Language of document : ECLI:EU:T:2009:132

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla)

30 ta’ April 2009 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-consoles tal-logħob vidjo (video games) u tal-cartridges tal-logħob Nintendo – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Limitazzjoni tal-esportazzjoni parallela – Prova tal-eżistenza ta’ ftehim intiż sabiex jillimita l-kompetizzjoni parallela – Multi –Trattament differenzjat – Ċirkustanzi attenwanti”

Fil-Kawża T‑18/03,

CD-Contact Data GmbH, stabbilita f’Burglengenfeld (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J. de Pree u R. Wesseling, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn P. Oliver, X. Lewis u O. Beynet, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/675/KE, tat-30 ta’ Ottubru 2002, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (COMP/35.587 PO Video Games, COMP/35.706 PO Nintendo Distribution u COMP/36.321 Omega – Nintendo) (ĠU 2003, L 255, p. 33),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tmien Awla),

komposta minn E. Martins Ribeiro, President, S. Papasavvas u N. Wahl (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Mejju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.     L-impriżi inkwistjoni

1        Nintendo Co., Ltd (iktar ’il quddiem “NCL” jew “Nintendo”), kumpannija kkwotata fil-Borża li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Kyoto (il-Ġappun), hija l-kumpannija li tikkontrolla l-grupp ta’ kumpanniji Nintendo, li jispeċjalizzaw fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ consoles tal-logħob vidjo (video games) u ta’ cartridges tal-logħob li jintużaw ma’ dawn il-consoles.

2        L-attivitajiet ta’ Nintendo fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) huma mmexxija, f’ċerti territorji, minn kumpanniji sussidjarji miżmuma 100 % minnha, filwaqt li l-kumpannija sussidjarja prinċipali hija Nintendo of Europe GmbH (iktar ’il quddiem “NOE” jew “Nintendo”). Fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni, NOE kienet tikkoordina ċerti attivitajiet kummerċjali ta’ Nintendo fl-Ewropa u kienet id-distributur esklużiv tagħha fil-Ġermanja.

3        F’territorji ta’ bejgħ oħra, Nintendo appuntat distributuri esklużivi indipendenti. B’hekk, f’Awwissu 1995, The Games Ltd, taqsima kummerċjali ta’ John Menzies Distribution Ltd, kumpannija sussidjarja miżmuma 100 % minn John Menzies plc, saret id-distributur esklużiv ta’ Nintendo għar-Renju Unit u l-Irlanda, u baqgħet distributur esklużiv mill-inqas sal-31 ta’ Diċembru 1997.

4        Ir-rikorrenti, CD-Contact Data GmbH, kienet, min-naħa tagħha, id-distributur esklużiv ta’ Nintendo fil-Belġju u fil-Lussembrug minn April sa mill-inqas il-31 ta’ Diċembru 1997.

2.     Il-proċedura amministrattiva

 Investigazzjoni dwar is-settur tal-logħob vidjo (Każ IV/35.587 PO Video Games)

5        F’Marzu 1995, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni dwar is-settur tal logħob vidjo (Każ IV/35.587 PO Video Games). Fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni bagħtet, fis-26 ta’ Ġunju u fid-19 ta’ Settembru 1995, talbiet għal informazzjoni lil Nintendo, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-Ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat [KE] (ĠU 1962, 13, p. 204), sabiex tikseb informazzjoni b’mod partikolari dwar id-distributuri u s-sussidjarji tagħha, dwar il-ftehim ta’ distribuzzjoni formalment konklużi ma’ dawn l-impriżi u dwar il-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ. NOE wieġbet għal dawn it-talbiet permezz ta’ ittri tal-31 ta’ Lulju u tas-26 ta’ Settembru 1995.

 Investigazzjoni addizzjonali speċifikament dwar is-sistema ta’ distrubuzzjoni ta’ Nintendo (Każ IV/35.706 PO Nintendo Distribution)

6        B’riżultat tal-konklużjonijiet preliminari tagħha, il-Kummissjoni bdiet, f’Settembru 1995, investigazzjoni addizzjonali speċifikament dwar is-sistema ta’ distribuzzjoni ta’ Nintendo (Każ IV/35.706 PO Nintendo Distribution).

7        Fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni, fid-9 ta’ Ottubru 1995, bagħtet talba għal informazzjoni lil Nintendo. Saru diversi laqgħat dwar il-politika ta’ distribuzzjoni ta’ Nintendo bejn ir-rappreżentanti ta’ Nintedo u l-Kummissjoni. Barra minn hekk, Nintendo pprovdiet diversi verżjonijiet tal-ftehim li hija kkonkludiet ma’ wħud mid-distributuri tagħha.

 Investigazzjoni b’riżultat tal-ilment li sar minn Omega Electro BV (Każ IV/36.321 Omega – Nintendo)

8        Fis-26 ta’ Novembru 1996, Omega Electro, kumpannija li topera fis-settur tal-importazzjoni u l-bejgħ tal-logħob elettroniku, għamlet ilment skont l-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament Nru 17, li essenzjalment kien jikkonċerna d-distribuzzjoni tal-cartridges u tal-consoles tal-logħob Nintendo, minħabba li, b’mod partikolari, Nintendo kienet qiegħda tostakola l-kummerċ parallel u kienet tuża sistema ta’ prezz impost għall-bejgħ mill-ġdid fl-Olanda. B’riżultat ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni estendiet l-investigazzjoni tagħha (Każ IV/36.321 Omega – Nintendo). Fis-7 ta’ Marzu 1997, hija bagħtet talba għal informazzjoni lil Nintendo u lil John Menzies. Fir-risposta tagħha tas-16 ta’ Mejju 1997, Nintendo ammettiet li wħud mill-ftehim ta’ distribuzzjoni tagħha u wħud mill-kundizzjonijiet ġenerali tagħha kellhom restrizzjonijiet għall-kummerċ parallel fiż-ŻEE. F’Ottubru 1997, il-Kummissjoni bagħtet talba ġdida għal informazzjoni lil John Menzies, li għaliha din tal-aħħar wieġbet fl-1 ta’ Diċembru 1997 billi pprovdiet ċerta informazzjoni dwar l-akkordju kontenzjuż.

9        Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Diċembru 1997, Nintendo indikat lill-Kummissjoni li hija kienet saret taf bi “problema serja relatata mal-kummerċ parallel fil-Komunità” u esprimiet ix-xewqa tagħha li tikkoopera mal-Kummissjoni.

10      Fit-13 ta’ Jannar 1998, John Menzies pprovdiet iktar informazzjoni. Fil-21 ta’ Jannar, fl-1 ta’ April u fil-15 ta’ Mejju 1998, Nintendo bagħtet lill-Kummissjoni mijiet ta’ dokumenti. Fil-15 ta’ Diċembru 1998 saret laqgħa bejn il-Kummissjoni u r-rappreżentanti ta’ Nintendo li fiha tqajmet il-kwistjoni tal-eventwali għoti ta’ kumpens lil terzi ppreġudikati mill-akkordju kontenzjuż.

11      Barra minn hekk, b’riżultat tal-ammissjoni tagħha, Nintendo ħadet miżuri sabiex fil-futur tiġi ggarantita l-osservanza tad-dritt Komunitarju u offriet kumpens finanzjarju lil terzi li kienu ġarrbu preġudizzju finanzjarju minħabba l-aġir tagħha.

12      Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Ġunju 1999, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti tindikalha jekk id-dokumenti li kienu jikkonċernawha u li kienu jinsabu fil-fajls tal-Kummissjoni kellhomx informazzjoni kunfidenzjali. F’din l-ittra ġie indikat ukoll li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tibda proċedura formali kontra ċerti kumpanniji, fosthom ir-rikorrenti.

13      Fis-26 ta’ April 2000, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil Nintendo u lill-kumpanniji kkonċernati l-oħra, li fosthom kien hemm ir-rikorrenti, fir-rigward ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”). Nintendo u l-impriżi kkonċernati l-oħra bagħtu, b’risposta għall-oġġezzjonijiet indikati mill-Kummissjoni, noti ta’ osservazzjonijiet li fihom Nintendo u numru minn dawn l-impriżi talbu l-applikazzjoni tal-Avviż tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Lulju 1996 dwar in-non-impożizzjoni ta’ multi u t-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ akkordji bejn l-impriżi (ĠU C 207, p. 4, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni”). Ebda parti ma talbet li tinżamm seduta formali. Nintendo ma kkontestatx il-verità tal-fatti deskritti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

14      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tar-rikorrenti, ir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet intbagħtet lill-Kummissjoni fit-13 ta’ Lulju 2000. Fis-16 ta’ Ottubru 2000 inżammet laqgħa informali bejn ir-rikorrenti u s-servizzi tal-Kummissjoni. Wara din il-laqgħa, ir-rikorrenti ppreżentat, fis-6 ta’ Novembru 2000, risposta supplimentari għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

3.     Id-deċiżjoni kkontestata

15      Fit-30 ta’ Ottubru 2002, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2003/675/KE, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (COMP/35.587 PO Video Games, COMP/35.706 PO Nintendo Distribution u COMP/36.321 Omega – Nintendo) (ĠU 2003, L 255, p. 33, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni”). Id-Deċiżjoni ġiet innotifikata lir-rikorrenti fit-8 ta’ Novembru 2002.

16      Id-deċiżjoni tinkludi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“L-Artikolu 1

L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 81(1) [KE] u l-Artikolu 53(1) tal Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, għall-perijodi indikati, f’numru ta’ ftehim u ta’ prattiki miftehma, fis-swieq tal-consoles tal-logħob speċjalizzati u tal-cartridges tal-logħob kompatibbli mal consoles tal-logħob speċjalizzati mmanifatturati minn Nintendo, li għandhom bħala għan u effett li jirrestrinġu l-esportazzjoni parallela tal-consoles u tal-cartridges tal-logħob Nintendo:

[…]

–        [ir-rikorrenti], mit-28 ta’ Ottubru 1997 sal-aħħar ta’ Diċembru 1997.

[…]

L-Artikolu 3

Il-multi li ġejjin huma imposti bħala penali għall-ksur imwettaq mill-impriżi msemmija fl-Artikolu 1:

[…]

–        [ir-rikorrenti], multa ta’ EUR 1 miljun.

