Language of document : ECLI:EU:T:2017:239

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

30 ta’ Marzu 2017 (*)

“FAEGG – Taqsima ‘Garanzija’ – FAEG u FAEŻR – Infiq eskluż mill-finanzjament – Regolament (KE) Nru 1782/2003 – Regolament (KE) Nru 796/2004 – Skema ta’ għajnuna skont is-superfiċji – Kunċett ta’ mergħat permanenti – Obbligu ta’ motivazzjoni – Proporzjonalità – Korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa – Tnaqqis ta’ korrezzjoni preċedenti”

Fil-Kawża T‑112/15,

Ir-Repubblika Ellenika, inizjalment irrappreżentata minn I. Chalkias, G. Kanellopoulos, E. Leftheriotou u A. Vasilopoulou, sussegwentement minn M. Kanellopoulos, E. Leftheriotou u A. Vasilopoulou, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn D. Triantafyllou u A. Marcoulli, sussegwentement minn D. Triantafyllou, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/950/UE, tad-19 ta’ Diċembru 2014, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont it-Taqsima tal-Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2014, L 369, p. 71),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, M. Kancheva u N. Półtorak (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-15 ta’ Settembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Bejn is-26 u d-29 ta’ Settembru 2008 u bejn it-23 u s-27 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej wettqet l-investigazzjonijiet AA/2008/012/GR u AA/2009/031/GR dwar l-infiq imġarrab mir-Repubblika Ellenika bħala, rispettivament, għajnuna skont is-superfiċji u miżuri ta’ żvilupp rurali, fil-kuntest tat-Taqsima tal-Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG), kif ukoll fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).

2        Permezz ta’ ittri tal-21 ta’ Novembru 2008 u tat-13 ta’ Mejju 2009, il-Kummissjoni bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha lir-Repubblika Ellenika. Ir-Repubblika Ellenika tat ir-risposti tagħha għalihom fil-21 ta’ Jannar 2009 u fit-13 ta’ Lulju 2009, rispettivament.

3        Fit-8 ta’ April 2010 nżammet laqgħa bilaterali. Fit-2 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni bagħtet il-konklużjonijiet tagħha lir-Repubblika Ellenika, u din tal-aħħar irrispondiet fit-2 ta’ Awwissu 2010.

4        Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Ellenika li hija kienet qiegħda żżomm il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-ammont net ta’ EUR 104 758 550.31 li hija kellha l-intenzjoni timponi fuq din tal-aħħar u r-raġunijiet għall-korrezzjonijiet tagħha.

5        Ir-Repubblika Ellenika adixxiet il-korp ta’ konċiljazzjoni permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Lulju 2013, fejn fiha hija kienet qiegħda tikkontesta, b’mod partikolari, l-ammont tal-korrezzjonijiet proposti.

6        Fl-opinjoni tiegħu mogħtija fil-31 ta’ Jannar 2014, il-korp ta’ konċiljazzjoni, minkejja li kkonstata li ma kienx possibbli li l-pożizzjonijiet diverġenti tal-partijiet jitqarrbu, stedinhom sabiex isibu kuntatti oħrajn bl-għan li jqarrbu l-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom.

7        Fis-26 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni adottat il-pożizzjoni finali tagħha fuq l-opinjoni tal-korp ta’ konċiljazzjoni, fejn fiha hija kkonstatat dgħufijiet fil-funzjonament tas-sistema ta’ identifikazzjoni tal-pakketti agrikoli u tas-sistema ta’ informazzjoni ġeografika (iktar ’il quddiem is-“SIPA-SIG”) li jaffettwaw il-kontroverifiki u l-kontrolli amministrattivi, dgħufijiet fil-kontrolli fuq il-post kif ukoll kalkoli żbaljati tal-ħlasijiet u tas-sanzjonijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni enfasizzat in-natura rikorrenti ta’ dawn il-konstatazzjonijiet. L-ammont finali net tal-korrezzjoni imposta fuq ir-Repubblika Ellenika kien ta’ EUR 86 007 771.11.

8        Fid-19 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/950/UE, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont it-Taqsima tal-Garanziji tal-FAEGG, skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-FAEŻR (ĠU 2014, L 369, p. 71, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

9        Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni applikat, f’dak li jikkonċerna lir-Repubblika Ellenika, korrezzjonijiet b’rata fissa għas-sena ta’ applikazzjoni 2008 fil-qasam tal-għajnuna skont is-superfiċji għal ammont totali ta’ EUR 61 012 096.85, li minnu hija naqqset l-ammont ta’ EUR 2 135 439.32. Il-Kummissjoni imponiet ukoll korrezzjonijiet għas-sena ta’ applikazzjoni 2008 fil-qasam tal-iżvilupp rurali għal ammont totali ta’ EUR 10 504 391.90, li minnu hija naqqset l-ammont ta’ EUR 2 588 231.20. L-ammonti tal-effetti finanzjarji li jirriżultaw minn dan huma ta’ EUR 58 876 657.53 u ta’ EUR 7 916 160.70, rispettivament.

10      Il-Kummissjoni ġġustifikat l-impożizzjoni tal-korrezzjonijiet b’rata fissa bir-raġunijiet segwenti, esposti fir-rapport ta’ sinteżi mehmuż mad-deċiżjoni kkontestata (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ sinteżi”):

–        fir-rigward tas-SIPA-SIG: is-servizzi tal-Kummissjoni kienu tal-opinjoni li din ma kinitx konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KEE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269), kif emendat; b’mod partikolari:

–        kienu ġew ikkonstatati żbalji li jikkonċernaw il-limiti tal-pakketti ta’ referenza u s-superfiċji massima ammissibbli tagħhom, b’din id-data tkun essenzjalment ineżatta; b’mod partikolari, dawn l-iżbalji ġew ikkonstatati fir-rigward tas-superfiċji użati bħala mergħat li, skont il-verifiki, mhux dejjem setgħu jitqiesu bħala eliġibbli għall-benefiċċju tal-għajnuna abbażi tal-punti 2 u 2a tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tal-kundizzjonalità, tal-modulazzjoni u tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u ta’ verifika li dwarhom hemm dispożizzjoni fir-Regolament Nru 1782/2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 243), kif emendat; konsegwentement, il-bdiewa ma kinux informati b’mod korrett dwar l-eliġibbiltà tal-pakketti li huma kellhom l-intenzjoni jiddikjaraw; barra minn hekk, il-kontroverifiki intiżi li jevitaw li l-istess għajnuna tingħata indebitament diversi drabi għall-istess pakkett agrikolu ma kinux konklussivi, ħlief fil-każ li jkunu twettqu kontrolli fuq il-post, li jindividwaw il-lokalizzazzjoni inkorretta tal-pakketti u l-eliġibbiltà tagħhom;

–        sa mis-sena 2009, għad-dikjarazzjonijiet u l-kontroverifiki ġiet użata informazzjoni ġdida fis-SIPA-SIG; madankollu, ir-riżultati tal-kontroverifiki ma setgħux jintużaw sabiex jiġi evalwat ir-riskju għall-Fond għas-sena 2008; fil-fatt, fl-2008, il-bdiewa kienu jiddikjaraw il-pakketti tagħhom abbażi tas-SIPA-SIG l-antiki; issa, minkejja li s-sistema kienet ħadmet b’mod korrett fl-2008, parti minn dawn il-pakketti ġiet irrifjutata bħala ineliġibbli, fosthom proporzjon kbir li jikkonċerna l-mergħat permanenti li l-awtoritajiet Griegi kienu jqisu bħala eliġibbli u li għalihom il-Kummissjoni, fil-korrispondenza preċedenti, kienet diġà indikat l-ineliġibbiltà tagħhom minħabba nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet legali rilevanti;

–        il-kontrolli fuq il-post għas-sena ta’ applikazzjoni 2008 ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikoli 23 u 30 tar-Regolament Nru 796/2004; b’mod iktar partikolari:

–        fir-rigward tal-mergħat: l-assenza ta’ kejl tal-mergħat tqies partikolarment preokkupanti; f’diversi każijiet, is-superfiċji eliġibbli kienu miksija bi pjanti għudin u pakketti oħra kienu parzjalment miksija bi pjanti għall-għalf fil-forma ta’ ħaxix b’mod naturali, b’mod li huma ma kinux jissodisfaw il-kriterji ta’ mergħat permanenti tal-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004; is-superfiċji ddikjarati ta’ spiss kienu jinsabu f’żoni mwarrba, mingħajr limiti viżibbli u l-aċċess għalihom diffiċli; ġie kkonstatat li l-ispetturi ma kinux kejlu s-superfiċji konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 796/2004; filwaqt li r-Repubblika Ellenika f’diversi okkażjonijiet kienet indikat li s-superfiċji kkontestati kienu dejjem intużaw bħala mergħat mingħajr ma l-eliġibbiltà tagħhom ġiet ikkontestata mill-Kummissjoni, dawn is-superfiċji kienu wkoll ineliġibbli fir-rigward tar-regoli applikabbli qabel l-2006 u d-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Agrikoltura” kien ukoll ikkritika l-eliġibbiltà tagħhom (investigazzjoni AP/2001/06);

–        fir-rigward tal-kontrolli fuq il-post permezz ta’ osservazzjoni remota (remote sensing): il-proċedura applikata ma kinitx konformi mar-rekwiżiti; konsegwentement, tħallset għajnuna favur il-pakketti ineliġibbli skont l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 1782/2003 u l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004;

–        fir-rigward tal-kontrolli fuq il-post klassiċi: il-“kejl mill-ġdid” wera differenzi mingħajr madankollu ma ntwera nuqqas sistematiku fil-funzjonijiet ta’ dan it-tip ta’ kontroll, ħlief għall-mergħat; fl-2008, fid-dawl tal-introduzzjoni ta’ SIPA-SIG ġdida, fiha r-Repubblika Ellenika ma daħħlitx l-informazzjoni tal-pakketti suġġetti għall-kontrolli fuq il-post klassiċi; konsegwentement, ma kienet teżisti ebda rappreżentazzjoni grafika li tippermetti li jiġu individwati dikjarazzjonijiet multipli;

–        il-lakuni kkonstatati kienu jikkostitwixxu nuqqas kontinwu fil-funzjonament tal-kontrolli prinċipali u tal-kontrolli sekondarji u kienu joħolqu riskju għall-Fond fir-rigward tal-għajnuna skont is-superfiċji; barra minn hekk dawn il-konstatazzjonijiet kienu rikorrenti;

–        il-lakuni kkonstatati kienu jiġu riflessi fuq l-għajnuna addizzjonali “skont” is-superfiċji.

11      Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet dwar id-dgħufijiet fis-SIPA-SIG u fil-kontrolli fuq il-post, il-Kummissjoni applikat korrezzjonijiet imqassma skont il-klassifikazzjoni segwenti:

–        għall-bdiewa li jiddikjaraw biss mergħat, ġiet imposta korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % minħabba sitwazzjoni problematika fis-SIPA u fil-kontrolli fuq il-post, li jindikaw rata għolja ta’ żbalji u, għaldaqstant, ta’ irregolaritajiet kbar; minkejja li, skont il-Kummissjoni, konformement mad-dokument Nru VI/5330/97, tat-23 ta’ Diċembru 1997, intitolat “Linji gwida li jirrigwardaw il-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji fil-preparazzjoni tad-deċiżjoni ta’ clearance tal-kontijiet tal-FAEGG-Garanzija” (iktar ’il quddiem id-“Dokument Nru VI/5330/97”), hija ġustifikata korrezzjoni ta’ 25 %, l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % dehret iktar xierqa b’teħid inkunsiderazzjoni tal-“effett mitiganti”;

–        għall-bdiewa li ma kinux iddikjaraw mergħat, ġiet imposta korrezzjoni b’rata fissa ta’ 2 % b’teħid inkunsiderazzjoni tal-“effett mitiganti”, tat-titjib tal-kontrolli fuq il-post klassiċi u minħabba li, f’din il-kategorija ta’ bdiewa, il-livell ta’ irregolaritajiet identifikati kien iktar baxx u l-kontrolli fuq il-post klassiċi kienu jirrappreżentaw parti sostanzjali tal-kontrolli;

–        għall-għajnuna addizzjonali skont is-superfiċji, ġiet imposta korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % minħabba l-effett negattiv fuqhom mit-tnedija tardiva ta’ kontrolli fuq il-post u minħabba l-assenza tal-“effett mitiganti”;

–        għall-miżuri kollha ta’ żvilupp rurali bbażati fuq is-superfiċji, ġiet imposta korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 %.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

12      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Marzu 2015, ir-Repubblika Ellenika ressqet din il-kawża.

13      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

14      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni tipproduċi żewġ dokumenti. Din tal-aħħar issodisfat din it-talba fit-terminu stabbilit.

15      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-15 ta’ Settembru 2016. Matul din is-seduta, ir-Repubblika Ellenika ppreżentat ċerti dokumenti, li kienu diġà fil-proċess.

16      Ir-Repubblika Ellenika titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab għall-għajnuna skont is-superfiċji għas-sena ta’ applikazzjoni 2008 u li jikkorrispondi għal 10 % tal-ammont totali tal-ispejjeż imġarrba għall-għajnuna dwar il-mergħat, għal 5 % tal-ammont totali tal-infiq imġarrab għall-għajnuna relatata addizzjonali u għal 5 % tal-ammont totali tal-infiq imġarrab għall-iżvilupp rurali.

