Language of document : ECLI:EU:C:2017:766

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

17 ta’ Ottubru 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 7(2) – Ġurisdizzjoni speċjali f’materji ta’ delitt jew kważi delitt – Dannu għad-drittijiet ta’ persuna ġuridika, permezz tal-pubblikazzjoni, fuq l-internet, ta’ informazzjoni allegatament ineżatta li tikkonċernaha u minħabba li ma tħassrux il-kummenti fil-konfront tagħha – Post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu – Ċentru tal-interessi ta’ din il-persuna”

Fil-Kawża C-194/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Riigikohus (qorti suprema, l-Estonja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ April 2016, fil-proċedura

Bolagsupplysningen OÜ,

Ingrid Ilsjan

vs

Svensk Handel AB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, J. L. da Cruz Vilaça, A. Rosas u J. Malenovský, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, A. Borg Barthet, J.‑C. Bonichot, M. Safjan (Relatur), K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Marzu 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Bolagsupplysningen OÜ u I. Ilsjan, minn K. Turk u K. Tomson, vandeadvokaadid, kif ukoll minn A. Prants u M. Pild, advokaadid,

–        għall-Gvern Estonjan, minn K. Kraavi-Käerdi u N. Grünberg, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u M. Figueiredo kif ukoll S. Duarte Afonso, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. Kraehling u C. Crane, bħala aġenti, assistiti minn J. Holmes, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin kif ukoll M. Heller u E. Randvere, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Lulju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012 L 351, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Bolagsupplysningen OÜ u Ingrid Ilsjan, u, min-naħa l-oħra, Svensk Handel AB dwar talbiet għar-rettifika ta’ informazzjoni allegatament ineżatta ppubblikata fuq is-sit internet ta’ din tal-aħħar, għat-tħassir ta’ kummenti relatati ma’ din l-informazzjoni f’forum ta’ diskussjoni li jinsab fuq dan is-sit u għall-kumpens għad-dannu allegatament subit.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Il-premessi 15 u 16 tar-Regolament Nru 1215/2012 jistabbilixxu:

“(15)      Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. Il-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq il-bażi ta’ din ir-raġuni ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tat-tilwima jew ta’ awtonomija tal-partijiet ikunu jeħtieġu fattur ta’ konnessjoni differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(16)      Barra d-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm raġunijiet alternattivi ta’ ġurisdizzjoni bbażati fuq konnessjoni mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. L-eżistenza ta’ konnessjoni mill-qrib għandha tiżgura ċ-ċertezza legali u tevita l-possibbiltà li l-konvenut jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru li dan il-konvenut ma setax raġonevolment jipprevedi. Dan hu importanti b’mod partikolari fir-rigward ta’ tilwim li jirriżulta minn obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn ksur tal-privatezza u tad-drittijiet relatati mal-personalità, inkluża l-malafama.”

4        Ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni jinsabu fil-Kapitolu II tal-imsemmi regolament.

5        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1215/2012, li jagħmel parti mit-Taqsima 1 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

6        L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, li jagħmel parti mill-imsemmija Taqsima 1, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jitressqu quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla fit-Taqsimiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

7        L-Artikolu 7 tal-istess regolament, li jagħmel parti mit-Taqsima 2, intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”, tal-Kapitolu II tiegħu, jipprovdi, fil-punt 2 tiegħu:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

[…]

2)      fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq.”

