Language of document : ECLI:EU:T:2019:894

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

19 ta’ Diċembru 2019 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ revoka – Trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea Vita – Deċiżjoni meħuda wara l-annullament mill-Qorti Ġenerali tad-deċiżjoni preċedenti – Artikolu 65(6) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 72(6) tar-Regolament (UE) 2017/1001) – Awtorità ta’ res judicata”

Fil-Kawża T‑690/18,

Sony Interactive Entertainment Europe Ltd, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn S. Malynicz, QC,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn J. Crespo Carrillo u H. O’Neill, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO kienet

Vieta Audio, SA, stabbilita f’Barcelona (Spanja),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO tal‑10 ta’ Settembru 2018 (Każ R 695/2018‑4), dwar proċedimenti ta’ revoka bejn Vieta Audio u Sony Interactive Entertainment Europe,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn A. M. Collins (Relatur), President tal-Awla, M. Kancheva u G. De Baere, Imħallfin,

Reġistratur: R. Ūkelytė, amministrattriċi,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Novembru 2018,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ April 2019,

wara s-seduta tal‑10 ta’ Ottubru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis‑6 ta’ Lulju 2001, Vitakraft-Werke Wührmann & Sohn GmbH & Co. KG ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal‑20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat, issostitwit huwa stess bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017, dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali Vita.

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu, b’mod partikolari, fil-klassi 9 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Mezzi għall-ħżin tad-data bi programmi rreġistrati, softwer informatiku; mezzi għall-ħżin ta’ awdjo u/jew ta’ stampi (mhux tal-karta), b’mod partikolari tejps u kasetts manjetiċi, tejps tal-awdjo, diski kumpatti tal-awdjo, kasetts DAT (tejps diġitali tal-awdjo), diski tal-vidjo, tejps tal-vidjo, pellikoli esposti, litografiji”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 56/2002, tal‑15 ta’ Lulju 2002.

5        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ġiet irreġistrata fis‑27 ta’ Settembru 2005 bin-numru 2290385.

6        Permezz ta’ faks tat‑28 ta’ Marzu 2011, Forrester Ketley Ltd informat lill-EUIPO li, fis‑16 ta’ Marzu 2011, Vitakraft-Werke Wührmann & Sohn kienet ittrasferixxiet id-drittijiet tagħha fuq it-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea Vita sa fejn hija kienet tkopri l-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq. Forrester Ketley hija kumpannija ta’ servizzi li, b’mod partikolari, kienet tirrappreżenta lil Sony Computer Entertainment Europe Ltd, predeċessur tar-rikorrenti, Sony Interactive Entertainment Europe Ltd, għal dak li jikkonċerna l-kwistjonijiet tad-dritt tat-trade marks quddiem l-EUIPO.

7        It-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea Vita, kif kienet is-suġġett ta’ dan it-trasferiment parzjali, ġiet irreġistrata bin-numru 9993361.

8        Permezz ta’ faks tat‑28 ta’ Settembru 2011, Forrester Ketley informat lill-EUIPO li, fil‑15 ta’ Settembru 2011, hija kienet ittrasferixxiet it-trade mark ikkontestata lil Sony Computer Entertainment Europe.

9        Fl‑14 ta’ Ottubru 2011, il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem l-EUIPO, Vieta Audio, SA, ressqet, skont l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament 2017/1001), talba għar-revoka tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti kollha koperti minnha. F’din it-talba, hija sostniet li t-trade mark ikkontestata ma kinitx is-suġġett ta’ użu ġenwin fl-Unjoni Ewropea matul il-perijodu rilevanti ta’ ħames snin, li kien jestendi mill‑14 ta’ Ottubru 2006 sat‑13 ta’ Ottubru 2011, u li ma kienx hemm raġunijiet validi għan-nuqqas ta’ użu.

