Language of document : ECLI:EU:C:2021:218

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fit‑18 ta’ Marzu 2021 (1)

Kawża C848/19 P

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

vs

Ir-Repubblika tal-Polonja,

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Suq intern tal-gass naturali — Artikolu 194(1) TFUE — Direttiva 2009/73/KE — Talba mill-awtorità Ġermaniża (Bundesnetzagentur) sabiex jiġu rreveduti l-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni mir-regoli tal-Unjoni dwar l-isfruttament tal-pipeline tal-gass OPAL — Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar reviżjoni tal-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni mir-regoli tal-Unjoni — Prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika”






1.        Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja qiegħda tappella mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑10 ta’ Settembru 2019 (2), li annullat deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat‑28 ta’ Ottubru 2016, li permezz tagħha ġew riveduti l-kundizzjonijiet (stabbiliti f’deċiżjoni preċedenti) li b’applikazzjoni tagħhom il-pipeline tal-gass OPAL (3) seta’ jiġi eżentat mir-regoli dwar l-aċċess ta’ terzi u t-tariffi (4).

2.        Il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi li ġiet adottata bi “ksur tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, kif ifformulat fl-Artikolu 194(1) TFUE”.

3.        Il-Kummissjoni, il-konvenuta quddiem il-Qorti Ġenerali, ma appellatx mis-sentenza minkejja li d-deċiżjoni tagħha ġiet annullata. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja madankollu appellat billi sostniet, prinċipalment, li s-solidarjetà enerġetika hija biss kunċett ta’ natura politika u mhux kriterju legali li jippermetti li jinsiltu direttament drittijiet u obbligi għall-Unjoni jew għall-Istati Membri.

4.        Il-Polonja, il-Latvja u l-Litwanja jsostnu l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali. Fil-fehma tagħhom, is-solidarjetà enerġetika hija prinċipju li jista’ jservi ta’ parametru għall-istħarriġ ġudizzjarju tar-regoli tad-dritt sekondarju u tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-enerġija.

5.        L-appell għalhekk jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-eżistenza tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika u, eventwalment, fuq in-natura tiegħu u l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu (5).

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

6.        L-Artikolu 194(1) TFUE jipprovdi:

“Fil-kuntest ta’ l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern u b’ kont meħud tal-ħtieġa ta’ preservazzjoni u titjib ta’ l-ambjent, il-politika ta’ l-Unjoni fil-qasam ta’ l-enerġija għandha timmira li, fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri:

a)      tassigura l-funzjonament tas-suq ta’ l-enerġija;

b)      tassigura s-sigurtà tal-provvista ta’ l-energija fl-Unjoni;

c)      tippromwovi l-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar fl-użu ta’ l-enerġija kif ukoll l-iżvilupp ta’ forom ta’ enerġija ġodda u rinnovabbli; u

d)      tippromwovi l-interkonnessjoni ta’ netwerks ta’ l-enerġija.”

7.        Ir-regoli komuni dwar is-suq tal-gass u tal-elettriku jinsabu fid-Direttiva 2009/73/KE (6). L-Artikolu 32 tagħha, identiku għall-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/55, jikkonċerna l-aċċess ta’ terzi u jindika:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ aċċess għal parti terza għas-sistemi ta’ trasmissjoni u ta’ distribuzzjoni, u faċilitajiet tal-[gass naturali likwidu, iktar ’il quddiem l-“LNG” abbażi ta’ tariffi ppubblikati, applikabbli għall-klijenti eliġibbli kollha, inklużi l-impriżi ta’ forniment u applikati b’mod oġġettiv u mingħajr diskriminazzjoni bejn l-utenti tas-sistema. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn it-tariffi, jew il-metodoloġiji li jkunu sottostanti l-kalkoli tagħhom, ikunu approvati qabel id-dħul tagħhom fis-seħħ konformement mal-Artikolu 41 minn awtorità regolatorja msemmija fl-Artikolu 39(1) u li dawk it-tariffi — u l-metodoloġiji, fejn il-metodoloġiji biss ikunu approvati — jiġu ppubblikati qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom.

2.      L-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għandhom ikollhom aċċess għan-network ta’ operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni oħrajn, jekk dan ikun meħtieġ għall-fini tat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom inkluż f’relazzjoni ma’ trasmissjoni transkonfinali.

3.      Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva m’għandhomx jipprevjenu l-konklużjoni ta’ appalti fit-tul sa fejn dawn iħarsu r-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni”.

8.        L-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73, dwar infrastruttura ġdida, li ssostitwixxa l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2003/55, jaqra kif ġej:

“1.      Infrastrutturi maġġuri ġodda tal-gass, jiġifieri interkonnetturi, faċilitajiet ta’ ħżin u ta’ LNG jistgħu, fuq talba, jiġu eżentati, għal perijodu definit ta’ żmien, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9, 32, 33 u 34, u l-Artikoli 41(6), (8) u (10) taħt il-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)      l-investiment għandu jtejjeb il-kompetizzjoni fil-fornitura tal-gass u jtejjeb is-sigurtà tal-fornitura;

b)      il-livell tar-riskju għall-investiment huwa tali li l-investiment ma jsirx kemm‑il darba ma tingħatax eżenzjoni;

c)      l-infrastruttura għandha tkun il-proprjetà ta’ persuna naturali jew legali li hija separata għall-inqas f’termini tal-forma legali tagħha, mill-operatur tas-sistema li fis-sistemi tiegħu sejra tinbena dik l-infrastruttura;

d)      id-drittjiet jiġu imposti fuq l-utenti ta’ dik l-infrastruttura; u

e)      l-eżenzjoni m’hix detrminetali għall-kompetizzjoni jew għall-funzjonament effettiv tas-suq intern tal-gass naturali jew il-funzjonament effettiv tas-sistema regolata li l-infrastruttura hija mqabbda magħha.

[…]

3.      L-awtorità regolatorja [nazzjonali] msemmija fil-Kapitolu VIII tista’, fejn ikun il-każ, tiddeċiedi dwar l-eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2.

[…]

6.      Eżenzjoni tista’ tkopri l-kapaċità kollha jew parti minnha tal-infrastruttura l-ġdida, jew tal-infrastruttura eżistenti b’kapaċità miżjuda b’mod sinifikanti.

Meta tittieħed deċiżjoni li tingħata eżenzjoni, għandu jitqies, fuq bażi ta’ kull każ individwalment, għall-ħtieġa li jiġu imposti l-kondizzjonijiet rigward id-durata tal-eżenzjoni u l-aċċess mhux diskriminatorju għall-infrastruttura. Meta tittieħed deċiżjoni rigward dawk il-kondizzjonijiet, għandhom jitqiesu b’mod partikolari l-kapaċità żejda li għandha tinbena jew il-modifika tal-kapaċità eżistenti, il-medda ta’ żmien prevista għall-proġett u ċ-ċirkostanzi nazzjonali.

[…]

8.      L-awtorità regolatorja għandha tibgħat lill-Kummissjoni minnufih kopja ta’ kull talba għal eżenzjoni. Id-deċiżjoni għandha tiġi notifikata mingħajr dewmien, mill-awtorità kompetenti lill-Kummissjoni, flimkien mal-informazzjoni relevanti kollha rigward id-deċiżjoni. Din l-informazzjoni tista’ tingħata lill-Kummissjoni f’forma aggregata, li tippermetti lill-Kumissjoni tasal għal deċiżjoni fuq bażi tajba. B’mod partikolari, l-informazzjoni għandu jkun fiha:

a)      ir-raġunijiet dettaljati li abbażi tagħhom l-awtorità regolatorja, jew l-Istat Membru, taw jew irrifjutaw eżenzjoni flimkien ma’ referenza għall-paragrafu 1 inklużi l-punt jew punti relevanti ta’ dak il-paragrafu li fuqhom tkun ibbażata din id-deċiżjoni, inkluża l-informazzjoni finanzjarja li tiġġustifika l-ħtieġa għall-eżenzjoni;

b)      l-analiżi li tikun saret dwar l-effett fuq il-kompetizzjoni u l-operat effettiv tas-suq intern tal-gass li jirriżultaw mill-għotja tal-eżenzjoni;

c)      ir-raġunijiet għall-perijodu ta’ żmien u s-sehem tal-kapaċità totali tal-infrastruttura tal-gass in kwistjoni li għaliha ngħatat l-eżenzjoni;

d)      f’każ li l-eżenzjoni tirrigwarda interkonnettur, ir-riżultat tal-konsultazzjoni mal-awtoritajiet regolatorji konċernati; u

e)      il-kontribut tal-infrastruttura għad-diversifikazzjoni tal-fornitura tal-gass.

9.      Fi żmien xahrejn mill-jum tar-riċezzjoni tan-notifika, il-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjoni li tesiġi li l-awtorità regolatorja temenda jew tirtira d-deċiżjoni li tingħata eżenzjoni. Dak il-perijodu ta’ xahrejn jista’ jiġi estiż b’perijodu addizzjonali ta’ xahrejn fejn il-Kummissjoni teħtieġ informazzjoni addizzjonali. Dak il-perijodu addizzjonali għandu jibda l-għada tar-riċezzjoni tal-informazzjoni kompleta. Il-perijodu inizjali ta’ xahrejn jista’ jiġi estiż ukoll bil-kunsens kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-awtorità regolatorja.

[…]

L-awtorità regolatorja għandha tikkonforma mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex temenda jew tirtira d-deċiżjoni ta’ eżenzjoni fi żmien xahar, u għandha tinforma lill-Kummissjoni kif ikun meħtieġ.

[…]”

9.        Wara l-fatti tal-kawża, id-Direttiva 2009/73 ġiet emendata bid-Direttiva (UE) 2019/692 (7).

B.      Id-dritt Ġermaniż

10.      L-Artikolu 28a(1) tal-Gesetz über die Elektrizitäts‑ und Gasversorgung (Energiewirtschaftsgesetz – EnWG) (il-Liġi Ġermaniża dwar il-Provvista ta’ Elettriku u ta’ Gass) tas‑7 ta’ Lulju 2005 (8) (BGBl. 2005 I, p. 1970, 3621, iktar ’il quddiem l-“EnWG”), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-każ, jippermetti lill-Bundesnetzagentur (l-Aġenzija Federali tan-Networks, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem il-“BNetzA”), b’mod partikolari, li teżenta l-interkonnessjonijiet bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u Stati oħra mir-regoli dwar l-aċċess minn terzi. Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu jikkorrispondu, essenzjalment, ma’ dawk tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2009/73.

II.    Il-fatti li wasslu għad-deċiżjoni kkontestata

11.      Il-fatti li wasslu għall-kawża, sad-deċiżjoni kkontestata, huma deskritti fil-punti 5 sa 15 tas-sentenza appellata, li ma nemminx li huwa neċessarju li jiġu riprodotti fl-intier tagħhom. Ser nillimita ruħi biex nippreċiża dawk li nemmen li huma l-iktar sinjifikattivi.

12.      Fit‑13 ta’ Marzu 2009, BNetzA, ikkomunikat lill-Kummissjoni żewġ deċiżjonijiet, tal‑25 ta’ Frar 2009, li jeskludu l-kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transkonfinali tal-proġett ta’ pipeline tal-gass OPAL mill-applikazzjoni tar-regoli ta’ aċċess tat-terzi previsti fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/55 u tar-regoli tariffarji stabbiliti fl-Artikolu 25(2) sa (4) tagħha (9).

13.      Permezz tad-Deċiżjoni C(2009) 4694 finali (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inizjali”) tat‑12 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni talbet lil BNetzA, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(4) tad-Direttiva 2003/55 (li sar l-Artikolu 36(9) tad-Direttiva 2009/73), temenda d-deċiżjonijiet tagħha tal‑25 ta’ Frar 2009, billi żżid ċerti kundizzjonijiet.

14.      Fis-7 ta’ Lulju 2009, il-BNetzA emendat id-deċiżjonijiet tagħha tal‑25 ta’ Frar 2009 billi adattathom għall-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq. BNetzA tat eżenzjoni mir-regoli dwar l-aċċess u t-tariffi ta’ terzi għal perijodu ta’ 22 sena.

15.      Il-pipeline tal-gass OPAL daħal fis-servizz fit‑13 ta’ Lulju 2011 (10).

16.      Bis-saħħa tad-Deċiżjoni inizjali u tad-deċiżjonijiet ta’ BNetzA tal‑25 ta’ Frar 2009, kif emendati b’dawk tas‑7 ta’ Lulju 2009, il-kapaċitajiet tal-pipeline tal-gass OPAL ġew eżentati, skont ċerti kundizzjonijiet, mill-applikazzjoni tar-regoli komuni (dwar l-aċċess regolat tat-terzi u dwar ir-regoli tariffarji) tad-Direttiva 2003/55.

17.      Fil-konfigurazzjoni teknika attwali, il-gass naturali huwa pprovdut fil-punt ta’ dħul tal-pipeline tal-gass, qrib Greifswald, permezz tal-pipeline tal-gass Nord Stream, użat mill-grupp Gazprom sabiex jittrasporta l-gass ta’ provenjenza minn depożiti Russi. Peress li Gazprom ma implimentatx il-programm ta’ trasferiment ta’ gass imsemmi fid-Deċiżjoni inizjali (11), il-50 % mhux irriżervati tal-kapaċità tal-imsemmi pipeline tal-gass qatt ma ntużaw, b’mod li intużat biss 50 % tal-kapaċità ta’ trasport tiegħu.

18.      Fit‑12 ta’ April 2013, OGT, OAO Gazprom u Gazprom Eksport LLC talbu lil BNetzA temenda l-eżenzjoni mogħtija fl-2009, mingħajr ma kisbu risposta favorevoli. Gazprom organizzat, matul ix-xhur ta’ Settembru 2015 u ta’ Settembru 2016, irkanti li ma attirawx kompetituri, u dan taha argumenti sabiex titlob mill-ġdid l-emenda tad-deċiżjoni inizjali (12).

19.      Fit‑13 ta’ Mejju 2016, il-BNetzA kkomunikat lill-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73, l-intenzjoni tagħha, wara t-talba ppreżentata minn OGT, minn OAO Gazprom u minn Gazprom Eksport, li temenda l-eżenzjoni mogħtija fl‑2009, dwar il-parti tal-pipeline tal-gass OPAL operata minn OGT (13).