8        Il-formulazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 hija identika għall-formulazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42) li ġie mħassar bir-Regolament Nru 1215/2012, u tikkorrispondi għal dik tal-Artikolu 5(3) tal-konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        Bolagsupplysningen, kumpannija tad-dritt Estonjan, u I. Ilsjan, impjegata tagħha, fid-29 ta’ Settembru 2015, ippreżentaw rikors kontra Svensk Handel, kumpannija tad-dritt Svediż li hija grupp ta’ persuni li jimpjegaw tas-settur kummerċjali, quddiem il-Harju Maakohus (qorti tal-prim’istanza ta’ Harju, l-Estonja). Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu lil din il-qorti tobbliga lil Svensk Handel tirrettifika l-informazzjoni ineżatta ppubblikata fuq is-sit internet tagħha rigward Bolagsupplysningen u tħassar il-kummenti li jinsabu fih, tħallas lil Bolagsupplysningen kumpens ta’ ammont ta’ EUR 56 634.99 bħala kumpens għad-dannu subit u tħallas lil I. Ilsjan kumpens xieraq għad-danni morali, skont l-evalwazzjoni tal-qorti.

10      Skont ir-rikors, Svensk Handel inkludiet, fuq is-sit internet tagħha, lil Bolagsupplysningen fuq lista msejħa “sewda” fejn indikat li din il-kumpannija twettaq atti ta’ frodi u ta’ qerq. Fuq il-forum ta’ diskussjoni tal-imsemmi sit, hemm madwar 1 000 kumment, fosthom sejħiet diretti għall-vjolenza kontra Bolagsupplysningen u l-impjegati tagħha, fosthom I. Ilsjan. Svensk Handel irrifjutat lil tħassar din l-inklużjoni kif ukoll dawn il-kummenti, fatt li pparalizza l-attività ekonomika ta’ Bolagsupplysningen fl-Isvezja, b’mod li din il-kumpannija subiet dannu materjali ta’ kuljum.

11      Fid-digriet tagħha tal-1 ta’ Ottubru 2015, il-Harju Maakohus (qorti tal-prim’istanza ta’ Harju) qieset li r-rikors kien inammissibbli. Skont din il-qorti, ma huwiex possibbli li jiġi applikat l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, peress li mir-rikors ma jirriżultax li d-dannu seħħ fl-Estonja. L-informazzjoni u l-kummenti kontenzjużi huma ppubblikati fil-lingwa Svediża u, mingħajr traduzzjoni, ma jinftiehmux mill-persuni li jgħixu fl-Estonja. Il-ftehim tal-informazzjoni inkwistjoni jiddependi mill-kuntest lingwistiku. Is-seħħ tad-dannu fl-Estonja ma ġiex ipprovat u l-indikazzjoni tad-dħul mill-bejgħ f’korona Svediża tagħti x’tifhem li dan id-dannu ġie kkawżat fl-Isvezja. Il-fatt li s-sit internet kontenzjuż huwa aċċessibbli fl-Estonja ma jistax awtomatikament jiġġustifika l-obbligu li l-kawża ċivili titressaq quddiem qorti Estonjana.

12      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw mid-digriet tal-Harju Maakohus (qorti tal-prim’istanza ta’ Harju).

13      Permezz ta’ digriet tad-9 ta’ Novembru 2015, it-Tallinna Ringkonnakohus (qorti tal-appell ta’ Tallinn, l-Estonja) ċaħdet dan l-appell u kkonfermat id-digriet tal-Harju Maakohus (qorti tal-prim’istanza ta’ Harju).

14      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu lill-qorti tar-rinviju tannulla d-digriet tat-Tallinna Ringkonnakohus (qorti tal-appell ta’ Tallinn) u tiddeċiedi dwar ir-rikors, talbiet li għalihom Svensk Handel opponiet.

15      Il-qorti tar-rinviju sseparat it-talbiet ta’ Bolagsupplysningen u dawk ta’ I. Ilsjan, billi qieset li, sa fejn jikkonċerna lil din tal-aħħar, l-appell mid-digriet tat-Tallinna Ringkonnakohus (qorti tal-appell ta’ Tallinn) huwa fondat, id-digriet ta’ din il-qorti u dak tal-Harju Maakohus (qorti tal-prim’istanza ta’ Harju) għandhom jiġu annullati u l-kawża għandha tintbagħat lura quddiem din il-qorti sabiex din tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tat-talbiet ta’ I Ilsjan.

