Language of document : ECLI:EU:C:2023:711

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit‑28 ta’ Settembru 2023 (1)

Kawża C470/21

La Quadrature du Net,

Fédération des fournisseurs d’accès à Internet associatifs,

Franciliens.net,

French Data Network

vs

Premier ministre,

Ministère de la Culture

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat (Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58/KE – Artikolu 15(1) – Fakultà għall-Istati Membri li jillimitaw il-portata ta’ ċerti drittijiet u obbligi – Obbligu ta’ stħarriġ minn qabel minn qorti jew entità amministrattiva indipendenti li għandha setgħa vinkolanti – Data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għal indirizz IP”






I.      Introduzzjoni

1.        Fuq talba tal-Awla Manja, imressqa skont l-Artikolu 60(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar iddeċidiet, fis‑7 ta’ Marzu 2023, li tirrinvija din il-kawża lis-Seduta Plenarja.

2.        Permezz ta’ digriet tat‑23 ta’ Marzu 2023, il-Qorti tal-Ġustizzja (Seduta Plenarja) iddeċidiet il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura u stiednet lill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) u lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) sabiex jipparteċipaw f’seduta ġdida.

3.        Fis‑27 ta’ Ottubru 2022, jiena kont ippreżentajt l-ewwel konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura. Għalhekk, dawn il-konklużjonijiet ġodda huma għalija l-okkażjoni li nidħol iktar fid-dettall dwar ċerti elementi tar-raġunament tiegħi f’din il-kawża fuq kwistjonijiet essenzjali li jirrigwardaw iż-żamma u l-aċċess għal data personali.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

4.        Il-premessi 2, 6, 7, 11, 22, 26 u 30 tad-Direttiva 2002/58/KE (2) jistabbilixxu:

“(2)      Din id-Direttiva tfittex li tirrispetta d-drittijiet fondamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [(iktar ’il quddiem il-‘Karta’)]. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ tad-drittijiet stipulati fl-Artikoli 7 u 8 ta’ dik il-Karta.

[...]

(6)      L-Internet qed jaqleb l-istrutturi tas-suq tradizzjonali billi jipprovdi infrastruttura komuni u globali għat-twassil ta’ medda wiesgħa ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika. Servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament fuq l-Internet jiftħu possibiltajiet ġodda għal min jużahom iżda ukoll riskji ġodda għal data personali u privatezza tagħhom.

(7)      Fil-każ ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni, dispożizzjonijiet speċifiċi legali, regolatorji, u tekniċi għandhom jsiru sabiex ikunu protetti d-drittijiet u libertajiet fondamentali tal-persuni naturali u l-interessi leġittimi tal-persuni legali, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità li dejjem tiżdied tal-ħażna awtomatizzata u l-ipproċessar tad-data li għandha x’taqsam ma’ l-abbonati u l-utenti.

[...]

(11)      Bħad-Direttiva [95/46/KE (3)], din id-Direttiva ma tittrattax kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fondamentali relatati ma’ l-attivitajiet li mhumiex regolati mil-liġi Komunitarja. Għaldaqstant ma tbiddilx il-bilanċ eżistenti bejn id-dritt ta’ l-individwu għall-privatezza u l-possibbiltà għall-Istati Membri li jieħdu l-miżuri msemmijin fl-Artikolu 15(1) ta’ din id-Direttiva, neċessarji għall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika, difiża, sigurta ta’ l-Istat (li tinkludi il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-attivitajiet huma ta’ materja ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-infurzar tal-liġi kriminali. Konsegwenetement, din id-Direttiva ma taffetwax l-abbiltà ta’ l-Istati Membri li jwettqu l-interċezzjoni legali ta’ komunikazzjoni elettronika, jew li jieħdu miżuri oħra, jekk neċessarji għal kwalunkwe wieħed minn dawn l-iskopijiet u skond il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali, [iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950,] hekk kif interpretati mid-deċii\ jonijiet [deċiżjonijiet] tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dawn il-miżuri għandhom jkunu xierqa, strettament proporzjonali għall-iskop maħsub kif ukoll neċessarji fi ħdan soċjetà demokratika u għandhom ikunu suġġetti għal salvagwardji adegwati skond il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali.

[...]

(22)      Il-projbizzjoni tal- ]a\na [ħażna] tal-komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatati minn persuni minbarra l-utenti jew mingħajr il-kunsens tagħhom mhix maħsuba li tipprojbixxi ħażna awtomatika, intermedja u temporanja ta’ din l-informazzjoni sa fejn dan isir għall-iskop uniku li titwettaq it-trasmissjoni fin-network tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u sakemm l-informazzjoni ma tinħażinx għal żmien itwal milli huwa meħtieġ għat-trasmissjoni u għall-iskopijiet tal-ġestjoni tat-traffiku, u li matul iż-żmien tal-ħażna tibqa’ garantita l-kunfidenzjalità. [...]

[...]

(26)      Id-data dwar l-abbonati li tiġi pproċessata fin-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi biex jiġu stabbiliti l-konnessjonijiet u tiġi trasmessa l-informazzjoni ikun fihom informazzjoni dwar il-ħajja privata ta’ persuni naturali u jikkonċernaw id-dritt għar-rispett tal-korrispondenza tagħhom jew jikkonċernaw l-interessi leġittimi ta’ persuni legali. Dawn id-data jistgħu jinħażnu biss sa fejn huma meħtieġa g]all-provvista tas-servizz u għall-iskop tal-kontijiet u l-ħlas ta’ l-interkonnessjoni, u għal żmien limitat. Kull proċessar ulterjuri ta’ dawn id-data [...] jista jiġi permess biss jekk l-abbonat ikun qabel ma’ dan fuq il-ba\i [bażi] ta’ informazzjoni preċiża u sħiħa mogħtija mill-provditur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli pubblikament dwar it-tipi ta’ proċessar ulterjuri li bi ħsiebu jagħmel u dwar id-dritt ta’ l-abbonat li ma jagħtix jew li jirtira l-kunsens tiegħu/tag]ha [tagħha] għal tali proċessar.[...]

[...]

(30)      Sistemi għall-provvista ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika għandhom ikunu diżinjati li jillimitaw l-ammont ta’ data personali meħtieġa għall-minimu strettament possibbli. [...]”

5.        Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”:

“[...]

Għandhom jgħoddu wkoll dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)      ‘utent’ tfisser kull persuna naturali li tuża servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, għal skopijiet privati jew ta’ negozju, mingħajr ma tkun neċessarjament abbonat għal dan is-servizz;

b)      ‘Data dwar it-traffiku’ tfisser data pproċessata għall-iskopijiet li titntbagħat komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjoni elettonika jew biex isir il-kont għaliha;

c)      ‘data dwar is-sit’ tfisser data pproċessata f’network ta’ komunikazzjoni elettronika jew minn servizz ta’ komunikazzjoni elettronika, li tindika il-pożizzjoni ġeografika tat-tagħmir terminali ta’ utent ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament;

d)      ‘komunikazzjoni’ tfisser informazzjoni skambjata jew mibgħuta bejn numru finit ta’ partijiet permezz ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament. Dan ma jinkludix informazzjoni mibgħuta bħala parti minn servizz ta’ xandir lill-pubbliku fuq network ta’ komunikazzjoni elettronika, ħlief sa fejn l-informazzjoni tista’ tkun relatata ma’ l-abbonat jew utent identifikabbli li jirċievi l-informazzjoni;

[...]”

6.        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Servizzi kkonċernati”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali f’konnessjoni mal-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi pubblikament disponibbli f’networks ta’ komunikazzjoni pubbliċi fil-Komunità, inklużi n-networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi li jsostnu l-ġbir tad-data u l-apparat ta’ identifikazzjon.”

7.        L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Konfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u data dwar it-traffiku relatati permezz ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, permezz ta’ liġijiet nazzjonali. Partikolarment għandhom jipprojbixxu s-smigħ, tapping, ħażna jew modi oħrajn ta’ interċettazzjoni jew sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatati minn persuni minbarra l-utenti, mingħajr il-kunsens ta’ l-utenti konċernati, ħlief fejn legalment awtorizzati li jagħmlu dan skond l-Artikolu 15(1). Dan il-paragrafu m’għandux jipprevjeni l-ħażna teknika li hija meħtieġa biex tintbagħat komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-prinċijpju tal-kunfidenzjalità.

[...]

3.      . L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħżin tal-informazzjoni, jew il-ksib tal-aċċess għall-informazzjoni diġà maħżuna, fit-tagħmir terminali ta’ abbonat jew utent huma permessi biss bil-kondizzjoni li l-abbonat jew l-utent ikkonċernati ikunu taw il-kunsens tagħhom, wara li jkunu ġew provduti b’informazzjoni ċara u komprensiva skont id-Direttiva [95/46], dwar inter alia l-għanijiet tal-ipproċessar mill-kontrollur tad-data. Dan ma jimpedixxi l-ebda ħżin jew aċċess tekniku għall-għan esklużiv ta’ implimentazzjoni tat-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, jew kif strettament meħtieġ sabiex il-fornitur ta’ servizz tal-informazzjoni tas-soċjetà espliċitament mitlub mill-abbonat jew l-utent biex jipprovdi s-servizz”

8.        Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Data dwar it-traffiku”:

“1.      Data dwar it-traffiku relatata ma’ abbonati u utenti ipproċessat u maħżun mill-provditur ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament għandhom jitħassru jew jiġu magħmula anonimi meta m’għadhomx aktar meħtieġa għall-iskop tat-trasmissjoni ta’ komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2, 3 u 5 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 15(1).

2.      Data dwar it-traffiku meħtieġa biex isiru l-kontijiet ta’ l-abbonati u ħlasijiet ta’ interkonnessjoni jistgħu jiġu proċessati. Tali proċessar huwa permissibbli biss sat-tmiem tal-perjodu li fih il-kont jista’ legalment jiġi kkontestat jew il-ħlas jiġi persegwit.

[...]”

9.        L-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva, intitolat “Applikazzjoni ta’ xi disposizzjonijiet tad-Direttiva [95/46]”, jistabbilixxi:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id- Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjetà demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva [95/46]. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għarr-raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu. Il-miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi [tal-Unjoni], inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) [TUE].”

