Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Novembru 2018 – Il-Polonja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-703/18)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: B. Majczyna, aġent)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas-17 ta’ Settembru 2018 li timponi l-obbligu għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet u tar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-rapport ta’ awditu finali, fil-parti li tikkonċerna r-rakkomandazzjoni 04.01, punt (g) dwar l-impożizzjoni ta’ korrezzjonijiet finanzjarji għall-ispejjeż li jikkonċernaw il-VAT b’rabta mal-każijiet fejn il-parteċipanti li jirċievu l-għajnuna kienu suġġetti għall-ħlas tal-VAT u, konsegwentement, setgħu jirkupraw il-VAT, iżda ma għamlux dan, fil-proġetti mwettqa fil-kuntest tal-programmi operattivi kollha kkofinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew, li għalihom l-ispejjeż ġew iddikjarati għar-rimbors mill-Kummissjoni Ewropea.

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 65(2) u tal-Artikolu 69(3)(c) tar-Regolament Nru 1303/2013 1 flimkien mal-punt 10 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, sa fejn il-Kummissjoni tat interpretazzjoni inkorretta u b’mod żbaljat qieset li l-Artikolu 69(1)(c) tar-Regolament Nru 1303/2013 għandu jiġi applikat għar-reċipjenti finali ta’ għajnuna permezz tal-Fond Soċjali Ewropew, minkejja li dawn ma humiex benefiċjarji skont it-tifsira tal-punt 10 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament.

Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-Repubblika tal-Polonja tindika li skont il-prinċipju ġenerali ta’ eliġibbiltà tal-ispejjeż fi proġetti tal-Fond Soċjali Ewropew, stabbilit fl-Artikolu 65(2) tar-Regolament Nru 1303/2013, ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà ta’ spejjeż li jirriżultaw mill-Artikolu 69 ta’ dan ir-regolament jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet tal-benefiċjarju li jwettaq il-proġett.

Skont ir-rikorrenti, il-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013 b’mod inekwivoku jħalli f’idejn l-Istati Membri l-possibbiltà li, fil-każ ta’ għajnuna ta’ ammont ta’ inqas minn EUR 200 000, jagħżlu li jqisu bħala benefiċjarju lill-entità li tirċievi l-għajnuna jew inkella lill-entità li tipprovdi tali għajnuna.

F’din il-kawża, skont l-għażla tal-awtoritajiet Pollakki, il-benefiċjarju huwa l-entità li tipprovdi l-għajnuna, u mhux l-entità li tirċeviha. Id-destinatarji finali tal-għajnuna ma humiex benefiċjarji, u għaldaqstant, skont ir-rikorrenti, l-Artikolu 69(3)(c) tar-Regolament Nru 1303/2013 ma japplikax għalihom.

Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja issostni li fil-kawża ineżami l-għoti tal-istatus ta’ benefiċjarju lill-entitajiet li jirċievu l-għajnuna, li huma persuni mingħajr impjieg, ikun jimponi fuqhom numru ta’ obbligi marbuta mal-clearance tal-għajnuna rċevuta, mal-istabbiliment ta’ rapporti dwar l-iżvolġiment tal-proġetti mwettqa, mal-kontroll tal-proġett u mal-ħtieġa li d-data tiġi kkompletata f’sistemi tal-informatika ddedikati għas-servizzi ta’ implimentazzjoni ta’ programmi operattivi. Tali soluzzjoni tagħmilha impossibbli li jintlaħqu l-għanijiet tar-Regolament Nru 1303/2013.

____________

1 Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 320, rettifika fil-ĠU 2016, L 200, p. 140).