16      Fir-rigward tar-rikors ippreżentat minn Bolagsupplysningen, il-qorti tar-rinviju tqis li dan jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati Estonjani, tal-inqas għal dak li jirrigwarda t-talba għall-kumpens għad-dannu subit fl-Estonja.

17      Il-qorti tar-rinviju żżid madankollu li, b’differenza minn dritt tal-proprjetà intellettwali u industrijali li l-protezzjoni tiegħu hija limitata għat-territorju tal-Istat Membru fejn dan id-dritt huwa rreġistrat, id-drittijiet li l-ksur tagħhom huwa allegat f’dan il-każ ma humiex, min-natura tagħhom, drittijiet li jistgħu jiġu protetti biss fit-territorju ta’ ċerti Stati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Pinckney, C-170/12, EU:C:2013:635, punti 35 sa 37). Bolagsupplysningen ibbażat ruħha essenzjalment fuq il-fatt li l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni ineżatta kkawżat dannu għall-kunsiderazzjoni li hija kienet tgawdi minnha u għar-reputazzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dannu kkawżat minn pubblikazzjoni diffamatorja għar-reputazzjoni u għall-kunsiderazzjoni ta’ persuna ġuridika jseħħ fil-postijiet fejn hija mqassma l-pubblikazzjoni u fejn il-vittma tallega li subiet dannu għar-reputazzjoni tagħha (sentenza tas-7 ta’ Marzu 1995, Shevill et, C-68/93, EU:C:1995:61, punti 29 u 30).

18      Skont il-qorti tar-rinviju, madankollu ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat b’mod ċar jekk Bolagsupplysningen tistax, abbażi tal-prinċipji msemmija fil-punt preċedenti, tmur quddiem qorti Estonjana sabiex titlob ir-rettifika tal-informazzjoni ineżatta u t-tħassir tal-kummenti.

19      Lanqas ma huwa possibbli li jiġi ddeterminat jekk Bolagsupplysningen tistax ukoll tmur quddiem qrati Estonjani sabiex titlob kumpens għat-totalità tad-dannu li hija tallega li subiet. Filwaqt li tfakkar il-prinċipju li persuna li tqis lilha nnifisha leża mill-fatt ta’ dannu allegat għad-drittijiet tagħha minħabba kontenut imqiegħed online fuq sit internet għandha l-għażla li tressaq azzjoni għad-danni, abbażi tad-dannu kkawżat kollu kemm hu, jew quddiem il-qrati tal-Istat Membru tal-post ta’ fejn huwa stabbilit ix-xandar ta’ dawn il-kontenuti, jew inkella quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn jinsab iċ-ċentru tal-interessi tagħha (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et, C-509/09 u C-161/10, EU:C:2011:685, punt 52), il-qorti tar-rinviju tosserva li dan il-prinċipju ġie adottat b’mod speċifiku fil-kuntest tad-danni għad-drittijiet tal-personalità ta’ persuna fiżika. Huwa għalhekk li ma huwiex stabbilit li l-imsemmi prinċipju japplika wkoll għall-persuni ġuridiċi.

20      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk is-sede u/jew il-post tal-attività ta’ persuna ġuridika jippermettux li jiġi preżunt li dan huwa wkoll il-post taċ-ċentru tal-interessi ta’ din il-persuna ġuridika. Indipendentement mill-punt dwar jekk wieħed għandux jibbaża ruħu fuq tali preżunzjoni, għandu jiġi mistoqsi abbażi ta’ liema fatti u ta’ liema kriterji qorti għandha tiddetermina fejn jinsab iċ-ċentru tal-interessi ta’ persuna ġuridika.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Riigikohus (qorti suprema, l-Estonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      L-Artikolu 7(2) tar-[Regolament Nru 1215/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li d-drittijiet tagħha allegatament inkisru minħabba l-pubblikazzjoni fuq l-internet ta’ data żbaljata dwarha u minħabba l-ommissjoni ta’ tneħħija ta’ kummenti dwarha tista’ tippreżenta rikors quddiem il-qrati ta’ kull Stat Membru li fit-territorju tiegħu hija, jew kienet, aċċessibbli l-informazzjoni ppubblikata fuq l-internet għad-danni kkawżati fl-imsemmi Stat Membru, sabiex tikseb ir-rettifika tad-data żbaljata kif ukoll it-tneħħija tal-kummenti li jippreġudikaw id-drittijiet tagħha?

