabiex teżamina l-oppożizzjoni ex officio u li, għalhekk, hija ma setgħetx tilqagħha parzjalment. L-avviż ta' oppożizzjoni kien ivvizjat b'irregolarità, għax illimita ruħu sabiex jagħti l-"probabbiltà ta' konfużjoni" bħala raġuni għal oppożizzjoni bla ma pprovda l-ebda argument addizzjonali fil-lingwa tal-proċedimenti.

10      Il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kienet kisret il-"prinċipju dispożittiv", prinċipju li skondu l-partijiet jiddelimitaw il-mertu tal-kawża, kif ukoll il-prinċipju ta' ugwaljanza ta' l-armi [equality of arms], li jirregolaw il-proċedimenti ta' oppożizzjoni, stabbiliti fl-Artikolu 74(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), li skondu l-UASI ma jistax iwettaq l-eżami tal-fatti ex officio, billi l-eżami għandu jkun ristrett għall-fatti, provi u argumenti ppreżentati mill-partijiet u għar-rimedji mitluba.

11      Il-Bord ta' l-Appell jikkunsidra li hija l-parti li tkun qed topponi li għandha tippreżenta u tipprova r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni, u li l-indikazzjoni astratta tal-"probabbiltà ta' konfużjoni" mhijiex biżżejjed. Skondu, l-fatturi determinanti tal-probabbiltà ta' konfużjoni f'dan il-każ għandhom jiġu mqajma u ppruvati. Jekk il-parti li tkun qed topponi ma tissodisfax din il-kundizzjoni, l-UASI bl-ebda mod ma jista' jikkumpensa għal dan in-nuqqas fir-rigward tal-proċedura, għaliex huwa mhuwiex kompetenti biex iwettaq eżami ex officio, għandu jkun imparzjali u ma jistax jaġixxi fl-istess ħin bħala mħallef u bħala parti. Id-deċiżjoni kkontestata tikkonkludi billi tikkonstata li għandha tiġi applikata s-sanzjoni li tirriżulta min-nuqqas ta' osservanza ta' dan ir-rekwiżit proċedurali, jiġifieri r-rifjut ta' l-oppożizzjoni bħala infondata.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u t-talbiet tal-partijiet

12      B'rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-24 ta' Jannar 2005, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

13      L-intervenjenti u l-UASI ppreżentaw ir-risposti tagħhom fl-20 ta' Ġunju u fil-25 ta' Lulju 2005, rispettivament.

14      B'ittri ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-4 u fil-5 ta' Awissu 2005, rispettivament, ir-rikorrenti u l-intervenjenti talbu li jkunu jistgħu jippreżentaw replika. Fis-17 ta' Awissu 2005, il-President tat-Tieni Bord ddeċieda li ma kienx hemm lok li jsir it-tieni skambju komplet ta' sottomissjonijiet, skond l-Artikolu 135(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Huwa madankollu ddeċieda li jawtorizza lill-intervenjenti li tippreżenta nota sabiex jippermettilha tieħu pożizzjoni fuq ir-risposta ta' l-UASI, li fih dan ta' l-aħħar kien aderixxa ma' l-argumenti esposti mir-rikorrenti. L-intervenjenti ppreżentat in-nota ulterjuri tagħha fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-10 ta' Ottubru 2005.

15      B'ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-27 ta' Ottubru 2005, ir-rikorrenti tennet it-talba tagħha ta' l-4 ta' Awissu billi speċifikat li hija xtaqet ukoll tirrispondi għall-allegazzjonijiet li l-intervenjenti kienet ġiet awtorizzata tifformula fin-nota ulterjuri tagħha. B'deċiżjoni tat-22 ta' Novembru 2005, il-President tat-Tieni Awla ċaħad din it-talba.

16      Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali mingħajr ma tipproċedi għall-miżuri istruttorji preliminari.

17      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu fis-seduta tal-11 ta' Lulju 2006. Minbarra dan, l-UASI żied, f'dak li għandu x'jaqsam mal-proċedura bil-miktub, xi talbiet fir-rigward ta' l-ispejjeż.

18      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI jħallas l-ispejjeż.

19      L-UASI jitlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tirrinvija l-kawża quddiem il-Bord ta' l-Appell sabiex dan ta' l-aħħar jiddeċiedi fuq il-kwistjoni ta' l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni bejn is-sinjali konfliġġenti;

–        tordna li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

20      L-intervenjenti titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors fit-totalità tiegħu u tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tħallas l-ispejjeż sostnuti mill-intervenjenti f'dan ir-rikors.

 Id-dritt

21      In sostenn ta' l-allegazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti tinvoka raġuni waħda, ibbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 42(3) u ta' l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, moqrija flimkien mar-Regola 20(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/65, tat-13 ta' Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament Nru 40/94 (ĠU L 303, p. 1).

