Language of document : ECLI:EU:C:2012:141

Kawża C-162/10

Phonographic Performance (Ireland) Limited

vs

L-Irlanda u Attorney General

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (Commercial Division) (l-Irlanda))

“Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Direttiva 2006/115/KE — Artikoli 8 u 10 — Kunċett ta’ ‘utent’ u ta’ ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ — Xandir ta’ fonogrammi permezz ta’ apparat tat-televiżjoni u/jew tar-radju installat fil-kmamar ta’ lukandi”

Sommarju tas-sentenza

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet ― Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati —Direttiva 2006/115 ― Dritt ta’ kiri u ta’ self ta’ xogħlijiet protetti ― Xandir bir-radju u komunikazzjoni lill-pubbliku ― Utent li jwettaq att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ― Kunċett

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/115, Artikolu 8(2))

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet ― Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ― Direttiva 2006/115 ― Dritt ta’ kiri u ta’ self ta’ xogħlijiet protetti ― Xandir bir-radju u komunikazzjoni lill-pubbliku ― Remunerazzjoni ekwa

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/115, Artikolu 8(2))

3.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet ― Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ― Direttiva 2006/115 ― Dritt ta’ kiri u ta’ self ta’ xogħlijiet protetti ― Xandir bir-radju u komunikazzjoni lill-pubbliku ― Utent li jwettaq att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ― Kunċett

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/115, Artikolu 8(2))

4.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet ― Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ― Direttiva 2006/115 ― Dritt ta’ kiri u ta’ self ta’ xogħlijiet protetti ― Xandir bir-radju u komunikazzjoni lill-pubbliku ― Remunerazzjoni ekwa ― Limiti ― Użu privat

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/115, Artikoli 8(2) u 10(1))

1.        L-operatur ta’ lukanda li jipprovdi, fil-kmamar tal-klijenti tiegħu, settijiet tat-televiżjoni u/jew tar-radju li lilhom jibgħat sinjal ta’ xandir huwa utent li jwettaq att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ fonogramma mxandra, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali.

Għalkemm jinsabu ġewwa ż-żona ta’ kopertura tas-sinjal trasportatur ta’ fonogrammi, il-klijenti ta’ tali lukanda ma jkunux jistgħu jgawdu fonogrammi tagħhom, fil-fatt, jekk mhux permezz tal-intervent deliberat ta’ dan l-operatur. Ir-rwol tiegħu huwa għaldaqstant essenzjali. Sussegwentement, il-klijenti ta’ tali stabbiliment jikkostitwixxu numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali, sa fejn l-aċċess ta’ dawn il-klijenti għas-servizzi tal-imsemmi stabbiliment jirriżulta, bħala prinċipju, mill-għażla stess ta’ kull wieħed minnhom u hija limitata biss minn kemm kapaċi jiġu ospitati persuni fl-istabbiliment inkwistjoni. Għaldaqstant, f’każ bħal dan, huwa “persuni b’mod ġenerali”. Barra minn hekk, il-klijenti ta’ lukanda jikkostitwixxu numru pjuttost kbir ta’ persuni, hekk li dawn għandhom jiġu kkunsidrati bħala pubbliku. Fl-aħħar nett, il-klijent ta’ lukanda jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “fil-mira” u “reċettivi”. Fil-fatt, l-att magħmul mill-operatur ta’ lukanda, intiż li jipprovdi aċċess għax-xogħol imxandar lill-klijenti tiegħu, jikkostitwixxi servizz addizzjonali li jinfluwenza l-pożizzjoni ta’ dan l-istabbiliment u, għaldaqstant, il-prezz tal-kmamar. Barra minn hekk, jista’ jattira klijenti addizzjonali interessati minn dan is-servizz supplimentari. Minn dan isegwi li x-xandir ta’ fonogrammi mill-operatur ta’ lukanda għandu natura lukrattiva.

(ara l-punti 40-45, 47 u d-dispożittiv 1)

2.        L-operatur ta’ lukanda li jipprovdi, fil-kmamar tal-klijenti tiegħu, settijiet tat-televiżjoni u/jew tar-radju li lilhom jagħti sinjal ta’ xandir għandu jħallas remunerazzjoni ekwa skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali għax-xandir ta’ fonogramma mxandra, minbarra dik imħallsa mix-xandar.

Fil-fatt, meta l-operatur ta’ lukanda jikkomunika fonogramma mxandra fil-kmamar tal-klijenti tiegħu, huwa juża din il-fonogramma b’mod awtonomu u jittrażmettiha lil pubbliku distint u supplimentari għal dak kopert mill-att ta’ komunikazzjoni oriġinali. Barra minn hekk, għal din it-trażmissjoni, l-imsemmi operatur jieħu l-benefiċċji ekonomiċi li huma indipendenti minn dawk miksuba mix-xandar jew mill-produttur ta’ fonogrammi.

Billi uża t-terminu “unika” fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jenfasizza li l-Istati Membri ma humiex marbuta li jipprovdu li l-utent iħallas diversi remunerazzjonijiet distinti għall-istess att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, għalkemm din ir-remunerazzjoni unika hija, kif jirriżulta kjarament mit-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, maqsuma fost il-benefiċjarji differenti tar-remunerazzjoni ekwa li huma l-artisti li jinterpretaw u li jeżegwixxu u l-produtturi ta’ fonogrammi. Dwar il-konġunzjoni “jew”, li tinsab fil-frażi “għal kull komunikazzjoni lill-pubbliku b’mezzi mingħajr fili jew għal kull komunikazzjoni lill-pubbliku”, din għandha tiġi interpretata fis-sens li remunerazzjoni hija dovuta kemm fil-każ ta’ xandir kif ukoll f’dak ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku.

(ara l-punti 51, 54, 55, u d-dispożittiv 2)

3.        L-operatur ta’ lukanda li jipprovdi, fil-kmamar tal-klijenti tiegħu, mhux settijiet tat-televiżjoni u/jew tar-radju li lilhom jibgħat sinjal ta’ xandir, iżda mezz ieħor kif ukoll fonogrammi f’forma fiżika jew diġitali li jistgħu jixxandru jew jinstemgħu permezz ta’ dan il-mezz, huwa utent li jwettaq att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ fonogramma, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali. Għaldaqstant huwa obbligat li jħallas “remunerazzjoni ekwa” taħt din id-dispożizzjoni għat-trażmissjoni tal-imsemmija fonogrammi.

(ara l-punt 69 u d-dispożittiv 3)

4.        L-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva 2006/115, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, li jipprovdi limitazzjoni fuq id-dritt għal remunerazzjoni ekwa previst fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, meta jirrigwarda użu privat, ma jippermettix lill-Istati Membri sabiex jeżentaw lill-operatur ta’ lukanda milli jwettaq att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ fonogramma fis-sens tal-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva, mill-obbligu li jħallas tali remunerazzjoni.

F’dan ir-rigward, ma hijiex in-natura privata jew in-nuqqas tal-użu tax-xogħol mill-klijenti ta’ lukanda li huwa rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk l-operatur ta’ tali stabbiliment jistax jibbaża ruħu fuq il-limitazzjoni bbażata fuq “użu privat” fis-sens tal-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva 2006/115, iżda n-natura privata jew le tal-użu li jagħmel mix-xogħol dan l-operatur stess.

(ara l-punti 71, 77 u d-dispożittiv 4)