2)      L-Artikolu 7(2) tar-[Regolament Nru 1215/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna ġuridika li d-drittijiet tagħha allegatament inkisru minħabba l-pubblikazzjoni fuq l-internet ta’ data żbaljata dwarha u minħabba l-ommissjoni ta’ tneħħija ta’ kummenti dwarha tista’ tinvoka d-dritt għar-rettifika tal-indikazzjonijiet, għall-obbligu ta’ tneħħija tal-kummenti u għall-kumpens tad-dannu materjali kollu subit minħabba l-pubblikazzjoni tad-data żbaljata fuq l-internet, quddiem il-qrati tal-Istat li fih jinsab iċ-ċentru tal-interessi tagħha?

3)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, l-Artikolu 7(2) tar-[Regolament Nru 1215/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        għandu jitqies li ċ-ċentru tal-interessi ta’ persuna ġuridika u, għaldaqstant, il-post fejn seħħ id-dannu li hija subit jinsab fl-Istat Membru fejn din għandha s-sede tagħha jew

–        fid-determinazzjoni taċ-ċentru tal-interessi tal-persuna ġuridika u, għaldaqstant, tal-post fejn seħħ id-dannu li hija subit, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ speċifiku, pereżempju s-sede u l-istabbilimenti tal-persuna ġuridika, is-sede tal-klijenti tagħha u l-modi kif hija tikkonkludi l-operazzjonijiet tagħha?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda

22      Permezz tat-tieni u t-tielet domanda tagħha, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna ġuridika, li tallega li d-drittijiet tal-personalità tagħha ġew miksura bil-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni ineżatta dwarha fuq l-internet u minħabba li ma tħassrux il-kummenti fil-konfront tagħha, tista’ tippreżenta rikors intiż għar-rettifika ta’ din l-informazzjoni, għat-tħassir ta’ dawn il-kummenti u għall-għoti ta’ kumpens għat-totalità tad-dannu subit quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn jinsab iċ-ċentru tal-interessi tagħha, u, fl-affermattiv, liema huma l-kriterji u ċ-ċirkustanzi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-imsemmi ċentru tal-interessi.

23      Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jitfakkar li l-imsemmi Artikolu 7(2) jipprovdi li, f’materji ta’ delitt jew kważi delitt, persuna ddomiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor, quddiem il-qrati tal-post fejn l-avveniment dannuż ikun seħħ jew jista’ jseħħ.

24      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 tapplika wkoll fir-rigward tad-dispożizzjoni ekwivalenti tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2017, Kareda, C-249/16, EU:C:2017:472, punt 27).

25      Hija ġurisprudenza stabbilita li r-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali f’materji ta’ delitt jew kważi delitt għandha tiġi interpretata b’mod awtonomu, billi jsir riferiment għas-sistema u għall-għanijiet tar-regolament li tagħmel parti minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et, C-509/09 u C-161/10, EU:C:2011:685, punt 38).

