Language of document : ECLI:EU:T:2011:716

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

7 ta’ Diċembru 2011(*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi adottati kontra l-Iran bħala prevenzjoni mill-proliferazzjoni nukleari – Iffriżar ta’ fondi – Rikors għal annullament – Obbligu ta’ motivazzjoni – Proċedura fil-kontumaċja – Talba għal intervent – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

Fil-Kawża T‑562/10,

HTTS Hanseatic Trade Trust & Shipping GmbH, stabbilita f’Hamburg (il‑Ġermanja), irrappreżentata minn J. Kienzle u M. Schlingmann, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop u Z. Kupčová, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 281, p. 1), sa fejn jikkonċerna r-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, K. Jürimäe u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku u l-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, HTTS Hanseatic Trade Trust & Shipping GmbH, hija kumpannija Ġermaniża attiva bħala aġent marittimu u amministratur tekniku ta’ bastimenti. Hija tipprovdi servizzi, b’mod partikolari, lill-kumpannija ta’ trasport marittimu tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran (iktar ‘’l quddiem l-“IRISL”).

 Miżuri restrittivi adottati kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran

2        Din il-kawża tidħol fil-kuntest tal-miżuri restrittivi li ġew introdotti sabiex issir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex ittemm l‑attivitajiet nukleari li jippreżentaw riskju ta’ proliferazzjoni u ttemm l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ kunsinna ta’ armi nukleari (iktar ’il quddiem, il-“proliferazzjoni nukleari”).

3        Fi ħdan l-Unjoni Ewropea, ġew adottati l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2007/140/PESK, tas-27 ta’ Frar 2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 4M, p. 15), u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007, tad-19 ta’ April 2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 335M, p. 969).

4        L-Artikolu 5(1)(b) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140 kien jipprovdi għall-iffriżar tal-fondi kollha u tar-riżorsi ekonomiċi kollha ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni u ta’ entitajiet. Il-lista ta’ dawn il-persuni u entitajiet kienet tinsab fl-Anness II tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140.

5        Sa fejn kienu kkonċernati l-kompetenzi tal-Komunità Ewropea, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 kien jipprovdi għall-iffriżar tal-fondi tal-persuni, tal-entitajiet jew tal-korpi li huma rikonoxxuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bħala parteċipi fil-proliferazzjoni nukleari skont l-Artikolu 5(1)(b) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140. Il-lista ta’ dawn il-persuni, ta’ dawn l-entitajiet u ta’ dawn il-korpi li għalihom tapplika miżura ta’ ffriżar tal-fondi skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 kienet tifforma l-Anness V ta’ dan l-istess test.

6        Il-Pożizzjoni Komuni 2007/140 tħassret bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39).

7        L-Artikolu 20(1) tad-Deċiżjoni 2010/413, jipprovdi għall-iffriżar tal-fondi ta’ numru ta’ kategoriji ta’ entitajiet. Din id-dispożizzjoni tikkonċerna, b’mod partikolari, il-“persuni u entitajiet […] li jkunu impenjati fi, assoċjati direttament ma’, jew jipprovdu appoġġ [għall-proliferazzjoni nukleari] jew persuni jew entitajiet ta’ proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom, inkluż permezz ta’ mezzi illeċti, […] u […] entitajiet oħra tal-IRISL u entitajiet ta’ proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom jew li jaġixxu f’isimhom, kif elenkati fl-Anness II”.

8        Ir-Regolament Nru 423/2007 tħassar bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 281, p. 1).

9        Skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 961/2010:

“2.      Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma l-proprjetà ta’, huma miżmuma jew huma kkontrollati mill-persuni, [mil]l-entitajiet u [mil]l-korpi elenkati fl-Anness VII għandhom ikunu ffriżati. L-Anness VIII għandu jinkludi l-persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi, mhux koperti mill-Anness VII, li f’konformità mal-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill [2010/413] ġew identifikati li:

(a) huma impenjati, huma direttament assoċjati ma’, jew jipprovdu apoġġ għal[l-proliferazzjoni] nukleari […] jew ikkontrollati minn, tali persuna, entità jew korp, inkluż permezz ta’ mezzi illeċiti, jew li jaġixxu f’isimhom jew taħt it-tmexxija tagħhom;

[…]

(d) huma persuna ġuridika, entità jew korp li huwa proprjetà ta’ jew ikkontrollat mill-[IRISL].”