10      Bi tweġiba għat-talba għar-revoka tat-trade mark ikkontestata, fl‑4 ta’ Mejju 2012, Sony Computer Entertainment Europe sostniet li t-trade mark ikkontestata kienet is-suġġett ta’ użu ġenwin fl-Unjoni matul il-perijodu rilevanti għall-prodotti kkonċernati. Hija ppreċiżat li kienet użat din it-trade mark għall-console tal-logħob diġitali portabbli, bl-isem PlayStation Vita, kif ukoll għal-logħob u għall-aċċessorji relatati magħha. Hija ppreċiżat li l-isem ta’ din il-console l-ġdida kien tħabbar uffiċjalment f’Ġunju 2011 u kien sussegwentement is-suġġett ta’ kampanja ta’ promozzjoni wiesgħa sa Ottubru 2011. Hija kienet wettqet it-tnedija Ewropea uffiċjali tal-console PlayStation Vita matul il-konferenza Gamescom li nżammet f’Köln (il-Ġermanja) f’Awwissu 2011, u din il-console kienet tqiegħdet fis-suq tal-Unjoni fit‑22 ta’ Frar 2012.

11      Insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha, Sony Computer Entertainment Europe ppreżentat dikjarazzjoni bil-miktub, tal‑4 ta’ Mejju 2012, magħmula minn wieħed mid-diretturi tagħha, li magħha kienu annessi l-elementi li ġejjin:

–        stqarrija għall-istampa tas‑7 ta’ Ġunju 2011 li tħabbar l-isem tal-console tal-logħob diġitali portabbli l-ġdida tagħha, jiġifieri PlayStation Vita;

–        ritratt tal-iskrin, tas‑7 ta’ Ġunju 2011, tas-sit internet “www.pcmag.com”, li jirreferi għal dan l-avviż;

–        kopja ta’ fuljett promozzjonali li kien tqassam lill-viżitaturi u lill-ġurnalisti waqt il-konferenza Gamescom u li kien fih, b’mod partikolari, informazzjoni dwar il-console PlayStation Vita kif ukoll dwar il-logħob diġitali intiż li jintuża fuqha;

–        kopja tal-paġna ta’ quddiem ta’ dan il-fuljett, li fuqha tidher il-console PlayStation Vita;

–        diskette li fiha l-vidjos promozzjonali għall-console PlayStation Vita li kienu ntwerew waqt il-konferenza Gamescom;

–        diversi artikli tal-istampa relatati mal-console PlayStation Vita kif ukoll mal-logħob intiż li jintuża fuqha, ippubblikati fuq is-sit internet uffiċjali PlayStation fir-Renju Unit u ddatati mis‑7 ta’ Ġunju sat‑22 ta’ Settembru 2011;

–        ritratt tal-iskrin ta’ vidjo mqiegħed online fuq is-sit għall-hosting ta’ vidjos YouTube;

–        stqarrija għall-istampa tat‑28 ta’ Frar 2012 dwar il-bejgħ dinji tal-console PlayStation Vita;

–        ritratti tal-iskrin, tal‑2012, tas-sit internet uffiċjali PlayStation fir-Renju Unit, dwar l-aċċessorji – fosthom kards tal-memorja – u apparat periferali għall-console PlayStation Vita.

12      Fit‑2 ta’ Jannar 2013, Sony Computer Entertainment Europe wieġbet għal osservazzjonijiet ippreżentati mill-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem l-EUIPO fil‑31 ta’ Lulju 2012 u pproduċiet il-provi addizzjonali li ġejjin sabiex turi l-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti kollha kkonċernati:

–        ritratti tal-iskrin, tat‑12 ta’ Diċembru 2012, tas-sit internet uffiċjali PlayStation fir-Renju Unit, li jippreċiżaw il-karatteristiċi tekniċi u l-ispeċifikazzjonijiet tal-console PlayStation Vita;

–        ritratti tal-iskrin, tat‑12 ta’ Diċembru 2012, tas-sit internet uffiċjali PlayStation fir-Renju Unit, li jinkludu informazzjoni dwar aġġornament tas-softwer tas-sistema tal-console PlayStation Vita;

–        ritratti tal-iskrin, tat‑2 ta’ Jannar 2013, tas-sit internet Wikipedia, dwar il-kumpannija parent tagħha u Naughty Dog, Inc., kumpannija Amerikana ta’ żvilupp ta’ logħob diġitali kkontrollata kompletament minn din il-kumpannija parent;

–        ritratti tal-iskrin, tat‑12 ta’ Diċembru 2012, tas-sit internet uffiċjali PlayStation fir-Renju Unit, li jagħtu eżempji ta’ offerti ta’ prodotti miġbura flimkien li jinkludu consoles PlayStation Vita, logħob, aċċessorji u prodotti oħra.

