Language of document : ECLI:EU:T:2015:17

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

15 ta’ Jannar 2015 (*)

“Għajnuna mill-Istat — Għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà — Għajnuna għar-ristrutturazzjoni prevista mill-awtoritajiet Franċiżi favur SeaFrance SA — Żieda fil-kapital azzjonarju u self mogħti minn SNCF lil SeaFrance — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern — Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat — Kriterju ta’ investitur privat — Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni tal-impriżi f’diffikultà”

Fil-Kawża T‑1/12,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata inizjalment minn E. Belliard, G. de Bergues u J. Gstalter, sussegwentement minn G. de Bergues, D. Colas u J. Bousin, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Di Bucci, B. Stromsky u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/397/UE, tal-24 ta’ Ottubru 2011, dwar l-Għajnuna mill-Istat SA 32600 (2011/C) – Franza – Għajnuna għar-ristrutturar ta’ SeaFrance SA mill-SNCF (ĠU 2012, L 195, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, M. Kancheva u C. Wetter (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Weychert, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Ġunju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/397/UE, tal-24 ta’ Ottubru 2011, dwar l-Għajnuna mill-Istat SA 32600 (2011/C) – Franza – Għajnuna għar-ristrutturar ta’ SeaFrance SA mill-SNCF (ĠU 2012, L 195, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni Ewropea ddikjarata bħala inkompatibbli mas-suq intern l-għajnuna għas-salvataġġ u l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ SeaFrance implementati u previsti rispettivament mir-Repubblika Franċiża favur SeaFrance SA.

2        SeaFrance, attwalment stralċata, kienet kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Franċiż miżmuma 100 % minn SNCF Participations SA, kumpannija holding tal-grupp SNCF, hija stess miżmuma 100 % mill-entità industrijali u kummerċjali pubblika Société nationale des chemins de fer français (iktar ’il quddiem “SNCF”). SeaFrance kienet tipprovdi servizzi ta’ trasport bil-baħar ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija bejn il-portijiet ta’ Calais (Franza) u ta’ Dover (ir-Renju Unit). Dak iż-żmien, SeaFrance kellha 6 bastimenti. F’Diċembru 2009, hija kienet timpjega 1 550 persuna, u sussegwentement 1 100 persuna f’Awwissu 2010.

3        Mill-2008, is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ SeaFrance bdiet tiddegrada b’mod sistematiku minħabba, b’mod partikolari, kundizzjonijiet sfavorevoli, ikkaratterizzati minn instabbiltà qawwija tar-rati tal-kambju Euro/Sterlina, żieda fil-prezzijiet taż-żejt u tnaqqis sinjifikattiv fit-trasport fuq il-kanal Ingliż ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija. Dawn il-kundizzjonijiet esterni aggravaw id-diffikultajiet interni ta’ SeaFrance, dovuti, b’mod partikolari, għal kapaċità eċċessiva u proporzjon għoli ta’ spejjeż tal-persunal għad-dħul mill-bejgħ. Diversi azzjonijiet industrijali, li seħħew fl-2010, aggravaw iktar is-sitwazzjoni tal-kumpannija.

4        F’April 2010, SeaFrance ġiet ammessa għall-benefiċċju tal-proċedura ta’ salvataġġ, li nbidlet, fit-30 ta’ Ġunju 2010, fi proċedura ta’ insolvenza ġudizzjarja. Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ġew ippreżentati tliet offerti għaż-żamma tal-attività permezz ta’ trasferiment tal-attiv kollu jew ta’ parti minnu lit-Tribunal de commerce de Paris (qorti kummerċjali ta’ Pariġi, Franza). L-ewwel waħda, ippreżentata b’mod konġunt minn żewġ kumpanniji attivi fis-settur tat-trasport marittimu, kienet tipproponi ż-żamma, għal tliet euro simboliċi, ta’ tliet bastimenti u ta’ 460 ħaddiem. It-tieni waħda, ippreżentata minn sindakat, kienet tipproponi li jinżammu l-impjegati kollha, li jinxtraw il-bastimenti ta’ SeaFrance għal euro simboliku u li ma jittiħidx il-passiv tal-impriża. Id-dettalji tat-tielet offerta, ippreżentata minn impriża tas-settur marittimu, ma ngħatawx fid-deċiżjoni kkontestata. L-ebda waħda minn dawn l-offerti ma tqieset li hija sodisfaċenti mill-amministraturi ta’ SeaFrance maħtura mill-qorti (premessi 10 sa 15 tad-deċiżjoni kkontestata).

5        Wara l-adozzjoni, fl-24 ta’ Ottubru 2011, tad-deċiżjoni kkontestata, it-Tribunal de commerce de Paris fetaħ, fis-16 ta’ Novembru 2011, proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju fir-rigward ta’ SeaFrance. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ġiet organizzata sejħa għal offerti ġdida għaż-żamma tal-attiv u tal-attivitajiet ta’ SeaFrance, iżda l-unika offerta ppreżentata tqieset li hija insodisfaċenti mill-amministraturi ta’ SeaFrance maħtura mill-qorti. Għaldaqstant, saret il-likwidazzjoni tal-attiv ta’ SeaFrance, li permezz tagħha dan l-attiv ġie ttrasferit lill-kumpannija Eurotunnel.

6        SNCF għenet lil SeaFrance permezz ta’ diversi miżuri ta’ għajnuna mill-bidu tas-sena 2009. Qabel xejn, fi Frar 2009, SNCF kkonkludiet ma’ SeaFrance ftehim għall-immaniġġar tal-flus, li ġie estiż fi Frar 2010. Barra minn hekk, fil-15 ta’ Lulju 2010, hija selfet lil SeaFrance l-ammont ta’ EUR [kunfidenzjali] (1) miljun, sabiex tkun tista’ tagħżel li tixtri l-bastiment Berlioz tagħha u tiżgura l-proprjetà ta’ dan l-attiv.

7        Sussegwentement, SNCF stabbilixxiet linja ta’ kreditu ta’ EUR [kunfidenzjali] miljun favur SeaFrance. Din il-miżura ġiet innotifikata mill-awtoritajiet Franċiżi fit-12 ta’ Lulju 2010 lill-Kummissjoni bħala għajnuna għas-salvataġġ fis-sens tal-Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni tal-impriżi f’diffikultà (ĠU 2004, C 244, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida dwar l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni”), u ġiet approvata minn din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni C (2010) 5837, tat-18 ta’ Awwissu 2010, dwar l-għajnuna mill-Istat Nru 309/2010 – Franza.

8        Fl-aħħar nett, fit-18 ta’ Frar 2011, l-awtoritajiet Franċiżi nnotifikaw lill-Kummissjoni, skont id-dispożizzjonijiet tal-linji gwida dwar l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, proġett ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni favur SeaFrance flimkien ma’ pjan ta’ ristrutturazzjoni. Il-pjan ta’ ristrutturazzjoni kien jipprevedi, b’mod partikolari, it-tnaqqis tal-kapaċità minn 6 għal 4 bastimenti, it-tfassil mill-ġdid tal-iskeda tal-vjaġġi li kien ser iwassal għal tnaqqis ta’ madwar 30 % tan-numru ta’ vjaġġi fis-sena u t-tneħħija ta’ 725 pożizzjoni sabiex jiġi limitat il-proporzjon ta’ spejjeż tal-persunal għad-dħul mill-bejgħ. Din ir-ristrutturazzjoni kellha tiġi ffinanzjata prinċipalment permezz ta’ għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ żieda fil-kapital azzjonarju ta’ SeaFrance ta’ EUR 223 miljun, sottoskritta kollha kemm hi minn SNCF Participations.

9        Fis-6 ta’ April 2011, tressaq lment quddiem il-Kummissjoni minn kompetitur ta’ SeaFrance dwar l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni tagħha. Fit-22 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet Franċiżi bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE dwar, minn naħa, l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ SeaFrance nnotifikata fit-18 ta’ Frar 2011, u, min-naħa l-oħra, il-miżuri meħuda preċedentement minn SNCF, jiġifieri l-ftehim għall-immaniġġar tal-flus milħuq fl-2009 u s-self ta’ EUR [kunfidenzjali] miljun mogħti fil-15 ta’ Lulju 2010 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali”). Barra minn hekk, hija stiednet, permezz tal-pubblikazzjoni ta’ sunt ta’ din id-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-14 ta’ Lulju 2011 (ĠU C 208, p. 8), il-partijiet interessati sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 108(2) TFUE.

10      Permezz ta’ ittri tal-14 ta’ Lulju, tat-22 ta’ Lulju u tad-19 ta’ Awwissu 2011, l-awtoritajiet Franċiżi qabelxejn ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni dwar id-dubji fformulati fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali, dwar l-ilment u dwar l-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati rispettivament.