[…]”

17      Fir-rigward tal-avvenimenti li seħħew fil-Belġju u fil-Lussemburgu, il-Kummissjoni tirrileva b’mod partikolari li “[k]ien ċar [għar-rikorrenti] li hija kellha tara li l-klijenti tagħha ma kinux qegħdin joperaw esportazzjonijiet paralleli”. Dan jirriżulta minn faks indirizzat lil NOE mir-rikorrenti fit-28 ta’ Ottubru 1997 li permezz tagħha hija tat l-assigurazzjoni tagħha li ma kien ser ikun hemm ebda esportazzjoni (ara l-premessi 195 u 196 tad-Deċiżjoni). Skont il-Kummissjoni, din l-ittra, li kienet intiża bħala risposta għal ittra ta’ NOE li permezz tagħha din tal-aħħar staqsietha jekk wieħed mill-klijenti tagħha setax biegħ xi prodotti Nintendo lil klijenti ta’ Nintendo France SARL, turi li r-rikorrenti u Nintendo “kienu waslu għal ‘qbil ta’ intenzjonijiet’ fuq il-fatt li ma kellux ikun hemm esportazzjonijiet […] u li [ir-rikorrenti] kienet tissorvelja l-kunsinni lill-klijenti […] li fir-rigward tagħhom seta’ jkun hemm suspett li kienu qegħdin jesportaw” (ara l-premessa 317 tad-Deċiżjoni).

18      Il-Kummissjoni ssemmi wkoll il-fatt li, minn Settembru sa Diċembru 1997, ir-rikorrenti kellha skambju ta’ korrispondenza ma’ NOE fuq l-importazzjonijiet paralleli fit-territorju tagħha sabiex tinstab soluzzjoni għal din il-“problema” (ara l-premessa 197 tad-Deċiżjoni).

19      Sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-multi, il-Kummissjoni applikat, fid-Deċiżjoni, il-metodu spjegat fil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida”). Għall-kuntrarju, hija ddeċidiet li ma tapplikax l-Avviż dwar il kooperazzjoni minħabba n-natura vertikali tal-ksur.

20      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ddeterminat l-ammont bażiku tal-multi skont il-gravità u t-tul tal-ksur.

21      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, l-ewwel nett, ikkunsidrat li l-impriżi kkonċernati kienu wettqu ksur gravi ħafna fid-dawl tan-natura tiegħu, tal-effetti konkreti tiegħu fuq is-suq u tad-daqs tas-suq ġeografiku kkonċernat.

22      It-tieni nett, il-Kummissjoni kkunsidrat li, peress li l-ksur wieħed u kontinwu inkwistjoni kien jikkonċerna diversi impriżi ta’ daqs differenti ħafna, l-impriżi kkonċernati kellhom jingħataw trattament differenzjat sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku ta’ kull waħda minnhom u, għalhekk, tal-effetti reali tal-aġir illegali tagħhom fuq il-kompetizzjoni. Għal dan il-għan, l-impriżi inkwistjoni tqassmu fi tliet gruppi, skont l-importanza relattiva ta’ kull waħda minnhom fil-konfront ta’ Nintendo, bħala distributur tal-prodotti kkonċernati fiż-ŻEE. Dan il-paragun sar b’riferiment għas-sehem ta’ kull impriża fil-volum totali tal-consoles u tal-cartridges tal-logħob Nintendo mixtrija sabiex jiġu ddistribwiti fiż-ŻEE fl-1997, l-aħħar sena li fiha kien hemm il-ksur. Abbażi ta’ dan, Nintendo biss tpoġġiet fl-ewwel grupp filwaqt li John Menzies biss tpoġġiet fit-tieni grupp. Għal dawn l-impriżi, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammont inizjali preliminari fir-rigward tal-gravità bħala EUR 23 miljun fil-każ ta’ Nintendo u bħala EUR 8 miljuni fil-każ ta’ John Menzies. Fir-rigward tal-impriżi l-oħra kkonċernati, ġie stabbilit ammont inizjali preliminari ta’ EUR 1 miljun.

23      Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat li l-multa jkollha effett suffiċjentement dissważiv, minn naħa, u sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi totali ta’ Nintendo, ta’ John Menzies u ta’ Itochu Corp., min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni żiedet dawn l-ammonti inizjali. B’mod iktar speċifiku, fir-rigward ta’ Nintendo, il-Kummissjoni kkunsidrat li minbarra d-daqs tagħha, li huwa ħafna iżgħar minn dak ta’ Itochu, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li hija kienet tipproduċi l-prodotti li kienu s-suġġett tal-ksur. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni applikat koeffiċjent multiplikatur ta’ 3 għall-ammonti stabbiliti għal Nintendo u għal Itochu, u ta’ 1.25 għal John Menzies, b’tali mod li l-ammonti inizjali ġew stabbiliti għal EUR 69 miljun fil-każ ta’ Nintendo, għal EUR 10 miljuni fil-każ ta’ John Menzies u għal EUR 3 miljuni fil-każ ta’ Itochu.

24      Fir-rigward tad-dewmien tal-ksur imwettaq minn kull impriża, l-ammont inizjali ġie miżjud b’10 % fis-sena. Peress li r-rikorrenti pparteċipat fil-ksur għal ftit iktar minn xahrejn biss, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ammont inizjali tal-multa li kellha tiġi imposta fuqha ma kellux jiżdied.

25      Konsegwentement, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti bħala EUR 1 miljun.

26      Fit-tieni lok, fir-rigward taċ-ċirkustanzi aggravanti, l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Nintendo ġie miżjud, minn naħa, b’50 % minħabba li din l-impriża kellha rwol ta’ mexxej fil-ksur jew ta’ provokatur tal-ksur u, min-naħa l-oħra, b’25 % minħabba li hija kienet kompliet bil-ksur wara l-ewwel atti ta’ investigazzjoni li saru f’Ġunju 1995 fil-kuntest tal-investigazzjoni mill-Kummissjoni. L-ammont bażiku tal-multa imposta fuq John Menzies ġie miżjud b’20 %, żieda li tikkorrispondi, l-ewwel nett, għal żieda ta’ 10 % sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li hija kienet kompliet bil-ksur wara l-bidu tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni u, it-tieni nett, għal żieda ta’ 10 % minħabba li rrifjutat li tikkoopera mal-Kummissjoni.

27      Fit-tielet lok, fil-kuntest tal-eżami taċ-ċirkustanzi attenwanti, il-Kummissjoni, l-ewwel nett, ikkunsidrat li kien ġustifikat li titnaqqas il-multa imposta fuq waħda mill-impriżi kkonċernati, jiġifieri Concentra – Produtos para crianças, SA (iktar ’il quddiem “Concentra”), distributur esklużiv ta’ Nintendo għall-Portugal, minħabba r-rwol esklużivament passiv tagħha fil-biċċa l-kbira tal-perijodu inkwistjoni. Il-Kummisjoni, it-tieni nett, tat lil Nintendo tnaqqis ta’ EUR 300 000, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-kumpens finanzjarju offert minn din l-impriża lil terzi ppreġudikati mill-akkordju kontenzjuż u li kienu ġew identifikati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fl-aħħar nett, ingħata tnaqqis ta’ 40 % u ta’ 25 % lil John Menzies u lil Nintendo rispettivament fid-dawl tal-kooperazzjoni effettiva tagħhom mal-Kummissjoni. Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-impriżi kkonċernati l-oħra ma ġiet rikonoxxuta ebda ċirkustanza attenwanti.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

28      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-17 ta’ Jannar 2003, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

29      Abbażi tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

30      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tal-21 ta’ Mejju 2008.

31      Waqt din is-seduta, il-Kummissjoni ppreżentat, fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, numru ta’ dokumenti, li dwarhom ir-rikorrenti ġiet mistiedna tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-26 ta’ Mejju 2008, ir-rikorrenti indikat li ma kellhiex osservazzjonijiet x’tagħmel fuq l-imsemmija dokumenti. Wara l-preżentazzjoni ta’ din l-ittra, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li kien hemm lok li tingħalaq il-proċedura orali.

32      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza:

–        tannulla d-deċiżjoni sa fejn hija indirizzata lilha, totalment jew parzjalment, b’mod partikolari l-Artikoli 1 u 3;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

33      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

34      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE, tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. It-tieni motiv huwa bbażat fuq -ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità kif ukoll fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

35      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti sostniet ukoll li, fid-dawl tad-dewmien tal-proċedura kemm amministrattiva kif ukoll dik kontenzjuża, l-ammont tal-multa imposta fuqha għandha, mill-inqas, tiġi mnaqqsa.

1.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE, tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

36      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi, fuq il-bażi tad-dokumenti li hija ċċitat fid-Deċiżjoni, li kienu jeżistu ftehim jew prattiki miftiehma bejnha u Nintendo. Għaldaqstant, il-Kummissjoni mhux biss wettqet applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 81 KE, iżda kisret ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha mill-Artikolu 253 KE.

37      Hija ssostni, fl-ewwel lok, li l-ftehim ta’ distrubuzzjoni li hija kkonkludiet ma’ Nintendo fix-xahar ta’ April 1997 ippermetta, skont l-Artikolu 4.6 tiegħu, l-“esportazzjonijiet passivi” u ma kien fih ebda klawżola li tillimita l-kummerċ bi ksur tal-Artikolu 81 KE.

38      Ir-rikorrenti tfakkar, fit-tieni lok, li hija qatt ma kkonkludiet jew ipparteċipat fi ftehim intiż sabiex jostakola l-kummerċ parallel. F’dan ir-rigward hija ssostni li hija kienet tesporta b’mod passiv u fuq skala kbira l-prodotti ta’ Nintendo u li hija kienet tipprovdi dawn il-prodotti b’għarfien tal-intenzjoni tal-klijenti li jew kienu jbiegħu mill-ġdid l-imsemmija prodotti lil klijenti stabbiliti barra mill-Belġju u mil-Lussemburgu jew kienu stabbiliti huma stess barra dawn it-territorji. L-inkartament tal-Kummissjoni ma kien fih ebda element li jindika li l-klijenti tar-rikorrenti kienu ġew ikkonfrontati b’rifjut ta’ kunsinna minħabba l-fatt li kienu jinsabu barra l-imsemmija territorji jew li l-prodotti kkunsinnati kienu se jkunu sussegwentement esportati.

39      Ir-rikorrenti targumenta li kienet teżisti differenza ċara bejn il-fatti li jikkonċernawha u dawk li jikkonċernaw id-distributuri l-oħra destinatarji tad-Deċiżjoni. Fil-fatt, il-portata tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward l-aġir tagħha hija limitata ħafna. Il-konklużjoni tal-Kummissjoni li provi suffiċjenti ppermettew li jiġi konkluż li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fi ftehim jew fi prattika miftiehma ma’ Nintendo sabiex jillimitaw l-esportazzjonijiet paralleli, jidher li hija pjuttost ibbażata fuq il-konstatazzjonijiet dwar il-politika ta’ Nintendo fir-rigward tad-distribuzzjoni fil-bidu tas-snin 90 milli fuq evalwazzjoni speċifika u oġġettiva tad-dokumenti li jikkonċernaw lir-rikorrenti.

