Language of document : ECLI:EU:T:2019:824

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

28 ta’ Novembru 2019 (*)

“Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment (SRM) – Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (SRF) – Deċiżjoni tas-SRB dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 – Rikors għal annullament – Inċidenza diretta u individwali – Ammissibbiltà – Rekwiżiti formali essenzjali – Awtentikazzjoni tad-deċiżjoni – Proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑365/16,

Portigon AG, stabbilita f’Düsseldorf (il-Ġermanja), irrappreżentata minn D. Bliesener, V. Jungkind u F. Geber, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn B. Meyring, T. Klupsch u S. Ianc, avukati,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Steiblytė u K.-P. Wojcik, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, l-ewwel nett, tad-deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tal-15 ta’ April 2016 dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB/ES/SRF/2016/06), u, it-tieni nett, tad-deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2016 dwar l-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, li tissupplimenta d-Deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tal-15 ta’ April 2016 dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB/ES/SRF/2016/13), inkwantu dawn jikkonċernaw lir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża),

komposta minn A. M. Collins, President tal-Awla, M. Kancheva, R. Barents, J. Passer (Relatur) u G. De Baere, Imħallfin,

Reġistratur: N. Schall, amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Frar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Din il-kawża taqa’ fil-kuntest tat-tieni pilastru tal-Unjoni Bankarja, li jikkonċerna l-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRM), stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1). L-istabbiliment tas-SRM għandu l-għan li jsaħħaħ l-integrazzjoni tal-qafas ta’ riżoluzzjoni fl-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-Istati Membri li ma jagħmlux parti miż-żona tal-euro u li jagħżlu li jipparteċipaw fil-mekkaniżmu superviżorju uniku (MSU) (iktar ’il quddiem l-“Istati Membri parteċipanti”).

2        B’mod iktar speċifiku, din il-kawża tikkonċerna l-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) stabbilit mill-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 806/2014. Is-SRF huwa ffinanzjat mill-kontribuzzjonijiet tal-istituzzjonijiet riċevuti fil-livell nazzjonali fil-forma, b’mod partikolari, ta’ kontribuzzjonijiet ex ante, b’eżekuzzjoni tal-Artikolu 67(4) tal-istess regolament. Skont il-punt 13 tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, il-kunċett ta’ istituzzjoni jirreferi għal istituzzjoni ta’ kreditu jew għal ditta ta’ investiment koperta minn superviżjoni kkonsolidata skont l-Artikolu 2(c) tal-istess regolament. Il-kontribuzzjonijiet għandhom jiġu ttrasferiti fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea skont il-ftehim intergovernattiv dwar it-trasferiment u l-mutwalizzazzjoni tal-kontribuzzjonijiet għas-SRF, iffirmat fi Brussell fil-21 ta’ Mejju 2014 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim FIG”).

3        L-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 806/2014, intitolat “Kontribuzzjonijiet ex ante”, jipprovdi:

“1.      Il-kontribuzzjoni individwali ta’ kull istituzzjoni għandha tinġabar mill-inqas kull sena u għandha tiġi kkalkolata prorata skont l-ammont tal-obbligazzjonijiet tagħha (minbarra l-fondi proprji) li minnu jitnaqqsu d-depożiti koperti, fir-rigward tal-obbligazzjonijiet aggregati (minbarra l-fondi proprji) u filwaqt li jitnaqqsu d-depożiti koperti, tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti kollha.

2.      Kull sena, il-Bord, wara li jikkonsulta l-BĊE jew l-awtorità nazzjonali kompetenti u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, għandu jikkalkula l-kontribuzzjonijiet nazzjonali [l-kontribuzzjonijiet individwali] biex jiżgura li l-kontribuzzjonijiet dovuti mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti kollha ma jaqbżux 12,5 % tal-livell fil-mira.

Kull sena l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għal istituzzjonijiet individwali għandu jkun ibbażat fuq:

(a)      kontribuzzjoni fissa, li tkun ibbażata prorata għall-ammont tal-obbligazzjonijiet ta’ istituzzjoni minbarra l-fondi proprji u d-depożiti koperti, fir-rigward tal-obbligazzjonijiet totali, bl-esklużjoni tal-fondi proprji u d-depożiti koperti, tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti; u

(b)      kontribuzzjoni aġġustata skont ir-riskju, li għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji stipulati fl-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59/UE, filwaqt li jitqies il-prinċipju ta’ proporzjonalità, mingħajr ma jinħoloq tgħawwiġ bejn l-istrutturi tas-settur tal-banek tal-Istati Membri.

Ir-relazzjoni bejn il-kontribuzzjoni fissa u l-kontribuzzjonijiet aġġustati skont ir-riskju għandha tikkunsidra distribuzzjoni bbilanċjata tal-kontribuzzjonijiet bejn tipi differenti ta’ banek.

Fi kwalunkwe każ, l-ammont aggregat ta’ kontribuzzjonijiet individwali mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti kollha, ikkalkolat skont il-punti (a) u (b), ma għandux jaqbeż annwalment it-12,5 % tal-livell fil-mira.

[…]

6.      L-atti delegati li jispeċifikaw l-idea ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet proporzjonalment għall-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet, adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 103 (7) tad-Direttiva 2014/59/UE, għandhom jiġu applikati.

7.      Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu, fil-qafas tal-atti delegati msemmija fil-paragrafu 6, jadotta atti ta’ implimentazzjoni biex jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 1, 2 u 3, u b’mod partikolari fir-rigward ta’:

(a)      l-applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kalkolu ta’ kontribuzzjonijiet individwali;

(b)      il-modalitajiet prattiċi għall-allokazzjoni lill-istituzzjonijiet tal-fatturi ta’ riskju speċifikati fl-att delegat.”

4        Ir-Regolament Nru 806/2014 ġie ssupplimentat, fir-rigward tal-imsemmija kontribuzzjonijiet ex ante, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/81 tad-19 ta’ Diċembru 2014 li jispeċifika kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014 fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF (ĠU 2015, L 15, p. 1).

5        Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 806/2014 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jagħmlu riferiment għal ċerti dispożizzjonijiet li jinsabu f’żewġ atti oħra:

–        minn naħa, id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190);

–        min-naħa l-oħra, ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38).

6        Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) ġie stabbilit bħala aġenzija tal-Unjoni (Artikolu 42 tar-Regolament Nru 806/2014). Dan jinkludi, b’mod partikolari, sessjoni plenarja u sessjoni eżekuttiva (Artikolu 43(5) tar-Regolament Nru 806/2014). Is-SRB f’sessjoni eżekuttiva jieħu d-deċiżjonijiet kollha sabiex jiġi implimentat ir-Regolament Nru 806/2014, sakemm dan ir-regolament ma jistipulax mod ieħor (Artikolu 54(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 806/2014).

7        Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ April 2015 (SRB/PS/2015/8), is-SRB f’sessjoni plenarja adotta r-regoli tal-proċedura tas-SRB f’sessjoni eżekuttiva (iktar ’il quddiem ir-“RPSE”).

8        L-Artikolu 9(1) sa (3) tar-RPSE jistipula:

“1.      Id-deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu wkoll permezz ta’ proċedura bil-miktub, ħlief jekk tal-inqas żewġ membri tas-sessjoni eżekuttiva msemmija fl-Artikolu 3(1) li jipparteċipaw fil-proċedura bil-miktub jopponu dan fl-ewwel 48 siegħa mill-bidu ta’ din il-proċedura bil-miktub. F’dan il-każ, is-suġġett għandu jiġi inkluż fl-aġenda tas-sessjoni eżekuttiva li jmiss.

2.      Il-proċedura bil-miktub teħtieġ normalment mhux inqas minn ħamest ijiem ta’ xogħol sabiex tiġi eżaminata minn kull membru tas-sessjoni eżekuttiva. Jekk tkun meħtieġa azzjoni urġenti, il-President jista’ jiffissa perijodu iqsar għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni b’kunsens. Ir-raġuni għat-tqassir tal-perijodu għandha tingħata.

3.      Jekk il-kunsens ma jkunx jista’ jintlaħaq permezz ta’ proċedura bil-miktub, il-President jista’ jagħti bidu għal proċedura ta’ votazzjoni normali skont l-Artikolu 8.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

9        Ir-rikorrenti, Portigon AG, li kienet WestLB AG, hija istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fi Stat Membru parteċipanti.

10      Fl-2009 ġie stabbilit, fi ħdan l-awtorità ta’ riżoluzzjoni Ġermaniża, il-Bundesanstalt für Finanzmarktstabilisierung (l-Uffiċċju Federali għall-Istabbilizzazzjoni tas-Swieq Finanzjarji, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem il-“FMSA”), l-Erste Abwicklungsanstalt (l-ewwel struttura ta’ tmiem ta’ portafoll, iktar ’il quddiem l-“EAA”), li hija istituzzjoni rregolata mid-dritt pubbliku organikament u ekonomikament awtonoma, b’kapaċità ġuridika limitata.

11      Fl-20 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-Deċiżjoni 2013/245/UE dwar l-għajnuna mill-Istat C 40/2009 u C 43/2008 għar-ristrutturar ta’ WestLB AG (ĠU 2013, L 148, p. 1).

12      Fil-kuntest ta’ din ir-ristrutturazzjoni, parti mis-setturi ta’ attivitajiet u portafolli tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem il-“portafoll tal-EAA”) ġew ittrasferiti lill-EAA. Parti mill-portafoll tal-EAA kienet is-suġġett ta’ trażmissjoni reali lill-EAA permezz ta’ diviżjoni. Il-kumplament tal-portafoll tal-EAA, li jinkludi portafoll ta’ strumenti derivati bi ftehim dirett (OTC, over the counter), ma kienx is-suġġett ta’ trasferiment reali lill-EAA, iżda biss ta’ trasferiment ekonomiku (trasferiment sintetiku). F’dan ir-rigward, ġew konklużi ftehimiet ta’ sotto-parteċipazzjoni fi flus kontanti, ta’ garanzija jew ta’ teħid ta’ responsabbiltà tar-riskji mal-EAA.

 Dikjarazzjoni tar-rikorrenti għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-2016

13      Fis-28 ta’ Jannar 2016, permezz tal-applikazzjoni ExtraNet tad-Deutsche Bundesbank (il-Bank Ċentrali tal-Ġermanja), ir-rikorrenti bagħtet lill-FMSA d-dikjarazzjoni tagħha għall-finijiet tal-kontribuzzjoni ex ante għall-2016.

14      Permezz ta’ ittra tal-istess jum, ir-rikorrenti spjegat lill-FMSA li, f’din id-dikjarazzjoni, it-total tal-bilanċ skont it-taqsimiet 2A 1 (total tal-passiv) u 4A 17 (total tal-attiv) ma kienx jinkludi l-bilanċ tal-attiv jew tal-passiv miżmum mir-rikorrenti bħala mandatarju fiduċjarju, li kienu jirriżultaw mill-portafoll ta’ strumenti derivati bi ftehim dirett, ittrasferiti b’mod sintetiku lill-EAA. Fit-taqsima 4D 17 dwar l-Artikolu 6(8)(a) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, hija kienet irrispondiet fin-negattiv, peress li hija ma kienet tappartjeni għal ebda grupp li kien is-suġġett ta’ organizzazzjoni mill-ġdid wara li rċieva fondi tal-gvern jew paragunabbli, bħala mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni ta’ finanzjament.

15      Fl-istess ittra, “[g]ħal finijiet ta’ ċarezza, iżda wkoll sabiex jiġu evitati stimi inutli u sopravalutati”, ir-rikorrenti hemżet bħala anness (f’format stampat) verżjoni alternattiva tad-dikjarazzjoni tagħha, li “għandha tkun konformi mal-opinjoni legali tal-FMSA”.

16      Permezz ta’ posta elettronika tat-3 ta’ Marzu 2016, il-FMSA informa lir-rikorrenti li huwa kien eżamina l-problemi mqajma fl-ittra tagħha tat-28 ta’ Jannar 2016 u li huwa “kien laħaq qbil mas-SRB”. Skont il-FMSA, kien hemm lok li fit-taqsimiet 2A 1 u 4A 17 jiġu ddikjarati l-entrati kollha tal-karta tal-bilanċ li jikkorrispondu għall-kontijiet annwali. Fir-rigward tat-taqsima 4D 17, il-FMSA indika li l-indikatur tar-riskju msemmi fl-Artikolu 6(8)(a) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 kien ukoll applikabbli għall-istituzzjonijiet li ma jappartjenu għal ebda grupp u, konsegwentement, anki għar-rikorrenti.

17      Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Marzu 2016, ir-rikorrenti informat lill-FMSA li hija kienet ser iżżomm fis-seħħ kompletament id-dikjarazzjoni msemmija fil-punt 13 iktar ’il fuq.

 L-ewwel deċiżjoni kkontestata u avviż għall-ħlas relatat ma’ din id-deċiżjoni

18      Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ April 2016 dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 għas-SRF (SRB/ES/SRF/2016/06) (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni kkontestata”), is-SRB, fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu, skont l-Artikolu 54(1)(b) u l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 iddeċieda dwar l-ammont tal-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull istituzzjoni, fosthom ir-rikorrenti, għas-sena 2016.

