Language of document : ECLI:EU:T:2019:674

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

24 ta’ Settembru 2019 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark tal-Unjoni Ewropea li tirrappreżenta kwadru iswed li jinkludi seba’ ċrieki konċentriċi – Raġuni assoluta għal rifjut – Sinjal ikkostitwit esklużivament mill-forma ta’ merkanzija neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku – Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament (UE) 2017/1001”

Fil-Kawża T‑261/18,

Roxtec AB, stabbilita f’Karlskrona (l-Isvezja), irrappreżentata minn J. Olsson u J. Adamsson, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn V. Ruzek u H. O’Neill, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Wallmax Srl, stabbilita f’Milano (l-Italja), irrappreżentata minn F. Ferrari u L. Goglia, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO tat‑8 ta’ Jannar 2018 (Każ R 940/2017‑2), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Wallmax u Roxtec,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Prek, President, E. Buttigieg (Relatur) u B. Berke, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ April 2018,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ Lulju 2018,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑31 ta’ Lulju 2018,

wara li rat il-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali lill-partijiet tat‑28 ta’ Frar 2019 u t-tweġibiet tagħhom għal din il-mistoqsija ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑13 u fl‑14 ta’ Marzu 2019,

wara s-seduta tad‑29 ta’ Marzu 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis‑6 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrenti, Roxtec AB, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, u li għaliha l-kuluri “blu u iswed” ġew mitluba, hija s-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom jaqgħu taħt il-klassi 17 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Materjal li jisiġilla tal-plastik jew tal-gomma għall-kejbils u għall-pajpijiet”.

4        L-applikazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 127/2015 tal‑10 ta’ Lulju 2015 u t-trade mark ġiet irreġistrata fit‑22 ta’ Ottubru 2015 bin-numru 14338735.

5        Ir-rikorrenti tiżviluppa u tikkummerċjalizza moduli siġillanti li jibbenefikaw minn protezzjoni permezz ta’ privattiva sal‑2010.

6        Fis‑7 ta’ Jannar 2016, l-intervenjenti, Wallmax Srl, li tipproduċi u tiddistribwixxi moduli siġillanti simili, ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark riprodotta fil-punt 2 iktar ’il fuq għall-prodotti koperti minnha, billi invokat, fl-ewwel lok, ir-raġunijiet assoluti ta’ invalidità stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(b), (d) u (e) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1)(b), (d) u (e) tar-Regolament 2017/1001), moqri flimkien mal-Artikolu 52(1)(a) tal-istess regolament (li sar l-Artikolu 59(1)(a) tar-Regolament 2017/1001), u, fit-tieni lok, ir-raġuni assoluta ta’ invalidità msemmija fl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 59(1)(b) tar-Regolament 2017/1001), billi ssostni li r-rikorrenti kienet aġixxiet b’mala fide meta ressqet it-talba tagħha.

7        Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Marzu 2017, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kollha kemm hi. Fir-rigward tar-raġuni assoluta ta’ invalidità stabbilita fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001), b’mod partikolari hija qieset li, l-ewwel nett, kif barra minn hekk ammettiet ir-rikorrenti, is-sinjal ikkontestat kien jirreferi b’mod ċar għal kif jidher modulu siġillanti ta’ kejbil; it-tieni nett, il-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal ikkontestat huma seba’ ċrieki konċentriċi blu mpoġġija fuq sfond kwadru iswed isseparati minn xulxin b’distanza identika għall-wisa’ tagħhom, filwaqt li l-iktar ċirku żgħir, li huwa l-iktar wieħed ’il ġewwa, fih ċirku iswed ikbar fiċ-ċentru tiegħu, u, it-tielet nett, minn naħa, it-trade mark figurattiva kkontestata oġġettivament bl-ebda mod ma tixbah disinn tekniku jew rappreżentazzjoni bidimensjonali ta’ prodott tridimensjonali, u, min-naħa l-oħra, hemm diversi differenzi oġġettivi bejn it-trade mark ikkontestata u l-forma tal-modulu siġillanti tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem il-“modulu siġillanti”), bħall-kulur, in-numru ta’ ċrieki konċentriċi u l-assenza ta’ linja ta’ demarkazzjoni. Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni għalhekk ikkonkludiet li r-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata ma ppreżentatx ir-riskju li tiġi kompromessa indebitament il-possibbiltà għall-kompetituri li jqiegħdu fis-suq prodotti li s-sistema tagħhom tinkorpora teknoloġija identika jew simili bħala soluzzjoni teknika u li, konsegwentement, din ma kellhiex tiġi kkanċellata skont l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq.

8        Fit‑8 ta’ Mejju 2017, l-intervenjenti ppreżentat appell kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001).

9        Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Jannar 2018, it-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u laqa’ t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità abbażi tal-Artikolu 59(1)(a) tar-Regolament 2017/1001 moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tal-istess regolament.

10      Fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell qies, l-ewwel nett, li apparti l-element tal-kulur tal-isfond li ma huwiex distintiv, is-sinjal ikkontestat kien jikkonsisti esklużivament fil-karatteristika prinċipali ta’ modulu ta’ siġill, jiġifieri rappreżentazzjoni eżatta ta’ kif jidher it-tarf tas-saffi konċentriċi li jistgħu jitneħħew li qegħdin mal-ġewwa tal-kavità ċilindrika u prattikament ma titbegħidx minn ritratt tal-wiċċ ta’ quddiem ta’ modulu siġillanti. It-tieni nett, huwa indika li l-aspetti l-oħra kollha tal-modulu siġillanti – il-fatt li jista’ jinqasam f’żewġ partijiet, il-fatt li jieħu l-forma ta’ blokka u l-fatt li jista’ jkollu kwalunkwe kulur – fil-parti l-kbira tagħhom ma għandhomx relazzjoni mal-funzjoni tiegħu, peress li tali elementi jistgħu jvarjaw b’mod kunsiderevoli mingħajr ma tinbidel il-funzjoni tas-siġill. It-tielet nett, huwa qies li t-tarf ta’ quddiem tal-wiċċ tal-modulu li juri b’mod ċar l-istruttura fi ċrieki konċentriċi, jinkludi l-informazzjoni kollha rilevanti meħtieġa sabiex jinkiseb ir-riżultat tekniku intenzjonat.

11      Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell qies, l-ewwel nett, li l-fatt li l-kulur fl-isfond tat-trade mark ikkontestata, jiġifieri l-iswed, ma huwiex dak tal-modulu siġillanti, jiġifieri l-blu, u l-fatt li n-numru ta’ ċrieki konċentriċi huwa differenti, ma jikkostitwixxux differenzi sinjifikattivi peress li dawn huma varjazzjonijiet marġinali tal-karatteristiċi mhux distintivi tat-trade mark ikkontestata. It-tieni nett, huwa enfasizza li, għalkemm huwa minnu li t-trade mark ikkontestata ma hijiex maqsuma permezz ta’ linja orizzontali li tiddelimita l-parti ta’ fuq u l-parti ta’ isfel sabiex tippermetti t-tneħħija tad-diversi saffi, fil-prattika, l-ammont ta’ viżibbiltà tal-linja huwa direttament proporzjonali għall-kwalità tal-irfinar, peress li fil-każ ta’ prodott lest ta’ kwalità għolja, jista’ jkun li l-linja ta’ demarkazzjoni lanqas tkun viżibbli. Għaldaqstant, l-assenza ta’ linja ta’ demarkazzjoni fit-trade mark ikkontestata ma hijiex determinanti. It-tielet nett, huwa qies li l-ebda element ornamentali jew immaġinattiv ma jikkostitwixxi, f’dan il-każ, karatteristika essenzjali tas-sinjal inkwistjoni u r-raba’ nett, huwa qies li l-fatt li t-trade mark ikkontestata hija figurattiva u tirrappreżenta disinn bidimensjonali bl-ebda mod ma jipprekludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001.

12      Fl-aħħar u fit-tielet lok, il-Bord tal-Appell qies, minn naħa, li r-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata tippreżenta r-riskju li tiġi kompromessa indebitament il-possibbiltà għall-kompetituri li jqiegħdu fis-suq moduli siġillanti li l-funzjoni tagħhom hija bbażata fuq it-tneħħija ta’ saffi konċentriċi minn kavità ċilindrika sabiex tiġi żgurata konnessjoni sigura ma’ pajp, tubu, fil jew kejbil, u min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti kienet wettqet il-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal trade marks li jinkludu ċrieki konċentriċi, inkluż it-trade mark ikkontestata, b’intenzjoni strateġika li tmur kontra l-loġika tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001.

 It-talbiet tal-partijiet

13      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż ta’ din l-istanza, kif ukoll għal dawk sostnuti fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem l-EUIPO.