III. Id-deċiżjoni kkontestata

20.      Fit‑28 ta’ Ottubru 2016, il-Kummissjoni adottat, abbażi tal-Artikolu 36(9) tad-Direttiva 2009/73, id-deċiżjoni kkontestata, indirizzata lill-BNetzA.

21.      Il-Qorti Ġenerali (punti 16 u 17 tas-sentenza appellata) ġabret fil-qosor f’dawn it-termini l-kundizzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata:

“[…] Fir-rigward tal-kundizzjonijiet sostantivi li kellhom isegwu tali emenda, hija qieset li, fl-assenza ta’ klawżoli speċifiċi ta’ eżami mill-ġdid, il-bidliet magħmula fil-portata ta’ deroga mogħtija preċedentement jew fil-kundizzjonijiet li jirregolaw din id-deroga kellhom ikunu ġġustifikati u li, f’dan ir-rigward, żviluppi fattwali ġodda li seħħew wara d-Deċiżjoni inizjali ta’ eżenzjoni setgħu jikkostitwixxu raġuni valida sabiex isir eżami mill-ġdid tad-Deċiżjoni inizjali.

Fir-rigward tal-mertu, il-Kummissjoni, permezz tad-Deċiżjoni kkontestata, approvat il-modifiki tas-sistema derogatorja, previsti mill-BNetzA, bla ħsara għal ċerti emendi, jiġifieri, b’mod partikolari:

–        l-offerta inizjali ta’ kapaċitajiet irkantati kellha tirrigwarda 3 200 000 kWh/h (madwar 2.48 biljun m³ fis-sena) ta’ kapaċitajiet FZK u 12 664 532 kWh/h (madwar 9.83 biljun m³ fis-sena) ta’ kapaċitajiet DZK;

–        żieda fil-volum tal-kapaċitajiet FZK irkantati kellha sseħħ, għas-sena ta’ wara, meta t-talba kienet taqbeż, matul irkant annwali, 90 % tal-kapaċitajiet offruti u kellha ssir permezz ta’ porzjonijiet ta’ 1 600 000 kWh/h (madwar 1.24 biljun m³ fis-sena), sa limitu ta’ 6 400 000 kWh/h (madwar 4.97 biljun m³ fis-sena); u

–        impriża jew grupp ta’ impriżi li għandhom pożizzjoni dominanti fir-Repubblika Ċeka jew li jikkontrollaw iktar minn 50 % tal-gass li jasal fi Greifswald setgħet tipparteċipa fl-irkant ta’ kapaċitajiet FZK biss għall-prezz bażiku, li ma kellux ikun iktar mill-prezz bażiku medju tat-tariffa rregolata fuq in-netwerk ta’ trasport taż-żona Gaspool lejn ir-Repubblika Ċeka għal prodotti paragunabbli fl-istess sena”.

22.      Il-Qorti Ġenerali żiedet (punt 18 tas-sentenza appellata) li “fit‑28 ta’ Novembru 2016, il-BNetzA emendat l-eżenzjoni mogħtija permezz tad-deċiżjoni tagħha tal‑25 ta’ Frar 2009 fir-rigward tal-porzjon tal-pipeline tal-gass OPAL operat minn OGT, konformement mad-Deċiżjoni kkontestata, billi kkonkludiet ma’ din tal-aħħar kuntratt irregolat mid-dritt pubbliku, li jikkostitwixxi, taħt id-dritt Ġermaniż, deċiżjoni amministrattiva”.

23.      Fil-prattika, id-deċiżjoni kkontestata kienet tiffavorixxi l-kontroll mill-grupp Gazprom tal-fluss tal-pipeline tal-gass OPAL u, bl-istess mod, eventwali tnaqqis fil-flussi tal-gass permezz tal-pipeline tal-gass Yamal u Brotherhood (14), kif ukoll tisħiħ tal-pożizzjoni ta’ Gazprom fis-swieq tal-gass tal-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant (15).

IV.    Il-kontenzjuż dwar il-pipeline tal-gass OPAL

24.      Id-deċiżjoni kkontestata żiedet il-biża’ ta’ ċerti operaturi tal-gass u ta’ ċerti gvernijiet tal-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant lejn dominanza ikbar ta’ Gazprom fis-suq tal-gass, u dan jispjega l-interess tagħhom għall-annullament ta’ din tal-aħħar.

25.      Dan huwa dak li għamlu, mingħajr suċċess, l-operatur tal-gass Pollakk Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo, koproprjetarju tal-parti Pollakka tal-pipeline tal-gass Yamal-Europa (16), u sussidjarja Ġermaniża (PGNiG Supply & Trading GmbH) tal-operatur tal-gass Pollakk (17).

26.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat, fl-appell, id-digrieti ta’ inammissibbiltà rispettivi maħruġa mill-Qorti Ġenerali (18).

27.      Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja ppreżentat rikors ieħor għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni kkontestata, li ta lok għas-sentenza appellata.

V.      Ir-rikors tar-Repubblika tal-Polonja kontra d-deċiżjoni kkontestata u s-sentenza appellata

28.      Ir-Repubblika tal-Polonja qajmet sitt motivi sabiex issostni n-nullità tad-deċiżjoni kkontestata. Huma kienu bbażati: l-ewwel, fuq il-ksur tal-Artikolu 36(1)(a) tad-Direttiva 2009/73, moqri flimkien mal-Artikolu 194(1)(b) TFUE, u mal-prinċipju ta’ solidarjetà; it-tieni, fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni u fuq il-ksur tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2009/73; it-tielet, fuq il-ksur tal-Artikolu 36(1)(b) tad-Direttiva 2009/73; ir-raba’, fuq il-ksur tal-Artikolu 36(1)(a) u (e) tad-Direttiva 2009/73; il-ħames, fuq il-ksur tal-konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom hija parti l-Unjoni; u, is-sitta, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

29.      Il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel motiv tar-rikors, mingħajr ma ddeċidiet fuq il-motivi l-oħra, u annullat id-deċiżjoni kkontestata.

30.      Fl-analiżi tagħha dwar il-“portata tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika”, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li ma hijiex limitata għal sitwazzjonijiet straordinarji, iżda pjuttost “jinvolvi […] obbligu ġenerali, min-naħa tal-Unjoni u tal-Istati Membri […]”, b’tali mod li hija u dawn “għandhom jagħmlu l-almu kollu tagħhom, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom taħt din il-politika, li jevitaw li jieħdu miżuri li jistgħu jaffettwaw l-interessi tal-Unjoni u tal-Istati Membri l-oħra, fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista, tal-vijabbiltà ekonomika u politika tagħha u tad-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ provvista jew tal-provvista, u dan sabiex jassumu l-interdipendenza u s-solidarjetà tagħhom fil-fatt” (19).

31.      Il-Qorti Ġenerali kkwalifikat id-dikjarazzjonijiet preċedenti, u rrilevat li “l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika ma jfissirx li l-politika tal-Unjoni fil-qasam enerġetiku ma għandha fl-ebda każ ikollha effetti negattivi għall-interessi partikolari ta’ Stat Membru fil-qasam enerġetiku. Madankollu, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-imsemmija politika, l-interessi kemm tal-Unjoni kif ukoll tad-diversi Stati Membri u jibbilanċjaw dawn l-interessi fil-każ ta’ kunflitti” (20).

32.      Meta evalwat “jekk id-Deċiżjoni kkontestata tiksirx il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika”, il-Qorti Ġenerali qieset li dan il-prinċipju ma huwiex imsemmi f’din id-Deċiżjoni u li l-Kummissjoni għalhekk kisritu:

–        “ma wettqitx eżami tal-effetti tal-bidla fis-sistema operattiva tal-pipeline OPAL fuq is-sigurtà tal-provvista tal-Polonja” (21).

–        “Ma jidhirx li l-Kummissjoni eżaminat x’setgħu jkunu l-konsegwenzi, fi żmien medju, b’mod partikolari għall-politika fil-qasam enerġetiku tar-Repubblika tal-Polonja, tat-trasferiment lejn it-triq ta’ tranżitu Nord Stream 1/OPAL ta’ parti mill-volumi ta’ gass naturali ttrasportati mill-pipelines Yamal u Braterstwo, u lanqas li hija bbilanċjat dawn l-effetti maż-żieda fis-sigurtà ta’ provvista fuq livell tal-Unjoni, ikkonstatata minnha” (22).

33.      Minn dawn il-premessi, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li “għandu jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, kif ifformulat fl-Artikolu 194(1) TFUE” (23).

VI.    L-avvenimenti li seħħew wara s-sentenza appellata u l-effett tad-Direttiva (UE) 2019/692

34.      Anki jekk dawn ma jikkonċernawx direttament l-eżitu tal-appell, huwa xieraq li jiġu rreġistrati ċerti avvenimenti li seħħew wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali li jistgħu jaffettwaw l-implimentazzjoni tagħha.

35.      Fit‑13 ta’ Settembru 2019, il-BNetzA eżegwixxiet is-sentenza appellata (24), u dan wassal mill-ġdid għar-restrizzjonijiet stabbiliti permezz tad-deċiżjoni inizjali tal‑2009 u għat-tneħħija tas-sitwazzjoni stabbilita mid-deċiżjoni kkontestata.

36.      L-impatt immedjat ta’ din il-miżura jidher li kien li Gazprom waqfet tuża madwar 12 jew 13‑il biljun ta’ metri kubi kull sena ta’ kapaċità fuq il-pipeline tal-gass OPAL, li ġie kkumpensat permezz ta’ fluss ikbar permezz tal-pipelines li jaqsmu l-Ukraina (25).

37.      Id-duttrina tas-sentenza appellata jista’ wkoll ikollha effett fuq iċ-ċirkustanzi ta’ pipelines tal-gass oħra, bħan-Nord Stream 2 u l-estensjoni terrestri tagħha EUGAL (26), u l-pipeline tal-gass Turk Stream II (27). Jekk l-argument tal-Qorti Ġenerali dwar il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika jkun ikkonfermat, Gazprom u l-impriżi alleati tagħha x’aktarx li jiltaqgħu ma’ iktar diffikultajiet sabiex jiksbu eżenzjoni temporanja mill-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni (li jimponu l-liberalizzazzjoni sħiħa tal-flussi tal-gass) għall-pipeline tal-gass Nord Stream 2, li dwaru jeżistu wkoll tilwimiet pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (28).

38.      Għandu jiġi mfakkar ukoll li, permezz tad-Direttiva 2019/692, ġiet emendata d-Direttiva 2009/73, sabiex (skont it-tielet premessa tagħha) “tindirizza l-ostakli għat-tlestija tas-suq intern tal-gass naturali li jirriżultaw min-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regoli tas-suq tal-Unjoni għal-linji ta’ trasmissjoni tal-gass lejn u minn pajjiżi terzi. L-emendi introdotti minn din id-Direttiva huma maħsuba biex jiżguraw li r-regoli applikabbli għal-linji tat-trasmissjoni tal-gass li jgħaqqdu żewġ Stati Membri jew iktar ikunu applikabbli wkoll, fl-Unjoni, għal-linji ta’ trasmissjoni tal-gass lejn u minn pajjiżi terzi” (29).

39.      Madankollu, bħala eċċezzjoni għal din il-liberalizzazzjoni, id-Direttiva 2019/692 żiedet mad-Direttiva 2009/73 l-Artikolu 49a(1), li jippermetti li jingħataw eżenzjonijiet għall-pipelines tal-gass ta’ bejn Stat Membru u pajjiż terz li tlestew qabel it‑23 ta’ Mejju 2019 (30).

40.      Il-kumpanniji Nord Stream u Nord Stream 2 ippreżentaw rikors għal annullament kontra d-Direttiva 2019/692, iżda l-Qorti Ġenerali ddikjarat r-rikorsi tagħhom inammissibbli, minħabba nuqqas ta’ locus standi, minħabba li din id-direttiva ma tikkonċernahomx direttament u individwalment, peress li kellha bżonn miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni (31).

41.      Fil‑15 ta’ Mejju 2020, il-BNetzA ċaħdet it-talba għal eżenzjoni ppreżentata minn Nord Stream 2 skont l-Artikolu 49a (ġdid) tad-Direttiva 2009/73. Dan ir-rifjut kien ibbażat fuq il-fatt li l-kostruzzjoni fiżika tal-pipeline tal-gass ma kinitx tlestiet qabel it‑23 ta’ Mejju 2019 u, barra minn hekk, fuq il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jeskludi lir-rikorrenti mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ eżenzjoni mill-Artikolu 49a (32).

42.      Element ieħor li għandu effett fuq il-kontenzjuż dwar il-pipeline tal-gass OPAL huwa r-rapport tal-Grupp Speċjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ikta ’il quddiem il-“WTO”) tal‑10 ta’ Awwissu 2018 (33), stabbilit f’tilwima li fiha r-Russja kkontestat il-kompatibbiltà mad-dritt tal-WTO ta’ diversi elementi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-gass naturali. Fost dawn l-elementi kien hemm l-applikazzjoni tas-sistema ta’ eżenzjonijiet tal-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73 għall-pipeline tal-gass OPAL.

43.      Il-parti l-kbira tal-ilmenti Russi ġew miċħuda mill-Grupp Speċjali tal-WTO. Madankollu, dan ikkunsidra bħala inkompatibbli mal-Artikolu XI (1) tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal‑1994, iż-żewġ kundizzjonijiet dwar il-pipeline tal-gass OPAL li kienu inklużi fid-Deċiżjoni inizjali (tal‑2009), jiġifieri, l-limitu massimu ta’ kapaċità ta’ 50 % (li jillimita l-allokazzjoni ta’ kapaċitajiet ta’ trasport lil Gazprom u għall-impriżi relatati tagħha) u l-programm ta’ trasferiment ta’ gass li jobbliga lil Gazprom u lill-impriżi relatati tagħha li jittrasferixxu 3 biljuni metru kubi ta’ gass fis-sena sabiex jaqbżu dan il-limitu.

