Language of document : ECLI:EU:T:2023:105

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

8 ta’ Marzu 2023 (*)

“FAEG u FAEŻR – Infiq eskluż mill-finanzjament – Infiq imwettaq mill-Bulgarija – Azzjonijiet ta’ promozzjoni – Rapport ta’ investigazzjoni tal-OLAF – Clearance ta’ konformità – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑235/21,

Ir-Repubblika tal-Bulgarija, irrappreżentata minn T. Mitova u L. Zaharieva, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Koleva, J. Aquilina u A. Sauka, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn H. Kanninen, President, N. Półtorak (Relatriċi) u M. Stancu, Imħallfin,

Reġistratur: G. Mitrev, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tas‑27 ta’ Settembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-Repubblika tal-Bulgarija titlob l-annulament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/261 tas-17 ta’ Frar 2021 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2021, L 59, p. 10, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”), sa fejn din tirrigwarda ċertu nfiq imwettaq minnha.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Il-proċedura amministrattiva

2        Permezz tal-ittra Ares(2016) 6881454 tal-4 ta’ Jannar 2017, id-Direttorat Ġenerali (DĠ) għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-Kummissjoni Ewropea talab lir-Repubblika tal-Bulgarija sabiex tibagħtilha l-kummenti tagħha dwar informazzjoni kkomunikata mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (l-OLAF) fil-kuntest tal-investigazzjoni INT/2016/101/BG (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni tal-konstatazzjonijiet”). Essenzjalment, mill-imsemmija investigazzjoni kien jirriżulta li attivitajiet frawdolenti wasslu għal pagamenti mhux xierqa ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, id-DĠ għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali indika lir-Repubblika tal-Bulgarija li kienet qiegħda tiġi kkontestata l-eliġibbiltà għall-finanzjament mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) tal-infiq kollu marbut ma’ programmi implimentati minn [kunfidenzjali](1). Konsegwentement, id-DĠ għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali enfasizza li, f’konformità mal-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013, dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1200/2005 u Nru 485/2008 tal-Kunsill (ĠU 2013, L 347, p. 549), huwa eżamina il-possibbiltà li jiġi eskluż dan l-infiq mill-finanzjament tal-Unjoni. Huwa rrakkomanda wkoll lill-awtoritajiet Bulgari sabiex, taħt kull programm u kull tranżazzjoni li kien jipparteċipa fihom [kunfidenzjali], jissospendu l-pagamenti fejn kellhom biżżejjed raġunijiet sabiex jagħmlu dan.

3        Permezz tal-ittra Ares(2017) 4323588 tat-2 ta’ Mejju 2017, id-DĠ għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali stieden lill-awtoritajiet Bulgari sabiex, f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas-6 ta’ Awwissu 2014 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1306/2013 fir-rigward tal-aġenziji tal-ħlas u tal-entitajiet l-oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, ir-regoli dwar il-kontrolli, il-garanziji u t-trasparenza (ĠU 2014, L 255, p. 59), jipparteċipaw f’laqgħa bilaterali u għarraf lir-Repubblika tal-Bulgarija li kien qiegħed iżomm il-pożizzjoni tiegħu fis-sens li l-konstatazzjonijiet tal-OLAF jindikaw li jeżistu irregolaritajiet gravi fir-rigward tal-infiq imsemmi iktar ’il fuq fil-punt 2. Huwa spjega li kien ser jipprovdi, ukoll permezz ta’ ittra u wara li jitlesta r-rapport finali tal-OLAF, informazzjoni addizzjonali dwar id-diversi stadji li kienu ser jiġu segwiti fil-kuntest tal-proċedura ta’ clearance li kienet inbdiet. Huwa kkonkluda billi enfasizza li, sakemm jitlesta l-imsemmi rapport, huwa kien qiegħed iżomm il-pożizzjoni tiegħu fis-sens li l-infiq kollu marbut mal-programmi implimentati minn [kunfidenzjali] kienu f’riskju. Din l-ewwel laqgħa bilaterali saret fit-12 ta’ Lulju 2017.

4        Permezz tal-ittra Ares(2017) 4417644 tal-11 ta’ Settembru 2017, id-DĠ għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali bagħat il-minuti tal-laqgħa bilaterali li saret fit-12 ta’ Lulju 2017 lir-Repubblika tal-Bulgarija u għamlilha mistoqsijiet addizzjonali. Huwa indikalha wkoll li sabiex jgħaddi għall-istadji sussegwenti tal-proċedura ta’ clearance, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni kwantitattiva tar-riskju għall-fond inkwistjoni marbut man-nuqqasijiet ikkonstati, kien jaqbel li l-ewwel jitlesta r-rapport finali tal-OLAF. F’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament Nru 908/2014, id-DĠ għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali ddeċieda li jestendi bi tliet xhur it-terminu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 34(3) ta’ dan l-istess regolament sabiex jikkomunika lir-Repubblika tal-Bulgarija l-konklużjonijiet li huwa kien wasal għalihom.

5        Permezz tal-ittra Ares(2018) 329836 tad-19 ta’ Jannar 2018, id-DĠ għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali bagħat ir-rapport finali tal-OLAF bir-referenza OF/2012/0565/B (iktar ’il quddiem l-“ewwel rapport tal-OLAF”) lir-Repubblika tal-Bulgarija. Huwa għarraf lill-awtoritajiet Bulgari li kien ser jorganizza laqgħa bilaterali oħra magħhom sabiex jiddiskutu l-imsemmi rapport.

6        Permezz tal-ittra Ares(2018) 2319201 tas-7 ta’ Mejju 2018, id-DĠ għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali stieden lir-Repubblika tal-Bulgarija għat-tieni laqgħa bilaterali sabiex jiddiskutu l-ewwel rapport tal-OLAF (iktar ’il quddiem it-“tieni stedina għal laqgħa bilaterali”). Huwa indika wkoll li, wara li għarbel l-imsemmi rapport, kien qiegħed iżomm il-pożizzjoni tiegħu li l-infiq kollu marbut mal-programmi ta’ promozzjoni li kien jipparteċipa fihom [kunfidenzjali] kienu esposti għal riskju. Għalhekk, huwa rrakkomanda lill-awtoritajiet Bulgari sabiex il-pagamenti fir-rigward tal-programmi kollha li kien jipparteċipa fihom [kunfidenzjali] ma jibqgħux isiru u sabiex, f’konformità mal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2013, jipproċedu għall-irkupru tal-pagamenti irregolari mingħand il-benefiċjarji tagħhom. Din it-tieni laqgħa bilaterali saret fit-23 ta’ Mejju 2018.

7        Permezz tal-ittra Ares(2018) 3168772 tad-29 ta’ Ġunju 2018, id-DĠ għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali bagħat il-minuti tat-tieni laqgħa bilaterali lir-Repubblika tal-Bulgarija. Huwa fakkar ukoll li matul l-imsemmija laqgħa kienet intalbet informazzjoni addizzjonali.

8        Permezz tal-ittra Ares(2018) 451290 tat-3 ta’ Settembru 2018, id-DĠ għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali bagħat ir-rapport tal-OLAF bir-referenza OF/2016/0390/B5 (iktar ’il quddiem it-“tieni rapport tal-OLAF”) lill-awtoritajiet Bulgari. L-imsemmi rapport kien jirrigwarda irregolaritajiet imwettqa minn [kunfidenzjali] fil-kuntest ta’ programmi ta’ promozzjoni ffinanzjati mill-FAEG.

9        Permezz tal-ittra Ares(2019) 1300497 tal-1 ta’ Marzu 2019, id-DĠ għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali talab lill-awtoritajiet Bulgari sabiex, f’konformità mal-Artikolu 34(5)(a) tar-Regolament Nru 908/2014, jipprovdu informazzjoni addizzjonali dwar l-irkupru tal-ammonti marbuta mal-infiq imwettaq mill-FAEG fil-kuntest ta’ disa’ programmi ta’ promozzjoni identifikati bħala li jippreżentaw riskji għall-fond inkwistjoni, kif ukoll ir-reġistrazzjoni tal-ammonti korrispondenti fil-ktieb tad-debituri f’konformità mal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2013. Huwa indika wkoll li, skont l-imsemmi artikolu, it-talba għall-irkupru tal-ammonti marbuta mal-programmi implimentati minn [kunfidenzjali] kellha titressaq mhux iktar tard minn 18-il xahar wara d-19 ta’ Jannar 2018, filwaqt li dik tal-ammonti marbuta mal-programm implimentat minn [kunfidenzjali] kellha titressaq mhux iktar tard minn 18-il xahar wara t-3 ta’ Settembru 2018, jiġifieri d-dati li fihom l-ewwel u t-tieni rapport tal-OLAF (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, ir-“rapporti finali tal-OLAF”) rispettivament intbagħtu lill-aġenzija tal-pagamenti Bulgara.

