Language of document : ECLI:EU:T:2024:363

Edizzjoni Provviżorja

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla Manja)

4 ta’ Ġunju 2024 (*)

“Rikors għal annullament – Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill – Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2022 dwar l-approvazzjoni tal-evalwazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Polonja – Nuqqas ta’ inċidenza diretta – Inammissibbiltà”

Fil-Kawżi magħquda T‑530/22 sa T‑533/22,

Magistrats européens pour la démocratie et les libertés (Medel), stabbilita fi Strasbourg (Franza), irrappreżentata minn C. Zatschler, E. Egan McGrath, SC, A. Bateman u M. Delargy, solicitors,

rikorrenti fil-Kawża T‑530/22,

International Association of Judges, stabbilita f’Ruma (l-Italja), irrappreżentata minn C. Zatschler, E. Egan McGrath, SC, A. Bateman u M. Delargy, solicitors,

rikorrenti fil-Kawża T‑531/22,

Association of European Administrative Judges, stabbilita fi Trier (il-Ġermanja), irrappreżentata minn C. Zatschler, E. Egan McGrath, SC, A. Bateman u M. Delargy, solicitors,

rikorrenti fil-Kawża T‑532/22,

Stichting Rechters voor Rechters, stabbilita f’Den Haag (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn C. Zatschler, E. Egan McGrath, SC, A. Bateman u M. Delargy, solicitors,

rikorrenti fil-Kawża T‑533/22,

vs

IlKunsill talUnjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Chavrier, J. Bauerschmidt, E. Rebasti u A. Sikora‑Kalėda, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

LUngerija, irrappreżentata minn M. Fehér, bħala aġent,

minn

IrRepubblika talPolonja, irrappreżentata minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti,

u minn

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Delaude, K. Herrmann u T. Adamopoulos, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL‑QORTI ĠENERALI (Awla Manja),

komposta minn M. van der Woude, President, S. Papasavvas, F. Schalin, R. da Silva Passos, J. Svenningsen, M. Kancheva, E. Buttigieg, V. Tomljenović, P. Škvařilová‑Pelzl, I. Nõmm, G. Steinfatt, D. Kukovec (Relatur), T. Tóth, B. Ricziová u L. Spangsberg Grønfeldt, Imħallfin,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:

–        id-deċiżjoni tal‑11 ta’ Novembru 2022 li jingħaqdu l-kawżi,

–        l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑13 ta’ Diċembru 2022 u l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti,

–        id-deċiżjoni tal‑19 ta’ Diċembru 2022 li l-kawża tinqata’ permezz ta’ proċedura mħaffa,

–        id-deċiżjoni tal‑31 ta’ Marzu 2023 li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tingħaqad mal-mertu,

–        in-noti ta’ intervent ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 u fid‑19 ta’ Lulju 2023, rispettivament, mill-Ungerija, mir-Repubblika tal-Polonja u mill-Kummissjoni u l-osservazzjonijiet tal-partijiet prinċipali,

–        in-nota ta’ adattament tar-rikorsi ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Frar 2024 u l-osservazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        Permezz tar-rikorsi tagħhom ibbażati fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Magistrats européens pour la démocratie et les libertés (Medel) fil-Kawża T‑530/22, International Association of Judges (IAJ) fil-Kawża T‑531/22, Association of European Administrative Judges (AEAJ) fil-Kawża T‑532/22 u Stichting rechters voor rechters fil-Kawża T‑533/22, qegħdin jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2022 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tar-Repubblika tal-Polonja (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni inizjali”), kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat‑8 ta’ Diċembru 2023 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża u għadDeċiżjoni kkontestata

2        Taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (iktar ’il quddiem il-“Faċilità”), stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU 2021, L 57, p. 17, rettifika fil-ĠU 2023, L 137, p. 70), jistgħu jingħataw fondi lill-Istati Membri, fil-forma ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, li, skont l-Artikolu 2(2) tal-imsemmi regolament, tikkonsisti f’għajnuna finanzjarja li ma titħallasx lura jew fil-forma ta’ self.

3        Fis‑17 ta’ Ġunju 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni inizjali. L-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni saret pubblika permezz ta’ stqarrija għall-istampa li l-Kunsill għamel dakinhar stess.

4        Fil‑31 ta’ Awwissu 2023, ir-Repubblika tal-Polonja ppreżentat lill-Kummissjoni verżjoni emendata tal-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza.

5        Fit‑8 ta’ Diċembru 2023, il-Kunsill adotta deċiżjoni li temenda d-Deċiżjoni inizjali. Din id-deċiżjoni temenda d-Deċiżjoni inizjali billi, b’mod partikolari, iddaħħal kapitolu “REPowerEU” u taġġusta l-ammont disponibbli għall-kontribuzzjoni finanzjarja u għas-self. Min-naħa l-oħra, it-tragwardi F1G, F2G u F3G, li jinsabu fl-Anness tad-Deċiżjoni kkontestata, li jirrigwardaw ir-riforma tas-sistema ġudizzjarja Pollakka, baqgħu l-istess.

6        Id-Deċiżjoni kkontestata hija, skont l-Artikolu 4 tagħha, indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

7        Permezz tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill approva, konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1 tagħha, l-evalwazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tar-Repubblika tal-Polonja.

8        Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata, it-tragwardi u l-miri li għandhom jintlaħqu mir-Repubblika tal-Polonja huma speċifikati fl-anness ta’ din id-deċiżjoni.

9        Skont l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni kkontestata, l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja disponibbli huwa ffissat, bħala prinċipju, għal EUR 25 276 853 716.

10      Konformement mal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għandha tqiegħed il-kontribuzzjoni finanzjarja għad-dispożizzjoni tar-Repubblika tal-Polonja fil-forma ta’ iktar minn ħlas wieħed, konformement mal-anness ta’ din id-deċiżjoni. Il-ħlas jista’ jsir mill-Kummissjoni permezz ta’ għadd ta’ pagamenti parzjali.

11      Konformement mal-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni kkontestata, l-iżbors tal-ħlas jippreżupponi, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni tkun ħadet deċiżjoni, konformement mal-Artikolu 24 tar-Regolament 2021/241, li tirrikonoxxi li r-Repubblika tal-Polonja laħqet, b’mod sodisfaċenti, it-tragwardi u l-miri identifikati fl-anness ta’ din id-deċiżjoni.

12      Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni kkontestata, l-ammont tas-self disponibbli huwa ffissat, bħala prinċipju, għal EUR 34 541 303 518.

13      L-Anness tad-Deċiżjoni kkontestata fih tliet partijiet.

14      It-Taqsima 1 hija ddedikata għar-riformi u l-investimenti previsti fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Ir-riformi u l-investimenti previsti huma skedati sabiex jitwettqu mir-Repubblika tal-Polonja matul il-perijodu bejn l-aħħar trimestru tal‑2021 u t-tieni trimestru tal‑2026.

