Language of document : ECLI:EU:T:2023:734

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

22 ta’ Novembru 2023 (*)

“Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (SRM) – Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular Español – Deċiżjoni tas-SRB li tirrifjuta l-għoti ta’ kumpens għad-danni lill-azzjonisti u lill-kredituri kkonċernati mill-miżuri ta’ riżoluzzjoni – Valutazzjoni tad-differenza fit-trattament – Indipendenza tal-evalwatur”

Fil-Kawża T‑304/20,

Laura Molina Fernández, residenti fi Madrid (Spanja), irrappreżentata minn S. Rodríguez Bajón, A. Gómez-Acebo Dennes u A. Ruiz Ojeda, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn M. Fernández Rupérez, A. Lapresta Bienz, L. Forestier u J. Rius Riu, bħala aġenti, assistiti minn H.-G. Kamann, F. Louis, V. Del Pozo Espinosa de los Monteros u L. Hesse, avukati,

konvenuta,

sostnut minn

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,

intervenjent,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta waqt id-deliberazzjonijiet, minn M. van der Woude, President, G. De Baere (Relatur), G. Steinfatt, K. Kecsmár u S. Kingston, Imħallfin,

Reġistratur: P. Nuñez Ruiz, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑8 ta’ Settembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Laura Molina Fernández titlob l-annullament tad-Deċiżjoni SRB/EES/2020/52 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), tas‑17 ta’ Marzu 2020, intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk għandux jingħata kumpens għad-danni lill-azzjonisti u lill-kredituri kkonċernati mill-miżuri ta’ riżoluzzjoni implimentati fir-rigward ta’ Banco Popular Español, SA (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Ir-rikorrenti kienet azzjonista ta’ Banco Popular Español (iktar ’il quddiem “Banco Popular”) qabel l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ din tal-aħħar.

3        Fis‑7 ta’ Ġunju 2017, is-sessjoni eżekuttiva tas-SRB adottat id-Deċiżjoni SRB/EES/2017/08, dwar l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular Español, SA (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ riżoluzzjoni”), abbażi tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).

4        Qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, fit‑23 ta’ Mejju 2017, wara proċedura ta’ sejħa għal offerti, is-SRB qabbad lill-uffiċċju Deloitte Réviseurs d’Entreprises bħala evalwatur (iktar ’il quddiem l-“uffiċċju evalwatur”) fil-kuntest tal-preparazzjoni ta’ eventwali riżoluzzjoni ta’ Banco Popular. L-uffiċċju evalwatur ngħata kuntratt speċifiku wara sejħa għal offerti fil-kuntest ta’ kuntratt qafas multiplu ta’ servizzi li s-SRB kien iffirma ma’ sitt uffiċċji, fosthom l-uffiċċju evalwatur. Konformement mal-kuntratt speċifiku, il-kompitu tal-uffiċċju evalwatur kien jinkludi t-twettiq ta’ valutazzjoni ta’ Banco Popular qabel riżoluzzjoni eventwali kif ukoll il-valutazzjoni tad-differenza fit-trattament prevista fl-Artikolu 20(16) sa (18) tar-Regolament Nru 806/2014, wara riżoluzzjoni potenzjali.

5        Fil‑5 ta’ Ġunju 2017, is-SRB adotta l-ewwel valutazzjoni, skont l-Artikolu 20(5)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, li kellha bħala l-għan li tipprovdi l-elementi li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk kinux issodisfatti l-kundizzjonijiet tal-attivazzjoni ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni, kif iddefiniti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

6        Fis‑6 ta’ Ġunju 2017, l-uffiċċju evalwatur bagħat lis-SRB it-tieni valutazzjoni (iktar ’il quddiem il-“valutazzjoni 2”), imfassla skont l-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014. Il-valutazzjoni 2 kellha l-għan li twettaq stima tal-valur tal-attiv u tal-passiv ta’ Banco Popular, li tipprovdi stima dwar it-trattament li minnu kienu jibbenefikaw l-azzjonisti u l-kredituri li kieku Banco Popular kienet is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza, kif ukoll li tipprovdi l-elementi li jippermettu li tittieħed id-deċiżjoni dwar l-azzjonijiet u t-titoli ta’ proprjetà li għandhom jiġu ttrasferiti u li jippermettu lis-SRB li jiddetermina l-kundizzjonijiet kummerċjali għall-finijiet tal-għodda tal-bejgħ ta’ negozju.

7        Fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB, peress li qies li l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 kienu ssodisfatti, iddeċieda li jissuġġetta lil Banco Popular għal proċedura ta’ riżoluzzjoni. Is-SRB iddeċieda li jiżvaluta u li jikkonverti l-istrumenti tal-kapital ta’ Banco Popular skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 806/2014 u li japplika l-għodda tal-bejgħ ta’ negozju skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 806/2014 permezz tat-trasferiment tal-azzjonijiet lil xerrej.

8        Is-SRB iddeċieda li jikkanċella 100 % tal-azzjonijiet ta’ Banco Popular, li jikkonverti u li jiżvaluta l-ammont prinċipali kollu tal-istrumenti tal-kapital addizzjonali tal-kategorija 1 maħruġa minn Banco Popular u li jikkonverti l-ammont prinċipali kollu tal-istrumenti tal-kapital tal-kategorija 2 maħruġa minn Banco Popular f’“azzjonijiet ġodda II”. Wara proċess ta’ bejgħ trasparenti u miftuħ imwettaq mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni Spanjola, il-Fondo de Reestructuración Ordenada Bancaria (FROB, Fond ta’ Ristrutturazzjoni Ordnata tal-Istituzzjonijiet Bankarji, Spanja), l-“azzjonijiet ġodda II” ġew ittrasferiti lil Banco Santander SA, inkambju għall-ħlas ta’ prezz tax-xiri ta’ euro. Sussegwentement, Banco Santander issostitwixxa lil Banco Popular b’mod universali fit‑28 ta’ Settembru 2018, fil-kuntest ta’ amalgamazzjoni permezz ta’ akkwist.

9        Fis‑7 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-Deċiżjoni (UE) 2017/1246 li tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni għall-Banco Popular Español S.A. (ĠU 2017, L 178, p. 15, rettifika fil-ĠU 2017, L 320, p. 31).

10      Fl‑14 ta’ Ġunju 2018, l-uffiċċju evalwatur ittrażmetta lis-SRB il-valutazzjoni tad-differenza fit-trattament, prevista fl-Artikolu 20(16) sa (18) tar-Regolament Nru 806/2014, imwettqa sabiex jiġi ddeterminat jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jibbenefikaw minn trattament aħjar li kieku Banco Popular kienet is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza (iktar ’il quddiem il-“valutazzjoni 3”). Fil‑31 ta’ Lulju 2018, l-uffiċċju evalwatur bagħat addendum lis-SRB għal din il-valutazzjoni li tikkoreġi ċerti żbalji formali.

11      L-uffiċċju evalwatur qies, fil-valutazzjoni 3, it-trattament li minnu kienu jibbenefikaw l-azzjonisti u l-kredituri affettwati li kieku Banco Popular kienet is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza fil-mument li fih ġiet adottata l-iskema ta’ riżoluzzjoni. Huwa wettaq din l-evalwazzjoni fil-kuntest ta’ xenarju ta’ stralċ billi applika l-Ley 22/2003, Concursal, (il-Liġi 22/2003 dwar il-Falliment), tad‑9 ta’ Lulju 2003 (BOE Nru 164, tal‑10 ta’ Lulju 2003, p. 26905).

12      L-uffiċċju evalwatur indika li x-xenarju ta’ stralċ ipotetiku kien ġie ppreparat abbażi tal-informazzjoni finanzjarja mhux awditjata tas‑6 ta’ Ġunju 2017 jew, meta din ma kinitx disponibbli, fuq dik tal‑31 ta’ Mejju 2017. Huwa qies li l-ftuħ ta’ proċedura normali ta’ insolvenza għal Banco Popular fis‑7 ta’ Ġunju 2017 kien iwassal għal stralċ mhux ippjanat. Sabiex jiġu evalwati l-valuri tal-likwidazzjoni tal-attiv, l-uffiċċju evalwatur ħa inkunsiderazzjoni tliet xenarji temporali ta’ stralċ alternattivi, ta’ 18-il xahar, ta’ 3 snin u ta’ 7 snin, u kull wieħed minnhom kien jinkludi l-aħjar u l-agħar ipoteżi. Huwa kkonkluda li, f’kull waħda minn dawn l-ipoteżijiet, għall-azzjonisti affettwati u għall-kredituri subordinati, l-ebda rkupru ma kien ikun mistenni fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza u li għalhekk ma kienx hemm differenza fit-trattament meta mqabbla ma’ dak li jirriżulta mill-miżura ta’ riżoluzzjoni.

13      Fis‑6 ta’ Awwissu 2018, is-SRB ippubblika, fis-sit internet tiegħu, l-opinjoni tiegħu tat‑2 ta’ Awwissu 2018 dwar id-deċiżjoni preliminari tiegħu fir-rigward tan-neċessità li jingħata jew le kumpens għad-danni lill-azzjonisti u lill-kredituri li kienu s-suġġett tal-miżuri ta’ riżoluzzjoni li jirrigwardaw Banco Popular u t-tnedija tal-proċedura tad-dritt għal smigħ (SRB/EES/2018/132) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni preliminari”), kif ukoll verżjoni mhux kunfidenzjali tal-valutazzjoni‑3. Fis‑7 ta’ Awwissu 2018, komunikazzjoni dwar l-opinjoni tas-SRB ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2018, C 227I, p. 1).

14      Fid-deċiżjoni preliminari, is-SRB qies li mill-valutazzjoni 3 kien jirriżulta li ma kinitx teżisti differenza bejn it-trattament li kienu realment suġġetti għalih l-azzjonisti u l-kredituri affettwati minħabba r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular u dak li kienu jibbenefikaw minnu li kieku din tal-aħħar kienet is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza fid-data tar-riżoluzzjoni. Is-SRB iddeċieda, preliminarjament, li ma kienx obbligat iħallas kumpens għad-danni lill-azzjonisti u lill-kredituri affettwati skont l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 806/2014.

15      Sabiex ikun jista’ jieħu deċiżjoni finali dwar il-ħtieġa jew le li l-azzjonisti u l-kredituri affettwati jingħataw kumpens għad-danni, is-SRB stedinhom jesprimu l-interess tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jinstemgħu fid-dawl tad-deċiżjoni preliminari, konformement mal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

16      Is-SRB indika li l-proċedura dwar id-dritt għal smigħ kienet ser tiżvolġi f’żewġ fażijiet.

17      Fl-ewwel fażi, il-fażi ta’ reġistrazzjoni, l-azzjonisti u l-kredituri affettwati kienu mistiedna jesprimu l-interess tagħhom li jeżerċitaw id-dritt għal smigħ tagħhom permezz ta’ formola ta’ reġistrazzjoni online, sal‑14 ta’ Settembru 2018. Sussegwentement, is-SRB kellu jivverifika jekk kull parti li kienet immanifestat l-interess tagħha kellhiex effettivament l-istatus ta’ azzjonist jew ta’ kreditur affettwat. L-azzjonisti u l-kredituri affettwati kkonċernati kellhom jipproduċu prova tal-identità tagħhom u prova li huma kellhom, fis‑6 ta’ Ġunju 2017, strumenti tal-kapital ta’ Banco Popular li ġew żvalutati jew ikkonvertiti u ttrasferiti fil-kuntest tar-riżoluzzjoni.

18      Fit-tieni fażi, il-fażi ta’ konsultazzjoni, l-azzjonisti u l-kredituri affettwati li kienu esprimew l-interess tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal smigħ matul l-ewwel fażi u li l-istatus tagħhom kien ġie vverifikat mis-SRB, setgħu jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni preliminari li magħha kienet annessa l-valutazzjoni 3.

19      Fis‑16 ta’ Ottubru 2018, is-SRB ħabbar li l-azzjonisti u l-kredituri eliġibbli kienu ser jintalbu jippreżentaw il-kummenti bil-miktub tagħhom dwar id-deċiżjoni preliminari mis‑6 ta’ Novembru 2018. Fis‑6 ta’ Novembru 2018, is-SRB bagħat lill-azzjonisti u lill-kredituri eliġibbli link personali unika li jagħti aċċess fuq l-internet għal formola li tippermettilhom jippreżentaw, sas‑26 ta’ Novembru 2018, kummenti dwar id-deċiżjoni preliminari kif ukoll dwar il-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-valutazzjoni 3.

20      Fi tmiem il-fażi ta’ konsultazzjoni, is-SRB eżamina l-kummenti rilevanti tal-azzjonisti u l-kredituri affettwati relatati mad-deċiżjoni preliminari. Huwa talab lill-uffiċċju evalwatur jipprovdilu dokument li jinkludi l-evalwazzjoni tiegħu tal-kummenti rilevanti dwar il-valutazzjoni 3 u jeżamina jekk il-valutazzjoni 3 kinitx għadha valida fid-dawl ta’ dawn il-kummenti.

21      Fit‑18 ta’ Diċembru 2019, l-uffiċċju evalwatur ipprovda lis-SRB l-evalwazzjoni tiegħu intitolata “Dokument ta’ Kjarifika Dwar il-Valutazzjoni tad-Differenza fit-Trattament” (iktar ’il quddiem id-“dokument ta’ kjarifika”). Fid-dokument ta’ kjarifika, l-uffiċċju evalwatur ikkonferma li l-istrateġija u x-xenarji differenti ta’ stralċ ipotetiċi ddettaljati fil-valutazzjoni 3, kif ukoll il-metodoloġiji segwiti u l-analiżi mwettqa baqgħu validi.

22      Fis‑17 ta’ Mejju 2020, is-SRB adotta id-deċiżjoni kkontestata. Avviż dwar din id-deċiżjoni ġie ppubblikat fl‑20 ta’ Marzu 2020 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2020, C 91, p. 2).