19      L-anness ta’ din id-deċiżjoni jinkludi, f’tabella, l-ammonti tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 tal-istituzzjonijiet kollha, kif ukoll ċertu numru ta’ taqsimiet oħra, intitolati b’mod partikolari “Method (EA)” (metodu (iż-żona tal-euro)) u “Risk adjustment factor in the EA environment” (fattur ta’ aġġustament skont il-profil ta’ riskju fil-kuntest taż-żona tal-euro).

20      Fl-istess jum, is-SRB ipprovda lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem l-“ANR”) kopja tal-fajl ta’ data li tikkonċerna l-istituzzjonijiet li jinsabu fit-territorji rispettivi li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom.

21      Permezz ta’ avviż għall-ħlas tat-22 ta’ April 2016, li ġie rċevut fid-29 ta’ April 2016, il-FMSA, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità ta’ riżoluzzjoni Ġermaniża fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 806/2014, informa lir-rikorrenti li s-SRB kien adotta l-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-2016 għas-SRF u indikalha l-ammont li kellha tħallas (iktar ’il quddiem l-“ewwel avviż għall-ħlas”).

 It-tieni deċiżjoni kkontestata u l-avviż għall-ħlas relatat ma’ din id-deċiżjoni

22      Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2016 dwar l-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 għas-SRF, li tissupplimenta l-ewwel deċiżjoni kkontestata (SRB/ES/SRF/2016/13) (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni kkontestata”), is-SRB żied il-kontribuzzjoni tar-rikorrenti.

23      L-anness ta’ din id-deċiżjoni jindika, fir-rigward ta’ kull istituzzjoni, l-ammonti inizjali tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016, l-ammonti tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 “after IPS impact” (wara l-impatt tal-indikatur li jikkonċerna l-appartenenza f’sistema ta’ protezzjoni istituzzjonali) u d-differenza bejn dawn l-ammonti u, b’mod partikolari, il-metodu (iż-żona tal-euro) u l-fattur ta’ aġġustament skont il-profil ta’ riskju fil-kuntest taż-żona tal-euro.

24      Fit-22 ta’ Mejju 2016, is-SRB ipprovda lill-ANR kopja tal-fajl ta’ data li tikkonċerna l-istituzzjonijiet li jinsabu fit-territorji rispettivi li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom.

25      Permezz ta’ ittra tal-istess jum, is-SRB informa lill-ANR bil-motivi tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

26      Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Mejju 2016, il-FMSA informa lill-Bundesverband Öffentlicher Banken Deutschlands e.V. (l-Assoċjazzjoni Federali tal-Banek Pubbliċi Ġermaniżi, il-Ġermanja) bil-ħtieġa li jiġi rrettifikat il-kalkolu inizjali tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 u bil-motivi li fuqhom hija bbażata din il-ħtieġa. L-imsemmija assoċjazzjoni bagħtet din l-ittra lir-rikorrenti.

27      Permezz ta’ avviż għall-ħlas tal-10 ta’ Ġunju 2016, irċevut fit-13 ta’ Ġunju 2016, il-FMSA ordna lir-rikorrenti tħallas l-ammont taż-żieda msemmija fil-punt 22 iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem it-“tieni avviż għall-ħlas”).

 Talba tar-rikorrenti għal aċċess għal dokumenti

28      Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Ġunju 2016, ir-rikorrenti talbet, mingħand is-SRB, l-aċċess għad-dokumenti li ġejjin:

–        id-deċiżjoni tas-SRB li tiddeċiedi fuq l-obbligu tagħha ta’ kontribuzzjoni;

–        id-deċiżjoni tas-SRB dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF għall-2016 dovuti minnha;

–        id-deċiżjoni li temenda l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq.

29      Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Awwissu 2016, is-SRB qiegħed għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti kopja tal-ewwel u tat-tieni deċiżjoni kkontestati (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”) li l-annessi tagħhom ġew prodotti biss sa fejn dawn kienu jikkonċernaw lir-rikorrenti, kopja tal-fajl ta’ data dwar ir-rikorrenti u kopji tad-deċiżjonijiet segwenti:

–        deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tal-14 ta’ Settembru 2015 dwar id-definizzjoni tal-pilastru “indikaturi ta’ riskju addizzjonali li jiġu ddeterminati mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni” (SRB/ES/SRF/2015/00);

–        deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni plenarja tiegħu tat-30 ta’ Settembru 2015 dwar il-formola ta’ dikjarazzjoni għal kontribuzzjonijiet għall-2016 (SRB/PS/SRF/2015/01);

–        deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni plenarja tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2015 dwar il-modifika tal-formola ta’ dikjarazzjoni għal kontribuzzjonijiet għall-2016 (SRB/PS/SRF/2015/02);

–        deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tat-30 ta’ Novembru 2015 dwar ir-regoli komuni għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 għas-SRF f’dak li jirrigwarda d-diskretizzazzjoni fil-pass 2 (SRB/ES/SRF/2015/03);

–        deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tat-30 ta’ Novembru 2015 dwar il-garanziji addizzjonali rigward id-data pprovduta għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 għas-SRF (SRB/ES/SRF/2015/04);

–        deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tat-30 ta’ Novembru 2015 dwar ir-regoli komuni għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante tal-2016 għas-SRF f’dak li jirrigwarda d-data ta’ referenza tal-għajnuna mill-Istat (SRB/ES/SRF/2015/05);

–        deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tal-24 ta’ Frar 2016 dwar l-ipproċessar ta’ data nieqsa wara l-provvista tas-settijiet ta’ data finali (SRB/ES/SRF/2016/00/A);

–        deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2016 dwar il-livell fil-mira tas-SRF għall-2016 (SRB/ES/SRF/2016/01);

–        deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2016 dwar it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet ex ante tal-2015 mill-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 (SRB/ES/SRF/2016/03);

–        deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tas-6 ta’ April 2016 dwar il-modifika tal-formola ta’ dikjarazzjoni għal kontribuzzjonijiet għall-2016 (SRB/ES/SRF/2016/04).

–        deċiżjoni adottata mis-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tas-6 ta’ April 2016 dwar il-bidla fl-ipproċessar tad-data nieqsa wara l-provvista tas-settijiet ta’ data finali (SRB/ES/SRF/2016/05/A);

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

30      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

31      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni Ewropea talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tas-SRB.

32      Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Jannar 2017, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal intervent tal-Kummissjoni.

33      Permezz tal-ewwel miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata fid-9 ta’ Ottubru 2017 skont l-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar stiednet lis-SRB jipproduċi l-kopja sħiħa tal-oriġinal tad-deċiżjonijiet ikkontestati, inkluż l-annessi tagħhom.

34      Permezz ta’ att tas-26 ta’ Ottubru 2017, is-SRB indika li ma jistax josserva l-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata fid-9 ta’ Ottubru 2017, billi invoka b’mod partikolari n-natura kunfidenzjali tad-data li tinsab fl-annessi tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

35      Permezz ta’ digriet ta’ miżuri struttorji tal-14 ta’ Diċembru 2017 (iktar ’il quddiem l-“ewwel digriet”), il-Qorti Ġenerali ordnat lis-SRB, abbażi, minn naħa, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 91(b), tal-Artikolu 92(3), kif ukoll tal-Artikolu 103 tar-Regoli tal-Proċedura, il-produzzjoni, fil-verżjonijiet mhux kunfidenzjali u kunfidenzjali, tal-kopja sħiħa tal-oriġinal tad-deċiżjonijiet ikkontestati, inkluż l-annessi rispettivi tagħhom.

36      Permezz ta’ att tal-15 ta’ Jannar 2018, is-SRB wieġeb għall-ewwel digriet u pproduċa, f’verżjonijiet mhux kunfidenzjali u kunfidenzjali, erba’ dokumenti, jiġifieri żewġ dokumenti għall-ewwel deċiżjoni kkontestata u żewġ dokumenti għat-tieni deċiżjoni kkontestata, u għal kull waħda minnhom jikkorrispondu, l-ewwel nett, fir-rigward tat-test tad-deċiżjoni kkontestata, għal dokument ta’ żewġ paġni fil-forma ta’ rikonoxximent permezz tal-iskanner, fil-format PDF, ta’ dokument stampat iffirmat, u, it-tieni nett, għal dokument fil-forma ta’ ġenerazzjoni diġitali, fil-format PDF, ta’ data diġitali u li jikkostitwixxi l-anness tad-deċiżjoni inkwistjoni.

37      Fid-dawl tar-risposta tas-SRB għall-ewwel digriet, fit-12 ta’ Marzu 2018 il-Qorti Ġenerali adottat it-tieni miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u stiednet lis-SRB, l-ewwel nett, sabiex jikkjarifika l-format tal-annessi fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, it-tieni nett, fil-każ fejn dawn l-annessi kienu ġew ippreżentati f’format diġitali, sabiex jispjega u jipprovdi l-elementi tekniċi ta’ awtentikazzjoni neċessarji kollha sabiex tingħata prova li l-ġenerazzjoni PDF ta’ data diġitali prodotta quddiem il-Qorti Ġenerali tikkorrispondi għal dak li kien ġie ppreżentat b’mod konkret għall-firma u adottat mis-SRB, fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu, waqt il-laqgħat tiegħu tal-15 ta’ April 2016 u tal-20 ta’ Mejju 2016, u, it-tielet nett, sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-kwistjoni tal-eżistenza ġuridika tad-deċiżjonijiet ikkontestati u l-kwistjoni tal-osservanza tar-rekwiżiti formali essenzjali.

38      Permezz ta’ att tas-27 ta’ Marzu 2018, is-SRB wieġeb għat-tieni miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Fir-rigward tat-tieni talba msemmija fil-punt 37 iktar ’il fuq, is-SRB indika li ma jistax josservaha, u dan minħabba l-kunfidenzjalità ta’ ċerti dokumenti li jkollu jipproduċi, u talab l-adozzjoni ta’ miżura struttorja.

39      Fit-2 ta’ Mejju 2018, il-Qorti Ġenerali adottat digriet ta’ miżuri struttorji ġdid, li jordna lis-SRB josserva t-tieni talba li tinsab fil-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat-12 ta’ Marzu 2018 (iktar ’il quddiem it-“tieni digriet”).

40      Permezz ta’ att tat-18 ta’ Mejju 2018, irregolarizzat fid-29 ta’ Ġunju 2018, is-SRB osserva t-tieni digriet u pproduċa, fil-verżjonijiet kunfidenzjali u mhux kunfidenzjali, dokument intitolat “Informazzjoni teknika dwar l-identifikazzjoni”, it-test ta’ erba’ messaġġi bil-posta elettronika tas-SRB tat-13 ta’ April 2016 fil‑17:41, tal-15 ta’ April 2016 fis-19:04 u fit-20:06, u tad-19 ta’ Mejju 2016 fid-21:25, kif ukoll USB stick li tinkludi żewġ fajls fil-format XLSX u żewġ fajls fil-format TXT.

41      Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2018, wara l-eżami previst fl-Artikolu 103(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali neħħiet mill-proċess il-verżjonijiet kunfidenzjali tad-dokumenti prodotti mis-SRB b’risposta għall-ewwel u t-tieni digriet, bl-eċċezzjoni ta’ fajls fil-format TXT li jinsabu fuq il-USB sticks prodotti fit-18 ta’ Mejju 2018 mis-SRB u li ma fihom ebda informazzjoni kunfidenzjali, liema fajls ġew inklużi fil-proċess f’forma stampata.

42      Fil-11 ta’ Lulju 2018, permezz tat-tielet miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata skont l-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lir-rikorrenti u lill-Kummissjoni sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar it-tweġibiet tas-SRB għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u ta’ struzzjoni msemmija fil-punti 33, 35, 37 u 39 iktar ’il fuq.

43      Fit-12 ta’ Lulju 2018, ir-rikorrenti qajmet motiv ġdid.

44      Fis-27 u fit-30 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni u r-rikorrenti ppreżentaw rispettivament l-osservazzjonijiet tagħhom dwar it-tweġibiet tas-SRB għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u ta’ struzzjoni msemmija fil-punti 33, 35, 37 u 39 iktar ’il fuq.

45      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Awwissu 2018, is-SRB ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-motiv ġdid imqajjem mir-rikorrenti.

46      Fuq proposta tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

47      Fid-19 ta’ Novembru 2018, permezz tar-raba’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata skont l-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lis-SRB jipprovdi preċiżazzjonijiet dwar il-mod kif kien assoċjat mad-diskussjoni bejn il-FMSA u r-rikorrenti, dwar id-dikjarazzjoni ta’ din tal-aħħar għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-2016, u stiednet lill-partijiet sabiex iwieġbu ċerti mistoqsijiet u sabiex jippreċiżaw iktar, waqt is-seduta, il-pożizzjoni tagħhom fir-rigward tal-osservanza, mis-SRB, tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

48      Fit-3 u fl-4 ta’ Diċembru 2018, il-partijiet osservaw din it-talba.

49      Permezz ta’ digriet tal-20 ta’ Diċembru 2018, il-Qorti Ġenerali ordnat lis-SRB jipproduċi, f’verżjonijiet mhux kunfidenzjali u kunfidenzjali, kopji tal-posta elettronika skambjata bejn is-SRB u l-FMSA dwar id-diskussjoni bejn dan tal-aħħar u r-rikorrenti dwar id-dikjarazzjoni tagħha għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-2016, imsemmija fir-risposta tas-SRB għall-ittra tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Novembru 2018.