26      Din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ konnessjoni partikolarment mill-qrib bejn l-ilment u l-qrati tal-post fejn seħħ il-fatt dannuż jew fejn jista’ jseħħ, li tiġġustifika l-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni lil dawn tal-aħħar għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ organizzazzjoni xierqa tal-proċeduri (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et, C-509/09 u C-161/10, EU:C:2011:685, punt 40, kif ukoll tat-22 ta’ Jannar 2015, Hejduk, C-441/13, EU:C:2015:28, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Fil-fatt, f’materji ta’ delitt jew kważi delitt, il-qorti tal-post fejn seħħ jew jista’ jseħħ il-fatt dannuż hija normalment l-iktar adattata sabiex tiddeċiedi, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ viċinanza għall-kawża u ta’ faċilità fl-amministrazzjoni tal-provi (sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2013, Melzer, C-228/11, EU:C:2013:305, punt 27, u tal-21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide, C-352/13, EU:C:2015:335, punt 40).

28      Għandu jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni, fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, tal-premessa 16 ta’ dan, li tipprovdi li l-eżistenza ta’ konnessjoni mill-qrib bejn il-qorti u t-tilwima għandha tiżgura ċ-ċertezza legali u tevita l-possibbiltà li l-konvenut jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru li dan il-konvenut ma setax raġonevolment jipprevedi, fejn dan l-aspett huwa importanti, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ tilwim li jirriżulta minn obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn ksur tal-privatezza u tad-drittijiet relatati mal-personalità, inkluża l-malafama.

29      Wara li ġie ppreċiżat dan, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-espressjoni “post fejn l-effett tal-ħsara jkun seħħ jew jista’ jseħħ” tirrigwarda fl-istess ħin kemm il-post ta’ fejn seħħ l-aġir li kkawża d-dannu kif ukoll il-post ta’ fejn immaterjalizza ruħu d-dannu, fejn kull wieħed minn dawn iż-żewġ postijiet jista’, skont iċ-ċirkustanzi, jipprovdi indikazzjoni partikolarment utli f’dak li jirrigwarda l-prova u l-organizzazzjoni tal-proċess (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et, C-509/09 u C-161/10, EU:C:2011:685, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      It-tilwima fil-kawża prinċipali ma hijiex dwar il-possibbiltà li l-qrati Estonjani jiġu aditi abbażi tal-post ta’ fejn seħħ l-aġir li kkawża d-dannu. Huwa paċifiku li dan il-post tal-aħħar ma jinsabx taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati aditi minn Bolagsupplysningen u minn I. Ilsjan. Min-naħa l-oħra, tqum il-kwistjoni dwar jekk dawn il-qrati għandhomx ġurisdizzjoni abbażi tal-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu allegat.

31      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fir-rigward tal-azzjonijiet intiżi għal kumpens għal dannu mhux materjali allegatament ikkawżat minn artiklu diffamatorju ppubblikat fl-istampa bil-miktub, li l-vittma tista’ tressaq kontra l-editur azzjoni għal kumpens quddiem il-qrati ta’ kull Stat Membru fejn il-pubblikazzjoni ġiet imqassma u fejn il-vittma tallega li subiet dannu għar-reputazzjoni tagħha, li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu biss dwar danni kkawżati fl-Istat Membru tal-qorti adita (sentenza tas-7 ta’ Marzu 1995, Shevill et, C-68/93, EU:C:1995:61, punt 33).

32      Fil-kuntest speċifiku tal-internet, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ddeċidiet, f’kawża li kienet tirrigwarda persuna fiżika, li, f’każ ta’ allegat dannu għad-drittijiet tal-personalità permezz ta’ kontenuti mqiegħda online fuq sit tal-internet, il-persuna li tqis lilha nnifisha leża għandha l-għażla li tressaq azzjoni għad-danni, abbażi tad-dannu kkawżat kollu kemm hu, quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn jinsab iċ-ċentru tal-interessi tagħha (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et, C-509/09 u C-161/10, EU:C:2011:685, punt 52).

33      Fir-rigward ta’ tali kontenut, id-dannu allegat, fil-fatt, ġeneralment jinħass l-iżjed fiċ-ċentru tal-interessi tal-persuna kkonċernata, minħabba r-reputazzjoni li hija tgawdi minnha f’dan il-post. B’hekk, il-kriterju taċ-“ċentru tal-interessi tal-vittma” ifisser il-post fejn, fil-prinċipju, id-dannu kkawżat minn kontenut online jimmaterjalizza ruħu, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, bl-iktar mod sinjifikanti.

