Language of document : ECLI:EU:T:2009:130

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla)

30 ta’ April 2009 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-consoles tal-logħob vidjo (video games) u tal-cartridges tal-logħob kompatibbli mal-consoles tal-logħob Nintendo – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Limitazzjoni tal-esportazzjoni parallela – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur – Multi – Trattament differenzjat – Effett dissważiv – Tul tal-ksur – Ċirkustanzi attenwanti – Kooperazzjoni matul il‑proċedura amministrattiva”

Fil-Kawża T‑12/03,

Itochu Corp., stabbilita f’Tokyo (il-Ġappun), irrappreżentata minn Y. Shibasaki, G. van Gerven u T. Franchoo, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata inizjalment minn P. Hellström u O. Beynet, sussegwentement minn F. Castillo de la Torre u O. Beynet, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tal-Artikoli 1, 3 u 5 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/675/KE, tat-30 ta’ Ottubru 2002, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (COMP/35.587 PO Video Games, COMP/35.706 PO Nintendo Distribution u COMP/36.321 Omega – Nintendo) (ĠU 2003, L 255, p. 33), sa fejn jirreferu għar-rikorrenti, jew, b’mod sussidjarju, talba għat-tnaqqis tal-multa imposta fuqha,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tmien Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, S. Papasavvas u N. Wahl (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Mejju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.     L-impriżi inkwistjoni

1        Nintendo Co., Ltd (iktar ’il quddiem “NCL” jew “Nintendo”), kumpannija kkwotata fil-Borża li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Kyoto (il-Ġappun), hija l-kumpannija li tikkontrolla l-grupp ta’ kumpanniji Nintendo, li jispeċjalizzaw fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ consoles tal‑logħob vidjo (video games) u ta’ cartridges tal‑logħob li jintużaw ma’ dawn il-consoles.

2        L-attivitajiet ta’ Nintendo fiż-Żona Ekonomika Ewropeja (ŻEE) huma mmexxija, f’ċerti territorji, minn sussidjarji miżmuma 100 % minnha, filwaqt li s-sussidjarja prinċipali hija Nintendo of Europe GmbH (iktar ’il quddiem “NOE” jew “Nintendo”). Fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni, NOE kienet tikkoordina ċerti attivitajiet kummerċjali ta’ Nintendo fl-Ewropa u kienet id‑distributur esklużiv tagħha fil‑Ġermanja.

3        F’territorji ta’ bejgħ oħra, Nintendo appuntat distributuri esklużivi indipendenti. B’hekk, f’Awwissu 1995, The Games Ltd, taqsima kummerċjali ta’ John Menzies Distribution Ltd, sussidjarja miżmuma 100 % minn John Menzies plc, saret id-distributur esklużiv ta’ Nintendo għar‑Renju Unit u l-Irlanda, u baqgħet distributur esklużiv mill-inqas sal-31 ta’ Diċembru 1997.

4        Mill-14 ta’ Mejju 1991 sat-28 ta’ Frar 1997, Itochu Hellas EPE, sussidjarja miżmuma 100 %, direttament jew indirettament, mir-rikorrenti, Itochu Corp., kumpannija li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha u li hija stabbilita fil‑Ġappun, jew mis-sussidjarji tagħha (fosthom Itochu Europe), kienet, min-naħa tagħha, id‑distributur esklużiv indipendenti ta’ Nintendo għall-Greċja.

2.     Il-proċedura amministrattiva

 Investigazzjoni dwar is-settur tal-logħob vidjo (Każ IV/35.587 PO Video Games)

5        F’Marzu 1995, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni dwar is-settur tal‑logħob vidjo (Każ IV/35.587 PO Video Games). Fil‑kuntest ta’ din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni bagħtet, fis-26 ta’ Ġunju u fid-19 ta’ Settembru 1995, talbiet għal informazzjoni lil Nintendo, skont l‑Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l‑Ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat [KE] (ĠU 1962, 13, p. 204), sabiex tikseb informazzjoni b’mod partikolari dwar id-distributuri u s-sussidjarji tagħha, dwar il-ftehim ta’ distribuzzjoni formalment konklużi ma’ dawn l-impriżi u dwar il-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ. NOE wieġbet għal dawn it-talbiet permezz ta’ ittri tal-31 ta’ Lulju u tas-26 ta’ Settembru 1995.

 Investigazzjoni addizzjonali speċifikament dwar is-sistema ta’ distrubuzzjoni ta’ Nintendo (Każ IV/35.706 PO Nintendo Distribution)

6        B’riżultat tal-konklużjonijiet preliminari tagħha, il-Kummissjoni bdiet, f’Settembru 1995, investigazzjoni addizzjonali speċifikament dwar is‑sistema ta’ distribuzzjoni ta’ Nintendo (Każ IV/35.706 PO Nintendo Distribution).

7        Fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni, fid-9 ta’ Ottubru 1995, bagħtet talba għal informazzjoni lil Nintendo. Saru diversi laqgħat dwar il-politika ta’ distribuzzjoni ta’ Nintendo bejn ir-rappreżentanti ta’ Nintendo u l‑Kummissjoni. Barra minn hekk, Nintendo pprovdiet diversi verżjonijiet tal‑ftehim li hija kkonkludiet ma’ wħud mid-distributuri tagħha.

 Investigazzjoni b’riżultat tal-ilment li sar minn Omega Electro BV (Każ IV/36.321 Omega – Nintendo)

8        Fis-26 ta’ Novembru 1996, Omega Electro, kumpannija li topera fis-settur tal‑importazzjoni u l-bejgħ tal-logħob elettroniku, għamlet ilment skont l-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament Nru 17, li essenzjalment kien jikkonċerna d-distribuzzjoni tal-cartridges u tal-consoles tal-logħob Nintendo, minħabba li, b’mod partikolari, Nintendo kienet qiegħda tostakola l-kummerċ parallel u kienet tuża sistema ta’ prezz impost għall-bejgħ mill-ġdid fl‑Olanda. B’riżultat ta’ dan l-ilment, il‑Kummissjoni estendiet l-investigazzjoni tagħha (Każ IV/36.321 Omega – Nintendo). Fis-7 ta’ Marzu 1997, hija bagħtet talba għal informazzjoni lil Nintendo u lil John Menzies. Fir‑risposta tagħha tas-16 ta’ Mejju 1997, Nintendo ammettiet li wħud mill‑ftehim ta’ distribuzzjoni tagħha u wħud mill‑kundizzjonijiet ġenerali tagħha kellhom restrizzjonijiet għall‑kummerċ parallel fiż‑ŻEE. F’Ottubru 1997, il-Kummissjoni bagħtet talba ġdida għal informazzjoni lil John Menzies, li għaliha din tal-aħħar wieġbet fl-1 ta’ Diċembru 1997 billi pprovdiet ċerta informazzjoni dwar l-akkordju kontenzjuż.

9        Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Diċembru 1997, Nintendo indikat lill‑Kummissjoni li hija kienet saret taf bi “problema serja relatata mal‑kummerċ parallel fil‑Komunità” u esprimiet ix-xewqa tagħha li tikkoopera mal-Kummissjoni.

10      Fit-13 ta’ Jannar 1998, John Menzies ipprovdiet iktar informazzjoni. Fil-21 ta’ Jannar, fl-1 ta’ April u fil-15 ta’ Mejju 1998, Nintendo bagħtet lill‑Kummissjoni mijiet ta’ dokumenti. Fil-15 ta’ Diċembru 1998 saret laqgħa bejn il-Kummissjoni u r-rappreżentanti ta’ Nintendo li fiha tqajmet il-kwistjoni tal-eventwali għoti ta’ kumpens lil terzi ppreġudikati mill‑akkordju kontenzjuż.

11      Barra minn hekk, b’riżultat tal-ammissjoni tagħha, Nintendo ħadet miżuri sabiex fil-futur tiġi ggarantita l-osservanza tad-dritt Komunitarju u offriet kumpens finanzjarju lil terzi li kienu ġarrbu preġudizzju finanzjarju minħabba l-aġir tagħha.

12      Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Ġunju 1999, il-Kummissjoni talbet lil Itochu Hellas tindikalha jekk id-dokumenti li kienu jikkonċernawha u li kienu jinsabu fil-fajls tal‑Kummissjoni kellhomx informazzjoni kunfidenzjali. F’din l-ittra ġie indikat ukoll li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tibda proċedura formali kontra ċerti kumpanniji, fosthom Itochu Hellas.

13      Fis-26 ta’ April 2000, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet lil Nintendo u lill-kumpanniji kkonċernati l-oħra, b’mod partikolari lil Itochu b’kopja lil Itochu Hellas, fir-rigward ta’ ksur tal‑Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”). Nintendo u l-impriżi kkonċernati l‑oħra bagħtu, b’risposta għall-oġġezzjonijiet indikati mill‑Kummissjoni, noti ta’ osservazzjonijiet li fihom Nintendo u numru minn dawn l‑impriżi talbu l-applikazzjoni tal-Avviż tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Lulju 1996 dwar in-non-impożizzjoni ta’ multi u t-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ akkordji bejn l-impriżi (ĠU C 207, p. 4, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il‑kooperazzjoni”). Ebda parti ma talbet li tinżamm seduta formali. Nintendo ma kkontestatx il-verità tal-fatti deskritti fid-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet.

14      Fit-28 ta’ Lulju 2000 intbagħtet risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill‑Kummissjoni f’isem Itochu u Itochu Hellas. F’din ir-risposta ġie indikat, b’mod partikolari, li, peress li ma kien sar ebda kontroll fuq l-attivitajiet ta’ Itochu Hellas minn Itochu, din tal-aħħar kellha tiġi injorata għall-finjiet tal-proċedura.

15      Fil-31 ta’ Ottubru 2001, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni lil Itochu Europe sabiex, b’mod partikolari, tikseb informazzjoni dwar l‑istatuti u t‑tħaddim intern ta’ Itochu Hellas u ta’ Itochu Europe. Għal din it-talba ngħatat risposta, f’isem dawn iż-żewġ kumpanniji, permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Novembru 2001. Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Settembru 2002, il-Kummissjoni bagħtet talba lil Itochu dwar, b’mod partikolari, ir‑rapport annwali ta’ din tal-aħħar. Għal din it‑talba ngħatat risposta permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Settembru 2002.

3.     Id-deċiżjoni kkontestata

16      Fit-30 ta’ Ottubru 2002, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2003/675/KE, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (COMP/35.587 PO Video Games, COMP/35.706 PO Nintendo Distribution u COMP/36.321 Omega – Nintendo) (ĠU 2003, L 255, p. 33, iktar ’il quddiem id‑“ Deċiżjoni”). Id-Deċiżjoni ġiet innotifikata lil Itochu fil-11 ta’ Novembru 2002.

17      Id-deċiżjoni tinkludi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“L-Artikolu 1

L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 81(1) [KE] u l-Artikolu 53(1) tal‑Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, għall-perijodi indikati, f’numru ta’ ftehim u ta’ prattiki miftehma, fis-swieq tal-consoles tal-logħob speċjalizzati u tal-cartridges tal‑logħob kompatibbli mal‑consoles tal‑logħob speċjalizzati mmanifatturati minn Nintendo, li għandhom bħala għan u effett li jirrestrinġu l-esportazzjoni parallela tal-consoles u tal-cartridges tal-logħob Nintendo:

[…]

–        Itochu [...], mis-16 ta’ Diċembru 1991 sat-28 ta’ Frar 1997,

[…]

Artikolu 3

Il-multi li ġejjin huma imposti bħala penali għall-ksur imwettaq mill‑impriżi msemmija fl-Artikolu 1:

[…]

–        Itochu [...], multa ta’ EUR 4.5 miljuni,

[…]

Artikolu 5

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lil:

[…]

–        Itochu [...]

[…]”

18      Sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-multi, il-Kummissjoni applikat, fid‑Deċiżjoni, il-metodu spjegat fil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal‑kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida”). Għall-kuntrarju, hija ddeċidiet li ma tapplikax l-Avviż dwar il‑kooperazzjoni minħabba n-natura vertikali tal-ksur.

19      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ddeterminat l-ammont bażiku tal-multi skont il‑gravità u t-tul tal-ksur.

20      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, l-ewwel nett, ikkunsidrat li l-impriżi kkonċernati kienu wettqu ksur serju ħafna fid-dawl tan-natura tiegħu, tal-effetti konkreti tiegħu fuq is-suq u tad-daqs tas-suq ġeografiku kkonċernat.

21      It-tieni nett, il-Kummissjoni kkunsidrat li, peress li l-ksur wieħed u kontinwu inkwistjoni kien jikkonċerna diversi impriżi ta’ daqs differenti ħafna, l-impriżi kkonċernati kellhom jingħataw trattament differenzjat sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku ta’ kull waħda minnhom u, għalhekk, tal-effetti reali tal-aġir illegali tagħhom fuq il‑kompetizzjoni. Għal dan il-għan, l-impriżi inkwistjoni tqassmu fi tliet gruppi, skont l-importanza relattiva ta’ kull waħda minnhom fil‑konfront ta’ Nintendo, bħala distributur tal-prodotti kkonċernati fiż‑ŻEE. Dan il-paragun sar b’riferiment għas-sehem ta’ kull impriża fil‑volum totali tal-consoles u tal-cartridges tal-logħob Nintendo mixtrija sabiex jiġu ddistribwiti fiż-ŻEE fl-1997, l-aħħar sena li fiha kien hemm il-ksur. Abbażi ta’ dan, Nintendo biss tpoġġiet fl‑ewwel grupp filwaqt li John Menzies biss tpoġġiet fit-tieni grupp. Għal dawn l‑impriżi, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammont ta’ tluq preliminari fir‑rigward tal-gravità bħala EUR 23 miljun fil-każ ta’ Nintendo u bħala EUR 8 miljuni fil-każ ta’ John Menzies. Fir-rigward ta’ Itochu u tal‑impriżi l-oħra kkonċernati, ġie stabbilit ammont ta’ tluq preliminari ta’ EUR 1 miljun.

22      Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat li l-multa jkollha effett suffiċjentement dissważiv, minn naħa, u sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-daqs u r‑riżorsi totali ta’ Nintendo, ta’ John Menzies u ta’ Itochu, min-naħa l‑oħra, il-Kummissjoni żiedet dawn l‑ammonti ta’ tluq. B’mod iktar speċifiku, fir-rigward ta’ Nintendo, il‑Kummissjoni kkunsidrat li minbarra d-daqs tagħha, li huwa ħafna iżgħar minn dak ta’ Itochu, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni l‑fatt li hija kienet tipproduċi l-prodotti li kienu s-suġġett tal-ksur. Fid-dawl ta’ dawn l‑elementi, il-Kummissjoni applikat koeffiċjent multiplikatur ta’ 3 għall-ammonti stabbiliti għal Nintendo u għal Itochu, u ta’ 1.25 għal John Menzies, b’tali mod li l-ammonti ta’ tluq ġew stabbiliti għal EUR 69 miljun fil-każ ta’ Nintendo, għal EUR 10 miljuni fil-każ ta’ John Menzies u għal EUR 3 miljuni fil-każ ta’ Itochu.