50      Fl-10 ta’ Jannar 2019, is-SRB osserva dan id-digriet.

51      Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2019, wara l-eżami previst fl-Artikolu 103(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali neħħiet mill-proċess il-verżjonijiet kunfidenzjali tal-kopji tal-posta elettronika prodotti mis-SRB.

52      Ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

–        tikkundanna lis-SRB għall-ispejjeż.

53      Is-SRB jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

54      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

55      Skont is-SRB, id-deċiżjonijiet ikkontestati ma jipproduċux effetti legali fir-rigward ta’ terzi u, fi kwalunkwe każ, fir-rigward tar-rikorrenti.

56      Fil-fatt, l-approvazzjoni tal-ammonti tal-kontribuzzjonijiet ex ante mis-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu ma toħloq ebda obbligu għall-istituzzjonijiet, peress li dan jitnissel biss jekk, u meta, l-ANR kompetenti tipproduċi att ġuridiku skont id-dritt nazzjonali. Għalhekk, id-deċiżjonijiet ikkontestati ma jtemmux il-proċedura, peress li din tal-aħħar tiġi ffinalizzata biss meta l-ANR jirċievu l-kontribuzzjonijiet tal-istituzzjonijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni rispettiva tagħhom.

57      Bl-istess mod, il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante mis-SRB ma jaffettwax direttament is-sitwazzjoni legali tal-istituzzjonijiet, peress li dawn huma affettwati direttament biss meta l-ANR jiġbru l-kontribuzzjonijiet.

58      Għaldaqstant, hija r-rikorrenti li għandha tikkontesta l-avviżi għall-ħlas tal-FMSA quddiem il-qrati nazzjonali li jistgħu eventwalment jadixxu l-Qorti tal-Ġustizzja b’domandi preliminari dwar il-validità jew l-interpretazzjoni tad-deċiżjonijiet tas-SRB.

59      Anki jekk wieħed iqabbel is-sistema tal-kontribuzzjonijiet ex ante mas-sistema tal-għajnuna mill-Istat, il-ġurisprudenza reċenti f’dan il-qasam issostni l-argument tas-SRB li dan ir-rikors ma huwiex ammissibbli. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, meta deċiżjoni dwar għajnuna mill-Istat tkun indirizzata biss lil Stat Membru (jiġifieri deċiżjoni li ma hijiex obbligatorja fir-rigward ta’ persuni oħra) u din ma tiddefinixxix il-konsegwenzi li hija toħloq fir-rigward ta’ terzi (konsegwenzi li jimmaterjalizzaw ruħhom f’atti amministrattivi), rikors għal annullament fil-konfront tagħha jkun inammissibbli.

60      Ir-rikorrenti tikkontesta dawn l-argumenti.

61      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’ tressaq rikors kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardaha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni.

62      Għalhekk, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jillimita r-rikorsi għal annullament ippreżentati minn persuna fiżika jew ġuridika għal tliet kategoriji ta’ atti, jiġifieri, l-ewwel nett, l-atti li hija d-destinatarja tagħhom, it-tieni nett, l-atti li hija ma hijiex id-destinatarja tagħhom u li jikkonċernawha direttament u individwalment u, it-tielet nett, l-atti regolatorji li ma hijiex destinatarja tagħhom, li jikkonċernawha direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni (ara d-digriet tal-10 ta’ Diċembru 2013, von Storch et vs BĊE, T‑492/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:702, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Fir-rigward tal-kundizzjoni prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li huma biss il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tiegħu, li jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament (ara d-digriet tal-21 ta’ April 2016, Borde u Carbonium vs Il-Kummissjoni, C‑279/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:297, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Barra minn hekk, fir-rigward ta’ atti jew deċiżjonijiet li t-tfassil tagħhom iseħħ f’diversi fażijiet, b’mod partikolari fi tmiem proċedura interna, huma biss dawk il-miżuri li jiffissaw definittivament il-pożizzjoni tal-istituzzjoni fi tmiem din il-proċedura, bl-esklużjoni tal-miżuri intermedji li l-għan tagħhom ikun li jippreparaw id-deċiżjoni finali, li jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati (ara d-digriet tad-9 ta’ Marzu 2016, Port autonome du Centre et de l’Ouest et vs Il‑Kummissjoni, T‑438/15, EU:T:2016:142, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta rikors għal annullament jiġi ppreżentat minn rikorrent mhux privileġġat kontra att li ma huwiex id-destinatarju tiegħu, ir-rekwiżit li jipprovdi li l-effetti legali vinkolanti tal-miżura kkontestata għandhom ikunu tali li jaffettwaw l-interessi ta’ din il-parti, billi jibdlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tagħha, jikkoinċidi mal-kundizzjonijiet imposti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara d-digriet tas-6 ta’ Marzu 2014, Northern Ireland Department of Agriculture and Rural Development vs Il‑Kummissjoni, C‑248/12 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:137, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita, minn naħa, li persuna fiżika jew ġuridika li ma tkunx id-destinatarja ta’ deċiżjoni ma tistax tallega li hija kkonċernata individwalment minnha ħlief jekk din id-deċiżjoni tolqotha minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għaliha jew minħabba ċirkustanzi li jiddistingwuha mill-persuni l-oħra kollha, u, minħabba dan il-fatt, jindividwalizzawha bl-istess mod kif ikun individwalizzat id-destinarju tad-deċiżjoni (sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 223, u tat-2 ta’ April 1998, Greenpeace Council et vs Il-Kummissjoni, C‑321/95 P, EU:C:1998:153, punti 7 u 28).

67      Min-naħa l-oħra, hija ġurisprudenza stabbilita li l-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors tirrikjedi li l-miżura kkontestata tipproduċi b’mod dirett effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha li għandhom jimplimentawha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedji oħra (ara s-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2007, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, C‑15/06 P, EU:C:2007:183, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li anki meta l-att ikkontestat, sabiex jipproduċi effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwi, jimplika neċessarjament li jiġu adottati miżuri ta’ implimentazzjoni, il-kundizzjoni ta’ inċidenza diretta għandha madankollu titqies bħala ssodisfatta jekk dan l-att jimponi obbligi fuq id-destinatarju tiegħu għall-implimentazzjoni tiegħu u jekk dan id-destinatarju, b’mod awtomatiku, huwa obbligat li jadotta miżuri li jbiddlu s-sitwazzjoni legali tar-rikorrent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2015, Federcoopesca et vs Il-Kummissjoni, T‑312/14, EU:T:2015:472, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Fil-fatt, kif fakkar l-Avukat Ġenerali Wathelet fil-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawża Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni (C‑132/12 P, EU:C:2013:335, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-assenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri teqred l-assenza apparenti ta’ rabta diretta bejn att tal-Unjoni u l-individwu. Fi kliem ieħor, sabiex tipprekludi l-inċidenza diretta, il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtur tal-att intermedju intiż sabiex jimplimenta l-att tal-Unjoni ma tistax tkun purament formali. Din il-marġni trid tkun is-sors tal-interess ġuridiku tar-rikorrent.

70      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, mil-leġiżlazzjoni applikabbli u, b’mod partikolari mill-Artikolu 54(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014 u mill-Artikolu 70(2) tal-istess regolament, jirriżulta li kemm l-awtur konkret tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet individwali kif ukoll l-awtur tad-deċiżjoni li tapprova dawn il-kontribuzzjonijiet huwa s-SRB. Il-fatt li teżisti kooperazzjoni bejn is-SRB u l-ANR ma jbiddilx din il-konstatazzjoni (digriet tad-19 ta’ Novembru 2018, Iccrea Banca vs Il-Kummissjoni u SRB, T‑494/17, EU:T:2018:804, punt 27).

71      Fil-fatt, huwa biss is-SRB li għandu l-kompetenza li jikkalkola, “wara li jikkonsulta l-BĊE jew l-awtorità nazzjonali kompetenti u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-[ANR]”, il-kontribuzzjonijiet ex ante tal-istituzzjonijiet (Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014). Barra minn hekk, l-ANR għandhom obbligu li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni li jiġbru l-imsemmija kontribuzzjonijiet kif stabbiliti bid-deċiżjoni tas-SRB (Artikolu 67(4) tar-Regolament Nru 806/2014).

72      Peress li, skont l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, id-deċiżjonijiet tas-SRB jistabbilixxu l-kontribuzzjonijiet ex ante, dawn għalhekk għandhom natura definittiva.

73      Konsegwentement, id-deċiżjonijiet ikkontestati ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala miżuri ta’ natura purament preparatorja jew bħala miżuri intermedji, peress li huma jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni tas-SRB, fi tmiem il-proċedura, dwar il-kontribuzzjonijiet.

74      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, indipendentement mill-varjazzjonijiet terminoloġiċi li jeżistu bejn il-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, il-korpi li għalihom is-SRB, awtur tad-deċiżjoni li tiffissa l-kontribuzzjonijiet ex ante, jindirizza din id-deċiżjoni huma l-ANR u mhux l-istituzzjonijiet. L-ANR huma, de facto u b’eżekuzzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli, l-uniċi entitajiet li lilhom l-awtur tad-deċiżjoni inkwistjoni huwa marbut jibgħat din id-deċiżjoni u, għaldaqstant, fl-aħħar mill-aħħar, huma d-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (digriet tad-19 ta’ Novembru 2018, Iccrea Banca vs Il‑Kummissjoni u SRB, T‑494/17, EU:T:2018:804, punt 28).

75      Il-konstatazzjoni li l-ANR għandhom il-kwalità ta’ destinatarji tad-deċiżjoni tas-SRB fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE hija, barra minn hekk, ikkorroborata mill-fatt li, fis-sistema stabbilita permezz tar-Regolament Nru 806/2014 u skont l-Artikolu 67(4) ta’ dan ir-regolament, dawn huma inkarigati mill-ġbir tal-kontribuzzjonijiet individwali deċiżi mis-SRB mingħand l-istituzzjonijiet (digriet tad-19 ta’ Novembru 2018, Iccrea Banca vs Il‑Kummissjoni u SRB, T‑494/17, EU:T:2018:804, punt 29).

76      Għalkemm l-istituzzjonijiet b’hekk ma humiex destinatarji tad-deċiżjonijiet ikkontestati, dawn madankollu huma individwalment u direttament ikkonċernati minn dawn id-deċiżjonijiet, inkwantu dawn jolqtuhom minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għalihom jew minħabba ċirkustanzi li jiddistingwuhom mill-persuni l-oħra kollha u, minħabba dan il-fatt, jindividwalizzahom bl-istess mod kif ikun individwalizzat id-destinatarju u inkwantu huma jipproduċu direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħhom u ma jħallu ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji ta’ din il-miżura li huma responsabbli mill-implimentazzjoni tagħha.

77      F’dan ir-rigward, minn naħa, id-deċiżjonijiet ikkontestati jsemmu speċifikament kull waħda mill-istituzzjonijiet u jiffissaw, jew, fil-każ tat-tieni deċiżjoni kkontestata, jaġġustaw, il-kontribuzzjoni individwali tagħha. Minn dan isegwi li l-istituzzjonijiet, fosthom ir-rikorrenti, huma individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata.

78      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-inċidenza diretta, għandu jiġi rrilevat li l-ANR, responsabbli mill-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ma għandhom ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-ammonti tal-kontribuzzjonijiet individwali ddeterminati f’dawn id-deċiżjonijiet. L-ANR ma jistgħux, b’mod partikolari, jemendaw dawn l-ammonti u huma obbligati li jiġbruhom mingħand l-istituzzjonijiet ikkonċernati.

79      Barra minn hekk, fir-rigward tar-riferiment magħmul mis-SRB għall-ftehim FIG sabiex jikkontesta l-inċidenza diretta tar-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li dan il-ftehim ma jikkonċernax il-ġbir mill-ANR tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 mingħand l-istituzzjonijiet, iżda biss it-trasferiment ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet għas-SRF.

80      Fil-fatt, kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 806/2014 (ara l-premessa 20 u l-Artikolu 67(4) tal-imsemmi regolament) u mill-Ftehim FIG (ara l-premessa 7, l-Artikolu 1(a) u l-Artikolu 3 tal-Ftehim FIG), il-ġbir tal-kontribuzzjonijiet għandu jsir skont id-dritt tal-Unjoni (jiġifieri d-Direttiva 2014/59 u r-Regolament Nru 806/2014), filwaqt li t-trasferiment ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet għas-SRF jitwettaq skont il-Ftehim FIG.

81      B’hekk, minkejja li l-obbligu legali tal-istituzzjonijiet għar-rilaxx, fuq il-kontijiet indikati mill-ANR, tas-somom dovuti bħala kontribuzzjonijiet ex ante tagħhom, jirrikjedi l-adozzjoni ta’ atti nazzjonali min-naħa tal-ANR, xorta jibqa’ l-fatt li dawn l-istituzzjonijiet jibqgħu direttament ikkonċernati mid-deċiżjonijiet tas-SRB li jiffissaw l-ammont tal-kontribuzzjonijiet individwali tagħhom.