13      F’osservazzjonijiet addizzjonali tal‑24 ta’ April 2013, Sony Computer Entertainment Europe żiedet li, fil‑25 ta’ Ottubru 2007, hija kienet nediet fis-suq tal-Unjoni, taħt l-isem Aqua Vita, logħba diġitali interattiva li tikkonsisti f’akkwarju virtwali. Hija ppreċiżat li din il-logħba diġitali kienet disponibbli għall-bejgħ minn din l-aħħar data fil-ħwienet online tagħha preżenti fis-suq tal-Unjoni u indikat d-dħul mill-bejgħ li kien sar mill-bejgħ tal-imsemmija logħba, għal kull sena mit-tnedija tagħha sal‑2013. Hija annettiet mal-osservazzjonijiet tagħha, minn naħa, ritratti tal-iskrin, tal‑24 ta’ April 2013, tas-sit internet uffiċjali PlayStation fi Spanja, fil-Ġermanja u fir-Renju Unit, li juru li din il-logħba kienet disponibbli fil-ħwienet online tagħha, u, min-naħa l-oħra, kopji ta’ varji artikli li jirrigwardaw l-imsemmija logħba.

14      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Ġunju 2014, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ddikjarat ir-revoka tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti kollha li għalihom hija kienet ġiet irreġistrata, b’effett mid-data tat-talba għal revoka.

15      Fit‑28 ta’ Awwissu 2014, Sony Computer Entertainment Europe ippreżentat appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001), kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

16      Fid‑29 ta’ Ottubru 2014, Sony Computer Entertainment Europe ippreżentat in-nota li tesponi l-aggravji tal-appell, billi inkludiet provi addizzjonali, fosthom ritratti ta’ kaxxi tal-logħob diġitali li fuqhom kien jidher, minbarra l-isem tal-logħba diġitali kkonċernata, is-sinjal PSVita (li hija verżjoni mqassra għal PlayStation Vita).

17      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Novembru 2015 (Każ R 2232/2014‑5) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni preċedenti”), il-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO kkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u ċaħad l-appell.

18      Fl-ewwel lok, il-Ħames Bord tal-Appell, wara li fakkar il-prinċipji applikabbli (punti 19 sa 24 tad-deċiżjoni preċedenti), eżamina l-kwistjoni tal-perijodu tal-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata (punti 25 sa 38 tad-deċiżjoni preċedenti). Qabelxejn, huwa indika li l-perijodu rilevanti kien jestendi mill‑14 ta’ Ottubru 2006 sat‑13 ta’ Ottubru 2011. Sussegwentement, huwa qies li l-ewwel użu konkret tat-trade mark ikkontestata fl-Unjoni kien seħħ waqt il-konferenza Gamescom li nżammet f’Köln bejn is‑17 u l‑21 ta’ Awwissu 2011 u li matulha kien tqassam materjal promozzjonali (fil-forma, b’mod partikolari, ta’ fuljetti u ta’ CD-ROM), iżda li kien biss fit‑22 ta’ Frar 2012, jiġifieri barra mill-perijodu rilevanti, li l-console PlayStation Vita kienet ġiet ikkummerċjalizzata, b’mod partikolari, fis-suq tal-Unjoni. Huwa qies li użu ta’ erba’ xhur matul il-perijodu rilevanti (jiġifieri mis‑7 ta’ Ġunju sat‑13 ta’ Ottubru 2011) seta’ jikkostitwixxi użu f’termini ta’ tul, dment li l-kundizzjonijiet l-oħra kollha jiġu ssodisfatti. Fl-aħħar nett, huwa osserva li, madankollu, ebda prova konkreta ma kienet turi li, waqt il-konferenza Gamescom, materjal promozzjonali kien tqassam lill-parteċipanti.