23      Fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB qies li l-uffiċċju evalwatur kien indipendenti konformement mar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014 u fil-Kapitolu IV tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1075, tat‑23 ta’ Marzu 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kontenut tal-pjanijiet ta’ rkupru, il-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u l-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni tal-grupp, il-kriterji minimi li l-awtorità kompetenti trid tivvaluta fir-rigward tal-pjanijiet ta’ rkupru u l-pjanijiet ta’ rkupru tal-grupp, il-kundizzjonijiet għall-appoġġ finanzjarju tal-grupp, ir-rekwiżiti għall-valutaturi indipendenti, ir-rikonoxximent kuntrattwali tas-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva u konverżjoni u l-avviż tas-sospensjoni u l-funzjonament operattivi tal-kulleġġi ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2016, L 184, p. 1).

24      Taħt it-Titolu 5 “Valutazzjoni 3” tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB ġabar fil-qosor il-kontenut tal-valutazzjoni 3 u qies li din kienet konformi mal-qafas legali applikabbli u kienet suffiċjentement immotivata u kompleta sabiex tikkostitwixxi l-bażi ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 806/2014. Huwa qies li l-valutazzjoni 3 kienet tevalwa l-elementi neċessarji previsti fl-Artikolu 20(17) tar-Regolament Nru 806/2014 u fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/344, tal‑14 ta’ Novembru 2017 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji li għandhom x’jaqsmu ma’ metodoloġiji għall-valwazzjoni tad-differenza fit-trattament fir-riżoluzzjoni (ĠU 2018, L 67, p. 3).

25      Taħt it-Titolu 6 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB ippreżenta l-“Kummenti Mibgħuta mill-Azzjonisti u mill-Kredituri Affettwati kif ukoll l-Evalwazzjoni Tagħhom”. Taħt it-Titolu 6.1 “Evalwazzjoni tar-Rilevanza” tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB spjega li wħud minn dawn il-kummenti, li la kienu relatati mad-deċiżjoni preliminari tiegħu u lanqas mal-valutazzjoni 3, ma kinux rilevanti sa fejn ma kinux jaqgħu taħt il-proċedura dwar id-dritt għal smigħ. Taħt it-Titolu 6.2 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa wettaq “Eżami tal-Kummenti Rilevanti” mibgħuta mill-azzjonisti u mill-kredituri affettwati, dwar l-indipendenza tal-uffiċċju evalwatur u l-kontenut tal-valutazzjoni 3, miġbura skont is-suġġett.

26      Is-SRB ikkonkluda li mill-valutazzjoni 3, moqrija flimkien mad-dokument ta’ kjarifika u l-konklużjonijiet stabbiliti taħt it-Titolu 6.2 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li ma kienx hemm differenza bejn it-trattament li għalih kienu realment suġġetti l-azzjonisti u l-kredituri affettwati u dak li kienu jibbenefikaw minnu li kieku Banco Popular kienet suġġetta għal proċedura normali ta’ insolvenza fid-data tar-riżoluzzjoni.

27      Għaldaqstant, is-SRB iddeċieda:

“Artikolu 1

Valutazzjoni

Sabiex jiġi ddeterminat jekk għandux jingħata kumpens lill-azzjonisti u lill-kredituri affettwati mill-miżuri ta’ riżoluzzjoni mwettqa fir-rigward ta’ Banco Popular […], il-valutazzjoni tad-differenza fit-trattament fil-kuntest tar-riżoluzzjoni, prevista fl-Artikolu 20(16) tar-Regolament Nru 806/2014, hija stabbilita skont l-Anness I ta’ din id-deċiżjoni, flimkien mad-dokument ta’ kjarifika […] li jinsab fl-Anness II ta’ din id-deċiżjoni.

Artikolu 2

Kumpens għad-danni

L-azzjonisti u l-kredituri affettwati mill-miżuri ta’ riżoluzzjoni mwettqa fir-rigward ta’ Banco Popular […] ma għandhomx dritt għal kumpens mill-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni skont l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 806/2014.

Artikolu 3

Destinatarju tad-deċiżjoni

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lill-FROB, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 806/2014.”

 Ittalbiet talpartijiet

28      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lis-SRB għall-ispejjeż.

29      Is-SRB, sostnut mir-Renju ta’ Spanja, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Iddritt

30      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem tliet motivi. Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-valutazzjoni 3 ma twettqitx minn evalwatur indipendenti, bi ksur tal-Artikolu 20(16) tar-Regolament Nru 806/2014 u tal-Kapitolu IV tar-Regolament ta’ Delega 2016/1075. Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni l-eżistenza ta’ żbalji fil-valutazzjoni 3. Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-valutazzjoni 3 hija bbażata fuq bażi żbaljata li tirrigwarda s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Banco Popular fil-mument tar-riżoluzzjoni tagħha.

31      Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza ddemarkat il-portata tal-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali kemm f’sitwazzjonijiet fejn l-att ikkontestat huwa bbażat fuq evalwazzjoni ta’ elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessi ħafna kif ukoll f’każijiet ta’ evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi.

32      Minn naħa, fir-rigward tas-sitwazzjonijiet li fihom l-awtoritajiet tal-Unjoni jiddisponu minn setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessa ħafna sabiex jistabbilixxu n-natura u l-portata tal-miżuri li huma jadottaw, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għal eżami dwar jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa huwiex ivvizzjat minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew jekk dawn l-awtoritajiet ikunux eċċedew b’mod manifest il-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħhom. F’kuntest bħal dan, il-qorti tal-Unjoni ma tistax fil-fatt tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika ma’ dik tal-awtoritajiet tal-Unjoni li lilhom biss it-Trattat FUE ta dan il-kompitu (ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Lulju 2011, Etimine, C‑15/10, EU:C:2011:504, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs Il‑Kummissjoni, T‑570/17, EU:T:2022:314, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi mwettqa mill-awtoritajiet tal-Unjoni, dan huwa stħarriġ limitat li neċessarjament jillimita ruħu għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-preċiżjoni materjali tal-fatti kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter. Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, il-qorti tal-Unjoni lanqas ma għandha tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha għal dik tal-awtorità kompetenti tal-Unjoni (ara s-sentenzi tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs Il‑Kummissjoni, T‑570/17, EU:T:2022:314, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Peress li d-deċiżjonijiet tas-SRB li huma intiżi li jiddeterminaw jekk kumpens għandux jingħata lill-azzjonisti u lill-kredituri affettwati mill-miżuri ta’ riżoluzzjoni mwettqa fil-konfront ta’ entità huma bbażati fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi u tekniċi kumplessi ħafna, għandu jitqies li l-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 32 u 33 iktar ’il fuq japplikaw għall-istħarriġ li l-qorti hija mitluba teżerċita għall-istħarriġ li l-qorti hija mitluba li teżerċita.

35      Madankollu, għalkemm huwa rrikonoxxut li s-SRB għandu marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam ekonomiku u tekniku, dan ma jfissirx li l-qorti tal-Unjoni għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, imwettqa mis-SRB, ta’ data ta’ natura ekonomika li sservi bħala bażi għad-deċiżjoni tiegħu. Fil-fatt, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, anki fil-każijiet ta’ evalwazzjonijiet kumplessi, il-qorti tal-Unjoni mhux biss għandha tivverifika l-eżattezza materjali, l-affidabbiltà u l-konsistenza tal-provi invokati, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ natura tali li jsostnu l-konklużjonijiet misluta (ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 2021, Autostrada Wielkopolska vs Il‑Kummissjoni u Il‑Polonja, C‑933/19 P, EU:C:2021:905, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs Il‑Kummissjoni, T‑570/17, EU:T:2022:314, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Sabiex jiġi stabbilit li s-SRB wettaq żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, il-provi prodotti mir-rikorrenti għandhom ikunu suffiċjenti sabiex l-evalwazzjonijiet tal-fatti li jkunu saru f’din id-deċiżjoni ma jitqisux li huma plawżibbli (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑7 ta’ Mejju 2020, BTB Holding Investments u Duferco Participations Holding vs Il‑Kummissjoni, C‑148/19 P, EU:C:2020:354, punt 72, u tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs Il‑Kummissjoni, T‑570/17, EU:T:2022:314, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Konsegwentement, motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żball manifest għandu jiġi miċħud jekk, minkejja l-elementi prodotti mir-rikorrent, l-evalwazzjoni kkontestata tista’ titqies veraċi jew valida (ara s-sentenzi tas‑27 ta’ Settembru 2018, Spiegel-Verlag Rudolf Augstein u Sauga vs BĊE, T‑116/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:614, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑25 ta’ Novembru 2020, BMC vs Entreprise commune Clean Sky 2, T‑71/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:567, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkollhom setgħa ta’ evalwazzjoni, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi hija ta’ importanza iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji mogħtija mid-dritt tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi hemm, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, li miegħu jintrabat l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni. Fil-fatt, huwa biss b’dan il-mod li l-qorti tal-Unjoni tista’ tivverifika jekk l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li minnhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni ġewx issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14).

 Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq leżistenza ta’ żbalji inklużi filvalutazzjoni 3

39      Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li s-SRB, fid-deċiżjoni kkontestata, u l-uffiċċju evalwatur, fil-valutazzjoni 3, meta ddeterminaw jekk l-azzjonisti u l-kredituri affettwati kinux jibbenefikaw minn trattament aħjar li kieku Banco Popular kienet is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza fil-mument tal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, wettqu żball billi bbażaw ruħhom fuq xenarju ipotetiku li Banco Popular kienet tiġi stralċjata bħala impriża mhux operattiva.

40      Ir-rikorrenti ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB ibbaża ruħu fuq premessa żbaljata sa fejn l-Artikolu 20(18) tar-Regolament Nru 806/2014 ma jindikax li t-trattament tal-azzjonisti u tal-kredituri affettwati fi proċedura ta’ insolvenza ipotetika għandu jiġi evalwat fid-dawl ta’ kriterju li abbażi tiegħu l-entità suġġetta għar-riżoluzzjoni ma tkunx operattiva. Issa, il-valutazzjoni tkun differenti skont jekk wieħed jibbaża ruħu fuq kriterju ta’ stralċ, jiġifieri l-waqfien tal-operat, jew fuq kriterju ta’ tkomplija tan-negozju, jiġifieri t-tkomplija tal-operat.

41      Hija ssostni li r-riferiment għall-proċedura normali ta’ insolvenza fir-Regolament Nru 806/2014 għandu jinftiehem bħala li jirreferi għall-proċedura rregolata mil-leġiżlazzjoni Spanjola, jiġifieri l-Liġi 22/2003. Hija tirrileva li, skont l-Artikolu 44(1) tal-Liġi 22/2003, “id-dikjarazzjoni ta’ falliment ma tinterrompix it-tkomplija tal-attività professjonali jew kummerċjali eżerċitata mid-debitur”, li jfisser li, fid-dritt Spanjol, il-fatt li d-debitur jinsab f’sitwazzjoni ta’ insolvenza ddikjarata ma jwassalx għall-waqfien tal-operat u lanqas għal-likwidazzjoni tal-patrimonju tiegħu. Bl-istess mod, l-Artikolu 100(3) tal-Liġi 22/2003 jistabbilixxi soluzzjoni preżervattiva u għat-tkomplija tal-operat permezz ta’ arranġament mal-kredituri. Din il-liġi tipprevedi l-bejgħ, totali jew parzjali, tal-unità tal-operat taħt sistema ta’ tkomplija, totali jew parzjali, tal-operat, skont kriterju ta’ impriża operattiva, u mhux ta’ likwidazzjoni ta’ assi mhux produttivi, li huwa espressament eskluż. Il-Liġi 22/2003 timponi t-tkomplija tal-operat irrispettivament mill-fażi tal-proċedura ta’ falliment. Fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB wettaq żball ta’ evalwazzjoni u interpretazzjoni żbaljata tal-Liġi 22/2003 meta kkunsidra li l-proċedura ta’ insolvenza prevista minn din il-liġi kienet twassal għall-istralċ tal-entità.

42      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-kriterju ta’ stralċ, użat mill-uffiċċju evalwatur fil-valutazzjoni 3 u approvat mis-SRB fid-deċiżjoni kkontestata, huwa inkompatibbli mar-riżoluzzjoni kif iddefinita mir-Regolament Nru 806/2014, b’mod partikolari mal-għan tiegħu intiż li jiżgura t-tkomplija tal-funzjonijiet kritiċi tal-istituzzjoni, u mal-għodda ta’ riżoluzzjoni użata mis-SRB, jiġifieri l-bejgħ ta’ Banco Popular bħala impriża operattiva. Hija tqis li d-differenza fit-trattament hija bbażata fuq eżerċizzju ipotetiku ta’ paragun bejn żewġ proċeduri li jippermettu l-irkupru tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Peress li l-evalwazzjoni tad-differenza fit-trattament fil-valutazzjoni 3 tippreżupponi li jitqabblu tranżazzjonijiet ekwivalenti, sabiex issir valutazzjoni xierqa f’xenarju ta’ insolvenza, wieħed għandu jibbaża ruħu fuq ipoteżi simili għal dik użata fir-riżoluzzjoni, jiġifieri t-tkomplija tal-operat tal-entità.

43      Fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB irrileva li, skont l-Artikolu 15(1)(g) tar-Regolament Nru 806/2014, il-valutazzjoni 3 kellha tiddetermina jekk l-azzjonisti u l-kredituri affettwati kinux ittrattati b’mod agħar fil-kuntest tar-riżoluzzjoni milli kienu jiġu ttrattati li kieku Banco Popular kienet “ġiet stralċjata skont proċedimenti normali ta’ insolvenza”. Huwa rrileva, l-istess bħall-uffiċċju evalwatur fid-dokument ta’ kjarifika (punt 5.1.5), li l-Ley 11/2015 de recuperación y resolución de entidades de crédito y empresas de servicios de inversión (il-Liġi 11/2015 dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu u tal-Impriżi tas-Servizzi ta’ Investiment), tat‑18 ta’ Ġunju 2015 (BOE Nru 146, tad‑19 ta’ Ġunju 2015, p. 50797), li tittrasponi d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190), tipprevedi speċifikament li l-valutazzjoni tad-differenza fit-trattament għandha ssir billi jiġi preżunt li l-entità daħlet fi proċedura ta’ stralċ.

