Language of document : ECLI:EU:T:2009:144

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

7 ta’ Mejju 2009 (*)

“Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Swieq tax-xiri ta’ ħnieżer u ta’ majjali nisa ħajjin iddestinati għall-qatla – Deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni – Definizzjoni tas-suq ġeografiku inkwistjoni – Obbligu ta’ diliġenza – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑151/05,

Nederlandse Vakbond Varkenshouders (NVV), stabbilita f’Lunteren (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Marius Schep, residenti f’Lopik (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Nederlandse Bond van Handelaren in Vee (NBHV), stabbilita f’Den Haag (il-Pajjiżi l-Baxxi),

inizjalment irrappreżentati minn J. Kneppelhout u M. van der Kaden, sussegwentement minn J. Kneppelhout, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn A. Whelan u S. Noë, sussegwentement minn A. Bouquet u Noë, bħala aġenti

konvenuta,

sostnuta minn

Sovion NV, stabbilita f’Best (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn J. de Pree u W. Geursen, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Diċembru 2004 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u mal-ħidma tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/M.3605),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),

komposta minn J. Azizi, President, E. Cremona (Relatur) u S. Frimodt Nielsen, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Mejju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40), jipprovdi sistema ta’ kontroll mill-Kummissjoni ta’ konċentrazzjonijiet li għandhom dimensjoni Komunitarja, hekk kif inhuma ddefiniti fl-Artikoli 1 u 3 ta’ dan ir-regolament. Dawn il-konċentrazzjonijiet għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni qabel ma jiġu implementati (Artikolu 4 tar-Regolament Nru 139/2004). Il-Kummissjoni teżamina l-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni (Artikolu 2 tar-Regolament Nru 139/2004).

2        L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 139/2004 jipprovdi:

“1. Konċentrazzjonijiet li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu stmati skond l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet li ġejjin bil-għan li jkun stabbilit jekk humiex kompatibbli mas-suq komuni jew le.

[…]

2. Konċentrazzjoni li mhix ħa tkun ta’ tfixkil sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu, b’mod partikolari minħabba l-ħolqien ta’ jew minħabba t-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, għandha tkun dikjarata bħala kompatibbli mas-suq komuni.

3. Konċentrazzjoni li ħa tkun ta’ tfixkil sinjifikanti għall-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu, b’mod partikolari minħabba l-ħolqien ta’ jew minħabba t-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, għandha tkun dikjarata bħala inkompatibbli mas-suq komuni.

[…]”

3        Il-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet isseħħ f’żewġ fażijiet. L-ewwel fażi, li tinkludi biss eżami wieħed qabel ma jsir il-pjan ta’ konċentrazzjoni, tintemm permezz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 139/2004.

4        L-Artikolu 6(1) u (3) tar-Regolament Nru 139/2004 jipprovdi:

“1. Il-Kummissjoni għandha teżamina n-notifika malli tirċeviha.

a)      Meta l-Kummissjoni tikkonkludi li l-konċentrazzjoni notifikata ma taqgħax fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, hija għandha tiddikjara dak li sabet permezz ta’ deċiżjoni.

b)      Meta l-Kummissjoni ssib illi l-konċentrazzjoni notifikata, għalkemm taqa’ fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, ma toħloqx dubji serji dwar jekk hix kompatibbli mas-suq komuni, hija għandha tiddeċiedi li ma topponihiex u għandha tiddikjaraha bħala kompatibbli mas-suq komuni.

[…]

ċ)       […] meta l-Kummissjoni ssib illi l-konċentrazzjoni notifikata taqa’ fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament u toħloq dubji serji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq komuni, hija għandha tiddeċiedi li tibda proċeduri.

[…]

3. Il-Kummissjoni tista’ tirrevoka id-deċiżjoni li tkun ħadet skond il-paragrafu 1(a) jew (b) meta:

a)      id-deċiżjoni hija bbażata fuq informazzjoni li mhix korretta u li għal dan il-fatt hija responsabbli waħda mill-impriżi jew meta d-deċiżjoni nkisbet permezz ta’ ħażen,

[…]”

5        Huwa biss jekk l-eżami inizjali magħmul fil-kuntest tal-ewwel fażi jindika li hemm dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq komuni li l-Kummissjoni twettaq eżami fid-dettall (il-fażi II) skont l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 139/2004.

6        Is-setgħat li l-Kummissjoni għandha sabiex tiddeċiedi fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami fid-dettall huma ddefiniti fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 139/2004, li jgħid:

“1. Meta l-Kummissjoni ssib li konċentrazzjoni notifikata tissodisfa l-kriterju stabbilit fl-Artikolu 2(2), […], hija għandha toħroġ deċiżjoni li fiha tiddikjara li l-konċentrazzjoni hija kompatibbli mas-suq komuni.

[…]

2. Meta l-Kummissjoni ssib li, wara bidliet mill-impriżi konċernati, konċentrazzjoni notifikata tissodisfa l-kriterju stabbilit fl-Artikolu 2(2), […], hija għandha toħroġ deċiżjoni li fiha tiddikjara li l-konċentrazzjoni hija kompatibbli mas-suq komuni.

[…]

3. Meta l-Kummissjoni ssib li konċentrazzjoni tissodisfa l-kriterji definiti fl-Artikolu 2(3), […] hija għandha toħroġ deċiżjoni li fiha tiddikjara li l-konċentrazzjoni mhix kompatibbli mas-suq komuni.

[…]

6. Il-Kummissjoni tista’ tirrevoka id-deċiżjoni li tkun ħadet skond il-paragrafi 1 jew 2 meta:

a)      id-dikjarazzjoni ta’ kompatibilità hija ibbażata fuq informazzjoni li mhix korretta li għaliha hija responsabbli waħda mill-impriżi jew meta d-dikjarazzjoni kienet akkwistata b’qerq […]”

7        L-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jipprovdi:

“1. Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni, timponi […] fuq impriżi fuq jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, multi ta’ mhux aktar minn 1 % mill-valur tal-bejgħ totali ta’ l-impriża jew ta’ l-assoċjazzjoni ta’ impriżi konċernata […] meta, b’intenzjoni jew b’negliġenza:

a)      jipprovdu informazzjoni li mhix korretta jew li hi qarrieqa f’sottomissjoni, f’ċertifikazzjoni, f’notifika jew f’suppliment għal notifika […];

[…]”

8        L-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 139/2004 jipprovdi li, “[j]ekk il-Kummissjoni jew l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jħossu li huwa meħtieġ, huma jistgħu jisimgħu wkoll persuni oħra, kemm persuni naturali u kemm persuni ġuridiċi” kif ukoll li, “[p]ersuni naturali u persuni ġuridiċi li juru interess suffiċjenti […] għandhom, wara li jagħmlu applikazzjoni, ikunu intitolati li jinstemgħu.”

9        Skont il-premessa 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 802/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 88), “[h]uwa għall-partijiet li jippreżentaw in-notifika li jwettqu l-iżvelar sħiħ u honest lejn il-Kummissjoni dwar il-fatti u ċ-ċirkostanzi li huma relevanti għat-teħid tad-deċiżjoni dwar il-konċentrazzjoni notifikata”. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1. In-notifiki għandhom ikollhom l-informazzjoni, inklużi d-dokumenti, mitluba fil-formola applikabbli kif elenkati fl-annessi. Din l-informazzjoni għandha tkun korretta u kompluta.

[…]”

10      L-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 802/2004 jipprovdi:

“[…] l-Artikolu 4 […] ta’dan ir-Regolament […] japplika[…] mutatis mutandis għas-supplementi tan-notifiki […]”

11      L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 802/2004, intitolat “Is-smiegħ ta’ terzi persuni”, jipprovdi:

“1. Jekk terzi persuni japplikaw bil-kitba sabiex ikunu mismugħa bis-saħħa ta’ l-Artikolu 18(4), it-tieni sentenza, tar-Regolament […] Nru 139/2004, il-Kummissjoni għandha tinformhom bil-kitba dwar in-natura u l-materja tas-suġġett tal-proċedura u għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih huma jkunu jistgħu iressqu l-kummenti tagħhom.

2. Il-persuni terzi referuti fil-paragrafu 1 għandhom jippreżentaw il-kummenti tagħhom bil-kitba matul il-limitu taż-żmien stabbilit. Il-Kummissjoni tista, meta xieraq, toffri lill-tali partijiet terzi, li jkun hekk talbu fil-kummenti bil-miktub tagħhom, l-opportunità li jipparteċipaw fi smiegħ formali. Hija tista wkoll, f’każi oħrajn li toffri lill-tali partijiet terzi l-opportunità li huma jesprimu oralment il-kummenti tagħhom.

3. Il-Kummissjoni tista l-[istess] tistieden xi persuna oħra, naturali jew legali, sabiex tesprimi il-kummenti tagħha, bil-kitba u wkoll oralment, inkluż is-smiegħ orali formali.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  Il-partijiet fil-kawża u fil-konċentrazzjoni

12      Dan ir-rikors ġie ppreżentat konġuntament minn Nederlandse Vakbond Varkenshouders (NVV), minn M. Schep u minn Nederlandse Bond van Handelaren in Vee (NBHV) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, ir-“rikorrenti”).

13      NVV hija trejdjunjin Olandiża inkarigata mir-rappreżentanza u d-difiża ta’ persuni li jrabbu l-ħnieżer. Huwa jiġbor fi ħdanu madwar 3,000 membru u jirrappreżenta madwar 50 % tal-impriżi għat-trobbija tal-ħnieżer fil-Pajjiżi l-Baxxi.

14      M. Schep irabbi l-qżieqeż u huwa membru ta’ NNV.

15      NBHV hija assoċjazzjoni li tirrappreżenta u tiddefendi l-interessi tan-negozjanti ta’ bhejjem, inklużi dawk tan-negozjanti tal-ħnieżer. Il-membri tagħha huma l-assoċjazzjonijiet provinċjali ta’ negozjanti ta’ bhejjem. Hija tirrappreżenta madwar 70 % tan-negozjanti tal-ħnieżer rreġistrati fil-Pajjiżi l-Baxxi.

16      Sovion NV hija impriża Olandiża attiva fis-settur tal-qatla ta’ bhejjem u tal-ħnieżer, fil-produzzjoni, fl-ipproċessar u fil-bejgħ ta’ prodotti ta’ laħam u fil-proċessar ta’ prodotti derivati li joriġinaw mill-annimali.

17      Hendrix Meat Group (HMG) hija impriża, attiva prinċipalment fil-Pajjiżi l-Baxxi, ukoll fis-settur tal-qatla ta’ ħnieżer kif ukoll f’dak tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tal-bejgħ tal-laħam.

II –  Il-proċedura amministrattiva

18      Fit-18 ta’ Novembru 2004, il-Kummissjoni rċeviet notifika, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004, ta’ konċentrazzjoni li għadha ma twettqitx (iktar ’il quddiem il-“konċentrazzjoni”) li kienet tindika l-intenzjoni ta’ Sovion li tikseb il-kontroll esklużiv kollu ta’ HMG (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien il-“partijiet fil-konċentrazzjoni”).

19      Fl-24 ta’ Novembru 2004, sabiex tistħarreġ l-effetti kompetittivi tal-konċentrazzjoni, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju ddettaljat lill-parijiet ikkonċernati tas-suq (kompetituri, xerrejja, fornituri, assoċjazzjonijiet fis-settur) f’numru ta’ pajjiżi Ewropej.

20      Fil-25 ta’ Novembru 2004, NVV rċieva dan il-kwestjonarju bl-Ingliż. Fuq talba espliċita ta’ NVV, fis-26 ta’ Novembru 2004, intbagħtitlu verżjoni bl-Olandiż tal-istess kwestjonarju.

21      Permezz ta’ komunikazzjoni ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ Novembru 2004, il-Kummissjoni stiednet lit-terzi kkonċernati sabiex jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar il-konċentrazzjoni f’terminu ta’ għaxart ijiem.

22      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Novembru 2004, NBHV esponiet ir-riżervi tagħha fir-rigward tal-konċentrazzjoni.

23      Fit-2 ta’ Diċembru 2004, bi tweġiba għall-kwestjonarju mibgħut lilu mill-Kummissjoni, NVV osserva li deċiżjoni ta’ kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq komuni tagħti lok għar-riżultat li Sovion tikseb pożizzjoni dominanti fis-suq ġeografiku inkwistjoni limitat għat-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

24      Fl-10 ta’ Diċembru 2004, saret laqgħa bejn, minn naħa, il-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, NVV u NBHV, li fiha dawn tal-aħħar esponew mill-ġdid ir-riżervi tagħhom fir-rigward tal-konċentrazzjoni. Wara din il-laqgħa, fl-istess jum, il-Kummissjoni bagħtet xi mistoqsijiet lir-rappreżentanti tal-partijiet fil-konċentrazzjoni fir-rigward tal-punti li kienu s-suġġett tad-diskussjoni ma’ NVV u NBHV.

25      Fis-16 ta’ Diċembru 2004, NBHV bagħtet ittra lill-Kummissjoni li fiha hija tesponi fil-qosor il-pożizzjoni tagħha u l-oġġezzjonijiet tagħha kontra l-konċentrazzjoni.

26      Permezz ta’ ittri, tal-21 ta’ Diċembru 2004, NVV u NBHV ikkontestaw il-kontenut ta’ wieħed mid-dokumenti mibgħuta lill-Kummissjoni mill-partijiet fil-konċentrazzjoni matul il-proċedura amministrattiva, jiġifieri dikjarazzjoni ta’ S. B.M. J. (iktar ’il quddiem “J.”), Segretarju Ġenerali tal-Productschappen Vee, Vlees en Eieren (organizzazzjonijiet rregolati mid-dritt pubbliku għas-suq tal-bhejjem, tal-laħam u tal-bajd, iktar ’il quddiem “PVVE”).

27      Permezz ta’ deċiżjoni, tal-21 ta’ Diċembru 2004, li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni (Każ COMP/M. 3605 – Sovion vs HMG) (ĠU C 28, p. 2, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), adottata skont l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni awtorizzat il-konċentrazzjoni mingħajr ma tat bidu għall-fażi II tal-proċedura.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

28      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-14 ta’ April 2005, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

29      Permezz ta’ ittra, tat-13 ta’ Lulju 2005, ir-rikorrenti talbu lil-Qorti tal-Prim’Istanza, skont l-Artikolu 64(3)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, sabiex tordna li l-Kummissjoni, skont il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, tippreżenta d-dokumenti u l-inkartamenti kollha relatati ma’ din il-kawża u sabiex tibgħatilhom kopja.

30      Fil-5 ta’ Awwissu 2005, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha u, permezz ta’ att separat, ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

31      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fit-30 ta’ Awwissu 2005, Sovion talbet sabiex tintervjeni fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

32      Permezz ta’ digriet, tat-13 ta’ Ottubru 2005, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza laqa’ t-talba għal intervent ta’ Sovion, li ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fil-31 ta’ Jannar 2006. Il-Kummissjoni u r-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq in-nota ta’ intervent, rispettivament fit-30 ta’ Marzu u fit-8 ta’ Mejju 2006.

33      Permezz ta’ faks, tal-10 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni osservat li l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti fir-rigward tan-nota ta’ intervent ma kinux jillimitaw irwieħhom għall-kontenut ta’ din in-nota, iżda kienu jirreferu wkoll għall-kontroreplika. B’hekk il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex ma tinkludix l-osservazzjonijiet li jikkonċernaw il-kontroreplika fil-proċess, jew inkella sabiex tagħtiha l-opportunità li tagħti l-osservazzjonijiet tagħha, bil-miktub, fuq dawn l-osservazzjonijiet.

34      Permezz ta’ ittra tar-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tad-9 ta’ Ġunju 2006, u bla ħsara għall-kwistjoni tal-ammissibbiltà tal-punti inkwistjoni f’dawn l-osservazzjonijiet, il-Kummissjoni ġiet mistiedna tippreżenta, bil-miktub, l-osservazzjonijiet tagħha.

35      Il-proċedura bil-miktub ġiet fi tmiemha wara li l-Kummissjoni ppreżentat l-imsemmija osservazzjonijiet, fit-30 ta’ Ġunju 2006.

36      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura nnotifikata fl-1 ta’ April 2008, il-Qorti tal-Prim’Istanza talbet lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta lista ta’ korpi li lilhom hija kienet bagħtet il-kwestjonarju ddettaljat fl-24 ta’ Novembru 2004, lista tal-korpi li wieġbu dan il-kwestjonarju kif ukoll kopja tat-tweġibiet kollha għad-domandi li kienu jinsabu fil-punt 8 ta’ dan il-kwestjonarju. Fit-22 ta’ April 2008, il-Kummissjoni bagħtet id-dokumenti mitluba lill-Qorti tal-Prim’Istanza.

37      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza instemgħu fis-seduta tat-22 ta’ Mejju 2008. Id-dokumenti ppreżentati mill-intervenjenti matul is-seduta ma ġewx inklużi fil-proċess.

38      Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

39      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors inammissibbli fir-rigward ta’ M. Schep u tal-NBHV;

–        tiċħad ir-rikors fir-rigward ta’ NVV;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

I –  Fuq l-ammissibbiltà

A –  L-argumenti tal-partijiet

40      Il-Kummissjoni qajmet żewġ motivi ta’ inammissibbiltà, ibbażati rispettivament fuq in-nuqqas ta’ locus standi ta’ M. Schep u l-preżentata tardiva tar-rikors ta’ NBHV. Madankollu, qabel kollox, il-Kummissjoni tanalizza l-kwistjoni dwar jekk, fil-każ ta’ rikors ippreżentat minn iktar minn rikorrent wieħed, bħal f’din il-kawża, meta wieħed mir-rikorrenti huwa ammissibbli, xorta jkun neċessarju li jiġi eżaminat il-locus standi tar-rikorrenti l-oħra.

41      Il-Kummissjoni ssostni li, meta l-istess rikors jiġi ppreżentat minn diversi partijiet, dan jista’ jiġi ddikjarat inammissibbli fir-rigward ta’ waħda minn fosthom (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-21 ta’ Marzu 2002, Shaw u Falla vs Il‑Kummissjoni, T‑131/99, Ġabra p. II‑2023, punt 12). Madankollu, hija tammetti li, fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Lulju 2003, Verband der freien Rohrwerken et (T‑374/00, Ġabra p. II‑2275, punt 57), filwaqt li ġie ppreżentat rikors minn diversi rikorrenti kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata skont ir-regolament fuq il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza, wara li kkonstatat li wieħed mir-rikorrenti kien direttament u individwalment ikkonċernat minn din id-deċiżjoni, kienet iddeċidiet li ma kienx hemm lok li jiġi eżaminat il-locus standi tar-rikorrenti l-oħra.