19      Fit-tieni lok, il-Ħames Bord tal-Appell eżamina l-kwistjoni tal-post tal-użu (punti 39 sa 42 tad-deċiżjoni preċedenti). B’mod partikolari, huwa qies li, jekk ġie stabbilit li l-materjal pubbliċitarju kien tqassam matul il-konferenza Gamescom f’Köln, użu tat-terminu “vita” kien seħħ b’mod ċar fl-Unjoni. Minn dan huwa kkonkluda li użu tat-terminu “vita” kien seħħ fl-Unjoni matul il-perijodu rilevanti.

20      Fit-tielet lok, il-Ħames Bord tal-Appell eżamina l-kwistjoni tan-natura u tal-importanza tal-użu (punti 43 sa 52 tad-deċiżjoni preċedenti). Wara li rrimarka li l-parti l-kbira tal-provi prodotti minn Sony Computer Entertainment Europe u li jaqgħu taħt il-perijodu rilevanti kienet tikkorrispondi għal materjal promozzjonali u ta’ reklamar, huwa evalwa sa fejn l-użu ta’ trade mark f’reklami seta’ jikkostitwixxi użu ġenwin. F’dan ir-rigward, huwa ppreċiża b’mod partikolari li r-reklamar magħmul qabel il-kummerċjalizzazzjoni effettiva tal-prodotti u tas-servizzi kien ġeneralment assimilat ma’ użu ġenwin peress li kien intiż sabiex tinħoloq niċċa fis-suq għalihom. Huwa kkonstata li, f’dan il-każ, “l-aspettattivi maħluqa fid-dinja kollha dwar it-tnedija tal-console PlayStation [kienu] iġġeneraw saħħa kummerċjali reali waqt it-tħabbir tal-isem ta’ [din] il-console tal-logħob diġitali” (punt 49 tad-deċiżjoni preċedenti), qabel ma kkonkluda li “il-fatt li l-provi tal-użu prodotti minn [Sony Computer Entertainment Europe kienu juru] reklami u preparazzjonijiet fid-dawl tat-tqegħid fis-suq tal-console il-ġdida [kien jissodisfa] l-kundizzjonijiet tal-użu ġenwin” (punt 50 tad-deċiżjoni preċedenti). Fl-aħħar nett, huwa kkonstata, fil-punt 52 tad-deċiżjoni preċedenti, li mill-provi prodotti minn Sony Computer Entertainment Europe kien jirriżulta li t-tnedija tal-console PlayStation Vita kienet ippreparata sewwa u ppjanata bir-reqqa u li din tal-aħħar kienet tħabbret bħala console tal-logħob portabbli ġdida li għaliha kien ġie żviluppat logħob speċifiku ġdid.

21      Fir-raba’ lok, il-Ħames Bord tal-Appell eżamina jekk it-trade mark ikkontestata kinitx is-suġġett ta’ użu ġenwin fir-rigward tal-prodotti kkonċernati (punti 53 sa 69 tad-deċiżjoni preċedenti).

22      F’dan ir-rigward, qabelxejn, il-Ħames Bord tal-Appell indika li kienet is-seba’ edizzjoni tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice li kienet fis-seħħ fil-mument tal-preżentata tat-trade mark oriġinali, fl‑2001, u li konsegwentement kienet dik li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni. Issa, skont il-Ħames Bord tal-Appell, dak iż-żmien, il-“consoles tal-logħob” kienu diġà kklassifikati fil-kategorija ta’ “logħob awtomatiku, minbarra dawk imħaddma bil-muniti u dawk intiżi li jintużaw biss b’riċevitur tat-televiżjoni” jew f’dik ta’ “logħob”, li t-tnejn li huma jaqgħu fil-klassi 28, u għaldaqstant ma kinux ikklassifikati bħala “mezzi għall-ħżin tad-data” inklużi fil-klassi 9 jew bħala “softwer informatiku” (punt 53 tad-deċiżjoni preċedenti). Huwa żied li, għalkemm kien veru li l-“apparati ta’ divertiment intiżi li jintużaw biss b’riċevitur tat-televiżjoni” kienu jaqgħu taħt il-klassi 9, dawn il-prodotti kienu madankollu differenti minn dawk li għalihom it-trade mark ikkontestata kienet ġiet irreġistrata (punt 54 tad-deċiżjoni preċedenti).