44.      Ir-Russja sostniet li dawn il-kundizzjonijiet jagħtu lok de facto għalrestrizzjoni kwantitattiva tal-volum tal-gass importat. Il-Grupp Speċjali tal-WTO kkonstata li huma naqqsu l-possibbiltajiet ta’ kompetizzjoni għall-importazzjoni ta’ gass naturali Russu fl-Unjoni Ewropea (34).

45.      L-Unjoni nnotifikat lill-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO fil‑21 ta’ Settembru 2018 bid-deċiżjoni tagħha li tappella fir-rigward ta’ ċerti kwistjonijiet ta’ dritt u interpretazzjonijiet legali indirizzati fir-rapport tal-Grupp Speċjali (35). L-imblukkar tal-Korp tal-Appell tal-WTO minħabba n-nuqqas ta’ tiġdid tal-membri tiegħu, għall-mument, impedixxa deċiżjoni fil-każ imsemmi.

46.      Id-deċiżjoni kkontestata tista’ twassal għall-eliminazzjoni kważi totali tal-eventwali fatturi ta’ inkompatibbiltà mad-dritt tal-WTO tal-iskema applikata għall-pipeline tal-gass Nord Stream/OPAL. Madankollu, peress li ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali, l-iskema ta’ eżenzjoni tad-deċiżjoni inizjali (tal‑2009), li ġiet iddikjarata inkompatibbli mal-Artikolu XI(1) tal-GATT tal‑1994, tapplika mill-ġdid. Konsegwentement, jista’ jkun neċessarju li tiġi evalwata l-eventwali kolliżjoni tas-soluzzjoni milħuqa bid-dritt tal-WTO.

VII. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

47.      Permezz tal-appell tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        Tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija fl‑10 ta’ Settembru 2019 fil-Kawża T‑883/16;

–        Tibgħat lura l-Kawża T‑883/16 quddiem il-Qorti Ġenerali;

–        Tirriżerva d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.

48.      Ir-Repubblika tal-Polonja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        Tiċħad l-appell fl-intier tiegħu, bħala infondat, u tiddikjara t-tielet aggravju bħala inammissibbli;

–        Tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

49.      Ir-Repubblika tal-Latvja u r-Repubblika tal-Litwanja jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell.

50.      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ddikjarat li kienet favur li l-ewwel aggravju jiġi milqugħ.

51.      Insostenn tal-appell tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinvoka ħames aggravji, fosthom, essenzjalment, l-ewwel u t-tieni aggravju jirrigwardaw il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika u n-nuqqas ta’ applikazzjoni tiegħu fid-deċiżjoni kkontestata. It-tielet, ir-raba’ u l-ħames aggravju (li saru fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li tali prinċipju huwa applikabbli) jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli kkonstatat li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika.

VIII. L-ewwel aggravju: l-assenza ta’ leġittimità tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika

A.      Preliminari

52.      Qabel ma niddeċiedi fuq dan l-aggravju, jidhirli opportun li neżamina l-artikolazzjoni ġuridika tas-solidarjetà fid-dritt tal-Unjoni u r-rifless tagħha fir-regoli dwar il-politika tal-enerġija.

1.      Is-solidarjetà fid-dritt primarju tal-Unjoni

53.      Barra mill-Artikolu 194 TFUE, hemm riferimenti għas-solidarjetà f’regoli oħra tad-dritt primarju tal-Unjoni, kemm fit-Trattat UE kif ukoll fit-Trattat FUE.

54.      It-Trattat UE jsemmi dan il-kunċett fil-preambolu (“Xewqana li jsaħħu s-solidarjetà bejn il-popli tagħhom filwaqt li jirrispettaw l-istorja, il-kultura u t-tradizzjonijiet tagħhom”). Huwa jagħmel dan ukoll fl-Artikolu 2 tiegħu, bħala waħda mill-karatteristiċi tas-soċjetà li tikkondividi l-valuri komuni għall-Istati Membri tal-Unjoni (36), u fl-Artikolu 3 tiegħu, billi jipproponi li “hija għandha tippromwovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri” (paragrafu 3) (37).

55.      L-Artikolu 21(1) TUE jistabbilixxi s-solidarjetà bħala wieħed mill-prinċipji gwida tal-azzjoni esterna tal-Unjoni. Fost id-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni, l-Artikolu 24(2) u (3) TUE jitkellem dwar is-“solidarjetà politika reċiproka” tal-Istati Membri (38).

56.      Fir-rigward tat-Trattat FUE, l-Artikolu 67(2) tiegħu jorbot il-politika komuni tal-ażil, tal-immigrazzjoni u tal-kontroll tal-fruntieri esterni mas-solidarjetà bejn l-Istati Membri, kif jikkonferma l-Artikolu 80 TFUE (39).

57.      Fil-qasam tal-politika ekonomika, l-Artikolu 122 (1) u (2) TFUE, jinkorpora wkoll referenza espliċita għall-ispirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri (40). Issir ukoll allużjoni għall-ispirtu ta’ solidarjetà fil-Artikolu 194(1) TFUE, li dwaru hija t-tilwima, u fl-Artikolu 222 TFUE (41).

58.      It-titolu IV tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jiġbor flimkien, taħt it-titolu ta’ solidarjetà, numru ta’ drittijiet fil-qasam soċjali u ta’ xogħol (Artikoli 27 sa 34), f’dak tal-protezzjoni tas-saħħa, tal-aċċess għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, tal-protezzjoni tal-ambjent jew tal-konsumaturi (Artikoli 35 sa 38).

59.      Minbarra dawn, jeżistu regoli oħra tad-dritt primarju li fuqhom hija bbażata s-solidarjetà. Dan huwa l-każ tal-mekkaniżmu ta’ assistenza finanzjarja għall-pajjiżi tal-Unjoni li ma humiex parti miż-żona euro (Artikolu 143 TFUE) jew tad-dispożizzjonijiet dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali (Artikoli 174 sa 178 TFUE).

60.      Madankollu, huwa diffiċli li minn din is-sensiela ta’ dispożizzjonijiet kollha jiġi dedott kunċett komplet u li jiġbor kollox taħtu tas-solidarjetà fid-dritt tal-Unjoni. Huwa kunċett li jidher li huwa marbut kemm mar-relazzjonijiet orizzontali (bejn l-Istati Membri, bejn l-istituzzjonijiet, bejn il-popli jew il-ġenerazzjonijiet u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi) kif ukoll ma’ dawk vertikali (bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha), f’oqsma eteroġenei (42).

61.      Għall-kuntrarju, għandu jiġi enfasizzat li s-solidarjetà tinsab fid-dritt primarju tal-Unjoni, bi grad li jista’ jiġi kklassifikat bħala materjalment kostituzzjonali, bħala valur (Artikolu 2 TUE) u bħala għan (Artikolu 3 TUE) li hija għandha tinkoraġġixxi. Bl-istess mod, hija mitluba tispira d-deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi tal-Unjoni stess, b’intensità li qiegħda tikber (43).

62.      F’ċerti dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, riprodotti iktar ’il fuq, jitkellmu dwar “spirtu ta’ solidarjetà”, filwaqt li oħrajn jużaw direttament l-espressjoni “prinċipju ta’ solidarjetà” (Artikolu 80 TFUE).

63.      Il-kwistjoni ewlenija hija jekk is-solidarjetà għandhiex il-grad ta’ prinċipju ġuridiku u, fl-affermattiv, liema hija n-natura u l-portata tagħha. L-alternattiva hija li dan il-kunċett ikollu valur purament simboliku, nieqes minn forza leġiżlattiva.

64.      Mill-perspettiva dottrinali, id-dibattitu huwa bejn dawk li jiċħdu li s-solidarjetà għandha l-kwalità ta’ prinċipju ġuridiku (jew, tal-inqas, ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt) (44) u dawk li jiddefendu l-kwalità tagħha ta’ prinċipju kostituzzjonali jew strutturali (45), jew prinċipju ġenerali tad-dritt, marbut mill-qrib ma’ dak ta’ kooperazzjoni leali (46), li l-parametri tiegħu ġew iddefiniti aħjar.

2.      Is-solidarjetà fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

65.      Il-Qorti tal-Ġustizzja użat il-prinċipju ta’ solidarjetà fil-ġurisprudenza tagħha, iżda mingħajr ma ddeterminat il-limiti tiegħu b’mod ġenerali. Normalment hija għamlet dan fil-kuntest ta’ tilwimiet li jinvolvu miżuri tal-Istat li jmorru kontra dan il-prinċipju.

66.      Dan kien il-każ, inizjalment, f’kawża ta’ għajnuna mill-Istat, deċiża bis-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza (47), jew f’kawża oħra sussegwenti, deċiża bis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (48), dwar in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-politika agrikola. F’din tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja żgurat li “n-nuqqas ta’ twettiq tad-doveri ta’ solidarjetà li l-Istati Membri jaċċettaw minħabba l-fatt tal-adeżjoni tagħhom mal-Komunità jaffettwa l-pedamenti bażiċi stess tal-ordinament ġuridiku Komunitarju”.

67.      Is-solidarjetà bejn il-produtturi ġiet imsemmija wkoll f’xi sentenza sabiex jiġi ġġustifikat it-tqassim ta’ oneri u ta’ benefiċċji impost mir-regoli tal-Unjoni, iżda mingħajr madankollu ma ġiet identifikata bħala prinċipju ġenerali tad-dritt (49), u f’oħrajn fuq iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u fuq miżuri soċjali, anki jekk b’mod limitat. Dan il-kunċett ma ntużax, tal-inqas espressament, fis-sentenzi li jirrigwardaw il-miżuri ta’ assistenza finanzjarja wara l-kriżi ekonomika tal‑2008 (50).

68.      Il-qasam sostantiv li fih jispikka l-użu tal-kunċett ta’ solidarjetà mill-Qorti tal-Ġustizzja, bħala element ewlieni għall-interpretazzjoni ta’ artikolu tat-Trattat FUE, huwa dak relatat mal-politika tal-immigrazzjoni, tal-ażil u tal-kontroll tal-fruntieri (Artikolu 80 TFUE).

69.      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja użat il-prinċipju ta’ solidarjetà, b’mod espliċitu, meta hija kellha tiddeċiedi dwar it-tqassim tal-kwoti tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri (51). Wara l-evalwazzjoni li, “skont l-Artikolu 80 TFUE, [il-prinċipju ta’ solidarjetà] jirregola l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ażil” (52), minn dan hija ddeduċiet konsegwenzi legali rilevanti, sal-punt li ddeterminat l-ilqugħ tar-rikorsi ppreżentati mill-Kummissjoni kontra l-Istati Membri li naqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom f’dan il-qasam.

70.      Din l-analiżi sommarja tal-ġurisprudenza turi li, minkejja li l-prinċipju ta’ solidarjetà għandu diversi aspetti u livelli ta’ konkretezza, l-importanza tiegħu, fid-dritt primarju, bħala valur u bħala għan tal-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea (53) tippermetti li din tingħata tifsira li tista’ twassal għal konsegwenzi legali.

71.      Fil-bażi ta’ dan l-approċċ ġurisprudenzjali hemm ċertu kunċett tal-valur leġiżlattiv tat-Trattati: id-dispożizzjonijiet tiegħu għandhom l-inklinazzjoni ta’ kull regola ta’ grad kostituzzjonali u hija l-persuna li għandha tinterpretahom (fl-aħħar stadju, il-Qorti tal-Ġustizzja) li għandha tidentifika l-kontenut imperattiv rispettiv tagħhom.

72.      Huwa minnu li l-eteroġeneità tal-manifestazzjonijiet tal-prinċipju ta’ solidarjetà tirrendi iktar diffiċli l-applikazzjoni tiegħu fl-oqsma kollha ta’ kompetenza tal-Unjoni b’artikolazzjoni jew b’intensità identiċi. Madankollu, ninsisti, xejn ma jipprekludi li, f’uħud minn dawn l-oqsma ta’ kompetenza, tiġi rrikonoxxuta lilha l-virtù tagħha bħala “prinċipju gwida” tal-aġir korrelattiv tal-Unjoni, b’riperkussjonijiet fuq l-operazzjoni legali tagħha.

73.      Dan huwa l-każ tal-prinċipju ta’ solidarjetà fil-qasam tal-politika tal-ażil u għandu, fil-fehma tiegħi, ikun il-każ ukoll, b’mod analogu, f’dak tal-politika tal-enerġija.

3.      Il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika

74.      L-Artikolu 194(1) TFUE jiddikjara li:

“[…] il-politika ta’ l-Unjoni fil-qasam ta’ l-enerġija għandha timmira li, fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri:

a)      tassigura l-funzjonament tas-suq ta’ l-enerġija;

b)      tassigura s-sigurtà tal-provvista ta’ l-energija fl-Unjoni;

c)      tippromwovi l-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar fl-użu ta’ l-enerġija kif ukoll l-iżvilupp ta’ forom ta’ enerġija ġodda u rinnovabbli; u

d)      tippromwovi l-interkonnessjoni ta’ netwerks ta’ l-enerġija”.

75.      L-Artikolu 194 TFUE ġie introdott mit-Trattat ta’ Lisbona bħala bażi legali għall-iżvilupp tal-kompetenzi tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija (54).

76.      L-“ispirtu ta’ solidarjetà” għandu jimprenja l-għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni u jippromwovi l-iżvilupp tagħha. F’din il-perspettiva, is-solidarjetà enerġetika ma tistax tiġi identifikata mis-sempliċi sigurtà enerġetika (jew “sigurtà tal-provvista tal-enerġija”), li hija biss waħda mill-manifestazzjonijiet tagħha (55).

77.      Is-solidarjetà hija l-bażi tal-għanijiet l-oħra kollha tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni, billi tiġborhom flimkien u tagħtihom koerenza. B’mod partikolari:

–        Fir-rigward tal-“funzjonament tas-suq tal-enerġija”, li għandu jikkontribwixxi għal provvista f’kundizzjonijiet aħjar ta’ kompetizzjoni fl-Istati Membri.

–        Fir-rigward tal-promozzjoni tal-“interkonnessjoni tan-networks tal-enerġija”, kruċjali għat-tlestija ta’ suq intern tal-enerġija.