42      Madankollu, skont il-Kummissjoni, f’dan il-każ, anki jekk ir-rikors ta’ NVV huwa probabbilment ammissibbli, il-locus standi għandu jiġi stabbilit b’mod individwali għal kull wieħed mir-rikorrenti. Insostenn ta’ din il-pożizzjoni, hija tirreferi, l-ewwel nett, għan-natura neċessarjament suġġettiva tal-ilment li jinsab fit-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrenti ma kinux f’pożizzjoni li jesponu biżżejjed l-opinjoni tagħhom matul il-proċedura amministrattiva, it-tieni nett, għall-fatt li l-evalwazzjoni individwali tal-locus standi tar-rikorrenti tippermetti li tingħata deċiżjoni xierqa fuq l-ispejjeż u, it-tielet nett, fuq in-neċessità li jiġi evitat il-każ fejn, fil-kuntest ta’ appell eventwali ppreżentat minn wieħed mir-rikorrenti mingħajr locus standi, il-Kummissjoni tiġi prekluża milli tinvoka għall-ewwel darba n-nuqqas ta’ locus standi fil-konfront tiegħu.

43      Ir-rikorrenti jwieġbu li ma hemmx lok li l-locus standi jiġi stabbilit b’mod individwali għal kull wieħed minn fosthom u li, f’kull każ, f’din il-kawża, ir-rikorrenti kollha bħal kull wieħed minn fosthom igawdu minn locus standi fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

44      Għandu jiġi osservat, qabel kollox, li l-locus standi ta’ NVV fil-kuntest ta’ dan ir-rikors mhuwiex ikkontestat. Fil-fatt, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni fl-atti tagħha, sa fejn huwa jirrappreżenta impriżi li jipprovdu ħnieżer ħajjin iddestinati għall-qatla lill-partijiet fil-konċentrazzjoni u sa fejn jipparteċipa b’mod attiv fil-proċedura amministrattiva, NVV huwa direttament u individwalment ikkonċernat mid-deċiżjoni kkontestata. L-ammissibbiltà tar-rikors tiegħu, għaldaqstant, ma tqajjem ebda dubju.

45      Madankollu, għandu jingħad ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, fir-rigward tal-istess rikors waħdieni ppreżentat minn diversi rikorrenti, meta dan huwa ammissibbli fir-rigward ta’ wieħed mir-rikorrenti, ma hemmx lok li jiġi eżaminat il-locus standi tar-rikorrenti l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C‑313/90, Ġabra p. I‑1125, punt 31; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza Verband der freien Rohrwerke et vs Il-Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 57, u tad-9 ta’ Lulju 2007, Sun Chemical Group et vs Il-Kummissjoni, T‑282/06, Ġabra p. II‑2149, punti 49 et seq).

46      Il-bażi ta’ din il-ġurisprudenza tistrieħ fuq premessi ta’ struttura tal-proċedura u fuq iċ-ċirkustanza li, ġeneralment, fil-każ tal-istess rikors waħdieni ppreżentat minn diversi rikorrenti, jekk jitqies li wieħed minn fost ir-rikorrenti ma jkollux locus standi, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha xorta waħda teżamina, fl-intier tagħhom u fuq il-mertu, l-motivi kollha ta’ annullament u l-argumenti ppreżentati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sun Chemical Group et vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punti 51 u 52).

47      Għalkemm huwa ċertament minnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza, f’ċertu kawżi, għamlet distinzjoni bejn ir-rikorrenti fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Shaw u Falla vs Il-Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 12; id-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-10 ta’ Marzu 2005, Gruppo ormeggiatori del porto di Venezia et vs Il-Kummissjoni, T‑228/00, T‑229/00, T‑242/00, T‑243/00, T‑245/00 sa T‑248/00, T‑250/00, T‑252/00, T‑256/00 sa T‑259/00, T‑265/00, T‑267/00, T‑268/00, T‑271/00, T‑274/00 sa T‑276/00, T‑281/00, T‑287/00 u T‑296/00, Ġabra p. II‑787, punt 38), dawn id-distinzjonijiet kienu madankollu bbażati, bħal fil-każ tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 45 hawn fuq, fuq kunsiderazzjonijiet tal-istruttura tal-proċeduri (sentenza Sun Chemical Group et vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 51).

48      Għandu jingħad ukoll li, f’din il-kawża, eżami separat tal-ammissibbiltà tar-rikors fir-rigward ta’ kull rikorrenti jmur kontra t-tali kunsiderazzjonijiet. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li r-rikors ippreżentat konġuntament minn NVV, minn M. Schep u minn NBHV ma jinkludix motivi jew argumenti li jikkonċernaw esklużivament wieħed biss minn fosthom, b’mod li, jekk ir-rikors kien ġie ddikjarat inammissibbli fir-rigward ta’ wieħed mir-rikorrenti, l-analiżi ta’ wieħed jew diversi motivi jew argumenti tista’ ma sseħħx. B’hekk, peress li r-rikors huwa ammissibbli fir-rigward ta’ NVV, anki li kieku kellu jiġi ddikjarat inammissibbli fir-rigward ta’ M. Schep u NBHV, l-eżami tal-Qorti tal-Prim’Istanza għandu jiffoka, f’kull każ, fuq il-motivi u l-argumenti kollha mqajma fil-kuntest ta’ din il-kawża. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tar-rikors fir-rigward ta’ NBHV u ta’ M. Schep.

II –  Fuq il-mertu

49      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi, l-ewwel wieħed ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 2, 6 u 8 tar-Regolament Nru 139/2004 u, it-tieni wieħed, ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-obbligi ta’ motivazzjoni (Artikolu 253 KE) u ta’ diliġenza tagħha.

A –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 2, 6 u 8 tar-Regolament Nru 139/2004

50      L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 2, 6 u 8 tar-Regolament Nru 139/2004, huwa maqsum f’erba’ partijiet, fejn madankollu, skont ir-rikorrenti stess, l-ewwel u r-raba’ parti għandhom jiġu analizzati flimkien. Fit-tieni u fit-tielet partijiet, ir-rikorrenti jikkontestaw id-definizzjoni tas-swieq ġeografiċi rilevanti stabbiliti fid-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li d-dimensjoni ġeografika taż-żewġt iswieq tal-prodotti inkwistjoni, jiġifieri s-swieq tax-xiri ta’ ħnieżer u tax-xiri ta’ majjali nisa ħajjin iddestinati għall-qatla, tikkorrispondi għat-territorji li jinsabu f’raġġ ta’ 150 km madwar it-tliet żoni prinċipali ta’ trobbija ta’ qżieqeż fil-Pajjiżi l-Baxxi (Twente, l-Achterhoek, u l-Brabant ta’ Fuq) fejn jitqiesu bħala ċ-ċentri ta’ dawn it-tliet żoni t-tliet ibliet li jinsabu fil-qalba ta’ dawn it-tliet reġjuni, ripettivament, Enschede, Doetinchem u Eindhoven (punti 25 u 44 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-ewwel u fir-raba’ partijiet, ir-rikorrenti jsostnu li, minħabba din id-definizzjoni żbaljata tas-suq ġeografiku, il-Kummissjoni wettqet, fid-deċiżjoni kkontestata, analiżi kompetittiva żbaljata li waslitha sabiex tikkonkludi, b’mod żbaljat, li kien hemm nuqqas ta’ pożizzjoni dominanti u li l-konċentrazzjoni kienet kompatibbli mas-suq komuni.

51      F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli li jikkonċernaw il-kontroll Komunitarju tal-konċentrazzjonijiet, meħtieġa għall-każ inkwistjoni, id-definizzjoni adegwata tas-suq inkwistjoni hija kundizzjoni neċessarja u li tippreċedi l-evalwazzjoni tal-effetti fuq il-kompetizzjoni tal-konċentrazzjoni ta’ impriżi nnotifikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il‑Kummissjoni, imsejħa “Kali & Salz”, C‑68/94 u C‑30/95, Ġabra p. I‑1375, punt 143, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tas-6 ta’ Ġunju 2002, Airtours vs Il‑Kummissjoni, T‑342/99, Ġabra p. II‑2585, punt 19).

52      Kemm mill-Artikolu 9(7) tar-Regolament Nru 139/2004 kif ukoll mill-punt 8 tal-Att tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità (ĠU 1997, C 372, p. 5 iktar ’il quddiem l-“Att fuq is-suq rilevanti”), jirriżulta li s-suq ġeografiku inkwistjoni jinkludi t-territorju li fih l-impriżi kkonċernati huma involuti fil-provvista ta’ merkanzija u tas-servizzi inkwistjoni, li fuqhom il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni huma omoġenji biżżejjed u li jista jiġi distint mit-territorji ġirien, b’mod partikolari minħabba kundizzjonijet ta’ kompetizzjoni kunsiderevolment differenti minn dawk prevalenti f’dawn it-territorji. Fil-kuntest tad-definizzjoni tas-suq ġeografiku, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi elementi, bħan-natura u l-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati, l-eżistenza ta’ ostakoli għad-dħul fis-suq, il-preferenzi tal-konsumaturi kif ukoll l-eżistenza, bejn it-territorju kkonċernat u t-territorji ġirien, ta’ differenzi kunsiderevoli ta’ sehem tas-suq tal-impriżi jew ta’ differenzi sostanzjali fil-prezz (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-30 ta’ Settembru 2003, Cableuropa et vs Il-Kummissjoni, T‑346/02 u T‑347/02, Ġabra p. II‑4251, punt 115).

53      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli bażiċi li jikkonċernaw il-kontroll Komunitarju tal-konċentrazzjonijiet u, b’mod partikolari, dawk li jikkonċernaw l-evalwazzjoni tal-konċentrazzjonijiet, bħall-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 139/2004, jagħtu lill-Kummissjoni ċertu setgħa diskrezzjonali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika. Konsegwentement, l-istħarriġ mill-qorti Komunitarja tal-eżerċizzju ta’ din is-setgħa, li huwa essenzjali fid-definizzjoni tar-regoli fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet, għandu jsir fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li fuqu huma bbażati d-dispożizzjonijiet ta’ natura ekonomika li jagħmlu parti mis-sistema ta’ konċentrazzjonijiet (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Kali & Salz, punt 51 iktar ’il fuq, punti 223 u 224, u tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, Ġabra p. I‑987, punt 38; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Marzu 1999, Gencor vs Il-Kummissjoni, T‑102/96, Ġabra p. II‑753, punti 164 u 165; Airtours vs Il-Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, punt 64, u tal-14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il-Kummissjoni, T‑210/01, Ġabra p. II‑5575, punt 60). B’mod partikolari, id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni, sa fejn timplika evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi min-naħa tal-Kummissjoni, tista’ tkun suġġetta biss għal stħarriġ limitat min-naħa tal-qorti Komunitarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T‑201/04, Ġabra p. II‑3601, punt 482).

54      Madankollu, għalkemm il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam ekonomiku, dan ma jfissirx li l-qorti Komunitarja għandha toqgħod lura milli tistħarreġ l-interpretazzjoni li l-Kummissjoni tagħti ta’ data ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, il-qorti Komunitarja għandha b’mod partikolari mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, jekk humiex affidabbli u koerenti, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk din hijiex kapaċi ssostni l-konklużjonijiet milħuqa (sentenza Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, punt 53 iktar ’il fuq, punt 39).

55      Għaldaqstant huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

1.     Fuq in-nuqqas ta’ ċarezza tal-ewwel motiv

a)     L-argumenti tal-partijiet

56      Qabel kollox, il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tqis li dan il-motiv mhuwiex ċar.

57      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, hija ssostni li, fir-rikors, ir-rikorrenti jirreferu bi kliem ġenerali wisq, minn naħa, għall-“iskambju ta’ korrispondenza [magħha]”, kif ukoll għall-fatti u l-argumenti mressqa (Annessi A.6 sa A.24), u, min-naħa l-oħra, għal ċerti “dokumenti addizzjonali” (Annessi A.26 sa A.39) li huma intiżi sabiex “jispjegaw aktar” il-pożizzjoni diġà fformulata matul il-proċedura amministrattiva. Dawn ir-riferimenti mhumiex konformi mal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, li jeżiġi li s-suġġett tal-kawża kif ukoll sunt tal-motivi invokati jiġu inklużi fir-rikors. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma għandhiex teħodhom inkunsiderazzjoni.

58      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Annessi A.26 sa A.38 kif ukoll l-Annessi C.4 sa C.7 ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni, peress li dawn ma ġewx ippreżentati matul il-proċedura amministrattiva. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-legalità ta’ deċiżjoni għandha tiġi evalwata skont elementi li hija setgħet kellha meta tat id-deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-7 ta’ Frar 1979, Franza vs Il-Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punt 7, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-22 ta’ Ottubru 1996, SNCF u British Railways vs Il-Kummissjoni, T‑79/95 u T‑80/95, Ġabra p. II‑1491, punt 48) kif ukoll li rikorrent ma jistax għaldaqstant jinvoka quddiem il-qorti Komunitarja punti ta’ fatt li ma jkunux tressqu quddiemha matul il-proċedura amministrattiva (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑278/92 sa C‑280/92, Ġabra p. I‑4103, punt 31, u tat-13 ta’ Ġunju 2002, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑382/99, Ġabra p. I‑5163, punti 49 u 76).

59      Ir-rikorrenti jwieġbu li, fil-kuntest tar-rikors tagħhom, huma jesponu b’mod iktar milli sommarju, u b’mod koerenti u li jinfthiem, il-punti sostanzjali ta’ fatt u ta’ liġi invokati insostenn ta’ dan ir-rikors. Barra minn hekk, huma jsostnu li l-Kummissjoni kellha għarfien tal-argumenti li huma kienu ressqu matul il-proċedura amministrattiva. Il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx taf dwar ċerti atti meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata ma jbiddel xejn. Il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha għaldaqstant l-obbligu li teżamina l-annessi kollha.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

60      Fl-ewwel lok, fir-rigward tar-riferimenti għall-annessi, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi invokati. Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex rikors ikun ammissibbli, huwa meħtieġ li l-punti sostanzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, minn tal-inqas b’mod sommarju, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess. Għalkemm it-test proprju tiegħu jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet ta’ atti li huma annessi miegħu, riferiment ġenerali għal dokumenti oħra, anki jekk annessi mar-rikors, ma tistax tikkumpensa n-nuqqas tal-elementi essenzjali tal-argument ġuridiku li, skont id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandhom ikunu inklużi fir-rikors (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punti 93 sa 100; ara wkoll, fir-rigward tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-21 ta’ Settembru 2005, EDP vs Il-Kummissjoni, T‑87/05, Ġabra p. II‑3745, punt 155, u tal-14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il-Kummissjoni, T‑209/01, Ġabra p. II‑5527, punti 56 u 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Barra minn hekk, mhuwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Prim’Istanza li toqgħod tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li tista’ tikkunsidra bħala li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors, peress li dawn l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 60 iktar ’il fuq, punt 97, u Honeywell vs Il-Kummissjoni, punt 60 iktar ’il fuq, punt 57). Din il-funzjoni purament probatorja u strumentali tal-annessi timplika li, meta anness jinkludi punti ta’ liġi li fuqhom ċerti motivi mqajma fir-rikors huma bbażati, dawn il-punti għandhom jiġu inklużi fit-test innifsu tar-replika li jinkludi dan l-anness huwa anness jew, ta’ mill-inqas, tiġi identifikata biżżejjed f’din ir-replika (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 60 iktar ’il fuq, punt 99).

62      Fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, ir-riferimenti għall-annessi ser jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza biss sa fejn, l-ewwel nett, jissostanzjaw jew jikkompletaw argumenti espressament invokati mir-rikorrenti fit-test proprju tal-atti tagħhom u, it-tieni nett, sa fejn jippermettu lill-Qorti tal-Prim’Istanza tidentifika bi preċiżjoni liema huma l-elementi li fuqhom ir-rikorrenti jibbażaw l-ilmenti tagħhom ifformulati kontra l-konċentrazzjoni jew l-argumenti li jikkompletaw il-motivi żviluppati fis-sottomissjonijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Microsoft vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, punt 99).

63      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-annessi mhux ippreżentati matul il-proċedura amministrattiva, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, f’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka fir-rigward tagħhom kollha, b’mod ġenerali, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 58 iktar ’il fuq. Fil-fatt, għandu jiġi osservat li, sa fejn il-preżentata ta’ anness ma tikkostitwixxix tentattiv sabiex jinbidel il-kuntest ġuridiku u fattwali li preċedentement il-Kummissjoni kellha quddiemha sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata, iżda tagħmel parti mill-kostituzzjoni ta’ serje ta’ argumenti dwar is-sempliċi implementazzjoni tad-drittijiet tad-difiża, dan l-anness għandu jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza EDP vs Il‑Kummissjoni, punt 60 iktar ’il fuq, punt 158).

64      Huwa għaldaqstant fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-annessi li ma ġewx ippreżentati matul il-proċedura amministrattiva, jekk ikun il-każ, ser jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

2.     Fuq il-ksur tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 139/2004

65      Il-Kummissjoni sussegwentement issostni li l-ewwel motiv huwa manifestament infondat sa fejn huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 139/2004, peress li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata esklużivament abbażi tal-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004. Ir-rikorrenti jirribattu li l-invokazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 139/2004 hija ġġustifikata sa fejn il-Kummissjoni jmissha tat bidu għall-fażi II tal-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 139/2004.

66      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jissemma fil-punti 3 et seq iktar ’il fuq, il-proċedura ta’ kontroll Komunitarju tal-konċentrazzjonijiet ta’ impriżi, kif tinsab fir-Regolament Nru 139/2004, hija komposta minn żewġ fażijiet. L-ewwel fażi tal-proċedura tintemm permezz ta’ deċiżjoni adottata abbażi tas-subparagrafi (a), (b) jew (ċ), tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 139/2004, rispettivament, skont il-konklużjonijiet differenti li għalihom tasal il-Kummissjoni fi tmiem din il-fażi. Huwa biss fil-każ fejn il-Kummissjoni tikkonstata li l-konċentrazzjoni nnotifikata taqa’ taħt dan ir-regolament u tqajjem dubji serji rigward il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni li hija tagħti bidu għall-fażi II tal-proċeduri, li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 139/2004, “għandhom jingħalqu permezz ta’ deċiżjoni skond l-Artikolu 8(1) sa (4), sakemm l-impriżi konċernati ma jikkonvinċux lill-Kummissjoni li huma abbandunaw il-konċentrazzjoni.”

67      Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li, fis-sistema tar-Regolament Nru 139/2004, il-bażi legali tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-ewwel fażi tal-proċedura hija l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 139/2004, filwaqt li l-bażi legali tad-deċiżjonijiet adottati fil-kuntest tal-fażi II tal-proċedura hija l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, fejn dawn iż-żewġ artikoli għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan l-istess regolament.

68      F’dan il-każ, il-Kummissjoni, billi qieset, fi tmiem l-ewwel fażi, li l-konċentrazzjoni ma qajmitx dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, ġustament ibbażat id-deċiżjoni tagħha ta’ awtorizzazzjoni fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004. Minbarra dan, anki li kieku l-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni opposta u ddeċidiet li tibda’ l-fażi II tal-proċedura, hija kellha xorta waħda tadotta deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari fuq l-Artikolu 6(1)(ċ) tiegħu u mhux fuq l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant hija ma setgħet fl-ebda każ tadotta, fi tmiem l-ewwel fażi tal-proċedura, deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 139/2004. Għalhekk, l-invokazzjoni ta’ dan l-artikolu f’dan il-kuntest mhijiex rilevanti. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-ewwel motiv huwa manifestament infondat, sa fejn huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 139/2004.

