Language of document : ECLI:EU:C:2017:688

Kawżi Magħquda C-168/16 u C-169/16

Sandra Nogueira et
vs
Crewlink Ireland Ltd

u

Miguel José Moreno Osacar
vs
Ryanair Designated Activity Company

(talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-cour du travail de Mons)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti individwali ta’ xogħol – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Punt 2(a) tal-Artikolu 19 – Kunċett ta’ ‘post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu’ – Settur tat-trasport bl-ajru – Ekwipaġġ tal-kabina – Regolament (KEE) Nru 3922/91 – Kunċett ta’ ‘bażi ta’ residenza’”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal‑14 ta’ Settembru 2017

1.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 44/2001 – Dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ikklassifikati bħala ekwivalenti għal dawk tal-Konvenzjoni ta’ Brussell – Interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konvenzjoni – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti individwali ta’ xogħol – Kunċett ta’ post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu jew ta’ post li fih jinsab l-istabbiliment tal-persuna li timpjegah – Interpretazzjoni awtonoma – Teħid inkunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet korrispondenti inklużi fil-Konvenzjoni ta’ Ruma – Ammissibbiltà

(Konvenzjoni ta’ Ruma tad-19 ta’ Ġunju 1980, preambolu; Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, punt 2 tal-Artikolu 19)

2.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti individwali ta’ xogħol – Kunċett ta’ post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu – Interpretazzjoni wiesgħa

(Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, Punt 2(a) tal-Artikolu 19)

3.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti individwali ta’ xogħol – Kunċett ta’ post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu – Determinazzjoni f’każ ta’ twettiq tax-xogħol f’diversi Stati Membri – Relazzjonijiet lavorattivi fis-settur tat-trasport – Kreiterji ta’ determinazzjoni tal-imsemmi post

(Konvenzjoni ta’ Ruma tad-19 ta’ Ġunju 1980, punt 1 tal-Artikolu 5; Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, punt 2(a) tal-Artikolu 19)

4.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti individwali ta’ xogħol – Kunċett ta’ post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu – Rikors ippreżentat minn membru tal-ekwipaġġ tal-kabina ta’ kumpannija tal-ajru jew li jkun ġie pprovdut għad-dispożizzjoni tagħha – Kunċett li ma huwiex assimilabbli għal dak ta’ bażi ta’ residenza fis-sens tal-Anness III tar-Regolament Nru 3922/91 – Kunċett ta’ bażi ta’ residenza li jista’ jikkostitwixxi indizju sinifikattiv għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-imsemmi post

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 3922/91, Anness III, u Nru 44/2001, Artikolu 19(2)(a))

5.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti individwali ta’ xogħol – Kunċett ta’ post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu – Rikors ippreżentat minn membru tal-ekwipaġġ tal-kabina ta’ kumpannija tal-ajru jew li jkun ġie pprovdut għad-dispożizzjoni tagħha – Post li ma huwiex assimilabbli mat-territorju tal-Istat Membru tan-nazzonalità tal-inġenji tal-ajru ta’ din il-kumpannija tal-ajru

(Konvenzjoni ta’ Chicago tas-7 ta’ Diċembru 1944, Artikolu 17; Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, Artikolu 19(2)(a))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 45-48, 55, 56)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 57)

3.      Fir-rigward ta’ kuntratt ta’ xogħol eżegwit fit-territorju ta’ diversi Stati kontraenti u fl-assenza ta’ ċentru effettiv ta’ attivitajiet professjonali tal-ħaddiem li minnu huwa jkun onora l-maġġoranza tal-obbligi tiegħu fil-konfront tal-persuna li timpjegah, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 5(1) tal-konvenzjoni ta’ Brussell għandu, fid-dawl tan-neċessità kemm li jiġi ddeterminat il-post li miegħu il-vertenza għandha r-rabta l-iktar sinjifikattiva bil-għan li tiġi identifikata l-qorti li tinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni kif ukoll li tiġi żgurata protezzjoni adegwata lill-ħaddiem bħala l-parti kontraenti l-iktar dgħajjfa u li tiġi evitata l-multiplikazzjoni tal-qrati li jkollhom ġurisdizzjoni, jiġi interpretat bħala li jirreferi għall-post li fih, jew li minnu, il-ħaddiem effettivament jaqdi l-maġġoranza tal-obbligi tiegħu fil-konfront tal-persuna li timpjegah. B’hekk, f’tali ċirkustanzi, il-kunċett ta’ “post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu” sanċit fil-punt 2(a) tal-Artikolu 19 tar-Regolament Brussell I għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi għall-post li fih, jew li minnu, il-ħaddiem jaqdi l-maġġoranza tal-obbligi tiegħu fil-konfront tal-persuna li timpjegah.