44      Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 806/2014, għandu jitfakkar li l-valutazzjoni prevista fl-Artikolu 20(16) ta’ dan ir-regolament hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jibbenefikaw minn trattament aħjar li kieku l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni kienet is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza.

45      Skont l-Artikolu 20(17) tar-Regolament Nru 806/2014, il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 16 ta’ dan l-istess artikolu tistabbilixxi d-differenza fit-trattament bejn it-trattament reali li l-azzjonisti u l-kredituri kienu suġġetti għalih fil-kuntest tar-riżoluzzjoni u t-trattament li kienu jibbenefikaw minnu li kieku l-entità kienet suġġetta għal proċedura normali ta’ insolvenza fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni dwar il-miżura ta’ riżoluzzjoni.

46      Din il-valutazzjoni hija intiża sabiex timplimenta l-prinċipju li l-ebda kreditur ma għandu jiġi ttrattat b’mod agħar, stabbilit fl-Artikolu 15(1)(g) tar-Regolament Nru 806/2014 li jipprovdi li “l-ebda kreditur ma għandu jġarrab telf akbar milli kien iġarrab li kieku entità msemmija fl-Artikolu 2 tkun ġiet stralċjata skont proċedimenti normali ta’ insolvenza skont is-salvagwardji previsti fl-Artikolu 29”.

47      Skont dan il-prinċipju, l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 806/2014 jindika li s-SRB jista’ juża l-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) sabiex “jitħallas kumpens lill-azzjonisti jew lill-kredituri jekk, wara evalwazzjoni skont l-Artikolu 20(5) ikunu ġarrbu telf ikbar milli kieku kienu jġarrbu, wara valwazzjoni skont l-Artikolu 20(16), fi stralċ skont proċeduri normali ta’ insolvenza”.

48      Għalhekk, mid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta b’mod ċar li r-riferiment, li jinsab fl-Artikolu 20(16) sa (18) tar-Regolament Nru 806/2014, għat-trattament li minnu kienu jibbenefikaw l-azzjonisti u l-kredituri tal-entità li kieku din kienet suġġetta għal proċedura normali ta’ insolvenza jirreferi għat-trattament ipotetiku tagħhom fil-każ ta’ stralċ tal-entità.

49      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Delegat 2018/344, il-metodu għat-twettiq tal-valutazzjoni tat-trattament li kienu jibbenefikaw minnu l-azzjonisti u l-kredituri li fir-rigward tagħhom ġew eżegwiti miżuri ta’ riżoluzzjoni, li kieku l-entità kienet suġġetta għal proċedura normali ta’ insolvenza fid-data tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, jikkonsisti biss fid-determinazzjoni tal-ammont aġġornat tal-flussi ta’ flus mistennija fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza. Il-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġu evalwati dawn il-flussi tal-flus, stabbiliti fl-Artikolu 4(4) u (5) tar-Regolament Delegat 2018/344, huma intiżi sabiex jiddeterminaw il-valur tal-attiv, skont jekk humiex innegozjati jew le f’suq attiv, fil-kuntest ta’ trasferiment ipotetiku. L-Artikolu 4(8) tar-Regolament Delegat 2018/344 jipprevedi wkoll li l-prodott ipotetiku li jirriżulta mill-valutazzjoni għandu jitqassam bejn l-azzjonisti u l-kredituri skont il-klassifikazzjoni ta’ prijorità tagħhom fuq il-bażi tad-dritt applikabbli fil-qasam tal-insolvenza.

50      Minn dan jirriżulta li l-metodu ta’ valutazzjoni tat-trattament li minnu kienu jibbenefikaw l-azzjonisti u l-kredituri fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza ipotetika stabbilita fir-Regolament Delegat 2018/344 jikkorrispondi għal-likwidazzjoni tal-assi tal-istituzzjoni u għalhekk għal stralċ kif iddefinit fil-punt 42 tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

51      Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li d-differenza fit-trattament tiġi evalwata billi jitqabbel it-trattament reali li l-azzjonisti u l-kredituri affettwati kienu s-suġġett tiegħu minħabba r-riżoluzzjoni ma’ xenarju ipotetiku li fih l-entità tkun suġġetta għal proċedura normali ta’ insolvenza ma jimplikax li dan ix-xenarju kontrofattwali għandu jibbaża ruħu fuq ipoteżi simili għal dik użata fir-riżoluzzjoni, jiġifieri t-tkomplija tal-operat tal-entità.

52      Għandu jiġi rrilevat li dan l-argument jirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tal-mekkaniżmu ta’ kumpens għad-danni lill-azzjonisti u lill-kredituri ta’ entità suġġetta għal miżura ta’ riżoluzzjoni stabbilita mir-Regolament Nru 806/2014.

53      F’dan ir-rigward, il-premessa 62 tar-Regolament Nru 806/2014 tipprevedi:

“Interferenza mad-drittijiet tas-sjieda ma għandhiex tkun sproporzjonata. Bħala konsegwenza, l-azzjonisti u l-kredituri milquta ma għandhomx iġarrbu iktar telf minn dawk li kienu jġarrbu kieku l-entità ġiet stralċjata fiż-żmien meta ttieħdet id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni. Fil-każ ta’ trasferiment parzjali ta’ assi ta’ istituzzjoni taħt riżoluzzjoni lil xerrej privat jew istituzzjoni tranżitorja, il-parti residwa tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni għandha tiġi stralċjata skont proċeduri normali ta’ insolvenza. Sabiex jiġu protetti l-azzjonisti u l-kredituri eżistenti tal-entità fil-proċeduri tal-istralċ, dawn għandhom ikunu intitolati jirċievu bi ħlas għall-pretensjonijiet tagħhom mhux inqas minn dak li huwa stmat li kienu jirkupraw kieku l-entità kollha ġiet stralċjata skont proċeduri normali ta’ insolvenza.”

54      Skont l-Artikolu 20(18)(a) u (b) tar-Regolament Nru 806/2014, il-valutazzjoni tad-differenza fit-trattament prevista fl-Artikolu 20(16) tal-istess regolament hija bbażata fuq il-preżunzjoni li istituzzjoni suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni li fir-rigward tagħha jkunu ġew eżegwiti miżuri ta’ riżoluzzjoni waħda jew iktar kienet tkun suġġetta għal proċedura normali ta’ insolvenza fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni dwar il-miżura ta’ riżoluzzjoni kif ukoll fuq il-preżunzjoni li l-miżura jew il-miżuri ta’ riżoluzzjoni ma ġewx eżegwiti.

55      Għandu jitfakkar ukoll li l-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ entità tippreżupponi li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 huma ssodisfatti, jiġifieri li l-entità qiegħda f’sitwazzjoni ta’ falliment attwali jew probabbli, li ma jeżistux miżuri oħra ta’ natura privata jew miżuri prudenzjali li jistgħu jipprekludu l-falliment tagħha f’terminu raġonevoli u li l-miżura ta’ riżoluzzjoni hija neċessarja fl-interess pubbliku. Skont l-Artikolu 18(5) tar-Regolament Nru 806/2014 miżura ta’ riżoluzzjoni għandha titqies li hija fl-interess pubbliku jekk tkun neċessarja għall-kisba, permezz ta’ mezzi proporzjonati, ta’ għan ta’ riżoluzzjoni wieħed jew iktar, meta l-istralċ tal-entità skont proċedimenti normali ta’ insolvenza ma jippermettix dan sal-istess punt. Kif tindika r-rikorrenti, l-adozzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni għandha b’mod partikolari l-għan, skont l-Artikolu 14(2)(a) tal-istess regolament, li tiżgura t-tkomplija tal-funzjonijiet kritiċi tal-entità.

56      Kif tirrikonoxxi r-rikorrenti, miżura ta’ riżoluzzjoni tikkostitwixxi alternattiva għall-istralċ ta’ entità meta dan ikun meħtieġ fl-interess pubbliku.

57      Skont l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 806/2014, intiż li jimplimenta l-prinċipju msemmi fl-Artikolu 15(1)(g) tal-istess regolament, l-azzjonisti u l-kredituri għandhom id-dritt, matul il-proċedura ta’ riżoluzzjoni, għal rimbors jew għal kumpens tal-krediti tagħhom li ma jkunx inqas mill-istima ta’ dak li kienu jirkupraw kieku l-istituzzjoni jew l-impriża kollha inkwistjoni kienet ġiet stralċjata fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Banco Santander (Riżoluzzjoni bankarja Banco Popular), C‑410/20, EU:C:2022:351, punt 48).

58      Minn dan isegwi li, sabiex tiġi stabbilita d-differenza fit-trattament, il-paragun jirrigwarda t-trattament reali li l-azzjonisti u l-kredituri affettwati kienu s-suġġett tiegħu minħabba r-riżoluzzjoni u l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tagħhom fil-każ li l-miżura ta’ riżoluzzjoni ma kinitx ġiet adottata, jiġifieri fil-każ li l-entità kienet ġiet stralċjata. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-evalwazzjoni tad-differenza fit-trattament ma tippreżupponix il-paragun ta’ żewġ sitwazzjonijiet simili, iżda ta’ żewġ alternattivi. Ir-rikorrenti għalhekk issostni wkoll b’mod żbaljat li x-xenarju kontrofattwali huwa intiż, bħar-riżoluzzjoni, għal proċedura li tippermetti li tiġi żgurata t-tkomplija tal-funzjonijiet kritiċi tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-irkupru tagħhom u li dan għandu jkun ibbażat fuq l-istess ipoteżi bħal dik adottata fl-iskema ta’ riżoluzzjoni.

59      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Liġi 22/2003, li tirregola l-proċedura normali ta’ insolvenza fi Spanja, ma hijiex l-uniku test tad-dritt Spanjol applikabbli għall-valutazzjoni tad-differenza fit-trattament.

60      Fil-fatt, ir-Real Decreto 1012/2015 por el que se desarrolla la Ley 11/2015, y por el que se modifica el Real Decreto 2606/1996, de 20 de diciembre, sobre fondos de garantía de depósitos de entidades de crédito (id-Digriet Irjali 1012/2015 li jimplimenta l-Liġi 11/2015 u li jemenda d-Digriet Irjali 2606/1996, tal‑20 ta’ Diċembru 1996, dwar il-fondi ta’ garanzija għal depożiti ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu), tas‑6 ta’ Novembru 2015 (BOE Nru 267, tas‑7 ta’ Novembru 2015, p. 105911), li jittrasponi d-Direttiva 2014/59, jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-evalwazzjoni tad-differenza fit-trattament.

61      Issa, kif jindika r-Renju ta’ Spanja, il-leġiżlatur Spanjol, meta rregola l-evalwazzjoni tad-differenza fit-trattament, ma pprevediex ipoteżi oħra ħlief dik tal-istralċ skont il-proċedura normali ta’ insolvenza.

62      Fil-fatt, l-Artikolu 10(2) tad-Digriet Irjali 1012/2015 jipprevedi li l-valutazzjoni għandha tiddetermina t-trattament li l-azzjonisti u l-kredituri kienu jirċievu li kieku l-entità li kienet is-suġġett ta’ riżoluzzjoni kienet suġġetta għal proċedura ta’ stralċ fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.

63      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 10(3)(a) tad-Digriet Irjali 1012/2015 jindika li l-evalwazzjoni hija bbażata fuq il-preżunzjoni li l-entità li għaliha ġew applikati l-miżuri ta’ riżoluzzjoni kienet ġiet stralċjata fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.

64      Għalhekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tad-differenza fit-trattament wara riżoluzzjoni deċiża mill-FROB, id-dritt Spanjol jipprevedi li x-xenarju kontrofattwali huwa xenarju ta’ stralċ tal-entità li jieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Liġi 22/2003 dwar l-istralċ.

65      F’dan ir-rigward, kif jirrileva r-Renju ta’ Spanja, il-kunċett ta’ “stralċ”, imsemmi fl-Artikoli 148 u 149 tal-Liġi 22/2003, jikkonsisti fil-likwidazzjoni tal-beni u tad-drittijiet tal-impriża falluta sabiex jiġu ssodisfatti l-kredituri b’dak li nkiseb u jikkorrispondi għad-definizzjoni li tinsab fil-punt 42 tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

66      Barra minn hekk, kif jindika s-SRB, l-Artikolu 100 tal-Liġi 22/2003 dwar l-arranġament, imsemmi mir-rikorrenti, huwa inkluż fit-Titolu V ta’ din il-liġi intitolat “Fuq il-Fażijiet ta’ Stralċ jew ta’ Arranġament”. Minn dan jirriżulta li l-Liġi 22/2003, li hija l-Liġi Ġenerali dwar il-Falliment, tipprevedi li arranġament mal-kredituri jikkostitwixxi soluzzjoni alternattiva għall-istralċ fi tmiem il-fażi komuni tal-proċedura ta’ falliment.

67      Għaldaqstant, id-Digriet Irjali 1012/2015, billi pprovda espressament li d-differenza fit-trattament għandha tiġi evalwata billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-ipoteżi li l-entità daħlet fil-fażi ta’ stralċ, eskluda l-possibbiltà tal-applikazzjoni tas-soluzzjoni alternattiva li tikkonsisti f’arranġament mal-kredituri.

68      Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Spanjola applikabbli jipprevedu li d-determinazzjoni tad-differenza fit-trattament għandha tkun ibbażata fuq xenarju ta’ stralċ, fatt li jeskludi l-possibbiltà ta’ xenarju bbażat fuq tkomplija tal-operat tal-entità u fuq arranġament mal-kredituri.

69      Fit-tielet lok, f’dan il-każ, għandu jitfakkar li, fil-każ li l-iskema ta’ riżoluzzjoni ma kinitx ġiet adottata, l-alternattiva kienet tikkonsisti fl-istralċ ta’ Banco Popular skont proċedura normali ta’ insolvenza (sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs Il‑Kummissjoni, T‑570/17, EU:T:2022:314, punt 421).

