Language of document : ECLI:EU:T:2015:186

Kawża T‑378/13

Apple and Pear Australia Ltd

u

Star Fruits Diffusion

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali English pink – Trade mark Komunitarja verbali preċedenti PINK LADY u trade marks Komunitarji figurattivi preċedenti Pink Lady – Obbligu ta’ motivazzjoni – Dmir ta’ diliġenza – Deċiżjoni ta’ qorti tat-trade marks Komunitarji – Assenza ta’ awtorità ta’ res judicata”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-25 ta’ Marzu 2015

1.      Trade mark Komunitarja – Dispożizzjonijiet proċedurali – Motivazzjoni tad-deċiżjonijiet – L-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 – Portata identika għal dik tal-Artikolu 296 TFUE

(Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 75)

2.      Trade mark Komunitarja – Proċedura għat-tressiq ta’ kawża – Appell mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-Uffiċċju – Eżami mill-Bord tal-Appell – Portata – Fatti u provi mhux ippreżentati insostenn tal-oppożizzjoni fit-terminu impost għal dan il-għan – Teħid inkunsiderazzjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Appell – Assenza ta’ dispożizzjoni għal kuntrarju

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 76(2))

3.      Trade mark Komunitarja – Tilwim li jirrigwarda l-vjolazzjoni u l-validità tat-trade marks Komunitarji – Ġurisdizzjoni internazzjonali fir-rigward tal-vjolazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, premessi 16 u 17 u Artikoli 95 u 96)

4.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Regolarizzazzjoni ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni fil-mori tal-kawża – Inammissibbiltà

(Artikolu 296 TFUE)

5.      Trade mark Komunitarja – Dispożizzjonijiet proċedurali – Eżami ex officio tal-fatti – Dmir ta’ diliġenza – Użu ġenwin mit-trade mark preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 76(1))

6.      Trade mark Komunitarja – Proċedura għat-tressiq ta’ kawża – Rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali – Bidla ta’ deċiżjoni tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) – Kundizzjonijiet – Deċiżjoni ta’ qorti tat-trade marks Komunitarji – Assenza ta’ awtorità ta’ res judicata

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, premessi 16 u 17 u Artikolu 65(3))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 22)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 23)

3.      L-Artikolu 95 tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jinnominaw fit-territorju tagħhom il-qrati nazzjonali li jkunu qed jaġixxu bħala “qrati tat-trade marks Komunitarji”. Dawn il-qrati huma għalhekk inkarigati li jaqdu l-funzjonijiet mogħtija lilhom permezz tal-imsemmi regolament. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 207/2009 jindika li l-qrati tat-trade marks Komunitarji għandhom ġurisdizzjoni b’mod partikolari fir-rigward ta’ kawżi ta’ vjolazzjoni u għal kontrotalbiet għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark Komunitarja.

Skont il-premessa 16 tar-Regolament Nru 207/2009, “id-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-validità u l-vjolazzjoni ta’ trade marks Komunitarji għandhom ikollhom effett u għandhom ikopru t-territorju kollu tal-Komunità, li huwa l-uniku mod kif wieħed jista’ jipprevjeni deċiżjonijiet inkonsistenti minn naħa tal-qrati u tal-Uffiċċju [UASI] u kif jista jiġi żgurat li n-natura unika tat-trade marks Komunitarji ma tiġix imxejjna”. Bl-istess mod, il-premessa 17 tar-Regolament Nru 207/2009 tenfasizza li deċiżjonijiet kontradittorji għandhom jiġu evitati f’azzjonijiet li jinvolvu l-istess għemil u l-istess partijiet u li jirrigwardaw trade marks Komunitarji u trade marks nazzjonali paralleli. Il-mekkaniżmi implementati bir-Regolament Nru 207/2009 huma għaldaqstant intiżi li jiggarantixxu l-protezzjoni uniformi tat-trade mark Komunitarja fit-territorju tal-Unjoni kollu. Il-leġiżlatur b’dan il-mod jikkonferma l-karattru unitarju tat-trade mark Komunitarja.

Il-qorti tat-trade marks Komunitarji għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi li twaqqaf milli jsiru atti ta’ vjolazzjoni jew ta’ theddid ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja li testendi għat-territorju tal-Unjoni kollu. Għalhekk, is-sistema prevista mir-Regolament Nru 207/2009 tippermetti li tali kawża tkun limitata għal proċedura waħda sabiex tiġi ggarantita protezzjoni uniformi tat-trade mark Komunitarja fit-territorju kollu tal-Unjoni.

(ara l-punti 24-26)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 35)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 46)

6.      Is-setgħa ta’ bidla ta’ deċiżjoni ma għandhiex l-effett li tagħti lill-Qorti Ġenerali s-setgħa li tipproċedi għal evalwazzjoni li fuqha l-Bord tal-Appell għadu ma ħax pożizzjoni. L-eżerċizzju tas-setgħa ta’ bidla ta’ deċiżjoni għandu konsegwentement, bħala prinċipju, ikun limitat għas-sitwazzjonijiet fejn il-Qorti Ġenerali, wara li tkun stħarrġet l-evalwazzjoni magħmula mill-imsemmi bord, tkun f’pożizzjoni li tiddetermina, fuq il-bażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kif stabbiliti, id-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kellu jadotta.

Għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali li tkun qed taġixxi bħala qorti tat-trade marks Komunitarji fil-kuntest ta’ kawża ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja ma għandha l-ebda awtorità ta’ res judicata fir-rigward tal-istanzi tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, anki jekk tkun identika għat-trade mark nazzjonali li hija s-suġġett ta’ kawża ta’ vjolazzjoni. Minn dan jirriżulta li l-eżistenza ta’ tali deċiżjoni, għalkemm saret definittiva, ma hijiex biżżejjed waħidha sabiex tpoġġi lill-Qorti Ġenerali f’pożizzjoni li tkun tista’ tistabbilixxi d-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kellu jieħu.

Huwa ċertament minnu li il-leġiżlatur tal-Unjoni, permezz tar-Regolament Nru 207/2009, implementa mekkaniżmi intiżi li jiggarantixxu l-protezzjoni uniformi tat-trade mark Komunitarja fit-territorju kollu tal-Unjoni, u b’dan il-mod ikkonferma l-karattru waħdieni tat-trade mark Komunitarja. F’dan il-kuntest, huwa stabbilixxa l-qrati tat-trade marks Komunitarji li għandhom il-ġurisdizzjoni li jiddeċiedu li jwaqqfu milli jsiru atti ta’ vjolazzjoni jew ta’ theddid ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja li testendi għat-territorju tal-Unjoni.

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-legalità ta’ deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell għandha tiġi evalwata unikament abbażi tar-Regolament Nru 207/2009, kif interpretat mill-qorti tal-Unjoni, u mhux abbażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti għalihom, kunsiderazzjonijiet li jgħoddu wkoll fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni mressqa abbażi tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. L-istess jgħodd, a fortiori, għal dak li jirrigwarda l-effett tad-deċiżjonijiet nazzjonali preċedenti dwar is-soluzzjoni li għandha tingħata fil-kawża ineżami. Fil-fatt, is-sistema tad-dritt tat-trade marks tal-Unjoni hija sistema awtonoma, ikkostitwita minn numru ta’ regoli u li ssegwi għanijiet li huma speċifiċi għaliha, peress li l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali. Minn dan isegwi li r-rifjut ta’ reġistrazzjoni għandu jiġi evalwat unikament abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti u d-deċiżjonijiet nazzjonali preċedenti ma jistgħux fi kwalunkwe każ jikkontestaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

Għandu wkoll jiġi enfasizzat li r-Regolament Nru 207/2009 ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni li skontha l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) huwa marbut minn deċiżjoni ta’ qorti tat-trade marks Komunitarji stabbilita f’kuntest ta’ kawża ta’ vjolazzjoni meta huwa jeżerċita l-ġurisdizzjoni esklużiva tiegħu fir-rigward tar-reġistrazzjoni tat-trade marks Komunitarji u meta, f’dan il-kuntest, huwa jeżamina l-oppożizzjonijiet għat-talbiet għal reġistrazzjoni tat-trade marks Komunitarji. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009 li japplikaw il-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata jirrigwardaw, fil-fatt, sitwazzjonijiet oħra.

Barra minn hekk, ir-rekwiżit ta’ karattru waħdieni tat-trade mark Komunitarja, kif enfasizzat fil-premessi 16 u 17 tar-Regolament Nru 207/2009, ma jimplikax li l-istanzi tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) u, konsegwentement, il-qorti tal-Unjoni ma jistgħux iktar, f’isem il-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata, jeżaminaw l-eżistenza eventwali ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja ġdida, anki meta din hija identika għal trade mark nazzjonali li ġiet iġġudikata mill-qorti tat-trade marks Komunitarji bħala li tippreġudika t-trade mark Komunitarja preċedenti.

Huwa importanti, fil-fatt, li jiġi enfasizzat li l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) huwa l-unika istanza li ngħatat is-setgħa mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex teżamina l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni u, għalhekk, sabiex tawtorizza jew tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja. Fil-kuntest ta’ din il-kompetenza, id-deċiżjonijiet li l-Bordijiet tal-Appell huma mitluba jieħdu, skont ir-Regolament Nru 207/2009, dwar ir-reġistrazzjoni jew il-protezzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja, jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ kompetenza limitata u mhux ta’ setgħa diskrezzjonali. Għalhekk, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell għandha tiġi evalwata unikament abbażi ta’ dan ir-regolament kif interpretat mill-qorti tal-Unjoni. Issa, ir-Regolament Nru 207/2009 ma jipprevedi l-ebda dispożizzjoni li tobbliga lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) jikkonforma ruħu, f’isem il-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata, ma’ deċiżjoni ta’ qorti tat-trade marks Komunitarji li tikkonstata li trade mark nazzjonali wettqet vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja.

(ara l-punti 56-63)