F’dan il-każ, il-kawżi prinċipali jikkonċernaw ħaddiema impjegati bħala membri tal-ekwipaġġ tal-kabina ta’ kumpannija tat-trasport bl-ajru jew ipprovduti għad-dispożizzjoni tagħha. B’hekk, il-qorti ta’ Stat Membru adita b’tali kawżi, meta ma tkunx f’pożizzjoni li tiddetermina mingħajr ambigwità il-“post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu”, għandha, sabiex tivverifika il-ġurisdizzjoni tagħha, tidentifika il-“post li minnu” dan il-ħaddiem jaqdi l-maġġoranza tal-obbligi tiegħu fil-konfront tal-persuna li timpjegahKif fakkar l-Avukat Ġenerali fil-punt 95 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, sabiex jiġi ddeterminat dan il-post b’mod konkret, il-qorti nazzjonali għandha tirreferi għal serje ta’ indizji.

Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, fir-rigward tal-partikolarità tar-relazzjonijiet lavorattivi fis-settur tat-trasport, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2011, Koelzsch (C-29/10, EU:C:2011:151, punt 49) u tal-15 ta’ Diċembru 2011, Voogsgeerd (C-384/10, EU:C:2011:842, punti 38 sa 41), indikat diversi indizji li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qrati nazzjonali. Dawn il-qrati għandhom b’mod partikolari jistabbilixxu f’liema Stat Membru jinsab il-post li minnu l-ħaddiem iwettaq il-missjonijiet ta’ trasport tiegħu, dak li fih huwa jirritorna wara l-kompiti tiegħu, li fih huwa jirċievi l-istruzzjonijiet dwar il-kompiti tiegħu u jorganizza xogħlu, kif ukoll il-post li fih jinsabu l-għodod tax-xogħol. F’dan ir-rigward, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u kif ukoll enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 102 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-post fejn ikunu stazzjonati l-inġenji tal-ajru li fuqhom abitwalment jitwettaq ix-xogħol.

(ara l-punti 58-61, 63, 64)

4.      Il-punt 2(a) tal-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ ta’ rikors ippreżentat minn membru tal-ekwipaġġ tal-kabina ta’ kumpannija tat-trasport bl-ajru jew li jkun ipprovdut għad-dispożizzjoni tagħha, u sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni ta’ qorti adita, il-kunċett ta’ “post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu”, fis-sens ta’ din id-dipożizzjoni, ma huwiex ekwiparabbli għal dak ta’ “bażi ta’ residenza”, fis-sens tal-Anness III tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91, tas-16 ta’ Diċembru 1991, dwar l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam ta’ l-avjazzjoni ċivili, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1899/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006.

Madankollu, il-kunċett ta’ “bażi ta’ residenza” jikkostitwixxi indizju sinjifikattiv għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-“post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu”. Fil-fatt, dan il-kunċett huwa ddefinit fl-Anness III tar-Regolament Nru 3922/91, fl-OPS 1.1095, bħala l-post li minnu l-ekwipaġġ tal-kabina sistematikament jibda u jispiċċa l-ġurnata ta’ xogħol tiegħu u li fih jorganizza x-xogħol ta’ kuljum tiegħu u li fil-qrib tiegħu l-impjegati jkunu, matul il-perijodu ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom, stabbilixxew ir-residenza tagħhom u jkunu għad-disponibbiltà tat-trasportatur bl-ajru. Ikun biss f’każ li, fid-dawl tal-elementi fattwali ta’ kull wieħed mill-każijiet ineżami, it-talbiet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikunu jippreżentaw rabtiet iktar mill-qrib ma’ post partikolari minflok mal-“bażi ta’ residenza” li tista’ tiġi imminata r-rilevanza ta’ dan il-kunċett għall-identifikazzjoni tal-post “li minnu l-ħaddiema abitwalment iwettqu x-xogħol tagħhom” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2002, Weber, C-37/00, EU:C:2002:122, punt 53, kif ukoll, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2013, Schlecker, C-64/12, EU:C:2013:551, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata)

(ara l-punti 70, 73, 77, u d-dispożittiv)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 75, 76)