3.     Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegata inklużjoni tal-majjali nisa fid-definizzjoni tas-suq ġeografiku fir-rigward tax-xiri ta’ ħnieżer ħajjin għall-qatla

a)     L-argumenti tal-partijiet

69      Fit-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti josservaw, qabel kollox, li l-Kummissjoni, meta ddefiniet is-suq tal-prodotti inkwistjoni, ġustament, għamlet distinzjoni fid-deċiżjoni kkontestata bejn is-suq tax-xiri ta’ ħnieżer ħajjin iddestinati għall-qatla u dak tax-xiri ta’ majjali nisa ħajjin, ukoll għall-qatla. Madankollu, jidher li hija wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn ħadet indebitament inkunsiderazzjoni l-majjali nisa fid-definizzjoni tas-suq ġeografiku li jikkonċerna x-xiri ta’ majjali, kif ukoll fl-analiżi kompetittiva tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq dan l-istess suq.

70      Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, wara li ddeterminat is-swieq ta’ prodotti rilevanti, il-Kummissjoni jmissha eżaminat is-suq ġoegrafiku rilevanti b’mod separat għal kull suq ta’ prodotti. Hija jmissha għaldaqstant eżaminat b’mod separat is-suq ġeografiku tax-xiri ta’ majjali nisa u s-suq ġeografiku tax-xiri ta’ ħnieżer ħajjin iddestinati għall-qatla, peress li ż-żewġ prodotti ma jistgħux jissostitwixxu lil xulxin. Insostenn tal-allegazzjoni tagħhom, ir-rikorrenti jirreferu għall-punti 44 u 53 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll għan-nota ta’ qiegħ il-paġna numru 6 li tinsab fil-paġna 4 tagħha.

71      Il-Kummissjoni tqis li dan l-ilment huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata u li, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

72      Jeħtieġ, qabel kollox, li jiġu analizzati l-partijiet rilevanti tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-punti 13 sa 16 ta’ din id-deċiżjoni, dwar id-definizzjoni tas-swieq ta’ prodotti, il-Kummissjoni sostniet li, wara l-investigazzjoni tas-suq u kontra l-opinjoni tal-partijiet fil-konċentrazzjoni, ix-xiri ta’ ħnieżer u x-xiri ta’ majjali nisa ddestinati għall-qatla jikkostitwixxu żewġt iswieq ta’ prodotti differenti.

73      Sussegwentement, fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq ġeografiku, il-Kummissjoni ssostni li, “[g]ħall-finijiet tad-definizzjoni tas-suq ġeografiku, il-ħnieżer u l-majjali nisa jiġu kkunsidrati flimkien, peress li l-istess analiżi tista’ tapplika għaż-żewġt iswieq ta’ prodotti” (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna numru 6 li tinsab fil-paġna 4 tad-deċiżjoni kkontestata). Billi tibbaża ruħha fuq din il-kunsiderazzjoni, il-Kummissjoni tiżviluppa, fil-punti 17 sa 43 tad-deċiżjoni kkontestata, l-analiżi tagħha dwar id-definizzjoni tas-suq ġeografiku esklużivament fir-rigward tas-suq tax-xiri ta’ ħnieżer. Fi tmiem din l-analiżi, fil-punt 44 tad-deċiżjoni kkontestata il-Kummissjoni tikkonkludi, billi tagħmel riferiment espliċitu għal din in-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 6, li d-definizzjoni aċċettata għas-suq ġeografiku tax-xiri ta’ ħnieżer tapplika wkoll għas-suq tax-xiri ta’ qżieqeż.

74      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-eżami tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tiżviluppa l-analiżi tagħha b’mod separat għaż-żewġt iswieq, billi tagħmel distinzjoni, minn naħa, bejn l-analiżi kompetittiva għas-suq tax-xiri ta’ ħnieżer (punti 46 sa 51 tad-deċiżjoni kkontestata) u, min-naħa l-oħra, l-analiżi kompetittiva għas-suq tax-xiri ta’ majjali nisa (punti 52 sa 53 tad-deċiżjoni kkontestata). Fi tmiem din l-analiżi, hija tikkonkludi li l-konċentrazzjoni ma tistax tqajjem problemi kompetittivi fuq ebda wieħed minn dawn iż-żewġt iswieq (punt 54 tad-deċiżjoni kkontestata).

75      L-analiżi tal-partijiet rilevanti tad-deċiżjoni kkontestata turi li l-Kummissjoni ma għamlitx konfużjoni bejn is-suq tax-xiri ta’ ħnieżer u dak tax-xiri ta’ majjali nisa u li hija lanqas ma kkunsidrat is-suq tax-xiri ta’ majjali nisa bħala qasam sekondarju tas-suq tax-xiri tal-ħnieżer, kemm fil-kuntest tad-definizzjoni tas-suq ġeografiku jew fil-kuntest tal-analiżi kompetittiva tal-effetti tal-konċentrazzjoni.

76      Fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq ġeografiku, fuq il-bażi tal-kunsiderazzjoni li tgħid li l-analiżi setgħet kienet l-istess għaż-żewġt iswieq ta’ prodotti, il-Kummissjoni żviluppat b’mod espliċitu l-kunsiderazzjonijiet li jikkonċernaw id-dimensjoni ġeografika tas-suq tax-xiri tal-ħnieżer u sussegwentement applikathom għas-suq tax-xiri tal-majjali nisa. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti mkien ma wrew li, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni. Barra minn hekk, lanqas ma spjegaw b’liema mod il-Kummissjoni jmissha ħadet inkunsiderazzjoni x-xiri ta’ majjali nisa fil-kuntest tad-definizzjoni tas-suq ġeografiku tax-xiri ta’ ħnieżer, u lanqas għal liema raġuni dan ta lok għal evalwazzjoni żbaljata fir-rigward tad-definizzjoni ta’ dawn is-swieq ġeografiċi.

77      Fir-rigward tal-allegata konfużjoni bejn iż-żewġt iswieq ta’ prodotti inkwistjoni min-naħa tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-analiżi kompetittiva tal-effetti tal-konċentrazzjoni, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar ħafna li l-Kummissjoni wettqet żewġ analiżi kompletament separati għaż-żewġt iswieq inkwistjoni. Ir-rikorrenti ma jistgħux għaldaqstant jilmentaw li l-Kummissjoni għamlet konfużjoni bejn iż-żewġt iswieq f’dan ir-rigward. Għalkemm huwa minnu li, fil-punt 53 tad-deċiżjoni kkontestata, is-sentenza li tindika li “l-analiżi kompetittiva għas-suq tal-majjali tapplika għaldaqstant a fortiori għas-suq tal-majjali nisa” setgħet ġiet ifformulata aħjar. Madankollu, mill-kuntest li minnu tagħmel parti din is-sentenza jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li, fid-dawl tas-sehem tas-suq dgħajjef ħafna li l-partijiet fil-konċentrazzjoni għandhom fis-swieq rilevanti – inqas minn 20 % – u fid-dawl tal-fatt li l-konċentrazzjoni ma setgħetx għaldaqstant tostakola kompetizzjoni effettiva (premessa 32 tar-Regolament Nru 139/2004), ma kienx neċessarju li tiġi żviluppata analiżi kompetittiva bħal dik li kienet saret fil-punti 48 sa 51 tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tas-suq tax-xiri ta’ ħnieżer.

78      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

4.     Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, dwar in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi essenzjali għad-definizzjoni tas-suq ġeografiku jew għall-konklużjonijiet żbaljati li jirriżultaw minnhom

79      Ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni wettqet bosta żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tad-definizzjoni tas-suq ġeografiku inkwistjoni, kif ġie espost fil-punt 50 iktar ’il fuq, sa fejn hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċerti elementi li huma invokaw matul il-proċedura amministrattiva jew, minn tal-inqas, sa fejn hija waslet għal konklużjonijiet żbaljati. Skont ir-rikorrenti, dawn l-elementi kienu madankollu essenzjali għad-definizzjoni tas-suq ġeografiku u kienu jippermettu li tintwera d-dimensjoni nazzjonali, li tikkorrispondi għat-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi, tas-swieq tal-prodotti inkwistjoni. Dawn l-elementi, li ser jiġu eżaminati fid-dettall iktar ’il quddiem, huma, l-ewwel nett, in-nuqqas ta’ possibbiltà ta’ interkambjabbiltà bejn il-majjali Ġermaniżi u l-majjali Olandiżi, it-tieni nett, in-nuqqas ta’ korrelazzjoni bejn il-varjazzjonijiet fid-differenza fil-prezz tax-xiri tal-ħnieżer fil-Ġermanja u fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-esportazzjonijiet bejn dawn iż-żewġ pajjiżi, it-tielet nett, il-konsegwenzi tal-mard epiżootiku, li jagħti lok għan-nazzjonalizzazzjoni tas-suq, ir-raba’ nett, l-eżistenza ta’ rekwiżiti veterinarji addizzjonali u ta’ ostakoli oħra għall-esportazzjoni, il-ħames nett, id-distanzi ta’ trasport ġeneralment iqsar mir-raġġ ta’ 150 km li ttieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, is-sitt nett, l-eżistenza ta’ pressjoni politika u, is-seba’ nett, il-prassi deċiżjonali preċedenti tan-Nederlandse Mededingingsautoriteit (Awtorità Olandiża tal-Kompetizzjoni).

80      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tad-definizzjoni tas-swieq ta’ referenza huwa dak tal-iżball manifest (sentenza Cableuropa et vs Il‑Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, punt 119; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Airtours vs Il-Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, punti 26 u 32). Barra minn hekk, minn perspettiva ekonomika, għad-definizzjoni tas-suq inkwistjoni, il-fattur ta’ dixxiplina l-iktar immedjat u effettiv huwa s-sostituzzjoni tat-talba (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-4 ta’ Lulju 2006, easyJet vs Il‑Kummissjoni, T‑177/04, Ġabra p. II‑1931, punt 99; punt 13 tal-komunikazzjoni fuq is-suq inkwistjoni).

81      Qabel ma jiġu analizzati l-ilmenti tar-rikorrenti li jikkonċernaw kull wieħed mill-elementi msemmija fil-punt 79 iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li, sa fejn ir-rikorrenti jirreferu biss, fis-sottomissjonijiet tagħhom, għas-suq ġeografiku tax-xiri tal-ħnieżer, l-ilmenti tagħhom jikkonċernaw biss dan is-suq u mhux dak tax-xiri tal-majjali nisa. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li l-ilmenti tar-rikorrenti jirreferu għall-analiżi li tikkonċerna d-definizzjoni tas-suq ġeografiku stabbilita fid-deċiżjoni kkontestata, li, kif ġie espost fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, ġiet applikata mill-Kummissjoni għaż-żewġt iswieq ta’ prodotti inkwistjoni. Min-noti tar-rikorrenti ma jirriżultax li huma kellhom l-intenzjoni li jillimitaw l-ilmenti tagħhom għal waħda miż-żewġt iswieq ta’ prodotti. Għaldaqstant, dan l-argument tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

a)     Nuqqas ta’ possibbiltà ta’ interkambjabbiltà bejn il-ħnieżer iddestinati għas-suq Ġermaniż u dawk iddestinati għas-suq Olandiż

 L-argumenti tal-partijiet

82      Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żball peress li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tad-definizzjoni tas-suq ġeografiku, il-fatt li l-ħnieżer għal qatla intiżi għas-suq Ġermaniż u dawk intiżi għas-suq Olandiż ma kinux interkambjabbli. Dan in-nuqqas ta’ possibbiltà ta’ interkambjabbiltà huwa dovut għad-differenza fil-piż bejn il-ħnieżer Olandiżi u Ġermaniżi, kif ukoll għad-differenzi fit-tip jew fir-razza ta’ ħnieżer. Fid-dawl ta’ dawn id-differenzi, il-biċċeriji Ġermaniżi jippreferu l-ħnieżer Ġermaniżi minn dawk li jiġu minn barra. B’hekk, persuna li trabbi l-ħnieżer fil-Pajjiżi l-Baxxi ma tistax tissostitwixxi biċċerija Ġermaniża għal biċċerija Olandiża u, fil-fatt, hija biss parti limitata ħafna tal-ħnieżer Olandiżi li tiġi importata mill-biċċeriji Ġermaniżi.

83      Issa, sabiex tinkiseb id-differenza fl-aħjar prezz għall-ħnieżer Olandiżi li jinbiegħu fil-Ġermanja, dawn il-ħnieżer għandhom jikkorrispondu interament mar-rekwiżiti tal-biċċeriji Ġermaniżi u għandhom għaldaqstant jiġu mrobbija, permezz ta’ selezzjoni ġenetika, speċifikament biex jissodisfaw l-eżiġenzi tas-suq Ġermaniż. Jekk dawn il-ħnieżer ma jikkorrispondux għar-rekwiżiti tas-suq Ġermaniż, ikun biss meta d-differenza fil-prezz bejn il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Ġermanja tkun ogħla mill-medja li jkun finanzjarjament vantaġġuż għall-persuni li jrabbu l-ħnieżer fil-Pajjiżi l-Baxxi li jbigħu il-ħnieżer tagħhom fis-suq Ġermaniż. Il-ħnieżer Olandiżi għalhekk mhumiex interkambjabbli mal-ħnieżer Ġermaniżi u huma minn tal-iktar komplementari għalihom. Il-karatteristiċi speċifiċi distinti tal-ħnieżer Olandiżi kienu ġew rikonoxxuti f’artikoli annessi mar-rikors, li fihom jiġi sostnut li l-ħnieżer għall-qatla intiżi għal bejgħ tal-laħam fil-Ġermanja għandhom jissodisfaw karatteristiċi preċiżi filwaqt li, fis-suq Olandiż, il-karatteristiċi ta’ dawn il-ħnieżer jirriżultaw li huma differenti.

84      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkontestaw ir-rilevanza tad-dikjarazzjonijiet tat-terzi li fuqhom il-Kummissjoni bbażat l-analiżi tagħha fid-deċiżjoni kkontestata. Minn naħa, ir-rikorrenti jqajmu dubji dwar l-affidabbiltà ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, derivanti “kważi mingħajr ebda eċċezzjoni minn partijiet li jaqgħu direttament jew indirettament taħt l-influwenza ta’ Sovion u/jew ta’ HMG”. B’mod partikolari, fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ J., ir-rikorrenti jsostnu li huwa fassal il-memorandum taħt titolu personali, u mhux biex jispjega l-pożizzjoni tal-PVVE, u li sussegwentement iddispjaċih sew mid-dikjarazzjonijiet tiegħu, kif jirriżulta minn artikolu tal-istampa anness mar-risposta.

85      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jsostnu li bosta minn dawn id-dikjarazzjonijiet, b’mod partikolari dawk li jinsabu fl-Annessi B.4(d), B.6(a) u B.6(b), ma jippermettux li jiġu sostnuti l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, iżda jikkonfermaw pjuttost l-argument tagħhom li jgħid li huwa biss b’mod limitat ħafna li l-biċċeriji Ġermaniżi jimportaw ħnieżer Olandiżi.

86      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. Hija ssostni, b’mod partikolari, li waħda mid-dikjarazzjonijiet biss, jiġifieri dik ta’ Hypor BV, tirriżulta minn impriża marbuta mal-partijiet fil-konċentrazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

87      Fil-punti 31 u 32 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat il-kwistjonijiet dwar l-allegati differenzi fil-piż u d-differenzi ġenetiċi bejn il-ħnieżer Ġermaniżi u Olandiżi. Fir-rigward tad-differenza fil-piż, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fil-kuntest ta’ dak li l-Kummissjoni ssejjaħ “investigazzjoni ulterjuri” (punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata), il-partijiet fil-konċentrazzjoni sostnew li l-unika differenza bejn il-ħnieżer maqtula fil-Ġermanja u dawk maqtula fil-Pajjiżi l-Baxxi kienet il-piż, peress li l-ħnieżer Olandiżi kienu jiżnu 2 kg inqas mill-ħnieżer Ġermaniżi, iżda dan ma kienx jostakola l-esportazzjoni tal-ħnieżer Olandiżi lejn is-suq Ġermaniż, sa fejn kien biżżejjed għall-persuni li jrabbu l-ħnieżer fil-Pajjiżi l-Baxxi li jistennew madwar jumejn sabiex il-ħnieżer tagħhom jiksbu l-aħjar piż għall-biċċeriji Ġermaniżi. Dan ġie kkonfermat minn persuni li jrabbu l-ħnieżer u minn biċċeriji. Fir-rigward tad-differenzi ġenetiċi, skont il-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata, il-partijiet fil-konċentrazzjoni sostnew li ma kienet teżisti ebda differenza fundamentali mill-aspett ġenetiku bejn il-ħnieżer maqtula fil-Pajjiżi l-Baxxi u dawk maqtula fil-Ġermanja, li ġie wkoll ikkonfermat mit-terzi.

88      Issa, għandu jiġi kkonstatat li mill-proċess effettivament jirriżulta li, matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni, wara argumenti mressqa mir-rikorrenti, talbet espressament għal informazzjoni ulterjuri speċifikament fir-rigward tad-differenzi bejn it-tip ta’ ħnieżer mqatula fil-Ġermanja u dak tal-ħnieżer maqtula fil-Pajjiżi l-Baxxi. Il-partijiet fil-konċentrazzjoni sostnew li ma kienx hemm differenza bejn il-ħnieżer Ġermaniżi u dawk Olandiżi, li l-piż medju tal-ħnieżer maqtula f’biċċeriji Ġermaniżi u Olandiżi kien rispettivament ta’ 93 u ta’ 90 jew 91 kg, jiġifieri differenza minima, u li, f’kull ipoteżi, sa fejn, fi tmiem il-fażi ta’ tħaxxin, ħanżir kien jikber b’madwar 750 g kuljum, persuna li trabbi l-ħnieżer fil-Pajjiżi l-Baxxi kellha sempliċement tistenna jumejn jew tlieta sabiex tkun tista’ tipprovdi ħanżir bl-aħjar piż għal biċċerija Ġermaniża.