17      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

 Id-dritt

18      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Ellenika tqajjem tliet motivi ta’ annullament. L-ewwel motiv, dwar il-korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ta’ 10 % għall-għajnuna skont is-superfiċji, huwa bbażat fuq l-interpretazzjoni u fuq l-applikazzjoni żbaljati tal-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004, fuq motivazzjoni insuffiċjenti u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-limiti li jimponu ruħhom fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni. It-tieni motiv, dwar il-korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ta’ 5 % għall-għajnuna relatata addizzjonali, huwa bbażat fuq żball ta’ fatt, fuq motivazzjoni insuffiċjenti u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. It-tielet motiv, dwar il-korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ta’ 5 % applikata għall-għajnuna tat-tieni pilastru tal-Politika Agrikola Komuni (PAK), iddedikat għall-iżvilupp rurali, huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, fuq żball ta’ fatt u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

19      Preliminarjament għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-fondi agrikoli Ewropej jiffinanzjaw biss l-interventi mwettqa skont id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli (sentenza tas-27 ta’ Frar 2013, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni, T‑241/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:96, punt 20).

20      Meta l-Kummissjoni tirrifjuta li tqiegħed a karigu tal-Fond ċertu nfiq minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil Stat Membru, din għandha l-obbligu mhux li turi b’mod eżawrjenti l-insuffiċjenza tal-kontrolli mwettqa mill-amministrazzjonijiet nazzjonali jew l-irregolarità taċ-ċifri mgħoddija minnhom, iżda għandha tippreżenta prova tad-dubju serju u raġonevoli li hija għandha fir-rigward ta’ dawn il-kontrolli jew ta’ dawn iċ-ċifri. Din il-mitigazzjoni tar-rekwiżit tal-prova għall-Kummissjoni hija spjegata mill-fatt li huwa l-Istat Membru li jinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiġbor u jivverifika d-data neċessarja għall-clearance tal-kontijiet tal-fondi agrikoli Ewropej u li, konsegwentement, għandu l-obbligu li jippreżenta l-iktar prova dettaljata u kompleta tar-realtà tal-kontrolli tiegħu jew taċ-ċifri tiegħu u, jekk ikun il-każ, tal-ineżattezza tal-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni (sentenzi tal-11 ta’ Jannar 2001, Il-Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑247/98, EU:C:2001:4, punti 7 sa 9, u tas-17 ta’ Mejju 2013, Il‑Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑294/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:261, punt 21).

21      Għaldaqstant, hemm lok jiġi vverifikat jekk l-Istat Membru kkonċernat weriex l-eżattezza tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni jew l-assenza ta’ riskju ta’ telf jew ta’ irregolarità għall-fond abbażi tal-applikazzjoni ta’ sistema ta’ kontroll affidabbli u effikaċi (sentenza tas-17 ta’ Mejju 2013, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑294/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:261, punt 22; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Frar 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑300/02, EU:C:2005:103, punt 95).

22      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-motivi mressqa mir-Repubblika Ellenika insostenn tar-rikors tagħha sa fejn dan jirrigwarda t-tliet kategoriji ta’ korrezzjonijiet b’rata fissa applikati fid-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq il-motiv dwar il-korrezzjoni finanzjarja ta’ 10 % li tikkonċerna l-għajnuna skont is-superfiċji

23      Fir-rigward tal-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % dwar l-għajnuna skont is-superfiċji, ir-Repubblika Ellenika tinvoka tliet ilmenti, ibbażati, rispettivament, fuq l-interpretazzjoni u fuq l-applikazzjoni żbaljati tal-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004 li jistabbilixxi d-definizzjoni ta’ mergħa, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq l-interpretazzjoni u fuq l-applikazzjoni żbaljati tal-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004

24      Ir-Repubblika Ellenika essenzjalment issostni li d-definizzjoni tal-“mergħat permanenti”, li tinsab fil-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004, għandha tiġi interpretata fis-sens li din tinkludi s-superfiċji miksija b’arbuxxelli u bi pjanti għudin, karatteristiċi tal-mergħat imsejħa tat-tip Mediterranju.

25      Preliminarjament għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU 2005, L 209, p. 1), il-Kummissjoni teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni nfiq li ma twettaqx konformement mar-regoli tal-Unjoni. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni hija obbligata ssegwi l-għan tal-leġiżlatur fil-limiti stabbiliti bir-regolamenti kkonċernati u li l-appoġġ għad-dħul agrikolu ma jingħatax b’mod diskrezzjonali, iżda biss meta dan ikun konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fit-testi applikabbli.

26      Sa fejn il-partijiet ma jaqblux dwar l-interpretazzjoni tad-definizzjoni tal-“mergħat permanenti” ammissibbli għall-benefiċċju tal-għajnuna skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-rigward tas-sena ta’ applikazzjoni 2008, qabelxejn għandhom jiġu ddeterminati r-regoli rilevanti fir-rigward tad-definizzjoni tal-“mergħat permanenti” u l-interpretazzjoni tagħhom, u, sussegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball meta imponiet il-korrezzjoni b’rata fissa kontenzjuża abbażi tal-konstatazzjonijiet imwettqa.

27      Fl-ewwel lok għandu jiġi rrilevat li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-drittijiet għall-pagament tal-għajnuna, l-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 1782/2003, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fiż-żmien ta’ meta seħħew il-fatti, kienx jipprevedi l-benefiċċju ta’ dritt għall-pagament għal kull ettaru, bin-numru ta’ ettari jinkludi, skont il-paragrafu 2(b) tal-imsemmi artikolu, is-superfiċji kollha għall-għalf matul il-perijodu ta’ referenza. Dawn tal-aħħar kienu ddefiniti fl-Artikolu 43(3) tar-Regolament Nru 1782/2003, li jgħid li dawn kienu jinkludu “iż-żona ta’ l-azjenda li […] hi disponibbli […] għat-trobbija ta’ l-annimali”, bl-esklużjoni, b’mod partikolari, tal-bini, tal-imsaġar, tal-għadajjar u tal-mogħdijiet.

28      Skont l-Artikolu 44(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fiż-żmien ta’ meta seħħew il-fatti, kull dritt għall-pagament marbut ma’ ettaru eliġibbli għall-benefiċċju tal-għajnuna kien jagħti dritt għall-pagament tal-għajnuna. Skont il-paragrafu (2) ta’ dan l-istess artikolu, il-frażi ettaru eliġibbli għall-benefiċċju tal-għajnuna kienet tfisser “kull żona agrikola ta’ l-azjenda meħuda minn art li tinħarat u mergħa permanenti ħlief […] foresti jew żoni użati għall-attivitajiet mhux agrikoli”.

29      Minn dan isegwi li s-sistema stabbilita bir-Regolament Nru 1782/2003, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data ta’ meta seħħew il-fatti, kienet tirriżerva l-għajnuna skont is-superfiċji għas-superfiċji agrikoli biss, fi kliem ieħor, kull superfiċji li tinkludi kopertura ta’ produzzjoni agrikola, sabiex jiġi evitat li s-superfiċji li ma kinux effettivament suġġetti għal attività agrikola ma jiġux ammessi għall-benefiċċju tal-għajnuna.

30      Fit-tieni lok, il-mergħat permanenti kienu ddefiniti fil-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fl-2008, bħala “art li tintuża sabiex jitkabbar il-ħaxix jew għalf ieħor fil-forma ta’ ħaxix b’mod naturali (li jitla’ waħdu) jew permezz ta’ kultivazzjoni (li jkun inżera’) u li ma ġietx inkluża fin-newba tal-uċuh tar-raba’ tal-azjenda għal ħames snin jew aktar”.

31      Barra minn hekk, skont il-punt 2a tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fiż-żmien ta’ meta seħħew il-fatti, “[il-]ħxejjex jew [il-]foraġġ [l-]ieħor erbaċew” kienu jindikaw “il-pjanti kollha erbaċej li tradizzjonalment jinsabu f’mergħat naturali jew li normalment ikunu inklużi f’taħlitiet ta’ żrieragħ għall-mergħat jew meded ta’ art miżrugħa fl-Istat Membru (kemm jekk użati jew le għall-annimali li jirgħu)”.

32      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 796/2004, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fiż-żmien li seħħew il-fatti, “pakkett għudi jitqies bħala pakkett agrikolu għall-finijiet tal-iskema ta’ għajnuna ‘superfiċji’ bil-kundizzjoni li l-attivitajiet agrikoli msemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament […] Nru 1782/2003 jew, jekk ikun il-każ, il-produzzjoni prevista jkunu jistgħu jitwettqu bħallikieku huma jitwettqu fuq pakketti mhux imsaġġra li jinsabu fl-istess żona” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

33      Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li d-definizzjoni ta’ “mergħat permanenti” li tinsab fil-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004 kienet issemmi b’mod espress bħala “mergħat permanenti” biss artijiet iddedikati għat-tkabbir ta’ ħaxix u ta’ pjanti tal-għalf erbaċej oħra.

34      Għaldaqstant, minkejja li l-pjanti li ma humiex il-ħaxix u l-pjanti tal-għalf erbaċej l-oħra ma humiex espressament esklużi minn din id-definizzjoni, din tal-aħħar kienet tistabbilixxi distinzjoni impliċita bejn, minn naħa, il-ħaxix u l-pjanti tal-għalf erbaċej, u, min-naħa l-oħra, b’oppożizzjoni għal dawn tal-aħħar, il-pjanti kollha mhux erbaċej, jiġifieri l-pjanti għudin. Fil-fatt, mill-formulazzjoni tal-kliem “jitkabbar il-ħaxix jew għalf ieħor fil-forma ta’ ħaxix” jirriżulta li kienu biss il-ħaxix u l-pjanti tal-għalf erbaċej li kellhom, bħala prinċipju, jiġu ammessi għall-benefiċċju tal-għajnuna fir-rigward tal-imsemmija definizzjoni.

35      Għaldaqstant, fir-rigward tal-għajnuna għall-mergħat, il-kriterju magħżul mir-Regolament Nru 796/2004 sabiex jiġi żgurat li ma jitħallsux għajnuniet għas-superfiċji li ma humiex suġġetti għal attività agrikola kien it-tip ta’ veġetazzjoni preżenti fuq is-superfiċji inkwistjoni. Fil-fatt, il-predominanza ta’ pjanti li ma humiex il-pjanti erbaċej kienet isservi ta’ indikatur ta’ abbandun tal-attività agrikola fuq is-superfiċji inkwistjoni, f’dan il-każ il-mergħat. Għalhekk, il-limitazzjoni tad-definizzjoni tal-“mergħat permanenti” biss għas-superfiċji miksija b’ħaxix u bi pjanti tal-għalf erbaċej, b’dawn tal-aħħar iservu ta’ għalf naturali, kienet intiża li tipprevjeni r-riskju ta’ ammissjoni għall-benefiċċju tal-għajnuna ta’ superfiċji li jintużaw għal attivitajiet mhux agrikoli u ma jiġux użati effettivament għat-trobbija tal-annimali. L-elementi għudin (siġar u arbuxxelli) setgħu l-iktar l-iktar jiġu ttollerati sa fejn dawn ma kinux jikkompromettu l-iżvilupp tar-riżorsi ta’ għalf erbaċej u, minn hemm, l-operat effettiv tal-pakketti bħala mergħat.

36      Konsegwentement, kemm mill-formulazzjoni tal-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004 kif ukoll mill-għanijiet u mill-kuntest ta’ dan tal-aħħar jirriżulta li l-kunċett ta’ “mergħat permanenti” għandu jiġi interpretat fis-sens li l-foresti u l-pakketti miksija bi pjanti għudin kienu, bħala prinċipju, esklużi mill-benefiċċju tal-għajnuna.

37      Sussegwentement, mill-proċess jirriżulta li ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni jippubblika gwida intiża sabiex tipprovdi lill-Istati Membri bi gwida dwar l-aħjar modi ta’ kif għandhom jiġu osservati d-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ relatati mal-Politika Agrikola Komuni (PAK).

38      Skont il-verżjoni tal-gwida applikabbli fl-2008 u pprovduta mill-Kummissjoni b’risposta għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura:

“[I]s-servizzi tal-Kummissjoni huma tal-fehma li ‘l-imsaġar’ għandhom jiġu interpretati bħala superfiċji fi ħdan pakkett agrikolu miksi bis-siġar (inlużi l-arbuxxelli eċċ) li jxekklu milli tinbet il-veġetazzjoni ta’ mal-bażi tas-siġar adattata għall-għalf; konformement mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 796/2004, is-superfiċji bis-siġar fi ħdan pakkett agrikolu, ta’ densità ta’ iktar minn 50 siġra kull ettaru għandhom, bħala regola ġenerali, jitqiesu bħala ineliġibbli [; e]ċċezzjonijiet, ġustifikati minn qabel mill-Istati Membri, jistgħu jiġu previsti għal klassijiet ta’ siġar imħallta, bħall-artijiet għas-siġar tal-frott, u għal raġunijiet ekoloġiċi/ambjentali; [f]ir-rigward ta’ arbuxxelli, blat eċċ, il-kundizzjonijiet li taħthom dawn l-elementi jistgħu jitqiesu li jagħmlu parti minn pakkett agrikolu għandhom jiġu ddefiniti abbażi tan-normi abitwali tal-Istat Membru jew tar-reġjun ikkonċernati” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

39      Mill-estratt tal-imsemmija gwida jirriżulta li preżenza limitata ta’ siġar, ta’ inqas minn 50 siġra għal kull ettaru, ma kinitx teskludi l-pakketti agrikoli mill-benefiċċju tal-għajnuna sa fejn tali preżenza marġinali ma kinitx ixxekkel l-operat agrikolu effettiv tagħhom. Skont il-gwida, kien ukoll possibbli li jiġu previsti eċċezzjonijiet oħra għall-esklużjoni ta’ siġar u ta’ pjanti għudin oħra, bil-kundizzjoni li dawn ikunu ddefiniti u ġġustifikati minn qabel.