14      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

15      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata;

–        tiddikjara t-trade mark ikkontestata bħala invalida skont l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tal-kapijiet tat-talbiet tal-intervenjenti

16      Preliminarjament, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li, peress li l-konferma tad-deċiżjoni kkontestata hija ekwivalenti għaċ-ċaħda tar-rikors, hemm lok li l-ewwel kap tat-talbiet tal-intervenjenti jinftiehem bħala li huwa intiż, essenzjalment, għaċ-ċaħda tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Frar 2016, Kicktipp vs UASI – Italiana Calzature (kicktipp), T‑135/14, EU:T:2016:69, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

17      It-tieni nett, fir-rigward tat-tieni kap tat-talbiet tal-intervenjenti, li permezz tiegħu din tal-aħħar titlob lill-Qorti Ġenerali tiddikjara t-trade mark ikkontestata bħala invalida skont l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001, hemm lok li jitfakkar li mill-Artikolu 72(2) u (3) tar-Regolament 2017/1001 jirriżulta li l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali hija intiża sabiex tiġi eżaminata l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell u sabiex jinkiseb, jekk ikun il-każ, il-kanċellament jew ir-riforma tagħhom, b’mod li ma għandhiex l-għan li tikseb, fid-dawl ta’ tali deċiżjonijiet, sentenzi dikjaratorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2017, GeoClimaDesign vs EUIPO – GEO (GEO), T‑280/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:913, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18      Għaldaqstant, peress li huwa intiż sabiex jikseb dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata, it-tieni kap tat-talbiet tal-intervenjenti għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq il-mertu

19      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001.

20      Insostenn tal-motiv uniku tagħha, ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, essenzjalment li t-trade mark ikkontestata ma tikkostitwixxix il-forma tal-prodott konkret inkwistjoni peress li hija tillimita ruħha li tirreferi għall-modulu siġillanti u ma tiddeskrivihx. Fil-fatt, it-trade mark ikkontestata ma tinkorporax it-tliet karatteristiċi tal-modulu siġillanti, jiġifieri l-linja ta’ demarkazzjoni, il-forma rettangolari tridimensjonali u s-saffi li jistgħu jitneħħew tal-imsemmi modulu. Barra minn hekk, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-assenza ta’ rappreżentazzjoni fit-trade mark ikkontestata tal-linja ta’ demarkazzjoni, il-prodott inkwistjoni jinkludi, kuntrarjament għal dak li qies il-Bord tal-Appell, linja ta’ demarkazzjoni viżibbli ħafna u li ma tisparixxix minħabba l-kwalità tal-irfinar tal-prodott, peress li l-modulu siġillanti huwa prodott tal-gomma u huwa maħsub għal użu industrijali. Għalhekk, minħabba dawn id-differenzi, ir-rikorrenti tqis li t-trade mark ikkontestata ser tiġi pperċepita mill-konsumatur rilevanti bħala trade mark figurattiva li turi l-kuluri karatteristiċi tar-rikorrenti, jiġifieri l-iswed u l-blu, u minħabba l-linja ta’ prodotti tagħha, ser tiġi pperċepita iktar bħala trade mark li turi l-modulu siġillanti kkummerċjalizzat mir-rikorrenti jew rappreżentazzjoni ta’ kif jidher dan il-modulu.

21      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Bord tal-Appell ma identifikax korrettament il-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal ikkontestat, billi qies li ċ-ċrieki konċentriċi kienu l-unika karatteristika essenzjali rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001, mingħajr ma qies il-“forma ta’ kaxxa”, il-kulur blu u l-kombinazzjoni tal-kuluri iswed u blu, li huma wkoll karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata.

22      B’mod partikolari, il-kombinazzjoni tal-kuluri iswed u blu hija, l-ewwel nett, karatteristika essenzjali tat-trade mark ikkontestata peress li, minn naħa, din tikkostitwixxi, flimkien maċ-ċrieki konċentriċi, il-karatteristika l-iktar distintiva tat-trade mark ikkontestata, u dan jintwera permezz tad-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO tal‑15 ta’ Ġunju 2012 (Każ R 2244/2010‑2) dwar trade mark oħra tar-rikorrenti li hija komposta biss minn dawn iż-żewġ kuluri, fejn ġie meqjus li l-imsemmija trade mark kienet kisbet karattru distintiv permezz tal-użu, b’mod partikolari, tal-“materjal li jisiġilla tal-plastik jew tal-gomma għall-kejbils u għall-pajpijiet” li jaqgħu taħt il-klassi 17, u, min-naħa l-oħra, tiddomina l-impressjoni viżiva globali prodotta mis-sinjal ikkontestat. It-tieni nett, l-imsemmija kombinazzjoni ta’ kuluri hija element mhux funzjonali maġġuri tat-trade mark ikkontestata, li jipprekludi li r-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata tiġi kkanċellata abbażi tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

23      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li t-trade mark ikkontestata ma tinkorporax il-karatteristiċi neċessarji u indispensabbli għall-funzjonament u għall-użu tal-prodott inkwistjoni, bħalma huma l-linja ta’ demarkazzjoni li tindika li l-prodott jista’ jinqasam f’żewġ partijiet, il-forma rettangolari tridimensjonali u s-saffi li jistgħu jitneħħew tal-prodott, u li r-riżultat tekniku intenzjonat ma jkunx jista’ jinkiseb mingħajrhom. Hija żżid li, peress li l-karatteristiċi msemmija iktar ’il fuq ma jidhrux fit-trade mark ikkontestata, dawn jistgħu jidhru fi prodotti kompetituri b’disinn differenti, ħaġa li tipprekludi li r-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata tiġi kkanċellata abbażi tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001. Barra minn hekk, ma hemmx riskju ta’ effett ħażin fuq il-kompetizzjoni peress li jeżistu diversi kombinazzjonijiet ta’ kuluri fis-suq minbarra minn dawk użati mir-rikorrenti, kif turi t-trade mark irreġistrata mill-intervenjenti li kienet is-suġġett tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni Nru B 3035 519 tat‑22 ta’ Frar 2019, li fiha ġie konkluż li ma hemmx probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mill-intervenjenti u t-trade marks preċedenti tar-rikorrenti fid-dawl, b’mod partikolari, tad-differenzi fil-kulur. Fl-aħħar nett, jeżistu soluzzjonijiet siġillanti oħra fis-suq li għalihom din is-soluzzjoni teknika partikolari lanqas hija neċessarja.

24      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

25      Preliminarjament, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, skont l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001, ma jistgħux jiġu rreġistrati s-sinjali li jikkonsistu esklużivament fil-forma tal-prodott li hija neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku.

26      L-interess li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament 2017/1001 huwa li jiġi evitat li d-dritt tat-trade marks iwassal sabiex impriża tingħata monopolju fuq soluzzjonijiet tekniċi jew karatteristiċi utilitarji ta’ prodott, li jistgħu jiġu mfittxija mill-utent fil-prodotti ta’ kompetituri (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2002, Philips, C‑299/99, EU:C:2002:377, punt 78).

27      Ir-regoli ffissati mil-leġiżlatur jirriflettu, f’dan ir-rigward, il-bilanċ ta’ żewġ kunsiderazzjonijiet li t-tnejn li huma jistgħu jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ sistema ta’ kompetizzjoni b’saħħitha u leali (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 44).

28      Minn naħa, l-introduzzjoni fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament 2017/1001 tal-projbizzjoni li jkun irreġistrat bħala trade mark kull sinjal kompost mill-forma tal-prodott neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku tiżgura li impriżi ma jistgħux jużaw id-dritt tat-trade marks sabiex iwettqu, mingħajr limitazzjoni ratione temporis, drittijiet esklużivi li jirrigwardaw soluzzjonijiet tekniċi (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 45).

29      Min-naħa l-oħra, billi llimita r-raġuni għal rifjut li tinsab fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001 għas-sinjali komposti “esklużivament” mill-forma tal-prodott “meħtieġa” għall-kisba ta’ riżultat tekniku, il-leġiżlatur debitament qies li kull forma tal-prodott hija, sa ċertu punt, funzjonali u li konsegwentement ma jkunx xieraq li tkun irrifjutata r-reġistrazzjoni bħala trade mark forma ta’ prodott għas-sempliċi raġuni li hija tippreżenta karatteristiċi utilitarji. Permezz tat-termini “esklużivament” u “meħtieġa”, l-imsemmija dispożizzjoni tiżgura li l-forom ta’ prodott li jinkorporaw soluzzjoni teknika biss u li r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark toħloq għalhekk realment l-użu ta’ din is-soluzzjoni teknika permezz ta’ impriżi oħra li jkunu miċħuda r-reġistrazzjoni (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 48).

30      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li applikazzjoni korretta tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001 timplika li l-karatteristiċi essenzjali ta’ sinjal tridimensjonali huma debitament identifikati mill-awtorità li tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark. L-espressjoni “karatteristiċi essenzjali” għandha tinftiehem bħala li tfisser l-elementi l-iktar sinjifikattivi tas-sinjal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punti 68 u 69).

