Language of document : ECLI:EU:C:2021:898

Kawża C91/20

LW

vs

Bundesrepublik Deutschland

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad9 ta’ Novembru 2021

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil u ta’ protezzjoni sussidjarja – Standards dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi jew il-persuni mingħajr Stat sabiex ikunu jistgħu jgawdu minn protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2011/95/UE – Artikoli 3 u 23 – Standards iktar favorevoli li jistgħu jinżammu jew jiġu adottati mill-Istati Membri sabiex jestendu l-benefiċċju tad-dritt għall-ażil jew tal-protezzjoni sussidjarja għall-membri tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali – Għoti, b’mod idderivat, tal-istatus ta’ refuġjat ta’ ġenitur lill-wild minuri tiegħu – Żamma tal-unità tal-familja – L-aħjar interessi tat-tfal”

1.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95 – Kwalità ta’ refuġjat – Kunċett – Kundizzjonijiet kumulattivi – Riskju ta’ persekuzzjoni u ta’ nuqqas ta’ protezzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz mill-pajjiż tan-nazzjonalità tiegħu

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/95, Artikolu 2(d))

(ara l-punti 29, 30)

2.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95 – Proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi – Teħid inkunsiderazzjoni tat-theddid ta’ persekuzzjoni u ta’ danni gravi fuq membru tal-familja tal-applikant

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/95, premessa 36)

(ara l-punt 35)

3.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95 – Regoli iktar favorevoli – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li jiġi estiż l-istatus ta’ refuġjut jew l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja lill-membri tal-familja ta’ persuna li tibbenefika minn tali status – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Rekwiżit ta’ rabta bejn din l-estensjoni tal-istatus ta’ refuġjat u l-loġika ta’ protezzjoni internazzjonali – Limiti – Persuna li taqa’ taħt klawżola ta’ esklużjoni prevista mid-direttiva jew persuna li għandha dritt, skont in-nazzjonalità tagħha jew l-istatus ġuridiku personali tagħha, għal trattament aħjar fl-Istat Membru minn dak li jirriżulta mill-estensjoni tal-istatus ta’ refuġjat

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/95, premessa 14 u Artikoli 3, 23(1) u 2)

(ara l-punti 38 sa 41, 43 sa 46, 48, 49 sa 54)

4.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95 – Rispett tad-drittijiet fundamentali – Dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja – Obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tat-tfal

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7 u 24(2); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/95, premessa 16 u Artikolu 23(2))

(ara l-punt 55)

Sunt

Is-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil ma tipprekludix, bħala prinċipju, li Stat Membru jestendi awtomatikament, b’mod idderivat u għall-finijiet taż-żamma tal-unità tal-familja, l-istatus ta’ refuġjat lill-wild minuri ta’ ġenitur li ngħatalu dan l-istatus

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, LW, ta’ nazzjonalità Tuneżina, twieldet fil-Ġermanja fl‑2017 minn omm Tuneżina, li l-applikazzjoni għall-ażil tagħha ma rnexxietx, u minn missier Sirjan, li fl‑2015 ingħatalu l-istatus ta’ refuġjat. L-applikazzjoni għall-ażil ippreżentata f’isem LW ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali tal-Migrazzjoni u r-Refuġjati, il-Ġermanja).

Peress li ma rebħitx il-kawża quddiem il-qorti adita b’rikors kontra din id-deċiżjoni, LW ippreżentat appell għal Reviżjoni kontra s-sentenza ta’ din il-qorti quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja).

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li LW ma tistax titlob l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat abbażi ta’ dritt li huwa tagħha stess. Fil-fatt, hija tista’ tibbenefika minn protezzjoni effettiva fit-Tuneżija, pajjiż li hija għandha n-nazzjonalità tiegħu. Madankollu, LW tissodisfa l-kundizzjonijiet, previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali (1), sabiex tingħata, b’mod idderivat u għall-finijiet tal-protezzjoni tal-familja fil-kuntest tal-ażil, l-istatus ta’ refuġjat bħala wild minuri ta’ ġenitur li ngħatalu dan l-istatus. Skont din il-leġiżlazzjoni, għandu jingħata l-istatus ta’ refuġjat ukoll lil wild li twieled il-Ġermanja u għandu, permezz tal-ġenitur l-ieħor tiegħu, in-nazzjonalità ta’ pajjiż terz li fit-territorju tiegħu ma jkunx ippersegwitat.