23      Fir-rigward tat-tul tal-ksur imwettaq minn kull impriża, l-ammont ta’ tluq ġie miżjud b’10 % fis-sena, jiġifieri żieda ta’ 50 % għal Itochu.

24      Għalhekk, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Itochu bħala EUR 4.5 miljuni.

25      Fit-tieni lok, fir-rigward taċ-ċirkustanzi aggravanti, l-ammont bażiku tal‑multa imposta fuq Nintendo ġie miżjud, minn naħa, b’50 % minħabba li din l-impriża kellha rwol ta’ mexxej fil-ksur jew ta’ provokatur tal-ksur u, min-naħa l-oħra, b’25 % minħabba li hija kienet kompliet bil-ksur wara l-ewwel atti ta’ investigazzjoni li saru f’Ġunju 1995 fil-kuntest tal-investigazzjoni mill-Kummissjoni. L-ammont bażiku tal-multa imposta fuq John Menzies ġie miżjud b’20 %, żieda li tikkorrispondi, l‑ewwel nett, għal żieda ta’ 10 % sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li hija kienet kompliet bil-ksur wara l-bidu tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni u, it‑tieni nett, għal żieda ta’ 10 % minħabba li rrifjutat li tikkoopera mal‑Kummissjoni.

26      Fit-tielet lok, fil-kuntest tal-eżami taċ-ċirkustanzi attenwanti, il‑Kummissjoni, l‑ewwel nett, ikkunsidrat li kien ġustifikat li titnaqqas il-multa imposta fuq waħda mill-impriżi kkonċernati, jiġifieri Concentra – Produtos para crianças, SA (iktar ’il quddiem “Concentra”), distributur esklużiv ta’ Nintendo għall-Portugal, minħabba r-rwol esklużivament passiv tagħha fil‑biċċa l-kbira tal‑perijodu inkwistjoni. Il‑Kummisjoni, it-tieni nett, tat lil Nintendo tnaqqis ta’ EUR 300 000, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-kumpens finanzjarju offert minn din l-impriża lil terzi ppreġudikati mill-akkordju kontenzjuż u li kienu ġew identifikati fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet. Fl-aħħar nett, ingħata tnaqqis ta’ 40 % u ta’ 25 % lil John Menzies u lil Nintendo rispettivament fid-dawl tal-kooperazzjoni effettiva tagħhom mal-Kummissjoni. Għall-kuntrarju, fir-rigward tal‑impriżi kkonċernati l‑oħra ma ġiet rikonoxxuta ebda ċirkustanza attenwanti.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

27      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-16 ta’ Jannar 2003, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

28      Abbażi tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It‑Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

29      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tal-20 ta’ Mejju 2008.

30      Ir-rikorrenti talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza:

–        tannulla l-Artikoli 1, 3 u 5 tad-Deċiżjoni, sa fejn jikkonkludu li hija kienet kisret l-Artikolu 81(1) KE, jimponulha multa u jindirizzawlha din id‑deċiżjoni jew, sussidjarjament, tnaqqas sostanzjalment l-ammont ta’ din il-multa;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

31      Il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

32      Ir-rikorrenti titlob, prinċipalment, l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni u, sussidjarjament, l-annullament jew it-tnaqqis tal-multa imposta fuqha.

1.     Fuq it-talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni

 L-argumenti tal-partijiet

33      Insostenn tat-talba għall-annullament tagħha, ir-rikorrenti tqajjem motiv wieħed, ibbażat fuq żball ta’ liġi minħabba li d-Deċiżjoni ġiet indirizzata lilha. Hija ssostni li hija ma tistax tinżamm responsabbli għall-ksur imwettaq f’dan il-każ minn Itochu Hellas u, għalhekk, ma tistax tkun indikata bħala d-destinatarja tad‑Deċiżjoni.

34      Hija tenfasizza, b’mod preliminari, li hija hija “kumpannija kummerċjali li topera f’diversi setturi” Ġappuniża (sogo shosha) li l‑attivitajiet tagħha huma prinċipalment ikkonċentrati fis-suq Ġappuniż. L-organizzazzjoni deċentralizzata tagħha timplika li s-sussidjarji tagħha joperaw b’mod awtonomu. F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li Itochu Hellas biss ikkonkludiet kuntratt ta’ distribuzzjoni esklużiv u skambjat korrispondenza ma’ NCL. Barra minn hekk, Itochu żżomm b’mod dirett parti żgħira biss mill-ishma ta’ Itochu Hellas. Bl‑istess mod, id-dħul mill-bejgħ ta’ Itochu Hellas jirrappreżenta biss 0.004 % tad-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat ta’ Itochu fl-1997. Fl-aħħar nett, Itochu ma teżerċita ebda awtorità jew kontroll fuq l-attivitajiet ta’ Itochu Hellas.

35      Issa, skont ir-rikorrenti, sabiex kumpannija parent tinżamm responsabbli għall‑azzjonijiet tas-sussidjarja tagħha, il-Kummissjoni għandha tipprova li l-ewwel kumpannija effettivament eżerċitat influwenza deċiżiva fuq it-tieni kumpannija. Fil-fatt, mis‑sentenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni (C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925), kif ukoll mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo f’dik il-kawża (Ġabra p. I‑9928), jirriżulta li s-sempliċi fatt li sussidjarja hija miżmuma minn kumpannija parent mhuwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-kumpannija parent.

36      B’mod partikolari, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova li s-sussidjarja ma taġixxix b’mod awtonomu u li għandha tistabbilixxi li l-kumpannija parent effettivament eżerċitat kontroll fuq is-sussidjarja “fil-kuntest tal-ksur allegat” (sentenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punti 131 et seq.). Peress li s-sempliċi eżistenza ta’ kontroll astratt mill‑kumpannija parent mhuwiex suffiċjenti, mill-fatt li Itochu Hellas hija indirettament u totalment miżmuma minn Itochu, il-Kummissjoni ma tistax leġittimament tikkonkludi, mingħajr ma tippreġudika b’mod serju d‑drittijiet tad-difiża, li teżisti preżunzjoni ta’ kontroll.

37      F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tagħti indikazzjonijiet, anki jekk limitati, tal-parteċipazzjoni ta’ Itochu fil‑ksur. B’mod partikolari, hija lanqas ma kienet f’pożizzjoni li tippreżenta korrispondenza bejn Itochu Hellas u Itochu dwar l‑attivitajiet ta’ Nintendo.

38      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkunsidra li l‑Kummissjoni kienet żbaljata meta ddikjarat, fil-premessa 360 tad‑Deċiżjoni, li r‑risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet “ingħatat minn Itochu […], f’isem Itochu […] u Itochu Hellas”. Hija ssostni li, sa fejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet indirizzat lilha, hija kellha tirrispondi għaliha speċifikament sabiex tikkjarifika n-natura tar‑relazzjonijiet li hija kellha ma’ Itochu Hellas. Fil-fehma tagħha, din ir-risposta tagħmel parti mill‑eżerċizzju tad-drittijiet tad‑difiża tagħha.

39      Ir-rikorrenti tispjega li, li kieku hija ddeċidiet li ma tirrispondix għad‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, dan seta’ jiġi interpretat bħala li kienet qiegħda taċċetta l‑għażla tal-Kummissjoni li tindikaha bħala destinatarja. B’hekk, fil‑kawża deċiża bis-sentenza tal-Qorti tal‑Prim’Istanza tal-14 ta’ Mejju 1998, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni (T‑354/94, Ġabra p. II‑2111), il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat preċiżament li n‑nuqqas ta’ kummenti dwar ir‑responsabbiltà ta’ Stora fir-rigward tas-sussidjarji tagħha fir-risposta għad-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet kellha tiġi kkunsidrata bħala ammissjoni effettiva ta’ din ir‑responsabbiltà.

40      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkunsidratha bħala l-uniku interlokutur tagħha fil-proċedura amministrattiva. Hija ssostni li, fis-sentenza tal-14 ta’ Mejju 1998, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil-punt 39 iktar ’il fuq (punti 41 sa 48), ikkonfermata bis-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil-punt 35 iktar ’il fuq (punti 27 sa 29), il-Qorti tal‑Prim’Istanza waslet għall‑konklużjoni li r‑rikorrenti kienet ippreżentat ruħha bħala l-uniku interlokutur tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-grupp Stora kollu u dan billi essenzjalment ibbażat ruħha fuq żewġ elementi, jiġifieri, minn naħa, il‑fatt li kien hemm prokura waħda sabiex jiġu rrappreżentati Stora Kopparbergs Bergslags AB, il‑kumpannija parent, u s-sussidjarji tagħha u, min-naħa l‑oħra, il-fatt li l-kumpannija parent, fil‑proċedura amministrattiva, qatt ma kkontestat li hija kienet id‑destinatarja korretta tal‑korrispondenza tal‑Kummissjoni jew tad‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

41      Issa, dawn l-elementi mhumiex manifestament preżenti f’dan il-każ.

42      Fir-rigward tal-ewwel element, ir-rikorrenti tfakkar, l-ewwel nett, li Itochu Hellas u Itochu taw, sa mill-bidu, prokuri separati lill-avukati tagħhom u tawhom struzzjonijiet b’mod indipendenti u f’mumenti differenti. Minn dan jirriżulta b’mod ċar li, kuntrarjament għas‑sitwazzjoni li tirreferi għaliha s‑sentenza tal-14 ta’ Mejju 1998, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil-punt 39 iktar ’il fuq, Itochu qatt ma “ikkoordinat” il‑korrispondenza mibgħuta minn Itochu Hellas jew minn Itochu Europe lill-Kummissjoni.

43      Fir-rigward tat-tieni element, ir-rikorrenti ssostni li hija kontinwament ikkontestat l‑għażla tal-Kummissjoni li tibgħatliha d-dokumenti dwar il‑ksur allegat. B’hekk, fir-risposta għad-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, li kienet l-ewwel okkażjoni tagħha sabiex tikkjarifika n‑natura tar-relazzjonijiet tagħha ma’ Itochu Hellas, hija kienet indikat b’mod ċar li hija ma setgħetx tinżamm responsabbli għall-ksur u, għalhekk, ma setgħetx tiġi indikata bħala destinatarja tad-Deċiżjoni. In-natura tar‑relazzjonijiet bejn Itochu, Itochu Europe u Itochu Hellas reġgħet ġiet iċċarata f’diversi ittri mibgħuta lill-Kummissjoni fis‑26 ta’ Novembru 2001 u fis-27 ta’ Settembru 2002 rispettivament (ara l-punt 15 iktar ’il fuq).

44      It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li, fl-eventwalità li l-Qorti tal-Prim’Istanza tiċħad l‑argument tagħha li hija ma aġixxietx bħala l‑uniku interlokutur tal-Kummissjoni fil-proċedura amministrattiva jew fil-każ li l-Qorti tal‑Prim’Istanza tikkonkludi li hija kellha l-obbligu li tressaq il-provi tal-aġir awtonomu ta’ Itochu Hellas, għandu jsir riferiment għall‑elementi spjegati iktar ’il quddiem. L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li Itochu, bħala kumpannija li topera f’diversi setturi taġixxi b’mod deċentralizzat u ma tindaħalx fl-attivitajiet ta’ kuljum tas‑sussidjarji tagħha, li huma biss huma responsabbli għall‑politika kummerċjali tagħhom u li wħud minnhom, fosthom Itochu Hellas, jimpjegaw numru kbir ta’ impjegati. Bl-istess mod, Itochu Europe topera b’mod deċentralizzat u tissorvelja biss l-attivitajiet prinċipali u l‑prestazzjonijiet finanzjarji tas-sussidjarji tagħha. It-tieni nett, l-attività ta’ bejgħ u ta’ distribuzzjoni tal-consoles tal-logħob u tal-cartridges tal-logħob b’ebda mod ma hija l-attività prinċipali ta’ Itochu Europe jew ta’ Itochu. Barra minn hekk, huwa importanti li jissemma li kienet Itochu Hellas u mhux Itochu li ffirmat il-ftehim ta’ distribuzzjoni ma’ Nintendo. B’mod iktar ġenerali, Itochu qatt ma kienet involuta, mill-viċin jew mill-bogħod, fin-negozjar, fil‑konklużjoni jew fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-ftehim ta’ distribuzzjoni. Issa, id‑dispożizzjonijiet restrittivi li jinsabu fl-imsemmi ftehim jikkostitwixxu l-uniċi provi li fuqhom il‑Kummissjoni bbażat ruħha sabiex tikkonkludi li jeżisti ksur imwettaq minn Itochu Hellas.

45      Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, kuntrarjament għal dak li tallega l‑Kummissjoni, il-provi li ressqet mhumiex ġodda peress li ġew ikkomunikati fir‑risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Barra minn hekk, peress li l-Kummissjoni biddlet l-argumenti esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti ma tistax tiġi kkritikata talli ressqet il-provi kollha neċessarji quddiem il‑Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet. Fi kwalunkwe każ, dawn il‑provi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sa fejn, kuntrarjament għal dak li ġie aċċettat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżami ta’ għajnuna mill-Istat notifikata, hija l-Kummissjoni li għandha tiġbor il-provi meħtieġa tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur.

46      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha tar-rikorrenti. Hija tindika, essenzjalment, li, f’din il-kawża, ma jistax jiġi kkontestat li Itochu Hellas hija, għalkemm b’mod indirett, miżmuma 100 % minn Itochu. Il‑Kummissjoni għalhekk setgħet ġustament tippreżumi li l-kumpannija parent, Itochu, kienet fil-fatt teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha Itochu Hellas u, għalhekk, iżżommha responsabbli għall-aġir illegali (premessa 355 tad-Deċiżjoni). Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ressqitx provi suffiċjenti sabiex tirribatti din il-preżunzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

47      Għandu jiġi mfakkar li d-dritt tal-kompetizzjoni Komunitarju jirrikonoxxi l-fatt li diversi kumpanniji li jkunu jiffurmaw parti mill‑istess grupp jikkostitwixxu entità ekonomika, u għaldaqstant impriża fis-sens tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, jekk il‑kumpanniji kkonċernati ma jiddeterminawx b’mod awtonomu l-aġir tagħhom fis‑suq (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni, T-203/01, Ġabra p. II-4071, punt 290).

