Language of document : ECLI:EU:T:1998:97

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tielet Awla Estiża)

14 ta' Mejju 1998 (*)

"Kompetizzjoni – Artikolu 85(1) tat-Trattat KE – Kunċett ta' vjolazzjoni unika – Skambju ta' informazzjoni – Inġunzjoni – Multa – Determinazzjoni ta' l-ammont – Metodu ta' kalkolu – Motivazzjoni – Ċirkustanzi mitiganti"

Fil-kawża T-334/94,

Sarrió SA, kumpannija mwaqqfa taħt il-liġi Spanjola, stabbilita f’Pamplona (Spanja), irrappreżentata minn Antonio Creus Carreras, avukat fl-avukatura ta' Barcelona, Alberto Mazzoni, avukat fl-avukatura ta' Milan, Antonio Tizzano u Gian Michele Roberti, avukati fl-avukatura ta' Napli, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu fl-uffiċċju ta’ Alain Lorang, 51, Rue Albert 1er,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn Richard Lyal, membru tas-Servizz Ġuridiku tagħha, bħala aġent, assistit minn Alberto Dal Ferro, avukat fl-avukatura ta’ Vicenza, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu fl-uffiċċju ta’ Carlos Gómez de la Cruz, membru tas-Servizz Ġuridiku tagħha, Wagner Centre, Kirchberg,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/601/KE, tat-13 ta' Lulju 1994, dwar proċedura taħt l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (IV/C/33.833 – Kartun) (ĠU L 243, p.1),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn B. Vesterdorf, President, M. Briët, P. Lindh, A. Potocki u J. D. Cooke, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur,

wara li kkunsidrat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta li nżammet mill-25 ta’ Ġunju sat-8 ta’ Lulju 1997,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Din il-kawża tikkonċerna d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/601/KE, tat-13 ta’ Lulju 1994, dwar proċedura taħt l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (IV/C/33.833 – Kartun) (ĠU L 243, p. 1), kif irreveduta qabel il-pubblikazzjoni tagħha minn deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Lulju 1994 [C(94) 2135 finali] (aktar 'il quddiem "id-Deċiżjoni"). Id-Deċiżjoni imponiet multi fuq 19-il produttur li jipprovdu kartun fil-Komunità minħabba vjolazzjonijiet ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat.

2        Il-prodott li huwa s-suġġett tad-Deċiżjoni huwa l-kartun. Id-Deċiżjoni ssemmi tliet tipi ta’ kartun, imsejħa b'riferiment għall-gradi ta' kwalità "GC", "GD" u "SBS".

3        Il-kartun tal-kwalità GD (aktar 'il quddiem il-"kartun GD") huwa kartun li l-parti ta' ġewwa tiegħu tkun griża (karta rriċiklata) u li normalment jintuża għall-ippakkjar ta’ prodotti mhux ta’ l-ikel.

4        Il-kartun tal-kwalità GC (aktar 'il quddiem il-"kartun GC") huwa kartun b’saff abjad fil-wiċċ li normalment jintuża għall-ippakkjar ta’ prodotti ta’ l-ikel. Il-kartun GC huwa ta’ kwalità ogħla mill-kartun GD. Matul il-perijodu kopert mid-Deċiżjoni, normalment kien hemm differenza ta’ bejn wieħed u ieħor 30% fil-prezz ta’ dawn iż-żewġ prodotti. Il-kartun GC ta' kwalità għolja jintuża wkoll, f’ammont żgħir, għal skopijiet ta’ grafika.

5        SBS hija t-taqsira użata sabiex isir riferiment għall-kartun li huwa abjad kollu (aktar 'il quddiem il-"kartun SBS"). Il-prezz ta' dan il-kartun huwa bejn wieħed u ieħor 20% ogħla minn dak tal-kartun GC. Dan il-kartun jintuża għall-ippakkjar ta’ ikel, prodotti kosmetiċi, mediċini u sigaretti, iżda huwa primarjament intiż għal użu grafiku.

6        Permezz ta' ittra tat-22 ta’ Novembru 1990, il-British Printing Industries Federation (aktar 'il quddiem il-"BPIF"), organizzazzjoni kummerċjali li tirrappreżenta l-maġġoranza tal-produtturi tal-kaxxi stampati fir-Renju Unit, għamlet ilment informali mal-Kummissjoni. Hija sostniet li l-produtturi tal-kartun li jfornu lir-Renju Unit kienu introduċew sensiela ta’ żidiet simultanji u uniformi fil-prezzijiet u talbet lill-Kummissjoni tinvestiga jekk kienx hemm vjolazzjoni tar-regoli Komunitàrji dwar il-kompetizzjoni. Sabiex tassigura li l-inizjattiva tagħha ssir magħrufa mill-pubbliku, il-BPIF ħarġet komunikat stampa. Il-kontenut ta’ dan il-komunikat stampa kien irrapportat fl-istampa speċjalizzata matul Diċembru 1990.

7        Fit-12 ta’ Diċembru 1990, il-Fédération Française du Cartonnage wkoll għamlet ilment informali mal-Kummissjoni, fejn ippreżentat osservazzjonijiet dwar is-suq Franċiż tal-kartun f'termini simili ħafna għal dawk fl-ilment tal-BPIF.

8        Fit-23 u fl-24 ta’ April 1991, uffiċjali tal-Kummissjoni, bis-saħħa ta' l-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204, aktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 17"), wettqu investigazzjonijiet simultanji mingħajr notifika minn qabel fil-bini ta’ diversi impriżi u assoċjazzjonijiet kummerċjali li joperaw fis-settur tal-kartun.

9        Wara dawn l-investigazzjonijiet, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni u għal dokumenti, skond Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, lid-destinatarji kollha tad-Deċiżjoni.

10      L-elementi miksuba minn dawn l-investigazzjonijiet u talbiet għal informazzjoni u dokumenti wasslu lill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li, minn nofs is-sena 1986 sa April 1991, minn ta’ l-inqas (fil-biċċa l-kbira tal-każijiet), l-impriżi kkonċernati kienu pparteċipaw fi vjolazzjoni ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat.

11      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda proċedura taħt din id-dispożizzjoni. Permezz ta' ittra tal-21 ta’ Diċembru 1992, hija indirizzat dikjarazzjoni ta’ lmenti lil kull waħda mill-impriżi kkonċernati. Dawn kollha għamlu risposti bil-miktub. Disa’ mill-impriżi talbu li jinstemgħu quddiem il-Kummissjoni. Huma nstemgħu fis-7, fit-8 u fid-9 ta’ Ġunju 1993.

12      Fit-tmiem tal-proċedura, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni, li tinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

"Artikolu 1

Buchmann GmbH, Cascades SA, Enso-Gutzeit Oy, Europa Carton AG, Finnboard – the Finnish Board Mills Association, Fiskeby Board AB, Gruber & Weber GmbH & Co KG, Kartonfabriek De Eendracht NV (li l-isem kummerċjali tagħha huwa BPB de Eendracht NV), NV Koninklijke KNP BT NV (qabel Koninklijke Nederlandse Papierfabrieken NV), Laakmann Karton GmbH & Co KG, Mo Och Domsjö AB (MoDo), Mayr-Melnhof Gesellschaft mbH, Papeteries de Lancey SA, Rena Kartonfabrik AS, Sarrió SpA, SCA Holding Ltd [qabel Reed Paper & Board (UK) Ltd], Stora Kopparbergs Bergslags AB, Enso Española SA (qabel Tampella Española SA) u Moritz J. Weig GmbH & Co KG kisru l-Artikolu 85(1) tat-Trattat KE billi pparteċipaw:

–        fil-każ ta’ Buchmann u Rena, minn madwar Marzu 1988 sa minn ta’ l-anqas l-aħħar ta’ l-1990,

–        fil-każ ta’ Enso Española, minn ta’ l-inqas minn Marzu 1988 sa minn ta’ l-anqas l-aħħar ta’ April 1991,

–        fil-każ ta’ Gruber & Weber, minn ta’ l-inqas mill-1988 sa l-aħħar ta' l-1990,

–        fil-każijiet l-oħra, min-nofs l-1986 sa minn ta’ l-anqas April 1991,

fi ftehim u prattika miftiehma li jmorru lura sa nofs l-1986, li permezz tagħhom il-fornituri ta’ kartun fil-Komunità Ewropea:

–        iltaqgħu b’mod regolari f’sensieli ta’ laqgħat istituzzjonalizzati u bil-moħbi sabiex jiddiskutu u jadottaw pjan industrijali komuni sabiex jirrestrinġu l-kompetizzjoni,

–        iddeċidew bi ftehim komuni dwar żidiet regolari fil-prezzijiet għal kull kwalità ta' prodott f’kull munita nazzjonali,

–        ippjanaw u implementaw żidiet simultanji u uniformi fil-Komunità Ewropea kollha,

–        laħqu ftehim sabiex iżommu l-ishma fis-suq tal-produtturi prinċipali f’livelli kostanti, b'bidliet minn żmien għal żmien,

–        adottaw, b'mod dejjem aktar frekwenti mill-bidu ta' l-1990, miżuri miftiehma sabiex jikkontrollaw il-provvista tas-suq Komunitarju, bil-għan li jassiguraw l-implementazzjoni ta’ l-imsemmija żiediet fil-prezzijiet miftiehma,

–        skambjaw informazzjoni kummerċjali dwar kunsinni, prezzijiet, twaqqif ta’ produzzjoni, ordnijiet b’lura u rati ta’ użu ta’ magni sabiex isostnu l-miżuri msemmija hawn fuq.

[...]

Artikolu 3

Il-multi segwenti huma imposti fuq l-impriżi segwenti fir-rigward tal-vjolazzjonijiet ikkonstatati fl-Artikolu 1:

[...]

(xv) Sarrió SpA, multa ta’ ECU 15,500,000;

[...]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13      Skond id-Deċiżjoni, il-vjolazzjoni saret fi ħdan organu magħruf bħala "Product Group Paperboard" (aktar 'il quddiem il-"PG Paperboard"), komposta minn diversi gruppi jew kumitati.

14      F’nofs l-1986, grupp imsejjaħ "Presidents Working Group" (aktar 'il quddiem il-"PWG") ġie stabbilit fi ħdan dan l-organu. Dan il-grupp kien jiġbor fih rappreżentanti f’pożizzjonijiet għolja tal-fornituri prinċipali ta’ kartun fil-Komunità (madwar tmien fornituri).

15      L-attivitajiet tal-PWG kienu jikkonsistu, b’mod partikolari, fid-diskussjoni u fil-kollaborazzjoni dwar is-swieq, l-ishma fis-suq, il-prezzijiet u l-kapaċitajiet. B’mod partikolari, dan il-grupp ħa deċiżjonijiet ġenerali dwar iż-żmien u l-livell taż-żidiet fil-prezzijiet li kellhom jiġu introdotti mill-produtturi.

16      Il-PWG kien jirrapporta lill-"President Conference" (aktar 'il quddiem il-"PC"), li fiha kienu jipparteċipaw (bejn wieħed u ieħor b’mod regolari) kważi d-diretturi ġenerali kollha ta’ l-impriżi kkonċernati. Il-PC iltaqgħat darbtejn fis-sena matul il-perijodu in kwistjoni.

17      Lejn l-aħħar tas-sena 1987 twaqqaf il-"Joint Marketing Committee (aktar 'il quddiem il-"JMC"). Ix-xogħol prinċipali tiegħu kien, minn naħa, li jiddetermina jekk, u, fl-affermattiv, kif, setgħu jiġu implementati żidiet fil-prezzijiet u, min- naħa l-oħra, li jiddefinixxi l-metodi ta’ implementazzjoni ta' l-inizjattivi dwar prezzijiet deċiżi mill-PWG, pajjiż b’pajjiż u għall-klijenti prinċipali bil-għan li tiġi stabbilita sistema ta’ prezzijiet ekwivalenti fl-Ewropa.

18      Fl-aħħar nett, il-Kumitat Ekonomiku kien jiddiskuti, b'mod partikolari, varjazzjonijiet fil-prezzijiet fis-swieq nazzjonali u ordnijiet b’lura u kien jirrapporta l-konstatazzjonijiet tiegħu lill-JMC jew, sa l-aħħar tas-sena 1987, lill-Marketing Committee, il-predeċessur tal-JMC. Il-Kumitat Ekonomiku kien kompost mid-diretturi responsabbli mill-bejgħ tal-biċċa l-kbira ta’ l-impriżi in kwistjoni u kien jiltaqa’ diversi drabi fis-sena.

19      Barra minn hekk, mid-Deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-attivitajiet tal-PG Paperboard kienu sostnuti minn skambju ta’ informazzjoni mwettaq permezz ta' Fides, kumpannija fiduċjarja, li s-sede tagħha huwa fi Zurich (l-Iżvizzera). Skond id-Deċiżjoni, il-biċċa l-kbira tal-membri tal-PG Paperboard kienu minn żmien għal żmien jipprovdu rapporti dwar l-ordnijiet, il-produzzjoni, il-bejgħ u l-użu tal-kapaċitajiet lil Fides. Dawn ir-rapporti kienu jiġu pproċessati taħt is-sistema ta’ Fides u l-informazzjoni miġbura minnhom kienet tintbagħat lill-parteċipanti.

20      Ir-rikorrenti, Sarrió SA (aktar 'il quddiem "Sarrió"), hija r-riżultat ta’ amalgamazzjoni li seħħet fl-1990 bejn id-diviżjoni tal-kartun ta' l-akbar produttur Taljan, Saffa, u l-produttur Spanjol Sarrió (punt 11 tal-premessi tad-Deċiżjoni). Fl-1991, Sarrió akkwistat ukoll il-produttur Spanjol Prat Carton (ibidem).

21      Sarrió tqieset li kienet responsabbli għall-parteċipazzjoni ta’ Prat Carton fl-akkordju in kwistjoni matul il-perijodu kollu ta' din il-parteċipazzjoni (punt 154 tal-premessi tad-Deċiżjoni).

22      Sarrió timmanifattura prinċipalment kartun GD, iżda tipproduċi wkoll kartun GC.

 Il-proċedura

23      Ir-rikorrenti ressqet din l-azzjoni permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti fl-14 ta’ Ottubru 1994.

24      Sittax mit-tmintax-il impriża l-oħra li nstabu responsabbli għall-vjolazzjoni wkoll ressqu rikors kontra d-Deċiżjoni (Kawżi T-295/94, T-301/94, T-304/94, T-308/94, T-309/94, T-310/94, T-311/94, T-317/94, T-319/94, T-327/94, T-337/94, T-338/94, T-347/94, T-348/94, T-352/94 u T-354/94).

25      Ir-rikorrenti fil-Kawża T-301/94, Laakmann Karton GmbH, ċediet l-atti tal-kawża tagħha b’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-10 ta’ Ġunju 1996, u l-kawża tħassret mir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza permezz ta' digriet tat-18 ta’ Lulju 1996, Laakmann Karton vs Il-Kummissjoni (T-301/94, li mhuwiex ippubblikat fil-Ġabra).

26      Erba’ impriżi Finlandiżi, membri ta’ l-assoċjazzjoni kummerċjali Finnbord u, bħala tali, miżmuma responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq Finnboard, ukoll ressqu rikorsi kontra d-Deċiżjoni (Kawżi Magħquda T-339/94, T-340/94, T-341/94 u T-342/94).

27      Fl-aħħar nett, tressaq ukoll rikors minn assoċjazzjoni, CEPI-Cartonboard, li ma kinitx waħda mid-destinatarji tad-Deċiżjoni. Madankollu, din ċediet l-atti tal-kawża tagħha permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-8 ta’ Jannar 1997, u l-kawża tħassret mir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza permezz ta' digriet tas-6 ta’ Marzu 1997 (CEPI-Cartonboard vs Il-Kummissjoni, li mhuwiex ippubblikat fil-Ġabra).

28      Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Frar 1997, il-Qorti tal-Prim'Istanza stiednet lill-partijiet sabiex jieħdu sehem f’laqgħa informali bl-iskop, b’mod partikolari, li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-possibbiltà li jingħaqdu l-Kawżi T-295/94, T-304/94, T-308/94, T-309/94, T-310/94, T-311/94, T-317/94, T-319/94, T-327/94, T-334/94, T-337/94, T-338/94, T-347/94, T-348/94, T-352/94 u T-354/94 għall-iskopijiet tal-proċedura orali. F’din il-laqgħa, li nżammet fid-29 ta’ April 1997, il-partijiet qablu li jingħaqdu l-kawżi.

29      Permezz ta' digriet ta' l-4 ta’ Ġunju 1997, il-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim'Istanza għaqqad il-kawżi msemmija għall-iskopijiet tal-proċedura orali, minħabba l-konnessjoni bejniethom, skond Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura u laqa' talba għal trattament kunfidenzjali mressqa mir-rikorrenti f'din il-kawża.

30      Permezz ta' digriet ta' l-20 ta’ Ġunju 1997, huwa laqa' talba għal trattament kunfidenzjali mressqa mir-rikorrenti fil-Kawża T-337/94 fir-rigward ta' dokument prodott bħala risposta għal mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza.

31      Wara li semgħet ir-rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tielet Awla Estiża) iddeċidiet li tibda l-proċedura orali u adottat miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fejn talbet lill-partijiet iwieġbu għal ċerti mistoqsijiet bil-miktub u jipproduċu ċerti dokumenti. Il-partijiet wieġbu għal dawn it-talbiet.

32      It-trattazzjonijiet orali tal-partijiet fil-kawżi msemmija fil-punt 28 u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu fis-seduta li nżammet mill-25 ta’ Ġunju sat-8 ta’ Lulju 1997.

 It-talbiet tal-partijiet

33      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni;

–        sussidjarjament, tannulla, minn naħa, l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 3 tagħha, safejn din id-dispożizzjoni ta' l-aħħar tordna lir-rikorrenti tħallas multa ta’ ECU 15500000;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont ta’ din il-multa;

–        tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.

34      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fuq it-talba għall-annulament tad-Deċiżjoni

 A – Fuq il-motiv proċedurali u formali bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża


 L-argumenti tal-partijiet

35      Ir-rikorrenti tallega li d-drittijiet tad-difiża tagħha ġew miksura meta l-Kummissjoni (fil-punt 79 tal-premessi tad-Deċiżjoni) ħadet in kunsiderazzjoni, bħala prova tal-vjolazzjoni, dokument li nstab għand Finnboard (UK) Ltd matul l-investigazzjonijiet li saru f’April 1991 (aktar 'il quddiem il-"lista ta’ prezzijiet ta’ Finnboard"). Hija tfakkar li dan id-dokument intbagħtilha fit-28 ta’ April 1994, jiġifieri ħafna wara li ppreżentat ir-risosta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ lmenti u wara s-smiegħ quddiem il-Kummissjoni. Dan id-dewmien inġustifikat ċaħħadha mill-opportunità li tesprimi l-fehmiet tagħha dwar is-sinjifikat attwali tad-dokument, il-kuntest li ġie elaborat fih kif ukoll dwar il-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni abbażi tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461). Barra minn hekk, il-fatt li d-dokument intbagħtilha fit-28 ta’ April 1994 ma rrimedjax dan il-ksur.

36      Il-Kummissjoni twieġeb li d-dokument in kwistjoni ntbagħat lil Sarrió flimkien ma’ ittra tat-28 ta’ April 1994 fejn il-kontenut tad-dokument u l-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni ġew spjegati fid-dettal. Peress li, barra minn hekk, l-ittra tat-28 ta’ April 1994 offriet lir-rikorrenti l-opportunità li tissottometti bil-miktub kwalunkwe osservazzjonijiet li xtaqet tagħmel, hija setgħet tindika fil-ħin opportun il-fehmiet tagħha dwar il-valur probatorju tad-dokument in kwistjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Diċembru 1991, BASF vs Il-Kummissjoni, T-4/89, Ġabra p. II-1523, punt 36).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

37      Il-lista ta’ prezzijiet ta’ Finnboard inkisbet mill-Kummissjoni matul l-investigazzjonijiet tagħha fl-uffiċċji ta’ Finnboard (UK) Ltd f’April 1991 u ntbagħtet lir-rikorrenti flimkien ma’ ittra ta' spjegazzjoni sittax-il xahar wara li kienet intbagħtet id-dikjarazzjoni ta’ lmenti.

38      Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza, mill-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 17, meta jinqara flimkien ma’ Artikoli 2 u 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 99/63/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1963 dwar is-smiegħ previst fl-Artikolu 19(1) u (2) tar-Regolament Nru 17 (ĠU 19631963-1964, p. 47), jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tikkomunika l-ilmenti li hija tkun qegħda ssostni kontra l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ikkonċernati u li fid-deċiżjonijiet tagħha għandha tirreferi biss għall-ilmenti li dwarhom huma kellhom l-opportunità li jressqu l-fehmiet tagħhom (sentenza tat-23 ta' Frar 1994, CB u Europay vs Il-Kummissjoni, T-39/92 u T-40/92, Ġabra p. II-49, punt 47).

39      Bl-istess mod, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża fi proċedura li tista' twassal għal penali bħal dawk in kwistjoni jeżiġi li l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati jingħataw l-opportunità, mill-istadju tal-proċedura amministrattiva, li jressqu l-fehmiet tagħhom b’mod effettiv dwar il-verità u r-rilevanza tal-fatti, l-ilmenti u ċ-ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni (sentenzi Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 11, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Diċembru 1992, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T-10/92, T-11/92, T-12/92 u T-15/92, Ġabra p. II-2667, punt 39).

40      F'din il-kawża, meta ntbagħat id-dokument ikkonċernat, ma tqajmet l-ebda oġġezzjoni ġdida li ma kinitx tinsab fid-dikjarazzjoni ta’ lmenti. Fil-fatt, mill-ittra mibgħuta flimkien mal-lista ta’ prezzijiet ta’ Finnboard jirriżulta b'mod ċar li din il-lista kienet tikkostitwixxi sempliċement prova addizzjonali ta' pjan komuni sabiex jiġu ffissati prezzijiet, oġġezzjoni li kienet diġà ġiet spjegata fid-dettal fid-dikjarazzjoni ta’ lmenti.

41      Fi kwalunkwe każ, fl-ittra mibgħuta ma’ dan id-dokument, ir-rikorrenti espressament ingħatat l-opportunità sabiex tressaq, fl-istadju tal-proċedura amministrattiva u f'terminu ta' għaxart ijiem, il-fehmiet tagħha dwar din il-prova. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma żammitx lir-rikorrenti milli tressaq, fil-ħin opportun, il-fehma tagħha dwar il-valur probatorju tad-dokument mibgħut (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 11, u tal-25 ta' Ottubru 1983, AEG vs Il-Kummissjoni, 107/82, Ġabra p. 3151, punt 27).

42      Minn dan isegwi li dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 B – Fuq il-mertu


 Fuq il-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ azzjoni miftiehma dwar il-prezzijiet ta’ tranżazzjoni u fuq ksur tar-rekwiżit li tingħata motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

43      Ir-rikorrenti tammetti li ħadet sehem f’azzjoni miftiehma fir-rigward tal-prezzijiet imħabbra iżda tikkontesta li din l-azzjoni kienet tikkonċerna l-prezzijiet ta’ tranżazzjoni. Minbarra d-dokumenti prodotti man-noti tagħha, li juru li l-prezzijiet ta’ tranżazzjoni ma segwewx il-prezzijiet imħabbra, in sostenn ta' l-affermazzjoni tagħha hija tinvoka l-poter ta’ kull konsumatur li jinnegozja dwar il-prezz, il-bidliet fid-domanda u fl-ispejjeż ta’ produzzjoni u l-karatteristiċi partikolari tas-suq tal-kartun, partikolarment ir-regolarità li biha ż-żidiet fil-prezzijiet kienu mħabbra u l-livell għoli ta’ trasparenza fis-suq.

44      Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Kummissjoni ma spjegatx b’mod ċar jekk hija kinitx qiegħda tallega li kien hemm azzjoni miftiehma mhux biss fir-rigward tal-prezzijiet imħabbra iżda wkoll fir-rigward tal-prezzijiet ta’ tranżazzjoni. Issa, kuntrarjament għal dak li qiegħda ssostni l-Kummissjoni, minħabba l-effetti differenti tagħhom, id-distinzjoni bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ azzjonijiet miftiehma hija ta’ importanza kbira (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta' Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, C-89/85, C-104/85, C-114/85, C-116/85, C-117/85 u C-125/85 sa C-129/85, Ġabra p. I-1307). Fir-risposta tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-inċertezzi dwar x’inhu s-suġġett ta' l-azzjoni miftiehma jikkostitwixxu, fihom infushom, ksur tar-rekwiżiti ta' motivazzjoni u ta' preċiżjoni tad-deċiżjonijiet li jikkonstataw vjolazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, dan il-ksur jippreġudika serjament id-drittijiet leġittimi tad-difiża.

45      Il-Kummissjoni tiddikjara li ma tistax tifhem kif ir-rikorrenti tista’, fl-istess ħin, tammetti li ħadet sehem f'azzjoni miftiehma dwar il-prezzijiet u ssostni li ż-żidiet fil-prezz applikati ma kinux ir-riżultat ta' din l-azzjoni miftiehma. Hija tenfasizza li d-Deċiżjoni (partikolarment fil-punti 72 sa 102 tal-premessi tagħha) tirreferi kemm għad-dokumenti li jindikaw azzjoni miftiehma dwar kull żieda mħabbra fil-kuntest ta' l-akkordju kif ukoll għad-dokumenti li permezz tagħhom kull wieħed mill-produtturi effettivament ħabbar iż-żieda in kwistjoni.

46      Hija ssostni wkoll li d-distinzjoni bejn azzjoni miftiehma dwar il-prezzijiet imħabbra u azzjoni miftiehma dwar prezzijiet ta’ tranżazzjoni mhijiex rilevanti f'din il-kawża. L-azzjoni miftiehma fi ħdan il-PWG u l-JMC ma kinitx tikkonċerna biss il-prezzijiet imħabbra iżda wkoll l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar żidiet minn żmien għal żmien fil-prezzijiet għal kull tip ta’ prodott u dwar l-applikazzjoni ta’ dawn iż-żidiet simultanji fil-Komunità kollha (ara d-dokumenti ta' prova msemmija fil-punti 74 sa 90, 92 u 94 sa 96 tal-premessi tad-Deċiżjoni).

47      Barra minn hekk, fid-dawl tal-provi ta' azzjoni miftiehma fi ħdan il-kumitati li fihom ipparteċipat ir-rikorrenti, ikun impossibbli li jingħad li t-tħabbir tal-prezzijiet ma neħħewx l-inċertezza ta’ kull impriża dwar l-imġiba tal-kompetituri tagħha u li r-rikorrenti implementat iż-żidiet fil-prezzijiet mingħajr referenza għall-azzjoni miftiehma (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-24 ta' Ottubru 1991, Rhône-Poulenc vs Il-Kummissjoni, T-1/89, Ġabra p. II-867, punti 122 u 123).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

48      Skond Artikolu 1 tad-Deċiżjoni, l-impriżi msemmija f'din id-dispożizzjoni kienu kisru l-Artikolu 85(1) tat-Trattat billi pparteċipaw, matul il-perijodu ta' referenza, fi ftehim u fi prattika miftiehma li permezz tagħhom il-fornituri ta’ kartun fil-Komunità, b'mod partikolari, "iddeċidew bi ftehim komuni dwar żidiet regolari fil-prezzijiet għal kull kwalità ta' prodott f’kull munita nazzjonali" u "ippjanaw u implementaw żidiet simultanji u uniformi fil-Komunità Ewropea kollha".

49      Ir-rikorrenti tammetti li pparteċipat f’erba’ korpi tal-PG Paperboard u ma tikkontestax, la fin-noti tagħha u lanqas fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza matul is-seduta, li hija pparteċipat f'azzjoni miftiehma dwar il-prezzijiet imħabbra mill-1988.

50      Qabel ma jiġi kkunsidrat l-argument tar-rikorrenti li l-azzjoni miftiehma ma kkonċernatx il-prezzijiet ta’ tranżazzjoni, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni effettivament sostnietx, fid-Deċiżjoni, li l-azzjoni miftiehma kkonċernat prezzijiet bħal dawn.

51      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni bl-ebda mod ma jispeċifika l-prezz li kien is-suġġett taż-żidiet miftiehma.

52      Fit-tieni lok, mid-Deċiżjoni bl-ebda mod ma jirriżulta li l-Kummissjoni sostniet li l-produtturi kienu ffissaw, jew anke kellhom il-ħsieb li jiffissaw, prezzijiet ta’ tranżazzjoni uniformi. Partikolarment, il-punti 101 u 102 tal-premessi tad-Deċiżjoni, li jikkonċernaw l-"effett ta’ l-inizjattivi miftiehma fir-rigward ta' prezzijiet fuq il-livell tal-prezzijiet", jindikaw li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-inizzjattivi fir-rigward ta' prezzijiet kienu jikkonċernaw il-prezzijiet indikati fil-katalgi u kienu intiżi sabiex jipproduċu żieda fil-prezzijiet ta' tranżazzjoni. Ġie osservat, b’mod partikolari, li: "Anke jekk il-produtturi kollha baqgħu tal-fehma li jintroduċu kompletament iż-żieda, il-possibbiltajiet li kellhom il-klijenti li jaqilbu għal kwalità jew għal prodott irħas setgħu jwasslu ċerti produtturi sabiex jagħmlu lill-klijenti tradizzjonali tagħhom ċerti konċessjonijiet dwar id-data tad-dħul fis-seħħ taż-żidiet jew sabiex jagħtuhom inċentiv addizzjonali fil-forma ta' skont jew ta' traħħis fil-każ ta' ordnijiet kbar bil-għan li jgiegħluhom jaċċettaw kompletament iż-żieda fil-prezz bażiku. Għaldaqstant, kien inevitabbli li l-effetti kollha taż-żidiet fil-prezzijiet ma setgħux jinħassu immedjatament." (punt 101, is-sitt paragrafu, tal-premessi tad-Deċiżjoni). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

53      Għalhekk, mid-Deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-iskop tal-kollużjoni bejn il-produtturi fir-rigward ta’ prezzijiet kien li ż-żidiet miftiehma fil-prezzijiet imħabbra jkollhom bħala konsegwenza żieda fil-prezzijiet ta' tranżazzjoni. F'dan ir-rigward, mill-ewwel paragrafu tal-punt 101 tal-premessi tad-Deċiżjoni, jirriżulta li "il-produtturi mhux biss ħabbru ż-żidiet fil-prezzijiet miftiehma iżda, bi ftit eċċezzjonijiet, adottaw ukoll miżuri konkreti sabiex jassiguraw li dawn iż-żidiet jiġu effettivament imposti fuq il-klijenti". Għaldaqstant, is-sitwazzjoni f'din il-kawża hija differenti minn dik eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, peress li fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni, b'differenza mid-deċiżjoni li wasslet għal din is-sentenza ta' l-aħħar, ma ssostnix li l-impriżi ftiehmu direttament dwar il-prezzijiet ta' tranżazzjoni. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

54      Din l-analiżi tad-Deċiżjoni hija kkonfermata mid-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni.

55      B’mod partikolari, l-Anness 109 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti fih il-minuti tal-laqgħa tal-JMC tas-16 ta’ Ottubru 1989, fejn, inter alia, huwa indikat li:

"d)       L-Olanda

[...]

Problemi kbar bix-xerrejja prinċipali, partikolarment Imca, li Cascades u Van Duffel għadhom joffrulhom prezzijiet irraġonevoli b'tali mod li qegħdin jagħmlu l-ħajja ta’ KNP u tal-Finlandiżi diffiċli.

[...]

f)       Il-Belġju

Sitwazzjoni simili għal dik fl-Olanda. Finnboard irnexxielha tikkonvinċi biż-żieda fil-prezzijiet lil Van Genechten iżda, minħabba konċessjonijiet magħmula fil-Belġju (minn Cascades), kellha terġa' tidħol f'negozjati ma' din ta' l-aħħar. Din iż-żieda għandha tibqa' tiġi sostnuta u wieħed jistenna li Beghin, Cascades u KNP jagħmlu l-istess.

[...]

h)       L-Italja

Saffa għandha problemi kbar ħafna bil-prezzijiet ta’ importazzjoni mitluba minn Kopparfors, Finnboard kif ukoll minn Cascades.

Il-kunsinni ta' Saffa naqsu bil-kbir, l-importazzjonijiet żdiedu bil-kbir.

Saffa titlob b'insistenza lill-importaturi sabiex josservaw sew id-direttivi maħruġa fir-rigward ta' prezzijiet." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

56      Dan id-dokument juri b’mod ċar li, għalkemm il-produtturi aċċettaw f’termini ġenerali li kull wieħed minnhom kellu jinnegozja l-prezzijiet ta’ tranżazzjoni tiegħu mal-klijenti tiegħu, kull wieħed mill-produtturi, u b’mod partikolari r-rikorrenti, imsemmija espressament fl-anness imsemmi aktar 'il fuq, ippretendew li l-kompetituri tagħhom japplikaw prezzijiet ta’ tranżazzjoni li jikkonformaw mal-prezzijiet miftiehma, ta’ l-inqas fis-sens li n-negozjati individwali ma kellhomx jeliminaw l-effett taż-żidiet miftiehma fil-prezzijiet indikati fil-katalgu.

57      Barra minn hekk, fis-seduta, ir-rikorrenti rrikonoxxiet li l-prezzijiet imħabbra servew bħala punt tat-tluq għan-negozjati mal-klijenti dwar il-prezzijiet ta’ tranżazzjoni, fatt li jikkonferma li l-iskop aħħari kien li jiżdiedu l-prezzijiet ta' tranżazzjoni. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li l-iffissar, b'mod uniformi, ta’ prezzijiet indikati fil-katalgi, miftiehem bejn il-produtturi, kien ikun assolutament mingħajr rilevanza li kieku, effettivament, dawn il-prezzijiet kellhom ma jipproduċu l-ebda effett fuq il-prezzijiet ta' tranżazzjoni.

58      Fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti li l-inċertezzi dwar is-suġġett ta' l-attività miftiehma huma, fihom infushom, ksur tar-rekwiżit ta' motivazzjoni, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni bl-ebda mod ma jippreċiża l-prezz li kien is-suġġett tal-kollużjoni.

59      F’sitwazzjoni bħal din, skond ġurisprudenza stabbilita, il-parti operattiva tad-Deċiżjoni għandha tinftiehem fid-dawl ta' l-ispjegazzjoni tal-motivi tagħha (ara, bħala eżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73, 55/73, 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punti 122 sa 124).

60      F'din il-kawża, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni, fil-premessi tad-Deċiżjoni, spjegat b’mod suffiċjenti li l-azzjoni miftiehma kienet tikkonċerna l-prezzijiet kif indikati fil-katalgi u kellha l-għan li żżid il-prezzijiet ta' tranżazzjoni.