40      Għandu wkoll jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, fir-rigward tal-korrezzjoni b’rata fissa applikata għall-għajnuna li tikkonċerna l-mergħat, il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq il-konstatazzjonijiet li ġejjin. Fl-ewwel ittra indirizzata lir-Repubblika Ellenika, tal-21 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni rrilevat li l-kontrolli fuq il-post imwettqa waqt l-investigazzjonijiet inkwistjoni kienu wrew li ċerti superfiċji ammessi għall-benefiċċju tal-għajnuna ma kinux josservaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà previsti mill-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 1782/2003 u mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004. Il-Kummissjoni semmiet l-eżempji li ġejjin:

–        642-526-7231-031B: minn 18-il ettaru ddikjarat/aċċettat, 10 % biss kienu jistgħu jiġu meqjusa bħala eliġibbli; il-pakkett kif indikat fuq il-mappa ma setax jiġi lokalizzat fil-mergħa komunali;

–        665-522-0095-039B: 35 ettaru ddikjarat/aċċettat; parti mill-pakkett iddikjarat mill-bidwi kienet tinsab maġenb il-baħar u kienet ramlija bi ftit ħaxix, parzjalment żviluppata bħala mogħdija tat-testijiet tal-karozzi (test track); l-awtoritajiet Griegi kienu aċċettaw is-superfiċji bħala mergħa, għaliex minnha kienu jaqsmu l-annimali, u dan ma tqiesx bħala kriterju aċċettabbli;

–        585-559-2915-001B: iddikjarat/aċċettat għal 3.1 ettaru; il-pakkett fi blokk kien tal-kejl ta’ 38.4 ettaru li 37.7 minnhom kienu meqjusa bħala mergħa eliġibbli mill-komun; peress li l-pakkett kien mergħa komunali, huwa ma setax jiġi lokalizzat; abbażi ta’ ritratt ipprovdut fi tmiem il-missjoni, tal-inqas nofs il-blokk kien miksi b’arbuxxelli densi jew b’foresta;

–        522-528-2317-401B: iddikjarat/aċċettat għal 20 ettaru; il-pakkett fi blokk kien tal-kejl ta’ 33.69 ettaru li 32.75 minnhom kienu meqjusa bħala mergħa eliġibbli mill-komun; il-blokk kien kollu miksi b’siġar, u fil-fatt kien jikkostitwixxi foresta; l-awtoritajiet kienu jallegaw li l-annimali setgħu jidħlu fih; fis-SIPA-SIG il-ġdida, il-blokk huwa interpretat bħala foresta abbażi ta’ ortostampi (orthoimagery);

–        513-526-3201-401B: iddikjarat/aċċettat għal 7 ettari; il-pakkett fi blokk huwa tal-kejl ta’ 9.3 ettari li 8.8 ettari minnhom kienu meqjusa bħala mergħa eliġibbli mill-komun; fil-fatt il-blokk kien ġenb ta’ muntanja bi 80 % minnu miksi minn arbuxxelli u siġar densi; fis-SIPA-SIG il-ġdida, il-blokk huwa meqjus li huwa 100 % eliġibbli abbażi tal-ortostampi, li tqies li huwa inkorrett; ma’ ġenb il-blokk tinsab mergħa u l-bidwi li ddikjara dan il-blokk jieħu l-annimali tiegħu jirgħu fil-vera mergħa li tinsab barra mill-blokk;

–        512-526-9460-402B: iddikjarat/aċċettat għal 18-il ettaru; il-pakkett fi blokk kien tal-kejl ta’ 42 ettaru li 41.2 minnhom kienu meqjusa bħala mergħa eliġibbli mill-komun; il-blokk kien jinsab fuq in-niżla wieqfa ta’ muntanja, miksija b’siġar/arbuxxelli; fis-SIPA-SIG il-ġdida, il-blokk huwa interpretat bħala foresta abbażi ta’ ortostampi.

41      Mill-iskambji sussegwenti bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika Ellenika jirriżulta li n-nuqqasijiet ikkonstatati mill-Kummissjoni ma setgħux jiġu ġġustifikati mill-awtoritajiet Griegi. Konsegwentement, fir-rapport ta’ sinteżi l-Kummissjoni kkonstatat li, “għall-bdiewa li [kienu ddikjaraw] mergħat biss[,] is-sitwazzjoni [kienet] turi r-rata għolja ta’ żbalji u, għaldaqstant, ta’ irregolaritajiet kbar”. Ir-rapport ta’ sinteżi barra minn hekk jirrileva li, f’diversi każijiet, il-pakketti eliġibbli ma kinux miksija bi pjanti erbaċej, iżda bi pjanti għudin, u kultant partijiet minn pakketti kienu miksija bi pjanti erbaċej, li, konsegwentement, ma kinux jissodisfaw il-kriterji ta’ mergħat permanenti li jirriżultaw mill-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004. Barra minn hekk, skont ir-rapport ta’ sinteżi, kien jokkorri pjuttost frekwentement li s-superfiċji ddikjarati jkunu jinsabu f’inħawi mwarrba (pubbliċi/komuni), li mhux dejjem kienu ddelimitati b’mod viżibbli u faċilment aċċessibbli. Għaldaqstant ġie kkonstatat li l-ispetturi ma kinux ikejlu s-superfiċji tal-pakketti agrikoli ddikjarati konformement mal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 796/2004, sa fejn, kultant, punt ta’ referenza wieħed biss kien irrilevat mingħajr ma tkun seħħet ebda determinazzjoni effettiva tas-superfiċji.

42      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-irregolaritajiet ikkonstatati mis-servizzi tal-Kummissjoni setgħu jikkostitwixxu provi tad-dubju serju u raġonevoli li din tal-aħħar kellha fir-rigward tal-għajnuna mħallsa għall-mergħat, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 20 hawn fuq.

43      Issa, ir-Repubblika Ellenika ma tipproduċi ebda element li juri l-ineżattezza tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni u li tippermetti li tiġi kkontestata d-deċiżjoni li tiġi imposta korrezzjoni b’rata fissa għall-mergħat permanenti, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 21 iktar ’il fuq.

44      Fil-fatt, ir-Repubblika Ellenika essenzjalment issostni li la jkun loġiku u lanqas fondat li l-mergħat “tat-tip Mediterranju” jiġu esklużi mill-għajnuniet tal-PAK u, insostenn tal-allegazzjoni tagħha, tqajjem sensiela ta’ argumenti intiżi li juru li l-Kummissjoni wettqet żball meta imponiet il-korrezzjoni b’rata fissa kontenzjuża sa fejn superfiċji miksija bi pjanti għudin li jservu ta’ għalf tradizzjonali għall-annimali tal-perimetru Mediterranju kellhom jiġu ammessi għall-benefiċċju tal-għajnuna bħala mergħat.

45      Qabelxejn għandu jiġi rrilevat li, permezz ta’ dan l-ilment, ir-Repubblika Ellenika ma għandhiex l-intenzjoni li tikkontesta l-legalità tad-definizzjoni tal-“mergħat permanenti” li tidher fil-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004.

46      Barra minn hekk, l-ewwel nett, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-PAK dejjem kellha l-għan li tappoġġja l-mergħat tat-tip Mediterranju li kienu fuq parti sostanzjali tat-territorju Elleniku, Franċiż, Taljan, Spanjol u Portugiż. Minbarra dan, skont ir-Repubblika Ellenika, l-esklużjoni tal-mergħat Mediterranji mid-definizzjoni tal-“mergħat permanenti” tkun kuntrarja għad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali.

47      F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li kulma tagħmel ir-Repubblika Ellenika huwa li sempliċement tallega, b’mod astratt, li l-PAK dejjem kellha l-għan li toffri appoġġ għall-mergħat permanenti tat-tip Mediterranju, u sostniet il-kummenti tagħha sempliċement b’riferiment astratt għas-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2014, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (T‑632/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:934), mingħajr spjegazzjonijiet fir-rigward tar-rilevanza tagħha.

48      Fir-rigward tal-allegat għan tal-PAK ta’ appoġġ għall-mergħat permanenti tat-tip Mediterranju, qabelxejn għandu jiġi rrilevat li tali għan la jinsab fost l-għanijiet tal-PAK sanċiti fl-Artikolu 39 TFUE, u lanqas ma jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1782/2003, li kien jipprevedi biss, fil-premessa 4 tiegħu, li “[b]illi l-mergħa permanenti għandha effett pożittiv ambjentali, hu xieraq li jkunu adottati miżuri biex jinkoraġixxu ż-żamma ta’ mergħat permanenti eżistenti biex tiġi evitata konverżjoni massiva f’art li tinħarat.”

49      Barra minn hekk għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn ir-Repubblika Ellenika ssostni li d-deċiżjoni kkontestata għandha tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent, hija ma tippreċiżax id-dispożizzjonijiet allegatament miksura.

50      It-tieni nett, ir-Repubblika Ellenika ssostni li, fil-pajjiżi Mediterranji, il-kunċett ta’ “mergħat permanenti” jagħmel riferiment għal superfiċji miksija b’veġetazzjoni naturali, għudija jew imsaġġra, intiżi għall-għalf tal-annimali tar-razzett. Ir-Repubblika Ellenika tinvoka wkoll pretensjoni rikorrenti ta’ kull min irabbi l-annimali fl-Ewropa tan-Nofsinhar f’dak li jikkonċerna r-rikonoxximent tal-eliġibbiltà tal-mergħat tat-tip Mediterranju skont il-PAK, tkun xi tkun il-veġetazzjoni li tkun tinsab fihom.

51      Għandu qabelxejn jiġi rrilevat li r-Repubblika Ellenika ma tistax, b’mod utli, tinvoka allegat kunċett intern ta’ mergħat li jaċċetta superfiċji bi predominanza ta’ kisja veġetali għudija bħala riżorsi għall-għalf, peress li skont id-definizzjoni tal-Unjoni fis-seħħ fiż-żmien ta’ meta seħħew il-fatti, kienet biss preżenza marġinali ta’ pjanti għudin li kienet ittollerata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2012, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑86/08, EU:T:2012:345, punt 68).

52      Sussegwentement, insostenn tal-argument tagħha bbażat fuq il-pretensjoni rikorrenti dwar ir-rikonoxximent tal-eliġibbiltà tal-mergħat tat-tip Mediterranju skont il-PAK, ir-Repubblika Ellenika tikkuntenta billi tagħmel riferiment għal sensiela ta’ annessi li l-iktar wieħed antik minnhom imur lura għall-2011, mingħajr ma tat spjegazzjoni u mingħajr ma identifikat is-siltiet rilevanti tagħhom.

53      Issa, mill-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-punti ta’ liġi u ta’ fatt li fuqhom jiġi bbażat rikors għandhom jirriżultaw, b’mod tal-inqas sommarju, mit-test stess tar-rikors u li għaldaqstant ma huwiex biżżejjed li fir-rikors isir riferiment għal tali punti f’anness tar-rikors. Bl-istess mod, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi li hija tkun tista’ tqis bħala li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors, peress li dawn għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 94, 97 u 100). Minn dan isegwi li r-riferiment ġenerali għall-annessi invokati mir-Repubblika Ellenika għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

54      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-ħidma fuq ir-riforma tal-PAK 2014-2020 ingħatat bidu f’April 2010 permezz tat-tnedija ta’ dibattitu pubbliku dwar il-ġejjieni tal-PAK, l-għanijiet tagħha u l-prinċipji tagħha. Sussegwentement, f’Ottubru 2011, il-Kummissjoni ppreżentat sett ta’ proposti leġiżlattivi li wasslu għall-adozzjoni, b’mod partikolari, tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608). L-imsemmi regolament estenda d-definizzjoni tal-“mergħat permanenti” għas-superfiċji miksija bi pjanti għudin. Għaldaqstant, abbażi tal-kontenut tad-dokumenti li qiegħda tipprova tinvoka r-Repubblika Ellenika huwa possibbli li jiġi konkluż li dawn ġew stabbiliti u ppubblikati fil-kuntest ta’ kampanja li kellha l-għan li tinfluwenza l-għażliet tal-leġiżlatur f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjoni kontenzjuża dwar il-mergħat permanenti. Anki jekk wieħed jippreżupponi li l-annessi invokati mir-Repubblika Ellenika jistgħu jkunu rilevanti fil-kuntest ta’ kontestazzjoni tal-legalità, mhux imqajma f’dan il-każ, tar-Regolament Nru 796/2004 sa fejn dan tal-aħħar allegatament jeskludi mid-definizzjoni tal-mergħat permanenti l-mergħat tat-tip Mediterranju, madankollu dawn ma humiex rilevanti sabiex fuqhom tiġi fondata intepretazzjoni estiża tad-dispożizzjoni kontenzjuża f’dan il-każ.

55      It-tielet nett, ir-Repubblika Ellenika tallega li s-superfiċji kontenzjużi dejjem servew ta’ mergħat mingħajr ma l-eliġibbiltà tagħhom ġiet ikkontestata mill-Kummissjoni.

56      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tieħu responsabbiltà, għall-fondi agrikoli Ewropej, tal-infiq imwettaq minn Stat Membru abbażi ta’ applikazzjoni oġġettivament żbaljata, iżda bbażata fuq interpretazzjoni, adottata b’bona fide, tad-dritt tal-Unjoni, ħlief jekk l-intepretazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni tista’ tiġi imputata lil istituzzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2009, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑369/05, mhux ippubblikata, EU:T:2009:213, punt 67).

57      Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Ellenika ma tressaq ebda element li jippermetti li jiġi konkluż li fl-2008 l-interpretazzjoni tagħha tal-kunċett ta’ mergħat kienet imputabbli għal aġir tal-Kummissjoni. Hija tillimita ruħha li sempliċement issostni mill-ġdid l-argument, ikkontestat mill-Kummissjoni, ibbażat fuq l-assenza ta’ kontestazzjoni tal-eliġibbiltà tas-superfiċji tradizzjonalment użati għall-għalf li hija diġà kienet qajmet waqt il-proċedura prekontenzjuża, mingħajr madankollu ma tippreżenta provi insostenn ta’ dan. F’dan ir-rigward, mir-rapport ta’ sinteżi jirriżulta li, skont ir-regoli fis-seħħ qabel l-2006, dawn is-superfiċji kienu meqjusa bħala ineliġibbli u li l-Kummissjoni kienet tikkontesta l-eliġibbiltà tagħhom. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

58      Ir-raba’ nett, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-intepretazzjoni tal-kunċett kontenzjuż li hija tressaq huwa kkorroborat, minn naħa, mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni li servew ta’ bażi għat-tfassil, fl-2012, ta’ pjan ta’ azzjoni Grieg dwar l-evalwazzjoni tal-eliġibbiltà tal-mergħat permezz ta’ fotointerpretazzjoni ta’ immaġnijiet bis-satellita tal-pakketti agrikoli, u, min-naħa l-oħra, permezz tal-emenda tad-definizzjoni inkwistjoni li saret fir-Regolament Nru 1307/2013.