70      F’dan ir-rigward, fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB irrileva li, konformement mal-valutazzjoni 3, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u, b’mod partikolari, tal-inkapaċità ta’ Banco Popular li tħallas id-djun tagħha mal-iskadenza tagħhom, il-ftuħ ta’ proċedura normali ta’ insolvenza fid-data tar-riżoluzzjoni kien iwassal għal stralċ ta’ Banco Popular, li kien jinvolvi likwidazzjoni mħaffa tal-attiv, mingħajr prezz minimu vinkolanti, u l-ħlas tal-likwidazzjoni netta lill-kredituri konformement mal-ġerarkija stabbilita mil-Liġi 22/2003.

71      Għandu jissemma wkoll li l-argument tar-rikorrenti li x-xenarju kontrofattwali għall-miżura ta’ riżoluzzjoni ma kienx jimplika neċessarjament l-ipoteżi ta’ stralċ ta’ Banco Popular kien diġà tqajjem minn ċerti azzjonisti u kredituri affettwati fil-kuntest tal-proċedura dwar id-dritt għal smigħ.

72      Fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB irrileva li huma kienu allegaw jew li setgħet tinstab soluzzjoni li tirriżulta mis-settur privat jew li x-xenarju kontrofattwali kellu jibbaża ruħu fuq il-bejgħ ta’ Banco Popular bħala impriża operattiva, peress li din kienet għadha attiva fis-suq fid-data tal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. B’mod partikolari, is-SRB indika li ċerti azzjonisti u kredituri affettwati kienu qegħdin isostnu li l-kredituri setgħu jikkonkludu ftehim (arranġament) li kien jipprekludi l-istralċ ta’ Banco Popular. Oħrajn kienu nnotaw li l-proċedura ta’ insolvenza Spanjola kienet tipprevedi l-possibbiltà ta’ insolvenza stabbilita minn qabel, li permezz tagħha l-assi vijabbli tal-entità huma separati u mibjugħa bħala impriża operattiva. Huma affermaw li din is-soluzzjoni kellha tiġi kkunsidrata mill-uffiċċju evalwatur, waqt id-definizzjoni tal-istrateġija ta’ stralċ, peress li din kienet tippermetti li jiġi ppreżervat aħjar il-valur ta’ franchise ta’ Banco Popular.

73      Is-SRB irrileva li, bla ħsara għar-rekwiżiti previsti mir-Regolament Nru 806/2014 u mid-dritt nazzjonali applikabbli, l-uffiċċju evalwatur kien spjega, fid-dokument ta’ kjarifika, ir-raġunijiet għalfejn ma kienx possibbli, fil-każ ta’ Banco Popular, li jsir bejgħ bħala impriża operattiva (permezz ta’ proċedura ta’ insolvenza stabbilita minn qabel jew b’mod ieħor) u lanqas li jiġi organizzat arranġament mal-kredituri. F’dan ir-rigward, l-uffiċċju evalwatur kien indika, minn naħa, li, fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular fid-data tar-riżoluzzjoni u tal-evalwazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) dwar il-falliment attwali jew probabbli ta’ Banco Popular, din tal-aħħar ma setgħetx tkompli topera waqt it-twettiq tan-negozjati, bir-riżultat ta’ tnaqqis sinjifikattiv fil-valur. Is-SRB żied li ittra tad-Direttur Ġenerali ta’ Banco Popular, tas‑6 ta’ Ġunju 2017, kienet tikkorrobora l-konklużjoni li s-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular ma kinitx tippermettilha tkompli bl-attivitajiet tagħha. Min-naħa l-oħra, l-uffiċċju evalwatur kien ikkunsidra li l-awtorizzazzjoni bankarja ta’ Banco Popular kienet tkun ġiet irrevokata, sa fejn il-kundizzjonijiet għall-irtirar tagħha previsti mil-leġiżlazzjoni Spanjola kienu ġew issodisfatti. Huwa kien indika li l-liċenzja bankarja kienet neċessarja sabiex jiġu aċċettati d-depożiti tal-klijenti, li kienu essenzjali għat-tkomplija tal-operat ta’ Banco Popular jew għall-bejgħ tagħha bħala impriża operattiva.

74      Is-SRB żied li l-uffiċċju evalwatur kien semma, fid-dokument ta’ kjarifika, li l-ħolqien ta’ “bank tajjeb” u ta’ “bank ħażin” ma kienx previst mil-Liġi 22/2003 u li, fi kwalunkwe każ, l-implimentazzjoni tagħha kienet teħtieġ żmien li ma kienx disponibbli.

75      Is-SRB ikkonkluda li l-uffiċċju evalwatur kien wettaq evalwazzjoni xierqa fir-rigward tax-xenarju ta’ stralċ użat fil-valutazzjoni 3.

76      Minn dan jirriżulta li, fid-data tar-riżoluzzjoni, Banco Popular ma kinitx f’pożizzjoni li tkompli bl-operat tagħha minħabba s-sitwazzjoni ta’ likwidità tagħha, is-sitwazzjoni ta’ falliment attwali jew probabbli tagħha u minħabba l-possibbiltà ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni bankarja tagħha, u li, għal din ir-raġuni, la arranġament mal-kredituri u lanqas xenarju ta’ insolvenza bħala impriża operattiva ma kienu prevedibbli.

77      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, kemm id-dispożizzjonijiet legali applikabbli kif ukoll is-sitwazzjoni fattwali ta’ Banco Popular fid-data tar-riżoluzzjoni kienu jeskludu l-applikazzjoni ta’ xenarju kontrofattwali li jieħu inkunsiderazzjoni l-ipoteżi ta’ impriża operattiva.

78      Minn dan isegwi li huwa irrilevanti l-argument tar-rikorrenti dwar id-differenza fil-valur li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-kriterju ta’ tkomplija tal-operat minflok il-kriterju ta’ stralċ fir-rigward tal-valutazzjoni tal-assi tat-taxxa differita mhux protetti ta’ Banco Popular.

79      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li s-SRB wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta approva l-evalwazzjoni tal-uffiċċju evalwatur li abbażi tagħha l-evalwazzjoni tat-trattament li kienu jibbenefikaw minnu l-azzjonisti u l-kredituri affettwati ta’ Banco Popular fil-każ li din kienet is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza kellha titwettaq skont xenarju ta’ stralċ ta’ impriża mhux operattiva.

80      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq ilksur talArtikolu 20 tarRegolament Nru 806/2014 u talKapitolu IV tarRegolament Delegat 2016/1075, sa fejn ilvalutazzjoni 3 ma twettqitx minn evalwatur indipendenti

81      Ir-rikorrenti ssostni li l-uffiċċju evalwatur ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jitqies li huwa indipendenti għall-finijiet tal-istabbiliment tal-valutazzjoni 3 u li l-ħatra tiegħu mis-SRB tikser id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV tar-Regolament Delegat 2016/1075 u l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 806/2014.

82      Fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB qies li l-uffiċċju evalwatur kien indipendenti, konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014 u tal-Kapitolu IV tar-Regolament Delegat 2016/1075. Huwa rrileva li l-uffiċċju evalwatur kien intgħażel fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, li fi tmiemha s-SRB qies li dan kellu l-kwalifiki, l-esperjenza, il-kompetenzi, l-għarfien u r-riżorsi neċessarji sabiex iwettaq il-valutazzjoni 3, mingħajr dipendenza eċċessiva fuq awtorità pubblika kkonċernata jew fuq Banco Popular, konformement mar-rekwiżiti tal-punt 1 tal-Artikolu 38 u tal-Artikolu 39 tar-Regolament Delegat 2016/1075. Is-SRB qies li l-uffiċċju evalwatur, fid-dawl tan-natura, tal-portata u tal-kumplessità tal-valutazzjoni li kellha titwettaq, kellu r-riżorsi umani u tekniċi xierqa sabiex iwettaq il-valutazzjoni 3, konformement mal-Artikolu 39(2) tar-Regolament Delegat 2016/1075.

83      Barra minn hekk, is-SRB qies li l-uffiċċju evalwatur kien entità ġuridika indipendenti mill-awtoritajiet pubbliċi u minn Banco Popular u, f’dan ir-rigward, li kien totalment indipendenti mis-SRB u ma kienx ġie ngaġġat għax-xogħlijiet ta’ kontabbiltà annwali ta’ Banco Popular.

84      Fl-aħħar nett, is-SRB irrileva li, fir-rigward tal-assenza ta’ interessi komuni jew f’kunflitt sinjifikattivi, attwali jew potenzjali, fis-sens tal-Artikolu 41 tar-Regolament Delegat 2016/1075, l-uffiċċju evalwatur kien wettaq verifika interna fid-dawl tal-istandards professjonali applikabbli. Fid-dawl tar-riżultat ta’ din il-verifika, l-uffiċċju evalwatur kien qies li ma kellux kunflitt ta’ interessi fir-rigward tal-ħatra tiegħu bħala evalwatur indipendenti. F’dan ir-rigward, is-SRB semma d-diversi dikjarazzjonijiet ta’ assenza ta’ kunflitt ta’ interessi pprovduti mill-uffiċċju evalwatur matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti u wara l-ħatra tiegħu, intiżi sabiex jiggarantixxu l-indipendenza tiegħu u dik tal-membri tat-timijiet tiegħu, b’mod partikolari dak inkarigat bit-twettiq tal-valutazzjoni 3.

85      Fid-dawl ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet u tal-garanziji mogħtija mill-uffiċċju evalwatur, is-SRB qies li dan tal-aħħar kien offra biżżejjed garanziji sabiex jiġi evitat kwalunkwe interess sinjifikattiv reali jew potenzjali komuni jew f’kunflitt ma’ awtorità pubblika rilevanti jew ma’ Banco Popular. Is-SRB irrefera wkoll għall-punt 6.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata, li fih wieġeb għall-“Kummenti dwar l-Indipendenza tal-Uffiċċju Evalwatur” ippreżentati mill-azzjonisti u mill-kredituri affettwati matul il-proċedura relatata mad-dritt għal smigħ. Taħt dan it-titolu, is-SRB spjega li l-uffiċċju evalwatur, fil-mument tal-ħatra tiegħu u matul it-twettiq tal-valutazzjoni 3, ma kellux interess sinjifikattiv reali jew potenzjali komuni jew f’kunflitt ma’ awtorità pubblika rilevanti jew mal-entità rilevanti, fis-sens tal-Artikolu 41 tar-Regolament Delegat 2016/1075.

86      Is-SRB ikkonkluda li l-uffiċċju evalwatur kien indipendenti konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 20(16) tar-Regolament Nru 806/2014 u tal-Artikoli 39 sa 41 tar-Regolament Delegat 2016/1075.

87      F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 20(16) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB għandu jiżgura li titwettaq valutazzjoni minn persuna indipendenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, jiġifieri minn persuna indipendenti minn kull awtorità pubblika, inkluż mis-SRB u l-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, kif ukoll mill-entità kkonċernata.

88      Ir-regoli fil-qasam tal-indipendenza tal-evalwaturi huma speċifikati fil-Kapitolu IV tar-Regolament Delegat 2016/1075, li l-Artikolu 38 tiegħu jipprovdi:

“Persuna ġuridika jew fiżika tista’ tinħatar bħala valutatur. Il-valutatur jitqies li huwa indipendenti minn kwalunkwe awtorità pubblika rilevanti u l-entità relevanti meta jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(1)       il-valutatur ikollu l-kwalifiki, l-esperjenza, il-ħila, l-għarfien u r-riżorsi meħtieġa u jista’ jagħmel il-valutazzjoni b'mod effettiv mingħajr dipendenza żejda fuq xi awtorità pubblika rilevanti jew l-entità rilevanti skont l-Artikolu 39;

(2)       il-valutatur ikun legalment separat mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u l-entità rileventi skont l-Artikolu 40;

(3)       il-valutatur ma jkollu ebda interess komuni jew kunflitt materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 41.”

89      L-Artikolu 41 tar-Regolament Delegat 2016/1075, dwar interessi sinjifikattivi komuni jew f’kunflitt, jipprevedi:

“(1) Il-valutatur indipendenti ma jkollux interess materjali attwali jew potenzjali komuni jew f’kunflitt ma’ xi awtorità pubblika rilevanti jew l-entità rilevanti.

(2) Għall-finijiet tal-paragrafu 1, interess attwali jew potenzjali jitqies materjali meta, fil-valutazzjoni tal-awtorità tal-ħatra jew kwalunkwe awtorità oħra bħal din li tista’ tingħata s-setgħa li twettaq dan il-kompitu fl-Istat Membru kkonċernat, jista’ jinfluwenza, jew jista’ jiġi perċepit b'mod raġonevoli li jinfluwenza, il-ġudizzju tal-valutatur indipendenti meta jwettaq il-valwazzjoni.

(3) Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-interessi komuni jew f’kunflitt ma’ tal-inqas il-partijiet li ġejjin ikunu rilevanti:

a)       il-maniġment superjuri u l-membri tal-korp maniġerjali tal-entità rilevanti;

b)       il-persuni ġuridiċi jew fiżiċi li jikkontrollaw jew li għandhom parteċipazzjoni kwalifikanti fl-entità rilevanti;

c)       il-kredituri identifikati mill-awtorità tal-ħatra jew kwalunkwe awtorità oħra bħal din li tista’ tingħata s-setgħa li twettaq dan il-kompitu fl-Istat Membru kkonċernat, li huma sinifikanti fuq il-bażi tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-awtorità tal-ħatra jew kwalunkwe awtorità bħal din li tista' tingħata s-setgħa li twettaq dan il-kompitu fl-Istat Membru kkonċernat;

d)       kull entità tal-grupp.

(4) Għall-finijiet tal-paragrafu 1, tal-inqas il-kwistjonijiet li ġejjin ikunu rilevanti:

a)       il-forniment mill-valutatur indipendenti ta’ servizzi, inkluż il-forniment fl-imgħoddi ta’ servizzi, lill-entità rilevanti u l-persuni msemmijin fil-paragrafu 3, u b’mod partikolari r-rabta bejn dawn is-servizzi u l-elementi rilevanti għall-valwazzjoni;

b)       ir-relazzjonijiet personali u finanzjarji bejn il-valutatur indipendenti u l-entità rilevanti u l-persuni msemmijin fil-paragrafu 3;

c)       investimenti jew interessi finanzjarji materjali oħrajn tal-valutatur indipendenti;

d)       b’rabta mal-persuni ġuridiċi, kwalunkwe separazzjoni strutturali jew arranġamenti oħrajn li għandhom jiġu implimentati biex jindirizzaw kwalunkwe theddida għall-indipendenza bħall-awtorieżami, l-awtointeress, ir-rakkomandazzjoni, il-familjarità, il-fiduċja jew l-intimidazzjoni, inklużi arranġamenti biex jiddifferenzjaw bejn dawk il-membri tal-persunal li jistgħu jkunu involuti fil-valwazzjoni u membri oħrajn tal-persunal.