61      Għaldaqstant, il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ parteċipazzjoni f'akkordju dwar l-iffriżar ta' l-ishma fis-suq u l-kontroll tal-provvista

 L-argumenti tal-partijiet

62      Dan il-motiv fih tliet partijiet.

63      Fl-ewwel parti tal-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni m'għandhiex provi ta’ l-eżistenza ta’ azzjoni miftiehma intiża sabiex jiġu ffriżati l-ishma fis-suq u lanqas ta' l-eżistenza ta' azzjoni miftiehma intiża sabiex tiġi kkontrollata l-provvista. Anke jekk jiġi preżunt li dawn l-azzjonijiet miftiehma ġew ipprovati kif mitlub mil-liġi, il-Kummissjoni xorta ma tkunx ipprovat il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’azzjonijiet miftiehma bħal dawn. B’mod partikolari, ir-rikorrenti tikkontesta l-valur probatorju ta’ diversi annessi tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha fid-Deċiżjoni.

64      Fl-ewwel lok, l-Anness 73, nota interna ta’ Mayr-Melnhof, jipprova biss l-azzjoni miftiehma dwar il-prezzijiet, jispjega l-konsegwenzi ta’ politika rigoruża ta’ prezzijiet u juri li ma kien hemm l-ebda pressjoni min-naħa tar-rikorrenti fuq Mayr-Melnhof sabiex din ta' l-aħħar ma tkabbarx l-ishma tagħha fis-suq permezz ta’ tnaqqis fil-prezzijiet tagħha. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tinvoka l-ispjegazzjoni mogħtija minn Mayr-Melnhof fl-ittra tagħha tat-23 ta’ Settembru 1991 (Anness 75 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti).

65      Fit-tieni lok, l-Anness 102, nota ta' Rena, jirrigwarda laqgħa tan-Nordic Paperboard Institute (aktar 'il quddiem "NPI"), assoċjazzjoni li r-rikorrenti ma kinitx membru tagħha.

66      Fit-tielet lok, id-dikjarazzjonijiet ta’ Stora ma jistgħux, fihom infushom, jikkostitwixxu elementi ta' prova suffiċjenti. Barra minn hekk, Stora ripetutament enfassizat l-awtonomija relattiva li kienu jgawdu d-diversi impriżi fir-rigward, b’mod partikolari, tal-volumi ta’ produzzjoni u tal-ħin magħżul sabiex titwaqqaf il-produzzjoni (ara punti 57, 59, 60, 69, 70 u 71 tal-premessi tad-Deċiżjoni). Id-dikjarazzjonijiet ta’ Stora jikkonfermaw ukoll li ma kienet ġiet stabbilita l-ebda sistema ta' kontroll ta' xi tip ta' akkordju dwar il-kwantitajiet. Issa, in-nuqqas ta’ sistema ta' kontroll tal-bidliet fil-kwantitajiet tinnega b'mod ċar l-eżistenza ta' akkordju dwar dan il-punt. Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet ta’ Stora sempliċement jesprimu l-opinjoni personali tagħha dwar il-vantaġġ li jiġu adottati miżuri intiżi sabiex jiġu kkontrollati l-kwantitajiet ta' produzzjoni u l-bejgħ.

67      Fit-tieni parti tal-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-bidliet fl-ishma fis-suq ta’ diversi impriżi juru li ma kinitx teżisti azzjoni miftiehma intiża sabiex jiġu ffriżati l-ishma fis-suq jew, jekk jiġi preżunt li kien hemm azzjoni miftiehma bejn ċerti impriżi, li, fi kwalunkwe każ, hija ma pparteċipatx f'din l-azzjoni.

68      Fir-rigward tal-bidliet ġenerali fl-ishma fis-suq, hija tenfasizza li ċerti produtturi, partikolarment Iggesund (MoDo) u Mayr-Melnhof, żiedu kapaċitjiet ġodda sinjifikattivi matul il-perijodu in kwistjoni.

69      Ir-rikorrenti tosserva wkoll li s-sehem totali tagħha fis-suq Komunitarju naqas minn 14.3% fl-1987 għal 11.7% fl-1990. Skondha, tnaqqis bħal dan mhuwiex kompatibbli ma' l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li hija ħadet sehem f'akkordju intiż sabiex jiġu ffriżati l-ishma fis-suq ta' diversi produtturi. Fir-rigward ta’ Prat Carton, it-tnaqqis ta’ madwar 9%, matul il-perijodu bejn l-1987 u l-1990, tas-sehem totali tagħha fis-suq Komunitarju juri wkoll in-nuqqas totali ta’ parteċipazzjoni fi kwalunkwe azzjoni miftiehma intiża sabiex jiġu ffriżati l-ishma fis-suq.

70      Fit-tielet parti tal-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-imġiba tagħha fir-rigward tal-waqfien fil-produzzjoni u ta' l-esportazzjonijiet lejn swieq barra l-Ewropa lanqas m'hija kompattibbli ma' l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni.

71      Fir-rigward ta’ l-ewwel parti tal-motiv, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-elementi ta' prova li invokat, partikolarment id-dikjarazzjonijiet ta’ Stora (Annessi 39 sa 43 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti) u l-Annessi 73 sa 102 tad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijet huma aktar milli biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ akkordju intiż sabiex jiġu ffriżati l-ishma fis-suq u tiġi kkontrollata l-provvista, kif ukoll il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’dawn l-aspetti ta’ l-akkordju.

72      Fir-rigward tat-tieni parti tal-motiv, il-Kummissjoni tfakkar li hija bbażat ruħha fuq dokumenti ta' prova dwar akkordju intiż sabiex jiġu ffriżati l-ishma fis-suq u ssostni li, għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti dwar il-bidliet fl-ishma fis-suq ta’ diversi impriżi mhuwiex rilevanti fir-rigward tal-kwistjoni jekk kienx jeżisti akkordju bħal dan. Minbarra dan, fid-Deċiżjoni huwa espressament aċċettat li kien hemm bidla żgħira fl-ishma fis-suq ta' ċerti impriżi, peress li l-ishma fis-suq kienu jiġu nnegozjati mill-ġdid kull sena (punti 60 u 131 tal-premessi tad-Deċiżjoni). Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 85 jipprojbixxi l-akkordji kollha li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, irrispettivament mis-sinjifikat tas-suċċess tagħhom.

73      Fir-rigward, b’mod aktar partikolari, ta’ l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-bidla fl-ishma fis-suq tagħha stess, il-Kummissjoni tfakkar li l-vjolazzjoni kienet tikkonċerna s-suq Komunitarju kollu. Ir-rikorrenti kienet membru tal-PWG fejn kienu jinżammu d-diskussjonijiet dwar l-ishma fis-suq. Fl-1989, id-direttur ġenerali ta' Saffa stess ġie maħtur bħala l-viċi president tal-PG Paperboard.

74      Il-Kummissjoni tosserva, fl-aħħar nett, li l-affermazzjoni tar-rikorrenti li hija dejjem aġixxiet b'mod awtonomu m'hija sostnuta mill-ebda element ta' prova. Barra minn hekk, anke jekk jiġi preżunt li r-rikorrenti ma rrispettatx l-akkordju, il-vjolazzjoni xorta kienet twettqet (sentenza Rhône-Poulenc vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq).

75      Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tielet parti tal-motiv, il-Kummissjoni tosserva li Stora kkonfermat, fl-Anness 39 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti, li PWG kien ipprepara u stabbilixxa sistema sabiex jerġa' jinkiseb bilanċ u sabiex tiġi kkontrollata l-produzzjoni b’tali mod li l-prezzijiet jinżammu fuq livell kostanti. Għaldaqstant, il-fatt li s-sitwazzjoni fis-suq jew it-tħaddim tajjeb ta' l-akkordju kellhom bħala konsegwenza li r-rikorrenti, skondha, ma kellhiex għalfejn twaqqaf il-produzzjoni, kif kien miftiehem, m'għandu l-ebda rilevanza fuq ir-responsabbiltà tagħha u lanqas fuq il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju intiż sabiex jiġu kkontrollati l-ishma fis-suq u l-kwantitajiet.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza


 1. Fuq l-eżistenza ta’ azzjoni miftiehma intiża sabiex jiġu ffriżati l-ishma fis-suq u ta' azzjoni miftiehma intiża sabiex tiġi kkontrollata l-provvista

76      Fir-rigward ta’ l-ewwel parti tal-motiv, għandu jiġi mfakkar li, skond Artikolu 1 tad-Deċiżjoni, l-impriżi msemmija f’din id-dispożizzjoni kisru l-Artikolu 85(1) tat-Trattat billi pparteċipaw, matul il-perijodu ta' referenza, fi ftehim u fi prattika miftiehma li permezz tagħhom il-fornituri ta’ kartun fil-Komunità "laħqu ftehim sabiex iżommu l-ishma fis-suq tal-produtturi prinċipali f’livelli kostanti, b'bidliet minn żmien għal żmien", u "adottaw, b'mod dejjem aktar frekwenti mill-bidu ta' l-1990, miżuri miftiehma sabiex jikkontrollaw il-provvista tas-suq Komunitarju, bil-għan li jassiguraw l-implementazzjoni ta’ l-imsemmija żiediet fil-prezzijiet miftiehma".

77      Skond il-Kummissjoni, dawn iż-żewġ kategoriji ta’ kollużjoni, ikkonstatati fid-Deċiżjoni taħt it-titolu "kontroll tal-volum", inbdew matul il-perijodu ta' referenza mill-parteċipanti fil-laqgħat tal-PWG. Fil-fatt, mit-tielet paragrafu tal-punt 37 tal-premessi tad-Deċiżjoni jirriżulta li l-kompitu veru tal-PWG, kif deskritt minn Stora, kien, b'mod partikolari, 'id-diskussjoni u l-kollaborazzjoni dwar is-swieq, l-ishma fis-suq, il-prezzijiet kif ukoll iż-żidiet fil-prezzijiet, u l-kapaċitajiet". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

78      Fir-rigward tar-rwol tal-PWG fir-rigward tal-kollużjoni dwar l-ishma fis-suq, id-Deċiżjoni (punt 37, ħames paragrafu, tal-premessi) tosserva li: "In konnessjoni mal-miżuri dwar iż-żidiet fil-prezzijiet, il-PWG iddiskuta fid-dettal l-ishma fis-suq ta' l-Ewropa oċċidentali miżmuma mill-gruppi nazzjonali u mill-gruppi ta' produtturi individwali. Minn dan irriżultaw ċerti "arranġamenti" bejn il-parteċipanti dwar l-ishma rispettivi tagħhom fis-suq bl-iskop li jiġi evitat li l-inizjattivi miftiehma fir-rigward ta' prezzijiet jiġu kompromessi minħabba provvista eċċessiva. Fil-fatt, il-gruppi l-kbar ta' produtturi ftiehmu li jżommu s-sehem tagħhom fis-suq f'livell li jikkorrispondi mal-figuri ta' bejgħ u ta' produzzjoni kkomunikati kull sena u ppubblikati fil-forma definittiva tagħhom minn Fides f'Marzu tas-sena ta' wara. Il-bidliet fl-ishma fis-suq kienu jiġu analizzati f'kull laqgħa tal-PWG abbażi tar-riżultati mensili ta' Fides u, fil-każ ta' bidliet sostanzjali, kienu jintalbu spjegazzjonijiet mingħand l-impriża meqjusa bħala responsabbli". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

79      Skond il-punt 52 tal-premessi tad-Deċiżjoni, "il-ftehim konkluż fi ħdan il-PWG fl-1987 kien jipprevedi 'l-iffriżar' tal-livell eżistenti ta’ l-ishma fis-suq miżmuma mill-produtturi prinċipali fl-Ewropa oċċidentali, kif ukoll li ma kellu jsir l-ebda attentat sabiex jiksbu klijenti ġodda jew sabiex itejbu l-pożizzjoni eżistenti tagħhom permezz ta' politika agressiva fir-rigward ta' prezzijiet". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

80      L-ewwel paragrafu tal-punt 56 tal-premessi jenfasizza li: "Il-ftehim bażiku konkluż bejn il-produtturi prinċipali sabiex iżommu l-ishma rispettivi tagħhom fis-suq baqa' jiġi applikat matul il-perijodu kollu kopert minn din id-Deċiżjoni". Skond il-punt 57, "'il-bidlet fil-partijiet tas-suq' kienu eżaminati f'kull laqgħa tal-PWG abbażi ta' statistiċi provviżorji". Fl-aħħar nett, l-aħħar paragrafu tal-punt 56 jenfasizza li: "L-impriżi li kienu jipparteċipaw fid-diskussjonijiet dwar l-ishma fis-suq kienu l-membri tal-PWG, jiġifieri: Cascades, Finnboard, KNP (sa l-1988), [Mayr-Melnhof], MoDo, Sarrió, iż-żewġ produtturi tal-grupp Stora, CBC u Feldmühle, u (mill-1988) Weig". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

81      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni stabbiliet, b’mod korrett, l-eżistenza ta’ kollużjoni dwar l-ishma fis-suq bejn il-parteċipanti fil-laqgħat tal-PWG.

82      Fil-fatt, l-analiżi tal-Kummissjoni hija essenzjalment ibbażata fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Stora (Annessi 39 u 43 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti) u hija kkonfermata mill-Anness 73 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti.

83      Fl-Anness 39 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti, Stora tispjega li: "Il-PWG iltaqa’ mill-1986 sabiex jassisti fir-regolazzjoni tas-suq. […] Fost attivitajiet oħra (leġititmi), l-iskop tiegħu kien id-diskussjoni u l-kollaborazzjoni dwar is-swieq, l-ishma fis-suq, il-prezzijiet kif ukoll iż-żidiet fil-prezzijiet, id-domanda u l-kapaċitajiet. Ir-rwol tiegħu kien, b'mod partikolari, li jevalwa l-istat preċiż tad-domanda u tal-provvista fis-suq kif ukoll il-miżuri li kellhom jiġu adottati sabiex jirregolaw is-suq, u li jippreżenta din l-evalwazzjoni lill-President Conference." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

84      Fir-rigward b’mod aktar speċifiku tal-kollużjoni dwar l-ishma fis-suq, Stora tindika li "l-ishma miksuba mill-gruppi nazzjonali tal-Komunità Ewropea, ta' l-EFTA u ta' pajjiżi oħra fornuti mill-membri tal-PG Paperboard kienu jiġu eżaminati fil-PWG" u li l-PWG "kien jiddiskuti l-possibbiltà li l-ishma fis-suq jinżammu fil-livell tas-sena preċedenti" (Anness 39 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti, punt 19). Barra minn hekk, hija tindika (l-istess dokument, punt 6) li "matul dan il-perijodu saru wkoll diskussjonijiet dwar l-ishma fis-suq tal-produtturi fl-Ewropa, bil-livelli ta’ l-1987 ikkunsidrati bħala l-ewwel perijodu ta’ referenza". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

85      Fir-risposta tagħha għal talba mill-Kummissjoni tat-23 ta’ Diċembru 1991, mibgħuta fl-14 ta’ Frar 1992 (Anness 43 tad-dikjarazzjoni ta’ l-ilmenti), Stora tippreċiża wkoll li: "L-akkordji dwar il-livelli ta’ ishma fis-suq konklużi mill-membri tal-PWG jirrigwardaw l-Ewropa kollha. Dawn l-akkordji kienu bbażati fuq iċ-ċifri annwali totali tas-sena preċedenti, li normalment kienu jkunu disponibbli b’mod definittiv minn Marzu tas-sena ta’ wara". (Punt 1.1) [traduzzjoni mhux uffiċjali]

86      Din l-affermazzjoni hija kkonfermata fl-istess dokument kif ġej: "[...] id-diskussjonijiet kienu jwasslu għall-akkordji, ġeneralment konklużi f’Marzu ta’ kull sena, bejn il-membri tal-PWG bil-għan li l-ishma fis-suq tagħhom jinżammu fil-livell tas-sena preċedenti." (Punt 1.4) Stora tosserva li "ma ttieħdet l-ebda miżura sabiex tiġi assigurata l-osservanza ta' l-akkordji" u li l-parteċipanti fil-laqgħat ta’ PWG "kienu jafu li, jekk huma jieħdu pożizzjonijiet eċċezzjonali f’ċerti swieq fornuti minn oħrajn, dawn kienu jagħmlu l-istess ħaġa fi swieq oħra" (ibidem). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

87      Fl-aħħar nett, Stora tiddikjara li Saffa ħadet sehem fid-diskussjonijiet dwar l-ishma fis-suq (punt 1.2).

88      L-affermazzjonijiet ta’ Stora fir-rigward tal-kollużjoni dwar l-ishma fis-suq huma sostnuti mill-Anness 73 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti. Dan id-dokument, li nstab għand FS-Karton, huwa nota kunfidenzjali, datata t-28 ta’ Diċembru 1998, li ntbagħtet mid-direttur responsabbli għall-bejgħ tal-grupp Mayr-Melnhof fil-Ġermanja (is-Sur Katzner) lid-direttur ġenerali ta' Mayr-Melnhof fl-Awstrija (is-Sur Gröller) u li tikkonċerna s-sitwazzjoni tas-suq.

89      Skond dan id-dokument, ikkwotat fil-punti 53 sa 55 tal-premessi tad-Deċiżjoni, il-kooperazzjoni aktar mill-qrib fi ħdan iċ-"ċirku ta' presidenti" ("Präsidentenkreis"), li ttieħdet deċiżjoni dwarha fl-1987, ipproduċiet "rebbieħa" u "telliefa". L-awtur tan-nota jikklassifika lil Mayr-Melnhof fil-kategorija tat-telliefa għal diversi raġunijiet, b'mod partikolari għar-raġunijiet li ġejjin:

"(2)  Ftehim seta’ jintlaħaq biss billi aħna niġu ‘ippenalizzati’ – konna mitluba nagħmlu 'sagrifiċċji'.

(3)       L-ishma fis-suq kellhom jiġu "iffriżati" fil-livelli ta’ l-1987, il-kuntatti eżistenti kellhom jinżammu u l-ebda attività jew kwalità ġdida ma kellhom jinkisbu permezz ta’ prezzijiet promozzjonali (ir-riżultat ser ikun magħruf f’Jannar 1989 – jekk il-partijiet kollha jkunu onesti)." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

90      Dawn is-sentenzi għandhom jinqaraw fil-kuntest aktar ġenerali tan-nota.

91      F’dan ir-rigward, l-awtur tan-nota jirreferi, bħala introduzzjoni, għall-kooperazzjoni aktar mill-qrib fuq il-livell Ewropew fi ħdan iċ-"ċirku ta' presidenti". Din l-espressjoni ġiet interpretata minn Mayr-Melnhof bħala riferiment ġenerali kemm għall-PWG u kemm għall-PC, jiġifieri mingħajr riferiment għal okkażjoni jew laqgħa speċifika (Anness 75 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti, punt 2.a), interpretazzjoni li mhuwiex meħtieġ li tiġi diskussa f'dan il-kuntest.

92      L-awtur jindika, imbagħad, li din il-kooperazzjoni wasslet għar-"regolazzjoni tal- prezzijiet" li pproduċiet "rebbieħa" u "telliefa".

93      Għaldaqstant, huwa fil-kuntest ta' din ir-regolazzjoni deċiża miċ-"ċirku ta' presidenti" li għandha tinftiehem l-espressjoni fir-rigward ta' l-ishma fis-suq li kellhom jiġu ffriżati fil-livelli ta’ l-1987.

94      Barra minn hekk, ir-riferiment għall-1987 bħala sena ta’ referenza hija konsistenti mat-tieni dikjarazzjoni ta’ Stora (Anness 39 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti; ara l-punt 84 aktar 'il fuq).

95      Fir-rigward tar-rwol li l-PWG kellu fil-kollużjoni dwar il-kontroll tal-provvista, li kienet ikkaratterizzata mill-eżami tal-perijodi li matulhom kellha titwaqqaf il-produzzjoni, id-Deċiżjoni tgħid li l-PWG kellu rwol determinanti fl-implementazzjoni ta' dawn il-perijodi ta' waqfien meta, mill-1990, il-kapaċità ta’ produzzjoni żdiedet u meta d-domanda naqset: "[…] mill-bidu ta’ l-1990, il-produtturi prinċipali […] ikkunsidraw li kien meħtieġ li jintlaħaq ftehim, fil-kuntest tal-PWG, dwar il-bżonn li jiġu implementati perijodi ta' waqfien. Il-produtturi l-kbar għarfu li ma setgħux iżidu d-domanda billi jnaqqsu l-prezzijiet u li jekk iżommu l-kapaċità sħiħa tal-produzzjoni huma kienu ser iraħħsu l-prezzijiet. Fit-teorija, il-perijodi ta’ waqfien meħtieġa sabiex jerġa' jiġi stabbilit il-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda setgħu jiġu kkalkulati abbażi tar-rapporti dwar il-kapaċitajiet […]" (Punt 70 tal-premessi tad-Deċiżjoni.) [traduzzjoni mhux uffiċjali]

96      Id-Deċiżjoni tosserva wkoll: "Madankollu, il-PWG ma indikax formalment il-perijodi ta' waqfien li kellhom jiġu mħarsa minn kull produttur. Skond Stora, l-istabbiliment ta' pjan ikkoordinat dwar il-waqfien tal-produzzjoni li jkopri l-produtturi kollha qajjem diffikultajiet ta' natura prattika. Stora tindika li din hija r-raġuni għaliex teżisti biss 'sistema laxka ta' inkoraġġiment'." (Punt 71 tal-premessi tad-Deċiżjoni.) [traduzzjoni mhux uffiċjali]

97      Għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni stabbiliet b'mod suffiċjenti l-eżistenza ta’ kollużjoni dwar il-perijodi ta' waqfien tal-produzzjoni bejn il-parteċipanti fil-laqgħat tal-PWG.

98      Id-dokumenti prodotti minnha jsostnu l-analiżi tagħha.

99      Fit-tieni dikjarazzjoni tagħha (Anness 39 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti, punt 24), Stora tispjega li: "Bl-adozzjoni, mill-PWG, tal-politika li l-prezz jiġi stabbilit indipendentament mill-kwantità u l-implementazzjoni progressiva ta’ sistema ta’ prezzijiet ugwali mill-1988, il-membri tal-PWG għarfu li kien meħtieġ li jiġu osservati perijodi ta’ waqfien sabiex jinżammu dawn il-prezzijiet f'sitwazzjoni kkaratterizzata minn tnaqqis fiż-żieda għad-domanda. Li kieku ma applikawx perijodi ta' waqfien, kien ikun impossibbli għall-produtturi li jżommu l-livelli ta’ prezzijiet miftiehma f'sitwazzjoni fejn il-kapaċità żejda kienet qiegħda tikber." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

100    F’punt 25 tal-dikjarazzjoni tagħha, Stora żżid: "Fl-1988 u fl-1989, l-industrija setgħet prattikament taħdem bil-kapaċità sħiħa tagħha. Il-perijodi ta' waqfien, minbarra l-għeluq normali għal tiswijiet u vaganzi, kienu saru meħtieġa mill-1990. [...] Sussegwentament, meta kienu jieqfu l-ordnijiet, kien ikun meħtieġ li jiġu applikati perijodi ta' waqfien sabiex tinżamm il-politika li l-prezz jiġi stabbilit indipendentament mill-kwantità. Il-perijodi ta' waqfien li kellhom jiġu applikati mill-produtturi (sabiex jassiguraw li jinżamm il-bilanċ bejn il-produzzjoni u l-konsum) setgħu jiġu kkalkulati abbażi tar-rapporti dwar il-kapaċitajiet. Il-PWG ma kienx jindika formalment il-perijodi ta' waqfien li kellhom jiġu mħarsa għalkemm kienet teżisti sistema laxka ta' inkoraġġiment […]." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

101    Fir-rigward ta’ l-Anness 73 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti, ir-raġunijiet mogħtija mill-awtur sabiex jispjega għalfejn huwa jikkunsidra lil Mayr-Melnhof bħala "telliefa" fiż-żmien meta nkitbet in-nota jikkostitwixxu elementi ta' prova sinjifikattivi ta’ l-eżistenza ta’ kollużjoni bejn il-parteċipanti fil-laqgħat tal-PWG dwar il-perijodi ta' waqfien.

102    Fil-fatt, l-awtur jikkonstata:

"4)       Huwa fuq dan il-punt li jibda jkun hemm nuqqas ta' qbil fl-opinjoni tal-partijiet ikkonċernati dwar l-għan mixtieq.

[...]

ċ) Il-persunal inkarigat mill-bejgħ u l-aġenti Ewropej kollha ġew meħlusa minn kull aspettattiva dwar il-kwantità u ġiet applikata politika ta' prezzijiet rigoruża, prattikament mingħajr ebda eċċezzjoni (ħafna drabi, il-kollaboraturi tagħna ma fehmux l-atteġġament il-ġdid tagħna fir-rigward tas-suq – fil-passat l-uniku rekwiżit kienet il-kwantità filwaqt li llum 'il ġurnata l-unika ħaġa importanti hija r-regolazzjoni fir-rigward tal-prezzijiet bir-riskju li jitwaqqfu l-magni)." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

103    Mayr-Melnhof issostni (Anness 75 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti) li l-estratt ikkwotat hawn fuq jikkonċerna sitwazzjoni interna għall-impriża. Madankollu, meta jiġi analizzat fid-dawl tal-kuntest aktar ġenerali tan-nota, dan l-estratt jirrifletti l-implementazzjoni, fil-livell tat-timijiet inkarigati mill-bejgħ, ta’ politika riġoruża adottata fi ħdan iċ-"ċirku ta' presidenti". Għaldaqstant, id-dokument għandu jiġi interpretat li jfisser li l-parteċipanti fil-ftehim ta’ l-1987, jiġifieri, minn ta' l-anqas, il-parteċipanti fil-laqħat ta’ PWG, kienu bla dubju kkunsidraw il-konsegwenzi tal-politika adottata fl-eventwalità li tiġi applikata b’mod rigoruż.

104    Il-fatt li nżammu diskussjonijiet dwar l-eżami tal-perijodi ta' waqfien bejn il-produtturi meta ġew ippreparati ż-żidiet fil-prezzijiet huwa kkorroborat, b’mod partikolari, min-nota ta' Rena tas-6 ta’ Settembru 1990 (Anness 118 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti), li ssemmi l-ammonti taż-żidiet fil-prezzijiet f’diversi pajjiżi, id-dati tat-tħabbir futur ta’ dawn iż-żidiet, kif ukoll l-istat ta’ ordnijiet b’lura kkalkulati f’jiem ta’ xogħol għal diversi produtturi.

105    L-awtur tad-dokument jinnota li ċerti produtturi kienu qegħdin jipprevedu għal perijodi ta' waqfien, li kienu indikati, per eżempju, bil-mod li ġej:

"Kopparfors           5 - 15 days

                                    5 /9 will stop for five days."

106    Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni pprovat b'mod suffiċjenti kif mitlub mil-liġi l-eżistenza ta' kollużjoni dwar l-ishma fis-suq bejn il-parteċipanti fil-laqgħat tal-PWG kif ukoll l-eżistenza ta' kollużjoni dwar il-perijodi ta' waqfien bejn dawn l-istess impriżi. Peress li ma ġiex ikkontestat li Sarrió ħadet sehem fil-laqgħat tal-PWG u peress li din l-impriża tissemma espressament fil-provi prinċipali mressqa (dikjarazzjonijiet ta’ Stora u Anness 73 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti), il-Kummissjoni ġustament żammet lir-rikorrenti responsabbli għal parteċipazzjoni f'dawn iż-żewġ kollużjonijiet.

107    Il-kritika magħmula mir-rikorrenti kontra d-dikjarazzjonijiet ta’ Stora u kontra l-Anness 73 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti, u li hija intiża sabiex tikkontesta l-valur probatorju ta' dawn il-provi, mhijiex ta' natura li ddgħajjef din il-konstatazzjoni.

108    L-ewwel nett, fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet suċċessivi ta’ Stora lill-Kummissjoni, mhuwiex ikkontestat li dawn saru minn waħda mill-impriżi meqjusa li pparteċipat fl-allegata vjolazzjoni u li huma jikkonsistu f’deskrizzjoni dettaljata tan-natura tad-diskussjonijiet li saru fi ħdan il-korpi tal-PG Paperboard, dwar l-għan intenzjonat mill-impriżi miġbura fil-PG Paperboard, kif ukoll tal-parteċipazzjoni ta' l-imsemmija impriżi fil-laqgħat tad-diversi korpi tiegħu. Issa, peress li dan l-element ta' prova ċentrali huwa kkorroborat minn dokumenti oħra fil-proċess tal-kawża, huwa jikkostitwixxi l-appoġġ rilevanti ta' l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni.

109    It-tieni nett, fir-rigward ta’ l-Anness 73 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti, ir-rikorrenti tqis li dan l-anness juri biss azzjoni miftiehma dwar il-prezzijiet, peress li l-varjazzjonijiet fil-bejgħ imsemmija fih huma sempliċement meqjusa bħala l-konsegwenza tal-politika ta’ prezzijiet. F’dan ir-rigward ir-rikorrenti tistrieħ fuq l-interpretazzjoni ta’ dan id-dokument minn Mayr-Melnhof (Anness 75 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti).

110    Madankollu, din l-analiżi tar-rikorrenti ma treġġix meta d-dokument jiġi interpretat fil-kuntest tiegħu u f'dan ir-rigward l-interpretazzjoni mogħtija minn Mayr-Melnhof ma sservi għal xejn.

111    Fil-fatt, skond l-Anness 75 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti, l-Anness 73 "jikkostitwixxi deskrizzjoni ġenerali tas-sitwazzjoni ppreparata mid-direttur responsabbli mill-bejgħ ta' FS-Karton għat-tmexxija tal-grupp, u li m'huwa xejn aktar minn attentat sabiex l-istaġnar fid-dħul mill-bejgħ jiġi ġġustifikat quddiem din it-tmexxija billi essenzjalment jibbaża fuq il-politika l-ġdida li obbligat lis-sussidjarja sabiex tirrispetta regolazzjoni assoluta tal-prezzijiet, anke jekk dan kien ifisser telf ta' dħul mill-bejgħ". Barra minn hekk, skond Mayr-Melnhof: "'l-iffriżar ta' l-ishma fis-suq' kien ifisser li sabiex jintlaħaq livell ta' prezz superjuri fi ħdan il-grupp Mayr-Melnhof ma kellux ikun hemm attentat sabiex jinkisbu ishma fis-suq superjuri billi jinbiegħu kwantitajiet addizzjonali lil klijenti ġodda jew tipi ġodda ta' prodotti bi prezzijiet li ma jħallux qligħ. Għall-kuntrarju, l-għan kien li jinżammu r-relazzjonijiet eżistenti mal-klijentela minkejja ż-żieda fil-prezzijiet." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

112    Issa, dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali ma jistgħux jiġi kkonċiljati mar-riferiment magħmul fil-bidu tad-dokument għaċ-"ċirku ta' presidenti" u d-dokument kollu għandu jinftiehem fid-dawl ta’ dan ir-riferiment.

113    Peress li l-indikazzjonijiet li jinsabu fl-Anness 73 dwar l-"iffriżar" ta’ l-ishma fis-suq u dwar ir-regolazzjoni tal-provvista jikkorrispondu ma’ l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-dikjarazzjonijiet ta’ Stora, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li dawn id-dokumenti, meta jinqraw flimkien, huma prova ta' l-eżistenza ta’ intenzjoni konġunta li tmur oltre azzjoni miftiehma fir-rigward tal-prezzijiet biss.

114    Peress li l-Kummissjoni pprovat l-eżistenza taż-żewġ kollużjonijiet in kwistjoni, mhuwiex meħtieġ li tiġi eżaminata l-kritika magħmula mir-rikorrenti kontra l-Anness 102 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti.

 2. Fuq l-imġiba attwali tar-rikorrenti

115    Lanqas ma jistgħu jiġu aċċettati t-tieni u t-tielet partijiet tal-motiv, li l-imġiba attwali ta’ l-impriżi ma taqbilx ma' l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza taż-żewġ kollużjonijiet ikkontestati.

116    Fl-ewwel lok, l-eżistenza ta' kollużjonijiet bejn il-membri tal-PWG dwar iż-żewġ aspetti tal-"politika li l-prezz jiġi stabbilit indipendentament mill-kwantità" ma tistax tiġi kkunsidrata bħala l-istess ħaġa bħall-implementazzjoni ta' dawn il-kollużjonijiet. Fil-fatt, il-provi prodotti mill-Kummissjoni għandhom valur probatorju tali li informazzjoni dwar l-imġiba attwali tar-rikorrenti fis-suq ma tistax tippreġudika l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza stess ta' kollużjonijiet dwar iż-żewġ aspetti tal-politika kontenzjuża. L-aktar l-aktar, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti jistgħu jipprovaw li l-imġiba tagħha ma segwietx dik miftiehma bejn l-impriżi li kienu jiltaqgħu fi ħdan il-PWG.

117    Fit-tieni lok, l-informazzjoni provduta mir-rikorrenti ma tikkontradixxix il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni. Għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni espressament taċċetta li l-kollużjoni dwar l-ishma fis-suq ma timplika "l-ebda mekkaniżmu uffiċjali ta' penali jew ta' kumpens […] sabiex jiġi inforzat l-akkordju dwar l-ishma fis-suq" u li l-ishma fis-suq ta' ċerti produtturi kbar żdiedu bi ftit minn sena għall-oħra (ara, b'mod partikolari, il-punti 59 u 60 tal-premessi tad-Deċiżjoni). Barra minn hekk, il-Kummissjoni taqbel li, peress li l-industrija operat bil-kapaċità kollha tagħha sal-bidu ta' l-1990, prattikament ma kien meħtieġ l-ebda perijodu ta' waqfien qabel din id-data (punt 70 tal-premessi tad-Deċiżjoni). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

118    Fit-tielet lok, skond ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li impriża ma tosservax il-konklużjonijiet ta' laqgħat li l-iskop tagħhom imur manifestament kontra l-kompetizzjoni mhuwiex ta' natura tali li jeħlisha mir-responsabbiltà sħiħa tagħha għall-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, sakemm hija ma tbiegħedx lilha nfisha pubblikament minn dak li ġie miftiehem fil-laqgħat (ara, bħala eżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' April 1995, Tréfileurope Sales vs Il-Kummissjoni, T-141/89, Ġabra p. II-791, punt 85). Għaldaqstant, anki jekk jiġi preżunt li l-imġiba tar-rikorrenti fis-suq ma kinitx konformi ma' l-imġiba miftiehma, dan bl-ebda mod ma jaffettwa r-responsabbiltà tagħha għal ksur ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq żball tal-Kummissjoni dwar it-tul ta’ żmien ta' l-azzjoni miftiehma dwar il-prezzijiet

 L-argumenti tal-partijiet

119    Ir-rikorrenti ssostni li l-azzjoni miftiehma dwar il-prezzijiet imħabbra, minn ta' l-anqas safejn hija kkonċernata, seħħet mill-1988 biss. Iż-żieda fil-prezzijiet ta' Jannar 1987 fir-Renju Unit kienet biss reazzjoni naturali għall-produtturi għad-dgħjufija tal-lira Sterlina fir-rigward tal-muniti l-oħra Ewropej u l-karattru uniformi ta' din iż-żieda jirriżulta mit-trasparenza tas-suq. L-operaturi ekonomiċi mhumiex ipprojbiti milli jadattaw l-imġiba tagħhom għall-imġiba kkonstatata jew mistennija tal-kompetituri tagħhom (sentenza Suicker Unie et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq). Barra minn hekk, la l-Annessi 44 u 61 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti u lanqas id-dokument A-17-2 ma jipprovaw l-azzjonijiet miftiehma bejn l-impriżi dwar il-prezzijiet. Fi kwalunkwe każ, dawn ma jikkonċernawx lir-rikorrenti.

