Language of document : ECLI:EU:C:2017:745

Kawża C-413/15

Elaine Farrell

vs

Alan Whitty et

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili marbuta mal-użu ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 90/232/KEE – Artikolu 1 – Responsabbiltà fil-każ ta’ danni korporali kkawżati lill-passiġġieri kollha ħlief is-sewwieq – Assigurazzjoni obbligatorja – Effett dirett – Direttiva 84/5/KEE – Artikolu 1(4) – Organu responsabbli sabiex jikkumpensa d-danni materjali jew korporali kkawżati minn vettura mhux identifikata jew mhux assigurata – Invokabbiltà ta’ direttiva fil-konfront ta’ Stat – Kundizzjonijiet li fihom organu rregolat mid-dritt privat jista’ jitqies li huwa emanazzjoni tal-Istat u li fihom jistgħu jiġu invokati fil-konfront tiegħu d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jista’ jkollhom effett dirett”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-10 ta’ Ottubru 2017

1.        Atti tal-istituzzjonijiet – Direttivi – Effett dirett – Organu inkarigat li jwettaq, taħt il-kontroll tal-Istat, servizz ta’ interess pubbliku jew li jkollu setgħat eżorbitanti – Natura alternattiva ta’ dawn il-kundizzjonijiet

(Artikolu 288 TFUE)

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tal-karozza – Direttiva 84/5 – Kumpens mogħti fir-rigward ta’ danni kkawżati minn vettura mhux identifikata jew assigurata b’mod insuffiċjenti – Twaqqif minn Stat Membru ta’ organu rregolat mid-dritt privat inkarigat li jikkumpensa tali dani – Possibbiltà għall-individwi li jinvokaw id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jkollhom effett dirett fil-konfront ta’ tali organu

(Artikolu 288 TFUE; Direttiva tal-Kunsill 84/5, kif emendata bid-Direttiva 90/232, Artikolu 1(4))

1.      L-Artikolu 288 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeskludix, fih innifsu, li fil-konfront ta’ entità li ma tissodisfax il-karatteristiċi kollha stabbiliti fil-punt 20 tas-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1990, Foster et (C‑188/89, EU:C:1990:313), moqrija flimkien ma’ dawk imsemmija fil-punt 18 ta’ dik is-sentenza, ikunu jistgħu jiġu invokati d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jista’ jkollhom effett dirett.

Fil-fatt, l-imsemmi punt 20 għandu jinqara fid-dawl tal-punt 18 tal-istess sentenza, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li tali dispożizzjonijiet jistgħu jiġu invokati minn individwu fil-konfront ta’ organu jew ta’ entità li jew tkun suġġetta għall-awtorità jew għall-kontroll tal-Istat, jew ikollha setgħat eżorbitanti meta mqabbla ma’ dawk li jirriżultaw mir-regoli applikabbli għar-relazzjonijiet bejn individwi. Għaldaqstant, kif osservat essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 53 u 77 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kundizzjonijiet li fihom l-organu kkonċernat għandu, rispettivament, ikun suġġett għall-awtorità jew għall-kontroll tal-Istat, u jkollu setgħat eżorbitanti meta mqabbla ma’ dawk li jirriżultaw mir-regoli applikabbli għar-relazzjonijiet bejn individwi ma jistax ikollhom natura kumulattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 1997, Kampelmann et, C‑253/96 sa C‑258/96, EU:C:1997:585, punti 46 sa 47, kif ukoll tas-7 ta’ Settembru 2006, Vassallo, C‑180/04, EU:C:2006:518, punt 26).

(ara l-punti 27-29, u d-dispożittiv 1)

2.      Dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jista’ jkollhom effett dirett jistgħu jiġu invokati fil-konfront ta’ organu rregolat mid-dritt privat li jkun ingħata minn Stat Membru missjoni ta’ interess pubbliku, bħal dik inerenti għall-obbligu impost fuq l-Istati Membri fl-Artikolu 1(4) tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE, tat-30 ta’ Diċembru 1983, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, kif emendata bit-Tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1990, u li, għal dan il-għan, ikollu, skont il-liġi, setgħat eżorbitanti, bħalma hija s-setgħa li jobbliga lill-assiguraturi li jeżerċitaw attività ta’ assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat jissieħbu fih u jiffinanzjawh.

(ara l-punt 42 u d-dispożittiv 2)