89      Mill-proċess jirriżulta li, fil-kuntest ta’ diversi dikjarazzjonijiet, terzi effettivament ikkonfermaw dawn l-affermazzjonijiet tal-partijiet fil-konċentrazzjoni. B’hekk żewġ biċċiera Ġermaniżi sostnew, rispettivament, l-ewwel waħda, li ma kien hemm “ebda differenza jekk il-ħnieżer maqtula kinux jiġu mill-Pajjiżi l-Baxxi jew mill-Ġermanja”, jew saħansitra li “dan l-aħħar il-ħnieżer Olandiżi [kienu] iktar adattati għall-klijenti [tiegħu]” [Anness B.6(a)] u, t-tieni waħda, li, “għal[ih], il-qżieqeż Olandiżi u Ġermaniżi [kienu] ekwivalenti mill-aspett ta’ kwalità” [Anness B.6(b)]. Barra minn hekk, negozjant Olandiż ta’ majjali sostna wkoll li, għall-esportazzjonijiet lejn il-Ġermanja, huwa ma kien jissuġġetta lill-persuni li jrabbu l-qżieqeż “għal ebda ħtieġa ulterjuri”, billi ppreċiża li huma setgħu “jikkuntentaw rwieħhom li jużaw ir-razez ġenetiċi komuni, l-għalf ordinarju u s-sistemi komuni ta’ trobbija”, u dan anki jekk kienu xi drabi jintalbu li “jħaxxnu l-ħnieżer bi ftit kilogrammi oħra” [Anness B.4(e)]. Negozjant Olandiż ieħor tal-ħnieżer kkonferma wkoll li kien jesporta ħnieżer mrobbija fil-Pajjiżi l-Baxxi mingħajr ma kien jissuġġetta l-ħnieżer iddestinati għall-esportazzjoni lejn il-Ġermanja għal rekwiżit ulterjuri [Anness B.4(d)]. Fl-aħħar nett, assoċjazzjoni ta’ impriżi Olandiżi sostniet li “[i]l-ħanżir ideali għall-Pajjiżi l-Baxxi ma [kienx] jidher differenti ħafna minn ħanżir ideali fil-Ġermanja”, li huwa wkoll ikkonfermat mid-dikjarazzjoni ta’ J., li tgħid li “l-possibbiltà li jsir tibdil bejn qżieqeż u ħnieżer (iddestinati għall-qatla) Olandiżi u Ġermaniżi hija fuq kollox dovuta għall-karatteristiċi ġenetiċi tagħhom li huma ferm ekwivalenti”.

90      Ir-rikorrenti jikkontestaw, minn naħa, l-indipendeza tal-partijiet terzi li għamlu dawn id-dikjarazzjonijiet u, min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni fuq il-kontenut ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, li, fl-opinjoni tagħhom, jikkonfermaw l-argument tagħhom pjuttost milli dik tal-Kummissjoni.

91      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li r-rikorrenti bl-ebda mod ma jagħtu prova tal-affermazzjoni tagħhom li tgħid li d-dikjarazzjonijiet kollha joriġinaw kważi mingħajr eċċezzjoni minn partijiet li jaqgħu direttament jew indirettament taħt l-influwenza ta’ Sovion jew ta’ HMG. Fil-fatt, fir-rigward ta’ erbgħa minn dawn id-dikjarazzjonijiet, b’mod partikolari dawk li jinsabu fl-Annessi B.4(b), B.4(d), B.6(a) u B.6(b), ir-rikorrenti jgħidu biss li ma hemm “l-ebda kumment” li għandu jsir fir-rigward tal-oriġini tagħhom. Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta’ żewġ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi Olandiżi, li jinsabu fl-Annessi B.4(a) u B.6(c), ir-rikorrenti jallegaw “koinċidenzi ta’ interessi” mal-partijiet fil-konċentrazzjoni, mingħajr madankollu ma jsostnu l-affermazzjonijiet tagħhom permezz ta’ provi. Fir-rigward tad-dikjarazzjoni li tinsab fl-annness B.4(e), ir-rikorrenti llimitaw ruħhom li mar-replika jehmżu komunikat stampa li jista’, possibbilment, jagħti prova tal-eżistenza ta’ rabtiet kummerċjali bejn l-awtur tad-dikjarazzjoni u HMG, u, barra minn hekk, biss wara l-approvazzjoni tal-konċentrazzjoni, peress li dan id-dokument għandu d-data tat-13 ta’ Ġunju 2005. L-unika dikjarazzjoni li hija kkunsidrata li toriġina minn impriża konnessa mal-partijiet fil-konċentrazzjoni hija dik ta’ Hypor BV. Fil-fatt, minkejja li r-rikorrenti ma jippreżentaw ebda prova f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni aċċettat l-appartenenza ta’ din l-impriża mal-grupp Nutreco, li minnu tagħmel ukoll parti HMG.

92      Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ J., il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li, peress li l-memorandum huwa miktub fuq karta intestata bl-isem ta’ PVVE u li PVVE qatt ma informat lill-Kummissjoni li J. kien aġixxa taħt titolu personali, hija ma kellha l-ebda raġuni li tikkunsidra li l-memorandum inkwistjoni ma ġiex miktub f’isem PVVE. Barra minn hekk, mill-artiklu ppreżentat mir-rikorrenti ma jirriżultax li J. kien tbiegħed mill-kontenut ta’ din id-dikjarazzjoni u kien ikkunsidrah bħala ineżatt.

93      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kontenut ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni fl-interpretazzjoni tagħhom. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 89 iktar ’il fuq, dawn id-dikjarazzjonijiet jikkonfermaw kompletament il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, mid-dikjarazzjonijiet tal-biċċeriji Ġermaniżi ma jirriżultax li “parti limitata ħafna tal-ħnieżer tagħhom joriġinaw mill-Pajjiżi l-Baxxi”, u li mid-dikjarazzjonijiet tan-negozjanti Olandiżi ma jirriżultax li “parti ‘limitata ħafna’ biss tal-ħnieżer hija esportata lejn il-Ġermanja”.

94      Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma tawx prova biżżejjed skont il-liġi li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tad-definizzjoni tas-suq ġeografiku, il-fatt li l-ħnieżer għal qatla intiżi għas-suq Ġermaniż u dawk intiżi għas-suq Olandiż ma kinux interkambjabbli minħabba l-eżistenza ta’ allegati differenzi ġenetiċi u ta’ piż li jostakolaw l-esportazzjonijiet.

95      Din il-konlużjoni ma tistax tiġi invalidata mid-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti annessi mar-rikors. Fil-fatt, għandu jiġi osservat li minn dawn l-artikoli la jista’ jiġi dedott li l-ħnieżer imrobbija fil-Ġermanja u dawk imrobbija fil-Pajjiżi l-Baxxi mhumiex sostitwibbli bejniethom minħabba differenzi ta’ piż jew minħabba differenzi ġenetiċi, u lanqas li, minħabba f’hekk, il-biċċeriji Ġermaniżi ma jistgħux jikkostitwixxu restrizzjoni kompetittiva għall-biċċeriji Olandiżi. Barra minn hekk, speċifikament fir-rigward tal-Annessi A.34 u A.35, għandu jiġi osservat ukoll li r-rikorrenti jillimitaw ruħhom li jagħmlu riferimenti ġenerali ħafna għall-artikoli li dawn l-annessi jinkludu. Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li l-provi prodotti mir-rikorrenti ma jippermettux li tiġi kkonfutata l-analiżi li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, ibbażata fuq ir-riżultati tal-investigazzjoni magħmula mill-Kummissjoni (ara l-punti 60 et seq. iktar ’il fuq).

96      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward.

b)     Nuqqas ta’ korrelazzjoni bejn il-varjazzjonijiet fid-differenza tal-prezz ta’ xiri tal-ħnieżer fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Ġermanja u tal-volum tal-esportazzjonijiet bejn dawn iż-żewġ pajjiżi

 L-argumenti tal-partijiet

97      Ir-rikorrenti jqisu li l-varjazzjonijiet fid-differenza tal-prezz ta’ xiri tal-ħnieżer bejn il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Ġermanja, anki jekk jitqiesu li huma importanti, ma għandhomx bħala effett li joħolqu żieda fl-esportazzjonijiet ta’ ħnieżer tal-Pajjiżi l-Baxxi lejn il-Ġermanja. Insostenn tal-argumenti tagħhom, l-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li, kif jirriżulta mir-rapport tal-PVVE, intitolat “Paragun bejn il-prezzijiet tal-laħam tal-ħanżir fil-Pajjiżi l-Baxxi, fil-Ġermanja u fil-Belġju”, li huwa anness mar-rikors, sabiex il-prezzijiet attwali fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Ġermanja jkunu utilment paragunabbli, huwa neċessarju li jsiru ċerti korrezzjonijiet fuq il-prezzijiet differenti fuq il-livell internazzjonali sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż u ħlasijiet oħra li huma applikati kif ukoll id-differenzi fid-definizzjoni.

98      It-tieni nett, skont ir-rikorrenti, ċerta data kkomunikata mill-PVVE u annessa mar-replika, dwar l-esportazzjonijiet ta’ kull ġimgħa ta’ ħnieżer u ta’ qżieqes mill-Pajjiżi l-Baxxi lejn il-Ġermanja fl-2004 kif ukoll dwar il-prezz bażiku mitlub f’kull wieħed minn dawn iż-żewġ Stati Membri matul il-ġimgħat ikkonċernati, juru wkoll li l-korrelazzjoni bejn il-varjazzjonijiet fid-differenza fil-prezz u l-esportazzjonijiet hija dgħajfa ħafna. Ir-rikorrenti jirreferu f’dan ir-rigward għad-data li tikkonċerna l-ġimgħat numri 3 u 4, 9 u 10 u, fl-aħħar nett, il-ġimgħat numri 49 u 50.

99      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

100    Il-kwistjoni tal-eżistenza, l-ewwel nett, ta’ korrelazzjoni bejn il-prezz tal-ħnieżer fil-Ġermanja u dak tal-ħnieżer fil-Pajjiżi l-Baxxi u, it-tieni nett, ta’ korrelazzjoni bejn il-varjazzjonijiet fid-differenza ta’ dawn iż-żewġ prezzijiet u l-esportazzjonijiet bejn dawn iż-żewġ pajjiżi hija diskussa fil-punti 37 u 38 tad-deċiżjoni kkontestata. Skont id-deċiżjoni kkontestata, minkejja li l-prezzijiet ta’ xiri tal-ħnieżer ħajjin fil-Ġermanja huma tradizzjonalment ogħla milli fil-Pajjiżi l-Baxxi, teżisti korrelazzjoni qawwija bejn dawn iż-żewġ prezzijiet, sa fejn dawn isegwu evoluzzjoni parallela fi żmien medju u twil. Barra minn hekk, skont din id-deċiżjoni, l-investigazzjoni tas-suq ikkonfermat l-allegazzjonijiet u l-provi pprovduti mill-partijiet fil-konċentrazzjoni li jgħidu li teżisti wkoll relazzjoni diretta bejn il-varjazzjonijet fil-prezzijiet tal-ħnieżer fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Ġermanja u l-esportazzjonijiet ta’ ħnieżer, sa fejn żieda (jew tnaqqis) fid-differenza bejn iż-żewġ prezzijiet tagħti lok għal żieda (jew tnaqqis) fl-esportazzjonijiet ta’ ħnieżer mill-Pajjiżi l-Baxxi lejn il-Ġermanja.

101    Ir-rikorrenti la jikkontestaw l-eżistenza ta’ differenza fil-prezz bejn il-Ġermanja u l-Pajjiżi l-Baxxi, u lanqas l-eżistenza ta’ korrelazzjoni bejn dawn iż-żewġ prezzijiet. Huma jikkontestaw l-eżistenza ta’ korrelazzjoni bejn il-varjazzjonijiet fid-differenza ta’ prezz fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Ġermanja u l-esportazzjonijiet bejn dawn iż-żewġ pajjiżi. Fil-fatt, fil-fehma tagħhom, il-varjazzjonijiet fid-differenza fil-prezz tax-xiri tal-ħnieżer fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Ġermanja, anki jekk huma sinjifikattivi, ma għandhomx bħala effett li jżidu l-esportazzjonijiet ta’ ħnieżer mill-Pajjiżi l-Baxxi lejn il-Ġermanja.

102    Issa, għandu qabel kollox jiġi osservat li mill-proċess jirriżulta li l-partijiet fil-konċentrazzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, effettivament ipprovdew data li turi l-eżistenza ta’ paralleliżmu bejn l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tax-xiri tal-ħnieżer ħajjin fil-Ġermanja u fil-Pajjiżi l-Baxxi. Il-partijiet fil-konċentrazzjoni pprovdew ukoll data li turi li teżisti evoluzzjoni parallela bejn iż-żieda jew it-tnaqqis tad-differenza fil-prezz bejn il-Ġermanja u l-Pajjiżi l-Baxxi, minn naħa, u ż-żieda jew it-tnaqqis tal-esportazzjonijiet ta’ ħnieżer bejn dawn iż-żewġ pajjiżi, min-naħa l-oħra.

103    Bl-istess mod, matul il-proċedura amministrattiva, terzi effettivament ikkonfermaw l-eżistenza ta’ tali korrelazzjoni. B’hekk, negozjant Olandiż ta’ qżieqeż sostna li “meta l-prezz tal-ħnieżer [kien] ogħla fil-Ġermanja milli fil-Pajjiżi l-Baxxi, […] in-numru ta’ annimali esportati fil-Ġermanja [kien] jiżdied” [Anness B.4[e)]. B’referenza għax-xiri tagħha ta’ ħnieżer Olandiżi destinati għall-qatla, biċċerija Ġermaniża sostniet li, “għalkemm il-prezz tal-ħnieżer fil-Pajjiżi l-Baxxi [kien] inqas minn dak fil-Ġermanja, in-numru ta’ ħnieżer Olandiżi [kien] żdied” u li, “[g]ħal kunsiderazzjonijiet ta’ natura purament ekonomika, [kien] għaldaqstant interessanti li aktar jinxtraw ħnieżer Olandiżi” [Anness B.6(b)]. J. sostna wkoll li “[d]ifferenzi limitati fil-prezz [kienu] fil-fatt jagħtu lok għal żieda fl-esportazzjonijiet mill-Pajjiżi l-Baxxi” [Anness B.5(b)].

104    Barra minn hekk, ir-rikorrenti stess jammettu l-eżistenza ta’ tali korrelazzjoni bejn il-vajrazzjonijiet fid-differenza fil-prezz u l-volum tal-esportazzjonijiet, meta jsostnu, fir-replika, li “huwa biss meta d-differenza fil-prezz bejn il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Ġermanja tkun ogħla mill-medja li l-bejgħ lil biċċerija Ġermaniża ta’ ħnieżer li ma jissodisfawx 100 % ir-rekwiżiti Ġermaniżi jsir interessanti” (ara l-punt 83 iktar ’il fuq).

105    Wara kollox, anki d-data kkomunikata mill-PVVE u ppreżentata mir-rikorrenti bħala anness mar-replika insostenn tal-argumenti tagħhom hija ta’ natura li turi l-eżistenza u mhux in-nuqqas ta’ korrelazzjoni diretta bejn il-varjazzjonijiet fid-differenza fil-prezzijiet u l-volum tal-esportazzjonijiet u għaldaqstant li ssostni l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni. Bl-istess mod, il-ġimgħat li għalihom ir-rikorrenti jirreferu huma intiżi li jagħtu prova tal-eżistenza tat-tali korrelazzjoni, sa fejn f’żewġ każijiet fuq it-tlieta msemmija mir-rikorrenti, żieda (ġimgħat numri 9 u 10), jew tnaqqis (ġimgħat numri 49 u 50), fid-differenza bejn il-prezz mitlub fil-Ġermanja u dak mitlub fil-Pajjiżi l-Baxxi taw lok, rispettivament, għal żieda u għal tnaqqis fl-esportazzjonijiet. Għandu jingħad ukoll li, għalkemm l-evoluzzjoni parallela bejn il-varjazzjonijiet fid-differenza fil-prezzijiet u l-volum tal-esportazzjonijiet tista’ ma sseħħx strettament għall-ġimgħat kollha, dan mhuwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex jinvalida l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li din il-korrelazzjoni diretta bejn dawn iż-żewġ fatturi teżisti. Hija turi, l-iktar, li din il-korrelazzjoni mhijiex perfettament lineari.

106    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma tawx prova li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li kienet teżisti korrelazzjoni bejn id-differenza fil-prezzijiet tal-ħnieżer fil-Ġermanja u fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-volum tal-esportazzjonijiet tal-ħnieżer bejn dawn iż-żewġ pajjiżi. Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi invalidata permezz tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li, sabiex il-prezzijiet attwali fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Ġermanja ikunu utilment paragunabbli, huwa neċessarju li jsiru korrezzjonijiet fuq id-diversi prezzijiet differenti li jintużaw fuq livell internazzjonali, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diversi spejjeż u ħlasijiet ulterjuri li jiġu applikati, kif ukoll definizzjonijiet differenti. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li għandu sempliċement jiġi kkonstatat li r-rikorrenti mkien ma jispjegaw kif in-neċessità li jsiru dawn l-allegati korrezzjonijiet jista’ jkollha bħala konsegwenza li tikkonfuta l-kontstazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li teżisti korrelazzjoni bejn il-varjazzjonijiet fid-differenza tal-prezzijiet fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Ġermanja u l-volum tal-esportazzjonijiet bejn dawn iż-żewġ pajjiżi.

107    Fid-dawl ta’ kull ma ntqal, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat, fil-kuntest tad-definizzjoni tas-suq ġeografiku inkwistjoni, li kienet teżisti korrelazzjoni diretta bejn il-varjazzjonijiet fid-differenza fil-prezzijiet tal-ħnieżer fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Ġermanja u l-volum tal-esportazzjonijiet tal-majjali bejn dawn iż-żewġ pajjiżi, għandu jiġi miċħud.

c)     Effetti fuq l-esportazzjonijiet tal-miżuri veterinarji adottati b’konsegwenza ta’ mard epiżootiku

 L-argumenti tal-partijiet

108    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-miżuri veterinarji adottati b’konsegwenza ta’ mard epiżootiku kienu taw lok għal reġjonalizzazzjoni jew nazzjonalizzazzjoni tas-swieq. Skont ir-rikorrenti, il-konsegwenzi tal-adozzjoni ta’ miżuri veterinarji fil-każ ta’ mard epiżootiku, fil-fatt, jinħassu fit-territorju nazzjonali kollu u għandhom riperkussjonijiet fuq il-kummerċ barra mill-pajjiż, indipendentement mill-fatt li, normalment, huma biss ċertu reġjuni li huma magħluqin għall-esportazzjoni. Peress li l-kummerċ ta’ ħnieżer fil-Pajjiżi l-Baxxi huwa kkonċentrat madwar tliet reġjuni prinċipali, magħrufin għall-qatla tal-ħnieżer, is-sejba ta’ marda tal-annimali f’wieħed minn dawn it-tliet reġjuni twassal għall-għeluq immedjat tiegħu, fejn il-persuni li jrabbu l-ħnieżer f’dan ir-reġjun jiġu preklużi milli jittrasportaw l-annimali tagħhom lejn reġjuni oħra. Għaldaqstant jiġi affetwat is-suq nazzjonali kollu.

109    B’mod iktar speċifiku, fir-rigward tal-esportazzjonijiet, ir-rikorrenti josservaw li, meta marda epiżootika tinsab f’parti mit-territorju nazzjonali, il-kummerċ barra mill-pajjiż normalment jiġi temporanjament sospiż, li jista’ jikkawża dannu serju ħafna lill-persuni li jrabbu l-ħnieżer li jkunu kkonċentraw il-produzzjoni tagħhom lejn l-esportazzjoni. Din iċ-ċirkustanza tispjega, skont ir-rikorrenti, għaliex il-persuni li jrabbu l-ħnieżer u n-negozjanti tal-ħnieżer jibqgħu lura milli jorganizzaw il-produzzjoni tagħhom skont l-esportazzjoni.