120    Fir-rigward tat-tmiem ta' l-azzjoni miftiehma dwar il-prezzijiet, il-Kummissjoni adottat, b'mod żbaljat, id-data ta' April 1991 mentri l-aħħar żieda miftiehma fil-prezzijiet saret bejn Settembru u Ottubru 1990.

121    Il-Kummissjoni tfakkar li r-rikorrenti ħadet sehem fil-laqgħat tal-PWG u tal-JMC mill-ħolqien tagħhom u kienet għadha membru tagħhom fl-1991. Hija tenfasizza li, għalkemm xi dokumenti misjuba fl-istabbilimenti ta' waħda mill-impriżi involuti juru li, fl-aħħar ta' l-1987, kien ġie konkluż ftehim dwar il-kwistjonijiet marbuta mal-kontroll tal-volumi u mar-regolazzjoni tal-prezzijiet (punt 53 tal-premessi tad-Deċiżjoni), dan ma jfissirx li l-produtturi in kwistjoni ma organizzawx, qabel dan il-perijodu, sensiela ta' laqgħat sigrieti sabiex jiddiskutu dwar pjan intiż sabiex jelimina l-kompetizzjoni (ara b'mod partikolari l-punt 161 tal-premessi tad-Deċiżjoni). L-Annessi 35 u 43 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti jikkonfermaw din l-affermazzjoni. Il-Kummissjoni żżid li l-eżattezza tal-konklużjonijiet tagħha dwar it-tul ta' żmien tal-vjolazzjoni hija wkoll ipprovata miż-żidiet fil-prezzijiet imwettqa mill-produtturi mill-1987.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

122    Skond l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni, ir-rikorrenti kisret l-Artikolu 85(1) tat-Trattat billi pparteċipat, bejn nofs is-sena 1986 sa minn ta' l-anqas April 1991, fi ftehim u fi prattika miftiehma li permezz tagħhom il-fornituri ta’ kartun tal-Komunità, b'mod partikolari, iddeċidew dwar żidiet fil-prezzijiet tal-kartun u ppjanaw u implementaw żidiet fil-prezzijiet simultanji u uniformi fil-Komunità kollha. Il-punt 74 tal-premessi jippreċiża li l-ewwel inizjattiva miftiehma dwar prezzijiet, li fiha ħadet sehem ir-rikorrenti, (Anness A tad-Deċiżjoni), seħħet fir-Renju Unit lejn l-aħħar ta' l-1986 "filwaqt li l-mekkaniżmu l-ġdid tal-PG Paperboard kien fil-proċess li jiġi stabbilit". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

123    Barra minn hekk, it-tieni paragrafu tal-punt 161 tal-premessi jsostni li l-parti l-kbira ta' l-impriżi indirizzati mid-Deċiżjoni pparteċipaw fil-vjolazzjoni minn Ġunju 1986, id-data meta "nħoloq il-PWG u meta l-kollużjoni bejn il-produtturi intensifikat u bdiet issir aktar effiċjenti". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

124    In sostenn tal-kritika tagħha dwar il-bidu ta' l-azzjoni miftiehma dwar il-prezzijiet, ir-rikorrenti tikkontesta l-valur probatorju ta' l-Annessi 61 u 44 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti kif ukoll il-valur probatorju tad-dokument A-17-2.

125    L-Anness 61 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti huwa nota li nstabet għand l-aġent kummerċjali fir-Renju Unit ta' Mayr-Melnhof. Il-Kummissjoni tikkunsidra li din hija "nota interna meħuda waqt 'President Conference', [li tikkorrobora] l-ammissjoni ta' Stora li l-'President Conference' kienet fil-fatt tiddiskuti dwar politika miftiehma ta' ffissar ta' prezzijiet" (it-tielet paragrafu tal-punt 41 u t-tieni paragrafu tal-punt 75 tal-premessi tad-Deċiżjoni). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

126    Dan id-dokument, li jirreferi għal laqgħa li saret fi Vjenna fit-12 u t-13 ta' Diċembru 1986, fih din l-informazzjoni:

"Politika ta' prezzijiet fir-Renju Unit

Ir-rappreżentant ta' Weig kien preżenti għal laqgħa riċenti ta' Fides li matulha ddikjara li huma kienu jaħsbu li 9% kienet perċentwali għolja wisq għar-Renju Unit u li huma kienu naqqsuha għal 7%!! Dan huwa diżappunt kbir peress li dan jimplika 'livell ta' negozjabilità' għal kulħadd. Il-politika tal-prezzijiet fir-Renju Unit ser titħalla f'idejn RHU bl-appoġġ ta' [Mayr-Melnhof] anki jekk dan ifisser tnaqqis temporanju tal-kwantità filwaqt li aħna għandna nippruvaw li nżommu l-objettiv ta' 9% (b'mod li jidher). [Mayr-Melnhof/FS] qegħdin isegwu politika ta' tkabbir fir-Renju Unit iżda t-tnaqqis fil-profitti huwa serju u aħna għandna niġġieldu sabiex nerġgħu niksbu kontroll fuq il-prezzijiet. [Mayr-Melnhof] ma tikkontestax li l-fatt li huwa magħruf li huma żiedu l-kwantitajiet tagħhom fil-Ġermanja b'6,000 tunelleta ma jibdel xejn!" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

127    Il-laqgħa ta' Fides li għaliha jsir riferiment fil-bidu ta' l-estratt iċċitatat hija probabbilment, skond Mayr-Melnhof (tweġiba għal talba għal informazzjoni, Anness 62 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti), il-laqgħa tal-PC ta' l-10 ta' Novembru 1986.

128    Għandu jiġi kkonstatat li d-dokument analizzat juri li r-reazzjoni ta' Weig kienet li tagħti indikazzjonijiet dwar il-politika futura tagħha dwar il-prezzijiet fir-Renju Unit b'riferiment għal livell inizjali ta' żieda fil-prezzijiet.

129    Madankollu, ma jistax jiġi kkunsidrat li dan id-dokument jipprova li r-reazzjoni ta' Weig kienet marbuta ma' livell partikolari ta' żieda ta' prezzijiet miftiehem bejn l-impriżi li ltaqgħu fi ħdan il-PG Paperboard f'data qabel l-10 ta' Novembru 1986.

130     Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tressaq l-ebda element ta' prova ieħor f'dan is-sens. Barra minn hekk, ir-riferiment ta' Weig għal żieda fil-prezzijiet ta' "9%" jista' jiġi spjegat fid-dawl taż-żieda fil-prezzijiet fir-Renju Unit imħabbra minn Thames Board Ltd fil-5 ta' Novembru 1986 (Anness A-12-1). Din l-aħbar saret pubblika fi żmien qasir, kif jirriżulta minn artikolu fl-istampa (Anness A-12-3). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma ressqet l-ebda dokument ieħor li jista' jikkostitwixxi prova diretta li fil-laqgħat tal-PC kienu saru diskussjonijiet dwar iż-żidiet fil-prezzijiet. F'dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż li l-kummenti ta' Weig, kif jirriżultaw mill-Anness 61 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti, kienu saru barra mil-laqgħa tal-PC ta' l-10 ta' Novembru 1986, kif Weig ripetutament sostniet matul is-seduta.

131    Barra minn hekk, il-minuti ta' laqgħa tal-bord amministrattiv ta' Feldmühle (UK) Ltd li nżammet fis-7 ta' Novembru 1986 (Anness A-17-2), invokati mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni (it-tielet paragrafu tal-punt 74 tal-premessi) jikkonfermaw biss li ż-żieda fil-prezzijiet ta' fir-Renju Unit ta' madwar 9% mħabbra minn Thames Board Ltd kienet magħrufa minn din is-sussidjarja fir-Renju Unit ta' Feldmühle f'data qabel l-10 ta' Novembru 1986: "TBM and the Fins have announced price increases of approximately 9% to be effective from February 1987 and it would appear that most other mills will be looking for the same sort of increase" ("TBM u l-Finlandiżi ħabbru żidiet fil-prezzijiet ta' madwar 9% applikabbli b'effett minn Frar 1987 u jidher li l-parti l-kbira tal-produtturi l-oħra huma lesti sabiex jimplementaw żidiet ta' l-istess livell.") (Anness A-17-2 iċċitat mill-Kummissjoni fil-punt 74 tal-premessi tad-Deċiżjoni.)

132    Fir-rigward ta' l-Anness 44 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti, li jikkonsisti f'nota miktuba bl-idejn fil-paġni tal-15 sas-17 ta' Jannar 1987 fid-djarju ta' impjegat ta' Feldmühle, il-Kummissjoni tikkunsidra li dan l-anness jikkostitwixxi "prova addizzjonali ta' l-azzjoni miftiehma" (it-tielet paragrafu tal-punt 75 tal-premessi tad-Deċiżjoni).

133    Madankollu, din in-nota m'għandhiex il-karattru probatorju li tattribwilha l-konvenuta. Il-laqgħa li tagħha din in-nota tikkostitwixxi l-minuti mhijiex identifikata, b'tali mod li ma jistax jiġi eskluż li kienet laqgħa interna għall-impriża Feldmühle. Barra minn hekk, in-nota, li probabbilment hija datata lejn nofs Jannar 1987, ma tipprovax li l-applikazzjoni taż-żieda fil-prezzijiet, "inkluż minn TBM", kienet ir-riżultat ta' azzjoni miftiehma, peress li din l-indikazzjoni tista' tkun sempliċi konstatazzjoni.

134    Ċerti indikazzjonijiet fin-nota huma anke ta' natura tali li jikkontradixxu l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-imsemmija nota tikkonferma l-eżistenza ta' kollużjoni dwar id-deċiżjoni li jiżdiedu l-prezzijiet fir-Renju Unit. B'mod partikolari, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-osservazzjonijiet li d-direttur ta' Feldmühle ddikjara ruħu bħala "xettiku" fir-rigward ta' Kopparfors u kkunsidra lil Mayr-Melnhof bħala "irresponsabbli" ("ohne Verantwortung") isostnu t-teżi tal-Kummissjoni. L-istess għandu jingħad fir-rigward ta' l-espressjoni: "Finnboard: Preisautonomie auch f. Tako" ("Finnboard: awtonomija ta' prezzijiet anke għal Tako").

135    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma pprovatx li l-impriżi ftiehmu bejniethom sabiex iżidu l-prezzijiet fir-Renju Unit f'Jannar 1987 u lanqas, a fortiori, li r-rikorrenti kienet involuta f'diskussjonijiet li kellhom dan l-iskop.

136    Madankollu, ir-rikorrenti, fil-kapaċità tagħha bħala impriża li, kif ammettiet hija stess, ipparteċipat fil-laqgħat tal-PWG mill-ħolqien ta' dan il-korp tal-PG Paperboard lejn in-nofs ta' l-1986, għandha tinżamm responsabbli għal kollużjoni dwar il-prezzijiet b'effett minn din id-data.

137    Fil-fatt, il-PWG inħoloq minn ċerti impriżi, fosthom ir-rikorrenti, għal skop li essenzjalment imur kontra l-kompetizzjoni. Kif Stora indikat (Anness 39 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti, punt 8), il-PWG "iltaqa' mill-1986 sabiex jassisti fir-regolazzjoni tas-suq" u fost affarijiet oħra l-iskop tiegħu kien id-"diskussjoni u l-kollaborazzjoni dwar is-swieq, l-ishma fis-suq, il-prezzijiet kif ukoll iż-żidiet fil-prezzijiet u l-kapaċitajiet" [Anness 35 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti, punt 5(iii)].

138    Ir-rwol li kellhom l-impriżi li kienu jagħmlu parti minn dan il-korp fir-rigward tal-kollużjoni dwar l-ishma fis-suq u tal-kollużjoni dwar il-perijodi ta' waqfien ġie deskritt fil-motiv preċedenti (ara l-punti 78 sa 106 aktar 'il fuq). L-impriżi li kienu jagħmlu parti minn dan il-korp iddiskutew ukoll inizjattivi dwar prezzijiet. Skond Stora (Anness 39 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti, punt 10), "mill-1987 il-PWG wasal għal ftehim u ħa deċiżjonijiet ġenerali dwar iż-żmien […] u l-livell taż-żidiet fil-prezzijiet li kellhom jiġu introdotti mill-produtturi ta' kartun". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

139    Għaldaqstant, il-fatt li qablet li jinżammu u li tipparteċipa f'laqgħat ta' korp li l-iskop antikompetittiv tiegħu, li kien jikkonsisti b'mod partikolari f'diskussjonijiet dwar żidiet futuri fil-prezzijiet, kien magħruf u aċċettat mill-impriżi responsabbli għall-ħolqien tiegħu, jikkostitwixxi motiv biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti hija responsabbli għal kollużjoni dwar il-prezzijiet min-nofs l-1986, id-data li minnha r-rikorrenti tammetti li ħadet sehem fil-PWG.

140    Fir-rigward tad-data tat-tmiem ta' l-azzjoni miftiehma dwar prezzijiet, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat ix-xahar ta' April 1991, ix-xahar li fih l-aġenti tal-Kummissjoni wettqu investigazzjonijiet fl-istabbilimenti ta' diversi impriżi, skond l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 17. Fil-fatt, l-aħħar żieda miftiehma fil-prezzijiet, imħabbra f'Ottubru 1990 mir-rikorrenti, kienet ġiet applikata b'effett minn Jannar 1991 u l-livell tal-prezzijiet indikati fuq il-katalgu miftiehem bejn l-impriża kien għadu fis-seħħ fix-xahar ta' April 1991.

141    Minn dan isegwi li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq żball tal-Kummissjoni dwar it-tul tal-perijodu li matulu kien fis-seħħ l-akkordju dwar l-iffriżar ta' l-ishma fis-suq u dwar il-kontroll tal-provvista

 L-argumenti tal-partijiet

142    Ir-rikorrenti ssostni li, anke jekk jiġi preżunt li ġie pprovat akkordju dwar l-iffriżar ta' l-ishma fis-suq u l-kontroll tal-provvista, il-Kummissjoni wettqet żball ta' evalwazzjoni fir-rigward tat-tul tal-perijodu li matulu kien fis-seħħ dan l-akkordju peress li l-elementi ta' prova invokati minnha juru li qabel l-aħħar parti ta' l-1988 ma kien jeżisti l-ebda akkordju. Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti żżid li l-Anness 102 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti, nota ta' Rena dwar laqgħa tan-NPI li nżammet fit-3 ta' Ottubru 1988, juri li fiż-żmien ta' meta nkitbet din in-nota ma kienx jeżisti akkordju bħal dan, bl-awtur jirreferi biss għall-possibbiltà li tiġi eżaminata regolazzjoni tal-provvista fil-każ li jkun hemm xi diffikultajiet dwar il-prezzijiet.

143    Il-Kummissjoni tirreferi għall-argumenti li hija ressqet fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq żball imwettaq fir-rigward tat-tul ta' żmien ta' l-azzjoni miftiehma dwar il-prezzijiet (ara l-punt 121 aktar 'il fuq).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

144    Il-Qorti tal-Prim'Istanza diġà kkonstatat (ara l-punti 78 sa 106 aktar 'il fuq) li l-Kummissjoni pprovat li l-impriżi li kienu jiltaqgħu fi ħdan il-PWG ipparteċipaw f'kollużjoni dwar l-ishma fis-suq, minn naħa, u f'kollużjoni dwar il-perijodi ta' waqfien, min-naħa l-oħra.

145    Mid-Deċiżjoni jirriżulta li l-"iffriżar" ta' l-ishma fis-suq u l-kunsiderazzjoni tal-perijodi ta' waqfien bdew jiġu diskussi speċifikament bejn il-parteċipanti fil-laqgħat tal-PWG mill-aħħar parti ta' l-1987 bil-għan li jiġi assigurat is-suċċess ta' l-inizjattivi meħuda dwar il-prezzijiet mill-1988 (ara, b'mod partikolari, il-punti 51 sa 60 tal-premessi). F'dan ir-rigward, id-Deċiżjoni tosserva: "Il-membri kollha tal-PWG kienu kkonċernati dwar il-fatt li l-inizjattivi 'introdotti mill-ġdid' ma kellhomx jiġu ppreġudikati minn żidiet sinjifikattivi fil-volumi mibjugħa. Dan huwa dawk li Stora sejħet il-'politika li l-prezz jiġi stabbilit indipendentament mill-kwantità'." (L-ewwel paragrafu tal-punt 51 tal-premessi.) Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-"politika li l-prezz jiġi stabbilit indipendentament mill-kwantità" li kienet tikkaratterizza l-PG Paperboard mill-aħħar ta' l-1987 sa April 1991 kienet, b'mod partikolari, ikkaratterizzata mill-"'iffriżar' ta' l-ishma fis-suq tal-produtturi prinċipali, inizjalment abbażi tal-pożizzjoni tagħhom fl-1987" u mill-"organizzazzjoni koordinata ta' 'perijodi ta' waqfien tal-produzzjoni' mill-produtturi prinċipali, minflok tnaqqis fil-prezzijiet (prinċipalment mill-1990)" (it-tieni paragrafu tal-punt 130 tal-premessi). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

146    Dawn id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni huma essenzjalment ibbażati fuq l-Annessi 39 u 73 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti.

147    Fid-dokument li huwa s-suġġett ta' l-Anness 39 (punt 5), Stora tippreċiża li: "Il-ħtieġa li jinżamm kemm jista' jkun bilanċ bejn il-produzzjoni u l-konsum (politika li l-prezz jiġi stabbilit indipendentament mill-kwantità) kienet marbuta ma' l-inizjattiva dwar il-prezzijiet ta' l-1987)." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

148    Fir-rigward tal-bidu tal-kollużjoni dwar l-ishma fis-suq, mill-Anness 73 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti jirriżulta (ara l-punt 89 aktar 'il fuq) li ċ-"ċirku ta' presidenti" ("Präsidentenkreis") kien iddeċieda li jikkoopera aktar mill-qrib minn Ottubru jew Novembru 1987. Ir-riżultat ta' din il-kooperazzjoni kienet kollużjoni dwar l-ishma fis-suq b'effett minn din id-data.

149    Fir-rigward tal-bidu tal-kollużjoni dwar il-perijodi ta' waqfien, Stora tiddikjara li: "Bl-adozzjoni, mill-PWG, tal-politika li l-prezz jiġi stabbilit indipendentament mill-kwantità u l-implementazzjoni progressiva ta’ sistema ta’ prezzijiet ugwali mill-1998, il-membri tal-PWG għarfu li kien meħtieġ li jiġu osservati perijodi ta’ waqfien sabiex jinżammu dawn il-prezzijiet f'sitwazzjoni kkaratterizzata minn tnaqqis fiż-żieda għad-domanda. Li kieku ma applikawx perijodi ta' waqfien, kien ikun impossibbli għall-produtturi li jżommu l-livelli ta’ prezzijiet miftiehma f'sitwazzjoni fejn il-kapaċità żejda kienet qiegħda tikber." (Anness 39, punt 24.)

150    Stora żżid li: "Fl-1988 u fl-1989, l-industrija setgħet prattikament taħdem bil-kapaċità sħiħa tagħha. Il-perijodi ta' waqfien, minbarra l-għeluq normali għal tiswijiet u vaganzi, kienu meħtieġa mill-1990. [...] Sussegwentament, meta kienu jieqfu l-ordnijiet, kien ikun meħtieġ li jiġu applikati perijodi ta' waqfien sabiex tinżamm il-politika li l-prezz jiġi stabbilit indipendentament mill-kwantità." (Anness 39, punt 25.)

151    Fid-dawl ta' dawn l-elementi ta' prova, il-Kummissjoni pprovat li l-impriżi li pparteċipaw fil-laqgħat tal-PWG adottaw, fl-aħħar ta' l-1987, politika magħrufa bħala "politika li l-prezz jiġi stabbilit indipendentament mill-kwantità" u li wieħed mill-aspetti ta' din il-politika, jiġifieri kollużjoni dwar l-ishma fis-suq, kien ġie applikat b'effett immedjat, filwaqt li l-aspett dwar il-perijodi ta' waqfien kellu effettivament jiġi applikat biss mill-1990.

152    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni fir-rigward tas-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni ta' Fides

153    Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti ssostni li s-sistema ta' skambju ta' informazzjoni ta' Fides ma kinitx ta' natura tali li tippromwovi mġieba miftiehma u li għaldaqstant din is-sistema ma kinitx inkompatibbli ma' l-Artikolu 85 tat-Trattat. Skondha, jeżistu differenzi sinjifikattivi bejn il-fatti ta' din il-kawża u dawk li wasslu għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 87/1/KEE, tat-2 ta' Diċembru 1986, dwar proċedura taħt l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (IV/31.128 – Fatty Acids) (ĠU 1987, L 3, p. 17), invokata mill-Kummissjoni fil-punt 134 tal-premessi tad-Deċiżjoni.

154    Fil-kontroreplika tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza r-raġunijiet għalxiex hija rreferiet għad-Deċiżjoni "Fatty Acids", iċċitata aktar 'il fuq. Hija ssostni li, f'din il-kawża, is-sistema ta' skambju ta' informazzjoni kellha, minn ta' l-anqas, l-effet li tiffaċilita l-akkordju.

155    Il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li, skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, motivi ġodda ma jistgħux jiġu ppreżentati matul il-kawża sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq elementi ta' dritt jew ta' fatt li joħorġu matul il-proċedura.

156    Il-motiv ibbażat fuq żball ta' evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward tas-sistema ta' skambju ta' informazzjoni ta' Fides ġie invokat għall-ewwel darba mir-rikorrenti fl-istadju tar-replika u mhuwiex ibbażat fuq xi elementi ta' dritt jew ta' fatt li tqajmu matul il-proċedura.

157    Għaldaqstant, dan il-motiv mhuwiex ammissibbli.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq żball imwettaq mill-Kummissjoni meta kkunsidrat li kien hemm vjolazzjoni unika u globali u li Sarrió kienet responsabbli għal din il-vjolazzjoni kollha

 L-argumenti tal-partijiet

158    Ir-rikorrenti tikkontesta l-atteġġament tal-Kummissjoni meta kkonkludiet, minn naħa, li teżisti vjolazzjoni unika u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti kienet kompletament responsabbli għal din il-vjolazzjoni.

159    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni essenzjalment tibbaża ruħha fuq "teorema akkużatorja", peress li m'għandhiex provi diretti ta' akkordju sħiħ. Issa, hija l-Kummissjoni li għandha turi jekk, u fl-affermattiv, safejn, ir-rikorrenti ħadet sehem f'kull wieħed mill-elementi ta' vjolazzjoni unika. Fir-rigward ta' vjolazzjonijiet għad-dritt Komunitarju dwar il-kompetizzjoni, għandu jiġi applikat il-prinċipju tar-responsabbiltà strettament individwali peress li l-idea ta' responsabbiltà kollettiva tmur kontra, b'mod partikolari, il-karattru kważi kriminali tal-penali li jistgħu jiġu imposti għal vjolazzjonijiet bħal dawn. Għaldaqstant, dejjem skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni hija żbaljata meta ssostni li mhuwiex meħtieġ li tiġi pprovata l-parteċipazzjoni attiva tar-rikorrenti fir-rigward ta' kull wieħed mill-elementi tal-vjolazzjoni. Għall-kuntrarju, huwa meħtieġ kemm li tiġi ddeterminata n-natura preċiża tal-vjolazzjoni mwettqa u kemm li ssir investigazzjoni dwar l-eventwali parteċipazzjoni individwali ta' kull impriża sabiex tkun tista' tiġi stabbilita b'mod korrett ir-responsabbiltà individwali u, għalhekk, il-penali individwali xierqa.

160    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li jmur ukoll kontra l-prinċipji fundamentali tad-dritt Komunitarju, b'mod partikolari dak li jirregola l-oneru tal-prova, li r-responsabbiltà individwali ta' impriża għal vjolazzjoni tiġi bbażata biss fuq is-sħubija tagħha f'assoċjazzjoni li l-attivitajiet tagħha kienu, minn ta' l-anqas parzjalment, legali.

161    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx debitament in kunsiderazzjoni l-pożizzjonijiet partikolari tagħha fis-suq kif ukoll fi ħdan il-PG Paperboard. B'mod partikolari, kien bil-għan li tkun tista' tikkompeti aħjar mal-kompetituri tagħha li, fl-1986, talbet li tipparteċipa fil-laqgħat tal-PG Paperboard.

162    Il-Kummissjoni ssostni li hija pprovat l-eżistenza ta' l-akkordju u tal-parteċipazzjoni attiva tar-rikorrenti fih bħala waħda mill-parteċipanti ewlenin. Hija tikkonkludi li l-analiżi tagħha hija għaldaqstant ibbażata fuq elementi ta' fatt preċiżi u stabbiliti sewwa u li l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq tip ta' "responsabbiltà kollettiva" jew ta' "teorema akkużatorja" huma kompletament infondati.

163    Hija ssostni wkoll li hija bl-ebda mod ma bbażat ir-responsabbiltà tar-rikorrenti biss fuq il-kwalità tagħha ta' membru tal-PG Paperboard. Fil-verità, hija ssostni li bbażat ruħha, minn naħa, fuq il-parteċipazzjoni attiva tar-rikorrenti fil-laqgħat tad-diversi kumitati tal-PG Paperboard b'għan antikompetittiv u, min-naħa l-oħra, fuq il-fatt li r-rikorrenti sussegwentament adottat l-imġiba miftiehma matul l-imsemmija laqgħat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

164    Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti kisret l-Artikolu 85(1) tat-Trattat billi pparteċipat min-nofs is-sena 1986 sa minn ta' l-anqas April 1991 fi ftehim u fi prattika miftiehma li jmorru lura sa nofs is-sena 1986 u li kienu jinvolvu diversi elementi kostitwenti distinti.

165    Skond it-tieni paragrafu tal-punt 116 tal-premessi tad-Deċiżjoni, "il-vjolazzjoni tikkonsisti, essenzjalment, fl-assoċjazzjoni ta' produtturi għal diversi snin fi ħdan proġett konġunt b'għan komuni". Din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta' vjolazzjoni tinsab ukoll fil-punt 128 tal-premessi: "Madankollu, id-diviżjoni ta' dak li evidentament huwa proġett komuni kontinwu b'għan globali wieħed u uniku f'diversi vjolazzjonijiet distinti tkun waħda artifiċjali (ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-Kawża T-13/89, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, punt 260 tal-motivi)." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

166    Għaldaqstant, minkejja li l-Kummissjoni ma għamlitx riferiment formali għall-kunċett ta' "vjolazzjoni unika" fid-Deċiżjoni, hija rreferiet b'mod impliċitu għal dan il-kunċett, kif tixhed ir-referenza għall-punt 260 tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' Marzu 1992, ICI vs Il-Kummissjoni (T-13/89, Ġabra p. II-1021).

167    Barra minn hekk, l-użu ripetut mill-Kummissjoni tal-kelma "akkordju" sabiex tiddeskrivi d-diversi atteġġamenti antikompetittivi kkonstatati jistabbilixxi tifsira li tkopri l-vjolazzjonijiet kollha ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 117 tal-premessi tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li: "L-atteġġament korrett, f'dan il-każ, huwa li jintwerew l-eżistenza u l-funzjonament kif ukoll il-karatteristiċi prinċipali ta' l-akkordju fl-intier tiegħu u li sussegwentament jiġu stabbiliti a) l-eżistenza ta' provi kredibbli u persważivi li jippermettu li d-diversi produtturi jiġu konnessi mas-sistema komuni u b) il-perijodi li matulhom kull produttur ħa sehem f'din is-sistema komuni." Hija żżid (ibidem): "Il-Kummissjoni […] mhijiex marbuta li taqsam f'kategoriji differenti d-diversi elementi li jikkostitwixxu l-vjolazzjoni billi tiżola kull waħda mill-okkażjonjiet li fihom, matul iż-żmien li fih kien fis-seħħ l-akkordju, intlaħaq ftehim dwar xi suġġett jew ieħor, jew kull wieħed mill-eżempji ta' mġiba miftiehma u billi teżonera minn kull parteċipazzjoni f'din l-okkażjoni jew f'din il-manifestazzjoni partikolari ta' l-akkordju lil dawk il-produtturi li l-involviment tagħhom ma jkunx ipprovat minn provi diretti." Barra minn hekk, hija tenfasizza (punt 118) li "jeżistu provi diretti biżżejjed sabiex tiġi pprovata l-parteċipazzjoni ta' kull allegat parteċipant fil-vjolazzjoni", mingħajr ma tiddistingwi bejn l-elementi li jikkostitwixxu din il-vjolazzjoni globali. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

168    Għalhekk, il-vjolazzjoni unika, kif ikkonċepita mill-Kummissjoni, hija l-istess ħaġa bħall-"akkordju fl-intier tiegħu" jew l-"akkordju globali" u hija kkaratterizzata minn mġiba kontinwa adottata minn diversi impriżi b'għan illegali komuni. Minn din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta' vjolazzjoni unika tirriżulta s-sistema ta' prova deskritta fil-punt 117 tal-premessi tad-Deċiżjoni kif ukoll responsabbiltà unika, fis-sens li kull impriża "konnessa" ma' l-akkordju globali tinżamm responsabbli għal dan l-akkordju, irrispettivament mill-elementi kostitwenti li fir-rigward tagħhom il-parteċipazzjoni tagħha tkun ipprovata.

169    Issa, sabiex il-Kummissjoni tkun tista' żomm kull waħda mill-impriżi koperti minn deċiżjoni bħal dik f'din il-kawża bħala responsabbli, matul perijodu partikolari, għal akkordju globali, hija għandha tistabbilixxi li kull waħda minn dawn l-impriżi qablet ma' l-adozzjoni ta' pjan globali li jkopri l-elementi kostitwenti ta' l-akkordju, jew ipparteċipat direttament, matul dan il-perijodu, f'dawn l-elementi kollha. Impriża tista' anki tinżamm responsabbli għal akkordju globali, minkejja li jiġi pprovat li hija ħadet sehem dirett f'wieħed jew f'diversi elementi kostitwenti ta' dan l-akkordju, jekk hija kienet taf, jew kellha neċessarjament tkun taf, minn naħa, li l-kollużjoni li fiha kienet qiegħda tipparteċipa kienet tagħmel parti minn pjan globali u, min-naħa l-oħra, li dan il-pjan globali kien ikopri l-elementi kostitwenti kollha ta' l-akkordju. Meta dan ikun il-każ, il-fatt li l-impriża kkonċernata ma tkunx ipparteċipat direttament fl-elementi kostitwenti kollha ta' l-akkordju globali ma jistax jeżoneraha mir-responsabbiltà għall-vjolazzjoni ta' Artikolu 85(1) tat-Trattat. Madankollu, fatt bħal dan jista' jittieħed in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-vjolazzjoni kkonstata fir-rigward ta' l-impriża kkonċernata.

170    F'din il-kawża, mid-Deċiżjoni jirriżulta li l-vjolazzjoni kkonstatata fl-Artikolu 1 tagħha tikkonsisti f'kollużjonijiet dwar tliet suġġetti differenti iżda li jsegwu għan komuni, kollużjonijiet li għandhom jitqiesu bħala l-elementi kostitwenti ta' l-akkordju globali. Fil-fatt, minn dan l-artikolu jirriżulta li kull waħda mill-impriżi msemmija kisru l-Artikolu 85(1) tat-Trattat billi pparteċipaw fi ftehim u fi prattika miftiehma li permezz tagħhom l-impriżi a) iddeċidew bi ftehim komuni dwar żidiet regolari fil-prezzijiet għal kull kwalità ta' prodott f’kull munita nazzjonali u ppjanaw u implementaw żidiet fil-prezzijiet, b) laħqu ftehim sabiex iżommu l-ishma fis-suq tal-produtturi prinċipali f’livelli kostanti, b'bidliet minn żmien għal żmien u ċ) adottaw, b'mod dejjem aktar frekwenti mill-bidu ta' l-1990, miżuri miftiehma sabiex jikkontrollaw il-provvista tas-suq Komunitarju, bil-għan li jassiguraw l-implementazzjoni taż-żiediet fil-prezzijiet miftiehma.

171    Fid-Deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni, minkejja l-interpretazzjoni tagħha tal-kunċett ta' vjolazzjoni unika, tippreċiża li "id-dokumenti 'prinċipali' li jipprovaw l-eżistenza ta' l-akkordju fl-intier tiegħu jew tad-diversi manifestazzjonijiet tiegħu jsemmu ħafna drabi l-parteċipanti bl-isem tagħhom u għaldaqstant jeżisti numru kbir ta' provi f'forma ta' dokumenti li juru r-rwol ta' kull produttur fl-akkordju u l-importanza tal-parteċipazzjoni tiegħu" (l-ewwel paragrafu tal-punt 118 tal-premessi tad-Deċiżjoni). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

172    Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Prim'Istanza għandha teżamina jekk il-Kummissjoni pprovatx il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju, kif ikkonstatat fir-rigward tagħha fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni.

173    F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, kif diġà ġie kkonstatat (ara l-punti 48 et seq u l-punti 76 et seq aktar 'il fuq), il-Kummissjoni pprovat li r-rikorrenti, fil-kwalità tagħha bħala impriża li ħadet sehem fil-laqgħat tal-PWG minn mindu nħoloq, ipparteċipat min-nofs l-1986 f'kollużjoni dwar il-prezzijiet u, mill-aħħar ta' l-1987, f'kollużjoni dwar l-ishma fis-suq kif ukoll f'kollużjoni dwar il-perijodi ta' waqfien, jiġifieri t-tliet elementi kostitwenti tal-vjolazzjoni kkonstatata fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni. Għaldaqstant, hija ġustament iddeċidiet li żżomm lir-rikorrenti responsabbli għal vjolazzjoni komposta mit-tliet kollużjonijiet li kellhom l-istess objettiv.

174    Dan ifisser li l-Kummissjoni ma żammitx lir-rikorrenti responsabbli għall-imġiba ta' produtturi oħra u ma bbażatx din ir-responsabbiltà fuq il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-PG Paperboard biss.

175    Għaldaqstant, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra invokati mir-rikorrenti, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tas-suq Spanjol

176    Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ddefinitx bi preċiżjoni s-suq ġeografiku li fih twettqet l-allegata vjolazzjoni u li, b'mod partikolari, il-Kummissjoni ma analizzatx biżżejjed is-sitwazzjoni fis-suq Spanjol u l-imġiba ta' l-impriżi kkonċernati f'dan is-suq. F'dan ir-rigward hija ssostni li hija diġà indikat fir-rikors tagħha li l-unika riferiment, fid-Deċiżjoni, għas-suq Spanjol jikkonsisti f'żewġ noti f'qiegħ il-paġna li jinsabu fit-Tabelli E u G annessi mad-Deċiżjoni.

177    Il-Kummissjoni ssostni li dan il-motiv, imqajjem għall-ewwel darba fir-replika, m'għandux jiġi aċċettat.

178    Il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li, skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, motivi ġodda ma jistgħux jiġu ppreżentati matul il-kawża sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq elementi ta' dritt jew ta' fatt li joħorġu matul il-proċedura.