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet ta' l-UASI

 L-argumenti tal-partijiet

22      L-UASI jikkunsidra li t-talbiet tar-rikorrenti huma fondati, billi d-deċiżjoni kkontestata mhijiex konformi mal-prassi ta' dan il-korp fir-rigward ta' l-ammissibbiltà u tal-motivazzjoni ta' oppożizzjoni.

23      L-intervenjenti toġġezzjona għall-possibbiltà ta' l-UASI li jaderixxi mar-rikors ippreżentat mir-rikorrenti. Skondha, tali mod ta' aġir ikun kontradittorju u inkompatibbli mal-prinċipji ta' protezzjoni tad-drittijiet u ta' ċertezza legali. Fil-fatt, l-UASI jkun qed jitlob l-annullament ta' deċiżjoni li huwa stess adotta. Għal tali bdil ta' pożizzjoni ta' l-UASI, huwa neċessarju li jinstema' l-Bord ta' l-Appell, sakemm ma jkunx seħħ bdil fil-leġiżlazzjoni jew tkun tfaċċat informazzjoni ġdida ta' natura li tiġġustifika dan il-bdil radikali. F'dan il-każ, ma jeżistux tali fatturi.

24      L-intervenjenti hi ta' l-opinjoni li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza invokata mill-UASI sabiex jiġġustifika dan l-aġir ma tirrigwardax każijiet bħal dan il-każ.

25      Minbarra dan, l-intervenjenti tallega li hija għandha tkun tista' tafda fil-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 130(1) u mill-Artikolu 133(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li skondhom ir-rikorsi huma mressqa kontra l-UASI bħala parti konvenuta, billi huma biss l-intervenjenti li, skond l-Artikolu 134(2) tar-Regoli tal-Proċedura, jistgħu jaderixxu mat-talbiet ta' parti fil-kawża jew jintervjenu in sostenn ta' l-imsemmija talbiet. Issa, f'dan il-każ, hija tinsab waħedha sabiex tiddefendi realment id-deċiżjoni kkontestata, u l-UASI għalhekk ippreġudika l-pożizzjoni proċedurali tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

26      Il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li, fir-rigward ta' proċedura marbuta ma' deċiżjoni ta' Bord ta' l-Appell li ddeċieda fuq proċedimenti ta' oppożizzjoni, għalkemm l-UASI m'għandux is-setgħa meħtieġa biex iressaq rikors kontra deċiżjoni ta' Bord ta' l-Appell, min-naħa l-oħra, huwa ma jistax ikun marbut li jiddefendi b'mod sistematiku kull deċiżjoni ta' Bord ta' l-Appell li tkun ikkontestata jew li jitlob b'mod obbligatorju li jiġu miċħuda r-rikorsi kollha mressqa kontra din id-deċiżjoni [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Ġunju 2004, GE Betz vs L-UASI – Atofina Chemicals (BIOMATE), T-107/02, Ġabra p. II-1845, punt 34, u tal-25 ta' Ottubru 2005, Peek & Cloppenburg vs L-UASI (Cloppenburg), T-379/03, Ġabra p. II-4633, punt 22].

27      M'hemm xejn li jżomm lill-UASI milli jaderixxi ma' talba tar-rikorrenti jew inkella milli sempliċement jirrimetti ruħu għall-ġudizzju għaref tal-Qorti tal-Prim'Istanza, filwaqt li jressaq l-argumenti kollha li jidhrulu xierqa sabiex jiggwidaw lill-Qorti tal-Prim'Istanza (sentenza BIOMATE, iċċitata iktar 'il fuq, punt 36, u Cloppenburg, iċċitata iktar 'il fuq, punt 22). Min-naħa l-oħra, huwa ma jistax iressaq talbiet għall-annullament jew għar-riforma tad-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell fuq punt li ma tqajjimx fir-rikors jew jippreżenta raġunijiet li ma tqajmux fir-rikors (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Ottubru 2004, Vedial vs L-UASI, C-106/03 P, Ġabra p. I-9573, punt 34 u s-sentenza Cloppenburg, iċċitata iktar 'il fuq, punt 22).

28      Minbarra dan, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet ukoll li din il-ġurisprudenza tapplika kemm għall-proċeduri inter partes kif ukoll għall-proċeduri ex parte (sentenza Cloppenburg, iċċitata iktar 'il fuq, punt 24).

29      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li t-talbiet li permezz tagħhom l-UASI jaderixxi mat-talbiet tar-rikorrenti għal annullament għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli safejn dawn ta' l-aħħar, kif ukoll l-argumenti mressqa in sostenn tagħhom, ma joħorġux mill-kuntest tat-talbiet u tar-raġunijiet imressqa mir-rikorrenti. F'din il-kawża, l-UASI rrispetta l-imsemmi kuntest, billi huwa ressaq, in sostenn tat-talbiet tiegħu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, l-istess raġunijiet bħar-rikorrenti.

30      Minn dan isegwi li l-UASI jista', f'dan il-każ, mingħajr ma jbiddel it-termini tal-kawża, jitlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk hemm lok li jiġi kkonstatat li t-talbiet ta' l-UASI huma ammissibbli.