10      Permezz tal-ittra Ares(2019) 7043430 tad-19 ta’ Novembru 2019, id-DĠ għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali bagħat, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 34(3) tar-Regolament Nru 908/2014, komunikazzjoni lir-Repubblika tal-Bulgarija (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni uffiċjali”), li analizzat b’mod partikolari l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Bulgari fl-ittra Nru 99‑129 tal-20 ta’ Lulju 2018, fl-ittra Nru 99‑162 tal-21 ta’ Settembru 2018 u fl-ittra Nru 53‑1‑116 tal-24 ta’ April 2019. Minn dan jirriżulta, essenzjalment, li, wara d-diskussjoni bilaterali tad-29 ta’ Mejju 2018 u abbażi tal-informazzjoni addizzjonali li kienet sussegwentement intbagħtitlu mir-Repubblika tal-Bulgarija, kif ukoll mir-rapporti finali tal-OLAF, huwa qies li l-finanzjament ta’ disa’ programmi ta’ promozzjoni implimentati minn [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali] ma sarx f’konformità mar-regoli applikabbli. Barra minn hekk, qies ukoll li, sa fejn ma kienet inbdiet l-ebda proċedura ta’ rkupru u ta’ reġistrazzjoni fil-ktieb tad-debituri tal-aġenzija tal-pagamenti mir-Repubblika tal-Bulgarija, is-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll ta’ din tal-aħħar ma kinitx f’konformità mar-rekwiżiti previsti mid-dritt tal-Unjoni u li għalhekk kien jeżisti riskju għall-fond inkwistjoni. Għaldaqstant, huwa ppropona li jiġi eskluż ammont ta’ EUR 7 656 848.97 mill-finanzjament mill-FAEG.

11      Permezz tal-ittra Nru 99‑170 tat-18 ta’ Diċembru 2019, ir-Repubblika tal-Bulgarija adixxiet lill-Korp ta’ Konċiljazzjoni, skont l-Artikolu 40(1) tar-Regolament Nru 908/2014. Il-Korp ta’ Konċiljazzjoni ta opinjoni fil-25 ta’ Frar 2020.

12      Permezz tal-ittra Ares(2020) 4231484 tat-12 ta’ Awwissu 2020, id-DĠ għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali bagħat l-opinjoni finali tiegħu lir-Repubblika tal-Bulgarija (iktar ’il quddiem l-“opinjoni finali”), li permezz tagħha għarraf lil din tal-aħħar li kien qiegħed iżomm il-pożizzjoni tiegħu kif imfissra fl-ittra Ares(2019) 7043430 tad-19 ta’ Novembru 2019, u għalhekk ippropona li jiġi eskluż ammont ta’ EUR 7 656 848.97 mill-finanzjament mill-FAEG.

 Id-deċiżjoni kkontestata

13      Fis-17 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha applikat, abbażi tal-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013, korrezzjoni ta’ darba li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni ċertu nfiq imwettaq mir-Repubblika tal-Bulgarija taħt il-programmi operattivi kkofinanzjati mill-FAEG u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR). Essenzjalment, irriżulta li, fir-rigward tal-verifiki li saru, tad-diskussjonijiet bilaterali u tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni, parti mill-infiq iddikjarat mir-Repubblika tal-Bulgarija ma kinitx, minħabba nuqqas ta’ rkupru, tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tiġi ffinanzjata taħt il-FAEG.

14      Konsegwentement, id-Deċiżjoni kkontestata eskludiet ammont ta’ EUR 7 656 848.97 mill-finanzjament tal-Unjoni.

 It-talbiet tal-partijiet

15      Ir-Repubblika tal-Bulgarija titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni kkontestata sa fejn din applikat fil-konfront tagħha korrezzjoni finanzjarja relatata mal-investigazzjoni INT/2016/101/BG ta’ ammont totali ta’ EUR 7 656 848.97;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

16      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tal-prova prodotta fis-26 ta’ Settembru 2022

17      Fis-26 ta’ Settembru 2022, jiġifieri lejliet is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, ir-Repubblika tal-Bulgarija pproduċiet prova ġdida, jiġifieri ittra tal-Kummissjoni li permezz tagħha din tal-aħħar kienet bagħtitilha rapport tal-OLAF li r-Repubblika tal-Bulgarija qieset li kellu suġġett simili għal dak tar-rapporti finali tal-OLAF inkwistjoni f’din il-kawża.

18      Matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, ir-Repubblika tal-Bulgarija sostniet li hija ma setgħetx tippreżenta din il-prova fil-kuntest tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, peress li hija kienet irċevietha wara l-għeluq tagħha, jiġifieri fit-12 ta’ Mejju 2022, fatt li l-Kummissjoni ma tikkontestax.

19      Il-Kummissjoni ssostni li l-prova għandha titqies inammissibbli għall-fatt li din ġiet ippreżentata tard.

20      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-partijiet prinċipali jistgħu, f’każijiet eċċezzjonali, jipproduċu jew jipproponu provi ġodda anki qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel ma l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew imressqa tard.

21      F’dan il-każ, il-prova prodotta fis-26 ta’ Settembru 2022 tikkonsisti f’ittra tal-Kummissjoni li waslet għand ir-Repubblika tal-Bulgarija fit‑12 ta’ Mejju 2022. Issa, ir-replika ġiet ippreżentata fis-6 ta’ Ottubru 2021 u l-fażi bil-miktub tal-proċedura ngħalqet fit-30 ta’ Novembru 2021.

22      Għalhekk, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma setgħetx tipproduċi din il-prova qabel it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura. Konsegwentement, din għandha titqies ammissibbli.

 Fuq il-mertu

23      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Bulgarija tinvoka ħames motivi, ibbażati, rispettivament u essenzjalment, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha matul il-proċedura amministrattiva li fi tmiemha ġiet adottata d-Deċiżjoni kkontestata; it-tieni wieħed, fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni; it-tielet wieħed, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 fir-rigward tal-mod kif ġie ffissat il-punt li fih jibda jiddekorri t-terminu ta’ 18-il xahar li minnu għandu jintalab mill-Istat Membru kkonċernat l-irkupru ta’ kull pagament indebitu mingħand il-benefiċjarju tiegħu; ir-raba’ wieħed, fuq żball ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni sa fejn din tal-aħħar qieset li l-aġenzija tal-pagamenti ma aġixxietx bid-diliġenza meħtieġa sabiex tirkupra s-somom kontenzjużi u li kienet negliġenti sa fejn ma fetħitx proċedura amministrattiva ta’ rkupru fit-termini previsti fl-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013; u l-ħames wieħed, fuq li l-ammont tal-infiq eskluż mill-finanzjament tal-Unjoni mid-Deċiżjoni kkontestata ma huwiex f’konformità mal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2013 u lanqas mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

24      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-fondi agrikoli tal-Unjoni jiffinanzjaw biss l-interventi li jsiru skont id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2014, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑610/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2349, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Barra minn hekk, il-ġestjoni tal-finanzjament tal-fondi tal-Unjoni tiddependi mill-amministrazzjonijiet nazzjonali inkarigati li jiżguraw l-osservanza tar-regoli tal-Unjoni u hija bbażata fuq il-fiduċja bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-awtoritajiet tal-Unjoni. Huwa biss l-Istat Membru li jinsab f’pożizzjoni li jsir jaf u li jiddetermina bi preċiżjoni d-data meħtieġa sabiex jitfasslu l-kontijiet tal-fond, billi l-Kummissjoni ma tgawdix mill-qrubija meħtieġa sabiex tikseb l-informazzjoni li hija għandha bżonn mingħand l-operaturi ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Ottubru 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑153/01, EU:C:2004:589, punt 133 u l-ġurisprudenza ċċitata u tal-4 ta’ Settembru 2009, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, T‑368/05, mhux ippubblikata, EU:T:2009:305, punt 182 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-motivi mressqa mir-Repubblika tal-Bulgarija insostenn tar-rikors tagħha.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet proċedurali tar-Repubblika tal-Bulgarija matul il-proċedura amministrattiva li fi tmiemha ġiet adottata d-Deċiżjoni kkontestata

27      Ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li, fil-komunikazzjoni tal-konstatazzjonijiet, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura ta’ clearance kontenzjuża abbażi tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, liema fatt ġie kkonfermat iktar ’il quddiem matul id-diversi skambji li segwewha. F’dan ir-rigward, hija tispjega li, bis-saħħa tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 908/2014, jekk, fi tmiem investigazzjoni, il-Kummissjoni tqis li l-infiq ma twettaqx f’konformità mar-regoli tal-Unjoni, hija għandha tikkomunika l-konklużjonijiet tagħha lill-Istat Membru kkonċernat billi tispjega l-miżuri korrettivi meħtieġa sabiex, fil-futur, tkun żgurata l-osservanza tar-regoli tal-Unjoni. Ir-riżervi tal-Kummissjoni kellhom għalhekk jiġu mfissra b’mod perfettament ċar. Madankollu, ir-Repubblika tal-Bulgarija tindika f’dan ir-rigward li, mindu saret it-tieni stedina għal laqgħa bilaterali, il-Kummissjoni semmiet għall-ewwel darba l-ksur potenzjali tal-Artikolu 54(5)(a) u (c) tar-Regolament Nru 1306/2013, filwaqt li, fl-istess ħin, kompliet tirreferi għall-Artikolu 52 tal-imsemmi regolament. Hija tosserva li, fi tmiem il-proċedura amministrattiva, il-korrezzjoni finanzjarja kontenzjuża kienet finalment ibbażata fuq negliġenza min-naħa tal-aġenzija tal-pagamenti minħabba n-nuqqas ta’ rkupru mingħand il-benefiċjarji tal-infiq ikkonċernat skont l-Artikolu 54(5)(a) u (c) tar-Regolament Nru 1306/2013 u n-nuqqas ta’ reġistrazzjoni tiegħu fil-ktieb tad-debituri fit-terminu stabbilit fl-Artikolu 54(1) ta’ dan tal-aħħar.

