Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta' Frar 2012 - Lafarge vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-49/12)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Lafarge (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: A. Winckler, F. Brunet u C. Medina, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla, fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE, id-Deċiżjoni C(2011) 8890 tal-Kummissjoni Ewropea tal-25 ta' Novembru 2011 dwar proċedura skont l-Artikolu 24(1)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-Każ 39250 - Siment u prodotti relatati;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha;

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tar-Regolament Nru 1/2003 , sa fejn il-Kummissjoni eċċediet is-setgħat mogħtija lilha mill-Artikolu 24(1)(d) tar-Regolament Nru 1/2003 meta ordnat li r-rikorrenti tikkonferma li r-risposta tagħha hija kompluta, eżatta u preċiża jew tibgħat l-informazzjoni nieqsa jew il-korrezzjonijiet meħtieġa sabiex ir-risposta tagħha tkun kompluta, eżatta u preċiża.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità, peress illi l-Kummissjoni marret lil hinn mil-limiti li huma xierqa u meħtieġa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex meta adottat deċiżjoni intiża biex tordna lir-rikorrenti tikkonferma n-natura kompluta, eżatta u preċiża tar-risposta tagħha jew tibgħat l-informazzjoni nieqsa jew il-korrezzjonijiet meħtieġa sabiex ir-risposta tagħha tkun kompluta, eżatta u preċiża, filwaqt illi, fid-dawl tal-portata tal-informazzjoni mitluba, tali konferma hija impossibbli u l-Kummissjoni setgħet tieħu miżuri iktar adegwati biex tiżgura li r-risposta tar-rikorrenti tkun tista' tikkostitwixxi bażi affidabbli għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-aġir tal-impriżi mal-Artikoli 101 u 102 TFUE.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq inkwantu d-deċiżjoni kkontestata twassal biex tordna lir-rikorrenti biex hija tirrinunzja għar-riżervi kollha marbuta mar-risposta tagħha, filwaqt illi hija kellha, fid-dawl tal-kumplessità tal-informazzjoni meħtieġa, tikkunsidra għadd ta' kwistjonijiet.

Ir-raba' motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba inkwantu d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet mingħajr ma ġew ikkunsidrati l-elementi speċifiċi tal-każ imqajjem mir-rikorrenti fir-risposta tagħha u mingħajr smigħ preliminari.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205)