11      Sussegwentement, permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Settembru 2011, l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu lill-Kummissjoni pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat. Dan il-pjan kien jipprevedi, b’mod partikolari, it-trasferiment ta’ bastiment addizzjonali, tnaqqis totali tal-persunal ta’ 922 impjegat, tnaqqis ikbar fin-numru ta’ vjaġġi u riorganizzazzjoni tal-attivitajiet ta’ bejgħ u ta’ kummerċjalizzazzjoni, li kellu jwassal għal tfaddil addizzjonali. Barra minn hekk, sabiex jirrispondi għad-dubji fformulati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali dwar in-natura insuffiċjenti u inċerta tal-kontribuzzjoni ta’ SeaFrance għall-finanzjament tar-ristrutturazzjoni tagħha, dan il-pjan kien jipprevedi bidla fil-miżuri ta’ finanzjament tar-ristrutturazzjoni: iż-żieda fil-kapital azzjonarju kellha tkun limitata għal EUR 166.3 miljun u magħha kellu jingħata self ta’ ammont ta’ EUR 99.8 miljun intiż għall-finanzjament tar-ristrutturazzjoni. Self ieħor ta’ ammont ta’ EUR [kunfidenzjali] miljun kien ukoll previst. Dan kien intiż li jissostitwixxi s-self eżistenti li jirrigwarda l-bastiment Molière sabiex jiġi antiċipat l-eżerċizzju tal-għażla tagħha li tixtri dan il-bastiment. L-eżerċizzju antiċipat tal-għażla kellu jippermetti lil SeaFrance li takkwista, fl-aħħar tas-sena [kunfidenzjali], minflok fl-aħħar tas-sena [kunfidenzjali], il-proprjetà sħiħa ta’ dan l-attiv. Dawn iż-żewġ ammonti mislufa kellhom jingħataw b’rata ta’ interessi ta’ 6.05 % għal perijodu ta’ 12-il sena flimkien mar-rimbors kostanti tal-kapital.

12      Fl-aħħar nett, permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Ottubru 2011, l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu lill-Kummissjoni verżjoni ġdida tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat. Skont din il-verżjoni l-ġdida, minn naħa, l-ammont misluf ta’ EUR 99.8 miljun tnaqqas għal EUR 99.7 miljun u, min-naħa l-oħra, ir-rata ta’ interessi applikat għaż-żewġ ammonti mislufa previsti fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat żdiedet minn 6.05 % għal 8.55 %.

13      Fl-24 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata u nnotifikat din id-deċiżjoni lill-awtoritajiet Franċiżi fl-istess ġurnata. Fil-premessi 16 u 17 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tippreċiża li d-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda, minn naħa, il-miżuri previsti fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat, jiġifieri ż-żieda fil-kapital azzjonarju ta’ SeaFrance u ż-żewġ ammonti mislufa ta’ EUR 99.7 miljun u EUR [kunfidenzjali] miljun, u, min-naħa l-oħra, l-għajnuna għas-salvataġġ approvata permezz tad-deċiżjoni tagħha tat-18 ta’ Awwissu 2010. Min-naħa l-oħra, din id-deċiżjoni la tkopri l-ftehim għall-immaniġġar tal-flus milħuq minn SNCF ma’ SeaFrance u lanqas is-self li hija ngħatat għall-eżerċizzju tal-għażla fil-konfront tal-bastiment Berlioz (ara l-punt 6 iktar ’il fuq), li huma s-suġġett ta’ proċedura oħra prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, li nfetħet fit-22 ta’ Ġunju 2011.

14      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi, b’mod partikolari, dan li ġej:

“Artikolu 1

Iż-żieda fil-kapital ta’ EUR 166,3 miljun, is-self ta’ EUR 99,7 miljun u s-self ta’ EUR [kunfidenzjali] miljun li r-Repubblika Franċiża qed tippjana li timplimenta, permezz tal-SNCF, bħala għajnuna għar-ristrutturar favur SeaFrance jikkostitwixxu għajnuna skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE u huma inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

Is-self mogħti minn Franza, permezz tal-SNCF, bħala għajnuna għas-salvataġġ favur SeaFrance, imsemmi fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Awwissu 2010, jikkostitwixxi għajnuna inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 3

1. Franza, permezz tal-SNCF, għandha tirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 mingħand il-benefiċjarju, inklużi l-imgħaxijiet kuntrattwali dovuti li jkunu għadhom ma tħallsux fid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni.

[…]”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

15      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Jannar 2012, ir-Repubblika Franċiża ppreżentat dan ir-rikors.

16      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

17      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-19 ta’ Ġunju 2014.

18      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ppreżentat dokument li fih skambju ta’ messaġġi elettroniċi bejn id-dipartimenti tagħha u l-awtoritajiet Franċiżi, sabiex issostni l-argument imressaq bi tweġiba għat-tieni motiv tar-rikors. Il-President tal-Awla ddeċieda li jdaħħal dan id-dokument fil-proċess u stieden lir-Repubblika Franċiża sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-ammissibbiltà u l-kontenut ta’ dan id-dokument sa mhux iktar tard mis-26 ta’ Ġunju 2014. Id-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ dan id-dokument ġiet irriżervata.

19      Ir-Repubblika Franċiża ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fit-terminu impost.

20      Il-proċedura orali ngħalqet fit-3 ta’ Lulju 2014.

21      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

22      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż.

 Id-dritt

23      Qabelxejn, għandu jiġi osservat li l-erba’ motivi li r-Repubblika Franċiża tqajjem insostenn tar-rikors tagħha jirrigwardaw l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni taż-żewġ ammonti mislufa ta’ EUR 99.7 miljun u ta’ EUR [kunfidenzjali] miljun rispettivament previsti fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“ammonti mislufa inkwistjoni”). Ir-Repubblika Franċiża ma tikkontestax li l-miżura li tikkonsisti f’żieda tal-kapital azzjonarju ta’ SeaFrance ta’ EUR 166.3 miljun tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

24      L-ewwel żewġ motivi tar-rikors tar-Repubblika Franċiża huma bbażati fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn il-Kummissjoni kklassifikat l-ammonti mislufa inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat. It-tielet motiv huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt sa fejn il-Kummissjoni qieset li l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni kienet inkompatibbli mal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE, interpretat fid-dawl tal-linji gwida dwar l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 345 TFUE.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni qieset li n-natura raġonevoli tal-ammonti mislufa inkwistjoni kellha tiġi evalwata flimkien mal-għajnuna għas-salvataġġ u mar-rikapitalizzazzjoni

25      Permezz ta’ dan il-motiv, ir-Repubblika Franċiża ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta qieset li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-test ta’ investitur privat, l-ammonti mislufa inkwistjoni, l-għajnuna għas-salvataġġ mogħtija lil SeaFrance kif ukoll iż-żieda fil-kapital azzjonarju tagħha prevista fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat kellhom jiġu evalwati flimkien.

26      Dan il-motiv jikkonsisti f’żewġ partijiet, ibbażati, rispettivament, fuq interpretazzjoni żbaljata u fuq applikazzjoni żblajata, f’dan il-każ, tas-sentenza tal-15 ta’ Settembru 1998, BP Chemicals vs Il‑Kummissjoni (T‑11/95, Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza BP Chemicals”, EU:T:1998:199).

27      Permezz tal-ewwel parti, ir-Repubblika Franċiża essenzjalment ssostni fir-rikors li, sa fejn is-sentenza BP Chemicals, punt 26 iktar ’il fuq (EU:T:1998:199), tirrigwarda unikament rifjut li tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali u mhux l-applikazzjoni fil-mertu tal-prinċipju ta’ investitur privat, il-kriterji li hija tistabbilixxi ma jistgħux jiġu applikati fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, sabiex jiġi deċiż jekk il-miżuri eżaminati humiex dissoċjabbli jew le. Waqt is-seduta, billi ħadet inkunsiderazzjoni s-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni (C‑399/10 P u C 401/10 P, Ġabra, EU:C:2013:175), ir-Repubblika Franċiża rtirat din il-parti, liema fatt tniżżel fil-proċess verbal tas-seduta.

28      Permezz tat-tieni parti, ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat is-sentenza BP Chemicals, punt 26 iktar ’il fuq (EU:T:1998:199), f’dan il-każ u li kienet żbaljata meta ddeċidiet li l-ammonti mislufa inkwistjoni kienu effettivament indissoċjabbli mill-għajnuna għas-salvataġġ u mir-rikapitalizzazzjoni.

29      Għandu jitfakkar li, sa fejn il-kunċett ta’ għajnuna, kif iddefinit fl-Artikolu 107(1) TFUE, għandu natura ġuridika u għandu jiġi interpretat abbażi ta’ elementi oġġettivi, il-qorti tal-Unjoni għandha, bħala prinċipju u fid-dawl kemm tal-elementi konkreti tal-kawża li jkollha quddiemha kif ukoll tan-natura teknika jew kumplessa tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, twettaq stħarriġ komplet fuq il-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara s-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, Ġabra, EU:C:2008:757, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-17 ta’ Diċembru 2008, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑196/04, Ġabra, EU:T:2008:585, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Il-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE ta’ miżura meħuda fil-konfront ta’ impriża teħtieġ li jiġu ssodisfatti erba’ kundizzjonijiet. L-ewwel nett, għandha tkun kwistjoni ta’ intervent tal-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, hija għandha tagħti vantaġġ esklużivament favur ċerti impriżi jew ċerti setturi ta’ attività. Ir-raba’ nett, hija għandha twassal għal distorsjoni jew għal theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2000, CETM vs Il‑Kummissjoni, T‑55/99, Ġabra, EU:T:2000:223, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse, C‑237/04, Ġabra, EU:C:2006:197, punti 38 u 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-kundizzjonijiet li miżura għandha tissodisfa sabiex taqa’ taħt il-kunċett ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE ma humiex issodisfatti jekk l-impriża benefiċjarja setgħet tikseb l-istess vantaġġ bħal dak mqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha permezz tar-riżorsi tal-Istat f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għal kundizzjonijiet normali tas-suq, liema evalwazzjoni ssir, għall-impriżi pubbliċi, billi jiġi applikat, bħala prinċipju, il-kriterju ta’ investitur privat (ara s-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF et, C‑124/10 P, Ġabra, EU:C:2012:318, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Skont il-ġurisprudenza, meta hija teżamina l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat, il-Kummissjoni għandha dejjem teżamina l-elementi kollha rilevanti tal-operazzjoni kontenzjuża u l-kuntest tagħha (ara s-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2010, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑415/05, T‑416/05 u T‑423/05, Ġabra, EU:T:2010:386, punt 172 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Meta l-kwistjoni tkun tirrigwarda l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat f’diversi interventi konsekuttivi tal-Istat, il-Kummissjoni għandha teżamina jekk jeżistux bejn dawn l-interventi rabtiet tant stretti li jkun impossibbli li jiġu sseparati u li, għalhekk, dawn l-interventi għandhom, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 107(1) TFUE, jitqiesu li huma intervent wieħed (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, EU:C:2013:175, punt 103).