B.      Iddritt Franċiż

1.      Ilcode de la propriété intellectuelle (ilKodiċi talProprjetà Intellettwali)

10.      L-Artikolu L. 331‑12 tal-Kodiċi tal‑Proprjetà Intellettwali, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“KPI”), jipprovdi:

“La Haute Autorité pour la diffusion des œuvres et la protection des droits sur Internet (l-Awtorità Għolja għad-Distribuzzjoni tax-Xogħlijiet u għall-Protezzjoni tad-Drittijiet fuq l-Internet) [iktar ’il quddiem il-‘Hadopi’] hija awtorità pubblika indipendenti”.

11.      L-Artikolu L. 331‑13 tal-KPI jipprevedi:

“Il-[Hadopi] għandu jkollha:

[...]

2°      Missjoni ta’ protezzjoni [tax-xogħlijiet u oġġetti li magħhom hemm marbutin drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati fuq in-networks ta’ komunikazzjoni elettronika] kontra ksur ta’ dawn id-drittijiet imwettqa fuq in-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi użati għall-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku; […]”

12.      Skont l-Artikolu L. 331‑15 ta’ dan il-kodiċi:

“Il-[Hadopi] hija komposta minn kulleġġ u minn kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet. [...]

[...]

Fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom, il-membri tal-kulleġġ u tal-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet ma jirċievu struzzjonijiet minn ebda awtorità.”

13.      L-Artikolu L. 331‑17 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

“Il-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet hija responsabbli biex tieħu l-miżuri previsti fl-Artikolu L. 331‑25.”

14.      Skont l-Artikolu L. 331‑21 tal-istess kodiċi:

“Għall-eżerċizzju, mill-kummissjoni għall-protezzjonijiet tad-drittijiet, tas-setgħat tagħha, il-[Hadopi] għandha membri tal-persunal tas-servizz pubbliku li jkunu ħadu ġurament, li jkunu awtorizzati mill-President [tagħha] taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti b’digriet mill-Conseil d’État [il-Kunsill tal-Istat, Franza]. [...]

Il-membri tal-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-membri tal-persunal imsemmija fl-ewwel paragrafu jirċievu t-talbiet imressqa lill-imsemmija kummissjoni fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu L. 331‑24. Huma għandhom jipproċedu bl-eżami tal-fatti.

Huma jistgħu, minħabba l-ħtiġijiet tal-proċedura, jiksbu kull dokument, indipendentement mill-għamla tiegħu, inkluż id-data maħżuna u pproċessata mill-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi skont l-Artikolu L. 34‑1 tal-code des postes et des communications électroniques [il-Kodiċi tal-Posta u tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi] u mill- prestatarji msemmija fl-Artikolu 6(I)(1) u 6(I)(2) tal-loi no 2004‑575 du 21 juin 2004 pour la confiance dans l’économie numérique [il-Liġi Nru 2004‑575 tal‑21 ta’ Ġunju 2004 għall-Fiduċja fl-Ekonomija Diġitali].

Huma jistgħu jiksbu wkoll kopja tad-dokumenti msemmija fil-paragrafu preċedenti.

Huma jistgħu, b’mod partikolari, jiksbu mingħand l-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi l-identità, l-indirizz postali, l-indirizz elettroniku u d-dettalji telefoniċi tal-abbonat li l-aċċess tiegħu għas-servizzi ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku ntuża għal skopijiet ta’ riproduzzjoni, ta’ rappreżentazzjoni, ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni jew ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet jew ta’ oġġetti protetti mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarji tad-drittijiet [...] meta din l-awtorizzazzjoni tkun meħtieġa.”

15.      L-Artikolu L. 331‑24 tal-KPI jipprovdi:

“Il-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet taġixxi fuq talba tal-membri tal-persunal li jkunu ħadu ġurament u ġew approvati [...] li jinħatru minn:

–        l-organi ta’ difiża professjonali kkostitwiti regolarment;

–        l-organi ta’ ġestjoni kollettiva;

–        iċ-Ċentru nazzjonali taċ-ċinema u tal-immaġni li tiċċaqlaq.

Il-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tista’ taġixxi wkoll fuq il-bażi ta’ informazzjoni li tiġi trażmessa lilha mill-prosekutur tar-Repubblika.

Hija ma tistax tkun adita b’fatti li jmorru lura iktar minn sitt xhur.”

16.      Skont l-Artikolu L. 331‑25 ta’ dan il-kodiċi, dispożizzjoni li tirregola l-proċedura msejħa ta’ “risposta gradwata”:

“Meta tiġi adita b’fatti li huma suxxettibbli li jikkostitwixxu nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ddefinit fl-Artikolu L. 336‑3 [tal-KPI], il-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tista’ tibgħat lill-abbonat [...] rakkomandazzjoni li tfakkru bid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 336‑3, li tordnalu jirrispetta l-obbligu li dawn jiddefinixxu u jwissuh bis-sanzjonijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikoli L. 335‑7 u L. 335‑7 ‑ 1. Din ir-rakkomandazzjoni tinforma wkoll lill-abbonat fuq l-offerta legali ta’ kontenut kulturali online, fuq l-eżistenza ta’ mezzi ta’ sigurtà li jippermettu li jipprevjenu n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ddefinit fl-Artikolu L. 336‑3 kif ukoll fuq il-perikli għat-tiġdid tal-ħolqien artistiku u għall-ekonomija tas-settur kulturali tal-prattiki li ma jirrispettawx id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati.

F’każ ta’ tiġdid, f’terminu ta’ sitt xhur minn meta tintbagħat ir-rakkomandazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu, ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ddefinit fl-Artikolu L. 336‑3, il-kummissjoni tista’ tibgħat rakkomandazzjoni ġdida li tinkludi l-istess informazzjoni bħal dik preċedenti bil-mezz elettroniku [...] Hija għandha takkumpanja din ir-rakkomandazzjoni b’ittra li tintbagħat b’firma bħala prova jew kull mezz ieħor xieraq li jistabbilixxi l-prova tad-data tal-preżentazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni.

Ir-rakkomandazzjonijiet mibgħuta fuq il-bażi ta’ dan l-artikolu jsemmu d-data u l-ħin li fihom ġew ikkonstatati l-fatti li jistgħu jikkostitwixxu nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ddefinit fl-Artikolu L. 336‑3. Min-naħa l-oħra, dawn ma jiżvelawx il-kontenut tax-xogħlijiet jew tal-oġġetti protetti kkonċernati b’dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Huma jindikaw id-dettalji telefoniċi, postali u elettroniċi fejn id-destinatarju tagħhom jista’ jibgħat, jekk jixtieq, osservazzjonijiet lill-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet u jikseb, jekk jagħmel talba espressa għal dan il-għan, preċiżazzjonijiet fuq il-kontenut tax-xogħlijiet jew tal-oġġetti protetti kkonċernati bin-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li bih ikun akkużat.”

17.      L-Artikolu L. 331‑29 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

“Huwa permess il-ħolqien, mill-[Hadopi], ta’ pproċessar awtomatizzat ta’ data ta’ natura personali li tirrigwarda lill-persuni li huma s-suġġett ta’ proċedura fil-kuntest ta’ din it-taqsima.

Dan l-ipproċessar għandu bħala għan l-implimentazzjoni, mill-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet, tal-miżuri previsti f’din it-taqsima, tal-atti kollha ta’ proċedura relatati u tal-modalitajiet biex jiġu informati l-organi ta’ difiża professjonali u tal-organi ta’ ġestjoni kollettiva tal-eventwali talbiet lill-awtorità ġudizzjarja kif ukoll tan-notifiki previsti fil-ħames paragrafu tal-Artikolu L. 335‑7.

Id-digriet [...] jistabbilixxi l-modalitajiet għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu. Huwa jippreċiża b’mod partikolari:

–        il-kategoriji ta’ data rreġistrata u ż-żmien ta’ żamma tagħha;

–        id-destinatarji awtorizzati li jirċievu l-komunikazzjoni ta’ din id-data, b’mod partikolari l-persuni li l-attività tagħhom hija li joffru aċċess għas-servizzi ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku;

–        il-kundizzjonijiet li taħthom il-persuni kkonċernati jistgħu jeżerċitaw, quddiem il-[Hadopi], id-dritt ta’ aċċess tagħhom għad-data li tikkonċernahom [...]”

18.      L-Artikolu R. 331‑37 tal-istess kodiċi jipprovdi:

“L-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi [...] u l-prestatarji [...] huma obbligati jikkomunikaw, b’interkonnessjoni mal-ipproċessar awtomatizzat tad-data ta’ natura personali msemmija fl-Artikolu L. 331‑29 jew bl-użu ta’ mezz ta’ reġistrazzjoni li jiżgura l-integrità u s-sigurtà tagħhom, id-data ta’ natura personali u l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 tal-Anness tad-[décret no 2010‑236, du 5 mars 2010, relatif au traitement automatisé de données à caractère personnel autorisé par l’article L. 331‑29 du (CPI) (id-Digriet Nru 2010‑236 tal‑5 ta’ Marzu 2010 dwar l-ipproċessar awtomizzat ta’ data ta’ natura personali awtorizzat mill-Artikolu L. 331‑29 tal-[KPI] imsejjaħ ‘Sistema ta’ ġestjoni tal-miżuri għall-protezzjoni tax-xogħlijiet fuq l-internet’ (4) (iktar ’il quddiem id-“Digriet tal‑5 ta’ Marzu 2010)] [...] f’terminu ta’ tmint ijiem wara t-trażmissjoni mill-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet, tad-data teknika neċessarja għall-identifikazzjoni tal-abbonat li l-aċċess tiegħu għas-servizzi ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku ntuża għal skopijiet ta’ riproduzzjoni, ta’ rappreżentazzjoni, ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni jew ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet jew oġġetti protetti mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarji tad-drittijiet [...] meta dan ikun meħtieġ.

[...]”

19.      L-Artikolu R. 335‑5 tal-KPI jipprovdi:

“I.-      Jikkostitwixxi negliġenza grossolana, issanzjonat b’multa prevista għall-kontravvenzjonijiet tal-ħames klassi, il-fatt, mingħajr motiv leġittimu, li l-persuna li għandha dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku, meta jkunu jinsabu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fit-Taqsima II:

1°      Jew li ma implimentatx metodu ta’ sigurtà għal dan l-aċċess;

2°      Jew li naqset mid-diliġenza fl-implimentazzjoni ta’ dan il-metodu.