110    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

111    Kif jirriżulta mill-punt 43 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-effetti tal-mard epiżootiku fuq l-esportazzjonijiet u kkunsidrat li, sa fejn id-data fuq l-esportazzjonijiet kienet tindika li s-sospensjoni tal-esportazzjonijiet minħabba mard tal-annimali ma kinitx ipprekludiet l-esportazzjoni ta’ numru kbir ta’ ħnieżer mill-Pajjiżi l-Baxxi lejn il-Ġermanja u sa fejn il-miżuri veterinarji adottati fuq livell internazzjonali kienu jaffettwaw kemm il-kummerċ intern tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll l-esportazzjonijiet tagħhom, l-eżistenza ta’ dawn il-miżuri ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala fattur determinanti għad-definizzjoni tas-suq ġeografiku.

112    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li l-analiżi tad-data differenti mniżżla fil-proċess turi li s-sospensjoni tal-esportazzjonijiet minħabba mard epiżootiku b’mod ġenerali kellha effetti li nħassu biss fuq perijodi limitati u li, wara kull kriżi ta’ mard epiżootiku, l-esportazzjonijiet malajr innormalizzaw ruħhom, billi malajr reġgħu lura għal valuri normali. Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, imkien ma ġie pprovat li l-konklużjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li s-sospensjoni jew il-limitazzjoni provviżorja tal-esportazzjonijiet minħabba mard epiżootiku ma twassalx għal nazzjonalizzazzjoni jew għal reġjonalizzazzjoni tas-suq rilevanti u ma tikkostitwixxix għaldaqstant ċirkustanza determinanti għad-definizzjoni tas-suq ġeografiku, hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

113    Konsegwentement, dan l-ilment għandu wkoll jiġi miċħud.

d)     Eżistenza ta’ ostakoli oħra għall-esportazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

114    Fir-rikors, ir-rikorrenti jsostnu li l-eżistenza ta’ ostakoli finanzjarji jew ta’ natura oħra tirrikjedi wkoll li ssir distinzjoni bejn is-suq Olandiż u s-suq Ġermaniż. Fost dawn l-ostakoli, huma jidentifikaw kontroll veterinarju ulterjuri għall-ħnieżer Olandiżi ddestinati li jinbiegħu fis-suq Ġermaniż kif ukoll ċerti “spejjeż addizzjonali” konnessi mal-esportazzjoni. Fir-replika, ir-rikorrenti jsostnu li l-ispejjeż addizzjonali konnessi mal-esportazzjoni ġew spjegati fid-dettall minn NVV fir-risposta tiegħu għall-kwestjonarju mibgħut mill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva u jispeċifikaw li dawn jikkonsistu, b’mod partikolari, f’ostakoli li jikkonċernaw il-prezz tal-majjal, ta’ produttività tal-impriżi, tal-kompetizzjoni fis-suq Ewropew tal-laħam, tar-rekwiżiti ta’ kwalità tal-prodott għall-ħanżir, tal-ispejjeż tat-trasport supplimentari, tal-permessi ta’ esportazzjoni u tal-ispejjeż għall-analiżi tad-demm (fir-rigward tal-marda ta’ Aujeszki).

115    Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-“ostakoli li jikkonċernaw il-prezz tal-majjal”, ir-rikorrenti jsostnu li kemm mit-tweġiba ta’ NVV għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni, kif ukoll mir-rapport tal-PVVE (ara l-punt 97 iktar ’il fuq), jirriżulta li, wara t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ serje sħiħa ta’ fatturi ta’ korrezzjoni, hemm differenza fil-prezz ta’ EUR 0.08 għal kull kilogramma bejn il-prezz tal-ħnieżer fil-Ġermanja u dak tal-ħnieżer fil-Pajjiżi l-Baxxi, li jfisser ostakolu ta’ EUR 7.20 għal kull ħanżir, fejn il-piż medju ta’ ħanżir għal bejgħ tal-laħam maqtul huwa ta’ madwar 90 kg.

116    Il-Kummissjoni ssostni li, fir-rikors, ir-rikorrenti llimitaw rwieħhom li josservaw, fir-rigward ta’ dan l-argument, l-eżistenza ta’ kontroll veterinarju ulterjuri għall-ħnieżer iddestinati għall-esportazzjoni lejn il-Ġermanja. Għaldaqstant hija tikkontesta, bis-sostenn tal-intervenjenti, l-ammissibbiltà tal-invokazzjoni ta’ allegati ostakoli oħra għall-esportazzjoni, sa fejn, fl-ewwel lok, l-eżistenza ta’ dawn l-ostakoli l-oħra tqajmu tardivament, fl-istadju tar-replika, u, fit-tieni lok, apparti l-ispejjeż ta’ trasport, dawn lanqas ma setgħu jiġu spjegati fid-dettall fit-tweġiba għall-kwestjonarju li għalih jirreferu r-rikorrenti. F’kull każ, il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-argumenti kollha tar-rikorrenti fuq il-mertu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

117    Jeħtieġ, qabel kollox, li jiġi eżaminat l-argument li jikkonċerna l-kontroll veterinarju ulterjuri li l-ħnieżer iddestinati għall-esportazzjoni lejn il-Ġermanja għandhom obbligatorjament jiġu sottomessi għalih. Il-Kummissjoni ssostni f’dan ir-rigward, fil-punti 33 u 34 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu sostnew – u dan ġie kkonfermat minn diversi terzi – li l-ħnieżer kollha ħajjin iddestinati għall-qatla kellhom jiġu eżaminati indipendentement mill-post fejn jinqatlu, fejn l-uniku rekwiżit ulterjuri marbut mal-esportazzjoni kien il-preżenza ta’ veterinarju fl-impriża jew fiċ-ċentru fejn jinġabru l-annimali, li jagħti lok għal spiża addizzjonali ta’ madwar EUR 1 sa EUR 1.25 għal kull ħanżir, din l-ispiża hija barra minn hekk ikkumpensata mill-prezz tal-bejgħ tradizzjonalment ogħla fil-Ġermanja.

118    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li r-rikorrenti mkien ma ssostanzjaw, la fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, u lanqas matul is-seduta, l-affermazzjoni li tikkonċerna l-eżistenza ta’ allegat kontroll veterinarju ulterjuri għall-ħnieżer iddestinati għall-esportazzjoni fil-Ġermanja li huwa differenti minn dak imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

119    Fir-rigward ta’ allegati ostakoli għall-esportazzjoni oħrajn, għandu jiġi kkonstatat li dawn ġew effettivament speċifikati biss fir-replika kif ukoll li r-rikors ma jinkludi l-ebda riferiment f’dan ir-rigward, la speċifika u lanqas ġenerali, għar-risposta ta’ NVV għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni. Madankollu, għandu jitfakkar li, għalkemm skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ebda motivi ġodda ma jistgħu jiġu ppreżentati matul il-kawża sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi li joħorġu matul il-proċedura, hija madankollu ġurisprudenza stabbilita li motiv li jikkostitwixxi amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li għandu rabta stretta miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tad-19 ta’ Settembru 2000, Dürbeck vs Il‑Kummissjoni, T‑252/97, Ġabra p. II‑3031, punt 39, u Cableuropa et vs Il‑Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, punti 109 u 111, u l-ġurisprudenza ċċitata).

120    Issa, għandu jiġi osservat li, fir-rikors, ir-rikorrenti jilmentaw, diversi drabi, li l-Kummissjoni għamlet kunsiderazzjoni żbaljata tal-fatti li huma ppreżentaw matul il-proċedura amministrattiva meta rreferiet, ċertament b’mod ġenerali, għall-argumenti żviluppati fis-sottomissjonijiet ippreżentati matul dawn il-proċeduri. Għandu jiġi osservat ukoll li, fir-rikors, ir-rikorrenti jsemmu “ostakoli finanzjarji jew oħrajn” u “spejjeż addizzjonali marbutin mal-esportazzjoni” li jiddistingwu s-suq Olandiż u Ġermaniż tax-xiri tal-ħnieżer iddestinati għall-qatla. B’hekk l-ispeċifikazzjonijiet tar-rikorrenti msemmija fir-replika jistgħu jiġu kkunsidrati bħala amplifikazzjoni ta’ argument li diġà ssemma fir-rikors. Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti, hemm lok li dawn jiġu kkunsidrati bħala ammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tas-17 ta’ Lulju 1998, Thai Bicycle vs Il-Kunsill, T‑118/96, Ġabra p. II‑2991, punti 144 u 145).

121    Madankollu, l-argumenti tar-rikorrenti f’dan ir-rigward huma infondati.

122    Fil-fatt, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegati “ostakoli li jikkonċernaw il-prezz tal-majjal”, għandu jitfakkar li l-għan prinċipali tad-definizzjoni tas-suq, kemm dak tal-prodotti ukif ukoll dak ġeografiku, huwa li jiġu identifikati b’mod sistematiku r-restrizzjonijiet li l-kompetizzjoni tqiegħed fuq l-impriżi inkwistjoni u li jiġi ddeterminat jekk jeżistux kompetituri reali, li jaffettwaw l-aġir tal-impriżi inkwistjoni jew li jipprekluduhom milli jaġixxu indipendentement mill-pressjonijiet li teżerċita kompetizzjoni effettiva. Il-kwistjoni fundamentali għad-definizzjoni tas-suq ġeografiku f’dan il-każ kienet, għaldaqstant, jekk, fil-każ ta’ tnaqqis minimu iżda għal tul ta’ żmien tal-prezzijiet tax-xiri tal-ħnieżer jew tal-majjali nisa fit-territorji kkonċernati, il-klijenti tal-partijiet fil-konċentrazzjoni, b’mod partikolari l-persuni li jrabbu l-qżieqeż, jagħżlux li jmorru għand biċċeriji li huma stabbiliti f’postijiet oħrajn (ara l-punt 80 iktar ’il fuq u l-punti 2 u 17 tal-komunikazzjoni fuq is-suq rilevanti).

123    Issa, għandu jiġi osservat li diversi elementi fil-proċess isostnu l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li mhux biss il-biċċeriji li jinsabu fil-Pajjiżi l-Baxxi, iżda wkoll ċerti biċċeriji li jinsabu fil-Ġermanja, jikkostitwixxu restrizzjonijiet kompetittivi li jistgħu jaffettwaw l-aġir tal-partijiet fil-konċentrazzjoni (ara l-punti 102 sa 104 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, id-data kkomunikata mill-PVVE fir-rigward tal-esportazzjonijiet ta’ ħnieżer mill-Pajjiżi l-Baxxi lejn il-Ġermanja u annessa mar-replika mill-istess rikorrenti (ara l-punt 105 iktar ’il fuq) turi li volum ta’ esportazzjonijiet konstantement mhux negliġibbli għadda bejn iż-żewġ pajjiżi, u dan anki meta d-differenza bejn il-prezz fil-Ġermanja u dak fil-Pajjiżi l-Baxxi kien inqas minn EUR 7.20 għal kull ħanżir. Dawn l-elementi juru li “ostakoli [eventwali] li jikkonċernaw il-prezz tal-majjal”, anki jekk jitqies li jeżistu, ħaġa li barra minn hekk ma ġiex ipprovat biżżejjed, jikkostitwixxu biss, fihom infushom, ostakolu dgħajjef fuq l-esportazzjonijiet u li l-Kummissjoni għaldaqstant ma wettqitx żball fl-evalwazzjoni tagħha. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

124    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat ostakolu marbut mal-allegati spejjeż addizzjonali ta’ trasport, fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ssostni li, skont il-partijiet fil-konċentrazzjoni u skont ir-riżultati tal-investigazzjoni tas-suq, l-ispejjeż ta’ trasport mhumiex determinanti sa fejn dawn ikollhom impatt marġinali fuq il-prezz tal-ħnieżer iddestinati għall-qatla. Ir-rikorrenti ma jikkontestawx dawn il-konklużjonijiet la fir-rikors u lanqas fir-replika. Biex jissostanzjaw l-allegazzjoni tagħhom, huma jillimitaw ruħhom li jagħmlu riferiment, li prima facie jidher li huwa ta’ natura ġenerali ħafna, għat-tweġiba ta’ NVV għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni. Għandu jingħad ukoll li, għalkemm din it-tweġiba effettivament issemmi l-ispejjeż ta’ trasport, imkien ma tippermetti li jiġu ssostanzjati l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti u lanqas ma tista’ tiġġustifika l-allegazzjonijiet tagħhom jew turi żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward (ara l-punti 60 et seq iktar ’il fuq). Għaldaqstant, anki dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

125    Fit-tielet lok, fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ allegati ostakoli oħra għall-esportazzjoni, imsemmija fil-punt 114 iktar ’il fuq, dawn la jiġux spjegati fir-rikors u lanqas fit-tweġiba ta’ NVV għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni u l-eżistenza tagħhom mhija ssostanzjata minn ebda prova. Barra min hekk, ir-rikorrenti ma jispjegawx kif il-produttività tal-impriżi u l-kompetizzjoni fis-suq Ewropew tal-laħam jistgħu jikkostitwixxu ostakoli għall-esportazzjoni jew jagħtu lok għal spejjeż addizzjonali marbutin mal-esportazzjonijiet.

126    Fid-dawl ta’ dak kollu ntqal, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-definizzjoni tas-suq ġeografiku fir-rigward tal-allegati ostakoli oħra għall-esportazzjoni msemmija mir-rikorrenti.

e)     Distanzi ta’ trasport inferjuri għal raġġ ta’ 150 km meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni u l-eżistenza ta’ pressjoni politika

 L-argumenti tal-partijiet

127    Ir-rikorrenti josservaw li iktar minn 70 % tat-trasport ta’ laħam tal-majjal lejn il-biċċeriji jsir fuq distanzi ta’ inqas minn 50 km, 85 % fuq distanzi ta’ inqas minn 70 km, u 95 % fuq distanzi ta’ inqas minn 95 km. Minn dan jirriżulta li l-akbar parti tal-ħnieżer għal qatla tiġi ttrasportata lejn il-biċċerija fuq distanzi definittivament iqsar minn raġġ ta’ 150 km li serva bħala bażi għad-definizzjoni tas-suq ġeografiku rilevanti fid-deċiżjoni kkontestata. Dan ir-raġġ kien ġie għaldaqstant iffissat mill-Kummissjoni b’mod arbitrarju. Minħabba l-eżistenza ta’ ostakoli għall-esportazzjoni, huwa improbabbli ħafna, jew saħansitra inkonċepibbli, f’dan il-każ, li l-fornituri ta’ ħnieżer ħajjin iddestinati għall-qatla, wara t-tnaqqis fit-tul iżda minimu tal-prezz tax-xiri applikat mill-entità minħabba l-konċentrazzjoni, ikollhom jittrasportaw l-annimali tagħhom fuq distanza ta’ 150 km lejn biċċeriji kompetituri.

128    Ir-rikorrenti jallegaw, barra minn hekk, li l-eżistenza ta’ pressjoni politika dejjem tikber intiża sabiex tnaqqas id-dewmien fit-trasport ta’ annimali ħajjin turi wkoll li huwa xieraq li jiġi limitat is-suq ġeografiku inkwistjoni f’dan il-każ għat-territorju nazzjonali Olandiż.

129    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

130    Għandu jiġi osservat, qabel kollox, li, bħal ma ġie enfasizzat fil-punt 122 iktar ’il fuq, il-kwistjoni deċiżiva għad-definizzjoni tas-suq ġeografiku rilevanti hija, f’dan il-każ, jekk il-fornituri ta’ ħnieżer iddestinati għall-qatla humiex lesti, wara tnaqqis ipotetiku fit-tul iżda minimu fil-prezzijiet tax-xiri tal-ħnieżer, li jittrasportaw l-annimali tagħhom fuq distanza ta’ 150 km lejn biċċeriji kompetituri, b’mod li dan it-tnaqqis fil-prezzijiet ma jkunx vijabbli għall-entità li tagħmel parti mill-konċentrazzjoni. Iċ-ċirkustanza li l-maġġoranza tal-ħnieżer iddestinati għall-qatla jiġu normalment ittrasportati f’distanzi inferjuri għal 150 km għaldaqstant ma tikkostitwixxix, fiha nnifisha, element deċiżiv għad-definizzjoni tas-suq inkwistjoni.

131    Barra minn hekk, l-investigazzjoni tas-suq magħmula mill-Kummissjoni kif ukoll l-provai inklużi fil-proċess u pprovduti preċedentement ikkonfermaw li l-biċċeriji li jinsabu f’raġġ ta’ 150 km setgħu jikkostitwixxu soluzzjoni alternattiva fil-każ ta’ tnaqqis fil-prezzijiet tax-xiri tal-ħnieżer wara l-konċentrazzjoni (ara l-punti 102 et seq iktar ’il fuq). Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward.

132    Fir-rigward tal-eżistenza ta’ allegata pressjoni politika, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti stess jirrikonoxxu li dan huwa argument addizzjonali li għaldaqstant ma jikkostitwixxix ċirkustanza deċiżiva għad-definizzjoni tas-suq ġeografiku. F’kull każ, ir-rikorrenti jonqsu kompletament milli jissostanzjaw l-allegazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward.

133    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, anki dawn l-ilmenti għandhom jiġu miċħuda.

f)     Prassi deċiżjonali preċedenti

 L-argumenti tal-partijiet

134    Ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli eskludiet mingħajr raġuni valida l-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha fil-qasam tad-definizzjoni tas-suq ġeografiku għax-xiri ta’ ħnieżer ħajjin iddestinati għall-qatla kif ukoll dik tal-Awtorità Olandiża tal-Kompetizzjoni. Skont ir-rikorrenti, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni għandha tiddefinixxi s-suq ġeografiku rilevanti skont elementi rilevanti ta’ kull każ partikolari, xorta jibqa’ l-fatt li hija ma tistax tagħmel dan billi teskludi mill-ewwel, u mingħajr ma tagħti raġunijiet validi, il-prassi preċedenti tagħha. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni fir-rigward tas-suq ġeografiku tax-xiri ta’ ħnieżer ħajjin iddestinati għall-qatla fi Stati Membri oħra jikkostitwixxu wkoll preċedenti.

135    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

136    Qabel kollox għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, hija l-Kummissjoni li għandha tiżviluppa r-raġunament tagħha b’mod espliċitu meta deċiżjoni tmur partikolarment lil hinn mill-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-26 ta’ Novembru 1975, Groupement des fabricants de papiers peints de Belgique et vs Il-Kummissjoni, 73/74, Ġabra p. 1491, punt 31), l-operaturi ekonomiċi ma jistgħux jibbażaw l-aspettattivi leġittimi tagħhom fuq iż-żamma ta’ prassi deċiżjonali preċedenti li tista’ tinbidel fl-ambitu tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet Komunitarji (ara s-sentenza General Electric vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, punt 512, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma jistgħux ikollhom dawn l-aspettattivi leġittimi mill-fatt li l-Kummissjoni ddefinixxiet is-swieq b’mod partikolari f’deċiżjoni preċedenti, peress li hija stess u, a fortiori, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinux marbutin mill-konstatazzjonijiet magħmula fit-tali deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza General Electric vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, punt 514).