179    Il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tas-suq Spanjol ġie invokat għall-ewwel darba mir-rikorrenti fl-istadju tar-replika. Fil-fatt, l-uniku argument li jinsab fir-rikors fir-rigward tas-suq Spanjol huwa invokat in sostenn tal-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta' parteċipazzjoni min-naħa ta' Prat Carton fil-vjolazzjoni in kwistjoni. Indipendentament mill-formulazzjoni ta' dan il-motiv, l-argument invokat in sostenn tiegħu huwa intiż biss sabiex jenfasizza li t-Tabella G annessa mad-Deċiżjoni, li ssemmi ż-żidiet imħabbra fil-prezzijiet implementati fis-suq Spanjol f'Jannar 1991 mill-produtturi li joperaw f'dan is-suq, ma tagħmel l-ebda riferiment għal Prat Carton. Għaldaqstant, dan l-argument ma jistax jiġi interpretat bħala lment dwar in-nuqqas li jittieħed in kunsiderazzjoni s-suq Spanjol.

180    F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan il-motiv, peress li ġie invokat għall-ewwel darba fir-replika u peress li mhuwiex fondat fuq elementi ta' dritt jew ta' fatt imqajma matul il-proċedura, għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni min-naħa ta’ Prat Carton fil-vjolazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

181    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma pprovatx il-parteċipazzjoni ta' Prat Carton f'xi vjolazzjoni. B'mod partikolari, in-nota fit-Tabella G tad-Deċiżjoni (dwar żieda fil-prezzijiet f'Jannar 1991 fis-suq Spanjol) ma tagħmel l-ebda riferiment għal Prat Carton.

182    Skondha, Prat Carton ipparteċipat biss b'mod sporadiku ħafna fil-laqgħat ta' ċerti kumitati tal-PG Paperboard. Barra minn hekk, din l-impriża pparteċipat fil-JMC matul il-perijodu bejn Ġunju 1990 u Marzu 1991 biss. Minbarra dan, is-sempliċi fatt li Stora indikat li hija kienet taħseb li l-produtturi Spanjoli kienu ġeneralment informati dwar ir-riżultati tal-laqgħat minn Saffa jew minn Finnboard (Anness 38 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti) ma jikkostitwixxix il-prova ta' parteċipazzjoni ta' Prat Carton fl-allegata vjolazzjoni.

183    Ir-rikorrenti ma taqbilx li d-dokumenti F-15-9, G-15-7 u G-15-8 (annessi mad-dikjarazzjoni ta’ lmenti) invokati mill-Kummissjoni jipprovaw il-parteċipazzjoni ta' Prat Carton f'inizjattivi miftiehma ta' żidiet fil-prezzijiet fix-xahar ta' April 1990. Hija tenfasizza, fit-tweġiba tagħha għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza, li d-dokument F-15-9 għandu Frar 1991 bħala data u mhux, kif issostni l-Kummissjoni, Frar 1990. Fir-rigward tad-dokument G-15-7, dan jipprovdi biss il-prova tal-prattika tas-settur li ż-żidiet annwali jiġu applikati fix-xahar ta' April kif ukoll ta' l-inċertezza ta' Prat Carton fir-rigward tal-livell taż-żieda u fir-rigward tad-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

184    Il-Kummissjoni ssostni li Prat Carton ipparteċipat fl-akkordju minn mindu nħoloq kif jipprovaw id-dokumenti pprovduti flimkien mad-dikjarazzjoni ta’ lmenti (l-"informazzjoni individwali"). Hija tfakkar, fl-ewwel lok, li Prat Carton kienet preżenti għal diversi laqgħat tal-PC bejn id-29 ta' Marzu 1986 u t-28 ta' Novembru 1989, għal tliet laqgħat tal-Kumitat Ekonomiku bejn Ottubru 1988 u Ottubru 1989, kif ukoll għal diversi laqgħat tal-JMC bejn Ġunju 1990 u l-5 ta' Marzu 1991 (ara t-Tabelli 3 sa 7 annessi mad-Deċiżjoni). Peress li għalhekk ħadet sehem dirett f'laqgħat li matulhom ittieħdu deċiżjonijiet dwar l-akkordju, Prat Carton hija responsabbli għal dan l-akkordju (ara s-sentenza Rhône-Poulenc vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq). Barra minn hekk, ma teżisti l-ebda traċċa uffiċjali tal-parteċipazzjoni ta' diversi impriżi fil-laqgħat tal-JMC qabel l-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni, jew fil-laqgħat tal-PWG qabel Frar 1990. Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li d-dokumenti pprovduti mill-impriżi ma fihomx indikazzjonijiet preċiżi dwar il-preżenza ta' Prat Carton għad-diversi laqgħat ma jipprovax li hija ma kinitx preżenti għal dawn il-laqgħat.

185    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tosserva li Prat Carton, kif iddikjarat Stora (Anness 38 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti), kienet ġiet informata dwar ir-riżultat tal-laqgħat tal-PWG.

186    Fit-tielet lok, Prat Carton applikat l-inizjattivi ta' prezz miftiehma fi ħdan id-diversi korpi tal-PG Paperboard matul il-perijodu kkonċernat. Differenzi żgħar fiż-żmien jew bejn l-ammonti taż-żidiet imwettqa minn Prat Carton u mill-produtturi l-oħra ma jipprovawx li Prat Carton ma pparteċipatx fl-akkordju. Madankollu, il-Kummissjoni tammetti li d-dokument F-15-9 għandu Frar 1991 bħala data u mhux Frar 1990 u li għaldaqstant hija m'għandhiex provi li jistgħu jipprovaw il-parteċipazzjoni attwali ta' Prat Carton f'inizjattivi ta' żidiet fil-prezzijiet qabel iż-żieda ta' Jannar 1991. Fir-rigward ta' l-inizjattiva ta' żieda fil-prezzijiet ta' Jannar 1991, il-Kummissjoni tirreferi b'mod partikolari għad-dokument G-15-8, tas-26 ta' Settembru 1990, li fih Prat Carton espressament tiddikjara li kienet prevista żieda fil-prezzijiet fil-pajjiżi kollha f'Jannar 1991.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

187    Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li r-rikorrenti kisbet il-100% ta' Prat Carton fi Frar 1991 u li hija ma tikkontestax ir-responsabbiltà tagħha għall-eventwali parteċipazzjoni ta' Prat Carton fi vjolazzjoni ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat. F'dan ir-rigward, il-punt 154 tal-premessi tad-Deċiżjoni jipprovdi li r-rikorrenti, minħabba l-akkwist ta' Prat Carton, "saret responsabbli għall-parteċipazzjoni ta' dan il-produttur Spanjol fl-akkordju, fir-rigward tat-tul kollu ta' din il-parteċipazzjoni". Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni jżomm biss lir-rikorrenti bħala responsabbli għall-vjolazzjoni kkonstatata, inkluż fir-rigward tal-vjolazzjoni mwettqa minn Prat Carton, u li d-Deċiżjoni hija indirizzata lir-rikorrenti mingħajr riferiment għal Prat Carton (Artikolu 5 tad-Deċiżjoni). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

188    F'dawn iċ-ċirkustanzi, u safejn diġà ġie kkonstatat li l-Kummissjoni stabbiliet il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti stess fil-vjolazzjoni deskritta fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni, dan il-motiv, li kieku kellu jintlaqa', ma jistax jiġġustifika l-annullament totali jew parzjali ta' din id-dispożizzjoni ta' l-aħħar. Madankollu, peress li kien biss fi Frar 1991 li r-rikorrenti kisbet lil Prat Carton, jiġifieri xahrejn qabel it-tmiem tal-perijodu ta' vjolazzjoni kkonstatat fid-Deċiżjoni, tnaqqis tal-multa jkun iġġustifikat jekk jiġi konkluż li l-parteċipazzjoni, b'mod individwali, ta' Prat Carton fl-elementi kostitwenti ta' l-akkordju qabel Frar 1991 mhijiex stabbilita mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-multi imposti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ġew ikkalkulati abbażi, b'mod partikolari, tad-dħul mill-bejgħ ta' kull waħda mill-impriżi matul is-sena 1990, is-sena li matulha Prat Carton kienet għadha ma tagħmilx parti mill-grupp tar-rikorrenti. Għaldaqstant, f'dan il-punt għandhom jiġu eżaminati l-argumenti invokati fil-kuntest ta' dan il-motiv.

189    Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Prim'Istanza sejra teżamina l-kwistjoni ta' jekk il-Kummissjoni pprovatx il-parteċipazzjoni ta' Prat Carton fi vjolazzjoni ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat fir-rigward tal-perijodu bejn nofs l-1986 sa Ġunju 1990, id-data li minnha Prat Carton tammetti li bdiet tieħu sehem fil-laqgħat tal-JMC. Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Prim'Istanza sejra teżamina l-kwistjoni ta' jekk il-Kummissjoni pprovatx il-parteċipazzjoni ta' Prat Carton fi vjolazzjoni ta' l-Aritkolu 85(1) tat-Trattat fir-rigward tal-bqija tal-perijodu, jiġifieri minn Ġunju 1990 sa Frar 1991, id-data li fiha Prat Carton inkisbet mir-rikorrenti.

1. Perijodu minn nofs l-1986 sa Ġunju 1990

190    Sabiex tipprova l-parteċipazzjoni ta' Prat Carton fi vjolazzjoni tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni matul il-perijodu in kwistjoni, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-parteċipazzjoni ta' din l-impriża fil-laqgħat tal-PC tad-29 ta' Mejju 1986, tal-25 ta' Mejju 1988, tas-17 ta' Novembru 1988 u tat-28 ta' Novembru 1989 kif ukoll fil-laqgħat tal-Kumitat Ekonomiku ta' l-20 ta' Settembru 1988, tat-8 ta' Mejju 1989 u tat-3 ta' Ottubru 1989. Barra minn hekk, hija tibbaża ruħha fuq dikjarazzjoni ta' Stora (Anness 38 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti). Fl-aħħar nett, skondha, is-sempliċi fatt li d-dokumenti pprovduti mill-impriżi ma jagħtux indikazzjonijiet preċiżi dwar il-preżenza ta' Prat Carton fil-laqgħat tal-JMC ma jipprovax li hija ma kinitx preżenti għal dawn il-laqgħat.

191    Kull wieħed minn dawn l-elementi ta' prova għandu jiġi eżaminat fl-ordni msemmija.

(a) Parteċipazzjoni ta’ Prat Carton f'ċerti laqgħat tal-PC

192    Fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta' Prat Carton f'erba' laqgħat speċifiċi tal-PC, il-Kummissjoni ma invokat l-ebda element ta' prova dwar is-suġġett ta' dawn il-laqgħat. Għaldaqstant, meta tirreferi għal din il-parteċipazzjoni bħala element ta' prova tal-parteċipazzjoni ta' l-impriża fi vjolazzjoni ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat, hija tibbaża ruħha neċessarjament fuq id-deskrizzjoni ġenerali, li tinsab fid-Deċiżjoni, tas-suġġett tal-laqgħat ta' dan il-korp, kif ukoll fuq l-elementi ta' prova invokati fid-Deċiżjoni in sostenn ta' l-imsemmija deskrizzjoni.

193    F'dan ir-rigward, id-Deċiżjoni tipprovdi: "Kif spjegat Stora, waħda mill-funzjonijiet tal-PWG kienet li jispjega lill-'President Conference', il-miżuri meħtieġa sabiex jiġi rregolat is-suq […] Id-diretturi ġenerali parteċipanti fil-'President Conferences' kienu b'hekk jiġu informati dwar id-deċiżjonijiet meħuda mill-PWG u dwar l-istruzzjonijiet li kellhom jgħaddu lid-dipartimenti tal-bejgħ tagħhom bil-għan li jiġu implementati l-inizjattivi dwar il-prezzijiet." (L-ewwel paragrafu tal-punt 41 tal-premessi.) Il-Kummissjoni tosserva wkoll li: "Il-PWG kien jiltaqa' regolarment qabel kull 'President Conference' li kienet tkun prevista. Peress li l-istess persuna kienet tippresiedi ż-żewġ laqgħat, m'hemm l-ebda dubji li kienet din il-persuna li kienet tikkomunika r-riżultati tad-diskussjonijiet tal-PWG lill-'presidenti' l-oħra li ma kinux jagħmlu parti miċ-ċirku limitat." (It-tieni paragrafu tal-punt 38 tal-premessi.) [traduzzjoni mhux uffiċjali]

194    Stora tindika li l-parteċipanti fil-laqgħat tal-PC kienu ġew informati bid-deċiżjonijiet adottati mill-PWG (Anness 39 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti, punt 8). Madankollu, l-eżattezza ta' din l-affermazzjoni hija kkontestata minn diversi impriżi li ħadu sehem fil-laqgħat tal-PC, fosthom ir-rikorrenti. Għaldaqstant, id-dikjarazzjonijiet ta' Stora dwar ir-rwol tal-PC ma jistgħux, mingħajr ma jiġu sostnuti minn elementi ta' prova oħra, jiġu kkunsidrati bħala prova suffiċjenti tas-suġġett tal-laqgħat ta' l-imsemmi korp.

195    Ċertament, il-proċess tal-kawża jinkludi dokument, jiġifieri dikjarazzjoni tat-22 ta' Marzu 1993 ta' ex membru tat-tmexxija ta' Feldmühle (is-Sur Roos), li ma' l-ewwel daqqa t'għajn jikkorrobora l-affermazzjonijiet ta' Stora. Is-Sur Roos jindika, b'mod partikolari, li: "Il-kontenut tad-diskussjonijiet imwettqa fi ħdan il-PWG kien mgħoddi lill-impriżi li ma kinux irrappreżentati f'dan il-grupp waqt il-konferenza tal-Presidenti li kienet tinżamm immedjatament wara, jew inkella, meta ma kienx ikun hemm immedjatament konferenza tal-Presidenti, waqt il-JMC." Madankollu, minkejja li dan id-dokument mhuwiex espressament invokat fid-Deċiżjoni in sostenn ta' l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-suġġett tal-laqgħat tal-PC, fi kwalunkwe każ, ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa jikkostitwixxi prova addizzjonali għad-dikjarazzjonijiet ta' Stora. Fil-fatt, peress li dawn id-dikjarazzjonijiet huma ġabra fil-qosor tar-risposti mogħtija minn kull waħda mit-tliet impriżi miżmuma minn Stora matul il-perijodu ta' vjolazzjoni, fosthom Feldmühle, l-ex membru tat-tmexxija ta' din l-impriża ta' l-aħħar neċessarjament jikkostitwixxi wieħed mis-sorsi tad-dikjarazzjonijiet ta' Stora nfisha. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

196    Fir-rigward ta' l-elementi ta' prova l-oħra invokati sabiex jiġi stabbilit is-suġġett tal-laqgħat tal-PC, il-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni, tqis li l-Anness 61 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti (imsemmi fil-punti 125 u 126 aktar 'il fuq) huwa nota interna, meħuda waqt laqgħa tal-PC, li tikkorrobora l-istqarrija ta' Stora li l-PC kienet fil-fatt tiddiskuti politika ta' kollużjoni dwar l-iffissar tal-prezzijiet (it-tielet paragrafu tal-punt 41 tal-premessi tad-Deċiżjoni). Madankollu, kif diġà ġie kkonstatat (ara l-punti 125 sa 135 aktar 'il fuq), din in-nota ma tikkostitwixxix il-prova ta' kollużjoni dwar l-inizjattiva dwar il-prezzijiet ta' Jannar 1987 fir-Renju Unit. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, Stora qatt ma rrikonoxxiet li l-PC kienet fil-fatt tiddiskuti politika ta' kollużjoni dwar l-iffissar tal-prezzijiet. Skond Stora, il-laqgħat tal-PC kienu jikkostitwixxu sempliċement l-okkażjoni għall-impriżi li kienu jiltaqgħu fi ħdan il-PWG sabiex jikkomunikaw id-deċiżjonijiet adottati lill-impriżi li ma kinux irrappreżentati fi ħdan dan l-organu.

197    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li: "id-dokumenti misjuba mill-Kummissjoni għand FS-Karton (membru tal-grupp M-M) jikkonfermaw li, fl-aħħar ta' l-1987, kien ġie konkluż ftehim fil-kuntest tal-'President Conference' u tal-PWG dwar il-kwistjonijiet relatati mal-kontroll tal-volum u mar-regolazzjoni tal-prezzijiet" (l-ewwel paragrafu tal-punt 53 tal-premessi tad-Deċiżjoni). F'dan ir-rigward, hija tirreferi għall-Anness 73 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti (ara l-punt 88 aktar 'il fuq). Kif diġà ġie osservat (punt 91 aktar 'il fuq), l-awtur tad-dokument jevoka, bħala introduzzjoni, il-kooperazzjoni aktar mill-qrib fuq il-livell Ewropew fi ħdan iċ-"ċirku ta' presidenti" ("Präsidentenkreis"), espressjoni interpretata minn Mayr-Melnhof bħala espressjoni li tirreferi kemm għall-PWG u kemm għall-PC f'kuntest ġenerali, jiġifieri mingħajr riferiment għal avveniment jew għal laqgħa partikolari (punt 2.a ta' l-Anness 75 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti).

198    Huwa minnu li l-Anness 73 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti jikkostitwixxi prova li tikkorrobora d-dikjarazzjonijiet ta' Stora dwar l-eżistenza ta' kollużjoni dwar l-ishma fis-suq bejn l-impriżi aċċettati fiċ-"ċirku ta' presidenti", minn naħa, u ta' kollużjoni dwar il-perijodi ta' waqfien bejn dawn l-istess impriżi, min-naħa l-oħra (ara l-punti 84 sa 114 aktar 'il fuq, b'mod partikolari l-punt 110). Madankollu, l-ebda element ta' prova ieħor ma jikkonferma l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-PC kellu bħala għan, b'mod partikolari, li jiddiskuti l-kollużjoni dwar l-ishma fis-suq u dwar il-kontroll tal-volumi ta' produzzjoni. Għaldaqstant, it-termini "ċirku ta' presidenti" ("Präsidentenkreis") użati fl-Anness 73 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti ma jistgħux, minkejja l-ispjegazzjonijiet mogħtija minn Mayr-Melnhof, jiġu interpretati bħala riferiment għal xi korpi oħra minbarra l-PWG.

199    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni ma pprovatx li l-PC kellha, minbarra attivitajiet legali, rwol antikompetittiv. Minn dan isegwi li mill-elementi ta' prova invokati hija ma setgħetx tikkonkludi li l-impriżi li ħadu sehem fil-laqgħat ta' dan il-korp kienu ħadu sehem fi vjolazzjoni ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat.

200    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-parteċipazzjoni ta' Prat Carton fi vjolazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni matul il-perijodu bejn nofs l-1986 sa Ġunju 1990 ma setgħetx tiġi stabbilita abbażi tal-parteċipazzjoni tagħha f'erba' laqgħat tal-PC.

(b) Parteċipazzjoni ta’ Prat Carton f’ċerti laqgħat tal-Kumitat Ekonomiku

201    Mhuwiex ikkontestat li Prat Carton ipparteċipat fi tliet laqgħat tal-Kumitat Ekonomiku ta' l-20 ta' Settembru 1988, tat-8 ta' Mejju 1989 u tat-3 ta' Ottubru 1989. Barra minn hekk, dokument jirrapporta l-kontenut tal-laqgħa tat-3 ta' Ottubru 1989 (Anness 70 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti). Għaldaqstant, l-ewwel nett, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni ta' jekk il-laqgħat tal-Kumitat Ekonomiku kellhomx skop antikompetittiv u, it-tieni nett, il-kwistjoni ta' jekk mill-Anness 70 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti jistax jiġi konkluż li Prat Carton ipparteċipat f'diskussjonijiet li kellhom skop antikompetittiv.

(i) L-iskop ġenerali tal-laqgħat tal-Kumitat Ekonomiku

202    Skond id-Deċiżjoni, "is-suġġett prinċipali tad-diskussjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku kien l-analiżi u l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq tal-kartun fid-diversi pajjiżi" (l-ewwel paragrafu tal-punt 50 tal-premessi). Il-Kumitat Ekonomiku "kien jiddiskuti (fost oħrajn) bidliet fil-prezzijiet fis-swieq nazzjonali u ordnijiet b'lura, u kien jirrapporta dwar il-konklużjonijiet tiegħu lill-JMC (jew lill-'Marketing Committee', il-predeċessur tiegħu sa qabel l-aħħar ta' l-1987" (l-ewwel paragrafu tal-punt 49 tal-premessi). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

203    Skond il-Kummissjoni, "id-diskussjonijiet dwar il-kundizzjonijiet fis-suq ma kinux jibqgħu fl-arja: fil-fatt, id-diskussjonijiet dwar il-kundizzjonijiet li kienu prevalenti f'kull suq nazzjonali għandhom jitqiegħdu fil-kuntest ta' l-inizjattivi previsti fir-rigward tal-prezzijiet, u b'mod partikolari fil-kuntest tal-ħtieġa prevista li l-produzzjoni titwaqqaf temporanjament flimkien maż-żidiet" (l-ewwel paragrafu tal-punt 50 tal-premessi). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li: "Huwa possibbli li l-Kumitat Ekonomiku kien ikkonċernat anqas direttament dwar l-iffissar tal-prezzijiet bħala tali, iżda mhuwiex kredibbli li dawk li kienu involuti fih ma kinux jafu dwar l-iskop illegali li għalih kienet intiża l-informazzjoni li huma kien konxjament jipprovdu lill-JMC." (It-tieni paragrafu tal-punt 119 tal-premessi.) [traduzzjoni mhux uffiċjali]

204    In sostenn ta' l-allegazzjonijiet tagħha li d-diskussjonijiet miżmuma fi ħdan il-Kumitat Ekonomiku kellhom skop antikompetittiv, il-Kummissjoni tirreferi għal dokument wieħed, nota kunfidenzjali miktuba minn rappreżentant ta' FS-Karton dwar il-punti essenzjali tal-laqgħa tal-Kumitat Ekonomiku tat-3 ta' Ottubru 1989 (Anness 70 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti), laqgħa li għaliha Prat Carton kienet preżenti.

205    Fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tiġbor fil-qosor il-kontenut ta' dan id-dokument bil-mod segwenti:

"[...] minbarra studju dettaljat tad-domanda, tal-produzzjoni u ta' l-ordnijiet f'kull suq nazzjonali, ġew eżaminati l-punti segwenti:

–        ir-reżistenza qawwija kkonstata fost il-klijenti kontra l-aħħar żieda fil-prezzijiet tal-GC, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Ottubru,

–        l-ordnijiet b'lura tal-produtturi ta' GC u ta' GD, inklużi l-pożizzjonijiet individwali,

–        ir-rapporti dwar il-waqfien ta' produzzjoni mwettaq u ppjanat,

–        id-diffikultajiet partikolari relatati ma' l-implementazzjoni taż-żieda fil-prezzijiet fir-Renju Unit u r-rilevanza ta' din iż-żieda fuq id-differenza meħtieġa bejn il-kwalitajiet GC u GD

u

–        il-paragun ma' l-aspettattivi ta' l-ordnijiet magħmula għal kull grupp nazzjonali." (It-tieni paragrafu tal-punt 50 tal-premessi.) [traduzzjoni mhux uffiċjali]

206    Għandu jiġi aċċettat li din id-deskrizzjoni tal-kontenut tad-dokument hija, fl-essenza tagħha, korretta. Madankollu, il-Kummissjoni ma tinvoka l-ebda element ta' prova in sostenn ta' l-affermazzjoni tagħha li l-Anness 70 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti jista' jitqies "bħala indizju tan-natura vera tad-deliberazzjonijiet ta' dan il-korp" (l-aħħar paragrafu tal-punt 130 tal-premessi tad-Deċiżjoni). Barra minn hekk, Stora tiddikjara li: "Il-JMC inħoloq fl-aħħar tas-sena 1987, żamm l-ewwel laqgħa tiegħu fil-bidu tas-sena 1988 u b'effett minn din id-data ħa parti mill-funzjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku. Il-funzjonijiet l-oħra tal-Kumitat Ekonomiku ttieħdu mill-Kumitat ta' l-Istatistika". (Punt 13 ta' l-Anness 39 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti.) Għaldaqstant, minn ta' l-anqas fir-rigward tal-perijodu li beda fil-bidu ta' l-1988, l-uniku perijodu li matulu Prat Carton ipparteċipat fil-laqgħat tal-Kumitat Ekonomiku, id-dikjarazzjonijiet ta' Stora ma fihom l-ebda element li jsostni l-allegazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-allegat skop antikompetittiv tad-deliberazzjonijiet ta' dan il-korp. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni lanqas ma tinvoka elementi ta' prova li jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-parteċipanti fil-laqgħat tal-Kumitat Ekonomiku kienu informati dwar in-natura preċiża tal-laqgħat tal-JMC, organu li lilu kien jirrapporta l-Kumitat Ekonomiku. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li xi parteċipanti fil-laqgħat tal-Kumitat Ekonomiku, li ma kinux simultanjament jieħdu sehem fil-laqgħat tal-JMC, ma kinux jaf dwar l-użu preċiż magħmul mill-JMC tar-rapporti elaborati mill-Kumitat Ekonomiku.

207    Għaldaqstant, l-Anness 70 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti ma jistabbilixxix in-natura vera tad-diskussjonijiet miżmuma waqt il-laqgħat tal-Kumitat Ekonomiku.

(ii) Laqgħa tal-Kumitat Ekonomiku tat-3 ta’ Ottubru 1989

208    Il-kontenut tal-laqgħa tal-Kumitat Ekonomiku tat-3 ta' Ottubru 1989 jirriżulta mill-Anness 70 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti. Il-kwistjoni li tqum hija jekk il-parteċipazzjoni ta' Prat Carton f'din il-laqgħa tikkostitwixxix prova suffiċjenti tal-parteċipazzjoni tagħha fi vjolazzjoni ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat.

209    Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li d-diskussjonijiet dwar il-prezzijiet li nżammu waqt l-imsemmija seduta kienu jikkonċernaw ir-reazzjonijiet tal-klijenti għaż-żieda fil-prezzijiet tal-kartun GC, applikata mill-parti l-kbira tal-produtturi ta' dan il-kartun b'effett mill-1 ta' Ottubru 1989, wara li ġiet imħabbra fis-suq xi xhur qabel. Skond il-Kummissjoni, din iż-żieda fil-prezzijiet ikkonċernat ukoll il-karton SBS iżda mhux il-kartun GD. Fir-rigward tad-diskussjonijiet matul il-laqgħa in kwistjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li dawn kienu marru oltre dak li huwa permess mir-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, b'mod partikolari fejn ġie kkonstatat li kien ikun "żball jekk ma jibqax jiġi applikat il-livell ta' prezz rilevanti, u diġà stabbilit, fir-rigward tal-kwalità GC […]". Fil-fatt, billi espremew b'dan il-mod ir-rieda komuni li jiġi applikat b'mod strett il-livell il-ġdid tal-prezzijiet tal-kartun GC, il-produtturi ma ddeterminawx b'mod awtonomu l-politika li huma kellhom l-intenzjoni jsegwu fis-suq, b'tali mod li ppreġudikaw il-prinċipji inerenti fid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 173). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

210    Madankollu, m'hemm xejn li jippermetti li jiġi kkunsidrat li Prat Carton ipparteċipat f'kollużjoni dwar iż-żieda fil-prezzijiet ta' Ottubru 1989 qabel l-implementazzjoni tagħha u li, barra minn hekk, hija attwalment wettqet żieda tal-prezzijiet tagħha tal-kartun GC f'dan iż-żmien. F'dan ir-rigward, mit-tweġibiet mogħtija mir-rikorrenti għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza jirriżulta li aktar minn 80% tal-produzzjoni ta' Prat Carton fl-1989 kienet komposta mill-kartun GD li ma kienx milqut miż-żieda fil-prezzijiet in kwistjoni. Barra minn hekk, il-laqgħa tal-Kumitat Ekonomiku ta' Ottubru 1989 inżammet madwar tmien xhur qabel l-ewwel parteċipazzjoni pprovata ta' Prat Carton f'laqgħa tal-JMC, wieħed mill-korpi li, skond id-Deċiżjoni, kien jifforma, flimkien mal-PWG, il-post fejn inżammu d-diskussjonijiet prinċipali bi skop antikompetittiv.

211    Fid-dawl ta' dawn il-fatturi, ma jistax jiġi eskluż li r-rappreżentant jew ir-rappreżentanti ta' Prat Carton fil-laqgħa tal-Kumitat Ekonomiku tat-3 ta' Ottubru 1989 setgħtu ma kinux konxji tal-kuntest li fih kienu qegħdin jinżammu d-diskussjonijiet dwar il-prezzijiet. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta' provi dwar l-imġiba tagħha fis-suq fir-rigward tal-prezzijiet matul il-perijodu rilevanti, huwa possibbli li Prat Carton ikkunsidrat li d-diskussjonijiet ma kinux jikkonċernaw is-sitwazzjoni individwali tagħha. Għaldaqstant, safejn il-kontenut tal-laqgħa tal-Kumitat Ekonomiku tat-3 ta' Ottubru 1989 seta' kellu karattru eċċezzjonali għal Prat Carton, din l-impriża ma tistax tiġi akkużata li ma begħditx lilha nfisha pubblikament mill-kontenut tad-diskussjonijiet ta' din il-laqgħa.

212    Fit-tieni lok, l-ebda parti ta' l-Anness 70 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti ma tistabbilixxi li fil-fatt seħħew id-diskussjonijiet li allegatament wasslu għall-programmazzjoni, għall-futur, abbażi ta' kollużjoni, ta' perijodi ta' waqfien ta' l-fabbriki. Fil-fatt, ir-referenzi kollha għal perijodi ta' waqfien preċiżi li jinsabu f'dan l-anness huma għal fatti storiċi. Ċertament, id-dokument fih parti dwar l-użu futur tal-fabbriki: "Fil-każ li s-sitwazzjoni ħażina ta' l-ordnijiet riċevuti u tal-kapaċità tal-magni tippersisti, wieħed faċilment jifhem li għandu jiġi kkunsidrat waqfien tal-produzzjoni skond id-domanda." ["Bei anhaltend schlechtem Auftragseingang und schlechter Belegung ist es naheliegend, entsprechend dem Marktbedarf ein Abstellen zu überlegen."] [traduzzjoni mhux uffiċjali] Madankollu, minħabba li l-parteċipazzjoni ta' Prat Carton fil-laqgħa tal-Kumitat Ekonomiku in kwistjoni ma tipprovax, għar-raġunijiet imsemmija aktar 'il fuq, il-parteċipazzjoni tagħha f'kollużjoni dwar il-prezzijiet, din il-parteċipazzjoni lanqas ma tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-parteċipazzjoni tagħha f'kollużjoni dwar il-perijodi ta' waqfien. Ma jistax jiġi kkunsidrat li s-sempliċi riferiment għall-eventwali ħtieġa li fil-futur jiġi implementat waqfien jippreġudika r-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni peress li, minn ta' l-anqas għall-impriżi li ma pparteċipawx f'kollużjoni dwar il-prezzijiet, dan ir-riferiment jista' jikkorrispondi għas-sempliċi konstatazzjoni oġġettiva tal-kundizzjonijiet eżistenti tas-suq.

213    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-parteċipazzjoni ta' Prat Carton fil-laqgħa tal-Kumitat Ekonomiku tat-3 ta' Ottubru 1989 ma tikkostitwixxix prova biżżejjed tal-parteċipazzjoni tagħha fi vjolazzjoni ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat.

(ċ) Dikjarazzjoni ta’ Stora dwar it-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-impriżi mhux preżenti fil-laqgħat

214    Fid-dikjarazzjoni tagħha invokata mill-Kummissjoni (Anness 38 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti, p.2), Stora tipprovdi indikazzjonijiet dwar il-produtturi li kienu ġew informati bir-riżultati tal-laqgħat tal-PWG: "Il-produtturi ta' Stora jemmnu li l-produtturi Spanjoli kienu ġeneralment informati minn Saffa jew minn Finnboard. Il-produtturi Spanjoli l-oħra li huma membri tal-GP Paperboard huma: Papelera del Centra SA, Prat Carton SA, Romani Esteve SA, Sarrió SA u Tampella Espanola SA." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

215    Kif jirriżulta b'mod ċar mit-termini ta' din id-dikjarazzjoni, Stora qiegħda sempliċement issostni twemmin li Prat Carton kienet ġiet informata bir-riżultati tal-laqgħa tal-PWG. Barra minn hekk, il-bażi ta' dan it-twemmin mhijiex indikata. F'dawn iċ-ċirkustanzi, din id-dikjarazzjoni ma tistax tikkostitwixxi l-prova ta' parteċipazzjoni ta' Prat Carton fi vjolazzjoni ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat. Din il-konklużjoni għandha tintlaħaq aktar u aktar fid-dawl tal-fatt li l-allegazzjonijiet ta' Stora jirreferu għal diversi impriżi oħra membri tal-PG Paperboard li fid-Deċiżjoni mhumiex meqjusa bħala parteċipanti fi kwalunkwe vjolazzjoni.

(d) Parteċipazzjoni ta’ Prat Carton fil-laqgħat tal-JMC

216    Il-Kummissjoni ssostni li mhuwiex ipprovat li Prat Carton ma pparteċipatx fil-laqgħat tal-JMC qabel Ġunju 1989 peress li ma teżisti l-ebda traċċa uffiċjali tal-parteċipazzjoni ta' diversi impriżi f'dawn il-laqgħat qabel l-investigazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni.

217    Madankollu, l-oneru tal-prova ta' l-eżistenza ta' vjolazzjoni ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat min-naħa ta' Prat Carton jaqa' fuq il-Kummissjoni. Għaldaqstant, is-sempliċi allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-allegata parteċipazzjoni ta' Prat Carton f'laqgħat tal-JMC matul il-perijodu in kwistjoni mhumiex fondati.

(e) Konklużjoni dwar il-perijodu in kwistjoni

218    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-elementi ta' prova invokati mill-Kummissjoni, anki meta jitqiesu fl-intier tagħhom, ma jistabbilixxux parteċipazzjoni ta' Prat Carton fi vjolazzjoni ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat matul il-perijodu bejn nofs l-1986 u Ġunju 1990.

2. Perijodu minn Ġunju 1990 sa Frar 1991

219    Mhuwiex ikkontestat li Prat Carton ipparteċipat fi tliet laqgħat tal-JMC matul il-perijodu kkunsidrat, jiġifieri dawk tas-27 u t-28 ta' Ġunju 1990, ta' l-4 ta' Settembru 1990 u tat-8 u d-9 ta' Ottubru 1990. Fir-rigward ta' l-imġiba attwali ta' Prat Carton fis-suq, il-Kummissjoni tqis li għandha elementi ta' prova ta' natura tali li jipprovaw li din l-impriża ħadet sehem fiż-żieda tal-prezzijiet miftiehma ta' Jannar 1991, l-unika żieda fil-prezzijiet implementata matul dan il-perijodu.