II.-      Id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima I huma applikabbli biss meta jkunu ssodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

1°      Skont l-Artikolu L. 331‑25 u bil-modi stabbiliti minn dan l-artikolu, il-persuna li għandha dritt ta’ aċċess tkun ingħatat rakkomandazzjoni mill-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet biex timplimenta metodu ta’ sigurtà tal-aċċess tagħha li jippermetti li jiġi prekluż it-tiġdid ta’ użu tal-aċċess għal finijiet ta’ riproduzzjoni, ta’ rappreżentazzjoni jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni jew ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet jew oġġetti protetti minn drittijiet tal-awtur jew minn drittijiet relatati mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarji tad-drittijiet [...] meta din tkun meħtieġa;

2°      Fis-sena ta’ wara l-preżentazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni, dan l-aċċess jintuża mill-ġdid għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ din it-Taqsima II.”

20.      L-Artikolu L. 336‑3 ta’ dan il-kodiċi jistabbilixxi:

“Il-persuna li għandha dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku għandha l-obbligu li tiżgura li dan l-aċċess ma jkunx użat għal finijiet ta’ riproduzzjoni, ta’ rappreżentazzjoni, ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni jew ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet jew ta’ oġġetti protetti mid-drittijiet tal-awtur jew minn drittijiet relatati mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarji […] meta din tkun meħtieġa.

In-nuqqas, tal-persuna li għandha dritt ta’ aċċess, milli twettaq l-obbligu ddefinit fl-ewwel paragrafu ma għandux l-effett li jwassal għar-responsabbiltà kriminali tal-persuna kkonċernata [...]”

2.      Iddigriet tal5 ta’ Marzu 2010

21.      Id-digriet tal‑5 ta’ Marzu 2010, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, jipprovdi, fl-Artikolu 1 tiegħu:

“L-ipproċessar ta’ data ta’ natura personali msejjaħ ‘Sistema ta’ ġestjoni tal-miżuri għall-protezzjoni tax-xogħlijiet fuq l-internet’ għandu bħala għan l-implimentazzjoni, mill-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-[Hadopi]:

1°      Tal-miżuri previsti mill-Ktieb III tal-parti leġiżlattiva tal-[KPI] (Titolu III, Kapitolu I, Taqsima 3(3)) u mill-Ktieb III tal-parti regolatorja tal-istess kodiċi (Titolu III, Kapitolu I, Taqsima 2(2);

2°      Tar-riferimenti mill-prosekutur tar-Repubblika ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu l-ksur previst fl-Artikoli L. 335‑2, L. 335-3, L. 335-4 u R. 335‑5 tal-istess kodiċi kif ukoll tal-informazzjoni lill-organi ta’ difiża professjonali u tal-organi ta’ ġestjoni kollettiva ta’ dawn ir-riferimenti;

[...]”

22.      L-Artikolu 4 ta’ dan id-digriet jipprovdi:

“I.-      Għandhom aċċess dirett għad-data ta’ natura personali u għall-informazzjoni msemmija fl-anness ta’ dan id-digriet il-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku li jkunu ħadu ġurament li jkunu awtorizzati mill-President tal-[Hadopi] skont l-Artikolu L. 331‑21 tal-[KPI] u l-membri tal-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 1.

II.-      L-operaturi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-prestatarji msemmija fit-Taqsima 2 tal-anness ta’ dan id-digriet huma destinatarji:

–        tad-data teknika meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-abbonat;

–        tar-rakkomandazzjonijiet previsti fl-Artikolu L. 331‑25 tal-[KPI] bil-għan li dawn jintbagħtu b’mod elettroniku lill-abbonati tagħhom;

–        tal-elementi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-pieni komplementari ta’ sospensjoni tal-aċċess għal servizz ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku li jkun inġieb għall-konjizzjoni tal-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet mill-prosekutur tar-Repubblika.

III.-      L-organi ta’ difiża professjonali u l-organi ta’ ġestjoni kollettiva huma destinatarji ta’ informazzjoni dwar ir-riferiment mill-prosekutur tar-Repubblika.

IV.-      L-awtoritajiet ġudizzjarji huma destinatarji tal-proċessi verbali li jikkonstataw il-fatti li jistgħu jikkostitwixxu l-ksur previst fl-Artikoli L. 335‑2, L. 335‑3, L. 335‑4, L. 335‑7, R. 331‑37, R. 331‑38 u R. 335‑5 tal-[KPI].

Ir-rekord kriminali awtomatizzat jiġi aġġornat bl-eżekuzzjoni tal-piena ta’ sospensjoni.”

23.      L-Anness tad-digriet tal‑5 ta’ Marzu 2010 jipprovdi:

“Id-data ta’ natura personali u informazzjoni rreġistrata fl-ipproċessar imsejjaħ ‘Sistema ta’ ġestjoni tal-miżuri għall-protezzjoni tax-xogħlijiet fuq l-internet’ hija s-segwenti:

1°      Data ta’ natura personali u informazzjoni provenjenti mill-organi ta’ difiża professjonali regolarment ikkostitwiti, mill-organi ta’ ġestjoni kollettiva, miċ-Ċentru nazzjonali taċ-ċinema u tal-immaġni animata kif ukoll dik provenjenti mill-prosekutur tar-Repubblika:

Fir-rigward tal-fatti li jistgħu jikkostitwixxu nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ddefinit fl-Artikolu L. 336‑3 tal-[KPI]:

Data u ħin tal-fatti;

Indirizz IP tal-abbonati kkonċernati;

Protokoll peer-to-peer użat;

Psewdonimu użat mill-abbonat;

Informazzjoni dwar ix-xogħlijiet jew oġġetti protetti kkonċernati mill-fatti;

Isem tal-fajl kif jidher fuq il-kompjuter tal-abbonat (jekk ikun il-każ);

Fornitur tal-aċċess għall-internet li miegħu kien sar l-abbonament għall-aċċess jew li pprovda r-riżorsa teknika IP.

[...]

2°      Data ta’ natura personali u informazzjoni dwar l-abbonat miġbura mingħand l-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi [...] u tal-prestatarji [...]:

Kunjom, ismijiet;

Indirizz postali u indirizz elettroniku;

Dettalji tat-telefon;

Indirizz tal-istallazzjoni telefonika tal-abbonat;

Fornitur tal-aċċess għall-internet, li juża r-riżorsi tekniċi tal-fornitur tal-aċċess imsemmi fil-paragrafu 1, li miegħu abbonat iffirma kuntratt; numru tal-fajl;

Data tal-bidu tas-sospensjoni tal-aċċess għal servizz ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku.

[...]”

3.      Ilcode des postes et des télécommunications (ilKodiċi talPosta u Komunikazzjonijiet Elettroniċi)

24.      L-Artikolu L. 34‑1 tal-Kodiċi tal-Posta u tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, kif emendat bl-Artikolu 17 tal-Liġi Nru 2021‑998 tat‑30 ta’ Lulju 2021 (5), jipprovdi, fil-paragrafu IIa tiegħu: “[L]-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi huma obbligati li jżommu:

1°      Għall-bżonnijiet tal-proċeduri kriminali, tal-prevenzjoni tat-theddid kontra s-sigurtà pubblika u tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, l-informazzjoni dwar l-identità ċivili tal-utent, sal-iskadenza ta’ terminu ta’ ħames snin b’effett minn tmiem il-validità tal-kuntratt tiegħu;

2°      Għall-istess finijiet bħal dawk imsemmija fis-subparagrafu 1 ta’ dan il-paragrafu IIa, l-informazzjoni l-oħra pprovduta mill-utent waqt l-iffirmar ta’ kuntratt jew waqt il-ħolqien ta’ kont kif ukoll l-informazzjoni dwar il-ħlas sal-iskadenza ta’ terminu ta’ sena b’effett minn tmiem il-validità tal-kuntratt tiegħu jew mill-għeluq tal-kont tiegħu;

3°      Għall-bżonnijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità u d-delinkwenza gravi, tal-prevenzjoni tat-theddid gravi kontra s-sigurtà pubblika u tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, id-data teknika li tippermetti li jiġi identifikat is-sors ta’ konnessjoni jew dawk li jirrigwardaw it-tagħmir terminali użat, sal-iskadenza ta’ terminu ta’ sena b’effett mill-konnessjoni jew mill-użu tat-tagħmir terminali.”

III. Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

25.      Bi tweġiba għall-istedina magħmula lill-partijiet interessati prevista fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Franċiż, Daniż, Estonjan, Irlandiż, Olandiż, Finlandiż u Svediż u kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea wieġbu għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.

26.      Dawn l-istess partijiet, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Finlandiż, il-Gvern Ċekk, dak Spanjol, dak Ċiprijott, dak Latvjan u dak Norveġiż, kif ukoll il-KEPD u l-ENISA, ipparteċipaw fis-seduta li nżammet fil‑15 ta’ Mejju 2023.

IV.    Analiżi

27.      L-analiżi tiegħi tad-domandi preliminari fl-ewwel konklużjonijiet tiegħi wasslitni sabiex nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti ż-żamma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u l-aċċess, minn awtorità amministrattiva bħall-Hadopi (6), limitat għal data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għall-indirizzi IP sabiex din l-awtorità tkun tista’ tidentifika l-proprjetarji ta’ dawn l-indirizzi ssuspettati li huma responsabbli għal ksur tad-dritt tal-awtur u tad-drittijiet relatati u tkun tista’ tieħu, jekk ikun il-każ, miżuri fil-konfront tagħhom, mingħajr ma dan l-aċċess ikun suġġett għal stħarriġ minn qabel minn xi qorti jew entità amministrattiva indipendenti, meta din id-data tikkostitwixxi l-uniku mezz ta’ investigazzjoni li jippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna li lilha dan l-indirizz kien assenjat fil-mument tat-twettiq tal-ksur.