15      Il-miżuri relatati mar-riforma tal-ġustizzja fil-Polonja huma spjegati fit-tragwardi F1G, F2G u F3G.

16      Konformement mat-tragward F1G, jeħtieġ li jittieħdu diversi miżuri biex jissaħħu l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin Pollakki. Skont l-iskeda indikattiva, din il-parti tar-riforma kellha tiġi implimentata, permezz tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni, matul it-tieni trimestru tal‑2022.

17      Konformement mat-tragward F2G, għandhom jittieħdu miżuri sabiex jiġi żgurat li l-imħallfin ikkonċernati mid-deċiżjonijiet tal-Izba Dyscyplinarna (l-Awla Dixxiplinari) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja, iktar ’il quddiem l-“Awla Dixxiplinari”) ikollhom aċċess għal proċedura li tippermetti eżami mill-ġdid tad-deċiżjonijiet tal-imsemmija awla li jaffettwaw lilhom. Skont l-iskeda indikattiva, din il-parti tar-riforma kellha wkoll tiġi implimentata, permezz tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni, matul it-tieni trimestru tal‑2022.

18      It-tragward F2G huwa fformulat kif ġej:

“Dħul fis-seħħ ta’ riforma li tiżgura li l-imħallfin affettwati minn deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema jkollhom aċċess għal proċeduri ta’ eżami mill-ġdid tal-każ tagħhom. Dawn il-kawżi diġà deċiżi mill-Awla Dixxiplinari għandhom jiġu eżaminati minn qorti li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 19(1) TUE, konformement mar-regoli li għandhom jiġu adottati abbażi tat-tragward F1G iktar ’il fuq. L-att leġiżlattiv jipprevedi li l-ewwel seduta tal-qorti adita b’dawn il-kawżi għandha ssir fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi t-talba tal-imħallef għal eżami mill-ġdid u li l-kawżi għandhom jiġu deċiżi fi żmien tnax‑il xahar minn meta tirċievi din it-talba. Il-kawżi li għadhom pendenti quddiem l-Awla Dixxiplinari għandhom jiġu rrinvijati lill-qorti sabiex jiġu eżaminati u dan skont ir-regoli stabbiliti fil-kuntest tal-proċedura msemmija iktar ’il fuq.”

19      Konformement mat-tragward F3G, il-proċeduri ta’ eżami mill-ġdid imsemmija fit-tragward F2G kellhom, fil-prinċipju u skont l-iskeda indikattiva, jingħalqu matul ir-raba’ trimestru tal‑2023.

20      Barra minn hekk, mill-premessa 45 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li t-tragwardi F1G u F2G għandhom jintlaħqu qabel ma r-Repubblika tal-Polonja tkun tista’ tagħmel l-ewwel talba għal ħlas u li ebda ħlas ma jista’ jsir qabel ma jintlaħqu dawn it-tragwardi. B’hekk, skont il-punt 2.1 tat-Taqsima 2 tal-Anness tad-Deċiżjoni kkontestata, ħlas li jsir permezz tal-ewwel tranche tal-kontribuzzjoni finanzjarja, fl-ammont ta’ EUR 2 758 738 902, huwa b’mod partikolari suġġett għall-kundizzjoni li r-Repubblika tal-Polonja tkun laħqet it-tragwardi F1G u F2G.

21      Min-naħa l-oħra, it-tragward F3G, li jipprovdi li, bħala prinċipju, kull proċedura li tinfetaħ fir-rigward tat-tragward F2G (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ eżami mill-ġdid”) għandha tingħalaq matul ir-raba’ trimestru tal‑2023, ma jipprevedix kundizzjoni għall-ħlas ta’ finanzjament taħt il-Faċilità.

22      Barra minn hekk, mill-premessa 45 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li t-tragwardi F1G, F2G u F3G huma bla ħsara għall-obbligu tar-Repubblika tal-Polonja li tosserva, f’kull mument, id-dritt tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

23      Fl-aħħar nett, mill-premessa 50 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod partikolari li t-tragwardi relatati mar-riforma tal-ġustizzja fil-Polonja, jiġifieri t-tragwardi F1G, F2G u F3G, huma bla ħsara għall-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, pendenti jew futuri, u, b’mod iktar ġenerali, għall-obbligu tar-Repubblika tal-Polonja li tosserva d-dritt tal-Unjoni kif ukoll, b’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 Ittalbiet talpartijiet

24      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

25      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondati;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

26      L-Ungerija titlob li r-rikorsi jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

27      Ir-Repubblika tal-Polonja titlob li r-rikorsi jiġu miċħuda bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondati.

28      Il-Kummissjoni titlob li r-rikorsi jiġu miċħuda bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondati u li r-rikorrenti jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

 Iddritt

 Fuq issuġġett tattilwima

29      Ir-rikorrenti qegħdin jikkontestaw id-Deċiżjoni kkontestata inkwantu it-tragwardi F1G, F2G u F3G, speċifikati fl-uniku anness tagħha, ma humiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

30      Il-Kunsill isostni li r-rikorrenti, permezz tar-rikorsi tagħhom, qegħdin, fir-realtà, jirreferu biss għal dawn it-tragwardi, billi jiżolawhom b’mod artifiċjali mid-dispożittiv tad-Deċiżjoni kkontestata.

31      F’dan ir-rigward, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Kunsill, is-suġġett tar-rikorsi ma jistax jinftiehem fis-sens li huwa intiż biss sabiex jiġu annullati t-tragwardi F1G, F2G u F3G, relatati mar-riforma tas-sistema ġudizzjarja fil-Polonja, indipendentement mid-dispożittiv tad-Deċiżjoni kkontestata.

32      Fil-fatt, dawn it-tragwardi, b’mod partikolari t-tragwardi F1G u F2G, jagħmlu parti integrali u essenzjali mid-Deċiżjoni kkontestata peress li, minn naħa, huma inkorporati fl-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, ma jista’ jsir ebda pagament taħt l-Artikoli 2 u 3 tal-imsemmija deċiżjoni jekk ir-Repubblika tal-Polonja ma tkunx laħqet dawn it-tragwardi b’mod sodisfaċenti.

33      Għaldaqstant, ir-rikorsi għandhom jinftiehmu fis-sens li huma intiżi sabiex jinkiseb l-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha.

 Fuq ilpossibbiltà li tingħata deċiżjoni permezz ta’ digriet

34      Skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-konvenut jista’ jitlob lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. Skont l-Artikolu 130(7) ta’ dawn ir-Regoli, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar it-talba kemm jista’ jkun malajr.