28      Fid-dawl ta’ dan, ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li l-mod kif evolviet il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-bażi legali li fuqha hija bbażata l-korrezzjoni finanzjarja kontenzjuża żgwida lill-aġenzija tal-pagamenti, fis-sens li fil-bidu din qieset li l-proċedura ta’ clearance kienet inbdiet skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013 minħabba nuqqasijiet fis-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tar-regolarità tal-operazzjonijiet iffinanzjati mill-FAEG. Hija tenfasizza li, fl-ewwel stadji tal-imsemmija proċedura, tali nuqqasijiet ma ġewx ikkonstatati, filwaqt li ebda problema dwar is-sistema ta’ rkupru tad-dejn ma kienet, dak iż-żmien, ġiet invokata. Konsegwentement, hija ssostni li l-kjarifiki li għamlet il-Kummissjoni, fl-istadju li fih waslet għand l-aġenzija tal-pagamenti t-talba għal informazzjoni addizzjonali prevista fl-Artikolu 34(5)(a) tar-Regolament Nru 908/2014, saru tard wisq. Din tal-aħħar spjegat, għall-ewwel darba, l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, li t-terminu ta’ 18-il xahar għall-irkupru tad-dejn kontenzjuż kien, f’dan il-każ, beda jiddekorri mindu waslu għand l-aġenzija tal-pagamenti r-rapporti finali tal-OLAF, jiġifieri fid-19 ta’ Jannar 2018 fir-rigward tal-ewwel rapport u fit-3 ta’ Settembru 2018 fir-rigward tat-tieni rapport. Barra minn hekk, hija tqis li d-data li ntbagħtet mill-Kummissjoni permezz tal-komunikazzjoni tal-konstatazzjonijiet setgħet issir fi stadju iktar bikri. Minn dan jirriżulta li r-Repubblika tal-Bulgarija tqis li ma bbenefikatx mill-garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 52(3) tar-Regolament Nru 1306/2013 u fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 908/2014.

29      Il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ dan l-argument.

30      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, permezz ta’ dan il-motiv, ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni essenzjalment li l-proċedura ta’ clearance ta’ konformità li saret f’dan il-każ hija vvizzjata b’difetti li ma ppermettewlhiex li tibbenefika mill-garanziji proċedurali tal-Artikolu 52(3) tar-Regolament Nru 1306/2013 u l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 908/2014. Fil-fehma tagħha, in-nuqqas ta’ dawn l-imsemmija garanziji jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża, kif ukoll tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, tal-prinċipju ta’ kontradittorju u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u għandu, konsegwentement, iwassal għall-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet distinti, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx awtorizzata li tbiddel il-bażi legali li fuqha finalment ġiet ibbażata d-Deċiżjoni kkontestata matul il-proċedura amministrattiva u t-tieni waħda, fuq il-fatt li, billi pproċediet b’dan il-mod, il-Kummissjoni żgwidatha peress li tat x’tifhem li n-nuqqasijiet kkonstatati kienu jirrigwardaw is-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tagħha, l-uniċi ipoteżijiet imsemmija fl-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013, u mhux fuq l-irkupru tal-fondi inkwistjoni li, min-naħa tiegħu, jiddependi mill-Artikolu 54 tal-imsemmi regolament.

31      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fir-rigward tal-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ, li, skont il-ġurisprudenza, l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża tikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi żgurat, anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura. Dan il-prinċipju jitlob li d-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw l-interessi ta’ dawn tal-aħħar b’mod sinjifikattiv jingħataw l-opportunità li jressqu l-fehmiet tagħhom b’mod effettiv (ara s-sentenza tad-19 ta’ Jannar 2006, Comunità montana della Valnerina vs Il-Kummissjoni, C‑240/03 P, EU:C:2006:44, punt 129 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-kuntest ta’ proċeduri dwar il-FAEG, ġie deċiż li l-imsemmi prinċipju jitlob li d-deċiżjoni finali u definittiva dwar il-clearance tal-kontijiet tittieħed fi tmiem proċedura kontradittorja speċifika li matulha l-Istati Membri kkonċernati għandu jkollhom il-garanziji kollha meħtieġa sabiex jressqu l-fehmiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2012, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑426/08, mhux ippubblikata, EU:T:2012:526, punt 141 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Fir-rigward tar-rispett tad-dritt għal smigħ, dan jitlob b’mod partikolari li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha mogħtija mill-Istat Membru matul il-proċedura kontradittorja qabel id-deċiżjoni finali dwar l-ammont li għandu jiġi eskluż (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Settembru 2003, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, C‑346/00, EU:C:2003:474, punt 70, u tas-26 ta’ Novembru 2008, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑263/06, mhux ippubblikata, EU:T:2008:529, punt 136).

33      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, abbażi tal-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddeterminaw l-ammonti li għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni meta hija tqis li nfiq li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, jiġifieri nfiq tal-FAEG, ma twettaqx f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Dan jipprevedi għalhekk il-proċedura li għandha tiġi segwita għall-applikazzjoni ta’ korrezzjonijiet fil-kuntest tal-clearance ta’ konformità. Barra minn hekk, din il-proċedura hija spjegata fl-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 908/2014.

34      L-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2013 huwa intiż li jissodisfa l-għan ġenerali ta’ preżervazzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni billi jimponi obbligu speċifiku fuq l-Istati Membri li jibdew minnufih proċedura ta’ rkupru tad-dejn meta l-infiq li jkun sar fil-kuntest tal-fond ikkonċernat ikun affettwat minn irregolaritajiet jew negliġenza. F’dan ir-rigward, huwa b’mod partikolari previst fl-Artikolu 54(5) tal-imsemmi regolament li l-Kummissjoni tista’ teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni parti minn dan l-infiq, sakemm il-proċedura prevista fl-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013 tkun ġiet segwita.

35      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandu jiġi evalwat l-ewwel motiv tar-rikors.

36      Bis-saħħa tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 908/2014, il-proċedura ta’ clearance ta’ konformità għandha, essenzjalment, issegwi sitt stadji. Fl-ewwel stadju, il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konstatazzjonijiet tagħha lill-Istat Membru kkonċernat billi tispjega l-miżuri korrettivi li hija tqis li għandu jadotta u billi tindika l-livell provviżorju ta’ korrezzjoni finanzjarja li hija tqis xieraq. L-imsemmi Stat Membru għandu jwieġeb fi żmien xahrejn minn meta jirċievi din il-komunikazzjoni. Fit-tieni stadju, il-Kummissjoni għandha torganizza laqgħa bilaterali sabiex tipprova tilħaq ftehim dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu fid-dawl tal-konstatazzjonijiet imfissra fil-komunikazzjoni tal-konstatazzjonijiet, kif ukoll sabiex tevalwa l-gravità tal-ksur u tad-dannu finanzjarju kkawżat lill-Unjoni. Hija obbligata tikkomunika l-minuti ta’ din il-laqgħa f’terminu ta’ 30 jum ta’ xogħol lill-Istat Membru kkonċernat, li jista’ huwa stess jibgħat l-osservazzjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward. Fit-tielet stadju, f’terminu ta’ sitt xhur wara li jintbagħat l-imsemmi rapport, il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet tagħha. Fir-raba’ stadju, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jitlob li tintuża l-proċedura ta’ konċiljazzjoni li l-modalitajiet tagħha huma previsti fl-Artikolu 40 tar-Regolament Nru 908/2014. Fil-ħames stadju, jekk il-proċedura ta’ konċiljazzjoni ma tirnexxix, il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Istat Membru kkonċernat il-konklużjonijiet tagħha. Fl-aħħar nett, fis-sitt stadju, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni waħda jew iktar skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013, sabiex teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni l-infiq affettwat min-nuqqas ta’ osservanza tal-leġiżlazzjoni rilevanti.

37      Fir-rigward tal-ewwel stadju deskritt iktar ’il fuq fil-punt 36, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-konstatazzjonijiet tagħha, fis-sens tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 908/2014, għandha qabel kollox tidentifika b’mod preċiż biżżejjed l-irregolaritajiet kollha kkonstatati fil-konfront tal-Istat Membru kkonċernat li fl-aħħar mill-aħħar ikunu l-bażi tal-korrezzjoni finanzjarja mwettqa. Hija biss tali komunikazzjoni li tista’ tiggarantixxi għarfien sħiħ tar-riżervi tal-Kummissjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2012, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑24/11 P, EU:C:2012:266, punt 31). Barra minn hekk, hija għandha tidentifika s-suġġett u r-riżultat tal-investigazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni u tindika l-miżuri korrettivi li għandhom jiġu adottati fil-futur (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2018, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, T‑463/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:606, punt 68).

38      F’dan il-każ, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ clearance billi, fl-4 ta’ Jannar 2017, bagħtet il-komunikazzjoni tal-konstatazzjonijiet lir-Repubblika tal-Bulgarija. F’dan id-dokument, kif miġbur fil-qosor iktar ’il fuq fil-punt 2, kien indikat li, f’konformità mal-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013 u wara li ġiet kkomunikata informazzjoni mill-OLAF, il-Kummissjoni eżaminat il-possibbiltà li teskludi mill-finanzjament mill-Unjoni parti mill-infiq marbut mal-programmi u mat-tranżazzjonijiet li fihom ipparteċipa [kunfidenzjali]. Sussegwentement saru skambji qabel, matul u wara l-ewwel laqgħa bilaterali li l-għan tagħha kien li jiġu diskussi l-problemi identifikati mill-Kummissjoni.