82      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti hija individwalment u direttament ikkonċernata mid-deċiżjonijiet ikkontestati.

83      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-eċċezzjoni mqajma mis-SRB intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

84      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tmien motivi. Prinċipalment, hija ssostni, essenzjalment, li s-SRB messu eskludiha mill-obbligu li tħallas kontribuzzjoni ex ante (l-ewwel u t-tieni motiv). Sussidjarjament, hija tallega li, fi kwalunkwe każ, is-SRB messu, l-ewwel nett, eskluda mill-passiv meħud inkunsiderazzjoni għall-ġbir tal-kontribuzzjoni l-portafoll ta’ strumenti derivati bi ftehim dirett imsemmi fil-punt 12 iktar ’il fuq (it-tielet motiv), it-tieni nett, ħa inkunsiderazzjoni valur nett u mhux valur gross tal-kuntratti tagħha fuq strumenti derivati bi ftehim dirett (ir-raba’ motiv) u, it-tielet nett, qies li din ma hijiex istituzzjoni li għaddejja minn ristrutturazzjoni (il-ħames motiv). Barra minn hekk, hija tinvoka ksur, mis-SRB, tad-dritt għal smigħ (is-sitt motiv), tal-obbligu ta’ motivazzjoni (is-seba’ motiv) u ta’ regoli proċedurali (motiv ġdid).

85      Fil-kawża ineżami l-Qorti Ġenerali tqis opportun li qabelxejn teżamina l-awtentikazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li għandha l-għan li tiżgura ċ-ċertezza legali billi tikkristallizza t-test adottat mill-awtur tal-att u tikkostitwixxi rekwiżit formali essenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, EU:C:1994:247, punti 75 u 76, u tas-6 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs ICI, C‑286/95 P, EU:C:2000:188, punti 40 u 41) li l-ksur tiegħu jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2013, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni, T‑240/10, EU:T:2013:645, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq l-awtentikazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati

86      Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, peress li l-element intellettwali u l-element formali jikkostitwixxu ħaġa waħda inseparabbli, it-tqegħid bil-miktub tal-att huwa l-espressjoni neċessarja tar-rieda tal-awtorità li tadottah (sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, EU:C:1994:247, punt 70, u tas-6 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs ICI, C‑286/95 P, EU:C:2000:188, punt 38).

87      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali huwa kkostitwit mis-sempliċi nuqqas ta’ awtentikazzjoni tal-att, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi stabbilit, barra minn hekk, li l-att huwa affettwat minn difett ieħor jew li l-assenza ta’ awtentikazzjoni kkawżat dannu lil dak li jinvokaha (sentenza tas-6 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs ICI, C‑286/95 P, EU:C:2000:188, punt 42).

88      L-istħarriġ tal-osservanza tal-formalità tal-awtentikazzjoni u, b’hekk, tan-natura ċerta tal-att huwa prerekwiżit għal kull stħarriġ ieħor bħal dak tal-kompetenza tal-awtur tal-att, tal-osservanza tal-prinċipju ta’ kolleġjalità jew inkella dak tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti (sentenza tas-6 ta’ April 2000, Il‑Kummissjoni vs ICI, C‑286/95 P, EU:C:2000:188, punt 46).

89      Jekk fl-eżami tal-att ippreżentat quddiemha l-qorti tal-Unjoni tikkonstata li dan tal-aħħar ma ġiex regolarment awtentikat, hija jkollha tqajjem ex officio l-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali li jikkonsisti f’nuqqas ta’ awtentikazzjoni regolari u konsegwentement tannulla l-att ivvizzjat b’tali difett (sentenza tas-6 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs ICI, C‑286/95 P, EU:C:2000:188, punt 51).

90      Ftit jimporta, f’dan ir-rigward, li l-assenza ta’ awtentikazzjoni ma kkawżat l-ebda dannu lil waħda mill-partijiet fil-kawża. Fil-fatt, l-awtentikazzjoni tal-atti hija rekwiżit formali essenzjali fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, essenzjali għaċ-ċertezza legali, li l-ksur tiegħu jwassal għall-annullament tal-att ivvizzjat, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali dannu (sentenza tas-6 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs ICI, C‑286/95 P, EU:C:2000:188, punt 52; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Goldfish et vs Il-Kummissjoni, T‑54/14, EU:T:2016:455, punt 47).

91      F’dan il-każ, b’risposta għall-ewwel digriet, li jordnalu jipproduċi kopja sħiħa tal-oriġinal tad-deċiżjonijiet ikkontestati inkluż l-annessi uniċi tagħhom, is-SRB ipproduċa, fil-15 ta’ Jannar 2018, fir-rigward tat-test ta’ kull deċiżjoni, dokument ta’ żewġ paġni fil-forma ta’ rikonoxximent permezz tal-iskanner, fil-format PDF, ta’ dokument stampat iffirmat, li kien għaldaqstant jippermetti li wieħed jaħseb li dawn il-paġni kienu tassew kopji ta’ oriġinal, jiġifieri kopji tad-dokument li kien ġie formalment ippreżentat għall-firma u adottat mis-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu. Is-SRB ma pproduċa ebda kopja ta’ oriġinal fir-rigward tal-annessi tad-deċiżjonijiet ikkontestati, iżda biss, għal kull deċiżjoni, dokument fil-forma ta’ ġenerazzjoni diġitali fil-format PDF ta’ data diġitali, mingħajr elementi li jippermettu li tiġi ggarantita l-awtentiċità tiegħu.

92      Permezz tat-tieni miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, imbagħad permezz tat-tieni digriet, il-Qorti Ġenerali talbet lis-SRB sabiex jikkjarifika l-format tal-annessi fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati u, fil-każ fejn dawn l-annessi kienu ġew ippreżentati f’format diġitali, li jispjega u li jipprovdi l-elementi tekniċi ta’ awtentikazzjoni neċessarji kollha sabiex jiġi pprovat li d-dokumenti ġġenerati fil-format PDF, prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, kienu jikkorrispondu għal dak li kien ġie ppreżentat b’mod konkret għall-firma u adottat mis-SRB, fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu, matul il-laqgħat tiegħu tal-15 ta’ April 2016 u tal-20 ta’ Mejju 2016. Il-Qorti Ġenerali talbet ukoll lis-SRB jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-kwistjoni tal-eżistenza ġuridika tad-deċiżjonijiet ikkontestati kif ukoll dwar dik tal-osservanza tar-rekwiżiti formali essenzjali.

93      Fir-risposti tiegħu tas-27 ta’ Marzu u tat-18 ta’ Mejju 2018 għat-tieni miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u għat-tieni digriet, is-SRB sostna għall-ewwel darba li d-deċiżjonijiet ikkontestati kienu ġew adottati mhux waqt laqgħat tal-membri tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB, iżda permezz tal-proċedura bil-miktub, fil-format elettroniku, skont l-Artikolu 7(5) tar-RPSE – li jipprovdi li kull komunikazzjoni u dokumenti rilevanti għas-sessjoni eżekuttiva għandhom, bħala prinċipju, jitwettqu b’mod elettroniku, b’osservanza tar-regoli ta’ kunfidenzjalità, skont l-Artikolu 15 tar-RPSE – u l-Artikolu 9 tar-RPSE.

94      B’mod partikolari, fir-rigward tal-proċedura ta’ adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, mill-proċess jirriżulta li, permezz ta’ posta elettronika tat-13 ta’ April 2016 mibgħuta fil-17:41 mis-SRB lill-membri tas-sessjoni eżekuttiva u li tinkludi tliet dokumenti mehmuża, fosthom dokument fil-format PDF intitolat “Memorandum2_Final results.pdf”, l-approvazzjoni formali tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 ġiet mitluba għas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB, għall-15 ta’ April 2016 f’nofsinhar.

95      Permezz ta’ posta elettronika tal-15 ta’ April 2016 mibgħuta fis-19:04, is-SRB indika li kien twettaq żball fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet, iddikjara li kien bagħat verżjoni emendata ta’ dokument intitolat “Memorandum 2” u semma li, ħlief fil-każ ta’ oġġezzjoni tad-destinatarji, l-approvazzjoni diġà mogħtija għandha tinftiehem bħala li tkopri wkoll l-ammonti kkoreġuti.

96      Permezz ta’ posta elettronika tal-15 ta’ April 2016 mibgħuta fit-20:06, id-dokument imsemmi ġie mibgħut fil-format XLSX, taħt l-isem “Final results15042016.xlsx”.

97      F’dak li jirrigwarda l-proċedura ta’ adozzjoni tat-tieni deċiżjoni kkontestata, is-SRB ippreċiża li, fid-19 ta’ Mejju 2016 fid-21:25, huwa kien bagħat messaġġ bil-posta elettronika lill-membri tas-sessjoni eżekuttiva sabiex jibda proċedura bil-miktub, li jitlob l-approvazzjoni tal-aġġustament tar-riżultati tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante 2016, u li jinkludi, fl-anness, fajl fil-format XLSX imsejjaħ “Delta” li jirrappreżenta r-riżultati tal-kalkoli aġġustati. L-approvazzjoni intalbet – “minħabba l-urġenza tal-każ” – għall-20 ta’ Mejju 2016 fil-17:00.

98      Fl-aħħar nett, is-SRB afferma, waqt is-seduta, li d-dokumenti li fihom id-deċiżjonijiet ikkontestati kienu ġew iffirmati elettronikament mill-President tas-SRB.

99      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li s-SRB mhux talli ma pproduċiex u lanqas ma ppropona li jagħti prova ta’ tali affermazzjoni, li, bħala prinċipju, tikkonsisti fil-produzzjoni tad-dokumenti diġitali u taċ-ċertifikati ta’ firma elettronika filwaqt li jiggarantixxi l-awtentiċità, talli pproduċa elementi li, fir-realtà, jikkontradixxu din l-affermazzjoni.

100    Fil-fatt, fir-rigward tat-test tad-deċiżjonijiet ikkontestati, is-SRB jipproduċi dokumenti PDF li għandhom fl-aħħar paġna tagħhom dehra ta’ firma miktuba bl-id li tidher li ġiet miżjuda permezz ta’ “copy-paste” ta’ fajl li fih immaġni, u nieqsa minn ċertifikati ta’ firma elettronika.

101    Fir-rigward tal-annessi tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li jinkludu l-ammonti rispettivi tal-kontribuzzjonijiet u tal-aġġustamenti tagħhom u li b’hekk jikkostitwixxu element essenzjali tad-deċiżjonijiet, lanqas dawn ma jinkludu firma elettronika, minkejja li dawn bl-ebda mod ma huma marbuta b’mod inseparabbli mat-test tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

102    Sabiex tiġi stabbilita l-awtentiċità tal-annessi tad-deċiżjonijiet ikkontestati, is-SRB ipproduċa, b’risposta għat-tieni digriet, dokumenti fil-format TXT intiżi sabiex jistabbilixxu l-identiċità tal-‘hash value’ ta’ dawn l-annessi mal-‘hash value’ rrilevat għad-dokumenti ta’ format XLSX mehmuża mal-posta elettronika tal-15 ta’ April 2016 mibgħuta fit-20:06 u mal-posta elettronika tad-19 ta’ Mejju 2016 mibgħuta fid-21:25 rispettivament.

103    Madankollu għandu jiġi osservat li, sabiex jagħti l-prova li l-annessi tad-deċiżjonijiet ikkontestati kienu ġew iffirmati b’mod elettroniku, kif inhu sostnut mis-SRB (ara l-punt 98 hawn fuq), dan tal-aħħar messu pproduċa ċertifikati ta’ firma elettronika relatati ma’ dawn l-annessi u mhux dokumenti TXT li fihom ‘hash value’. Il-produzzjoni ta’ tali dokumenti TXT tagħti x’jifhem li s-SRB ma kellux ċertifikati ta’ firma elettronika u li għalhekk, bil-kontra ta’ dak li huwa jsostni, l-annessi tad-deċiżjonijiet ikkontestati ma kinux ġew iffirmati elettronikament.

104    Barra minn hekk, id-dokumenti fil-format TXT prodotti mis-SRB bl-ebda mod ma huma relatati, b’mod oġġettiv u inseparabbli, mal-annessi inkwistjoni.

105    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat, għall-finijiet ta’ kompletezza, li l-awtentikazzjoni meħtieġa bl-ebda mod ma hija dik tal-abbozzi trażmessi għal approvazzjoni permezz ta’ posta elettronika tal-15 ta’ April 2016 mibgħuta fit-20:06 u permezz ta’ posta elettronika tad-19 ta’ Mejju 2016 mibgħuta fid-21:25, iżda dik tad-dokumenti li suppost ġew ikkostitwiti wara din l-approvazzjoni. Fil-fatt, huwa biss wara l-approvazzjoni li d-dokument jiġi kkostitwit u awtentikat biż-żieda ta’ firma.

106    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rekwiżit ta’ awtentikazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati ma huwiex issodisfatt.