–        Fir-rigward tal-“effiċjenza tal-enerġija u l-iffrankar tal-enerġija”, kif ukoll tal-“iżvilupp ta’ enerġiji ġodda u rinnovabbli”, li jippermettu solidarjetà enerġetika ikbar bejn l-Istati Membri, kompatibbli mal-protezzjoni aħjar tal-ambjent.

78.      Iż-żieda tal-ispirtu ta’ solidarjetà enerġetika f’test tad-dritt primarju ġiet iċċarata permezz tad-Dikjarazzjoni Nru 35 annessa mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE, li skontha “l-Konferenza tikkunsidra li l-Artikolu 194 ma jolqotx id-dritt ta’ l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw il-provvista ta’ l-enerġija tagħhom skond il-kondizzjonijiet previsti fl-Artikolu 347”. Din id-dikjarazzjoni kienet tikkostitwixxi, fir-realtà, protezzjoni tas-sovranità statali fil-qasam tal-enerġija, li tiżdied ma’ dik li tirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE (56).

79.      L-inklużjoni ta’ dawn il-garanziji tas-sovranità statali fir-rigward tal-iżvilupp tal-kompetenzi tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija, permezz ta’ regoli tad-dritt primarju, tinftiehem aħjar mill-konferma ta’ politika tal-enerġija tal-Unjoni ispirata mill-prinċipju ta’ solidarjetà, kif ukoll b’konkretizzazzjoni speċifika tad-dritt primarju. Il-leġittimità ta’ dan il-prinċipju jidhirli li hija wkoll inkontestabbli daqs dik tal-garanziji tas-sovranità statali li ġew introdotti sabiex jiġi aġġustat.

80.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet irrikonoxxiet, preċedentement, li s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija ta’ pajjiż kienet raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (57), inkluża fis-sigurtà nazzjonali (kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE.

81.      Minkejja dawn il-garanziji tas-sovranità statali fil-qasam tal-enerġija, l-Unjoni żviluppat progressivament il-politika tal-enerġija tagħha permezz ta’ regoli tad-dritt sekondarju, li fihom is-solidarjetà enerġetika kisbet protagoniżmu. Barra minn hekk, kienet promossa wkoll fl-istrateġija tal-Kummissjoni sabiex tikseb l-Unjoni tal-Enerġija (58), li hija l-bażi tal-adozzjoni tar-regoli reċenti tal-Unjoni fis-suq tal-gass naturali.

82.      Minħabba l-karatteristiċi, tekniċi u ekonomiċi, ta’ dawn is-swieq, l-affermazzjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà hija essenzjali sabiex il-politika tal-enerġija tal-Unjoni tkun tista’ tilħaq l-għanijiet tagħha, attwalment dejjem iktar marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent (59).

83.      B’mod partikolari, l-iżvilupp ta’ infrastrutturi tal-gass tranżnazzjonali u ma’ pajjiżi terzi jista’ jitqies bħala indispensabbli sabiex tiġi permessa s-solidarjetà enerġetika bejn l-Istati Membri, raġuni li għaliha l-Unjoni ħeġġet b’mod attiv tali infrastrutturi (60).

84.      Ir-riflessjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà f’regoli pożittivi, minn din u l-perspettivi oħra, huma, fost oħrajn:

–        Ir-Regolament (UE) 2017/1938 (61), li jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 994/2010 (62). F’dan tal-aħħar, ġie stabbilit mekkaniżmu ta’ rispons għall-kriżijiet tal-provvista tal-gass naturali b’miżuri eċċezzjonali li r-responsabbiltà aħħarija tiegħu kienet f’idejn l-Istati (63). Dan il-mekkaniżmu ġie mtejjeb permezz tar-Regolament 2017/1938 (64), u b’hekk żied l-effettività tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika (65).

–        Ir-Regolament (UE) 2019/452 (66), li jistabbilixxi sistema ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, kif ukoll bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, b’tali mod li l-Istati jkunu jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet u l-Kummissjoni tkun tista’ toħroġ opinjonijiet dwar l-impatt ta’ investiment dirett barrani u l-eventwali limitazzjoni tagħhom fit-territorji rispettivi tagħhom jew fl-Unjoni kollha. Hija tikkonċerna, fost l-oħrajn, l-investimenti fl-“infrastruttura essenzjali, kemm fiżika kif ukoll virtwali, inklużi faċilitajiet tal-enerġija”, u l-“provvista ta’ inputs essenzjali, inklużi l-enerġija […]”.

85.      Dan li għadu kif ġie espost jikkonferma li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma eżitax li jadotta l-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika bħala gwida tal-politika tiegħu f’dan il-qasam. Għad trid tiġi deċiża l-kwistjoni dwar jekk, minbarra din il-funzjoni, dan il-prinċipju, li l-Avukat Ġenerali Mengozzi kien diġà attribwixxa natura “kostituzzjonali” (67), jistax ikollu l-effett tiegħu lil hinn mil-livell leġiżlattiv.

86.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ser nindirizza l-analiżi tal-ewwel aggravju.

B.      L-argumenti tal-partijiet

87.      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi billi affermat li s-solidarjetà enerġetika, imsemmija fl-Artikolu 194(1) TFUE, hija prinċipju legali li jiġġenera drittijiet u obbligi kemm għall-Unjoni kif ukoll għall-Istati Membri.

88.      Skont l-appellanti, is-solidarjetà enerġetika hija biss “kunċett purament politiku” u mhux kriterju legali li minnu jistgħu jiġu dedotti drittijiet u obbligi għall-Unjoni jew għall-Istati Membri. Minħabba n-natura astratta u mhux determinata tagħha, is-solidarjetà fil-qasam tal-enerġija ma tistax tiġi “invokat quddiem qorti” (68).

89.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-Kummissjoni, bħala korp eżekuttiv tal-Unjoni, kienet obbligata tapplika biss id-dritt sekondarju (speċifikament l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2009/73). Dan l-artikolu jikkostitwixxi l-uniku parametru tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Aspetti oħra tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika “ma għandhomx jiġu eżaminati u ma jikkostitwixxux kriterji għad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni”.

90.      Fi kwalunkwe każ, dan il-prinċipju huwa vinkolanti “biss, l-iktar l-iktar, fuq il-leġiżlatur tal-Unjoni”. Il-Kummissjoni, tinsisti li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, “la hija marbuta bl-Artikolu 194 TFUE u lanqas bil-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika” waqt l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ deroga tal-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73.

91.      Il-Kummissjoni, li ma appellatx mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali u li ġiet mistiedna tintervjeni matul is-seduta mill-Qorti tal-Ġustizzja, sostniet li s-solidarjetà enerġetika hija prinċipju gwida tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni, li huwa impost fuq il-leġiżlatur tal-Unjoni waqt l-adozzjoni tar-regoli tad-dritt sekondarju.

92.      Madankollu, skont il-Kummissjoni, is-solidarjetà tal-Artikolu 194 TFUE hija kunċett wisq ġenerali u astratt sabiex jopera bħala prinċipju awtonomu li jista’ jintuża fl-istħarriġ tal-legalità tal-atti tagħha. Id-deċiżjoni kkontestata kellha tkun limitata għall-applikazzjoni tal-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73, filwaqt li twarrab kull evalwazzjoni addizzjonali bbażata esklużivament fuq il-prinċipju ta’ solidarjetà.

93.      Madankollu, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tagħha jista’ jsir “fid-dawl tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika”, bħala kriterju ta’ interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt sekondarju.

94.      Ir-Repubbliki tal-Polonja, tal-Latvja u tal-Litwanja kkontestaw l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tal-Kummissjoni.

C.      Evalwazzjoni

95.      Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament, mingħajr ma wettqet ebda żball, li l-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika “jinkludi drittijiet u obbligi kemm għall-Unjoni kif ukoll għall-Istati Membri” (69).

96.      Nifhem li l-prinċipju tas-solidarjetà enerġetika tal-Artikolu 194 (1) TFUE, għandu effetti legali, u mhux sempliċement politiċi: a) bħala kriterju għall-interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt sekondarju adottati fl-eżekuzzjoni tal-kompetenzi tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija; b) bħala element sabiex jimtlew il-lakuni kkonstatati f’dawn l-istess regoli; u (ċ) bħala parametru għall-istħarriġ ġudizzjarju, kemm tal-legalità ta’ dawn l-imsemmija regoli ta’ dritt sekondarju, kif ukoll tad-deċiżjonijiet tal-korpi tal-Unjoni f’dan il-qasam.

97.      Meta t-Trattati riedu jenfasizzaw l-element sempliċement politiku tas-solidarjetà, huma għamlu dan b’mod espress. Dan jidher fid-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni, li fihom l-Artikolu 24(2) u (3) TUE jagħmel riferiment għas-“solidarjetà politika reċiproka” tal-Istati Membri.

98.      Dan ma huwiex il-każ bil-prinċipju ta’ solidarjetà applikabbli fil-qasam tal-politika tal-ażil (Artikolu 67 TFUE) jew fil-qasam tal-enerġija (Artikolu 194 TFUE). Jekk l-ewwel wieħed, kif fakkart ukoll, ippermetta li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi l-valur normattiv tiegħu sabiex tislet ċerti konsegwenzi, l-istess għandu japplika għat-tieni wieħed (70).

99.      Għalhekk, jiena naqbel mal-Qorti Ġenerali dwar il-leġittimità tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, li jirrendih suġġett għall-applikazzjoni legali. Bħala tali prinċipju, b’differenza minn sempliċi regoli, dan jista’ jipproduċi effetti — skont in-natura tagħhom — mhux biss meta jiġi espress f’regola tad-dritt sekondarju, iżda eventwalment fl-assenza tagħha u, ċertament, fl-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet adottati fil-qasam materjali li għalih tkun ġiet stabbilita.

100. Għalhekk jiena ma naqbilx mat-teżi, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u mill-Kummissjoni waqt is-seduta, li l-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika huwa astratt wisq sabiex jintuża fl-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-Kummissjoni.

101. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ammettiet li l-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika jista’ jiġi invokat sabiex tiġi kkontestata l-legalità tal-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73, fil-kuntest ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità, u sabiex jiġu interpretati, fid-dawl tagħhom, l-atti li għalihom tapplika din id-dispożizzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma narax għalfejn għandu jiġi miċħud li dan il-prinċipju jista’ jiffunzjona bħala parametru awtonomu tal-istħarriġ tal-legalità f’rikorsi diretti kontra deċiżjonijiet tal-Kummissjoni.

102. Is-sentenza appellata tafferma li l-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika jorbot lill-Unjoni u lill-Istati Membri, li, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-partijiet l-oħra (71). Minħabba li t-tilwima hija limitata għall-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, sabiex tiġi solvuta, ma huwiex essenzjali li jiġu analizzati l-implikazzjonijiet tal-prinċipju fuq l-aġir (unilaterali jew bejniethom) tal-Istati Membri, iżda biss fuq is-saħħa vinkolanti tagħhom fuq il-Kummissjoni.

103. L-allegazzjoni li skontha dan il-prinċipju huwa vinkolanti, jekk ikun il-każ, biss fil-konfront tal-leġiżlatur tal-Unjoni (il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew waqt l-adozzjoni ta’ regoli ta’ dritt sekondarju), iżda mhux fil-konfront tal-Kummissjoni, jidhirli li huwa infondat. Għall-kuntrarju, nifhem li l-prinċipju, fid-dimensjoni “kostituzzjonali” tiegħu msemmija iktar ’il fuq, jobbliga lill-istituzzjonijiet u lill-organi kollha tal-Unjoni, sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni espressa kuntrarja fid-dritt primarju, li ma teżistix fil-qasam tal-enerġija.

104. Il-prinċipju tas-solidarjetà enerġetika, kif diġà argumentajt, ma huwiex limitat li jiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista, imsemmija fl-Artikolu 36(1)(a) tad-Direttiva 2009/73. Provvista ikbar ta’ gass mhux bilfors timplika solidarjetà msaħħa fis-suq intern tal-gass: jekk iż-żieda tal-provvista hija kkonċentrata f’xi ftit mill-Istati u jibqa’ f’idejn impriża dominanti li tista’ toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni f’dan is-suq, huwa possibbli li jippreġudika l-interessi ta’ wieħed jew iktar Stati Membri oħra b’mod mhux iġġustifikat (in solidum).

105. Ċertament, l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73 ma jsemmix b’mod espliċitu s-solidarjetà enerġetika fost l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-għoti ta’ eżenzjoni (tar-regoli ta’ aċċess ta’ terzi u ta’ tariffi) għall-pipelines tal-gass il-ġodda, sabiex jiġu promossi l-investimenti fil-bini tagħhom. Madankollu, dan in-nuqqas ta’ riferiment espliċitu ma kienx jeżenta lill-Kummissjoni milli tevalwa l-impatt tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika fid-deċiżjonijiet ta’ eżenzjoni tagħha, peress li l-osservanza tiegħu hija imposta mill-Artikolu 194 TFUE (72).

106. Fil-fatt, kif irrilevat ir-Repubblika tal-Polonja waqt is-seduta, il-prassi amministrattiva tal-Kummissjoni sussegwenti għas-sentenza appellata integrat, mingħajr problemi kbar, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika f’deċiżjonijiet oħra ta’ eżenzjoni simili għal dik inkwistjoni hawnhekk (73).

107. L-evalwazzjoni indispensabbli tal-konsegwenzi tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika fid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni ġiet iffavorita mill-emenda li d-Direttiva 2019/692 għamlet fl-Artikolu 36(1)(e) tad-Direttiva 2009/73.

108. Din l-emenda trendi espliċitu dak li, fl-opinjoni tiegħi, jista’ jiġi dedott mit-test preċedenti, moqri fid-dawl tal-prinċipju tas-solidarjetà enerġetika: “l-eżenzjoni ma għandhiex tkun ta’ ħsara għall-kompetizzjoni fis-swieq rilevanti, li aktarx jiġu affettwati mill-investiment, għall-funzjonament effettiv tas-suq intern tal-gass naturali, għall-funzjonament effiċjenti tas-sistemi regolati kkonċernati, jew għas-sigurtà tal-provvista tal-gass naturali fl-Unjoni”.