39      Wara li rċeviet l-ewwel rapport tal-OLAF stabbilit fl-investigazzjoni OF/2016/0390/B5 u li hija kienet bagħtet lir-Repubblika tal-Bulgarija fid-19 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni ddeċidiet li ssejjaħ lil din tal-aħħar għat-tieni laqgħa bilaterali permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Mejju 2018. F’din is-sejħa, kien sar riferiment għall-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2013 u ġie rrakkomandat, f’konformità ma’ dan tal-aħħar, li jsir l-irkupru tal-pagamenti li l-ewwel rapport tal-OLAF qies li tħallsu b’mod irregolari. Ir-Repubblika tal-Bulgarija bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha dwar din is-sejħa permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Mejju 2018. Hija għarrfet b’mod espliċitu lill-Kummissjoni li hija ma kinitx biħsiebha tipproċedi minnufih għall-irkupru tal-infiq kontenzjuż, billi sostniet, f’dan ir-rigward, li l-korpi ta’ investigazzjoni kompetenti tagħha stess ma kinux taw deċiżjoni fil-proċedura preliminari li kienet inbdiet dwar din il-kwistjoni.  Hija żammet il-pożizzjoni tagħha matul u sa tmiem il-proċedura ta’ clearance. Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Settembru 2018, il-Kummissjoni bagħtet it-tieni rapport tal-OLAF lir-rikorrenti, iddedikat għall-irregolaritajiet imwettqa minn [kunfidenzjali].

40      Fl-opinjoni finali, il-Kummissjoni, fit-12 ta’ Awwissu 2020, għarrfet lir-Repubblika tal-Bulgarija li hija kienet qiegħda iżżomm il-pożizzjoni, diġà mfissra fil-komunikazzjoni uffiċjali, fis-sens li, minħabba negliġenzi tal-aġenzija tal-pagamenti sabiex titlob l-irkupru tad-dejn kontenzjuż mingħand il-benefiċjarji tiegħu u sabiex tirreġistra l-ammonti inkwistjoni fil-ktieb tad-debituri fit-terminu stabbilit mill-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, kienet ser timponilha korrezzjoni finanzjarja abbażi tal-Artikolu 54(5)(a) u (c) tal-imsemmi regolament. Fid-Deċiżjoni kkontestata, ġie indikat qabel kollox li, b’mod ġenerali, din kienet ġiet adottata fir-rigward, b’mod partikolari, tal-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013. F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar preċiż, il-korrezzjoni finanzjarja imposta fuq ir-Repubblika tal-Bulgarija, ġie sussegwentement indikat li din kienet tirriżulta minn nuqqas ta’ rkupru għal azzjonijiet ta’ promozzjoni mwettqa bejn is-snin 2010 u 2017.

41      Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-punti 38 sa 40 iktar ’il fuq, ir-raġunijiet tal-korrezzjoni finanzjarja kontenzjuża, kif ġew imfissra fir-rapport ta’ sinteżi u fid-Deċiżjoni kkontestata, jaqblu biss parzjalment ma’ dawk li kienu ġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ clearance kontenzjuża, kif kienu ġew spjegati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tal-konstatazzjonijiet.

42      Madankollu, u kif ġie deskritt fil-punt 39 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika tal-Bulgarija għat-tieni laqgħa bilaterali. F’din it-tieni stedina, ġie indikat b’mod partikolari li ċerti pagamenti setgħu jitqiesu bħala ineliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni u kien irrakkomandat, minn naħa, li l-pagamenti li tqiesu li jippreżentaw riskji għall-fond inkwistjoni ma jibqgħux isiru u, min-naħa l-oħra, li, f’konformità mal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2013, jiġu rkuprati l-pagamenti irregolari mingħand il-benefiċjarji rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, it-tieni stedina għal laqgħa bilaterali kienet tinkludi, l-ewwel, riferiment għall-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 908/2014; it-tieni, identifikazzjoni preċiża tal-irregolaritajiet li, f’dan l-istadju, jistgħu jiġġustifikaw korrezzjoni finanzjarja; u t-tielet, indikazzjoni dwar il-miżuri korrettivi li għandhom jitqiesu. F’dan ir-rigward, tali stedina tista’ titqies li, essenzjalment, adattat il-komunikazzjoni tal-konstatazzjonijiet li ntbagħtet lir-Repubblika tal-Bulgarija fl-4 ta’ Jannar 2017.

43      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat ukoll li huwa minħabba li l-Kummissjoni ħadet konjizzjoni tal-ewwel rapport tal-OLAF li kien għadu kemm intbagħtilha li hija setgħet, biss f’dan l-istadju, tiddeċiedi b’mod konklużiv fir-rigward tal-ħtieġa li tinbeda proċedura ta’ rkupru f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2013.

44      Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li r-Repubblika tal-Bulgarija setgħet tiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet kollha indirizzati mill-Kummissjoni fit-tieni stedina għal laqgħa bilaterali u, b’mod partikolari, dwar dik relatata mal-irkupru tal-infiq kontenzjuż u mal-applikazzjoni tal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2013. Għalhekk, ir-Repubblika tal-Bulgarija setgħet tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha dwar dan is-suġġett, l-ewwel permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Mejju 2018 u għalhekk qabel saret it-tieni laqgħa bilaterali, kif jipprevedi l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 908/2014, imbagħad, matul it-tieni laqgħa bilaterali, kif ukoll l-istadji sussegwenti tal-proċedura ta’ clearance.

45      Barra minn hekk, kien biss fl-istadju tal-iskambji deskritti fil-punt 44 iktar ’il fuq li r-Repubblika tal-Bulgarija nnotifikat b’mod espliċitu lill-Kummissjoni li hija ma kinitx biħsiebha tieħu passi partikolari sabiex tipproċedi għal tali rkupru f’dan l-istadju, billi sostniet li l-korpi ta’ investigazzjoni kompetenti tagħha stess ma kinux taw deċiżjoni fil-proċedura preliminari li kienet inbdiet dwar din il-kwistjoni. Għalhekk, huwa minħabba li hija kienet affrontata b’tali rifjut li l-Kummissjoni, sa mit-tieni laqgħa bilaterali, innotifikat lir-Repubblika tal-Bulgarija li hija kienet qed tistenniha tibda proċeduri ta’ rkupru u talbitha li żżommha informata dwar l-implimentazzjoni ta’ din il-miżura korrettiva. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Bulgarija nnotifikat lill-Kummissjoni li hija kienet ser tiffinalizza r-reġistrazzjoni tal-ammonti inkwistjoni fil-ktieb tad-debituri, prevista fl-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, fil-ġimgħat li ġejjin.

46      Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi osservat li huwa minħabba li l-Kummissjoni ġiet ikkonfrontata bir-rifjut tar-Repubblika tal-Bulgarija li tikkonforma ruħha ma’ parti mill-miżuri korrettivi previsti, jiġifieri l-irkupru tal-pagamenti kontenzjużi mill-iktar fis possibbli, li, fit-talba għal informazzjoni addizzjonali li ntbagħtet fl-1 ta’ Marzu 2019, hija fakkret lir-Repubblika tal-Bulgarija fir-rekwiżiti li kienu jirriżultaw mill-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013. F’din l-okkażjoni, il-Kummissjoni enfasizzat b’mod partikolari li r-Repubblika tal-Bulgarija kellha titlob l-irkupru tal-pagamenti indebiti mingħand il-benefiċjarji tagħhom f’terminu ta’ 18-il xahar min-notifika tar-rapporti finali tal-OLAF fiż-żewġ investigazzjonijiet immexxija minnu. Barra minn hekk, ir-riferiment għall-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2013 ma kien iħalli ebda dubju dwar il-possibbiltà ta’ korrezzjonijiet finanzjarji jekk l-imsemmi terminu ma jiġix osservat.

47      Issa, ma huwiex ikkontestat mill-partijiet li r-Repubblika tal-Bulgarija tpoġġiet f’pożizzjoni li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 adottata mill-Kummissjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu li kellu jiġi osservat f’dan il-każ sabiex jinbdew il-proċeduri ta’ rkupru tal-infiq kontenzjuż mingħand il-benefiċjarji tiegħu. Fil-fatt, fl-ittra tagħha tal-24 ta’ April 2019, ir-Repubblika tal-Bulgarija fissret b’mod ċar in-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-imsemmija interpretazzjoni, mingħajr madankollu ma qalet li ma kienx possibbli li tinbeda proċedura ta’ rkupru tal-infiq kontenzjuż. Dawn id-dibattiti kollha kienu, barra minn hekk, magħrufa mill-Korp ta’ Konċiljazzjoni, kif jixhed is-sunt tal-fatti mħejji minn dan tal-aħħar fir-rapport ta’ konċiljazzjoni.

48      F’dan il-kuntest, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma tistax issostni li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tifhem li setgħet tiġi imposta fuqha korrezzjoni finanzjarja jekk tonqos li, f’konformità mal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2013, tibda proċedura ta’ rkupru tal-infiq kontenzjuż mingħand il-benefiċjarju tiegħu.