23      Sussegwentement, il-Ħames Bord tal-Appell ikkonstata li Sony Computer Entertainment Europe kienet ipproduċiet provi li juru li l-kampanji pubbliċitarji mwettqa qabel it-tnedija tal-console PlayStation Vita kellhom l-għan li jippromwovu din il-console kif ukoll il-logħob ġdid intiż li jintuża fuqha, iżda li ma kien hemm ebda riferiment għal “mezzi għall-ħżin tad-data” jew għal “softwer informatiku” (punti 55 u 56 tad-deċiżjoni preċedenti). Huwa qies li kien importanti li jiġi ddeterminat jekk “il-prodotti użati [kellhomx] jinftiehmu fis-sens letterali tal-prodotti elenkati (b’mod partikolari, il-mezzi għall-ħżin tad-data u softwer informatiku)” (punt 58 tad-deċiżjoni preċedenti), qabel ma jiġi rrilevat li l-“mezzi għall-ħżin tad-data bi programmi rreġistrati” kienu apparati li l-funzjoni tagħhom kienet li jaħżnu d-data, bħal “kards tal-memorja, USB sticks, CD-ROMs, hard disks, eċċ”, u li, anki jekk il-consoles tal-logħob setgħu jaħżnu d-data, din ma kinitx il-funzjoni prinċipali tagħhom (punt 59 tad-deċiżjoni preċedenti).

24      Il-Ħames Bord tal-Appell iddeduċa minn dak li ntqal iktar ’il fuq li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet ikkonkludiet ġustament li l-provi kollha prodotti minn Sony Computer Entertainment Europe kif ukoll id-dikjarazzjoni ta’ wieħed mid-diretturi tagħha tal‑4 ta’ Mejju 2012 kienu juru użu għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 28, u mhux għall-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata (punt 60 tad-deċiżjoni preċedenti).

25      Għal dak li jirrigwarda l-logħba diġitali Aqua Vita, il-Ħames Bord tal-Appell irrileva b’mod partikolari li ċ-ċifri ta’ bejgħ prodotti minn Sony Computer Entertainment Europe ma kinux ikkorroborati minn ebda fattura jew element ieħor, li, barra minn hekk, dawn iċ-ċifri ma kinux juru użu importanti ta’ dan il-logħob fid-dawl tas-suq rilevanti, jiġifieri l-Unjoni kollha, u li l-fatt li l-imsemmija logħba kienet disponibbli fi ħwienet online fis-suq tal-Unjoni ma kienx biżżejjed sabiex jiġi stabbilit l-użu tat-trade mark ikkontestata (punti 66 u 68 tad-deċiżjoni preċedenti).

26      Fil‑21 ta’ Jannar 2016, Sony Computer Entertainment Europe ressqet rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni preċedenti, irreġistrat bin-numru tal-Kawża T‑35/16, billi invokat motiv wieħed, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009.

27      Permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2017, Sony Computer Entertainment Europe vs EUIPO – Vieta Audio (Vita) (T‑35/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:886), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni preċedenti, kollha kemm hi, abbażi ta’ motiv ta’ ordni pubbliku, imqajjem ex officio, jiġifieri l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni. B’mod partikolari, fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-deċiżjoni preċedenti ma kinitx tippermetti li jiġu ddeterminati b’ċarezza suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom il-Ħames Bord tal-Appell kien qies li Sony Computer Entertainment Europe ma kinitx uriet l-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata għal ċerti kategoriji tal-prodotti kkonċernati.