40      Ir-rikorrenti ssostni b’mod partikolari li l-Kummissjoni kienet naqset milli tikkunsidra l-fatt li kien biss f’April 1997 li hija saret distributur tal-prodotti inkwistjoni, jiġifieri matul il-perijodu li fih Nintendo rrevediet il-politika ġenerali tagħha rigward id-distribuzzjoni u ppruvat tikkonforma ruħha mar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni. F’tali kuntest, ma kienx biżżejjed għall-Kummissjoni li tibbaża ruħha fuq il-konvinzjoni li d-distributuri l-ġodda ġew sempliċiment integrati fil-pjan ta’ distribuzzjoni implementat preċedentement.

41      Fil-każ preżenti, ma teżisti ebda prova li turi l-eżistenza ta’ qbil ta’ intenzjonijiet bejn ir-rikorrenti u Nintendo jew ta’ kunsens, taċitu jew espliċitu, tar-rikorrenti għall-politika unilaterali ta’ Nintendo. Il-Kummissjoni injorat ir-rekwiżiti rigward il-livell ta’ prova ta’ ftehim imposti mill-ġurisprudenza. Ir-rikorrenti ssostni li, kif sostniet ukoll fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-fatturi li jwasslu għall-konklużjoni li jeżisti ftehim orizzontali ma jistgħux, f’kull każ, jiġu kkunsidrati bħala suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ftehim vertikali. Ir-rikorrenti tikkunsidra b’mod partikolari li, jekk il-kuntatti bejn il-fornituri u d-distributuri huma loġiċi u aċċettabbli mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni, dan ma japplikax għar-rapporti orrizontali bejn il-kompetituri.

42      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-provi tal-eżistenza ta’ ostakolu għall-esportazzjonijiet paralleli mill-Belġju u mil-Lussemburgu, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dokument wieħed, jiġifieri faks indirizzata lil NOE mir-rikorrenti fit-28 ta’ Ottubru 1997. Issa, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni għamlet qari parzjali u kontestabbli ta’ dan id-dokument. Permezz ta’ din il-faks, ir-rikorrenti xtaqet sempliċement tinforma lil Nintendo li l-bejgħ imwettaq lejn is-suq Franċiż, li fir-rigward tiegħu Nintendo kienet ilmentat, ma setax jiġi analizzat fil-fatt bħala “bejgħ attiv” minn grossista stabbilit fil-Belġju. L-imsemmija faks kienet tirreferi biss għad-deċiżjoni “unilaterali” tar-rikorrenti li tqassam id-distribuzzjoni tal-prodotti, fid-dawl tal-kwantitajiet limitati li kellha għad-dispożizzjoni tagħha. Għall-kuntrarju, ma kien hemm ebda riferiment għal xi ftehim jew impenn tar-rikorrenti li tillimita l-esportazzjonijiet. Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, minħabba li beżgħat li Nintendo kienet se tillimita l-provvista tagħha jew ittemm il-ftehim tagħha ta’ distribuzzjoni esklużiva, hija setgħet tatha l-impressjoni li ma kinitx tesporta l-prodotti tagħha lejn territorji oħra.

43      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-provi tal-projbizzjoni ta’ importazzjoni parallela lejn il-Belġju u l-Lussemburgu, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni reġgħat ibbażat ruħha fuq qari ppreġudikat u mhux komplet tad-dokumenti inkwistjoni, jiġifieri serje ta’ ittri mibgħuta minnha lil Nintendo. Permezz ta’ dawn l-ittri, ir-rikorrenti kellha sempliċement l-intenzjoni li tiżgura li l-prezz li hija kienet tħallas lil Nintendo għall-prodotti inkwistjoni ma kienx għoli wisq.

44      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-prova tal-eżistenza ta’ prattika miftehma, ir-rikorrenti tqis li d-dokumenti ppreżentati matul il-proċedura amministrattiva juru b’mod ċar li hija ma pparteċipatx fi prattika miftehma li kellha bħala għan li tostakola l-esportazzjonijiet paralleli tal-prodotti Nintendo. B’mod partikolari, ebda wieħed mid-dokumenti ma jindika li r-rikorrenti llimitat il-bejgħ tagħha lil klijenti li jinsabu barra mill-Belġju jew mil-Lussemburgu, ħlief fil-każ fejn ma kellhiex iktar prodotti. Anzi, għall-kuntrarju, dawn id-dokumenti jindikaw li hija kienet esportatur parallel attiv tal-prodotti Nintendo u li kienet tipparteċipa fil-kompetizzjoni parallela tagħhom.

45      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti kollha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

 Fuq l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE

46      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex ikun hemm ftehim, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, huwa meħtieġ u huwa biżżejjed li l-impriżi inkwistjoni jesprimu l-intenzjoni komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod speċifiku (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑7/89, Ġabra p. II‑1711, punt 256, u tas-26 ta’ Ottubru 2000, Bayer vs Il-Kummissjoni, T‑41/96, Ġabra p. II‑3383, punt 67; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punt 112, u tad-29 ta’ Ottubru 1980, van Landewyck et vs Il-Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 86).

47      Għal dak li jikkonċerna l-manifestazzjoni formali tal-imsemmija intenzjoni komuni, huwa biżżejjed li stipulazzjoni tirrifletti l-intenzjoni tal-partijiet li jaġixxu fis-suq skond it-termini tagħha (sentenza Bayer vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 46 iktar ’il fuq, punt 68; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 46 iktar ’il fuq, punt 112, u van Landewyck et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 46 iktar ’il fuq, punt 86).

48      Il-kunċett ta’ ftehim, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, kif ġie interpretat mill-ġurisprudenza, huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ qbil ta’ intenzjonijiet bejn mill-inqas żewġ partijiet. Il-forma ta’ kif jiġi mmanifestat dan il-qbil mhijiex importanti sakemm tkun l-espressjoni fidila tal-qbil. Dan il-qbil ta’ intenzjonijiet jista’ jirriżulta kemm mill-klawżoli ta’ kuntratt, bħalma huwa kuntratt ta’ distribuzzjoni, u kemm mill-aġir rispettiv tal-impriżi inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs Volkswagen, C‑74/04 P, Ġabra p. I‑6585, punt 39).

49      Fir-rigward tal-produzzjoni tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni għandha tressaq il-prova tal-ksur li hija tkun ikkonstatat u għandha tistabbilixxi l-provi li huma kapaċi juru, suffiċjentement għall-finijiet tal-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 58, u tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 86). F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konsistenti sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, T‑62/98, Ġabra p. II‑2707, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju, għandu jiġi mfakkar li, meta tkun adita b’rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 81(1) KE, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha teżerċita, b’mod ġenerali, stħarriġ sħiħ fuq il-kwistjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE humiex sodisfatti jew le (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 2005, DaimlerChrysler vs Il-Kummissjoni, T‑325/01, Ġabra p. II‑3319, punt 81; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1985, Remia et vs Il-Kummissjoni, 42/84, Ġabra p. 2545, punt 34, u tas-17 ta’ Novembru 1987, BAT u Reynolds vs Il-Kummissjoni, 142/84 u 156/84, Ġabra p. 4487, punt 62).

51      Qabel ma jiġu eżaminati l-elementi materjali meħuda inkunsiderazzjoni fil-kawża preżenti mill-Kummissjoni, għandu jiġi ppreċiżat li, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega, ma jistax jiġi argumentat li Nintendo, il-parti l-oħra fil-ftehim, kienet iddikjarat espressament, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li kienet qiegħda taċċetta il-mod kif il-Kummissjoni kienet ippreżentat il-fatti fl-imsemmija dikjarazzjoni u kienet b’hekk ammettiet kompletament l-eżistenza ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma mar-rikorrenti. Fil-fatt, l-eventwali rikonoxximent minn Nintendo, il-parti l-oħra fil-ftehim ta’ distribuzzjoni, ta’ ċerti fatti, b’ebda mod ma jista’ jdaħħal inkwistjoni d-dritt tar-rikorrenti li tikkontesta l-imsemmija fatti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Din il-kunsiderazzjoni tgħodd iktar u iktar fil-kawża preżenti peress li r-rikorrenti kkontestat preċiżament, fir-risposti tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija kienet wettqet xi ksur tal-Artikolu 81(1) KE.

52      Għaldaqstant, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni, għall-kuntrarju ta’ dak li tidher li qiegħda tindika r-rikorrenti fl-atti tagħha, ma rriferietx, sabiex tikkonkludi li jeżisti ftehim kuntrarju għall-Artikolu 81(1) KE, għat-termini tal-ftehim ta’ distribuzzjoni konkluż bejn Nintendo u r-rikorrenti meħud bħala tali. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 196 tad-Deċiżjoni li “[i]t-test tal-ftehim ta’ distribuzzjoni konkluż bejn [ir-rikorrenti] u Nintendo jippermetti [lir-rikorrenti] tesporta passivament”. Fil-fatt, b’differenza minn dak li ġie kkonstatat fir-rigward ta’ ċerti distributuri koperti mid-Deċiżjoni, il-ftehim ta’ distribuzzjoni, konkluż bejn ir-rikorrenti u Nintendo kważi sentejn wara l-bidu tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni u li jikkonċerna s-sistema ta’ distribuzzjoni inkwistjoni, ma kien fih, bħala tali, ebda klawżola pprojbita mill-Artikolu 81(1) KE.

53      Hemm ukoll lok li jiġi ppreċiżat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jirriżulta mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti, il-Kummissjoni qatt ma rriferiet, fir-rigward tar-rikorrenti, għall-eżistenza ta’ prattika miftehma bejnha u Nintendo, iżda biss għall-konklużjoni ta’ “ftehim” (ara l-premessa 196 tad-Deċiżjoni) kuntrarju għall-Artikolu 81(1) KE. Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ prattika miftehma huma irrilevanti.

54      Fin-nuqqas ta’ prova dokumentarja diretta tal-konklużjoni ta’ ftehim bil-miktub bejn Nintendo u r-rikorrenti dwar il-limitazzjoni jew it-tnaqqis ta’ esportazzjoni passiva, il-Kummissjoni qieset li l-parteċipazzjoni ta’ din tal-aħħar fi ftehim kuntrarju għall-Artikolu 81(1) KE kienet attestata mill-aġir ta’ din tal-aħħar, kif espress fil-korrispondenza tagħha.

55      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tal-kontenut ta’ din il-korrispondenza, il-Kummissjoni stabbilixxietx suffiċjentement għall-finijiet tal-liġi l-eżistenza ta’ qbil ta’ intenzjonijiet bejn ir-rikorrenti u Nintendo bil-għan li jillimitaw il-kummerċ parallel.