137    F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma invokaw l-ebda kawża fejn il-Kummissjoni eżaminat is-swieq tax-xiri tal-ħnieżer u tal-majjali nisa ħajjin iddestinati għall-qatla fil-Pajjiżi l-Baxxi. Huma ma jistgħux għaldaqstant isostnu li hija eskludiet il-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha fid-deċiżjoni kkontestata. Għalkemm huwa minnu li, f’ċerti deċiżjonijiet, il-Kummissjoni eżaminat is-suq tax-xiri ta’ ħnieżer ħajjin iddestinati għall-qatla fi Stati Membri oħra, b’mod partikolari fid-Danimarka [ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/42/KE, tad-9 ta’ Marzu 1999, dwar proċedura għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 (Każ IV/M.1313 Danish Crown vs Vestjyske Slagterier) (ĠU 2000 L 20, p. 1), u d-Deċiżjoni tal-14 ta’ Frar 2002, dwar proċedura għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 4064/89 (Każ COMP/M.2662 Danish Crown vs Steff‑Houlberg)], kif ukoll fil-Ġermanja [Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Marzu 2004, dwar proċedura għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 4064/89 (Każ COMP/M.3337 Best Agrifund vs Nordfleisch)], l-analiżi magħmula f’dawn id-deċiżjonijiet mhijiex neċessarjament applikabbli għal swieq ġeografiċi oħra sa fejn il-kundizzjonijiet kompetittivi fid-diversi Stati Membri jistgħu jkunu fondamentalment differenti.

138    Fil-fatt, fir-rigward tas-suq Daniż, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni, fid-deċiżjonijet preċedenti tagħha, ikkonkludiet li s-suq ta’ ħnieżer ħajjin iddestinati għall-qatla kellu dimensjoni nazzjonali, paragun bejn id-deċiżjonijiet juri madankollu li l-kundizzjonijiet tas-suq Olandiż u dawk tas-suq Daniż huma fundamentalment differenti. Fil-fatt, minn naħa, fid-Danimarka, bil-kontra tal-Pajjiżi l-Baxxi, is-suq huwa kkaratterizzat minn organizzazzjoni tal-biċċeriji skont struttura kooperattiva li torbot il-persuni li jrabbu mal-biċċeriji ta’ qżieqeż permezz ta’ obbligi ta’ provvista esklużiva, permezz ta’ notifiki għal tħassir ta’ kuntratt li jridu jsiru ferm qabel u permezz ta’ ħlasijiet. Min-naħa l-oħra, l-esportazzjonijiet lejn il-Ġermanja ta’ ħnieżer Olandiżi huma ferm iktar sinjifikattivi minn dawk ta’ ħnieżer Daniżi, filwaqt li d-differenza bejn il-prezzijiet Daniżi u Ġermaniżi hija ferm ogħla minn dik li teżisti bejn il-prezzijiet Olandiżi u Ġermaniżi. Barra minn hekk, fir-rigward tas-suq Ġermaniż, fil-kawża Best Agrifund vs Nordfleisch imsemmija mir-rikorrenti, il-Kummissjoni ħalliet miftuħa l-kwistjoni tad-definizzjoni tas-suq ġeografiku.

139    Fir-rigward tad-diverġenza bejn l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u dik tal-Awtorità Olandiża tal-Kompetizzjoni, qabel kollox għandu jitfakkar li, fid-dawl tat-tqassim preċiż tal-kompetenzi li fuqu huwa bbażat ir-Regolament Nru 4064/89, id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jorbtu lill-Kummissjoni fl-ambitu tal-proċeduri ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet [ara, f’dan is-sens, fir-rigward tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 1, p. 31), is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-18 ta’ Diċembru 2007, Cementbouw Handel & Industrie vs Il‑Kummissjoni, C‑202/06 P, Ġabra p. I‑12129, punt 56]. Barra minn hekk, il-Kummissjoni u l-Awtorità Olandiża tal-Kompetizzjoni jiddeċiedu, fl-oqsma tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, fid-dawl ta’ kriterji differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cementbouw Handel & Industrie vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57). F’kull każ, ir-rikorrenti stess ammettew li l-Awtorità Olandiża tal-Kompetizzjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tad-definizzjoni tas-suq ġeografiku, il-pressjoni kompetittiva eżerċitata minn biċċeriji barranin li kienu jinsabu fiż-żoni ta’ fruntiera.

140    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, anki dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

141    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi konkluż li, peress li r-rikorrenti ma wrewx li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tad-definizzjoni tas-suq ġeografiku kkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata, it-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

5.     Fuq l-ewwel u r-raba’ partijiet, li jikkonċernaw l-analiżi tal-konċentrazzjoni fid-dawl tad-dritt tal-kompetizzjoni

a)     L-argumenti tal-partijiet

142    Ir-rikorrenti jsostnu li, bil-kontra tar-riżultat tal-analiżi li għalih waslet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, il-konċentrazzjoni ħolqot pożizzjoni dominanti tal-entità l-ġdida fis-swieq tax-xiri ta’ ħnieżer u ta’ majjali nisa ħajjin għall-qatla, li tostakola kompetizzjoni effettiva u, minħabba f’hekk, kellha tiġi ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni.

143    L-ewwel nett, skont ir-rikorrenti, l-analiżi ekonomika tal-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq premessa żbaljata, marbuta mad-definizzjoni żbaljata tas-swieq ġeografiċi inkwistjoni. B’hekk, kieku l-Kummissjoni kienet laqgħet id-dimensjoni nazzjonali tas-swieq ġeografiċi rilevanti, hija kienet tasal għal konklużjoni differenti, fis-sens li l-konċentrazzjoni toħloq “pożizzjoni partikolarment dominanti” f’dawn is-swieq. Ir-rikorrenti jsostnu li, f’dan il-każ, il-partijiet fil-konċentrazzjoni għandhom, wara l-operazzjoni inkwistjoni, sehem tas-suq ta’ 65 % fis-suq Olandiż tax-xiri ta’ ħnieżer ħajjin iddestinati għall-qatla, filwaqt li, kif jirriżulta mid-data ppreżentata minn NVV, kull waħda mill-biċċeriji l-oħra tirrappreżenta mhux iktar minn 8 % ta’ sehem tas-suq.

144    It-tieni nett, ir-rikorrenti jikkritaw il-konstatazzjoni li tinsab fil-punt 50 tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li l-kapaċità eċċessiva medja tal-biċċeriji ta’ ħnieżer fil-Pajjiżi l-Baxxi tammonta għal 12 %. Huma jqisu, bil-kontra, li f’dan il-każ ma teżistix kapaċità eċċessiva peress li kapaċità ta’ biċċerija ma tintużax dejjem interament sabiex tiġi ggarantita l-amministrazzjoni tajba tal-impriża. Jibqa’ dejjem marġni korrispondenti approssimattiv ta’ 10 % tal-kapaċità ta’ biċċerija li ma tintużax, sabiex jiġi sodisfatt korrettement iċ-ċaqliq fl-offerta ta’ ħnieżer għal bejgħ tal-laħam. L-użu ta’ 100 % tal-kapaċità ta’ biċċerija, min-naħa l-oħra, jagħti lok għar-riżultat ta’ suq li fih il-persuni li jrabbu l-ħnieżer jew in-negozjanti ta’ ħnieżer ma jkollhomx iżjed il-libertà tal-għażla li jmorru għand biċċerija partikolari, u dan jista’ jikkawża tfixkil fis-suq.

145    It-tielet nett, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli injorat numru ta’ elementi matul l-analiżi tal-effetti fuq il-kompetizzjoni tal-konċentrazzjoni, u b’mod partikolari, l-ewwel nett, il-fatt li l-esportazzjonijiet tal-ħnieżer għal qatla mill-Pajjiżi l-Baxxi lejn il-Ġermanja qatt ma jaqbżu l-10 sa 15 % tal-produzzjoni totali, it-tieni nett, il-fatt li s-suq għall-esportazzjoni huwa ta’ natura komplementari, fejn il-bżonnijiet tas-suq Olandiż jassorbu madwar 85 sa 90 % tal-kapaċità ta’ produzzjoni, it-tielet nett, il-fatt li s-suq tal-importazzjoni huwa suq komplementari fil-Ġermanja, ir-raba’ nett, il-fatt li l-importazzjoni ta’ ħnieżer fil-Ġermanja mill-Pajjiżi l-Baxxi hija suġġetta għal kompetizzjoni min-naħa ta’ importazzjoni mid-Danimarka u, il-ħames u l-aħħar nett, il-fatt li dawn l-elementi kollha jissaħħu permezz tal-ostakoli finanzjarji u l-ostakoli oħra għall-esportazzjoni msemmija fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel motiv.

146    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-pożizzjoni dominanti maħluqa wara l-operazzjoni inkwistjoni ma tirriżultax biss mill-ishma tas-suq għoljin ħafna tal-partijiet fil-konċentrazzjoni, iżda wkoll mill-“koinċidenzi kunsiderevoli tal-interessi f’diversi organizzazzjonijiet li għandhom ċertu setgħa fis-suq rilevanti”, bħal Centrale Organisatie voor de Vleessector (COV), PVVE, Land- en Tuinbouw Organisatie Nederland (LTO), Zuidelijke Land- en Tuinbouw Organisatie (ZLTO) u Noord-Brabantse Christelijke Boerenbond (NCB).

147    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

148    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 139/2004, konċentrazzjonijiet li ma jfixklux b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew parti sostanzjali minnu, b’mod partikolari minħabba l-ħolqien jew minħabba t-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, għandhom jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq komuni.

149    Għandu jiġi wkoll imfakkar li, għalkemm l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti għandha tiġi ddeterminata individwalment, f’kull kawża, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sun Chemical Group et vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 136), madankollu skont il-premessa 32 tar-Regolament Nru 139/2004, il-konċentrazzjonijiet li, minħabba s-sehem limitat tas-suq tal-impriżi kkonċernati, mhumiex f’sitwazzjoni li jfixklu kompetizzjoni effettiva jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq komuni. It-tali indikazzjoni teżisti b’mod partikolari meta s-sehem tas-suq tal-impriżi konċernati ma jaqbiżx il-25 % la fis-suq komuni u lanqas f’parti sostanzjali minnu.

150    F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkonstatat li, fir-rigward tas-swieq tax-xiri tal-ħnieżer għall-qatla, wara l-konċentrazzjoni, il-partijiet li jagħmlu parti minnha għandhom, fit-total, sehem tas-suq li huwa inqas minn 30 % f’kull wieħed mit-tlett iswieq rilevanti (punt 47 tad-deċiżjoni kkontestata). Wara din il-konstatazzjoni, il-Kummissjoni żviluppat, fil-punti 48 sa 51 tad-deċiżjoni kkontestata, l-analiżi kompetittiva tagħha billi kkonstatat li, wara l-konċentrazzjoni, is-swieq jibqgħu suffiċjentement maqsuma fil-preżenza ta’ diversi kompetituri li jippossjedu ishma mis-suq bejn 4 u 16 % (punt 49 tad-deċiżjoni kkontestata) u b’kapaċità eċċessiva tal-biċċeriji ta’ madwar 12 % fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ 14 % fil-Belġju u ta’ 28 % fir-reġunijiet tal-Punent tal-Ġermanja.

151    Fir-rigward tas-swieq tax-xiri ta’ majjali nisa ddestinati għall-qatla, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li, wara l-konċentrazzjoni, l-ishma tas-suq huma ulterjorament inqas għoljin, billi huma inferjuri għal 20 % f’kull wieħed mit-tlett iswieq rilevanti (punt 52 tad-deċiżjoni kkontestata). Fid-dawl tas-sehem tas-suq dgħajjef miżmum, kunsiderevolment inqas mil-limitu indikat fil-premessa 32 tar-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni ma kkunsidratx neċessarju li tiżviluppa l-analiżi kompetittiva (punt 53 tad-deċiżjoni kkontestata).

152    Fi tmiem din l-analiżi, il-Kummissjoni għaldaqstant waslet għall-konklużjoni li l-konċentrazzjoni ma kinitx tqajjem problemi ta’ natura kompetittiva fis-swieq tax-xiri ta’ ħnieżer u ta’ majjali nisa ħajjin iddestinati għall-qatla (punt 54 tad-deċiżjoni kkontestata).

153    Il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat li l-argumenti tar-rikorrenti mhumiex ta’ natura li jikkonfutaw l-analiżi kopetittiva tal-Kummissjoni esposta fid-deċiżjoni kkontestata.

154    Fil-fatt, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-argument dwar id-definizzjoni żbaljata tas-swieq rilevanti diġà ġie miċħud fil-kuntest tal-eżami tat-tieni u tat-tielet parti tal-ewwel motiv (ara, rispettivament, il-punti 69 et seq u 79 et seq iktar ’il fuq).

155    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-konstatazzjoni, fil-punt 50 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar l-eżistenza ta’ kapaċità eċċessiva ta’ madwar 12 % fil-biċċeriji Olandiżi, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti stess, fir-rikors u fir-replika, jirrikonoxxu l-eżistenza ta’ din il-kapaċità eċċessiva meta jsostnu li “ċerta marġni ta’ kapaċità (madwar 10 %) hija neċessarja biex tkun tista’ tiġi assorbita l-offerta flutwanti ta’ ħnieżer għal qatla”. F’kull każ, l-eżistenza eventwali ta’ din il-kapaċità eċċessiva fis-suq tikkostitwixxi biss, minkejja li hija sinjifikattiva, fattur ulterjuri fl-analiżi kompetittiva, li tista’ tirrelativizza l-pożizzjoni tal-partijiet fil-konċentrazzjoni fis-suq wara l-konċentrazzjoni.

156    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-elementi msemmija fil-punt 145 iktar ’il fuq u li l-Kummissjoni tidher li injorat fl-analiżi kompetittiva tagħha, għandu jiġi kkonstatat, mingħajr lanqas tiġi kkunsidrata l-kwistjoni dwar l-ammissibbiltà tagħhom imqajma mill-Kummissjoni, li r-rikorrenti la jispjegawx għaliex u b’liema mod l-analiżi ta’ dawn l-elementi kellha twassal lill-Kummissjoni tikkonkludi li l-konċentrazzjoni kienet tostakola b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali tiegħu, u lanqas b’liema mod ieħor il-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-analiżi kompetittiva tagħha tal-konċentrazzjoni minħabba li naqset milli tikkunsidra dawn l-elementi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti mkien ma jissostanzjaw l-allegazzjonijiet tagħhom filwaqt li l-eżistenza ta’ allegati ostakoli fuq l-esportazzjoni li huma jsemmu diġà ġiet eskluża fil-kuntest tal-eżami tat-tielet parti tal-ewwel motiv.

157    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ilment dwar allegata “sovrapożizzjoni ta’ interessi” f’organizzazzjonijiet li jgawdu minn ċerta setgħa fis-suq rilevanti, għandu jiġi osservat li dan ma ġie ssostanzjat minn ebda prova min-naħa tar-rikorrenti u li għaldaqstant għandu jiġi miċħud.

158    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, peress li r-rikorrenti ma tawx prova li l-Kummissjoni kienet wettqet xi żbalji fl-analiżi kompetittiva tagħha tal-effetti tal-konċentrazzjoni, l-ewwel u r-raba’ partijiet tal-ewwel motiv għandhom jiġu miċħuda.

159    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

B –  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-obbligu ta’ diliġenza

160    It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni (Artikolu 253 KE) u tal-obbligu tagħha ta’ diliġenza, jista’ jinqasam fi tliet partijiet.

1.     Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ diliġenza

a)     L-argumenti tal-partijiet

161    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ diliġenza, peress li hija injorat l-argumenti u l-informazzjoni li huma ressqu insostenn tal-argumenti tagħhom matul il-proċedura amministrattiva, billi kkunsidrat affarijiet kompletament differenti jew, minn tal-inqas, billi ma inkludiethomx fl-analiżi tagħha minkejja li dawn kienu l-elementi li fuqhom kellu jiġi bbażat is-suq ġeografiku rilevanti. It-tieni nett, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni kkontestata fuq informazzjoni pprovduta mill-partijiet fil-konċentrazzjoni u minn partijiet terzi li ma kellhomx biżżejjed għarfien jew rappreżentattività, jew li bbażatha fuq ipoteżijiet personali mhux issostanzjati b’mod adegwat, mingħajr ma wettqet studju tas-suq indipendenti wara l-argumenti li huma kienu ressqu kif ukoll inkoerenzi bejn l-informazzjoni li hija kellha. Dan kellu bħala konsegwenza li l-Kummissjoni kienet waslet għal riżultati u għal konklużjonijiet żbaljati. B’mod partikolari, fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ J., ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni ma talbithom ebda informazzjoni fir-rigward tal-kontenut tagħha u li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ittri tagħhom, tal-21 ta’ Diċembru 2004 (ara l-punt 26 iktar ’il fuq).

162    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha tar-rikorrenti f’dan ir-rigward.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 Fuq l-obbligu ta’ diliġenza

163    Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każ fejn l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom setgħa diskrezzjonali, bħal fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq), l-osservanza tal-garanziji mogħtija mis-sistema legali Komunitarja fil-proċeduri amministrattivi għandha importanza ferm iżjed fundamentali. Fost dawn il-garanziji jinsabu, b’mod partikolari, l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni, id-dritt tal-parti kkonċernata li tesponi l-opinjoni tagħha kif ukoll dak li tara li d-deċiżjoni tkun immotivata biżżejjed (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-18 ta’ Settembru 1995, Nölle vs Il‑Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑167/94, Ġabra p. II‑2589, punt 73, u tal-11 ta’ Lulju 1996, Métropole télévision et vs Il-Kummissjoni, T‑528/93, T‑542/93, T‑543/93 u T‑546/93, Ġabra p. II‑649, punt 93, u l-ġurisprudenza ċċitata).

164    Fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha, skont ġurisprudenza stabbilita sew, marġni ta’ diskrezzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq). L-osservanza min-naħa tagħha tal-garanziji mogħtija mis-sistema legali Komunitarja fil-proċeduri amministrattivi, li jinkludu l-obbligu ta’ diliġenza li jimponilha li teżamina b’reqqa u b’imparzjalità l-elementi kollha rilevanti tal-każ ikkonċernat, tieħu għaldaqstant, f’dan il-qasam, ferm iktar importanza (fuq l-importanza tal-osservanza tal-garanziji mogħtija mis-sistema legali Komunitarja fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, Ġabra p. I‑4951, punt 126).