28.      F’dawn il-konklużjonijiet, ser nidħol iktar fid-dettall fuq ċerti elementi tal-analiżi preċedenti tiegħi u fuq il-punti diskussi waqt is-seduta li nżammet fil‑15 ta’ Mejju 2023, sabiex nesponi r-raġunijiet li għalihom jiena nżomm kemm il-proposta tiegħi għal risposta għad-domandi preliminari kif ukoll ir-raġunament li wassalni għaliha (7).

29.      B’mod iktar partikolari, ser nuri li l-fatt li jiġu permessi ż-żamma u l-aċċess għal data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għall-indirizzi IP, mingħajr stħarriġ minn qabel, sabiex jiġu identifikati l-awturi ta’ ksur meta din id-data tikkostitwixxi l-uniku mezz ta’ identifikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-eżami tal-miżuri meħuda skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 (Taqsima B).

30.      B’hekk, ser nuri li tali soluzzjoni tikkostitwixxi, mhux bidla tal-ġurisprudenza eżiġenti u protettriċi tad-drittijiet fundamentali żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja sa mis-sentenzi Tele2 Sverige u Watson et (8) u La Quadrature du Net et (9), iżda żvilupp neċessarju tagħha, li jaqa’, fil-fehma tiegħi, fl-estensjoni tal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja. Din id-distinzjoni ma hijiex biss semantika. Fil-fatt, is-soluzzjoni li nipproponi hija intiża mhux sabiex tikkontesta l-ġurisprudenza eżistenti, iżda sabiex tippermetti, għall-finijiet ta’ ċertu pragmatiżmu, l-adattament tagħha f’ċirkustanzi partikolari u limitati b’mod strett ħafna (Taqsima Ċ).

31.      Għall-finijiet ta’ ċarezza u peress li d-dibattiti waqt is-seduta wrew ħtieġa ta’ preċiżazzjonijiet f’dan ir-rigward, ser nibda l-analiżi tiegħi bi tfakkira tal-funzjonament tal-mekkaniżmu ta’ risposta gradwata użat mill-Hadopi (Taqsima A).

A.      Ilmekkaniżmu ta’ risposta gradwata użat millHadopi

32.      Il-Hadopi hija awtorità amministrattiva indipendenti responsabbli mill-protezzjoni tad-dritt tal-awtur u tad-drittijiet relatati kontra ksur ta’ dawn id-drittijiet imwettaq fuq l-internet. Sabiex tagħmel dan ġie stabbilit il-mekkaniżmu msejjaħ ta’ “risposta gradwata”, li l-implimentazzjoni tiegħu hija fdata lill-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-Hadopi.

33.      Din il-kummissjoni hija adita minn organi tad-detenturi tad-drittijiet, li fi ħdanhom ċerti membri tal-persunal li jkunu ħadu ġurament u ġew approvati mill-ministre de la Culture (il-Ministru għall-Kultura) jiġbru, fuq in-networks peer-to-peer, l-indirizzi IP tal-utenti tal-internet li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku xogħlijiet mingħajr awtorizzazzjoni tal-proprjetarji tagħhom. Imbagħad isiru l-proċessi verbali. Dawn jinkludu, b’mod partikolari, l-indirizz IP tal-aċċess għall-internet użat sabiex jitwettaq dan il-ksur tad-dritt tal-awtur, id-data u l-ħin tal-ksur ikkonstatat, kif ukoll it-titolu tax-xogħol inkwistjoni, u jintbagħtu lill-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-Hadopi. F’dan ir-rigward u kif irrileva l-KEPD, għandu jiġi enfasizzat li l-ipproċessar ta’ data personali mill-membri tal-persunal fi ħdan l-organi tad-detenturi tad-drittijiet huwa s-suġġett ta’ awtorizzazzjoni min-naħa tal-Commission nationale de l’informatique et des libertés (il-Kummissjoni Nazzjonali tal-Informatika u tal-Libertajiet, iktar ’il quddiem iċ-“CNIL”), l-awtorità ta’ stħarriġ Franċiża fil-qasam ta’ protezzjoni tad-data (10).

34.      Wara li tirċievi l-proċessi verbali u wara stħarriġ awtomatizzat intiż sabiex jiżgura li dawn jinkludu d-data kollha meħtieġa, il-kummissjoni għall-protezzjonijiet tad-drittijiet tal-Hadopi tista’ tikseb mill-fornituri ta’ servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi l-identità, l-indirizz postali, l-indirizz elettroniku u d-dettalji telefoniċi tal-proprjetarju tal-abbonament li ntuża sabiex jitwettaq ksur tad-dritt tal-awtur.

35.      Il-Hadopi jista’ mbagħad jibgħat lil din il-persuna “rakkomandazzjoni” li tinforma lil din il-persuna li l-aċċess għall-internet tagħha kien is-suġġett ta’ użu li jikser id-dritt tal-awtur u tordna lill-persuna suspettata, li naqset milli twettaq l-obbligu tagħha ta’ viġilanza fir-rigward tar-rispett fuq l-internet ta’ xogħlijiet protetti mid-dritt tal-awtur jew dritt relatat, tikkonforma ruħha miegħu. Fi kliem ieħor, ir-rakkomandazzjoni tintbagħat lill-proprjetarju tal-aċċess għall-internet, li jista’ jkun, fil-prattika, persuna differenti minn dik li qiegħdet għad-dispożizzjoni x-xogħol bi ksur tad-dritt tal-awtur. Tista’ tinħareġ it-tieni rakkomandazzjoni fil-każ ta’ tieni konstatazzjoni ta’ kontrafazzjoni permezz tal-istess aċċess għall-internet. Fil-każ ta’ ksur ripetut ġdid, il-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-Hadopi tista’ tiddeċiedi li tadixxi lill-prosekutur tar-Repubblika għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali. F’dan ir-rigward, kif ippreċiża l-Gvern Franċiż fl-ewwel osservazzjonijiet tiegħu, il-membri tal-persunal tal-Hadopi responsabbli mill-mekkaniżmu ta’ risposta gradwata huma membri tal-persunal li jkunu ħadu ġurament u huma awtorizzati mill-President tal-Hadopi, marbuta bis-sigriet professjonali u l-uniċi, fi ħdan il-Hadopi, li huma awtorizzati jaċċedu għad-data personali pproċessata fil-kuntest ta’ dan il-mekkaniżmu.

36.      F’dan ir-rigward, irrid nippreċiża li ma tinġabarx u ma tintbagħatx lill-Hadopi d-data tal-utenti kollha tan-networks peer-to-peer meta dawn tal-aħħar sempliċement iniżżlu tali kontenut (11), iżda biss dik ta’ persuni li qiegħdu għad-dispożizzjoni kontenut kontrofatt, jiġifieri jkunu tellgħu tali kontenut.

37.      Bħala eżempju, għas-sena 2021, il-Hadopi rċeviet min-naħa tal-organi tad-detenturi tad-dritt madwar erba’ miljun proċess verbali, bagħtet madwar 210 595 l-ewwel rakkomandazzjoni u 53 564 tieni rakkomandazzjoni u adixxiet lill-prosekutur tar-Repubblika b’1 484 każ.

38.      Wara li għamilt dawn it-tfakkiriet, ser nuri kif tali mekkaniżmu, li jippreżupponi ż-żamma u l-aċċess għal data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għall-indirizzi IP, jissodisfa, fil-fehma tiegħi, ir-rekwiżiti tal-ġurisprudenza relatata mal-miżuri nazzjonali meħuda skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58.

B.      Losservanza tarrekwiżiti li jirriżultaw millġurisprudenza talQorti talĠustizzja dwar linterpretazzjoni talArtikolu 15(1) tadDirettiva 2002/58

39.      Peress li fl-ewwel konklużjonijiet tiegħi, diġà fakkart il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar iż-żamma u l-aċċess għall-indirizzi IP assenjati għas-sors ta’ konnessjoni (12), f’dawn il-konklużjonijiet, ser nikkonċentra fuq dak li fil-fehma tiegħi, jikkostitwixxi l-qalba ta’ din il-ġurisprudenza, jiġifieri, minn naħa, ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità, u min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-aċċess għal din id-data, l-eventwali ħtieġa ta’ stħarriġ minn qabel minn qorti jew awtorità amministrattiva indipendenti.

1.      Fuq ilproporzjonalità talmiżura inkwistjoni

40.      Sabiex tiġi ddeterminata l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ miżura ta’ żamma jew ta’ aċċess għal data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għal indirizz IP, għandu, kif tenfasizza l-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi, tinstab konċiljazzjoni bejn l-interessi u drittijiet leġittimi differenti inkwistjoni, li huma, minn naħa, id-drittijiet għall-protezzjoni tal-ħajja privata kif ukoll għall-protezzjoni tad-data personali (13) ggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, u min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ oħrajn u d-drittijiet ggarantiti fl-Artikoli 3, 4, 6 u 7 tal-Karta (14). Inżid li, f’din il-preżenti kawża, id-drittijiet għall-protezzjoni tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali għandhom jiġu kkonċiljati wkoll mad-dritt għall-proprjetà sanċit fl-Artikolu 17 tal-Karta, sa fejn il-mekkaniżmu ta’ risposta gradwata huwa intiż fl-aħħar mill-aħħar għall-protezzjoni tad-dritt tal-awtur u tad-drittijiet relatati.

41.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża, f’dan ir-rigward, li din il-konċiljazzjoni li seħħ skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 tippermetti lill-Istati Membri jadottaw miżura li tidderoga mill-prinċipju ta’ kunfidenzjalità meta tali miżura tkun “neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika” (l-użu tal-korsiv huwa miżjud minni). Il-premessa 11 ta’ din id-direttiva tippreċiża li miżura ta’ dan it-tip għandha tkun “strettament” proporzjonata mal-għan li għandu jintlaħaq (15).

42.      Barra minn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għall-prinċipju ta’ proporzjonalità matul ir-raġunament kollu tagħha relatat mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 u għalhekk tagħmlu l-qofol tal-eżami ta’ miżura nazzjonali ta’ żamma jew ta’ aċċess għal data personali meħuda skont din id-dispożizzjoni.