31      L-identifikazzjoni tal-imsemmija karatteristiċi essenzjali għandha ssir każ b’każ. Fil-fatt, ma teżisti l-ebda ġerarkija sistematika bejn it-tipi ta’ elementi differenti li sinjal jista’ jkollu. Barra minn hekk, fir-riċerka tagħha tal-karatteristiċi essenzjali ta’ sinjal, l-awtorità kompetenti tista’ kemm tibbaża ruħha direttament fuq l-impressjoni globali mogħtija mis-sinjal, jew tipproċedi, qabelxejn, għal eżami suċċessiv ta’ kull wieħed mill-elementi kostituttivi tas-sinjal (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 70).

32      Konsegwentement, l-identifikazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali ta’ sinjal tridimensjonali fir-rigward ta’ eventwali applikazzjoni tar-raġuni għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001 tista’, skont il-każ, u b’mod partikolari fir-rigward tal-livell ta’ diffikultà tagħha, isseħħ permezz ta’ sempliċi analiżi viżiva ta’ dan is-sinjal jew, bil-kontra, tkun ibbażata fuq eżami fil-fond li fil-kuntest tiegħu jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi utli għall-evalwazzjoni, bħal stħarriġ u perizji, jew ukoll informazzjoni dwar drittijiet ta’ proprjetà intellettwali mogħtija preċedentement fir-rigward tal-prodott ikkonċernat (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 71).

33      Il-possibbiltà offruta lill-awtorità kompetenti li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi utli għall-identifikazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali ta’ sinjal tridimensjonali kkontestat ġiet estiża għall-eżami tas-sinjali bidimensjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2014, Pi‑Design et vs Yoshida Metal Industry, C‑337/12 P sa C‑340/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:129, punt 55).

34      Hemm lok li jiġi rrilevat, fit-tielet lok, li ladarba l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal ikunu identifikati, huwa l-EUIPO li għandu jivverifika jekk dawn il-karatteristiċi jikkorrispondux għall-funzjoni teknika tal-prodott inkwistjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001 ma jistax japplika meta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala trade mark tirrigwarda forma ta’ prodott li fiha element mhux funzjonali, bħal element ornamentali jew imaġinattiv, ikollu rwol importanti (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2016, Peri vs EUIPO (Forma ta’ lukkett għal shuttering), T‑656/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:367, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      L-eżami tal-funzjonalità tal-karatteristiċi essenzjali ta’ sinjal ikkostitwit mill-forma ta’ prodott għandu jsir billi jiġi analizzat is-sinjal ippreżentat għar-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark, u mhux is-sinjali kkostitwiti minn forom ta’ prodotti oħra. Il-funzjonalità teknika tista’ tiġi evalwata, b’mod partikolari, bit-teħid inkunsiderazzjoni tad-dokumentazzjoni dwar il-privattivi preċedenti li jiddeskrivu l-elementi funzjonali tal-forma kkonċernata (ara s-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2018, Novartis vs EUIPO – SK Chemicals (Rappreżentazzjoni ta’ garża li tipprovdi mediċina li tgħaddi minn ġol-ġilda), T‑44/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:48, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti żviluppati insostenn tal-motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001.

37      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li t-trade mark ikkontestata ma tikkostitwixxix il-forma tal-prodott konkret peress li tillimita ruħha li tirreferi għall-modulu siġillanti u ma tiddeskrivihx (ara l-punt 20 iktar ’il fuq), hemm lok li jiġi rrilevat li mill-ġurisprudenza jirriżulta, minn naħa, li r-rappreżentazzjoni grafika ta’ trade mark għandha tkun sħiħa fiha nnifisha, faċilment aċċessibbli u li tinftiehem sabiex sinjal ikun jista’ jiġi pperċepit b’mod kostanti u sigur li jiżgura l-funzjoni tal-oriġini tal-imsemmija trade mark. Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit tar-rappreżentazzjoni grafika għandu l-funzjoni b’mod partikolari li jiddefinixxi t-trade mark stess sabiex jiġi ddeterminat is-suġġett eżatt tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark irreġistrata lill-proprjetarju tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2014, Pi‑Design et vs Yoshida Metal Industry, C‑337/12 P sa C‑340/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:129, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 30 sa 33 iktar ’il fuq jirriżulta wkoll li, għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali ta’ sinjal bidimensjonali bħas-sinjal ikkontestat, il-Bord tal-Appell jista’ jwettaq eżami fil-fond li fil-kuntest tiegħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, minbarra r-rappreżentazzjoni grafika u d-deskrizzjonijiet possibbilment ippreżentati mal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, l-elementi utli li jippermettu li jiġi evalwat dak li s-sinjal jirrappreżenta konkretament.

39      F’dan ir-rigward, mill-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, sabiex jiġu evalwati l-karatteristiċi tat-trade mark ikkontestata, il-Bord tal-Appell l-ewwel qies ir-rappreżentazzjoni grafika bidimensjonali tas-sinjal kif ukoll il-modulu siġillanti, protett minn privattiva tar-rikorrenti li skadiet fl‑2010. Fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ elementi, huwa għalhekk li qabelxejn il-Bord ikkonstata, fil-punt 22 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-istruttura ta’ ċrieki konċentriċi tat-trade mark ikkontestata setgħet tiġi distinta fiż-żewġ disinni tekniċi tal-modulu siġillanti li ġew mid-dokument tal-privattiva oriġinali.

40      Imbagħad, huwa rrefera, minn naħa, fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, għad-deskrizzjoni tal-modulu siġillanti li ġejja mill-privattiva tar-rikorrenti, li minnha jirriżulta b’mod partikolari dan li ġej: “[l]-invenzjoni, li tikkonsisti minn siġill ‘li taqsam jew li tgħaddi’, tikkostitwixxi proċess li jiżgura aġġustament issikkat għad-dħul sigur ta’ kejbil, ta’ tubu jew ta’ fil. Il-kavità lonġitudinali ċirkulari interna hija kkostitwita minn saffi siġillanti konċentriċi li jistgħu jitneħħew. Is-saffi jitneħħew sakemm id-dijametru korrett jintlaħaq sabiex ikun jista’ jiddaħħal kejbil. Il-modulu huwa magħmul minn gomma ta’ kwalità għolja”. Min-naħa l-oħra, fil-punt 25 tal-imsemmija deċiżjoni, huwa għamel riferiment għall-katalogu ta’ prodotti tar-rikorrenti li fih din tal-aħħar issostni li “[l-invenzjoni] hija soluzzjoni bbażata fuq il-moduli tal-gomma magħmula minn saffi li jistgħu jitneħħew” u li “[d]in tippermetti ssiġillar perfett, irrispettivament mid-dimensjonijiet esterni tal-kejbil jew tal-pajp”.

41      Fl-aħħar nett, huwa għamel riferiment, fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, għar-ritratti tal-modulu siġillanti tal-materjal pubbliċitarju tar-rikorrenti li juru l-użu tal-modulu siġillanti, jiġifieri, b’mod partikolari, it-tneħħija ta’ saffi siġillanti konċentriċi li jistgħu jitneħħew u d-dħul ta’ kejbil.

42      Abbażi ta’ dawn l-elementi kollha, il-Bord tal-Appell essenzjalment ikkonkluda, fil-punti 38 u 44 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trade mark ikkontestata kienet tikkostitwixxi rappreżentazzjoni bidimensjonali tal-wiċċ ta’ quddiem ta’ modulu siġillanti.

43      Hemm lok li din il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell tiġi kkonfermata. Fil-fatt, minn naħa, minn paragun bejn it-trade mark ikkontestata u d-disinni tekniċi tal-modulu siġillanti li jirriżultaw mill-privattiva skaduta tar-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, minn paragun bejn l-imsemmija trade mark u r-ritratti tal-modulu siġillanti mill-materjal pubbliċitarju tar-rikorrenti, jirriżulta li t-trade mark ikkontestata, li hija kkostitwita minn sfond kwadru iswed li fih seba’ ċrieki blu konċentriċi, ma titbegħidx ħlief b’mod żgħir ħafna mill-wiċċ ta’ quddiem ta’ modulu siġillanti, li jikkonsisti f’forma kwadra li minnha wieħed jista’ jara t-tarf tas-saffi siġillanti konċentriċi li jistgħu jitneħħew li qegħdin mal-ġewwa tal-kavità ċilindrika tagħha u li huwa maqsum b’linja orizzontali rqiqa.

44      Mid-deskrizzjonijiet tal-modulu siġillanti li jirriżultaw mill-privattiva msemmija iktar ’il fuq u mill-katalogu ta’ prodotti tar-rikorrenti jirriżulta wkoll li l-“invenzjoni” hija soluzzjoni bbażata fuq moduli tal-gomma magħmula minn saffi konċentriċi li jistgħu jitneħħew. Għaldaqstant, minn dan jista’ jiġi dedott li ċ-ċrieki konċentriċi tat-trade mark ikkontestata huma “l-konsegwenza viżibbli tan-‘numru kbir’ ta’ saffi li għandhom jitneħħew” u li kull wieħed minnhom jikkorrispondi “għal viżjoni laterali tas-saff li għandu jitneħħa”, kif ikkonstata ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata.