49      Barra minn hekk, sa fejn il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-irkupru meħtieġ tal-infiq kontenzjuż kienet ġiet ikkomunikata lilha qabel it-tieni laqgħa bilaterali u sa fejn il-kwistjonijiet kollha dwar l-applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2013, ġew diskussi matul il-proċedura ta’ clearance kollha, inkluż quddiem il-Korp ta’ Konċiljazzjoni, ma jistax jitqies li d-drittijiet proċedurali tar-Repubblika tal-Bulgarija ġew miksura, u lanqas ma ġew miksura d-drittijiet tad-difiża tagħha, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, il-prinċipju ta’ kontradittorja u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

50      Din il-konklużjoni ma hijiex imqiegħda f’dubju mill-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Bulgarija li minnhom jirriżulta, l-ewwel, li l-Kummissjoni qatt ma semmiet irregolaritajiet fis-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll implimentata mir-Repubblika tal-Bulgarija, u lanqas lakuni fil-verifiki sussegwenti tal-aġenzija tal-pagamenti, u, it-tieni, li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li fuqhom kienet ibbażata d-Deċiżjoni kkontestata mill-Kummissjoni kienet tardiva wisq sabiex tkun tista’ konsegwentement tadatta l-aġir tagħha.

51      Fil-fatt, fir-rigward tal-ewwel argument, dan ma jaffettwax l-evalwazzjoni tal-legalità tad-Deċiżjoni kkontestata, peress li din ma hijiex ibbażata fuq allegati nuqqasijiet tas-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll implimentata mir-Repubblika tal-Bulgarija, iżda fuq in-nuqqas ta’ rkupru, minn din tal-aħħar, tal-infiq kontenzjuż mingħand il-benefiċjarji tagħhom fit-termini previsti fl-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013.

52      Fir-rigward tat-tieni argument, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-affermazzjoni li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni setgħet kienet inqas tardiva ma hijiex issostanzjata. Min-naħa l-oħra, sa fejn ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li l-ittra li ntbagħtet fl-1 ta’ Marzu 2019 kienet tardiva wisq sabiex tkun tista’ tadotta l-miżuri neċessarji, peress li t-terminu ta’ 18-il xahar previst sabiex isir l-irkupru tad-dejn li jikkonċerna lil [kunfidenzjali] kien prattikament diġà skada, filwaqt li kienu diġà għaddew iktar minn 6 xhur fir-rigward tad-dejn ta’ [kunfidenzjali], dan jikkoinċidi mal-argumenti mqajma fil-kuntest tat-tielet motiv tar-rikors. Għalhekk dan għandu jiġi analizzat fil-kuntest tal-eżami tal-imsemmi motiv.

53      Barra minn hekk, sa fejn ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li l-ittra tal-Kummissjoni li hija rċeviet fit-12 ta’ Mejju 2022 tista’ ssaħħaħ l-ipoteżijiet li hija tiddefendi fil-kuntest ta’ din il-kawża, għandu jiġi osservat li r-Repubblika tal-Bulgarija ma tispjegax għal liema ipoteżijiet għandha b’mod partikolari tapplika tali konklużjoni u dan anqas ma jirriżulta mill-qari tal-imsemmija ittra.

54      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

55      Ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni, essenzjalment, li d-Deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għal uħud mill-kunsiderazzjonijiet imfissra fil-kuntest tal-ewwel motiv u li hija tqis li huma wkoll rilevanti sabiex jiġi stabbilit li d-Deċiżjoni kkontestata ma hijiex motivata b’mod suffiċjenti. Barra minn hekk, hija tfakkar li kien biss fl-istadju tal-istedina għat-tieni laqgħa bilaterali li l-Kummissjoni semmiet, għall-ewwel darba, l-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 u żżid li din ma għamlet l-ebda osservazzjoni dwar il-pożizzjoni mfissra mill-aġenzija tal-pagamenti fir-risposta tagħha għall-imsemmija stedina, li tgħid li, fid-dawl tal-ewwel rapport finali tal-OLAF, kien jaqbel li l-konsegwenzi finanzjarji tal-azzjoni ta’ [kunfidenzjali] jinqasmu bejnha stess u l-Unjoni. Barra minn hekk, hija ssostni li, filwaqt li l-Kummissjoni ammettiet li l-fatti msemmija fir-rapporti finali tal-OLAF kienu jikkostitwixxu reati skont il-Kodiċi Kriminali Bulgaru, hija sempliċement irriferiet għall-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 u għall-ħtieġa li tinfetaħ il-proċedura amministrattiva ta’ reġistrazzjoni tal-benefiċjarji fil-lista tad-debituri u l-irkupru tal-infiq irregolari. Fl-istadju tar-replika, ir-Repubblika tal-Bulgarija tallega li l-proċedura li permezz tagħha tfasslet id-Deċiżjoni kkontestata, kif deskritta fl-ewwel motiv, ma ppermettitilhiex tifhem ir-raġunijiet tagħha. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-Kummissjoni kellha tiftaħ proċedura ta’ clearance ġdida bbażata fuq ir-raġunijiet rilevanti li hija, f’dan il-każ, invokat biss matul il-proċedura kontenzjuża.

56      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

57      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li jippermetti li l-partijiet ikkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li l-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑159/01, EU:C:2004:246, punti 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      B’mod partikolari, l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju, li jikkostitwixxi korollarju tal-prinċipju ta’ rispett għad-drittijiet tad-difiża, huwa intiż, minn naħa, li jipprovdi lil persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti dwar jekk l-att huwiex fondat jew jekk jistax ikun ivvizzjat b’xi żball li jippermetti l-kontestazzjoni tal-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar li tistħarreġ il-legalità ta’ dak l-att (ara s-sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, Ir-Rumanija vs Il-Kummissjoni, T‑145/15, EU:T:2017:86, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Madankollu, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tissodisfax ir-rekwiżiti mfakkra fil-punti 39 u 40 iktar ’il fuq għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl ta’ kliemha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha u kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-kwistjoni kkonċernata (ara s-sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, Ir-Rumanija vs Il-Kummissjoni, T‑145/15, EU:T:2017:86, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Għandu jitfakkar ukoll li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal‑clearance tal-kontijiet tal-fond ikkonċernat ittieħdu abbażi ta’ rapport ta’ sinteżi, kif ukoll ta’ korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2002, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑132/99, EU:C:2002:168, punt 39). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tirrifjuta li dan tal-aħħar ibati parti mill-infiq iddikjarat għandha titqies suffiċjenti meta l-Istat destinatarju jkun ġie involut mill-qrib fil-proċess li permezz tiegħu titfassal din id-deċiżjoni u jkun jaf ir-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni kienet tqis li s-somma kontenzjuża ma kellhiex tkun koperta mill-fond (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑263/98, EU:C:2001:455, punt 98 u tas-17 ta’ Mejju 2013, Il-Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑294/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:261, punt 94).

61      L-ewwel, sa fejn ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li l-Kummissjoni semmiet biss l-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 fl-istadju tal-istedina għat-tieni laqgħa bilaterali, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, kif ġie indikat fil-punti 38 sa 40 iktar ’il fuq, ir-Repubblika tal-Bulgarija kienet involuta fil-proċess li permezz tiegħu tfasslet id-Deċiżjoni kkontestata u li, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel motiv tar-rikors, il-kwistjoni tal-irkupru tad-dejn kontenzjuż, b’rabta mal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2008, ġiet diskussa bejn il-partijiet diversi drabi.

62      Konsegwentement, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma tistax issostni li hija ma ġietx avżata bir-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni kienet biħsiebha timponi fuqha l-korrezzjoni finanzjarja kontenzjuża u lanqas li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tifhem ir-raġunijiet tad-Deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt.

63      It-tieni, ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li l-Kummissjoni ma rrispondietx għall-osservazzjoni, ikkomunikata fl-istadju tar-risposta għat-tieni stedina għal laqgħa bilaterali, li tgħid li kien meħtieġ li l-Unjoni taqsam magħha l-konsegwenzi finanzjarji tal-irregolaritajiet kontenzjużi.

64      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni wieġbet b’mod espliċitu għal din l-osservazzjoni fil-komunikazzjoni uffiċjali li hija bagħtitilha fid-19 ta’ Novembru 2019, skont l-Artikolu 34(3) tar-Regolament Nru 908/2014, u li dan l-argument huwa għalhekk infondat fil-fatt.

65      It-tielet, ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li l-Kummissjoni ma semmietx ir-regoli speċifiċi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni li nkisru minn [kunfidenzjali] u minn [kunfidenzjali] u li fuqhom hija setgħet tibbaża ruħha sabiex titlob l-irkupru tad-dejn kontenzjuż.

66      Madankollu, minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, fid-diversi stadji tal-proċedura ta’ clearance, kienu bbażati b’mod partikolari fuq rapporti ta’ investigazzjoni intermedji u fuq ir-rapporti finali tal-OLAF. Dawn tal-aħħar kienu jinkludu analiżi ddettaljata tal-irregolaritajiet ikkonstatati mill-OLAF. Issa, mill-minuti tat-tieni laqgħa bilaterali jirriżulta li r-Repubblika tal-Bulgarija ammettiet, essenzjalment, li l-provi prodotti mill-OLAF kienu serji ħafna u juru li l-infiq imwettaq taħt id-disa’ programmi ta’ promozzjoni kkonċernati kien jippreżenta riskju għall-fond inkwistjoni. Minn dan jirriżulta li r-Repubblika tal-Bulgarija ma tistax tallega li hija ma kinitx taf li l-imsemmi nfiq kellu jkun s-suġġett ta’ rkupru, peress li dan ma sarx f’konformità mar-regoli speċifiċi tal-Unjoni previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013.