48      Il-fatt li s-sussidjarja għandha personalità ġuridika distinta mhuwiex biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-possibbiltà li l-aġir tagħha jiġi attribwit lill‑kumpannija parent, b’mod partikolari meta s-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq iżda tapplika, essenzjalment, l‑istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent (sentenzi tal-Qorti tal‑Ġustizzja Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil-punt 36 iktar ’il fuq, punti 132 u 133; tal-14 ta’ Lulju 1972, Geigy vs Il-Kummissjoni, 52/69, Ġabra p. 787, punt 44; Sandoz vs Il‑Kummissjoni, 53/69, Ġabra p. 845, punt 13, u tal-21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni, 6/72, Ġabra p. 215, punt 15).

49      Fil-każ partikolari fejn kumpannija parent iżżomm 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha, li tkun responsabbli għal aġir li jikkostitwixxi ksur, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni (107/82, Ġabra p. 3151, punt 50), li ma kienx hemm bżonn li tivverifika jekk l-imsemmija kumpannija kinitx effettivament influwenzat il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha, sa fejn din tal-aħħar issegwi neċessarjament il-politika mfassla mill-istess korpi statutorji li jistabbilixxu l-politika tal-kumpannija parent. F’tali sitwazzjoni, teżisti preżunzjoni juris tantum li l-imsemmija kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha. Għaldaqstant, hija l‑kumpannija parent li tkun qiegħda tikkontesta quddiem il-qorti Komunitarja deċiżjoni tal‑Kummissjoni li timponilha multa għal aġir imwettaq mis-sussidjarja tagħha li għandha tirribatti din il‑preżunzjoni billi tressaq provi li jistgħu jipprovaw l‑awtonomija ta’ din tal-aħħar (sentenza tal‑Qorti tal-Prim’Istanza tas‑27 ta’ Settembru 2006, Avebe vs Il‑Kummissjoni, T‑314/01, Ġabra p. II-3085, punt 136; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil‑punt 35 iktar ’il fuq, punt 29).

50      Għalkemm, kif sostniet ir-rikorrenti, huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil‑punti 28 u 29 tas-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 35 iktar ’il fuq, minbarra ż‑żamma 100 % tal‑kapital tas-sussidjarja, semmiet ċirkustanzi oħra, bħalma huma n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-influwenza eżerċitata mill‑kumpannija parent fuq il‑politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha u r-rappreżentanza komuni taż‑żewġ kumpanniji matul il-proċedura amministrattiva, jibqa’ l-fatt li l‑Qorti tal-Ġustizzja semmiet l-imsemmija ċirkustanzi bil-għan biss li tindika l‑elementi kollha li fuqhom il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ibbażat ir-raġunament tagħha sabiex tasal għall-konklużjoni li dan ir-raġunament ma kienx ibbażat biss fuq iż-żamma tal-kapital kollu tas-sussidjarja mill-kumpannija parent. Għalhekk, il-fatt li l-Qorti tal‑Ġustizzja kkonfermat l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza f’dik il-kawża ma jistax ikollu l-konsegwenza li jbiddel il-prinċipju stabbilit fil-punt 50 tas-sentenza AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 49 iktar ’il fuq.

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l‑kapital kollu tas-sussidjarja huwa miżmum mill‑kumpannija parent tagħha sabiex jiġi konkluż li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tagħha. Il‑Kummissjoni tkun tista’, għalhekk, iżżomm lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, ħlief jekk din il-kumpannija tipprova li s-sussidjarja tagħha ma tapplikax fil-parti essenzjali tagħhom id-direttivi li hija toħroġ u taġixxi, għalhekk, b’mod awtonomu fis-suq.

52      F’din il-kawża, huwa paċifiku li matul il-perijodu rilevanti, jiġifieri mis-16 ta’ Diċembru 1991 sat-28 ta’ Frar 1997, ir-rikorrenti żammet, direttament jew indirettament, 100 % tal-kapital ta’ Itochu Hellas.

53      Għalhekk, il-Kummissjoni setgħet ġustament tippreżumi li Itochu eżerċitat effettivament influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ Itochu Hellas. Għalhekk hija r‑rikorrenti li, abbażi tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tressaq il‑provi sabiex turi li s-sussidjarja tagħha kienet tiddetermina l-politika kummerċjali tagħha b’mod awtonomu, b’tali mod li ma tikkostitwixxix entità ekonomika waħda magħha, u għalhekk impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

54      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti sostniet li r-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ingħatat prinċipalment f’isem Itochu Hellas, li hija ma ppreżentatx ruħha bħala l-uniku interlokutur tal-Kummissjoni, li fil‑kwalità tagħha ta’ grupp li jopera f’diversi setturi, hija ma tindaħalx direttament fl-attivitajiet kummerċjali tas-sussidjarji tagħha (u inqas minn hekk tas-sussidjarji indiretti tagħha bħalma hija Itochu Hellas), li l-bejgħ u d-distribuzzjoni tal‑prodotti inkwistjoni f’din il-kawża ma kinux l-attività prinċipali tagħha, li hija qatt ma kienet involuta fin-negozjar, fil-konklużjoni jew fl‑implementazzjoni tal‑ftehim ta’ distribuzzjoni esklużiv konkluż bejn Itochu Hellas u Nintendo u, fl‑aħħar nett, li Itochu Hellas kienet timpjega numru kbir ta’ impjegati lokali.

55      Dawn l-argumenti kienu essenzjalment jikkonċernaw, minn naħa, l-attitudni tar‑rikorrenti fil‑proċedura amministrattiva u, min-naħa l-oħra, l-organizzazzjoni u t‑tħaddim tal‑grupp Itochu.

56      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-argumenti dwar l-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva, dawn għandhom jiġu ddikjarati irrilevanti. Il-fatt, anki jekk jitqies li huwa veru, li r-rikorrenti ma ppreżentatx ruħha bħala l‑uniku interlokutur tal-Kummissjoni matul l-imsemmija proċedura u li hija kkontestat kontinwament l-għażla tal-Kummissjoni li tindirizzalha d‑dokumenti inkwistjoni mhuwiex ta’ natura tali li jirribatti l‑preżunzjoni msemmija iktar ’il fuq. Fil-fatt, bħall‑approċċ segwit fis‑sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 35 iktar ’il fuq, il-kunsiderazzjonijiet dwar l-attitudni tar‑rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva, riprodotti fil‑premessa 361 tad-Deċiżjoni, saru għall-finijiet ta’ kompletezza u jsaħħu l-konklużjoni li waslet għaliha l‑Kummissjoni dwar l-imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur lil Itochu Hellas u, għalhekk, tal-għażla tad-destinatarju tad-Deċiżjoni.

57      Fir-rigward, it-tieni nett, tal-argumenti bbażati fuq l-organizzazzjoni u t‑tħaddim tal‑grupp Itochu, magħmul mill-kumpannija Ġappuniża li topera f’diversi setturi u li hija allegatament ikkaratterizzata minn organizzazzjoni deċentralizzata u awtonoma tal‑attivitajiet tas-sussidjarji tagħha u tal-kumpanniji li huma stess sussidjarji tas-sussidjarji tagħha, dawn l-argumenti lanqas ma jistgħu jiġu aċċettati peress li r-rikorrenti ma ppreżentat ebda prova konkreta insostenn ta’ din l‑allegazzjoni ħlief il-fatt, li mhuwiex rilevanti f’dan ir-rigward, li Itochu Hellas timpjega numru kbir ta’ impjegati lokali.

58      Barra minn hekk, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r‑rikorrenti qatt ma kienet involuta fin-negozjar, fil-konklużjoni jew fl‑implementazzjoni tal-ftehim ta’ distribuzzjoni konkluż ma’ Nintendo u lanqas ma jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li Itochu Hellas kienet żviluppat, fir‑rigward tal‑prodotti Nintendo, attività distinta mill-attività prinċipali tal‑grupp Itochu. Fil-fatt, sabiex kumpannija parent tinżamm responsabbli għall-atti mwettqa mis-sussidjarja tagħha, b’ebda mod mhuwa meħtieġ li jiġi pprovat li l-imsemmija kumpannija parent kienet direttament involuta fi, jew kellha għarfien ta’, l-aġir illegali. Mhijiex relazzjoni ta’ instigazzjoni fir-rigward tal-ksur bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha u lanqas ma huwa, iktar u iktar, involviment tal‑kumpannija parent fl-imsemmi ksur, iżda l-fatt li dawn jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 CE li jagħti lill‑Kummissjoni s-setgħa li tindirizza d-deċiżjoni li timponi l-multi lill‑kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji. F’din il-kawża, ir‑rikorrenti sempliċement tiddikjara li hija ma kellhiex għarfien tal-attivitajiet ta’ Itochu Hellas u tiċħad li hija attivament sostniethom mingħajr ma tressaq l-inqas prova li hija ma kinitx teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Itouchu Hellas u mingħajr ma tressaq provi dwar l-awtonomija ta’ din tal‑aħħar.

59      Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma ressqitx provi suffiċjenti sabiex tirribatti l‑preżunzjoni li hija eżerċitat effettivament influwenza determinati fuq l‑aġir tas-sussidjarja tagħha Itochu Hellas.

60      Għalhekk dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

2.     Fuq it-talba għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa

61      Insostenn tat-talba tagħha għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa imposta fuqha, ir-rikorrenti tqajjem sitt motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE kif ukoll tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità sa fejn Itochu kienet suġġetta, minħabba t‑trattament differenzjat magħmul mill-Kummissjoni, għal multa proporzjonalment ogħla minn dawk imposti fuq id-destinatarji l-oħra tad-Deċiżjoni. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali sa fejn il‑Kummissjoni żiedet l‑ammont tal-multa imposta fuq Itochu bħala dissważjoni. Permezz tat‑tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l‑Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret il‑prinċipju ta’ proporzjonalità meta żiedet l-ammont tal-multa imposta fuq Itochu b’50 % minħabba t-tul tal-ksur. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità sa fejn il‑Kummissjoni naqset, mingħajr ġustifikazzjoni adegwata, milli tieħu inkunsiderazzjoni ċerti ċirkustanzi attenwanti. Il‑ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 15(2) tar‑Regolament Nru 17 sa fejn il-Kummissjoni imponiet multa li taqbeż l-10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ Itochu Hellas matul is-sena finanzjarja preċedenti. Fl-aħħar nett, permezz tas-sitt motiv tagħha, ir‑rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża.

62      Qabel ma jiġu eżaminati l-motivi mqajma mir-rikorrenti, għandu jiġi mfakkar li mill-premessi 366 sa 464 tad-Deċiżjoni jirriżulta li l-multi imposti mill‑Kummissjoni minħabba l-ksur ikkonstatat fil-konfront tal-Artikolu 81(1) KE u tal‑Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE ġew imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u li l-Kummissjoni, kif ikkonfermat espressament, iddeterminat l-ammont tal-multi billi applikat il-metodu ddefinit fil-Linji gwida.

63      Għalkemm il-Linji gwida ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala regoli ta’ dritt li l-amministrazzjoni hija marbuta tosserva f’kull każ, huma madankollu jistabbilixxu regola ta’ kondotta li hija indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita u li l-amministrazzjoni ma tistax tinjora, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ trattament ugwali (ara s‑sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, C‑397/03 P, Ġabra p. I‑4429, punt 91, u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll tal‑prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità fir-rigward tat-trattament differenzjat magħmul mill-Kummissjoni

 L-argumenti tal-partijiet

64      L-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma indikatx iċ‑ċifri eżatti li abbażi tagħhom hija qasmet l-impriżi fi tliet kategoriji. B’mod partikolari, il‑Kummissjoni naqset milli ssemmi l-ammonti u l‑ishma rispettivi tal-bejgħ tal‑prodotti Nintendo fiż-ŻEE fl-1997 ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernata, bl-eċċezzjoni ta’ dawk ta’ Nintendo u ta’ John Menzies. Għalhekk, ir-rikorrenti ma ngħatatx il‑possibbiltà li teżerċita effettivament id-drittijiet tad-difiża tagħha u li tivverifika l-fondatezza tat-trattament differenzjat magħmul mill-Kummissjoni. Meta għamlet hekk, il‑Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl‑Artikolu 253 KE.

65      Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tispjega li mill-ġurisprudenza jirriżulta li hija l‑Kummissjoni li għandha tiġġustifika l-għażla tal-limiti minimi u massimi li jiddistingwu bejn il‑kategoriji differenti li hija tkun ħolqot. Hija żżid ukoll li l‑indikazzjoni tardiva, fir‑risposta, tas-sehem mis-suq attribwit lil Itochu Hellas ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk id‑drittijiet tad-difiża ta’ Itochu ġewx irrispettati mill-Kummissjoni.

66      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, il-ftit figuri li ressqet il‑Kummissjoni jindikaw li s-sehem mis-suq miżmum minn Itochu Hellas kien inqas minn 0.5 %. Meta kklassifikat lir-rikorrenti fl-istess kategorija bħad-distributuri involuti l-oħra, minkejja li s-sitwazzjonijiet rispettivi tagħhom fis-suq inkwistjoni kienu sostanzjalment differenti, il‑Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku tal-impriżi inkwistjoni.

67      Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tosserva li l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l‑Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-ammont tal-multi mhuwiex illimitat peress li l-Kummissjoni hija obbligata tosserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt. Għalhekk, meta tiddeċiedi li tapplika trattament differenzjat, il-Kummissjoni hija obbligata tosserva l-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità. Barra minn hekk, it-trattament differenzjat għandu għall-inqas jirrifletti l-impatt reali tal-aġir tal‑impriża fuq il-kompetizzjoni. Issa, ma jkunx proporzjonat li l-Kummissjoni tikklassifika s-sitt kumpanniji l-oħra taħt kategorija waħda. Il‑Kummissjoni kien imissha ħolqot kategorija addizzjonali, ir-raba’ kategorija, għall-iżgħar impriżi u kien imissha applikat ammont ta’ tluq inqas minn EUR 1 miljun għal din il‑kategorija. Fil-fatt, id-differenza fid-daqs relattiv meta mqabbel ma’ Nintendo bejn John Menzies u l-ikbar impriża tat-tielet kategorija hija ħafna inqas sinjifikattiva mid-differenza bejn din tal-aħħar u Itochu Hellas.