35      Permezz ta’ digriet tal‑31 ta’ Marzu 2023, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tgħaqqad mal-mertu l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill.

36      Madankollu, fid-dawl tas-sottomissjonijiet bil-miktub tal-partijiet u tar-risposti mogħtija minn dawn tal-aħħar għad-diversi domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar issa tqis li hija f’pożizzjoni li tista’ tiddeċiedi, permezz ta’ digriet adottat abbażi tal-Artikolu 130(1) u (7) tar-Regoli tal-Proċedura, dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kunsill, mingħajr ma jkun meħtieġ li tinfetaħ il-fażi orali tal-proċedura.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li d-digriet tal‑31 ta’ Marzu 2023, li għaqqad mal-mertu l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill, ma jipprekludix, f’dan il-każ, il-possibbiltà li tingħata deċiżjoni fuq din l-eċċezzjoni permezz ta’ digriet.

 Fuq leċċezzjoni ta’ inammissibbiltà

38      Insostenn tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiegħu, il-Kunsill isostni, minn naħa, li r-rikorrenti ma jistgħux jaġixxu f’isimhom stess. Min-naħa l-oħra, il-Kunsill iqis li r-rikorrenti lanqas ma jistgħu jinvokaw is-sitwazzjoni tal-imħallfin li l-interessi tagħhom huma mħarsa minnhom, peress li l-imħallfin la għandhom, huma nnifishom, locus standi u lanqas interess ġuridiku.

39      Ir-rikorrenti jikkontestaw dawn id-dikjarazzjonijiet. Barra minn hekk, huma jsostnu, fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikorsi tagħhom kemm f’isimhom stess kif ukoll f’isem l-imħallfin li l-interessi tagħhom huma mħarsa minnhom, li, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-każ inkwistjoni, għandhom isiru iktar flessibbli l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà, kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza kurrenti.

40      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rikorsi għal annullament ippreżentati minn assoċjazzjonijiet huma meqjusa ammissibbli fi tliet tipi ta’ sitwazzjonijiet: l-ewwel waħda, meta dispożizzjoni legali tkun tagħti espressament lill-assoċjazzjonijiet professjonali numru ta’ setgħat ta’ natura proċedurali, it-tieni waħda, meta l-assoċjazzjoni tkun tirrappreżenta l-interessi tal-membri tagħha li jkollhom, huma nnifishom, locus standi u, it-tielet waħda, meta l-assoċjazzjoni tkun ikkonċernata individwalment minħabba l-impatt fuq l-interessi tagħha stess bħala assoċjazzjoni, b’mod partikolari għaliex il-pożizzjoni tagħha ta’ negozjatriċi tkun ġiet affettwata mill-att li jkun qiegħed jintalab l-annullament tiegħu (ara d-digriet tat‑8 ta’ Mejju 2019, Carvalho et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑330/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:324, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq lammissibbiltà tarrikorsi tarrikorrenti li jaġixxu f’isimhom stess

41      Ir-rikorrenti jsostnu li huma lkoll organi li l-missjoni tagħhom hija li jħarsu l-valur tal-Istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura. Huma jintervjenu spiss bħala interlokuturi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fuq kwistjonijiet relatati mal-Istat tad-dritt u għandhom, huma nnifishom, interess istituzzjonali li jħarsu l-indipendenza ġudizzjarja u l-valur tal-Istat tad-dritt. Minbarra l-fatt li bagħtu ittri lil diversi istituzzjonijiet tal-Unjoni, huma ppubblikaw diversi stqarrijiet, b’mod partikolari fl-interess tal-ħarsien tad-drittijiet tal-imħallfin Pollakki. Barra minn hekk, huma wkoll organi rappreżentattivi tal-imħallfin u għalhekk ta’ wieħed mis-setgħat tal-Istat u ma jistgħux, għaldaqstant, jiġu ekwiparati ma’ assoċjazzjonijiet oħra fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament tagħhom.

42      Fir-rigward tal-ewwel tip ta’ sitwazzjoni msemmija fil-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 40 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma humiex jinvokaw l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet legali li espressament jagħtuhom setgħat ta’ natura proċedurali u ma hemm xejn fil-proċessi li jippermetti li tinstilet il-konklużjoni li jeżistu tali dispożizzjonijiet.

43      Barra minn hekk, inkwantu l-argument tar-rikorrenti, imfakkar fil-punt 41 iktar ’il fuq, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-setgħa ġudizzjarja, b’mod partikolari fir-rigward tal-valur tal-Istat tad-dritt, stabbilit fl-Artikolu 2 TUE, huma għandhom jingħataw ċerti prerogattivi proċedurali, għandu jiġi kkonstatat li ebda dispożizzjoni legali ma tat lir-rikorrenti prerogattivi sabiex jiżguraw tali protezzjoni fil-qafas tal-Faċilità.

44      Għaldaqstant, ir-rikorrenti, bħala organi rappreżentattivi tal-imħallfin, ma jistgħux jibbenefikaw minn trattament proċedurali differenti minn dak li tibbenefika minnu kwalunkwe assoċjazzjoni oħra.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ammissibbiltà tar-rikorsi ma tistax tiġi stabbilita fir-rigward tal-ewwel tip ta’ sitwazzjoni msemmija fil-punt 40 iktar ’il fuq.

46      Fir-rigward tat-tielet tip ta’ sitwazzjoni msemmija fil-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 40 iktar ’il fuq, dwar l-impatt fuq l-interessi tal-assoċjazzjonijiet stess, b’mod partikolari bħala negozjaturi, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma stabbilixxewx tali impatt fil-każ tagħhom.

47      Effettivament, il-fatt li r-rikorrenti kienu “interlokuturi” tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, kif proprju jallegaw huma, fil-kuntest ġenerali tal-kwistjonijiet dwar l-Istat tad-dritt, ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi rrikonoxxuta lilhom il-kwalità ta’ negozjatriċi, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 40 iktar ’il fuq, fil-kuntest speċifiku tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata.

48      Dan jgħodd ukoll għall-fatt, invokat mir-rikorrenti fil-Kawżi T‑530/22, T‑531/22 u T‑532/22, li dawn għandhom status ta’ osservatur f’diversi korpi tal-Kunsill tal-Ewropa, bħall-Kummissjoni Ewropea għall-Effiċjenza tal-Ġustizzja (CEPEJ) fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa u fi ħdan il-Kunsill Konsultattiv tal-Imħallfin Ewropej (CCJE).

49      Għall-istess raġuni, huwa irrilevanti l-fatt, invokat mir-rikorrenti fil-Kawża T‑533/22, li hija intervjeniet, quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, f’kawżi mressqa minn imħallfin Pollakki fir-rigward tal-kriżi tal-Istat tad-dritt fil-Polonja.

