Language of document :

Appell ippreżentat fis-17 ta' Awwissu 2012 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-13 ta' Ġunju 2012 fil-Kawża F-63/11, Macchia vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-368/12 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Currall u D. Martin, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura : Luigi Macchia (Brussell, il-Belġju)

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-13 ta' Ġunju 2012 fil-Kawża F-63/11, Macchia vs Il-Kummissjoni;

tiċħad ir-rikors ippreżentat minn L. Macchia fil-Kawża F-63/11;

tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha f'din il-proċedura ;

tikkundanna lil L. Macchia għall-ispejjeż tal-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka erba' aggravji.

L-ewwel aggravju bbażat fuq il-ksur tal-projbizzjoni li tiddeċiedi ultra petita, peress illi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, minn naħa, estenda s-suġġett tal-kawża billi annulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni mhux biss minħabba r-rifjut tagħha li testendi l-kuntratt ta' L. Macchia, iżda wkoll minħabba r-rifjut tagħha li tagħtih kuntratt ġdid, filwaqt li l-petitum tar-rikors fl-ewwel istanza kien isemmi biss l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma ġġeddidx il-kuntratt tal-parti kkonċernata u, min-naħa l-oħra, żnaturat is-suġġett tal-kawża billi ddeċidiet li ma kienx hemm aktar lok li teżamina l-ilment tar-rikorrenti fl-ewwel istanza, L. Macchia,imressaq kontra l-motiv ta' rifjut ibbażat fuq ir-regola ta' tmien snin meta dan l-ilment kien jikkostitwixxi l-qalba tar-rikors fl-ewwel istanza.

It-tieni aggravju bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' kontradittorju, sa fejn t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku estenda u żnatura s-suġġett tal-kawża mingħajr ma ta lill-Kummissjoni l-possibbiltà li tesponi l-opinjoni tagħha f'dan ir-rigward.

It-tielet aggravju bbażat fuq il-ksur tal-projbizzjoni li tiddeċiedi ultra vires billi, minn naħa, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku annulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni minħabba li din tal-aħħar ma kinitx investigat jekk kinitx teżisti pożizzjoni oħra fejn il-persuna kkonċernata setgħet tiġi impjegata b'mod utli u, min-naħa l-oħra, billi ddeċieda li huwa kompetenti li jivverifika jekk il-motivi sostnuti mill-amministrazzjoni sabiex jiġi rrifjutat it-tiġdid ta' kuntratt ma humiex ta' natura li jpoġġu fid-dubju l-kriterji u l-kundizzjonijiet li ġew iffissati mil-leġiżlatur fir-Regolamenti tal-Persunal u li huma intiżi li jiggarantixxu lill-persunal bil-kuntratt il-possibbiltà li jibbenefika, għal żmien definit, minn ċertu kontinwità ta' impjieg, filwaqt li din il-kompetenza ma kienet issib l-ebda sostenn fid-dispożizzjonijiet tal- Kondizzjonijiet tal-impjieg ta' impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea.

Ir-raba' aggravju bbażat fuq l-iżnaturament tal-interess tas-servizz u interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, peress illi ddeċieda li l-interess tas-servizz għandu jirrikonċilja ruħu mad-dmir ta' premura u jirrikjedi li tiġi evalwata l-possibbiltà li jiġu attribwiti funzjonijiet ġodda lill-parti kkonċernata u, min-naħa l-oħra, peress illi ddeduċa b'mod żbaljat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Kummissjoni ma tistax validament tinvoka n-nuqqas ta' interess tas-servizz sabiex jiġi mġedded il-kuntratt tal-parti kkonċernata, peress li l-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta' impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea għandu jitqies bħala li huwa intiż sabiex tiġi ggarantita ċerta kontinwità ta' impjieg għall-aġenti li għandhom kuntratt għal żmien determinat.

____________