43.      Qari iktar fil-fond ta’ dan ir-raġunament juri li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jinkludi, fil-kuntest tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, aspetti differenti li jirrigwardaw, minn naħa, il-gravità tal-indħil fid-drittijiet fundamentali li jimplikaw iż-żamma jew l-aċċess għad-data dwar it-traffiku, u min-naħa l-oħra, il-ħtieġa tal-miżura inkwistjoni.

44.      Fir-rigward taż-żamma u tal-aċċess għall-identitajiet ċivili li jikkorrispondu għall-indirizzi IP mill-Hadopi, jien tal-opinjoni li kemm il-gravità tal-indħil kif ukoll in-natura indispensabbli ta’ din id-data għandhom iwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja tvarja l-eżami tagħha tal-proporzjonalità ta’ miżura nazzjonali meħuda skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58.

a)      Ilgravità relattiva talindħil fiddrittijiet fundamentali

45.      Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod ċar li, b’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-importanza tal-għan li jrid jintlaħaq minn miżura meħuda skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 għandha tkun f’relazzjoni mal-gravità tal-indħil li jirriżulta minnha (16).

46.      B’mod iktar partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, kif enfasizzajt fl-ewwel konklużjonijiet tiegħi, li ndħil serju jista’ jkun iġġustifikat biss, fil-qasam tal-prevenzjoni, tal-investigazzjoni, tal-iskoperta u tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, minn għan ta’ ġlieda kontra l-kriminalità li għandha wkoll tkun ikklassifikata bħala “serja” (17).

47.      Fir-rigward tal-indirizzi IP, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li għalkemm dawn huma inqas sensittivi mid-data l-oħra dwar it-traffiku, iż-żamma tagħhom u l-analiżi tagħhom xorta waħda jikkostitwixxu indħil serju fid-drittijiet fundamentali peress li dawn jistgħu jintużaw sabiex tiġi ttraċċata b’mod eżawrjenti r-rotta ta’ navigazzjoni ta’ utent tal-internet, u għalhekk, sabiex jiġi stabbilit il-profil iddettaljat ta’ dan tal-aħħar u jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tiegħu (18).

48.      Fil-kawża prinċipali, iż-żamma u l-aċċess għal data dwar l-identità ċivili korrispondenti għall-indirizzi IP huma intiżi għall-ġlieda kontra l-ksur tad-dritt tal-awtur u tad-drittijiet relatati. Issa, fil-fehma tiegħi, huwa ċar li din il-ġlieda ma tistax taqa’ taħt il-ġlieda kontra l-kriminalita serja (19), minkejja li l-volum ta’ dan il-ksur ikun massiv. Għalhekk, teżisti diskrepanza bejn il-gravità tal-indħil fid-drittijiet fundamentali li timplika l-miżura inkwistjoni u l-għan li hija trid tilħaq.

49.      Fl-ewwel konklużjonijiet tiegħi, qist, b’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-aċċess mill-Hadopi għad-data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għal indirizz IP jikkostitwixxi fil-fatt indħil serju fid-drittijiet fundamentali. Minkejja li jiena kkunsidrajt ukoll li ż-żamma u l-aċċess għal din id-data għandhom madankollu jkunu permessi f’dan il-każ, wara s-seduta, irrid nerġa’ nagħmel xi preċiżazzjonijiet.

50.      Il-mekkaniżmu ta’ risposta gradwata jippermetti lill-Hadopi tqiegħed f’relazzjoni l-indirizz IP ikkomunikat mill-organi tad-detenturi tad-dritt ta’ persuni ssuspettati li użaw l-aċċess għall-internet tagħhom sabiex iwettqu ksur tad-dritt tal-awtur fuq network peer‑to‑peer mal-identità ċivili ta’ din il-persuna, kif ukoll estratt mill-fajl imtella’ bi ksur tad-dritt tal-awtur. Kif irrilevaw il-Kummissjoni u l-KEPD waqt is-seduta, tali elementi, għalkemm jippermettu li tinkiseb żgur iktar informazzjoni minn sempliċement l-identità tal-awtur issuspettat bi ksur, madankollu ma twassalx sabiex jinsiltu konklużjonijiet preċiżi ħafna dwar il-ħajja privata ta’ din il-persuna. Fil-fatt, kif invokajt fl-ewwel konklużjonijiet tiegħi (20), dan jirrigwarda biss ir-rivelazzjoni ta’ konsultazzjoni puntwali ta’ kontenut, li meħuda waħedha, ma tistax tippermetti li jiġi stabbilit il-profil iddettaljat tal-persuna li wettqitha.

51.      Dan japplika iktar u iktar peress li, qabelxejn, il-maġġoranza kbira ta’ indirizzi IP ikkomunikati lill-Hadopi huma indirizzi IP imsejħa “dinamiċi”, li min-natura tagħhom, jitbiddlu u ma jikkorrispondux għal identità preċiża ħlief f’mument wieħed, li jikkoinċidi mat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-kontenut inkwistjoni. Għalhekk, huma jeskludu kull traċċar eżawrjenti.

52.      Imbagħad, irrid nenfasizza li l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fuq l-internet ma jidhirlix li tista’ tiġġustifika li wieħed ma jkunx jista’ jaċċedi biss għad-data dwar l-indirizz IP, il-kontenut ta’ xogħol, u l-identità tal-persuna li wettqet it-tqegħid għad-dispożizzjoni bi ksur tad-dritt tal-awtur, iżda sempliċement li ż-żamma u l-aċċess għal dawn tal-aħħar għandha tkun protetta b’garanziji. F’dan ir-rigward, jidhirli li analoġija mad-dinja reali hija b’saħħitha: persuna ssuspettata li wettqet serq ma tistax tinvoka d-dritt tagħha għall-protezzjoni tal-ħajja privata sabiex il-persuni responsabbli mill-prosekuzzjoni ta’ dan ir-reat ma jkunux jistgħu jsiru jafu l-kontenut misruq. Mill-banda l-oħra, din il-persuna tista’, bir-raġun, tinvoka d-drittijiet fundamentali tagħha sabiex matul il-proċedura, tipprevjeni l-aċċess għal data iktar wiesgħa ħlief għad-data neċessarja għall-klassifikazzjoni tal-allegat reat.

53.      Fl-aħħar nett, nirrileva li, għall-kuntrarju ta’ dak li jargumentaw ir-rikorrenti, il-mekkaniżmu ta’ risposta gradwata ma jidhirx li jimplika sorveljanza ġġeneralizzata tal-utenti tan-networks peer‑to‑peer. Fil-fatt, dan ma jirrigwardax il-verifika tal-attività kollha tagħhom fuq network partikolari sabiex jiġi ddeterminat jekk wettqux it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħol bi ksur tad-dritt tal-awtur, iżda pjuttost, billi jitlaq minn fajl identifikat bħala kontrafazzjoni, jiġi ddeterminat id-detentur tal-aċċess għall-internet li minnu l-utent tal-internet wettaq it-tqegħid għad-dispożizzjoni. Bl-istess mod, kif enfasizza l-KEPD waqt is-seduta, dan ma jirrigwardax is-sorveljanza tal-attività tal-utenti kollha tan-networks peer‑to‑peer, iżda sempliċement dik tal-persuni li tellgħu fajls kontrofatti, fejn it-tlugħ ta’ dawn il-fajls juri inqas elementi relatati mal-ħajja privata tal-persuna peress li dan jista’ jitwettaq biss sabiex dawn l-utenti tal-internet imbagħad ikunu jistgħu jniżżlu fajls oħrajn.

54.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raġunijiet li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra ż-żamma u l-aċċess għall-indirizzi IP bħala ndħil serju fid-drittijiet fundamentali, ma jidhirlix li japplikaw fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ risposta gradwata bħal dak użat mill-Hadopi. Minn dan isegwi li l-gravità tal-indħil li din iż-żamma u dan l-aċċess jippreżupponu għandha, fl-eżami tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tiġi sfumata.

55.      Fi kliem ieħor, jiena tal-opinjoni li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-gravità tal-indħil fid-drittijiet fundamentali kkawżat miż-żamma u l-aċċess għall-indirizzi IP għandha tiġi interpretata bħala li timplika mhux li dan l-indħil ma għadux indħil gravi, iżda li huwa gravi biss meta l-indirizzi IP jistgħu jwasslu għal traċċar eżawrjenti tar-rotta ta’ navigazzjoni tal-utent tal-internet u sabiex jinsiltu konklużjonijiet preċiżi ħafna dwar il-ħajja privata tiegħu.

56.      Peress li dan ma huwiex il-każ f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jirriżulta li l-indħil impliċitu miż-żamma u l-aċċess għall-identitajiet ċivili li jikkorrispondi għal indirizz IP użat għall-implimentazzjoni ta’ kontenut bi ksur tad-dritt tal-awtur jista’ jiġi ġġustifikat minn għan ta’ ġlieda kontra l-kriminalità iktar wiesa’ minbarra l-kriminalità serja biss.

57.      Barra minn hekk nippreċiża li l-indħil fid-drittijiet fundamentali li jippreżupponu ż-żamma u l-aċċess għal data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għal indirizz IP f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma huwiex aggravat mill-fatt li l-proprjetarju tal-aċċess għall-internet użat għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kontenut kontrofatt ma huwiex neċessarjament dak li wettaq dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni, b’tali mod li r-rakkomandazzjoni mibgħuta mill-Hadopi tista’ twassal sabiex turi lil dan il-proprjetarju l-imsemmi kontenut li għalih setgħet taċċedi terza persuna. Minn naħa, infakkar li r-reat investigat mill-Hadopi huwa dak ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jiġi żgurat li l-aċċess ma jkunx is-suġġett ta’ użu għall-finijiet ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kontenut bi ksur tad-dritt tal-awtur. Għalhekk, huwa neċessarju li l-informazzjoni li tippermetti din il-klassifikazzjoni tintbagħat lill-awtur preżunt tagħha. Min-naħa l-oħra, kif diġà stabbilixxejt, jiena tal-opinjoni li l-informazzjoni dwar ix-xogħol inkwistjoni ma tippermettix li jinsiltu xi konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-persuna li wettqet it-tqegħid għad-dispożizzjoni. Għalhekk, it-trażmissjoni eventwali ta’ din l-informazzjoni lill-proprjetarju tal-konnessjoni tal-internet ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex il-ksur tad-dritt tal-awtur inkwistjoni jkun jista’ jkun suġġett għall-prosekuzzjoni.

b)      Innatura indispensabbli taddata inkwistjoni għalliskoperta u għallprosekuzzjoni ta’ reat

58.      Sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità ta’ miżura ta’ żamma u ta’ aċċess għal data dwar it-traffiku bħad-data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għal indirizz IP meħuda skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-indħil li hija tippreżupponi għandu jkun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jippermetti t-twettiq tal-għan li jrid jintlaħaq (21). Jidhirli li dan huwa preċiżament il-każ fir-rigward tal-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

59.      Kif enfasizzajt fl-ewwel konklużjonijiet tiegħi (22), mill-ġurisprudenza tal-istess Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-każ ta’ reat imwettaq esklużivament online, bħal ksur tad-dritt tal-awtur fuq network peer‑to‑peer, l-indirizz IP jista’ jikkostitwixxi l-uniku mezz ta’ investigazzjoni li jippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna li lilha kien assenjat dan l-indirizz fil-mument tat-twettiq tar-reat (23). Fil-fehma tiegħi, minn dan jirriżulta li ż-żamma u l-aċċess għad-data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għall-indirizzi IP bil-għan li jkun skopert u ssuġġettat għall-prosekuzzjoni l-ksur tad-dritt tal-awtur imwettaq online huma, b’konformità mal-ġurisprudenza, strettament neċessarji għat-twettiq tal-għan li jrid jintlaħaq.