[…]”

90      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax li l-kundizzjonijiet previsti fil-punti 1 u 2 tal-Artikolu 38 tar-Regolament Delegat 2016/1075 kienu ssodisfatti mill-uffiċċju evalwatur, jiġifieri li kellu l-kwalifiki, l-esperjenza, il-kompetenzi, l-għarfien u r-riżorsi neċessarji sabiex iwettaq b’mod effettiv il-valutazzjoni 3 u li kien legalment separat mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u minn Banco Popular.

91      Hija lanqas ma ssostni li l-uffiċċju evalwatur kellu interess sinjifikattiv reali jew potenzjali komuni jew f’kunflitt mal-awtorità pubblika rilevanti, jiġifieri s-SRB, jew mal-entità rilevanti, jiġifieri Banco Popular, fis-sens tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Delegat 2016/1075.

92      Ir-rikorrenti ssostni li l-uffiċċju evalwatur ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jitqies li huwa indipendenti, sa fejn kellu interessi reali jew potenzjali sinjifikattivi li jistgħu jinfluwenzaw jew jistgħu jiġu pperċepiti b’mod raġonevoli li jinfluwenzaw il-ġudizzju tiegħu waqt it-twettiq tal-valutazzjoni 3, fis-sens tal-Artikolu 41(2) tar-Regolament Delegat 2016/1075.

93      Hija ssostni, essenzjalment, li l-eżistenza ta’ tali interessi ma għandhiex tiġi evalwata biss fid-dawl tar-rabtiet bejn, minn naħa, l-uffiċċju evalwatur u, min-naħa l-oħra, is-SRB jew Banco Popular, iżda wkoll fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ. Għalhekk, hija tilmenta li s-SRB ma ħax inkunsiderazzjoni, l-ewwel, il-fatt li l-uffiċċju evalwatur kien diġà wettaq il-valutazzjoni 2 u, it-tieni, ir-rabtiet bejn dan tal-aħħar u Banco Santander.

 Fuq lewwel parti, dwar ilfatt li luffiċċju evalwatur wettaq ilvalutazzjonijiet 2 u 3

94      Ir-rikorrenti ssostni li, peress li l-uffiċċju evalwatur kien wettaq il-valutazzjoni 2, ma kienx xieraq, fuq il-bażi l-osservanza tal-prinċipju ta’ diliġenza professjonali u ta’ oġġettività fl-għażla tal-evalwatur indipendenti, li jiġi fdat lilha t-twettiq tal-valutazzjoni 3. Hija tqis li l-uffiċċju evalwatur kien suġġett għal pressjoni qawwija sabiex jippreżerva r-reputazzjoni professjonali tiegħu, fatt li wasslu sabiex jevita kwalunkwe korrezzjoni jew modifika tal-konklużjonijiet tal-valutazzjoni 2.

95      Ir-rikorrenti tfakkar li s-SRB huwa suġġett għall-osservanza tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta, u għar-rekwiżit ta’ imparzjalità, intiż, b’mod partikolari, sabiex jiġu evitati s-sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interessi. Issa, is-SRB sempliċement ikkonstata l-konformità formali tal-ħatra tal-evalwatur mar-rekwiżiti tar-Regolament Delegat 2016/1075, mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni okkupata mill-uffiċċju evalwatur fil-proċedura ta’ riżoluzzjoni u lanqas l-apparenza ta’ imparzjalità tiegħu. Ma huwiex biżżejjed li r-rekwiżiti dwar is-separazzjoni strutturali u l-interessi sinjifikattivi jiġu osservati, iżda għandu jiġi żgurat li l-proċedura tkun nieqsa minn kwalunkwe suspett ta’ parzjalità.

96      Fir-replika, ir-rikorrenti tirrikonoxxi li, ċertament, kif isostni s-SRB, id-dispożizzjonijiet applikabbli, b’mod partikolari l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 806/2014, ma jipprekludux li l-valutazzjonijiet 2 u 3 jitwettqu mill-istess evalwatur. Hija ssostni li, madankollu, il-fatt li l-uffiċċju evalwatur wettaq il-valutazzjoni 2 kien jikkostitwixxi ċirkustanza li tipprekludi li dan ikun jista’ jitqies bħala evalwatur oġġettiv u indipendenti.

97      Permezz tal-argumenti tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment tilmenta li s-SRB ħatar lill-uffiċċju evalwatur bħala evalwatur indipendenti sabiex iwettaq il-valutazzjoni 3 mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li, peress li dan kien diġà wettaq il-valutazzjoni 2, ma setax jitqies li dan josserva r-rekwiżit ta’ imparzjalità stabbilit fl-Artikolu 41(1) tal-Karta, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

98      L-Artikolu 41(1) tal-Karta jipprovdi b’mod partikolari li kull persuna għandha d-dritt li l-affarijiet tagħha jiġu ttrattati b’mod imparzjali mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni.

99      Skont il-ġurisprudenza, ir-rekwiżit ta’ imparzjalità, impost fuq l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom, huwa intiż li jiżgura l-ugwaljanza fit-trattament li hija l-bażi tal-Unjoni. Dan ir-rekwiżit huwa intiż, b’mod partikolari, li jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interessi eventwali fir-rigward ta’ uffiċjali u ta’ aġenti li jaġixxu għan-nom tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi. Fid-dawl tal-importanza fundamentali tal-garanzija ta’ indipendenza u ta’ integrità f’dak li jirrigwarda kemm il-funzjonament intern kif ukoll id-dehra esterna tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni, ir-rekwiżit ta’ imparzjalità jkopri kull ċirkustanza li l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal mitlub li jippronunzja ruħu f’każ għandu raġonevolment jinterpreta bħala li hija ta’ natura li tidher, f’għajnejn terzi, li tista’ taffettwa l-indipendenza tiegħu fil-kwistjoni (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, August Wolff u Remedia vs Il‑Kummissjoni, C‑680/16 P, EU:C:2019:257, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    Għalhekk, huma dawn l-istituzzjonijiet, korpi u organi għandhom jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżit ta’ imparzjalità, fiż-żewġ komponenti tiegħu li huma, minn naħa, l-imparzjalità suġġettiva, fis-sens li ebda membru tal-istituzzjoni kkonċernata ma għandu juri parzjalità jew preġudizzju personali, u, min-naħa l-oħra, l-imparzjalità oġġettiva, li abbażi tiegħu din l-istituzzjoni għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull dubju leġittimu dwar preġudizzju li jista’ jkun hemm (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2019, August Wolff u Remedia vs Il‑Kummissjoni, C‑680/16 P, EU:C:2019:257, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    Issa, kif indikat fil-punt 87 iktar ’il fuq, huwa s-SRB, skont l-Artikolu 20(16) tar-Regolament Nru 806/2014, li għandu jiżgura l-indipendenza tal-uffiċċju evalwatur fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ.

102    Ċertament, bħala prinċipju, ma jistax jiġi eskluż li, f’għajnejn terzi, il-fatt li l-uffiċċju evalwatur kien diġà pparteċipa fil-proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular billi wettaq il-valutazzjoni 2, qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, jista’ jidher bħala fatt li jipprekludih milli jkun oġġettiv u imparzjali waqt it-twettiq tal-valutazzjoni 3.

103    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB indika li diversi azzjonisti u kredituri affettwati kienu ppreżentaw kummenti dwar l-indipendenza tal-uffiċċju evalwatur u kienu sostnew li dan tal-aħħar ma kellux iwettaq il-valutazzjoni 3 sa fejn huwa kien diġà wettaq il-valutazzjoni 2. Uħud minn dawn il-kummenti semmew il-fatt li l-valutazzjoni 2 kienet tinkludi stima ex ante tat-trattament li kull kategorija ta’ azzjonisti jew ta’ kredituri kienet tirċievi fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza u sostnew li l-uffiċċju evalwatur kien qiegħed jipprova jikkonferma l-konklużjonijiet tal-analiżi tal-prinċipju li l-ebda kreditur ma għandu jiġi ttrattat b’mod agħar, li huwa kien wettaq fil-valutazzjoni 2.

104    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li ċ-ċirkustanzi tal-każ, minn naħa, ma jistabbilixxux li l-uffiċċju evalwatur, meta wettaq il-valutazzjoni 3, kien influwenzat mill-fatt li huwa kien wettaq il-valutazzjoni 2 u, min-naħa l-oħra, jikkontradixxu l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li seta’ raġonevolment jidher li ma kienx oġġettiv jew imparzjali.

105    Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-valutazzjoni 2 hija maqsuma f’żewġ partijiet, l-ewwel waħda li tinkludi l-valutazzjoni provviżorja ta’ Banco Popular għall-finijiet tar-riżoluzzjoni u t-tieni waħda tikkonsisti f’simulazzjoni ta’ xenarju ta’ stralċ. L-ewwel parti tinkludi evalwazzjoni tal-attiv u tal-passiv ta’ Banco Popular u hija intiża li tiddetermina l-valur ekonomiku tagħha fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-għodda ta’ bejgħ ta’ negozju. Din l-ewwel parti ttieħdet inkunsiderazzjoni mis-SRB għall-finijiet tal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Is-simulazzjoni ta’ xenarju ta’ stralċ, li jinsab fit-tieni parti, għandha l-għan, konformement mal-Artikolu 20(9) tar-Regolament Nru 806/2014, li tivvaluta t-trattament li kull kategorija ta’ azzjonisti u kredituri setgħet tirċievi li kieku l-entità kkonċernata mill-miżura ta’ riżoluzzjoni kienet ġiet stralċjata skont proċedura normali ta’ insolvenza skont il-leġiżlazzjoni Spanjola.

106    Fil-valutazzjoni 3, l-analiżi tad-differenza fit-trattament hija bbażata fuq it-trattament reali li l-azzjonisti u l-kredituri affettwati ngħataw wara r-riżoluzzjoni. L-evalwazzjoni tal-attiv u tal-passiv ta’ Banco Popular għall-finijiet tar-riżoluzzjoni li tinsab fl-ewwel parti tal-valutazzjoni 2 ma tteħditx inkunsiderazzjoni fil-valutazzjoni 3 u għalhekk ma setgħetx tinfluwenza l-uffiċċju evalwatur meta wettaq din tal-aħħar.

107    Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti jikkonċerna biss it-tieni parti tal-valutazzjoni 2, li tikkorrispondi għal simulazzjoni ta’ xenarju ta’ stralċ.

108    F’dan ir-rigward, fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB enfasizza li l-kuntest ġuridiku applikabbli kien jirrikonoxxi li l-istima provviżorja tat-trattament li l-azzjonisti u l-kredituri affettwati setgħu jirċievu li kieku l-entità kienet ġiet stralċjata fil-kuntest tal-valutazzjoni 2 ma setgħetx tkun daqstant preċiża bħal dik li tinsab fil-valutazzjoni 3 għal diversi raġunijiet, jiġifieri, b’mod partikolari, il-limitazzjonijiet ta’ żmien u n-nuqqas ta’ data suffiċjentement qrib id-data tar-riżoluzzjoni fil-kuntest tal-valutazzjoni 2. Għalhekk, skont l-Artikolu 20(9) tar-Regolament Nru 806/2014, il-valutazzjoni 2 tinkludi “stima” ta’ dan it-trattament, filwaqt li l-Artikolu 20(17) tal-istess regolament jipprevedi li l-valutazzjoni 3 għandha “tiddetermina” dan it-trattament. Is-SRB indika li s-sempliċi fatt li l-istima provviżorja inkluża fil-valutazzjoni 2 u l-valutazzjoni 3 kellhom riżultati simili, iżda kienu bbażati fuq preżunzjonijiet differenti, ma setax jitqies fih innifsu bħala prova suffiċjenti li l-valutazzjoni 3 ma kinitx twettqet konformement mar-rekwiżiti legali.

109    L-ewwel, għandu jiġi rrilevat li, fil-valutazzjoni 2, l-uffiċċju evalwatur speċifika li huwa ma kellux l-informazzjoni u d-data kollha neċessarja u lanqas żmien suffiċjenti sabiex iwettaq stima iktar milli sempliċement indikattiva f’dan l-istadju. Huwa indika, f’diversi okkażjonijiet, li s-simulazzjoni tax-xenarju ta’ stralċ hija bbażata fuq diversi inċertezzi u li, meta tkun disponibbli informazzjoni iktar preċiża, dan ikun jista’ jirfina l-preżunzjonijiet tiegħu u jħejji xenarju ta’ stralċ iktar “robust” u iktar affidabbli.

110    L-uffiċċju evalwatur semma b’mod partikolari li, “[p]eress li l-istruttura tal-impriża jew il-karti tal-bilanċ tal-entitajiet individwali ma [kinux] ġew ikkomunikati lilu, ix-xenarju ta’ stralċ [tagħha] [kien] ġie żviluppat fuq bażi kkonsolidata b’mod indikattiv” u li “[l]-istralċ effettiv skont il-[Liġi 22/2003] kien jikkonċerna l-entitajiet individwali”. Huwa żied li, “[m]alli jirċievi din l-informazzjoni addizzjonali, [huwa jkun] f’pożizzjoni li jippreżenta simulazzjoni ta’ xenarju ta’ stralċ iktar robust fuq bażi individwali”.