59      Fir-rigward tal-emenda tad-definizzjoni tal-“mergħat permanenti” magħmula bir-Regolament Nru 1307/2013, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-argument tagħha, ir-Repubblika Ellenika tinvoka leġiżlazzjoni sussegwenti insostenn tal-interpretazzjoni tagħha tal-leġiżlazzjoni applikabbli f’dan il-każ.

60      Issa, huwa paċifiku li d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1307/2013 il-ġdid huma applikabbli sa mill-1 ta’ Jannar 2015, mingħajr ma ġiet prevista ebda applikazzjoni retroattiva. Għandu jiġi kkonstatat li, b’teħid kont tal-fatt li kien il-leġiżlatur tal-Unjoni, li, fl-eżerċizzju tas-setgħa tiegħu, għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex jevalwa s-sitwazzjoni u, f’każ ta’ bżonn, jiddeċiedi jekk huwiex opportun li jemenda d-dispożizzjonijiet fis-seħħ, mis-sempliċi emenda sussegwenti tad-definizzjoni kontenzjuża ma jirriżultax li l-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens tal-emenda magħmula (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2006, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T‑351/02, EU:T:2006:104, punt 112). Għaldaqstant dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

61      Fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet u tal-pjan ta’ azzjoni tal-2012, minn estratt tal-imsemmija rakkomandazzjonijiet, prodott mir-Repubblika Ellenika, jirriżulta li jekk in-numru ta’ siġar għal kull ettaru ta’ mergħa kien inferjuri għal 50, il-pakkett kollu kemm hu kien jitqies purament bħala mergħa. Jekk, għall-kuntrarju, in-numru ta’ siġar għal kull ettaru ta’ pakkett ta’ referenza kien superjuri għal 50, il-pakkett kollu kemm hu kellu jitqies bħala li ma huwiex mergħa. Fir-rigward tal-pakketti li fihom arbuxxelli sparsi, ġiet stabbilita l-klassifikazzjoni segwenti:

–        meta s-superfiċji eliġibbli bħala mergħa tkun ġiet evalwata minn interpretazzjoni fotografika b’rata ta’ 0 % sa 25 %, kellu jitqies li 0 % tas-superfiċji totali kien eliġibbli,

–        meta s-superfiċji eliġibbli bħala mergħa tkun ġiet evalwata minn interpretazzjoni fotografika b’rata ta’ 25 % sa 50 %, kellu jitqies li 37.5 % tas-superfiċji totali kien eliġibbli,

–        meta s-superfiċji eliġibbli bħala mergħa tkun ġiet evalwata minn interpretazzjoni fotografika b’rata ta’ 50 % sa 75 %, kellu jitqies li 62.5 % tas-superfiċji totali kien eliġibbli,

–        meta s-superfiċji eliġibbli bħala mergħa tkun ġiet evalwata minn interpretazzjoni fotografika b’rata ta’ 75 % sa 100 %, kellu jitqies li 100 % tas-superfiċji totali kien eliġibbli.

62      L-imsemmija rakkomandazzjonijiet kienu bbażati fuq il-verżjoni applikata fl-2012 tal-gwida ppubblikata mill-JRC, intiża sabiex tipprovdi lill-Istati Membri bi gwida dwar l-aħjar modi ta’ kif għandhom jiġu osservati d-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ relatati mal-PAK (ara l-punti 37 sa 39 hawn fuq). Skont l-estratt ta’ din il-gwida, mehmuż mar-rakkomandazzjonijiet imsemmija hawn fuq, u identiku għat-test fis-seħħ fl-2008:

“[I]l-Kummissjoni hija tal-fehma li l-“imsaġar” għandhom jiġu interpretati bħala superfiċji fi ħdan pakkett agrikolu miksi bis-siġar (inlużi l-arbuxxelli eċċ) li jxekklu milli tinbet il-veġetazzjoni ta’ mal-bażi tas-siġar adattata għall-għalf [; fir-]rigward tal-pakketti li fihom siġar, is-servizzi tal-Kummissjoni huma tal-fehma li, konsegwentement, is-superfiċji bis-siġar fi ħdan pakkett agrikolu, ta’ densità ta’ iktar minn 50 siġra kull ettaru għandhom, bħala regola ġenerali, jitqiesu bħala ineliġibbli [; e]ċċezzjonijiet, ġustifikati minn qabel mill-Istati Membri, jistgħu jiġu previsti għal klassijiet ta’ siġar imħallta, bħall-artijiet għas-siġar tal-frott, u għal raġunijiet ekoloġiċi/ambjentali [; f]ir-rigward ta’ arbuxxelli, blat eċċ, il-kundizzjonijiet li taħthom dawn l-elementi jistgħu jitqiesu li jagħmlu parti minn pakkett agrikolu għandhom jiġu ddefiniti abbażi tan-normi abitwali tal-Istat Membru jew tar-reġjun ikkonċernati”.

63      Bid-differenza tal-verżjoni fis-seħħ fl-2008, il-verżjoni 2012 kienet tippreċiża li, sabiex tiġi evalwata s-superfiċji eliġibbli fi ħdan pakkett agrikolu ta’ mergħa permanenti, l-Istati Membri setgħu jużaw koefiċċjent ta’ tnaqqis, taħt waħda mill-forom li ġejjin: “ - sistema ta’ pro rata[…]”.

64      Mill-proċess u mill-informazzjoni li l-Kummissjoni pprovdiet waqt is-seduta jirriżulta li l-pjan ta’ azzjoni bbażat fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, li għalihom tirreferi r-Repubblika Ellenika, kien qiegħed jiġi mfassal fl-2012, bil-perspettiva tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1307/2013, li emenda d-definizzjoni tal-“mergħat permanenti”. Issa, mill-proċess bl-ebda mod ma jirriżulta li l-imsemmi pjan ta’ azzjoni u r-rakkomandazzjonijiet, li fuqhom huwa bbażat, kienu applikabbli qabel is-sena ta’ tfassil tal-pjan, jiġifieri l-2012. Minn dan isegwi li, anki jekk wieħed jippreżupponi li l-pjan ta’ azzjoni u l-imsemmija rakkomandazzjonijiet jippermettu li tiġi sostnuta interpretazzjoni mwessa’ tal-kunċett ta’ mergħat li taċċetta għall-benefiċċju tal-għajnuna superfiċji miksija bi pjanti għudin lil hinn minn 50 siġra għal kull ettaru, ir-Repubblilka Ellenika ma tistax tinvoka t-tfassil ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni u ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet sabiex tikkontesta l-impożizzjoni tal-korrezzjoni b’rata fissa kontenzjuża bbażata fuq il-konstatazzjonijiet imwettqa għas-sena ta’ applikazzjoni 2008.

65      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Ellenika tibqa’ ma turix l-ineżattezza tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni.

66      Fl-aħħar nett, għal finijiet ta’ kompletezza għandu jiġi kkonstatat li fid-dawl tan-nuqqasijiet ikkonstatati fl-applikazzjoni tar-regoli dwar il-mergħat u fil-funzjonament tas-sistema tal-kontrolli tas-SIPA-SIG, imsemmija fil-punti 40 u 41 iktar ’il fuq, is-superfiċji kontenzjużi allegatament kienu ineliġibbli, li d-definizzjoni applikata kienet konformi mal-formulazzjoni tal-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004 jew li l-Kummissjoni applikat l-interpretazzjoni li tirriżulta mill-pjan ta’ azzjoni 2012 jew saħansitra dik adottata fir-Regolament Nru 1307/2013.

67      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, l-ewwel ilment tar-Repubblika Ellenika, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tad-definizzjoni tal-“mergħat permanenti” li tidher fil-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004, għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

68      Ir-Repubblika Ellenika ssostni li billi rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi li hija invokat insostenn tal-ilment ibbażat fuq l-interpretazzjoni u fuq l-applikazzjoni żbaljati tad-definizzjoni tal-mergħat, moqrija fl-ambitu l-iktar wiesa’ tal-għanijiet tal-PAK, il-Kummissjoni vvizzjat id-deċiżjoni tagħha b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

69      Qabelxejn għandu jiġi osservat li mis-sempliċi fatt li l-Kummissjoni ma tagħtix sodisfazzjoni lir-Repubblika Ellenika ma jirriżultax li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni.

70      Barra minn hekk għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali essenzjali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li taqa’ taħt il-legalità fuq il-mertu tal-att kontenzjuż. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet interessati li jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u tippermetti lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑159/01, EU:C:2004:246, punt 65).

71      Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-clearance tal-kontijiet tal-Fondi jittieħdu abbażi ta’ rapport ta’ sinteżi u ta’ korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2002, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑132/99, EU:C:2002:168, punt 39). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tirrifjuta li tqiegħed a karigu tiegħu parti mill-infiq iddikjarat għandha titqies bħala suffiċjenti peress li l-Istat destinatarju ġie assoċjat mill-qrib mal-proċess ta’ tfassil ta’ din id-deċiżjoni u peress li huwa kien jaf ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni kienet tqis li ma għandhiex tqiegħed is-somma kontenzjuża a karigu tal-Fond (sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Il‑Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑263/98, EU:C:2001:455, punt 98, u tas-17 ta’ Mejju 2013, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑294/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:261, punt 94).

72      F’dan il-każ, mill-elementi tal-proċess jirriżulta li r-Repubblika Ellenika kienet assoċjata mal-proċess ta’ tfassil tad-deċiżjoni kkontestata u li l-kwistjoni tal-ineliġibbiltà tas-superfiċji ddikjarati minħabba nuqqas ta’ konformità mad-definizzjoni ta’ “mergħat permanenti” tal-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004 tqajmet b’mod espress fil-korrispondenza inizjali, fil-kuntest tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni u fil-pożizzjoni finali deċiża mill-Kummissjoni, hekk kif jirriżulta mill-ittri mibgħuta bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika Ellenika, mill-opinjoni tal-korp ta’ konċiljazzjoni u mir-rapport ta’ sinteżi.

73      Għaldaqstant jirriżulta b’mod ċar mill-ittri tal-Kummissjoni tal‑21 ta’ Novembru 2008 u tal-31 ta’ Mejju 2013, kif ukoll mill-opinjoni tal-korp ta’ konċiljazzjoni u mir-rapport ta’ sinteżi anness mad-deċiżjoni kkontestata, li r-Repubblika Ellenika kienet taf l-irregolaritajiet li mmotivaw il-korrezzjonijiet imposti. Fil-fatt, is-servizzi tal-Kummissjoni kkontestaw b’mod espress il-mod li bih l-awtoritajiet Griegi kienu jiddeterminaw is-superfiċji tal-mergħat eliġibbli għall-għajnuna billi bbażaw ruħhom fuq eżempji ta’ irregolaritajiet, kif ukoll ikkonstataw u elenkaw nuqqasijiet fil-funzjonament tas-SIPA-SIG u fil-kontrolli fuq il-post.

74      Fl-aħħar nett, fir-rapport ta’ sinteżi, il-Kummissjoni kkonkludiet dan li ġej:

“Għall-bdiewa li [kienu ddikjaraw] mergħat biss[,] is-sitwazzjoni [kienet] turi r-rata għolja ta’ żbalji u, għaldaqstant, ta’ irregolaritajiet kbar [; k]onsegwentement, konformement mad-dispożizzjonijiet tad-Dokument Nru VI/5330/97, paġni 11 u 12, hija ġġustifikata korrezzjoni ta’ 25 % [; m]adankollu, b’teħid kont tal-fatt li numru kbir ta’ bdiewa għandhom ħafna iktar artijiet milli drittijiet (“effett mitiganti”) [parti biss mill-mergħat permanenti li ġew iddikjarati huma użati għall-attivazzjoni tad-drittijiet għall-pagamaent], tidher iktar xierqa l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 %”.

75      Minn dan isegwi li r-Repubblika Ellenika kienet assoċjata mill-qrib mal-proċess ta’ tfassil tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kienet taf ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni kienet tqis li ma għandhiex tqiegħed is-somma kontenzjuża a karigu tal-Fond u li matul il-proċedura l-Kummissjoni espressament indikat ir-raġunijiet tal-imputazzjoni tal-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % tal-għajnuna mħallsa lir-Repubblika Ellenika fl-2008 bħala għajnuna skont is-superfiċji li tikkonċerna l-mergħat permanenti.

76      Mill-konstatazzjonijiet ta’ hawn fuq jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata hija motivata konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE. Għalhekk, l-ilment preżenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

77      Ir-Repubblika Ellenika essenzjalment issostni li r-rata ta’ korrezzjoni ta’ 10 % imposta fid-deċiżjoni kkontestata hija sproporzjonata u ma għandhiex taqbeż il-5 %.

78      Skont il-ġurisprudenza, korrezzjoni deċiża mill-Kummissjoni konformement mal-linji gwida li hija adottat f’dan il-qasam hija intiża li jiġi evitat li jitqiegħdu a karigu tal-Fond ammonti li ma servewx għall-finanzjament ta’ għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni u ma tikkostitwixxix sanzjoni (ara s-sentenza tal-31 ta’ Marzu 2011, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑214/07, mhux ippubblikata, EU:T:2011:130, punt 136 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk il-ġurisprudenza rrikonoxxiet li r-rati fissi magħżula fil-gwida jippermettu kemm li jiġi rrispettat id-dritt tal-Unjoni u l-ġestjoni tajba tar-riżorsi tal-Unjoni kif ukoll li jiġi evitat li l-Kummissjoni teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha billi timponi fuq l-Istati Membri korrezzjonijiet żmiżurati u sproporzjonati (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2008, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑181/06, mhux ippubblikata, EU:T:2008:331, punt 234).