68      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha mqajma mir-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

69      Skont il-metodu ddefinit fil-Linji gwida, il-Kummissjoni tieħu bħala punt ta’ tluq, għall-kalkolu tal-ammont tal-multi li għandhom jiġu imposti fuq l-impriżi kkonċernati, ammont iddeterminat skont il-gravità tal-ksur. L‑evalwazzjoni tal‑gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzzjoni n‑natura tal-ksur, l-effetti konkreti tiegħu fuq is-suq meta dawn ikunu jistgħu jiġi kkalkulati u d-daqs tas-suq ġeografiku kkonċernat (l-ewwel subparagrafu tal-punt 1 A). F’dan il‑kuntest, il-ksur huwa kklassifikat fi tliet kategoriji, jiġifieri “ksur ftit serju”, li fir-rigward tiegħu l-ammont tal-multi li jistgħu jiġu imposti huwa bejn EUR 1 000 u EUR 1 miljun, il-“ksur serju”, li fir-rigward tiegħu l-ammont tal-multi li jistgħu jiġu imposti huwa bejn EUR 1 miljun u EUR 20 miljun, u l-“ksur serju ħafna”, li fir-rigward tiegħu l‑ammont tal-multi li jistgħu jiġu imposti jmur lil hinn minn EUR 20 miljun (l‑ewwel sat-tielet inċiż tat-tieni subparagrafu tal-punt 1 A). F’kull waħda minn dawn il-kategoriji, l‑iskala tal-penalitajiet previsti tippermetti, skont il-Linji gwida, li ssir differenza fit-trattament li għandu jiġi applikat għall-impriżi skont in-natura tal-ksur imwettaq (it-tielet subparagrafu tal‑punt 1 A). Barra minn hekk huwa neċessarju, skont il-Linji gwida, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva ta’ dawk li wettqu l‑ksur sabiex jikkawżaw dannu kbir lill-operaturi l-oħra, u li l-ammont tal‑multa jiġi ddeterminat f’livell li jiżgura li l-multa tkun ta’ natura suffiċjentement dissważiva (ir-raba subparagrafu tal-punt 1 A).

70      F’kull waħda mit-tliet kategoriji ta’ ksur iddefiniti b’dan il-mod, jista’ jkun neċessarju, skont il-Linji gwida, li, f’ċerti każijiet jiġu applikati koeffiċjenti korrettivi għall‑ammonti ddeterminati sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku, u għalhekk l-impatt reali, tal-aġir illegali ta’ kull impriża fuq il‑kompetizzjoni, partikolarment meta jkun hemm disparità kunsidereveoli bejn id-daqs tal-impriżi li jkunu wettqu ksur tal-istess tip, u li għalhekk il-punt ta’ tluq tal‑ammont bażiku jiġi adattat skont in-natura speċifika ta’ kull impriża (is-sitt subparagrafu tal-punt 1 A).

71      F’din il-kawża, ir-rikorrenti la tikkontesta n-natura serja ħafna tal-ksur inkwistjoni u lanqas l-evalwazzjonijiet li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha sabiex tikkonkludi li l-imsemmi ksur kien ta’ natura serja ħafna, evalwazzjonijiet relatati man-natura tiegħu, mal-effett reali tiegħu fuq is-suq u mad-daqs tas-suq ġeografiku inkwistjoni (premessi 374 sa 384 tad-Deċiżjoni). Ir-rikorrenti lanqas ma tikkontesta l-prinċipju stess tat-tqassim tal-membri ta’ akkordju f’diversi kategoriji. Għall-kuntrarju, hija tikkritika lill-Kummissjoni li, minn naħa, kisret il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità meta kklassifikatha fl-istess kategorija bħal impriżi oħra ta’ daqs ħafna ikbar u, min-naħa l-oħra, naqset fl-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni fuq dan il-punt.

72      Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità fil-klassifikazzjoni f’kategoriji, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li, meta kklassifikatha fl-istess kategorija bħad-distributuri involuti l‑oħra, minkejja li s‑sitwazzjonijiet rispettivi tagħhom fis-suq inkwistjoni kienu sinjifikattivament differenti, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku tal-impriżi inkwistjoni. Hija tippreċiża li t-trattament differenzjat kellu għall-inqas jirrifletti l‑impatt reali tal-aġir tal-impriża fuq il-kompetizzjoni u li l-Kummissjoni kien imissha ħolqot kategorija addizzjonali, ir‑raba’ kategorija, għall-iżgħar impriżi, fosthom ir-rikorrenti, u kien imissha stabbilixxiet ammont ta’ tluq inqas minn EUR 1 miljun għal din il‑kategorija.

73      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-metodu li jikkonsisti f’li l‑membri li jkunu pparteċipaw f’akkordju jiġu mqassma f’kategoriji sabiex, fl-istadju tal-iffissar tal-ammont ta’ tluq tal-multi, jiġi applikat trattament differenzjat, metodu li l-prinċipju warajh ġie, barra minn hekk, ikkonvalidat mill‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, anki minkejja li jinjora d‑differenzi ta’ daqs bejn l‑impriżi tal-istess kategorija, iġib miegħu l‑adozzjoni ta’ rata fissa tal‑ammont ta’ tluq ffissat għall-impriżi li jaqgħu taħt l-istess kategorija (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2006, Daiichi Pharmaceutical vs Il-Kummissjoni, T‑26/02, Ġabra p. II‑713, punt 83, u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Huwa minnu li tali tqassim f’kategoriji għandu jirrispetta l-prinċipju ta’ trattament ugwali li jipprojbixxi li sitwazzjonijiet komparabbli jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku, sakemm dan it-trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. Barra minn hekk, skont il‑ġurisprudenza, l-ammont tal‑multi għandu, minn tal-inqas, ikun proporzjonali meta mqabbel mal‑elementi kkunsidrati sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur. Sabiex tivverifika jekk it-tqassim tal-membri ta’ akkordju f’kategoriji huwiex konformi mal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tal‑eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li l-Kummissjoni għandha f’dan ir-rigward, għandha madankollu tillimita ruħha li tistħarreġ li dan it‑tqassim huwa koerenti u oġġettivament iġġustifikat, mingħajr ma tissostitwixxi mill-ewwel l-evalwazzjoni tal‑Kummissjoni b’dik tagħha (sentenza Daiichi Pharmaceutical vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 73 iktar ’il fuq, punti 84 u 85).

75      F’din il-kawża, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-“l-impriżi kkonċernati [setgħu] fil‑prinċipju jitqassmu fi tliet gruppi, skont l-importanza relattiva ta’ kull waħda minnhom meta mqabbla ma’ Nintendo […], bħala distributur tal-prodotti kkonċernati (u dawn biss) fiż-ŻEE, bil‑paragun isir abbażi tas-sehem ta’ kull parti fil‑volum totali tal‑consoles u tal-cartridges tal-logħob Nintendo mixtrija sabiex jiġu ddistribwiti fiż-ŻEE fl-1997, l-aħħar sena li fiha twettaq il-ksur” (premessa 386 tad-Deċiżjoni). Nintendo (li s-sehem tagħha mis-suq ġie stmat bħala [kunfidenzjali] (1) %) u John Menzies (li kellha sehem mis-suq ta’ [kunfidenzjali] %) għalhekk tqiegħdu fl-ewwel u fit-tieni grupp rispettivament. L‑impriżi kkonċernati l-oħra (b’ishma mis-suq ta’ bejn [kunfidenzjalil] u [kunfidenzjali] %), li fosthom hemm Itochu, tqiegħdu fit-tielet grupp.

76      L-għażla tal-Kummissjoni li tikklassifika l-impriżi li għandhom sehem mis-suq fid-distribuzzjoni tal-prodotti inkwistjoni inqas minn [kunfidenzjali] % ma tistax tiġi kkunsidrata bħala arbitrarja u ma taqbiżx il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali li hija għandha f’dan ir-rigward.

77      Il-fatt li l-ammonti ta’ tluq marbuta ma’ kull kategorija mhumiex strettament proporzjonati mal-ishma mis-suq rispettivi tal-impriżi kkonċernati ma jistax jiġi kkritikat sa fejn huwa biss ir-riżultat tas-sistema ta’ tqassim f’kategoriji u tal‑iffissar konsegwenti tal-ammonti b’rata fissa. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li, anki jekk, minħabba t‑tqassim f’kategoriji, uħud mill-impriżi jiġu suġġetti għall‑applikazzjoni ta’ ammont bażiku identiku minkejja li huma ta’ daqs differenti, għandu jiġi konkluż li d-differenza fit-trattament hija oġġettivament iġġustifikata mill-importanza mogħtija lid-daqs tal-impriża waqt id‑determinazzjoni tal‑gravità tal-ksur (ara s-sentenza tal-Qorti tal‑Prim’Istanza tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T‑213/00, Ġabra p. II‑913, punt 411, u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      F’din il-kawża, għalkemm huwa minnu li hemm differenzi, f’termini relattivi, bejn l-ishma mis-suq li għandhom l-impriżi kklassifikati fl-istess grupp, dawn id‑differenzi mhumiex, f’termini assoluti, ta’ importanza tali li jiġġustifikaw li r‑rikorrenti tiġi kklassifikata f’kategorija differenti. B’mod partikolari, il‑metodu adottat mill‑Kummissjoni ma wassalx għal rappreżentazzjoni nettament distorta tas-swieq inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal‑15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il‑Kummissjoni, T‑15/02, Ġabra p. II‑497, punt 159). Fil-fatt, is-suq inkwistjoni, jiġifieri s-suq tad-distribuzzjoni tal-prodotti Nintendo, kien, fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni, iddominat minn Nintendo u s-sussidjarji tagħha. Id-distributuri indipendenti, bl-eċċezzjoni ta’ John Menzies, kellhom biss pożizzjoni relattivament modesta fis-sistema ta’ distrbuzzjoni inkwistjoni (ara l‑premessi 388 sa 390 tad-Deċiżjoni).

79      Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrrenti, il-Kummissjoni lanqas ma kienet obbligata tagħmel differenza bejn l-impriżi inkwistjoni skont is-sehem tagħhom mis-suq fid‑distribuzzjoni tal-prodotti inkwistjoni. Għalhekk, kif jirriżulta mill‑kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq, il-metodu magħżul mill‑Kummissjoni la huwa inkoerenti u lanqas nieqes minn ġustifikazzjoni oġġettiva, u fid-dawl tal-importanza li għandha tingħata lill-gravità tal-ksur, huwa irrilevanti jekk, kif issostni r‑rikorrenti, klassifikazzjoni ta’ membri f’erba’ kategoriji, u mhux fi tlieta, kinitx tirrifletti aħjar il-piż relattiv tal-impriżi kkonċernati.

80      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax tallega li l-multa imposta fuqha hija sproporzjonata fid-dawl tal-impatt limitat tal‑aġir tagħha fis‑suq sa fejn, kif ġie mfakkar fil-punt 70 iktar ’il fuq u kif jirriżulta mill‑premessi 385 sa 390 tad-Deċiżjoni, fil-kuntest tat‑trattament differenzjat, ittieħed inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku tar-rikorrenti fil-volum totali tal-consoles u tal-catridges tal-logħob Nintendo mixtrija sabiex jiġu ddistribwiti fiż-ŻEE fl‑1997 u, għalhekk, ittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti reali tal-aġir illegali tagħha fuq il-kompetizzjoni.

81      Għalhekk għandu jiġi konkluż li l-eżistenza ta’ differenzi relattivi kbar bejn l‑ishma mis‑suq tal-impriżi li jaqgħu fl-aħħar kategorija, li hija inerenti għas‑sistema ta’ tqassim f’kategoriji u għall-adozzjoni ta’ rata fissa li din is-sistema timplika, hija oġġettivament ġustifikata. Il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tagħmel klassifikazzjoni f’kategoriji tiġi mċaħħda minn parti kbira mill-utilità tagħha jekk kull differenza bejn l-ishma mis-suq, jekk tkun kbira f’termini relattivi, minkejja li tkun differenza żgħira ħafna f’termini ta’ punti perċentwali, tipprekludi l-klassifikazzjoni ta’ impriżi differenti fl‑istess kategorija.

82      Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fid-dawl tat-tqassim f’kategoriji, għandu jiġi mfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, għal dak li jikkonċerna l-iffissar tal-multi għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, il‑Kummissjoni tissodisfa l‑obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta hija tindika, fid‑deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha li tkejjel il‑gravità u t-tul tal-ksur imwettaq, mingħajr ma tkun obbligata li tipprovdi, fid-deċiżjoni, spjegazzjoni iktar dettaljata jew li tindika ċ-ċifri relatati mal-metodu tal-kalkolu tal-ammont tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il‑Kummissjoni, C-279/98 P, Ġabra p. I-9693, punti 38 sa 47; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T-191/98, T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra p. II-3275, punti 1522 u 1523). L-indikazzjoni ta’ ċifri relatati mal-metodu tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, utli kemm hija utli tali informazzjoni, mhijiex indispensabbli sabiex ikun sodisfatt l-obbligu ta’ motivazzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Salzgitter vs Il‑Kummissjoni, C-182/99 P, Ġabra p. I-10761, punt 75, u l-ġurisprudenza ċċitata.

83      F’din il-kawża, il-Kummissjoni indikat b’mod ċar, fid-Deċiżjoni, l‑elementi li ttieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal‑ksur (ara l-premessi 373 et seq.), u, fosthom, l-elementi ta’ kalkolu dwar il-klassifikazzjoni tagħhom f’kategoriji. Il-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tindika separatament l-ishma mis‑suq ta’ kull waħda mill-impriżi mqiegħda fit-tielet kategorija ma żammx lir-rikorrenti milli tikkontesta dan l‑aspett tad-deċiżjoni kkontestata b’mod dettaljat. Minn dan isegwi li l‑Kummissjoni ma kisritx l-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni f’kategoriji.

84      Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni kollha li saru iktar ’il fuq, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ prorporzjonalità u ta’ trattament ugwali fiż-żieda tal-ammont ta’ tluq tal-multa bħala dissważjoni

 L-argumenti tal-partijiet

85      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali meta ddeċidiet li għandha timmultiplika bi tlieta l-ammont ta’ tluq tal-multa imposta fuqha sabiex jiġi żgurat l-effett dissważiv tagħha.