34      L-eżami tan-natura dissoċjabbli ta’ diversi interventi konsekuttivi tal-Istat għandu jsir fid-dawl tal-kriterji elaborati mill-ġurisprudenza, li fosthom hemm, b’mod partikolari, il-kronoloġija ta’ dawn l-interventi, l-iskop tagħhom u s-sitwazzjoni tal-impriża benefiċjarja fil-mument ta’ dawn l-interventi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, EU:C:2013:175, punt 104, u BP Chemicals, punt 26 iktar ’il fuq, EU:T:1998:199, punti 170 sa 178).

35      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-kwistjoni dwar jekk miżura tissodisfax il-kriterju ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq tista’ tinvolvi evalwazzjoni ekonomika kumplessa. Il-Kummissjoni, meta tadotta att li jinvolvi evalwazzjoni bħal din, tibbenefika minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa u l-istħarriġ ġudizzjarju huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u tal-motivazzjoni, tal-assenza ta’ żball ta’ liġi, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati u tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti kif ukoll tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha ma’ dik tal-awtur tad-deċiżjoni (ara s-sentenza Ryanair vs Il‑Kummissjoni, EU:T:2008:585, punt 29 iktar ’il fuq, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat l-argument prinċipali mressaq fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, li permezz tagħha r-Repubblika Franċiża tilmenta li l-Kummissjoni ma eżaminatx l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li huma rilevanti għall-evalwazzjoni tan-natura indissoċjabbli tal-miżuri meħuda favur SeaFrance, b’mod partikolari, ir-rati ta’ interessi u l-garanziji mogħtija għall-ammonti mislufa inkwistjoni. Ir-Repubblika Franċiża tilmenta wkoll li l-Kummissjoni assumiet fid-deċiżjoni kkontestata li, peress li l-ammonti mislufa inkwistjoni għandhom l-istess skop bħar-rikapitalizzazzjoni ta’ SeaFrance u li ngħataw fl-istess żmien bħal din ir-rikapitalizzazzjoni, filwaqt li s-sitwazzjoni ta’ SeaFrance baqgħet l-istess, dawn l-ammonti mislufa kienu indissoċjabbli mir-rikapitalizzazzjoni u mill-għajnuna għas-salvataġġ u, konsegwentement, li assumiet li dawn l-ammonti mislufa ma ngħatawx minn investitur privat.

37      L-eżami tal-fondatezza ta’ dan l-argument għandu jsir f’żewġ stadji. L-ewwel nett, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni kinitx korretta meta kkonkludiet li l-ammonti mislufa inkwistjoni kienu indissoċjabbli mir-rikapitalizzazzjoni u mill-għajnuna għas-salvataġġ u li għalhekk ma setgħux jiġu evalwati bħala miżuri awtonomi fid-dawl tal-kriterju ta’ investitur privat. Fi kliem ieħor, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni stabbilixxietx b’mod korrett is-suġġett li fir-rigward tiegħu hija kienet ser tapplika l-imsemmi kriterju. It-tieni nett, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni applikatx b’mod korrett il-kriterju ta’ investitur privat għall-miżuri koperti mid-deċiżjoni kkontestata.

38      L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kinitx korretta meta kkonkludiet li l-ammonti mislufa inkwistjoni kienu indissoċjabbli mir-rikapitalizzazzjoni u mill-għajnuna għas-salvataġġ, għandu jiġi osservat, qabelxejn, li, fil-premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata, b’risposta għall-argumenti tal-awtoritajiet Franċiżi skont liema l-ammonti mislufa inkwistjoni ngħataw skont il-kundizzjonijiet tas-suq u għalhekk kienu josservaw il-kriterju ta’ investitur privat, il-Kummissjoni indikat dan li ġej:

“(129) [F]’dan il-każ, l-SNCF diġà tat għajnuna lil SeaFrance, speċjalment l-għajnuna għas-salvataġġ, u qet tippjana li tagħti għajnuna ġdida, jiġifieri r-rikapitalizzazzjoni. Is-selfiet [ammonti mislufa] għandhom l-istess għan tal-għajnuniet l-oħrajn, jiġifieri s-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ SeaFrance. Huma se jingħataw meta SeaFrance tkun intrapriża f’diffikultà u fl-istess ħin li tingħata l-għajnuna għar-ristrutturar. Dan huwa ċar fir-rigward tas-self ta’ EUR 99.7 miljun, li għandu l-għan – bħar-rikapitalizzazzjoni – li jippermetti lil SeaFrance tlaħħaq mal-ħtiġijiet tal-kapital kurrenti tagħha. Madankollu, dan jgħodd ukoll għas-self ta’ EUR [kunfidenzjali] miljun, li jservi għall-finanzjament mill-ġdid u r-riakkwist aktar kmieni milli kien previst tal-kuntratt ta’ kera li jikkonċerna l-bastiment Molière. Fil-fatt, il-finanzjament tal-metodi tal-produzzjoni, f’dan il-każ tal-bastiment, huwa totalment relatat mal-attività ta’ kuljum ta’ SeaFrance. Permezz tal-finanzjament mill-ġdid u r-riakkwist antiċipat tal-kera, SeaFrance qed timmira li tnaqqas l-ispejjeż operattivi tagħha, fil-kuntest tar-ristrutturar tal-intrapriża. Konsegwentement, is-self ta’ EUR [kunfidenzjali] miljun jappartjeni wkoll għal-loġika ta’ ristrutturar ta’ SeaFrance.”

39      Sussegwentement, fil-premessi 130 sa 132, il-Kummissjoni fakkret ir-regoli spjegati fis-sentenza BP Chemicals, punt 26 iktar ’il fuq (EU:T:1998:199).

40      Fl-aħħar nett, fil-premessa 133, il-Kummissjoni analizzat il-kwistjoni dwar jekk ir-rikapitalizzazzjoni kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u kkonstatat li, “[p]eress li ż-żewġ selfiet [ammonti mislufa] kellhom l-istess għan bħar-rikapitalizzazzjoni, jiġifieri l-finanzjament tal-ispejjeż tar-ristrutturar, is-sitwazzjoni ekonomika tal-intrapriża ma nbidlitx (hija tinsab f’diffikultà) u peress li s-selfiet jingħataw fl-istess waqt bħar-rikapitalizzazzjoni, dawn is-selfiet ma setgħux raġonevolment jiġu separati mill-għajnuna għas-salvataġġ u tar-rikapitalizzazzjoni [mir-rikapitalizzazzjoni]”.

41      Din il-motivazzjoni tidher, ċertament, li hija fil-qosor. Madankollu, qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kronoloġija u l-iskop tal-miżuri, kif ukoll dwar is-sitwazzjoni ta’ SeaFrance, huma eżenti minn kull żball ta’ evalwazzjoni.

42      Fil-fatt, għal dak li jirrigwarda l-kronoloġija tal-miżuri, il-partijiet jaqblu bejniethom li l-ammonti mislufa inkwistjoni ngħataw fl-istess żmien bħar-rikapitalizzazzjoni u li dawn it-tliet miżuri kienu previsti fl-istess pjan ta’ ristrutturazzjoni suġġett għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni sitt xhur wara l-implementazzjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ.

43      Il-partijiet jaqblu wkoll bejniethom, għal dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni tal-kumpannija benefiċjarja, li mill-2008 SeaFrance kienet qed tiffaċċja diffikultajiet finanzjarji kbar, li wasslu, fit-30 ta’ Ġunju 2010, jiġifieri qabel in-notifika tal-għajnuna għas-salvataġġ, għall-ftuħ fil-konfront tagħha ta’ proċedura ta’ insolvenza ġudizzjarja. Il-proċedura ta’ insolvenza ġudizzjarja baqgħet miftuħa sal-ftuħ tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju, li seħħ wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 4, 5 u 7 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, id-diffikultajiet finanzjarji kbar ta’ SeaFrance kienu jeżistu kemm fil-mument li hija rċeviet l-għajnuna għas-salvataġġ, kif ukoll fil-mument li SNCF kellha l-intenzjoni li tagħtiha tliet miżuri oħra previsti fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni.