79      Għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja, il-Kummissjoni tista’ saħansitra tirrifjuta li jitqiegħed a karigu tal-Fondi Agrikoli Ewropej l-infiq espost kollu, jekk hija tikkonstata li ma jeżistux mekkaniżmi ta’ kontroll suffiċjenti (sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 2009, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑33/07, mhux ippubblikata, EU:T:2009:195, punt 140). Madankollu, il-Kummissjoni għandha tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jitlob li l-atti tal-istituzzjonijiet ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq (sentenzi tas-17 ta’ Mejju 1984, Denkavit Nederland, 15/83, EU:C:1984:183, punt 25, u tad-19 ta’ Ġunju 1997, Air Inter vs Il‑Kummissjoni, T‑260/94, EU:T:1997:89, punt 144).

80      Skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm hija l-Kummissjoni li għandha l-oneru li tipprova l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-Unjoni, meta dan il-ksur jiġi stabbilit, huwa l-Istat Membru li għandu juri, jekk ikun il-każ, li l-Kummissjoni wettqet żball fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji li għandhom jinsiltu minn dak il-ksur (sentenzi tal-14 ta’ Frar 2008, Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑266/04, mhux ippubblikata, EU:T:2008:37, punt 105, u tal-5 ta’ Lulju 2012, Il-Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑86/08, EU:T:2012:345, punt 196).

81      F’dak li jikkonċerna t-tip ta’ korrezzjoni applikata f’din il-kawża, għandu jitfakkar li, fid-dawl tal-linji gwida tal-Kummissjoni stabbiliti fid-dokument Nru VI/5330/97, meta ma jkunx possibbli li jiġi valutat preċiżament it-telf sostnut mill-Unjoni, tista’ tiġi prevista korrezzjoni b’rata fissa (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tat-18 ta’ Settembru 2003, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, C‑346/00, EU:C:2003:474, punt 53).

82      Skont id-dokument Nru VI/5330/97, meta l-implementazzjoni tas-sistema ta’ kontroll tkun kompletament assenti jew serjament difettuża, u meta jkunu jeżistu indizji ta’ irregolaritajiet frekwenti ħafna u ta’ negliġenza fil-ġlieda kontra l-prattiki irregolari jew frawdolenti, għandha tiġi applikata korrezzjoni ta’ 25 % tal-infiq sa fejn ikun jeżisti riskju ta’ telf partikolarment għoli għall-Fond.

83      Meta kontroll ewlieni jew diversi kontrolli prinċipali ma jkunux imwettqa jew jitwettqu tant ħażin jew tant rarament li jkunu ineffiċjenti sabiex tiġi ddeterminata l-eliġibbiltà ta’ applikazzjoni jew sabiex ikunu evitati l-irregolaritajiet, għandha tiġi applikata korrezzjoni ta’ 10 % sa fejn ikun jeżisti riskju għoli ta’ telf sinjifikattiv għall-Fondi Agrikoli Ewropej.

84      F’dak li jirrigwarda n-nuqqasijiet ikkonstatati mill-Kummissjoni, preliminarjament għandu jiġi osservat li r-Repubblika Ellenika ma tikkontestax l-eżistenza tagħhom, iżda sempliċement tikkontesta l-portata tal-korrezzjoni imposta, jiġifieri 10 %.

85      F’din il-kawża, huwa paċifiku li l-implementazzjoni tas-sistema ta’ kontroll ma kinitx kompletament assenti. Għaldaqstant, konformement mal-kriterji msemmija fil-punt 82 hawn fuq, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni setgħetx ġustament tikkunsidra li, fir-rigward tan-nuqqasijiet ikkonstatati, l-implementazzjoni tas-sistema ta’ kontroll kienet serjament difettuża.

86      Mir-rapport ta’ sinteżi jirriżulta li l-Kummissjoni kienet ikkonstatat lakuni fis-SIPA-SIG li kienu jimplikaw ineżattezzi materjali tal-limiti u tas-superfiċji massimi ammissibbli tal-pakketti ta’ referenza. Konsegwentement, il-kontroverifiki intiżi li jevitaw li għajnuna waħda ma tingħatax indebitament diversi drabi għall-istess pakkett ma kinux konklussivi, ħlief jekk ikunu twettqu kontrolli fuq il-post li jindividwaw il-lokalizzazzjoni inkorretta tal-pakketti u l-ineliġibbiltà tagħhom.

87      B’mod iktar partikolari, il-Kummissjoni kkonstatat problemi kbar f’dak li jikkonċerna s-superfiċji ddikjarati bħala mergħat permanenti li r-Repubblika Ellenika kienet tqis bħala eliġibbli, iżda li l-Kummissjoni rrifjutat f’diversi okkażjonijiet minħabba nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti.

88      Il-partijiet ma jaqblux fl-evalwazzjoni tagħhom fir-rigward tal-mod ta’ kif jiġu ddeterminati l-“mergħat eliġibbli għall-għajnuna”. Madankollu, mill-analiżi mwettqa fil-kuntest tal-ewwel ilment tal-motiv preżenti jirriżulta li, minkejja l-portata tad-definizzjoni tal-“mergħat permanenti” applikata f’dan il-każ, l-irregolaritajiet ikkonstatati xorta waħda wasslu lill-Kummissjoni sabiex timponi l-korrezzjoni b’rata fissa applikata.

89      B’mod iktar partikolari, fir-rapport ta’ sinteżi l-Kummissjoni rrilevat li, wara l-aġġornament tas-SIPA-SIG, parti mis-superfiċji ddikjarati fl-2008 kienet tneħħiet mis-sistema sa mis-sena 2009. Issa, li kieku s-SIPA-SIG kienet iffunzjonat b’mod korrett fl-2008, allura din il-parti tas-superfiċji ma kinitx titqies li hija eliġibbli. Din il-lakuna kienet tikkonċerna proporzjon għoli ta’ superfiċji li bi żball tqiesu eliġibbli bħala mergħat permanenti abbażi ta’ definizzjoni żbaljata.

90      Barra minn hekk, fl-2008 l-Kummissjoni kkonstatat li s-SIPA-SIG ma kinitx qiegħda taħdem b’mod korrett sa fejn, bl-għan tal-introduzzjoni ta’ SIPA-SIG ġdida fl-2009, ir-Repubblika Ellenika ma kinitx daħħlet fl-imsemmija sistema d-dettalji tal-pakketti suġġetti għall-kontrolli fuq il-post klassiċi. Konsegwentement, ma kienet teżisti ebda rappreżentazzjoni grafika li tippermetti li jiġu individwati dikjarazzjonijiet multipli. Issa, skont ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-fondi, huma l-Istati Membri li għandhom jorganizzaw sistema effikaċi ta’ kontroll u ta’ sorveljanza. Tali rekwiżit jimplika li l-limiti tal-pakketti ta’ referenza u s-superfiċje massima tagħhom ammissibbli għall-għajnuna għandhom ikunu ddefiniti b’mod preċiż u eżatt. Din l-informazzjoni hija fil-fatt essenzjali sabiex tiġi ggarantita l-affidabbiltà tal-kontroverifiki amministrattivi, sabiex ikunu jistgħu jitwettqu l-kontrolli fuq il-post u sabiex il-bdiewa jkollhom informazzjoni korretta sabiex huma jkunu jistgħu jippreżentaw dikjarazzjonijiet korretti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2013, Il-Bulgarija vs Il-Kummissjoni, T‑335/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:262, punt 29).

91      Sussegwentement, fir-rigward tal-kontrolli fuq il-post, fir-rapport ta’ sinteżi l-Kummissjoni kkonstatat li dawn ma twettqux konformement man-normi fis-seħħ fl-2008.

92      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kwalità tal-kontrolli fuq il-post, il-Kummissjoni kkonstatat li l-assenza ta’ kejl tal-mergħat kienet partikolarment preokkupanti. Fil-fatt, minbarra n-nuqqas ta’ konformità tas-superfiċji mad-definizzjoni tal-“mergħat permanenti” li tirriżulta mill-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004, is-superfiċji ddikjarati ta’ spiss kienu jinsabu f’żoni mwarrba, mingħajr limiti viżibbli u l-aċċess għalihom diffiċli; ġie kkonstatat li l-ispetturi ma kinux kejlu s-superfiċji b’mod konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 796/2004 sa fejn kultant ġie rrilevat biss punt wieħed ta’ referenza mingħajr ma seħħet ebda determinazzjoni effettiva tas-superfiċji.

93      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kontrolli permezz tal-osservazzjoni remota, il-proċedura applikata ma kinitx konformi mar-rekwiżiti. Fil-fatt, l-awditi żvelaw li l-kodiċi T-4 (pakkett miksi bis-sħab) kien jiġi attribwit ta’ spiss wisq lill-pakketti li l-eliġibbiltà tagħhom kienet dubbjuża. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li skonthom dawn il-kodiċi ma kellhomx jiġu assenjati lill-pakketti li l-eliġibbiltà tagħhom kienet dubbjuża fi tmiem l-interpretazzjoni fotografika kompjuterizzata.

94      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kontrolli fuq il-post ordinarji, fir-rapport ta’ sinteżi l-Kummissjoni rrilevat li, fir-rigward tat-totalità tal-pakketti, fl-2008, id-dettalji li kienu suġġetti għal dawn il-kontrolli ma ġewx irreġistrati, u b’hekk ir-rilevament tad-dikjarazzjonijiet multipli kien impossibbli.

95      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li, f’dak li jikkonċerna l-infiq marbut mal-mergħat, il-Kummissjoni kkonstatat nuqqasijiet fis-sistema ta’ kontroll intiża għall-ammissjoni mill-awtoritajiet Elleniċi, għall-benefiċċju tal-għajnuna għall-mergħat, ta’ superfiċji li ma humiex konformi mar-regoli fis-seħħ. Din il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni ma tistax tiġi kkontestata, u dan lanqas jekk tittieħed inkunsiderazzjoni interpretazzjoni estiża tal-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004. B’hekk, dawn in-nuqqasijiet fis-sistema ta’ kontroll, meħudha flimkien man-nuqqasijiet l-oħra kollha kkonstatati u mhux ikkontestati mir-Repubblika Ellenika, jikkostitwixxu implementazzjoni serjament difettuża tas-sistema ta’ kontroll li tinvolvi livell għoli ta’ żbalji li jattestaw irregolaritajiet ġeneralizzati, li x’aktarx wasslu għal telf estremament għoli għall-Fond (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑175/03, mhux ippubblikata, EU:C:2005:643, punt 79). Madankollu, il-Kummissjoni ħadet kont tar-riskju inferjuri ta’ telf sostnut mill-Fond li jirriżulta mill-“effett mitiganti”, li skontu parti biss mis-superfiċji ddikjarati tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġu attivati d-drittijiet għall-pagament.

96      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, għandu jiġi kkonstatat li għal dan l-infiq il-Kummissjoni setgħet tapplika korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 %, u dan mingħajr ma twettaq ebda żball.

97      Ebda argument tar-Repubblika Ellenika ma jikkontesta din il-konklużjoni.

98      Fl-ewwel lok, ir-Repubblika Ellenika tinvoka t-titjib li allegatament sar lill-kontrolli klassiċi, mingħajr madankollu ma l-argument tagħha huwa appoġġjat jew mingħajr ma ġie ppreċiżat x’kien dan it-titjib.

99      F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna l-kontrolli fuq il-post, mir-rapport ta’ sinteżi jirriżulta li l-Kummissjoni effettivament ikkonstatat livell għoli kontinwu ta’ kontrolli fuq il-post (superjuri għal 10 %) tal-bdiewa waqt is-snin ta’ applikazzjoni 2007 u 2008, li tagħhom hija ħadet kont fil-kalkolu tal-korrezzjonijiet b’rata fissa. Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-kwalità tas-sistema ta’ kontrolli fuq il-post, fir-rapport ta’ sinteżi l-Kummissjoni kkritikat lir-Repubblika Ellenika b’lakuni u nuqqasijiet, mingħajr madankollu ma kkonstatat titjib fir-rigward tal-mergħat.

100    Għaldaqstant, fl-assenza ta’ elementi li jippermettu li tiġi vverifikata l-allegazzjoni tar-Repubblika Ellenika, l-argument dwar it-titjib ikkonstatat għandu jiġi miċħud.

101    Fit-tieni lok, fir-rigward tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni, tal‑15 ta’ April 2011, li jeskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri taħt it-Taqsima tal-Garanzija tal-FAEGG, taħt il-FAEG u taħt il-FAEŻR (ĠU 2011, L 102, p. 33), li permezz tagħha l-Kummissjoni imponiet fuq ir-Repubblika Ellenika rata ta’ korrezzjoni ta’ 5 % għas-sena 2007 abbażi tal-istess konstatazzjonijiet bħal dawk li jidhru fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar sena ta’ applikazzjoni preċedenti ma setgħux ikunu biżżejjed sabiex il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li jirrigwardaw is-sena ta’ applikazzjoni inkwistjoni jiġu invalidati, peress li dawn tal-aħħar huma ta’ natura li jiġġustifikaw il-konklużjonijiet u l-korrezzjoni b’rata fissa imposta. Barra minn hekk, fir-rapport ta’ sinteżi l-Kummissjoni rrilevat in-natura rikorrenti tan-nuqqasijiet li hija kkonstatat.