45      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, it-trade mark ikkontestata hija kkostitwita mill-forma tal-prodott konkret inkwistjoni, jiġifieri rappreżentazzjoni bidimensjonali tal-wiċċ ta’ quddiem ta’ modulu siġillanti li turi t-tarf tas-saffi siġillanti konċentriċi li jistgħu jitneħħew li jifformaw il-ġewwa tal-kavità ċilindrika tal-imsemmi modulu.

46      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti tar-rikorrenti.

47      Fil-fatt, l-ewwel nett, fir-rigward tal-assenza ta’ rappreżentazzjoni tal-linja ta’ demarkazzjoni tal-modulu siġillanti fit-trade mark ikkontestata, hemm lok li jiġi rrilevat, kif ġustament għamlet l-intervenjenti, li ż-żewġ nofsijiet li jifformaw il-modulu ma jistgħux jiġu kkunsidrati indipendentement, iżda bħala ħaġa waħda, peress li l-prodott iwettaq il-funzjonijiet tiegħu ta’ siġillanti b’mod konkret biss meta ż-żewġ nofsijiet ikunu fuq xulxin. Għalhekk, ladarba dawn ikunu fuq xulxin, iż-żewġ nofsijiet jifformaw element wieħed uniformi u l-linja ta’ demarkazzjoni bejniethom ma tantx tkun viżibbli, u dan jirriżulta manifestament, minn naħa, mir-ritratti tal-imsemmi modulu riprodotti fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, u min-naħa l-oħra, mill-katalogu ta’ prodotti tar-rikorrenti, fejn huwa indikat li ladarba ż-żewġ nofsijiet tal-modulu jkunu fuq xulxin, il-ħxuna tal-linja ta’ demarkazzjoni tal-modulu inkwistjoni tvarja bejn 0.1 u 1.0 mm. Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li, peress li l-linja ta’ demarkazzjoni tikkostitwixxi karatteristika minuri tal-modulu siġillanti li ma tantx tidher, il-fatt li dan l-element ma huwiex irrappreżentat fit-trade mark ikkontestata ma huwiex determinanti, kif irrileva ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata, peress li dan ma jipprekludix li t-trade mark ikkontestata tiġi pperċepita bħala rappreżentazzjoni tal-wiċċ ta’ quddiem ta’ modulu siġillanti fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 43 sa 45 iktar ’il fuq.

48      It-tieni nett, fir-rigward tal-assenza ta’ rappreżentazzjoni tal-forma rettangolari tridimensjonali tal-modulu siġillanti fit-trade mark ikkontestata, hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001 ma jiddefinixxix is-sinjali li għandhom jitqiesu bħala forma fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Ma jagħmel l-ebda distinzjoni bejn forom tridimensjonali, forom bidimensjonali jew lanqas rappreżentazzjonijiet bidimensjonali ta’ forma tridimensjonali. Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni tista’ tapplika għas-sinjal ikkontestat, li jikkostitwixxi rappreżentazzjoni bidimensjonali tal-wiċċ ta’ quddiem ta’ modulu siġillanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2018, Rappreżentazzjoni ta’ garża li tipprovdi mediċina li tgħaddi minn ġol-ġilda, T‑44/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:48, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li s-sinjal ikkontestat ma jirriproduċix karatteristika tridimensjonali ma huwiex rilevanti, peress li l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tal-istess regolament japplika għas-sinjal ikkontestat, li jikkostitwixxi rappreżentazzjoni bidimensjonali tal-wiċċ ta’ quddiem ta’ modulu siġillanti.

49      Fl-aħħar u fit-tielet nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li t-trade mark ikkontestata ma tirriproduċix is-saffi li jistgħu jitneħħew tal-modulu siġillanti, huwa suffiċjenti li jsir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 44 iktar ’il fuq, li permezz tagħhom ġie stabbilit li s-saffi siġillanti konċentriċi li jistgħu jitneħħew huma rrappreżentati miċ-ċrieki konċentriċi tat-trade mark ikkontestata, peress li dawn huma “l-konsegwenza viżibbli tan-numru kbir ta’ saffi li għandhom jitneħħew” u li kull wieħed minnhom jikkorrispondi “għal viżjoni laterali tas-saff li għandu jitneħħa”. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

50      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell ma identifikax b’mod korrett il-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata (ara l-punt 21 iktar ’il fuq), hemm lok li jiġi kkonstatat, preliminarjament, li mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet jirriżulta li dawn jirreferu għall-karattru distintiv tal-elementi tas-sinjal ikkontestat sabiex jidentifikaw il-karatteristiċi essenzjali ta’ dan tal-aħħar. Fil-fatt, ir-rikorrenti ssostni li l-kombinazzjoni tal-kuluri iswed u blu hija karatteristika essenzjali tat-trade mark ikkontestata peress li din tikkostitwixxi, flimkien maċ-ċrieki konċentriċi, il-karatteristika “l-iktar distintiva” tagħha. Min-naħa tiegħu, l-EUIPO jsostni li l-elementi nieqsa, b’mod ċar, minn karattru distintiv intrinsiku ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala karatteristiċi essenzjali. Fl-aħħar nett, l-intervenjenti ssostni b’mod partikolari li “l-element distintiv tas-sinjal” huwa mingħajr dubju d-“disinn konċentriku”, li juri l-karatteristiċi tekniċi prinċipali tal-modulu siġillanti.

51      Issa, f’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali ma jirriżultax li l-kunċett ta’ “karatteristiċi essenzjali” tas-sinjal, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001, jirreferi għal dak ta’ “elementi distintivi” tas-sinjal, iżda biss għal dak tal-“elementi l-iktar sinjifikattivi tas-sinjal”, kif ġie rrilevat fil-punt 30 iktar ’il fuq, li għandhom jiġu identifikati każ b’każ.

52      Hemm lok li jiġi rrilevat ukoll li t-trade marks li r-reġistrazzjoni tagħhom tista’ tiġi rrifjutata għar-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 7(1)(b) sa (d) tar-Regolament 2017/1001 jistgħu, konformement mal-paragrafu 3 ta’ din l-istess dispożizzjoni, jiksbu karattru distintiv permezz tal-użu li jkun sar tagħhom. Madankollu, sinjal li r-reġistrazzjoni tiegħu hija rrifjutata abbażi tal-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament 2017/1001 qatt ma jista’ jikseb karattru distintiv għall-finijiet tal-Artikolu 7(3) tal-istess regolament permezz tal-użu li jkun sar tiegħu. L-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament 2017/1001 għalhekk jipprevedi ċerti sinjali li ma humiex ta’ natura li jikkostitwixxu trade marks u huwa ostakolu preliminari li jista’ jipprekludi li sinjal ikkostitwit esklużivament mill-forma ta’ prodott jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2002, Philips, C‑299/99, EU:C:2002:377, punti 75 u 76).

53      Għalhekk, peress li r-raġuni assoluta għal rifjut ta’ reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001 tikkostitwixxi ostakolu preliminari li jista’ jipprekludi li sinjal ikkostitwit esklużivament mill-forma ta’ prodott jista’ jiġi rreġistrat, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami tagħha ma jaqax taħt l-istess regoli bħal dawk ta’ elementi distintivi, li l-identifikazzjoni tagħhom hija intiża sabiex tevalwa l-funzjoni ta’ indikazzjoni tal-oriġini tal-prodotti f’għajnejn il-konsumatur, fatt li huwa differenti mid-determinazzjoni tal-elementi essenzjali ta’ forma.

54      Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li huwa l-każ fl-ipoteżi msemmija fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, fejn il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti għandha imperattivament tittieħed inkunsiderazzjoni, peress li hija essenzjali sabiex jiġi ddeterminat jekk is-sinjal ippreżentat sabiex ikun irreġistrat bħala trade mark jippermettix li ssir distinzjoni bejn il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati bħala li ġejjin minn impriża partikolari, li tali obbligu ma jistax jiġi impost fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-raġuni għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001. Għalhekk, il-perċezzjoni preżunta tas-sinjal mill-konsumatur medju ma hijiex element deċiżiv fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-raġuni għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001, iżda tista’, l-iktar l-iktar, tikkostitwixxi element ta’ evalwazzjoni utli għall-awtorità kompetenti meta din tidentifika l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal. Konsegwentement, ma huwiex neċessarju li l-identifikazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali ta’ sinjal fil-kuntest tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001 għandha titwettaq mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punti 75 sa 77).