109. B’dan il-mod, il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika huwa meħud inkunsiderazzjoni u l-implimentazzjoni tiegħu hija, barra minn hekk, iffaċilitata wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri jew mal-pajjiżi terzi kkonċernati mill-eżenzjoni (74).

110. In-nuqqas ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni invokat waqt is-seduta bħala ġustifikazzjoni sabiex ma tevalwax, fid-deċiżjoni kkontestata, il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika ma jidhirlix li jikkostitwixxi argument sod. F’qasam ta’ tali portata għas-suq intern tal-gass bħalma huwa l-eżenzjoni tal-pipeline tal-gass OPAL, id-dipartimenti tal-Kummissjoni ma jistgħux jinvokaw in-nuqqas ta’ informazzjoni, min-naħa tal-Istati Membri, sabiex jevitaw li jevalwaw l-effett tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika.

111. Ma inix konxju li, bħall-maġġoranza tal-prinċipji ġuridiċi, dak tas-solidarjetà enerġetika jinvolvi ċerta doża ta’ astrazzjoni, li tirrendi l-applikazzjoni tiegħu iktar diffiċli.

112. Din in-natura relattivament astratta, mid-definizzjoni, timplika li mhux ser ikun dejjem faċli li jiġu dedotti soluzzjonijiet konsistenti mill-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, peress li fl-applikazzjoni prattika ser jeżistu fl-istess ħin, flimkien ma’ żoni ta’ ċertezza, oħrajn iktar griżi li l-interpretu jkollu jiżen bir-reqqa.

113. Dak li, fil-fehma tiegħi, dan il-prinċipju jeżiġi (mill-ġdid, bi qbil ma’ dak tal-Qorti Ġenerali), huwa li kull min għandu jimplimentah — f’dan il-każ il-Kummissjoni — għandu jwettaq evalwazzjoni każ b’każ tal-interessi inkwistjoni. Ma huwiex il-każ li jiġi adottat approċċ li jinjora s-singularità ta’ kull pożizzjoni, jiġifieri, li fi kwalunkwe każ jippreġudika l-kisba ta’ riżultat determinat (75).

114. Għalkemm ma għandi l-ebda dubju dwar iċ-ċaħda ta’ dan l-aggravju, nifhem li għandha tiġi evalwata b’attenzjoni l-intensità tal-istħarriġ li l-Qorti Ġenerali (jew, jekk ikun il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja) tista’ teżerċita fuq deċiżjonijiet tal-Kummissjoni bħal din inkwistjoni bħalissa, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika.

115. Dan l-istħarriġ għandu jkun limitat, peress li jirrigwarda deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet tekniċi kumplessi, li fihom il-Kummissjoni, iktar mill-qrati, għandha kapaċitajiet ta’ analiżi għoljin, kemm tekniċi kif ukoll ekonomiċi. Għalhekk, kif mitlub fis-sentenza appellata, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-konsegwenzi kollha, ekonomiċi jew ta’ natura oħra, kollha inerenti għall-kundizzjonijiet u għal-livell ta’ użu ta’ pipeline tal-gass, kif ukoll l-impatt tiegħu fuq is-suq Ewropew u fuq is-swieq nazzjonali tal-gass.

116. L-istħarriġ ġudizzjarju ta’ dawn id-deċiżjonijiet jeħtieġ, qabelxejn, li jiġi stabbilit jekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni wettqux ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni kompatibbli mas-solidarjetà enerġetika, b’teħid inkunsiderazzjoni, nirrepeti, kemm ta’ dawk tal-Istati Membri kif ukoll ta’ dawk tal-Unjoni kollha. Jekk ikun hemm nuqqas manifest, f’dan l-ibbilanċjar tas-sitwazzjoni, ta’ Stat Membru wieħed jew iktar, deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ dan il-prinċipju.

117. Kif seħħ fi prinċipji oħra tad-dritt tal-Unjoni, din l-evalwazzjoni ta’ interessi fid-dawl ta’ dak tas-solidarjetà enerġetika għandha tiġi ppreċiżata, billi tiġi suġġetta għall-iskrutinju tal-Qorti tal-Ġustizzja, u tippreżenta natura evoluttiva, li fuqha ser ikollu wkoll influwenza l-iżvilupp futur tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni (76).

118. L-argumenti preċedenti jwassluni sabiex nipproponi li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

IX.    It-tieni aggravju: limitazzjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika għas-sitwazzjonijiet ta’ kriżi

A.      L-argumenti tal-partijiet

119. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-prinċipju ta’ solidarjetà fis-settur tal-enerġija ma kienx applikabbli fid-deċiżjoni kkontestata. Tali prinċipju japplika biss f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi ta’ provvista u ma jistax jinftiehem fis-sens li jeżiġi “lealtà mingħajr kundizzjonijiet” lejn l-interessi tal-Istati Membri kollha. Altrimenti, kien ikun hemm imblokkar tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-politika enerġetika.

120. Ir-riferimenti għas-solidarjetà tal-Artikolu 194(1) TFUE jimponu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 222 TFUE sabiex jiġi ppreċiżat il-kontenut ta’ dan il-kunċett, b’tali mod li s-solidarjetà enerġetika tiddetermina obbligu ta’ assistenza reċiproka biss f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi. L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2017/1938 jikkorrobora dan.

121. Ir-Repubbliki tal-Polonja, tal-Latvja u tal-Litwanja jikkontestaw dawn id-dikjarazzjonijiet.

B.      Evalwazzjoni

122. Ma għandix il-fehma tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Għall-kuntrarju, jiena naqbel mal-Qorti Ġenerali li l-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika jista’ jkollu effetti legali lil hinn mis-sitwazzjonijiet ta’ kriżi msemmija fl-Artikolu 222 TFUE.

123. Il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta affermat, fis-sentenza appellata, li “l-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika ma jistax jiġi limitat għal sitwazzjonijiet straordinarji bħal dawn, li jaqgħu esklużivament taħt il-kompetenza tal-leġiżlatur tal-Unjoni” u li “jinvolvi wkoll obbligu ġenerali, min-naħa tal-Unjoni u tal-Istati Membri, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-partijiet l-oħra” (punti 71 u 72).

124. L-Artikolu 222 TFUE huwa wieħed (iżda mhux l-uniku) mill-espressjonijiet tal-prinċipju ta’ solidarjetà fid-dritt primarju tal-Unjoni. Dan l-artikolu jipprevedi l-assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri fil-każ ta’ attakk terroristiku jew ta’ diżastru naturali jew mill-bniedem.

125. Madankollu, ma narax raġunijiet konvinċenti sabiex jiġi sostnut li r-riferiment għas-solidarjetà enerġetika msemmija fl-Artikolu 194(1) TFUE għandu jkun limitat għas-sitwazzjonijiet kritiċi tal-Artikolu 222 TFUE.

126. Minn naħa, attakk terroristiku jew diżastru naturali jew mill-bniedem ma għandux, neċessarjament, joħloq kriżi ta’ enerġija li taffettwa l-interessi vitali ta’ Stat Membru.

127. Min-naħa l-oħra, is-solidarjetà enerġetika bejn l-Istati tista’ tkun indispensabbli f’sitwazzjonijiet li ma humiex attakki jew katastrofi msemmija fl-Artikolu 222 TFUE.

128. Dan ikun il-każ, tal-inqas, quddiem sitwazzjoni ekonomika serja (f’liema każ ir-riferiment għad-diffikultajiet fil-qasam tal-enerġija tal-Artikolu 122(1) TFUE ikun rilevanti) jew quddiem it-tnaqqis sinjifikattiv ta’ provvista għad-differenzi bejn pajjiż terz esportatur tal-gass u pajjiż terz ta’ tranżitu (pereżempju, l-kriżi bejn l-Ukraina u r-Russja tal‑2006).

129. Diġà spjegajt li, fil-fehma tiegħi, is-solidarjetà enerġetika tmur lil hinn mis-sempliċi sigurtà tal-provvista tal-enerġija. Anki li kieku huwa limitat għal din tal-aħħar, dan il-prinċipju jgħin sabiex jiġu evitati l-kriżijiet ta’ provvista, kif tissuġġerixxi l-Polonja fl-osservazzjonijiet tagħha, li jispjega li l-maġġoranza tal-mekkaniżmi previsti mir-Regolament 2017/1938 huma preventivi. Huwa preferibbli li s-solidarjetà enerġetika topera sabiex tipprevjeni l-kriżijiet u ma tkunx biss riflessa fil-mekkaniżmi ta’ reazzjoni fir-rigward tagħhom.

130. Jien lanqas ma naqbel mal-argument li permezz tiegħu r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkritika lill-Qorti Ġenerali, talli kkunsidrat li l-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika jesprimi obbligu ta’ lealtà mingħajr kundizzjonijiet, jiġifieri dak li jiġu mwieżna l-interessi tal-Istati Membri kollha.

131. Dan l-argument ma jikkorrispondix għall-qari xieraq tas-sentenza appellata, li l-punt 77 tagħha jafferma li “l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika ma jfissirx li l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija ma għandha fl-ebda każ ikollha effetti negattivi għall-interessi partikolari ta’ Stat Membru fil-qasam tal-enerġija”.

132. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Qorti Ġenerali ma ddikjaratx li l-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika għandu jimplika lealtà mingħajr kundizzjonijiet li tirrispetta l-interessi tal-Istati Membri kollha.

133. Dak li huwa sostnut fis-sentenza appellata (u hija evalwazzjoni li naqbel magħha), huwa li dan il-prinċipju jimponi bbilanċjar tal-interessi inkwistjoni tad-diversi Stati Membri u tal-Unjoni, waqt l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet fil-qasam tal-enerġija.

134. Konsegwentement, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

X.      It-tielet aggravju: żball tal-Qorti Ġenerali sa fejn qieset li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika

A.      L-argumenti tal-partijiet

135. Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma bbilanċjatx il-konsegwenzi tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika u tad-deċiżjoni kkontestata fis-suq Pollakk tal-gass.

136. Fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni evalwat dan l-effett, u dan jintwera permezz ta’ dawn il-provi:

–        Il-preżentazzjoni mill-Polonja, fl‑2013, ta’ osservazzjonijiet matul il-proċedura konsultattiva qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

–        Li grupp ta’ ħidma, kompost minn rappreżentanti tal-Ministeru tal-Enerġija tal-Federazzjoni Russa, tal-Kummissjoni, ta’ BNetzA u ta’ Gazprom, studja l-użu l-iktar effikaċi tal-pipeline tal-gass OPAL.

–        Il-kontenut tal-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni kkontestata.

–        Is-sitwazzjoni fattwali tal-Polonja f’dak li jirrigwarda l-provvista tal-gass u l-kontenut tal-kuntratt ta’ tranżitu tagħha ma’ Gazprom sal‑2022.

–        L-effett tal-użu rinforzat tal-pipeline tal-gass OPAL fuq l-użu tal-pipeline tal-gass Yamal.

–        Il-perċentwali ta’ importazzjoni tal-gass Russu fil-Polonja u l-użu dejjem jikber ta’ gass naturali likwifikat, li bih il-Polonja għandha l-ħsieb li tkun indipendenti mill-gass Russu sal-orizzont 2022/2023.

–        Il-benefiċċji tad-deċiżjoni kkontestata fis-suq Pollakk tal-gass, il-kummerċ transkonfinali u s-sigurtà tal-provvista.

137. Abbażi ta’ dawn l-elementi fattwali, hija temmen li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni b’mod adegwat, fid-deċiżjoni kkontestata, is-sitwazzjoni tas-suq Pollakk tal-gass, mingħajr ma huwa neċessarju li din tiġi analizzata fil-fond.

138. Ir-Repubblika tal-Polonja tqis li l-aggravju huwa inammissibbli, sa fejn jirrigwarda sempliċi evalwazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali, u li, jekk jiġi ammess, dan għandu jiġi miċħud, u f’dan ir-rigward taqbel mar-Repubblika tal-Latvja.

139. Ir-Repubblika tal-Litwanja tindirizza dan l-aggravju flimkien mar-raba’ wieħed u tirrakkomanda wkoll iċ-ċaħda tiegħu.

B.      Evalwazzjoni

140. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sabet li, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà, “hija l-Kummissjoni, fil-kuntest tad-Deċiżjoni kkontestata, li għandha tevalwa jekk il-bidla fis-sistema operattiva tal-pipeline OPAL, proposta mill-awtorità regolatorja Ġermaniża, setgħetx taffettwa l-interessi fil-qasam enerġetiku ta’ Stati Membri oħra u, fl-affermattiv, li dawn l-interessi jiġu bbilanċjati mal-interess li l-imsemmija bidla tfisser għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u, jekk ikun il-każ, l-Unjoni” (77).

141. Skont il-Qorti Ġenerali, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix tali analiżi: “Mhux biss il-prinċipju ta’ solidarjetà ma huwiex imsemmi fid-Deċiżjoni kkontestata, iżda din ma turix li l-Kummissjoni, fil-fatt, wettqet eżami ta’ dan il-prinċipju” (78).

142. Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li “fil-punt 4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata (premessi 48 sa 53), il-Kummissjoni għamlet osservazzjonijiet dwar il-kriterju ta’ titjib fis-sigurtà tal-provvista” tal-Unjoni b’mod ġenerali (79). Madankollu, hija tafferma li din l-analiżi ma wettqitx “eżami tal-effetti tal-bidla fis-sistema operattiva tal-pipeline tal-gass OPAL fuq is-sigurtà tal-provvista tal-Polonja”.

143. Il-Qorti Ġenerali żiedet, kif diġà osservajt (80), li, fid-deċiżjoni kkontestata, “ma jidhirx li l-Kummissjoni eżaminat x’setgħu jkunu l-konsegwenzi, fi żmien medju, b’mod partikolari għall-politika fil-qasam enerġetiku tar-Repubblika tal-Polonja, tat-trasferiment lejn it-triq ta’ tranżitu Nord Stream 1/OPAL ta’ parti mill-volumi ta’ gass naturali ttrasportati mill-pipelines tal-gass Yamal u Braterstwo, u lanqas li hija bbilanċjat dawn l-effetti maż-żieda fis-sigurtà ta’ provvista fuq livell tal-Unjoni, ikkonstatata minnha” (81).