102    Fl-aħħar nett għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li s-superfiċji tal-mergħat permanenti tnaqqsu għal EUR 1.5 miljun ettaru, minkejja l-applikazzjoni, sa mill-2012, tad-definizzjoni iktar estiża tal-“mergħat permanenti”, li tinkludi l-veġetazzjoni għudija. Il-Kummissjoni ġustament issostni li tali tnaqqis ta’ 50 % tas-superfiċji eliġibbli, minflok żieda prevedibbli tagħhom wara t-tkabbir tad-definizzjoni kontenzjuża, tagħti attestazzjoni tal-portata tal-problema inizjali li taffettwa d-dikjarazzjonijiet dwar is-superfiċji li, fi kwalunkwe każ, ma kinux jissodisfaw id-definizzjoni, anki dik estiża, tal-mergħat.

103    Issa, filwaqt li d-differenza bejn is-superfiċji tal-mergħat li huma ta’ bażi għad-drittijiet għall-pagament u s-superfiċji tal-mergħat effettivament iddikjarati, li tinvoka r-Repubblika Ellenika, ġiet debitament mittieħda inkunsiderazzjoni u ppermettiet li l-korrezzjoni b’rata fissa applikata titnaqqas għal 10 % bis-saħħa tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ “l-effett mitiganti”, din tibqa’ separata mill-problema li taffettwa d-dikjarazzjonijiet inizjali kkonstatata fl-2008. Fil-fatt, ir-Repubblika Ellenika ma tistax issostni b’mod utli li, anki b’teħid inkunsiderazzjoni tat-tnaqqis tas-superfiċji eliġibbli għal EUR 1.5 ettaru, minn dan ma jirriżulta ebda riskju għall-Fond. Il-fatt li s-superfiċji tal-mergħat li jwasslu għad-drittijiet għall-pagament skont is-superfiċji jirrappreżentaw biss parti mis-superfiċji tal-mergħat iddikjarati ma jikkontestax l-ineżattezzi kkonstatati fil-funzjonament tas-SIPA-SIG u fil-kontrolli prinċipali, li skonthom dawn is-superfiċji, li għalihom tingħata l-għajnuna, mhux dejjem kienu totalment eliġibbli għall-għajnuna, peress li huma ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2013, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑294/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:261, punt 204).

104    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li r-Repubblika Ellenika ma waslitx sabiex turi l-ineżattezza tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni jew l-assenza ta’ riskju ta’ telf jew ta’ irregolarità għall-fond, fid-dawl tad-dubju serju u raġonevoli li l-Kummissjoni kellha fir-rigward tal-funzjonament tas-SIPA-SIG u tal-kontrolli.

105    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ġustament qieset li n-nuqqasijiet fis-SIPA-SIG u l-lakuni fil-kontrolli prinċipali kienu jirriżultaw mill-implementazzjoni ta’ sistema ta’ kontroll b’nuqqasijiet serji li fiha livell għoli ta’ żbalji li huwa ta’ attestazzjoni ta’ irregolaritajiet ġeneralizzati. B’teħid inkunsiderazzjoni tar-riskju inferjuri għall-Fond li jirriżulta mill-“effett mitiganti”, hija ġustament applikat korrezzjoni finanzjarja ta’ 10 %.

106    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, l-ilment preżenti għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud il-motiv sħiħ li jirrigwarda l-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % applikata għall-mergħat.

 Fuq il-motiv dwar il-korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 % li tikkonċerna l-għajnuna addizzjonali skont is-superfiċji

107    Fil-kuntest tal-motiv dwar il-korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 % li tikkonċerna l-għajnuna addizzjonali skont is-superfiċji, ir-Repubblika Ellenika tqajjem ilmenti bbażati, rispettivament, fuq żball ta’ fatt, fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

108    F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tal-motiv preżenti, ir-Repubblika Ellenika sempliċement telenka, fid-dikjarazzjoni tal-motiv, l-imsemmija lmenti, u wara dan l-elenku twettaq argumentazzjoni konfuża u parzjalment mhux appoġġjata fir-rigward tal-prinċipji allegatament miksura. Madankollu, mid-dokumenti tar-Repubblika Ellenika jirriżulta li hija essenzjalment tinvoka ksur tal-garanziji proċedurali fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża u ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal-garanziji proċedurali fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża

109    Fil-kuntest ta’ dan l-ilment, ir-Repubblika Ellenika hija intiża li twassal sabiex jiġi kkonstatat li hija ġiet imċaħħda mill-garanzija proċedurali msemmija fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005 u fl-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006, tal-21 ta’ Ġunju 2006, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU 2008, L 322M, p. 162), minħabba l-fatt li l-Kummissjoni naqset milli topponi t-tardività tal-kontrolli fi żmien xieraq.

110    Għandu jitfakkar li d-deċiżjoni finali u definittiva dwar il-clearance tal-kontijiet għandha tittieħed wara proċedura kontradittorja speċifika li matulha l-Istati Membri kkonċernati għandu jkollhom il-garanziji kollha meħtieġa sabiex jippreżentaw il-perspettiva tagħhom (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2000, Il‑Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑245/97, EU:C:2000:687, punt 47).

111    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, fir-relazzjonijiet tagħha mal-Istati Membri l-Kummissjoni hija marbuta tosserva l-kundizzjonijiet li hija tkun rabtet lilha nfisha bihom permezz ta’ regolamenti ta’ implementazzjoni. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet jista’, skont l-importanza ta’ dan in-nuqqas, ixejjen is-sustanza tal-garanzija proċedurali mogħtija lill-Istati Membri permezz tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005 (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2009, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, T‑50/07, mhux ippubblikata, EU:T:2009:206, punt 27).

112    Barra minn hekk, l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005, minn naħa, u l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006, min-naħa l-oħra, jirrigwardaw l-istess stadju tal-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet, jiġifieri l-istadju fejn tintbagħat l-ewwel komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Istat Membru, wara kontrolli li hija tkun wettqet (ara s-sentenza tat-30 ta’ April 2015, Franza vs Il-Kummissjoni, T‑259/13, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2015:250, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113    L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 jiddefinixxi l-istadji differenti li għandhom jiġu osservati matul il-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet. B’mod partikolari, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament jippreċiża l-kontenut tal-ewwel komunikazzjoni bil-miktub li permezz tagħha l-Kummissjoni tikkomunika r-riżultat tal-verifiki tagħha lill-Istati Membri, qabel l-organizzazzjoni tad-diskussjoni bilaterali. Skont din id-dispożizzjoni, l-ewwel komunikazzjoni għandha tippreċiża r-riżultat tal-verifiki tal-Kummissjoni lill-Istat Membru kkonċernat u tindika l-miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu sabiex il-futur tal-osservanza tar-regoli tal-Unjoni inkwistjoni jiġi ggarantit (sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2011, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑184/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:120, punt 40).

114    Barra minn hekk għandu jitfakkar li diġà ġie deċiż li l-komunikazzjoni bil-miktub imsemmija fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006 għandha tkun ta’ natura li tagħti lill-Istat Membru għarfien sħiħ tar-riżervi tal-Kummissjoni, b’mod li għaldaqstant din tkun tista’ taqdi l-funzjoni ta’ twissija mogħtija lilu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2009, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, T‑50/07, mhux ippubblikata, EU:T:2009:206, punt 39).

115    Minn dan isegwi li, fl-ewwel komunikazzjoni msemmija mill-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006, il-Kummissjoni għandha tindika, b’mod suffiċjentement preċiż, l-għan tal-investigazzjoni mwettqa mis-servizzi tagħha u n-nuqqasijiet ikkonstatati matul din l-investigazzjoni, b’dawn ikunu jistgħu jiġu invokati sussegwentement bħala prova tad-dubju serju u raġonevoli li hija jkollha fir-rigward tal-kontrolli mwettqa mill-amministrazzjonijiet nazzjonali jew taċ-ċifri mgħoddija minn dawn tal-aħħar u, għaldaqstant, jistgħu jiġġustifikaw il-korrezzjonijiet finanzjarji miżmuma fid-deċiżjoni finali li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni ċertu nfiq imġarrab mill-Istat Membru kkonċernat fil-kuntest tal-Fond (sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2009, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, T‑50/07, mhux ippubblikata, EU:T:2009:206, punt 40).

116    Konsegwentement, sabiex tissodisfa l-funzjoni ta’ twissija tagħha, b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005, il-komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 għandha qabelxejn tidentifika b’mod suffiċjentement preċiż l-irregolaritajiet kollha kkonstatati fil-konfront tal-Istat Membru kkonċernat li fl-aħħar mill-aħħar ikunu l-bażi tal-korrezzjoni finanzjarja magħmula. Tali komunikazzjoni biss tista’ tiggarantixxi għarfien perfett tar-riżervi tal-Kummissjoni u tista’ tikkostitwixxi l-element ta’ referenza għall-kalkolu tat-terminu ta’ 24 xahar previst fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005 (sentenzi tat-3 ta’ Mejju 2012, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑24/11 P, EU:C:2012:266, punt 31, u tat-30 ta’ April 2015, Franza vs Il-Kummissjoni, T‑259/13, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2015:250, punt 106).

117    Konformement mal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat jekk il-komunikazzjoni tar-riżultati tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 u jekk konsegwentement tikkostitwixxix komunikazzjoni regolari b’applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni.

118    Għandu jiġi kkonstatat li dan huwa l-każ. Fil-fatt, hekk kif issostni l-Kummissjoni, waqt il-komunikazzjoni tar-riżultati tal-investigazzjonijiet fl-ittra tal‑21 ta’ Novembru 2008, kif ukoll fl-ittra tal-31 ta’ Mejju 2013 stabbilita abbażi tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 885/2006, il-Kummissjoni b’mod espress qajmet il-problema tad-dewmien fit-twettiq tal-kontrolli fuq il-post, billi indikat li d-dewmien affettwa l-kwalità tal-kontrolli fuq il-post fir-rigward tal-għajnuna skont is-superfiċji. Sussegwentement, il-lakuni li jirriżultaw mill-effett negattiv tal-kwalità tal-kontrolli fuq il-post minħabba t-tardività tagħhom ġew identifikati b’mod ċar fil-pożizzjoni finali tal-Kummissjoni (ara l-ittra tas-26 ta’ Marzu 2014).

119    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li kemm il-komunikazzjoni tar-riżultati kif ukoll il-komunikazzjoni indirizzata lir-Repubblika Ellenika fil-kuntest tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni jidentifikaw, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, it-tardività tal-kontrolli li biha ġie kkritikat l-Istat Membru li kkontribwixxiet sabiex ikun hemm bażi għall-korrezzjoni finanzjarja f’dan il-każ f’dak li jirrigwarda l-għajnuna addizzjonali skont is-superfiċji.

120    Għaldaqstant, b’teħid kont tal-fatt li l-ilment tat-tardività tal-kontrolli li taffettwa l-kwalità tagħhom, li tista’ twassal għal telf għall-Fond u tiġġustifika l-impożizzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja, ġie kkomunikat lir-Repubblika Ellenika tal-inqas darbtejn waqt il-proċedura prekontenzjuża, ir-Repubblika Ellenika ma tistax tallega b’mod utli li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha li tissuġġetta għad-diskussjoni bilaterali kwalunkwe riżultat tal-kontroll li jista’ jikkostitwixxi raġuni għal korrezzjoni miżjuda.

121    Għaldaqstant l-ewwel ilment tar-Repubblika Ellenika għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

122    Fil-kuntest ta’ dan l-ilment, ir-Repubblika Ellenika ssostni li, fir-rigward tal-konstatazzjonijiet dwar is-superfiċji li ma humiex il-mergħat u fir-rigward tat-titjib ikkonstatat fir-rigward tal-eżerċizzju preċedenti, hemm lok li l-korrezzjoni tiġi limitata għal mhux iktar minn 2 %.

123    Qabelxejn għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika Ellenika ma tikkontestax id-dewmien fit-twettiq tal-kontrolli fuq il-post klassiċi.

124    Mill-Anness 2 tad-Dokument Nru VI/5330/97, iċċitat iktar ’il fuq, jirriżulta li n-nuqqasijiet li jaffettwaw il-funzjonament tas-SIPA-SIG u n-nuqqasijiet li jikkonċernaw il-kontrolli fuq il-post jikkonċernaw il-kontrolli prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2013, Il-Bulgarija vs Il-Kummissjoni, T‑335/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:262, punt 92).

125    Mid-dokument Nru VI/5330/97 jirriżulta wkoll li, meta l-kontrolli prinċipali kollha jitwettqu, iżda mingħajr ma jiġi osservat in-numru, il-frekwenza jew ir-rigorożità rrakkomandati mir-regolamenti, u meta għaldaqstant jista’ jkun raġonevolment konkluż li dawn il-kontrolli ma joffrux il-livell mistenni ta’ garanzija ta’ regolarità tal-applikazzjonijiet, għandha tiġi applikata korrezzjoni ta’ 5 % sa fejn ikun jeżisti riskju sinjifikattiv ta’ telf kbir għall-fond.

126    Hekk kif diġà ġie rrilevat fil-kuntest tal-eżami tat-tielet ilment tal-ewwel motiv u tal-ewwel ilment tat-tieni motiv, fir-rapport ta’ sinteżi l-Kummissjoni kkonstatat nuqqasijiet li jikkonċernaw is-SIPA-SIG, li kien fiha informazzjoni materjalment inkorretta dwar il-limiti u s-superfiċji massimi eliġibbli tal-pakketti. Minkejja li dawn in-nuqqasijiet jikkonċernaw b’mod partikolari l-mergħat, madankollu dawn ġew ikkonstatati għal kull tip ta’ pakketti.