 Fuq il-portata tas-suġġett tal-kawża

 L-argumenti tal-partijiet

31      Skond l-intervenjenti, m'hemmx lok, sabiex tiġi riżolta din il-kawża, li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà ta' l-oppożizzjoni tar-rikorrenti quddiem l-UASI. Fl-opinjoni tagħha, id-deċiżjoni kkontestata ma ċaħditx l-oppożizzjoni bħala inammissibbli, iżda fuq il-mertu, jiġifieri bħala infondata. Għalhekk mhuwiex il-każ, fil-kuntest ta' din il-kawża, li jiġu eżaminati d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kontenut ta' l-avviż ta' oppożizzjoni, iżda pjuttost l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, billi l-kunflitt ġie kkawżat minħabba n-nuqqas ta' provi u ta' osservazzjonijiet in sostenn ta' l-oppożizzjoni.

32      Ir-rikorrenti u l-UASI jikkontestaw l-argumenti ta' l-intervenjenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

33      Wara l-eżami tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat, minkejja ċerta konfużjoni terminoloġika, li l-Bord ta' l-Appell jiċħad l-oppożizzjoni fuq il-bażi ta' kunsiderazzjonijiet relattivi għall-ammissibbiltà.

34      B'mod partikolari, il-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 16 ta' l-imsemmija deċiżjoni jirrigwardaw l-ammissibbiltà ta' l-oppożizzjoni, anki jekk dan it-terminu mhuwiex użat. Fil-fatt, billi l-Bord ta' l-Appell jikkunsidra li l-kwistjoni dwar il-kompetenza tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni biex tanalizza l-mertu ta' l-oppożizzjoni kellha tkun deċiża qabel ma jiġi eżaminat il-mertu tal-kawża, huwa jagħti x'jifhem li din il-kwistjoni ma tikkonċernax il-mertu. Sussegwentement, fil-punt 17 ta' l-istess deċiżjoni, il-Bord ta' l-Appell jeżamina l-ammissibbiltà ta' l-oppożizzjoni, billi huwa jikkonstata nuqqas sostantiv li jivvizzja l-Formola ppreżentata mir-rikorrenti.

35      Huwa veru li huwa ma jasalx, f'dan ir-rigward, għal konklużjoni li tiddikjara b'mod ċar l-oppożizzjoni inammissibbli. Għall-kuntrarju, fil-punt 19 in fine kif ukoll fil-punt 21 li jservi ta' konklużjoni finali għall-verżjoni tad-deċiżjoni kkontestata fil-lingwa tal-proċedimenti, il-Bord ta' l-Appell isemmi għal darbtejn ir-rifjut ta' l-oppożizzjoni "bħala infondata". Issa, f'każ ta' diskrepanza bejn il-sustanza ta' deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell u t-termini li huwa uża fil-motivazzjoni tagħha, hija l-Qorti tal-Prim'Istanza li għandha tinterpreta din id-deċiżjoni sabiex tislet il-kontenut reali tagħha.

36      F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord ta' l-Appell imkien ma jsemmi l-mertu ta' l-oppożizzjoni – jiġifieri l-kwistjoni jekk hemmx jew le, f'dan il-każ, probabbiltà ta' konfużjoni bejn is-sinjali konfliġġenti. Għandu għalhekk jiġi konkluż li, anki jekk il-formulazzjoni tal-kliem relattiv għar-rifjut ta' l-oppożizzjoni fil-kuntest tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tidher li tindika l-kuntrarju, l-oppożizzjoni tar-rikorrenti ma ġietx miċħuda bħala infondata, iżda bħala inammissibbli.

37      Għaldaqstant, l-oġġezzjoni ta' l-intervenjenti m'għandiex tiġi milqugħa.

 Fuq l-ammissibbiltà ta' l-oppożizzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

38      Ir-rikorrenti tiddikjara li l-Formola li hija ppreżentat kienet tindika espressament li l-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq trade mark preċedenti u probabbiltà ta' konfużjoni. Din l-informazzjoni tissodisfa r-rekwiżit minimu ta' motivazzjoni meħtieġ mill-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 40/94 u mir-Regola 18 tar-Regolament Nru 2868/95, billi, minn naħa, ir-raġuni għall-oppożizzjoni setgħet tiġi dedotta mill-informazzjoni nnotifikata fl-avviż ta' oppożizzjoni u, min-naħa l-oħra, din l-informazzjoni kienet tippermetti, kemm lill-applikanti kif ukoll lill-UASI, li jifhmu din ir-raġuni għall-oppożizzjoni.

39      Ir-Regola 20(3) tar-Regolament Nru 2868/95 tipprovdi wkoll b'mod ċar li n-nuqqas ta' informazzjoni dettaljata relattiva għall-fatti u għall-provi li tista' tistabbilixxi l-fondatezza ta' l-oppożizzjoni ma jikkostitwixxix raġuni għall-inammissibbiltà ta' din ta' l-aħħar.