67      Ir-raba’, sa fejn ir-Repubblika tal-Bulgarija tirreferi għall-partijiet mis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha inklużi fl-ewwel motiv tar-rikors, peress li hija tqis li huma wkoll rilevanti sabiex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 296 TFUE, huwa biżżejjed li jiġi osservat li din ma tqajjem ebda argument ta’ natura li jispjega għaliex għandu jitqies li dan huwa l-każ.

68      Intant, mill-evalwazzjonijiet kollha preċedenti, kif ukoll mill-motivi u mill-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Bulgarija insostenn tar-rikors tagħha, jirriżulta li l-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata ppermettitilha ssir taf ir-raġunijiet tal-korrezzjoni finanzjarja kontenzjuża u li tippermetti wkoll lill-Qorti Ġenerali li teżerċita l-istħarriġ tagħha.

69      Konsegwentement, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013

70      Ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li l-Kummissjoni żbaljat meta qieset li t-terminu ta’ 18-il xahar previst fl-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 sabiex l-aġenzija tal-pagamenti titlob l-irkupru tal-pagamenti indebiti mingħand il-benefiċjarji tagħhom kien jibda jiddekorri minn meta l-Istat Membru kkonċernat jirċievi r-rapporti finali tal-OLAF. Fil-fatt, hija tqis li, meta proċedura tinfetaħ skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013, din teħtieġ li tiġi sussegwentement adottata deċiżjoni ta’ rifjut ta’ finanzjament u dan billi jiġu segwiti l-istadji differenti previsti fl-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 908/2014. Issa, hija ssostni li, meta l-OLAF bagħat ir-rapporti finali tiegħu, il-Kummissjoni kienet għadha ma kkomunikatx il-konklużjoni finali tagħha skont l-Artikolu 34(4) tal-imsemmi regolament. Barra minn hekk, hija tosserva li, f’dan il-każ, l-ammonti indikati fir-rapporti finali tal-OLAF ma kinux jaqblu ma’ dawk esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni kkontestata.

71      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-Repubblika tal-Bulgarija tiddeduċi li d-diversi dokumenti skambjati matul il-proċedura amministrattiva jistgħu jitqiesu biss bħala dokumenti preparatorji tad-Deċiżjoni kkontestata u ma jistgħux jitqiesu bħala rapport ta’ kontroll jew dokument simili fis-sens tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013. Konsegwentement, hija tqis li l-imsemmi artikolu għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa l-mument li fih ġiet innotifikata d-Deċiżjoni kkontestata li, f’dan il-każ, kellu jitqies bħala dak li fih wasal tali rapport ta’ kontroll jew dokument simili.  Barra minn hekk, billi tibbaża ruħha fuq ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU 2013, L 248, p. 1), hija tispjega li l-wasla għand l-awtoritajiet nazzjonali tar-rapporti finali u tar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF ma hijiex akkumpanjata b’obbligi fir-rigward ta’ azzjonijiet ta’ segwitu li għandhom jittieħdu mill-imsemmija awtoritajiet. Minn dan hija tiddeduċi li l-imsemmija rapporti ma jistgħux iwasslu awtomatikament għall-ftuħ ta’ proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja, u lanqas għall-adozzjoni ta’ atti tal-Unjoni bħad-Deċiżjoni kkontestata. Fl-aħħar nett, hija żżid tgħid li l-interpretazzjoni adottata mill-Kummissjoni ma kienet is-suġġett ta’ ebda informazzjoni permezz ta’ linji gwida jew tal-leġiżlazzjoni rilevanti.

72      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

73      Bis-saħħa tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, “[g]ħal kwalunkwe pagament mhux dovut wara li sseħħ xi irregolarità jew negliġenza, l-Istati Membri għandhom jitolbu rkupru mingħand il-benefiċjarju fi żmien 18-il xahar wara l-approvazzjoni minn u, fejn ikun applikabbli, il-wasla għand l-aġenzija tal-pagamenti jew il-korp responsabbli għall-irkupru, ta’ rapport ta’ kontroll jew dokument simili, b’dikjarazzjoni li tkun seħħet irregolarità”.

74      Ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li, f’dan il-każ, hija biss in-notifika tad-Deċiżjoni kkontestata li setgħet titqies bħala l-mument li fih jasal rapport ta’ kontroll jew dokument simili, għaliex l-Artikoli 52 u 54 tar-Regolament Nru 1306/2013 għandhom jiġu interpretati flimkien.

75      Madankollu, l-ewwel, bis-saħħa tal-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013, kif imsaħħaħ bl-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 908/2014, il-proċedura ta’ clearance tintemm bl-adozzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ atti ta’ implimentazzjoni li jiddeterminaw l-ammonti li għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni.

76      Issa, li kieku l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi l-bidu tad‑dekorrenza tat-terminu ta’ 18-il xahar, previst sabiex l-Istati Membri jitolbu l-irkupru tal-pagamenti indebiti mingħand il-benefiċjarji tagħhom fil-mument li fih il-proċedura ta’ clearance titlesta b’mod formali, kif previst fl-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013, huwa kien jirreferi b’mod espliċitu għall-atti ta’ implimentazzjoni msemmija iktar ’il fuq fil-punt 74. Barra minn hekk, huwa ma semmiex rapport ta’ kontroll jew dokument simili, peress li l-użu ta’ dawn iż-żewġ kunċetti jagħti x’jifhem li dawn jistgħu jkunu dokumenti ta’ natura differenti, filwaqt li huma biss deċiżjonijiet li jistgħu jagħlqu l-proċedura ta’ clearance ta’ konformità.

77      It-tieni, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma tistax tingħata raġun meta hija ssostni li r-rapporti finali tal-OLAF ma setgħux jitqiesu rapporti ta’ kontroll jew dokumenti simili msemmija fl-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, peress li dawn ma kinux jippermettu li jiġu stabbiliti b’mod definittiv l-ammonti li għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni.

78      Fil-fatt, l-interpretazzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija hija bbażata fuq qari żbaljat tad-dispożizzjoni inkwistjoni, li minnha jirriżulta b’mod ċar li l-iskop ta’ rapport ta’ kontroll jew ta’ dokument simili ma huwiex li jiġi ffissat l-ammont tal-infiq li għandu jiġi eskluż mill-finanzjament tal-Unjoni, iżda li tiġi indikata l-eżistenza ta’ irregolarità.

79      It-tielet, billi tibbaża ruħha fuq ir-Regolament Nru 883/2013, ir-Repubblika tal-Bulgarija tqis li, peress li r-rapporti finali tal-OLAF ma jistgħux iwasslu awtomatikament għall-ftuħ ta’ proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja fil-livell nazzjonali, huma lanqas ma jistgħu jitqiesu bħala rapporti ta’ kontroll jew dokumenti simili fis-sens tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013.

80      Madankollu, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ clearance ta’ konformità, id-determinazzjoni tal-att li fuqu huwa bbażat l-obbligu tal-Istat Membru kkonċernat li jitlob l-irkupru tal-pagamenti indebiti mingħand il-benefiċjarji tagħhom ma tiddependix mill-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 883/2013, iżda minn dik tar-Regolament Nru 1306/2013. Fi kliem ieħor, il-fatt li mill-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 883/2013, kif ukoll mid-digriet tal-21 ta’ Ġunju 2017, Inox Mare vs Il-Kummissjoni (T‑289/16, EU:T:2017:414), jirriżulta, essenzjalment, li huma l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu x’azzjonijiet ta’ segwitu għandhom jittieħdu għall-investigazzjonijiet li t-tmiem tagħhom ikun indikat bit-trażmissjoni ta’ rapport finali tal-OLAF bl-ebda mod ma jippreġudika l-possibbiltà li tali rapport finali jitqies li huwa rapport ta’ kontroll jew dokument simili, fis-sens tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013.

81      Fil-fatt, l-obbligu li jintalab l-irkupru tad-dejn affettwat mill-irregolaritajiet ikkonstati fl-imsemmi rapport finali ma jirriżultax mir-Regolament Nru 883/2013, iżda mill-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, li jipprevedi li, meta tali irregolarità tkun ġiet indikata lill-Istat Membru kkonċernat, dan għandu terminu ta’ 18-il xahar sabiex jitlob l-imsemmi rkupru mingħand il-benefiċjarji tiegħu.

82      Konsegwentement, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni sa fejn il-Kummissjoni qieset li l-aġenzija tal-pagamenti ma aġixxietx bid-diliġenza meħtieġa u kienet negliġenti

83      Ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li d-dritt tal-Unjoni jagħmel distinzjoni bejn il-kunċett ta’ irregolarità u dak ta’ frodi. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li l-Istati Membri jgawdu minn libertà ta’ għażla fir-rigward tas-sanzjonijiet applikabbli. Hija tqis li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ fir-rigward tal-azzjonijiet tal-aġenziji tal-pagamenti sa fejn tikkonċerna l-leġiżlazzjoni Bulgara u li għalhekk ġiet preżunta l-eżistenza ta’ negliġenza. B’mod iktar speċifiku, hija ssostni li l-aġenzija tal-pagamenti għamlet dmirha billi kkontestat id-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali tagħha stess tal-ewwel istanza li permezz tagħhom ġew annullati id-deċiżjonijiet u li, fi kwalunkwe każ, l-awtoritajiet tagħha pprovdew l-informazzjoni kollha mitluba matul il-proċedura ta’ clearance.