220    Fid-dawl ta' dawn l-elementi, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni ta' jekk il-parteċipazzjoni ta' Prat Carton fit-tliet elementi kostitwenti tal-vjolazzjoni matul l-imsemmi perijodu hijiex stabbilita b'mod suffiċjenti mill-Kummissjoni.

(a) Fuq il-partiċipazzjoni ta’ Prat Carton f'kollużjoni dwar il-prezzijiet

221    Skond il-Kummissjoni, sa mill-bidu, l-iskop prinċipali tal-JMC kien li:

–        "jiddetermina jekk, u, fl-affermattiv, kif, setgħu jiġu implementati ż-żidiet fil-prezzijiet, u li jirrapporta dwar il-konklużjonijiet tiegħu lill-PWG,

–        jiddefinixxi d-dettalji ta' l-inizjattivi dwar il-prezzijiet deċiżi mill-PWG pajjiż b'pajjiż u għall-klijenti prinċipali bil-għan li tiġi stabbilita sistema ta' prezzijiet ekwivalenti (jiġifieri uniformi) fl-Ewropa […]" (l-aħħar paragrafu tal-punt 44 tal-premessi tad-Deċiżjoni). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

222    B'mod aktar partikolari, il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel u fit-tieni paragrafi tal-punt 45 tal-premessi tad-Deċiżjoni, li:

"Dan il-kumitat kien jeżamina suq b'suq il-mod kif iż-żidiet fil-prezzijiet deċiżi mill-PWG kellhom jiġu implementati minn kull produttur. L-aspetti prattiċi ta' l-applikazzjoni taż-żidiet ippjanati kienu jiġu diskussi matul il-laqgħat fejn kull parteċipant kellu l-opportunità jagħmel il-kummenti tiegħu dwar iż-żieda proposta.

Id-diffikultajiet iffaċjati fl-implementazzjoni ta' żidiet fil-prezzijiet deċiżi mill-PWG jew il-każijiet fejn individwi ma riedux jikkooperaw kienu jiġu rrapportati lill-PWG, li mbagħad kien (kif iddikjarat Stora) ikollu 'jikseb il-livell ta' kooperazzjoni li kien jidhirlu meħtieġ'. Il-JMC kien jagħmel rapporti separati għall-kwalitajiet GC u GD. Meta l-PWG kien jibdel deċiżjoni fir-rigward ta' prezzijiet abbażi tar-rapporti mibgħuta mill-JMC, il-miżuri li kellhom jittieħdu sabiex tiġi applikata d-deċiżjoni in kwistjoni kienu jiġu diskussi fil-laqgħa ta' wara tal-JMC." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

223    Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ġustament tirreferi, in sostenn ta' dawn l-indikazzjonijiet dwar is-suġġett tal-laqgħat tal-JMC, għad-dikjarazzjonijiet ta' Stora (Annessi 35 u 39 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti).

224    Barra minn hekk, anke jekk il-Kummissjoni m'għandha l-ebda minuti uffiċjali ta' laqgħa tal-JMC, hija kisbet, mingħand Mayr-Melnhof u Rena, ċerti noti interni dwar il-laqgħat tas-6 ta' Settembru 1989, tas-16 ta' Ottubru 1989 u tas-6 ta' Settembru 1990 (Annessi 117, 109 u 118 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti). Dawn in-noti, li l-kontenut tagħhom huwa deskritt fil-punti 80, 82 u 87 tal-premessi tad-Deċiżjoni, jiddeskrivu d-diskussjonijiet dettaljati li saru matul dawn il-laqgħat dwar l-inizjattivi miftiehma fir-rigward tal-prezzijiet. Għaldaqstant, dawn in-noti jikkostitwixxu elementi ta' prova li jikkorroboraw b'mod ċar id-deskrizzjoni tal-funzjonijiet tal-JMC mogħtija minn Stora.

225    F'dan ir-rigward, huwa biżżejjed li, bħala eżempju, isir riferiment għan-nota miksuba mingħand Rena dwar il-laqgħa tal-JMC tas-6 ta' Settembru 1990 (Anness 118 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti) u li fiha huwa indikat, b'mod partikolari:

"Żieda fil-prezzijiet ser tiġi mħabbra l-ġimgħa d-dieħla f’Settembru.

         Franza                                     40 FF

         L-Olanda                            14 NLG

         Il-Ġermanja                            12 DM

         L-Italja                                     80 LIT

         Il-Belġju                            2.50 BFR

         L-Iżvizzera                            9 FS

         Ir-Renju Unit                            40 GBP

         L-Irlanda                            45 IRL

Il-kwalitajiet kollha għandhom ikunu s-suġġett ta' l-istess żieda, GD, UD, GT, GC etċ.

Żieda waħda fil-prezzijiet kull sena.

Għall-kunsinni wara s-7 ta' Jannar.

Mhux aktar tard mill-31 ta' Jannar.

Ittra ta' l-14 ta' Settembru b'żieda fil-prezzijiet (Mayr-Melnhof).

19 ta' Settembru: Feldmühle tibgħat l-ittra tagħha.

Cascades qabel l-aħħar ta' Settembru.

Kollha għandhom jibagħtu l-ittra tagħhom qabel it-8 ta' Ottubru." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

226    Kif il-Kummissjoni tispjega fil-punti 88 sa 90 tal-premessi tad-Deċiżjoni, hija kienet ukoll f'pożizzjoni li tikseb dokumenti interni li abbażi tagħhom jista' jiġi konkluż li l-impriżi, u b'mod partikolari dawk imsemmija b'isimhom fl-Anness 118 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti, effettivament ħabbru u implementaw iż-żidiet fil-prezzijiet miftiehma.

227    Anki jekk id-dokumenti invokati mill-Kummissjoni jikkonċernaw biss numru żgħir tal-laqgħat tal-JMC li saru matul il-perijodu kopert mid-Deċiżjoni, id-dokumenti ta' prova kollha disponibbli jikkorroboraw l-indikazzjoni ta' Stora li l-iskop prinċipali tal-JMC kien li jiddetermina u li jippjana l-implementazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet miftiehma. F'dan ir-rigward, in-nuqqas kważi totali ta' minuti, uffiċjali jew interni, tal-laqgħat tal-JMC għandu jitqies bħala prova suffiċjenti ta' l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-impriżi li ħadu sehem fil-laqgħat kienu għamlu l-aħjar li setgħu sabiex jaħbu n-natura vera tad-diskussjonijiet li saru fi ħdan dan il-korp (ara, b'mod partikolari, il-punt 45 tal-premessi tad-Deċiżjoni). F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-piż tal-prova nqaleb u huma l-impriżi destinatarji tad-Deċiżjoni li ħadu sehem fil-laqgħat ta' dan il-korp li għandhom jipprovaw li dan il-korp kellu skop leġittimu. Peress li dawn l-impriżi ma ressqux prova bħal din, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li d-diskussjonijiet li fihom ħadu sehem l-impriżi matul il-laqgħat ta' dan il-korp kellhom skop prinċipalment antikompetittiv.

228    Fir-rigward tal-pożizzjoni individwali ta' Prat Carton, il-parteċipazzjoni tagħha fi tliet laqgħat tal-JMC matul perijodu ta' madwar tmien xhur għandha, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u minkejja n-nuqqas ta' dokumenti ta' prova dwar id-diskussjonijiet li saru matul dawn it-tliet laqgħat, tiġi kkunsidrata bħala prova suffiċjenti tal-parteċipazzjoni tagħha, matul dan il-perijodu, fil-kollużjoni dwar il-prezzijiet.

229    Din il-konklużjoni hija kkorroborata mid-dokumenti invokati mill-Kummissjoni, dwar l-imġiba attwali ta' Prat Carton fir-rigward tal-prezzijiet. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li żieda fil-prezzijiet għall-kwalitajiet kollha ta' kartun kienet ġiet deċiża fil-bidu ta' Settembru 1990 u mħabbra mid-diversi impriżi matul ix-xhur ta' Settembru u Ottubru 1990, kif jirriżulta mill-Anness 118 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti, iċċitat aktar 'il fuq. Din iż-żieda kellha tidħol fis-seħħ, fil-pajjiżi kollha kkonċernati, f'Jannar 1991.

230    F'faks mibgħuta minn Prat Carton, tas-26 ta' Settembru 1990 (dokument G-15-8), huwa indikat b'mod partikolari li:

"Aħna għandna l-intenzjoni li nżidu l-prezzijiet fil-pajjiżi kollha b'effett minn Jannar 1991.

Fir-rigward ta' Franza, għandha qegħdin nippjanaw żieda ta' 400 FF għal kull tunnellata għall-kwalitajiet kollha." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

231    Anki jekk din il-faks issemmi biss l-ammont preċiż taż-żieda fil-prezzijiet prevista għal pajjiż wieħed, hija tipprova li Prat Carton ħabbret żidiet fil-prezzijiet skond id-deċiżjonijiet meħuda, skond l-Anness 118 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti, fi ħdan il-JMC. F'dan il-kuntest, iż-żidiet imsemmija fl-Anness 118 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti ma jikkonċernawx, għall-pajjiżi kollha in kwistjoni, l-istess volumi ta' bejgħ u ż-żieda msemmija għall-Franza, ta' 40 FF, tikkorrispondi għal żieda fil-prezzijiet għal kull 100 kg. Barra minn hekk, minkejja li hemm qbil li mid-dokumenti F-15-9 u G-15-7, faksijiet skambjati bejn Prat Carton u impriżi Brittanika lejn l-aħħar ta' Frar u l-bidu ta' Marzu 1991, jirriżulta li Prat Carton finalment żiedet il-prezzijiet tagħha fir-Renju Unit f'April 1991, posponiment bħal dan tad-data ta' implementazzjoni taż-żieda fil-prezzijiet f'wieħed mill-pajjiżi kkonċernati ma jistax jaffettwa l-valur probatorju tad-dokument G-15-8, imsemmi aktar 'il fuq, fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta' Prat Carton fiż-żieda fil-prezzijiet miftiehma minn Jannar 1991. Dan ir-raġunament japplika aktar u aktar meta wieħed jikkunsidra li ż-żieda fil-prezzijiet implementata minn Prat Carton fis-suq Brittaniku ammontat, skond id-dokument F-15-9, għal 35 sa 45 GBP/t, ammont li huwa viċin l-ammont ta' 40 GBP indikat fl-Anness 118 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti.

232    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li l-Kummissjoni pprovat li Prat Carton ipparteċipat fil-kollużjoni dwar il-prezzijiet matul il-perijodu bejn Ġunju 1990 u Frar 1991.

(b) Fuq il-parteċipazzjoni ta’ Prat Carton f’kollużjoni dwar il-perijodi ta' waqfien

233    Diġà ġie aċċettat li l-Kummissjoni pprovat li l-impriżi preżenti fil-laqgħat tal-PWG ipparteċipaw, mill-aħħar ta' l-1987, f'kollużjoni dwar il-perijodi ta' waqfien tal-fabbriki u li perijodi ta' waqfien kienu effettivament applikati mill-1990.

234    Skond id-Deċiżjoni, l-impriżi li pparteċipaw fil-laqgħat tal-JMC ħadu sehem ukoll f'din il-kollużjoni.

235    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tindika, b'mod partikolari, li:

"Minbarra s-sistema ġestita minn Fides, li kienet tipprovdi informazzjoni globali, kienet prattika regolari li kull produttur jikxef il-livell ta' ordnijiet b'lura tiegħu quddiem il-kompetituri tiegħu matul il-laqgħat tal-JMC.

L-informazzjoni dwar l-ordnijiet espressa fi ġranet ta' xogħol kienet isservi għal żewġ skopijiet:

–        sabiex jiġi deċiż jekk il-kundizzjonijiet kinux propizji għall-implementazzjoni ta' żieda fil-prezzijiet miftiehma.

–        sabiex jiġu ddeterminati l-perijodi ta' waqfien meħtieġa sabiex jinżamm il-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda […]." (It-tielet u r-raba' paragrafi tal-punt 69 tal-premessi tad-Deċiżjoni.) [traduzzjoni mhux uffiċjali]

236    Il-Kummissjoni tosserva wkoll li:

"Madankollu, il-PWG ma indikax formalment il-perijodi ta' waqfien li kellhom jiġu mħarsa minn kull produttur. Skond Stora, l-istabbiliment ta' pjan ikkoordinat dwar il-waqfien tal-produzzjoni li jkopri l-produtturi kollha qajjem diffikultajiet ta' natura prattika. Stora tindika li din hija r-raġuni għaliex teżisti biss 'sistema laxka ta' inkoraġġiment' (it-tieni dikjarazzjoni ta' Stora, p. 15).

Jidher li għal darb'oħra kienu l-produtturi prinċipali li ħadu r-responsabbiltà għat-tnaqqis tal-produzzjoni sabiex jinżammu l-livelli tal-prezzijiet.

Il-minuti mhux uffiċjali ta' żewġ laqgħat tal-JMC li saru rispettivament f'Jannar 1990 (premessa 84) u f'Settembru 1990 (premessi 87), kif ukoll dokumenti oħra (premessi 94 u 95), jikkonfermaw, madankollu, li, fil-kuntest ta' PG Paperboard, il-produtturi l-kbar kienu kontinwament iżommu lill-kompetituri iżgħar tagħhom informati dwar il-pjanijiet tagħhom li japplikaw perijodi ta' waqfien addizzjonali sabiex jevitaw tnaqqis fil-prezzijiet." (Punt 71 tal-premessi tad-Deċiżjoni.) [traduzzjoni mhux uffiċjali]

237    Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ġustament tirreferi għat-tieni dikjarazzjoni ta' Stora (punt 15 ta' l-Anness 39 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti) in sostenn ta' l-affermazzjoni tagħha li, għalkemm il-PWG ma kienx jindika formalment il-perijodi ta' waqfien li kellhom jiġu rispettati minn kull produttur, kienet madankollu teżisti 'sistema laxka ta' inkoraġġiment' b'dan l-iskop.

238    Fir-rigward ta' l-impriżi li ħadu sehem fil-laqgħat tal-JMC, id-dokumenti ta' prova dwar dawn il-laqgħat (Annessi 109, 117 u 118 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti, iċċitati aktar 'il fuq) jikkonfermaw li saru diskussjonijiet dwar perijodi ta' waqfien fil-kuntest tal-preparazzjoni ta' żidiet fil-prezzijiet miftiehma. Kif diġà ġie osservat (ara l-punt 104 aktar 'il fuq), l-Anness 118 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti jsemmi l-ordnijiet b'lura għal diversi produtturi u josserva li ċerti produtturi kienu qegħdin jipprevedu perijodi ta' waqfien. Barra minn hekk, minkejja li l-Annessi 109 u 117 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti ma fihomx indikazzjonijiet li jikkonċernaw direttament il-perijodi ta' waqfien previsti, dawn l-annessi jirrivelaw li l-istat ta' l-ordnijiet b'lura u l-istat ta' l-ordnijiet ġodda kienu ġew diskussi matul il-laqgħat in kwistjoni.

239    Dawn id-dokumenti, meta jinqraw flimkien tad-dikjarazzjonijiet ta' Stora, jikkostitwixxu prova suffiċjenti tal-parteċipazzjoni f'kollużjoni dwar il-perijodi ta' waqfien mill-produtturi rrappreżentati fil-laqgħat tal-JMC. Fil-fatt, safejn l-azzjoni miftiehma dwar il-prezzijiet imħabbra kellha l-iskop li żżid il-prezzijiet ta' tranżazzjoni (ara l-punti 48 sa 61 aktar 'il fuq), l-impriżi li ħadu sehem fil-kollużjoni dwar il-prezzijiet neċessarjament kienu konxji li l-eżami ta' l-istat ta' l-ordnijiet b'lura u ta' l-ordnijiet ġodda kif ukoll id-diskussjonijiet dwar l-eventwali perijodi ta' waqfien ma kinux intiżi biss sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet fis-suq kinux propizji għal żieda fil-prezzijiet miftiehma iżda wkoll sabiex jiġi ddeterminat jekk il-perijodi ta' waqfien tal-fabbriki kinux meħtieġa sabiex jiġi evitat li l-livell ta' prezzijiet miftiehem ma jiġix ippreġudikat minn provvista eċċessiva. B'mod partikolari, mill-Anness 118 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti jirriżulta li l-parteċipanti fil-laqgħa tal-JMC tas-6 ta' Settembru 1990 ftiehmu dwar it-tħabbir ta' żieda imminenti fil-prezzijiet, minkejja li diversi produtturi kienu ddikjaraw li kienu lesti li jwaqqfu l-produzzjoni tagħhom. Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet tas-suq kienu tali li l-applikazzjoni effettiva ta' eventwali żieda fil-prezzijiet kienet probabbilment teħtieġ li jkunu applikati perijodi ta' waqfien (addizzjonali), u din hija għaldaqstant konsegwenza aċċettata, minn ta' l-anqas b'mod impliċitu, mill-produtturi.

240    Fuq din il-bażi, u mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-elementi ta' prova l-oħra invokati mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni (Annessi 102, 113, 130 u 131 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti), għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni pprovat li l-impriżi li ħadu sehem fil-laqgħat tal-JMC u fil-kollużjoni dwar il-prezzijiet ħadu sehem f'kollużjoni dwar il-perijodi ta' waqfien.

241    Għaldaqstant, Prat Carton għandha titqies li ħadet sehem, matul il-perijodu bejn Ġunju 1990 u Frar 1991, f'kollużjoni dwar il-perijodi ta' waqfien.

(ċ) Fuq il-parteċipazzjoni ta’ Prat Carton f’kollużjoni dwar l-ishma fis-suq

242    Diġà ġie aċċettat li l-Kummissjoni pprovat li l-impriżi preżenti fil-laqgħat tal-PWG ipparteċipaw, mill-aħħar ta' l-1987, f'kollużjoni dwar l-ishma fis-suq (ara l-punti 84 sa 114 aktar 'il fuq).

243    In sostenn ta' l-affermazzjoni tagħha li l-impriżi li ma ħadux sehem fil-laqgħat tal-PWG ħadu sehem ukoll fil-kollużjoni f'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tindika, fid-Deċiżjoni, li:

"Għalkemm il-produtturi tal-kartun l-oħra li attendew għal-laqgħat tal-JMC tħallew fil-moħbi dwar id-diskussjonijiet dettaljati dwar l-ishma fis-suq li saru fil-PWG, huma madankollu kienu perfettament informati, fil-kuntest tal-politika li l-"prezz jiġi stabbilit indipendentament mill-kwantità" li kollha kienu jagħmlu parti minnha, dwar il-ftehim ġenerali konkluż bejn il-produtturi prinċipali sabiex jinżammu 'livelli ta' provvista kostanti' u, mingħajr dubju, dwar il-ħtieġa li jadattaw l-imġiba tagħhom stess għal dan il-ftehim." (L-ewwel paragrafu tal-punt 58 tal-premessi tad-Deċiżjoni.) [traduzzjoni mhux uffiċjali]

244    Għalkemm ma jirriżultax b'mod espress mid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkonferma, fuq dan il-punt, id-dikjarazzjonijiet ta' Stora li:

"Produtturi oħra li ma pparteċipawx fil-PWG ma kinux jiġu informati, bħala regola ġenerali, dwar id-dettalji tad-diskussjonijiet dwar l-ishma fis-suq. Madankollu, fil-kuntest tal-politika li l-prezz jiġi stabbilit indipendentament mill-kwantità, li kienu jipparteċipaw fiha, huma kien imisshom kienu konxji ta' l-akkordju bejn il-produtturi prinċipali intiż sabiex ma jitnaqqsux il-prezzijiet billi jinżammu livelli ta' provvista kostanti.

Fir-rigward tal-provvista [ta' kartun] GC, fi kwalunkwe każ, l-ishma tal-produtturi li ma kinux jipparteċipaw fil-PWG kienu ta' livell tant insinifikanti li la l-parteċipazzjoni u lanqas in-nuqqas ta' parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordji dwar l-ishma fis-suq prattikament ma kellhom l-ebda rilevanza." (Punt 1.2 ta' l-Anness 43 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti.) [traduzzjoni mhux uffiċjali]

245    Għaldaqstant, bħal Stora, il-Kummissjoni bbażat ruħha, prinċipalment, fuq is-suppożizzjoni li, anke fin-nuqqas ta' provi diretti, l-impriżi li ma kinux preżenti għal-laqgħat tal-PWG iżda li fir-rigward tagħhom ġie pprovat li kienu jieħdu sehem fl-elementi kostitwenti l-oħra tal-vjolazzjoni deskritti fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kienu neċessarjament konxji dwar l-eżistenza tal-kollużjoni dwar l-ishma fis-suq.

246    Raġunament bħal dan ma jistax jiġi aċċettat. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ma tinvoka l-ebda element ta' prova li jista' juri li l-impriżi li ma ħadux sehem fil-laqgħat tal-PWG ħadu sehem fi ftehim ġenerali li jipprovdi, b'mod partikolari, għall-iffriżar ta' l-isfhma fis-suq tal-produtturi prinċipali.

247    Fit-tieni lok, is-sempliċi fatt li l-imsemmija impriżi ħadu sehem f'kollużjoni dwar il-prezzijiet u fil-kollużjoni dwar il-perijodi ta' waqfien ma jistabbilixxix li ħadu sehem ukoll f'kollużjoni dwar l-ishma fis-suq. F'dan ir-rigward, il-kollużjoni dwar l-ishma fis-suq ma kinitx, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, intrinsikament marbuta mal-kollużjoni dwar il-prezzijiet u/jew mal-kollużjoni dwar il-perijodi ta' waqfien. Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-kollużjoni dwar l-ishma fis-suq tal-produtturi prinċipali li kienu jiltaqgħu fi ħdan il-PWG kienet intiża, skond id-Deċiżjoni (ara l-punti 78 sa 80 aktar 'il fuq), sabiex iżżomm l-ishma fis-suq f'livell kostanti, b'bidliet okkażjonali, anki matul il-perijodi li matulhom il-kundizzjonijiet tas-suq, u b'mod partikolari l-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda, kienu tali li l-ebda regolazzjoni tal-produzzjoni ma kienet meħtieġa sabiex tiġi ggarantita l-implementazzjoni effettiva taż-żidiet fil-prezzijiet miftiehma. Minn dan isegwi li l-eventwali parteċipazzjoni fil-kollużjoni dwar il-prezzijiet u/jew f'dik dwar il-perijodi ta' waqfien ma tipprovax li l-impriżi li ma ħadux sehem fil-laqgħat tal-PWG ipparteċipaw fil-kollużjoni dwar l-ishma fis-suq, u lanqas li huma kellhom jew kien imissu kellhom għarfien dwarha.

248    Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li fit-tieni u fit-tielet paragrafi tal-punt 58 tal-premessi tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tinvoka, bħala element ta' prova addizzjonali ta' l-affermazzjoni in kwistjoni, l-Anness 102 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti, li huwa nota miksuba mingħand Rena dwar, skond id-Deċiżjoni, laqgħa speċjali tan-NPI li nżammet fit-3 ta' Ottubru 1988. F'dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, minn naħa, li r-rikorrenti ma kinitx membru tan-NPI u, min-naħa l-oħra, li r-riferiment, f'dan id-dokument, għall-eventwali ħtieġa li jiġu applikati perijodi ta' waqfien, ma jistax, għar-raġunijiet diġà invokati, jikkostitwixxi l-prova ta' kollużjoni dwar l-ishma fis-suq.

249    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni ma pprovatx li Prat Carton ħadet sehem f'kollużjoni dwar l-ishma fis-suq fir-rigward tal-perijodu bejn Ġunju 1990 u Frar 1991.

3. Konklużjonijiet dwar il-parteċipazzjoni ta’ Prat Carton fi vjolazzjoni ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat qabel inkisbet mir-rikorrenti fi Frar 1991

250    Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni pprovat li Prat Carton ipparteċipat, matul il-perijodu ta' bejn Ġunju 1990 u Frar 1991, f'kollużjoni dwar il-prezzijiet kif ukoll f'kollużjoni dwar il-perijodi ta' waqfien. Madankollu, il-parteċipazzjoni ta' Prat Carton fil-kollużjoni dwar l-ishma fis-suq matul dan l-istess perijodi mhijiex stabbilita b'mod suffiċjenti. Finalment, għall-perijodi preċedenti, jiġifieri min-nofs l-1986 sa Ġunju 1990, il-Kummissjoni ma pprovatx il-parteċipazzjoni ta' Prat Carton fl-elementi kostitwenti tal-vjolazzjoni.

 Fuq it-talba għall-annulament ta’ l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni

 L-argumenti tal-partijiet

251    Ir-rikorrenti tinvoka motiv ibbażat fuq illegalità tal-projbizzjoni fir-rigward ta' l-iskambji futuri ta' informazzjoni. Hija tosserva li la l-Artikolu 1 u lanqas l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ma jikkonċernaw l-ewwel sistema ta' skambju ta' informazzjoni ta' l-assoċjazzjoni kummerċjali CEPI-Cartonboard (aktar 'il quddiem "CEPI"), imsemmija fil-punti 105, 106 u 166 tal-premessi tad-Deċiżjoni, Issa, il-projbizzjoni fir-rigward ta' l-iskambji futuri ta' informazzjoni tipprekludi wkoll l-istabbiliment fil-futur, minn CEPI u l-membri tagħha, fosthom ir-rikorrenti, ta' sistemi ġodda ta' skambju ta' informazzjoni ħlief is-sistema preċiża nnotifikata minn CEPI lill-Kummissjoni fl-aħħar ta' l-1993, sistema li barra minn hekk mhijiex imsemmija fid-Deċiżjoni.

252    Barra minn hekk, sistemi ta' skambju ta' informazzjoni li mhumiex intiżi sabiex jilħqu riżultati projbiti, bħalma huma l-iffissar tal-prezzijiet jew l-azzjoni miftiehma dwar il-kwantitajiet, qatt ma ġew ikkunsidrati, fil-prattika preċedenti tal-Kummissjoni, bħala illegali sakemm ma kinux jinvolvu l-iskambju ta' informazzjoni individwali u kunfidenzjali. Ir-rikorrenti tenfasizza li l-Kummissjoni, fis-Seba' Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tagħha, tippreċiża li hija ma kellhiex oġġezzjonijiet fundamentali għall-iskambju ta' informazzjoni fil-forma ta' statistika permezz ta' assoċjazzjonijiet kummerċjali jew ta' aġenziji speċjalizzati, anke meta dawn jipprovdu analiżi statistika ta' l-informazzjoni, safejn l-informazzjoni skambjata ma tippermettix l-identifikazzjoni ta' informazzjoni individwali.

253    Għalhekk, dan il-motiv huwa maqsum f'żewġ partijiet. Fl-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li l-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni hija essenzjalment ifformulata b'mod vag u ġenerali ħafna. B'mod partikolari, hija ma tippreċiżax f'liema ċirkustanzi sistema ta' skambju ta' informazzjoni li ma tikkonċernax informazzjoni individwali titqies bħala sistema li tista' tippromwovi azzjoni miftiehma dwar il-prezzijiet jew dwar il-produzzjoni jew li tista' tikkontrolla l-eżekuzzjoni ta' ftehim dwar il-prezzijiet jew id-diviżjoni ta' l-iswieq.

254    Barra minn hekk, l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ma jippreċiżax liema huma l-karatteristiċi li s-sistema għandu jkollha sabiex tissodisfa r-rekwiżiti li hija għandha teskludi a) informazzjoni ppreżentata f'forma globali li tippermetti li "tiġi identifikata l-imġiba ta' produtturi partikolari" (it-tieni paragrafu), b) statistiċi ppreżentati f'forma globali dwar il-produzzjoni u l-bejgħ li jistgħu jintużaw "sabiex tiġi inkoraġġita jew iffaċilitata mġiba komuni fis-settur" (it-tielet paragrafu), u ċ) "kull skambju ta' informazzjoni b'rilevanza għall-kompetizzjoni" kif ukoll "kull laqgħa jew kuntatt bil-għan li jiġi eżaminat is-sinjifikat ta' l-informazzjoni skambjata jew ir-reazzjoni possibbli jew probabbli tas-settur jew ta' produtturi individwali għal din l-informazzjoni" (ir-raba' paragrafu). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

255    Skond ir-rikorrenti, projbizzjonijiet daqstant vagi u ġenerali jidhru li ma jistgħux jiġu implementati u, fi kwalunkwe każ, huma kuntrarji għall-prinċipju ta' ċertezza legali.

256    Fit-tieni parti tal-motiv, ir-rikorrenti tikkontesta l-legalità tal-projbizzjoni, stabbilita fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni, ta' l-iskambji ta' informazzjoni (anke informazzjoni globali) dwar l-istat ta' ordnijiet ġodda u ta' ordnijiet b'lura.

257    Fl-ewwel lok, informazzjoni bħal din tipprovdi biss indikazzjonijiet dwar ix-xejra ġenerali tad-domanda ġenerali u ma tippermettix l-identifikazzjoni ta' xi produttur jew ta' xi pajjiż.

258    Fit-tieni lok, l-iskambju ta' informazzjoni in kwistjoni huwa partikolarment utli, jekk mhux neċessarju, fis-settur tal-kartun.

259    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni qatt ma pprojbiet l-iskambji ta' informazzjoni in kwistjoni. Għall-kuntrarju, hija kkunsidrat bħala newtrali mill-aspett tal-kompetizzjoni l-iskambji ta' informazzjoni dwar il-livell tal-ħażniet, il-prezzijiet fis-suq preżenti u fil-passat, il-konsum, il-kapaċità ta' trasformazzjoni u anke t-tendenzi tal-prezzijiet [ara, b'mod partikolari, il-Komunikazzjoni 87/C 399/07 tal-Kummissjoni, magħmula skond l-Artikolu 19(3) tar-Regolament Nru 17, dwar applikazzjoni għal approvazzjoni negattiva taħt l-Artikolu 85(3) tat-Trattat KEE – Każ Nru IV/32.076 – European Wastepaper Information Service (ĠU 1987, C 339, p. 7, aktar 'il quddiem il-"Komunikazzjoni EWIS") u s-Seba' Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni, punti 5 sa 8].

260    Il-Kummissjoni tosserva li l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ma jikkonċernax is-sistema ta' skambju ta' informazzjoni nnotifikata minn CEPI u suġġetta għall-istudju tas-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni fiż-żmien ta' l-introduzzjoni tar-rikors.

261    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-inġunzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni huma normali peress li hija ma kellhiex il-prova li ntemmet il-vjolazzjoni u peress li l-portata ta' inġunzjonijiet bħal dawn tiddependi mill-imġiba ta' l-impriżi. Safejn jimpedixxu l-parteċipazzjoni f'sistema bi skop jew b'effett identiku jew analogu bħal dik in kwistjoni, dawn l-inġunzjonijiet huma fil-fatt limitati għal applikazzjoni tal-projbizzjoni ġenerali ta' l-Artikolu 85 tat-Trattat (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Ottubru 1994, Fiatagri u New Holland Ford vs Il-Kummissjoni, T-34/92, Ġabra p. II-905). Barra minn hekk, dawn il-projbizzjonijiet huma bbażati fuq l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17 u huma konformi mad-deċiżjonijiet preċedenti approvati mill-Qorti tal-Prim'Istanza.

262    F'din il-kawża, is-sistema ta' skambju ta' informazzjoni kienet ġiet ikkunsidrata bħala essenzjali għall-membri ta' l-akkordju u kienet tippermetti l-kontroll u l-implementazzjoni ta' l-inizjattivi antikompetittivi (punti 61 sa 71 u 134 tal-premessi tad-Deċiżjoni). Barra minn hekk, is-sistema kienet dejjem suxxettibbli li tinkoraġġixxi lill-produtturi jadottaw imġiba antikompetittiva, anki wara l-bidliet introdotti fis-sistema fl-1991 (punt 166 tal-premessi tad-Deċiżjoni). Issa, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni dawn l-elementi, il-karatteristiċi partikolari tas-suq tal-kartun u tas-sitwazzjoni kkaratterizzata mill-eżistenza ta' kartell prattikament assolut fuq is-suq Ewropew sabiex tiġi evalwata l-portata ta' l-inġunzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni. Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-informazzjoni li l-iskambju tagħhom huwa pprojbit hija informazzjoni ġenerali u li l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni jikser il-prinċipju ta' ċertezza legali. Fil-fatt, il-projbizzjoni ta' skambju ta' informazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-informazzjoni msemmija fis-subparagrafi (a), (b) u (ċ) ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 2, mhijiex projbizzjoni ġenerali iżda tikkonċerna biss l-informazzjoni intiża sabiex tiffaċilita jew tippromwovi mġiba antikompetittiva.

263    Fl-aħħar nett, il-Komunikazzjoni EWIS kienet tikkonċerna kuntest ekonomiku kompletament differenti minn dak tal-kartun (punt 3 tal-Komunikazzjoni), b'mod partikolari minħabba li EWIS setgħet tipprovdi biss informazzjoni globali dwar numru ta' membri li kien suffiċjenti sabiex ma jkunx possibbli li tiġi identifikata l-imġiba ta' membru speċifiku (punt 7 tal-Komunikazzjoni).

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

264    Għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni jipprovdi li:

"L-impriżi msemmija fl-Artikolu 1 għandhom itemmu immedjatament il-vjolazzjonijiet imsemmija, jekk huma m'għamlux dan diġà. Fil-futur, huma għandhom jastjenu, fil-kuntest ta' l-attivitajiet tagħhom fis-settur tal-kartun, minn kull ftehim jew prattika miftiehma li jista' jkollhom għan jew effett identiku jew simili, inkluż kull skambju ta' informazzjoni kummerċjali:

(a)       li permezz tiegħu l-parteċipanti jiġu informati direttament jew indirettament dwar il-produzzjoni, il-bejgħ, l-ordnijiet b'lura, ir-rata ta' użu tal-magni, il-prezzijiet tal-bejgħ, l-ispejjeż jew il-pjanijiet ta' kummerċjalizzazzjoni ta' produtturi oħra;

(b)      li permezz tiegħu, anki jekk ma tiġi kkomunikata l-ebda informazzjoni individwali, jiġu promossi, iffaċilitati jew inkoraġġiti reazzjoni komuni fis-settur fil-qasam tal-prezzijiet jew kontroll tal-produzzjoni

jew

(ċ)      li jippermetti lill-impriżi kkonċernati jsegwu l-eżekuzzjoni jew l-osservanza ta' kull ftehim espress jew taċitu dwar il-prezzijiet jew it-tqassim tas-swieq fil-Komunità.

Kwalunkwe sistema ta' skambju ta' informazzjoni ġenerali li tagħha huma jistgħu jkunu membri, bħalma hija s-sistema Fides jew is-suċċessur tagħha, għandha titmexxa b'mod li jkunu esklużi mhux biss kull informazzjoni li abbażi tagħha tkun tista' tiġi identifikata l-imġiba ta' produtturi partikolari, iżda wkoll kull informazzjoni dwar l-istat ta' l-ordnijiet ġodda u ta' l-ordnijiet b'lura, ir-rata prevista ta' użu tal-kapaċitajiet ta' produzzjoni (anki jekk, fiż-żewġ każijiet, din l-informazzjoni tkun informazzjoni globali) jew il-kapaċità ta' produzzjoni ta' kull magna.