127    Sussegwentement, fir-rigward tal-kontrolli fuq il-post, fir-rapport ta’ sinteżi l-Kummissjoni kkonstatat li dawn ma kinux twettqu konformement man-normi fis-seħħ fl-2008, filwaqt li dan kien essenzjali għall-verifika korretta tal-eliġibbiltà tas-superfiċji ddikjarata u għaldaqstant sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-Artikoli 23 u 30 tar-Regolament Nru 796/2004. Fir-rigward tal-kontrolli permezz ta’ osservazzjoni remota, il-proċedura applikata ma kinitx konformi mar-rekwiżiti. Fil-fatt, l-awditi rrivelaw li l-kodiċi T‑4 (pakkett miksi bis-sħab) kien jiġi attribwit ta’ spiss wisq lill-pakketti li l-eliġibbiltà tagħhom kienet dubbjuża. Fir-rigward tal-kontrolli fuq il-post ordinarji, il-Kummissjoni rrilevat li fl-2008, fir-rigward tat-totalità tal-pakketti, id-dettalji li kienu suġġetti għal dawn il-kontrolli ma kinux ġew irreġistrati, u b’hekk ir-rilevament tad-dikjarazzjonijiet multipli kien impossibbli.

128    Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-kontrolli fuq il-post klassiċi, fir-rapport ta’ sinteżi l-Kummissjoni rrilevat li, minkejja li l-“kejl mill-ġdid” wera differenzi, dawn tal-aħħar ma kinux ta’ natura li jappoġġjaw il-konklużjoni li kien jeżisti nuqqas sistematiku fil-funzjonament ta’ dawn il-kontrolli.

129    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni indikat li, fir-rigward tal-għajnuna addizzjonali skont is-superfiċji, il-kontrolli fuq il-post kienu affettwati negattivament mid-dewmien tat-twettiq tagħhom.

130    Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-lakuni kkonstatati kienu jirrappreżentaw nuqqas kontinwu fil-funzjonament tal-kontrolli prinċipali u tal-kontrolli sekondarji. B’mod iktar partikolari, hija kkonstatat li, għas-sena inkwistjoni, in-nuqqasijiet li jikkonċernaw is-SIPA-SIG ma kinux ġew korretti fir-rigward tas-sena ta’ applikazzjoni preċedenti (2007).

131    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, f’dak li jikkonċerna l-għajnuna skont is-superfiċji, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball, tapplika fil-konfront tagħha korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % konformement mad-dispożizzjonijiet tad-Dokument Nru VI/5330/97.

132    Ir-Repubblika Ellenika ssostni li t-titjib miġjub għall-kontrolli klassiċi fuq il-post u titjib kostanti tas-SIPA-SIG jikkontradixxu d-dubju serju u raġonevoli espress mill-Kummissjoni, li, skont din tal-aħħar, jiġġustifika l-impożizzjoni tar-rata ta’ korrezzjoni ta’ 5 % għall-għajnuna addizzjonali skont is-superfiċji. Barra minn hekk, skont ir-Repubblika Ellenika, il-Kummissjoni kellha tapplika rata ta’ 2 % applikabbli għall-għajnuna mogħtija għas-superfiċji li ma humiex mergħat.

133    Issa, l-argument ibbażat fuq nuqqas ta’ fondatezza taż-żamma tad-dubju raġonevoli u serju minkejja t-titjib miġjub għas-SIPA-SIG għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, mill-punt 4 tar-rikors u mill-Anness 4 ta’ dan tal-aħħar jirriżulta li t-titjib miġjub għas-SIPA-SIG invokati mir-Repubblika Ellenika ma kienx applikabbli matul is-sena ta’ applikazzjoni 2008. Għalhekk, it-titjib sussegwenti miġjub għas-SIPA-SIG ma jistax jikkontesta l-konstatazzjonijiet ta’ nuqqasijiet matul il-perijodu kontenzjuż (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2013, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑294/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:261, punt 206).

134    Barra minn hekk, it-titjib ikkonstatat fis-sistema ta’ kontrolli fuq il-post klassiċi ma huwiex, huwa waħdu, biżżejjed sabiex jikkontesta l-evalwazzjoni tar-riskju għall-Fond imwettqa abbażi tan-nuqqasijiet kollha kkonstatati għas-sena kontenzjuża elenkati hawn fuq.

135    Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika Ellenika li jgħid li, għall-evalwazzjoni tal-kobor tar-riskju għall-Fond, il-Kummissjoni messha għamlet riferiment għat-tip tal-għajnuna addizzjonali skont is-superfiċji u fir-rigward tagħha tapplika r-rata ta’ 2 % li hija applikat għall-għajnuna mogħtija għas-superfiċji li ma humiex mergħat.

136    Fil-fatt, minbarra l-fatt li r-Repubblika Ellenika sempliċement issostni, insostenn tal-argument tagħha, in-natura anċillari tal-għajnuna skont is-superfiċji, mir-rapport ta’ sinteżi jirriżulta li t-tnaqqis tar-rata ta’ korrezzjoni minn 5 % għal 2 % imposta għall-għajnuna għas-superfiċji li ma humiex mergħat (art li tinħarat) jirriżulta mill-applikazzjoni tal-“effett mitiganti”. Issa, hekk kif issostni l-Kummissjoni, tnaqqis analogu minħabba l-“effett mitiganti” ma jistax japplika għall-għajnuna addizzjonali skont is-superfiċji għaliex fir-rigward tagħha l-“effett mitiganti” ma għandu ebda rwol. Fil-fatt, għal din it-tip ta’ għajnuna, li hija marbuta mal-produzzjoni, ma jsirx użu mid-“drittijiet għall-pagament”, peress li dawn tal-aħħar jiġu attivati minn superfiċji ammissibbli li n-numru tagħhom jista’ jkun inferjuri għas-superfiċji totali ddikjarati minn bidwi. Għalhekk, fil-każ tal-għajnuna addizzjonali skont is-superfiċji, hija biss is-superfiċji effettivament ikkultivata li tkun ġiet iddikjarata li tagħti bażi għall-għajnuna korrispondenti.

137    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, dan l-ilment għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, il-motiv dwar il-korrezzjoni ta’ 5 % dwar l-għajnuna addizzjonali skont is-superfiċji kollu għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv dwar il-korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 % li tikkonċerna l-għajnuna għall-iżvilupp rurali

138    Fil-kuntest tal-motiv dwar il-korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 % li tikkonċerna l-għajnuna għall-iżvilupp rurali, ir-Repubblika Ellenika tqajjem tliet ilmenti, ibbażati fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, fuq żball ta’ fatt u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, rispettivament. Barra minn hekk, hija tallega impożizzjoni doppja ta’ korrezzjoni għall-istess raġuni.

139    F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tal-motiv preżenti, ir-Repubblika Ellenika mill-ġdid sempliċement telenka, fid-dikjarazzjoni tal-motiv, l-imsemmija lmenti, u wara dan l-elenku twettaq argumentazzjoni konfuża u, parzjalment mhux appoġġjata fir-rigward tal-prinċipji allegatament miksura. Madankollu, għalkemm l-ambigwità rrilevata hija diżappuntanti, din tal-aħħar ma xxekkilx lill-Kummissjoni milli tippreżenta argumenti ta’ difiża, u lanqas ma xxekkel lill-Qorti Ġenerali milli tiddeċiedi dwar ir-rikors (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Sachsa Verpackung vs Il-Kummissjoni, T‑79/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:674, punt 21). Fil-fatt, mid-dokumenti tar-Repubblika Ellenika jirriżulta li essenzjalment hija tinvoka lment ibbażat fuq żball ta’ motivazzjoni u lment ibbażat fuq impożizzjoni doppja tal-korrezzjoni għall-istess raġuni fir-rigward tal-miżura li ġġib in-numru 214 tal-programm ta’ żvilupp rurali.

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni addizzjonali

140    Fl-ewwel lok, hekk kif diġà ġie rrilevat, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-clearance tal-kontijiet tal-Fondi jittieħdu abbażi ta’ rapport ta’ sinteżi kif ukoll abbażi ta’ korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2002, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑132/99, EU:C:2002:168, punt 39). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tirrifjuta li tqiegħed parti mill-infiq iddikjarat a karigu tal-Fond għandha titqies bħala suffiċjenti meta l-Istat destinatarju jkun ġie assoċjat mill-qrib mal-proċess ta’ tfassil ta’ din id-deċiżjoni u meta huwa kien jaf ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni kienet tqis li ma għandhiex tqiegħed is-somma kontenzjuża a karigu tal-Fond (sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑263/98, EU:C:2001:455, punt 98, u tas-17 ta’ Mejju 2013, Il-Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑294/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:261, punt 94).

141    Fit-tieni lok, konformement mal-Artikolu 73 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, tal-20 ta’ Settembru 2005, dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-FAEŻR (ĠU 2010 L 286M, p. 26, Rettifika ĠU 2012, L 206, p. 23), sabiex jiġi żgurat, fil-kuntest tal-ġestjoni kondiviża, ġestjoni finanzjarja tajba konformement mal-Artikolu 274 KE, il-Kummissjoni għandha timplementa l-azzjonijiet u l-kontrolli stabbiliti fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1290/2005.

142    Konformement mal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1290/2005, il-Kummissjoni għandha tiżgura, b’mod partikolari, l-eżistenza u l-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll fl-Istati Membri.

143    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, hekk kif osservat ġustament il-Kummissjoni mingħajr ma r-Repubblika Ellenika kkontestat, li l-għajnuna għall-iżvilupp rurali inkwistjoni f’din il-kawża hija għajnuna skont is-superfiċji agrikola ddikjarata.

144    Minn dan isegwi li s-sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tapplika għas-sistemi ta’ sostenn dirett kif ukoll għall-miżuri ta’ żvilupp rurali li huma mogħtija abbażi tan-numru ta’ ettari.

145    F’dan ir-rigward, għandha titfakkar l-importanza, diġà msemmija, li l-istabbiliment tas-SIPA-SIG għandu għall-funzjonament tas-sistema ta’ għajnuna skont is-superfiċji. Fil-fatt, l-identifikazzjoni tal-pakketti agrikoli tikkostitwixxi element prinċipali tal-applikazzjoni korretta ta’ sistema marbuta mas-superfiċji. L-assenza ta’ sistema affidabbli ta’ identifikazzjoni tal-pakketti timplika, minnha nfisha, riskju għoli ta’ dannu għall-baġit tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 2011, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑214/07, mhux ippubblikata, EU:T:2011:130, punt 57, u tal-5 ta’ Lulju 2012, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑86/08, EU:T:2012:345, punt 122).

146    F’dan il-każ, mill-elementi tal-proċess jirriżulta li r-Repubblika Ellenika ġiet assoċjata mal-proċess ta’ tfassil tad-deċiżjoni kkontestata u li l-Kummissjoni rrilevat in-nuqqasijiet fil-funzjonament tas-SIPA-SIG u tal-kontrolli fuq il-post fil-korrispondenza inizjali, fil-kuntest tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni u fil-pożizzjoni finali, hekk kif jirriżulta mill-ittri skambjati mill-Kummissjoni u mir-Repubblika Ellenika, mill-opinjoni tal-korp ta’ konċiljazzjoni u mir-rapport ta’ sinteżi. In-nuqqasijiet ikkonstatati kienu jaffettwaw it-tipi kollha ta’ għajnuna skont is-superfiċji.

147    Għaldaqstant jirriżulta b’mod ċar mill-ittri tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Novembru 2008 u tal-31 ta’ Mejju 2013, kif ukoll mill-pożizzjoni finali tagħha, li r-Repubblika Ellenika kienet taf l-irregolaritajiet li mmotivaw il-korrezzjonijiet imposti. Fil-fatt, is-servizzi tal-Kummissjoni b’mod espress ikkritikaw lill-awtoritajiet Griegi għad-disfunzjonamenti fis-SIPA-SIG u fil-kontrolli fuq il-post.

148    Fl-aħħar nett, fir-rapport ta’ sinteżi, il-Kummissjoni kkonkludiet li “[g]ħall-miżuri kollha tat-tieni pilastru bbażati fuq is-superfiċji, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-konstatazzjonijiet kollha, u konformement mad-dispożizzjonijiet tad-dokument VI/5330/97, qiegħda tiġi proposta korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 %”.

149    Minn dan isegwi li r-Repubblika Ellenika kienet assoċjata mill-qrib mal-proċess ta’ tfassil tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kienet taf ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni kienet tqis li ma għandhiex tqiegħed is-somma kontenzjuża a karigu tal-Fond u li matul il-proċedura amministrattiva l-Kummissjoni espressament indikat ir-raġunijiet tal-imputazzjoni tal-korrezzjoni b’rata fissa inkwistjoni.

150    F’dan ir-rigward, hija irrilevanti l-allegazzjoni tar-Repubblika Ellenika, li barra minn hekk ma hijiex appoġġjata, li tgħid li għall-evalwazzjoni tar-riskju li n-nuqqasijiet ikkonstatati jirrappreżentaw, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni ż-żieda tal-kontrolli fuq il-post prevista fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-miżura ta’ żvilupp rurali inkwistjoni. Jekk wieħed jippreżupponi li fil-fatt dan seħħ, iż-żieda tal-kontrolli fuq il-post ma tistax tikkumpensa għan-nuqqasijiet ikkonstatati fit-twettiq tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2013, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑294/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:261, punt 205).

151    Barra minn hekk, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 133 iktar ’il fuq, għandu jiġi osservat li, jekk wieħed jippreżupponi li, billi tinvoka t-titjib kostanti tas-SIPA-SIG, ir-Repubblika Ellenika tagħmel riferiment għat-titjib magħmul sa mis-sena 2009 wara pjan ta’ azzjoni għal dan l-għan, titjib magħmul wara s-sena 2008, anki jekk wieħed jippreżupponi li dan seħħ, ma jistax jikkontesta l-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq. Għaldaqstant, l-ewwel ilment, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni addizzjonali, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq allegata korrezzjoni doppja imposta għall-istess raġuni

152    Ir-Repubblika Ellenika essenzjalment issostni li l-korrezzjoni dwar l-għajnuna għall-iżvilupp rurali għandha tiġi annullata sa fejn din allegatament tiġi applikata għat-tieni darba f’dak li jikkonċerna l-miżura ta’ żvilupp rurali li ġġib in-numru 214.