50      L-argument tar-rikorrenti fil-Kawża T‑530/22 [kunfidenzjali] (1) lanqas ma jista’ jistabbilixxi li ġew affettwati l-interessi tagħha stess. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li jiġi invokat dan l-argument [kunfidenzjali] ma jippermettix li tiġi stabbilita inċidenza diretta fuq l-imsemmija rikorrenti.

51      Fid-dawl tal-premess, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet relatati mal-ewwel u t-tielet tip ta’ sitwazzjoni, imfakkra fil-punt 40 iktar ’il fuq, u għalhekk ma jistgħux, f’dan il-każ, jaġixxu f’isimhom stess.

 Fuq lammissibbiltà tarrikorsi tarrikorrenti li jaġixxu f’isem ilmembri tagħhom li linteressi tagħhom huma mħarsa mirrikorrenti

52      Skont it-tieni tip ta’ sitwazzjoni msemmija fil-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 40 iktar ’il fuq, assoċjazzjonijiet għandhom locus standi meta jirrappreżentaw l-interessi tal-membri tagħhom li, huma nnifishom, għandhom locus standi.

53      Il-Kunsill jikkontesta, b’mod partikolari, id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li l-locus standi tagħhom jirriżulta mill-fatt li huma jirrappreżentaw l-interessi ta’ mħallfin li, huma nnifishom, għandhom locus standi.

54      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑530/22, T‑531/22 u T‑532/22 ippreċiżaw li huma kienu assoċjazzjonijiet rappreżentattivi ta’ mħallfin fil-livell internazzjonali li l-membri tagħhom kienu, bħala regola ġenerali, assoċjazzjonijiet professjonali nazzjonali, inkluż assoċjazzjonijiet Pollakki ta’ mħallfin.

55      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti, f’dawn it-tliet kawżi, isostnu li l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 40 iktar ’il fuq, relatata mal-locus standi tal-assoċjazzjonijiet li jaġixxu f’isem il-membri tagħhom, għandha tiġi applikata wkoll għal dan il-każ tal-aħħar. F’dan il-kuntest, huma jirreferu b’mod partikolari għas-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2008, Hôtel Cipriani et vs Il‑Kummissjoni (T‑254/00, T‑270/00 u T‑277/00, EU:T:2008:537), li aċċettat l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-interessi tal-membri tagħha, komposti minn assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw persuni fiżiċi jew ġuridiċi li, huma nnifishom, seta’ kellhom locus standi.

56      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat ukoll li, fil-Kawża T‑533/22, peress li r-rikorrenti hija fondazzjoni u peress li, għalhekk, ma hijiex komposta minn membri, hija ma invokatx, fir-rikors tagħha, locus standi li jirriżulta mill-impatt fuq l-interessi tal-imħallfin li l-interessi tagħhom huma mħarsa minnha. Issa, fir-risposta tagħha għall-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill, ir-rikorrenti f’din il-kawża sostniet li ma kienx hemm għalfejn ikun magħruf jekk korp kienx qiegħed jaġixxi f’isem il-membri tiegħu, peress li rabta ta’ affiljazzjoni ma hijiex essenzjali, iżda li kien biżżejjed li dan jaġixxi f’isem dawk li l-interessi tagħhom huma mħarsa minnu.

57      Il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 40 tista’ tiġi applikata għas-sitwazzjonijiet speċifiċi msemmija fil-punti 54 u 56 iktar ’il fuq fil-każ fejn il-membri tal-assoċjazzjonijiet, huma stess membri tar-rikorrenti, ikollhom, huma nnifishom, locus standi. F’dan il-każ, hemm lok li jiġi eżaminat il-locus standi tal-imħallfin li huma membri tal-assoċjazzjonijiet membri tar-rikorrenti.

58      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, “[k]walunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”.

59      Peress li d-Deċiżjoni kkontestata hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja, l-ammissibbiltà tar-rikorsi għandha tiġi eżaminata fid-dawl tat-tieni u tat-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li fihom il-kundizzjoni ta’ inċidenza diretta hija meħtieġa.

60      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jinvokaw l-inċidenza diretta tal-imħallfin li l-interessi tagħhom huma mħarsa minnhom billi jiddistingwu bejn tliet gruppi ta’ mħallfin, jiġifieri, tal-ewwel, l-imħallfin Pollakki kkonċernati mid-deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari li huma direttament affettwati mill-proċedura ta’ eżami mill-ġdid prevista fit-tragwardi F2G u F3G, tat-tieni, l-imħallfin Pollakki kollha affettwati direttament minn din il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, kif ukoll mit-tragward F1G u, tat-tielet, l-imħallfin Ewropej l-oħra kollha affettwati direttament minn dawn it-tragwardi.

–       Fuq linċidenza diretta talimħallfin Pollakki kkonċernati middeċiżjonijiet talAwla Dixxiplinari

61      Għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti, sabiex juru l-ammissibbiltà tar-rikorsi tagħhom, humiex ġġustifikati li jinvokaw is-sitwazzjoni tal-imħallfin Pollakki direttament affettwati mill-introduzzjoni ta’ proċedura ta’ eżami mill-ġdid, kif prevista fit-tragwardi F2G u F3G.

62      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex persuna fiżika jew ġuridika tkun direttament ikkonċernata mill-miżura li tkun is-suġġett tar-rikors tagħha, għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kriterji kumulattivi, jiġifieri li din il-miżura, minn naħa, taffettwa direttament is-sitwazzjoni legali ta’ din il-persuna u, min-naħa l-oħra, li hija ma tħalli ebda setgħa ta’ evalwazzjoni lid-destinatarji fdati bl-implimentazzjoni tagħha, billi din l-implimentazzjoni tkun ta’ natura purament awtomatika u li tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni , mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedji oħra (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, li kull att, sew jekk ikun ta’ natura leġiżlattiva jew sew jekk ta’ natura oħra, jista’, bħala prinċipju, jikkonċerna direttament lil individwu, u b’hekk jaffettwa direttament is-sitwazzjoni legali tiegħu, indipendentement mill-fatt dwar jekk l-att jinkludix miżuri ta’ implimentazzjoni (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punt 74).

64      Fil-fatt, sabiex tiġi eżaminata l-kapaċità tad-Deċiżjoni kkontestata li tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-imħallfin affettwati mid-deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari, għandha tiġi studjata s-sustanza tal-att inkwistjoni u għandhom jiġu evalwati dawn l-effetti fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut tal-imsemmi att, filwaqt li, fejn meħtieġ, jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih ikun ġie adottat dan tal-aħħar, kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni li tkun adottatu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punti 63 u 75).