60.      Huwa minnu li kull rekwiżit ta’ protezzjoni tad-data personali jippreżupponi limitazzjoni tas-setgħat ta’ investigazzjoni. Dan jirriżulta mill-prinċipju nnifsu tal-konċiljazzjoni tal-interessi kuntrarji, u dan ir-riżultat ma jistax, fih innifsu, jiġi kkontestat. Madankollu, fil-każ fejn l-indirizz IP jikkostitwixxi l-uniku mezz ta’ identifikazzjoni tal-persuna ssuspettata li wettqet ksur online ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, tali sitwazzjoni hija differenti mill-maġġoranza tal-proċeduri kriminali, li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li “l-effikaċja [...] tiddependi ġeneralment mhux minn strument ta’ investigazzjoni wieħed, iżda mill-istrumenti kollha ta’ investigazzjoni li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għal dan il-għan” (24). Jekk jiġi aċċettat li d-data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għall-indirizzi IP ma għandhiex tkun is-suġġett ta’ żamma u ta’ aċċess f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan ma jwassalx, bħal kull miżura li tiżgura l-protezzjoni tad-data dwar it-traffiku, għal sempliċi limitazzjoni tas-setgħat ta’ investigazzjoni, iżda fil-fatt iċaħħad lill-awtoritajiet nazzjonali mill-uniku mezz ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ ċerti reati.

61.      Fi kliem ieħor, skont l-interpretazzjoni li nipproponi tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, ma hijiex kwistjoni li jiġu permessi, permezz tal-eżami tan-neċessità ta’ tali miżura, iż-żamma u l-aċċess għal data li tiffaċilita biss l-iskoperta u l-prosekuzzjoni ta’ reati, meta dawn ir-reati jistgħu jkunu skoperti u ssuġġettati għall-prosekuzzjoni permezz ta’ mezzi oħra wkoll, anki inqas effikaċi. Mill-banda l-oħra, hija kwistjoni li jiġu permessi ż-żamma u l-aċċess għal din id-data meta dawn ikunu indispensabbli għall-identifikazzjoni tal-persuna ssuspettata li wettqet ksur, li ma jistgħux jittieħdu proċeduri kontriha mingħajr dawn il-mezzi peress li d-data inkwistjoni tikkostitwixxi l-uniku strument ta’ identifikazzjoni tal-utent tal-internet peress li l-ksur jitwettaq esklużivament online.

62.      Fil-fehma tiegħi, tali interpretazzjoni hija neċessarja, ħlief jekk mhux għax jiġi aċċettat li sensiela sħiħa ta’ reati kriminali jistgħu ma jkunu qatt suġġetti għall-prosekuzzjoni (25).

63.      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li fil-fehma tiegħi, leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti ż-żamma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u l-aċċess minn awtorità amministrattiva limitat għad-data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għall-indirizzi IP, hija totalment proporzjonata għall-għan li jrid jintlaħaq, jiġifieri l-prosekuzzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-awtur u tad-drittijiet relatati fuq l-internet, sa fejn l-indħil fid-drittijiet fundamentali li huma jippreżupponu huwa ta’ gravità limitata u sa fejn din id-data tikkostitwixxi l-uniku mezz ta’ investigazzjoni li jippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna li lilha dan l-indirizz kien assenjat fil-mument tat-twettiq tal-ksur.

64.      Għalhekk, jiena tal-opinjoni li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 għandu jiġi interpretat bħala li ma jipprekludix tali leġiżlazzjoni.

2.      Fuq leżistenza ta’ garanziji materjali u proċedurali adegwati

65.      B’mod speċifiku fir-rigward tal-aċċess għad-data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għall-indirizzi IP, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-proporzjonalità stretta tal-miżura biss ma hijiex suffiċjenti sabiex tirrendiha kompatibbli mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58.

66.      Fil-fatt, sabiex jiġi żgurat li l-aċċess għad-data dwar it-traffiku u dwar is-sit ikun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa essenzjali li dan l-aċċess ikun suġġett għal stħarriġ minn qabel imwettaq jew minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti li għandha l-kompetenzi kollha u tippreżenta l-garanziji kollha neċessarji sabiex tiżgura konċiljazzjoni tal-interessi leġittimi u tad-drittijiet differenti inkwistjoni (26).

67.      Għalhekk, qari strett tal-ġurisprudenza jwassal sabiex jiġi kkunsidrat li l-aċċess mill-Hadopi għad-data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għall-indirizzi IP tal-persuni ssuspettati li wettqu ksur tad-dritt tal-awtur fuq l-internet għandu jkun issuġġettat għal stħarriġ minn qabel, li huwa nieqes fil-mekkaniżmu ta’ risposta gradwata eżistenti.

68.      Madankollu, kif argumenta l-Gvern Irlandiż waqt is-seduta u kif sostnejt jien fl-ewwel konklużjonijiet tiegħi, jiena tal-opinjoni li r-rekwiżit ta’ stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti ma huwiex rekwiżit sistematiku, iżda jiddependi fuq analiżi iktar globali tal-miżura inkwistjoni li tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-gravità tal-indħil li hija tippreżupponi kif ukoll il-garanziji li hija tipprevedi.

69.      Fil-fatt, nenfasizza li, f’kull waħda mis-sentenzi li stabbilixxiet dan ir-rekwiżit ta’ stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti, kienu inkwistjoni leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jippermettu l-aċċess għad-data kollha dwar it-traffiku u dwar is-sit tal-utenti relattiva għall-mezzi kollha ta’ komunikazzjoni elettronika ta’ utenti (27) jew tal-inqas, għat-telefonija fissa u mobbli (28) ta’ utenti identifikati.

70.      Minn dan niddeduċi li r-rekwiżit ta’ tali stħarriġ minn qabel jiddependi mill-gravità tal-indħil inkwistjoni fil-kawżi inkwistjoni. Kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn kienu jirrigwardaw data li “effettivament [t]ippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi, jew preċiżi ħafna, dwar il-ħajja privata tal-persuni [...] bħalma huma d-drawwiet tal-ħajja ta’ kuljum, il-postijiet ta’ soġġorn permanenti jew temporanji, iċ-ċaqliq ta’ kuljum jew oħrajn, l-attivitajiet eżerċitati, ir-relazzjonijiet soċjali ta’ dawn il-persuni u l-ambjenti soċjali ffrekwentati minnhom” (29). Barra minn hekk, kienu jirrigwardaw id-data ta’ persuni diġà identifikati u ssuspettati li wettqu ksur abbażi ta’ indizji oħra, u għalhekk id-data inkwistjoni kienet tippermetti tisħiħ tal-provi inkriminanti kontra l-utent inkwistjoni billi testendi l-kamp tad-data li tikkonċernah.

71.      Madankollu, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u kif enfasizzajt, il-gravità tal-indħil li jippreżupponi t-tqegħid f’relazzjoni ta’ data dwar l-identità ċivili u indirizz IP hija fil-fatt inqas minn dik li tirriżulta mill-aċċess għad-data kollha dwar it-traffiku u dwar is-sit ta’ persuna, sa fejn dan it-tqegħid f’relazzjoni ma jwassal għal ebda element li jippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-persuna kkonċernata.

72.      Barra minn hekk, kif irrilevajt fl-ewwel konklużjonijiet tiegħi (30), din id-data tikkonċerna biss il-persuni li, wara konstatazzjoni oġġettiva ta’ użu tal-indirizz IP bi ksur ta’ dritt tal-awtur stabbilita mill-organi tad-detenturi tad-dritti, wettqu fatti li jistgħu jikkostitwixxu nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ viġilanza, previst fl-Artikolu L.336‑3 tal-KPI. Dawn ma humiex preliminarjament identifikati permezz ta’ mezzi oħra peress li t-tqegħid f’relazzjoni tal-indirizz IP mad-data dwar l-identità ċivili huwa l-uniku mezz ta’ identifikazzjoni tal-persuna kkonċernata. Għalhekk, l-aċċess għal din id-data jippermetti mhux li, kif kien il-każ fil-kawżi li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet preċedentement, tinkiseb informazzjoni addizzjonali u preċiża dwar l-attività ta’ persuni diġà ssuspettati abbażi ta’ elementi oħra, iżda sempliċement li jingħata użu lill-indirizz IP, li altrimenti huwa irrilevanti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-data li għaliha għandha aċċess il-Hadopi hija de facto limitata.

73.      Fil-fehma tiegħi, teżisti differenza fundamentali bejn il-fatt li wieħed jaċċedi għad-data personali relattiva għal persuna ssuspettata li wettqet ksur sabiex tintwera l-ħtija tagħha u dak li jippermetti li tiġi żvelata l-identità tal-awtur ta’ ksur diġà kkonstatat.