44      Għal dak li jirrigwarda l-iskop tal-miżuri, huwa minnu li s-self ta’ EUR 99.7 miljun kellu l-istess skop bħar-rikapitalizzazzjoni, jiġifieri l-finanzjament tar-ristrutturazzjoni. Għal dak li jirrigwarda s-self ta’ EUR [kunfidenzjali] miljun, l-argument tar-Repubblika Franċiża li jgħid li dan is-self kellu għan patrimonjali, jiġifieri li jiġi żgurat attiv permezz tal-eżerċizzju antiċipat tal-għażla ta’ SeaFrance li tixtri l-bastiment Molière u li, għalhekk, kellu skop differenti mir-rikapitalizzazzjoni, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, il-Kummissjoni kkonkludiet ġustament li dan is-self kien jifforma parti mil-loġika tar-ristrutturazzjoni ta’ SeaFrance, sa fejn dan kien meħtieġ għall-finanzjament mill-ġdid u għar-riakkwist iktar kmieni milli kien previst tal-kuntratt ta’ kera li jikkonċerna l-bastiment Molière u kien intiż għalhekk li jnaqqas l-ispejjeż operattivi marbuta mal-finanzjament tal-mezzi ta’ produzzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat ġustament fir-risposta li, filwaqt li sostniet li l-uniku għan ta’ dan is-self kien li jissostitwixxi obbligu mhux inkluż fil-karta tal-bilanċ relatat mal-kera dovuta minn SeaFrance skont il-kuntratt ta’ kiri, ir-Repubblika Franċiża ma ppreżentat l-ebda prova li turi li, qabel dan is-self, SNCF kienet diġà direttament esposta u responsabbli għall-ħlas ta’ din il-kera.

45      Sussegwentement, diversi elementi msemmija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u li jifformaw parti mill-kuntest tar-ristrutturazzjoni ta’ SeaFrance jikkorroboraw, f’kull każ, il-konklużjoni li tgħid li l-ammonti mislufa, l-għajnuna għas-salvataġġ u r-rikapitalizzazzjoni kellhom jiġu evalwati flimkien fid-dawl tal-kriterju ta’ investitur privat.

46      F’dan ir-rigward, minn naħa, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, wara l-għoti minn SNCF favur SeaFrance tal-linja ta’ kreditu ta’ EUR [kunfidenzjali] miljun, approvata mill-Kummissjoni bħala għajnuna għas-salvataġġ, l-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw, fit-18 ta’ Frar 2011, pjan ta’ ristrutturazzjoni inizjali ta’ SeaFrance (premessi 1, 2 u 24 tad-deċiżjoni kkontestata). Dan il-pjan, li kien jipprevedi miżura waħda biss ta’ għajnuna, jiġifieri żieda fil-kapital azzjonarju ta’ SeaFrance sal-ammont ta’ EUR 223 miljun sottoskritta kollha kemm hi minn SNCF Participations, ġie kkritikat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali minħabba li l-kontribuzzjoni ta’ SeaFrance għall-finanzjament tar-ristrutturazzjoni tagħha kienet baxxa u inċerta wisq (premessi 4, 24 u 149 tad-deċiżjoni kkontestata). Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li, sabiex jirrispondu għall-kritika tagħha, fit-12 ta’ Settembru 2011, l-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat fis-sens li ż-żieda fil-kapital azzjonarju previst inizjalment tnaqqas għal EUR 166.3 miljun, li kellha tiġi sottoskritta minn SNCF Participations, u li dan it-tnaqqis ġie kkumpensat permezz ta’ self ta’ ammont ta’ EUR 99.7 miljun mogħti minn SNCF u intiż għall-finanzjament tar-ristrutturazzjoni ta’ SeaFrance, bħala parti mill-kontribuzzjoni tagħha (premessi 24, 27, 28 u 150 tad-deċiżjoni kkontestata). L-għoti ta’ dawn l-ammonti mislufa inkwistjoni, b’mod partikolari tas-self ta’ EUR 99.7 miljun, jidher li huwa għalhekk ir-riżultat ta’ riorganizzazzjoni tal-miżura ta’ għajnuna unika prevista inizjalment.

47      Min-naħa l-oħra, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li kienet biss SNCF, li kienet qed taġixxi fil-kwalità doppja ta’ persuna li tagħti l-għajnuna u ta’ persuna li tipprovdi l-fondi intiżi li jifformaw parti mill-kontribuzzjoni, li pprovdiet lil SeaFrance r-riżorsi neċessarji sabiex tiġi ffinanzjata r-ristrutturazzjoni. Fil-fatt, ebda investitur privat estern għall-grupp SNCF ma intervjena miegħu f’din l-operazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni osservat ukoll li, minkejja t-talbiet tagħha, l-awtoritajiet Franċiżi ma tawha ebda eżempju ta’ offerta ta’ self li toriġina minn istituzzjoni finanzjarja indipendenti (premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata).

48      Il-kuntest tar-ristrutturazzjoni ta’ SeaFrance, b’mod partikolari l-iżvilupp tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni, juri wkoll li, sabiex itaffu l-assenza kważi assoluta ta’ kontribuzzjoni ta’ SeaFrance għall-finanzjament tar-ristrutturazzjoni tagħha, l-awtoritajiet Franċiżi, minflok ma fittxew investitur jew keditur estern, jew fin-nuqqas li jsibu wieħed, ipproponew soluzzjoni li fiha kienet SNCF li, waħedha, kienet ser tħallas kważi t-totalità ta’ din il-kontribuzzjoni, jiġifieri EUR 99.7 miljun fuq ammont totali ta’ kontribuzzjoni ta’ EUR [kunfidenzjali] miljun (ara l-premessa 150 tad-deċiżjoni kkontestata u l-punti 62 u 79 iktar ’il quddiem), billi tintervjeni bħala kieku li kienet kreditur estern. Issa, tali soluzzjoni, ibbażata fuq sempliċi riorganizzazzjoni tal-miżura ta’ għajnuna prevista inizjalment u fuq il-kwalità doppja ta’ SNCF, li kienet ser taġixxi, minn naħa, permezz ta’ SNCF Participations, bħala entità pubblika li tagħti l-għajnuna u, min-naħa l-oħra, allegatament bħala investitur privat — li fl-istess ħin kien ser ikun l-uniku investitur privat li jintervjeni fis-salvataġġ u fir-ristrutturazzjoni ta’ SeaFrance — ma tistax tiġi aċċettata, sa fejn din tipprekludi l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kontribuzzjoni stabbiliti fil-linji gwida dwar l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni.

49      Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Franċiża, ir-rati ta’ interessi u l-garanziji mogħtija għall-ammonti mislufa inkwistjoni ma jifformawx parti mill-elementi rilevanti li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta teżamina l-kwistjoni dwar jekk dawn l-ammonti mislufa kinux dissoċjabbli mir-rikapitalizzazzjoni u mill-għajnuna għas-salvataġġ. L-eżami tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-ammonti mislufa inkwistjoni jaqa’, fil-fatt, taħt l-evalwazzjoni tal-profitabbiltà ta’ dawn l-ammonti mislufa, jiġifieri taħt l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat. Min-naħa l-oħra, l-eżami tad-dissoċjabbiltà tal-ammonti mislufa inkwistjoni miż-żewġ miżuri oħra huwa intiż li jistabbilixxi jekk il-kriterju ta’ investitur privat għandux jiġi applikat għal dawn l-ammonti mislufa meqjusa bħala investiment awtonomu jew għall-miżuri kollha msemmija fid-deċiżjoni kkontestata meqjusa bħala ħaġa waħda. Dan l-eżami jikkostitwixxi għalhekk stadju li jiġi qabel l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat.

50      Bl-istess mod, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 33 iktar ’il fuq jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Franċiża, id-differenzi formali bejn self u rikapitalizzazzjoni ma jipprekludux li jitqies li dawn il-miżuri huma indissoċjabbli. Fil-fatt, il-forma li dawn l-interventi tal-Istat ikkonċernat jieħdu ma hijiex determinanti, iżda huwa determinanti l-fatt li dawn l-interventi jkollhom, fir-rigward b’mod partikolari tal-kronoloġija tagħhom, tal-iskop tagħhom u tas-sitwazzjoni tal-impriża fil-mument ta’ dawn l-interventi, rabtiet tant stretti li jkun impossibbli li jiġu sseparati.

51      It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat għall-miżuri li huma s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi osservat li, fil-premessi 133 u 134 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat dan li ġej:

“(133) Franza ma toġġezzjonax għall-fatt li r-rikapitalizzazzjoni tikkostitwixxi għajnuna, għaliex din m’għandha l-ebda prospett li tikseb qligħ li jikkorrispondi ma’ dak li jkun diġà talab investitur privat. Dan jirriżulta wkoll mit-tabella li tidher fil-premessa (35), li tindika l-ħtieġa għall-finanzjament għall-perjodu mill‑2011 sal‑2017. Fil-fatt, l-intrapriża m’għandhiex tiddistribwixxi dividendi matul dan il-perjodu. Meta jiġu kkunsidrati l-ispejjeż konsiderevoli li jirrappreżentaw il-ħlas ta’ imgħaxijiet u tal-ammont tas-selfiet [tal-ammonti mislufa] deskritti fil-premessi (28) sa (33) u tal-marġni ta’ profitt baxx previst fil-pjan ta’ ristrutturar, jidher li din is-sitwazzjoni x’aktarx se ddum aktar mill‑2017 sar-rimborż sħiħ tas-selfiet fl‑2023. Madankollu, investitur privat f’industrija klassika bħal dik tat-trasport bil-baħar ma jaċċettax in-nuqqas totali tal-qligħ fuq l-investiment ta’ EUR 166.3 miljun għal perjodu ta’ [tnax]-il sena. […]

(134)            Meta jitqiesu flimkien, il-qligħ tal-għajnuna għas-salvataġġ[,] tar-rikapitalizzazzjoni u taż-żewġ selfiet huwa inqas mill-qligħ li jitlob investitur privat f’ekonomija tas-suq. Fil-fatt, kif ġie spjegat, l-SNCF ma tista’ tistenna l-ebda qligħ fuq ir-rikapitalizzazzjoni qabel l-2023. […]”

52      Għandu jiġi kkonstatat li l-analiżi tal-profitabbiltà li tista’ tiġi mistennija mill-miżuri msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, mogħtija fil-premessi 133 u 134 tad-deċiżjoni kkontestata, hija qasira u tiffoka fuq ir-rikapitalizzazzjoni.