56      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni għamlet riferiment, fid-Deċiżjoni, għal numru ta’ provi bil-miktub, u b’mod partikolari għal faks indirizzata mir-rikorrenti lil NOE fit-28 ta’ Ottubru 1997. Huwa paċifiku bejn il-partijiet li dan il-faks intbagħtet wara lment tal-24 ta’ Ottubru 1997 indirizzat minn Nintendo France lil NOE b’mod partikolari dwar l-esportazzjonijiet mill-Belġju, territorju li għalih ir-rikorrenti kienet id-distributur approvat ta’ Nintendo.

57      Dan l-ilment jindika b’mod partikolari dan li ġej:

“Anke jekk dawn it-tipi ta’ importazzjonijiet paralleli huma inevitabbli, aħna naħsbu li NOE għandha diversi mezzi sabiex tgħin lil [Nintendo France] tillimita dawn il-problemi. L-iktar effikaċji huma dawk li ġejjin:

1. […]

2. tinnegozja mad-distributuri sabiex jiġu evitati dawn l-importazzjonijiet.

Uħud (aħna nafu li dan huwa l-każ fil-Belġju u fl-Italja) jorgannizawhom b’mod kważi mhux uffiċjali ma’ ċerti grossisti u anki ma’ ċerti distributuri bl-imnut. X’jiġri li kieku aħna nagħmlu l-istess ħaġa billi nesportaw artiklu mitlub ħafna bi tnaqqis lejn il-klijenti tagħhom?”

58      Fil-faks tat-28 ta’ Ottubru 1997 indirizzata lil NOE wara dan l-ilment, ir-rikorrenti spjegat li hija ma kinitx f’pożizzjoni tipprovdi ċerti kwantitajiet ta’ prodotti lil BEM, grossista stabbilita fil-Belġju li potenzjalment setgħet twettaq kummerċ parallel. Din il-faks, imsemmija parzjalment fil-premessa 195, hija miktub kif ġej:

“Ivverfikajt l-informazzjoni tagħkom u ma sibt ebda qbil mal-informazzjoni tagħna.

1)      Sal-lum [BEM] irċeviet 960 kopja ta’ Lylat Wars f’numru ta’ kunsinni. Dan bil-kemm huwa biżżejjed għall-provvista ta’ xi 100 klijent tagħha li jinsabu fil-parti tal-Belġju fejn huwa mitkellem il-Franċiż.

2)      Bħal ma, sabiex tgħin lil Contact Data Belgium, [BEM] ikkunsinnat xi consoles fi Franza, aħna nimxu bi prudenza kbira ma’ dan il-klijent u qatt ma nibagħtulu kunsinni ta’ kwantitajiet kbar.

3)      Aħna rċevejna biss 7 000 kopja ta’ Lylat Wars u huwa impossibbli għalina li nikkunsinnaw 5 000 kopja minnhom lil klijent wieħed biss.

[…]

Kif iddiskutejna l-ġimgħa l-oħra magħkom, aħna naġixxu bi prudenza kbira fil-kunsinni tagħna peress li ma rridu ebda esportazzjoni minħabba li għandna bżonn ta’ dawn il-prodotti għas-suq Belġjan tagħna.”

59      Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, mill-kliem ta’ din il-faks ma jirriżultax b’mod ċar li r-rikorrenti kienet taf bil-fatt li hija kienet mistennija tostakola l-esportazzjoni parallela u li hija xtaqet tiddefendi ruħha kontra l-allegazzjonijiet ta’ Nintendo France dwar tali esportazzjonijiet paralleli ġejjin mill-Belġju. B’mod partikolari, ma jistax jiġi konkluż biċ-ċertezza meħtieġa li l-“prudenza” li ssostni r-rikorrenti fir-rigward tal-klijenti li kienu jesportaw b’mod ġenerali tattesta li r-rikorrenti kienet approvat il-politika ta’ limitazzjoni tal-kummerċ parallel ikkontestata. Lanqas l-interpretazzjoni difiża mir-rikorrenti, fis-sens li r-riferiment għall-kwantitajiet limitati ta’ prodotti li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha għandu jiġi kkunsidrat bħala informazzjoni li tikkonċerna l-impossibbiltà materjali tagħha li twettaq bejgħ attiv permezz ta’ grossista stabbilit fil-Belġju, ma tista’ tiġi a priori miċħuda.

60      Madankollu, kif ġie mfakkar ukoll fil-punt 58 iktar ’il fuq, il-faks tat-28 ta’ Ottubru 1997 intbagħtet direttament wara li ntbagħtet l-ittra tal-24 ta’ Ottubru 1997 li permezz tagħha Nintendo France lmentat dwar l-esportazzjonijiet paralleli mill-Belġju, li f’dak iż-żmien kien it-territorju li għalih ir-rikorrenti kienet id-distributur esklużiv tal-prodotti kkonċernati, u kienet talbet lil NOE sabiex tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tirrimedja l-“problemi” li dawn l-esportazzjonijiet kienu qed joħolqulha. B’hekk ir-rikorrenti qieset li kien neċessarju li tiġġustifika ruħha dwar il-kwantitajiet li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha u l-kundizzjonijiet li fihom hija kienet tesporta l-prodotti inkwistjoni wara l-ilment dwar l-esportazzjonijiet paralleli mill-Belġju.

61      Fir-rigward tad-dokumenti dwar l-importazzjonijiet paralleli fil-Belġju u fil-Lussemburgu, il-Kummissjoni rriferiet għall-fatt li sistema ta’ kooperazzjoni prattika u ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq il-kummerċ parallel kienet ġiet implementata bejn Nintendo u ċerti distributuri approvati, fosthom ir-rikorrenti. Fir-rigward ta’ din tal-aħħar, il-parteċipazzjoni tagħha fis-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni tirriżulta minn diversi ittri ċċitati fil-premessa 197 tad-Deċiżjoni.

62      It-termini ta’ dawn l-ittri differenti jippermettu, b’estensjoni tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, li jiġi konkluż li l-għan tagħhom huwa li jirrappurtaw l-importazzjoni parallela ta’ prodotti Nintendo fil-Belġju u li jagħmlu parti mis-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni implementata minn Nintendo.

63      Fl-ittra tal-4 ta’ Settembru 1997 indirizzata lil NOE qabel il-perijodu rilevanti, ir-rikorrenti ddikjarat b’mod partikolari dan li ġej:

“Il-klijenti tagħna ħassru l-ordnijiet tagħhom għal consoles N64 peress li allegatament jistgħu jakkwistawhom bi prezz irħas fi Franza […] Din għandha tkun b’mod inkontestabbli l-prijorità prinċipali waqt id-diskussjonijiet tagħna f’Monaco. Azzjoni immedjata f’dan is-settur hija bla ebda dubju meħtieġa.”

64      L-ittra tar-rikorrenti lil NOE tat-3 ta’ Novembru 1997, evokata wkoll mill-Kummissjoni fil-premessa 197 tad-Deċiżjoni, issemmi b’mod partikolari:

“L-offerta li ġejja tinsab bħalissa fis-suq Belġjan: 1 420 eżemplar ta’ N64 HW […] b’manwal bil-Ġermaniż.”

65      Fil-faks mibgħuta fit-12 ta’ Novembru 1997 lil Nintendo France, li ma kellha ebda kompetenza fl-iffissar tal-prezzijiet ta’ xiri tal-prodotti, ir-rikorrenti fformulat l-osservazzjonijiet li ġejjin:

“Għadna kemm irċevejna fuljett informattiv ta’ Toys’R’Us li jipproponi SNES Donkey Kong Country 3 bi prezz lill-pubbliku fil-Belġju ta’ 1, 496 [franki Belġjani] (madwar 249 [franki Franċiżi]) filwaqt li dan l-istess artiklu huwa propost bi prezz ta’ 372 [franki Franċiżi] [mingħajr taxxa] fil-lista ta’ prezzijiet l-iktar reċenti tagħkom. Din hija importazzjoni parallela jew promozzjoni speċjali fuq dan l-artiklu?”

66      Fir-rigward tad-dokument tal-4 ta’ Diċembru 1997, mibgħut minn NOE lir-rikorrenti, dan jikkonsisti f’talba għal informazzjoni fuq il-merkanzija importata b’mod parallel.

67      Il-fatt li r-rikorrenti kienet, fil-prattika, ipparteċipat f’kummerċ parallel billi esportat xi prodotti lil klijenti li jinsabu barra mill-Belġju u mil-Lussemburgu mhuwiex ta’ natura li jdaħħal inkwistjoni l-konklużjoni esposta fil-punt 62 iktar ’il fuq. Fil-fatt, il-fatt li impriża, li l-parteċipazzjoni tagħha f’konċentrazzjoni illegali skont l-Artikolu 81(1) KE ġiet stabbilita, ma tkunx aġixxiet fis-suq b’mod konformi mal-aġir miftiehem mal-kompetituri tagħha ma jikkostitwixxix neċessarjament element li għandu jiġi kkunsidrat. Fil-fatt, impriża li ssegwi, minkejja l-ftehim mal-kompetituri tagħha, politika li tkun differenti minn dik miftiehma tista’ sempliċiment tipprova tuża l-akkordju għall-vantaġġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Novembru 2005, Union Pigments vs Il-Kummissjoni, T‑62/02, Ġabra p. II‑5057, punt 130).

68      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-provi tal-projbizzjoni ta’ importazzjonijiet paralleli lejn il-Belġju u l-Lussemburgu, ir-rikorrenti ma tistax tallega li l-ittri ċċitati mill-Kummissjoni (ara l-punti 63 sa 66 iktar ’il fuq) ġew interpretati ħażin sa fejn, permezz tagħhom, hija riedet sempliċement tiżgura ruħha li l-prezz li kienet ħallset lil Nintendo għall-prodotti inkwistjoni ma kienx għoli wisq. Fil-fatt, minn qari tal-ittri kollha, b’mod partikolari tal-faks tat-12 ta’ Novembru 1997 (ara l-punt 65 iktar ’il fuq), jirriżulta li dawn jindirizzaw il-kwistjoni tal-prezz tal-prodotti inkwistjoni b’rabta ftit jew wisq diretta mal-eżistenza tal-importazzjonijiet paralleli.

69      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-Kummissjoni ma żbaljatx meta kkonkludiet li r-rikorrenti pparteċipat fi ftehim li kellu bħala għan li jillimita l-kummerċ parallel.