111    Minn naħa, minn dan jirriżulta li l-valutazzjoni 2 kien fiha diversi riżervi dwar l-affidabbiltà tas-simulazzjoni tax-xenarju ta’ stralċ. Min-naħa l-oħra, mill-punti 105 u 106 iktar ’il fuq jirriżulta li evalwazzjoni ta’ Banco Popular f’xenarju ta’ stralċ fil-valutazzjoni 3 differenti minn dik li tinsab fis-simulazzjoni inkluża fil-valutazzjoni 2 ma tistax tikkontesta l-validità ta’ din tal-aħħar.

112    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax validament issostni li l-uffiċċju evalwatur, bl-għan li jipproteġi r-reputazzjoni professjonali tiegħu, qies ruħu marbut bil-konklużjonijiet li jinsabu fil-valutazzjoni 2 meta wettaq il-valutazzjoni 3 u lanqas li differenza bejn dawn iż-żewġ valutazzjonijiet hija ta’ natura li tivvizzja r-reputazzjoni professjonali tiegħu u għalhekk twassal għal nuqqas ta’ oġġettività tiegħu.

113    It-tieni, l-argument tar-rikorrenti li l-uffiċċju evalwatur kien inċentivat jevita kull rettifika jew modifika tal-konklużjonijiet li jinsabu fil-valutazzjoni 2 huwa kontradett miċ-ċirkustanzi li fihom twettqu l-valutazzjonijiet 2 u 3.

114    F’dan ir-rigward, fid-deċiżjoni kkontestata, bi tweġiba għall-kummenti msemmija fil-punt 103 iktar ’il fuq, is-SRB indika li, filwaqt li l-istima ex ante tat-trattament li minnu bbenefikaw l-azzjonisti u l-kredituri affettwati fi proċedura ta’ insolvenza ipotetika, inkluża fil-valutazzjoni 2, kienet twettqet f’terminu speċifiku u kienet ibbażata fuq l-informazzjoni li kellu l-uffiċċju evalwatur qabel ir-riżoluzzjoni, jiġifieri prinċipalment dik disponibbli fil‑31 ta’ Marzu 2017, il-valutazzjoni 3 kienet ibbażata fuq informazzjoni iktar preċiża fis‑6 ta’ Ġunju 2017, fid-data tal-għeluq tal-attivitajiet, meta din kienet disponibbli. Is-SRB qies li, fid-dawl tal-informazzjoni differenti li fuqha kienu bbażati dawn l-evalwazzjonijiet, kif ukoll tal-iskop differenti tagħhom, l-uffiċċju evalwatur seta’ jasal għal konklużjonijiet differenti.

115    Minn naħa, għandu jitfakkar li s-simulazzjoni tax-xenarju ta’ stralċ li jinsab fil-valutazzjoni 2 kienet ibbażata neċessarjament fuq data preċedenti għall-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni filwaqt li l-valutazzjoni 3 kellha tieħu inkunsiderazzjoni d-data disponibbli fid-data tar-riżoluzzjoni. Għalhekk ma setax jiġi preżunt li, fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ Banco Popular f’xenarju ipotetiku ta’ stralċ imwettqa fil-valutazzjoni 3, l-uffiċċju evalwatur kien jasal għall-istess riżultat bħal fis-simulazzjoni li tidher fil-valutazzjoni 2.

116    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tirrikonoxxi li l-valutazzjoni 2 kellha titwettaq b’urġenza. Għalhekk, kif indika l-uffiċċju evalwatur fil-valutazzjoni 2, is-simulazzjoni tax-xenarju ta’ stralċ kienet ibbażata fuq preżunzjonijiet mhux ivverifikati u li kellhom jiġu rfinati.

117    Minn dan jirriżulta li s-SRB, minn meta rċieva l-valutazzjoni 2, kien informat bil-fatt li l-uffiċċju evalwatur kellu jibbaża ruħu fuq data ġdida fil-valutazzjoni 3 u għalhekk jibdel l-evalwazzjoni mwettqa fis-simulazzjoni tax-xenarju ta’ stralċ. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax issostni b’mod validu li l-fatt li l-uffiċċju evalwatur kien wettaq il-valutazzjoni 2 kellu jwassal lis-SRB sabiex jiddubita l-oġġettività u l-imparzjalità tiegħu.

118    It-tielet, ir-rikorrenti ma tikkontestax li l-valutazzjonijiet 2 u 3 twettqu b’għanijiet differenti u skont approċċi differenti.

119    Waqt is-seduta, ir-rikorrenti spjegat li s-SRB kellu jqabbad evalwatur differenti sabiex iwettaq valutazzjoni skont metodu differenti, filwaqt li l-uffiċċju evalwatur uża l-istess metodoloġija fil-valutazzjonijiet 2 u 3, jiġifieri evalwazzjoni skont xenarju ta’ stralċ.

120    Issa, sa fejn mill-analiżi tat-tieni motiv jirriżulta li l-evalwazzjoni tat-trattament li minnu kienu jibbenefikaw l-azzjonisti u l-kredituri affettwati ta’ Banco Popular fil-każ li din kienet is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza kellha ssir skont xenarju ta’ stralċ, ir-rikorrenti ma tistax utilment issostni li l-għażla ta’ dan il-metodu kienet ta’ natura li tistabbilixxi apparenza ta’ nuqqas ta’ oġġettività min-naħa tal-uffiċċju evalwatur. Kuntrarjament għal dak li hija ssostni, kwalunkwe evalwatur ieħor li kien jinħatar għat-twettiq tal-valutazzjoni 3 kien ikollu jibbaża ruħu fuq xenarju ipotetiku ta’ stralċ ta’ Banco Popular.

121    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fil-valutazzjoni 3, l-uffiċċju evalwatur mhux sempliċement ikkonferma r-riżultat tas-simulazzjoni li tinsab fil-valutazzjoni 2.

122    Għalhekk, pereżempju, fil-valutazzjoni 2, it-total tal-likwidazzjoni tal-assi ta’ Banco Popular għall-kredituri, fil-każ ta’ xenarju ta’ stralċ ta’ tliet snin, ġie stmat bejn EUR 120.9 biljun fl-aħjar ipoteżi u EUR 116.5 biljun fl-agħar ipoteżi. Fil-valutazzjoni 3, għax-xenarju ta’ stralċ ta’ tliet snin, il-valutazzjoni tal-assi wasslet għal riżultat differenti, jiġifieri EUR 101.546 biljun fl-aħjar ipoteżi u EUR 97.593 biljun fl-agħar ipoteżi.

123    Is-sempliċi fatt li l-uffiċċju evalwatur wasal għall-istess konklużjoni, jiġifieri li l-azzjonisti u l-kredituri affettwati ma kinux jiksbu kumpens fil-każ ta’ stralċ ta’ Banco Popular ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li huwa qies ruħu marbut mill-evalwazzjoni tiegħu mwettqa fil-valutazzjoni 2 meta wettaq il-valutazzjoni 3.

124    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argument intiż sabiex tiġi stabbilita apparenza ta’ nuqqas ta’ oġġettività tal-uffiċċju evalwatur minħabba l-fatt li huwa kien wettaq il-valutazzjoni 2 ma huwa bbażat fuq ebda element konkret u huwa kontradett mill-kontenut stess tal-valutazzjoni 3.

125    Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li l-uffiċċju evalwatur kien wettaq il-valutazzjoni 2 ma kienx jippermetti li tiġi kkontestata l-indipendenza tiegħu għat-twettiq tal-valutazzjoni 3 u l-ħatra tiegħu mis-SRB bħala evalwatur indipendenti.

126    Minn dan isegwi li l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ittieni parti, dwar irrabtiet bejn luffiċċju evalwatur u Banco Santander

127    Ir-rikorrenti ssostni li huwa b’mod żbaljat li s-SRB, sabiex jevalwa l-indipendenza tal-uffiċċju evalwatur, ma ħax inkunsiderazzjoni r-relazzjonijiet bejn dan tal-aħħar u Banco Santander.

128    Fl-ewwel lok, hija ssostni li, fid-dawl tas-servizzi pprovduti mill-uffiċċju evalwatur lil Banco Santander qabel u wara r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular, is-SRB kellu jikkonkludi li dan ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jitqies li huwa evalwatur indipendenti sa fejn kellu interessi sinjifikattivi, reali jew potenzjali, li jistgħu jinfluwenzaw jew jiġu pperċepiti b’mod raġonevoli bħala li jinfluwenzaw il-ġudizzju tiegħu fil-kuntest tal-valutazzjoni 3, fis-sens tal-Artikolu 41 tar-Regolament Delegat 2016/1075.

129    L-ewwel, ir-rikorrenti ssostni li s-SRB ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li l-uffiċċju evalwatur kien l-awditur tal-kontijiet ta’ Banco Santander matul 25 sena, sal‑2016.

130    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, matul il-proċedura dwar id-dritt għal smigħ, ċerti azzjonisti u kredituri affettwati ppreżentaw kummenti dwar l-indipendenza tal-uffiċċju evalwatur, li kienet kompromessa mill-fatt li dan tal-aħħar kien ipprovda servizzi ta’ awditu lil Banco Santander fil-passat, qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

131    Fid-deċiżjoni kkontestata, bi tweġiba għal dawn il-kummenti, is-SRB qies li s-servizzi ta’ awditu pprovduti lil Banco Santander mill-uffiċċju evalwatur ma kellhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-indipendenza li huwa kien wettaq fil-mument tal-ingaġġ ta’ dan tal-aħħar fit‑23 ta’ Mejju 2017, sa fejn din l-evalwazzjoni kienet twettqet fir-rigward ta’ Banco Popular. Is-SRB indika li, f’din id-data, l-evalwazzjoni tal-indipendenza tal-uffiċċju evalwatur fir-rigward tax-xerrejja potenzjali ma kinitx twettqet sa fejn, minn naħa, din ma kinitx prevista mill-kuntest legali u, min-naħa l-oħra, il-proċedura ta’ valutazzjoni kienet proċedura differenti mill-proċedura ta’ bejgħ li kienet tiddetermina x-xerrej. B’mod partikolari, l-uffiċċju evalwatur ma kellux aċċess għall-informazzjoni dwar l-ismijiet tax-xerrejja potenzjali jew l-identità tax-xerrej qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

132    Is-SRB qies li, fid-dawl tal-portata u tal-għan tal-valutazzjoni 3, is-servizzi ta’ awditu pprovduti fil-passat lil Banco Santander mill-uffiċċju evalwatur ma kinux jinterferixxu mal-indipendenza ta’ dan tal-aħħar fir-rigward tat-twettiq tal-valutazzjoni 3 u ma kinux jikkostitwixxu interess sinjifikattiv reali jew potenzjali komuni jew f’kunflitt, fis-sens tal-Artikolu 41 tar-Regolament Delegat 2016/1075. B’mod partikolari, huwa rrileva li l-valutazzjoni 3 kienet tikkonċerna biss l-attiv u l-passiv ta’ Banco Popular qabel il-bejgħ tagħha lil Banco Santander u mhux dawk ta’ Banco Santander.

133    Għalhekk, għandu jitqies li, fid-data tal-ħatra tal-uffiċċju evalwatur bħala evalwatur indipendenti, jiġifieri fit‑23 ta’ Mejju 2017, l-identità tax-xerrej ma kinitx magħrufa u, għaldaqstant, ma kienx possibbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rabtiet bejn l-uffiċċju evalwatur u Banco Santander. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fid-data tal-ħatra tiegħu bħala evalwatur, l-uffiċċju evalwatur ma kienx għadu jipprovdi servizzi ta’ awditu lil Banco Santander, fatt li barra minn hekk ir-rikorrenti ma tallegax.

134    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 41(4)(a) tar-Regolament Delegat 2016/1075, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ interess sinjifikattiv reali jew potenzjali komuni jew f’kunflitt fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, hija rilevanti l-provvista ta’ servizzi, inkluż fil-passat, mill-evalwatur indipendenti lill-entità rilevanti u lill-persuni msemmija fil-paragrafu 3, u b’mod partikolari r-rabta bejn dawn is-servizzi u l-elementi rilevanti għall-valutazzjoni.

135    Issa, ir-rikorrenti ma tqajjem l-ebda argument intiż li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ rabta bejn is-servizzi ta’ awditu pprovduti lil Banco Santander mill-uffiċċju evalwatur u l-elementi rilevanti għall-valutazzjoni 3, li kienet tikkonċerna biss l-evalwazzjoni ta’ Banco Popular u mhux dik ta’ Banco Santander.

136    It-tieni, ir-rikorrenti ssostni li l-ingaġġ tal-uffiċċju evalwatur minn Banco Santander bħala konsulent għat-tranżazzjonijiet li wasslu għall-ftehimiet bejn din tal-aħħar u ċerti investituri ta’ Banco Popular, li kienu ppreżentaw rimedji ġudizzjarji jew extraġudizzjarji, jistabbilixxi l-eżistenza ta’ interessi reali jew potenzjali komuni bejn l-evalwatur u l-entità kkonċernata, fis-sens tal-Artikolu 41 tar-Regolament Delegat 2016/1075. Skont ir-rikorrenti, persuna li, immedjatament wara r-riżoluzzjoni, tagħti parir lix-xerrej tal-entità suġġetta għar-riżoluzzjoni, f’qasam direttament marbut mat-tilwim li jirriżulta mir-riżoluzzjoni, ma tistax titqies li hija indipendenti mill-persuna li tingaġġaha. Barra minn hekk, l-uffiċċju evalwatur kien ġie ngaġġat minn Banco Santander minħabba l-informazzjoni li huwa kellu fuq Banco Popular minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu fil-valutazzjoni 2.

137    Matul il-proċedura dwar id-dritt għal smigħ, ċerti azzjonisti u kredituri affettwati ppreżentaw ukoll kummenti dwar l-indipendenza tal-uffiċċju evalwatur li kienet ġiet kompromessa mill-fatt li, wara r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular, dan tal-aħħar kien ipprovda lil Banco Santander servizzi relatati mal-integrazzjoni ta’ Banco Popular jew mal-għoti ta’ kumpens parzjali minn Banco Santander lil ċerti kredituri ta’ Banco Popular.

138    Fid-deċiżjoni kkontestata, bi tweġiba għal dawn il-kummenti, is-SRB qies li dawn is-servizzi ma kinux jistabbilixxu interessi sinjifikattivi komuni jew f’kunflitt fis-sens tal-Artikolu 41(2) u (4) tar-Regolament Delegat 2016/1075, ma’ persuna rilevanti fis-sens tal-Artikolu 41(3) tal-istess regolament delegat.