165    Peress li l-Kummissjoni hija suġġetta, f’dan il-qasam, għall-osservanza tal-obbligu ta’ diliġenza fil-kuntest tal-azzjoni tagħha, hija għandha tikkonstata, bir-reqqa neċessarja, l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li minnhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha meta tiġbor il-fatti indispensabbli għall-eżerċizzju ta’ din is-setgħa u li jista’ jkollhom effett sinjifikattiv fuq ir-riżultat tal-proċess ta’ deċiżjoni. L-ewwel nett, dan l-obbligu jimplika li l-Kummissjoni hija marbuta li tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-fatti u l-informazzjoni li jiġu ppreżentati lilha mill-partijiet li qed jinnotifikaw kif ukoll dawk ippreżentati minn terzi oħra li jipparteċipaw attivament fil-proċedura u, it-tieni nett, li hija marbuta, jekk ikun il-każ, li tfittex dawn il-fatti permezz ta’ investigazzjonijiet fis-suq jew ta’ talbiet għal informazzjoni mibgħuta lill-partijiet ikkonċernati fis-suq.

166    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, ir-rekwiżit tal-osservanza mill-Kummissjoni tal-garanziji mogħtija mis-sistema legali Komunitarja fil-proċeduri amministrattivi, u għaldaqstant ukoll dak tal-osservanza tal-obbligu ta’ diliġenza, għandu jiġi interpretat, fid-dawl ta’ dak tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni (ara l-punt 192 iktar ’il quddiem), b’mod kompatibbli mar-rekwiżit imperattiv ta’ ħeffa li jikkaratterizza l-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 139/2004 u li jimponi fuq il-Kummissjoni l-osservanza ta’ termini stretti meta teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tar-Regolament Nru 4064/89, is-sentenza Cementbouw Handel & Industrie vs Il-Kummissjoni, punt 139 iktar ’il fuq, point 39).

167    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi eżaminata l-kritika fformulata mir-rikorrenti fir-rigward tal-allegati ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu ta’ diliġenza.

 Fuq l-allegati ksur tal-obbligu ta’ diliġenza

168    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ diliġenza, l-ewwel nett, peress li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-argumenti u l-informazzjoni li huma ressqu matul il-proċedura amministrattiva, u, it-tieni nett, peress li hija bbażat id-deċiżjoni kkontestata fuq informazzjoni li tirriżulta essenzjalment mill-partijiet fil-konċentrazzjoni jew minn terzi konnessi magħhom u, f’kull każ, fuq informazzjoni mhux ivverifikata biżżejjed permezz ta’ investigazzjoni tas-suq xierqa u indipendenti.

169    Fir-rigward tal-ewwel qasam ta’ din il-parti, jeħtieġ, qabel kollox, li jiġi osservat li, fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jillimitaw irwieħhom li jilmentaw li l-Kummissjoni, b’mod ġenerali, ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi u l-informazzjoni li huma pprovdew matul il-proċedura amministrattiva, mingħajr ma jispeċifikaw preċiżament liema elementi jew informazzjoni rilevanti tal-każ inkwistjoni hija naqset milli tanalizza bir-reqqa u l-imparzjalità neċessarja.

170    Barra minn hekk, l-analiżi tal-proċess kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 79 et seq iktar ’il fuq, fir-rigward tat-tielet parti tal-ewwel motiv, juru, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, li l-Kummissjoni ma injoratx l-elementi u l-informazzjoni li huma ressqu matul il-proċedura amministrattiva, iżda li, bil-kontra, hija ħadet inkunsiderazzjoni dawn l-elementi u informazzjoni u inkludiethom fil-kuntest tal-analiżi tagħha. Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata miċ-ċirkustanza li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni analizzat espliċitament, essenzjalment, l-elementi kollha li r-rikorrenti jallegaw, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, li esponew matul il-proċedura amministrattiva u li, fil-fehma tagħhom, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-analiżi tagħha.

171    B’hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, l-ilment li jikkonċerna n-nuqqas ta’ interkambjabbiltà bejn il-ħnieżer Ġermaniżi u Olandiżi huwa analizzat fil-punti 27 (l-ewwel inċiż) kif ukoll fil-punti 31 u 32; l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ korrelazzjoni bejn il-varjazzjonijiet fid-differenza fil-prezz tax-xiri u l-volum tal-esportazzjonijiet huwa kkunsidrat fil-punti 36 sa 38 tagħha; il-konsegwenzi tal-mard epiżootiku huma analizzati fil-punti 27 (it-tielet inċiż) u 43 tagħha; l-allegati rekwiżiti veterinarji u l-allegati spejjeż addizzjonali oħra huma analizzati fil-punt 27 (it-tieni inċiż) tagħha u l-punti 33 sa 35 tagħha; il-kwistjoni tad-distanzi ta’ trasport hija kkunsidrata fil-punt 26 tagħha; il-preċedenti tal-Kummissjoni fis-settur inkwistjoni jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-punt 17 tagħha; il-kwistjoni li tikkonċerna l-kapaċità eċċessiva hija kkunsidrata fil-punt 50 tagħha, fil-parti dwar l-analiżi kompetittiva tal-effetti tal-konċentrazzjoni. Fl-aħħar nett, fil-punti 29, 39 u 40 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkunsidra l-argument ibbażat fuq it-tul tal-kuntratti ta’ provvista, imsemmija mir-rikorrenti matul il-laqgħa tal-10 ta’ Diċembru 2004, u mhux imqajma fil-kuntest ta’ din il-kawża. Min-naħa l-oħra, la mill-proċess u lanqas mill-allegazzjonijiet tar-rikorrenti ma jirriżulta li huma kienu ressqu espliċitament matul il-proċedura amministrattiva l-ilmenti dwar id-distanzi ta’ trasport inferjuri għal raġġ ta’ 150 km meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni u tal-eżistenza ta’ pressjoni politika biex jitnaqqas it-tul tat-trasport ta’ annimali ħajjin.

172    Għaldaqstant l-ilmenti tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda.

173    Fir-rigward tat-tieni qasam ta’ din il-parti, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti jikkontestaw kemm l-ewwel “investigazzjoni tas-suq”, imsemmija fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, magħmula mill-Kummissjoni billi bagħtet kwestjonarju lil diversi persuni involuti fis-suq, kif ukoll dik li l-Kummissjoni ssejjaħ “investigazzjoni ulterjuri” fil-punti 30 et seq tad-deċiżjoni kkontestata, li saret sabiex tiġi evalwata r-rilevanza tal-elementi u tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti. B’mod partikolari, l-investigazzjoni ulterjuri hija, skont ir-rikorrenti “vvizzjata” u “mhux rappreżentattiva” sa fejn din saret esklużivament minn dikjarazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet fil-konċentrazzjoni jew minn terzi konnessi magħha.

174    Fir-rigward tal-ewwel “investigazzjoni tas-suq”, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li, fil-proċeduri ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni, wara li tirċievi n-notifika, normalment twettaq investigazzjoni, skont is-setgħat mogħtija lilha mir-Regolament Nru 139/2004, sabiex tifhem aħjar kif jaħdmu s-swieq rilevanti u sabiex tikseb informazzjoni dwar is-sitwazzjoni kompetittiva f’dawn is-swieq. Din l-investigazzjoni tista’ b’mod partikolari tikkonsisti f’li jintbagħat kwestjonarju lill-impriżi jew lil entitajiet oħra, bħal assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jew assoċjazzjonijiet professjonali, li jkollhom għarfien iddettaljat dwar is-swieq inkwistjoni.

175    Madankollu, mill-proċess jirriżulta li, f’dan il-każ, l-investigazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni kellha portata kunsiderevoli, sa fejn kważi 200 persuni involuti fis-suq kienu involuti fiha. Barra minn hekk, il-kwestjonarju mibgħut lid-diversi operaturi fis-suq kien jinkludi 36 mistoqsijiet iddettaljati ferm dwar is-swieq rilevanti kif ukoll l-analiżi kompetittiva tal-effetti tal-konċentrazzjoni. Fosthom, 14 kienu jikkonċernaw is-suq tax-xiri ta’ ħnieżer ħajjin iddestinati għall-qatla u 6 oħra kienu jitrattaw speċifikament il-portata tas-suq ġeografiku u, b’mod partikolari, il-kwistjonijiet tad-distanza tat-trasport, id-dimensjoni nazzjonali tas-suq, tar-reġjuni proposti mill-partijiet fil-konċentrazzjoni bħala ċentru ta’ żona ta’ 150 km u l-ispejjeż tat-trasport. L-NVV irċieva dan il-kwestjonarju u wieġbu.

176    Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li l-Kummissjoni ma wettqitx investigazzjoni adegwata sabiex tikkonstata l-elementi rilevanti tal-każ inkwistjoni, b’mod partikolari fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq ġeografiku għas-swieq tax-xiri tal-ħnieżer u tal-majjali nisa ddestinati għall-qatla. Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li d-deċiżjoni kkontestata mkien ma tippermetti li jiġi ddeterminat liema elementi kienu qed jiġu trattati mill-investigazzjoni tas-suq, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni, f’numru ta’ punti tagħha, tirreferi b’mod preċiż għall-persuni kkonċernati li pprovdew l-informazzjoni inkwistjoni (ara b’mod partikolari l-punti 32, 38 u 42 tad-deċiżjoni kkontestata) u, fit-tieni lok, li, f’kull ipoteżi, fil-kuntest ta’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni mhijiex marbuta li tispeċifika fid-dettall id-dokumenti u s-sorsi li fuqhom hija bbażat l-analiżi tagħha sakemm riferimenti speċifiċi ma jkunux neċessarji sabiex ir-raġunament tagħha jiġi espost b’mod ċar u inekwivoku (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tar-Regolament Nru 4064/89, is-sentenza Verband der freien Rohrwerke et vs Il-Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 185).

177    L-argumenti tar-rikorrenti jirreferu, barra minn hekk, għall-“investigazzjoni ulterjuri”, imsemmija fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni wettqet sabiex tevalwa l-validità u r-rilevanza tal-argumenti u tal-elementi li r-rikorrenti stess kienu ressqu matul il-proċedura.

178    F’dan ir-rigward, mill-proċess jirriżulta li, wara t-tweġibiet għall-kwestjonarju u l-laqgħa mar-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet investigazzjoni ulterjuri speċifika fir-rigward tal-argumenti u tal-elementi mressqa mir-rikorrenti. Mill-proċess jirriżulta wkoll li f’din l-“investigazzjoni ulterjuri”, fil-verità, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tibgħat, fl-istess jum tal-laqgħa mar-rikorrenti, posta elettronika lir-rappreżentanti tal-partijiet fil-konċentrazzjoni li kienet tinkludi talba għal informazzjoni fuq il-fatti mressqa mir-rikorrenti matul il-laqgħa, li, fil-fehma tagħhom, kienu jikkostitwixxu ostakoli għall-esportazzjoni. Minħabba l-ħtiġijiet ta’ termini proċedurali estremament qosra, il-Kummissjoni kienet tat terminu strett ħafna lill-partijiet fil-konċentrazzjoni sabiex dawn iwieġbu (jumejn fi tmiem il-ġimgħa).

179    L-għada li ntbagħtet din it-talba għal informazzjoni, ir-rappreżantanti tal-partijiet fil-konċentrazzjoni bagħtu memorandum li fih huma wieġbu punt b’punt għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni billi pprovdew dokumenti addizzjonali insostenn tal-affermazzjonijiet tagħhom. Jumejn wara, ir-rappreżentanti tal-partijiet fil-konċentrazzjoni bagħtu wkoll, insostenn tal-argumenti tagħhom, numru ta’ dikjarazzjonijiet ta’ “partijiet terzi” li kkonfermaw l-affermazzjonijiet tagħhom inklużi fil-memorandum. Wara din l-informazzjoni u dawn id-dikjarazzjonijiet, il-Kummissjoni ma qisitx li kien neċessarju li jsiru kontrolli ulterjuri.

180    Għandu jingħad ukoll li r-rikorrenti jikkontestaw l-iżvolġiment tal-“investigazzjoni ulterjuri” billi jsostnu li l-Kummissjoni bbażat ruħha esklużivament fuq informazzjoni li tirriżulta, essenzjalment, mill-partijiet fil-konċentrazzjoni. Hija għaldaqstant il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tivverifika jekk il-Kummissjoni, meta mexxiet l-investigazzjoni ulterjuri bħal ma ġie deskritt iktar ’il fuq, wettqitx ksur tal-obbligu tagħha ta’ diliġenza, li jimponilha li tikkonstata bir-reqqa u bl-imparzjalità neċessarja l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li minnhom tiddependi s-setgħa diskrezzjonali tagħha.

181    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, li, fil-każ inkwistjoni, għalkemm l-“investigazzjoni ulterjuri” tal-Kummissjoni kienet tillimita ruħha sabiex tibgħat talba għal informazzjoni ulterjuri lill-partijiet fil-konċentrazzjoni, din l-investigazzjoni ulterjuri, madankollu, kienet tikkonċerna biss kwistjoni waħda, id-definizzjoni tas-suq ġeografiku, li dwarha l-Kummissjoni kienet diġà wettqet investigazzjoni tas-suq iddettaljat u li, kif jirriżulta mill-proċess, kienet ipprovdiet riżultati preliminari essenzjalment kompatibbli mad-definizzjoni proposta mill-partijiet fil-konċentrazzjoni, li sussegwentement ġiet adottata fid-deċiżjoni kkontestata. Huwa preċiżament minħabba li ċerti terzi kkwalifikati, b’mod partikolari r-rikorrenti, kienu esprimew pożizzjonijiet differenti li l-Kummissjoni kkunsidrat li kien neċessarju li ssir din l-investigazzjoni ulterjuri, sabiex tevalwa r-rilevanza tal-elementi mressqa minn dawn it-terzi.

182    F’dan il-kuntest, il-fatt li l-Kummissjoni interpellat lill-partijiet fil-konċentrazzjoni sabiex tirċievi l-opinjoni tagħhom fuq il-punti mqajma mhuwiex sorprendenti, sa fejn dawn mhux biss kellhom għarfien iddettaljat tas-swieq, iżda saħansitra kienu l-ewwel partijiet ikkonċernati fl-operazzjoni inkwistjoni u kellhom, f’kull każ, jitqiegħdu f’pożizzjoni, fil-kuntest tad-drittijiet tad-difiża tagħhom, li jesprimu rwieħhom fuq il-kwistjonijiet rilevanti mqajma mit-terzi matul il-proċedura.

183    Issa, f’dan il-każ, il-partijiet fil-konċentrazzjoni ma llimitawx rwieħhom li jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti, iżda ppreżentaw ukoll, insostenn tal-argumenti tagħhom, dikjarazzjonijiet ta’ terzi li joperaw fis-setturi inkwistjoni, li għaldaqstant kienu infurmati sew dwar is-sitwazzjoni fis-swieq inkwistjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mill-proċess ma jirriżultax li l-Kummissjoni kkontrollat l-indipendenza tat-terzi li pprovdew l-informazzjoni insostenn tal-pożizzjonijiet tal-partijiet fil-konċentrazzjoni. Madankollu, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni, minħabba din ir-raġuni, kisritx l-obbligu tagħha ta’ diliġenza, hekk kif ġie ddefinit fil-punti 163 et seq iktar ’il fuq, jeħtieġ li jiġu fformulati l-premessi li ġejjin.

184    Qabel kollox, għandu jiġi osservat li, fid-dawl tar-rekwiżit ta’ ħeffa u tat-termini stretti imposti fuq il-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet, hija ma tistax, fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet li juru l-ineżattezza tal-informazzjoni pprovduta, tkun marbuta li twettaq verifiki fir-rigward tal-informazzjoni kollha li hija tirċievi. Fil-fatt, minkejja li l-obbligu ta’ eżami diliġenti u imparzjali tal-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ma jippermettilhiex li tibbaża ruħha fuq elementi jew informazzjoni li ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala veri, dan ir-rekwiżit ta’ ħeffa jassumi, madankollu, li hija ma tistax tivverifika waħedha, fl-iċken dettall, l-awtentiċità u l-affidabbiltà tal-komunikazzjonijiet kollha mibgħuta lilha, sa fejn il-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet tistrieħ neċessarjament u sa ċertu punt fuq il-fiduċja.

185    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, huma previsti miżuri differenti intiżi sabiex jiskoraġġixxu u jippenalizzaw it-trażmissjoni ta’ informazzjoni ineżatta jew li toħloq ostakoli. Fil-fatt, mhux biss, bħal ma tirrimarka ġustament il-Kummissjoni, il-partijiet li jippreżentaw in-notifika huma suġġetti għall-obbligu li jipprovdulha b’mod sħiħ u onest il-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti għad-deċiżjoni (premessa 5, Artikolu 4(1) u Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 802/2004), obbligu li huwa stabbilit fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 139/2004, iżda l-Kummissjoni tista’ wkoll tirrevoka d-deċiżjoni ta’ kompatibbiltà jekk din id-deċiżjoni hija bbażata fuq indikazzjonijiet ineżatti li għalihom waħda mill-impriżi kkonċernati hija responsabbli jew jekk tkun inkisbet b’qerq [ara l-Artikolu 6(3)(a), u l-Artikolu 8(6)(a) tar-Regolament Nru 139/2004].

186    F’kull każ, għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ ikkonċernat, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 91 et seq iktar ’il fuq, ir-rikorrenti mkien ma jipprovdu prova tal-allegazzjonijiet tagħhom li d-dikjarazzjonijiet ippreżentati matul l-“investigazzjoni ulterjuri” jirriżultaw kważi mingħajr eċċezzjoni mill-partijiet li jaqgħu direttament jew indirettament taħt l-influwenza tal-partijiet fil-konċentrazzjoni u għaldaqstant ikomplu jonqsu milli juru li l-Kummissjoni, billi ma wettqitx kontroll speċifiku fir-rigward tal-indipendenza ta’ dawn it-terzi, kisret l-obbligu tagħha ta’ diliġenza li jimponilha li teżamina bir-reqqa u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ ikkonċernat.

187    Fir-rigward, speċifikament, tad-dikjarazzjoni ta’ J., għandu jiġi osservat, minn naħa, li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-konstatazzjonijiet magħmulin fil-punt 92 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda obbligu li tisma’ lir-rikorrenti fir-rigward tad-dikjarazzjoni tas-segretarju tal-PVVE u, min-naħa l-oħra, li, f’kull każ, l-ittri tal-21 ta’ Diċembru 2004 ma kinux f’pożizzjoni, waħedhom, li jikkontestaw l-analiżi tal-Kummissjoni, peress li d-dikjarazzjoni ta’ J. kienet tikkostitwixxi biss waħda minn bosta provi insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, fejn il-kontenut tiegħu kien jikkorrispondi barra minn hekk għal provi oħrajn.

188    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma kisritx, f’dan il-każ, l-obbligu tagħha ta’ diliġenza u li din il-parti tat-tieni motiv għandha, għaldaqstant, tiġi miċħuda.