65      Fl-ewwel lok, fir-rigward tas-sustanza tad-Deċiżjoni kkontestata, evalwata fid-dawl tal-kontenut tagħha, kif ukoll tal-kuntest tagħha, għandu jitfakkar li r-Regolament 2021/241 ġie adottat abbażi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 175 TFUE, liema artikolu jirrigwarda l-koordinazzjoni mill-Istati Membri tal-politika ekonomika tagħhom bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet ta’ koerenza ekonomika, soċjali u territorjali msemmija fl-Artikolu 174 TFUE.

66      L-Artikolu 1 tar-Regolament 2021/241, li jikkonċerna s-suġġett tal-imsemmi regolament, jipprevedi li dan ir-regolament jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u jispeċifika l-għanijiet tal-Faċilità, il-finanzjament tagħha, il-forom ta’ finanzjament tal-Unjoni taħt il-Faċilità u r-regoli dwar l-għoti ta’ tali finanzjament. Il-premessa 8 tar-Regolament 2021/241 tiddikjara li l-Faċilità hija għodda innovattiva li tippermetti l-għoti lill-Istati Membri ta’ għajnuna finanzjarja diretta.

67      Mill-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-għan ġenerali tal-Faċilità huwa li tippromwovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni, b’mod partikolari billi ttejjeb ir-reżiljenza, it-tħejjija għall-kriżijiet u l-kapaċità ta’ aġġustament tal-Istati Membri. B’hekk, il-Faċilità hija mistennija tikkontribwixxi, b’mod partikolari, għall-konverġenza ekonomika u soċjali minn isfel għal fuq, għar-restawr u l-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli u għall-integrazzjoni tal-ekonomiji tal-Unjoni.

68      Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom iħejju pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza li għandhom jiġu vvalutati mill-Kummissjoni. Il-valutazzjoni għandha mbagħad tiġi approvata permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill. Tali deċiżjoni tissuġġetta l-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja għall-osservanza ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-implimentazzjoni tal-imsemmija pjanijiet, inkluż l-ilħiq ta’ tragwardi u ta’ miri, li, skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament 2021/241, huma miżuri ta’ progress lejn it-twettiq ta’ riforma jew ta’ investiment.

69      L-Artikolu 15(2) tar-Regolament 2021/241 jipprevedi li, fejn il-Kummissjoni tqis li talba għall-għajnuna fil-forma ta’ self tkun tissodisfa l-kriterji msemmija fil-paragrafu 1, u mal-mument li fih li tiġi adottata d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 20(1) tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni għandha tidħol fi ftehim ta’ self mal-Istat Membru kkonċernat.

70      Bl-istess mod, l-Artikolu 23(1) tar-Regolament 2021/241 jipprevedi li, ladarba l-Kunsill ikun adotta d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 20(1) tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim mal-Istat Membru kkonċernat, liema ftehim ikun jikkostitwixxi impenn legali individwali fis-sens tar-Regolament Finanzjarju.

71      Skont l-Artikolu 24(9) tar-Regolament 2021/241, il-Kummissjoni għandha, fl-assenza ta’ progress tanġibbli mwettaq mill-Istat Membru kkonċernat sabiex jintlaħqu t-tragwardi u l-miri rilevanti, ixxolji l-ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 15(2) u fl-Artikolu 23(1) u għandha tirtira l-ammont tal-kontribuzzjoni.

72      B’hekk, fil-kuntest tad-Deċiżjoni kkontestata, ir-rwol tat-tragwardi huwa li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti mir-Repubblika tal-Polonja u eżaminati, sussegwentement, mill-Kummissjoni sabiex jiġi deċiż jekk il-fondi taħt il-Faċilità jistgħux jingħataw lil dan l-Istat Membru. Konsegwentement, ir-rilevanza tal-imsemmija tragwardi hija limitata għall-proċess ta’ żbors tal-fondi taħt il-Faċilità, fis-sens li l-ilħiq sodisfaċenti ta’ dawn it-tragwardi jikkundizzjona l-ħlas tal-imsemmija fondi.

73      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Deċiżjoni kkontestata stabbilixxiet sensiela sħiħa ta’ tragwardi u ta’ miri li għandhom jintlaħqu mir-Repubblika tal-Polonja. Bħala eżempju, għall-iżbors biss ta’ finanzjament taħt l-ewwel tranche tal-Faċilità, kienet ir-Repubblika tal-Polonja li kellha tilħaq, minbarra t-tragwardi F1G u F2G, 26‑il tragward ieħor u dan kif jirriżulta mill-punt 2.1.1 tat-Taqsima 2 tal-Anness tad-Deċiżjoni kkontestata.

74      Minn dan jirriżulta li t-tragwardi, inkluż it-tragwardi F1G, F2G u F3G, għandhom il-karatteristika ta’ kundizzjonalità baġitarja inkwantu l-ilħiq tagħhom jikkundizzjona l-finanzjament taħt il-Faċilità.

75      B’hekk, fil-kuntest tad-Deċiżjoni kkontestata, ir-rwol tat-tragwardi F1G, F2G u F3G huwa li jiżguraw l-osservanza, minn naħa, tal-kriterji tal-Artikolu 19(3)(b) u (j) tar-Regolament 2021/241 u, min-naħa l-oħra, tal-obbligi previsti mill-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 20(5)(e) ta’ dan ir-regolament, sabiex jiġi żgurat rispons effikaċi għall-isfidi identifikati fil-qafas tas-Semestru Ewropew u li n-nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja Pollakka ma jippreġudikawx l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

76      Huwa minnu li l-Kunsill, huwa u jadotta d-Deċiżjoni kkontestata, kien marbut bit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u bil-valur tal-Istat tad-dritt, konformement mal-Artikolu 2 TUE, kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea relatata miegħu.

77      Bl-istess mod, it-tragwardi F1G, F2G u F3G jirriflettu r-rabta bejn l-osservanza tal-valur tal-Istat tad-dritt, minn naħa, u l-implimentazzjoni tajba tal-baġit tal-Unjoni, konformement mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, min-naħa l-oħra (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 148).