139    L-ewwel, is-SRB qies li, fid-dawl tal-portata u tal-għan tal-valutazzjoni 3, is-servizzi pprovduti mill-uffiċċju evalwatur wara d-data tar-riżoluzzjoni ta’ impriża operattiva ma setgħux jaffettwaw il-valutazzjoni 3 u l-elementi inklużi fiha. Barra minn hekk, huwa rrileva li l-valutazzjoni 3 ma setgħetx taffettwa l-pożizzjoni ta’ Banco Popular jew ta’ Banco Santander, sa fejn din kienet tiddetermina biss jekk kumpens għad-danni permezz tas-SRF kellux jingħata lill-azzjonisti u lill-kredituri affettwati.

140    It-tieni, is-SRB qies li, fi kwalunkwe każ, wara l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, l-uffiċċju evalwatur kien ipprovda garanziji addizzjonali sabiex jiżgura li s-servizzi pprovduti lil Banco Santander ma setgħux jagħtu lok għal interessi sinjifikattivi komuni jew f’kunflitt attwali jew potenzjali. Is-SRB irrileva li, fid-dikjarazzjoni tiegħu tat‑18 ta’ Diċembru 2019, l-uffiċċju evalwatur kien ikkonferma li ebda servizz ipprovdut lil Banco Santander ma kien marbut mal-evalwazzjoni tal-attiv u tal-passiv li kienu s-suġġett tal-valutazzjoni 3, u lanqas mal-informazzjoni finanzjarja li tikkonċernahom. Barra minn hekk, huwa indika li l-uffiċċju evalwatur kien ikkonferma li ma kienx hemm fluss ta’ informazzjoni bejn ix-xogħol ta’ valutazzjoni mwettaq u proġetti oħra, fid-dawl tal-miżuri ta’ protezzjoni stabbiliti u l-protokolli ta’ kunfidenzjalità tiegħu.

141    B’mod partikolari, fir-rigward tas-servizzi relatati mal-integrazzjoni ta’ Banco Popular, is-SRB indika li l-uffiċċju evalwatur kien ippreċiża b’mod suffiċjenti li, minkejja li kien ipprovda servizzi ta’ konsulenza lil Banco Santander, dawn ma kinux marbuta mas-servizzi pprovduti lis-SRB, ma kienu jikkonċernaw ebda kwistjoni relatata mas-servizzi ta’ valutazzjoni pprovduti lis-SRB u lanqas ma kienu jinkludu servizzi ta’ evalwazzjoni jew legali marbuta ma’ Banco Popular.

142    Fir-rigward tas-servizzi relatati mal-għoti ta’ kumpens minn Banco Santander lil ċerti kredituri ta’ Banco Popular, is-SRB irrileva, fil-premessa 93 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-uffiċċju evalwatur kien speċifika li dawn is-servizzi ma kinux marbuta ma’ pariri legali jew ma’ servizzi ta’ konsulenza dwar dawn l-ilmenti. B’mod partikolari, dan tal-aħħar kien ġie ngaġġat sabiex ifassal u jimplimenta soluzzjoni ta’ ċentru uniku ta’ koordinazzjoni sabiex jiġbor l-informazzjoni dwar il-ġestjoni tal-ilmenti extraġudizzjarji u ġudizzjarji bl-għan li jikseb l-effiċjenza u jnaqqas iż-żmien ta’ ġestjoni. B’mod iktar preċiż, il-kompiti tal-uffiċċju evalwatur kienu jikkonsistu f’servizzi marbuta mal-monitoraġġ u d-dokumentazzjoni tal-informazzjoni amministrattiva u t-tħejjija ta’ rapporti perijodiċi. Barra minn hekk, huwa kien żied li huwa ma kienx ipparteċipa fix-xogħol ta’ difiża legali, sa fejn Banco Santander kienet qabdet uffiċċji ta’ avukati esterni għall-ġestjoni ta’ dawn l-ilmenti, u peress li lanqas ma kien iddetermina jew ikkalkola l-ammont tal-kumpens offrut minn Banco Santander lill-klijenti ta’ Banco Popular.

143    Għandu jiġi rrilevat li, matul il-proċedura kollha dwar ir-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular, is-SRB żgura, kif kien obbligat jagħmel, li l-uffiċċju evalwatur josserva r-rekwiżiti ta’ indipendenza u, b’mod partikolari, dawk dwar l-assenza ta’ kunflitt ta’ interessi previsti fl-Artikolu 41 tar-Regolament Delegat 2016/1075.

144    Għalhekk, matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti li wasslet għall-għoti tal-kuntratt speċifiku lill-uffiċċju evalwatur, dan ipprovda lis-SRB, fit‑18 ta’ Mejju 2017, dikjarazzjoni ta’ assenza ta’ kunflitt ta’ interessi ma’ Banco Popular. Fit‑23 ta’ Mejju 2017, fid-data tal-ħatra tiegħu bħala evalwatur, huwa pproduċa wkoll dikjarazzjoni dwar l-indipendenza tiegħu konformement mar-Regolament Delegat 2016/1075, li fiha indika b’mod partikolari li kellu għarfien tar-rekwiżiti legali u li l-arranġamenti xierqa kienu ttieħdu, meta kienu neċessarji, sabiex jiġi żgurat li la huwa u lanqas ebda membru tat-tim propost għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt speċifiku ma kellu interess sinjifikattiv kif iddefinit fl-Artikolu 41 tar-Regolament Delegat 2016/1075. Huwa impenja ruħu li jagħmel l-arranġamenti kollha meħtieġa biex jiġi żgurat li kwalunkwe servizz futur ipprovdut lill-partijiet l-oħra ma jikkompromettix l-indipendenza tiegħu. Huwa rrileva li kull żieda ta’ membri ġodda fit-tim tiegħu tkun suġġetta għall-osservanza tar-rekwiżiti ta’ indipendenza kif ukoll għall-approvazzjoni tas-SRB.

145    Wara l-ħatra tiegħu bħala evalwatur, fil‑21 ta’ Settembru 2017 u fil‑11 ta’ April 2019, l-uffiċċju evalwatur ipprovda dikjarazzjonijiet addizzjonali dwar l-indipendenza tiegħu wara ż-żieda ta’ membri ġodda fil-grupp li kien qiegħed jaħdem fuq il-valutazzjoni 3. Barra minn hekk, fit‑18 ta’ Diċembru 2019, huwa ppreżenta dikjarazzjoni ta’ assenza ta’ kunflitt ta’ interessi li fiha kkonferma li, fil‑15 ta’ Novembru 2019, b’teħid inkunsiderazzjoni tas-sistemi u tal-kontrolli tiegħu, huwa kien u baqa’ indipendenti għall-finijiet tal-valutazzjoni 3 u li ma kellux għarfien ta’ kunflitti ma’ xogħlijiet oħra li huwa kien wettaq, jew ta’ kunflitti individwali.

146    Għandu jiġi rrilevat li, fid-dikjarazzjoni tiegħu tat‑18 ta’ Diċembru 2019, magħmula fuq talba tas-SRB wara l-kummenti tal-azzjonisti u tal-kredituri affettwati fil-kuntest tal-proċedura dwar id-dritt għal smigħ, l-uffiċċju evalwatur indika s-servizzi li huwa kien ipprovda lil Banco Santander u speċifika li ma kinitx teżisti rabta bejn is-servizzi li huwa kien jipprovdi lil Banco Santander u dawk ipprovduti lis-SRB għat-twettiq tal-valutazzjoni 3 jew tad-dokument ta’ kjarifika. Huwa żied li dan ma kienx ipprovda servizzi relatati mal-evalwazzjoni jew mal-informazzjoni finanzjarja tal-attiv u tal-passiv li kienu s-suġġett tal-valutazzjoni 3.

147    L-ispjegazzjonijiet tal-uffiċċju ta’ evalwazzjoni ġew riprodotti mis-SRB fil-premessa 93 tad-deċiżjoni kkontestata, imsemmija fil-punt 142 iktar ’il fuq. Għalhekk, is-SRB ikkonstata li, fid-dikjarazzjoni tat‑18 ta’ Diċembru 2019, l-uffiċċju evalwatur kien ipprovda garanziji addizzjonali sabiex jiżgura li s-servizzi pprovduti lil Banco Santander relatati mal-għoti ta’ kumpens lil ċerti kredituri ta’ Banco Popular, wara r-riżoluzzjoni, ma kinux joħolqu kunflitt ta’ interessi sinjifikattiv attwali jew potenzjali komuni jew f’kunflitt fis-sens tal-Artikolu 41(2) u (4)(a) tar-Regolament Delegat 2016/1075.

148    Issa, ir-rikorrenti ma tispjegax b’liema mod dawn is-servizzi kienu ta’ natura li jinfluwenzaw il-ġudizzju tal-uffiċċju evalwatur fit-twettiq tal-valutazzjoni 3, fis-sens tal-Artikolu 41(2) tar-Regolament Delegat 2016/1075.

149    Minn dan jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti ma humiex ta’ natura li jikkontestaw l-evalwazzjoni tas-SRB li s-servizzi pprovduti mill-uffiċċju evalwatur lil Banco Santander ma kinux jistabbilixxu l-eżistenza ta’ interessi sinjifikattivi, reali jew potenzjali, li jistgħu jinfluwenzaw jew li jistgħu raġonevolment jiġu pperċepiti bħala li jinfluwenzaw il-ġudizzju tal-uffiċċju evalwatur, fis-sens tal-Artikolu 41 tar-Regolament Delegat 2016/1075.

150    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li r-rabtiet bejn l-uffiċċju evalwatur u Banco Santander joħolqu suspett ta’ parzjalità f’għajnejn terzi, li jipprekludi li dan jitqies bħala evalwatur indipendenti. L-imparzjalità tippreżupponi l-assenza ta’ preġudizzju jew ta’ favoritiżmu. Issa, hija tqis li l-valutazzjoni 3 jista’ jkollha effetti negattivi fuq Banco Santander, tippreġudika l-pożizzjoni tagħha fit-tilwimiet marbuta mar-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular jew tippermetti talbiet għad-danni tal-ex azzjonisti ta’ Banco Popular.

151    Għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 99 u 100 iktar ’il fuq, ir-rekwiżit ta’ imparzjalità, applikat għall-uffiċċju evalwatur, ikopri ċ-ċirkustanzi kollha ta’ natura li jistgħu raġonevolment jidhru f’għajnejn terzi bħala li jistgħu jaffettwaw l-indipendenza tiegħu. Sabiex jiġi stabbilit ksur ta’ dan ir-rekwiżit, ir-rabtiet bejnu u Banco Santander għandhom jikkostitwixxu ċirkustanza li tista’ toħloq dubju leġittimu dwar eventwali preġudizzju.

152    Għalhekk, il-konstatazzjoni li s-SRB kellu jieħu inkunsiderazzjoni apparenza ta’ nuqqas ta’ oġġettività jew ta’ imparzjalità tal-uffiċċju evalwatur minħabba r-rabtiet tiegħu ma’ Banco Santander tippreżupponi li jiġi stabbilit li, meta l-ewwel wieħed qies, fil-valutazzjoni 3, li l-azzjonisti u l-kredituri affettwati ma kinux jibbenefikaw minn trattament aħjar fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza minn dak li kienu s-suġġett tiegħu minħabba r-riżoluzzjoni, huwa kellu l-intenzjoni li jiffavorixxi lit-tieni waħda.

153    Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB irrileva li, fid-dawl tal-għan tal-valutazzjoni 3, li huwa li jiġi ddeterminat jekk l-azzjonisti u l-kredituri affettwati kinux jirċievu trattament aħjar fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza ipotetika normali, din ma jistax ikollha effett fuq il-bejgħ ta’ Banco Popular u ma tistax taffettwa l-pożizzjoni ta’ Banco Santander. Is-SRB qies li l-valutazzjoni 3 kellha effett biss fir-rigward tiegħu, sa fejn huwa kellu jħallas kumpens għad-danni, permezz tas-SRF, fil-każ ta’ differenza fit-trattament.

154    F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu jitfakkar li, fil-valutazzjoni 3, l-uffiċċju evalwatur evalwa l-valur tal-attiv u tal-passiv ta’ Banco Popular fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza ipotetika normali u qies li l-azzjonisti u l-kredituri affettwati ma kinux jiksbu kumpens fil-każ li Banco Popular kienet ġiet stralċjata fid-data tar-riżoluzzjoni. Billi qabbel ir-riżultat ta’ din l-evalwazzjoni mas-sitwazzjoni reali tal-azzjonisti u tal-kredituri affettwati li tirriżulta mir-riżoluzzjoni, is-SRB ikkonkluda li huma ma kellhom dritt għal ebda kumpens skont l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 806/2014.

155    Issa, anki jekk jitqies li l-uffiċċju evalwatur ikkonkluda, fil-valutazzjoni 3, li l-azzjonisti u l-kredituri affettwati kienu jibbenefikaw minn trattament aħjar fil-każ ta’ stralċ ta’ Banco Popular minn dak li kienu s-suġġett tiegħu minħabba r-riżoluzzjoni, il-kumpens għad-danni li jista’ jirriżulta minnha jitħallas mis-SRF u mhux minn Banco Santander.

156    It-tieni, għandu jiġi nnotat li l-ipoteżi li fiha valutazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 20(16) sa (18) tar-Regolament Nru 806/2014 turi li l-azzjonisti u l-kredituri ta’ entità kienu jibbenefikaw minn trattament aħjar minn dak li jirriżulta mir-riżoluzzjoni tagħha tagħmel parti integrali mill-funzjonament tal-mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni previst mir-Regolament Nru 806/2014, sa fejn dan jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ kumpens għad-danni abbażi tal-prinċipju li l-ebda kreditur ma għandu jiġi ttrattat b’mod agħar, stabbilit fl-Artikolu 15(1)(g) tiegħu.