74.      Fil-fehma tiegħi, dan japplika iktar u iktar peress li l-ġbir tal-indrizzi IP fuq in-networks peer‑to‑peer huwa s-suġġett ta’ awtorizzazzjoni minn qabel limitata għal din id-data biss, b’tali mod li l-Hadopi qatt ma tkun fil-pussess ta’ firxa ta’ data mingħajr limitu li tirrigwarda l-utenti tal-internet issuspettati li wettqu ksur tad-dritt tal-awtur online (31).

75.      Għalhekk, il-loġika wara r-rekwiżit ta’ stħarriġ minn qabel magħmul minn qorti jew entità amministrattiva indipendenti ma tapplikax fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ risposta gradwata bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’tali mod li tali rekwiżit ma jidhirlix li huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat li l-indħil fid-drittijiet fundamentali li jimplika dan il-mekkaniżmu huwa limitat għal dak li huwa strettament neċessarju.

76.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti ż-żamma u l-aċċess minn awtorità amministrattiva indipendenti bħall-Hadopi għal data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għall-indirizzi IP sabiex jiġu identifikati l-proprjetarji ta’ dawn l-indirizzi ssuspettati li huma responsabbli minn ksur tad-dritt tal-awtur, mingħajr ma dan l-aċċess ikun issuġġettat għal stħarriġ minn qabel minn qorti jew entità amministrattiva indipendenti, tosserva, fl-aħħar mill-aħħar, il-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta din id-data tikkostitwixxi l-uniku mezz ta’ identifikazzjoni tal-persuna li lilha l-indirizz IP kien assenjat fil-mument tat-twettiq tal-ksur, b’tali mod li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 għandu jiġi interpretat bħala li ma jipprekludix tali leġiżlazzjoni.

77.      Lil hinn minn dawn il-kunsiderazzjonijiet speċifiċi għall-kawża prinċipali inkwistjoni, irrid nagħmel ukoll xi kummenti iktar ġenerali dwar il-ħtieġa li jsir dan l-iżvilupp tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

C.      Żvilupp talġurisprudenza meħtieġ u limitat

78.      Diversi argumenti jimmilitaw favur irfinar tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar iż-żamma u l-aċċess għal data bħall-indirizzi IP marbuta mad-data dwar l-identità ċivili.

79.      Fl-ewwel lok, u kif diġà enfasizzajt (32), fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kisba ta’ data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għal indirizz IP hija l-unika mezz ta’ investigazzjoni li jippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna li lilha kien assenjat dan l-indirizz fil-mument tat-twettiq tal-ksur inkwistjoni.

80.      Minn dan jirriżulta neċessarjament li għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja waslet sabiex tikkunsidra li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jipprekludi xorta waħda ż-żamma tagħha u l-aċċess għaliha, l-awtoritajiet nazzjonali jkunu de facto mċaħħda minn dan l-uniku mezz ta’ identifikazzjoni, u bl-istess mod, l-awturi tal-ksur inkwistjoni jistgħu ma jkunu qatt suġġetti għall-prosekuzzjoni (33). Dan wassalni, sabiex fl-ewwel konklużjonijiet tiegħi, ninvoka l-possibbiltà ta’ impunità sistemika għal dan il-ksur (34).

81.      Ir-riskju ta’ impunità sistemika ma huwiex limitat għall-ksur tad-dritt tal-awtur imwettaq fin-networks peer‑ro‑peer, iżda jestendi, kif argumenta l-Gvern Ċekk waqt is-seduta, għall-ksur kollu mwettaq esklużivament online.

82.      Fil-fatt, il-ksur li l-awtur tiegħu jista’ jiġi identifikat biss permezz tal-indirizz IP tiegħu ma jkun jista’ qatt ikun suġġett għall-prosekuzzjoni u t-testi li jissanzjonawh qatt ma jistgħu jkunu applikati, jekk jiġi deċiż li kemm iż-żamma tad-data kif ukoll l-aċċess għaliha imorru kontra d-dritt tal-Unjoni.

83.      F’dan ir-rigward, nirrileva li huwa minnu, kif argumentaw ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li fit-teorija, mezzi oħra jistgħu jippermettu li jiġu identifikati l-awturi ta’ ċertu ksur imwettaq esklużivament online. Hawnhekk, huma jirreferu b’mod partikolari għall-identifikatur użat fin-networks soċjali u għad-data assoċjata mal-kont tal-utent, l-indirizz elettroniku tiegħu, in-numru tat-telefon tiegħu, jew element fuq il-ħajja privata tiegħu li l-persuna tkun uriet. Madankollu, tali data teħtieġ, sabiex tintrabat mal-identità tal-persuna, investigazzjonijiet fid-dettall, li matulhom tiġi eżaminata l-attività online tal-utent tal-internet. Għalhekk, jidhirli li l-użu ta’ tali mezzi ta’ investigazzjoni jista’ jippermetti li jinsiltu, bid-differenza għall-indirizz IP waħdu, konklużjonijiet preċiżi ħafna dwar il-ħajja privata tal-persuni, b’tali mod li ż-żamma u l-aċċess għal din id-data tkun, f’dan is-sens, kuntrarja għall-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58.

84.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-aċċess għal data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għall-indirizz IP ta’ utent tal-internet żgur li ma hijiex l-uniku mezz teoretiku ta’ investigazzjoni li jippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna proprjetarja ta’ dan l-indirizz fil-mument tat-twettiq tal-ksur, iżda dan jippermetti l-prosekuzzjoni tagħha filwaqt li jinvolvi l-inqas indħil fid-drittijiet fundamentali tagħha, u għalhekk, li tiġi evitata impunità ġenerali.

85.      Fit-tieni lok, nenfasizza mill-ġdid li tali soluzzjoni tippermetti, fil-fehma tiegħi, li jiġu rrikonċiljati z-żewġ linji ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sorsi ta’ ċerta tensjoni li jiena identifikajt fl-ewwel konklużjonijiet tiegħi (35) u f’dawk relatati mal-kawża M.I.C.M. (36), jiġifieri, minn naħa, il-ġurisprudenza relatata maż-żamma u mal-aċċess għad-data, u min-naħa l-oħra, dik dwar il-komunikazzjoni tal-indirizzi IP assenjati lis-sors ta’ konnessjoni fil-kuntest ta’ rikors għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, mibdija minn persuni privati.

86.      Fit-tielet lok, minkejja li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sa mis-sentenzi Tele2 u La Quadrature du Net et għandha tiġi milqugħa sa fejn tistabbilixxi kuntest protettiv tad-drittijiet fundamentali tal-utenti ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, madankollu hija donnha teżamina kull każ separatament. Fil-fatt, matul il-kawżi sottomessi għall-eżami tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja wettqet raffinar progressiv tal-ġurisprudenza tagħha li tippermettilha teżamina diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali fid-dawl tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58. Madankollu, huwa impossibbli li l-Qorti tal-Ġustizzja tantiċipa virtwalment il-miżuri kollha li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ analiżi fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, huwa n-numru ta’ rinviji għal deċiżjoni preliminari (37) li tagħhom din tal-aħħar kienet is-suġġett sa mis-sentenza Tele2, li juri, fil-fehma tiegħi, id-diffikultà li jistgħu jesperjenzaw il-qrati nazzjonali fl-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għal sitwazzjonijiet differenti minn dawk li taw lok għas-sentenzi inkwistjoni (38).

87.      Għalhekk, minn dan jirriżulta li hija meħtieġa ċerta flessibbiltà meta jiġu sottomessi għall-eżami tal-Qorti tal-Ġustizzja miżuri li ma setgħux jiġu previsti f’sentenzi preċedenti, bħal-leġiżlazzjonijiet li jirrigwardaw ksur li jista’ jkun suġġett għall-prosekuzzjoni biss sa fejn id-data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għall-indirizzi IP tinħażen u tkun aċċessibbli, li sal-lum, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha qatt ma ħadet konjizzjoni tagħhom.

88.      Għalhekk, din ma hijiex, kif iddefenda l-Gvern Daniż, rikunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda li jiġi aċċettat li, abbażi tal-prinċipji warajha, tkun tista’ tingħata soluzzjoni iktar kwalifikata f’ċirkustanzi limitati ħafna.

89.      Fil-fatt, l-interpretazzjoni li nipproponi tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 tippermetti biss iż-żamma u l-aċċess għad-data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għall-indirizzi IP għal dak li jirrigwarda l-prosekuzzjoni ta’ reati li, fl-assenza ta’ din id-data, l-awturi tagħhom ma jistgħux ikunu identifikati. Għalhekk, hija tirrigwarda biss il-ksur imwettaq esklużivament online u ma tikkontestax is-soluzzjonijiet stabbiliti fil-ġurisprudenza dwar iż-żamma u l-aċċess għal data iktar wiesgħa, u li trid tilħaq għanijiet oħra.

V.      Konklużjoni

90.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza):

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika(Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), kif emendat mid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti ż-żamma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u l-aċċess minn awtorità amministrattiva responsabbli mill-protezzjoni tad-dritt tal-awtur u tad-drittijiet relatati kontra ksur ta’ dawn id-drittijiet imwettaq online limitati għal data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għall-indirizzi IP sabiex din l-awtorità tkun tista’ tidentifika l-proprjetarji ta’ dawn l-indirizzi ssuspettati li huma responsabbli għal dan il-ksur u tkun tista’ tieħu, jekk ikun il-każ, miżuri fir-rigward tagħhom, mingħajr ma dan l-aċċess ikun suġġett għal stħarriġ minn qabel minn qorti jew entità amministrattiva indipendenti, meta din id-data tikkostitwixxi l-uniku mezz ta’ investigazzjoni li jippermetti l-identifikazzjoni ta’ persuni li lilhom ġew assenjati l-imsemmija indirizzi fil-mument tat-twettiq tal-ksur.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika(Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), kif emendata mid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 9) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2002/58).


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).