86      L-ewwel nett, hija tikkunsidra li, minbarra l-fatt li l-Kummissjoni ma setgħetx, minħabba l-kwalità tagħha ta’ kumpannija parent, timponilha multa u, għalhekk, tirreferi għad-daqs tagħha u għar-riżorsi globali tagħha, ma kien hemm ebda raġuni sabiex dan l-ammont jiġi miżjud fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ żgħir ħafna ta’ Itochu Hellas. Skont ir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-punt 1 A tal-Linji gwida, il‑Kummissjoni kien imissha evalwat jekk id-daqs u r-riżorsi globali ta’ Itochu Hellas, u mhux dawk ta’ Itochu, kinux jiġġustifikaw żieda fl-ammont ta’ tluq tal-multa għal raġunijiet ta’ dissważjoni. Issa, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li d-dħul mill-bejgħ ta’ Itochu Hellas, kif riprodott fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, kien relattivament ħafna inqas minn dawk tal-impriżi kkonċernati l-oħra u, min-naħa l-oħra, li din iċ‑ċifra naqset b’mod sinjifikattiv minn wara l-1997. Il-Kummissjoni għalhekk kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt, imsemmi fir-risposta għad‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li Itochu Hellas ma kinitx baqgħet id‑distributur ta’ Nintendo minn wara l-1997.

87      It-tieni nett, u b’mod sussidjarju, ir-rikorrenti ssostni, fl-eventwalità li l-Qorti tal‑Prim’Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni ġustament indirizzat id‑Deċiżjoni lil Itochu, li l-multiplikazzjoni bi tlieta tal‑ammont ta’ tluq tal-multa imposta fuq din tal-aħħar tikser ukoll il‑prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità. Hija tirrileva, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni applikat l-istess koeffiċjent multiplikatur għal Nintendo sabiex tieħu inkunsiderazzjoni kemm id-daqs u r‑riżorsi globali tagħha u kif ukoll r-rwol tagħha ta’ produttur tal‑prodotti inkwistjoni u, għalhekk, ta’ “mexxej naturali” tal‑ksur. Barra minn hekk, il‑Kummissjoni ddeċidiet li tapplika koeffiċjent multiplikatur ta’ 1.25 biss għal John Menzies, minkejja li dan id-distributur, kuntrarjament għal Itochu Hellas, kellu rwol attiv u importanti ħafna fil-ksur. Fl-aħħar nett, il‑Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-istruttura deċentralizzata ta’ Itochu, minkejja li koeffiċjent multiplikatur għal raġunijiet ta’ dissważjoni kellu jiġi applikat biss fil‑każ li l-kumpannija parent tkun ipparteċipat fil-ksur b’mod effettiv. Hija tfakkar li, fid-dawl tal-kwalità tagħha ta’ kumpannija li topera f’diversi setturi, id‑distribuzzjoni tal-prodotti Nintendo qatt ma kienet tagħmel parti mill‑attivitajiet kummerċjali tagħha u li hija qatt ma kienet involuta fil‑korrispondenza dwar din l-attività ta’ distribuzzjoni. Dan il-fatt jiddistingwiha ħafna mid-destinatarji l-oħra tad-Deċiżjoni.

88      Il-Kummissjoni titlob li l-ilmenti kollha mqajma mir-rikorrenti jiġu miċħuda

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

89      Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, għandu jiġi kkonstatat li din hija bbażata fuq il-premessa li l-Kummissjoni żbalajt meta indirizzat id-Deċiżjoni lil Itochu. Barra minn hekk, din tal-aħħar impliċitament ammettiet li l-eżami ta’ din il-parti tal-motiv, li hija bbażata fuq il-premessa li l-Kummissjoni kien imissha evalwat jekk id-daqs u r-riżorsi globali ta’ Itochu Hellas, u mhux ta’ Itochu, kinux jiġġustifikaw żieda fl-ammont tal-multa għal raġunijiet ta’ dissważjoni, ma jkunx meħtieġ fl-eventwalità li l-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta indirizzat id-Deċiżjoni lil Itochu.

90      Peress li l-motiv imqajjem insostenn tat-talba għall-annullament parzjali tad‑Deċiżjoni ġie miċħud, m’hemmx għafejn tiġi eżaminata din il-parti, li hija irrilevanti.

91      Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni motiv, il-Kummissjoni qiegħda essenzjalment tiġi kkritikata li kisret il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità meta applikat, sabiex tiżgura li l-multi jkollhom effett dissważiv, minn naħa, l-istess koeffiċjent multiplikatur għal Itochu u għal Nintendo, minkejja li r-rwoli rispettivi tagħhom fil-ksur allegat kienu differenti ferm, u, min-naħa l-oħra, koeffiċjent ta’ żieda ferm iżgħar għal John Menzies, minkejja li din tal-aħħar kellha rwol attiv u importanti fl‑imsemmi ksur.

92      F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-poter tal‑Kummissjoni li timponi multi fuq l-impriżi li, deliberatament jew b’negliġenza, jwettqu ksur tad‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) KE jew tal-Artikolu 82 KE, jikkostitwixxi wieħed mill-mezzi mogħtija lill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ twettaq il‑missjoni tagħha ta’ sorveljanza li jagħtiha d-dritt Komunitarju. Din il-missjoni għandha d‑dmir li ssegwi politika ġenerali intiża li tapplika fis‑suġġett tal‑kompetizzjoni l-prinċipji stabbiliti mit-Trattat u li tiggwida l-aġir tal‑impriżi f’dan is-sens (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 105, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punt 297).

93      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni għandha l-poter li tiddeċiedi l-livell tal‑ammont tal-multi sabiex issaħħaħ l-effett dissważiv tagħhom meta l‑ksur ta’ tip partikolari jkun għadu relattivament frekwenti, minkejja li l-illegalità tiegħu tkun ilha li ġiet stabbilita sa mill-bidu tal-politika Komunitarja fis-suġġett tal-kompetizzjoni, minħabba l-profitt li xi wħud mill-impriżi interessati jistgħu jagħmlu minn dan il‑ksur (sentenzi Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 92 iktar ’il fuq, punt 108, u Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil-punt 92 iktar ’il fuq, punt 298). Peress li l‑għan ta’ dissważjoni huwa marbut mal-kondotta tal-impriżi fi ħdan il-Komunità jew iż-ŻEE, il-fattur ta’ dissważjoni huwa evalwat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi elementi, u mhux biss is-sitwazzjoni partikolari tal‑impriża kkonċernata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2006, Showa Denko vs Il‑Kummissjoni, C‑289/04 P, Ġabra p. I‑5859, punt 23; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil-punt 92 iktar ’il fuq, punt 300).

94      Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha fuq id-differenzi li jeżistu fir-rwoli rispettivi tal-impriżi inkwistjoni fil-ksur sabiex tikkontesta n-natura ugwali u proporzjonata taż-żieda tal-ammont tal‑multi li saret sabiex jinkiseb effett dissważiv.

95      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, mid-Deċiżjoni b’ebda mod ma jirriżulta li l-Kummissjoni, sabiex tiddetermina l-fattur ta’ dissważjoni tal-multi, għamlet riferiment biss għar‑rwol li effettivament kellu kull wieħed mill-parteċipanti fil-ksur.

96      F’din il-kawża, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien meħtieġ li żżid l-ammont ta’ tluq tal-multa imposta fuq ċerti impriżi, jiġifieri Nintendo, John Menzies u Itochu, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali ta’ dawn l‑impriżi. L‑ammonti ta’ tluq tal-multi imposti fuq Nintendo u Itochu kienu, għalhekk, immultiplikati bi 3. Min-naħa tiegħu, il-koeffiċjent multiplikatur applikat għall-multa imposta fuq John Menzies ġie stabbilit bħala 1.25.

97      L-applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur ta’ 3 għall-ammonti ta’ tluq tal-multi imposti rispettivament fuq Nintendo u fuq Itochu hija mmotivata fil-premessi 393 u 395 tad-Deċiżjoni b’dan il-mod:

“F’dan il-każ, għal Nintendo […], John Menzies […] u Itochu […], huwa meħtieġ li jiġi aġġustat ’il fuq l-ammont ta’ tluq sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali ta’ dawn l-impriżi.

Itochu […] sostniet li, peress li sadanittant hija kienet waqfet milli tiddistribwixxi l-prodotti inkwistjoni, ma kienx hemm bżonn li l-multa tagħha tiżdied għal raġunijiet ta’ dissważjoni […] Issa, għandu jiġi ggarantit effett dissważiv, u dan irrispettivament minn jekk l-impriża żammitx jew le relazzjonijiet bilaterali mal-parteċipanti l‑oħra fil-ksur, ladarba dan il‑ksur ikun intemm.

B’mod partikolari, għandu jiġi żgurat effett dissważiv f’dak li jikkonċerna lil Nintendo […], peress li, minbarra d-daqs tagħha (li huwa ħafna iżgħar minn dak ta’ Itochu […]), għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li hija l-produttur tal‑prodotti li kienu s-suġġett tal-ksur […]”

98      Minn dawn is-siltet jirriżulta li, filwaqt li għamlet riferiment għall-fatt li Nintendo kienet il-produttur tal-prodotti, element li jirreferi għal karatteristika tal-impriża indipendentement mir-rwol tagħha fil-ksur inkwistjoni, il-Kummissjoni tefgħet l‑attenzjoni tagħha fuq id-daqs tal‑impriżi, b’mod partikolari fuq id-daqs kbir ħafna ta’ Itochu.

99      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità fiż-żieda tal-ammont tal-multa minħabba t-tul tal-ksur

 L-argumenti tal-partijiet

100    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx, fir-rigward ta’ Itochu Hellas, tikkunsidra li l-ksur kien beda mid-data effettiva tal-ftehim ta’ distribuzzjoni konkluż ma’ Nintendo, jiġifieri s-16 ta’ Diċembru 1991, u li tkompla sad-data tal-iskadenza tal-imsemmi kuntratt, jiġifieri t-28 ta’ Frar 1997. Il-Kummissjoni kien imissha pjuttost iddeterminat il-perijodu li matulu kienu fil-fatt twettqu l-prattiki allegati li jinvolvu lil Itochu Hellas.

101    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni bbażat dan il-“metodu formalista” fuq ċerti dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta’ distribuzzjoni, li, fil-fehma tagħha, minn naħa, jipprovdu li Itochu Hellas setgħet tbigħ il-prodotti inkwistjoni biss lil aġenti stabbiliti fil-Greċja u awtorizzati minn Nintendo u, min-naħa l-oħra, jirrestrinġu wkoll l-esportazzjonijiet paralleli fiż-ŻEE minn klijenti ta’ Itochu Hellas. Issa, fir‑risposta għad‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, tressqu diversi provi għall‑attenzjoni tal-Kummissjoni li jindikaw li dawn il-klawżoli ma ġewx implementati mill-partijiet. Itochu Hellas b’mod partikolari sostniet, f’dan ir‑rigward, li, l-ewwel nett, Nintendo qatt ma approvat l-aġenti tagħha u qatt ma interveniet fil-ħatra tagħhom, it-tieni nett, Itochu Hellas ma imponiet ebda restrizzjoni għall-esportazzjoni lill-madwar 300 klijent u/jew aġenti tagħha u, fl-aħħar nett, hija stess ipprattikat kummerċ parallel billi pprovat tikseb dawn il-prodotti minn sorsi alternattivi u billi biegħet ċerti prodotti Nintendo lil klijenti li jinsabu barra l‑Greċja. Ir-rikorrenti tippreċiża, fir-replika tagħha, li fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija indikat ukoll li l‑Kummissjoni ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni biss it‑termini tal-ftehim ta’ distribuzzjoni.

102    Ir-rikorrenti ssostni, barra minn hekk, li ma kienx hemm “ftehim” fil-veru sens tal-kelma bejn Itochu Hellas u Nintendo dwar dawn il‑klawżoli restrittivi, peress li ma kienx hemm qbil tal-volontà bejn dawn iż‑żewġ kumpanniji. Il‑Kummissjoni kien imissha eżaminat f’liema mument Itochu Hellas daħlet jew kellha l-intenzjoni li tidħol fi prattiki restrittivi, kif hija għamlet għad-distributur Nortec AE. Fir-replika tagħha, ir‑rikorrenti sostniet li l-kundizzjonijiet tal-ftehim ta’ distribuzzjoni kienu ġew imposti fuqha minn Nintendo. Għalhekk l-aġir ta’ Nintendo kien unilaterali u kienet il-Kummissjoni li kellha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ qbil, espress jew taċitu, min-naħa ta’ Itochu Hellas (sentenza tal-Qorti tal‑Prim’Istanza tas-26 ta’ Ottubru 2000, Bayer vs Il‑Kummissjoni, T‑41/96, Ġabra p. II‑3383, punti 71 u 72).

103    Mill-punt 1 B tal-Linji gwida jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni ma tistax iżżid l‑ammont ta’ tluq tal-multa minħabba t-tul tal-ksur ħlief sa fejn din iż-żieda tikkonċerna restrizzjonijiet li jkollhom impatt negattiv u fit-tul fuq il-konsumaturi. Għalhekk, jekk, f’ċertu perijodu, il-ksur ma kellux impatt negattiv fuq il‑konsumatur, ma tista’ tkun ġustifikata ebda żieda tal-imsemmi ammont minħabba t-tul.

104    F’din il-kawża, il-Kummissjoni ma setgħetx tressaq l-iċken prova tal‑parteċipazzjoni ta’ Itochu Hellas fil-“pjan” konkluż minn Nintendo sabiex jiġi miġġieled il-kummerċ parallel, ħlief għal ċerti inċidenti li ġraw fl-1996 u għal każ iżolat fl-1993. Il-perijodu tal-ksur, f’dak li jikkonerna Itochu Hellas, huwa għalhekk ħafna iqsar minn dak stabbilit fid‑Deċiżjoni.