107    Lil hinn minn dawn il-konstatazzjonijiet fir-rigward tan-nuqqas ta’ awtentikazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li waħdu jirrikjedi, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 87 sa 90 iktar ’il fuq, l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jiġi eżaminat ukoll il-motiv il-ġdid – li huwa bbażat fuq elementi ta’ fatt irrilevati matul il-proċedura u li ġie prodott mir-rikorrenti skont l-Artikolu 84(2) tar-Regoli tal-Proċedura – u s-seba’ motiv.

 Fuq il-motiv il-ġdid, ibbażat fuq ksur tar-regoli proċedurali relatati mal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati

108    Skont ir-rikorrenti, is-SRB adotta d-deċiżjonijiet ikkontestati bi ksur tar-rekwiżiti proċedurali ġenerali, li jirriżultaw mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, mill-Artikolu 298 TFUE u mill-prinċipji ġenerali tad-dritt, kif ukoll mir-RPSE.

109    Qabel kollox, ir-rikorrenti ssostni li, sa fejn hija tiddefendi perspettiva legali differenti minn dik tas-SRB fir-rigward tal-obbligu kontributorju tagħha u tal-ammont tal-kontribuzzjoni tagħha (ara l-punti 13 sa 17 iktar ’il fuq), is-SRB messu għarraf lill-membri tas-sessjoni eżekuttiva bl-opinjoni tiegħu. Madankollu, is-SRB ikkomunika lil din tal-aħħar biss ir-riżultati tal-kalkoli tal-kontribuzzjonijiet.

110    Sussegwentement, id-deċiżjonijiet ikkontestati ġew adottati f’terminu iqsar mit-tul minimu stabbilit għall-proċedura bil-miktub. Fil-fatt, it-tul tal-ewwel proċedura ta’ adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata kien inqas minn 48 siegħa u l-membri tas-sessjoni eżekuttiva kellhom biss ftit sigħat waqt it-tieni proċedura ta’ adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. Fiż-żewġ każijiet, is-SRB ma ġġustifikax il-bżonn ta’ termini daqstant qosra. It-tieni deċiżjoni kkontestata kienet ippreċeduta wkoll minn proċedura bil-miktub wisq qasira, jiġifieri ta’ tul ta’ madwar 19-il siegħa. Is-segretarjat immotiva l-qosor tat-terminu b’riferiment ġeneriku għall-urġenza, li madankollu huwa ma spjegax. Għaldaqstant, is-SRB kiser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(1) u (2) tar-RPSE.

111    Fl-aħħar nett, it-tieni proċedura ta’ adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata tikser, barra minn hekk, l-Artikolu 9(3) tar-RPSE. Din id-dispożizzjoni timplika l-adozzjoni b’unanimità, fejn l-astensjonijiet ma jittiħdux inkunsiderazzjoni. Fi kwalunkwe każ, it-tul tat-tieni proċedura ta’ adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata huwa qasir wisq. Fil-fatt, fid-dawl tat-tardività tat-trażmissjoni u tat-terminu ta’ reazzjoni estremament qasir, is-segretarjat tas-SRB ma jistax ikun ċert li l-membri kollha tas-sessjoni eżekuttiva kienu jafu bid-deċiżjoni u lanqas bil-ħtieġa li juru n-nuqqas ta’ qbil tagħhom b’mod attiv.

112    Is-SRB jikkontesta dawn l-argumenti.

113    Fl-ewwel lok, huwa jsostni li d-dritt għal amministrazzjoni tajba ma jimplikax li l-membri tal-korp deċiżjonali ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu għandhom jeżaminaw personalment l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ dritt li huma marbuta, bi kwalunkwe mod, ma’ deċiżjoni. Dan l-approċċ ma huwiex fattibbli fil-prattika, peress li d-deċiżjonijiet ikkontestati jirrigwardaw kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante ta’ kważi 3 800 istituzzjoni. Barra minn hekk, id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi wkoll obbligu għall-amministrazzjoni li tiddeċiedi b’mod effikaċi.

114    F’dan il-każ, id-deċiżjonijiet ikkontestati kienu ppreparati b’mod dettaljat mill-unità responsabbli fi ħdan is-SRB, u l-membri tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB kienu ġew kollha informati bil-metodu kif ukoll bil-proċedura ta’ kalkolu u kienu akkompanjaw il-progress tal-proċedura, li bdiet f’Settembru 2015, inkluż il-kalkoli tal-kontribuzzjonijiet fl-istadji preparatorji kollha. Għalhekk, fl-istadju tad-deċiżjoni formali dwar il-kontribuzzjoni, fil-prattika ma kienx hemm mistoqsijiet pendenti li fuqhom il-membri tas-SRB kellhom jiddeliberaw jew jiddeċiedu, u wisq inqas fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu fih innifsu.

115    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma osservatx totalment l-obbligu tagħha li tipprovdi informazzjoni. Il-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti hija madankollu bbażata fuq informazzjoni li hija stess kienet ippreżentat, jiġifieri dik li ġiet ikkomunikata fi stadju ulterjuri u f’verżjoni stampata u, skont kliemha stess, “konformi mal-opinjoni legali tal-FMSA”.

116    Fit-tieni lok, is-SRB jenfasizza li l-membri tas-sessjoni eżekuttiva ma opponewx id-deċiżjoni li jsir użu minn proċedura bil-miktub. Barra minn hekk, il-validazzjoni tar-riżultati tal-kalkolu tikkostitwixxi l-konklużjoni formali ta’ proċess fit-tul. L-imsemmija membri kienu debitament involuti f’dan il-proċess u għaldaqstant ma kellhomx bżonn ta’ 48 siegħa, u inqas u inqas ta’ ħamest ijiem ta’ xogħol, sabiex jivvalidaw ir-riżultati tal-kalkolu.

117    Fi kwalunkwe każ, in-neċessità li jiġu pprovduti b’urġenza r-riżultati tal-kalkoli lill-ANR kienet magħrufa sew mill-membri tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB. Is-SRB intrabat, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stretta tiegħu mal-ANR, li jipprovdilhom dawn ir-riżultati f’nofs April 2016. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(2) tal-Ftehim FIG, l-ammonti tal-kontribuzzjoni ex ante għall-2016, miġbura fuq livell nazzjonali, kellhom jiġu ttrasferiti lis-SRF sat-30 ta’ Ġunju 2016.

118    Skont is-SRB, din l-interpretazzjoni tar-RPSE hija barra minn hekk konformi mal-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà u ta’ ħeffa fil-funzjonament tal-amministrazzjoni. Fi kwalunkwe każ, l-allegati ksur tal-Artikolu 9(1) u (2) tar-RPSE ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali fis-sens tal-Artikolu 263(2) TFUE. Għall-kuntrarju, dawn huma regoli proċedurali interni li ma jistgħux jiġu invokati minn terzi. Barra minn hekk, jekk regola proċedurali tinkiser mingħajr madankollu ma tipprekludi li l-għanijiet imfittxija minn din ir-regola jintlaħqu, minn dan ma jkun jirriżulta l-ebda ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali. F’dan il-każ, ma jkunx neċessarju li jiġu osservati t-termini previsti fl-Artikolu 9(2) u (3) tar-RPSE u dawn ir-regoli ma jkunux jistgħu jiġu interpretati fis-sens li l-membri tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB li jipparteċipaw fis-sessjoni eżekuttiva jkunu mġiegħla li josservaw it-terminu minimu, anki jekk dan it-terminu ma jkunx neċessarju sabiex tittieħed deċiżjoni.

119    Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tieni proċedura ta’ adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, is-SRB isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li l-aċċettazzjoni kunsenswali ta’ deċiżjoni ma tibqax valida jekk ikun hemm oppożizzjoni manifesta għall-adozzjoni tagħha. Bl-istess mod, mill-prassi tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu r-rikorrenti ma tistax leġittimament tiddeduċi li l-kunsens jeħtieġ dejjem vot attiv. Il-fatt li kunsens kellu jintlaħaq f’perijodu ta’ żmien qasir ħafna lanqas ma jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 9(2) u (3) tar-RPSE, għaliex anki dan il-perijodu qasir kien biżżejjed fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-ammonti aġġustati kienu ġew imħabbra permezz ta’ posta elettronika fil-15 ta’ April 2016 fit-20:06 kienu differenti biss ftit minn dawk diġà approvati matul l-ewwel proċedura ta’ adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata.

120    F’dan il-każ, kif huwa indikat fil-punt 94 iktar ’il fuq, il-proċedura bil-miktub għall-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata tnediet permezz ta’ posta elettronika tat-13 ta’ April 2016 mibgħuta fil-17:41, li tistabbilixxi, għall-membri tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB, terminu ta’ approvazzjoni tal-abbozz ta’ deċiżjoni sal-15 ta’ April 2016 f’nofsinhar, jiġifieri terminu ta’ inqas minn jumejn ta’ xogħol, filwaqt li t-terminu previst mill-Artikolu 9(2) tar-RPSE huwa “normalment [ta’] mhux inqas minn ħamest ijiem ta’ xogħol”. Kuntrarjament għar-rekwiżiti tar-RPSE, il-posta elettronika tat-13 ta’ April 2016 ma tistabbilixxi ebda raġuni li tiġġustifika t-tnaqqis tat-terminu. Hija lanqas ma ssemmi l-Artikolu 9(2) tar-RPSE.

121    Barra minn hekk u għal finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi rrilevat li s-SRB ma jagħtix prova li kien urġenti li tittieħed deċiżjoni fil-15 ta’ April 2016 minflok fl-20 ta’ April 2016, data li kienet tiżgura l-osservanza tar-regoli proċedurali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-15 ta’ April 2016 ma hijiex data imposta mil-leġiżlazzjoni. Dan it-tnaqqis tat-terminu ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni jikkostitwixxi l-ewwel irregolarità proċedurali.

122    Barra minn hekk, l-Artikolu 9(1) tar-RPSE jipprovdi li d-deċiżjonijiet jistgħu jiġu adottati permezz ta’ proċedura bil-miktub, sakemm ma jkunx hemm oġġezzjoni ta’ mill-inqas żewġ membri tas-sessjoni eżekuttiva espressa fl-ewwel 48 siegħa mit-tnedija ta’ din il-proċedura bil-miktub.

123    F’dan ir-rigward, jirriżulta li s-SRB kiser ukoll ir-RPSE sa fejn it-tul stabbilit għall-proċedura bil-miktub kien ta’ sitt sigħat inqas mit-48 siegħa previsti għall-espressjoni ta’ oġġezzjoni għall-użu tal-proċedura bil-miktub. Issa, jekk jiġi preżunt li kienet meħtieġa l-adozzjoni tad-deċiżjoni fil-15 ta’ April 2016, xejn ma kien jipprekludi li t-terminu għal tweġiba jiġi stabbilit għas-sitta ta’ filgħaxija ta’ dak il-jum. Dan jikkostitwixxi irregolarità proċedurali oħra.

124    Huwa b’mod żbaljat li s-SRB jipprova jiġġustifika dan il-ksur tar-RPSE permezz tal-assenza ta’ oġġezzjonijiet magħmula mill-membri tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB. Huwa biżżejjed li jiġi osservat, minn naħa, li s-SRB għandu l-obbligu li japplika l-leġiżlazzjoni li tirregola l-proċess deċiżjonali tiegħu, liema leġiżlazzjoni torganizza preċiżament it-tnaqqis tat-termini jekk kemm-il darba jiġu osservati ċerti regoli u, min-naħa l-oħra, li l-assenza allegata ta’ oġġezzjoni ma telimina bl-ebda mod il-ksur imwettaq ab initio meta s-SRB impona terminu li jmur kontra l-preskrizzjonijiet tar-RPSE.

125    Sussegwentement, filwaqt li l-posta elettronika tat-13 ta’ April 2016 kienet tistieden lill-membri tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB jittrażmettu l-approvazzjoni formali tagħhom permezz ta’ posta elettronika indirizzata lill-indirizz elettroniku funzjonali tas-SRB, dan tal-aħħar ma pproduċa l-ebda posta elettronika ta’ approvazzjoni. L-uniku element li jirreferi għal approvazzjoni huwa d-dikjarazzjoni mis-SRB, fil-posta elettronika tal-Ġimgħa, il-15 ta’ April 2016 mibgħuta fis-19:04, li din ingħatat.

126    Barra minn hekk, f’din il-posta elettronika tal-Ġimgħa, il-15 ta’ April 2016 mibgħuta fis-19:04, li ma ntbagħtitx lill-membri kollha tas-sessjoni eżekuttiva, tal-inqas inizjalment (A, membru tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB, ma rċeviex din il-posta elettronika, li ntbagħtitlu 21 minuta iktar tard), is-SRB kien jirreferi għal żball fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante u ħabbar it-trażmissjoni ta’ verżjoni emendata tal-“memorandum 2” permezz ta’ posta elettronika separata. Il-posta elettronika tas-19:04 kienet iżżid, mingħajr ma tipprovdi terminu għal reazzjoni eventwali, li, fin-nuqqas ta’ oġġezzjoni tal-membri tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB, kien ser jitqies li l-approvazzjoni tagħhom li diġà ngħatat tapplika wkoll għall-ammonti emendati tal-kontribuzzjonijiet. B’dan il-mod, is-SRB beda proċedura ta’ adozzjoni permezz ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni, li ċertament ma hijiex proċedura mhux magħrufa mid-dispożizzjonijiet tar-RPSE, iżda li madankollu hija proċedura li tinbeda f’kundizzjonijiet konkreti irregolari, b’teħid inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-assenza ta’ indikazzjoni ta’ terminu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni. Dan jikkostitwixxi, minbarra ż-żewġ irregolaritajiet diġà rrilevati fil-punti 120 sa 123 iktar ’il fuq, it-tielet irregolarità proċedurali.