40      L-UASI jsostni li, fil-Formola ppreżentata mir-rikorrenti, kien indikat, b'mod ċar u inekwivoku, fil-lingwa tal-proċedimenti, jiġifieri l-Ispanjol, li l-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq l-eżistenza ta' trade mark preċedenti – f'dan il-każ, reġistrazzjoni Komunitarja identifikata b'mod ċar – u fuq l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni.

41      L-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li l-oppożizzjoni għandha tiġi espressa bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet li fuqhom tkun qiegħda ssir, iżda dan ma jfissirx li għandha tinkludi, biex tkun ammissibbli, deskrizzjoni dettaljata tar-raġunijiet għaliex il-parti li tkun qed topponi tikkunsidra li r-raġuni jew ir-raġunijiet li fuqhom hija tibbaża l-oppożizzjoni tagħha jeżistu. F'dan ir-rigward, l-aħħar sentenza ta' l-Artikolu 42(3) tippreżenta s-sottomissjoni tal-fatti, provi u argumenti mill-parti li tkun qed topponi bħala sempliċi possibbiltà, ħaġa li hija kkonfermata mill-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tar-Regolament Nru 40/94.

42      L-UASI jenfasizza li din il-pożizzjoni hija wkoll konformi mal-prassi tiegħu fir-rigward tal-kwistjonijiet ta' ammissibbiltà ta' l-oppożizzjoni li huma msemmija fil-linji gwida dwar il-proċedimenti ta' oppożizzjoni.

43      L-intervenjenti ssostni li għalkemm hija dejjem ikkontestat l-oppożizzjoni fuq il-mertu biss, minn dan ma tistax tiġi dedotta aċċettazzjoni min-naħa tagħha ta' l-ammissibbiltà ta' avviż ta' oppożizzjoni miktub b'mod daqshekk imperfett.

44      Minbarra dan, skond l-intervenjenti, ir-rikorrenti ma kkonfutatx, fir-rikors tagħha, l-applikazzjoni korretta tar-Regolament Nru 40/94 mill-Bord ta' l-Appell. Ir-rikorrenti ma rrispettatx l-obbligu tagħha li tipprovdi provi u tippreżenta argumenti li jistgħu jiġġustifikaw l-oppożizzjoni tagħha, u l-allegati provi u informazzjoni li kellha d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kienu jikkonsistu biss f'referenza qasira u astratta għal "probabbiltà ta' konfużjoni" min-naħa tal-parti li kienet qed topponi fil-Formola.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

45      Ir-Regola 18 tar-Regolament Nru 2868/95, fil-verżjoni tagħha applikabbli fiż-żmien tal-fatti, tipprovdi l-kundizzjonijiet li taħthom l-UASI jista' jiċħad oppożizzjoni bħala inammissibbli. Dawn il-kundizzjonijiet huma dawn li ġejjin: in-nuqqas li jitħarsu d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 42 jew dispożizzjonijiet oħra tar-Regolamenti Nru 40/94 u 2868/95, kif ukoll in-nuqqas ta' indikazzjoni ċara ta' l-applikazzjoni għat-trade mark li kontriha saret l-oppożizzjoni jew tat-trade mark preċedenti li fuq il-bażi tagħha qiegħda ssir l-oppożizzjoni.

46      Huwa paċifiku f'din il-kawża li l-Formola ppreżentata mir-rikorrenti kienet tinkludi identifikazzjoni preċiża ta' l-applikazzjoni kkontestata kif ukoll tat-trade mark Komunitarja preċedenti invokata. Jibqa' għalhekk sabiex tiġi eżaminata l-konformità ta' l-oppożizzjoni ma' l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll mar-Regola 15 tar-Regolament Nru 2868/95.

47      Fir-rigward tar-Regola 15 tar-Regolament Nru 2868/95 fil-verżjoni tagħha applikabbli fiż-żmien tal-fatti, din ta' l-aħħar tistabbilixxi l-elementi li għandu jkun fih l-avviż ta' oppożizzjoni, maqsuma f'erbgħa gruppi li jikkonċernaw, rispettivament, l-applikazzjoni li kontriha saret l-oppożizzjoni, it-trade mark preċedenti jew dritt preċedenti li fuqu hija bbażata l-oppożizzjoni, il-parti li tkun qiegħda topponi, u r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni. Fir-rigward ta' dan l-aħħar punt, in kwistjoni f'din il-kawża, kulma huwa mitlub huwa "speċifikazzjoni" tar-raġunijiet.

48      Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li l-oppożizzjoni għandha tiġi espressa bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet li fuqhom tkun qiegħda ssir. Skond l-aħħar sentenza ta' dan l-istess paragrafu, fi żmien perijodu stabbilit mill-UASI, il-persuna li tkun qed topponi tista’ tissottometti fatti, xiehda u argumenti sabiex issaħħaħ il-każ tagħha.

