Language of document : ECLI:EU:T:2021:637

Kawża T-344/18

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Rubycon Corp.
u
Rubycon Holdings Co. Ltd

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) tad-29 ta’ Settembru 2021

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u tat-tantalju – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Koordinazzjoni tal-prezzijiet fiż-ŻEE kollha – Multi – Immunità parzjali minn multa – Paragrafu 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 – Tnaqqis tal-ammont tal-multa – Paragrafu 37 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 – Limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ – Ġurisdizzjoni sħiħa”

1.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti formali – Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati – Motivi ta’ dritt li ma ġewx ippreżentati fir-rikors – Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 76(d) u (e)

(ara l-punti 49-52)

2.      Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Stħarriġ ġudizzjarju – Ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti tal-Unjoni – Portata

(Artikoli 101, 261 u 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 31)

(ara l-punti 54, 55)

3.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni li jiġu applikati r-regoli tal-kompetizzjoni – Deċiżjoni li tesponi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunijiet għar-rifjut tal-benefiċċju tal-immunità parzjali ta’ multa

(Artikolu 296 TFUE; Avviż tal-Kummissjoni 2006/C 298/11, it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 26)

(ara l-punti 63-70)

4.      Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Regoli dwar il-klemenza – Nuqqas ta’ impożizzjoni jew tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata – Immunità parzjali – Assenza ta’ effett fuq il-portata tar-responsabbiltà għall-ksur ikkonstatat fir-rigward tal-impriżi benefiċjarji ta’ tali immunità

(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Avviż tal-Kummissjoni 2006/C 298/11)

(ara l-punti 73-76, 88, 89)

5.      Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Regoli dwar il-klemenza – Nuqqas ta’ impożizzjoni jew tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata – Immunità parzjali – Kundizzjonijiet – Provi prodotti mill-impriża implikata li jistgħu jsaħħu l-gravità tal-ksur – Assenza

(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Avviż tal-Kummissjoni 2006/C 298/11, subparagrafu 3 tal-paragrafu 26, u Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

(ara l-punti 94-102)

6.      Akkordji – Ksur kumpless li jinkludi elementi ta’ ftehim u elementi ta’ prattika miftiehma – Klassifikazzjoni unika bħala “ftehim u/jew prattika miftehma” – Ammissibbiltà – Obbligu għall-Kummissjoni li tikkwalifika bi preċiżjoni kull wieħed mill-aġir li jikkostitwixxu ksur bħala ftehim jew bħala prattika miftiema – Assenza

(Artikolu 101 TFUE)

(ara l-punti 103-114)

7.      Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Regoli dwar il-klemenza – Nuqqas ta’ impożizzjoni jew tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata – Immunita parzjali – Għan

(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23 (2); Avviż tal-Kummissjoni 2006/C 298/11, it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 26)

(ara l-punti 123-125)

8.      Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Regoli dwar il-klemenza – Nuqqas ta’ impożizzjoni jew tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata – Immunità parzjali – Teħid inkunsiderazzjoni tal-grad ta’ kooperazzjoni tal-impriża implikata bħala ċirkustanza attenwanti – Esklużjoni

(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Avviż tal-Kummissjoni 2006/C 298/11, subparagrafu 3 tal-paragrafu 26, u Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 29)

(ara l-punti 141-145)

9.      Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Metodu ta’ kalkolu indikat mil-linji gwida adottati mill-Kummissjoni – Obbligu tal-Kummissjoni li tapplika l-linji gwida b’osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ aspettattivi leġittimi – Kummissjoni li tibbenefika minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-multi

(Artikolu 101(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

(ara l-punti 56-58, 153, 154)

10.    Kompetizzjoni – Multi – Deċiżjoni li timponi multi – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata – Obbligu għall-Kummissjoni li timmotiva r-rijfut tagħha li ma timxix mal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi – Assenza

(Artikolu 101 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 296; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, paragrafu 37)

(ara l-punti 159-163)

11.    Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Portata – Neċessità li titwettaq distinzjoni bejn l-impriżi implikati fl-istess ksur skont id-dħul mill-bejgħ globali tagħhom – Assenza – Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Assenza

(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

(ara l-punti 187-190)

12.    Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Obbligu għall-Kummissjoni li timxi mal-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha – Assenza

(Artikoli 101 u 102 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

(ara l-punt 195)

13.    Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Ġurisdizzjoni sħiħa – Portata – Issuġġettar għal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi – Esklużjoni – Obbligu ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

(Artikoli 101, 261 u 263 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 31; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

(ara l-punti 223-227)