34      Il-qrati tal-Istat Membru fejn jinsab iċ-ċentru tal-interessi tal-persuna kkonċernata huma, għaldaqstant, fl-aħjar pożizzjoni sabiex jevalwaw l-impatt ta’ tali kontenuti fuq id-drittijiet tal-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et, C-509/09 u C-161/10, EU:C:2011:685, punt 48).

35      Barra minn hekk, il-kriterju taċ-ċentru tal-interessi huwa konformi mal-għan ta’ prevedibbiltà tar-regoli tal-ġurisdizzjoni, peress li fl-istess ħin jippermetti kemm li r-rikorrent jidentifika faċilment il-qorti li fiha jista’ jibda proċedura legali kif ukoll li l-konvenut jipprevedi b’mod raġonevoli dik il-qorti li fiha huwa jista’ jiġi mfittex (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et, C-509/09 u C-161/10, EU:C:2011:685, punt 50).

36      Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tat-tilwima fil-kawża prinċipali u tad-dubji mqajma f’ċerti osservazzjonijiet bil-miktub u orali, għandu jiġi ppreċiżat, minn naħa, li dawn l-aħħar kunsiderazzjonijiet huma validi mingħajr distinzjoni skont in-natura materjali jew mhux materjali tad-dannu allegatament subit.

37      Fil-fatt, għalkemm jista’ jkollha, skont id-dritt applikabbli, influenza fuq in-natura kumpensabbli tad-dannu allegat, in-natura materjali jew mhux materjali tad-dannu ma għandhiex effett fuq id-determinazzjoni taċ-ċentru tal-interessi inkwantu post li fih l-impatt reali ta’ pubblikazzjoni fuq l-internet u n-natura dannuża jew le tagħha jistgħu jkunu evalwati l-aħjar minn qorti.

38      Min-naħa l-oħra, peress li l-possibbiltà għall-persuna li tħossha leża li tressaq azzjoni quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn jinsab iċ-ċentru tal-interessi ta’ azzjoni abbażi tad-dannu allegat fl-intier tiegħu hija ġġustifikata fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u mhux għall-finijiet tal-protezzjoni speċifika tar-rikorrent, il-fatt li dan tal-aħħar ikun persuna fiżika jew ġuridika lanqas ma huwa determinanti.

39      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li r-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali f’materji ta’ delitt jew kważi delitt ma għandhiex l-istess għan bħar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jinsabu fit-Taqsimiet 3 sa 5 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, liema jfittxu li joffru lill-parti l-iktar dgħajfa protezzjoni iktar qawwija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Folien Fischer u Fofitec, C-133/11, EU:C:2012:664, punt 46). Il-kriterju taċ-ċentru tal-interessi jfittex, min-naħa tiegħu, li jiddetermina l-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu kkawżat minn kontenut online u, għaldaqstant, l-Istat Membru li l-qrati tiegħu huma fl-aħjar pożizzjoni li jieħdu konjizzjoni tal-kawża.

40      Fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-imsemmi ċentru, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li, għal persuna fiżika, dan jikkorrispondi bħala regola ġenerali għall-Istat Membru tar-residenza abitwali tagħha. Madankollu, tali persuna jista’ jkollha ċ-ċentru tal-interessi tagħha wkoll fi Stat Membru fejn hija ma hijiex residenti b’mod abitwali, sa fejn indizji oħra, bħall-eżerċizzju ta’ attività professjonali, jistgħu jistabbilixxu l-eżistenza ta’ konnessjoni partikolarment mill-qrib ma’ dan l-Istat (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et, C-509/09 u C-161/10, EU:C:2011:685, punt 49).