10      Skont l-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 961/2010:

“2.      Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jissoġġetta persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għall-miżuri msemmija fl-Artikoli 16(2), huwa għandu jamenda l-Anness VIII kif adatt.

3.      Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmi fil-[paragrafu 2], jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, u b’hekk tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

4.      Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernat kif adatt.”

 Miżuri restrittivi li jikkonċernaw lir-rikorrenti

11      Sa mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/413, fis-26 ta’ Lulju 2010, isem ir-rikorrenti ġie inkluż mill-Kunsill fil-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li jinsabu fit-tabella III tal-Anness II tal-imsemmija deċiżjoni.

12      Konsegwentement, isem ir-rikorrenti ġie inkluż fil-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li jinsabu fit-tabella III tal-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007 permezz tar-Regolament ta’ implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010, tas-26 ta’ Lulju 2010, li jimplementa l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 (ĠU L 195, p. 25). L-adozzjoni tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 668/2010 kellha bħala konsegwenza l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrenti.

13      Kemm fid-Deċiżjoni 2010/413 kif ukoll fir-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 668/2010, il-Kunsill uża l-kliem li ġġejjin “Jaġixxi f’isem [Hafize Darya Shipping Lines (HDSL)] fl-Ewropa”.

14      Il-Kunsill informa lir-rikorrenti dwar l-inklużjoni ta’ isimha fil-lista ta’ persuni, ta’ entitajiet u ta’ korpi li jinsasbu fit-tabella III tal-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007 permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Lulju 2010. Huwa ma tax raġunijiet oħra minbarra dawk li jinsabu fir-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 668/2010.

15      Permezz ta’ ittri tal-10 u tat-13 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti talbet lill-Kunsill sabiex iwettaq eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni li tinkludiha fil-lista ta’ persuni, ta’ entitajiet u ta’ korpi li jinsabu fit-tabella III tal-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007.

16      Peress li r-Regolament Nru 423/2007 tħassar permezz tar-Regolament Nru 961/2010, isem ir-rikorrenti ġie inkluż mill-Kunsill fil-punt 26(ċ) tat-tabella B tal-Anness VIII ta’ dan l-aħħar regolament. B’hekk il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrenti huma ffriżati skont l-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-regolament.

17      Il-punt 26 tat-tabella B tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010 jikkonċerna l-IRISL. Fir-rigward tal-inklużjoni tar-rikorrenti, il-Kunsill uża l-kliem li ġejjin: “Ikkontrollata u/jew taġixxi f’isem l-IRISL”.

18      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill wieġeb l-ittri tar-rikorrenti tal‑10 u tat-13 ta’ Settembru 2010 billi indika li, wara eżami mill-ġdid, kien qiegħed jiċħad it-talba tar-rikorrenti sabiex isimha jitneħħa mil-lista ta’ persuni, ta’ entitajiet u ta’ korpi li jinsabu fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010 (iktar ’il quddiem il-“lista kontenzjuża”). Huwa speċifika, f’dan ir-rigward, li, sa fejn il-proċess ma kellux elementi ġodda li jiġġustifikaw bidla fil-pożizzjoni tagħha, ir-rikorrenti kellha tkompli tkun suġġetta għall-miżuri restrittivi pprovduti mill-imsemmi regolament.

19      Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Novembru 2010, ir-rikorrenti talbet lill-Kunsill jippreżentalha l-provi li jissostanzjaw l-inklużjoni ta’ isimha fil-lista kontenzjuża. Il-Kunsill ma weġibx din l-ittra qabel il-preżentata tar-rikors.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

20      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Diċembru 2010, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors. Ir-rikors ġie nnotifikat lill-Kunsill fid-29 ta’ Diċembru 2010.

21      Il-Kunsill ippreżenta risposta fl-14 ta’ Marzu 2011.

22      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Marzu u fl‑4 ta’ April 2007, il‑Kummissjoni Ewropea u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbu li jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

23      Peress li r-risposta ġiet ippreżentata barra mit-terminu previst fl-Artikolu 46(1), l-Artikolu 101(1) u l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fid-29 ta’ Marzu 2011, din tal-aħħar talbet lir-rikorrenti l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-iżvolġiment tal-proċedura. B’sottomissjoni bil-miktub tal-31 ta’ Marzu 2011, ir-rikorrenti talbet sabiex il-Qorti Ġenerali tilqa’ t-talbiet tagħha fil-kontumaċja, skont l-Artikolu 122(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

24      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-Regolament Nru 961/2010 sa fejn dan jikkonċernha;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq it-talbiet għal intervent

25      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, it-talbiet fir-rikors għal intervent jistgħu jkollhom biss bħala suġġett is-sostenn tat-talbiet ta’ waħda mill-partijiet.