153    B’mod iktar partikolari, ir-Repubblika Ellenika qabelxejn issostni li, konformement mal-linji gwida applikati mill-Kummissjoni, stabbiliti fid-Dokument Nru VI/5330/97, meta jiġu identifikati diversi nuqqasijiet fl-istess sistema, il-korrezzjonijiet b’rata fissa ma għandhomx japplikaw b’mod kumulattiv, iżda biss in-nuqqas l-iktar serju, f’termini ta’ riskji inkorsi mis-sistema ta’ kontroll fl-intier tagħha, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni.

154    Hekk kif ġie ppreċiżat fir-replika u waqt is-seduta, ir-Repubblika Ellenika tikkontesta l-metodu ta’ kalkolu tal-korrezzjoni imposta f’dan il-każ.

155    Fil-fatt, ir-Repubblika Ellenika ssostni li, minkejja t-tnaqqis ta’ EUR 2 318 055.75, il-Kummissjoni imponiet korrezzjoni doppja għall-istess raġuni bħal dik ta’ korrezzjoni imposta preċedentement. B’mod partikolari, ir-Repubblika Ellenika tqis li t-tnaqqis inkwistjoni ma jiħux kont tal-korrezzjoni sħiħa imposta skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/214/UE, tat-2 ta’ Mejju 2013, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanziji tal-FAEGG, skont il-FAEG u skont il-FAEŻR (ĠU 2013, L 123, p. 11). Ir-Repubblika Ellenika ssostni li huwa impossibbli għaliha li tifhem il-metodu ta’ kalkolu tal-ammont ta’ EUR 2 318 055.75, li kien l-uniku ammont meħud inkunsiderazzjoni għall-korrezzjoni imposta skont id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2013/214, filwaqt li din tal-aħħar allegatament kienet ta’ EUR 3 328 030.09.

156    Qabelxejn, mir-rapport ta’ sinteżi, li għalih tagħmel riferiment id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2013/214 jirriżulta li d-dgħufijiet fil-kontrolli kkonstatati mill-Kummissjoni kienu jikkonċernaw l-osservanza tal-impenji imposti, kif ukoll in-natura kompleta tar-rapporti ta’ kontroll u t-traċċabbiltà, fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ miżura ta’ għajnuna għall-iżvilupp rurali li ġġib in-numru 214, għas-sena ta’ applikazzjoni 2008. Għall-kuntrarju, in-nuqqasijiet ikkonstatati ma kinux jikkonċernaw is-superfiċji (il-limiti u s-superfiċji massimi eliġibbli) tal-pakketti, li ġew irrilevati fil-kuntest tal-investigazzjoni li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata f’din il-kawża, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-istess miżura ta’ għajnuna għall-iżvilupp rurali li ġġib in-numru 214.

157    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li ż-żewġ korrezzjonijiet b’rata fissa konsekuttivi ġew imposti għal dgħufijiet u nuqqasijiet differenti identifikati fiż-żewġ investigazzjonijiet konsekuttivi mwettqa mill-Kummissjoni għall-istess miżura ta’ għajnuna għall-iżvilupp rurali. F’dan ir-rigward, kemm fir-risposta bil-miktub tagħha għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura kif ukoll waqt is-seduta, il-Kummissjoni sostniet li kellha l-obbligu li tnaqqas l-ammont tal-korrezzjoni kontenzjuża sabiex tevita kumulu ta’ korrezzjonijiet, iżda ssostni li t-tnaqqis ta’ EUR 2 318 055.75 huwa korrett għal dan il-għan.

158    Fir-rigward tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2013/214, mill-parti tal-Anness tal-imsemmija deċiżjoni ddedikat għall-entratura baġitarja 6711 jirriżulta li l-Kummissjoni imponiet, minn naħa, korrezzjoni b’rata fissa ta’ 2 % għas-sena 2009 għal dgħufijiet li jikkonċernaw il-kontrolli fuq il-post f’dak li jikkonċerna t-tieni pilastru tal-PAK, ta’ ammont ta’ EUR 959 020.85, u, min-naħa l-oħra, korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % għas-sena 2009 għal dgħufijiet li jikkonċernaw il-kontrolli fuq il-post f’dak li jikkonċerna t-tieni pilastru tal-PAK, ta’ ammont ta’ EUR 2 369 009.27. L-ammont totali tal-korrezzjoni imposta għas-sena 2009 għal dgħufijiet li jirrigwardaw il-kontrolli fuq il-post f’dak li jikkonċerna l-iżvilupp rurali (it-tieni pilastru tal-PAK), kien ta’ EUR 3 328 030.09.

159    Fir-rigward, sussegwentement, tal-ammonti tal-korrezzjonijiet imposti fid-deċiżjoni kkontestata, mill-parti tal-Anness tal-imsemmija deċiżjoni ddedikata għall-entratura baġitarja 6711 jirriżulta li l-Kummissjoni imponiet korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % għal dgħufijiet li jirrigwardaw is-SIPA u l-kontrolli fuq il-post f’dak li jikkonċerna l-iżvilupp rurali (it-tieni pilastru tal-PAK). Skont l-istess anness, l-ammont inizjali ta’ din il-korrezzjoni kien ta’ EUR 5 007 867.36, li minnu l-Kummissjoni naqqset EUR 2 318 055.75 għall-korrezzjoni preċedenti imposta skont id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2013/214. B’teħid kont ta’ dan it-tnaqqis, l-effett finanzjarju tal-korrezzjoni kontenzjuża huwa ta’ EUR 2 689 811.61.

160    Fir-rigward tat-tnaqqis iċċitat iktar ’il fuq ta’ EUR 2 318 055.75, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni fir-risposta u fil-kontroreplika jirriżulta li l-ammont ta’ EUR 2 318 055.75, li jikkorrispondi għall-ammont ta’ korrezzjoni preċedenti mnaqqsa mill-korrezzjoni inkwistjoni f’din il-kawża, allegatament ġie inkluż, għas-sena ta’ applikazzjoni 2008, fl-ammont tal-korrezzjoni b’rata fissa ta’ EUR 2 369 009.27, li kien jikkonċerna s-sentejn ta’ applikazzjoni, jiġifieri l-2008 u l-2009.

161    Mistoqsija dwar il-modalitajiet ta’ kalkolu tal-ammont ta’ EUR 2 318 055.75 imnaqqsa mill-korrezzjoni kontenzjuża, fir-risposta tagħha għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, u sussegwentement fl-udjenza, il-Kummissjoni spjegat li l-korrezzjoni preċedenti imputata fl-2009 għas-sena 2008 kienet ta’ EUR 3 745 694.27 fuq total ta’ spejjeż ta’ EUR 134 518 285.02. Skont l-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni, din il-korrezzjoni kienet tikkonċerna madankollu l-miżuri kollha ta’ żvilupp rurali (indikati mill-kodiċi li jispiċċa bi 001). Għall-istess perijodu, skont il-Kummissjoni, il-ħlasijiet diretti kienu ta’ EUR 83 247 820.42. Minn dan isegwi, skont il-Kummissjoni, li r-rabta bejn il-ħlasijiet diretti skont is-superfiċji u l-infiq kollu għall-miżuri agroambjentali kienet ta’ 61 %.

162    Sussegwentement il-Kummissjoni ssostni li, peress li sabiex tiġi evitata korrezzjoni doppja hija kellha tnaqqas biss l-ammont tal-korrezzjoni preċedenti li tirrigwarda l-għajnuna għall-iżvilupp rurali korrispondenti għall-perċentwal ta’ din l-għajnuna marbuta mas-superfiċji, għall-korrezzjoni preċedenti hija applikat ir-rata ta’ 61 % skont ir-rabta msemmija fil-punt 161 hawn fuq. Meta għamlet hekk hija kisbet l-ammont ta’ EUR 2 318 055.75 li hija naqqset.

163    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li d-dokumenti ppreżentati mill-Kummissjoni insostenn tal-metodu ta’ kalkolu tagħha tat-tnaqqis ta’ EUR 2 318 055.75, fi kwalunkwe każ ma japoġġjawhx. Fil-fatt, l-ammonti li jinsabu fit-tabelli ppreżentati mill-Kummissjoni fl-Anness VIa tar-risposta tagħha ma humiex konformi mal-ammonti tat-tabelli ppreżentati mill-Kummissjoni fl-anness tar-risposta tagħha għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. B’mod iktar partikolari, minn naħa, il-bażijiet tal-kalkolu tal-korrezzjonijiet imposti ma jaqblux fid-dokumenti ppreżentati mill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, din tal-aħħar baqgħet ma spjegatx l-oriġini tal-ammont ta’ EUR 134 518 285.02 u tal-ammont tat-tnaqqis preċedenti imputat fl-2009 għas-sena ta’ applikazzjoni 2008 li kien ta’ EUR 3 745 694.27, liema ammonti ma jirriżultaw minn ebda dokument li jinsab fil-proċess. Bl-istess mod, il-Kummissjoni baqgħet ma spjegatx ir-rilevanza ta’ dawn iċ-ċifri għall-kalkolu tat-tnaqqis kontenzjuż u għall-eliminazzjoni ta’ korrezzjoni doppja bejn id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2013/214 u d-deċiżjoni kkontestata.

164    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-“għajnuna diretta” li għaliha tirreferi l-Kummissjoni fir-risposta tagħha għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura taqa’ taħt l-ewwel pilastru tal-PAK. Issa, kemm il-korrezzjoni kontenzjuża kif ukoll il-korrezzjoni preċedenti imposta skont id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2013/214, li suppost tnaqqset, jikkonċernaw l-iżvilupp rurali (it-tieni pilastru tal-PAK). Minn dan jirriżulta li r-risposta tal-Kummissjoni għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura hija ambigwa u twassal għal konfużjoni, sa fejn din tindika li l-kalkolu żbaljat tas-superfiċji għandu riperkussjonijiet kemm fuq il-ħlasijiet diretti u kif ukoll fuq l-għajnuna għall-iżvilupp rurali, iżda hija tibqa’ ma tippreċiżax fiex dan jiġġustifika l-ispjegazzjonijiet segwenti.

165    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjoni għall-miżura meħuda u tippermetti lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2016, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑384/14, EU:T:2016:298, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

166    Issa, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata fiha biss is-somom tal-korrezzjoni imposta u tat-tnaqqis mingħajr ebda indikazzjoni li tista’ tikkjarifika l-kalkolu tagħhom. Barra minn hekk, hekk kif huwa espost fil-punt 163 hawn fuq, ir-raġunament li wassal lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra li t-tnaqqis tal-ammont ta’ EUR 2 318 055.75 huwa suffiċjenti sabiex jittieħed kont tal-korrezzjoni preċedenti, imposta skont id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2013/214, għadu ambigwu u lakunarju.

167    Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 165 hawn fuq, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni f’dak li jikkonċerna l-assenza ta’ kumulu ta’ korrezzjonijiet. Konsegwentement, it-tielet motiv tar-Repubblika Ellenika għandu jintlaqa’ u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn tikkonċerna l-kalkolu tal-ammont tal-korrezzjoni ta’ EUR 5 007 867.36, tat-tnaqqis ta’ EUR 2 318 055.75 u tal-effett finanzjarju ta’ EUR 2 689 811.61 fir-rigward tal-infiq relatat mal-għajnuna għall-iżvilupp rurali (it-tieni pilastru) u imposti għas-sena 2009 għad-dgħufijiet li jikkonċernaw is-SIPA u l-kontrolli fuq il-post għas-sena ta’ applikazzjoni 2008.

168    Mill-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq kollha jirriżulta li hemm lok, minn naħa, li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata għal nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn hija teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni nfiq imġarrab mir-Repubblika Ellenika fis-settur tal-iżvilupp rurali Feader Axe 2 (2007-2013, miżuri marbuta mas-superfiċji), għas-sena ta’ eżerċizzju 2009, għad-dgħufijiet li jikkonċernaw is-SIPA u l-kontrolli fuq il-post (it-tieni pilastru, sena ta’ applikazzjoni 2008), u, min-naħa l-oħra, li l-kumplament tar-rikors jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

169    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża dan ikun jidher ġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

170    F’dan il-każ għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Ellenika ma talbitx li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

171    Konsegwentement, peress li r-Repubblika Ellenika naqset milli titlob l-ispejjeż u peress li r-rikors intlaqa’ biss parzjalment, hemm lok li r-Repubblika Ellenika tiġi kkundannata għall-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni, konformement mat-talbiet ta’ din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/950/UE, tad19 ta’ Diċembru 2014, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont it-Taqsima tal-Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) hija annullata sa fejn tikkonċerna l-ammonti tal-korrezzjoni ta’ EUR 5 007 867.36, tat-tnaqqis ta’ EUR 2 318 055.75 u tal-effett finanzjarju ta’ EUR 2 689 811.61, fir-rigward tal-infiq imġarrab mir-Repubblika Ellenika fis-settur tal-iżvilupp rurali Feader Axe 2 (20072013, miżuri marbuta mas-superfiċji), għas-sena fiskali 2009, għad-dgħufijiet li jikkonċernaw is-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Pakketti Agrikoli (SIPA) u l-kontrolli fuq il-post (it-tieni pilastru, sena ta’ applikazzjoni 2008).

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Ir-Repubblika Ellenika għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Gratsias

Kancheva

Półtorak

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-30 ta’ Marzu 2017.

Firem


Werrej



Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq il-motiv dwar il-korrezzjoni finanzjarja ta’ 10 % li tikkonċerna l-għajnuna skont is-superfiċji

Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq l-interpretazzjoni u fuq l-applikazzjoni żbaljati tal-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004

Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

Fuq il-motiv dwar il-korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 % li tikkonċerna l-għajnuna addizzjonali skont is-superfiċji

Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal-garanziji proċedurali fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża

Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

Fuq il-motiv dwar il-korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 % li tikkonċerna l-għajnuna għall-iżvilupp rurali

Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni addizzjonali

Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq allegata korrezzjoni doppja imposta għall-istess raġuni

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.