Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta' Diċembru 2012 - NIOC et vs Il-Kunsill

(Kawża T-577/12)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: National Iranian Oil Company PTE Ltd (NIOC) (Singapor, Singapor); National Iranian Oil Company International Affairs Ltd (NIOC International Affairs) (Londra, ir-Renju Unit); Iran Fuel Conservation Organization (IFCO) (Téhéran, l-Iran); Karoon Oil & Gas Production Co. (Ahwaz, l-Iran); Petroleum Engineering & Development Co. (PEDEC) (Téhéran); Khazar Exploration and Production Co. (KEPCO) (Téhéran); National Iranian Drilling Co. (NIDC) (Ahwaz); South Zagros Oil & Gas Production Co. (Shiraz, l-Iran); Maroun Oil & Gas Co. (Ahwaz); Masjed-Soleyman Oil & Gas Co. (MOGC) (Khouzestan, l-Iran); Gachsaran Oil & Gas Co. (Ahmad, l-Iran); Aghajari Oil & Gas Production Co. (AOGPC) (Omidieh, l-Iran); Arvandan Oil & Gas Co. (AOGC) (Khoramshar, l-Iran); West Oil & Gas Production Co. (Kermanshah, l-Iran); East Oil & Gas Production Co. (EOGPC) (Mashhad, l-Iran); Iranian Oil Terminals Co. (IOTC) (Téhéran); Pars Special Economic Energy Zone (PSEEZ) (Boushehr, l-Iran); u Iran Liquefied Natural Gas Co. (Téhéran) (rappreżentant: J.-M. Thouvenin, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament ta' Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 945/2012, tal-15 ta' Ottubru 2012, sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK, tal-15 ta' Ottubru 2012, sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti;

tiddikjara inapplikabbli fil-konfront tagħhom ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 tat-23 ta' Marzu 2012;

tiddikjara inapplikabbli fil-konfront tagħhom id-Deċiżjoni 2012/635/PESK;

tordna li l-Kunsill ibati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw seba' motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni bi ksur tal-Artikolu 296 TFUE, peress li r-Regolament ta' Implementazzjoni li jinkludi lir-rikorrenti fil-lista tal-entitajiet issanzjonati ma jindikax espressament il-bażi legali li huwa bbażat fuqha.

It-tieni motiv ibbażat fuq nuqqas ta' bażi legali, peress li l-bażi legali għar-Regolament ta' Implementazzjoni Nru 945/2012 2 hija r-Regolament Nru 267/2012 , li għandu jiġi ddikjarat inapplikabbli fil-konfront tar-rikorrenti peress li, minn naħa, dan ġie adottat bi ksur tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 215 TFUE u, min-naħa l-oħra, peress li l-Artikolu 23(2)(d) tiegħu, li jikkostitwixxi l-bażi legali għall-inklużjoni tar-rikorrenti fil-lista tal-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012, jikser it-Trattati u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

It-tielet, ir-raba', il-ħames u s-sitt motivi insostenn tan-nullità tal-inklużjoni tar-rikorrenti fil-lista tal-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 u tal-Anness għad-Deċiżjoni 2012/635/PESK  ibbażati fuq (i) żball ta' liġi, (ii) żball ta' fatt, (iii) il-fatt li l-imsemmija inklużjoni tikser id-drittijiet tad-difiża, ta' amministrazzjoni tajba u ta' protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif ukoll (iv) il-fatt li l-imsemmija inklużjoni tmur kontra l-prinċipju ta' proporzjonalità.

Is-seba' motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta' applikabbiltà fil-konfront tar-rikorrenti tal-Artikolu 1(8) tad-Deċiżjoni 2012/635/PESK, li jikkostitwixxi l-bażi legali għall-inklużjoni tagħhom fil-listi tal-entitajiet milquta minn miżuri restrittivi, minħabba li din id-dispożizzjoni tmur kontra t-Trattati, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-prinċipju ta' proporzjonalità.

____________

1 - Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 945/2012 tal-15 ta' Ottubru 2012 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 282, p. 16).

2 - Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta' Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1).

3 - Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK, tal-15 ta' Ottubru 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 282, p. 58).