26      F’dan il-każ, il-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jitolbu jintevjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

27      Issa, ġie kkonstatat fil-punt 23 iktar ’il fuq li l-Kunsill ma kienx ippreżenta risposta fit-terminu previst. F’dan is-sens, huwa lanqas ma ppreżenta talbiet li insostenn tagħhom jistgħu jintervjenu l-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għal intervent ippreżentati mill-Kummissjoni u mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

 Fuq il-mertu

29      Skont l-Artikolu 122(2) tar-Regoli tal-Proċedura, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika jekk it-talbiet tar-rikorrenti jidhrux fondati.

30      Sabiex tissostanzja t-talbiet tagħha, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, sitt motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, u b’mod partikolari d-dritt tagħha li tinstema’. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 961/2010. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għar-rispett tal-proprjetà. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

31      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-motivazzjoni tal-inklużjoni ta’ isimha fil-lista kontenzjuża pprovduta mill-Kunsill hija insuffiċjenti u kontradittorja.

32      L-obbligu li tingħata motivazzjoni għal att li jikkawża preġudizzju, kif previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u, b’mod iktar speċifiku f’dan il-każ, fl-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 961/2010, għandu bħala għan, minn naħa, li jipprovdi lill-parti kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex din tkun taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk jistax ikun ivvizzjat b’difett li abbażi tiegħu tkun tista’ tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermettilha teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità ta’ dan l-att. L-obbligu ta’ motivazzjoni, stabbilit b’dan il-mod jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad-dritt tal-Unjoni li jista’ jiġi dderogat biss minħabba kunsiderazzjonijiet imperattivi. Għaldaqstant, bħala regola ġenerali, il-motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin bħall-att li jikkawżalha preġudizzju, u n-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi rregolarizzat mill-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf il-motivi tal-att matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, T‑228/02, Ġabra p. II‑4665, iktar ’il quddiem is-“sentenza OMPI” punti 138 u 139, u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Għaldaqstant, sakemm kunsiderazzjonijiet imperattivi li jolqtu s-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom ma jipprekludux il-komunikazzjoni ta’ ċerti elementi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, punt 342), il-Kunsill għandu l-obbligu, skont l-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 961/2010, li jgħarraf lill-entità kkonċernata minn miżura adottata skont l-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-regolament bir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom huwa jqis li din id-dispożizzjoni hija applikabbli għall-persuna kkonċernata. B’hekk għandu jsemmi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li minnhom tiddependi l-ġustifikazzjoni legali tal-miżura u l-kunsiderazzjonijiet li wassluh jadottaha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza OMPI, punt 32 iktar ’il fuq, punt 143, u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Barra minn hekk, il-motivazzjoni għandha tkun adatta għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih ikun ġie adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament jew individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-kliem tagħha iżda anki fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha (ara s-sentenza OMPI, punt 32 iktar ’il fuq, punt 141, u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li l-elementi ta’ motivazzjoni pprovduti mill-Kunsill, minn naħa, fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010 u, min-naħa l-oħra, fl-ittra tiegħu tat-28 ta’ Ottubru 2010, huma prima facie kontradittorji. Fil-fatt, filwaqt li l-imsemmija ittra tirreferi għal eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti u għal nuqqas ta’ elementi ġodda li jiġġustifikaw il-bidla fil-pożizzjoni tal-Kunsill, il-motivazzjoni pprovduta fl-Anness VIII ta’ dan ir-regolament hija differenti minn dik ikkunsidrata preċedentement fil-konfront tar-rikorrenti fir-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 668/2010. Għaldaqstant ma jidhirx b’mod ċar jekk l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-lista kontenzjuża hijiex dovuta għaż-żamma taċ-ċirkustanzi kkunsidrati fir-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 668/2010, jiġifieri r-rabtiet bejn ir-rikorrenti u HDSL, jew għal ċirkustanzi ġodda, jiġifieri r-rabtiet diretti bejn ir-rikorrenti u l-IRISL.

