Language of document :

Appell ippreżentat fid-29 ta’ Ġunju 2021 mir-Rumanija mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla Estiża) fl-14 ta’ April 2021 fil-Kawża T-543/19, Ir-Rumanija vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-401/21 P)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Partijiet

Appellant: Ir-Rumanija (rappreżentanti: E. Gane, L.-E. Baţagoi, agenti)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tilqa’ l-appell, tannulla fl-intier tagħha s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-543/19, teżamina mill-ġdid il-Kawża T-543/19, u tilqa’ l-azzjoni għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019)4027 final, sa fejn il-Kummissjoni applikat rata ta’ kofinanzjament ta’ 75 %, u mhux 85 %, għall-assi prijoritarji 1 u 2 tal-programm operattiv,

jew

tilqa’ l-appell, tannulla fl-intier tagħha s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-543/19 u tibgħat lura l-Kawża T-543/19 quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid, u waqt l-eżami mill-ġdid tilqa’ l-azzjoni għall-annullament u tannulla parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019)4027 final, sa fejn il-Kummissjoni applikat rata ta’ kofinanzjament ta’ 75 %, u mhux 85 %, għall-assi prijoritarji 1 u 2 tal-programm operattiv,

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, ir-Rumanija tinvoka tliet motivi:

A.    Interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 139(6)(a) tar-Regolament 1303/2013 fir-rigward tal-Artikolu 137(1)(a) u (d) u (2), tal-Artikolu 131, tal-Artikolu 135(2) u tal-Artikolu 139(1), (2) u (7) tal-istess Regolament

Ir-Rumanija tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tad-distinzjoni bejn l-applikazzjoni finali għal ħlas intermedju u l-aċċettazzjoni tal-kontijiet, peress li naqset milli tosserva r-rwol tal-aħħar stadju u tqis li r-rata ta’ kofinanzjament applikabbli għall-kalkolu tal-ammont dovut huwa dak fis-seħħ fil-mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni finali għal ħlas intermedju.

B.    Interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ annwalità tal-kontijiet

Ir-Rumanija tqis li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat il-prinċipju ta’ annwalità tal-kontijiet, meta stabbiliet li l-applikazzjoni ta’ rata ta’ kofinanzjament adottata wara s-sottomissjoni tal-applikazzjoni finali għal ħlas intermedju għall-ispejjeż sostnuti matul sena finanzjarja u mdaħħla fis-sistema kontabbli tkun tammonta għal ksur ta’ dak il-prinċipju.

C.    Interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività

Ir-Rumanija tqis li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività meta ddeterminat li r-rata ta’ kofinanzjament prevista fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2018)8890 final tat-12 ta’ Diċembru 2018 ma tapplikax għall-ispejjeż sostnuti matul is-sena finanzjarja 2017-2018, peress li s-sitwazzjoni legali tar-Rumanija kienet diġà konkluża meta daħlet fis-seħħ fit-12 ta’ Diċembru 2018, fis-sens li s-sena finanzjarja kienet intemmet fit-30 ta’ Ġunju 2018, u l-applikazzjoni finali għal ħlas intermedju kienet issottomessa fis-6 ta’ Lulju 2018.

____________