2.     Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

a)     L-argumenti tal-partijiet

189    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Kummissjoni ma mmotivatx biżżejjed id-deċiżjoni kkontestata, u lanqas iċ-ċaħda tal-argumenti u tal-elementi li huma ressqu matul il-proċedura amministrattiva. F’dan l-aħħar rigward, b’mod iktar preċiż, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli, minn naħa, esponiet wisq fil-qosor u mhux biżżejjed l-argumenti tagħhom fil-punti 27 sa 29 tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, li ma indikatx b’mod ċar, li jinfthiem u ddettaljat biżżejjed il-motivi ta’ ċaħda ta’ dawn l-argumenti jew, minn tal-inqas, il-motivi li fuqhom hija bbażat ruħha f’din id-deċiżjoni.

190    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

191    Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li tippermetti li l-persuni kkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li l-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari, skont il-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minnu li jingħataw spjegazzjonijiet. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ liġi, peress li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha iżda wkoll tal-kuntest tagħha u anki tar-regoli legali kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, u tat-22 ta’ Ġunju 2004, Il-Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑42/01, Ġabra p. I‑6079, punt 66).

192    Madankollu, l-awtur ta’ dan l-att mhuwiex marbut li jieħu pożizzjoni fuq elementi li b’mod ċar huma sekondarji jew li jantiċipa oġġezzjonijiet potenzjali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-25 ta’ Ottubru 2005, Il-Ġermanja u Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala “Feta”, C‑465/02 u C‑466/02, Ġabra p. I‑9115, punt 106). Barra minn hekk, il-livell ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandu jkun proporzjonat mal-possibbiltajiet materjali u mal-kundizzjonijiet tekniċi jew ta’ terminu li fihom din għandha tittieħed (sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummissjoni, C‑350/88, Ġabra p. I‑395, punt 16; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-1 ta’ Diċembru 1965, Schwarze, 16/65, Ġabra p. 1081, 1096 u 1097). B’hekk, il-Kummissjoni lanqas ma tikser l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni jekk, meta teżerċita s-setgħa tagħha ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, hija ma tinkludix fid-deċiżjoni tagħha motivazzjoni preċiża fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ numru ta’ aspetti tal-konċentrazzjoni li jidhrilha li huma manifestament irrilevanti, insinjifikattivi jew b’mod ċar sekondarji għall-evalwazzjoni ta’ din il-konċentrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 191 iktar ’il fuq, punt 64). Dan ir-rekwiżit ikun fil-fatt diffiċilment kompatibbli mar-rekwiżit ta’ ħeffa u t-termini qosra ta’ proċedura li l-Kummissjoni għandha tosserva meta teżerċita s-setgħa tagħha ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet u li jiffurmaw parti minn ċirkustanzi partikolari ta’ proċeduri ta’ kontroll ta’ dawn il-konċentrazzjonijiet (sentenzi Cementbouw Handel & Industrie vs Il-Kummissjoni, punt 139 iktar ’il fuq, punt 39, u Verband der freien Rohrwerke et vs Il-Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 186).

193    Minn dan jirriżulta li, meta l-Kummissjoni tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni fuq il-bażi tal-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni huwa ssodisfat jekk din id-deċiżjoni turi b’mod ċar ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tikkunsidra li l-konċentrazzjoni inkwistjoni, ma tqajjimx dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni jekk ikun il-każ wara tibdiliet magħmula mill-impriżi kkonċernati (sentenza Verband der freien Rohrwerke et vs Il-Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 185).

194    F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni mhijiex obbligata, fil-motivazzjoni ta’ deċiżjonijiet adottati b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004, li tieħu pożizzjoni fuq l-elementi u l-argumenti kollha mqajma quddiemha, inkluż dawk li huma b’mod ċar sekondarji għall-evalwazzjoni li għandha tagħmel, xorta jibqa’ l-fatt li hija għandha tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-18 ta’ Mejju 1962, Geitling et vs L-Awtorità Għolja, 13/60, Ġabra p. 165, 221; tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punt 78; tas-7 ta’ Lulju 1981, Rewe-Handelsgesellschaft Nord u Rewe-Markt Steffen, 158/80, Ġabra p. 1805, punt 26).

195    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li mill-qari tal-punti 12 sa 54 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar is-swieq tax-xiri tal-ħnieżer u tal-majjali nisa ddestinati għall-qatla, jidhru b’mod ċar u inekwivoku r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni kkunsidrat li l-konċentrazzjoni ma qajmitx, f’dawn is-swieq, dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. Dawn il-punti ppermettew lill-Qorti tal-Prim’Istanza li teżerċita s-setgħa ta’ stħarriġ tagħha wara kontestazzjonijiet differenti mqajma mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

196    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-punt 171 iktar ’il fuq, fil-punti 26 sa 43 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet l-elementi u l-argumenti kollha invokati mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva, u ħadet pożizzjoni b’mod iddettaljat essenzjalment fir-rigward tagħha, billi spjegat għal kull wieħed minn dawn l-argumenti l-kontenut tagħhom kif ukoll ir-raġunijiet għaċ-ċaħda tagħhom.

197    Għaldaqstant, il-parti bbażata fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tiġi miċħuda peress li hija nieqsa minn fondatezza.

3.     Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ

a)     L-argumenti tal-partijiet

198    Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jsostnu, diversi drabi, li l-Kummissjoni ma ppermettietilhomx li jispjegaw biżżejjed l-opinjoni tagħhom matul il-proċedura amministrattiva. Ir-rikorrrenti jsostnu, b’mod partikolari, li, matul il-laqgħa tal-10 ta’ Diċembru 2004, huma ma nstemgħux b’attenzjoni suffiċjenti, li fil-verità ma kellhomx l-opportunità li jesponu l-pożizzjonijiet tagħhom, li r-rappreżentanti tal-Kummissjoni kkomunikaw biss bl-Ingliż u li, b’hekk, huma ma kinux f’pożizzjoni li jiddefendu l-opinjoni tagħhom b’mod komplet u li jinftiehem.

199    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

200    Għandu jiġi osservat li, billi sostnew li l-Kummissjoni ma tathomx l-opportunità li jesponu biżżejjed l-argumenti tagħhom matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, ksur tad-dritt għal smigħ.

201    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li fil-kuntest tal-proċedura ta’ kontroll Komunitarju tal-konċentrazzjonijiet l-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 139/2004 u l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 802/2004 espliċitament jagħtu d-dritt għal smigħ lil terzi, bħar-rikorrenti, li jiġġustifikaw biżżejjed interess.

202    Dawn it-terzi għandhom id-dritt għal smigħ mill-Kummissjoni, fuq talba tagħhom, sabiex jesponu l-opinjoni tagħhom fuq l-effetti li jikkawżaw preġudizzju li l-pjan ta’ konċentrazzjoni nnotifikat jista’ jkollu fir-rigward tagħhom, dritt li għandu madankollu jimxi, minn naħa, mal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet fil-konċentrazzjoni u, min-naħa l-oħra, mal-għan prinċipali tar-regolament, li huwa li tiġi żgurata l-effiċjenza tal-kontroll u ċ-ċertezza legali tal-impriżi suġġetti għall-applikazzjoni tiegħu. Huwa għaldaqstant fil-kuntest ta’ din is-sistema ta’ protezzjoni tad-drittijiet rispettivi tal-partijiet ikkonċernati u ta’ terzi li għandu jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, ġewx miksura d-drittijiet tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tas-27 ta’ Novembru 1997, Kayserberg vs Il-Kummissjoni, T‑290/94, Ġabra p. II‑2137, punti 109 u 110).

203    F’dan ir-rigward, mill-proċess jirriżulta li NVV u NBHV għamlu użu sħiħ mill-possibbiltà mogħtija lil terzi li jipparteċipaw fil-proċedura amministrattiva u li jesprimu l-opinjoni tagħhom fuq il-konċentrazzjoni.

204    Fil-fatt, fir-rigward ta’ NVV, huwa rċieva l-kwestjonarju mibgħut mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni tagħha tas-suq u, fuq talba tiegħu, dan il-kwestjonarju intbagħat lilu wkoll fil-verżjoni Olandiża. Fit-2 ta’ Diċembru 2004, huwa bagħat it-tweġiba tiegħu għal dan il-kwestjonarju fejn wera fid-dettall l-argumenti tiegħu, billi ppreżenta numru ta’ annessi insostenn tagħhom. Barra minn hekk, fl-10 ta’ Diċembru 2004, huwa pparteċipa f’laqgħa li fiha huwa kien ġie mistieden mill-Kummissjoni, flimkien ma’ NBHV, jiżviluppa b’mod orali l-argumenti tiegħu. Fl-aħħar nett, fil-21 ta’ Diċembru 2004, huwa bagħat ittra oħra lill-Kummissjoni, fejn ikkontesta l-kontenut tad-dikjarazzjoni ta’ J.

205    Fir-rigward ta’ NBHV, hija bagħtet l-ewwel ilment tagħha permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Novembru 2004, wara l-komunikazzjoni ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, li permezz tagħha l-Kummissjoni kienet stiednet lil terzi kkonċernati sabiex jagħtu l-opinjoni tagħhom fuq il-konċentrazzjoni (ara l-punt 21 iktar ’il fuq). Sussegwentement, hija pparteċipat fil-laqgħa tal-10 ta’ Diċembru 2004 mal-Kummissjoni, li warajha hija bagħtet ittra oħra, fis-16 ta’ Diċembru 2004, sabiex tikkjarifika b’mod partikolari l-oġġezzjonijiet kontra l-konċentrazzjoni li hija kienet ifformulat matul il-proċedura amministrattiva, u b’mod partikolari matul din il-laqgħa. Fl-aħħar nett, NBHV bagħtet ukoll, fil-21 ta’ Diċembru 2004, ittra lill-Kummissjoni sabiex tikkontesta l-kontenut tad-dikjarazzjoni ta’ J.

206    F’dawn iċ-ċirkustanzi, NVV u NBHV ma jistgħux jilmentaw li matul il-proċedura amministrattiva l-Kummissjoni ma tathomx il-possibbiltà li jispjegaw biżżejjed l-opinjoni tagħhom.

207    Madankollu, ir-rikorrenti jikkontestaw, speċifikament, l-iżvolġiment tal-laqgħa tal-10 ta’ Diċembru 2004. Huma jsostnu li, matul din il-laqgħa, huma ma ngħatawx biżżejjed attenzjoni meta nstemgħu u li fil-verità huma ma kellhomx l-opportunità li juru l-opinjoni tagħhom b’mod komplet u li jinftiehem, u dan ukoll peress li r-rappreżentanti tal-Kummissjoni kienu jitkellmu biss bl-Ingliż.

208    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti huma ġenerali ħafna u li dawn tal-aħħar baqgħu ma ssostanzjawhomx biżżejjed, skont id-dritt, bħal pereżempju naqsu milli jippreċiżaw liema huma l-argumenti li l-Kummissjoni ma semgħetx kif kellha tagħmel u liema huma dawk li ma kellhomx l-opportunità li jiżviluppaw biżżejjed.

209    Fit-tieni lok, analiżi fil-fond tal-fajl turi li l-Kummissjoni tabilħaqq ħadet inkunsiderazzjoni l-argumenti li r-rikorrenti kienu sostnew matul il-laqgħa tal-10 ta’ Diċembru 2004. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 25 u 205 iktar ’il fuq, wara din il-laqgħa, NBHV bagħtet, fis-16 ta’ Diċembru 2004, ittra li kienet ġustament intiża li tiċċara l-oġġezzjonijiet li hija kienet għamlet matul il-proċedura amministrattiva kontra l-konċentrazzjoni u, b’mod partikolari, matul din il-laqgħa.

210    Issa, għandu jiġi kkonstatat li s-suġġetti kkunsidrati f’din l-ittra jikkorrispondu fil-parti l-kbira għas-suġġetti li dwarhom il-Kummissjoni talbet informazzjoni ulterjuri fil-posta elettronika li hija bagħtet lill-partijiet fl-istess jum tal-laqgħa tal-10 ta’ Diċembru 2004 sabiex tikseb xi kjarifiki fuq il-punti mqajma mir-rikorrenti fl-ittri tagħhom u li kienu spjegaw b’mod orali matul din il-laqgħa (ara l-punti 24, 204 u 205 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, dawn is-suġġetti jikkorrispondu fil-parti l-kbira wkoll għall-elementi li, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-analiżi tagħha.

211    Fir-rigward taċ-ċirkustanza li l-laqgħa tal-10 ta’ Diċembru 2004 żvolġiet bl-Ingliż pjuttost milli bl-Olandiż, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma rnexxilhomx jispjegaw, la fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom u lanqas fit-tweġibiet tagħhom għal numru ta’ mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza matul is-seduta, l-argumenti u l-elementi li huma ma setgħux jesprimu matul din il-laqgħa minħabba li din żvolġiet bl-Ingliż u li l-Kummissjoni għaldaqstant ma kinitx, għal din ir-raġuni, ħadet inkunsiderazzjoni fl-analiżi tagħha. Barra minn hekk, mill-ittra tas-16 ta’ Diċembru 2004, mibgħuta minn NBHV wara din il-laqgħa, ma jirriżultax li r-rikorrenti lmentaw dwar l-iżvolġiment ta’ din il-laqgħa. B’hekk, minkejja li l-Kummissjoni jmissha tat lir-rikorrenti l-opportunità li jesprimu rwieħhom bl-Olandiż matul din il-laqgħa, għandu jiġi konkluż, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, li dan il-fatt ma kellux effetti dannużi u li jistgħu jinvalidaw il-proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, punt 194 iktar ’il fuq, punt 52).

212    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li NVV u NBHV ma jistgħux jikkritikaw lill-Kummissjoni talli ma tathomx attenzjoni suffiċjenti meta semgħathom jew li ma tathomx l-opportunità li jiddefendu l-opinjoni tagħhom b’mod komplet u li jinftiehem.

213    Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ M. Schep, li wara kollox huwa membru ta’ NVV, bil-kontra ta’ NBHV, huwa ma weġibx għall-komunikazzjoni ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali (ara l-punt 21 iktar ’il fuq) u lanqas ma talab li jinstema’ skont l-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 139/2004 u l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 802/2004. Għaldaqstant huwa ma jistax jikkritika lill-Kummissjoni talli ma tagħtux l-opportunità li jesponi biżżejjed l-argumenti tiegħu matul il-proċedura amministrattiva.

214    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li anki din il-parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

215    Fl-aħħar nett, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura magħmula mir-rikorrenti

216    Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Lulju 2005, ir-rikorrenti talbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tordna, skont l-Artikolu 64(3)(d) tar-Regoli tal-Proċedura, li l-Kummissjoni tippreżenta d-dokumenti jew l-atti kollha li jikkonċernaw il-kawża u sabiex tibgħatilhom kopja ta’ dawn id-dokumenti jew ta’ dawn l-atti. Il-Kummissjoni ssostni li din it-talba għandha tiġi miċħuda.

217    F’dan ir-rigward, u bla ħsara għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ordnata fl-1 ta’ April 2008 (ara l-punt 36 iktar ’il fuq), għandu jitfakkar, qabel kollox, li, skont l-Artikolu 49 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’, f’kull stadju tal-kawża, tiddeċiedi kull miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ istruttorja msemmija fl-Artikoli 64 u 65 tar-Regoli tal-Proċedura. It-talba għall-preżentata ta’ dokumenti tagħmel parti minn dawn il-miżuri.

218    Issa, sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tkun tista’ tiddetermina jekk huwiex utli għall-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura li tordna l-preżentata ta’ ċerti dokumenti, il-parti li titlobhom għandha tidentifika d-dokumenti mitluba u tipprovdi lill-Qorti tal-Prim’Istanza minn tal-inqas minimu ta’ elementi li jikkonfermaw l-utilità ta’ dawn id-dokumenti għall-bżonnijiet tal-kawża (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 93). Qabel kollox, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq dokumenti li għalihom la l-Qorti tal-Prim’Istanza u lanqas ir-rikorrenti ma kellhom aċċess, jeħtieġ madankollu li jiġi osservat li dan is-sempliċi fatt ma jiġġustifikax, fih innifsu, li l-Qorti tal-Prim’Istanza tordna l-preżentata ta’ dokumenti abbażi tal-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, huwa biss jekk ir-rikorrenti juru b’mod plawżibbli li dawn id-dokumenti huma neċessarji għall-finijiet tad-deċiżjoni tal-kawża li tali miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tkun tista’ tiġi ordnata mill-Qorti tal-Prim’Istanza (sentenza Verband der freien Rohrwerke et vs Il-Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 201).

219    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, kif ġiet ifformulata, it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tar-rikorrenti ma tidentifikax id-dokumenti mitluba b’biżżejjed preċiżjoni sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tkun tista’ tevalwa l-utilità tagħhom għall-finijiet tal-istanza u lanqas ma tippreċiża b’mod plawżibbli għalfejn dawn id-dokumenti huma neċessarji u rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni tal-kawża. Għaldaqstant, it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

220    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni u mill-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Nederlandse Vakbond Varkenshouders (NVV), M. Schep u Nederlandse Bond van Handelaren in Vee (NBHV) għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk tal-Kummissjoni u ta’ Sovion NV.

Azizi

Cremona

Frimodt Nielsen

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-7 ta’ Mejju 2009.

Firem

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  Il-partijiet fil-kawża u fil-konċentrazzjoni

II –  Il-proċedura amministrattiva

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

I –  Fuq l-ammissibbiltà

A –  L-argumenti tal-partijiet

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

II –  Fuq il-mertu

A –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 2, 6 u 8 tar-Regolament Nru 139/2004

1.  Fuq in-nuqqas ta’ ċarezza tal-ewwel motiv

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

2.  Fuq il-ksur tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 139/2004

3.  Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegata inklużjoni tal-majjali nisa fid-definizzjoni tas-suq ġeografiku fir-rigward tax-xiri ta’ ħnieżer ħajjin għall-qatla

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

4.  Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, dwar in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi essenzjali għad-definizzjoni tas-suq ġeografiku jew għall-konklużjonijiet żbaljati li jirriżultaw minnhom

a)  Nuqqas ta’ possibbiltà ta’ interkambjabbiltà bejn il-ħnieżer iddestinati għas-suq Ġermaniż u dawk iddestinati għas-suq Olandiż

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

b)  Nuqqas ta’ korrelazzjoni bejn il-varjazzjonijiet fid-differenza tal-prezz ta’ xiri tal-ħnieżer fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Ġermanja u tal-volum tal-esportazzjonijiet bejn dawn iż-żewġ pajjiżi

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

c)  Effetti fuq l-esportazzjonijiet tal-miżuri veterinarji adottati b’konsegwenza ta’ mard epiżootiku

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

d)  Eżistenza ta’ ostakoli oħra għall-esportazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

e)  Distanzi ta’ trasport inferjuri għal raġġ ta’ 150 km meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni u l-eżistenza ta’ pressjoni politika

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

f)  Prassi deċiżjonali preċedenti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

5.  Fuq l-ewwel u r-raba’ partijiet, li jikkonċernaw l-analiżi tal-konċentrazzjoni fid-dawl tad-dritt tal-kompetizzjoni

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

B –  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-obbligu ta’ diliġenza

1.  Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ diliġenza

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-obbligu ta’ diliġenza

Fuq l-allegati ksur tal-obbligu ta’ diliġenza

2.  Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

3.  Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura magħmula mir-rikorrenti

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.