Kull sistema ta' skambju ta' dan it-tip għandha tkun limitata għall-ġbir u għad-distribuzzjoni, f'forma globali, ta' statistiċi dwar il-produzzjoni u l-bejgħ li ma jistgħux jintużaw sabiex tiġi inkoraġġita jew iffaċilitata mġiba komuni fis-settur.

L-impriżi għandhom jastjenu wkoll minn kull skambju ta' informazzjoni b'rilevanza għall-kompetizzjoni minbarra l-iskambji permessi, kif ukoll minn kull laqgħa jew kuntatt bil-għan li jiġi eżaminat is-sinjifikat ta' l-informazzjoni skambjata jew ir-reazzjoni possibbli jew probabbli tas-settur jew ta' produtturi individwali għal din l-informazzjoni.

Huwa preskritt terminu ta' tliet xhur li jiddekorri min-notifika ta' din id-Deċiżjoni sabiex jitwettqu l-bidliet meħtieġa f'kull eventwali sistema ta' skambju ta' informazzjoni." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

265    Kif jirriżulta mill-punt 165 tal-premessi, l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kien ġie adottat b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17. Skond din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni, meta tikkonstata vjolazzjoni, b'mod partikolari, għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 85 tat-Trattat, tista' torbot, permezz ta' deċiżjoni, lill-impriżi kkonċernati sabiex itemmu l-vjolazzjoni kkonstatata.

266    Skond ġurisprudenza stabbilita, l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17 tista' tinvolvi l-projbizzjoni li jitkomplew ċerti attivitajiet, prattiċi jew sitwazzjonijiet li l-illegalità tagħhom kienet ġiet ikkonstatata (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il-Kummissjoni, 6/73 u 7/73, Ġabra p. 223, punt 45, u tas-6 ta' April 1995, RTE u ITP vs Il-Kummissjoni, C-241/91 P u C-242/91 P, Ġabra p. I-743, punt 90), iżda wkoll il-projbizzjoni li fil-futur tiġi adottata mġiba simili (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, T-83/91, Ġabra p. II-755, punt 220).

267    Barra minn hekk, safejn l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17 għandha tiddependi mill-vjolazzjoni kkonstatata, il-Kummissjoni għandha l-poter li tippreċiża l-portata ta' l-obbligi ta' l-impriżi kkonċernati sabiex tintemm l-imsemmija vjolazzjoni. Madankollu, obbligi bħal dawn li jaqgħu fuq l-impriżi m'għandhomx jaqbżu l-limiti ta' dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jinkiseb l-għan mixtieq, jiġifieri li tiġi stabbilita mill-ġdid il-legalità fir-rigward tar-regoli li kienu ġew miksura (sentenza RTE u ITP vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 93; fl-istess sens, ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Ġunju 1995, Langnese-Iglo vs Il-Kummissjoni, T-7/93, Ġabra p. II-1533, punt 209, u Schöller vs Il-Kummissjoni, T-9/93, Ġabra p. II-1611, punt 163).

268    F'din il-kawża, sabiex jiġi vverifikat jekk, kif tallega r-rikorrenti, l-inġunzjoni li tinsab fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni għandhiex portata wiesgħa ħafna, għandha tiġi eżaminata l-portata tad-diversi projbizzjonijiet li din l-inġunzjoni timponi fuq l-impriżi.

269    Fir-rigward tal-projbizzjoni stabbilita fit-tieni sentenza ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 2 li torbot lill-impriżi sabiex fil-futur jastjenu minn kull ftehim jew prattika miftiehma li jista' jkollhom għan jew effett identiku jew analogu għal dak tal-vjolazzjonijiet ikkonstatati fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni, din hija intiża biss sabiex l-impriżi jkunu preklużi milli jirrepetu l-imġiba li l-illegalità tagħha kienet ġiet ikkonstatata. Għaldaqstant, il-Kummissjoni, meta adottat projbizzjoni bħal din, ma qabżitx il-poteri mogħtija lilha mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17.

270    Fir-rigward tas-subparagrafi (a), (b) u (ċ) ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 2, dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi b'mod aktar speċifiku sabiex jipprojbixxu skambji futuri ta' informazzjoni kummerċjali.

271    L-inġunzjoni li tinsab fis-subparagrafu (a) ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 2, li tipprojbixxi kull skambju ta' informazzjoni fil-futur li permezz tiegħu l-parteċipanti jkunu jistgħu jiksbu direttament jew indirettament informazzjoni individwali dwar impriżi kompetituri, tissupponi li l-illegalità, fid-dawl ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat, ta' skambju ta' informazzjoni ta' natura bħal din kienet ġiet ikkonstatata mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni.

272    F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ma jipprovdix li l-iskambju ta' informazzjoni kummerċjali individwali jikkostitwixxi fih innifsu vjolazzjoni ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat.

273    B'mod aktar ġenerali, dan l-artikolu jipprovdi li l-impriżi kisru l-Artikolu 85(1) tat-Trattat billi pparteċipaw fi ftehim u fi prattika miftiehma li permezz tagħhom l-impriżi, b'mod partikolari, "skambjaw informazzjoni kummerċjali dwar kunsinni, prezzijiet, twaqqif ta’ produzzjoni, ordnijiet b’lura u rati ta’ użu ta’ magni sabiex isostnu l-miżuri msemmija hawn fuq".

274    Madankollu, peress li l-parti operattiva tad-Deċiżjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-motivi tagħha (sentenza Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 122), għandu jiġi osservat li t-tieni paragrafu tal-punt 134 tal-premessi tad-Deċiżjoni jindika li:

"L-iskambju mill-produtturi, waqt laqgħat tal-PG Paperboard (prinċipalment f'dawk tal-JMC), ta' informazzjoni kummerċjali individwali normalment kunfidenzjali u sensittiva dwar l-ordnijiet b'lura, il-waqfien ta' magni u r-ritmi ta' produzzjoni kien b'mod ċar kuntrarju għar-regoli tal-kompetizzjoni, peress li l-għan tiegħu kien li jagħmel il-kundizzjonijiet propizji kemm jista' jkun għall-implementazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet […]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

275    Għaldaqstant, peress li l-Kummissjoni debitament ikkunsidrat fid-Deċiżjoni li l-iskambju ta' informazzjoni kummerċjali individwali kien jikkostitwixxi, fih innifsu, vjolazzjoni ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat, il-projbizzjoni ta' skambju ta' informazzjoni bħal dan fil-futur tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17.

276    Fir-rigward tal-projbizzjonijiet dwar l-iskambji ta' informazzjoni kummerċjali msemmija fis-subparagrafi (b) u (ċ) ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni, dawn għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tat-tieni, tat-tielet u tar-raba' paragrafi ta' dan l-istess artikolu, li jsaħħu l-kontenut tagħhom. Fil-fatt, huwa f'dan il-kuntest li għandu jiġi ddeterminat jekk, u fl-affermattiv, safejn, il-Kummissjoni kkunsidrat bħala illegali l-iskambji in kwistjoni, minħabba li l-portata ta' l-obbligi imposti fuq l-impriżi għandha tiġi limitata għal dak li huwa meħtieġ sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid l-legalità ta' l-imġiba tagħhom fir-rigward ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat.

277    Id-Deċiżjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Kummissjoni kkunsidrat lis-sistema Fides bħala kuntrarja għall-Artikolu 85(1) tat-Trattat minħabba li ssostni l-akkordju kkonstatat (it-tielet paragrafu tal-punt 134 tal-premessi tad-Deċiżjoni). Interpretazzjoni bħal din hija kkorroborata mill-kliem ta' l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni li minnu jirriżulta li l-informazzjoni kummerċjali kienet ġiet skambjata bejn l-impriżi "sabiex isostnu l-miżuri" ikkunsidrati bħala kuntrarji għall-Artikolu 85(1) tat-Trattat.

278    Huwa fid-dawl ta' din l-interpretazzjoni mill-Kummissjoni tal-kompatibbiltà, f'dan il-każ, tas-sistema Fides ma' l-Artikolu 85 tat-Trattat li għandha tiġi evalwata l-portata tal-projbizzjonijiet futuri previsti fis-subparagrafi (b) u (ċ) ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artiklu 2 tad-Deċiżjoni.

279    F'dan ir-rigward, minn naħa, il-projbizzjonijiet in kwistjoni mhumiex limitati għall-iskambji ta' informazzjoni kummerċjali individwali iżda jikkonċernaw ukoll dawk ta' ċerta informazzjoni statistika globali [is-subparagrafu (b) ta' l-ewwel paragrafu u t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni]. Min-naħa l-oħra, is-subparagrafi (b) u (ċ) ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni jipprojbixxu l-iskambju ta' ċerta informazzjoni statistika bil-għan li tiġi evitata l-possibbiltà li tinħoloq sistema ta' sostenn għal imġiba potenzjalment antikompetittiva.

280    Projbizzjoni bħal din, safejn hija intiża sabiex tipprekludi l-iskambju ta' informazzjoni purament statistika li mhijiex ta' natura individwali jew li tista' tiġi identifikata b'mod individwali, minħabba li l-informazzjoni skambjata tista' tintuża għal skopijiet antikompetittivi, taqbeż dak li huwa meħtieġ sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-legalità ta' l-imġiba kkonstatata. Fil-fatt, minn naħa, mid-Deċiżjoni ma jirriżultax li l-Kummissjoni kkunsidrat l-iskambju ta' informazzjoni statistika bħala vjolazzjoni, fih innifsu, ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi fatt li sistema ta' skambju ta' informazzjoni statistika tista' tintuża għal skopijiet antikompetittivi ma jagħmilhiex kuntrarja għall-Artikolu 85(1) tat-Trattat peress li f'ċirkustanzi bħal dawn huwa meħtieġ li jiġu attwalment ikkonstatati l-effetti antikompetittivi tagħha. Minn dan isegwi li l-argument tal-Kummissjoni, li l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni għandha karattru purament dikjaratorju (punt 261 aktar 'il fuq), mhuwiex fondat.

281    Għaldaqstant, l-ewwel sar-raba' paragrafi ta' l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni għandhom jiġu annullati ħlief fir-rigward tal-passaġġi segwenti:

"L-impriżi msemmija fl-Artikolu 1 għandhom itemmu immedjatament il-vjolazzjonijiet imsemmija, jekk huma m'għamlux dan diġà. Fil-futur, huma għandhom jastjenu, fil-kuntest ta' l-attivitajiet tagħhom fis-settur tal-kartun, minn kull ftehim jew prattika miftiehma li jista' jkollhom għan jew effett identiku jew simili, inkluż kull skambju ta' informazzjoni kummerċjali:

(a)       li permezz tiegħu l-parteċipanti jiġu informati direttament jew indirettament dwar il-produzzjoni, il-bejgħ, l-ordnijiet b'lura, ir-rata ta' użu tal-magni, il-prezzijiet tal-bejgħ, l-ispejjeż jew il-pjanijiet ta' kummerċjalizzazzjoni ta' produtturi oħra;

Kwalunkwe sistema ta' skambju ta' informazzjoni ġenerali li tagħha huma jistgħu jkunu membri, bħalma hija s-sistema Fides jew is-suċċessur tagħha, għandha titmexxa b'mod li [tkun eskluża] […] kull informazzjoni li abbażi tagħha tkun tista' tiġi identifikata l-imġiba ta' produtturi partikolari."

 Fuq it-talba għall-annulament tal-multa jew għat-tnaqqis ta’ l-ammont tagħha

 A – Fuq il-motiv ibbażat fuq il-bżonn li titnaqqas il-multa minħabba definizzjoni żbaljata tas-suġġett u tat-tul tal-vjolazzjoni

282    Ir-rikorrenti ssostni, filwaqt li tirreferi għall-motivi u l-argumenti preċedenti, li l-vjolazzjoni kienet ta' portata materjalment differenti, għal perijodu ħafna aktar qasir u ta' gravità ħafna anqas serja milli ssostni l-Kummissjoni u li għaldaqstant hemm lok li l-ammont tal-multa jitnaqqas b'mod radikali.

283    Għandu jiġi mfakkar li mill-konstatazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-motivi preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni stabbiliet b'mod korrett, fir-rigward tar-rikorrenti, l-eżistenza u t-tul tal-vjolazzjoni deskritta fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni.

284    Minn dan isegwi li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 B – Fuq il-motiv ibbażat, minn naħa, fuq żball ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni meta kkunsidrat li l-akkordju kien "ġeneralment irnexxielu jilħaq l-objettivi tiegħu" u, min-naħa l-oħra, fuq ksur ta’ l-obbligu ta' motivazzjoni f’dan ir-rigward


 L-argumenti tal-partijet

285    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta' evalwazzjoni meta sostniet, fir-rigward ta' l-iffissar ta' l-ammont tal-multa, li l-akkordju kien "ġeneralment irnexxielu jilħaq l-objettivi tiegħu" (punt 168 tal-premessi tad-Deċiżjoni). Fir-rigward ta' dan il-punt, il-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni elementi ta' prova pprovduti mill-impriżi destinatarji tad-Deċiżjoni u, b'mod aktar partikolari, mir-rikorrenti.

286    L-arranġamenti għat-tħabbir ta' prezzijiet huma normali fis-settur u huwa minħabba l-kundizzjonijiet tas-suq, b'mod partikolari, minħabba t-trasparenza tas-suq, li wieħed jista' josserva ċerta uniformità u simultanjetà fit-tħabbir ta' żidiet fil-prezzijiet minn diversi produtturi. Il-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-elementi segwenti: a) il-prezzijiet ta' tranżazzjoni kien dejjem ħafna anqas mill-prezzijiet imħabbra; b) dejjem kien hemm differenzi kunsiderevoli bejn il-prezzijiet applikati għal kull klijent b'tali mod li ma kienx hemm prezz uniku; ċ) iċ-ċikli ekonomiċi kellhom impatt fuq l-evoluzzjoni tal-prezzijiet u d) id-differenza bejn il-prezzijiet applikati għal kull klijent żdiedet matul il-perijodu in kwistjoni, u għalhekk wasslet għal prezzijiet dejjem aktar individwalizzati.

287    L-evoluzzjoni tal-prezzijiet ta' tranżazzjoni kienet iddeterminata biss mill-kundizzjonijiet prevalenti fis-suq matul il-perijodu in kwistjoni u b'mod partikolari mid-domanda relattivament kostanti, mill-użu sodisfaċenti u kultant ottimu tal-kapaċitajiet (ara l-punti 13 sa 15 tal-premessi tad-Deċiżjoni), miż-żidiet kunsiderevoli fl-ispejjeż (ara l-punti 16 sa 19 tal-premessi) u, finalment, mill-eżistenza ta' rata medja ta' profittabilità kompletament normali matul il-perijodu kollu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kien imissha kkonkludiet li żidiet fil-prezzijiet kienu normali (ara wkoll il-punt 135 tal-premessi) u li ż-żidiet fil-prezzijiet ta' tranżjazzjoni setgħu jiġu kkonstatati bħala kompatibbli mal-fatturi varjabbli ekonomiċi fundamentali. Hija kien imissha kkonkludiet ukoll li l-allegat akkordju ma kellu l-ebda effett fuq l-evoluzzjoni attwali tal-prezzijiet ta' tranżazzjoni.

288    Skond ir-rikorrenti, il-prezzijiet ta' tranżazzjoni dejjem segwew il-varjazzjonijiet fl-ispejjeż. Fil-fatt, it-tnaqqis fil-prezz tal-materja prima kkonstatat matul it-tieni nofs ta' l-1989 kien akkumpanjat minn żieda kunsiderevoli fl-ispejjeż tal-ħidma u ta' l-enerġija, li jammontaw għal madwar 35% ta' l-ispejjeż kollha għall-produtturi ta' kartun. Il-fatt li kien hemm tnaqqis fid-domanda fl-1991 lanqas ma jfisser li fatturi oħra minbarra l-kundizzjonijiet tas-suq kienu influwenzaw l-evoluzzjoni fil-prezzijiet, peress li l-unika żieda fil-prezzijiet fl-1991 (żieda fix-xahar ta' Jannar) kienet diġà tħabbret matul il-ħarifa ta' l-1990 u kienet ippjanata aktar kmieni mill-produtturi.

289    L-affermazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-effetti ta' l-akkordju lanqas m'hija eżatta fir-rigward ta' l-allegata azzjoni miftiehma dwar l-ishma fis-suq peress li qatt ma kien hemm azzjoni miftiehma f'dan ir-rigward u lanqas sistema ta' kontroll ta' l-evoluzzjoni ta' l-ishma fis-suq tad-diversi produtturi. Barra minn hekk, l-ishma fis-suq ta' Sarrió varjaw b'mod sinjifikattiv matul il-perijodu kkonċernat.

290    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-motivazzjoni hija vvizzjata minħabba kontradizzjoni li teżisti bejn il-konklużjonijiet marbuta ma' l-effetti ta' l-akkordju fuq is-suq u l-osservazzjonijiet fattwali li jinsabu fid-Deċiżjoni stess.

291    Il-Kummissjoni tosserva li l-prezzijiet, matul il-perijodu in kwistjoni, kienu dejjem miżjuda b'mod regolari u applikati skond l-azzjonijiet miftiehma tal-produtturi fi ħdan il-kumitati tal-PG Paperboard, li kienet ġiet stabbilita sistema ta' kontroll ta' l-osservanza tad-deċiżjonijiet imposti mill-akkordju permezz ta' l-iskambju ta' informazzjoni dettaljata, u li l-ishma fis-suq ta' diversi produtturi kienu dejjem miżmuma ftit jew wisq fl-istess livell. F'dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl b'mod partikolari tal-ħafna dokumenti ta' prova fir-rigward ta' l-akkordju, l-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-akkordju ma bidilx b'mod sostanzjali t-tendenzi tas-suq, ma tistax tiġi sostnuta.

292    Fir-rigward ta' l-evoluzzjoni fil-prezzijiet, il-Kummissjoni tfakkar li s-suċċess ta' l-akkordju għandu jiġi evalwat fl-intier tiegħu. Is-suċċess miksub ma jistax jiġi kkontestat mill-fatt, li barra minn hekk mhuwiex ipprovat, li, mill-akkordju, ir-rikorrenti kisbet anqas vantaġġi minn impriżi oħra.

293    Fir-rigward ta' l-ishma fis-suq, il-varjazzjonijiet żgħar fl-ishma fis-suq tad-diversi produtturi jikkonfermaw li l-akkordju kellu suċċess kbir anki f'dan ir-rigward.

294    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkontesta, abbażi ta' l-argumenti preċedenti, li d-Deċiżjoni kienet ivvizzjata min-nuqqas ta' motivazzjoni fir-rigward ta' l-effetti ta' l-akkordju fuq is-suq. Hija tirreferi b'mod partikolari għall-analiżi tal-kundizzjonijiet u ta' l-evoluzzjoni tas-suq li jinsabu fil-punti 16, 21 u 137 tal-premessi tad-Deċiżjoni u ssostni li, jekk l-affermazzjoni ma tinħariġx mill-kuntest tagħha, ma tkun ikkonstatata l-ebda kontradizzjoni fil-motivazzjoni tad-Deċiżjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

295    Skond is-seba' inċiż tal-punt 168 tal-premessi tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ddeterminat l-ammont ġenerali tal-multi billi ħadet in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, il-fatt li l-akkordju kien "ġeneralment irnexxielu jilħaq l-objettivi tiegħu". Huwa stabbilit li kunsiderazzjoni bħal din tirreferi għall-effetti fuq is-suq tal-vjolazzjoni kkonstatata fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni.

296    Għall-finijiet ta' l-istħarriġ ta' l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni dwar l-effetti tal-vjolazzjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza jidhrilha li huwa biżżejjed li tiġi eżaminata l-evalwazzjoni magħmula dwar l-effetti tal-kollużjoni dwar il-prezzijiet. Fil-fatt, fl-ewwel lok, mid-Deċiżjoni jirriżulta li l-konstatazzjoni dwar il-kisba sostanzjali ta' l-objettivi mixtieqa hija essenzjalment ibbażata fuq l-effetti tal-kollużjoni dwar il-prezzijiet. Filwaqt li dawn l-effetti huma analizzati fil-punti 100 sa 102, 115, u 135 sa 137 tal-premessi tad-Deċiżjoni, għall-kuntrarju, il-kwistjoni ta' jekk il-kollużjoni dwar l-ishma fis-suq u l-kollużjoni dwar il-perijodi ta' waqfien kellhomx effetti fuq is-suq m'hija s-suġġett ta' l-ebda eżami speċifiku.

297    Fit-tieni lok, l-eżami ta' l-effetti tal-kollużjoni dwar il-prezzijiet jippermetti, fi kwalunkwe każ, li jiġi evalwat ukoll jekk l-objettiv tal-kollużjoni dwar il-perijodi ta' waqfien intlaħaqx peress li din il-kollużjoni kellha l-iskop li jiġi evitat li l-inizjattivi miftiehma fir-rigward tal-prezzijiet jkunu kompromessi minn provvista eċċessiva.

298    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kollużjoni dwar l-ishma fis-suq, il-Kummissjoni ma ssostnix li l-impriżi li ħadu sehem fil-laqgħat tal-PWG kellhom l-iskop li jiffriżaw b'mod assolut l-ishma tagħhom fis-suq. Skond it-tieni paragrafu tal-punt 60 tal-premessi tad-Deċiżjoni, il-ftehim dwar l-ishma fis-suq ma kienx wieħed fiss "iżda kien jiġi adattat u nnegozjat mill-ġdid minn żmien għal żmien". Għaldaqstant, fid-dawl ta' din il-preċiżjoni, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li kkunsidrat li l-akkordju kien ġeneralment irnexxielu jikseb l-objettivi tiegħu mingħajr ma eżaminat speċifikament fid-Deċiżjoni s-suċċess ta' din il-kollużjoni dwar l-ishma fis-suq.

299    Fir-rigward tal-kollużjoni dwar il-prezzijiet, il-Kummissjoni evalwat l-effeti ġenerali tagħha. Għalhekk, anki jekk jiġi preżunt li l-informazzjoni individwali pprovduta mir-rikorrenti turi, kif qiegħda ssostni, li għaliha l-kollużjoni dwar il-prezzijiet kellha biss effetti anqas sinjifikattivi minn dawk ikkonstatati fis-suq Ewropew tal-kartun, meħud globalment, informazzjoni individwali bħal din, fiha nfisha, ma tistax tkun biżżejjed sabiex tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni.

300    Mid-Deċiżjoni jirriżulta li, kif ikkonfermat il-Kummissjoni fis-seduta, kienet ġiet stabbilita distinzjoni bejn tliet tipi ta' effetti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-fatt li l-inizjattivi fil-qasam ta' prezzijiet kienu ġew ikkunsidrati globalment bħala suċċess mill-produtturi stess.

301    L-ewwel tip ta' effetti kkunsidrat mill-Kummissjoni, u li mhuwiex ikkontestat mir-rikorrenti, jikkonsisti fil-fatt li ż-żidiet fil-prezzijiet miftiehma kienu ġew effettivament imħabbra lill-klijenti. Għalhekk, il-prezzijiet il-ġodda servew bħala riferiment fil-każ ta' negozjati individwali dwar il-prezz ta' tranżazzjoni mal-klijenti (ara, b'mod partikolari, il-ħames u s-sitt paragrafi tal-punti 100 u 101 tal-premessi tad-Deċiżjoni).

302    It-tieni tip ta' effetti jikkonsisti fil-fatt li l-evoluzzjoni tal-prezzijiet ta' tranżazzjoni segwiet dik tal-prezzijiet imħabbra. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li "il-produtturi mhux biss ħabbru ż-żidiet fil-prezzijiet miftiehma iżda, bi ftit eċċezzjonijiet, adottaw ukoll miżuri konkreti sabiex jassiguraw li dawn iż-żidiet jiġu effettivament imposti fuq il-klijenti" (l-ewwel paragrafu tal-punt 101 tal-premessi tad-Deċiżjoni). Hija tammetti li ċerti drabi l-klijenti kisbu konċessjonijiet fir-rigward tad-data tad-dħul fis-seħħ taż-żidiet jew skontijiet jew traħħis individwali, b'mod partikolari fil-każ ta' ordnijiet kbar, u li "iż-żieda netta medja applikata wara t-tnaqqis tat-traħħis, ta' l-iskontijiet u ta' konċessjonijiet oħra kienet, għaldaqstant, dejjem anqas mill-ammont totali taż-żieda mħabbra" (l-aħħar paragrafu tal-punt 102 tal-premessi). Madankollu, filwaqt li tirreferi għal graffijiet li jinsabu fi studju ekonomiku mwettaq, għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni, għal diversi impriżi destinatarji tad-Deċiżjoni (aktar 'il quddiem ir-"Rapport LE"), hija ssostni li kienet teżisti, matul il-perijodu kopert mid-Deċiżjoni, "relazzjoni lineari mill-qrib" bejn l-evoluzzjoni tal-prezzijiet imħabbra u dik tal-prezzijiet ta' tranżazzjoni espressi fil-muniti nazzjonali jew maqluba f'ECU. Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi: "Iż-żidiet netti tal-prezzijiet miksuba kienu jsegwu mill-qrib iż-żidiet imħabbra, għalkemm b'ċertu dewmien. L-awtur tar-rapport stess irrikonoxxa matul is-seduta li dan kien il-każ fl-1988 u fl-1989." (It-tieni paragrafu tal-punt 115 tal-premessi.) [traduzzjoni mhux uffiċjali]

303    Għandu jiġi aċċettat li, fl-evalwazzjoni ta' dan it-tieni tip ta' effetti, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li l-eżistenza ta' relazzjoni lineari bejn l-evoluzzjoni tal-prezzijiet imħabbra u dik tal-prezzijiet ta' tranżazzjoni kienet tikkostitwixxi l-prova ta' effett prodott fuq dawn il-prezzijiet ta' l-aħħar mill-inizjattivi fir-rigward tal-prezzijiet, skond l-għan tal-produtturi. Fil-fatt, huwa stabbilit li, fis-suq in kwistjoni, il-prattika ta' negozjati individwali mal-klijenti timplika li l-prezzijiet ta' tranżazzjoni mhumiex, ġeneralment, identiċi għall-prezzijiet imħabbra. Għaldaqstant, ma tistax tiġi injorata l-possibbiltà li ż-żidiet fil-prezzijiet ta' tranżazzjoni jistgħu jkunu identiċi għaż-żidiet fil-prezzijiet imħabbra.

304    Fir-rigward ta' l-eżistenza stess ta' korrelazzjoni bejn iż-żidiet fil-prezzijiet imħabbra u ż-żidiet fil-prezzijiet ta' tranżazzjoni, il-Kummissjoni ġustament irreferiet għar-Rapport LE, li jikkostitwixxi analiżi ta' l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-kartun matul il-perijodu kopert mid-Deċiżjoni abbażi ta' informazzjoni provduta minn diversi produtturi, fosthom ir-rikorrenti stess.

305    Madankollu, dan ir-rapport jikkonferma biss, parzjalment, fiż-żmien, l-eżistenza ta' "relazzjoni lineari mill-qrib". Fil-fatt, mill-eżami tal-perijodu bejn l-1987 u l-1991 jirriżultaw tliet perijodi distinti. F'dan ir-rigward, waqt is-seduta quddiem il-Kummissjoni, l-awtur tar-Rapport LE ġabar fil-qosor il-konklużjonijiet tiegħu bil-mod segwenti: "M'hemmx korrelazzjoni mill-qrib, lanqas b'ċertu dewmien, bejn iż-żieda fil-prezzijiet imħabbra u l-prezzijiet fis-suq, matul il-bidu tal-perijodu kkunsidrat, bejn l-1987 u l-1988. Għall-kuntrarju, korrelazzjoni bħal din teżisti fl-1988/1989, imbagħad din il-korrelazzjoni tiddeterjora u ssir pjuttost stramba fil-perijodu 1990/1991." (Proċess verbal tas-seduta, p. 28.) Huwa osserva, barra minn hekk, li dawn il-varjazzjonijiet fiż-żmien kienu marbuta mill-qrib ma' varjazzjonijiet fid-domanda (ara, b'mod partikolari, il-proċess verbal tas-seduta, p. 20). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

306    Dawn il-konklużjonijiet orali ta' l-awtur huma konformi ma' l-analiżi żviluppata fir-rapport tiegħu, u b'mod partikolari mal-graffijiet li jqabblu l-evoluzzjoni tal-prezzijiet imħabbra u l-evoluzzjoni tal-prezzijiet ta' tranżazzjoni (Rapport LE, graffijiet 10 u 11, p. 29). Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni pprovat parzjalment biss l-eżistenza tar-"relazzjoni lineari mill-qrib" li hija tinvoka.

307    Fis-seduta, il-Kummissjoni indikat li ħadet in kunsiderazzjoni wkoll tielet tip ta' effetti tal-kollużjoni dwar il-prezzijiet li jikkonsisti fil-fatt li l-livell tal-prezzijiet ta' tranżazzjoni kien superjuri għal-livell li kien jintlaħaq li kieku ma kienx hemm xi kollużjoni. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni, filwaqt li tenfasizza li d-dati u l-ordni tat-tħabbir taż-żidiet fil-prezzijiet kienu ġew ippjanati mill-PWG, tikkunsidra, fid-Deċiżjoni, li "huwa inkonċepibbli li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, dawn it-tħabbiriet miftiehma ma kellhom l-ebda effett fuq il-livell reali tal-prezzijiet" (it-tielet paragrafu tal-punt 136 tal-premessi tad-Deċiżjoni). Madankollu, ir-Rapport LE (Taqsima 3) stabbilixxa mudell li jippermetti li jiġi previst il-livell tal-prezzijiet li jirriżulta mill-kundizzjonijiet oġġettivi tas-suq. Skond dan ir-rapport, il-livell tal-prezzijiet, kif iddeterminati minn fatturi ekonomiċi oġġettivi matul il-perijodu bejn l-1975 u l-1991, żviluppa, b'varjazzjonijiet irrelevanti, b'mod identiku għal-livell tal-prezzijiet ta' tranżazzjoni fil-prattika, inkluż matul il-perijodu kopert mid-Deċiżjoni. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

308    Minkejja dawn il-konklużjonijiet, l-analiżi magħmula fir-rapport ma tippermettix li jiġi kkonstatat li l-inizjattivi miftiehma fir-rigward tal-prezzijiet ma ppermettewx lill-produtturi sabiex jilħqu livell ta' prezzijiet ta' tranżazzjoni superjuri għal-livell li kien jirriżulta minn kompetizzjoni libera. F'dan ir-rigward, kif enfasizzat il-Kummissjoni matul is-seduta, huwa possibbli l-fatturi kkunsidrati fl-imsemmija analiżi kienu ġew influwenzati mill-eżistenza tal-kollużjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ġustament sostniet li l-imġiba miftiehma setgħet, per eżempju, tillimita l-inċentiv għall-impriżi li jnaqqsu l-ispejjeż tagħhom. Issa, hija ma invokatx l-eżistenza ta' xi żball dirett fl-analiżi li tinsab fir-Rapport LE u lanqas ma ppreżentat l-analiżi ekonomiċi tagħha ta' l-evoluzzjoni ipotetika tal-prezzijiet ta' tranżazzjoni fin-nuqqas ta' kull azzjoni miftiehma. F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-affermazzjoni tagħha li l-livell tal-prezzijiet ta' tranżazzjoni kien ikun anqas fin-nuqqas ta' kollużjoni bejn il-produtturi ma tistax tiġi aċċettata.

309    Minn dan isegwi li l-eżistenza ta' dan it-tielet tip ta' effetti tal-kollużjoni dwar il-prezzijiet ma ġietx ipprovata.

310    Il-konstatazzjonijiet preċedenti ma jinbidlu bl-ebda mod mill-evalwazzjoni suġġettiva tal-produtturi li fuqha bbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tikkunsidra li l-akkordju kien ġeneralment irnexxielu jikseb l-objettivi tiegħu. Fuq dan il-punt, il-Kummissjoni rreferiet għal lista ta' dokumenti li hija pprovdiet fis-seduta. Issa, anki jekk jiġi preżunt li hija setgħet tibbaża l-evalwazzjoni tagħha ta' l-eventwali suċċess ta' l-inizjattivi fir-rigward tal-prezzijiet fuq dokumenti li jesprimu sentimenti suġġettivi ta' ċerti produtturi, xorta jkollu jiġi kkonstatat li diversi impriżi, fosthom ir-rikorrenti, ġustament irreferew fis-seduta għal diversi dokumenti oħra fil-proċess tal-kawża li jesprimu l-problemi li ltaqgħu magħhom il-produtturi fl-implementazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet miftiehma. F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riferiment magħmul mill-Kummissjoni għad-dikjarazzjonijiet tal-produtturi stess mhuwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-akkordju kien ġeneralement irnexxielu jikseb l-obbjettivi tiegħu.

311    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-effetti tal-vjolazzjoni osservati mill-Kummissjoni huma biss parzjalment ipprovati. Il-Qorti tal-Prim'Istanza sejra tanalizza l-portata ta' din il-konklużjoni fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni assoluta tagħha fir-rigward ta' multi meta tevalwa l-gravità tal-vjolazzjoni kkonstatata f'din il-kawża (ara l-punt 334 aktar 'il quddiem).

312    Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-allegazzjoni tar-rikorrenti dwar allegat nuqqas ta' motivazzjoni tad-Deċiżjoni fir-rigward ta' l-effetti tal-vjolazzjoni mhijiex fondata. Kif jirriżulta mill-eżami preċedenti, id-Deċiżjoni fiha motivazzjoni dettaljata u mingħajr kontradizzjonijiet dwar l-effetti tal-vjolazzjoni kkonstatata.

C – Fuq il-motiv ibbażat, minn naħa, fuq żball ta’ dritt imwettaq mill-Kummissjoni meta kkonkludiet li l-ħabi ta' l-akkordju kien fattur aggravanti u, min-naħa l-oħra, fuq żball ta' motivazzjoni f'dan ir-rigward

 L-argumenti tal-partijiet

313    Ir-rikorrenti ssostni li, anke jekk jiġi aċċettat, quod non, li ċertu arranġament fit-tħabbir taż-żidiet fil-prezzijiet kien ir-riżultat ta' azzjoni miftiehma, il-Kummissjoni madankollu ma setgħetx tinvoka dan il-fatt bħala fatt aggravanti speċifiku peress li l-"ħabi" ta' akkordju huwa fatt inerenti tal-vjolazzjoni stess.

314    Ir-rikorrenti żżid li l-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx f'pożizzjoni li ssib dokumenti li jipprovaw l-allegazzjonijiet tagħha dwar l-eżistenza ta' vjolazzjoni ma jfissirx li kienu ttieħdu miżuri sabiex tinħeba din il-vjolazzjoni.

315    Fl-aħħar nett, hija tosserva nuqqas ta' motivazzjoni safejn id-Deċiżjoni ma tispjegax ir-raġunijiet għalxiex il-ħabi ta' akkordju kellu jiġi kkunsidrat bħala ċirkustanza aggravanti.

316    Il-Kummissjoni ssotni li l-ħabi ta' l-eżistenza ta' l-akkordju jikkostitwixxi element li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-vjolazzjoni (sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 273).