Sunt

Rubycon Corp., hija kumpannija stabbilita fil-Ġappun, li timmanifattura u tbigħ kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju. Mill-1 ta’ Frar 2007, Rubycon Holdings Co. Ltd (iktar ’il quddiem “Rubycon Holdings”) għandha 100 % tal-kapital ta’ Rubycon Corp.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Marzu 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni kkonstatat li Rubycon Corp. u Rubycon Holdings kienu kisru l-Artikolu 101 TFUE billi pparteċipaw fi ftehimiet u/jew prattiki miftiehma li kellhom bħala għan il-koordinazzjoni tal-politiki tal-prezzijiet għall-provvista ta’ kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u tat-tantalju (1). Il-Kummissjoni kkonstatat ir-responsabbiltà ta’ Rubycon Corp. minħabba l-parteċipazzjoni diretta tagħha fl-akkordju mis-26 ta’ Ġunju 1998 sat-23 ta’ April 2012, u r-responsabbiltà ta’ Rubycon Holdings fil-kwalità tagħha ta’ kumpannija omm għall-perijodu mill-1 ta’ Frar 2007 sat-23 ta’ April 2012.

Id-deċiżjoni kkontestata kienet timponi, minn naħa, multa fuq Rubycon Corp., flimkien u in solidum ma’ Rubycon Holdings, u, min-naħa l-oħra, multa individwali fuq Rubycon Corp.

Sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-imsemmija multi, il-Kummissjoni segwiet il-metodoloġija esposta fil-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi (2) (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2006”).

B’hekk, il-Kummissjoni ddeterminat l-ammont bażiku billi rreferiet għall-valur tal-bejgħ tal-kapaċitaturi elettrolitiċi kkonċernati matul l-aħħar sena sħiħa ta’ parteċipazzjoni fil-ksur u billi applikat koeffiċjenti multiplikaturi skont it-tul ta’ żmien tal-ksur. Billi qieset li l-arranġamenti orizzontali ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet huma, min-natura tagħhom stess, fost l-iktar ksur gravi tal-Artikolu 101 TFUE, il-Kummissjoni sussegwentement iffissat il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jintuża skont il-gravità tal-ksur għal 16 %. Sabiex tiżgura ruħha min-natura suffiċjentement dissważiva tal-multi imposti, il-Kummissjoni barra minn hekk applikat ammont addizzjonali ta’ 16 %.

Fir-rigward tal-koeffiċjent multiplikatur relatat mat-tul tal-ksur, il-Kummissjoni tat lil Rubycon Corp. immunità parzjali mill-multa fir-rigward tat-tul tal-ksur, skont it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 (3), talli pproduċiet provi determinanti li jistabbilixxu punti ta’ fatt addizzjonali li jsaħħu t-tul tal-ksur għall-perijodu mis-26 ta’ Ġunju 1998 sat-28 ta’ Awwissu 2003.

Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni rrifjutat li tagħti lil Rubycon Corp. u lil Rubycon Holdings immunità parzjali minn multa relatata mal-gravità tal-ksur skont l-imsemmi tielet subparagrafu tal-paragrafu 26, minħabba li l-provi li huma kienu pprovdew ma kinux ippermettewlha tistabbilixxi punti ta’ fatt addizzjonali li jsaħħu l-gravità tal-ksur.

Fl-aħħar nett, wara l-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 %, il-Kummissjoni tat lil Rubycon Corp. u lil Rubycon Holdings tnaqqis addizzjonali ta’ 30 % tal-ammont tal-multa (4) minħabba li huma kienu t-tieni impriża li pproduċiet provi li jagħtu valur miżjud sinjifikattiv fir-rigward tal-prova tal-eżistenza tal-akkordju.

Rubycon Corp. u Rubycon Holdings ippreżentaw rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u għat-tnaqqis tal-multi imposti, li madankollu huwa miċħud mid-Disa’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Permezz tar-rikors tagħhom, Rubycon Corp. u Rubycon Holdings jikkontestaw b’mod partikolari r-rifjut tal-Kummissjoni li tagħtihom immunità parzjali ta’ multa relatata mal-gravità tal-ksur, skont it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tiċħad, fl-ewwel lok, l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kellha teskludi r-responsabbiltà ta’ Rubycon Corp. u ta’ Rubycon Holdings għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat li l-eżistenza tagħhom kienet ġiet ippruvata permezz tal-provi li huma kienu pprovdew. Fil-fatt, sa fejn il-benefiċċju tal-immunità parzjali ta’ multa jikkonċerna biss l-ammont tal-multa, ma jistax ikollu effett fuq il-portata tar-responsabbiltà għall-ksur ikkonstatat fir-rigward tal-impriża benefiċjarja ta’ tali immunità.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkonstatat bi żball li l-provi prodotti ma kellhomx effett fuq il-gravità tal-ksur. F’dan ir-rigward, Rubycon Corp. u Rubycon Holdings kienu, b’mod iktar partikolari, sostnew li l-provi mressqa fir-rigward ta’ diversi laqgħat li fil-kuntest tagħhom l-impriżi kienu ftehmu fuq prezzijiet u fuq mekkaniżmu ta’ sorveljanza tal-applikazzjoni tagħhom kienu ppermettew li tissaħħaħ il-gravità tal-akkordju inkwistjoni.