55      Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ikkonfermat il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li d-determinazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali tal-forma inkwistjoni, fil-kuntest tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001, issir bl-għan preċiż li tippermetti l-eżami tal-funzjonalità tal-forma inkwistjoni. Issa, il-perċezzjoni tal-konsumatur medju ma hijiex rilevanti għall-analiżi tal-funzjonalità tal-karatteristiċi essenzjali ta’ forma. Fil-fatt, il-konsumatur medju jista’ ma jkollux l-għarfien tekniku neċessarju għall-evalwazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali ta’ forma, b’tali mod li ċerti karatteristiċi jistgħu jkunu essenzjali mill-perspettiva tiegħu filwaqt li ma jkunux essenzjali fil-kuntest ta’ analiżi tal-funzjonalità, u viċe versa. Għaldaqstant, għandu jitqies li l-karatteristiċi essenzjali ta’ forma għandhom jiġu ddeterminati, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001, b’mod oġġettiv, abbażi tar-rappreżentazzjoni grafika tagħhom u tad-deskrizzjonijiet possibbilment ippreżentati fl-applikazzjoni għal trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 2008, Lego Juris vs UASI – Mega Brands (Brikk tal-Lego ħamra), T‑270/06, EU:T:2008:483, punt 70, u tal‑31 ta’ Jannar 2018, Rappreżentazzjoni ta’ garża li tipprovdi mediċina li tgħaddi minn ġol-ġilda, T‑44/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:48, punt 99).

56      Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 54 u 55 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-analiżi tal-karattru distintiv ta’ sinjal neċessarjament timplika li tittieħed inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti, għall-kuntrajru tal-evalwazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali ta’ sinjal ikkostitwit minn forma, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001, li fil-kuntest tiegħu l-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti la hija obbligatorja u lanqas deċiżiva għar-raġunijiet esposti fil-punt 55 iktar ’il fuq u tista’, l-iktar l-iktar, tikkostitwixxi element ta’ evalwazzjoni utli għall-awtorità kompetenti meta din tidentifika l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal, mingħajr ma din tkun determinanti.

57      It-tieni nett, hemm lok li jiġi rrilevat li l-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001 għandha suġġett differenti minn dak li “tista’, l-iktar l-iktar, tikkostitwixxi element ta’ evalwazzjoni utli għall-awtorità kompetenti meta din tidentifika l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal”, fil-kuntest tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq.

58      Fil-fatt, fil-kuntest tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk is-sinjal ippreżentat għar-reġistrazzjoni bħala trade mark jippermettix li ssir distinzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati bħala li ġejjin minn impriża partikolari, filwaqt li fil-kuntest tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tal-istess regolament, din hija intiża biss, bħala element ta’ evalwazzjoni utli, sabiex jiġi ddeterminat liema elementi huma meqjusa bħala l-iktar importanti, bl-għan preċiż li jista’ jsir l-eżami tal-funzjonalità tal-forma inkwistjoni. Għalhekk jirriżulta li l-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti fil-kuntest tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001 u l-imsemmija perċezzjoni fil-kuntest tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tal-istess regolament għandhom la l-istess suġġett u lanqas l-istess għan. B’hekk, minn dan jirriżulta li l-karattru distintiv tal-element ta’ sinjal ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali tiegħu fil-kuntest tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tal-imsemmi regolament.

59      Fir-rigward tal-karattru distintiv miksub permezz tal-użu, fis-sens tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament 2017/1001, li r-rikorrenti tinvoka fir-rigward tal-kombinazzjoni tal-kuluri iswed u blu tas-sinjal ikkontestat sabiex jintwera li din tikkostitwixxi karatteristika essenzjali tal-imsemmi sinjal, kif tfakkar fil-punt 52 iktar ’il fuq, il-leġiżlatur stabbilixxa b’mod partikolarment rigoruż l-inkapaċità li ssir ir-reġistrazzjoni bħala trade mark tal-forom neċessarji sabiex jinkiseb riżultat tekniku, fejn eskluda r-raġunijiet għal rifjut stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament 2017/1001 mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fil-paragrafu 3 tal-istess artikolu. Għalhekk, mill-Artikolu 7(3) tar-Regolament 2017/1001 jirriżulta li, anki jekk forma ta’ prodott neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku kisbet karattru distintiv minħabba l-użu li jkun sar tagħha, huwa pprojbit li din tiġi rreġistrata bħala trade mark (ara s-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2018, Rappreżentazzjoni ta’ garża li tipprovdi mediċina li tgħaddi minn ġol-ġilda, T‑44/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:48, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, peress li l-Artikolu 7(3) tar-Regolament 2017/1001 ma japplikax għall-Artikolu 7(1)(e)(ii) tal-istess regolament, għandu jiġi rrilevat li l-karattru distintiv miksub permezz tal-użu ta’ sinjal ma għandu l-ebda rilevanza fil-kuntest ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

60      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti fil-kuntest tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament 2017/1001, minn naħa, hija neċessarja u deċiżiva, u, min-naħa l-oħra, hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk is-sinjal sarx kapaċi li jiddistingwi l-prodotti u s-servizzi minn dawk ta’ impriżi oħra, peress li huma pperċepiti bħala li joriġinaw minn impriża partikolari. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti fil-kuntest tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq għandha suġġett u għan differenti minn dak li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001, kif ġie kkonstatat fil-punti 54 sa 58 iktar ’il fuq fir-rigward tal-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti fil-kuntest tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001.

61      Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-karattru distintiv miksub permezz tal-użu ta’ sinjal lanqas huwa rilevanti għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali tiegħu.

62      Fl-aħħar nett, għalkemm mill-ġurisprudenza, diġà msemmija fil-punt 34 iktar ’il fuq, jirriżulta b’mod ċar, minn naħa, li l-applikazzjoni tar-raġuni għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001 għandha tiġi eskluża jekk il-forma tal-prodotti inkwistjoni tinkorpora element mhux funzjonali maġġuri, bħal element ornamentali jew imaġinattiv li għandu rwol importanti fl-imsemmija forma, u li, min-naħa l-oħra, il-preżenza ta’ element arbitrarju minuri wieħed jew ta’ xi elementi arbitrarji minuri ma hijiex ta’ natura li teskludi l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punti 51 u 52), hemm madankollu lok li jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-EUIPO, it-termini “immaġinattiv” jew “arbitrarju” użati fil-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq u li joqorbu lejn it-terminoloġija użata fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, xorta ma jistgħux isostnu l-argument li jgħid li l-karattru distintiv jinsab fost il-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġu identifikati l-karatteristiċi essenzjali ta’ sinjal.

63      Fil-fatt, hemm lok li jiġi rrilevat li mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 30 sa 32 u 34 iktar ’il fuq, jirriżulta li applikazzjoni korretta tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001 timplika, l-ewwel nett, li l-awtorità kompetenti għandha tidentifika l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal inkwistjoni, imbagħad għandha tivverifika, it-tieni nett, jekk dawn il-karatteristiċi jikkorrispondux kollha kemm huma għall-funzjoni teknika tal-prodott inkwistjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni tan-natura “ornamentali”, “immaġinattiva” jew “arbitrarja” ta’ karatteristika essenzjali għandha sseħħ biss waqt it-tieni stadju tal-analiżi mwettqa fil-kuntest tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq, dwar il-funzjonalità tal-karatteristiċi essenzjali identifikati minn qabel, u mhux waqt l-ewwel stadju dwar l-identifikazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostni l-EUIPO, it-termini “immaġinattiv” jew “arbitrarju” użati mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 62 iktar ’il fuq ma jistgħux isostnu l-argument li l-karattru distintiv jinsab fost il-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġu identifikati l-karatteristiċi essenzjali ta’ sinjal.

64      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li ma huwiex rilevanti li jsir riferiment għall-karattru distintiv tal-elementi ta’ sinjal jew għall-karattru distintiv miksub permezz tal-użu ta’ sinjal sabiex jiġu ddeterminati l-karatteristiċi essenzjali tiegħu għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001.

65      Għalhekk, peress li b’mod partikolari ntwera fil-punti 51 sa 64 iktar ’il fuq, li l-karattru distintiv tal-elementi ta’ sinjal ma huwiex rilevanti sabiex jiġu ddeterminati l-karatteristiċi essenzjali tiegħu, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell żbalja meta qies li ma kienx hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-forma ta’ kaxxa tal-modulu siġillanti, il-kulur blu u l-kombinazzjoni tal-kuluri iswed u blu minħabba li dawn huma elementi “purament mhux distintivi”. Madankollu, dan il-fatt ma għandux effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-konklużjoni li wasal għaliha l-Bord tal-Appell, jiġifieri li l-karatteristika essenzjali tas-sinjal ikkontestat tikkorrispondi għaċ-ċrieki konċentriċi, tibqa’ korretta.