70      Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-eżistenza ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

71      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma tatx spjegazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ kull wieħed mid-distributuri. B’hekk, il-Kummissjoni bdiet mill-premessa li d-distributuru kollha kienu miftehma ma’ Nintendo sabiex jostakolaw il-kummerċ parallel indipendentement mid-data u miċ-ċirkustanzi tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ distribuzzjoni.

72      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, id-Deċiżjoni tindika b’mod ċar il-fatti partikolari għal kull wieħed mid-distributuri inkwistjoni. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tar-rikorrenti, id-Deċiżjoni fiha diversi preċiżazzjonijiet li jirrigwardaw b’mod partikolari l-avvenimenti kkonstatati fil-Belġju u fil-Lussemburgu (premessi 194 sa 197) u l-argumenti dwar l-eżistenza ta’ ftehim ipprojbit u dwar il-portata tal-ksur (premessi 313 sa 330).

73      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-awtorità Komunitarja, li minnha joriġina l-att, b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jagħrfu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u b’tali mod li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari fid-dawl tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra li jkunu kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jingħataw spjegazzjonijiet (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Marzu 2002, Lögstör Rör vs Il-Kummissjoni, T‑16/99, Ġabra p. II‑1633, punt 368).

74      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, id-Deċiżjoni turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-Kummissjonu u tippermetti lir-rikorrenti tagħraf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-Qorti tal-Prim’Istanza teżerċita l-istħarriġ tagħha.

75      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

2.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità kif ukoll fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

76      Ir-rikorrenti ssostni li, fl-iffissar tal-ammont tal-multa għal ksur tal-Artikolu 81 KE, il-Kummissjoni għandha dejjem tikkunsidra b’mod separat is-sitwazzjoni ta’ kull impriża involuta. B’mod partikolari, hija għandha tikkunsidra d-differenzi li jeżistu bejn ir-rwoli rispettivi tal-impriżi inkwistjoni fil-ksur, kif ukoll id-differenzi fir-rigward tal-grad tal-parteċipazzjoni jew fir-rigward tad-dewmien tagħha. Issa, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kisret dawn il-prinċipji meta imponiet fuq ir-rikorrenti multa ta’ ammont paragunabbli, u anki superjuri, għall-ammonti tal-multi imposti fuq id-distributuri l-oħra ta’ Nintendo, filwaqt li l-ksur li hija allegatament wettqet kien ta’ impatt iżgħar u ta’ dewmien iqsar.

77      Barra minn hekk, fir-rigward tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kkunsidratx id-diversi ċirkustanzi attenwanti previsti fil-Linji gwida u lanqas il-karatteristiċi tas-sitwazzjoni partikolari tagħha.

78      F’dan ir-rigward, hija ssostni l-ewwel nett li l-aġir tagħha ma juri la intenzjoni u lanqas konoxxenza ta’ aġir illegali. Hija qatt ma kienet ħadet sehem fi ftehim formali bl-intenzjoni li jiġu llimitati l-importazzjonijiet paralleli, irċeviet xi domandi jew ipparteċipat f’laqgħat li s-suġġett tagħhom kien il-problemi tal-importazzjonijiet paralleli. Ir-rikorrenti tenfasizza li hija kienet distributur żgħir u ma kellhiex konoxxenzi u infrastrutturi legali u ekonomiċi li jippermettu lil impriżi ta’ daqs ikbar jevalwaw in-natura illegali tal-aġir tagħhom.

79      Ir-rikorrenti tqis, it-tieni nett, li, jekk jitqies li hija pparteċipat fi ksur, hija kellha biss rwol passiv, u dan għandu jwassal, skont il-Linji gwida, għal tnaqqis fl-ammont tal-multa imposta fuqha. Il-Kummissjoni ma kinitx fil-fatt uriet li hija kellha rwol attiv billi informat lil Nintendo bl-importazzjonijiet paralleli tal-prodotti ta’ din tal-aħħar. Ir-rikorrenti kienet saħansitra aġixxiet bi ksur tal-allegat ftehim meta kkunsinnat prodotti lil kumpanniji stabbiliti barra mit-territorju tagħha u lil kumpanniji stabbiliti fit-territorju tagħha meta kienet taf li dawn il-prodotti kienu ser jiġu esportati. Hija tenfasizza wkoll li, fiż-żmien tal-allegati limitazzjonijiet tal-kummerċ parallel, hija ma kinitx waħda mid-distributuri ta’ Nintendo u għaldaqstant ma kinitx taf bl-imsemmija limitazzjonijiet.

80      Ir-rikorrenti tikkunsidra li, jekk tali ċirkustanzi ma jwasslux għall-annullament tal-multa imposta fuqha, dawn għandhom mill-inqas iwasslu lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tnaqqasha b’50 % skont il-prinċipju ta’ trattament ugwali. Fil-fatt, hija tirrileva li Concentra bbenifikat minn tali tnaqqis minkejja li r-rwol partikolari tagħha ma kienx inqas attiv minn dak tar-rikorrenti. Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tindika b’mod partikolari li Concentra kienet, l-istess bħalma kienet għamlet hi, ikkomunikat xi informazzjoni lil NOE.

81      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-aġir allegatament illegali tagħha kellu biss, f’kull każ, impatt limitat fuq is-suq. Hija tfakkar li hija ma applikatx l-allegat ftehim u li, b’mod partikolari, meta mqabbel mal-aġir ta’ distributuri oħra, il-ksur li ġiet akkużata bih kien ta’ dewmien qasir ħafna.

82      Barra minn hekk, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni bi ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali meta qassmet lil dawk li wettqu l-ksur fi tliet gruppi. B’mod iktar speċifiku, hija tilmenta li tqiegħdet fl-istess grupp, sa fejn jirrigwarda l-ammont inizjali tal-multa, bħal diversi distributuri li pparteċipaw fil-ksur allegat matul perijodi ħafna itwal u li, għall-kuntrarju tagħha, ħadu sehem attiv fil-ksur. Billi ttrattat bl-istess mod sitwazzjonijiet differenti, jiġifieri billi imponiet l-istess multa bażika ta’ miljun euro fuq dawn il-kumpanniji, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

83      Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti ssostni, b’mod partikolari, li d-differenzi, fir-rigward tal-ishma mis-suq, bejn l-impriżi tat-tielet grupp huma ikbar mid-differenzi bejn l-impriżi fit-tliet gruppi. B’hekk, huwa diffiċli li wieħed jifhem li, fid-dawl tal-ishma medji rispettivi tal-impriżi kkonċernati fil-bejgħ tal-prodotti inkwistjoni, Concentra, Linea GIG SpA, Nortec AE, Bergsala AB, Itochu u r-rikorrenti tqiegħdu fl-istess grupp, filwaqt li John Menzies u Nintendo tqiegħdu fi gruppi differenti. Din id-differenza hija iktar u iktar inspejgabbli jekk wieħed jirreferi għall-ammonti bażiċi tal-multi stabbiliti għal kull wieħed minn dawn il-gruppi.

84      Ir-rikorrenti takkuża wkoll lill-Kummissjoni li, sabiex tikklassifika lill-impriżi inkwistjoni fi tliet gruppi, ibbażat ruħha esklużivament fuq l-ishma mis-suq miżmuma minn kull waħda minnhom, ħaġa din li turi n-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-impatt reali tal-aġir rispettiv tagħhom.

85      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni li tiġi imposta multa ta’ miljun euro fuq distributur dipendenti u ta’ daqs żgħir għal allegat ftehim ta’ dewmien massimu ta’ xahrejn, li qatt ma ġie applikat u li, fir-realtà, ġie miksur b’mod permanenti, tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

86      Ir-rikorrenti takkuża wkoll lill-Kummissjoni li ma kkuntattjathiex qabel id-9 ta’ Ġunju 1999, data li fiha l-investigazzjoni kienet waslet sabiex tintemm. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet ċaħditha mill-possibbiltà li tikkoopera u, għaldaqstant, li tibbenifika minn tnaqqis tal-mill-inqas 40 % tal-ammont bażiku tal-multa minħabba din il-kooperazzjoni. Il-fatt li l-Kummissjoni ma stmatx li kien utli li tinformaha bl-investigazzjoni filwaqt li titlobha xi informazzjoni jikkostitwixxi indikazzjoni tar-rwol limitat tagħha fis-sistema implementata minn Nintendo.

87      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u d-drittijiet tad-difiża billi ċaħditha mill-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha matul seduta formali fil-preżenza ta’ terzi. Hija ssostni li l-impriżi interessati għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni fejn ikunu jistgħu jesprimu l-perspettiva tagħhom fir-rigward tal-oġġezzjonijiet imressqa kontrihom u tad-dokumenti li fuqhom ikunu bbażati dawn l-oġġezzjonijiet. Id-dritt għal smigħ tal-partijiet waqt seduta formali miżmuma taħt il-presidenza ta’ uffiċjal tas-seduta indipendenti huwa partikolarment importanti fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni; fil-fatt, din is-seduta hija l-unika opportunità għaliha li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha lil terzi indipendenti li setgħu jinfluwenzaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

88      Fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni wettqet “abbuż ta’ influwenza” fuq ir-rikorrenti sabiex din tirrinunzja għad-dritt tagħha għal smigħ fil-preżenza ta’ terzi indipendenti. Ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm il-Kummissjoni ma wettqitx pressjoni fuqha b’mod espress sabiex tirrinunzja d-dritt tagħha għal seduta formali, hija mbuttata sabiex tikkuntenta ruħha b’seduta informali billi argumentat li din il-possibbiltà kienet tikkostitwixxi ekonomija ta’ żmien u ta’ mezzi. Konsegwentement, il-Kummissjoni llimitat de facto id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva. F’dan ir-rigward ir-rikorrenti tgħid li, minkejja li kienet irrinunzjat għal dan id-dritt minħabba r-rieda espressa mill-Kummissjoni li tagħti deċiżjoni bl-iktar ħeffa possibbli, għaddew iktar minn sentejn bejn it-talba tagħha u l-adozzjoni tad-Deċiżjoni. Hija tqis ukoll li, f’kull każ, il-Kummissjoni kien imissha kkunsidrat il-kooperazzjoni tagħha meta ma għamlitx talba għal tali seduta u konsegwentement, kien imissha naqqset il-multa imposta fuqha.