41      F’dak li jikkonċerna persuna ġuridika li għandha attività ekonomika, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, iċ-ċentru tal-interessi tagħha jfisser il-post fejn ir-reputazzjoni kummerċjali tagħha hija l-iktar stabbilita u għandu, għalhekk, jiġi ddeterminat skont il-post fejn teżerċita l-parti essenzjali tal-attività ekonomika tagħha. Għalkemm iċ-ċentru tal-interessi ta’ persuna ġuridika jista’ jikkoinċidi mal-post tas-sede tagħha meta teżerċita, fl-Istat Membru fejn tinsab is-sede tagħha, l-attivitajiet kollha jew il-parti essenzjali ta’ dawn l-attivitajiet u r-reputazzjoni li tgawdi minnha hija, konsegwentement, iktar wiesgħa milli fi kwalunkwe Stat Membru ieħor, il-post tal-imsemmija sede ma huwiex madankollu, fih innifsu, kriterju deċiżiv fil-kuntest ta’ tali analiżi.

42      Għalhekk, meta, bħal fit-tilwima fil-kawża prinċipali, il-persuna ġuridika kkonċernata teżerċita l-parti l-kbira tal-attivitajiet tagħha fi Stat Membru differenti minn dak fejn għandha s-sede tagħha, għandu jiġi preżunt li r-reputazzjoni kummerċjali ta’ din il-persuna ġuridika li tista’ tiġi affettwata mill-pubblikazzjoni inkwistjoni hija ikbar f’dan l-Istat Membru milli fi kwalunkwe Stat Membru ieħor u li, konsegwentement, eventwali dannu għal din ir-reputazzjoni jinħass hawnhekk l-iktar. Għaldaqstant, il-qrati tal-imsemmi Stat Membru jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jevalwaw l-eżistenza u l-portata eventwali ta’ dan l-allegat dannu u dan iktar u iktar meta, f’dan il-każ, dan id-dannu oriġina mill-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni u ta’ kummenti allegatament ineżatti jew diffamatorji fuq sit professjonali amministrat fl-Istat Membru fejn il-persuna ġuridika kkonċernata teżerċita l-parti l-kbira tal-attivitajiet tagħha u li huma, fid-dawl tal-lingwa li huma miktubin fiha, intiżi, essenzjalment, sabiex ikunu mifhuma minn persuni residenti f’dan l-Istat Membru.

43      Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, fl-ipoteżi fejn parti kbira tal-attività ekonomika tal-persuna ġuridika kkonċernata fi Stat Membru ma tirriżultax minn elementi li l-qorti għandha tevalwa fl-istadju tal-eżami tal-ġurisdizzjoni tagħha, b’tali mod li ċ-ċentru tal-interessi tal-persuna ġuridika li tallega li hija vittma ta’ dannu għad-drittijiet tal-personalità tagħha ma jistax jiġi identifikat, din il-persuna ma tistax tibbenefika mid-dritt li tħarrek, abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, l-allegat awtur ta’ dan id-dannu, abbażi tal-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu, għall-finijiet ta’ kumpens sħiħ.

44      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna ġuridika, li tallega li d-drittijiet tal-personalità tagħha ġew miksura bil-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni ineżatta dwarha fuq l-internet u minħabba li ma tħassrux il-kummenti fil-konfront tagħha, tista’ tippreżenta rikors intiż għar-rettifika ta’ din l-informazzjoni, għat-tħassir ta’ dawn il-kummenti u għall-għoti ta’ kumpens għat-totalità tad-dannu subit quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn jinsab iċ-ċentru tal-interessi tagħha.

Meta l-persuna ġuridika kkonċernata teżerċita l-parti l-kbira tal-attivitajiet tagħha fi Stat Membru differenti minn dak tas-sede tagħha, din il-persuna tista’ tħarrek lill-allegat awtur tad-dannu abbażi tal-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu f’dan l-Istat Membru l-ieħor.