127    Sussegwentement, fl-istess jum, fit-20:06, il-posta elettronika separata tas-SRB flimkien, f’anness, ma’ dokument XLSX intitolat “Final results15042016.xlsx” intbagħtet. Mill-ġdid, din il-posta elettronika ma ntbagħtitx lil A. Din l-aħħar ċirkustanza tikkostitwixxi r-raba’ irregolarità proċedurali.

128    Barra minn hekk, mid-data tal-ewwel deċiżjoni kkontestata (il-15 ta’ April 2016) jirriżulta li, minkejja li ma kien ġie indikat l-ebda terminu fil-posta elettronika tal-15 ta’ April 2016 mibgħuta fis-19:04, il-kunsens kien meqjus li nkiseb fl-istess jum, u b’hekk loġikament f’nofsillejl. Huwa minnu li s-SRB kien esprima, fil-posta elettronika tiegħu tat-13 ta’ April 2016 (mehmuża mal-posta elettronika tal-15 ta’ April 2016 mibgħuta fis-19:04), li kellu l-intenzjoni li d-deċiżjoni tiġi adottata fil-15 ta’ April. Jekk jiġi preżunt li din l-informazzjoni kienet biżżejjed sabiex tindika li kull oġġezzjoni kellha ssir qabel il-15 ta’ April 2016 f’nofsillejl, xorta jibqa’ l-fatt li, f’dan il-każ, proċedura ta’ approvazzjoni permezz ta’ kunsens ġiet implimentata f’nhar ta’ Ġimgħa filgħaxija fis-19:04 sabiex tintemm f’nofsillejl tal-istess jum. Dawn iċ-ċirkustanzi jaggravaw l-effetti tat-tielet irregolarità proċedurali kkonstatata fil-punt 126 iktar ’il fuq.

129    Huwa inqas u inqas paċifiku li din il-proċedura ta’ kunsens kienet regolari peress li, minbarra l-assenza ta’ trażmissjoni tal-posta elettronika tat-20:06 lil A (ara l-punt 127 hawn fuq) li, fiha nnifisha, tivvizzja l-proċedura, is-SRB ma jagħtix prova li l-membri l-oħra tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB kienu jafu bit-trażmissjoni ta’ din il-posta elettronika tat-20:06 (u barra minn hekk lanqas b’dik tal-posta elettronika tas-19:04) u lanqas bil-kontenut tagħha. Is-SRB ipproduċa ċerti elementi ta’ verifika intiżi li jistabbilixxu li l-posta elettronika mibgħuta fis-19:04 u fit-20:06 kienu waslu fl-indirizzi elettroniċi tad-destinatarji. Madankollu, indipendentement anki mill-fatt li din il-verifika, li saret permezz ta’ kampjun, ma tikkonċernax il-membri kollha tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB, hija bl-ebda mod ma tagħti prova li l-membri tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB kienu jafu b’mod konkret tal-inqas bl-eżistenza ta’ dawn it-trażmissjonijiet ta’ posta elettronika qabel nofsillejl ta’ dakinhar stess.

130    Issa, fid-dawl tan-natura stess ta’ proċedura ta’ kunsens, li tikkonsisti f’li l-approvazzjoni tiġi dedotta minn assenza ta’ oġġezzjoni, tali proċedura teħtieġ neċessarjament u a minima li jiġi stabbilit, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni, li l-persuni li jipparteċipaw fil-proċedura ta’ approvazzjoni b’kunsens ikunu saru jafu b’din il-proċedura u setgħu jeżaminaw l-abbozz suġġett għall-approvazzjoni tagħhom. F’dan il-każ, l-ewwel deċiżjoni kkontestata ġiet adottata, fid-dawl kemm tad-dettalji li jinsabu fit-test tagħha kif ukoll tal-fatt li l-fajls ta’ data relatati ma’ din id-deċiżjoni ntbagħtu fl-istess jum lill-ANR (ara l-punt 20 iktar ’il fuq), sa mhux iktar tard mill-15 ta’ April 2016 f’nofsillejl. Issa, il-prova li kien ġie stabbilit, qabel nofsillejl, li l-membri tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB setgħu jsiru jafu bl-abbozz ta’ deċiżjoni emendat, jew tal-inqas sempliċement bl-eżistenza tal-posta elettronika tas-19:04 u tat-20:06, ma nġabitx mis-SRB.

131    Barra minn hekk u b’mod inċidentali, għandu jiġi rrilevat li, filwaqt li l-anness tal-ewwel deċiżjoni kkontestata proposta għall-approvazzjoni fit-13 ta’ April 2016 kien dokument diġitali fil-format PDF (ara l-punti 94 u 120 iktar ’il fuq), l-anness propost għall-approvazzjoni filgħaxija tal-15 ta’ April 2016 kien dokument diġitali fil-format XLSX (ara l-punti 96 u 127 iktar ’il fuq).

132    B’hekk, għandu jiġi osservat li, minkejja li ma kienx hemm l-iżball invokat fil-posta elettronika tal-15 ta’ April 2016 filgħaxija (ara l-punt 95 iktar ’il fuq), l-ewwel deċiżjoni kkontestata kienet tinkludi, bħala anness, dokument diġitali fil-format PDF u mhux fajl XLSX.

133    Il-Qorti Ġenerali tista’ biss tikkonstata, fir-rigward ta’ din id-differenza, li s-SRB, minkejja li għandu jiżgura l-unità u l-koerenza formali tad-dokumenti ppreżentati għall-approvazzjoni u wara adottati, varja l-formats elettroniċi. Din l-impreċiżjoni twassal għal konsegwenzi li jmorru lil hinn min-natura purament proċedurali, inkwantu l-elementi trażmessi permezz ta’ fajl PDF ma joffru l-ebda dettall fuq iċ-ċelloli ta’ kalkolu ta’ fajl XLSX u li tali fajl PDF jinkludi, għall-inqas f’dan il-każ, valuri arrotondati, kuntrarjament għal fajl XLSX. Għalhekk, fir-rigward tas-sempliċi fattur ta’ aġġustament skont il-profil ta’ riskju li jinsab fl-ewwel deċiżjoni kkontestata, jiġifieri dak relatat mal-kuntest Ewropew, mill-elementi li jinsabu fir-risposti tas-SRB jirriżulta li l-valur ipprovdut fl-ewwel deċiżjoni kkontestata, kif prodott b’risposta għall-ewwel digriet, jiġifieri f’fajl PDF, ma huwiex il-valur eżatt li jinsab fil-fajl XLSX – liema valur jinkludi erbatax-il deċimali – iżda huwa valur arrotondat għal żewġ deċimali inutilizzabbli għal verifika tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni.

134    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, lil hinn anki mill-assenza ta’ awtentikazzjoni kkonstatata fil-punt 106 iktar ’il fuq, li timplika l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-proċedura ta’ adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata twettqet bi ksur manifest ta’ rekwiżiti proċedurali dwar l-approvazzjoni ta’ din id-deċiżjoni mill-membri tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB u dwar il-ġbir ta’ din l-approvazzjoni.

135    F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-fatt li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi ma jistgħux jinvokaw ksur ta’ regoli li ma humiex intiżi li jiżguraw il-protezzjoni tal-individwi iżda għandhom l-għan li jorganizzaw il-funzjonament intern tas-servizzi fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il-Kunsill, C‑69/89, EU:C:1991:186, punti 49 u 50), ma jfissirx, madankollu, li individwu qatt ma jista’ jinvoka b’mod utli l-ksur ta’ regola li tirregola l-proċess deċiżjonali li jwassal għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni. Fil-fatt, għandha ssir distinzjoni, fost id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċeduri interni ta’ istituzzjoni, bejn dawk li l-ksur tagħhom ma jistax jiġi invokat mill-persuni fiżiċi u ġuridiċi, peress li dawn jikkonċernaw biss il-modalitajiet ta’ funzjonament intern tal-istituzzjoni li ma jistgħux jaffettwaw is-sitwazzjoni legali tagħhom, u dawk li l-ksur tagħhom jista’, għall-kuntrarju, jiġi invokat, peress li huma joħolqu drittijiet u fattur ta’ ċertezza legali għal dawn il-persuni (sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, Zhejiang Xinshiji Foods u Hubei Xinshiji Foods vs Il‑Kunsill, T‑122/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:46, punt 103).

136    F’dan il-każ, l-analiżi tal-iżvolġiment tal-proċedura ta’ adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata turi numru kbir ta’ ksur ta’ regoli dwar l-organizzazzjoni ta’ proċedura bil-miktub elettronika ta’ adozzjoni tad-deċiżjonijiet. Għalkemm l-Artikolu 9 tar-RPSE ma jipprevediehx espliċitament, huwa ovvju li kull proċedura bil-miktub timplika neċessarjament it-trażmissjoni tal-abbozz ta’ deċiżjoni lill-membri kollha tal-korp deċiżjonali kkonċernat minn din il-proċedura. Fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ proċedura ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni b’kunsens, bħal f’dan il-każ (ara l-punti 126 sa 130 iktar ’il fuq), id-deċiżjoni ma tistax tiġi adottata mingħajr ma jiġi stabbilit, tal-inqas, li l-membri kollha setgħu jsiru jafu bl-abbozz ta’ deċiżjoni minn qabel. Fl-aħħar nett, din il-proċedura teħtieġ l-indikazzjoni ta’ terminu li jippermetti lill-membri tal-imsemmi korp jieħdu pożizzjoni dwar l-abbozz.

137    Issa, dawn ir-regoli proċedurali intiżi li jiżguraw l-osservanza tar-rekwiżiti formali essenzjali inerenti għal kull proċedura bil-miktub elettronika u għal kull proċedura ta’ adozzjoni b’kunsens, ġew miksura f’dan il-każ. Dan il-ksur għandu impatt dirett fuq iċ-ċertezza legali, peress li jwassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li fir-rigward tagħha ma huwiex stabbilit li din kienet suġġetta, mhux biss għal approvazzjoni mill-korp kompetenti, iżda anki għal għarfien minn qabel mill-membri kollha tiegħu.

138    In-nuqqas ta’ osservanza ta’ tali regoli proċedurali neċessarji għall-espressjoni tal-kunsens jikkostitwixxi ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali li l-qorti tal-Unjoni tista’ teżamina ex officio (sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 2015, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑263/13 P, EU:C:2015:415, punt 56, u tal-20 ta’ Settembru 2017, Tilly-Sabco vs Il-Kummissjoni, C‑183/16 P, EU:C:2017:704, punt 116).

139    Fir-rigward, fl-aħħar nett, tat-tieni deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li din ma tissostitwixxix l-ewwel deċiżjoni kkontestata, li ffissat l-ammonti tal-kontribuzzjonijiet, iżda twettaq biss aġġustament ta’ dawn l-ammonti fuq punt tekniku limitat. L-annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata neċessarjament iwassal għal dak tat-tieni waħda.

140    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, u mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti, jirriżulta li d-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati wkoll minħabba ksur tar-regoli proċedurali relatati mal-adozzjoni tagħhom.

 Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

141    Ir-rikorrenti tfakkar li, skont il-ġurisprudenza, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet.

142    Issa, skont ir-rikorrenti, la l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjonijiet ikkontestati u lanqas dik li tinsab fl-avviżi għall-ħlas ma jistgħu jitqiesu li huma suffiċjenti.

143    L-ewwel nett, dawn il-motivazzjonijiet ma jippermettux li jiġi ddeterminat jekk is-SRB ibbażax ruħu fuq id-dikjarazzjoni elettronika (ikkoreġuta) tagħha jew fuq id-dikjarazzjoni bil-miktub tagħha, b’liema ammont it-totali tal-bilanċ (ikkoreġut tal-istrumenti derivati fiduċjarji bi ftehim dirett jew mhux ikkoreġut) ġie integrat fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni u jekk il-kalkolu li sar fid-deċiżjonijiet ikkontestati huwiex ibbażat fuq valur gross jew fuq valur nett tal-kuntratti ta’ strumenti derivati.

144    It-tieni nett, l-Anness 2 tal-ewwel avviż għall-ħlas huwa relatat esklużivament mal-kontribuzzjoni għall-2015. Għalkemm l-Anness 1 tal-ewwel avviż għall-ħlas kien jikkonċerna l-kontribuzzjoni għall-2016, madankollu huwa juri biss il-prodott tal-kalkolu, bl-esklużjoni tal-parametri tiegħu. La d-deċiżjonijiet ikkontestati u lanqas l-avviżi għall-ħlas ma jesponu b’mod ċar l-istadji tal-kalkoli, u lanqas il-klassifikazzjonijiet applikati għar-rikorrenti. Huma ma għandhomx verament kalkolu tal-kontribuzzjoni li jindika l-valuri ddikjarati mir-rikorrenti (bħalma huma t-total tal-passiv, il-fondi proprji, id-depożiti ggarantiti, l-impenji li jirriżultaw mill-kuntratti kollha tad-derivati, eċċ.). Huwa wkoll impossibbli għar-rikorrenti li tkun taf sa fejn is-SRB wettaq evalwazzjonijiet li ma jsegwux id-data indikata fid-dikjarazzjoni bil-miktub. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tfakkar li hija ppreżentat żewġ formoli ta’ dikjarazzjoni, li skont il-fehma ġuridika tagħha waħda minnhom biss kellha tintuża.