49      Minn dan jirriżulta, fir-rigward ta' l-ammissibbiltà ta' l-avviż ta' oppożizzjoni, l-ewwel nett, li r-raġunijiet ta' dan ta' l-aħħar għandhom jiġu deskritti b'mod ċar u, it-tieni nett, li għandha ssir distinzjoni bejn il-kunċett ta' "motivazzjoni", min-naħa, u dak ta' "fatti, xiehda u argumenti", min-naħa l-oħra. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta' l-oppożizzjoni hija kundizzjoni neċessarja għall-ammissibbiltà tagħha, filwaqt li s-sottomissjoni ta' fatti, xiehda u argumenti hija biss, f'dan ir-rigward, fakultattiva, kif joħroġ mit-terminu "jista'" [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Ġunju 2002, Chef Revival USA vs L-UASI – Massagué Marín (Chef), T‑232/00, Ġabra p. II‑2749, punt 31].

50      Issa għandu jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjoni "l-oppożizzjoni hija bbażata fuq probabbiltà ta' konfużjoni" li r-rikorrenti daħlet fil-Formola, taħt it-Titolu "Raġunijiet għall-oppożizzjoni", kienet tikkostitwixxi deskrizzjoni perfettament ċara u preċiża tar-raġuni relattiva għal rifjut ta' reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Din l-indikazzjoni ppermettiet, b'mod partikolari, kemm lill-UASI kif ukoll lill-applikanti li jkunu jafu fuq liema raġuni kienet ibbażata l-oppożizzjoni u li jorganizzaw l-eżami tal-każ u d-difiża, rispettivament.

51      Minkejja li l-kontenut tal-formola uffiċjali ta' l-UASI ma jistax, fih innifsu, jorbot lill-Qorti tal-Prim'Istanza, l-eżami ta' dan id-dokument sempliċement jikkonferma din il-konstatazzjoni. Fil-fatt, dan id-dokument jikkontjeni, taħt it-titolu "Raġunijiet għall-oppożizzjoni", kaxxa sabiex tiġi mmarkata li ġġib in-numru 94, segwita bil-kliem "Probabbiltà ta' konfużjoni". Huwa biżżejjed għalhekk, meta timtela din il-formola, li tiġi mmarkata din il-kaxxa sabiex tiġi indikata r-raġuni għall-oppożizzjoni. F'dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-użu tal-formola uffiċjali bl-ebda mod mhuwa obbligatorju. Dan jirriżulta mir-Regola 83(6) tar-Regolament Nru 2868/95, li jippermetti l-użu ta' formoli bl-istess kontenut u format bħal dawk ta' l-UASI, bħalma huma formoli magħmula permezz tal-kompjuter. Minn dan isegwi li wieħed ma jistax ikun iktar eżiġenti, fir-rigward tal-kontenut ta' formola mhux uffiċjali, milli wieħed huwa fir-rigward tal-formola uffiċjali. L-indikazzjoni espliċita li r-rikorrenti għamlet fil-Formola tagħha hija preċiża daqs il-fatt li tiġi mmarkata l-kaxxa korrispettiva fil-formola uffiċjali.

52      Konsegwentement, l-oppożizzjoni magħmula mir-rikorrenti permezz tal-Formola kienet ammissibbli.

 Fuq il-kwistjoni jekk id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni eċċedietx il-kompetenzi tagħha billi ma ċaħditx l-oppożizzjoni bħala infondata minħabba n-nuqqas ta' traduzzjoni ta' l-Ispjegazzjoni tar-raġunijiet

 L-argumenti tal-partijiet

53      Ir-rikorrenti ssostni li, skond ir-Regola 20(3) tar-Regolament Nru 2868/95, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kellha l-fakultà li tiddeċiedi fuq l-oppożizzjoni abbażi tal-provi li kellha quddiemha. F'dan ir-rigward, hija tirrimarka li, minkejja li l-argumenti tagħha kontenuti fl-Ispjegazzjoni tar-raġunijiet ma ġewx ammessi mid-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, l-osservazzjonijiet ulterjuri tagħha ta' l-20 ta' Diċembru 2002, b'risposta għall-osservazzjonijiet ta' l-intervenjenti tal-21 ta' Ottubru 2002, ġew ammessi u kienu jagħmlu parti mill-proċess fil-mument meta d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tat id-deċiżjoni tagħha. Ir-rikorrenti tenfasizza li dan l-aħħar dokument, moqri flimkien mal-Formola, ippermetta li jiġu ċċarati u stabbiliti b'mod ċar it-termini tal-kontroversja u l-pożizzjonijiet difiżi mill-partijiet.

54      Skond l-UASI, f'dan il-każ, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kienet f'pożizzjoni li tiddeċiedi fuq l-oppożizzjoni, billi hija kellha għarfien tal-fatturi rilevanti kollha għal dan il-għan, jiġifieri l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja u l-prodotti li kontrihom saret l-oppożizzjoni, id-dritt preċedenti li fuqu kienet ibbażata l-oppożizzjoni (peress li dan kien trade mark Komunitarja), il-prodotti kkonċernati minn din ta' l-aħħar u r-raġuni invokata li kienet il-probabbiltà ta' konfużjoni.