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

317    Skond it-tielet paragrafu tal-punt 167 tal-premessi tad-Deċiżjoni, "wieħed mill-aspetti l-aktar gravi tal-[vjolazzjoni] huwa li, sabiex jipprovaw jaħbu l-eżistenza ta' l-akkordju, l-impriżi kien waslu sabiex jippjanaw minn qabel id-data u l-ordni tad-diversi tħabbiriet ta' żidiet ġodda fil-prezzijiet minn kull wieħed mill-produtturi prinċipali". Id-Deċiżjoni tosserva wkoll li "il-produtturi setgħu, permezz ta' din l-iskema elaborata, jattribwixxu s-sensiela ta' żidiet fil-prezzijiet uniformi u regolari fir-rigward tas-settur kollu għall-fenomenu ta' l-'imġiba f'sitwazzjoni oligopolistika'" (it-tielet paragrafu tal-punt 73 tal-premessi). Finalment, skond is-sitt inċiż tal-punt 168 tal-premessi, il-Kummissjoni ddeterminat il-livell ġenerali tal-multi filwaqt li kkunsidrat il-fatt li "miżuri kumplessi ttieħdu sabiex tinħeba n-natura vera u l-portata tal-kollużjoni (nuqqas ta' minuti uffiċjali jew ta' dokumentazzjoni fir-rigward tal-laqgħat tal-PWG u tal-JMC; il-parteċipanti kienu inkoraġġiti sabiex ma jieħdux noti; id-data u l-ordni ta' l-ittri li jħabbru ż-żidiet fil-prezzijiet kienu ppjanati b'mod li kien ikun jista' jingħad li ż-żidiet 'kienu qegħdin isegwu l-oħrajn', etċ)." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

318    Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet mill-elementi ta' prova miġbura li l-impriżi ppjanaw id-dati u l-ordni ta' l-ittri li jħabbru ż-żidiet fil-prezzijiet sabiex jipprovaw jaħbu l-eżistenza ta' l-azzjoni miftiehma dwar il-prezzijiet. Dan l-ippjanar jirriżulta b'mod partikolari mid-dikjarazzjonijiet ta' Stora (punt 30 ta' l-Anness 39 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti): "Ma kinitx teżisti proċedura standard fir-rigward tal-kwistjoni ta' min kellu jħabbar l-ewwel żieda fil-prezzijiet u min kellu jagħmel hekk wara. Il-PWG kien jiddiskuti u kien jilħaq ftehim dwar l-identità tal-produttur li kellu jkun l-ewwel li jħabbar kull żieda fil-prezzijiet u dwar id-dati li fihom il-produtturi prinċipali l-oħra kellhom iħabbru ż-żidiet tagħhom. L-iskema ma kinitx tkun l-istess kull darba." L-eżistenza ta' din l-iskema hija kkorroborata wkoll min-nota ta' Rena dwar il-laqgħa tal-JMC tas-6 ta' Settembru 1990 (Anness 118 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti). Dan id-dokument fih indikazzjonijiet preċiżi dwar id-dati tat-tħabbir taż-żidiet fil-prezzijiet ta' Jannar 1991 għal ċerti impriżi membri tal-PWG (Mayr-Melnhof, Feldmühle u Cascades), dati li jikkorrispondu eżattament għad-dati li fihom dawn l-impriżi verament bagħtu l-ittri tagħhom fejn ħabbru ż-żidiet (ara l-punti 87 u 88 tal-premessi tad-Deċiżjoni). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

319    Fir-rigward tan-nuqqas ta' minuti uffiċjali u tan-nuqqas kważi totali ta' noti interni dwar il-laqgħat tal-PWG u tal-JMC, dan in-nuqqas jikkostitwixxi, fid-dawl tan-numru ta' laqgħat, ta' kemm damu jinżammu u tan-natura tad-diskussjonijiet in kwistjoni, prova suffiċjenti ta' l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-parteċipanti kienu inkoraġġiti sabiex ma jżommux noti.

320    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-impriżi li ħadu sehem fil-laqgħat ta' dawn il-korpi mhux biss kienu konxji ta' l-illegalità ta' l-imġiba tagħhom iżda adottaw ukoll miżuri sabiex jaħbu din il-kollużjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament invokat dawn il-miżuri bħala ċirkustanzi aggravanti fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-vjolazzjoni.

321    Finalment, peress li fid-Deċiżjoni spjegat liema kienet l-imġiba preċiża ta' l-impriżi li kienet ikkunsidrata bħala ċirkustanza aggravanti, hija motivat b'mod suffiċjenti l-evalwazzjoni tagħha dwar dan il-punt.

322    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 D – Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali peress li l-Kummissjoni applikat, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, multi ħafna aktar ogħla minn kif kienet il-prattika tagħha qabel.


 L-argumenti tal-partijiet

323    Ir-rikorrenti ssostni li ż-żieda fil-livell tal-multa imposta meta mqabbla mal-multi mogħtija fil-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni tikkostitwixxi differenza fit-trattament li mhijiex ġustifikata.

324    Fil-fatt, ċerti akkordji simili ġew ippenalizzati b'mod nettament anqas sever (ara, bħala eżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 86/398/KEE, tat-23 ta' April 1986, dwar proċedura taħt l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (IV/31.149 – Polypropylène) (ĠU L230, p.1, aktar 'il quddiem id-"Deċiżjoni Polypropylène").

325    Bl-istess mod, il-livell ġenerali tal-multi jidher li mhux iġġustifikat fir-rigward tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 92/163/KEE, ta' l-24 ta' Lulju 1991, dwar proċedura taħt l-Artikolu 86 tat-Trattat KEE (IV/31.043 – Tetra Pak II) (ĠU 1992, L 72, p. 1).

326    L-iżball fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-vjolazzjoni huwa kkonfermat ukoll minn paragun mal-livell ta' multi mogħtija fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/815/KEE, tat-30 ta’ Novembru 1994, dwar proċedura taħt l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (Każijiet IV/33.126 u 33.322 – Ciment) (ĠU L 343, p. 1).

327    Skond il-Kummissjoni, kull vjolazzjoni għandha karatteristiċi partikolari għaliha. Peress li l-prinċipju ta' trattament ugwali jitlob li sitwazzjonijiet simili jiġu ttrattati bl-istess mod, huwa impossibbli li l-ammont tal-multi imposti f'dan il-każ jiġi mqabbel ma' dak tal-multi imposti għal vjolazzjonijiet imwettqa skond metodi differenti u f'perijodi differenti. Il-Kummissjoni żżid li, fi kwalunkwe każ, hija tista' tgħolli l-livell tal-multi jekk dan ikun meħtieġ sabiex tiġi assigurata l-implementazzjoni tal-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' Marzu 1992, Solvay vs Il-Kummissjoni, T-12/89, Ġabra p. II-907).

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

328    Skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni tista', permezz ta' deċiżjoni, timponi fuq l-impriżi li jkunu wettqu, b'mod intenzjonat jew b'negliġenza, vjolazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat, multi ta' mhux anqas minn ECU 1,000 u ta' mhux aktar minn ECU 1,000,000, filwaqt li dan l-ammont ta' l-aħħar jista' jiġi estiż sa 10% tad-dħul mill-bejgħ fis-sena finanzjarja preċedenti għal kull waħda mill-impriżi li ħadu sehem fil-vjolazzjoni. L-ammont tal-multa huwa ddeterminat fid-dawl kemm tal-gravità tal-vjolazzjoni u kemm tat-tul tagħha. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-gravità tal-vjolazzjonijiet għandha tiġi stabbilita skond numru kbir ta' elementi bħalma huma, b'mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi, u dan mingħajr ma ġiet stabbilita lista vinkolanti jew eżawrjenti ta' kriterji li għandhom neċessarjament jittieħdu in kunsiderazzjoni (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Marzu 1996, SPO et vs Il-Kummissjoni, C-137/95 P, Ġabra p. I-1611, punt 54).

329    F'din il-kawża, il-Kummissjoni ddeterminat il-livell ġenerali tal-multi billi ħadet in kunsiderazzjoni t-tul tal-vjolazzjoni (punt 167 tal-premessi tad-Deċiżjoni) kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet segwenti (punt 168 tal-premessi):

–        "il-kollużjoni fir-rigward ta' l-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-swieq jikkostitwixxu, fihom infushom, restrizzjonijiet gravi għall-kompetizzjoni,

–        l-akkordju kien ikopri kważi t-territorju kollu tal-Komunità,

–        is-suq Komunitarju tal-kartun huwa settur ekonomiku importanti li kull sena jammonta għal madwar ECU 2.5 biljuni,

–        l-impriżi li ħadu sehem fil-vjolazzjoni jkopru prattikament is-suq kollu,

–        l-akkordju opera fil-forma ta' sistema ta' laqgħat perijodiċi istituzzjonalizzati bl-iskop li jirregolaw fid-dettal is-suq tal-kartun fil-Komunità,

–        miżuri kumplessi ttieħdu sabiex tinħeba n-natura vera u l-portata tal-kollużjoni (nuqqas ta' minuti uffiċjali jew ta' dokumentazzjoni fir-rigward tal-laqgħat tal-PWG u tal-JMC; il-parteċipanti kienu inkoraġġiti sabiex ma jieħdux noti; id-data u l-ordni ta' l-ittri li jħabbru ż-żidiet fil-prezzijiet kienu ppjanati b'mod li kien ikun jista' jingħad li ż-żidiet 'kienu qegħdin isegwu l-oħrajn', eċċ),

–        l-akkordju kien ġeneralment irnexxielu jikseb l-objettivi tiegħu". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

330    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li minn tweġiba tal-Kummissjoni għal mistoqsija bil-miktub minn din il-Qorti jirriżulta li multi ta' livell bażiku ta' 9 jew 7.5% tad-dħul mill-bejgħ imdawwar minn kull waħda mill-impriżi destinatarji tad-Deċiżjoni fis-suq Komunitarju tal-kartun fl-1990 kienu ġew imposti, rispettivament, fuq l-impriżi kkunsidrati bħala l-mexxejja ta' l-akkordju u fuq l-impriżi l-oħra.

331    Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li, fl-evalwazzjoni tagħha tal-livell ġenerali tal-multi, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-kunsiderazzjoni tal-fatt li vjolazzjonijiet ċari tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni għadhom relattivament komuni u li, għaldaqstant, hija setgħet tgħolli l-livell tal-multi bil-għan li ssaħħaħ l-effett dissważiv tagħhom. Għaldaqstant, il-fatt li l-Kummissjoni fil-passat applikat multi ta' ċertu livell għal ċerti tipi ta' vjolazzjonijiet ma jistax iċaħħadha mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell, fil-limiti indikati fir-Regolament Nru 17, jekk dan ikun meħtieġ sabiex tiġi assigurata l-implementazzjoni tal-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Ġunju 1983, Musique Diffusion Française et vs Il-Kummissjoni, 100/80, 101/80, 102/80 u 103/80, Ġabra p. 1825, punti 105 sa 108, u s-sentenza ICI vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 385).

332    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ġustament sostniet li, minħabba ċirkustanzi partikolari għal dan il-każ, ma seta' jsir l-ebda paragun dirett bejn il-livell ġenerali tal-multi mogħtija f'din id-Deċiżjoni u dawk mogħtija fil-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni, b'mod partikolari, fid-Deċiżjoni Polypropylène, meqjusa mill-Kummissjoni stess bħala l-aktar waħda komparabbli għal dik f'dan il-każ. Fil-fatt, kuntrarjament għall-każ li wassal għad-Deċiżjoni Polypropylène, l-ebda ċirkustanza mitiganti ġenerali ma ttieħdet in kunsiderazzjoni f'dan il-każ sabiex jiġi ddeterminat il-livell ġenerali tal-multi. Barra minn hekk, kif il-Qorti tal-Prim'Istanza diġà kkonstatat, il-miżuri kumplessi adottati mill-impriżi sabiex jaħbu l-eżistenza tal-vjolazzjoni jikkostitwixxu aspett partikolarment gravi tagħha, li jiddistingwiha fir-rigward tal-vjolazzjonijiet preċedenti kkonstatati mill-Kummissjoni.

333    Fit-tielet lok, għandhom jiġu enfasizzati t-tul ta' żmien u n-natura ċara tal-vjolazzjoni ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat, li twettqet minkejja t-twissija li kellha tammonta għaliha l-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni, u b'mod partikolari d-Deċiżjoni Polypropylène.

334    Abbażi ta' dawn l-elementi, għandu jiġi kkunsidrat li l-kriterji msemmija fil-punt 168 tal-premessi tad-Deċiżjoni jiġġustifikaw il-livell ġenerali tal-multi stabbilit mill-Kummissjoni. Huwa minnu li l-Qorti tal-Prim'Istanza diġà kkonstatat li l-effetti tal-kollużjoni dwar il-prezzijiet invokati mill-Kummissjoni fid-determinazzjoni tal-livell ġenerali tal-multi huma biss parzjalment ipprovati. Madankollu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, din il-konklużjoni ma tistax tolqot b'mod sinjifikattiv l-evalwazzjoni tal-gravità tal-vjolazzjoni kkonstatata. F'dan ir-rigward, il-fatt li l-impriżi attwalment ħabbru ż-żidiet fil-prezzijiet miftiehma u li l-prezzijiet imħabbra b'dan il-mod intużaw bħala bażi għall-iffissar tal-prezzijiet ta' tranżazzjoni individwali huwa biżżejjed, fih innifsu, sabiex jiġi kkonstatat li l-kollużjoni dwar il-prezzijiet kellha kemm bħala skop u kemm bħala effett restrizzjoni gravi tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni assoluta tagħha, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li l-konstatazzjonijiet magħmula dwar l-effetti tal-vjolazzjoni ma jiġġustifikaw l-ebda tnaqqis tal-livell ġenerali tal-multi stabbilit mill-Kummissjoni.

335    Fl-aħħar lok, meta stabbiliet il-livell ġenerali tal-multi f'dan il-każ, il-Kummissjoni ma tbegħditx mill-prattika deċiżjonali preċedenti tagħha b'tali mod li hija kien imissha mmotivat b'mod aktar espliċitu l-evalwazzjoni tagħha tal-gravità tal-vjolazzjoni (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Novembru 1975, Groupement des fabricants de papiers peints de Belgique et vs Il-Kummissjoni, 73/74, Ġabra p. 1491, punt 31).

336    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 E – Fuq il-motiv ibbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni u fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża fir-rigward tal-kalkolu tal-multa


 L-argumenti tal-partijiet

337    Ir-rikorrenti ssostni li, sabiex jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni rrispettatx il-limiti imposti mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u jekk eżerċitatx id-diskrezzjoni tagħha fir-rigward tal-multi b'mod korrett u mhux arbitrarju, għandu jiġi vverifikat jekk id-Deċiżjoni fihiex deskrizzjoni tal-kriterji li l-Kummissjoni applikat. Skondha, id-Deċiżjoni ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti safejn la tindika s-sena finanzjarja meħuda in kunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-multi u lanqas ir-rata (f'perċentwali) applikata sabiex tiġi kkalkolata kull multa. Għaldaqstant, għar-rikorrenti huwa impossibbli li tivverifika b'mod effiċjenti l-legalità tad-Deċiżjoni, sitwazzjoni li tikkostitwixxi ksur manifest tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

338    Il-Kummissjoni tosserva li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 ma jsemmix, la b'mod espress u lanqas b'mod impliċitu, l-obbligu tal-Kummissjoni li tindika l-metodu ta' kalkolu użat. Barra minn hekk, il-motivazzjoni tad-Deċiżjoni dwar l-elementi li ddeterminaw il-livell ġenerali tal-multi kif ukoll il-livell tal-multa imposta fuq kull waħda mill-impriżi hija kompletament komparabbli mal-motivazzjonijiet mogħtija f'deċiżjonijiet simili. Barra minn hekk, fl-ebda każ preċedenti ma ġie impost obbligu li jiġu indikati l-kriterji l-aktar dettaljati użati fil-kalkolu tal-multi.

339    Il-Kummissjoni ssostni li hija mhijiex obbligata tiffissa l-ammont tal-multi abbażi ta' formula matematika preċiża, soluzzjoni li tista' twassal lill-impriżi sabiex jikkalkolaw minn qabel il-vantaġġ li huma jistgħu jieħdu minn parteċipazzjoni f'akkordju illegali. Hija tqis li hija għandha marġni ta' diskrezzjoni fl-iffissar ta' l-ammont tal-multi, liema multi jikkostitwixxu strument tal-politika ta' kompetizzjoni tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' April 1995, Martinelli vs Il-Kummissjoni, T -150/89, Ġabra p. II-1165, punt 59).

340    Fl-aħħar nett, hija ssostni li l-fatt li membru tal-Kummissjoni pprovda, purament bħala indikazzjoni, ċerti dettalji addizzjonali dwar il-multi waqt konferenza stampa ma jistax ikollu konsegwenzi fuq id-Deċiżjoni, u li indikazzjonijiet bħal dawn lanqas ma jfissru li l-motivazzjoni tad-Deċiżjoni ma kinitx suffiċjenti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

341    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-iskop wara l-obbligu li tingħata motivazzjoni għal deċiżjoni individwali huwa li l-qorti Komunitarja tkun tista' tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni u li tingħata indikazzjoni suffiċjenti lill-persuna kkonċernata sabiex tkun tista' tagħraf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk hijiex possibbilment ivvizzjata b'difett li abbażi tiegħu tkun tista' tiġi kkontestata l-validità tagħha, filwaqt li l-portata ta' dan l-obbligu tiddependi min-natura ta' l-att u mill-kuntest li fih ikun ġie adottat (ara, b'mod partikolari, is-sentenzsa tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Diċembru 1996, Van Megen Sports vs Il-Kummissjoni, T-49/95, Ġabra p. II-1799, punt 51).

342    Fir-rigward ta' deċiżjoni li, bħal dik f'dan il-każ, timponi multi fuq diversi impriżi għal vjolazzjoni tar-regoli Komunitarja tal-kompetizzjoni, il-portata ta' l-obbligu ta' motivazzjoni għandha tiġi b'mod partikolari ddeterminata fid-dawl tal-fatt li l-gravità tal-vjolazzjoni għandha tiġi stabbilita skond numru kbir ta' elementi bħalma huma, b'mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-kuntest tiegħu u l-portata dissważiva tal-multi, u dan mingħajr ma ġiet stabbilita lista vinkolanti jew eżawrjenti ta' kriterji li għandhom neċessarjament jittieħdu in kunsiderazzjoni (digriet SPO et vs Il-Kummissjoni, iċċitat aktar 'il fuq, punt 54).

343    Barra minn hekk, meta tkun qiegħda tiffissa l-ammont ta' kull multa, il-Kummissjoni għandha diskrezzjoni u ma tistax titqies li hija marbuta tapplika, għal dan il-għan, formula matematika preċiża (ara, f'dan l-istess sens, is-sentenza Martinelli vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 59).

344    Fid-Deċiżjoni, il-kriterji kkunsidrati sabiex jiġi ddeterminat il-livell ġenerali tal-multi u l-ammont tal-multi individwali jinsabu, rispettivament, fil-punti 168 u 169 tal-premessi. Barra minn hekk, fir-rigward tal-multi individwali, il-Kummissjoni tispjega, fil-punt 170 tal-premessi, li l-impriżi li ħadu sehem fil-laqgħat tal-PWG ġew ikkunsidrati, bħala prinċipju, bħala "mexxejja" ta' l-akkordju filwaqt li l-impriżi l-oħra ġew ikkunsidrati bħala "membri ordinarji" ta' l-akkordju. Finalment, fil-punti 171 u 172 tal-premessi, hija tindika li l-ammonti tal-multi imposti fuq Rena u Stora għandhom jiġu mnaqqsa b'mod kunsiderevoli sabiex tittieħed in kunsiderazzjoni l-kooperazzjoni attiva tagħhom mal-Kummissjoni u li t-tmien impriżi l-oħra, fosthom ir-rikorrenti, jistgħu jibbenefikaw ukoll minn tnaqqis żgħir minħabba li, fir-risposti tagħhom għad-dikjarazzjoni ta’ lmenti, ma kkontestawx l-allegazzjonijiet fattwali prinċipali li fuqhom il-Kummissjoni bbażat l-ilmenti tagħha.

345    Fin-noti tagħha mressqa quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza kif ukoll fit-tweġiba tagħha għal mistoqsija bil-miktub ta' din il-Qorti, il-Kummissjoni spjegat li l-multi kienu ġew ikkalkulati abbażi tad-dħul mill-bejgħ ta' kull waħda mill-impriżi destinatarji tad-Deċiżjoni fis-suq Komunitarju tal-kartun fl-1990. Għalhekk, ġew imposti multi b'livell bażiku ta' 9% u ta' 7.5% ta' dan id-dħul mill-bejgħ individwali fuq l-impriżi kkunsidrati bħala l-"mexxejja" ta' l-akkordju u fuq l-impriżi l-oħra, rispettivament. Finalment, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni l-eventwali attitudni kooperattiva ta' ċerti impriżi matul il-proċedura quddiemha. Minħabba f'hekk żewġ impriżi bbenefikaw minn tnaqqis ta' żewġ terzi ta' l-ammont tal-multi tagħhom filwaqt li impriżi oħra bbenefikaw minn tnaqqis ta' terz.

346    Barra minn hekk, minn tabella pprovduta mill-Kummissjoni li fiha indikazzjonijiet dwar l-iffissar ta' l-ammont ta' kull waħda mill-multi individwali jirriżulta li, għalkemm dawn il-multi ma ġewx iddeterminati b'applikazzjoni strettament matematika ta' l-informazzjoni dwar il-bejgħ imsemmija aktar 'il fuq biss, din l-informazzjoni, madankollu, ittieħdet in kunsiderazzjoni b'mod sistematika għall-finijiet tal-kalkolu tal-multi.

347    Issa, id-Deċiżjoni ma tippreċiżax li l-multi ġew ikkalkulati abbażi tad-dħul mill-bejgħ ta' kull waħda mill-impriżi fis-suq Komunitarju tal-kartun fl-1990. Barra minn hekk, ir-rati bażiċi ta' 9% u 7.5% applikati sabiex jiġu kkalkolati l-multi imposti, rispettivament, fuq l-impriżi meqjusa bħala l-"mexxejja" u fuq dawk meqjusa bħala "membri ordinarji" ma jissemmewx fid-Deċiżjoni. Lanqas ma jissemmew ir-rati tat-tnaqqis mogħtija lil Rena u Stora, minn naħa, u lil tmien kumpanniji oħra, min-naħa l-oħra.

348    F'dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkunsidrat li, interpretati fid-dawl tad-deskrizzjoni dettaljata, fid-Deċiżjoni, ta' l-allegazzjonijiet fattwali mqajma fir-rigward ta' kull waħda mid-destinatarji tad-Deċiżjoni, il-punti 169 sa 172 tal-premessi ta' din id-deċiżjoni fihom indikazzjoni suffiċjenti u rilevanti ta' l-elementi ta' evalwazzjoni kkunsidrati sabiex tiġi ddeterminata l-gravità u t-tul tal-vjolazzjoni mwettqa minn kull waħda mill-impriżi in kwistjoni (ara, f'dan l-istess sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-24 ta' Ottubru 1991, Petrofina vs Il-Kummissjoni, T-2/89, Ġabra p. II-1087, punt 264).

349    Fit-tieni lok, meta l-ammont ta' kull multa jiġi ddeterminat, bħal f'dan il-każ, abbażi tat-teħid in kunsiderazzjoni b'mod sistematiku ta' ċerta informazzjoni preċiża, l-indikazzjoni, fid-Deċiżjoni, ta' kull wieħed minn dawn il-fatturi jippermetti lill-impriżi sabiex jevalwaw aħjar, minn naħa, jekk il-Kummissjoni wettqitx żbalji fl-iffissar ta' l-ammont tal-multa individwali u, min-naħa l-oħra, jekk l-ammont ta' kull multa individwali huwiex iġġustifikat fir-rigward tal-kriterji ġenerali applikabbli. F'dan il-każ, l-indikazzjoni fid-Deċiżjoni tal-fatturi in kwistjoni, jiġifieri d-dħul mill-bejgħ użat bħala riferiment, is-sena ta' referenza, ir-rati bażiċi adottati u r-rati ta' tnaqqis ta' l-ammont tal-multi, ma kienet tinvolvi l-ebda xandir impliċitu tad-dħul mill-bejgħ preċiż ta' l-impriżi destinatarji tad-Deċiżjoni, xandir li seta' jammonta għal ksur ta' l-Artikolu 214 tat-Trattat. Fil-fatt, l-ammont finali ta' kull multa individwali ma jirriżultax, kif enfasizzat il-Kummissjoni stess, minn applikazzjoni strettament matematika ta' l-imsemmija fatturi.

350    Barra minn hekk, matul is-seduta l-Kummissjoni rrikonoxxiet li xejn ma żammha milli tindika fid-Deċiżjoni l-fatturi li ttieħdu in kunsiderazzjoni b'mod sistematiku u li ġew imxandra matul konferenza stampa organizzata fl-istess ġurnata ta' l-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta' Deċiżjoni għandha tkun inkluża fit-test stess tagħha u li spjegazzjonijiet sussegwenti pprovduti mill-Kummissjoni ma jistgħux, ħlief f'ċirkustanzi partikolari, jittieħdu in kunsiderazzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-2 ta' Lulju 1992, Dansk Pelsdyravlerforening vs Il-Kummissjoni, T-61/89, Ġabra p. II-1931, punt 31, u, fl-istess sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 1991, Hilti vs Il-Kummissjoni, T-30/89, Ġabra p. II-1439, punt 136).

351    Minkejja dawn il-konstatazzjonijiet, għandu jiġi osservat li l-motivazzjoni dwar l-iffissar ta' l-ammont tal-multi li tinsab fil-punti 167 sa 172 tal-premessi tad-Deċiżjoni hija, minn ta' l-anqas, dettaljata daqs il-motivazzjonijiet mogħtija fid-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni dwar vjolazzjonijiet simili. Issa, minkejja li l-motiv ibbażat fuq motivazzjoni difettuża huwa motiv ta' ordni pubblika, meta kienet adottata d-Deċiżjoni, l-ebda kritika ma kienet tqajmet mill-qrati Komunitarji dwar il-prattika tal-Kummissjoni fir-rigward tal-motivazzjoni tal-multi imposti. Kien biss fis-sentenza tas-6 ta' April 1995, Tréfilunion vs Il-Kummissjoni (T-148/89, Ġabra p. II-1063, punt 142), u f'żewġ sentenzi oħra mogħtija fl-istess jum, Société métallurgique de Normandie vs Il-Kummissjoni (T-147/89, Ġabra p. II-1057, pubblikazzjoni sommarja), u Société des treillis et pannueaux soudés vs Il-Kummissjoni (T-151/89, Ġabra p. II-1191, pubblikazzjoni sommarja), li l-Qorti tal-Prim'Istanza enfasizzat għall-ewwel darba li jkun tajjeb jekk l-impriżi jkunu jistgħu jagħrfu fid-dettal il-metodu tal-kalkolu tal-multa li kienet imposta fuqhom mingħajr ma jkollhom, sabiex jagħmlu dan, iressqu rikors legali kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

352    Minn dan isegwi li meta tikkonstata, f'deċiżjoni, vjolazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni u timponi multi fuq l-impriżi li ħadu sehem f'din il-vjolazzjoni, il-Kummissjoni għandha, jekk tkun ħadet in kunsiderazzjoni b'mod sistematiku ċerti elementi bażiċi sabiex tiffissa l-ammont tal-multi, tindika dawn l-elementi fit-test tad-deċiżjoni sabiex id-destinatarji tagħha jkunu jistgħu jivverifikaw il-fondatezza tal-livell tal-multa u jevalwaw jekk kienx hemm diskriminazzjoni.

353    Fiċ-ċirkustanzi partikolari osservati fil-punt 351 aktar 'il fuq, u fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni, matul il-proċedura kontenzjuża, uriet li kienet lesta tipprovdi kull informazzjoni rilevanti dwar il-metodu tal-kalkolu tal-multi, in-nuqqas ta' motivazzjoni speċifika fid-Deċiżjoni dwar il-metodu tal-kalkolu tal-multi m'għandux, f'dan il-każ, jitqies li jikkostitwixxi ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni li jiġġustifika l-annullament totali jew parzjali tal-multi imposti. Finalment, ir-rikorrenti ma pprovatx li hija kienet prekluża milli tinvoka utilment id-drittijiet tad-difiża tagħha.

354    Għaldaqstant, dan il-motiv ma jistax jiġi aċċettat.

 F – Fuq il-motiv ibbażat fuq, minn naħa, żball ta' evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni meta ma ħaditx debitament in kunsiderazzjoni r-rwol ta' Sarrió fil-kuntest ta' l-akkordju kif ukoll l-imġiba attwali tagħha fis-suq u, min-naħa l-oħra, fuq nuqqas ta' motivazzjoni fuq dawn il-punti


 L-argumenti tal-partijiet

355    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx debitament in kunsiderazzjoni l-pożizzjoni partikolari tagħha fis-suq u fi ħdan il-PG Paperboard. Sabiex tiddeskrivi fid-dettal il-pożizzjoni tagħha fis-suq, hija tispjega li, mill-aspett tal-kapaċità ta' produzzjoni, hija kienet biss il-ħames u r-raba' produttur fl-Ewropa oċċidentali fl-1990 u fl-1991 rispettivament (ara l-istudji msemmija fil-punt 9 tad-Deċiżjoni) u li s-sehem fis-suq tagħha kien anqas min-nofs tas-sehem ta' l-impriża dominanti fis-suq. Barra minn hekk, minħabba l-ispeċjalizzazzjoni tagħha fil-kwalitajiet GD, hija ma kellhiex il-flessibbiltà tal-produtturi li l-produzzjoni tagħhom kienet sinjifikattiva kemm fis-settur tal-kwalità GD u kemm fis-settur tal-kwalità GC. Hija kienet u ser tibqa' dejjem esposta għall-aggressività qawwija kemm min-naħa tal-produtturi Skandinavi, li għandhom vantaġġ minħabba l-aċċess dirett u integrat għall-fibri mhux maħduma, u kemm min-naħa tal-produtturi Ġermaniżi u Awstrijaki, li għandhom vantaġġ minħabba l-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam ta' riċiklaġġ. Kien sabiex tkun tista' tikkompeti mad-dinamiżmu tal-kompetituri tagħha li, fl-1986, hija talbet sabiex tipparteċipa fil-laqgħat tal-PG Paperboard, parteċipazzjoni li kellha tippermettilha li tikkontrolla l-imġiba tal-kompetituri prinċipali tagħha.

356    Il-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda element ta' prova dwar l-imġiba attwali tar-rikorrenti u lanqas ma ressqet xi argument ta' natura li jikkontesta l-argumenti tagħha li: a) il-prezzijiet ta' tranżazzjoni tagħha kienu ddeterminati b'mod awtonomu u skond il-kundizzjonijiet tas-suq; b) kien hemm differenzi kunsiderevoli bejn il-prezzijiet imħabbra u l-prezzijiet ta' tranżazzjoni; ċ) l-ishma fis-suq tagħha varjaw b'mod kunsiderevoli matul il-perijodu kkonċernat kollu, u d) skond il-kundizzjonijiet fis-suq, hija qatt ma implementat waqfien ta' produzzjoni. Ir-rikorrenti ssostni li hija qatt ma ħadet inizjattivi intiżi sabiex tiġi llimitata l-libertà ta' azzjoni tal-kompetituri tagħha. L-uniku element ta' prova ta’ mġiba bħal din jinsab f'nota privata skambjata bejn żewġ diretturi ta' impriżi kompetituri. Madankollu, din in-nota għandha portata ġenerali u tirreferi għal imġiba sempliċement attribwita lir-rikorrenti (Anness 109 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti).

357    Skond ir-rikorrenti, minn eżami ta' l-imġiba attwali tagħha jirriżulta li din l-imġiba ma kienet tikkorrispondi bl-ebda mod ma' l-allegat akkordju, ċirkustanza li kien imissha wasslet lill-Kummissjoni sabiex tevalwa s-sitwazzjoni tar-rikorrenti b'mod ħafna aktar favorevoli meta ddeterminat l-ammont tal-multa. In-nota li nstabet għand FS-Karton u invokata mill-Kummissjoni bħala prova ta' l-implementazzjoni effettiva ta' l-akkordju mir-rikorrenti bl-ebda mod ma tikkonċerna l-imġiba attwali tagħha fis-suq iżda turi biss parteċipazzjoni f'azzjoni miftiehma dwar il-prezzijiet imħabbra.

358    Finalment, id-Deċiżjoni hija vvizzjata min-nuqqas ta' motivazzjoni peress li l-Kummissjoni, mingħajr ma pprovdiet motivi, ma evalwatx elementi essenzjali pprovduti mir-rikorrenti fir-rigward tar-rwol tagħha fi ħdan il-PG Paperboard u ta' l-imġiba tagħha fis-suq.

359    Il-Kummissjoni ssostni li, fil-punt 169 tal-premessi tad-Deċiżjoni, hija ħadet in kunsiderazzjoni kemm ir-rwol ta' kull impriża fil-ftehim ta' kollużjoni u kemm ta' l-imġiba attwali tar-rikorrenti. F'dan ir-rigward, id-Deċiżjoni hija debitament immotivata.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

360    Mill-konstatazzjonijiet dwar il-motivi invokati mir-rikorrenti in sostenn tat-talba tagħha għal annullament totali jew parzjali ta' l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni jirriżulta li n-natura tal-funzjonijiet tal-PWG, kif deskritti fid-Deċiżjoni, ġiet ipprovata mill-Kummissjoni.

361    F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonkludi li l-impriżi, fosthom ir-rikorrenti, li pparteċipaw fil-laqgħat ta' dan il-korp għandhom jitqiesu bħala "mexxejja" tal-vjolazzjoni kkonstatata u li minħabba f'hekk huma kellhom iġorru responsabbiltà partikolari (ara l-ewwel paragrafu tal-punt 170 tal-premessi tad-Deċiżjoni). L-ispjegazzjonijiet tar-rikorrenti li hija ħadet sehem fil-laqgħat tal-PWG bl-iskop biss li tikseb informazzjoni li kienet tippermettilha li tikkontrolla l-imġiba tal-kompetituri prinċipali tagħhom sempliċement jikkonfermaw l-għan essenzjalment antikompetittiv tal-parteċipazzjoni tagħha.

362    Barra minn hekk, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma pprovat, minn naħa, li hija kellha rwol essenzjalment passiv fi ħdan il-korpi tal-PG Paperboard u, min-naħa l-oħra, li l-imġiba attwali tagħha fis-suq kienet iddeterminata dejjem b'mod awtonomu.

363    F'dan ir-rigward, mhuwiex ikkontestat li r-rikorrenti attwalment ħadet sehem fl-inizjattivi miftiehma fir-rigward tal-prezzijiet billi ħabbret fis-suq iż-żidiet fil-prezzijiet miftiehma. Barra minn hekk, kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, mill-Anness 109 tad-dikjarazzjoni ta’ lmenti jirriżulta (ara l-punt 55 aktar 'il fuq) li r-rikorrenti talbet lil produtturi oħra sabiex isegwu ż-żidiet fil-prezzijiet miftiehma. Finalment, fir-rigward ta' l-imġiba attwali tar-rikorrenti fir-rigward tal-prezzijiet, m'hemm xejn li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-prezzijiet ta' tranżazzjoni tagħha kienu anqas b'mod sinjifikattiv minn dawk ta' produtturi oħra li ħadu sehem fil-kollużjoni dwar il-prezzijiet.