105    It-tieni nett, u sussidjarjament, ir-rikorrenti targumenta li l-Kummissjoni kien imissha, għall-inqas u skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, ħadet inkunsiderazzjoni r-rwol passiv ta’ Itochu Hellas fil-ksur allegat, jew inkella l-fatt li l-perijodu ta’ ksur allegat, minn Diċembru 1991 sa Frar 1997, kien jinkludi perijodi twal li fihom Itochu Hellas ma kinitx involuta u kellha rwol passiv fil‑ksur allegat. Ir‑rikorrenti tissuġġerixxi, għalhekk, li, la l-Kummissjoni tikkunsidra li l-ksur dam iżjed minn sena, hija kellha żżid l-ammont ta’ tluq tal-multa ta’ Itochu, minħabba t-tul, b’perċentwali inqas minn 10 % (pereżempju 5 %), minħabba r-rwol passiv li kellha Itochu Hellas. Dan il‑metodu huwa konformi mal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni fil-kawżi msejħa “Volkswagen” u “Pajpijiet tal‑ħadid mhux magħquda” [rispettivament, id‑Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/273/KE, tat-28 ta’ Jannar 1998, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (IV/35.733 ─ VW) (ĠU L 124, p. 60), u d-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni 1999/60/KE, tal-21 ta’ Ottubru 1998, dwar proċedura skont l‑Artikolu [81 KE] (IV/35.691/E-4 ─ Pajpijiet tal-ħadid mhux magħquda) (ĠU 1999, L 24, p. 1)]. B’mod iktar sussidjarju, il‑Kummissjoni kellha, għall‑inqas, tapplika perċentwali iżgħar ta’ żieda minħabba t-tul għas‑snin li matulhom il-ksur allegat kien sporadiku ħafna, jew anki ineżistenti. Tali perċentwali għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi applikata, għall-inqas, għall‑perijodi li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni ma ressqitx l‑iċken prova tal‑parteċipazzjoni ta’ Itochu Hellas fil‑ksur allegat (jiġifieri għall-perijodu sa April-Mejju 1995 u minn Mejju 1996 sa Frar 1997). Ir-rikorrenti tosserva, barra minn hekk, li, matul dan il-perijodu tal‑aħħar, l‑impjegati ta’ Itochu Hellas involuti fid‑distribuzzjoni tal-prodotti Nintendo kienu ħallew l-impriża u li Nintendo kellha diġà l-intenzjoni li ttemm il‑ftehim ma’ Itochu Hellas.

106    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha mqajma mir-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

107    Dan il-motiv huwa essenzjalment magħmul minn żewġ partijiet. Fl‑ewwel parti, ir‑rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddikjarat li hija kienet ipparteċipat fil-ksur allegat mis-16 ta’ Diċembru 1991 sat‑28 ta’ Frar 1997 u meta ddeċidiet li l-ammont ta’ tluq kellu jiżdied b’50 %, skont l‑ewwel subparagrafu tal-punt 1 B tal-Linji gwida. Fit-tieni parti, invokata b’mod sussidjarju, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kien imissha applikat rata ta’ żieda għal kull sena tal-ksur ta’ inqas minn 10 % fid-dawl tar-rwol passiv ta’ Itochu Hellas u tal-perijodi twal li matulhom din tal-aħħar ma kinitx involuta fil‑ksur. Meta naqset li tagħmel dan, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

–       Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur manifest ta’ evalwazzjoni fid‑determinazzjoni tal-perijodu li matulu r-rikorrenti pparteċipat fil-ksur

108    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tinvoka l‑motiv dwar it-tul tal-ksur b’mod sussidjarju biss, insostenn ta’ talba għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa imposta fiuqha. Madankollu, mill-atti tar‑rikorrenti jirriżulta li din qiegħda essenzjalment tikkontesta l-legalità tad-Deċiżjoni sa fejn tikkonstata, kif indikat fl-Artikolu 1 tad-dispożittiv tagħha, li l-ksur kien mifrux fuq perijodu bejn is-16 ta’ Diċembru 1991 u t-28 ta’ Frar 1997. Għandu jiġi kkonstatat ukoll li, fl‑atti tagħha, ir-rikorrenti espressament talbet l-annullament tal‑Artikolu 1 tad-Deċiżjoni. Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti mhijiex qed tindirizza biss l‑annullament jew it-tnaqqis tal-multa, iżda wkoll l‑annullament parzjali tad‑Deċiżjoni u b’mod partikolari tal-Artikolu 1 tad-dispożittiv tagħha, sa fejn f’dan l-artikolu l‑Kummissjoni allegatament tikkonstata b’mod żbaljat li l-ksur kien sar mis-16 ta’ Diċembru 1991 sat-28 ta’ Frar 1997 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal‑Prim’Istanza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punti 210 sa 213).

109    Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-perijodu tal-ksur, għandu jiġi mfakkar li skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, minbarra l-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa. F’dan ir‑rigward, għandu jiġi mfakkar ukoll li l‑Artikolu 81(1) KE jipprojbixxi l-ftehim li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni. B’hekk, meta ftehim li jkollu għan antikompetittiv ma jiġix implementat, xorta waħda għandu jittieħed inkunsiderazzjoni ż-żmien li matulu eżista l-ftehim, jiġifieri l-perijodu li jkun iddekorra bejn id-data tal-konklużjoni tiegħu u d‑data li fiha jkun intemm (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza CMA CGM et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil-punt 77 iktar ’il fuq, punt 280, u tas-27 ta’ Lulju 2005, Brasserie nationale et vs Il‑Kummissjoni, T‑49/02 sa T‑51/02, Ġabra p. II‑3033, punt 185).

110    F’din il-kawża, mhuwiex ikkontestat li Itochu Hellas u Nintendo kkonkludew ftehim ta’ distribuzzjoni intiż li jillimita l-kummerċ parallel. Peress li l-ksur ġie stabbilit abbażi ta’ dan il-ftehim, il‑Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li l‑perijodu tal-ksur kien jikkorrispondi għat-tul ta’ dan il-ftehim.

111    B’hekk il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 351 tad-Deċiżjoni, li l‑parteċipazzjoni ta’ Itochu Hellas fil-ksur kienet damet mis-16 ta’ Diċembru 1991 (data tal-iffirmar tal-ftehim ta’ distribuzzjoni) sat-28 ta’ Frar 1997 (data li fiha l‑kuntratt ta’ distribuzzjoni spiċċa), jiġifieri għal tul ta’ ħames snin u xahrejn.

112    F’dawn iċ-ċirkustanzi, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il‑fatt, jekk jitqies li huwa minnu, li d-dispożizzjonijiet tal-ftehim ma ġewx implementati għal perijodi twal ma għandu ebda rilevanza fil‑kuntest tad-determinazzjoni tal‑perijodu tal-ksur.

113    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax f’dan ir-rigward tallega li Nortec ibbenefikat minn trattament iktar favorevoli peress li, għalkemm din l-impriża kienet ikkonkludiet ftehim ta’ distribuzzjoni ma’ Nintendo, il-Kummissjoni ddeċidiet li tieħu inkunsiderazzjoni l‑perijodu effettiv li fih hija pparteċipat fil‑ksur. Fil-fatt, il-ftehim ta’ distribuzzjoni konkluż bejn Nintendo u Nortec, kuntrarjament għal dak konkluż bejn Nintendo u Itochu Hellas, li kien jirrestrinġi espressament il-possibbiltà li l-prodotti inkwistjoni jkunu esportati paralellament (ara l-premessa 264 tad-Deċiżjoni), ma kien jinkludi ebda klawżola restrittiva tal‑kompetizzjoni. Għalhekk, sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni ta’ Nortec fil‑ksur inkwistjoni, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq it-termini ta’ xi ftehim ta’ distribuzzjoni iżda fuq numru ta’ ittri li hija skambjat ma’ Nintendo.

114    Ir-rikorrenti lanqas ma tista’ tinvoka l-fatt li t-termini tal-ftehim kienu ġew imposti fuq Itochu Hellas peress li din tal-aħħar ma kellha ebda għażla oħra ħlief li taċċettahom. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma spejgatx kif dan il-fatt għandu jkollu effett fuq id-determinazzjoni tal-perijodu li fih hija pparteċipat fil-ksur. Barra minn hekk, ir-rikorrenti, minflok tipparteċipa fl-attivitajiet inkwistjoni, setgħet tirrapporta l-imsemmija pressjonijiet li hija kienet suġġetta għalihom lill‑awtoritajiet kompetenti u setgħet tressaq ilment quddiem il-Kummissjoni skont l‑Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17 (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tal-Qorti tal‑Prim’Istanza tal-20 ta’ Marzu 2002, KE KELIT vs Il-Kummissjoni, T‑17/99, Ġabra p. II‑1647, punt 50, u tad-29 ta’ Novembru 2005, Union Pigments vs Il‑Kummissjoni, T‑62/02, Ġabra p. II‑5057, punt 63).

115    Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-eventwali passività tar-rwol li kellha Itochu għandha ssir fl-istadju tal-eżami taċ-ċirkustanzi attenwanti.

116    Fir-rigward tal-argumenti l-oħra ta’ Itochu, ibbażati fuq l-allegat nuqqas ta’ effetti negattivi tal-ksur, dawn jikkonċernaw fir-realtà l-eżami tal‑gravità intrinsika tal‑ksur u mhux dak tat-tul tiegħu. Kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il‑punt 1 B tal-Linji gwida, li jgħid li “[f]’sens ġenerali, iż-żieda fil-multa għall‑ksur ta’ terminu twil tirrapreżenta tisħiħ konsiderevoli tal-prattika ta’ qabel bil‑għan li jiġu [i]mposti sanzjonijiet effettivi fuq restrizzjonijiet li kellhom impatt negattiv fuq konsumaturi għal perijodu twil”, ma jissuġġettax żieda minħabba t-tul għall‑prova li l-ksur inkwistjoni kellu effett negattiv u fit-tul fuq il‑konsumaturi.

117    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-ewwel parti ta’ dan il‑motiv ma tistax tiġi aċċettata.

–       Dwar it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ propozjonalità fl-iffissar tar-rati ta’ żieda għal kull sena tal-ksur

118    Skont il-punt 1 B tal-Linji gwida, il-Kummissjoni għandha l-possibbiltà, f’dak li jikkonċerna l-ksur għal perijodu twil (ta’ iktar minn ħames snin), li żżid l-ammont adottat minħabba l-gravità tal-ksur b’rata, li tista’ tkun sa 10 %, għal kull sena tal‑ksur.

119    F’din il-kawża, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 403 tad‑Deċiżjoni, li r‑rikorrenti kienet ipparteċipat fil-ksur għal tul ta’ ħames snin u xahrejn, jiġifieri għal żmien twil fis-sens tal-Linji gwida, u hija żiedet il-multa b’50 % minħabba t-tul tal-ksur. Meta għamlet hekk, il-Kummissjoni osservat ir‑regoli li hija stess imponiet fil‑Linji gwida. Barra minn hekk, din iż-żieda ta’ 50 % fid-dawl tat-tul tal-ksur mhijiex, f’din il-kawża, manifestament sproporzjonata.

120    Is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni rriżervat lilha nnifisha possibbiltà li żżid il-multa sa 10 % għal kull sena tal-ksur b’ebda mod ma jobbligaha tistabbilixxi din ir-rata skont l-intensità tal-ksur jew inkella skont il-livelli differenti ta’ parteċipazzjoni ta’ kull waħda mill-impriżi li wettqu l-ksur.

121    Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-argument li l-Kummissjoni kien imissha applikat rata ta’ żieda inqas fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti kellha biss rwol passiv fil-ksur jew, għall-inqas, fid-dawl tal-fatt li l-aġir li bih hija akkużata huwa sporadiku jekk mhux ukoll rari, ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li, skont il‑metodoloġija spjegata fil-Linji gwida, l-evalwazzjoni tal-gravità skont il‑parteċipazzjoni ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati fil-ksur, fid-dawl b’mod partikolari tal-attività jew tal-passività tagħhom, issir fl‑istadju tat‑teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi aggravanti u attenwanti skont il-punti 2 u 3 tal‑Linji gwida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal‑Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni, T‑224/00, Ġabra p. II‑2597, punt 265).

122    F’din il-kawża, il-Kummissjoni eżaminat preċiżament, u skont il-metodoloġija spjegata fil‑Linji gwida, jekk ir-rikorrenti kellhiex rwol passiv fl-istadju tal-eżami taċ-ċirkustanzi attenwanti.

123    Fir-rigward, it-tieni nett, tad-dikjarazzjoni li l-ksur li bih ġiet akkużata r‑rikorrenti kien ta’ intensità varjabbli ħafna, il-Kummissjoni kienet obbligata tapplika rata ta’ żieda ħafna inqas, għall-inqas għal parti mill-perijodu kkunsidrat, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li żieda fil‑multa skont it-tul mhijiex limitata għas‑sitwazzjoni fejn ikun hemm relazzjoni diretta bejn it-tul u dannu serju kkawżat lill‑għanijiet Komunitarji previsti mir-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Lulju 2001, Tate & Lyle et vs Il‑Kummissjoni, T‑202/98, T‑204/98 u T‑207/98, Ġabra p. II‑2035, punt 106, u s‑sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 47 iktar ’il fuq, punt 278).

124    Fir-rigward tar-riferiment magħmul mir-rikorrenti għad‑deċiżjonijiet tal‑Kummissjoni meħuda fil-kawżi Volkswagen u Pajpijiet tal-ħadid mhux magħquda rispettivament, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, prassi deċiżjonali tal‑Kummissjoni ma tistax isservi bħala qafas ġuridiku għall-multi fil‑qasam tal-kompetizzjoni u li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw każijiet oħra għandhom biss natura indikattiva fir-rigward tal‑possibbiltà li jkun hemm diskriminazzjoni peress li huwa ftit verosimili li ċ‑ċirkustanzi li jkunu partikolari għalihom, bħas-swieq, il-prodotti, l-impriżi u l‑perijodi kkonċernati, ikunu identiċi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni, C‑167/04 P, Ġabra p. I‑8935, punti 201 u 205, u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il‑Kummissjoni, C‑76/06 P, Ġabra p. I‑4405, punt 60).

125    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-motiv dwar iż‑żieda fl‑ammont tal-multa minħabba t-tul għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll tal‑prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ prorporzjonalità, minħabba n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti ċirkustanzi attenwanti

 L-argumenti tal-partijiet

126    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li, meta ma naqqsitx l-ammont tal‑multa li ġiet imposta fuqha minħabba r-rwol passiv ta’ Itochu Hellas fil-ksur allegat, mingħajr ġustifikazzjoni adegwata, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 253 KE. Barra minn hekk, meta kkunsidrat din iċ‑ċirkustanza attenwanti fir-rigward ta’ Concentra u mhux fir-rigward ta’ Itochu, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

127    Ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li, fl-eventwalità li jiġi deċiż li d‑Deċiżjoni ġustament ġiet indirizzata lilha, ikun importanti li jittieħed inkunsiderazzjoni r‑rwol esklużivament passiv tagħha fil-ksur kontenzjuż. Ir-rikorrenti tosserva, fit-tieni lok, li Itochu Hellas kienet iddikjarat, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l‑fajl tal‑Kummissjoni kellu biss provi limitati ħafna dwar il‑parteċipazzjoni tagħha fil-ksur allegat. F’dan ir-rigward, Itochu Hellas, bħala distributriċi żgħira tal-prodotti Nintendo fiż-ŻEE, kellha biss sehem minuri fil‑mekkaniżmu globali maħluq minn Nintendo sabiex tiġi miġġielda l‑importazzjoni parallela.