55      L-intervenjenti ssostni li l-argumenti ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ma jistgħux jiġu kkritikati u huma konformi ma' l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 u mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

56      Fl-opinjoni tagħha, il-Formola ppreżentata mir-rikorrenti kienet ivvizzjata b'difett sostantiv billi hija llimitat ruħha li tindika bħala raġuni għall-oppożizzjoni l-"probabbiltà ta' konfużjoni", bla ebda motivazzjoni ulterjuri. Madankollu, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni eżaminat u laqgħet l-oppożizzjoni parzjalment. Billi aġixxiet b'dan il-mod, huwa kisret il-"prinċipju dispożittiv" kif ukoll il-prinċipji ta' amministrazzjoni tal-prova mill-partijiet u ta' ugwaljanza ta' l-armi [equality of arms] li jirregolaw il-proċedimenti ta' oppożizzjoni, u li huma stabbiliti fl-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94. Skond din id-dispożizzjoni, fi proċedimenti li jirrigwardaw ir-raġunijiet relattivi għal rifjut ta’ reġistrazzjoni, l-UASI ma jistax iwettaq l-eżami tal-fatti ex officio; għall-kuntrarju, l-eżami għandu jkun ristrett għall-argumenti invokati u għar-rimedji mitluba mill-partijiet, li jikkostitwixxi espressjoni tar-regola proċedurali iudex judicare debet secundum allegata et probata partibus.

57      L-intervenjenti ssostni li s-sempliċi referenza astratta għal "probabbiltà ta' konfużjoni" mhijiex biżżejjed sabiex jiġi rrispettat l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, li jqiegħed fuq il-parti li tkun qed topponi l-oneru ta' l-allegazzjonijiet u tal-prova ta' l-eżistenza effettiva tar-raġuni għall-oppożizzjoni invokata. Huwa neċessarju li jiġi allegat u ppruvat li l-fatturi determinanti tal-probabbiltà ta' konfużjoni huma preżenti f'dan il-każ. Jekk il-parti li tkun qed topponi tonqos minn dan l-obbligu, l-UASI ma jistax jirrimedja għal dan in-nuqqas; fil-fatt, huwa mhuwiex kompetenti biex iwettaq eżami ex officio, billi huwa għandu jkun imparzjali u ma jistax jaġixxi fl-istess ħin bħala mħallef u bħala parti. Dan huwa kkonfermat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-22 ta' Ottubru 2003, Éditions Albert René vs L-UASI – Trucco (Starix), T‑311/01, Ġabra p. II‑4625, punt 69, u tat-22 ta' Ġunju 2004, “Drie Mollen sinds 1818”  vs L-UASI – Nabeiro Silveria (Galáxia), T‑66/03, Ġabra p. II‑1765, punt 43]. Għalkemm ir-rikorrenti, fil-punt 51 tar-rikors, tallega li din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi estiża għall-proċedimenti ta' oppożizzjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet espressament l-oppost fil-punti 43 u 44 tas-sentenza Galáxia

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

58      Huwa paċifiku, f'din il-kawża, li l-Formola ppreżentata quddiem l-UASI mir-rikorrenti kienet tikkontjeni, taħt it-Titolu "Raġunijiet għall-oppożizzjoni", is-sempliċi referenza għal "Probabbiltà ta' konfużjoni", u li l-Ispjegazzjoni tar-raġunijiet, miktuba bl-Ingliż, ma setgħetx tittieħed in kunsiderazzjoni mid-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni. Il-kwistjoni jekk id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni setgħetx, f'dawn iċ-ċirkustanzi, leġittimament teżamina l-mertu ta' l-oppożizzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl ta' l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, li jipprovdi li fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-eżami għandu jkun ristrett għall-fatti, provi u argumenti ppreżentati mill-partijiet u għar-rimedji mitluba, u tar-Regola 20(3) tar-Regolament Nru 2868/95, li tispeċifika, fil-verżjoni tagħha applikabbli fiż-żmien tal-fatti, li jekk l-applikant ma jippreżenta l-ebda osservazzjoni, l-UASI jista’ jieħu deċiżjoni fuq l-oppożizzjoni fuq il-bażi tal-provi quddiemu.