78      Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li donnhom qegħdin jissuġġerixxu r-rikorrenti, il-Kunsill, bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata u b’hekk bid-definizzjoni tat-tragwardi F1G, F2G u F3G, ma kellux il-ħsieb li jissostitwixxi r-regoli dwar il-valur tal-Istat tad-dritt jew dwar il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif iċċarati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

79      Dan huwa kkorroborat ukoll mill-premessa 45 tad-Deċiżjoni kkontestata, li tiddikjara li t-tragwardi F1G, F2G u F3G huma bla ħsara għall-obbligu tar-Repubblika tal-Polonja li tosserva, f’kull mument, id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u mill-premessa 50 tad-Deċiżjoni kkontestata, li tiddikjara li l-imsemmija tragwardi huma bla ħsara għall-proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, pendenti jew futuri, u, b’mod iktar ġenerali, għall-obbligu tar-Repubblika tal-Polonja li tosserva d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

80      Dan ifisser li, billi speċifika, fl-Anness tad-Deċiżjoni kkontestata, it-tragwardi F1G, F2G u F3G li kellhom jintlaħqu mir-Repubblika tal-Polonja sabiex din tkun tista’ tingħata aċċess għal finanzjament taħt il-Faċilità, il-Kunsill ma riedx li jawtorizza lil dan l-Istat Membru ma joqgħodx għal sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li jikkonstataw in-nuqqas ta’ osservanza, minn dan tal-aħħar, tal-valur tal-Istat tad-dritt jew tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

81      Huwa fid-dawl tal-evalwazzjonijiet premessi li għandha tiġi eżaminata, fit-tieni lok, il-kwistjoni dwar jekk id-Deċiżjoni kkontestata, meta wieħed iqis is-sustanza tagħha, taffettwax direttament lill-imħallfin ikkonċernati mid-deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari fir-rigward tat-tragward F2G li jinsab fl-anness tal-imsemmija deċiżjoni.

82      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti jinvokaw kemm it-tragward F2G kif ukoll it-tragward F3G sabiex isostnu li l-introduzzjoni ta’ proċedura ta’ eżami mill-ġdid taffettwa lill-imħallfin ikkonċernati mid-deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari. Issa, peress li t-tragward F3G jimponi biss skadenza li fiha l-proċeduri ta’ eżami mill-ġdid għandhom jiġu implimentati u peress li l-introduzzjoni tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid hija, fiha nnifisha, prevista mit-tragward F2G, l-inċidenza diretta ta’ dawn l-imħallfin għandha tiġi eżaminata biss fid-dawl tat-tragward F2G, kif stabbilit fl-Anness tad-Deċiżjoni kkontestata.

83      Id-Deċiżjoni kkontestata hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja li għandha tilħaq it-tragward F2G, li jinsab fl-anness tagħha, sabiex tkun tista’ tibbenefika minn finanzjament taħt il-Faċilità.

84      Huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 63 iktar ’il fuq, il-fatt li l-att kontenzjuż jinvolvi miżuri ta’ implimentazzjoni ma jimplikax, fih innifsu, li tali att ma jistax jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ individwu.

85      Madankollu, għandu jkun hemm rabta diretta bejn l-att inkwistjoni u l-effetti tiegħu fuq ir-rikorrent (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punti 74 u 76).

86      Pereżempju, fil-punt 75 tas-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑348/20 P, EU:C:2022:548), il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tikkonkludi li teżisti rabta diretta bejn l-att ikkontestat, li kien direttiva, u l-effetti tiegħu, peress li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni kienu għamlu applikabbli għar-rikorrenti obbligi speċifiċi.

87      F’dan il-każ, madankollu, indipendentement mill-marġni ta’ evalwazzjoni li tista’ tgawdi minnha r-Repubblika tal-Polonja sabiex tilħaq it-tragward F2G, għandu jitfakkar li dan tal-aħħar kien sempliċement jimponi kundizzjoni li għandha tiġi ssodisfatta mill-Istat Membru inkwistjoni sabiex ikun jista’ jibbenefika minn finanzjament, kif proprju ġie kkonstatat fil-punt 74 iktar ’il fuq. Għalhekk ma jistax jiġi konkluż li d-Deċiżjoni kkontestata, billi tipprevedi t-tragward F2G, imponiet, b’mod definittiv, obbligi speċifiċi fuq dan l-Istat Membru fir-relazzjonijiet tiegħu mal-imħallfin affettwati minn deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari.

88      B’mod partikolari, id-Deċiżjoni kkontestata ma kellhiex l-effett li tissuġġetta lill-imħallfin affettwati minn deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari għall-kundizzjonijiet previsti minnha, u lanqas ma għamlet direttament applikabbli regola speċifika fir-rigward tagħhom. Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn l-imsemmija deċiżjoni, sa fejn hija speċifikat it-tragward F2G, u s-sitwazzjoni legali tal-imħallfin affettwati minn deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari hija nieqsa.

89      Konsegwentement, anki wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, is-sitwazzjoni tal-imħallfin affettwati minn deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari baqgħet irregolata mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Pollakk applikabbli għall-imsemmija sitwazzjoni, kif ukoll mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, mingħajr ma jseħħ it-tragward F2G speċifikat f’din id-deċiżjoni billi jibdel direttament is-sitwazzjoni legali ta’ dawn l-imħallfin, fis-sens meħtieġ mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

90      Barra minn hekk, ma jistax jiġi aċċettat, kif proprju jsostnu r-rikorrenti, li t-tragward F2G kellu l-effett li “jippermetti, jekk mhux [li] jeħtieġ”, l-introduzzjoni ta’ proċedura ta’ eżami mill-ġdid fid-dritt Pollakk u li l-Kummissjoni, peress li kkollaborat fil-proċess li bih ittieħdet id-Deċiżjoni kkontestata u, għalhekk, fl-eżerċizzju li bih ġew speċifikati t-tragwardi F1G, F2G u F3G, hija, minħabba f’hekk, prekluża milli ssostni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, l-inkompatibbiltà tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid mad-dritt tal-Unjoni.

91      Fil-fatt, l-ewwel nett, id-Deċiżjoni kkontestata sempliċement tapprova sensiela ta’ kundizzjonijiet għal finanzjament, fosthom it-tragward F2G, mingħajr ma tbiddel direttament is-sitwazzjoni tal-imħallfin affettwati minn deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari, peress li s-sitwazzjoni tal-imħallfin inbidlet biss bil-miżura adottata sussegwentement mir-Repubblika tal-Polonja sabiex tilħaq l-imsemmi tragward. Barra minn hekk, fid-dawl tal-konklużjoni li nstiltet fil-punt 80 iktar ’il fuq, ir-Repubblika tal-Polonja ma tistax tiġi awtorizzata, bis-saħħa tat-tragward F2G, li jinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni kkontestata, tevita l-osservanza tal-obbligi tagħha li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mis-sentenzi u d-digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

92      It-tieni nett, anki jekk jitqies li, kif proprju jsostnu r-rikorrenti, id-drittijiet proċedurali tal-Kummissjoni huma limitati minħabba r-rwol tagħha fil-proċedura li permezz tagħha ġew speċifikati t-tragwardi, dan ma jirriżultax, f’dan il-każ, fl-inċidenza diretta tal-imħallfin affettwati mid-deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari mid-Deċiżjoni kkontestata.