145    Ir-riferiment, mid-deċiżjonijiet ikkontestati, għall-bażijiet legali tagħhom lanqas ma jista’ jagħmel tajjeb għall-assenza ta’ motivazzjoni. Minn naħa, id-deċiżjonijiet ikkontestati jiċċitaw biss l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, mingħajr ma jirreferu għad-Direttiva 2014/59 u lanqas għar-Regolament ta’ Delega 2015/63, minkejja n-natura determinanti tagħhom għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni. Min-naħa l-oħra, riferiment, anki eżawrjenti, għall-bażijiet legali ma huwiex biżżejjed f’dan il-każ. Ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni huma iktar stretti meta l-kuntest ġuridiku tad-deċiżjoni adottata ma huwiex magħruf u l-miżura adottata hija kkontestata bejn il-partijiet ikkonċernati.

146    Ir-rikorrenti tammetti li l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante huwa kumpless. Madankollu, din il-kumplessità teżiġi preċiżament li l-persuni taxxabbli jkunu f’pożizzjoni li jivverifikaw jekk is-SRB wettaqx kalkolu tal-kontribuzzjonijiet legalment fondat. Barra minn hekk, il-motivazzjoni tagħti wkoll lis-SRB possibbiltà ta’ awtokontroll. Minbarra dan, b’differenza mill-qasam tad-dritt tal-akkordji, il-parametri tal-kalkolu mis-SRB tal-kontribuzzjonijiet ex ante huma stabbiliti fid-dettall mil-leġiżlazzjoni applikabbli. Konsegwentement, is-SRB ma għandux jiltaqa’ ma’ diffikultajiet insurmontabbli sabiex jispjega lir-rikorrenti l-istadji tal-kalkoli li kellu jwettaq sabiex jasal għar-riżultati miksuba.

147    Eventwali interess tal-kunfidenzjalità ta’ istituzzjonijiet oħra lanqas ma jostakola motivazzjoni xierqa tad-deċiżjonijiet ikkontestati, peress li r-rikorrenti għandha biss l-intenzjoni li tieħu konjizzjoni tad-data personali tagħha.

148    Barra minn hekk, l-aċċess għall-fajl mogħti, wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors, fuq l-inizjattiva tar-rikorrenti, ma jirrimedjax għan-nuqqas ta’ motivazzjoni.

149    Fir-rigward tat-tieni deċiżjoni kkontestata, hija lanqas ma hija mmotivata b’mod suffiċjenti skont il-liġi. Fil-fatt, l-ittra tat-22 ta’ Mejju 2016, indirizzata mis-SRB lill-ANR, sempliċement tindika li adattament tal-“pilastru IV” impona l-modifika tal-ewwel deċiżjoni kkontestata. In-nota teknika (technical note with further background), li għaliha tirreferi din l-ittra, la ġiet mehmuża mat-tieni deċiżjoni kkontestata u lanqas mat-tieni avviż għall-ħlas.

150    Fir-rigward tal-ittra tat-23 ta’ Mejju 2016, li l-FMSA bagħat lill-assoċjazzjoni federali tal-banek pubbliċi Ġermaniżi, huwa ħabbar li l-modifika medja tal-ammont tal-kontribuzzjoni annwali imposta fuq l-istituzzjonijiet approvati fil-Ġermanja kienet ta’ 1.21 %. Issa, fil-każ tar-rikorrenti, iż-żieda stabbilita permezz tat-tieni deċiżjoni kkontestata tikkorrispondi għal 11.45 % tal-kontribuzzjoni għall-2016 stabbilita sa dak iż-żmien.

151    Barra minn hekk, ir-raġuni invokata fit-tieni avviż għall-ħlas insostenn tar-rettifika tirrigwarda l-parametru dwar is-sistema ta’ protezzjoni istituzzjonali. Dan l-avviż jirreferi għat-taqsimiet CD 133 u CD 134 tal-anness tiegħu. Madankollu, l-ebda valur ma jinsab fit-taqsima CD 134. Barra minn hekk, l-emendi ma jillimitawx ruħhom għaż-żewġ taqsimiet imsemmija iktar ’il fuq.

152    Is-SRB jikkontesta dawn l-argumenti.

153    Huwa jsostni li r-rikorrenti la hija destinatarja tad-deċiżjonijiet ikkontestati u lanqas ma hija direttament ikkonċernata minnhom. Dawn id-deċiżjonijiet kienu intiżi għall-FMSA u l-espożizzjoni tal-motivi tagħhom kienet tkun suffiċjenti għall-FMSA, li kien, bħal fil-każ tal-ANR l-oħra kollha, involut mill-qrib fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016. Fi kwalunkwe każ, dawn huma suffiċjentement motivati anki fir-rigward tar-rikorrenti.

154    L-ewwel nett, id-deċiżjonijiet ikkontestati jirreferu għar-Regolament Nru 806/2014 bħala bażi legali. Issa, dan ir-regolament, ir-Regolament ta’ Delega 2015/63, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 kif ukoll id-Direttiva 2014/59 jesponu fid-dettall il-metodu li għandu jiġi applikat għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante. Għalhekk id-deċiżjonijiet ikkontestati ġew adottati f’kuntest magħruf sew mir-rikorrenti. It-tieni nett, din tal-aħħar kienet involuta mill-qrib fil-proċedura. Hija għandha għarfien tar-raġunament prinċipali sa fejn il-kalkolu huwa bbażat fuq, minn naħa, il-metodu ta’ bażi spjegat fl-atti msemmija iktar ’il fuq u, min-naħa l-oħra, l-informazzjoni ddettaljata pprovduta minnha stess. It-tielet nett, ir-rikorrenti rċeviet spjegazzjonijiet estremament iddettaljati dwar il-kalkolu u r-raġunament segwit fl-avviżi għall-ħlas. Barra minn hekk, hija rċeviet informazzjoni addizzjonali, jiġifieri l-valuri ta’ dħul, il-kalkolu intermedjarju u r-riżultat finali tal-kalkolu, wara t-talba tagħha ta’ aċċess għad-dokumenti.

155    Ir-rikorrenti tmur lil hinn mir-rekwiżiti meħtieġa mill-obbligu ta’ motivazzjoni meta tallega li hija għandha titqiegħed f’pożizzjoni li tippermettilha li tikkalkola mill-ġdid l-ammont eżatt tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha. Il-kontribuzzjonijiet ex ante tal-istituzzjonijiet huma interkonnessi u d-diversi stadji tal-proċedura ta’ kalkolu għal istituzzjoni jinvolvu l-użu tad-data tat-totalità jew tal-inqas ta’ numru kbir ta’ istituzzjonijiet. F’dan il-kuntest, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi rrikonċiljat ma’ dak tal-protezzjoni tas-sigriet professjonali ta’ istituzzjonijiet oħra. Issa, ir-rikorrenti diġà kellha aċċess għall-informazzjoni kollha li tikkonċernaha u li ma hijiex marbuta ma’ istituzzjonijiet oħra.

156    Fir-risposta tagħha għal domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-seduta, il-Kummissjoni żiedet f’dan ir-rigward li għalkemm, minn perspettiva ekonomika, kien ċertament possibbli li jiġi evalwat il-profil ta’ riskju ta’ istituzzjoni unikament fuq il-bażi tad-data proprja tiegħu, madankollu l-interdipendenza tal-kontribuzzjonijiet ex ante tal-istituzzjonijiet kollha kienet imposta f’dan il-każ mil-leġiżlazzjoni applikabbli, b’mod partikolari mill-Artikoli 69(1) u 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014.

157    Skont is-SRB, approċċ li ma jippermettix li jiġi kkalkolat mill-ġdid totalment l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante huwa barra minn hekk konformi mal-prassi amministrattiva li tinsab ipprattikata f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari f’dak tad-dritt tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-possibbiltajiet prattiċi u tekniċi tal-obbligu ta’ motivazzjoni fit-terminu mogħti għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

158    Fir-rigward tat-tieni deċiżjoni kkontestata, il-FMSA ġie informat bil-proċedura u bir-raġunijiet li fuqhom kien ibbażat l-aġġustament, u dan f’ittra ffirmata mill-viċi president tas-SRB u kkomunikata lill-ANR kollha mat-tieni deċiżjoni kkontestata. Il-motivazzjoni dettaljata kif ukoll id-dettall tal-kalkolu l-ġdid ġew ipprovduti lir-rikorrenti fit-tieni avviż għall-ħlas.

159    Fl-aħħar nett, peress li l-allegazzjoni tal-eżistenza ta’ żball fil-kalkolu (irrevedut) tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 fir-rigward tar-rikorrenti ma hijiex issostanzjata, skont is-SRB din tal-aħħar ma għandha ebda interess leġittimu għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati għal eventwali difett proċedurali.

160    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adatta għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun l-awtur tal-att, b’mod li tippermetti li l-persuni kkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma de Galicia u Retegal vs Il-Kummissjoni, C‑70/16 P, EU:C:2017:1002, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

161    Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati kif ukoll l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra li huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jistgħu jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, inkwantu l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu iżda fid-dawl ukoll tal-kuntest tiegħu u tat-totalità tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-materja kkonċernata (ara s-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, Acino vs Il-Kummissjoni, T‑539/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:110, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata).

162    Barra minn hekk, il-motivazzjoni ta’ att għandha tkun loġika, u b’mod partikolari ma għandhiex tippreżenta kontradizzjoni interna li tostakola l-fehim tajjeb tal-motivazzjoni wara dan l-att (ara s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2015, Pilkington Group vs Il-Kummissjoni, T‑462/12, EU:T:2015:508, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

163    Preliminarjament, għandu jitfakkar li għalkemm, fis-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 806/2014 u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, id-deċiżjonijiet li jiffissaw il-kontribuzzjonijiet ex ante huma nnotifikati lill-ANR, l-istituzzjonijiet debituri ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet, fosthom ir-rikorrenti, huma, kuntrarjament għal dak li jallega s-SRB, individwalment u direttament ikkonċernati mill-imsemmija deċiżjonijiet (ara l-punti 61 sa 82 iktar ’il fuq).

164    Għaldaqstant, l-interess li jista’ jkollhom dawn l-istituzzjonijiet li jirċievu spjegazzjonijiet għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi evalwata l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet inkwistjoni. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni għandha wkoll il-funzjoni li tippermetti lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha.

165    F’dan il-każ, u mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-assenza, fl-ewwel deċiżjoni kkontestata, ta’ indikazzjonijiet dwar il-kwistjoni dwar liema mid-dikjarazzjonijiet tagħha ntgħażlet mis-SRB għall-finijiet tal-kalkolu u għal liema raġunijiet, għandu jiġi rrilevat li s-SRB wettaq diversi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

166    Minn naħa, fir-rigward tat-test tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, dan isemmi biss ir-Regolament Nru 806/2014, b’mod partikolari l-Artikolu 70(2) tiegħu, l-indikazzjoni ta’ konsultazzjonijiet u ta’ kooperazzjonijiet ma’ korpi (Il-Bank Ċenrali Ewropew (BĊE) u l-awtoritajiet nazzjonali) u l-fatt li l-kalkolu jsir b’mod li l-ammont tal-kontribuzzjonijiet individwali f’daqqa ma jaqbiżx ċertu livell (jiġifieri 12.5 % tal-livell fil-mira previst fl-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014). Dan ma jinkludi ebda informazzjoni dwar l-istadji suċċessivi tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni tar-rikorrenti u lanqas iċ-ċifri relatati ma’ dawn id-diversi stadji.

167    Ċertament, il-qari tal-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 806/2014, imsemmi fl-ewwel deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari l-qari tal-paragrafu 6 tiegħu jippermetti li wieħed jifhem li l-kontribuzzjonijiet ex ante huma kkalkolati mis-SRB b’applikazzjoni, b’mod partikolari, “[ta’] atti delegati li jispeċifikaw l-idea ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet proporzjonalment għall-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet, adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59/UE”, jiġifieri, f’dan il-każ, tar-Regolament ta’ Delega 2015/63.

168    Barra minn hekk, ir-Regolament ta’ Delega 2015/63 jinkludi regoli ddettaljati li s-SRB għandu japplika meta jikkalkola l-kontribuzzjonijiet.

169    Madankollu, dawn l-elementi ma humiex biżżejjed sabiex wieħed jifhem kif is-SRB applika dawn ir-regoli għall-każ tar-rikorrenti sabiex jasal għall-ammont tal-kontribuzzjoni li tikkonċernaha indikata fl-anness tal-ewwel deċiżjoni kkontestata.