66      Fil-fatt, fl-ewwel lok, abbażi ta’ sempliċi analiżi viżiva tas-sinjal ikkontestat, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-imsemmi sinjal huwa kkostitwit minn sfond kwadru iswed li fih seba’ ċrieki blu konċentriċi. Issa, fid-dawl tal-fatt li ċ-ċrieki konċentriċi, li qegħdin fiċ-ċentru, jokkupaw mill-inqas tliet kwarti tas-sinjal, u huma enfasizzati minħabba l-kuntrast maħluq bejn il-kulur blu u l-kulur iswed tal-isfond kwadru li fuqu jitpoġġew l-imsemmija ċrieki, għandu jiġi kkonstatat li dawn jikkostitwixxu l-element l-iktar importanti tal-imsemmi sinjal.

67      Fit-tieni lok, abbażi ta’ eżami fil-fond fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi rrilevat li l-importanza tas-saffi siġillanti konċentriċi li jistgħu jitneħħew tal-modulu siġillanti li huma rrappreżentati permezz taċ-ċrieki konċentriċi tat-trade mark ikkontestata hija sostnuta, l-ewwel nett, mid-deskrizzjonijiet tal-invenzjoni li tirriżulta mill-privattiva li skadiet u mill-katalogu ta’ prodotti tar-rikorrenti li fihom huwa indikat li l-modulu siġillanti huwa magħmul minn saffi siġillanti konċentriċi li jistgħu jitneħħew u li huma preċiżament l-imsemmija saffi li jippermettuh jiżgura “ssiġillar perfett, irrispettivament mid-dimensjonijiet esterni tal-kejbil jew tal-pajp”. It-tieni nett, l-importanza tas-saffi siġillanti konċentriċi li jistgħu jitneħħew tidher fir-ritratti tal-modulu siġillanti fil-materjal pubbliċitarju tar-rikorrenti li huma riprodotti fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, li kollha huma meħuda min-naħa li turi l-wiċċ ta’ quddiem tal-imsemmi modulu u li juru mhux biss is-saffi siġillanti konċentriċi li jistgħu jitneħħew li jifformawh, iżda wkoll l-importanza tal-funzjoni tagħhom, jiġifieri dik li jistgħu jitneħħew wieħed wieħed sakemm id-dijametru korrett jintlaħaq sabiex ikun jista’ jiddaħħal kejbil. It-tielet nett, l-importanza tas-saffi siġillanti konċentriċi li jistgħu jitneħħew hija sostnuta mit-trade marks l-oħra ppreżentati mir-rikorrenti u riprodotti fil-punt 40 tad-deċiżjoni kkontestata, li huma differenti mit-trade mark ikkontestata biss fir-rigward tal-kuluri tagħhom u taż-żieda ta’ linja ta’ demarkazzjoni li bilkemm tista’ tiġi pperċepita, peress li dawn kollha jirriproduċu s-sensiela ta’ ċrieki konċentriċi li qatt ma tvarja.

68      Għaldaqstant, peress li kemm minn sempliċi analiżi viżiva kif ukoll minn eżami fil-fond tas-sinjal ikkontestat jirriżulta li ċ-ċrieki konċentriċi tas-sinjal ikkontestat jikkostitwixxu l-iktar element importanti tiegħu, il-Bord tal-Appell qies, ġustament, fil-punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-unika karatteristika importanti tas-sinjal kienet ikkostitwita miċ-ċrieki konċentriċi.

69      Hemm lok li jiġi rrilevat li, għalkemm ir-rikorrenti ma tikkontestax li ċ-ċrieki konċentriċi jikkostitwixxu karatteristika essenzjali tas-sinjal ikkontestat, hija madankollu ssostni li l-imsemmija ċrieki ma jikkostitwixxux l-unika karatteristika essenzjali tiegħu. Fil-fatt, il-kombinazzjoni tal-kuluri iswed u blu, il-forma ta’ kaxxa tal-modulu siġillanti u l-kulur blu huma wkoll karatteristiċi essenzjali. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda wieħed minn dawn l-argumenti ma huwa ta’ natura li jikkontesta l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell, fil-punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-unika karatteristika importanti tas-sinjal ikkontestat hija kkostitwita miċ-ċrieki konċentriċi.

70      Fil-fatt, l-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-kombinazzjoni tal-kuluri iswed u blu tikkostitwixxi karatteristika essenzjali tas-sinjal ikkontestat minħabba li din kisbet karattru distintiv permezz tal-użu u li hija tiddomina l-impressjoni viżiva prodotta mit-trade mark, huwa suffiċjenti li jitfakkar, minn naħa, li l-karattru distintiv miksub permezz tal-użu ta’ sinjal u l-karattru distintiv ta’ element jew ta’ diversi elementi ta’ sinjal ma humiex rilevanti sabiex jiġu identifikati l-karatteristiċi essenzjali tiegħu fil-kuntest tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001, kif intwera fil-punti 59 sa 61 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, il-kombinazzjoni tal-kuluri iswed u blu ma tistax titqies bħala karatteristika essenzjali minħabba li hija kisbet karattru distintiv permezz tal-użu.

71      Min-naħa l-oħra, mis-sempliċi analiżi viżiva tas-sinjal ikkontestat esposta fil-punt 66 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-kombinazzjoni ta’ kuluri msemmija iktar ’il fuq ma tagħmel xejn ħlief li tenfasizza s-sensiela ta’ ċrieki konċentriċi tat-trade mark ikkontestata minħabba l-kuntrast maħluq bejn l-iswed tal-isfond kwadru u l-blu taċ-ċrieki konċentriċi mqiegħda fuq dan l-isfond. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni essenzjalment ir-rikorrenti, ma hijiex l-imsemmija kombinazzjoni ta’ kuluri li tikkostitwixxi l-element l-iktar importanti tas-sinjal ikkontestat, iżda s-sensiela ta’ ċrieki konċentriċi.

72      Għalhekk, peress li r-rikorrenti ma wrietx b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-kombinazzjoni tal-kuluri iswed u blu kienet tikkostitwixxi karatteristika essenzjali tas-sinjal ikkontestat, hemm ukoll lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li din il-kombinazzjoni ta’ kuluri tikkostitwixxi element mhux funzjonali maġġuri tas-sinjal inkwistjoni. Fil-fatt, għalkemm, kif tfakkar fil-punti 34 u 62 iktar ’il fuq, l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001 ma jistax, ċertament, japplika meta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark tirrigwarda forma ta’ prodott li fiha element mhux funzjonali, bħal element ornamentali jew imaġinattiv, ikollu rwol importanti (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2018, Rappreżentazzjoni ta’ garża li tipprovdi mediċina li tgħaddi minn ġol-ġilda, T‑44/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:48, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata), għandu jiġi kkonstatat li dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Fil-fatt, peress li r-rikorrenti ma wrietx b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-kombinazzjoni tal-kuluri iswed u blu kienet tikkostitwixxi karatteristika essenzjali tas-sinjal ikkontestat, jiġifieri, wieħed mill-“elementi l-iktar importanti” tiegħu, l-imsemmija kombinazzjoni ta’ kuluri ma tikkostitwixxix element arbitrarju minuri. Issa, kif tfakkar fil-punt 62 iktar ’il fuq, il-preżenza ta’ element arbitrarju minuri wieħed jew ta’ xi elementi arbitrarji minuri ma hijiex ta’ natura li teskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-regolament msemmi iktar ’il fuq (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2018, Rappreżentazzjoni ta’ garża li tipprovdi mediċina li tgħaddi minn ġol-ġilda, T‑44/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:48, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-imsemmija kombinazzjoni ta’ kuluri tikkostitwixxi element mhux funzjonali maġġuri tas-sinjal ikkontestat.

73      It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li bih hija tikkritika lill-Bord tal-Appell li ma ħax inkunsiderazzjoni l-forma ta’ kaxxa tal-modulu siġillanti u l-kulur blu li jikkostitwixxu wkoll karatteristiċi essenzjali tas-sinjal ikkontestat, hemm lok li jitfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-punt 65 iktar ’il fuq, anki jekk il-Bord tal-Appell, b’mod żbaljat, eskluda dawn iż-żewġ elementi minħabba li dawn huma “elementi purament mhux distintivi”, xorta jibqa’ l-fatt li r-rikorrenti ma tissostanzjax l-asserzjoni tagħha li dawn iż-żewġ elementi għandhom jitqiesu li huma karatteristiċi essenzjali tas-sinjal ikkontestat. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

74      Għalhekk, peress li l-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jippermetti li tiġi kkontestata l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li ċ-ċrieki konċentriċi jikkostitwixxu l-unika karatteristika essenzjali tas-sinjal ikkontestat, hemm għalhekk lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell ma identifikax il-karatteristiċi essenzjali tal-imsemmi sinjal b’mod korrett.

