Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' Lulju 2011 - Polyelectrolyte Producers Group et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-368/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Polyelectrolyte Producers Group (Brussell, il-Belġju), SNF SAS (Andrezieux Boutheon, Franza) u Travetanche Injection SPRL (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: K. Van Maldegem u R. Cana, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 366/2011, tal-14 ta' April 2011, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH) fir-rigward tal-Anness XVII (Akrilammid) (ĠU 2011 L 101, p. 12);

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li

ir-regolament ikkontestat jinkludi żbalji manifesti ta' evalwazzjoni sa fejn il-Kummissjoni Ewropea, l-ewwel nett, ibbażat ruħha fuq informazzjoni li, taħt il-qafas legali applikabbli, ma hijiex rilevanti għall-espożizzjoni tal-bniedem u tal-ambjent fl-UE, u, it-tieni nett, naqset milli tidentifika r-riskji li jirriżultaw mill-mili tal-fili tal-akrilammid skont ir-rekwiżiti rilevanti applikabbli, iżda minflok, hija bbażat ruħha fuq informazzjoni li tikkonċerna l-użu ta' sustanza differenti; bħala riżultat, l-adozzjoni tal-imsemmi Regolament ma tissodisfax il-kundizzjonijiet imposti bid-dispożizzjonijiet legali rilevanti;

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li

ir-regolament ikkontestat jikser il-prinċipju ta' proporzjonalità;

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li

ir-regolament ikkontestat ma huwiex immotivat b'mod adegwat, bi ksur tal-Artikolu 296 TFUE.

____________