93      Fid-dawl tal-premess, għandu jiġi konkluż li d-Deċiżjoni kkontestata, li tikkundizzjona l-aċċess tar-Repubblika tal-Polonja għall-finanzjament taħt il-Faċilità, ma tipproduċix direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-imħallfin affettwati minn deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari, b’mod li l-ewwel kundizzjoni sabiex wieħed jikkonkludi li l-imħallfin huma affettwati direttament ma hijiex issodisfatta.

–       Fuq linċidenza diretta talimħallfin Pollakki kollha u talimħallfin kollha talIstati Membri loħra u tażŻona Ekonomika Ewropea (ŻEE)

94      Fil-fehma tar-rikorrenti, l-imħallfin Pollakki kollha, kif ukoll l-imħallfin kollha tal-Istati Membri l-oħra u taż-ŻEE, huma direttament affettwati mid-Deċiżjoni kkontestata.

95      Qabel xejn, fir-rigward tal-impatt fuq l-imħallfin Pollakki minħabba l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid prevista fit-tragwardi F2G u F3G, ir-rikorrenti jsostnu li anki l-imħallfin mhux affettwati minn deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari jsofru “minn effett dissważiv fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom” sakemm tiġi ċċarata s-sitwazzjoni tal-kollegi tagħhom affettwati minn tali deċiżjonijiet u jitgħabbew b’iktar xogħol kemm‑il darba l-kollegi tagħhom jibqgħu sospiżi. L-estensjoni tas-sospensjoni tal-imħallfin milquta minn sanzjonijiet illegali “tista’ ddgħajjef il-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-partijiet f’kawża f’soċjetà demokratika u [fi] Stat tad-dritt”. Din taffettwa direttament il-kapaċità tal-maġistrati kollha li jwettqu kif xieraq ir-rwol tagħhom fil-kuntest tal-funzjonijiet tagħhom.

96      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, inkwantu t-tragwardi F2G u F3G ma jipproduċux direttament effetti fuq is-sitwazzjoni tal-imħallfin Pollakki affettwati mid-deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari, kif ġie kkonstatat fil-punti 82 sa 93 iktar ’il fuq, l-istess jgħodd, a fortiori, għall-imħallfin Pollakki mhux affettwati minn tali deċiżjonijiet.

97      Sussegwentement, fir-rigward tal-impatt fuq l-imħallfin Pollakki kollha minħabba t-tragward F1G, ir-rikorrenti jsostnu li t-tragward F1G, kif approvat mid-Deċiżjoni kkontestata, jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-imħallfin Pollakki kollha, peress li ma huwiex suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid protezzjoni ġudizzjarja effettiva. L-imħallfin Pollakki huma għalhekk imġiegħla jiddeċiedu dwar kawżi, inkluż dawk li jinvolvu finanzjament taħt il-Faċilità, “f’ċirkostanzi professjonali inaċċettabbli, peress li jkomplu jiġu suġġetti għal pressjoni illegali u jkomplu jsofru attakki fuq l-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom”. “L-imħallfin Pollakki huma mġiegħla jwettqu l-funzjonijiet tagħhom f’kundizzjonijiet li jqajmu dubju”, b’mod partikolari, dwar il-kapaċità tagħhom li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja, li japplikaw bis-sħiħ id-dritt tal-Unjoni u li jagħtu deċiżjonijiet li jmorru kontra l-interessi tal-gvern jew tal-partit politiku fil-gvern fil-Polonja.

98      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jurux l-eżistenza ta’ rabta mill-qrib biżżejjed bejn is-sitwazzjoni tal-imħallfin Pollakki kollha u t-tragward F1G li tippermetti li jiġi konkluż li l-imsemmi tragward jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ dawn il-qrati.

99      Fil-fatt, ir-rikorrenti jikkritikaw, b’mod partikolari, it-tragward F1G, minħabba li ma huwiex biżżejjed sabiex jiġu stabbiliti mill-ġdid l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin Pollakki u, b’mod iktar ġenerali, sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid sistema ġudizzjarja Pollakka li tosserva r-rekwiżiti minimi li timponi l-osservanza tal-Istat tad-dritt.

100    B’hekk, ir-rikorrenti jagħmlu biss dikjarazzjonijiet ta’ natura ġenerali, li jirrigwardaw dak li, fil-fehma tagħhom, kellu jinkludi t-tragward F1G. Madankollu, ir-rikorrenti ma jispeċifikawx, fit-test stess ta’ dan it-tragward, fatti konkreti li jippreġudikaw direttament lill-imħallfin Pollakki.

101    Madankollu, l-assenza, fid-Deċiżjoni kkontestata, ta’ regoli li r-rikorrenti jqisu neċessarji ma tistax tikkostitwixxi ndħil dirett fid-drittijiet tal-imħallfin Pollakki li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, liema ndħil jaffettwa direttament is-sitwazzjoni legali tagħhom.

102    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jikkonkludu li t-tragwardi F1G, F2G u F3G, kif approvati mid-Deċiżjoni kkontestata, jaffettwaw direttament lill-imħallfin tal-Istati Membri l-oħra u taż-ŻEE, minħabba r-rabtiet mill-qrib li jagħqdu l-ordinamenti ġuridiċi ta’ dawn l-Istati ma’ dak tal-Unjoni.

103    Minn naħa, huma jsostnu li dawn l-imħallfin huma, pereżempju, obbligati jirrikonoxxu u jeżegwixxu s-sentenzi jew jiddefinixxu l-ġurisdizzjoni lokali fil-proċeduri ta’ ażil jew ukoll li jeżaminaw it-talbiet għal estradizzjoni ta’ persuna abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Il-fatt li l-Istat tad-dritt ikun tqiegħed f’perikolu fi Stat Membru jista’ jkollu direttament effetti fuq il-kapaċità tal-imħallfin tal-Istati l-oħra li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom kif xieraq.

104    F’dan ir-rigward, anki jekk nuqqasijiet fl-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru jista’ jkollhom riperkussjonijiet fuq l-eżerċizzju tas-setgħa ġudizzjarja fi Stati oħra u, jekk jitqies li dawn in-nuqqasijiet jistgħu jaffettwaw ix-xogħol ta’ kuljum tal-imħallfin ta’ dawn l-Istati, tali riperkussjonijiet ma jimplikawx li d-Deċiżjoni kkontestata hija ta’ natura li tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ dawn l-imħallfin.

105    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jsostnu li jeżisti riskju ta’ “effett indirett” (spillover effect) bejn l-Istati Membri, inkwantu, f’sitwazzjoni fejn il-leġiżlatur ta’ Stat Membru jipprevedi riformi leġiżlattivi, inkluż riformi relatati mal-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja tiegħu, huwa jispira ruħu mill-iżviluppi li jkunu seħħew fl-Istati Membri l-oħra.

