Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-2 ta’ Marzu 2022 – S, A, Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie; parti oħra: Il-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti

(Kawża C-151/22)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Raad van State

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: S, A, Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti

Domandi preliminari

L-Artikolu 10(1)(e) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-bażi ta’ persekuzzjoni marbuta mal-opinjoni politika tista’ tiġi invokata wkoll minn applikanti li sempliċement jgħidu li huma għandhom twemmin politiku u/jew jgħidu li huma jesprimuh, mingħajr ma kienu s-suġġett ta’ attenzjoni negattiva ta’ attur ta’ persekuzzjoni matul ir-residenza tagħhom fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom u lanqas matul ir-residenza tagħhom fil-pajjiż ospitanti?

Jekk l-ewwel domanda tiġi risposta fl-affermattiv, u jekk għalhekk twemmin politiku huwa diġà suffiċjenti sabiex jitqies bħala opinjoni politika, x’post għandu għalhekk jingħata lis-saħħa ta’ din l-opinjoni, ta’ dan il-ħsieb jew ta’ dan it-twemmin politiku u lill-importanza għaċ-ċittadin barrani tal-attivitajiet li jirriżultaw minnhom fl-eżami u fl-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għall-ażil, jiġifieri l-eżami tar-realtà tal-biża’ allegata ta’ persekuzzjoni minn dan l-applikant?

Jekk l-ewwel domanda tiġi risposta fin-negattiv, il-kriterju huwa għalhekk li l-opinjoni politika għandu jkollha għeruq fil-fond u, jekk le, x’inhuwa allura l-kriterju li għandu jiġi stabbilit u kif għandu jiġi applikat?

Jekk il-kriterju huwa li din l-opinjoni politika għandu jkollha għeruq fil-fond, jista’ għalhekk jiġi mistenni minn applikant li ma jistabbilixxix suffiċjentement li għandu opinjoni politika li għandha għeruq fil-fond li, mar-ritorn tiegħu fil-pajjiż ta’ oriġini, huwa jastjeni milli jesprimi l-opinjoni politika tiegħu sabiex ma jiġbidx l-attenzjoni negattiva ta’ attur ta’ persekuzzjoni?

____________

1     ĠU 2011, L 337, p. 9.