36      Barra minn hekk, irrispettivament miċ-ċirkustanzi effettivament ikkunsidrati mill-Kunsill sabiex jiġġustifika l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-lista kontenzjuża, il-motivazzjoni pprovduta minnu ma hijiex suffiċjenti fir-rigward tar-regoli esposti fil-punti 32 sa 34 iktar ’il fuq.

37      Minn naħa, li kieku kellu jitqies li l-Kunsill ibbaża ruħu fuq ir-rabtiet bejn ir-rikorrenti u HDSL, la l-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010 u lanqas l-ittra tal-Kunsill tat-28 ta’ Ottubru 2010 ma jippermettu li jiġu evalwati r-raġunijiet li għalihom il-Kunsill ikkunsidra li l-elementi esposti mir-rikorrenti fl-ittri tagħha tal-10 u tat-13 ta’ Settembru 2010, b’mod partikolari dwar in-natura tal-attivitajiet tagħha u l-awtonomija tagħha meta mqabbla ma’ HDSL u mal-IRISL, ma kinux tali li jbiddlu l-pożizzjoni tiegħu fir-rigward taż-żamma tal-miżuri restrittivi fil-konfront tagħha.

38      Min-naħa l-oħra, li kieku kellu jitqies li l-Kunsill ibbaża ruħu fuq ir-rabtiet diretti bejn ir-rikorrenti u l-IRISL, la l-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010 u lanqas l-ittra tal-Kunsill tat-28 ta’ Ottubru 2010 ma jispeċifikaw in-natura tal-kontroll allegatament imwettaq mill-IRISL fuq ir-rikorrenti jew l-attivitajiet li din tal-aħħar twettaq f’isem l-IRISL u li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward tagħha.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-Kunsill jidher li kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni previst mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 961/2010. Konsegwentement, l-ewwel motiv jidher fondat u b’hekk għandu jiġi milqugħ.

40      Għaldaqstant ir-Regolament Nru 961/2010 għandu jiġi annullat sa fejn jikkonċerna lir-rikorrenti mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra.

41      Madankollu, sa fejn jirriżulta minn din is-sentenza li r-Regolament Nru 961/2010 għandu jiġi annullat għal dak li jikkonċerna r-rikorrenti minħabba ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ma jistax jiġi eskluż li, fuq il-mertu, l-impożizzjoni tal-miżuri restrittivi fuq ir-rikorrenti jista’ xorta waħda jirriżulta li huwa ġġustifikat.

42      B’hekk, sa fejn ir-Regolament Nru 961/2010 jikkonċerna lir-rikorrenti, l-annullament tiegħu b’effett immedjat jista’ jippreġudika serjament u irriversibbilment l-effikaċja tal-miżuri restrittivi li jimponi dan ir-regolament, ġaladarba, fil-perijodu ta’ żmien li jippreċedi s-sostituzzjoni eventwali tiegħu permezz ta’ att ieħor, ir-rikorrenti tkun tista’ taġixxi b’mod li tevita l-effett tal-miżuri restrittivi ulterjuri.

43      Għalhekk, skont l-Artikolu 264 TFUE u l-Artikolu 41 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li jinżammu fis-seħħ l-effetti tar-Regolament Nru 961/2010 sa fejn jinkludi l-isem tar-rikorrenti fil-lista li tikkostitwixxi l-Anness VIII tiegħu matul perijodu li ma jistax jaqbeż xahrejn mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza.

 Fuq l-ispejjeż

44      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż skont it-talbiet tar-rikorrenti.

45      Barra minn hekk, sa fejn ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talbiet għal intervent tal-Kummissjoni u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lanqas ma hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talbiet għal intervent tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

2)      Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007, huwa annullat sa fejn jikkonċerna HTTS Hanseatic Trade Trust & Shipping GmbH.

3)      Sa fejn ir-Regolament Nru 961/2010 jikkonċerna HTTS Hanseatic Trade Trust & Shipping, l-effetti tiegħu għandhom jinżammu fis-seħħ matul perijodu li ma jistax jaqbeż xahrejn mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza.

4)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk ta’ HTTS Hanseatic Trade Trust & Shipping.

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Diċembru 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.