59      Madankollu, il-Qorti tal-Prim'Istanza diġà iddeċidiet li, fi proċedimenti dwar raġunijiet relattivi għal rifjut, skond it-termini stess ta' l-Artikolu 74(1), in fine, tar-Regolament Nru 40/94, l-eżami ta' l-UASI għandu jkun ristrett għall-fatti, provi u argumenti ppreżentati mill-partijiet u għar-rimedji mitluba. Għalhekk, il-Bord ta' l-Appell, meta jiddeċiedi fuq appell kontra deċiżjoni li ttemm proċedimenti ta' oppożizzjoni, jista' jibbaża d-deċiżjoni tiegħu biss fuq ir-raġunijiet relattivi għal rifjut li l-parti kkonċernata invokat u fuq il-fatti u l-provi relattivi ppreżentati mill-partijiet. Il-kriterji ta' applikazzjoni ta' raġuni relattiva għal rifjut jew ta' kull dispożizzjoni oħra invokati in sostenn tat-talbiet magħmula mill-partijiet jagħmlu naturalment parti mill-elementi ta' dritt imressqa għall-eżami ta' l-UASI [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-1 ta' Frar 2005, SPAG vs L-UASI – Dann u Backer (HOOLIGAN), T‑57/03, Ġabra p. II‑287, punt 21, u l-ġurisprudenza ċċitata].

60      Għaldaqstant hemm lok li jiġi eżaminat, l-ewwel nett, jekk id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni effettivament illimitatx ruħha li teżamina l-fatti, provi u argumenti ppreżentati mill-partijiet u r-rimedji mitluba u, it-tieni nett, jekk il-provi li hija kellha quddiemha meta wettqet dan l-eżami kinux biżżejjed sabiex jiġġustifikaw id-deċiżjoni tagħha li tilqa' l-oppożizzjoni parzjalment.

61      L-ewwel nett, fir-rigward tal-fatti, provi u argumenti ppreżentati u r-rimedji mitluba, diġà ġie kkonstatat (ara l-punti 46 u 50 iktar 'il fuq) li l-Formola ppreżentata mir-rikorrenti quddiem l-UASI kienet tindika b'mod ċar li hija kellha l-intenzjoni tippreżenta oppożizzjoni kontra l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja in kwistjoni u li għal dan il-għan hija kienet qed tinvoka probabbiltà ta' konfużjoni. Għaldaqstant, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni la eċċediet ir-rimedju u lanqas il-fatti, provi u argumenti ppreżentati mir-rikorrenti; għalhekk, hija rrispettat il-kuntest tal-kawża kif iddefinit mir-rikorrenti.

62      It-tieni nett, fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-provi kinux suffiċjenti, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni setgħet leġittimament tiġi adottata abbażi tal-provi li din ta' l-aħħar kellha quddiemha fil-mument ta' l-adozzjoni tagħha. Fil-fatt, eżami ta' din id-deċiżjoni juri li l-informazzjoni fattwali kollha li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni bbażat ruħha fuqha kienet għad-dispożizzjoni tagħha mingħajr ma kien neċessarju li hija tirrikorri għall-Ispjegazzjoni tar-raġunijiet miktuba bl-Ingliż, li fir-rigward tagħha l-imsemmija deċiżjoni tikkonstata espressament li din ma setgħetx tittieħed in kunsiderazzjoni. L-evalwazzjoni tal-fondatezza ta' l-oppożizzjoni, li tikkonsisti f'eżami tal-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u t-trade mark preċedenti, tinsab fil-paġni 5 sa 8 tad-deċiżjoni.

63      L-ewwel nett, fir-rigward tal-paragun tal-prodotti kkonċernati, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tikkonstata li l-prodotti kkonċernati mill-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja li jaqgħu fil-klassijiet 29 u 31 huma wkoll koperti bit-trade mark preċedenti, b'eċċezzjoni waħda, li madankollu tirrigwarda prodott simili ħafna għal prodott kopert bit-trade mark preċedenti. Bl-istess mod, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tikkunsidra, għal xi wħud mill-prodotti fil-klassi 30 indikati fl-applikazzjoni għal trade mark, li dawn jew jippreżentaw ċertu grad ta' xebh mal-prodotti koperti bit-trade mark preċedenti, jew jifformaw grupp ta' prodotti li jinkludi tali prodotti jew saħansitra huma identiċi għalihom. Fir-rigward tal-prodotti l-oħra fil-klassi 30, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tikkonstata li dawn huma differenti minn dawk koperti bit-trade mark preċedenti.

64      It-tieni nett, fir-rigward tal-paragun tas-sinjali in kwistjoni, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, filwaqt li tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f'dan ir-rigward (sentenza tal-11 ta' Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 23), twettaq eżami tax-xebh fuq il-livell tas-smigħ, viżiv u kunċettwali taż-żewġ trade marks. Hija tikkonstata, b'mod partikolari, ċertu grad ta' xebh fonetiku u xebh viżiv bejn iż-żewġ trade marks, filwaqt li tikkunsidra li paragun kunċettwali tas-sinjali mhuwiex possibbli, billi l-kelma "calvo" għandha tifsira biss fil-lingwa Spanjola (qargħi), filwaqt li l-kelma "calavo" tkun ipperċepita, fil-lingwi Komunitarji kollha, bħala trade mark ivvintata.