89      Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tindika li hija ma sostnietx li l-Kummissjoni kienet eżerċitat pressjoni diretta jew espliċita fuqha sabiex tirrinunzja milli tiddefendi ruħha matul seduta formali miżmuma minn uffiċjal tas-smigħ. Bl-istess mod, hija ma kinitx allegat li l-Kummissjoni ma kinitx informatha bid-dritt tagħha għal seduta formali. Barra minn hekk, hija tirrikonoxxi li huma d-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li għandhom jitolbu seduta formali. Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li ħassitha obbligata tirrinunzja għal dan id-dritt peress li kienet ġiet informata mill-uffiċjal responsabbli għall-inkartament li l-partijiet l-oħra kienu diġà rrinunzjaw għal dan id-dritt u li s-servizzi tal-Kummissjoni xtaqu jaslu għal deċiżjoni malajr kemm jista’ jkun. Skont ir-rikorrenti, il-prassi segwita mill-Kummissjoni hija kuntrarja għall-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2842/98, tat-22 ta’ Diċembru 1998, dwar is-smigħ tal-partijiet f’ċerti proċedimenti taħt l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat tal-KE (ĠU L 354, p. 18), kif ippreċiżat mill-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/462/KE, KEFA, tat-23 ta’ Mejju 2001, dwar it-termini ta’ riferenza ta’ uffiċjali tas-seduta f’ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 162, p. 21), li jipprovdi li s-seduti għandhom jitmexxew minn uffiċjal tas-seduta. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li kull domanda li tirrigwarda d-dritt tal-partijiet għal seduta għandha tiġi eżaminata mill-uffiċjal tas-seduta u mhux mill-persuni responsabbli għall-inkartament fi ħdan il-Kummissjoni li jiddeċiedu dwar il-każ. Għaldaqstant, il-persuni responsabbli għall-inkartament ma għandhomx il-fakultà li jikkuntattjaw lill-partijiet sabiex jiddiskutu l-possibbiltà li tiġi organizzata seduta. Ir-rikorrenti tqis li, sa fejn tali ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali ma għandux iwassal fih innifsu għall-annullament tad-Deċiżjoni sa fejn tirrigwardaha, il-Kummissjoni kien imissha, mill-inqas, ikkunsidratu fl-iffissar tal-ammont tal-multa.

90      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-ilmenti kollha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

91      Ir-rikorrenti tressaq, fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, diversi argumenti li jirrigwardaw, minn naħa, il-mod kif ġie stabbilit l-ammont tal-multa imposta fuqha u, min-naħa l-oħra, l-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva.

92      L-ilmenti mressqa jqajmu l-kwistjoni tal-osservanza, fl-ewwel lok, tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, fit-tieni lok, tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba waqt il-proċedura amministrattiva li seħħet qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni u, fit-tielet lok, tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

 Fuq l-osservanza tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti

93      Fil-kawża preżenti, għandu jiġi mfakkar li mill-premessi 366 sa 464 tad-Deċiżjoni jirriżulta li l-multi imposti mill-Kummissjoni minħabba l-ksur ikkonstatat tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE ġew imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u li l-Kummissjoni, kif ikkonfermat espressament fir-risposta tagħha, iddeterminat l-ammonti tal-multi billi applikat il-metodu ddefinit fil-Linji gwida.

94      Għalkemm il-Linji gwida ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala regoli ta’ dritt li l-amministrazzjoni hija marbuta tosserva f’kull każ, huma madankollu jistabbilixxu regola ta’ kondotta li hija indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita u li l-amministrazzjoni ma tistax tinjora, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ trattament ugwali (ara s‑sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, C‑397/03 P, Ġabra p. I‑4429, punt 91, u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      Issa, billi ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra s-sitwazzjoni partikolari tagħha f’diversi stadji tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, ir-rikorrenti tonqos, b’mod ġenerali, milli tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, l-evalwazzjoni tal-impatt konkret ta’ ksur fuq is-suq għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tiegħu (l-ewwel subparagrafu tal-punt 1A tal-Linji gwida), li fil-kuntest tagħha għandhom jiġu kkunsidrati l-effetti li jirriżultaw mit-totalità tal-ksur u mhux l-aġir effettiv ta’ kull impriża u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tal-aġir individwali ta’ kull impriża għall-finijiet tal-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti (punti 2 u 3 tal-Linji gwida), li fil-kuntest tagħha, skont il-prinċipju tal-individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet, għandha tiġi eżaminata l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni tal-impriża fil-ksur.

96      Fil-fatt, meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq l-impatt tal-ksur sabiex tevalwa l-gravità tiegħu, skont l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-punt 1A tal-Linji gwida, l-effetti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward huma dawk li jirriżultaw mill-ksur kollu li fih ipparteċipaw l-impriżi kollha, b’tali mod li teħid inkunsiderazzjoni tal-aġir individwali jew ta’ data speċifika għal kull impriża mhuwiex rilevanti f’dan ir-rigward (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punt 203).

97      Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, meta ksur twettaq minn diversi impriżi, hemm lok li tiġi eżaminata l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni fil-ksur ta’ kull waħda minnhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 623, u Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata fil-punt 49 iktar ’il fuq, punt 150), sabiex jiġi ddeterminat jekk, fir-rigward tagħhom, jeżistux ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti.

98      Din il-konklużjoni tikkostitwixxi l-konsegwenza loġika tal-prinċipju tal-individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet li jipprovdi li impriża ma għandhiex tiġi ssanzjonata ħlief għall-fatti li tkun akkużata bihom individwalment, prinċipju li huwa applikabbli f’kull proċedura amministrattiva li tista’ tagħti lok għal sanzjonijiet taħt ir-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni (sentenza Union Pigments vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 67 iktar ’il fuq, punt 119; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, T‑45/98 u T‑47/98, Ġabra p. II‑3757, punt 63).

99      F’dan ir-rigward, il-punti 2 u 3 tal-Linji gwida jipprovdu għal aġġustament tal-ammont bażiku tal-multa skont ċerti ċirkustanzi aggravanti u attenwanti li jkunu partikolari għal kull impriża kkonċernata.

100    Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati b’mod separat l-argumenti mqajma mir-rikorrenti skont jekk humiex relatati mad-determinazzjoni tal-ammont bażiku abbażi tal-gravità u tad-dewmien tal-ksur jew jekk humiex relatati mal-istabbiliment ta’ ċerti ċirkustanzi attenwanti.

–       Fuq id-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa: it-tqassim tal-impriżi kkonċernati sabiex jiġi ddeterminat l-ammont inizjali speċifiku tal-multa u d-dewmien tal-parteċipazzjoni fil-ksur

101    Skont il-metodu ddefinit fil-Linji gwida, il-Kummissjoni tieħu bħala punt inizjali, għall-kalkolu tal-ammont tal-multi li għandhom jiġu imposti fuq l-impriżi kkonċernati, ammont iddeterminat skont il-gravità tal-ksur. L-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzzjoni n-natura tal-ksur, l-effetti konkreti tiegħu fuq is-suq meta dawn ikunu jistgħu jiġi kkalkulati u d-daqs tas-suq ġeografiku kkonċernat (l-ewwel subparagrafu tal-punt 1 A). F’dan il kuntest, il-ksur huwa kklassifikat fi tliet kategoriji, jiġifieri “ksur ftit serju”, li fir-rigward tiegħu l-ammont tal-multi li jistgħu jiġu imposti huwa bejn EUR 1 000 u EUR 1 miljun, il-“ksur serju”, li fir-rigward tiegħu l-ammont tal-multi li jistgħu jiġu imposti huwa bejn EUR 1 miljun u EUR 20 miljun, u l-“ksur serju ħafna”, li fir-rigward tiegħu l-ammont tal-multi li jistgħu jiġu imposti jmur lil hinn minn EUR 20 miljun (l-ewwel sat-tielet inċiż tat-tieni subparagrafu tal-punt 1 A). F’kull waħda minn dawn il-kategoriji, l-iskala tal-penalitajiet previsti tippermetti, skont il-Linji gwida, li ssir differenza fit-trattament li għandu jiġi applikat għall-impriżi skont in-natura tal-ksur imwettaq (it-tielet subparagrafu tal-punt 1 A). Barra minn hekk huwa neċessarju, skont il-Linji gwida, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva ta’ dawk li wettqu l-ksur sabiex jikkawżaw dannu kbir lill-operaturi l-oħra, b’mod partikolari lill-konsumaturi, u li l-ammont tal multa jiġi ddeterminat f’livell li jiżgura li l-multa tkun ta’ natura suffiċjentement dissważiva (ir-raba subparagrafu tal-punt 1 A).

102    F’kull waħda mit-tliet kategoriji ta’ ksur iddefiniti b’dan il-mod, jista’ jkun neċessarju, skont il-Linji gwida, li, f’ċerti każijiet jiġu applikati koeffiċjenti korrettivi għall-ammonti ddeterminati sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku, u għalhekk l-impatt reali, tal-aġir illegali ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni, partikolarment meta jkun hemm disparità kunsidereveoli bejn id-daqs tal-impriżi li jkunu wettqu ksur tal-istess tip, u li għalhekk il-punt inizjali tal-ammont bażiku jiġi adattat skont in-natura speċifika ta’ kull impriża (is-sitt subparagrafu tal-punt 1 A).

103    F’din il-kawża, ir-rikorrenti la tikkontesta n-natura serja ħafna tal-ksur inkwistjoni u lanqas l-evalwazzjonijiet li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha sabiex tikkonkludi li l-imsemmi ksur kien ta’ natura serja ħafna, evalwazzjonijiet relatati man-natura tiegħu, mal-effett reali tiegħu fuq is-suq u mad-daqs tas-suq ġeografiku inkwistjoni (premessi 374 sa 384 tad-Deċiżjoni). Ir-rikorrenti lanqas ma tikkontesta l-prinċipju stess tat-tqassim tal-membri ta’ akkordju f’diversi kategoriji. Għall-kuntrarju, hija tikkritika lill-Kummissjoni li kisret il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità meta, minn naħa, ikklassifikatha fl-istess kategorija bħal impriżi oħra ta’ daqs differenti u, min-naħa l-oħra, ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-involviment differenti fil-ksur inkwistjoni, kemm f’termini ta’ dewmien u kemm f’termini ta’ intensità, mid-diversi impriżi.