157    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li l-azzjonisti u l-kredituri affettwati setgħu jiksbu r-rimbors ta’ parti mill-krediti tagħhom fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza ma jimplikax li d-deċiżjoni li l-bank inkwistjoni jiġi suġġett għal proċedura ta’ riżoluzzjoni kienet żbaljata u li din il-proċedura ma kinitx neċessarja u ġġustifikata, peress li l-għan ta’ riżoluzzjoni huwa li jiġi evitat li bank ta’ importanza sistemika jiġi stralċjat.

158    Għalhekk, kuntrarjament għal dak li sostniet ir-rikorrenti waqt is-seduta, ir-riżultat tal-valutazzjoni 3 ma jaffettwa la l-legalità u l-leġittimità tad-deċiżjoni li Banco Popular tiġi suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni u lanqas ir-riżultat ta’ din ir-riżoluzzjoni, jiġifieri l-bejgħ tagħha lil Banco Santander.

159    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-valutazzjoni 2 kellha għan differenti minn dak tal-valutazzjoni 3, jiġifieri l-istima tal-valur tat-totalità ta’ Banco Popular għal xerrej eventwali fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-għodda ta’ bejgħ ta’ negozju. Għalhekk, l-istima tal-valur tal-assi ta’ Banco Popular fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza ipotetika mwettqa fil-valutazzjoni 3 ma tistax tikkontesta l-evalwazzjoni mwettqa fil-valutazzjoni 2 u lanqas, għaldaqstant, il-bejgħ ta’ Banco Popular lil Banco Santander għal euro.

160    Barra minn hekk, skont l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 85(4) tad-Direttiva 2014/59, l-eventwali annullament tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni ma jistax iwassal għal emenda tal-kundizzjonijiet tal-bejgħ ta’ Banco Popular lil Banco Santander. Għaldaqstant, irrispettivament mir-riżultat tal-valutazzjoni 3, il-bejgħ ta’ Banco Popular lil Banco Santander għall-prezz ta’ euro ma jistax jiġi kkontestat.

161    It-tielet, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-evalwazzjoni mwettqa fil-valutazzjoni 3 ma jistax ikollha l-konsegwenza li tagħti dritt għal kumpens lill-azzjonisti u lill-kredituri affettwati min-naħa ta’ Banco Santander.

162    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, kemm l-azzjoni għad-danni kif ukoll l-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nullità jeżiġu effettivament li l-istituzzjoni ta’ kreditu jew l-impriża ta’ investiment suġġetta għall-proċedura ta’ riżoluzzjoni, jew is-suċċessur ta’ dawn l-entitajiet, tikkumpensa lill-azzjonisti għat-telf sostnut minħabba l-eżerċizzju, minn awtorità ta’ riżoluzzjoni, tas-setgħa ta’ deprezzament u ta’ konverżjoni fir-rigward tal-elementi tal-passiv ta’ din l-istituzzjoni jew ta’ din l-impriża, jew jeżiġu li din tipproċedi bir-rimbors totali tas-somom investiti waqt is-sottoskrizzjoni ta’ azzjonijiet li ġew iddeprezzati minħabba din il-proċedura ta’ riżoluzzjoni. Tali azzjonijiet iqiegħdu inkwistjoni l-valutazzjoni kollha li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni peress li l-kompożizzjoni tal-kapital tagħmel parti mid-data oġġettiva ta’ din il-valutazzjoni. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-punti 82 u 95 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-proċedura stess ta’ riżoluzzjoni kif ukoll l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2014/59 huma għalhekk ippreġudikati (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Banco Santander (Riżoluzzjoni bankarja Banco Popular), C‑410/20, EU:C:2022:351, punt 43).

163    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sa fejn il-valutazzjoni 3, irrispettivament mir-riżultat tagħha, ma setgħetx taffettwa s-sitwazzjoni ta’ Banco Santander, l-uffiċċju evalwatur ma kienx f’pożizzjoni li jiffavorixxiha. Għaldaqstant, ir-rabtiet tagħhom ma jistgħux joħolqu dubju leġittimu dwar l-eżistenza ta’ eventwali preġudizzju u lanqas ma jistgħu jwasslu għal nuqqas ta’ oġġettività jew ta’ imparzjalità tal-uffiċċju evalwatur. Dawn ir-rabtiet ma kinux jikkostitwixxu ċirkustanza ta’ natura tali li tikkontesta l-indipendenza tiegħu għat-twettiq tal-valutazzjoni 3 u l-ħatra tiegħu mis-SRB bħala evalwatur indipendenti.

164    Minn dan isegwi li t-tieni parti għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, l-ewwel motiv kollu kemm hu.

 Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq ilfatt li lvalutazzjoni 3 hija bbażata fuq bażi żbaljata li tirrigwarda ssitwazzjoni finanzjarja ta’ Banco Popular filmument tarriżoluzzjoni tagħha

165    Fir-rikors, permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti essenzjalment talbet lill-Qorti Ġenerali tordna, permezz ta’ miżura istruttorja, il-produzzjoni mill-Juzgado Central de instrucción Nru 4 tal-Audiencia Nacional (il-Qorti Istruttorja Ċentrali Nru 4 tal-Qorti Nazzjonali, Spanja) perizja tal-Bank ta’ Spanja tat‑8 ta’ April 2019, dwar Banco Popular.

166    Permezz ta’ att ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali fit‑2 ta’ Settembru 2022, ir-rikorrenti pproduċiet din il-perizja bħala offerta ta’ provi ġodda skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura. Ir-rikorrenti indikat li, minħabba f’hekk, hija kienet qiegħda tirrinunzja għat-talba tagħha għal miżura istruttorja.

167    Matul is-seduta, ir-rikorrenti sostniet li l-perizja tal-Bank ta’ Spanja kienet turi s-sitwazzjoni patrimonjali ta’ Banco Popular immedjatament qabel ir-riżoluzzjoni u li kienet tippermetti li jiġi evalwat il-potenzjal tal-bank li jiġġestixxi l-attiv u l-passiv tiegħu fil-kuntest tat-tkomplija tal-operat tiegħu. Hija spjegat li din il-perizja kienet fundamentali sabiex ikun jista’ jiġi applikat il-kriterju tal-impriża operattiva u sabiex titwettaq valutazzjoni differenti tal-valutazzjoni 3 abbażi ta’ dan il-kriterju.

168    Is-SRB u r-Renju ta’ Spanja sostnew li din il-perizja ma kinitx rilevanti, peress li kienet tikkonċerna l-valur ta’ Banco Popular f’Diċembru 2016. Is-SRB isostni, b’mod partikolari, li din il-perizja tikkonċerna fatti li ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tat-trattament kontrofattwali jew tal-paragun imwettaq fil-valutazzjoni 3 u li ma ġewx evalwati fid-deċiżjoni kkontestata.

169    Kif indika r-Renju ta’ Spanja, din il-perizja ġiet prodotta fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali dwar ir-responsabbiltà ta’ Banco Popular u tad-diretturi tagħha waqt iż-żieda fil-kapital imwettqa matul is-sena finanzjarja 2016, li kienet ibbażata fuq informazzjoni dwar is-sitwazzjoni kontabbli u finanzjarja tal-bank, ikkomunikata lill-investituri permezz ta’ prospett ta’ ħruġ li ma jirriflettix is-sitwazzjoni ekonomika reali tiegħu.

170    Għandu jiġi rrilevat li, fil-perizja tal-Bank ta’ Spanja, il-konklużjonijiet prinċipali jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej: l-ewwel, tliet episodji ta’ telf tad-depożiti matul it-tieni trimestru tal‑2017 taw lok għar-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular, it-tieni, il-kontijiet annwali li jinsabu fil-prospett taż-żieda fil-kapital tal‑2016 ma kinux josservaw ċerti aspetti tal-leġiżlazzjoni dwar il-kontabbiltà, b’mod partikolari l-klassifikazzjoni tat-tranżazzjonijiet iffinanzjati mill-ġdid bħala dubjużi u, it-tielet, ċerti preżunzjonijiet adottati sabiex jintlaħqu l-istimi inklużi fil-prospett kienu ottimisti wisq.

171    Fir-rikors, ir-rikorrenti ssostni li l-perizja tal-Bank ta’ Spanja jindika li t-telf imġarrab mill-investituri ma kienx dovut għal insuffiċjenza tal-patrimonju ta’ Banco Popular sabiex jassorbi t-telf, iżda għall-impossibbiltà li jiġu ssodisfatti l-ħafna talbiet tal-irtirar ta’ depożiti. Din il-perizja tindika li, skont il-kontijiet annwali tal‑2016, Banco Popular kellha attiv nett pożittiv ta’ EUR 11 088 biljun u kienet tiġġenera profitti, li r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular kienet dovuta għal problema ta’ ħruġ ta’ depożiti, li ħruġ ta’ depożiti partikolarment sinjifikattiv kien seħħ fit‑23 ta’ Mejju 2017 wara intervista tal-President tas-SRB fuq l-istazzjon televiżiv Bloomberg, li Banco Popular kien ibbenefika, fil‑5 ta’ Ġunju 2017, minn kontribuzzjoni urġenti ta’ likwidità ta’ EUR 9.5 biljun mill-Bank ta’ Spanja u li l-Bord tad-Diretturi ta’ Banco Popular talab lill-BĊE, permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Ġunju 2017, jiddikjara li l-bank huwa f’sitwazzjoni ta’ falliment attwali jew probabbli, iżda indika wkoll li kien meħtieġ ukoll li tinstab soluzzjoni privata. Minn din il-perizja jirriżulta li, kieku Banco Popular kellu problema serja ta’ likwidità, il-fondi proprji tiegħu kienu jibqgħu pożittivi qabel ir-riżoluzzjoni, anki b’teħid inkunsiderazzjoni tal-aġġustamenti kontabbli li kienu għad iridu jsiru u minkejja l-possibbiltà ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-proporzjonijiet ta’ solvenza regolatorji.

172    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-evalwazzjoni tad-differenza fit-trattament, imwettqa fil-valutazzjoni 3, kienet tikkonsisti fil-paragun tat-trattament reali li l-azzjonisti u l-kredituri kienu s-suġġett tiegħu minħabba r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular u t-trattament li kienu jibbenefikaw minnu li kieku l-entità kienet suġġetta għal proċedura normali ta’ insolvenza fil-mument li fih ġiet adottata l-iskema ta’ riżoluzzjoni. Issa, il-perizja tal-Bank ta’ Spanja tikkonċerna avvenimenti preċedenti għar-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular, jiġifieri ż-żieda fil-kapital tal‑2016 u t-telf tad-depożiti tal-ewwel trimestru tal‑2017, li ma kinux rilevanti għat-twettiq tal-valutazzjoni 3.

173    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tispjegax għal liema raġuni kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-avvenimenti analizzati fil-perizja tal-Bank ta’ Spanja, relatati mas-sitwazzjoni ta’ Banco Popular qabel ir-riżoluzzjoni, fil-valutazzjoni 3 jew fid-deċiżjoni kkontestata. Hija lanqas ma tidentifika liema argument imqajjem fir-rikors jew fir-replika huwa intiż li ssostni din il-perizja.

174    Issa, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti talbet il-produzzjoni ta’ din il-perizja sabiex tkun tista’ tipproċedi għall-valutazzjoni tagħha stess. Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżat li din il-perizja kienet neċessarja sabiex titwettaq valutazzjoni ta’ Banco Popular bħala impriża operattiva.

175    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li mill-analiżi tat-tieni motiv jirriżulta li l-valutazzjoni 3 kellha tieħu inkunsiderazzjoni xenarju ta’ stralċ. Għalhekk, il-valutazzjoni li r-rikorrenti tipproponi li twettaq abbażi tal-perizja tal-Bank ta’ Spanja hija fi kwalunkwe każ irrilevanti u ma hijiex ta’ natura li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ żball manifest fil-valutazzjoni 3.

176    Għaldaqstant, għandu jitqies li l-offerta ta’ prova ġdida tar-rikorrenti ppreżentata fit‑2 ta’ Settembru 2022, jiġifieri l-perizja tal-Bank ta’ Spanja, ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti ġġustifikatx il-produzzjoni tardiva tagħha.

177    Fir-rigward tal-argumenti mressqa fir-rikors, bl-eċċezzjoni tat-talba għal produzzjoni tal-perizja tal-Bank ta’ Spanja, ir-rikorrenti sempliċement issostni li peress li r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular ġiet deċiża minħabba nuqqas ta’ likwidità u mhux minħabba żbilanċ patrimonjali, jispikka l-fatt li l-valutazzjoni 3 ma tirreferix għall-valur ta’ kapitalizzazzjoni fis-suq ta’ Banco Popular fil-mument tar-riżoluzzjoni, li jikkostitwixxi valur minimu għall-valutazzjoni ta’ kull kumpannija kkwotata. Fid-data tar-riżoluzzjoni, il-kapitalizzazzjoni fis-suq ta’ Banco Popular kienet ta’ EUR 1.33 biljun, bl-aħħar valur tal-għeluq tal-azzjoni ta’ EUR 0.317.

178    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tispjegax liema hija l-utilità tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-valur tal-kapitalizzazzjoni fis-suq ta’ Banco Popular għad-determinazzjoni tat-trattament tal-azzjonisti u tal-kredituri fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza waqt it-twettiq ta’ valutazzjoni abbażi ta’ xenarju ta’ stralċ. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Delegat 2018/344, il-metodu għat-twettiq ta’ din il-valutazzjoni jikkonsisti biss fid-determinazzjoni tal-ammont aġġornat tal-flussi ta’ flus mistennija fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza.

179    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

180    Minn dan isegwi li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq lispejjeż

181    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk tkun saret talba f’dan is-sens. Peress li r-rikorrenti tilfet, għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż tagħha stess kif ukoll għal dawk sostnuti mis-SRB kif mitlub minn dan tal-aħħar.

182    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Ir-Renju ta’ Spanja għandu għalhekk ibati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Laura Molina Fernández hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha stess kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB).

3)      Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

van der Woude

De Baere

Steinfatt

Kecsmár

 

      Kingston

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑22 ta’ Novembru 2023.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.