65      Id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tikkonkludi billi tikkunsidra li s-sinjali konfliġġenti jixxiebhu viżwalment bi grad baxx ta' xebħ fuq il-livell tas-smigħ fil-kuntest ta' evalwazzjoni globali, filwaqt li distinzjoni fuq il-pjan kunċettwali hija possibbli biss għall-konsumatur Spanjol, u li teżisti identiċità jew xebh bejn uħud mill-prodotti li għalihom hija rreġistrata t-trade mark Komunitarja u dawk indikati fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja li jaqgħu fil-klassijiet 29, 30 u 31. Minbarra dan, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tikkonstata li l-prodotti kkonċernati huma prodotti ta' konsum ta' kuljum li fl-akkwist tagħhom il-konsumatur ma jagħtix attenzjoni partikolarment għolja. Fuq il-bażi ta' dawn il-konstatazzjonijiet, hija tikkunsidra li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni, li tinkludi l-probabbiltà ta' assoċazzjoni, fir-rigward ta' l-imsemmija prodotti identiċi jew simili.

66      Għandu jiġi kkonstatat li dan l-eżami, li l-fondatezza tiegħu mhijiex, barra minn hekk, ikkontestata mill-intervenjenti, jidħol strettament fil-kuntest ta' dak li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kienet obbligata teżamina b'risposta għat-talba tar-rikorrenti, jiġifieri l-probabbiltà ta' konfużjoni. Dan l-eżami seta' jitwettaq biss fuq il-bażi ta' paragun tas-sinjali in kwistjoni u tal-prodotti kkonċernati. Issa l-informazzjoni kollha relattiva għal dawn iż-żewġ kriterji kienet ikkontenuta fl-applikazzjoni għal trade mark, fir-reġistrazzjoni tat-trade mark preċedenti u fil-Formola, mingħajr ma kien hemm bżonn li wieħed jirrikorri għall-Ispjegazzjoni tar-raġunijiet tar-rikorrenti, u lanqas għal sorsi oħra ta' informazzjoni.

67      F'dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn il-każ preżenti u dawk tal-kawzi li taw lok għas-sentenzi Starix u Galáxia, iċċitati iktar 'il fuq, invokati mill-Bord ta' l-Appell fid-deċiżjoni kkontestata u mill-intervenjenti fir-risposta tagħha. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 64 tas-sentenza Starix, kif ukoll mill-punt 38 tas-sentenza Galáxia, ir-rikorrenti f'dawn iż-żewġ kawżi sostnew, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti (Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94). Għalkemm ir-rikorrenti f'dawn iż-żewġ kawżi kienu semmew ir-reputazzjoni tat-trade marks rispettivi tagħhom fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem l-UASI, din ir-referenza kienet madankollu saret inċidentalment, fil-kuntest ta' argumenti ffokati fuq l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, għall-finijiet li tiġi sostanzjata l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni, mingħajr ma ġie invokat l-Artikolu 8(5) ta' l-imsemmi Regolament (sentenzi Starix, punt 68, u Galaxia, punt 41), u, fil-każ li ta lok għas-sentenza Starix, bla ma tressqet ebda prova tar-reputazzjoni (sentenza Starix, punt 12). F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet l-ilment, imqajjem mir-rikorrenti f'dawn iż-żewġ kawżi, li skondu l-Bord ta' l-Appell kellu jeżamina l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, li ma kienx ġie invokat minnhom. Min-naħa l-oħra, f'din il-kawża, kif ġie kkonstatat iktar 'il fuq, mhux biss ir-raġuni bbażata fuq l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 kien ġie invokat b'mod ċar mir-rikorrenti matul il-proċedimenti quddiem l-UASI, iżda saħansitra dan ta' l-aħħar kellu għad-dispożizzjoni tiegħu l-informazzjoni fattwali kollha sabiex ikun jista' jeżamina l-fondatezza ta' l-imsemmija raġuni.

68      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni m'eċċedietx il-kompetenzi tagħha meta ma ċaħditx l-oppożizzjoni tar-rikorrenti bħala infondata minħabba n-nuqqas ta' traduzzjoni ta' l-Ispjegazzjoni tar-raġunijiet. Għaldaqstant, l-Ewwel Bord ta' l-Appell wettaq żball ta' liġi meta annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni u meta ċaħad l-oppożizzjoni bħala infondata.

69      Minn dan isegwi li r-raġuni waħdanija tar-rikorrenti għandha tiġi milqugħa u li għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 42(3) u l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, moqrija flimkien mar-Regola 20(3) tar-Regolament Nru 2868/95.

 Fuq l-ispejjeż

70      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-UASI tilef, billi d-deċiżjoni kkontestata hija annullata, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż tar-rikorrenti, kif mitlub minn din ta' l-aħħar. Peress li l-intervenjenti tilfet, hija għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Id-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tat-8 ta' Novembru 2004 (Każ R 159/2004-1) hija annullata.

2)      L-UASI għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrenti.

3)      L-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Pirrung

Meij

Pelikánová

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta' Jannar 2007.

Reġistratur

 

       President

E. Coulon

 

      J. Pirrung


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.