104    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-metodu li jikkonsisti f’li l membri li jkunu pparteċipaw f’akkordju jiġu mqassma f’kategoriji sabiex, fl-istadju tal-iffissar tal-ammont inizjali tal-multi, jiġi applikat trattament differenzjat, metodu li l-prinċipju warajh ġie, barra minn hekk, ivvalidat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, anki minkejja li jinjora d-differenzi ta’ daqs bejn l-impriżi tal-istess kategorija, iġib miegħu l-adozzjoni ta’ rata fissa tal-ammont inizjali għall-impriżi li jaqgħu taħt l-istess kategorija (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2006, Daiichi Pharmaceutical vs Il-Kummissjoni, T-26/02, Ġabra p. II-713, punt 83, u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    Huwa minnu li tali tqassim f’kategoriji għandu jirrispetta l-prinċipju ta’ trattament ugwali li jipprojbixxi li sitwazzjonijiet komparabbli jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku, sakemm dan it-trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, l-ammont tal-multi għandu, minn tal-inqas, ikun proporzjonali meta mqabbel mal-elementi kkunsidrati sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur. Sabiex tivverifika jekk it-tqassim tal-membri ta’ akkordju f’kategoriji huwiex konformi mal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li l-Kummissjoni għandha f’dan ir-rigward, għandha madankollu tillimita ruħha li tistħarreġ li dan it-tqassim huwa koerenti u oġġettivament iġġustifikat, mingħajr ma tissostitwixxi mill-ewwel l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni b’dik tagħha (sentenza Daiichi Pharmaceutical vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 104 iktar ’il fuq, punti 84 u 85).

106    F’din il-kawża, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-“l-impriżi kkonċernati [setgħu] fil-prinċipju jitqassmu fi tliet gruppi, skont l-importanza relattiva ta’ kull waħda minnhom meta mqabbla ma’ Nintendo […], bħala distributur tal-prodotti kkonċernati (u dawn biss) fiż-ŻEE, bil-paragun isir abbażi tas-sehem ta’ kull parti fil-volum totali tal-consoles u tal-cartridges tal-logħob Nintendo mixtrija sabiex jiġu ddistribwiti fiż-ŻEE fl-1997, l-aħħar sena li fiha twettaq il-ksur” (premessa 386 tad-Deċiżjoni). Nintendo (li s-sehem tagħha mis-suq ġie stmat bħala [kunfidenzjali](1) %) u John Menzies (li kellha sehem mis-suq ta’ [kunfidenzjali] %) għalhekk tqiegħdu fl-ewwel u fit-tieni grupp rispettivament. L-impriżi kkonċernati l-oħra (b’ishma mis-suq ta’ bejn [kunfidenzjalil] u [kunfidenzjali] %), li fosthom hemm ir-rikorrenti, tqiegħdu fit-tielet grupp.

107    L-għażla tal-Kummissjoni li tikklassifika l-impriżi li għandhom sehem mis-suq fid-distribuzzjoni tal-prodotti inkwistjoni inqas minn [kunfidenzjali] % ma tistax tiġi kkunsidrata bħala arbitrarja u ma taqbiżx il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali li hija għandha f’dan ir-rigward.

108    Il-fatt li l-ammonti inizjali marbuta ma’ kull kategorija mhumiex strettament proporzjonati mal-ishma mis-suq rispettivi tal-impriżi kkonċernati ma jistax jiġi kkritikat sa fejn huwa biss ir-riżultat tas-sistema tat-tqassim f’kategoriji u tal-iffissar konsegwenti tal-ammonti b’rata fissa. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li, anki jekk, minħabba t-tqassim f’kategoriji, uħud mill-impriżi jiġu suġġetti għall-applikazzjoni ta’ ammont bażiku identiku minkejja li huma ta’ daqs differenti, għandu jiġi konkluż li d-differenza fit-trattament hija oġġettivament iġġustifikata mill-importanza mogħtija, fid-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur, lin-natura tal-ksur meta mqabbla mad-daqs tal-impriżi (ara s-sentenza tal-Qorti tal Prim’Istanza tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T-213/00, Ġabra p. II-913, punt 411, u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    F’din il-kawża, għalkemm huwa minnu li hemm differenzi, f’termini relattivi, bejn l-ishma mis-suq li għandhom l-impriżi kklassifikati fl-istess grupp, dawn id-differenzi mhumiex, f’termini assoluti, ta’ importanza tali li jiġġustifikaw li r-rikorrenti tiġi kklassifikata f’kategorija differenti. B’mod partikolari, il-metodu adottat mill-Kummissjoni ma wassalx għal rappreżentazzjoni nettament distorta tas-swieq inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il-Kummissjoni, T-15/02, Ġabra p. II-497, punt 159). Fil-fatt, is-suq inkwistjoni, jiġifieri s-suq tad-distribuzzjoni tal-prodotti Nintendo, kien, fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni, iddominat minn Nintendo u l-kumpanniji sussidjarji tagħha. Id-distributuri indipendenti, bl-eċċezzjoni ta’ John Menzies, kellhom biss pożizzjoni relattivament modesta fis-sistema ta’ distrbuzzjoni inkwistjoni (ara l-premessi 388 sa 390 tad-Deċiżjoni).

110    Għalhekk għandu jiġi konkluż li l-eżistenza ta’ differenzi relattivi kbar bejn l-ishma mis suq tal-impriżi li jaqgħu fl-aħħar kategorija, li hija inerenti għas-sistema ta’ tqassim f’kategoriji u għall-adozzjoni ta’ rata fissa li din is-sistema timplika, hija oġġettivament ġustifikata. Il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tagħmel klassifikazzjoni f’kategoriji tiġi mċaħħda minn parti kbira mill-utilità tagħha jekk kull differenza bejn l-ishma mis-suq, jekk tkun kbira f’termini relattivi, minkejja li tkun differenza żgħira ħafna f’termini ta’ punti perċentwali, tipprekludi l-klassifikazzjoni ta’ impriżi differenti fl-istess kategorija.

111    F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ma tistax takkuża lill-Kummissjoni li, f’dan l-istadju, naqset milli tikkunsidra d-differenzi fl-involviment ta’ kull waħda mill-impriżi inkwistjoni sa fejn l-imsemmija differenzi jistgħu jiġu kkunsidrati biss fl-istadju tal-eżami taċ-ċirkustanzi attenwanti (ara l-punti 97 sa 99 iktar ’il fuq).

112    Fl-aħħar nett, fir-rigward l-argument li l-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra d-dewmien qasir ħafna tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur, huwa suffiċjenti li jiġi mfakkar li, skont il-metodoloġija esposta fil-Linji gwida, l-ammont tal-multa għandu jiġi aġġustat skont id-dewmien wara d-determinazzjoni tal-ammont tal-multa ffissat skont il-gravità.

113    Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat b’mod ċar, fil-premessa 404 tad-Deċiżjoni, li, sa fejn il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti kienet biss ta’ ftit iktar minn xahrejn, hija kienet iddeċidiet li ma żżidtx minħabba d-dewmien tal-ksur l-ammont preliminari tal-multa stabbilit skont il-gravità. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ħadet debitament inkunsiderazzjoni d-dewmien relattivament qasir tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni.

–       Fuq l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti u fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali f’dan ir-rigward

114    F’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni rrifjutatx ġustament li tikkunsidra ċerti ċirkustanzi fir-rigward tar-rikorrenti, jiġifieri, fl-ewwel lok, il-fatt li hija ma kellhiex konoxxenza li setgħet tippermettilha tkun taf bin-natura illegali tal-aġir tagħha u, fit-tieni lok, il-fatt li kellha biss rwol passiv fil-ksur.

115    Fir-rigward tal-ewwel fatt allegat, dan ma jistax, kif barra minn hekk enfasizzat il-Kummissjoni, jinżamm bħala ċirkustanza attenwanti fis-sens tal-Linji gwida. Ir-riferiment fil-punt 1A tal-Linji gwida għall-fatt li, “[f]’sens ġenerali, jista’ jiġi kkunsidrat ukoll il-fatt li impriżi kbar ġeneralment ikollhom tagħrif u infrastrutturi ġuridiċi-ekonomiċi li faċilment jippermettulhom biex jirrikonoxxu li l-komportament tagħhom jikkostitwixxi ksur u li jkunu konxji tal-konsegwenzi ta’ dan skond il-liġi tal-kompetizzjoni” ma jimplikax, a contrario, li l-Kummissjoni għandha l-obbligu tikkunsidra d-daqs modest ta’ ċerti impriżi.

116    Fir-rigward tat-tieni fatt allegat, jiġifieri r-rwol allegatament passiv tar-rikorrenti fil-ksur, hemm lok li jiġi mfakkar li l-Kummissjoni, fil-premessa 431 tad-Deċiżjoni, indikat li din kienet ikkomunikat b’mod spontanju xi informazzjoni fuq il-kummerċ parallel lil NOE u li, għaldaqstant, il-parteċipazzjoni tagħha kellha tiġi kkunsidrata bħala attiva. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għall-premessa 197 tad-Deċiżjoni, li ssemmi erba’ ittri tar-rikorrenti tal-4 ta’ Settembru, tat-3 ta’ Novembru, tat-12 ta’ Novembru u tal-4 ta’ Diċembru 1997 rispettivament.

117    L-ittra tal-4 ta’ Settembru 1997, iċċitata fil-punt 63 iktar ’il fuq, kienet preċedenti għall-perijodu tal-ksur u hija, għal din ir-raġuni irrilevanti. L-ittri tat-3 ta’ Novembru u tal-4 ta’ Diċembru 1997, li ntbagħtu lil NOE, isemmu l-eżistenza ta’ offerti ta’ prodotti Nintendo fuq is-suq Belġjan u Lussemburgiż. L-ittra tat-12 ta’ Novembru 1997 tattesta, min-naħa tagħha, li r-rikorrenti kienet ikkuntatjat lil Nintendo France, u lil din biss, fir-rigward ta’ cartridges tal-logħob li hija ssuspettat li kienu qed jiġu importati b’mod parallel.

118    Fir-rigward ta’ Concentra, l-elementi li fuqhom kienet ibbażata l-konstatazzjoni tar-rwol passiv tagħha huma esposti fil-premessi 212, 213 u 421 tad-Deċiżjoni. Hawn huwa indikat b’mod partikolari li, għalkemm ma teżisti ebda prova li Concentra ostakolat jew ipprovat tostakola l-kummerċ parallel, jeżistu madankollu xi “provi li jindikaw li Concentra nnotifikat lil NOE dwar l-importazzjonijiet paralleli fil-Portugal u talbitha l-għajnuna tagħha f’dan ir-rigward” (ara l-premessi 212 u 213 tad-Deċiżjoni). Mhuwiex ikkontestat li, mill-erba’ ittri ta’ Concentra lil NOE jew lil Nintendo of America, Inc., iċċitati fil-premessa 213 tad-Deċiżjoni, tlieta minnhom intbagħtu wara li ntbagħat kwestjonarju u waħda ntbagħtet b’mod spontanju. Fl-ittra mibgħuta spontanjament fil-21 ta’ Novembru 1997, iċċitata parzjalment fil-premessa 213 tad-Deċiżjoni, Concentra osservat:

“Sfortunatament, aħna ċerti li ċerti bejjiegħa bl-imnut mhumiex se jirreżistu għal din il-possibbiltà li jżidu l-marġni tagħhom fuq l-N64 [u talbet lil NOE sabiex tgħina sa fejn] aħna nisperaw li Nintendo se ssib soluzzjoni għal din is-sitwazzjoni fil-futur viċin ħafna.”