84      F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar preċiż, l-irkupru tad-dejn, hija ssostni li l-fatt li tressqet azzjoni ċivili jippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà, fir-rigward tar-rimbors tal-infiq, mhux biss tal-benefiċjarji tal-għajnuna, iżda wkoll tal-persuni fiżiċi inkwistjoni, filwaqt li tali possibbiltà ma tingħatax lill-aġenzija tal-pagamenti fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva. Billi jikkostitwixxi ruħu parti ċivili fil-proċess kriminali, l-Istat ikun ukoll f’pożizzjoni li jieħu konjizzjoni tal-provi miġbura matul l-investigazzjoni mwettqa fil-fażi preliminari. Hija żżid tgħid li ġie deċiż li l-possibbiltà li l-Istat jibda azzjoni ċivili fil-kuntest tal-proċedura kriminali tikkostitwixxi rimedju proċedurali awtonomu sabiex, f’każ ta’ ksur tal-projbizzjoni ġenerali li ma jiġix ikkawżat dannu lil ħaddieħor, jiġu protetti d-drittijiet u l-interessi leġittimi u li dan ma jikkompetix mal-proċedura prevista mill-proċedura fiskali speċjali, billi l-waħda ma tissostitwixxix lill-oħra.

85      Barra minn hekk, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ miżura amministrattiva, ir-Repubblika tal-Bulgarija tqis li l-ordnijiet ta’ sospensjoni tal-pagamenti tal-aġenzija tal-pagamenti ġew annullati mill-qrati amministrattivi nazzjonali Bulgari. Hija tenfasizza li l-aġenzija tal-pagamenti, minkejja kollox, ma reġatx lura għall-proċedura ta’ eżami tat-talbiet għal pagament, liema fatt ġġustifika l-preżentata ta’ azzjoni minn wieħed mill-benefiċjarji minħabba nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza. Ġiet imposta multa fuq il-President tal-aġenzija tal-pagamenti f’dan ir-rigward u ntlaqa’ wkoll rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni impliċita li ċaħdet l-imsemmi rikors li permezz tiegħu ntalab li titkompla l-proċedura ta’ eżami ta’ talbiet għal pagamenti sospiżi. Konsegwentement, hija tqis li, sabiex jinkiseb l-irkupru tas-somom kollha mħallsa fil-kuntest ta’ programm speċifiku, il-ħruġ ta’ opinjoni li tikkonstata dejn ta’ Stat pubbliku bbażat fuq ir-raġunijiet għas-sospensjoni tal-pagamenti msemmija fir-rapporti tal-OLAF huwa, f’dan l-istadju, iddestinat li jfalli. F’dan il-każ, hija tqis li d-data tar-rapporti tal-OLAF ġiet eżaminata u li nbdew xi azzjonijiet abbażi tagħha. Barra minn hekk, hija ssostni li r-regoli proċedurali Bulgari jimponu obbligu li, fejn jiġi skopert fatt kriminali li l-konstatazzjoni tiegħu tinfluwenza l-eżitu tal-imsemmija proċedura, għandha tiġi sospiża l-proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja u li l-OLAF, sal-lum, ma rrapportax nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu imputabbli lill-awtoritajiet kompetenti minħabba nuqqasijiet fis-sistema ta’ kontroll implimentata.

86      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

87      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 58(1)(e) tar-Regolament Nru 1306/2013 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tiġi żgurata protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b’mod partikolari sabiex jiġu rkuprati s-somom mitlufa minħabba irregolaritajiet jew negliġenzi. Barra minn hekk, dawn huma obbligati jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex, fejn hemm bżonn, jibdew il-proċeduri ġudizzjarji meħtieġa għall-finijiet ta’ dan l-irkupru (is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2019, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑587/17 P, EU:C:2019:75, punt 66).

88      L-Artikolu 58(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, billi jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u li jirkupraw is-somom imħallsa indebitament, huwa l-espressjoni, fir-rigward tal-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni, tal-obbligu ta’ diliġenza ġenerali previst fl-Artikolu 4(3) TUE. Dan l-obbligu, li japplika matul il-proċedura kollha ta’ rkupru ta’ dawn is-somom, jimplika li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jipproċedu sabiex jirkupraw is-somom minnufih u fi żmien utli u għandhom jirrikorru għall-mezzi ta’ verifika u ta’ rkupru għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex tkun żgurata l-protezzjoni ta’ dawn l-interessi (sentenza tat-30 ta’ Jannar 2019, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑587/17 P, EU:C:2019:75, punt 67). Fil-fatt, wara li jkun għadda ċertu żmien, l-irkupru tas-somom indebitament imħallsa jista’, minħabba ċerti ċirkustanzi, bħal, b’mod partikolari, il-waqfien ta’ attivitajiet jew it-telf ta’ dokumenti ta’ kontabbiltà, ikun ikkumplikat jew isir impossibbli (sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, T‑292/18, EU:T:2020:18, punt 65).

89      Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jispeċifikawx il-miżuri speċifiċi li għandhom jiġu adottati għal dan il-għan, b’mod partikolari l-proċeduri ġudizzjarji li għandhom jinbdew sabiex jiġu rkuprati l-imsemmija somom (sentenza tat-30 ta’ Jannar 2019, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑587/17 P, EU:C:2019:75, punt 68).

90      Għalhekk, huma l-awtoritajiet nazzjonali li, bla ħsara għall-osservanza tal-obbligu ta’ diliġenza, għandhom jagħżlu r-rimedji ġudizzjarji li, skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, huma jqisu l-iktar xierqa għall-irkupru tas-somom inkwistjoni (sentenza tat-30 ta’ Jannar 2019, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑587/17 P, EU:C:2019:75, punt 70).

91      F’dan il-każ, minn naħa, għandu jiġi ddeterminat jekk l-aġenzija tal-pagamenti tar-Repubblika tal-Bulgarija naqsitx mill-obbligu ta’ diliġenza tagħha billi ma ħaditx, fit-termini previsti fl-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, il-passi amministrattivi meħtieġa sabiex tirkupra l-ammonti li l-OLAF kien qies li tħallsu indebitament fil-kuntest ta’ tmienja mill-programmi inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi evalwat jekk ir-Repubblika tal-Bulgarija kinitx negliġenti, fis-sens tal-Artikolu 54(5)(c) ta’ dan l-istess regolament, billi matul il-proċedura ta’ clearance għarrfet lill-Kummissjoni li sakemm l-investigazzjoni kriminali li kienet pendenti ma tkunx intemmet, lanqas l-imsemmija aġenzija tal-pagamenti ma kienet ħa tieħu passi f’dan is-sens fir-rigward tad-disa’ programm ikkonċernat.

92      Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-opinjoni finali, il-korrezzjoni finanzjarja kkontestata ġiet imposta fuq ir-Repubblika tal-Bulgarija minħabba li l-aġenzija tal-pagamenti Bulgara kienet aġixxiet b’mod negliġenti meta ma talbitx l-irkupru tal-infiq kontenzjuż mingħand il-benefiċjarji fit-termini previsti fl-Artikolu 54(5)(a) u (c) tar-Regolament Nru 1306/2013.

93      Madankollu, ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni, essenzjalment, li l-aġenzija tal-pagamenti ma setgħetx tosserva l-imsemmija termini, għaliex, peress li kien każ ta’ frodi, kienu nbdew proċeduri ta’ natura kriminali u ma kinux jippermettulha li tibda b’mod parallel proċedura ta’ rkupru tal-infiq ikkonċernat. B’hekk, hija ssostni li, sabiex isir dan l-irkupru, kien meħtieġ li l-ewwel jintemmu dawn il-proċeduri.

94      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mill-ġurisprudenza jirriżulta, minn naħa, li, għad li huwa għall-Istati Membri tal-Unjoni li jagħżlu l-mezzi xierqa sabiex jiżguraw l-effikaċja tal-kontrolli u l-irkupru fil-pront ta’ għajnuna mħallsa indebitament, il-bidu ta’ proċeduri kriminali, madankollu, ma jimplikax tabilfors li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jonqsu wkoll milli jieħdu azzjoni sabiex, jekk mhux biex jirkupraw, tal-inqas jiggarantixxu dejn li jirriżulta minn pagament indebitu taħt il-fond ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2012, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑158/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:530, punt 83) u, min-naħa l-oħra, li, essenzjalment, nuqqas ta’ diliġenza tal-Istati Membri li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u jirkupraw is-somom imħallsa indebitament ma jistax ikun iġġustifikat minn dawn tal-aħħar billi jiġi invokat it-tul tal-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji li jkunu nbdew mill-operatur ekonomiku kkonċernat (sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, T‑292/18, EU:T:2020:18, punt 66).