Filwaqt li staqsiet jekk tali interpretazzjoni tad-dritt Ġermaniż hijiex kompatibbli mad-Direttiva 2011/95 (2), il-qorti tar-rinviju ssospendiet il-proċeduri quddiemha sabiex tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 (3) u tal-Artikolu 23(2) (4) tal-imsemmija direttiva. Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja, li tiddeċiedi fl-Awla Manja, tirrispondi li dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux li Stat Membru, bis-saħħa ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali iktar favorevoli, jagħti, b’mod idderivat u għall-finijiet taż-żamma tal-unità tal-familja, l-istatus ta’ refuġjat lill-wild minuri mhux miżżewweġ ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li lilu ġie rrikonoxxut dan l-istatus, inkluż meta dan il-wild twieled fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u għandu, mill-ġenitur l-ieħor tiegħu, in-nazzjonalità ta’ pajjiż terz ieħor li fih ma hemmx riskju li jiġi ppersegwitat. Il-kompatibbiltà mad-Direttiva 2011/95 ta’ tali dispożizzjonijiet nazzjonali tissoponi, madankollu, li l-wild ma jaqax taħt raġuni għall-esklużjoni msemmija f’din id-direttiva u li dan ma jkollux, permezz tan-nazzjonalità tiegħu jew element ieħor li jikkaratterizza l-istatus ġuridiku personali tiegħu, dritt għal trattament aħjar fl-imsemmi Stat Membru minn dak li jirriżulta mill-għoti tal-istatus ta’ refuġjat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li wild li jinsab f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex jingħata, individwalment, l-istatus ta’ refuġjat skont is-sistema stabbilita mid-Direttiva 2011/95.

Fil-fatt, mill-imsemmija direttiva jirriżulta li l-kwalità ta’ refuġjat teħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet dwar, minn naħa, il-biża’ ta’ persekuzzjoni u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ protezzjoni kontra atti ta’ persekuzzjoni mill-pajjiż terz li tiegħu l-persuna kkonċernata għandha n-nazzjonalità. Issa, LW tista’ tibbenefika minn protezzjoni effettiva fit-Tuneżija. Il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar, f’dan il-kuntest, li, skont is-sistema stabbilita mid-Direttiva 2011/95, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma tistax tintlaqa’, individwalment, għas-sempliċi raġuni li membru tal-familja tal-applikant itenni biża’ fondata ta’ persekuzzjoni jew riskju reali ta’ dannu serju, meta jiġi stabbilit li, minkejja r-rabta tiegħu ma’ dan il-membru tal-familja u l-vulnerabbiltà partikolari li tirriżulta minn dan, l-applikant ma huwiex huwa nnifsu espost għal theddid ta’ persekuzzjoni jew għal dannu gravi (5).

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li d-Direttiva 2011/95 ma tipprevedix l-estensjoni, b’mod idderivat, tal-istatus ta’ refuġjat lill-membri tal-familja ta’ refuġjat li, individwalment, ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan l-istatus. Fil-fatt, l-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva sempliċement jimponi fuq l-Istati Membri li jorganizzaw id-dritt nazzjonali tagħhom sabiex tali membri tal-familja jkunu jistgħu jitolbu, sa fejn dan huwa kompatibbli mal-istatus ġuridiku personali tagħhom, ċerti vantaġġi, li jinkludu l-għoti ta’ permess ta’ residenza jew l-aċċess għall-impjieg, li għandhom l-għan li jżommu l-unità tal-familja. Barra minn hekk, l-obbligu għall-Istati Membri li jipprevedu l-aċċess għal dawn il-vantaġġi ma jestendix għat-tfal ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali li twieldu fl-Istat Membru ospitanti ta’ familja li kienet stabbilita fih.

Fit-tielet lok, sabiex jiġi ddeterminat jekk Stat Membru jistax madankollu jagħti, b’mod idderivat u għall-finijiet taż-żamma tal-unità tal-familja, l-istatus ta’ refuġjat lil wild f’sitwazzjoni bħal dik ta’ LW, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95 jippermetti lill-Istati Membri jadottaw regoli iktar favorevoli sabiex jiddeċiedu min jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, sa fejn dawn ir-regoli huma kompatibbli ma’ din id-direttiva.

Tali regoli huma b’mod partikolari inkompatibbli mad-direttiva jekk huma intiżi li jirrikonoxxu l-istatus ta’ refuġjat lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi mpoġġija f’sitwazzjonijiet nieqsa minn kull rabta mal-loġika ta’ protezzjoni internazzjonali (6). Issa, l-estensjoni awtomatika, b’mod idderivat, tal-istatus ta’ refuġjat lill-wild minuri ta’ persuna li tkun ingħatat dan l-istatus, indipendentement mill-fatt jekk dan il-wild jissodisfax jew le individwalment il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-imsemmi status u inkluż meta l-imsemmi wild twieled fl-Istat Membru ospitanti, li huwa previst mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-finijiet taż-żamma tal-unità tal-familja tar-refuġjati, għandha rabta mal-loġika ta’ protezzjoni internazzjonali.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva, madankollu, li jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet li fihom l-estensjoni awtomatika, b’mod idderivat u għall-finijiet taż-żamma tal-unità tal-familja, tal-istatus ta’ refuġjat għall-wild minuri ta’ refuġjat tkun, minkejja l-eżistenza ta’ din ir-rabta, inkompatibbli mad-Direttiva 2011/95.

