Language of document :

Appell ippreżentat fil-15 ta' Settembru 2009 minn ISD Polska sp. z o.o., Industrial Union of Donbass Corporation, ISD Polska sp. z o.o. (li qabel kienet Majątek Hutniczy sp. z o.o.) mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tmien Awla) mogħtija fl-1 ta' Lulju 2009 fil-Kawżi magħquda T-273/06 u T-297/06, ISD Polska et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-369/09 P)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: ISD Polska sp. z o.o., Industrial Union of Donbass Corporation, ISD Polska sp. z o.o. (li qabel kienet Majątek Hutniczy sp. z o.o.) (rappreżentanti: C. Rapin, E. Van den Haute, avukati)

Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tal-appellanti

tiddikjara dan l-appell ammissibbli;

tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (It-Tmien Awla), tal-1 ta' Lulju 2009, fil-Kawżi magħquda T-273/06 u T-297/06;

tilqa' totalment, sussidjarjament parzjalment, it-talbiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej fil-Kawżi magħquda T-273/06 u T-297/06;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha;

fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li m'hemmx lok li tingħata deċiżjoni, tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 69(6) u tal-Artikolu 72(a) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti jressqu tliet aggravji insostenn tal-appell tagħhom.

Permezz tal-ewwel aggravju, l-appellanti jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza li skontha l-Protokoll Nru 8 dwar ir-ristrutturar tal-industrija tal-azzar Pollakka, anness mal-Att ta' adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja mal-Komunitajiet Ewropej1, jistabbilixxi, fil-punt 6 tiegħu, applikazzjoni retroattiva tad-dispożizzjonijiet tiegħu. Fil-fatt, skont l-appellanti, ebda effett retroattiv ma jista' jiġi dedott mit-termini, mill-iskop jew mill-istruttura ta' din id-dispożizzjoni, li hija llimitata biex tippreċiża li l-impriżi elenkati fl-Anness 1 tal-protokoll iċċitat iktar 'il fuq jistgħu jibbenifikaw minn għajnuna, taħt ċertu limiti, waqt il-perijodu bejn l-1997 u l-2003. Fi kliem ieħor, din id-dispożizzjoni tfisser li l-kalkolu tal-għajnuna li setgħet tiġi attribwita lill-impriżi benefiċjarji sat-tmiem tas-sena 2003 kellu jsir billi retroattivament jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ammonti tal-għajnuna diġà mogħtija, iżda mhux billi jiġu kkunsidrata illegali retroattivament l-istanzi ta' għajnuna mogħtija. Din l-interpretazzjoni hija barra minn hekk ikkonfermata kemm mill-Kummissjoni u kif ukoll mill-Kunsill li, il-Kummissjoni f'proposta ta' deċiżjoni, il-Kunsill f'deċiżjoni, ikkonstataw li l-impenji meħuda fil-Protokoll Nru 8 kienu ġew irrispettati.

Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball ta' liġi meta ddeċidiet, minn naħa, li l-impriżi benefiċjarji ta' għajnuna ma jistgħux, bħala prinċipju, ikollhom aspettativi leġittimi fir-regolarità ta' din l-għajnuna ħlief jekk din tkun ingħatat bl-osservanza tal-proċedura prevista mill-Artikolu 88 KE u, min-naħa l-oħra, li l-proċeduri previsti mill-Protokoll (Nru 2) dwar il-prodotti KEFA tal-Ftehim Ewropew, tas-16 ta' Diċembru 19912, li permezz tagħhom il-Kummissjoni u l-Kunsill saru jafu bl-għajnuna kkontestata, ma setgħux joħolqu aspettativi leġittimi għall-appellanti. Fil-fatt huwa paċifiku li l-ebda notifika formali tal-għajnuna kkontestata ma setgħet isseħħ abbażi tal-Artikolu 88 KE peress li r-Repubblika tal-Polonja ma kinitx, dak iż-żmien, membru tal-Unjoni Ewropea u li l-Kummissjoni kienet informata bl-eżistenza ta' din l-għajnuna u qieset, wara l-eżami tal-programm tar-ristrutturazzjoni Pollakk u tal-pjaniiet tal-impriżi ppreżentati f'dan il-kuntest, li dawn kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 8(4) tal-Protokoll Nru 2 tal-Ftehim ta' assoċjazzjoni u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Protokoll Nru 8 anness mal-Att ta' adeżjoni.

Permezz tat-tielet u l-aħħar aggravju, l-appellanti jinvokaw finalment ksur tar-Regolamenti (KE) Nru 659/19993 u (KE) Nru 794/20044. Fil-fatt, skont dawn tal-aħħar, mhuwiex suffiċjenti li r-rata tal-interessi applikabbli għall-irkupru ta' għajnuna kkontestata tkun stabbiliti b'kooperazzjoni stretta mal-Istat Membru kkonċernat sabiex din ir-rata tkun ikkunsidrata bħala rata "xierqa" fis-sens tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament KE Nru 659/1999. In-natura "xierqa" tar-rata tal-interessi applikabbli għall-irkupru ta' għajnuna mill-Istat hija kunċett sostantiv indipendenti mill-proċedura li l-Kummissjoni għandha ssegwi f'każijiet eċċezzjonali fejn hija tistabilixxi din ir-rata b'kooperazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat.

____________

1 - ĠU 2003, L 236, p. 948.

2 - Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Polonja, min-naħa l-oħra (ĠU 1993, L 348, p. 2).

3 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KEE [li sar l-Artikolu 88 KE] (ĠU L 83, p. 1).

4 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (ĠU L 140, p. 1).