53      Madankollu, minn naħa, il-Kummissjoni applikat b’mod korrett il-kriterju ta’ investitur privat għall-miżuri kollha indissoċjabbli komposti mill-ammonti mislufa inkwistjoni, mir-rikapitalizzazzjoni u mill-għajnuna għas-salvataġġ. Fil-fatt, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-impatt li l-ħlas ta’ interessi u r-rimbors tal-ammonti mislufa inkwistjoni kellhom fuq il-profitabbiltà tar-rikapitalizzazzjoni, il-Kummissjoni wettqet analiżi globali tal-profitabbiltà li SNCF, bħala investitur privat uniku, setgħet tistenna mill-miżuri li hija implementat jew li kienet qed tipprevedi fil-kuntest tas-salvataġġ u tar-ristrutturazzjoni ta’ SeaFrance, evalwati bħala ħaġa waħda. Għalhekk, hija setgħet tikkonkludi, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li l-profitabbiltà globali mistennija minn dawn il-miżuri kollha indissoċjabbli ma kienx jikkorrispondi għal profitabbiltà mistennija minn investitur privat, mingħajr ma kien hemm il-bżonn li twettaq analiżi preċiża tal-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kull wieħed minn dawn l-ammonti mislufa inkwistjoni kinux konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq.

54      Min-naħa l-oħra, għar-raġunijiet mogħtija fil-punt 48 iktar ’il fuq, l-elementi tal-kuntest tar-ristrutturazzjoni ta’ SeaFrance msemmija fil-punti 46 u 47 iktar ’il fuq jikkorroboraw il-konklużjoni li tgħid li investitur privat f’ekonomija tas-suq ma kienx jagħti lil SeaFrance l-miżuri kollha mogħtija minn SNCF, imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata.

55      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 iktar ’il fuq, eżaminat il-kuntest globali tal-għoti tal-ammonti mislufa inkwistjoni lil SeaFrance. Minnhom jirriżulta wkoll li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Franċiża, l-Kummissjoni ma assumietx, iżda tat prova, fir-rigward tal-iskop, tal-kronoloġija tal-ammonti mislufa inkwistjoni u tas-sitwazzjoni tal-kumpannija benefiċjarja, filwaqt li kkunsidrat l-elementi oħra rilevanti tal-fajl, bħall-iżvilupp tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni, ir-rwol doppju ta’ SNCF u l-assenza ta’ investitur privat estern għall-grupp SNCF, li l-ammonti mislufa inkwistjoni ma setgħux raġonevolment jiġi sseparati mir-rikapitalizzazzjoni ta’ SeaFrance u mill-ftuħ ta’ linja ta’ kreditu fir-rigward tagħha bis-saħħa tal-għajnuna għas-salvataġġ u, konsegwentement, jitqiesu li huma investiment awtonomu fid-dawl tal-kriterju ta’ investitur privat.

56      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta wkoll li, billi qiegħed għad-dispożizzjoni ta’ SeaFrance l-ammonti mislufa inkwistjoni, ir-rikapitalizzazzjoni u l-għajnuna għas-salvataġġ, l-Istat Franċiż, li kien qed jaġixxi permezz ta’ SNCF, ta lil SeaFrance vantaġġ li ma setgħetx tikseb fil-kundizzjonijiet normali tas-suq. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kklassifikat ġustament, fil-premessa 142 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn l-ammonti mislufa bħala għajnuna mill-Istat.

57      L-argumenti tar-Repubblika Franċiża bbażati fuq il-prassi preċedenti tal-Kummissjoni ma humiex ta’ natura li jikkontestaw din il-konklużjoni.

58      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, huwa biss fil-kuntest tal-Artikolu 107(1) TFUE li għandha tiġi evalwata n-natura ta’ għajnuna mill-Istat ta’ ċerta miżura u mhux fid-dawl ta’ allegata prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni (sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Government of Gibraltar u Ir‑Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, Ġabra, EU:C:2011:732, punt 136). Barra minn hekk, ikun partikolarment delikat li kieku wieħed għandu jibbaża ruħu fuq prassi preċedenti tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, li fih l-evalwazzjoni ta’ kull każ tiddependi ħafna fuq is-sitwazzjoni finanzjarja individwali tal-benefiċjarju tal-għajnuna, fuq il-kundizzjoni ekonomika ġenerali tas-settur li fih huwa jkun attiv u fuq il-kuntest leġiżlattiv li fih huwa jkun qed jiżviluppa.

59      Minn dan jirriżulta li r-Repubblika Franċiża ma tistax tibbaża ruħha fuq prassi preċedenti tal-Kummissjoni sabiex turi li din tal-aħħar wettqet żball fl-evalwazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat f’dan il-każ.

60      F’kull każ, l-eżami tal-fondatezza ta’ dawn l-argumenti, ppreżentati iktar ’il quddiem, ma jippermettix li jiġi individwat żball fid-deċiżjoni kkontestata.

61      Minn naħa, ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-prassi preċedenti tal-Kummissjoni ma tippermettix li tiġi ġġustifikata l-ġeneralizzazzjoni tas-soluzzjoni mogħtija fis-sentenza BP Chemicals, punt 26 iktar ’il fuq (EU:T:1998:199). Għaldaqstant, fid-deċiżjoni tas-26 ta’ Mejju 2010 dwar l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni tal-attivitajiet ta’ trasport ta’ merkanzija ta’ SNCB (Nru 726/2009) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni SNCB-trasport ta’ merkanzija”), li tinvolvi kumpannija parent li tagħti l-għajnuna f’ċirkustanzi simili għal dawk eżaminati fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma wettqitx analiżi globali tal-miżuri ta’ għajnuna u ammettiet, min-naħa l-oħra, li self mogħti minn SNCB lis-sussidjarja l-ġdida tagħha stabbilita fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni tal-attivitajiet ta’ trasport ta’ merkanzija flimkien ma’ żieda fil-kapital azzjonarju ta’ din is-sussidjarja minn SNCB, kien ingħata skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Għaldaqstant, dan is-self ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u seta’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kontribuzzjoni ta’ din is-sussidjarja għar-ristrutturazzjoni. Skont ir-Repubblika Franċiża, din id-differenza fl-analiżi ta’ każijiet simili, li ma tistax tiġi spjegata bid-differenzi fil-kuntest ġuridiku applikabbli, tmur kontra l-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

62      Għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-argument tagħha bbażat fuq id-deċiżjoni SNCB-trasport ta’ merkanzija, ir-Repubblika Franċiża tilmenta li l-Kummissjoni essenzjalment irrifjutat, fid-deċiżjoni kkontestata, li s-self ta’ EUR 99.7 miljun mogħti minn SNCF lil SeaFrance jista’ jifforma parti mill-kontribuzzjoni ta’ SeaFrance għall-finanzjament tar-ristrutturazzjoni tagħha, filwaqt li, fid-deċiżjoni SNCB-trasport ta’ merkanzija, hija qieset li self li SNCB kienet tat lis-sussidjarja “trasport ta’ merkanzija” tagħha, peress li kien ingħata skont il-kundizzjonijiet tas-suq, ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u seta’ jiġi inkluż fil-kontribuzzjoni ta’ din is-sussidjarja għall-finijiet tal-finanzjament tar-ristrutturazzjoni.