119    Għandu jiġi kkonstatat li d-dokumenti ċċitati mill-Kummissjoni kif ukoll iċ-ċirkustanzi li fihom ġew ikkomunikati ma juru ebda differenza notevoli bejn ir-rwol tar-rikorrenti fil-ksur u r-rwol ta’ Concentra. It-trattament differenti mogħti mill-Kummissjoni huwa inqas u inqas iġġustifikat meta jitqies, minn naħa, li r-rikorrenti daħlet partikolarment tard fis-suq li kien is-suġġett tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, T‑220/00, Ġabra p. II‑2473, punt 168, u l-ġurisprudenza ċċitata) u, min-naħa l-oħra, li Concentra kienet ikkonkludiet ma’ Nintendo ftehim ta’ distribuzzjoni formali restrittiv tal-kompetizzjoni, li ma kienx il-każ tar-rikorrenti.

120    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali meta kkonkludiet li r-rikorrenti ma kellhiex rwol esklużivament passiv fil-ksur filwaqt li tat lil Concentra l-benefiċċju ta’ din iċ-ċirkustanza attenwanti.

121    Għaldaqstant, il-motiv preżenti għandu jintlaqa’ parzjalment u d-Deċiżjoni għandha għalhekk tiġi emendata billi r-rikorrenti tingħata rata ta’ tnaqqis tal-multa identika għal dik mogħtija lil Concentra minħabba ċ-ċirkustanza attenwanti marbuta man-natura passiva tar-rwol tagħha fil-ksur kontenzjuż, jiġifieri tnaqqis ta’ 50 %. Il-konsegwenzi konkreti ta’ din l-emenda se jiġu ppreċiżati iktar ’il quddiem.

 Fuq l-osservanza tad-drittijiet tad-difiza tar-rikorrenti u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

122    Fir-rigward tal-allegazzjoni li l-Kummissjoni kienet inċitat lir-rikorrenti sabiex tirrinunzja għad-dritt tagħha għal seduta formali, għandu jiġi kkonstatat li din ma ġiet issostanzjata b’ebda mod. Fil-fatt, ir-rikorrenti ssemmiet il-fatt li “il-Kummissjoni nnotifikata fit-3 ta’ Lulju 2000 [...] li d-destinatarji kollha l-oħra kienu rrinunzjaw għad-dritt tagħhom għal seduta u li l-Kummissjoni xtaqet timxi ’il quddiem fil-każ malajr kemm jista’ ikun”, u li, billi għamlet dan, kienet għamlitilha pressjoni impliċita sabiex tirrinunzja għad-dritt tagħha għal seduta formali.

123    Din l-indikazzjoni ma tistax tikkostitwixxi prova ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża jew inkella tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat b’mod ċar fl-ittra mehmuża mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li, skont ir-Regolament Nru 2842/98, huma l-partijiet li għandhom jitolbu fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom sabiex jiżviluppaw l-argumenti tagħhom waqt seduta orali.

124    L-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2842/98 kif ippreċiżat mill-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2001/462, li huwa bbażat fuq premessa żbaljata, lanqas ma jista’ jintlaqa’. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu, rispettivament, li “[l]-udjenzi għandhom ikunu kondotti mill-Uffiċjal tas-Smigħ” (Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2842/98) jew inkella li “[l]-uffiċjal tas-seduta għandu jorganizza u jmexxi s-smiegħ kif provdut fid-dispożizzjonijiet li jimplimentaw l-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE]” (Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2001/462). Minn dan b’ebda mod ma jirriżulta li huma biss l-uffiċjali tas-smigħ li jistgħu jikkuntattjaw lill-impriżi akkużati sabiex jiddiskutu u jinformawhom biż-żamma eventwali ta’ seduta formali. Tali kuntatt, li huwa parti mill-kuntest ta’ attivitajiet amministrattivi preżenti, ma jaffettwax, għaldaqstant, il-missjoni mogħtija lill-uffiċjal tas-seduta.

125    Għaldaqstant, il-fatt li r-rikorrenti għażlet li ma titlobx seduta orali ma jistax jiġi interpretat bħala kooperazzjoni li tagħtiha d-dritt għall-benefiċċju ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqha. Fil-fatt, għandha tiġi kkunsidrata bħala kooperazzjoni li tagħti d-dritt, jekk ikun il-każ, għal tnaqqis tal-ammont tal-multa skont il-punt 3 tal-Linji gwida, kooperazzjoni “effettiva mill-impriża fil-proċedimenti”, jiġifieri aġir li jkun ippermetta lill-Kummissjoni sabiex tikkonstata l-eżistenza tal-ksur b’inqas diffikultà u, jekk ikun il-każ, ittemmu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, C‑297/98 P, Ġabra p. I‑10101, punt 36, u tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C‑328/05 P, Ġabra p. I‑3921, punt 83). Ir-rinunzja għal seduta formali, anki jekk jitqies li ppermettiet lill-Kummissjoni sabiex ma ddumx biex tadotta d-Deċiżjoni, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala kooperazzjoni fis-sens tal-punt 3 tal-Linji gwida.

126    Ir-rikorrenti lanqas ma tista’ tallega li l-Kummissjoni ċaħditha mill-possibbiltà li tikkoopera billi ma informathiex bl-investigazzjoni qabel id-9 ta’ Ġunju 1999. Fil-fatt, kif ġie mfakkar fil-punt 125 iktar ’il fuq, tnaqqis eventwali tal-ammont tal-multa imposta fuq impriża skont il-punt 3 tal-Linji gwida teħtieġ “kooperazzjoni effettiva” min-naħa tagħha. Issa, fil-kawża preżenti, ma hemm xejn li jippermetti li jiġi konkluż li r-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tipprovdi tali kooperazzjoni, peress li tallega hija stess li ma kellhiex konoxxenza tal-prattiki illegali.

127    Għaldaqstant, l-ilmenti kollha li jirrigwardaw l-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni

128    Fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ motivazzjoni insuffiċjenti tad-Deċiżjoni dwar l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrenti, huwa biżżejjed li jiġi osservat li mill-premessi 194 sa 197, 313 sa 330, 352, 359, 404, 430 u 431 tad-Deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni għamlet riferiment ċar għal elementi partikolari għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti. Tali motivazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE, kif interpretat mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 73 iktar ’il fuq.

3.     Fuq il-motiv imqajjem waqt is-seduta, dwar id-dewmien tal-proċeduri amministrattivi u kontenzjużi

129    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti mqajma waqt is-seduta dwar it-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqha minħabba d-dewmien tal-proċeduri amministrattivi u kontenzjużi, dawn lanqas ma jistgħu jintlaqgħu.

130    Fil-fatt, sa fejn dan il-motiv jirrigwarda d-dewmien tal-proċedura amministrattiva mmexxija mill-Kummissjoni, huwa għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, sa fejn l-imsemmi motiv, li ma ġiex invokat fir-rikors promotur, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala amplifikazzjoni tal-motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u mhuwiex ibbażat fuq elementi ta’ dritt jew ta’ fatt li ħarġu waqt il-proċedura. Barra minn hekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, m’hemmx lok li jiġi eżaminat ex officio il-motiv ibbażat fuq id-dewmien mhux raġonevoli tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru 1999, SGA vs Il-Kummissjoni, T‑189/95, T‑39/96 u T‑123/96, Ġabra p. II‑3587, punt 46, ikkonfermata bid-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 2000, SGA vs Il-Kummissjoni, C‑39/00 P, Ġabra p. I‑11201, punti 42 sa 45).

131    Fir-rigward tat-tqegħid inkwistjoni tad-dewmien tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, għandu jiġi kkonstatat li n-natura possibbilment eċċessiva tiegħu ma tistax taffettwa l-legalità tad-Deċiżjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza intalbet tistħarreġ. Minn dan isegwi li tali motiv huwa irrilevanti.

4.     Fuq id-determinazzjoni tal-ammont finali tal-multa

132    Kif jirriżulta mill-punti 116 sa 121 iktar ’il fuq, id-Deċiżjoni għandha tiġi emendata sa fejn ma tirrikonoxxix lir-rikorrenti l-benefiċċju taċ-ċirkustanza attenwanti marbuta mar-rwol esklużivament passiv tagħha fil-ksur filwaqt li tirrikonoxxi din iċ-ċirkustanza fir-rigward ta’ Concentra.

133    Mill-kumplament, il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni esposti fid-Deċiżjoni, kif ukoll il-metodu tal-kalkolu tal-multi applikati fil-kawża preżenti, ma jinbidlux.

134    Għaldaqstant, l-ammont finali tal-multa huwa kkalkolat kif ġej: l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti (EUR 1 miljun) huwa mnaqqas b’50 % minħabba ċ-ċirkustanza attenwanti marbuta mar-rwol esklużivament passiv tagħha fil-ksur, li jirriżulta f’ammont finali ta’ EUR 500 000.

 Fuq l-ispejjeż

135    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-ammont tal-multa imposta fuq CD-Contact Data GmbH huwa stabbilit bħala EUR 500 000.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Martins Ribeiro

Papasavvas

Wahl

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-30 ta’ April 2009.

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.  L-impriżi inkwistjoni

2.  Il-proċedura amministrattiva

Investigazzjoni dwar is-settur tal-logħob vidjo (Każ IV/35.587 PO Video Games)

Investigazzjoni addizzjonali speċifikament dwar is-sistema ta’ distrubuzzjoni ta’ Nintendo (Każ IV/35.706 PO Nintendo Distribution)

Investigazzjoni b’riżultat tal-ilment li sar minn Omega Electro BV (Każ IV/36.321 Omega – Nintendo)

3.  Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE, tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

Fuq l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE

Fuq l-eżistenza ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

2.  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalitŕ kif ukoll fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

Fuq l-osservanza tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti

–  Fuq id-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa: it-tqassim tal-impriżi kkonċernati sabiex jiġi ddeterminat l-ammont inizjali speċifiku tal-multa u d-dewmien tal-parteċipazzjoni fil-ksur

–  Fuq l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti u fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali f’dan ir-rigward

Fuq l-osservanza tad-drittijiet tad-difiza tar-rikorrenti u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

Fuq l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni

3.  Fuq il-motiv imqajjem waqt is-seduta, dwar id-dewmien tal-proċeduri amministrattivi u kontenzjużi

4.  Fuq id-determinazzjoni tal-ammont finali tal-multa

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 – Data kunfidenzjali moħbija