Għalhekk, minn naħa, ir-riżerva li tinsab fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva tipprekludi li Stat Membru jadotta dispożizzjonijiet li jagħtu l-istatus ta’ refuġjat lil persuna li hija eskluża minn dan taħt l-Artikolu 12(2) tal-imsemmija direttiva. Issa, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali teskludi tali persuni mill-benefiċċju tal-estensjoni tal-istatus ta’ refuġjat.

Min-naħa l-oħra, ir-riżerva stipulata fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 teskludi li vantaġġi mogħtija lill-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali jiġu estiżi lil membru tal-familja tiegħu meta dan ikun inkompatibbli mal-istatus ġuridiku personali tal-imsemmi membru. Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-portata ta’ din ir-riżerva, li għandha tiġi osservata wkoll meta Stat Membru japplika regoli iktar favorevoli, adottati konformement mal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, skont liema l-istatus mogħti lill-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali huwa awtomatikament estiż lill-membri tal-familja tiegħu, indipendentement minn jekk jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan l-istatus.

F’dan ir-rigward, ikun inkompatibbli mal-istatus ġuridiku personali tal-wild tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali li, individwalment, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ din il-protezzjoni, li jiġu estiżi lilu l-vantaġġi msemmija fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 jew l-istatus mogħti lil dan il-benefiċjarju, meta dan il-wild ikollu n-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti jew nazzjonalità oħra li tagħtih, fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzaw l-istatus ġuridiku personali tiegħu, dritt għal trattament aħjar f’dan l-Istat Membru minn dak li jirriżulta minn tali estensjoni. Din l-interpretazzjoni tar-riżerva li tinsab fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 tieħu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tat-tfal, li fid-dawl tagħhom din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata u applikata.

F’dan il-każ, ma jidhirx li LW, minħabba n-nazzjonalità Tuneżina tagħha jew element ieħor li jikkaratterizza l-istatus ġuridiku personali tagħha, għandha dritt għal trattament aħjar fil-Ġermanja minn dak li jirriżulta mill-estensjoni, b’mod idderivat, tal-istatus ta’ refuġjat mogħti lil missierha.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li l-kompatibbiltà mad-Direttiva 2011/95 tal-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali iktar favorevoli, bħal dawk inkwistjoni, għal sitwazzjoni bħal dik ta’ LW, ma tiddependix mill-kwistjoni dwar jekk huwiex possibbli, għaliha u għall-ġenituri tagħha, li jistabbilixxu ruħhom fit-Tuneżija. Peress li l-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva huwa intiż li jippermetti lir-refuġjat igawdi d-drittijiet mogħtija minn dan l-istatus filwaqt li tinżamm l-unità tal-familja tiegħu fl-Istat Membru ospitanti, l-eżistenza ta’ possibbiltà għall-familja ta’ LW li tistabbilixxi ruħha fit-Tuneżija ma tistax tiġġustifika li r-riżerva li tinsab fil-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni tinftiehem bħala li teskludi l-għoti lil din tal-aħħar tal-istatus ta’ refuġjat, peress li tali interpretazzjoni tkun timplika li missierha jirrinunzja għad-dritt għall-ażil mogħti lilu fil-Ġermanja.


1      F’dan il-każ, l-Artikolu 26(2) u (5) tal-Asylgesetz (il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali. Dawn id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien jipprevedu r-rikonoxximent, fuq l-applikazzjoni tiegħu, tal-wild minuri mhux miżżewweġ ta’ refuġjat bħala li huwa benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali meta l-istatus akkwistat mill-ġenitur tiegħu għandu natura definittiva.


2      Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).


3      Din id-dispożizzjoni tipprevedi l-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jadottaw regoli iktar favorevoli sabiex jiġu deċiżi liema huma l-persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, u sabiex jiġi ddeterminat il-kontenut tal-protezzjoni internazzjonali, sa fejn dawn ir-regoli huma kompatibbli mad-direttiva.


4      Din id-dispożizzjoni, li għandha l-għan li tiżgura ż-żamma tal-unità tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali meta l-membri tal-familja tiegħu ma jissodisfawx, individwalment, il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jibbenefikaw minn tali protezzjoni, tipprevedi l-estensjoni għall-imsemmija membri ta’ wħud mill-vantaġġi mogħtija lill-benefiċjarju.


5      Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova (C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 50).


6      Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova (C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 71).