128    Barra minn hekk, ir-rwol li kellha Itochu Hellas kien, skont ir-rikorrenti, għall‑inqas passiv daqs dak li kellha Concentra. Issa, il-Kummissjoni naqqset l-ammont bażiku tal-multa ta’ Concentra b’50 % minħabba din il-passività (premessi 212, 213 u 421 tad-Deċiżjoni). Skont ir-rikorrenti, Itochu Hellas sempliċement informat lil Nintendo bl-eżistenza tal‑kummerċ parallel, l-istess bħalma għamlet Concentra. L‑uniku element distintiv invokat mill-Kummissjoni huwa li Itochu Hellas għamlet rapport lil Nintendo “bit-tama li NOE ssolvi din il-problema”. Din it‑“tama”, identifikata mill-Kummissjoni, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala prova li Itochu Hellas kellha rwol attiv fil-ksur.

129    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-ftehim ta’ distribuzzjoni li Itochu Hellas ikkonkludiet ma’ Nintendo kien ftehim standard u li hija ma kellha ebda marġni sabiex tinnegozja t-termini tiegħu. Għalhekk, is-sitwazzjoni tad-distributuri indipendenti ta’ Nintendo, b’mod partikolari dik ta’ Itochu Hellas, li ma kellhom ebda għażla oħra ħlief li jagħtu l-kunsens tagħhom għall-imsemmi kuntratt, għandha tiġi distinta minn dik tal-konċessjonarji msemmija fil-kawża deċiża bis‑sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 1979, BMW Belgium et vs Il‑Kummissjoni (32/78, 36/78 sa 82/78, Ġabra p. 2435). Ir-rikorrenti tippreċiża li, fid-dawl tal-pożizzjoni ta’ Nintendo fil-Greċja u tar-riskji ta’ telf li hija setgħet iġġarrab, Itochu Hellas ma kellha ebda għażla oħra ħlief li taċċetta t-termini tal‑ftehim ta’ distribuzzjoni. B’hekk, l-attivitajiet ta’ Nintendo kienu jirrappreżentaw parti kbira mill-attivitajiet ta’ Itochu Hellas mill-1991 sal-1996 u t‑telf tagħhom fl‑1997 kien affettwa serjament lil Itochu Hellas. Meta l‑ftehim ġie xolt minn Nintendo, fl-1998-1999, id-dħul mill-bejgħ tagħha waqa’ bi 12 jew 13 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha fl-1997.

130    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 253 KE meta rrifjutat, mingħajr ġustifikazzjoni adegwata, li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li Itochu Hellas ma kinitx implementat il‑prattiki restrittivi inkwistjoni. Hija indikat, fl-ewwel lok, li Itochu Hellas esportat prodotti Nintendo li ġejjin mill-Greċja u li hija wettqet ċertu numru ta’ bejgħ fi ħdan ż-ŻEE, b’mod partikolari fi Spanja. Il‑klawżola kontenzjuża tal-ftehim ta’ distribuzzjoni, li tipprovdi li Itochu Hellas ma setgħetx tbigħ lil bejjiegħa stabbiliti fil-Greċja u approvati minn Nintendo, qatt ma ġiet deċiża jew implementata. Fil-prattika, Nintendo stess qatt ma interveniet fl-għażla jew fil-ħatra tal-bejjiegħa ta’ Itochu Hellas u qatt ma għamlet kummenti f’dan ir‑rigward. Ir-rikorrenti ssostni, fit-tieni lok, li mill-fajl tal-Kummissjoni jirriżulta li kien hemm volum kontinwu u sinjifikattiv ta’ importazzjoni parallela lejn il-Greċja matul il‑perijodu tal-ksur allegat. Dan huwa xhieda tal-fatt li Itochu Hellas qatt ma opponiet il‑kummerċ parallel tal-prodotti Nintendo. Fl-aħħar lok, hija tiċħad ukoll li ppruvat tuża l-ksur għall-benefiċċju tagħha, kif jixhed it-telf li hija ġarrbet matul il-perijodu inkwistjoni.

131    Il-Kummissjoni tikkontesta l-ilmenti kollha mqajma mir-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

132    F’din il-kawża għandu jiġi eżaminat jekk kienx ġustament u mingħajr ma kisret l‑obbligu ta’ motivazzjoni l-Kummissjoni rrifjutat, l-ewwel nett, li tirrikonoxxi li r-rikorrenti kellha rwol passiv fil-ksur u, it-tieni nett, li tikkonkludi li hija ma kinitx implementat l-imsemmi ksur.

–       Fuq in-natura passiva tar-rwol li kellha r-rikorrenti fil-ksur

133    Preliminarjament, għandu jiġi kkunsidrat li, sa fejn l-argumenti tar-rikorrenti huma intiżi li jikkontestaw l-involviment personali ta’ Itochu fl‑akkordju kontenzjuż, dawn għandhom, wara l-eżami tal-motiv imqajjem insostenn tat-talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni, jiġu miċħuda.

134    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, meta ksur jitwettaq minn diversi impriżi, għandha tiġi eżaminata l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni fil-ksur ta’ kull waħda minnhom (sentenzi tal‑Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 623, u tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 150), sabiex jiġi ddeterminat jekk jeżistux, fir-rigward tagħhom, ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti.

135    B’mod partikolari, ir-“rwol esklużivament passiv jew emulattiv” ta’ impriża fit‑twettiq tal-ksur jista’, jekk ikun stabbilit, jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti, skont l-ewwel inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida, fid‑dawl tal-fatt li dan ir-rwol passiv jimplika l-adozzjoni ta’ approċċ “profil baxx” mill-impriża kkonċernata, jiġifieri nuqqas ta’ parteċipazzjoni attiva fil-ħolqien ta’ ftehim antikompetittiv (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il‑Kummissjoni (T‑220/00, Ġabra p. II‑2473, punt 167).

136    F’din il-kawża, ir-rikorrenti essenzjalment tallega li Itochu Hellas kellha biss sehem minuri fil-qafas tal-mekkaniżmu globali ta’ limitazzjoni tal‑importazzjoni parallela maħluq minn Nintendo u li r-rwol tagħha kien għall-inqas passiv daqs dak li kellha Concentra. Hija ssostni barra minn hekk li, meta tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika tagħha, Itochu Hellas ma kinitx f’pożizzjoni li tirrifjuta t-termini tal‑ftehim ta’ distribuzzjoni li ġew imposti fuqha minn Nintendo.

137    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li peress li Itochu Hellas effettivament ikkonkludiet il-ftehim ta’ distribuzzjoni kontenzjuż u, għalhekk, formalment tat l-approvazzjoni tagħha għall-prinċipju ta’ restrizzjoni tal-kummerċ parallel, ir-rikorrenti ma tistax tallega li hija kellha biss rwol passiv fil-ksur.

138    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-allegazzjoni li hija kellha biss sehem żgħir fil‑mekkaniżmu ta’ limitazzjoni tal-importazzjoni parallela, għandu jiġi rrilevat li, kif enfasizzat il-Kummissjoni fil-premessi 206 u 429 tad-Deċiżjoni, Itochu Hellas diversi drabi għaddiet spontanjament lil Nintendo informazzjoni dwar l‑importazzjoni parallela lejn it-territorju tagħha. Meta għamlet hekk, hija pparteċipat fil-mekkaniżmu stabbilit minn Nintendo u l-aġir tagħha juri, għall‑inqas, attitudni favorevoli u attiv fir-rigward tal-kontroll tal-akkordju. Il-fatt li Itochu Hellas ma fixklitx jew ma ppruvatx tifxkel l-importazzjoni parallela tal-prodotti inkwistjoni f’ebda każ ma jikkostitwixxi l-prova ta’ parteċipazzjoni “esklużivament” passiva minn din tal-aħħar fil-ksur inkwistjoni. Fil-fatt, tali aġir, li kieku seħħ, jixhed biss inqas entużjażmu fit-tmexxija tal‑akkordju, mingħajr madankollu ma jikkontesta l-involviment sħiħ tar‑rikorrenti f’dan l‑akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal‑Prim’Istanza tas‑6 ta’ Diċembru 2005, Brouwerij Haacht vs Il‑Kummissjoni, T‑48/02, Ġabra p. II‑5259, punt 80). Għalhekk mhuwiex biżżejjed li, f’ċerti perijodi jew fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehim, l-impriża kkonċernata adottat “profil baxx”.

139    Ir-rikorrenti lanqas ma tista’ tinvoka l-fatt li Itochu Hellas kienet imġiegħla tikkonkludi l-ftehim ta’ distribuzzjoni sabiex titlob il‑benefiċċju ta’ ċirkustanzi attenwanti. Fil-fatt, anki jekk jitqies bħala stabbilit li Nintendo kienet imponiet it‑termini tal-ftehim ta’ distribuzzjoni, fatt dan la ma ġiex ipprovat, xorta jibqa’ l‑fatt li, meta kkomunikat l-informazzjoni dwar il‑kummerċ parallel, hija kkonformat ruħha mal-imsemmi ftehim, mingħajr ma adottat rwol esklużivament passiv jew emulattiv fit-twettiq tal-ksur.

140    Fi kwalunkwe każ, anki li kieku r-rikorrenti kienet imġiegħla tikkonkludi l‑ftehim ta’ distribuzzjoni kontenzjuż, fid-dawl tar-rabtiet ta’ dipendenza ekonomika li jikkaratterizzaw ir-relazzjonijiet tagħha ma’ Nintendo, hija ma tistax tinvoka dan il-fatt peress li hija tista’, minflok ma tipparteċipa fl-attivitajiet inkwistjoni, tirrapporta l-imsemmija pressjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti u tressaq ilment quddiem il-Kummissjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17 (ara l‑ġurisprudenza ċċitata fil-punt 114 iktar ’il fuq).

141    Barra minn hekk, lanqas l-ilment ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret il‑prinċipju ta’ trattament ugwali meta rrikonoxxiet il-benefiċċju taċ‑ċirkustanza attenwanti marbuta mar-rwol esklużivament passiv fir-rigward ta’ Concentra u mhux tar-rikorrenti, ma jista’ jiġi aċċettat. Fil-fatt, mill‑konstatazzjonijiet fattwali tal-Kummissjoni, li mhumiex ikkontestati mir‑rikorrenti, jirriżulta li r-rwoli li kellhom dawn iż‑żewġ impriżi fil-ksur ma kinux komparabbli. Għalkemm it-tnejn li huma għaddew spontanjament informazzjoni lil Nintendo dwar il-kummerċ parallel tal‑prodotti Nintendo u talbu l-għajnuna tagħha f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-korrispondenza bejn Nintendo u Concentra, skambjata erba’ darbiet bejn Jannar 1996 u Novembru 1997, kienet iktar sporadika minn dik skambjata bejn Nintendo u Itochu (ara l‑premessi 206, 212 u 213 tad-Deċiżjoni). Barra minn hekk u fuq kollox, mill-fatti msemmija mill‑Kummissjoni jirriżulta li Itochu għaddiet lil Nintendo informazzjoni preċiża dwar l-effett u l-oriġini tal-kummerċ parallel u li l‑korrispondenza ta’ Itochu ppermettiet, għall-inqas f’okkażjoni waħda, li titwaqqaf l-esportazzjoni parallela mir-Renju Unit (ara l-premessi 206 u 429 tad‑Deċiżjoni). Għalhekk il‑Kummissjoni setgħet tiddistingwi r‑rwol li kellha r‑rikorrenti fil-ksur minn dak li kellha Concentra u, konsegwentement, setgħet tagħti tnaqqis fil-multa, minħabba ċ‑ċirkustanza attenwanti kkostitwita min-natura passiva tar-rwol fil‑ksur, lil din tal-aħħar biss.

142    Fir-rigward, fl-aħħar lok, tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu, l-ewwel nett, isir riferiment għall-ġurisprudenza ċċitata fil‑punt 82 iktar ’il fuq u, it-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li l‑Kummissjoni, meta ċaħħdet lir-rikorrenti mill-benefiċċju taċ‑ċirkustanza attenwanti invokata, indikat, fid-Deċiżjoni (ara l-premessi 427 sa 429), l-elementi ta’ evalwazzjoni li wassluha sabiex ma tapplikax ċirkustanza attenwanti minħabba rwol purament passiv jew emulattiv fir‑rigward tar‑rikorrenti. Għalhekk, fuq dan il-punt, hija ma wettqet ebda ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha.

143    Għandu għalhekk jiġi konkluż li l-Kummissjoni ġustament u b’mod suffiċjentement motivat ikkonkludiet li kellha tiġi miċħuda ċ-ċirkustanza attenwanti invokata. Għalhekk, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq l-applikazzjoni effettiva tal-ksur mir-rikorrenti

144    Skont it-termini tat-tieni inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida, in-“nuqqas ta’ implementazzjoni fil-prattika tal-ftehim jew prattiċi illeċiti” jista’ jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti.

145    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni hija obbligata tirrikonoxxi l‑eżistenza ta’ ċirkustanza attenwanti minħabba li l‑akkordju ma jkunx ġie implementat biss jekk l-impriża li tinvoka din iċ-ċirkustanza tkun tista’ turi li hija b’mod ċar u b’qawwa uriet l‑oppożizzjoni tagħha għall-implementazzjoni ta’ dan l-akkordju, sal-punt li tkun fixklet it‑tħaddim stess tiegħu u jekk hija ma tkunx aderixxiet mal‑ftehim u minħabba dan il-fatt, inċitat l-impriżi l-oħra sabiex jimplementaw l-akkordju inkwistjoni. Fil-fatt, ikun wisq faċli għall-impriżi li jimminimizzaw ir-riskju li jkollhom iħallsu multi ħorox jekk huma jkunu jistgħu jibbenefikaw minn akkordju illegali u jibbenefikaw sussegwentement minn tnaqqis tal-multa minħabba li huma kellhom biss rwol limitat fl‑implementazzjoni tal-ksur, meta l-aġir tagħhom ikun inċita lill-impriżi l‑oħra sabiex jaġixxu b’mod iktar dannuż għall‑kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren‑Werke vs Il-Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra p. II‑2223, punti 277 u 278).

146    Issa, iċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ din il-parti ma jippermettux li jiġi konkluż li hija tbiegħdet b’mod ċar u b’qawwa mill-ftehim konkluż ma’ Nintendo sal-punt li fixklet it-tħaddim tiegħu.