Il-Qorti Ġenerali tfakkar, qabel xejn, li huma biss l-impriżi li jkunu pproduċew provi determinanti li jippermettu li jiġu stabbiliti punti ta’ fatt supplimentari li jistgħu jsaħħu l-gravità jew it-tul tal-ksur li jistgħu jibbenefikaw mill-immunità parzjali mill-multa skont it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006.

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali tikkonferma l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-provi pprovduti minn Rubycon Corp. u Rubycon Holdings ma kellhomx effett fuq il-kapaċità tagħha li tistabbilixxi l-gravità tal-ksur. Għalkemm dawn il-provi kienu juru li, matul ċerti laqgħat, l-impriżi kienu kkonkludew ftehimiet dwar il-prezzijiet akkumpanjati minn mekkaniżmu ta’ sorveljanza sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li dawn il-provi ma kinux komponenti awtonomi tal-ksur, li seta’ jkollhom impatt fuq il-gravità tiegħu.

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

Rubycon Corp. u Rubycon Holdings kienu jirreferu, b’mod iktar partikolari, għall-għoti, lil impriżi oħra, ta’ tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa ta’ 3 % fid-dawl tal-fatt li l-parteċipazzjoni tagħhom f’ċerti laqgħat multilaterali ma kinitx ġiet stabbilita. Billi tat dan it-tnaqqis, il-Kummissjoni ttrattat b’mod iktar favorevoli l-impriżi li kienu ddeċidew li ma jipprovdux provi dwar il-ksur meta mqabbla ma’ dawk li kienu ddeċidew li jipprovdu tali provi.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tosserva li s-sitwazzjoni fattwali ta’ Rubycon Corp. u Rubycon Holdings u dik tal-impriżi l-oħra msemmija kienu sostanzjalment differenti, inkwantu l-parteċipazzjoni ta’ dawn tal-aħħar f’ċerti laqgħat li għalihom Rubycon Corp kienet ipparteċipat ma ġietx ippruvata u inkwantu, kuntrarjament għall-impriżi l-oħra msemmija, Rubycon Corp. u Rubycon Holdings kienu kkooperaw fl-investigazzjoni.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li ż-żewġ sitwazzjonijiet lanqas ma kienu paragunabbli minn perspettiva ġuridika. Fir-rigward tal-impriżi l-oħra msemmija, kellu jiġi evalwat jekk in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni f’ċerti skambji antikompetittivi kellux jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest taċ-ċirkustanzi attenwanti. F’dak li jikkonċerna lil Rubycon Corp. u lil Rubycon Holdings, għall-kuntrarju, kienet kwistjoni li jiġi evalwat jekk il-kooperazzjoni tagħhom fl-investigazzjoni kellhiex twassal sabiex jingħataw immunità parzjali minn multa.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tippreċiża, barra minn hekk, li impriża li tkun iddeċidiet li tikkoopera mal-Kummissjoni skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 ma tistax validament tikkritika lill-Kummissjoni talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-grad tal-kooperazzjoni tagħha bħala ċirkustanza attenwanti barra mill-kuntest ġuridiku tal-imsemmi avviż.

Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali tikkonferma li bl-applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-metodu ġenerali ta’ kalkolu tal-multi previst mil-Linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni ma kienet wettqet ebda ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni u tas-sanzjonijiet.


1      Deċiżjoni C(2018) 1768 final tal-21 ta’ Marzu 2018 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Il-Każ AT.40136 – Kapasiters).


2      Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti b’applikazzjoni tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2).


3      Avviż tal-Kummissjoni dwar l-Immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 2016, C 144, p. 23, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006”). It-tielet subparagrafu tal-paragrafu 26 ta’ dan l-avviż jipprevedi li “[j]ekk impriża li titlob tnaqqis fil-multa tkun l-ewwel li tippreżenta provi determinanti, fis-sens tal-[paragrafu] (25), li l-Kummissjoni tuża biex tistabbilixxi fatti addizzjonali li jżidu l-gravità jew il-perjodu tal-ksur, il-Kummissjoni ma tiħux f’kunsiderazzjoni dawn il-fatti addizzjonali meta tiffissa l-ammont ta’ xi multa imposta fir-rigward tal-impriża li tkun ippreżentathom”.


4      Dan it-tnaqqis addizzjonali ngħata skont it-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006.