75      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li t-trade mark ikkontestata ma tinkorporax il-karatteristiċi neċessarji u indispensabbli għall-funzjonament u għall-użu tal-prodott inkwistjoni, bħal-linja ta’ demarkazzjoni, il-forma rettangolari tridimensjonali u s-saffi li jistgħu jitneħħew tal-prodott li mingħajrhom ir-riżultat tekniku intenzjonat ma jkunx jista’ jinkiseb (ara l-punt 23 iktar ’il fuq), l-ewwel nett hemm lok li jiġi rrilevat li, sabiex tapplika r-raġuni assoluta għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001, huwa suffiċjenti li l-karatteristiċi essenzjali tal-forma jkunu jissodisfaw il-karatteristiċi teknikament kawżali u suffiċjenti għall-kisba tar-riżultat tekniku intenzjonat, b’tali mod li dawn ikunu attribwibbli għar-riżultat tekniku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2008, Lego Juris vs UASI – Mega Brands (Brikk tal-Lego ħamra), T‑270/06, EU:T:2008:483, punt 39).

76      Barra minn hekk, għandu jitfakkar ukoll li ntwera fil-punt 48 iktar ’il fuq, li l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001 jista’ japplika għas-sinjal ikkontestat, li jikkostitwixxi rappreżentazzjoni bidimensjonali tal-wiċċ ta’ quddiem ta’ modulu siġillanti.

77      Għalhekk, minn dan jista’ jiġi dedott li l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001 japplika għal sinjal li ma jinkludix kull karatteristika żgħira tal-prodott inkwistjoni, li huwa b’mod partikolari l-każ meta, bħal f’dan il-każ, is-sinjal jikkostitwixxi rappreżentazzjoni bidimensjonali ta’ forma tridimensjonali, bil-kundizzjoni li jintwera li l-karatteristiċi essenzjali tal-imsemmi sinjal jissodisfaw tal-inqas il-karatteristiċi teknikament kawżali u suffiċjenti għall-kisba tar-riżultat tekniku intenzjonat.

78      Għalhekk, din il-kunsiderazzjoni twassal sabiex jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk iċ-ċrieki konċentriċi, peress li dawn jikkostitwixxu l-unika karatteristika essenzjali tas-sinjal ikkontestat, jissodisfawx funzjoni teknika tal-prodott inkwistjoni, imbagħad, fit-tieni lok, jekk jissodisfawx il-karatteristiċi teknikament kawżali u suffiċjenti għall-kisba tar-riżultat tekniku intenzjonat.

79      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kwistjoni dwar jekk iċ-ċrieki konċentriċi jissodisfawx funzjoni teknika, hemm lok li qabelxejn jitfakkar li, b’mod partikolari, fil-punt 44 iktar ’il fuq ġie muri li, kif ikkonstata ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata, iċ-ċrieki konċentriċi tat-trade mark ikkontestata jirrappreżentaw is-saffi siġillanti konċentriċi li jistgħu jitneħħew tal-modulu siġillanti peress li dawn huma “l-konsegwenza viżibbli tan-numru kbir ta’ saffi li għandhom jitneħħew” u li kull wieħed minnhom jikkorrispondi “għal viżjoni laterali tas-saff li għandu jitneħħa”.

80      Sussegwentement hemm lok li jitfakkar li, mid-deskrizzjoni tal-modulu siġillanti kif riprodotta fil-punti 23 sa 25 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-invenzjoni “li tikkonsisti minn siġill ‘li taqsam jew li tgħaddi’, tikkostitwixxi proċess li jiżgura aġġustament issikkat għad-dħul sigur ta’ kejbil, ta’ tubu jew ta’ fil”, li “[l]-kavità lonġitudinali ċirkulari interna hija kkostitwita minn saffi siġillanti konċentriċi li jistgħu jitneħħew”, li “[s]-saffi jitneħħew sakemm id-dijametru korrett jintlaħaq sabiex ikun jista’ jiddaħħal kejbil”, li l-invenzjoni hija “soluzzjoni bbażata fuq il-moduli tal-gomma magħmula minn saffi li jistgħu jitneħħew” u li “[d]in tippermetti ssiġillar perfett, irrispettivament mid-dimensjonijiet esterni tal-kejbil jew tal-pajp”.

81      Għalhekk, fid-dawl tad-deskrizzjoni tal-modulu siġillanti msemmija iktar ’il fuq, hemm ukoll lok li jiġi kkonstatat li s-saffi siġillanti konċentriċi li jistgħu jitneħħew, li huma rrappreżentati minn ċrieki konċentriċi tat-trade mark ikkontestata, jissodisfaw funzjoni teknika tal-prodott inkwistjoni, jiġifieri, li jitneħħew “sakemm id-dijametru korrett jintlaħaq sabiex ikun jista’ jiddaħħal kejbil”.

82      Fir-rigward, it-tieni nett, tal-kwistjoni dwar jekk iċ-ċrieki konċentriċi, peress li jirrappreżentaw is-saffi siġillanti konċentriċi li jistgħu jitneħħew tal-modulu siġillanti, jissodisfawx il-karatteristiċi teknikament kawżali u suffiċjenti sabiex jinkiseb ir-riżultat tekniku intenzjonat, qabelxejn hemm lok li jiġi rrilevat li mid-deskrizzjoni mfakkra fil-punt 80 iktar ’il fuq jirriżulta li r-riżultat tekniku intenzjonat mill-modulu siġillanti huwa dak li jiżgura “aġġustament issikkat għad-dħul sigur ta’ kejbil, ta’ tubu jew ta’ fil” u li jippermetti “ssiġillar perfett, irrispettivament mid-dimensjonijiet esterni tal-kejbil jew tal-pajp”. Minn din id-deskrizzjoni jirriżulta wkoll li dan ir-riżultat tekniku jinkiseb preċiżament minħabba t-tneħħija tas-saffi li jistgħu jitneħħew peress li huwa stabbilit li “s-saffi jitneħħew sakemm id-dijametru korrett jintlaħaq sabiex ikun jista’ jiddaħħal kejbil”.

83      Dan huwa kkonfermat mill-katalogu ta’ prodotti tar-rikorrenti li fih huwa speċifikament iddikjarat li l-prodott inkwistjoni huwa “bbażat fuq saffi li jitneħħew”, li għalhekk juri li s-saffi siġillanti konċentriċi li jitneħħew jikkostitwixxu l-kunċett tekniku prinċipali li fuqu huwa bbażat il-modulu siġillanti, ħaġa li t-trade mark ikkontestata tiddeskrivi billi tirrappreżenta l-wiċċ ta’ quddiem ta’ modulu siġillanti, li jikkostitwixxi, barra minn hekk, l-unika naħa tal-imsemmi modulu li minnha huma viżibbli s-saffi siġillanti konċentriċi li jitneħħew u li madankollu jippermetti li jiġi identifikat il-proċess li fuqu huwa bbażat il-modulu sabiex jikseb ir-riżultat tekniku intenzjonat, jiġifieri “aġġustament issikkat” u “ssiġillar perfett, irrispettivament mid-dimensjonijiet esterni tal-kejbil jew tal-pajp”.

84      Barra minn hekk, u kif ġustament irrileva l-Bord tal-Appell fil-punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex is-siġill tal-modulu siġillanti jiffunzjona, hija għandha b’mod partikolari jkollha l-forma bħal dik riprodotta mit-trade mark ikkontestata. Fil-fatt, is-sezzjoni trasversali għandha tkun ċirkulari, peress li s-sezzjoni trasversali tal-elementi li għandhom jiddaħħlu fil-modulu siġillanti, jiġifieri l-kejbil, il-fil jew it-tubu, hija ġeneralment hekk ukoll, u s-saffi għandhom ikunu konċentriċi b’mod li jkunu jistgħu jitneħħew wieħed wieħed, sakemm jinkiseb id-dijametru tal-kavità mfittxija.

85      Fid-dawl tal-funzjoni teknika tas-saffi siġillanti konċentriċi li jistgħu jitneħħew u tar-riżultat tekniku intenzjonat mill-modulu siġillanti kif deskritti fil-punti 81 sa 84 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-karatteristika essenzjali tal-forma inkwistjoni, li tikkorrispondi għaċ-ċrieki konċentriċi li jirrappreżentaw is-saffi konċentriċi li jistgħu jitneħħew ta’ modulu siġillanti, tgħaqqad il-karatteristiċi teknikament suffiċjenti u kawżali għall-kisba tar-riżultat tekniku intenzjonat, peress li l-“aġġustament issikkat għad-dħul sigur ta’ kejbil, ta’ tubu jew ta’ fil” u “ssiġillar perfett, irrispettivament mid-dimensjonijiet esterni tal-kejbil jew tal-pajp” jinkisbu preċiżament billi jitneħħew is-saffi konċentriċi li jistgħu jitneħħew wieħed wieħed sakemm jintlaħaq id-dijametru korrett sabiex jiddaħħal kejbil, u li ċ-ċrieki konċentriċi li jirrappreżentaw is-saffi siġillanti konċentriċi li jistgħu jitneħħew tal-modulu siġillanti jikkostitwixxu karatteristika indispensabbli tal-invenzjoni, peress li dawn jifformaw il-kunċett tekniku prinċipali li fuqu huwa bbażat il-prodott inkwistjoni, kif irreleva b’mod rilevanti l-Bord tal-Appell fil-punt 39 tad-deċiżjoni kkontestata.