95      Issa, f’dan il-każ u kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, huwa stabbilit li, fil-jum li fih ġiet adottata d-Deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma kienet adottat ebda miżura ċivili jew amministrattiva sabiex tikseb l-irkupru tal-infiq kontenzjuż. Għalhekk, l-unika proċedura li kienet inbdiet kienet ta’ natura kriminali u din kienet tinsab fl-istadju tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari u mhux f’dak tal-fażi ġudizzjarja tagħha. Barra minn hekk, l-ordnijiet tal-aġenzija tal-pagamenti, li r-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li ġew annullati mill-qrati nazzjonali tagħha stess, kienu intiżi sabiex jissospendu l-pagamenti marbuta mal-programmi affettwati mill-frodi msemmija fir-rapporti finali tal-OLAF, u mhux sabiex jirkupraw l-ammonti diġà mħallsa.

96      Barra dan, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma tistax tingħata raġun meta tiddikjara li huwa fid-dawl tal-probabbiltà li l-miżuri meħuda mill-aġenzija tal-pagamenti jiġu annullati, u li għalhekk dawn jirriżultaw li huma ineffikaċi u li jiswew ħafna flus, li din iddeċidiet li ma tiħux it-tali passi f’dan l-istadju.

97      Fil-fatt, kif ġie osservat fil-punt 95 iktar ’il fuq, l-ordnijiet tal-aġenzija tal-pagamenti li ġew annullati mill-qrati nazzjonali Bulgari kienu jirrigwardaw is-sospensjoni tal-pagamenti għall-programmi ta’ promozzjoni li dwarhom kien ġie kkonstatat fir-rapporti finali tal-OLAF li kienu f’riskju, u mhux l-irkupru tal-infiq kontenzjuż.

98      F’dan ir-rigward, mill-proċess jirriżulta li l-ordnijiet kollha tal-aġenzija tal-pagamenti ma ġewx ikkontestati quddiem il-qrati nazzjonali tar-Repubblika tal-Bulgarija. Konsegwentement, xejn ma jista’ jippermetti li jintqal li, li kieku ġew adottati miżuri intiżi għall-irkupru tal-infiq kontenzjuż, it-totalità tagħhom kienet tkun is-suġġett ta’ talba għal annullament quddiem dawn l-istess qrati. Bl-istess mod, huwa daqstant ieħor ipotetiku li dawn setgħu jiġu annullati mill-qrati nazzjonali Bulgari.

99      F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat ukoll li, bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 1306/2013, li kieku r-Repubblika tal-Bulgarija kienet adottat miżuri amministrattivi intiżi għall-irkupru tas-somom ikkonċernati u li, b’mod parallel, il-qrati nazzjonali Bulgari kienu kkonkludew li ma kienx hemm irregolarità, hija kienet tkun tista’ għalhekk tiddikjara għall-fond inkwistjoni, bħala nfiq, il-piż finanzjarju li hija kienet sostniet f’dan ir-rigward.

100    It-tielet, għandu jiġi osservat ukoll li r-Repubblika tal-Bulgarija ma tat ebda indikazzjoni dwar it-termini li fihom il-proċeduri mibdija setgħu jiġu fi tmiemhom.

101    Fid-dawl ta’ dan kollu li ntqal hawn fuq, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2013 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

102    Ir-Repubblika tal-Bulgarija tirrimarka li l-Kummissjoni ma sabet ebda irregolarità meta hija mmonitorjat id-diversi programmi ta’ promozzjoni li għalihom l-infiq kontenzjuż kien finalment tqies li kien ta’ riskju għall-fond inkwistjoni. Barra minn hekk, hija ssostni li mill-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 jirriżulta li l-piż finanzjarju li jsegwi min-nuqqas ta’ rkupru ta’ somom imħallsa indebitament għandhom ibatuh l-Unjoni u l-Istat Membru kkonċernat b’mod indaqs. Hija żżid tgħid li ma jeżistux regoli ta’ clearance ta’ konformità fejn l-irregolaritajiet ma jirrigwardawx nuqqasijiet fis-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tal-Istati Membri.  Hija tispjega li l-pagamenti magħmula mill-Istati Membri fil-kuntest tal-FAEG għandhom jiġu rrimborsati mill-baġit tal-Unjoni. Għalhekk, hija tqis li, sa fejn l-Istati Membri jaġixxu f’isem l-Unjoni, hija din tal-aħħar li jkollha tbati t-telf ikkawżat mill-aġir ta’ individwi meta jkunu għamlu dak li kien fis-setgħa tagħhom li jagħmlu sabiex jiżguraw ir-regolarità tal-operazzjonijiet iffinanzjati mill-FAEG. Konsegwentement, hija tqis li, f’dan il-każ, l-Unjoni għandha taqsam magħha r-responsabbiltà għall-konsegwenzi finanzjarji tal-irregolaritajiet ikkonstatati mill-Kummissjoni u li l-ammont tal-korrezzjonijiet finanzjarji kontenzjużi huwa għalhekk sproporzjonat.

103    Il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ dan l-argument.

104    Fl-ewwel lok, ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni, essenzjalment, li ma teżistix regola ta’ clearance ta’ konformità meta l-irregolaritajiet ikkonstatati mill-Kummissjoni ma jirrigwardawx nuqqasijiet fis-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tal-Istati Membri.

105    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li mill-Artikolu 54(5) tar-Regolament Nru 1306/2013 jirriżulta li, sa fejn hija ssegwi l-proċedura prevista fl-Artikolu 52(3) ta’ dan l-istess regolament, il-Kummissjoni għandha raġun li, b’mod partikolari, tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jeskludu mill-finanzjament tal-Unjoni is-somom tal-baġit tagħha fi tliet każijiet li ma humiex tabilfors nuqqasijiet fis-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tal-Istati Membri.

106    Issa, f’dan il-każ, huwa paċifiku li l-korrezzjoni finanzjarja kontenzjuża ġiet adottata fuq il-bażi ta’ tnejn minn dawn il-każijiet, jiġifieri dak previst fl-Artikolu 54(5)(a) tar-Regolament Nru 1306/2013, li jirrigwarda n-nuqqas ta’ rkupru ta’ nfiq indebitu fit-termini stabbiliti mill-Artikolu 54(1) tal-imsemmi regolament u dak previst fl-Artikolu 54(5)(c) ta’ dan l-istess regolament, li jirrigwarda b’mod partikolari n-nuqqas ta’ rkupru ta’ tali nfiq minħabba negliġenza imputabbli lill-amministrazzjoni jew dipartiment jew korp ta’ Stat Membru.

107    Konsegwentement, l-argument ibbażat fuq il-fatt li f’dan il-każ l-irregolaritajiet ikkonstatati mill-Kummissjoni ma jirrigwardawx nuqqasijiet fis-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tar-Repubblika tal-Bulgarija huwa irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità tad-Deċiżjoni kkontestata u għandu jiġi miċħud għal din ir-raġuni.

108    Bl-istess mod, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-kunsiderazzjonijiet li permezz tagħhom ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li hija bl-ebda mod ma naqset milli twettaq l-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 tas-17 ta’ Diċembru 2007 dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi (ĠU 2008, L 3, p. 1) u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 501/2008 tal-5 ta’ Ġunju 2008 dwar termini u kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 (ĠU 2008, L 147, p. 3), u li s-sistema “programm ta’ promozzjonijiet” għandha tiġi implimentata flimkien mal-Kummissjoni, huma irrilevanti u għandhom ukoll jiġu miċħuda għall-istess raġuni.

109    Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Bulgarija tinvoka l-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 sabiex titlob li l-piż finanzjarju li jirriżulta minn irregolaritajiet li jaffettwaw l-infiq kontenzjuż jinqasam mal-Kummissjoni.

110    Madankollu, mill-premessa 37 tar-Regolament Nru 1306/2013 jirriżulta li “[f]’ċerti każijiet ta’ negliġenza min-naħa tal-Istat Membru, ikun ukoll ġustifikat li tiġi addebitata s-somma sħiħa lill-Istat Membru konċernat”.

111    Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni adottat il-korrezzjoni finanzjarja kkontestata għaliex qieset li l-fatt li r-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli tadotta l-inqas miżura sabiex tirkupra l-infiq kontenzjuż kellu jitqies bħala tali negliġenza min-naħa tagħha.

112    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li huwa l-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 li jipprevedi l-każijiet li fihom il-piż finanzjarju li jirriżulta minn irregolaritajiet li jaffettwaw l-infiq imwettaq fil-kuntest tal-FAEG jista’ jinqasam bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni. Għalhekk, dan jipprevedi li, “[j]ekk ma jsirx irkupru fi żmien erba’ snin mid-data tat-talba għal irkupru, jew fi żmien tmien snin fejn l-irkupru jinkiseb permezz tal-qrati nazzjonali, 50 % tal-konsegwenzi finanzjarji tan-nuqqas ta’ rkupru għandu jġarrabhom l-Istat Membru konċernat u 50 % għandhom jiġu koperti mill-baġit tal-Unjoni”.

113    Issa, din id-dispożizzjoni ma tapplikax f’dan il-każ, peress li ebda talba għall-irkupru, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, ma saret mir-Repubblika tal-Bulgarija u peress li tali talba lanqas ma tressqet quddiem il-qrati nazzjonali tagħha, fatt li barra minn hekk jikkostitwixxi r-raġuni stess tal-korrezzjoni finanzjarja kontenzjuża.

114    Konsegwentement, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu u, għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

115    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

116    Peress li r-Repubblika tal-Bulgarija tilfet il-kawża, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, konformement mat-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir‑Repubblika tal‑Bulgarija hija kkundannata għall‑ispejjeż.

Kanninen

Półtorak

Stancu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Marzu 2023.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.


1      Data kunfidenzjali moħbija.