144. Il-Kummissjoni, destinatarja diretta tal-kritiki magħmula mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali fuq dan il-punt, ma kkontestathomx.

145. Skont l-Artikolu 256(1) TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l-appell għandu jkun limitat għal punti ta’ dritt.

146. Skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti u sabiex tevalwa l-provi li jsostnuhom. Dejjem jekk dawn il-provi jkunu nkisbu legalment u l-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll ir-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-produzzjoni tal-provi jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-elementi li jkunu tressqu quddiemha. Din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament ta’ dawn l-elementi, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (82).

147. Sabiex ikun jista’ jiġi ċċensurat mill-Qorti tal-Ġustizzja, żnaturament tal-provi għandu jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (83).

148. Barra minn hekk, l-ewwel ħaġa li tispikka f’dan l-aggravju hija li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma invokatx żnaturament tal-fatti u tal-provi evalwati mill-Qorti Ġenerali.

149. L-aggravju jillimita ruħu li jipprovdi l-verżjoni tal-fatti li l-appellanti tikkunsidra bħala stabbiliti, sabiex minn dan tiddeduċi li d-deċiżjoni kkontestata “ma tikkompromettix is-sigurtà tal-provvista tar-Repubblika tal-Polonja”.

150. Skont l-appellanti, ladarba tiġi stabbilita s-sigurtà tal-provvista tal-Polonja, “ma kien hemm ebda raġuni għalfejn jiġu eżaminati l-konsegwenzi [tad-deċiżjoni kkontestata] b’mod iktar approfondit għar-Repubblika tal-Polonja, jiġifieri, b’mod simili għal dak tar-Repubblika Ċeka”.

151. Dan il-punt ta’ tluq (punti 38 u 39 tar-rikors tal-appell) ifixkel l-iżvilupp ulterjuri tal-aggravju, billi jonqos milli jirrileva li:

–        Minn naħa, il-Qorti Ġenerali tinnega b’mod espliċitu li l-Kummissjoni evalwat, fl-eżami tagħha, “l-effetti tal-bidla fis-sistema operattiva tal-pipeline OPAL fuq is-sigurtà tal-provvista tal-Polonja”.

–        Min-naħa l-oħra, il-kritika tal-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni kkontestata kienet tmur ħafna iktar lil hinn mis-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Polonja. Iċ-ċensura tal-Qorti Ġenerali kienet li, fuq dan il-punt, il-Kummissjoni ma kinitx ittrattat l-“l-aspetti iktar wiesgħa tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika”.

152. It-tielet aggravju, sa fejn jikkontesta dawn id-dikjarazzjonijiet tas-sentenza appellata mingħajr ma jallega żnaturament tal-fatti evalwati mill-Qorti Ġenerali, huwa inammissibbli.

XI.    Ir-raba’ aggravju: il-Kummissjoni ma kinitx obbligata ssemmi espressament il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika fid-deċiżjoni kkontestata

A.      L-argumenti tal-partijiet

153. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, li “mhux biss il-prinċipju ta’ solidarjetà ma huwiex imsemmi fid-Deċiżjoni kkontestata, iżda din ma turix li l-Kummissjoni, fil-fatt, wettqet eżami ta’ dan il-prinċipju”.

154. Skont l-appellanti, ma jistax jiġi rikjest mill-Kummissjoni li hija tiċċita espressament il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika. Meta tadotta d-deċiżjonijiet tagħha, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tipprovdi motivazzjoni eżawrjenti; l-espożizzjoni tal-kunsiderazzjonijiet legali fundamentali hija biżżejjed sabiex jinftiehem ir-raġunament li jiġġustifika d-deċiżjoni.

155. Ir-Repubbliki tal-Polonja u tal-Litwanja jikkontestaw dawn id-dikjarazzjonijiet.

B.      Evalwazzjoni

156. Ir-raba’ aggravju huwa ineffettiv, sa fejn huwa dirett kontra affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali li ma tikkostitwixxix ir-ratio tad-dispożittiv tagħha.

157. Il-Qorti Ġenerali, li — ċertament, enfasizzat l-assenza ta’ riferiment għall-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika fid-deċiżjoni kkontestata — ma annullatx din tal-aħħar minħabba din l-assenza ta’ riferiment, iżda għaliex il-Kummissjoni ma kinitx wettqet analiżi xierqa tar-rekwiżiti ta’ dan il-prinċipju.

158. Għall-qorti Ġenerali, kif diġà rrepetejt, din l-analiżi kienet tobbliga lill-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt tal-użu sħiħ tal-pipeline tal-gass OPAL fis-suq Pollakk tal-gass, fuq Stati Membri oħra u fuq l-Unjoni kollha kemm hija.

159. Dak li kien rilevanti, għalhekk, ma kinitx is-sempliċi kwotazzjoni tal-prinċipju (84), iżda l-evalwazzjoni xierqa tal-implikazzjonijiet tiegħu fuq l-interessi involuti fil-eżenzjoni tal-pipeline tal-gass OPAL. Il-Qorti Ġenerali ma tqisx li tali bbilanċjar sar, indipendentement mill-fatt li, kieku twettqet, dan setax iwassal jew le għal-liberalizzazzjoni sħiħa tal-pipeline tal-gass OPAL favur Gazprom u l-impriżi alleati tagħha.

160. Ir-raba’ aggravju huwa għalhekk ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata, li, nirrepeti, ma tannullax id-deċiżjoni kkontestata minħabba n-nuqqas ta’ riferiment espress għall-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika.

161. Is-sentenza appellata tista’ tiġi kkritikata għal formaliżmu (85) jekk l-ommissjoni tar-riferiment għal dan il-prinċipju kienet determinanti għall-annullament u, barra minn hekk, ikkontrobilanċjat minn kontenut tad-deċiżjoni li juri t-teħid inkunsiderazzjoni effettiv tagħha għall-atturi kollha involuti. Dan tal-aħħar huwa, fil-fatt, dak li l-Qorti Ġenerali tiċħad.

162. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-Kummissjoni analizzat, essenzjalment, l-impatt tal-estensjoni tal-eżenzjoni tal-pipeline tal-gass OPAL fuq is-suq Ċek tal-gass, iżda injorat l-analiżi tal-effett tagħha, rilevanti, fuq is-suq Pollakk tal-gass u fis-swieq ta’ Stati oħra tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant (86).

163. Ir-raba’ aggravju għandu għalhekk jiġi miċħud.

XII. Il-ħames aggravju: allegati difetti proċedurali

A.      L-argumenti tal-partijiet

164. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, fl-ewwel lok, li, jekk il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kellha titqies bħala insuffiċjenti, dan l-iżball ma influwenzax id-deċiżjoni fuq il-mertu. Konsegwentement, id-deċiżjoni ma kellhiex tiġi annullata mill-Qorti Ġenerali (87).

165. Fit-tieni lok, hija tallega li t-talba għal annullament kellha tiġi ppreżentata fir-rigward tad-deċiżjoni inizjali (tal‑2009). Il-Qorti Ġenerali wettqet żball proċedurali billi ħadet inkunsiderazzjoni l-argument — li l-Ġermanja tqis tardiv — tar-Repubblika tal-Polonja dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika permezz tad-deċiżjoni kkontestata.

166. Ir-Repubbliki tal-Polonja u tal-Litwanja jikkontestaw dawn id-dikjarazzjonijiet.

B.      Evalwazzjoni

167. L-ewwel argument tal-ħames aggravju għandu jiġi miċħud, peress li l-Qorti Ġenerali ma annullatx id-deċiżjoni kkontestata minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, iżda minħabba ksur tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, kif jirriżulta mill-Artikolu 194(1) TFUE.

168. Għandu jiġi miċħud ukoll it-tieni argument, sa fejn jikkontesta, mingħajr bażi, id-dritt tal-Polonja li titlob l-annullament, fi żmien xieraq, tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba li dan l-Istat Membru ma kienx, f’dak iż-żmien, ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni inizjali (tal‑2009).

169. Tali argument jippreżupponi, tal-inqas, li l-Polonja kellha interess fl-annullament tad-deċiżjoni inizjali u, fuq kollox, li d-deċiżjoni kkontestata kienet tirriproduċi l-kontenut tad-deċiżjoni inizjali.

170. L-argument ma jistax jiġi kondiviż, peress li, preċiżament, id-deċiżjoni tal‑2016 (id-deċiżjoni kkontestata) emendat il-kundizzjonijiet tal-eżenzjoni rrikonoxxuti fid-deċiżjoni inizjali, u dan jiftaħ il-bieb għall-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, indipendentement minn dak li hija seta’ jkollha fir-rigward ta’ dik tal‑2009.

171. Il-ħames aggravju għandu, għalhekk, jiġi miċħud.

XIII. L-ispejjeż

172. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, flimkien mal-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li t-talbiet tagħha jkunu ġew miċħuda għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu mill-parti l-oħra.

173. F’din il-kawża, ir-Repubblika tal-Polonja talbet li l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

XIV. Konklużjoni

174. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

1)      Tiċħad l-ewwel, it-tieni, ir-raba’ u l-ħames aggravju ppreżentati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

2)      Tiddikjara inammissibbli t-tielet aggravju ppreżentat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

3)      Tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk tar-Repubblika tal-Polonja.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Sentenza fil-kawża Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni (T‑883/16, EU:T:2019:567); iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).


3      OPAL hija l-akronimu ta’ Ostseepeline-Anbindungsleitung. Il-pipeline tal-gass OPAL huwa l-parti li tgħaddi mill-art, fil-Punent, tal-pipeline tal-gass ta’ Nord Stream, li l-punt ta’ dħul tiegħu jinsab qrib il-muniċipalità ta’ Lubmin, qrib Greifswald, fil-Ġermanja, u l-punt ta’ ħruġ fil-muniċipalità ta’ Brandov, fir-Repubblika Ċeka. Il-pipeline tal-gass Nord Stream jittrasporta, permezz tal-Baħar Baltiku, il-gass minn depożiti Russi sal-Ġermanja. Nord Stream għandha estensjoni terrestri oħra, il-pipeline tal-gass NEL (Nordeuropäische Erdgasleitung), b’kapaċità ta’ 20 miljun metru kubu, li jgħaddi minn Greifswald għall-Pajjiżi l-Baxxi u għall-kumplament tal-Ewropa tal-Majjistral.


4      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 6950 final tat‑28 ta’ Ottubru 2016 dwar ir-reviżjoni tal-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni tal-pipeline tal-gass OPAL, mogħtija bis-saħħa tad-Direttiva 2003/55, għar-regoli relatati mal-aċċess minn terzi u għar-regolamentazzjoni tariffarja (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”). Il-verżjoni Ġermaniża hija awtentika u hemm biss verżjoni waħda addizzjonali bl-Ingliż. Ippubblikata fuq is-sit tal- Kummissjoni fit‑3 ta’ Jannar 2017.


5      Il-konferma tal-funzjonament tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika jista’ jkollha riperkussjonijiet fuq l-iżvilupp tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni, dejjem iktar u iktar interkonnessa mal-politika klimatika tagħha, minbarra implikazzjonijiet oħra, kemm ġeopolitiċi (f’dak li jirrigwarda l-provvista tal-gass fl-Ewropa mir-Russja u l-impriża statali tagħha Gazprom), kif ukoll ekonomiċi (fir-rigward tal-użu tal-pipelines tal-gass li jfornu l-Ewropa u l-impriżi li joperawhom).


6      Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU 2009, L 211, p. 94, iktar ’il quddiem “id-Direttiva 2009/73”), ġiet imħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU 2003, L 176, p. 57).


7      Id-Direttiva (UE) 2019/692 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li temenda d-Direttiva 2009/73/KE dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali (ĠU 2019, L 117, p. 1).


8      BGBl. 2005 I, p. 1970, 3621.


9      Dawn iż-żewġ deċiżjonijiet kienu jikkonċernaw il-kwoti rispettivi taż-żewġ proprjetarji tal-pipeline tal-gass OPAL, li jappartjeni lil WIGA Transport Beteiligungs-GmbH & Co. (iktar ’il quddiem “WIGA”); li kienet W&G Beteiligungs-GmbH & Co. KG; li kienet Wingas GmbH & Co. KG), b’perċentwali ta’ 80 %, u E.ON Ruhrgas AG, b’perċentwali ta’ 20 %. WIGA hija kkontrollata konġuntament minn OAO Gazprom u BASF SE. Il-kumpannija li topera l-parti tal-pipeline tal-gass OPAL li tappartjeni lil WIGA hija OPAL Gastransport GmbH (iktar ’il quddiem l-“OGT”).


10      Il-pipeline tal-gass OPAL għandu kapaċità ta’ 36.5 biljun ta’ m³ fis-sena fuq il-parti tat-Tramuntana, bejn Greifswald u l-punt ta’ dħul ta’ Groß-Köris fin-Nofsinhar ta’ Berlin (il-Ġermanja). Fil-parti tan-Nofsinhar, bejn Groß-Köris u l-punt ta’ ħruġ fi Brandov, għandu kapaċità ta’ 32 biljun m³ fis-sena. Id-differenza ta’ 4.5 biljuni ta’ m³ fis-sena kienet intiża li tinbiegħ fiż-żona tal-kummerċ ta’ Gaspool, li tinkludi t-Tramuntana u l-Lvant tal-Ġermanja.


11      Skont Ridley, A., “Gazprom refused to provide a gas release programme because it would have resulted in an open auction for gas with third parties. In such an auction, the prices set at market could have been used against Gazprom. For example, customers with long term supply contracts with Gazprom, with price review clauses, could have been incentivised to use the evidence of those auctions to take Gazprom to arbitration to force a reduction in the price they themselves paid for gas. Therefore, Gazprom and its German ally were limited to using no more than half of the pipeline capacity» (Ridley, A., “The ‘principle of solidarity’: OPAL, Nord Stream, and the shadow over Gazprom”, Atlantic Council, 17 ta’ Ottubru 2019, https://www.atlanticcouncil.org/blogs/energysource/the-principle-of-solidarity-opal-nord-stream-and-the-shadow-over-gazprom/).