147    Bl-istess mod, Itochu ma tistax validament tinvoka l-fatt li hija ma ppruvatx tuża l-ksur għall-benefiċċju tagħha peress li, matul il‑perijodu tal-ksur, hija ġarrbet telf u ltaqgħet ma’ ċerti diffikultajiet ekonomiċi. Minbarra l-fatt li l-Kummissjoni mhijiex obbligata tieħu inkunsiderazzjoni tali elementi fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal‑eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti (ara, f’dan is-sens, fir-rigward ta’ kartelli, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punt 345), ma ġiex stabbilit li dawn l‑allegati diffikultajiet kienu marbuta man-nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva tal‑miżuri kontenzjużi. B’mod partikolari, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti stess aċċettat, fir-risposta tagħha għad‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l‑prestazzjoni medjokri rreġistrata minn Itochu Hellas matul il-perijodu tal-ksur kienet dovuta għal numru ta’ fatturi indipendenti mill-applikazzjoni tal-ftehim li hija kienet ikkonkludiet ma’ Nintendo.

148    Barra minn hekk, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu l-ewwel nett isir riferiment għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 82 iktar ’il fuq u, it-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li l‑Kummissjoni, meta ċaħħdet lir-rikorrenti mill-benefiċċju taċ‑ċirkustanza attenwanti invokata, indikat, fid-Deċiżjoni (ara l‑premessi 434 sa 437), l-elementi ta’ evalwazzjoni li wassluha sabiex ma tapplikax favur ir-rikorrenti ċirkustanza attenwanti minħabba n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal‑ftehim kontenzjuż. Għalhekk, fuq dan il‑punt, hija ma wettqet ebda ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha.

149    F’dawn iċ-ċirkustanzi, Itochu lanqas ma tista’ tibbenefika minn tnaqqis tal‑ammont tal-multa minħabba din iċ-ċirkustanza attenwanti tal-aħħar.

150    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, minħabba l-iffissar ta’ multa li taqbeż il-limitu ta’ 10 % tad‑dħul mill-bejgħ magħmul matul is-sena finanzjarja preċedenti

 L-argumenti tal-partijiet

151    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 15(2) tar‑Regolament Nru 17 sa fejn id-Deċiżjoni timponi multa li taqbeż l-10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ Itochu Hellas matul is‑sena finanzjarja ta’ qabel is-sena tal-adozzjoni tad‑Deċiżjoni. Hija tiddikjara li d‑Deċiżjoni kien imissha ġiet indirizzata lil Itochu Hellas u li kwalunkwe multa eventwali kien imissha ġiet imposta fuq din il‑kumpannija. Għalhekk, il-limitu massimu ta’ 10 % kien imissu ġie evalwat fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ ta’ Itochu Hellas fl-2001, li jammonta għal EUR 423 475. Meta imponiet multa ta’ EUR 4.5 miljuni, li tikkorrispondi għal iktar minn 50 % tad-dħul mill-bejgħ annwali ta’ Itochu Hellas sa mill‑1991, bl‑eċċezzjoni tal-1994, il-Kummissjoni ma mxietx ma’ dan il‑limitu. Ir‑rikorrenti, għalhekk, titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tnaqqas il‑multa imposta fuqha mill‑Artikolu 3 tad-Deċiżjoni għal ammont li ma jaqbiżx EUR 42 348, jiġifieri somma ekwivalenti għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ Itochu Hellas fl-2001.

152    Fir-replika, ir-rikorrenti tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li dan il-motiv jikkontradixxi l-motiv ibbażat fuq l-imputabbiltà żbaljata tal‑ksur lir‑rikorrenti f’dak li jirrigwarda l-miżuri mitluba. Hija tikkunsidra li l‑Qorti tal‑Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi li ma tannullax id‑Deċiżjoni iżda li tevalwa mill‑ġdid l-ammont tal-multa, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni li għandha Itochu Hellas fis-suq. Għalhekk, dan il-motiv huwa invokat ukoll b’mod sussidjarju, fl‑eventwalità li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma tannullax id-Deċiżjoni kif mitlub mir-rikorrenti fl-ewwel kap tat-talbiet tagħha.

153    Il-Kummissjoni talbet li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

154    L-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jipprevedi li l-multi imposti mill‑Kummissjoni fuq l-impriżi li jkunu kisru l-Artikolu 81 KE jew l‑Artikolu 82 KE jistgħu jiżdiedu għal “10 % tat-turnover [dħul mill‑bejgħ] fis-sena ta’ negozju preċedenti ta’ kull impriża li tkun qed tipparteċipa fil-ksur”.

155    F’din il-kawża, Itochu ssostni li l-Kummissjoni kellha tistabbilixxi l‑ammont tal‑multa billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ ta’ Itochu Hellas, li hija biss hija responsabbli għall-ksur.

156    Issa, kif jirriżulta mill-eżami tal-motiv imqajjem minn Itochu insostenn tat‑talba tagħha għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni, il‑Kummissjoni ġustament indirizzat id-Deċiżjoni lil Itochu sa fejn din għandha tinżamm responsabbli għall‑ksur.

157    Għalhekk, dan il-motiv ma jistax jintlaqa’ sa fejn il-Kummissjoni għandha, għall‑finijiet tal-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 %, tikkunsidra d-dħul mill-bejgħ tal-impriża kkonċernata, jiġifieri l-impriża li lilha ġie attribwit il-ksur u li, għal din ir-raġuni, ġiet iddikjarata responsabbli u ġiet innotifikata bid-deċiżjoni li timponi l-multa (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ Lulju 2006, Hoek Loos vs Il-Kummissjoni, T‑304/02, Ġabra p. II‑1887, punt 116; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 390).

158    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

 L-argumenti tal-partijiet

159    Ir-rikorrenti ssostni li, mill-formulazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Itochu Hellas u Itochu wasslu għall-konklużjoni li l-Kummissjoni kienet allegatament identifikat ksur tal‑Artikolu 81(1) KE ta’ natura kemm vertikali kif ukoll ta’ natura orizzontali. Fl-eżami tal-aspett orizzontali tal-ksur allegat, ir‑risposta għad-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, imressqa f’isem Itochu Hellas u Itochu, inkitbet billi ttieħdet inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li jiġi applikat l-Avviż dwar il-kooperazzjoni, li l-applikazzjoni tiegħu hija limitata għal kooperazzjoni mal-Kummissjoni mill-impriżi involuti f’akkordju orizzontali sigriet.

160    Għalhekk, f’diversi punti, Itochu Hellas u Itochu, fir-risposta tagħhom għad‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, għażlu li ma jikkontestawx l‑interpretazzjoni tal-fatti magħmula mill-Kummissjoni. Meta għamlu hekk, huma ma setgħux jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tad-difiża bl‑aħjar mod possibbli, jew, għall-inqas, adottaw strateġija ta’ difiża li huma ma kinux jadottaw li kieku ma kinux żgwidati mill-Kummissjoni. B’hekk, peress li Itochu Hellas ma kellha ebda dokument dwar id‑distribuzzjoni tal-prodotti Nintendo, l-uniku mod li bih setgħet tikkoopera mal-Kummissjoni kien li ma tikkontestax il-verità tal-fatti.

161    Ir-rikorrenti tikkunsidra li, meta llimitat l-evalwazzjoni legali tal-ksur fid‑Deċiżjoni għal ftehim vertikali, il-Kummissjoni ħolqot sitwazzjoni fejn għall-impriżi involuti ma kienx għadu possibbli li jibbenefikaw minn tnaqqis tal‑ammont tal-multa abbażi tal-Avviż dwar il‑kooperazzjoni. Tali metodu żleali jikser id-drittijiet tad-difiża tal-impriżi involuti peress li huma kienu jkunu jistgħu jiżviluppaw strateġija ta’ difiża differenti minn dik li sempliċement ssirx kontestazzjoni tal-fatti.

162    Skont ir-rikorrenti, dan it-tibdil fil-metodu kellu l-konsegwenza li Itochu ma tistax tibbenefika minn tnaqqis ta’ 10 % fl-ammont tal‑multa tagħha, imposta minħabba l-aġir ta’ Itochu Hellas fil-kuntest ta’ ksur vertikali, filwaqt li hija kienet tkun tista’ tibbenefika minn tali tnaqqis li kieku kienet involuta f’akkordju orizzontali. Minn dan ir-rikorrenti tikkonkludi li, fl-eventwalità li l-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l‑Kummissjoni ma kisritx id-drittijiet tad-difiża, Itochu xorta waħda għandha tibbenefika minn tnaqqis fl-ammont tal-multa tagħha ta’ mill-inqas 10 % minħabba li hija ma kkontestatx il-verità tal-fatti esposti fid-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni.

163    Ir-rikorrenti ssostni, fir-replika tagħha, li, għalkemm, kif issostni l‑Kummissjoni, kull kooperazzjoni effettiva tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti barra mill-kuntest tal‑Avviż dwar il-kooperazzjoni, it‑tnaqqis tal‑ammont tal‑multa li jirriżulta minn din iċ-ċirkustanza attenwanti mhuwiex suġġett għall-istess kundizzjonijiet. B’mod partikolari, dan l-avviż ma jirrikjedix li, sabiex tibbenefika minn tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti inkwistjoni, tali kooperazzjoni trid issir f’sitwazzjoni fejn id‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet tkun ibbażata fuq numru kumpless ta’ fatti marbuta bejniethom.

164    Il-Kummissjoni tqajjem l-oġġezzjoni li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti huma vvizzjati kemm fil-fatt kif ukoll fil-liġi. It-tnaqqis tal-ammont tal-multa mitlub mir‑rikorrenti minħabba l-allegata kooperazzjoni tagħha f’ebda każ ma jista’ jiġi aċċettat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

165    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jidher li qed tissuġġerixxi r-rikorrenti, mid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet b’ebda mod ma jirriżulta li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tillimita, fl-istadju tal‑proċedura amministrattiva, l-evalwazzjoni legali tagħha għall-aspett orizzontali tal-ksur allegat.

166    F’dan ir-rigward, il-fatt li l-Kummissjoni għamlet riferiment, fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, għat-terminoloġija u għall‑ġurisprudenza dwar il-ftehim orizzontali ma setax, fih innifsu, iwassalha għal żball.

167    Barra minn hekk, ir-risposta mogħtija mir-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet turi b’mod ċar li, fil-fehma tagħha stess, il-ksur allegat kien jikkonċerna relazzjoni ta’ natura vertikali.

168    Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni ddeċidiet li tabbanduna l‑oġġezzjonijiet dwar l-eventwali aspetti orizzontali tal-ksur f’ebda każ ma seta’ ħadem kontra r‑rikorrenti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li r-rekwiżit li d‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tinkludi spjegazzjoni tal-oġġezzjonijiet miktuba b’termini suffiċjentement ċari, anki jekk ikunu fil-forma ta’ sunt, sabiex il-persuni interessati jkunu jistgħu jagħrfu effettivament l-aġir li l-Kummissjoni qed takkużahom bih ikun osservat meta d-deċiżjoni ma tpoġġix fuq il-persuni interessati responsabbiltà għal ksur differenti minn dak ikkontemplat fid‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tikkunsidra biss il-fatti li fuqhom il-persuni interessati kellhom l-okkażjoni jispjegaw ruħhom.

169    Meta d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħti indikazzjoni ċara tan‑natura tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni attribwit lill-impriża inkwistjoni u tal-fatti essenzjali invokati f’dan ir-rigward, din l-impriża tkun f’pożizzjoni li twieġeb għal din l‑akkuża u li tiddefendi d-drittijiet tagħha. Preżentazzjoni sussegwenti tal‑oġġezzjonijiet fid‑deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni li tikkwalifika akkordju ekonomiku bħala “vertikali” jew “orizzontali” ma tammontax għal bidla materjali tal‑oġġezzjonijiet minn kif kienu ppreżentati fid-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 2005, DaimlerChrysler vs Il-Kummissjoni, T‑325/01, Ġabra p. II‑3319, punti 188, 189 u 192).

170    Għalhekk, id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ma nkisrux meta l‑Kummissjoni llimitat, fid-deċiżjoni kkontestata, id-deskrizzjoni tal-ksur inkwistjoni għall-aspetti vertikali tiegħu.

171    Fi kwalunkwe każ, il-bidla fil-formulazzjoni adottata mill-Kummissjoni b’ebda mod ma ċaħħdet lir-rikorrenti mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-kooperazzjoni tagħha sa fejn hija qatt ma talbet il-benefiċċju tal‑Avviż tal-kooperazzjoni, skont il-punt E tiegħu, u sa fejn il‑kooperazzjoni effettiva tal-impriżi inkwistjoni ttieħdet inkunsiderazzjoni barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-avviż (ara l-premessi 454 sa 464 tad-Deċiżjoni).

172    Fid-dawl ta’ kollu li ntqal iktar ’il fuq, l-aħħar motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud ukoll.

173    Minn dan isegwi li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

174    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r‑rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it‑talbiet tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Itochu Corp. hija kkundannata għall-ispejjeż.

Martins Ribeiro

Papasavvas

Wahl

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-30 ta’ April 2009.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.  L-impriżi inkwistjoni

2.  Il-proċedura amministrattiva

Investigazzjoni dwar is-settur tal-logħob vidjo (Każ IV/35.587 PO Video Games)

Investigazzjoni addizzjonali speċifikament dwar is-sistema ta’ distrubuzzjoni ta’ Nintendo (Każ IV/35.706 PO Nintendo Distribution)

Investigazzjoni b’riżultat tal-ilment li sar minn Omega Electro BV (Każ IV/36.321 Omega – Nintendo)

3.  Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq it-talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

2.  Fuq it-talba għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll tal‑prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalitŕ fir-rigward tat-trattament differenzjat magħmul mill-Kummissjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ prorporzjonalitŕ u ta’ trattament ugwali fiż-żieda tal-ammont ta’ tluq tal-multa bħala dissważjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalitŕ fiż-żieda tal-ammont tal-multa minħabba t-tul tal-ksur

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–  Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur manifest ta’ evalwazzjoni fid‑determinazzjoni tal-perijodu li matulu r-rikorrenti pparteċipat fil-ksur

–  Dwar it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ propozjonalitŕ fl-iffissar tar-rati ta’ żieda għal kull sena tal-ksur

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll tal‑prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ prorporzjonalitŕ, minħabba n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti ċirkustanzi attenwanti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–  Fuq in-natura passiva tar-rwol li kellha r-rikorrenti fil-ksur

–  Fuq l-applikazzjoni effettiva tal-ksur mir-rikorrenti

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, minħabba l-iffissar ta’ multa li taqbeż il-limitu ta’ 10 % tad‑dħul mill-bejgħ magħmul matul is-sena finanzjarja preċedenti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 – Data kunfidenzjali miżmuma.