63      F’dan ir-rigward, qabelxejn, minbarra l-fatt li, għad-differenza tar-ristrutturazzjoni ta’ SeaFrance, ir-ristrutturazzjoni tal-attivitajiet ta’ trasport ta’ merkanzija ta’ SNCB ma saritx fil-kuntest tas-salvataġġ ta’ impriża f’diffikultà, iżda fil-kuntest ta’ pjan vast ta’ ristrutturazzjoni industrijali u kummerċjali tas-settur, għandha tiġi osservata differenza importanti fil-kuntest leġiżlattiv applikabbli. Fil-fatt, ir-ristrutturazzjoni tal-attivitajiet ta’ trasport ta’ merkanzija ta’ SNCB kienet suġġetta għal-Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet mill-Istat għall-impriżi ferrovjarji (ĠU 2008, C 184, p. 13). Dawn il-linji gwida jikkostitwixxu kuntest leġiżlattiv speċifiku għas-settur ferrovjarju, li jidderoga mis-sistema ta’ linji gwida dwar l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-livell tal-kontribuzzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna. Fil-fatt, il-paragrafu 82 ta’ dawn il-linji gwida jipprevedi li l-Kummissjoni tista’ taċċetta kontribuzzjonijiet iktar baxxi minn dawk previsti fil-linji gwida dwar l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni. Hija fuq din il-bażi li l-Kummissjoni aċċettat kontribuzzjoni tas-sussidjarja “trasport ta’ merkanzija” ta’ SNCB fuq livell ta’ bejn 15 u 25 % tal-bżonnijiet ta’ finanzjament tar-ristrutturazzjoni (ara l-premessi 246 sa 249 tad-deċiżjoni SNCB-trasport ta’ merkanzija). Sussegwentement, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni aċċettat fid-deċiżjoni SNCB-trasport ta’ merkanzija li parti mill-kontribuzzjoni tas-sussidjarja “trasport ta’ merkanzija” ta’ SNCB tkun ikkostitwita minn self mogħti minn SNCB skont il-kundizzjonijiet tas-suq, mill-premessa 113 ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li, sabiex tissodisfa l-bżonnijiet ta’ finanzjament tar-ristrutturazzjoni, din is-sussidjarja kellha toħroġ ukoll ma’ istituzzjoni ta’ kreditu linja ta’ kreditu estern għall-ammont ta’ EUR 50 miljun. Għaldaqstant, għad-differenza tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ SeaFrance, il-pjan ta’ ristrutturazzjoni tal-attivitajiet ta’ trasport ta’ merkanzija ta’ SNCB kien jipprevedi l-intervent ta’ persuni esterni għall-grupp SNCB. Fl-aħħar nett, l-ammont misluf li SNCB kellha tagħti lis-sussidjarja “trasport ta’ merkanzija” tagħha kien jirrappreżenta parti relattivament limitata tal-kontribuzzjoni. Fil-fatt, dan is-self kien jammonta għal EUR 25 miljun u l-ammont totali tal-kontribuzzjoni tas-sussidjarja “trasport ta’ merkanzija” kien ta’ EUR 135 miljun għal spiża totali għar-ristrutturazzjoni ta’ madwar EUR 490 miljun (ara l-premessa 248 tad-deċiżjoni SNCB-trasport ta’ merkanzija). Min-naħa l-oħra, skont il-pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat ta’ SeaFrance, is-self ta’ EUR 99.7 miljun kien jirrappreżenta bejn 85 u 90 % tal-kontribuzzjoni ta’ SeaFrance għall-finanzjament tar-ristrutturazzjoni tagħha, peress li l-ammont totali ta’ din il-kontribuzzjoni kien ta’ EUR [kunfidenzjali] miljun, għal spiża totali għar-ristrutturazzjoni ta’ EUR [kunfidenzjali] miljun (ara l-premessi 35 u 150 tad-deċiżjoni kkontestata).

64      Minn dawn l-osservazzjonijiet jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Franċiża, il-każijiet evalwati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni SNCB-trasport ta’ merkanzija u fid-deċiżjoni kkontestata ma kinux simili. Għalhekk, differenza allegata fl-analiżi tagħhom ma tistax titqies li tmur kontra l-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

65      Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Franċiża ssostni li, fid-deċiżjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni wettqet eżerċizzju ta’ dissoċjazzjoni tad-diversi miżuri mħabbra fl-istess ħin u sseparathom minn xulxin għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-test ta’ investitur privat. F’dan ir-rigward, hija tinvoka d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/613/KE, tat-8 ta’ April 2009, dwar il-miżuri C 7/07 (ex NN 82/06 u NN 83/06) implimentati mir-Renju Unit favur Royal Mail (ĠU L 201, p. 16, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Royal Mail”), li fiha l-Kummissjoni sseparat diversi miżuri ta’ għajnuna previsti favur Royal Mail, peress li dawn kellhom għanijiet differenti, u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/973/KE, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar l-għajnuna għar-ristrutturar għal COMBUS AS (ĠU L 345, p. 28, quddiem id-“deċiżjoni Combus”), li fiha l-Kummissjoni qieset li żewġ injezzjonijiet ta’ kapital imwettqa f’Mejju 1999 u f’Jannar 2001 kellhom jitqiesu li huma miżuri separati, filwaqt li l-Gvern li kien ta l-għajnuna kien qies li dawn il-miżuri kellhom l-istess għan, jiġifieri r-ristrutturazzjoni ta’ Combus AS għall-privatizzazzjoni tagħha.

66      Għal dak li jirrigwarda d-deċiżjoni Royal Mail, għalkemm, minkejja l-argument imressaq mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, il-Kummissjoni kkonkluda f’dak il-każ li għandhom jiġu sseparati, għall-finijiet tal-analiżi tagħhom fid-dawl tal-prinċipju ta’ investitur privat, il-miżuri meħuda mir-Renju Unit fir-rigward ta’ Royal Mail fl-2007, jiġifieri bidla fil-faċilitajiet ta’ kreditu, miżura dwar l-iskema ta’ pensjonijiet tal-impjegati ta’ Royal Mail u self mill-azzjonisti, mill-premessi 101 u 102 ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li din il-konklużjoni kienet ibbażata fuq eżami fil-fond tan-natura, tal-għanijiet u tal-kronoloġija ta’ dawn il-miżuri, li twettaq fil-punti 5.2, 5.3 u 5.4 ta’ din id-deċiżjoni. Fi tmiem dan l-eżami, il-Kummissjoni wasslet għall-konklużjoni li l-faċilitajiet ta’ kreditu tal-2007 kienu jirrappreżentaw il-kontinwazzjoni tal-miżuri mogħtija diġà fl-2003, filwaqt li l-miżura dwar il-pensjonijiet kienet ġiet stabbilita fl-2007. Barra minn hekk, minħabba l-karatteristiċi tal-għajnuna dwar il-finanzjament ta’ skemi ta’ pensjoni, din l-aħħar miżura ma kinitx suġġetta għar-regoli applikabbli għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni. Għal dak li jirrigwarda s-self mill-azzjonisti, il-Kummissjoni ddikjarat li dan kien ingħata wara l-miżuri l-oħra u kellu għan distint.

67      Għal dak li jirrigwarda d-deċiżjoni Combus, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, f’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ċaħdet l-argument tar-Renju tad-Danimarka skont liema ż-żewġ injezzjonijiet ta’ kapital imwettqa fl-1999 u fl-2001 favur Combus kienu jikkostitwixxu miżura ta’ għajnuna waħda u kellhom jiġu evalwati flimkien, prinċipalment minħabba li l-ewwel waħda minn dawn l-injezzjonijiet ta’ kapital, billi ma kinitx ġiet innotifikata lill-Kummissjoni u ma kinitx is-suġġett ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni skont ir-regoli applikabbli dak iż-żmien, kellha titqies li hija għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern (ara l-premessi 287, 318 u 328 ta’ din id-deċiżjoni).

68      Għaldaqstant, l-eżami tad-deċiżjonijiet invokati mir-Repubblika Franċiża turi biss li kemm il-fatt li l-Kummissjoni ma applikatx ir-raġunament ibbażat fuq is-sentenza BP Chemicals, punt 26 iktar ’il fuq (EU:T:1998:199) fid-deċiżjoni SNCB-trasport ta’ merkanzija, kif ukoll il-fatt li, fid-deċiżjonijiet Royal Mail u Combus, hija ċaħdet, abbażi ta’ dan ir-raġunament, l-argument tar-Renju Unit u tar-Renju tad-Danimarka u ddeċidiet li tissepara l-miżuri inkwistjoni f’dawn id-deċiżjonijiet għall-finijiet tal-eżami tagħhom, jistgħu jiġu spjegati b’ċirkustanzi partikolari ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet, li ma humiex komparabbli maċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ.

69      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li l-awtoritajiet Franċiżi ma tawx prova li, evalwati separatament, l-ammonti mislufa inkwistjoni ngħataw b’rata tas-suq

70      Permezz tat-tieni motiv, ir-Repubblika Franċiża ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet żball meta qieset li l-ammonti mislufa inkwistjoni, evalwati separatament, ma kinux ingħataw b’rata tas-suq. L-argumenti li r-Repubblika Franċiża tiżviluppa fil-kuntest ta’ dan il-motiv huwa bbażati fuq id-dikjarazzjoni li self mogħti minn entità pubblika li tosserva r-rata stabbilita mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont (ĠU 2008, C 14, p. 6, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni dwar ir-rati ta’ referenza”), tad-19 ta’ Jannar 2008, għandu jitqies li huwa self mogħti b’rata tas-suq. Tali self ma jwassal għalhekk għal ebda vantaġġ għall-benefiċjarju u ma jistax jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat.

71      Dan il-motiv jikkonsisti f’żewġ partijiet, li permezz tagħhom ir-Repubblika Franċiża tilmenta li l-Kummissjoni, minn naħa, ma applikatx il-komunikazzjoni dwar ir-rati ta’ referenza u, min-naħa l-oħra, ikkonkludiet b’mod żbaljat li, sabiex tkun konformi mas-suq, ir-rata ta’ self għandha tkun ta’ madwar 14 %.

72      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-evalwazzjoni separata tal-ammonti mislufa inkwistjoni mill-perspettiva tal-adegwatezza tar-rata applikata għal dawn l-ammonti mislufa meta mqabbla mar-rata tas-suq saret fid-deċiżjoni kkontestata għal raġunijiet ta’ kompletezza. Fil-fatt, wara li kkonkludiet, fil-premessa 134 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ammonti mislufa jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat sa fejn, evalwati mar-rikapitalizzazzjoni u mal-għajnuna għas-salvataġġ, ma jagħtux lil SNCF dħul li kien ikun mistenni minn investitur privat f’ekonomija tas-suq, il-Kummissjoni indikat fl-istess premessa li “[a]nki jekk meta jitqies individwalment, il-qligħ [dħul] fuq iż-żewġ selfiet [ammonti mislufa] ikun jikkorrispondi għall-kundizzjonijiet tas-suq – quod non –, dan ma jkunx biżżejjed biex il-miżuri fl-intier tagħhom isiru konformi mal-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq”. Sussegwentement, il-Kummissjoni eżaminat, fil-premessi 135 sa 141 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kwistjoni dwar liema rata għandha tiġi applikata għall-ammonti mislufa inkwistjoni evalwati separatament sabiex tkun tikkorrispondi għall-kundizzjonijiet tas-suq. Fit-tmiem ta’ dan l-eżami, hija kkonkludiet li din ir-rata għandha tkun ta’ madwar 14 %, li hija ogħla mir-rata ta’ 8.5 % proposta mill-awtoritajiet Franċiżi.