 Fuq l-ewwel domanda

45      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna li tallega li d-drittijiet tal-personalità tagħha ġew miksura bil-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni ineżatta dwarha fuq l-internet u minħabba li ma tħassrux il-kummenti fil-konfront tagħha tista’, quddiem il-qrati ta’ kull Stat Membru li fit-territorju tiegħu hija jew kienet aċċessibbli l-informazzjoni ppubblikata fuq l-internet, tippreżenta rikors intiż għar-rettifika ta’ din l-informazzjoni u għat-tħassir ta’ dawn il-kummenti.

46      Din id-domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv.

47      Ċertament, fil-punti 51 u 52 tas-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et (C-509/09 u C-161/10, EU:C:2011:685), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-persuna li tqis ruħha leża tista’ wkoll, minflok azzjoni għad-danni għad-dannu kollu kkawżat, tressaq azzjoni quddiem il-qrati ta’ kull Stat Membru li fuq it-territorju tiegħu huwa jew kien aċċessibbli kontenut online, li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu biss dwar id-dannu kkawżat fuq it-territorju tal-Istat Membru tal-qorti adita.

48      Madankollu, fid-dawl tan-natura ubikwitarja tal-informazzjoni u tal-kontenut imqiegħed online fuq sit internet u tal-fatt li l-portata tat-tixrid tagħha hija, bħala regola, universali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et, C-509/09 u C-161/10, EU:C:2011:685, punt 46), talba intiża għar-rettifika tal-ewwel u għat-tħassir tat-tieni hija waħda u indiviżibbli u, konsegwentement, tista’ titressaq biss quddiem qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-integralità ta’ talba għal kumpens għal dannu abbażi tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 1995, Shevill et (C-68/93, EU:C:1995:61, punti 25, 26 u 32) kif ukoll tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et (C-509/09 u C-161/10, EU:C:2011:685, punti 42 u 48), u mhux quddiem qorti li ma għandhiex tali ġurisdizzjoni.

49      Fid-dawl ta’ dan, ir-risposta għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li tallega li d-drittijiet tal-personalità tagħha ġew miksura bil-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni ineżatta dwarha fuq l-internet u minħabba li ma tħassrux il-kummenti fil-konfront tagħha ma tistax, quddiem il-qrati ta’ kull Stat Membru li fit-territorju tiegħu hija jew kienet aċċessibbli l-informazzjoni ppubblikata fuq l-internet, tippreżenta rikors intiż għar-rettifika ta’ din l-informazzjoni u għat-tħassir ta’ dawn il-kummenti.

 Fuq l-ispejjeż

50      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna ġuridika, li tallega li d-drittijiet tal-personalità tagħha ġew miksura bil-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni ineżatta dwarha fuq l-internet u minħabba li ma tħassrux il-kummenti fil-konfront tagħha, tista’ tippreżenta rikors intiż għar-rettifika ta’ din l-informazzjoni, għat-tħassir ta’ dawn il-kummenti u għall-għoti ta’ kumpens għat-totalità tad-dannu subit quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn jinsab iċ-ċentru tal-interessi tagħha.

Meta l-persuna ġuridika kkonċernata teżerċita l-parti l-kbira tal-attivitajiet tagħha fi Stat Membru differenti minn dak tas-sede tagħha, din il-persuna tista’ tħarrek lill-allegat awtur tad-dannu abbażi tal-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu f’dan l-Istat Membru l-ieħor.

2)      L-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li tallega li d-drittijiet tal-personalità tagħha ġew miksura bil-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni ineżatta dwarha fuq l-internet u minħabba li ma tħassrux il-kummenti fil-konfront tagħha ma tistax, quddiem il-qrati ta’ kull Stat Membru li fit-territorju tiegħu hija jew kienet aċċessibbli l-informazzjoni ppubblikata fuq l-internet, tippreżenta rikors intiż għar-rettifika ta’ din l-informazzjoni u għat-tħassir ta’ dawn il-kummenti.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Estonjan.