12      Yafimava, K., “The OPAL Exemption Decision: past, present, and future”, Oxford Institute for Energy Studies, 2017, pp. 10 sa 13, disponibbli fuq https://www.oxfordenergy.org/wpcms/wp-content/uploads/2017/01/The-OPAL-Exemption-Decision-past-present-and-future-NG-117.pdf.


13      Essenzjalment, l-emenda prevista minn BNetzA kienet tikkonsisti fis-sostituzzjoni tal-limitazzjoni tal-kapaċitajiet li jistgħu jiġu rriżervati minn impriżi dominanti, imposta f’konformità mad-Deċiżjoni inizjali, bl-obbligu, għal OGT, li toffri mill-inqas 50 % tal-kapaċità operata minnha, jiġifieri, 15 864 532 kWh/h (madwar 12 300 miljun m³ fis-sena) permezz ta’ proċeduri ta’ rkant, li minnhom 14 064 532 kWh/h (madwar 10 980 miljun m³ fis-sena) jiġu offruti fil-forma ta’ kapaċitajiet magħluqa dinamikament attribwibbli (feste dynamisch zuordenbare Kapazitäten, iktar ’il quddiem “DZK”) u 1 800 000 kWh/h (madwar 1 380 miljun m³ fis-sena) fil-forma ta’ kapaċitajiet magħluqa attribwibbli liberament; (feste frei zuordenbare Kapazitäten, iktar ’il quddiem “FZK”) fil-punt tal-ħruġ ta’ Brandov. Jekk, matul sentejn konsekuttivi, it-talba għal kapaċità FZK taqbeż l-offerta inizjali ta’ 1 800 000 kWh/h, OGT kienet tkun obbligata, taħt ċerti kundizzjonijiet, li żżid l-offerta ta’ tali kapaċità sa limitu massimu ta’ 3 600 000 kWh/h (madwar 2 800 miljun m³ fis-sena).


14      Il-pipeline tal-gass Brotherhood jitlaq mir-Russja, jaqsam l-Ukraina u s-Slovakkja u jidħol fir-Repubblika Ċeka, minn fejn il-gass huwa ttrasportat ukoll, permezz ta’ pipelines tal-gass konnessi, lejn Stati Membri oħra. Gazprom tipprovdi wkoll gass permezz tal-pipeline tal-gass Yamal, li jaqsam Bjelorussja, jidħol fil-pajjiżi Baltiċi, jaqsam il-Polonja, jidħol fil-Ġermanja u jkompli lil hinn.


15      Skont Ridley, A., “In December 2016, Gazprom — with the assistance and approval of the German energy regulator — was able to obtain an amendment to the 2009 OPAL exemption from the European Commission. In essence, the cap was lifted. 50 percent of OPAL’s capacity would be exempt from third party access and tariff regulation. The rest of the pipeline’s capacity would be subject to two auction regimes. However, as Gazprom was dominant in the marketplace, the reality was that Gazprom or Gazprom’s allies would take up all the auctioned capacity. In essence, Gazprom was gifted the rest of the capacity by the Commission. The actual operation of the pipeline after December 2016 demonstrated that this is exactly what happened. OPAL wholly became a route for flooding Gazprom-controlled gas from Nord Stream 1, while gas flows through the Ukrainian transit route along the Brotherhood pipeline network fell” (Ridley, A., “The ‘principle of solidarity’: OPAL, Nord Stream, and the shadow over Gazprom”, Atlantic Council, tas‑17 ta’ Ottubru 2019, https://www.atlanticcouncil.org/blogs/energysource/the-principle-of-solidarity-opal-nord-stream-and-the-shadow-over-gazprom/).


16      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors għal annullament ippreżentat minn din l-impriża kontra d-deċiżjoni kkontestata, minħabba nuqqas ta’ locus standi, billi kkunsidrat li hija la kienet direttament u lanqas individwalment affettwata mid-deċiżjoni kkontestata u ma kinitx tikkostitwixxi att regolatorju. Id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Marzu 2018, Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo vs Il‑Kummissjoni (T‑130/17, mhux ippubblikat, EU:T:2018:155).


17      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll ir-rikors tagħha bħala inammissibbli, ukoll minħabba nuqqas ta’ locus standi, fid-digriet tal‑14 ta’ Diċembru 2017, PGNiG Supply & Trading vs Il‑Kummissjoni (T‑849/16, EU:T:2017:924).


18      Sentenzi tal‑4 ta’ Diċembru 2019, Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo vs Il‑Kummissjoni (C‑342/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1043); u tal‑4 ta’ Diċembru 2019, PGNiG Supply Taxes Trading vs Il‑Kummissjoni (C‑117/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1042); u d-digriet tal‑4 ta’ Diċembru 2019, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni (C‑181/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1041).


19      Sentenza appellata, punti 71 sa 73.


20      Ibidem, punt 77.


21      Ibidem, punt 81.


22      Ibidem, punt 82.


23      Ibidem, punt 83.


24      “Bundesnetzagentur orders immediate implementation of OPAL judgment of European Court”, www.bundesnetzagentur.de/SharedDocs/Pressemitteilungen/EN/2019/20190913_Opal.html.


25      B’mod partikolari, fit‑30 ta’ Diċembru 2019, Gazprom u Naftogaz Ukrainy iffirmaw ftehimiet li jkopru t-tranżitu tal-gass Russu permezz tal-Ukraina għall-perijodu 2020 sa 2024, għal volum ta’ 65 bcm fl‑2020, u 40 bcm fis-sena għall-perijodu 2021–2024 (total ta’ 225 bcm), b’dispożizzjonijiet għat-trażmissjoni ta’ volumi addizzjonali, jekk ikun neċessarju. Ara, f’dan ir-rigward, Pirani, S., u Sharples, J., “The Russia-Ukraine gas transit deal: opening a new chapter”, Energy Insight: 64, Oxford Institute for Energy Studies, Frar 2020, disponibbli fuq https://www.oxfordenergy.org/wpcms/wp-content/uploads/2020/02/The-Russia-Ukraine-gas-transit-deal-Insight-64.pdf.


26      Il-pipeline tal-gass Nord Stream 2 huwa kompost minn żewġ pajpijiet u ser jippermetti li l-gass jitwassal minn Vyborg (ir-Russja) sa Lubmin (il-Ġermanja), qrib Greifswald (il-Ġermanja). Ladarba jintlaħaq it-territorju Ġermaniż, il-gass għaddej minn Nord Stream 2 jiġi trażmess permezz tal-pipeline tal-gass terrestri ENEL u tal-pipeline tal-gass terrestri EUGAL, mibni ġdid, it-tnejn li huma suġġetti ugwalment għal-leġiżlazzjoni fil-Ġermanja skont id-Direttiva 2009/73.


27      Ara l-analiżi ta’ Pirani, S., Sharples, J., Yafimava, K., u Yermakov, V., “Implications of the Russia-Ukraine Gas Transit Deal for Alternative Pipeline Routes and the Ukrainian and European markets”, Energy Insight: 65, Oxford Institute for Energy Studies, Marzu 2020, disponibbli fi https://www.oxfordenergy.org/wpcms/wp-content/uploads/2020/03/Insight-65-Implications-of-the-Russia-Ukraine-gas-transit-deal-for-alternative-pipeline-routes-and-the-Ukrainian-and-European-markets.pdf.


28      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


29      L-Artikolu 2(17) tad-Direttiva 2009/73, kif emendata, jistabbilixxi li l-kunċett ta’ “interkonnettur” jirreferi mhux biss għal “[kull] linja ta’ trasmissjoni li taqsam jew tinfirex tul fruntiera bejn l-Istati Membri għall-finijiet li tgħaqqad is-sistema ta’ trasmissjoni nazzjonali ta’ dawk l-Istati Membri”, iżda wkoll għal, “[kull] linja ta’ trasmissjoni bejn Stat Membru u pajjiż terz sat-territorju tal-Istati Membri jew sal-baħar territorjali ta’ dak l-Istat Membru”.


30      B’mod speċifiku, l-Artikolu 49a(1) tad-Direttiva 2019/692 jiddikjara li “Fir-rigward ta’ linji ta’ trasmissjoni tal-gass bejn Stat Membru u pajjiż terz li tlestew qabel it‑23 ta’ Mejju 2019, l-Istat Membru fejn jinsab l-ewwel punt ta’ konnessjoni ta’ tali linja ta’ trasmissjoni man-netwerk ta’ [dan l-I]Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jidderoga mi[d-dispożizzjonijiet partikolari tad-Direttiva 2009/73], għat-taqsimiet ta’ tali linja ta’ trasmissjoni tal-gass li jinsabu fit-territorju u l-baħar territorjali tiegħu, għal raġunijiet oġġettivi, bħall-possibbiltà tal-irkupru tal-investiment imwettaq jew minħabba raġunijiet ta’ sigurtà tal-provvista, dment li d-deroga ma tkunx ta’ ħsara għall-kompetizzjoni fis-suq intern tal-gass naturali jew għall-funzjonament effettiv tiegħu, jew għas-sigurtà tal-provvista fl-Unjoni”. Dan l-Artikolu 49a(1) jipprevedi wkoll, minn naħa, li tali eżenzjoni “għandha tkun limitata fiż-żmien sa 20 sena fuq il-bażi ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva, li tista’ tiġġedded jekk ikun hemm ġustifikazzjoni u tista’ tkun suġġetta għal kondizzjonijiet li jikkontribwixxu għall-kisba tal-kondizzjonijiet ta’ hawn fuq” u, min-naħa l-oħra, li “tali derogi m’għandhomx japplikaw għal-linji ta’ trasmissjoni bejn Stat Membru u pajjiż terz li jkollu l-obbligu li jittrasponi din id-[Direttiva 2009/73, fil-verżjoni emendata, fl-ordinament ġuridiku tagħha] taħt ftehim konkluż mal-Unjoni.”


      Barra minn hekk, id-Direttiva 2019/692 emendat l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73 sabiex tipprovdi, fil-punt (e) tal-ewwel paragrafu tiegħu, li l-eżenzjoni mogħtija skont din ir-regola għall-infrastrutturi eżistenti ġodda ma għandhiex, b’mod partikolari, tippreġudika s-“sigurtà tal-provvista tal-gass naturali fl-Unjoni”.


31      Digrieti tal-Qorti Ġenerali tal‑20 ta’ Mejju 2020, Nord Stream vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (T‑530/19, EU:T:2020:213); u Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (T‑526/19, EU:T:2020:210), li huma, dan tal-aħħar, s-suġġett ta’ appell fil-Kawża C‑348/20 P, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, li għadhom pendenti.


32      Deċiżjoni BK7–20–004 tal-BNetzA, tal‑15 ta’ Mejju 2020, disponibbli fuq: https://www.bundesnetzagentur.de/DE/Beschlusskammern/1_GZ/BK7-GZ/2020/BK7-20-0004/BK7-20-0004_Beschluss_EN_download.pdf?_blob=publicationFile&v=3.


33      Każ WT/DS476/R, Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha — Miżuri varji relatati mas-settur tal-enerġija. L-informazzjoni dwar din it-tilwima tinsab fis-sit tal-WTO.


34      Op. cit., b’mod partikolari, il-punti 7.1000 sa 7.1003. Ara l-analiżi ta’ Pogoretsky, V., u Talus, K., “The WTO Panel Report in EU-Energy Package and its implications for the EU’s gas market and energy security”, World Trade Review, 2020, n.º 4, pp. 531 sa 549.


35      Id-deċiżjoni tal-Grupp Speċjali tagħmilha evidenti li l-programm ta’ trasferiment tal-kapaċitajiet tal-pipeline tal-gass OPAL ippermetta lil Gazprom tuża l-kapaċità kollha tal-pipeline tal-gass, anki jekk, sabiex tagħmel dan, hija kellha tissuġġetta prattikament nofs il-gass naturali trażmess għall-irkant, ħaġa li hija evitat għaliex, apparentement, ma kinitx tinteressaha kummerċjalment, kif diġà spjegajt.


36      Kif imsemmi fl-Artikolu 2 tat-TUE, dawn il-valuri “huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel” (mingħajr korsiv fl-oriġinali).


37      Mingħajr korsiv fl-oriġinali. L-Artikolu 3 TUE jinkludi wkoll is-“solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet” (paragrafu 3) u s-“solidarjetà u r-rispett reċiproku bejn il-popli” (paragrafu 5).


38      Skont il-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni, “l-Unjoni għandha tmexxi, tiddefinixxi u timplimenta politika estera u ta’ sigurtà komuni bbażata fuq l-iżvilupp ta’ solidarjetà politika reċiproka bejn l-Istati Membri”. Il-paragrafu 3 jipprovdi li “l-Istati Membri għandhom isostnu l-politika esterna u ta’ sigurtà ta’ l-Unjoni attivament u mingħajr riserva fi spirtu ta’ lealtà u solidarjetà reċiproka […]. L-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien sabiex jtejbu u jiżviluppaw is-solidarjetà politika reċiproka tagħhom”.


39      Tali politika u l-eżekuzzjoni tagħha “għandha tiġi regolata mill-prinċipju tas-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabbiltà, inkluż l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħha bejn l-Istati Membri. Kull meta jkun meħtieġ, l-atti ta’ l-Unjoni adottati skond dan il-Kapitolu għandhom jinkludu l-miżuri xierqa għall-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju”.


40      Il-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni jippermetti lill-Unjoni “[t]iddeċiedi, fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, dwar miżuri xierqa għas-sitwazzjoni ekonomika, b’mod partikolari jekk ikun hemm diffikultajiet serji fil-provvista ta’ ċerti prodotti, b’mod partikolari fil-qasam ta’ l-enerġija”. Skont il-paragrafu 2, l-Unjoni tista’ tagħti assistenza finanzjarja lil Stat Membru “meta […] jsib ruħu f’diffikultajiet jew ikun mhedded b’diffikultajiet serji kkawżati min diżastri naturali jew ċirkostanzi eċċezzjonali li fuqhom ma jkollux kontroll”.


41      “L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jaġixxu flimkien fi spirtu ta’ solidarjetà jekk xi Stat Membru jkun suġġett għal attakk terroristiku jew ikun vittma ta’ diżastru naturali jew ikkaġunat mill-bniedem”.