73      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sa fejn ċerti motivi ta’ deċiżjoni huma, waħedhom, tali li jiġġustifikaw id-deċiżjoni b’mod suffiċjenti fid-dritt, il-vizzji relatati ma’ motivi oħra tal-att, fi kwalunkwe każ, ma jaffettwawx id-dispożittiv tagħha. Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li motiv li, minkejja li jkun fondat, ma jkunx idoneu sabiex iwassal għall-annullament mitlub mir-rikorrent għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv (ara d-digriet tas-26 ta’ Frar 2013, Castiglioni vs Il‑Kummissjoni, T‑591/10, EU:T:2013:94, punti 44 u 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, mill-punti 55 u 56 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni kkonkludiet ġustament li l-ammonti mislufa kienu indissoċjabbli mir-rikapitalizzazzjoni u mill-għajnuna għas-salvataġġ u li, ikkunsidrati flimkien, dawn il-miżuri kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Għalhekk, xi żbalji eventwali mwettqa mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni separata tal-ammonti mislufa ma jistgħux jaffettwaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, it-tieni motiv tar-Repubblika Franċiża għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv, mingħajr ma hemm il-bżonn li tittieħed deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tad-dokument ippreżentat waqt is-seduta mill-Kummissjoni (ara l-punt 18 iktar ’il fuq).

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt sa fejn il-Kummissjoni qieset li l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni kienet inkompatibbli mal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE interpretat fid-dawl tal-linji gwida dwar l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni

74      Permezz tat-tielet motiv, ir-Repubblika Franċiża ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u ta’ fatt fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ SeaFrance mas-suq intern, sa fejn hija kkonkludiet li hija ma ssodisfatx ir-rekwiżit ta’ kontribuzzjoni reali, eżenti minn għajnuna u għolja kemm jista’ jkun, previsti mil-linji gwida dwar l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni.

75      F’dan ir-rigward, għandhom jitfakkru r-regoli li jirregolaw il-kontribuzzjoni, stabbiliti fil-paragrafi 7, 43 u 44 tal-linji gwida dwar l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni.

76      Qabel xejn, il-paragrafu 7 tal-linji gwida dwar l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni jipprevedi li, “[f]il-kuntest tar-[reviżjoni tal-linji gwida dwar l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni tal-2004], jeħtieġ li jerġa’ jiġi affermat b’mod iktar ċar il-prinċipju li [l-]kontribuzzjoni [tal-benefiċjarju għar-ristrutturazzjoni] għandha tkun reali u eżenti minn għajnuna[; i]l-kontribuzzjoni tal-benefiċjarju għandha għan doppju: minn naħa waħda, din ser turi li s-swieq (proprjetarji, kredituri) jemmnu fil-fattibbiltà tar-ritorn għall-vijabbiltà f’perijodu ta’ żmien raġonevoli[; m]in-naħa l-oħra, din ser tiżgura li l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni tkun limitata għall-minimu meħtieġ sabiex terġa’ tiġi stabbilita l-vijabbiltà filwaqt li tkun limitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

77      Sussegwentement, skont il-paragrafu 43 tal-linji gwida dwar l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, “[l]-ammont u l-intensità tal-għajnuna għandhom ikunu limitati għall-minimu tal-ispejjeż għar-ristrutturar meħtieġ sabiex titwettaq ir-ristrutturazzjoni skont il-mezzi finanzjarji disponibbli tal-impriża, tal-azzjonisti tagħha jew tal-grupp li tkun tifforma parti minnu [...; i]l-benefiċjarji tal-għajnuna għandhom jagħtu kontribuzzjoni sinjifikattiva għall-pjan ta’ ristrutturazzjoni mir-riżorsi tagħhom stess, inkluż permezz tal-bejgħ tal-attiv li ma huwiex indispensabbli għas-sopravivenza tal-impriża, jew permezz ta’ finanzjament estern miksub skont il-kundizzjonijiet tas-suq; [d]in il-kontribuzzjoni hija sinjal li jindika li s-swieq jemmnu fil-fattibbiltà tar-ritorn għall-vijabbiltà[; d]in għandha tkun reali, jiġifieri effettiva, mingħajr profitti potenzjali, bħad-dħul ta’ flus kontanti (cash-flow), u għandha tkun għolja kemm jista’ jkun” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

78      Fl-aħħar nett, il-paragrafu 44 tal-linji gwida dwar l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni jistabbilixxi l-limiti tal-kontribuzzjoni mitluba, li, fil-każ ta’ impriżi kbar, togħla sa 50 % tal-bżonnijiet ta’ finanzjament tar-ristrutturazzjoni. Huwa jipprevedi wkoll li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni tista’ taċċetta kontribuzzjoni iktar baxxa.

79      F’dan il-każ, il-Kummissjoni tosserva, fil-premessa 150 tad-deċiżjoni kkontestata li, skont il-pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat, il-kontribuzzjoni ta’ SeaFrance għar-ristrutturazzjoni tagħha kienet tammonta għal EUR [kunfidenzjali] miljun u kienet komposta minn self ta’ EUR 99.7 miljun u mir-rikavat mit-trasferiment ta’ tliet bastimenti, li kien jammonta għal EUR [kunfidenzjali] miljun. Il-Kummissjoni eskludiet is-self ta’ EUR 99.7 miljun minn din il-kontribuzzjoni billi ħadet inkunsiderazzjoni żewġ elementi.

80      Minn naħa, hija indikat, fil-premessi 158 u 160 tad-deċiżjoni kkontestata, li, l-istess bħas-self ta’ EUR [kunfidenzjali] miljun, is-self ta’ EUR 99.7 miljun kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u għalhekk ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ kontribuzzjoni li għandha tkun eżenti minn għajnuna.

81      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni indikat, fil-premessi 161 u 163 tad-deċiżjoni kkontestata li, f’kull każ, skont il-paragrafi 7 u 43 tal-linji gwida dwar l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, il-kontribuzzjoni għandha tindika li s-swieq jemmnu fil-fattibbiltà tar-ritorn tal-impriża benefiċjarja għall-vijabbiltà. Issa, f’dan il-każ, minħabba l-fatt li l-awtorità li tat l-għajnuna u l-kumpannija parent tal-benefiċjarju tal-għajnuna jikkostitwixxu persuna waħda, jiġifieri SNCF, u minħabba simultanjetà tal-miżuri kkonċernati, dan l-iskop ma setax jiġi osservat, fl-assenza ta’ kontribuzzjoni reali miksuba minn investitur jew minn kreditur estern għal SNCF. Skont il-Kummissjoni, l-aġir tal-awtorità li tat l-għajnuna ma jurix li s-swieq jemmnu fir-ritorn tal-benefiċjarju għall-vijabbiltà.

82      Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kontribuzzjoni ta’ SeaFrance eżenti minn għajnuna kienet tammonta għal EUR [kunfidenzjali] miljun, jiġifieri inqas minn [kunfidenzjali] % tal-ispiża għar-ristrutturazzjoni, u li din kienet insuffiċjenti fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 44 tal-linji gwida dwar l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni.

83      F’dan ir-rigward, qabelxejn, ir-Repubblika Franċiża ssostni li s-self ta’ EUR 99.7 miljun ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat u tafferma li l-Kummissjoni eskludiet inġustament dan is-self mill-kontribuzzjoni ta’ SeaFrance.

84      Sussegwentement, ir-Repubblika Franċiża ssostni li, sabiex jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet imposti fil-linji gwida tal-Kummissjoni, huwa biżżejjed li jintwera li l-finanzjament intiż bħala kontribuzzjoni jkun reali, l-ogħla possibbli u eżenti minn għajnuna. Hija tqis li, billi talbet li l-kontribuzzjoni trid turi wkoll il-konvinzjoni tas-swieq fil-fattibbiltà tar-ritorn tal-benefiċjarju għall-vijabbiltà, il-Kummissjoni ħolqot minn dan it-twemmin kundizzjoni distinta u addizzjonali minn dik relatata mal-karattru eżenti ta’ għajnuna u, konsegwentement, kisret il-kunċett ta’ kontribuzzjoni.

85      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-Kummissjoni kisret il-kunċett ta’ kontribuzzjoni billi ddikjarat, fil-premessi 161, 163 u 164 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-finanzjament tar-ristrutturazzjoni ta’ SeaFrance minn SNCF ma jistax juri li s-swieq jemmnu fil-fattibbiltà tar-ritorn ta’ SeaFrance għall-vijabbiltà, b’mod partikolari, minħabba l-fatt li l-awtorità li tat l-għajnuna u l-kumpannija parent tal-benefiċjarju tal-għajnuna, fornitur tal-fondi, jikkostitwixxu persuna ġuridika waħda.