4      JORF tas‑7 ta’ Marzu 2010, test Nru 19.


5      JORF tal‑31 ta’ Lulju 2021, test Nru 1. Din il-verżjoni tal-Artikolu L. 34‑1 ta’ dan il-kodiċi, fis-seħħ b’effett mill‑31 ta’ Lulju 2021, ġiet adottata wara d-deċiżjoni tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) tal‑21 ta’ April 2021, Nru 393099 (JORF tal‑25 ta’ April 2021) li kienet skartat il-verżjoni preċedenti ta’ din id-dispożizzjoni li kienet tinkludi obbligu ta’ żamma ta’ data personali “għall-bżonnijiet ta’ investigazzjoni, tal-konstatazzjoni u tal-prosekuzzjoni tar-reati kriminali jew ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ddefinit fl-Artikolu L. 336‑3 [tal-KPI]” bil-għan biss li tippermetti, jekk meħtieġ, li l-informazzjoni tkun disponibbli, b’mod partikolari, għall-Hadopi. Permezz ta’ Deċiżjoni Nru 2021‑976‑977 QPC, tal‑25 ta’ Frar 2022 (M. Habib A. et), il-Conseil constitutionnel (il-Kunsill Kostituzzjonali, Franza) iddikjara din il-verżjoni preċedenti tal-Artikolu L. 34‑1 tal-imsemmi kodiċi bħala li tikser il-Kostituzzjoni Franċiża minħabba essenzjalment li, “billi jawtorizzaw iż-żamma ġenerali u mingħajr distinzjoni tad-data dwar il-konnessjoni, id-dispożizzjonijiet ikkontestati joħolqu preġudizzju sproporzjonat għad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata” (punt 13). Din il-qorti qieset fil-fatt li d-data dwar il-konnessjoni li għandha tinżamm skont dawn id-dispożizzjonijiet tirrigwarda mhux biss l-identifikazzjoni tal-utenti tas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi, iżda wkoll data oħra li, “fid-dawl tan-natura tagħha, tad-diversità tagħha u tal-ipproċessar li għaliha hija tista’ tkun suġġetta [...] tipprovdi fuq dawn l-utenti kif ukoll, jekk ikun il-każ, fuq terzi, informazzjoni vasta u preċiża, partikolarment li tippreġudika l-ħajja privata tagħhom” (punt 11).


6      Fl‑1 ta’ Jannar 2022, il-Conseil supérieur de l’audiovisuel (il-Kunsill Superjuri għall-Awdjoviżiv, iktar ’il quddiem iċ-“CSA”) u l-Hadopi saru l-Autorité de régulation de la communication audiovisuelle et numérique (l-Awtorità Regolatorja għall-Komunikazzjoni Awdjoviżiva u Diġitali, iktar ’il quddiem l-“Arcom”). Madankollu, fid-dawl tal-perijodu li fih żvolġew il-fatti tal-kawża prinċipali, ser nirreferi, f’dawn il-konklużjonijiet, għall-Hadopi.


7      F’dan ir-rigward, inżomm ukoll il-proposta tiegħi ta’ riformulazzjoni tad-domandi preliminari, kif ukoll il-mod kif fhimt l-għan tagħhom. Fil-fatt, minkejja li fil-formulazzjoni tad-domandi preliminari, jissemma biss l-aċċess għad-data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għall-indirizzi IP, il-kwistjoni tal-aċċess għal din id-data hija madankollu inseparabbli minn dik taż-żamma tagħha mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, b’tali mod li l-analiżi tal-kompatibbiltà taż-żamma mad-dritt tal-Unjoni tiġi neċessarjament qabel dik tal-kompatibbiltà tal-aċċess. Dwar dan il-punt, ara l-punti 45 et seq. tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi. Bl-istess mod, minkejja li d-domandi preliminari jsemmu “[i]d-data tal-identità ċivili li tikkorrispondi ma’ indirizz IP”, dawn għandhom jinftiehmu li jipprevedu wkoll l-aċċess għall-indirizzi IP li jippermettu li jiġi identifikat is-sors ta’ konnessjoni. Dwar dan il-punt, ara l-punti 41 et seq. tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi.


8      Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016 (C‑203/15 u C‑698/15, iktar ’il quddiem, is-“sentenza Tele2”, EU:C:2016:970).


9      Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020 (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza La Quadrature du Net et, EU:C:2020:791).


10      Ara f’dan ir-rigward, id-deliberazzjoni Nru 2010‑225 taċ-CNIL, tal‑10 ta’ Ġunju 2010, li temenda l-awtorizzazzjoni ta’ implimentazzjoni mis-Société des auteurs, compositeurs et éditeurs de musique (SACEM) (is-Soċjetà ta’ Awturi, Kompożituri u Edituri tal-Mużika, iktar ’il quddiem is-SACEM) ta’ pproċessar ta’ data personali intiż għall-investigazzjoni u l-konstatazzjoni ta’ reati ta’ kontrafazzjoni mwettqa permezz tan-networks ta’ skambji ta’ fajls msejħa “peer-to-peer” (awtorizzazzjoni Nru 1425421).


11      Rigward il-funzjonament tan-networks peer‑to‑peer u l-profili differenti ta’ utenti tal-internet fuq dawn in-networks, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża M.I.C.M. (C‑597/19, EU:C:2020:1063, punti 37 et seq.).


12      Punti 53 et seq. tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi.


13      Id-drittijiet għall-protezzjoni tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali huma riflessi, fil-kuntest tad-Direttiva 2002/58, mill-prinċipji ta’ kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u tal-projbizzjoni tal-ħażna ta’ data relatata li hija tistabbilixxi.


14      Sentenzi La Quadrature du Net et (punti 120 sa 122 kif ukoll punti 127  u 128); tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et (C‑140/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza Commissioner of An Garda Síochána et, EU:C:2022:258, punti 48 u 50), kif ukoll tal‑20 ta’ Settembru 2022, SpaceNet u Telekom Deutschland (C‑793/19 u C‑794/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza SpaceNet u Telekom Deutschland”, EU:C:2022:702, punti 63 u 65).


15      Sentenzi La Quadrature du Net et (punt 129), Commissioner of An Garda Síochána et (punt 51) u SpaceNet u Telekom Deutschland (punt 66).


16      Sentenzi Commissioner of An Garda Síochána et (punt 56) u SpaceNet u Telekom Deutschland (punt 71).


17      Sentenzi Tele2 (punt 115); tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal (C‑207/16, EU:C:2018:788, punt 56), u tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi) (C-746/18, iktar ’il quddiem is-“sentenz Prokuratuur”, EU:C:2021:152, punt 33). Ara wkoll il-punt 92 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi.


18      Ara s-sentenzi La Quadrature du Net et (punti 152 u 153), Commissioner of An Garda Síochána et (punt 73), u SpaceNet u Telekom Deutschland (punt 103). Ara wkoll il-punti 63, 64 u 93 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi.


19      Fl-ewwel konklużjonijiet tiegħi, sostnejt li l-kunċett ta’ “kriminalità serja” għandu jirċievi interpretazzjoni awtonoma sabiex jiġi prekluż li l-Istati Membri jevitaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58. Jiena nibqa’ ta’ din il-pożizzjoni. Madankollu, irrid nenfasizza li anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kriminalità serja” titħalla lill-Istati Membri, din għandha fi kwalunkwe każ tiġi stabbilita fil-limiti tad-drittijiet tal-Unjoni u ma tistax tiġi estiża sal-punt li ċċaħħad lil din id-dispożizzjoni mis-sustanza tagħha.


20      Punt 101 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi.


21      Sentenzi La Quadrature du Net et (punti 120 sa 122 u 132), Commissioner of An Garda Síochána et (punti 48 u 54), kif ukoll SpaceNet u Telekom Deutschland (punti 63 u 69).


22      Punt 78 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi.


23      Sentenzi La Quadrature du Net et (punt 154), Commissioner of An Garda Síochána et (punt 73), u SpaceNet u Telekom Deutschland (punt 100).


24      Sentenza Commissioner of An Garda Síochána et (punt 69).


25      Punt 81 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi. Ara wkoll, dwar dan il-punt, il-punti 79 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


26      Sentenzi Tele2 (punt 120), Prokuratuur (punti 51 u 52) kif ukoll Commissioner of An Garda Síochána et (punti 106 u 107).


27      Sentenzi Tele2 u Commissioner of An Garda Síochána et.


28      Sentenza Prokuratuur.


29      Sentenza Prokuratuur (punt 36).


30      Punt 102 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi.


31      Punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


32      Punt 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


33      Punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


34      Punti 78 et seq. tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi.


35      Punti 69 et seq. tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi.


36      C‑597/19, EU:C:2020:1063.


37      Sentenzi tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal (C‑207/16, EU:C:2018:788); La Quadrature du Net et; Prokuratuur; Commissioner of An Garda Síochána et kif ukoll SpaceNet u Telekom Deutschland.


38      F’dan ir-rigward, il-multiplikazzjoni tat-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari li kellhom bħala suġġett l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jista’ jindika wkoll ċerta forma ta’ nuqqas ta’ ħeġġa min-naħa tal-qrati nazzjonali sabiex japplikaw il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja għal sitwazzjonijiet ftit differenti, minħabba partikolaritajiet tal-ordinamenti legali nazzjonali. Dwar dan il-punt, ara b’mod partikolari, Cameron, I., “Metadata retention and national security: Privacy international and La Quadrature du Net”, Common Market Law Review, 2021, vol. 58, Nru 5, p. 1433 sa 1471, jew anki Bertrand, B., “L’audace sans le tact: jusqu’où la Cour de justice peut-elle aller trop loin?”, Dalloz IP/IT, 2021, Nru 9, p. 468 sa 472. Għalhekk, jidhirli li huwa iktar essenzjali, fil-perspettiva ta’ żamma ta’ djalogu li jagħti l-frott bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri, li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ twettaq addattament meta ċ-ċirkustanzi jitolbuh. Kif irrilevaw l-awturi tad-duttrina, l-istandard għoli ta’ protezzjoni stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax ikun realment effikaċi mingħajr adeżjoni min-naħa tal-qrati nazzjonali, responsabbli, primarjament, mill-implimentazzjoni tiegħu. Dwar dan il-punt, ara b’mod partikolari, Teyssedre, J., “Strictly regulated retention and access regimes for metadata: Commissioner of An Garda Siochana”, Common Market Law Review, vol. 60, Nru 2, 2023, p. 569 sa 588, u Sirinelli, J., “La protection des données de connexion par la Cour de justice: cartographie d’une jurisprudence européenne inédite”, Revue trimestrielle de droit européen, vol. 57, Nru 2, 2021, p. 313 sa 329.