42      Għal ħarsa ġenerali u interdixxiplinari tas-solidarjetà fid-dritt tal-Unjoni, ara x-xogħol ta’ Coman, R., Fromont, L. u Weyembergh, A. (edituri): Les solidarités européennes. Entre enjeux, tensions et reconfigurations, Bruylant, Brussell, 2019.


43      L-approvazzjoni tal-Kunsill Ewropew tal‑10 u tal‑11 ta’ Diċembru 2020 tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021‑2027 u tal-Istrument ta’ Riabilitazzjoni tal-Unjoni Ewropea (Next Generation EU) tippreżumi, eventwalment, l-ikbar progress tal-Unjoni f’termini ta’ solidarjetà tal-istorja kollha tagħha. Għall-ewwel darba, l-Unjoni se tiddejjen sabiex tipprova tiġbor flus fis-swieq kapitali sabiex tiffinanzja permezz ta’ sussidji u ta’ self fuq skala kbira l-irkupru ekonomiku tal-Istati Membri, skont l-impatt fuqhom tal-COVID-19.


44      Van Cleynenbreugel, P, jirreferi għas-solidarjetà bħala “a background inspirational value for EU law and policy initiatives, without, however, being fundamentally guiding as a legal principle […]”. Van Cleynenbreugel, P., “Typologies of solidarity in EU law: a non-shifting landscape in the wake of economic crise”, fi Biondi, E., Dagilyté, E. u Küçük, E. (edituri): Solidarity in EU Law. Legal principle in the making, Edward Elgar, Cheltenham, 2018, pp. 25 u 36. Min‑naħa tiegħu, Dagilyté, E., “Solidarity: a general principle of EU law? Two variations on the solidarity theme”, fi Biondi, E., Dagilyté, E. u Küçük, E. (edituri): op. cit., p. 62, jipprovdi: “although solidarity is inherent in the EU legal order as a foundational value, it cannot (yet) be defined as a general principle of EU law”.


45      Levade, A., “La valeur constitutionnelle du principe de solidarité”, f’Boutayeb, C. (direttur): La solidarité dans l’Union européenne: éléments constitutionnels et matériels, Dalloz, Pariġi, 2011, pp. 41 et seq.; Ross, M., “Solidarity: A new constitutional paradigm for the EU?”, f’Ross, M. u Borgmann-Prebil, Y. (edituri): Promoting Solidarity in the European Union, Oxford University Press, Oxford, 2010, pp. 23 sa 45.


46      Berrandane, A., “Solidarité, loyauté dans le droit de l’Union européenne», f’Boutayeb, C. (direttur): La solidarité dans l’Union européenne: éléments constitutionnels et matériels, Dalloz, Pariġi, 2011, pp. 55 et seq.


47      Sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 1969 (6/69 u 11/69, mhux ippubblikata, EU:C:1969:68, punt 16).


48      Sentenza tas‑7 ta’ Frar 1973, (39/72, EU:C:1973:13, punt 25).


49      Sentenzi tat‑22 ta’ Jannar 1986, Eridania zuccherifici nazionali et (250/84, EU:C:1986:22, punt 20); tad‑29 ta’ Settembru 1987, Fabrique de fer de Charleroi u Dillinger Hüttenwerke vs Il‑Kummissjoni (351/85 u 360/85, EU:C:1987:392, punt 21); u tal‑11 ta’ Mejju 2000, Gascogne Limousin viandes (C‑56/99, EU:C:2000:236, punti 40 u 42).


50      Nirreferi għall-analiżi ta’ Küçük, E., “Solidarity in EU law: an elusive political statement or a legal principle with substance?”, fi Biondi, A.; Dagilyté, E. u Küçük, E. (edituri), Solidarity in EU Law. Legal principle in the making, Edward Elgar, Cheltenham, 2018, pp. 56 sa 60.


51      Sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, L-Ungerija u Ir-Repubblika Ċeka (Mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, EU:C:2020:257, punti 80 u 181). Kif ukoll is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Is‑Slovakkja u L‑Ungerija vs Il‑Kunsill (C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 291).


52      Il-punti 80 u 181 tas-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, L‑Ungerija u Ir‑Repubblika Ċeka (Mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, EU:C:2020:257): “[…] l-piżijiet li jinkludu l-miżuri provviżorji previsti mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, peress li dawn ġew adottati skont l-Artikolu 78(3) TFUE sabiex jgħinu lir-Repubblika Ellenika u lir-Repubblika Taljana sabiex jaffrontaw aħjar sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tagħhom, għandhom, bħala prinċipju, jitqassmu bejn l-Istati Membri l-oħra kollha, konformement mal-prinċipju ta’ solidarjetà u ta’ tqassim ġust tar-responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri, peress li, skont l-Artikolu 80 TFUE, dan il-prinċipju jirregola l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ażil”.


53      L-Avukat Ġenerali Sharpston, fil-konklużjonijiet tagħha tal‑31 ta’ Ottubru 2019 fil-kawżi magħquda Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, L‑Ungerija u Ir‑Repubblika Ċeka (Mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, EU:C:2019:917, punt 253), sostniet li “s-solidarjetà hija r-ruħ tal-proġett Ewropew”.


54      Jidher li l-pajjiżi Baltiċi u dawk tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant eżerċitaw pressjoni sabiex jiġi inkluż ir-riferiment għas-solidarjetà, wara l-perikolu ta’ nuqqas ta’ provvista ta’ gass bħala konsegwenza tal-kriżi tal‑2006 bejn ir-Russja u l-Ukraina. Ara Andoura, S., “La solidarité énergétique en Europe: de l’indépendance à l’interdépendance”, Notre Europe, Lulju 2013, pp. 33 sa 35.


55      Waqt is-seduta, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Kummissjoni rrikonoxxew dan.


56      Skont din id-dispożizzjoni, ir-regoli tal-Unjoni “m’għandhomx jolqtu d-dritt ta’ Stat Membru li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-isfruttament tar-riżorsi ta’ enerġija tiegħu, l-għażla tiegħu bejn riżorsi differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista ta’ enerġija tiegħu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 192(2)(c)”. Is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni (C‑594/18 P, EU:C:2020:742, punti 48 u 49), tqis li, abbażi ta’ din ir-regola, l-għażla tal-enerġija nukleari tappartjeni lill-Istati Membri.


57      Sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 1984, Campus Oil et (C‑72/83, EU:C:1984:256, punti 34 u 35), u tal‑4 ta’ Ġunju 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju et (C‑503/99, EU:C:2002:328, punt 46).


58      COM(2015) 080 final, tal-25 ta’ Frar 2015, Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Bank Ewropew għall-Investiment Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b’Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares ’il quddiem. F’din l-istrateġija, il-Kummissjoni tqis li l-ispirtu ta’ solidarjetà fi kwistjonijiet tal-enerġija huwa espliċitament imsemmi fit-Trattat, u huwa fil-qalba tal-Unjoni tal-Enerġija” (p. 4).


59      Ara r-regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2018, L 328, p. 1), u d-Dokumenti COM(2020) 80 final tal-4 ta’ Marzu 2020 Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) u COM(2019) 640 final tal-11 ta’ Diċembru 2019 Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew.


60      Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 (ĠU 2013, L 115, p. 39).


61      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 2017/1938 tal‑25 ta’ Ottubru 2017 dwar miżuri li jissalvagwardaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 (ĠU 2017, L 280, p. 1).


62      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 994/2010 tal‑20 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri li jissalvagwardaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2004/67/KE (ĠU 2010, L 295, p. 1).


63      Dwar dan il-mekkaniżmu, ara s-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Eni et (C‑226/16, EU:C:2017:1005).


64      L-Artikolu 13 tar-Regolament 2017/1938 jipprevedi mekkaniżmu ta’ solidarjetà li jipproteġi Stat Membru f’sitwazzjoni ta’ kriżi, fin-nuqqas ta’ gass suffiċjenti sabiex jipprovdi lill-klijenti protetti tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Istat jew l-Istati Membri li magħhom huwa relatat l-Istat affettwat mill-kriżi għandhom l-obbligu li jipprovdulu gass sabiex jipprovdu lill-klijenti protetti tagħhom, billi jnaqqsu anki l-provvista ta’ klijenti mhux protetti tat-territorju tagħhom. Dan il-mekkaniżmu jiġi attivat biss meta l-Istat f’diffikultà ma jkunx seta’ jaffrontaha billi jimplimenta l-miżuri li jinsabu fil-pjan nazzjonali ta’ emerġenza tiegħu. Barra minn hekk, huwa għandu jħallas kumpens ġust lill-Istat Membru li jipprovdilu l-gass.


65      Mekkaniżmu parallel ta’ għajnuna fil-każ ta’ kriżi ta’ provvista tal-elettriku nħoloq permezz tar-Regolament (UE) 2019/941 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku u li jħassar id-Direttiva 2005/89/KE (ĠU 2019, L 158, p. 1).


66      Ir-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni (ĠU 2019, L 079I, p. 1).


67      Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Eni et (C‑226/16, EU:C:2017:616, punti 33 u 34), huwa ddikjara: “Dan ir-riferiment għas-solidarjetà bejn Stati Membri, [fl-Artikolu 194(1) TFUE], li żdiedet fil-formulazzjoni tat-test tat-Trattat ta’ Lisbona, tinsab f’kuntest li fih il-prinċipju ta’ solidarjetà bejn Stati Membri assuma natura li tista’ tiġi deskritta bħala “prinċipju kostituzzjonali”. […] il-prinċipju ta’ solidarjetà bejn Stati Membri jassumi rilevanza partikolari fir-rigward tal-provvista fil-qasam tal-enerġija”.


68      Waqt is-seduta, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkwalifikat din l-affermazzjoni u rrikonoxxiet li s-solidarjetà enerġetika hija prinċipju legali, iżda li l-Qorti Ġenerali kienet applikatha b’mod żbaljat fis-sentenza appellata.


69      Sentenza appellata, punt 70.


70      Ma huwiex faċli li jiġi spjegat lill-Istati li ġew ikkritikati, ġustament, li injoraw ir-rekwiżiti legali tal-prinċipju ta’ solidarjetà, f’dak li jirrigwarda r-rilokazzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, li dan il-prinċipju ma għandux effetti legali fir-rigward tas-solidarjetà enerġetika.


71      Ibidem, punti 70 sa 72.


72      Il-Qorti tal-Ġustizzja esponiet, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li, jekk jiksru l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, ma jistgħux jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq intern. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast (C‑390/06, EU:C:2008:224, punti 50 u 51), u tat‑22 ta’ Settembru 2020, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni (C‑594/18 P, EU:C:2020:742). F’din tal-aħħar, dwar għajnuna mill-Istat għall-impjant nukleari Hinkley Point (ir-Renju Unit), il-Qorti tal-Ġustizzja (punt 49) evalwat il-possibbiltà li tiġi annullata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizzaha, b’applikazzjoni tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-ambjent, ta’ prekawzjoni, ta’ min iniġġes iħallas u ta’ sostenibbiltà. Madankollu, dawn il-prinċipji ġenerali ma jipprekludux, taħt ebda ċirkustanza, l-għoti ta’ għajnuna għall-kostruzzjoni jew għall-operat ta’ impjant nukleari, previst mit-Trattat Euratom.


73      Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 8377 final, tal‑25 ta’ Novembru 2020, dwar l-eżenzjoni mir-regoli dwar l-aċċess ta’ terzi u r-regolamentazzjoni tariffarja tat-Terminal GNL mis-sistema Indipendenti ta’ Gass Naturali ta’ Alexandroupolis (punti 29 sa 32); u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2020) 8948 final, tat‑8 ta’ Diċembru 2020, dwar l-eżenzjoni mir-regoli dwar l-aċċess ta’ terzi u r-regolamentazzjoni tariffarja tat-Terminal GNL ta’ South Hook skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73/KE (paragrafi 43 sa 46).


74      Wara l-emenda tiegħu, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 36(3) l-ġdid tad-Direttiva 2009/73 jipprovdi:


      “Qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni, l-awtorità regolatorja nazzjonali, jew, fejn xieraq, awtorità kompetenti oħra ta’ dak l-Istat Membru, għandhom jikkonsultaw:


      a) lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri li s-swieq tagħhom x’aktarx jiġu affettwati mill-infrastruttura l-ġdida; u


      b) lill-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiżi terzi, fejn l-infrastruttura konċernata tkun magħquda man-netwerk tal-Unjoni taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru, u toriġina minn jew tintemm f’pajjiż terz wieħed jew aktar.”


75      Ara Buschle, D. u Talus, K., “One for All and All for One? The General Court Ruling in the OPAL Case”, Oil, Gas & Energy Law Intelligence, 2019, Nru 5, p. 8.


76      Boute, A., “The principle of solidarity and the geopolitics of energy: Poland v. Commission (OPAL pipeline)”, Common Market Law Review, n. 3, 2020, pp. 889 sa 914, b’mod partikolari p. 912.


77      Sentenza appellata, punt 78.


78      Ibidem, punt 79.


79      Ibidem, punti 80 u 81.


80      Punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


81      Sentenza appellata, punt 82.


82      Sentenzi tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Repsol Lubricantes y Especialidades et vs Il‑Kummissjoni (C‑617/13 P, EU:C:2016:416, punt 63), u tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni (C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punt 25).


83      Sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il‑Kummissjoni (C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punt 41).


84      Id-deċiżjoni kkontestata hija test ta’ disa’ artikoli, iżda b’motivazzjoni twil ħafna, kważi eżawrjenti, ta’ mija u sebgħin premessa. Hija tiġbed l-attenzjoni li tali motivazzjoni ma tkoprix riferiment għall-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika u għar-riperkussjonijiet tiegħu fuq il-miżuri meħuda.


85      Kritika ta’ Boute, A. għas-sentenza appellata: “The principle of solidarity and the geopolitics of energy: Poland v. Commission (OPAL Pipeline)”, Common Market Law Review, 2020, p. 913.


86      Ara, f’dan ir-rigward, il-kritika tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni Szydło. M., “Disputes over the pipelines importing Russian gas to the EU: how to ensure consistency in EU energy law and policy?”, Baltic Journal of Law & Politics, 2018, n.º11, pp. 95 sa 126.


87      Tirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2013, Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:712, punt 51).