86      Mill-analiżi tal-ewwel motiv jirriżulta li l-Kummissjoni kkonkludiet ġustament li l-ammonti mislufa inkwistjoni, ir-rikapitalizzazzjoni u l-għajnuna għas-salvataġġ, evalwati flimkien, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet korretta meta eskludiet is-self ta’ EUR 99.7 miljun mill-kontribuzzjoni ta’ SeaFrance, mingħajr ma hemm il-bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra tar-Repubblika Franċiża.

87      Ir-Repubblika Franċiża ssostni, fl-aħħar nett, li l-Kummissjoni wettqet żball meta osservat, fil-premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-awtoritajiet Franċiżi ma kinux invokaw il-klawżola ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali prevista fil-paragrafu 41 tal-linji gwida dwar l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, u li ma kinux ipproduċew l-ebda prova tal-eżistenza ta’ tali sitwazzjoni eċċezzjonali.

88      Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Huwa minnu li l-awtoritajiet Franċiżi rreferew, fil-qasir fin-notifika tat-18 ta’ Frar 2011 u fl-ittra tagħhom tat-12 ta’ Settembru 2011, għall-paragrafu 44 tal-linji gwida dwar l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni li jgħid li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali u f’sitwazzjonijiet ta’ diffikultà partikolari li għandhom jintwerew mill-Istat Membru, il-Kummissjoni tista’ taċċetta kontribuzzjoni inferjuri għal 50 % applikabbli għall-impriżi l-kbar.

89      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, sabiex jimmotivaw l-applikazzjoni tal-klawżola ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali prevista fl-imsemmija paragrafu, l-imsemmija awtoritajiet illimitaw ruħhom li jindikaw, minn naħa, li l-kriżi ekonomika li qiegħda tolqot is-suq tar-Renju Unit kif ukoll ir-restrizzjonijiet fuq is-swieq finanzjarji wasslu għal diffikultajiet partikolari għal SeaFrance u, min-naħa l-oħra, li, fid-deċiżjoni SNCB-trasport ta’ merkanzija, il-Kummissjoni kienet aċċettat kontribuzzjoni ta’ bejn 15 u 25 %. Issa, peress li l-kriżi ekonomika u r-restrizzjonijiet fuq is-swieq finanzjarji jaffettwaw b’mod ġenerali l-impriżi kollha, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala ċirkustanzi eċċezzjonali jew bħala diffikultajiet partikolari fir-rigward ta’ impriża waħda. L-invokazzjoni ta’ preċedent ibbażat fuq il-prassi preċedenti tal-Kummissjoni lanqas ma tista’ turi l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali jew ta’ sitwazzjoni ta’ diffikultà partikolari tal-impriża benefiċjarja tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni. Il-Kummissjoni setgħet għalhekk tikkonkludi li l-awtoritajiet Franċiżi ma taw l-ebda prova tal-eżistenza ta’ tali ċirkustanzi.

90      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 345 TFUE

91      Permezz tar-raba’ motiv, ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 345 TFUE, li jipprevedi li t-Trattati għandhom ikunu bla ebda preġudizzju għas-sistema ta’ proprjetà fl-Istati Membri u li jistabbilixxi, skont il-ġurisprudenza, prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn, minn naħa, l-impriżi miżmuma totalment jew parzjalment mill-Istat jew mill-istabbilimenti pubbliċi u, min-naħa l-oħra, l-impriżi miżmuma minn persuni privati.

92      Permezz tal-argument prinċipali mressaq fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-Kummissjoni kisret dan il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, sa fejn mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, sabiex tibbenefika minn miżura ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni, impriża f’diffikultà, sussidjarja ta’ impriża pubblika, hija obbligata ssib finanzjament fis-suq, minn kredituri esterni għall-grupp tagħha, sabiex tikkomplementa l-għajnuna li tkun irċeviet. Issa, fl-istess sitwazzjoni, sussidjarja ta’ grupp privat tkun tista’ tibbaża ruħha, sabiex tiffinanzja r-ristrutturazzjoni tagħha, fuq għajnuna pubblika u fuq is-sostenn tal-azzjonisti tagħha, mingħajr ma jkun hemm il-bżonn li tintwera n-natura raġonevoli ta’ dan il-finanzjament. Għaldaqstant, il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq preżunzjoni ta’ assenza ta’ konformità mas-suq tal-aġir ta’ azzjonist pubbliku. Il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-impriżi pubbliċi u l-impriżi privati jimmanifesta ruħu fid-deċiżjoni kkontestata permezz tar-rifjut, min-naħa tal-Kummissjoni, li tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi intrinsiċi tal-ammonti mislufa proposti minn SNCF għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat. Għaldaqstant, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li impriża bħal SeaFrance, miżmuma 100 % minn impriża pubblika, ma tistax tingħata self mill-uniku azzjonist tagħha meta dan l-azzjonist iwettaq ukoll rikapitalizzazzjoni ta’ din l-impriża.

93      Dan l-argument tar-Repubblika Franċiża jirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament bejn l-impriżi pubbliċi u l-impriżi privati kif ukoll tar-rwol li l-kriterju ta’ investitur privat għandu fl-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju u għandu jiġi miċħud.

94      Għandu jitfakkar li l-kriterju tal-investitur privat jikkostitwixxi l-emanazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn is-setturi pubbliċi u privati, prinċipju skont liema l-kapital mqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ impriża, direttament jew indirettament, mill-Istat, f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet normali tas-suq, ma jistax jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat (ara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1996, Air France vs Il‑Kummissjoni, T‑358/94, Ġabra, EU:T:1996:194, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju tippermetti li tiġi evitata diskriminazzjoni li tikkonsisti mill-fatt li vantaġġ mogħti lil impriża permezz ta’ riżorsi statali, iżda skont il-kundizzjonijiet tas-suq, jitqies li huwa għajnuna mill-Istat unikament minħabba l-oriġini statali tar-riżorsi.

95      F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma bbażatx id-deċiżjoni tagħha fuq preżunzjoni ta’ assenza ta’ konformità mas-suq tal-aġir ta’ azzjonist pubbliku, iżda fuq il-konstatazzjoni li, minħabba li joriġinaw minn riżorsi statali, l-ammonti mislufa inkwistjoni jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Sabiex tiġi evitata klassifikazzjoni awtomatika ta’ dawn l-ammonti mislufa bħala għajnuna mill-Istat, u b’hekk ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament invokat mir-Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni eżaminathom fid-dawl tal-kriterju ta’ investitur privat. B’hekk, hija kkonstatat li dawn l-ammonti mislufa kienu indissoċjabbli mill-miżuri l-oħra implementati jew previsti mill-Istat Franċiż, permezz ta’ SNCF, favur SeaFrance u li, evalwati flimkien, dawn il-miżuri u l-imsemmija ammonti mislufa ma kinux jikkorrispondu għall-kriterju ta’ investitur privat.

96      Għaldaqstant, il-fatt li SeaFrance ma setgħetx tingħata self mill-uniku azzjonist tagħha, peress li dan l-azzjonist wettaq ukoll rikapitalizzazzjoni ta’ din l-impriża, ma huwiex ir-riżultat ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-impriżi privati u pubbliċi, iżda r-riżultat ta’ applikazzjoni korretta tal-kriterju ta’ investitur privat.

97      L-argumenti l-oħra tar-Repubblika Franċiża mressqa fil-kuntest ta’ dan il-motiv ma jistgħux jiġu milqugħa.

98      Minn naħa, skont ir-Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni allegatament kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-impriżi pubbliċi u l-impriżi privati, meta, peress li l-ammonti mislufa ta’ EUR 99.7 miljun u ta’ EUR [kunfidenzjali] miljun ma ġewx proposti minn persuna esterna għal SNCF, hija talbet lill-awtoritajiet Franċiżi sabiex jagħtu eżempju ta’ offerta ta’ self li toriġina minn istituzzjoni finanzjarja indipendenti, kwotazzjoni jew proposta ta’ rata li toriġina minn bank kummerċjali, minflok ma tiġi applikata għal dawn l-ammonti mislufa rata li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar ir-rati ta’ referenza.

99      Dan l-argument bl-ebda mod ma juri ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament mill-Kummissjoni. It-talbiet tal-Kummissjoni għandhom jitqiesu li huma sempliċi atti ta’ verifika li l-ammonti mislufa inkwistjoni jikkorrispondu għall-kriterju ta’ investitur privat, imressqa skont il-ġurisprudenza li tobbliga lill-Kummissjoni, meta jkun jidher li l-kriterju ta’ investitur privat jista’ jkun applikabbli, titlob lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jipprovdilha l-informazzjoni rilevanti kollha li tkun tippermettilha tivverifika jekk humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ applikabbiltà u ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kriterju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs EDF et, punt 31 iktar ’il fuq, EU:C:2012:318, punt 104).

100    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni allegatament kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-impriżi pubbliċi u l-impriżi privati billi qieset li l-ammonti mislufa inkwistjoni ma setgħux jitqiesu li huma kontribuzzjoni ta’ SeaFrance għar-ristrutturazzjoni tagħha għas-sempliċi raġuni li dawn ma ġewx proposti minn persuna esterna għal SNCF.

101    Dan l-argument jirriżulta minn qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, hekk kif ġie indikat fil-punt 80 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni eskludiet is-self ta’ EUR 99.7 miljun mill-kontribuzzjoni peress li dan is-self ma jistax jitqies li huwa eżenti minn għajnuna.

102    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

103    Għalhekk, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

104    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika Franċiża hija kkundannata għall-ispejjeż.

Gratsias

Kancheva

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Jannar 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1 – Data kunfidenzjali eskluża.