106    Issa, għandu jiġi rrilevat li l-kunsiderazzjonijiet tar-rikorrenti dwar il-possibbiltà ta’ effett indirett, importanti kemm huma importanti dawn il-kunsiderazzjonijiet fuq il-livell politiku, ma humiex ta’ natura li juru li d-Deċiżjoni kkontestata tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni tal-imħallfin tal-Istati Membri l-oħra jew taż-ŻEE.

107    Konsegwentement, la l-imħallfin Pollakki, sew jekk kienu affettwati minn deċiżjoni tal-Awla Dixxiplinari u sew jekk le, u lanqas l-imħallfin ta’ Stati Membri oħra jew taż-ŻEE ma huma affettwati direttament mid-Deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw is-sitwazzjoni ta’ dawn l-imħallfin sabiex jistabbilixxu l-ammissibbiltà tar-rikorsi tagħhom.

108    Ir-rikorrenti lanqas ma jistgħu jinvokaw it-tielet parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li tikkonċerna l-atti regolatorji, minħabba li l-imħallfin li l-interessi tagħhom huma mħarsa mir-rikorrenti, għandhom, permezz tal-interessi tal-membri tagħhom, locus standi abbażi ta’ din it-tielet parti tas-sentenza. Fil-fatt, il-kundizzjoni li r-rikorrent għandu jkun ikkonċernat direttament mill-att ikkontestat għandha l-istess tifsira kemm fit-tieni parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE kif ukoll fit-tielet parti ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punt 73). F’dawn iċ-ċirkustanzi u fl-assenza ta’ inċidenza diretta mid-Deċiżjoni kkontestata, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk din tal-aħħar tikkostitwixxix att regolatorju fis-sens tat-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

109    Fid-dawl tal-premess, u peress li l-imħallfin li l-interessi tagħhom huma mħarsa mir-rikorrenti ma għandhomx, huma nnifishom, locus standi, ir-rikorrenti lanqas ma jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex ir-rikorsi tagħhom ikunu ammissibbli taħt it-tieni tip ta’ sitwazzjoni, imsemmija fil-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 40 iktar ’il fuq.

 Fuq lillaxkar talkundizzjonijiet għallammissibbiltà

110    Fil-fehma tar-rikorrenti, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikorsi għandhom isiru iktar flessibbli.

111    Ir-rikorrenti essenzjalment iqisu li l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà għandhom jiġu applikati b’ċerta flessibbiltà, b’mod partikolari minħabba r-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva u mal-Istat tad-dritt, li huwa valur fundamentali tal-Unjoni li jagħmel parti mill-identità tagħha stess. Fil-fehma tar-rikorrenti, is-sistema sħiħa ta’ rimedji ġudizzjarji hija impliċitament ibbażata fuq il-premessa li l-valur tal-Istat tad-dritt huwa osservat mill-Istati Membri. Issa, din il-premessa ma għadhiex tapplika fil-każ tal-Polonja, peress li s-sitwazzjoni hija kkaratterizzata minn nuqqasijiet sistemiċi li jirriżultaw minn għażla deliberata li ma jiġix osservat id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, li ma jiġux osservati d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma għadux jikkostitwixxi rimedju disponibbli għar-rikorrenti nnifishom jew għall-imħallfin li l-interessi tagħhom huma mħarsa mir-rikorrenti.

112    Il-Kunsill, sostnut mill-Ungerija, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

113    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li għalkemm huwa minnu li l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, tali interpretazzjoni ma għandhiex twassal sabiex jiġu injorati l-kundizzjonijiet previsti espressament fl-imsemmi trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

114    B’mod partikolari, l-għan tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma huwiex li tinbidel is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju prevista mit-Trattati u partikolarment ir-regoli dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati direttament quddiem il-qrati tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    B’mod partikolari, il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma teħtieġx li parti f’kawża għandha tkun tista’, mingħajr ebda kundizzjoni, tippreżenta rikors għal annullament, direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni, kontra atti tal-Unjoni (sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2020, Associazione GranoSalus vs Il‑Kummissjoni, C‑313/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:869, punt 62).

116    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li huma direttament ikkonċernati mid-Deċiżjoni kkontestata, kif proprju ġie kkonstatat fil-punt 109 iktar ’il fuq.

117    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-illaxkar tal-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà, kif mitlub mir-rikorrenti, jimplika, fil-fatt, l-esklużjoni tal-kundizzjoni tal-inċidenza diretta li hija espressament stabbilita fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ħaġa li tmur kontra l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 113 iktar ’il fuq. B’hekk, in-nuqqasijiet sistemiċi tas-sistema ġudizzjarja fil-Polonja, allegati mir-rikorrenti, ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jiġġustifikaw li l-Qorti Ġenerali tidderoga mill-kundizzjoni ta’ inċidenza diretta li tapplika għar-rikorsi ppreżentati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

118    Dan huwa bla ħsara għall-obbligu tar-Repubblika tal-Polonja, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 266 TFUE, li tirrimedja malajr kemm jista’ jkun in-nuqqasijiet ikkonstatati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-kriżi tal-Istat tad-dritt. Barra minn hekk, l-Artikolu 263 TFUE jippermetti, konformement mal-ewwel paragrafu tiegħu, b’mod partikolari lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet jippreżentaw rikors kontra d-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni, tkun xi tkun il-forma tagħhom, li jkunu intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti, mingħajr ma jkollhom għalfejn juru interess ġuridiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, hija l-Kummissjoni, konformement mar-rwol tagħha ta’ gwardjan tat-Trattati, kif jirriżulta mill-Artikolu 17(1) TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 59), u fid-dawl tal-fatt li l-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE, fosthom il-valur tal-Istat tad-dritt, jiddefinixxu l-identità stess tal-Unjoni bħala ordinament ġuridiku komuni (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 145), li għandha taġixxi, inkluż fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha prevista mill-Artikolu 24(3) tar-Regolament 2021/241, bil-għan li tgħin sabiex tiġi żgurata l-osservanza, mir-Repubblika tal-Polonja, tar-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

119    Fid-dawl tal-premess, ir-rikorsi għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq lispejjeż

120    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti ħarġu telliefa hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill.

121    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għalhekk, ir-Repubblika tal-Polonja, l-Ungerija u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla Manja)

tordna:

1)      Ir-rikorsi huma miċħuda bħala inammissibbli.

2)      Magistratseuropéenspour la démocratie et les libertés (Medel), International Association of Judges, Association of European Administrative Judges u Stichting Rechters voor Rechters huma kkundannati jbatu l-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Ir-Repubblika tal-Polonja, l-Ungerija u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Magħmul fil-Lussemburgu, fl‑4 ta’ Ġunju 2024.

Ir-Reġistratur

 

Il-President

V. Di Bucci

 

M. van der Woude


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1      Data kunfidenzjali mħollija barra.