170    Għandu jingħad ukoll li l-ewwel deċiżjoni kkontestata ma ssemmix id-deċiżjonijiet intermedji meħuda mis-SRB bil-għan li tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet, jiġifieri, tal-inqas, id-deċiżjonijiet imsemmija fil-punt 29 iktar ’il fuq.

171    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li dawn id-deċiżjonijiet intermedji jiddeterminaw elementi tal-proċedura ta’ kalkolu, kif ukoll il-kalkolu stess tal-kontribuzzjonijiet. Min-naħa l-oħra, dawn id-deċiżjonijiet intermedji mhux biss jimplimentaw, iżda wkoll, għal uħud minnhom, jissupplimentaw il-leġiżlazzjoni applikabbli. Peress li dawn id-deċiżjonijiet intermedji la huma suġġetti għal ebda pubblikazzjoni u lanqas ma nġiebu, b’xi mod ieħor, għall-konoxxenza tal-istituzzjonijiet, l-argument tas-SRB li l-motivazzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata kienet suffiċjenti minħabba li r-Regolament Nru 806/2014, ir-Regolament ta’ Delega 2015/63, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 kif ukoll id-Direttiva 2014/59 kienu jesponu fid-dettall il-metodu li għandu jiġi applikat għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante (ara l-punt 154 iktar ’il fuq), fi kwalunkwe każ ma jistax jintlaqa’.

172    Huwa biżżejjed li jissemmew żewġ eżempji fost id-deċiżjonijiet intermedji msemmija fil-punt 29 iktar ’il fuq, jiġifieri, l-ewwel nett, id-deċiżjoni SRB/ES/SRF/2016/01 (ara t-tmien inċiż tal-punt 29 iktar ’il fuq), li l-Artikolu 1 tagħha jistabbilixxi l-livell fil-mira għall-2016, li jikkostitwixxi element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti (ara l-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 u l-pass 6 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Delega 2015/63), u, it-tieni nett, id-deċiżjoni SRB/ES/SRF/2015/00 (ara l-ewwel inċiż tal-punt 29 iktar ’il fuq) li implimentat l-Artikolu 6(1)(d) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 dwar id-determinazzjoni mis-SRB tal-indikaturi ta’ riskju addizzjonali li jiffurmaw il-pilastru ta’ riskju IV, li huwa wieħed miż-żewġ pilastri ta’ riskju applikati f’dan il-każ mis-SRB, skont kif jirriżulta mill-fajl ta’ data li wkoll huwa msemmi fil-punt 29 iktar ’il fuq.

173    Issa, għalkemm dawn id-deċiżjonijiet intermedji ġew ikkomunikati lir-rikorrenti mis-SRB, dawn ġew ikkomunikati lilha biss fit-3 ta’ Awwissu 2016, u għalhekk wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors.

174    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata abbażi tal-elementi ta’ informazzjoni li r-rikorrent ikollu fil-mument tal-preżentata ta’ rikors (ara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑406/06, mhux ippubblikata, EU:T:2008:484, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

175    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-anness tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li jinkludi ammont għall-fattur ta’ aġġustament skont il-profil ta’ riskju fil-kuntest Ewropew, ma jinkludi ebda indikazzjoni simili li tikkonċerna l-fattur ta’ aġġustament skont il-profil ta’ riskju għas-sehem tal-kalkolu mwettaq fil-kuntest nazzjonali. Bl-istess mod, filwaqt li jippreċiża t-tip ta’ metodu ta’ kalkolu użat fil-kuntest Ewropew, ma jipprovdi ebda indikazzjoni dwar il-metodu ta’ kalkolu użat mis-SRB b’riferiment għall-kuntest nazzjonali.

176    Madankollu, kif jirriżulta mill-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, is-sehem tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet imwettaq mis-SRB b’riferiment għall-kuntest nazzjonali fl-2016 jammonta għal 60 % tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni tal-istituzzjonijiet u s-sehem Ewropew 40 % biss. Il-motivazzjoni li tinsab fl-ewwel deċiżjoni kkontestata tidher għalhekk, f’dan ir-rigward, insuffiċjenti.

177    Għandu jingħad ukoll li, kuntrarjament għal dak li jallega s-SRB, l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi kkumpensata mill-motivazzjoni li tinsab fl-ewwel avviż għall-ħlas adottat, b’eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni, mill-FMSA.

178    Huwa veru li, f’dan il-każ, l-ewwel avviż għall-ħlas jinkludi spjegazzjonijiet iktar iddettaljati dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjoni tar-rikorrenti, u dan kemm tal-parti “Ewropea” tagħha kif ukoll tal-parti “nazzjonali” tagħha.

179    Madankollu, fis-sistema stabbilita mil-leġiżlazzjoni applikabbli, huwa s-SRB li jikkalkola u jistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante. Id-deċiżjonijiet tas-SRB dwar il-kalkolu tal-imsemmija kontribuzzjonijiet huma indirizzati biss lill-ANR (Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81) u huma l-ANR li għandhom jikkomunikawhom lill-istituzzjonijiet (Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81) u li jiġbru l-kontribuzzjonijiet mingħand l-istituzzjonijiet abbażi tal-imsemmija deċiżjonijiet (Artikolu 67(4) tar-Regolament Nru 806/2014).

180    Għalhekk, meta s-SRB jaġixxi skont l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, huwa jadotta deċiżjonijiet li għandhom natura definittiva u li jirrigwardaw, individwalment u direttament, l-istituzzjonijiet.

181    Konsegwentement, huwa s-SRB, l-awtur ta’ dawn id-deċiżjonijiet, li għandu jimmotivahom. Dan l-obbligu ma jistax jiġi ddelegat lill-ANR, u lanqas il-ksur tiegħu ma jista’ jiġi rrimedjat minnhom, u jekk dan iseħħ wieħed imur kontra l-kwalità tas-SRB bħala awtur tal-imsemmija deċiżjonijiet u r-responsabbiltà tiegħu f’dan ir-rigward, u, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-diversità tal-ANR, jinbet riskju ta’ inugwaljanza fit-trattament tal-istituzzjonijiet għal dak li jikkonċerna l-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tas-SRB.

182    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li d-data li tinsab fl-Anness 1 tal-ewwel avviż għall-ħlas, ippreżentata bħala dettalji tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti, ma hijiex identifikata bħala li hija dik tas-SRB. Għall-kuntrarju, din hija ppreżentata bħala parti integrali mill-avviż għall-ħlas, li huwa att tad-dritt Ġermaniż, b’tali mod li ma huwiex possibbli li ssir distinzjoni bejn l-elementi li l-awtur tagħhom huwa l-FMSA minn dawk li ġejjin, jekk ikun il-każ, mis-SRB.

183    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li l-fattur ta’ aġġustament skont il-profil ta’ riskju għandu neċessarjament jinkludi d-deċimali kollha meħtieġa, ħlief sabiex il-kalkolu jsir approssimattiv, il-fattur ta’ aġġustament li jinsab fl-anness għall-ewwel avviż għall-ħlas (b’erba’ deċimali) ma jikkorrispondix għal dak (b’żewġ deċimali) tal-anness tal-ewwel deċiżjoni kkontestata hekk kif din ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti mis-SRB fit-3 ta’ Awwissu 2016 (ara l-punt 29 iktar ’il fuq) u ppreżentata lill-Qorti Ġenerali fl-Anness A.22 tar-rikors, u lanqas ma tikkorrispondi għal dak (bi ħmistax-il deċimali) ta’ dan l-istess anness hekk kif dan ġie kkomunikat lill-Qorti Ġenerali b’risposta għat-tieni digriet.

184    Bl-istess mod, valuri oħrajn li jirrikjedu l-istess preċiżjoni u li jidhru (b’erba’ deċimali) fl-ewwel avviż għall-ġbir (ara t-taqsimiet CD 21 (proporzjon ta’ lieva) (leverage ratio), CD 35 (indikatur kompost pilastru I), CD 36 (indikatur kompost pilastru IV), CD 37 (indikatur kompost) jew CD 38 (indikatur kompost finali) tal-Anness 1 ta’ dan l-avviż) ma jikkorrispondux ma’ dawk li jidhru (b’żewġ deċimali biss) fil-fajl ta’ data pprovdut mis-SRB lir-rikorrenti fit-3 ta’ Awwissu 2016 (ara l-punt 29 iktar ’il fuq) u ppreżentat lill-Qorti Ġenerali fl-Anness A.25 tar-rikors.

185    Barra minn hekk, fir-rigward ta’ dan l-aħħar fajl ta’ data pprovdut mis-SRB lir-rikorrenti, għandha titfakkar il-ġurisprudenza diġà ċċitata fil-punt 174, li tgħid li l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata abbażi tal-elementi ta’ informazzjoni li r-rikorrent ikollu fil-mument tal-preżentata ta’ rikors.

186    Issa, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, bħad-deċiżjonijiet imsemmija wkoll fil-punt 29 iktar ’il fuq, l-imsemmi fajl ġie kkomunikat lir-rikorrenti mis-SRB biss wara li ġie ppreżentat dan ir-rikors.

187    Fir-rigward tat-tieni deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li din stess tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni, għall-istess raġunijiet bħal dawk irrilevati fir-rigward tal-ewwel deċiżjoni kkontestata u għar-raġuni addizzjonali li hija ma tipprovdi ebda raġuni relatata mal-aġġustament li hija tagħmel.

188    Huwa minnu li l-motivi ta’ dan l-aġġustament ġew esposti fl-ittra tat-22 ta’ Mejju 2016, mibgħuta mis-SRB lill-ANR flimkien mat-tieni deċiżjoni kkontestata, u fl-ittra tat-23 ta’ Mejju 2016 mibgħuta mill-FMSA lill-istituzzjonijiet Ġermaniżi.

189    Madankollu, dawn l-ittri jinkludu biss spjegazzjonijiet ġenerali tal-motivi tal-aġġustament imwettaq permezz tat-tieni deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward tan-nota teknika li għaliha tirreferi l-ittra tat-22 ta’ Mejju 2016, hija ma ġietx prodotta mis-SRB.

190    Għal dak li jirrigwarda r-raġunijiet li jinsabu fit-tieni avviż għall-ħlas u fil-fajl ta’ data pprovdut lir-rikorrenti fit-3 ta’ Awwissu 2016, isir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet espressi fil-punti 177 sa 184 iktar ’il fuq.

191    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat ukoll li, f’dak li jikkonċerna l-fattur ta’ aġġustament skont il-profil ta’ riskju fil-kuntest taż-żona tal-euro (risk adjustment factor in the EA environment), minbarra l-fatt li lanqas id-dokumenti inkwistjoni ma jindikaw valur eżatt ta’ dan il-fattur, iżda arrotondament għal disa’, jew saħansitra għal żewġ, deċimali, huma jindikaw, barra minn hekk, valur differenti ((kunfidenzjali) għat-tieni avviż għall-ħlas u (kunfidenzjali) għall-fajl ta’ data) minn dak indikat fl-anness tat-tieni deċiżjoni kkontestata ((kunfidenzjali)).

192    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tas-SRB imsemmi fil-punt 159 iktar ’il fuq, dan għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, għalkemm mill-ġurisprudenza jirriżulta li rikorrent ma għandu ebda interess leġittimu fl-annullament minħabba difett formali, nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni fil-każ fejn l-annullament tad-deċiżjoni jista’ biss jagħti lok għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida identika, fuq il-mertu, għad-deċiżjoni annullata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Schräder vs OCVV – Hansson (SEIMORA), T‑425/15, T‑426/15 u T‑428/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:305, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata), għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, ma huwiex possibbli li jiġi eskluż li l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati jagħti lok għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet differenti. Fil-fatt, fl-assenza ta’ informazzjoni kompleta dwar id-determinazzjonijiet u l-kalkoli intermedji tas-SRB u tad-data kollha relatata mal-istituzzjonijiet l-oħra minkejja l-interdipendenza tal-kontribuzzjoni tar-rikorrenti mal-kontribuzzjoni ta’ kull waħda mill-istituzzjonijiet l-oħra, la r-rikorrenti u lanqas il-Qorti Ġenerali ma huma f’pożizzjoni li jivverifikaw, f’dan il-każ, jekk l-annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet iwassalx neċessarjament għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida identika fil-mertu.

193    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, lil hinn mill-motivi ta’ annullament diġà rrilevati fil-punti 86 sa 107 u 120 sa 140 iktar ’il fuq, id-deċiżjonijiet ikkontestati wkoll għandhom jiġu annullati abbażi tal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

194    Għaldaqstant, id-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati, mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati l-ewwel sitt motivi invokati mir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

195    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li s-SRB tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk tar-rikorrenti, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

196    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

tiddikjara u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tal-15 ta’ April 2016 dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB/ES/SRF/2016/06) u d-deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2016 dwar l-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, li tissupplimenta d-Deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tal-15 ta’ April 2016 dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB/ES/SRF/2016/13), huma annullati inkwantu dawn jikkonċernaw lil Portigon AG.

2)      Is-SRB għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk sostnuti minn Portigon.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Collins

Kancheva

Barents

Passer

 

      De Baere

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Novembru 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.