364    Fir-rigward ta' l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq varjazzjonijiet fl-ishma fis-suq tagħha matul il-perijodu ta' vjolazzjoni kkonstatat fid-Deċiżjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti sostniet li dawn il-varjazzjonijiet kienu kkawżati mill-fatt li diversi produtturi kienu żiedu l-kapaċitajiet ta' produzzjoni tagħhom sabiex jissodisfaw iż-żieda qawwija fid-domanda li kienet ikkonstatata sa l-1990. F'dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm huwa minnu li r-rikorrenti ma zidietx il-kapaċitajiet ta' produzzjoni tagħha qabel l-akkwist ta' Prat Carton fi Frar 1991, il-varjazzjonijiet fl-ishma fis-suq tagħha ma jistgħux jikkostitwixxu element mitiganti fir-rigward tar-responsabbiltà tagħha minħabba l-imġiba illeċita tagħha.

365    Barra minn hekk, kien biss matul l-1990 li l-kundizzjonijiet fis-suq kienu tali li l-impriżi kienu obbligati jimplementaw perijodi ta' waqfien effettivi u li, skond id-Deċiżjoni stess, kienet teżisti biss "sistema laxka ta' inkoraġġiment" f'dan ir-rigward (ara l-punti 96 u 151 aktar 'il fuq). Għaldaqstant, peress li r-rikorrenti ħadet sehem fil-laqgħat li matulhom tqajmet il-kwistjoni ta' perijodi ta' waqfien, mingħajr ma biegħdet lilha nfisha b'mod pubbliku mid-diskussjonijiet miżmuma, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li, anki jekk jiġi preżunt li r-rikorrenti ma implementatx, matul il-perijodu kopert mid-Deċiżjoni, perijodi ta' waqfien tal-produzzjoni tagħha, dan il-fatt ma jistax jikkostitwixxi l-prova li l-imġiba individwali tagħha setgħet tikkontribwixxi sabiex tibbilanċja l-effetti antikompetittivi tal-vjolazzjoni kkonstatata.

366    Finalment, fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, id-Deċiżjoni fiha motivazzjoni suffiċjenti ta' l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni dwar ir-rwol tar-rikorrenti fil-vjolazzjoni kkonstatata u dwar l-imġiba tagħha fis-suq.

367    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud ukoll.

 G – Fuq il-motiv ibbażat fuq l-argument li l-Kummissjoni kien imissha ħadet in kunsiderazzjoni ċerti ċirkustanzi mitiganti


 L-argumenti tal-partijiet

368    Ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk jiġi preżunt li hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-akkordju kellu, b'mod ġenerali, effetti fuq il-kundizzjonijiet tas-suq, il-Kummissjoni kien imissha minn ta' l-anqas ikkunsidrat bħala ċirkustanzi mitiganti serje ta' elementi li juru li l-akkordju ma kellu l-ebda effett jew effetti insinjifikanti biss fuq is-settur tas-suq rilevanti sabiex tiġi evalwata s-sitwazzjoni tar-rikorrenti.

369    Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kien imissha ħadet in kunsiderazzjoni, fl-ewwel lok, il-fatt li, bejn l-1986 u l-1992, il-prezzijiet ta' tranżazzjoni miksuba mir-rikorrenti fis-suq Taljan, id-destinazzjoni prinċipali tal-prodotti tagħha, dejjem segwew l-evoluzzjoni ta' l-indiċi tal-prezzijiet industrijali. Fit-tieni lok, hija kien imissha ħadet in kunsiderazzjoni l-faċilità li biha tipi oħra ta' prodotti, bħalma huma d-derivati tal-plastik kollha, setgħu jintużaw minflok il-kartun, li jfisser, skond ir-rikorrenti, li kull forma ta' "esplojtazzjoni" tas-suq hija prekluża jew limitata ħafna. Finalment, fit-tielet lok, il-Kummissjoni kien imissha ħadet in kunsiderazzjoni l-fatt li s-sehem fis-suq tal-kwalità GD sofra, matul il-perijodu in kwistjoni, minn tnaqqis qawwi li minnu bbenefikat il-kwalità GC. Fir-rigward ukoll tat-tnaqqis fl-ishma fis-suq tar-rikorrenti u tal-livell taż-żidiet fil-prezzijiet Taljani, li kien anqas mil-livell taż-zidiet fil-prezzijiet fis-swieq Ewropej l-oħra, għandu jiġi konkluż, għaldaqstant, li l-akkordju ma operax b'suċċess għar-rikorrenti.

370    Il-Kummissjoni tfakkar li għandu jiġi evalwat l-impatt fuq is-suq ta' l-akkordju fl-intier tiegħu u li, minn dan l-aspett, l-akkordju effettivament kellu suċċess kbir. Fi kwalunkwe każ, l-ebda wieħed mill-elementi invokati mir-rikorrenti ma jista' jitqies li jikkostitwixxi ċirkustanza mitiganti li tiġġustifika tnaqqis tal-multa.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

371    Il-Qorti tal-Prim'Istanza diġà eżaminat il-kwistjoni ta' jekk il-Kummissjoni evalwatx korrettament l-effetti tal-vjolazzjoni fuq is-suq (ara l-punti 295 et seq aktar 'il fuq) u jekk l-imġiba tar-rikorrenti fis-suq kellhiex tittieħed in kunsiderazzjoni bħala ċirkustanza mitiganti fl-iffissar ta' l-ammont tal-multa (ara l-punti 360 et seq aktar 'il fuq).

372    Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-kuntest ta' l-imsemmi eżami, l-argumenti invokati mir-rikorrenti fil-kuntest ta' dan il-motiv ma jistgħux jiġu aċċettati.

373    Fil-fatt, peress li l-kollużjoni dwar il-prezzijiet ikkonċernat kemm il-kartun GC u kemm il-kartun GD u peress li m'hemm xejn li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-imġiba individwali tar-rikorrenti kkontribwiet sabiex tibbilanċja l-effetti antikompetittivi tal-vjolazzjoni, il-Kummissjoni ġustament ma ħaditx in kunsiderazzjoni, sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, it-tnaqqis fis-suq tal-kartun GD li minnu bbenefika l-kartun GC. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma pprovatx l-eżistenza ta' konnessjoni bejn il-vjolazzjoni u l-evoluzzjoni ta' l-ishma fis-suq ta' kwalitajiet differenti ta' kartun.

374    Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li ż-żidiet fil-prezzijiet ta' tranżazzjoni kkonstatati fis-suq Taljan, destinazzjoni prinċipali tal-prodotti tar-rikorrenti, kienu anqas minn dawk ikkonstatati fis-swieq l-oħra Komunitarji, ikun biżżejjed jekk jiġi osservat li l-kollużjoni dwar il-prezzijiet li fiha ħadet sehem ir-rikorrenti kienet tikkonċerna kważi t-territorju kollu tal-Komunità u li din l-impriża ħabbret ż-żidiet fil-prezzijiet miftiehma fis-swieq Ewropej prinċipali kollha (ara t-Tabella B sa G annessi mad-Deċiżjoni).

375    Fl-aħħar nett, l-eventwali eżistenza ta' interkambjabbiltà qawwija bejn il-kartun u prodotti oħra mhijiex ta' natura li taffettwa l-konstatazzjonijiet diġà magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza fir-rigward ta' l-effetti tal-kollużjoni dwar il-prezzijiet (ara l-punti 295 et seq aktar 'il fuq).

376    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 H – Fuq il-motiv ibbażat fuq żball materjali fil-kalkolu tal-multa imposta fuq Sarrió


 L-argumenti tal-partijiet

377    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball materjali fil-kalkolu tal-multa. Il-konvenuta użat l-ammont tad-dħul mill-bejgħ tas-sena 1990, ikkomunikat f'Awwissu 1991 bħala tweġiba għal talba għal informazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, mentri hija kien imissha kkalkolat il-multa abbażi ta' l-ammont tad-dħul mill-bejgħ rettifikat u ċċertifikat, ikkomunikat fl-1993 bħala anness mar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ lmenti.

378    F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni mhux biss wettqet żball materjali fil-kalkolu tal-multa imposta fuq Sarrió iżda wettqet ukoll ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali minħabba li l-multi imposti fuq id-destinatarji l-oħra tad-Deċiżjoni ġew ikkalkolati fuq bażi korretta. Billi kkalkolat l-multa abbażi ta' dħul mill-bejgħ ikkomunikat qabel ma Sarrió setgħet tipprevedi l-impożizzjoni ta' multa u billi injorat il-figuri ċċertifikati li ġew ikkomunikati aktar tard, il-Kummissjoni kisret ukoll id-drittijiet tad-difiża ta' Sarrió.

379    Il-Kummissjoni twieġeb li huwa preċiżament sabiex tiġi evitata kull kontestazzjoni li hija użat id-dħul mill-bejgħ ipprovdut bħala tweġiba għal talba għal informazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, u li hija ma tarax għalfejn il-figuri mibgħuta qabel id-dikjarazzjoni ta’ lmenti huma żbaljati mentri dawk mibgħuta wara l-imsemmija dikjarazzjoni huma eżatti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

380    Fid-dawl tad-dokumenti fil-proċess tal-kawża, il-Kummissjoni, meta adottat bħala bażi ta' kalkolu tal-multa d-dħul mill-bejgħ ta' l-1990 ikkomunikat mir-rikorrenti f'Awwissu 1991 u mhux dak, irrettifikat, ikkomunikat f'Mejju 1993, ma wettqet l-ebda żball. Fil-fatt, impriża li, matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, tirrettifika figura bħalma huwa d-dħul mill-bejgħ, li kienet ikkomunikata qabel lill-Kummissjoni bħala tweġiba għal waħda mit-talbiet tagħha għal informazzjoni, għandha tispjega b'mod dettaljat ir-raġunijiet għalxiex il-figura mogħtija inizjalment m'għandhiex tibqa' tiġi kkunsidrata fil-bqija tal-proċedura.

381    Issa, dan mhuwiex il-każ f'din il-kawża. Fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ lmenti, ir-rikorrenti indikat biss li d-dħul mill-bejgħ ta' l-1990 kien ġie rrettifikat bit-tnaqqis ta' l-ammonti li jikkonċernaw l-operazzjonijiet interni tal-grupp, il-bejgħ li jikkonċerna l-prodotti li ma kinux koperti mill-investigazzjoni tal-Kummissjoni (kaxxi u kartun mhux maħdum), ir-rifużjonijiet, it-tnaqqis mogħti minħabba kwantità, il-prodotti mhux mibjugħa u r-roħs mogħti lill-klijenti, mingħajr ma sostniet din ir-rettifika permezz ta' figuri spjegattivi dettaljati. Barra minn hekk, id-dħul mill-bejgħ irrettifikat ma kienx iċċertifikat minn awditur u r-rikorrenti kkonfermat waqt is-seduta li l-affermazzjoni tagħha dwar dan il-punt ma kinitx eżatta. Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet leġittimament ma tieħux in kunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ irrettifikat u tikkalkola l-multa abbażi tad-dħul mill-bejgħ ikkomunikat inizjalment.

382    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 I – Fuq il-motiv ibbażat fuq żball fil-metodu tal-kalkolu tal-multa


 L-argumenti tal-partijiet

383    Ir-rikorrenti tispjega li, sabiex waslet għall-ammont tal-multa imposta, il-Kummissjoni l-ewwel ikkonvertiet f'ECU d-dħul mill-bejgħ tas-sena finanzjarja ta' referenza, jiġifieri s-sena finanzjarja 1990, billi użat r-rata medja applikabbli għal dik is-sena, u, imbagħad, iddeterminat l-ammont tal-multa billi applikat il-perċentwali magħżula minn qabel, jiġifieri 6% fil-każ tagħha. B'dan il-proċess, il-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-effetti tal-varjazzjonijiet monetarji b'mod partikolari tal-fatt li l-munita Spanjola u l-lira Taljana soffrew żvalutazzjoni qawwija meta mqabbla ma' l-ECU u mal-muniti Ewropej l-oħra mill-1990. Ir-rikorrenti ssostni li, f'munita nazzjonali, hija jkollha llum il-ġurnata tħallas ammont ta' madwar 2,452 miljuni fil-munita Spanjola sabiex tħallas il-multa. Issa, abbażi tad-dħul mill-bejgħ iċċertifikat (27,256 miljuni fil-munita Spanjola) marbut mal-bejgħ tal-kartun fil-Komunità fl-1990, multa ta' 6% ta' dan l-ammont kellha tammonta għal madwar 1,635 miljuni fil-munita Spanjola. Il-multa attwalment imposta tirrappreżenta, għaldaqstant, piż finanzjarju addizzjonali ta' 817 miljuni fil-munita Spanjola. Skond ir-rikorrenti, jekk wieħed juża r-rata tal-kambju applikabbli meta ġiet ippubblikata d-Deċiżjoni, l-ammont tal-multa jikkorrispondi, fil-fatt, għal madwar 9% tad-dħul mill-bejgħ fl-1990. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat jew li l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni t-tnaqqis ta' terz li hija kienet ikkonċediet jew li l-multa tikkorrispondi, qabel dan it-tnaqqis, għal madwar 13.4% tad-dħul mill-bejgħ użat bħala riferiment, li b'hekk taqbeż il-limitu legali ta' 10% tad-dħul mill-bejgħ previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

384    Ir-rikorrenti ssostni wkoll li r-rata (f'perċentwali) tal-multa għandha l-għan li tesprimi l-konklużjoni li għaliha waslet il-Kummissjoni fir-rigward ta' l-ammont u għaldaqstant l-impatt li l-multa għandha tirrappreżenta fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ ta' l-impriża kkonċernata. Issa, minn dan jirriżulta li l-ammont tal-multa għandu jiġi ddeterminat abbażi ta' l-evalwazzjoni tal-gravità tal-vjolazzjoni u li, għall-kuntrarju, fatturi bħalma huma l-varjazzjonijiet fil-munita, li mhumiex relatati mal-vjolazzjoni li għandha tiġi ppenalizzata u li mhumiex imputabbli lill-awtur ta' din il-vjolazzjoni, m'għandhomx għaldaqstant ikunu jistgħu jinfluwenzaw l-ammont tal-multa. Ir-rikorrenti tirreferi għall-konklużjonijiet fis-sentenza Musique Diffusion Française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq (Ġabra p. 1914) fejn l-Avukat Ġenerali Sir Gordon Slynn ikkonkluda li fl-iffissar ta' l-ammont tal-multi għandu jittieħed in kunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ l-aktar reċenti li jirrifletti bl-aħjar mod is-sitwazzjoni reali ta' l-impriża.

385    Ir-rikorrenti tikkunsidra li t-teżi tagħha li l-ammont tal-multa m'għandux jiġi influwenzat minn varjazzjonijiet fir-rati tal-kambju hija kkonfermeta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Marzu 1977, Société anonyme générale sucrière et vs Il-Kummissjoni (41/73, 43/73 u 44/73 – Interpretazzjoni, Ġabra p. 445, punti 12 sa 17). Fir-rigward ta' din is-sentenza, hija tikkontesta, fir-replika tagħha, it-teżi tal-Kummissjoni li din is-sentenza tikkonferma li li kieku l-unità ta' rendikont (aktar 'il quddiem l-"UR"), li kienet ikkunsidrata f'dak iż-żmien, kienet munita ta' ħlas, il-konverżjoni tagħha f'munita nazzjonali ma kinitx tkun meħtiieġa.

386    Ir-rikorrenti ssostni li d-Deċiżjoni twassal ukoll għal differenzi inġustifikati fit-trattament minħabba li l-varjazzjonijiet monetarji jibdlu kompletament ir-relazzjoni bejn id-diversi multi imposti. Hija tenfasizza li, bejn l-1990 u l-1994, il-munita Spanjola kienet naqset b'22% meta mqabbla ma' l-ECU filwaqt li matul l-istess perijodu, il-muniti Awstrijaka, Ġermaniża u Olandiża kienu ssaħħu b'madwar 7.5% meta mqabbla ma' l-ECU. Għaldaqstant, mingħajr l-ebda ġustifikazzjoni oġġettiva, ir-rikorrenti kienet obbligata tħallas multa li għaliha timplika piż ta' madwar 30% aktar minn dak tal-multi imposti fuq impriżi oħra, b'mod partikolari, dawk Ġermaniżi.

387    Ir-rikorrenti tikkonkludi li m'hemm xejn li jeżiġi li l-Kummissjoni għandha tesprimi l-ammont tal-multa f'ECU u li għaldaqstant hija kien imissha espremiet l-ammont tal-multa fil-munita nazjonali sabiex jiġu evitati differenzi inġustifikati fit-trattament. Anki jekk jiġi preżunt li l-Kummissjoni kellha l-fakultà li tesprimi l-ammont tal-multa f'ECU, hija kien imissha minn ta' l-anqas użat ir-rata tal-kambju li tiggarantixxi trattament ugwali, jiġifieri r-rata tal-kambju fil-mument meta l-multa kienet imposta (il-ġurnata tal-pubblikazzjoni jew tan-notifika tad-Deċiżjoni).

388    Il-Kummissjoni tfakkar li abbażi ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 tista' timponi multi li l-ammont tagħhom jista' jiġi estiż sa "10% tat-turnover [dħul mill-bejgħ­] fis-sena ta' negozju preċedenti" għal kull waħda mill-parteċipanti fil-vjolazzjoni. Din ir-rata ta' 10% applikata għad-dħul mill-bejgħ globali tikkostitwixxi l-limitu massimu tal-multa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Frar 1990, Tipp-Ex vs Il-Kummissjoni, C-279/87, Ġabra p. I-261, pubblikazzjoni sommarja, punti 38 et seq). Għaldaqstant, peress li l-Kummissjoni ddeterminat il-multa billi rreferiet għas-sena finanzjarja 1990, l-aħħar sena finanzjarja sħiħa li matulha opera l-akkordju, u peress li kkonvertiet id-dħul mill-bejgħ kollu f'ECU abbażi tar-rata tal-kambju medja ta' dik is-sena, hija baqgħet fil-limiti stabbiliti mir-Regolament Nru 17.

389    Il-konverżjoni f'ECU abbażi tar-rata tal-kambju tas-sena ta' referenza tipprovdi d-dħul mill-bejgħ reali espress f'ECU, preċiżament sabiex tiġi evitata kull diskriminazzjoni bejn l-impriżi destinatarji minħabba varjazzjonijiet fil-muniti nazzjonali tad-diversi Stati Membri. Is-sentenza Société anonyme générale sucrière et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, ma tikkonfermax it-teżi tar-rikorrenti. Mill-imsemmija sentenza jirriżulta b'mod ċar li hija tikkonċerna biss jekk huwiex meħtieġ li l-multa tiġi espress f'munita nazzjonali minħabba li l-UR ma kinitx munita ta' ħlas.

390    Fir-rigward ta' l-effetti allegatament diskriminatorji tal-metodu applikat, il-Kummissjoni tenfasizza li r-riskju ta' varjazzjonijiet monetarji huwa inerenti fin-negozju u fil-kummerċ internazzjonali. Dan huwa element li huwa impossibbli li jiġi eliminat u li fi kwalunkwe każ jaffettwa l-ammont tal-multa fil-mument tal-ħlas. Madankollu, preċiżament billi jaqleb f'ECU l-figuri li jesprimu l-volum tal-bejgħ, wieħed jelimina bl-aħjar mod kull diskriminazzjoni. B'dan il-proċess, il-multa tiġi kkalkolata f'termini "reali". Il-fatt li l-multa tiġi imposta f'munita nazzjonali jwassal sabiex jagħmilha esklużivament nominali b'tali mod li tiffavorixxi, kif jipprovaw il-kalkoli tar-rikorrenti, l-impriżi li d-dħul mill-bejgħ tagħhom huwa espress f'muniti dgħajfa. Issa, għandu jiġi osservat li l-valur ta' l-ECU huwa ddeterminat skond il-valur ta' kull munita nazzjonali u li, peress li l-impriżi destinatarji tad-Deċiżjoni joperaw f'diversi Stati Membri u f'diversi muniti nazzjonali, il-konverżjoni f'ECU tikkorrispondi għal applikazzjoni effettiva tal-prinċipju ta' trattament ugwali.

391    Fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti li kellha tintuża minn ta' l-anqas ir-rata tal-kambju applikabbli fil-mument ta' l-impożizzjoni tal-multa, il-Kummissjoni twieġeb li d-dħul mill-bejgħ tas-sena ta' referenza kellu valur reali bir-rata fis-seħħ f'dak il-mument u mhux bir-rata fis-seħħ fil-mument ta' l-adozzjoni tad-Deċiżjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza      

392    L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni jipprovdi li l-multi imposti għandhom jitħallsu f'ECU.

393    Għandu jiġi osservat li m'hemm xejn li jżomm lill-Kummissjoni milli tesprimi l-ammont tal-multa f'ECU, unità moneterja li tista' tiġi kkonvertita f'munita nazzjonali. Barra minn hekk, minħabba dan l-impriżi jistgħu jqabblu b'mod aktar faċli l-ammonti tal-multi imposti. Barra minn hekk, il-possibbiltà ta' konverżjoni ta' l-ECU għal munita nazzjonali tiddistingwi din l-unità moneterja mill-"unità ta' rendikont" imsemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 li fir-rigward tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja espressament irrikonoxxiet li, peress li mhijiex munita ta' ħlas, neċessarjament timplika d-determinazzjoni ta' l-ammont tal-multa f'munita nazzjonali (sentenza Société anonyme générale sucrière et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 15).

394    Fir-rigward tal-legalità tal-metodu tal-Kummissjoni, jiġifieri l-konverżjoni f'ECU tad-dħul mill-bejgħ ta' l-impriżi użat bħala riferiment bir-rata ta' kambju medja fis-sena ta' referenza (1990), il-kritika mressqa mir-rikorrenti ma tistax tiġi aċċettata.

395    L-ewwel nett, għandha normalment tuża metodu wieħed u l-istess għall-kalkolu tal-multi imposti fuq l-impriżi ppenalizzati talli ħadu sehem fl-istess vjolazzjoni (ara s-sentenza Musique Diffusion Française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 122).

396    It-tieni nett, sabiex tkun tista' tqabbel id-diversi dħul mill-bejgħ ikkomunikati, espressi fil-muniti nazzjonali rispettivi ta' l-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni jkollha tikkonverti dawn il-figuri fl-istess unità monetarja waħda. Peress li l-valur ta' l-ECU huwa ddeterminat skond il-valur ta' kull munita nazzjonali ta' l-Istati Membri, il-Kummissjoni ġustament ikkonvertiet f'ECU d-dħul mill-bejgħ ta' kull waħda mill-impriżi.

397    Il-Kummissjoni ġustament ukoll ibbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ tas-sena ta' referenza (1990) u kkonvertiet din il-figura f'ECU abbażi tar-rati tal-kambju medji ta' l-istess sena. Minn naħa, it-teħid in kunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ ta' kull waħda mill-impriżi matul is-sena ta' referenza, jiġifieri l-aħħar sena finanzjarja sħiħa tal-perijodu ta' vjolazzjoni kkonstatat, ippermetta lill-Kummissjoni sabiex tevalwa d-daqs u s-saħħa ekonomika ta' kull waħda mill-impriżi kif ukoll il-portata tal-vjolazzjoni mwettqa minn kull waħda minnhom minħabba li dawn l-elementi huma rilevanti għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-vjolazzjoni mwettqa minn kull impriża (ara s-sentenza Musique Diffusion Française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punti 120 u 121). Min-naħa l-oħra, it-teħid in kunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-konverżjoni f'ECU tad-dħul mill-bejgħ in kwistjoni, tar-rati tal-kambju medji fis-sena ta' referenza adottata ppermetta lill-Kummissjoni sabiex tevita li l-eventwali varjazzjonijiet monetarji li seħħew wara l-waqfien tal-vjolazzjoni jaffettwaw l-evalwazzjoni tad-daqs u tas-saħħa ekonomika relattivi ta' l-impriżi kif ukoll tal-portata tal-vjolazzjoni mwettqa minn kull waħda minnhom u, għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-gravità ta' din il-vjolazzjoni. L-evalwazzjoni tal-gravità tal-vjolazzjoni għandha fil-fatt tikkonċerna s-sitwazzjoni ekonomika reali kif kienet fiż-żmien meta twettqet l-imsemmija vjolazzjoni.

398    Għaldaqstant, l-argument li d-dħul mill-bejgħ tas-sena ta' referenza kien imissu ġie kkonvertit f'ECU abbażi tar-rata tal-kambju applikabbli fid-data ta' l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ma jistax jintlaqa'. Il-metodu ta' kalkolu tal-multa li jinvolvi l-użu tar-rata tal-kambju medja tas-sena ta' referenza jippermetti li jiġu evitati l-effetti inċerti tal-bidliet fil-valuri reali tal-muniti nazzjonali li jistgħu jseħħu, u fil-fatt seħħew f'dan il-każ, bejn is-sena ta' referenza u s-sena ta' l-adozzjoni tad-Deċiżjoni. Għalkemm dan il-metodu jista' jfisser li impriża partikolari jkollha tħallas ammont, espress f'munita nazzjonali, nominalment akbar jew anqas minn dak li kien ikollha tħallas fl-ipoteżi li tiġi applikata r-rata tal-kambju fid-data ta' adozzjoni tad-Deċiżjoni, dan ikun biss il-konsegwenza loġika tal-varjazzjonijiet fil-valuri reali tad-diversi muniti nazzjonali.

399    Għandu jingħad ukoll li diversi impriżi destinatarji tad-Deċiżjoni għandhom fabbriki tal-kartun f'aktar minn pajjiż wieħed (ara l-punti 7, 8 u 11 tal-premessi tad-Deċiżjoni). Barra minn hekk, l-impriżi destinatarji tad-Deċiżjoni ġeneralment jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f'aktar minn Stat Membru wieħed, permezz ta' rappreżentanti lokali. Huma għaldaqstant joperaw b'diversi muniti nazzjonali. Ir-rikorrenti stess tiskeb parti sostanzjali mid-dħul tal-bejgħ tagħha fuq is-swieq ta' esportazzjoni. Issa, meta deċiżjoni bħad-Deċiżjoni in kwistjoni tippenalizza vjolazzjonijiet ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat u meta l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni ġeneralment jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f'diversi Stati Membri, id-dħul mill-bejgħ tas-sena ta' referenza kkonvertit f'ECU bir-rata tal-kambju medja użata matul din l-istess sena huwa kompost mis-somma tad-dħul mill-bejgħ imdawwar f'kull wieħed mill-pajjiżi fejn l-impriża hija attiva. Għaldaqstant, dan id-dħul mill-bejgħ jikkunsidra perfettament s-sitwazzjoni ekonomika reali ta' l-impriżi kkonċernati matul is-sena ta' referenza.

400    Fl-aħħar nett, għandu jiġi vverifikat jekk, kif tallega r-rikorrenti, il-limitu massimu stabbilit mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, jiġifieri "10% tat-turnover [dħul mill-bejgħ­] fis-sena ta' negozju preċedenti", inqabiżx minħabba l-varjazzjonijiet monetarji li seħħew wara s-sena ta' referenza.

401    Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-perċentwali espressa f'din id-dispożizzjoni tikkonċerna d-dħul mill-bejgħ globali ta' l-impriża in kwistjoni (sentenza Musique Diffusion Française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 119).

402    Fis-sens ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, is-"sena ta' negozju preċedenti" hija s-sena ta' qabel id-data tad-Deċiżjoni, jiġifieri, f'dan il-każ, l-aħħar sena finanzjarja sħiħa ta' kull waħda mill-impriżi kkonċernati fit-13 ta' Lulju 1994.

403    Fid-dawl ta' dawn l-elementi, għandu jiġi kkonstatat, abbażi ta' l-informazzjoni mogħtija mir-rikorrenti fit-tweġiba tagħha għal mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza, li l-ammont tal-multa kkonvertit f'munita nazzjonali bir-rata tal-kambju applikabbli fil-mument tal-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni ma jaqbiżx l-10% tad-dħul mill-bejgħ globali miksub mir-rikorrenti fl-1993.

404    Fid-dawl ta' dak li għadu kemm intqal, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 J – Fuq il-motiv ibbażat, minn naħa, fuq kalkolu żbaljat tal-parti tal-multa li tikkorrispondi għall-vjolazzjoni attribwita lil Prat Carton u, min-naħa l-oħra, fuq ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni f'dan ir-rigward


 L-argumenti tal-partijiet

405    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għamlet kalkolu żbaljat tal-parti tal-multa li tikkorrispondi għall-vjolazzjoni allegatament imwettqa minn Prat Carton minħabba li applikat l-istess perċentwali ta' dħul mill-bejgħ bħal dik prevista għar-rikorrenti, jiġifieri 9%, imnaqqsa b'terz minħabba l-kooperazzjoni ta' l-impriża matul l-investigazzjoni tal-kwistjoni. Issa, il-parteċipazzjoni limitata ta' Prat Carton fil-laqgħat tal-JMC ta' Ġunju 1990 sa Marzu 1991 u l-fatt li hija ma kinitx "mexxejja" kienu jiġġustifikaw tnaqqis ta' l-ammont tal-multa.

406    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkritika n-nuqqas assolut ta' trasparenza u n-nuqqas ta' motivazzjoni fir-rigward tal-kalkolu tal-parti tal-multa li tikkorrispondi għall-vjolazzjoni attribwita lil Prat Carton.

407    Il-Kummissjoni tfakkar li, kif ippreċiżat fil-punt 154 tal-premessi tad-Deċiżjoni, ir-rikorrenti, li kisbet lil Prat Carton fi Frar 1991, hija responsabbli għall-imġiba antikompetittiva tagħha għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju. Peress li d-Deċiżjoni imponiet multa waħda fuq ir-rikorrenti, ikkalkolata abbażi tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha mill-kartun u għaldaqstant tinkludi d-dħul mill-bejgħ ta' Prat Carton, l-imġiba ta' din l-impriża ma kinitx tagħti lok għall-impożizzjoni ta' multa separata. Skond il-Kummissjoni, l-argument tar-rikorrenti, għaldaqstant, jikkontradixxi l-fatt li kienet imposta multa fuq ir-rikorrenti biss.

408    F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tiġi miċħuda wkoll kull akkuża dwar nuqqas ta' trasparenza jew ta' inkoerenza fil-motivazzjoni tad-Deċiżjoni f'dan ir-rigward.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza      

409    Skond l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni, il-multa imposta fuq ir-rikorrenti tikkorrispondi għal 6% tas-somma tad-dħul mill-bejgħ magħmul fl-1990 rispettivament mir-rikorrenti u minn Prat Carton (rata ta' 9% adottata fir-rigward ta' l-impriżi "mexxejja", imnaqqsa b'terz minħabba li l-atteġġament tar-rikorrenti ġie kkunsidrat bħala kooperattiv). Anki jekk f'każ bħal dan ikun tajjeb li d-deċiżjoni jkun fiha motivazzjoni aktar dettaljata tal-metodu ta' kalkolu applikat, minħabba l-motivi diġà spjegati (ara l-punti 351 sa 353 aktar 'il fuq), l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 190 tat-Trattat għandu jiġi miċħud.

410    Għandu jiġi mfakkar ukoll (ara l-punt 250 aktar 'il fuq) li l-Kummissjoni pprovat il-parteċipazzjoni ta' Prat Carton fil-kollużjoni dwar il-prezzijiet u fil-kollużjoni dwar il-perijodi ta' waqfien matul il-perijodu bejn Ġunju 1990 u Frar 1991. Għall-kuntrarju, ġie kkonstatat li l-Kummissjoni ma pprovatx b'mod suffiċjenti l-parteċipazzjoni ta' Prat Carton f'kollużjoni dwar l-ishma fis-suq matul l-istess perijodu u lanqas il-parteċipazzjoni tagħha, bejn nofs l-1986 u Ġunju 1990, f'wieħed mill-elementi kostitwenti tal-vjolazzjoni deskritti fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni.

411    Fid-dawl tal-fatt li Prat Carton ipparteċipat biss f'ċerti elementi kostitwenti tal-vjolazzjoni u għal perijodu aktar limitat minn dak ikkonstatat mill-Kummissjoni, l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti għandu jitnaqqas.

412    F'dan il-każ, peress li l-ebda motiv ieħor invokat mir-rikorrenti ma jiġġustifika tnaqqis tal-multa, il-Qorti tal-Prim'Istanza, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni assoluta tagħha, tistabbilixxi l-ammont ta' din il-multa għal ECU 14,000,000.

 Fuq l-ispejjeż

413    Skond l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom. Peress li r-rikors intlaqa' parzjalment biss, il-Qorti tal-Prim'Istanza tkun qiegħda tagħmel evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-kawża jekk tiddeċiedi li r-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha flimkien ma' nofs l-ispejjeż tal-Kummissjoni u li din għandha tbati n-nofs l-ieħor ta' l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tielet Awla Estiża)

taqta' u tiddeciedi li:

1)      L-ewwel sar-raba' paragrafi ta' l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/601/KE, tat-13 ta' Lulju 1994, dwar proċedura taħt l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (IV/C/33.833 – Kartun) għandhom jiġu annullati fir-rigward tar-rikorrenti, ħlief fir-rigward tal-passaġġi segwenti:

"L-impriżi msemmija fl-Artikolu 1 għandhom itemmu immedjatament il-vjolazzjonijiet imsemmija, jekk huma m'għamlux dan diġà. Fil-futur, huma għandhom jastjenu, fil-kuntest ta' l-attivitajiet tagħhom fis-settur tal-kartun, minn kull ftehim jew prattika miftiehma li jista' jkollhom għan jew effett identiku jew simili, inkluż kull skambju ta' informazzjoni kummerċjali:

(a)       li permezz tiegħu l-parteċipanti jiġu informati direttament jew indirettament dwar il-produzzjoni, il-bejgħ, l-ordnijiet b'lura, ir-rata ta' użu tal-magni, il-prezzijiet tal-bejgħ, l-ispejjeż jew il-pjanijiet ta' kummerċjalizzazzjoni ta' produtturi oħra.

Kwalunkwe sistema ta' skambju ta' informazzjoni ġenerali li tagħha huma jistgħu jkunu membri, bħalma hija s-sistema Fides jew is-suċċessur tagħha, għandha titmexxa b'mod li [tkun eskluża] […] kull informazzjoni li abbażi tagħha tkun tista' tiġi identifikata l-imġiba ta' produtturi partikolari."

2)      L-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti mill-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 94/601 huwa stabbilit bħala ECU 14,000,000.

3)      Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.

4)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha u n-nofs ta' l-ispejjeż tal-Kummissjoni.

5)      Il-Kummissjoni għandha tbati n-nofs ta' l-ispejjeż tagħha.

Vesterdorf

Briët

Lindh

Potocki

 

       Cooke

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-14 ta' Mejju 1998.

E. Coulon

 

       B. Vesterdorf

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.