86      Għaldaqstant, huwa b’mod ġust li l-Bord tal-Appell irrileva, fil-punt 45 tad-deċiżjoni kkontestata, li “t-tarf ta’ quddiem tal-wiċċ li juri b’mod ċar l-istruttura fi ċrieki konċentriċi, tinkludi – fid-dawl tal-prodotti inkwistjoni – l-informazzjoni kollha rilevanti meħtieġa sabiex jinkiseb ir-riżultat tekniku intenzjonat”, li “[g]ħalkemm il-prodott reali, li huwa fi tliet dimensjonijiet, kellu fond, ma hemmx varjazzjoni f’dan il-fond”, li “[k]ull qtugħ trasversali magħżul b’mod aleatorju mat-tul kollu tiegħu juri struttura identika”, u li “[g]ħalkemm l-uċuħ l-oħra tal-modulu ma humiex viżibbli, dan ma huwiex importanti, għaliex dawn ma jittrażmettu l-ebda informazzjoni teknika rilevanti għall-funzjoni tat-trade mark”.

87      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti tar-rikorrenti.

88      Fil-fatt, fir-rigward, qabelxejn, tal-argument tar-rikorrenti li t-trade mark ikkontestata ma tinkorporax il-linja ta’ demarkazzjoni u l-forma rettangolari tridimensjonali li huma karatteristiċi indispensabbli għall-użu u għall-funzjonament tal-prodott inkwistjoni, li mingħajrhom ir-riżultat tekniku intenzjonat mill-modulu siġillanti ma jistax jinkiseb, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tissostanzjax l-asserzjoni tagħha li l-fatt li l-prodott inkwistjoni jista’ jinqasam f’żewġ nofsijiet u li dan għandu forma rettangolari huwa “kundizzjoni assolutament indispensabbli” sabiex jinkiseb ir-riżultat tekniku intenzjonat, kif tfakkar fil-punt 82 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

89      Sussegwentement, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li, minn naħa, il-karatteristiċi tal-modulu siġillanti li ma humiex irrappreżentati fit-trade mark ikkontestata, jiġifieri l-linja ta’ demarkazzjoni u l-forma rettangolari tridimensjonali, jistgħu jiġu inkorporati fi prodotti kompetituri b’disinn differenti u li, min-naħa l-oħra, jeżistu soluzzjonijiet siġillanti oħra fis-suq li għalihom din is-soluzzjoni teknika partikolari lanqas hija neċessarja, hemm lok li jitfakkar li l-ġurisprudenza relatata mal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001 tippreċiża li l-kundizzjoni ta’ neċessità ma tfissirx li l-forma inkwistjoni għandha tkun l-unika ħaġa li tippermetti li jinkiseb ir-riżultat tekniku inkwistjoni. Huwa minnu li, kif tenfasizza r-rikorrenti, f’ċerti każijiet, riżultat tekniku jista’ jinkiseb permezz ta’ soluzzjonijiet differenti. Madankollu, u kuntrarjament għal dak li tafferma r-rikorrenti, dan il-fatt fih innifsu ma għandux il-konsegwenza li reġistrazzjoni bħala trade mark tal-forma inkwistjoni tħalli intatta d-disponibbiltà tas-soluzzjoni teknika li hija tinkorpora għall-operaturi ekonomiċi l-oħra. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-reġistrazzjoni ta’ forma esklużivament funzjonali ta’ prodott bħala trade mark tista’ tippermetti lill-proprjetarju ta’ din it-trade mark li jipprojbixxi lil impriżi oħra milli jużaw kemm l-istess forma kif ukoll forom simili. Numru kbir ta’ forom alternattivi jista’ għalhekk isir inutilizzabbli mill-kompetituri tal-imsemmi proprjetarju (ara s-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2018, Rappreżentazzjoni ta’ garża li tipprovdi mediċina li tgħaddi minn ġol-ġilda, T‑44/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:48, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90      Sussegwentement, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li ma hemmx riskju ta’ effett ħażin fuq il-kompetizzjoni peress li jeżistu diversi kombinazzjonijiet ta’ kuluri disponibbli fis-suq minbarra dik użata minnha, kif turi t-trade mark ippreżentata mill-intervenjenti li hija s-suġġett tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni Nru B 3035 519 tat‑22 ta’ Frar 2019, hemm lok li jitfakkar li l-fatt li tingħata tweġiba għall-mistoqsija dwar jekk is-sinjal fihx element ornamentali jew imaġinattiv li għandu rwol importanti jippermetti li jiġi ddeterminat jekk l-impriżi kompetituri jkollhomx aċċess faċli għal forom alternattivi ta’ funzjonalità ekwivalenti, b’tali mod li ma jkunx hemm riskju ta’ preġudizzju għad-disponibbiltà ta’ soluzzjoni teknika. Issa, peress li ġie kkonstatat fil-punt 72 iktar ’il fuq, li l-kombinazzjoni tal-kuluri iswed u blu tikkostitwixxi element arbitrarju minuri u mhux element dekorattiv maġġuri li jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li ma hemmx riskju ta’ effett ħażin fuq il-kompetizzjoni minħabba l-eżistenza ta’ diversi kombinazzjonijiet ta’ kuluri peress li l-kombinazzjoni ta’ kuluri inkwistjoni għandha biss rwol minuri li ma jippermettix lill-impriżi kompetituri li jkollhom aċċess faċli għal forom alternattivi ta’ funzjonalità ekwivalenti.

91      Barra minn hekk, sabiex jiġi konkluż li ma hemmx riskju ta’ effett ħażin fuq il-kompetizzjoni, lanqas huwa rilevanti l-fatt li, fil-kuntest tad-Deċiżjoni Nru B 3035 519 tat‑22 ta’ Frar 2019, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kkonkludiet li ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark ippreżentata mill-intervenjenti u t-trade marks preċedenti tar-rikorrenti fid-dawl, b’mod partikolari, tad-differenzi fil-kulur, peress li l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 2017/1001 jissodisfa interess ġenerali differenti minn dak li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tal-istess regolament. Fil-fatt, l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 2017/1001 huwa intiż sabiex jipproteġi l-funzjoni essenzjali tat-trade mark, li hija li tiżgura l-identità tal-oriġini tal-prodott jew tas-servizz immarkat lill-konsumatur jew lill-utent finali, billi tagħmilha possibbli għalih li jiddistingwi, mingħajr il-possibbiltà ta’ konfużjoni, dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk li għandhom provenjenza oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, EU:C:1998:442, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata), u mhux sabiex jiġi evitat, bħal fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001, li impriżi jistgħu jużaw id-dritt tat-trade marks sabiex jibqgħu jżommu, mingħajr limitazzjoni ratione temporis, drittijiet esklużivi fir-rigward ta’ soluzzjonijiet tekniċi. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-kuluri ta’ sinjal għandha ssir b’mod differenti fil-kuntest taż-żewġ dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq.

92      Għalhekk, peress li mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-kundizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001 huma ssodisfatti u li l-ebda argument tar-rikorrenti ma huwa ta’ natura li jinvalida din il-konklużjoni, il-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda, fil-punt 49 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata tippreżenta r-riskju li tiġi kompromessa indebitament il-possibbiltà għall-kompetituri li jqiegħdu fis-suq moduli siġillanti li l-funzjoni tagħhom hija bbażata fuq it-tneħħija ta’ saffi konċentriċi minn kavità ċilindrika sabiex tiġi żgurata konnessjoni sigura ma’ pajp, tubu, fil jew kejbil, u li għaldaqstant ir-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata għandha tiġi kkanċellata abbażi tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq.

93      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi miċħud il-motiv uniku tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001, u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud ir-rikors kollu kemm hu.

94      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-kap tat-talbiet tal-intervenjenti li permezz tiegħu hija titlob lill-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors (ara l-punti 15 u 16 iktar ’il fuq), ma hemmx lok li tittieħed deċiżjoni dwar il-motivi li hija tinvoka sussidjarjament u li huma bbażati, essenzjalment, fuq il-fatt li t-trade mark ikkontestata hija invalida għal raġunijiet differenti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001, jiġifieri dawk imsemmija fl-Artikolu 7(1)(b) u (d) tal-imsemmi regolament u fl-Artikolu 59(1)(b) tal-istess regolament.

 Fuq l-ispejjeż

95      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

96      Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-EUIPO, konformement mat-talbiet ta’ dan tal-aħħar. L-intervenjenti, li ma ressqitx talba dwar l-ispejjeż, għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Roxtec AB għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO).

3)      Wallmax Srl għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Prek

Buttigieg

Berke

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑24 ta’ Settembru 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l‑Ingliż.