28      Wara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2017, Vita (T‑35/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:886), il-Presidju tal-Bordijiet tal-Appell bagħat lura l-appell quddiem ir-Raba’ Bord tal-Appell, bir-referenza R 695/2018‑4.

29      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Settembru 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell ċaħad l-appell. Huwa eżamina u evalwa mill-ġdid jekk il-provi prodotti minn Sony Computer Entertainment Europe jippermettux li jiġi kkonfermat l-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata. Madankollu, hija osservat, ripetutament, li, fis-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2017, Vita (T‑35/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:886), il-Qorti Ġenerali kienet ikkonfermat ċerti konklużjonijiet tal-Ħames Bord tal-Appell.

30      Fl-ewwel lok, ir-Raba’ Bord tal-Appell qies, fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2017, Vita (T‑35/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:886), kienet ikkonfermat id-deċiżjoni preċedenti għal dak li jirrigwarda l-konklużjonijiet tal-Ħames Bord tal-Appell dwar it-tul, il-post u n-natura tal-użu.

31      Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-“mezzi għall-ħżin tad-data bi programmi rreġistrati”, ir-Raba’ Bord tal-Appell qies, fil-punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata, li, permezz tas-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2017, Vita (T‑35/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:886), il-Qorti Ġenerali kienet ikkonfermat u għamlet definittivi l-konklużjonijiet tal-Ħames Bord tal-Appell, fil-punti 59 u 60 tad-deċiżjoni preċedenti, fir-rigward tar-raġunijiet li għalihom il-provi dwar il-console PlayStation Vita ma kinux juru użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata għal dawn il-prodotti.

32      Fit-tielet lok, għal dak li jirrigwarda l-“mezzi għall-ħżin ta’ awdjo u/jew ta’ stampi (mhux tal-karta)”, ir-Raba’ Bord tal-Appell qies, fil-punti 55 u 56 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kards tal-memorja huma koperti wkoll minn din id-definizzjoni, iżda li l-provi prodotti lanqas ma setgħu juru l-użu ġenwin għal dawn il-prodotti. Għall-finijiet ta’ kompletezza, huwa żied, fil-punt 57 tad-deċiżjoni kkontestata, li, sa fejn ir-rikorrenti kienet issostni li l-console PlayStation Vita kienet tifforma parti wkoll minn din il-kategorija ta’ prodotti, ir-raġunament żviluppat fil-punt 59 tad-deċiżjoni preċedenti dwar il-“mezzi għall-ħżin tad-data bi programmi rreġistrati” seta’ jiġi applikat b’analoġija, filwaqt li jinżamm f’moħħ dak li jkun li l-funzjoni prinċipali ta’ dawn il-consoles ma hijiex li jiġu maħżuna fajls tal-awdjo u stampi. Skont ir-Raba’ Bord tal-Appell, dan ir-raġunament kien ġie kkonfermat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 50 tas-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2017, Vita (T‑35/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:886).

33      Fir-raba’ lok, għal dak li jirrigwarda l-provi dwar il-logħba diġitali Aqua Vita, ir-Raba’ Bord tal-Appell qies, fil-punt 59 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fil-punt 54 tas-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2017, Vita (T‑35/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:886), il-Qorti Ġenerali kienet ikkonkludiet li l-Ħames Bord tal-Appell kien espona b’mod suffiċjenti fid-dritt, fil-punti 61 sa 69 tad-deċiżjoni preċedenti, ir-raġunijiet li għalihom hija kienet qieset li l-provi relatati mal-logħba diġitali Aqua Vita ma kinux jippermettu li jiġi stabbilit użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata.

 It-talbiet tal-partijiet

34      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

35      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

36      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 72(6) tar-Regolament 2017/1001) u tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009.

37      Skont ir-rikorrenti, ir-Raba’ Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009 sa fejn ma ħax il-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2017, Vita (T‑35/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:886). Billi aġixxa b’dan il-mod, huwa naqas mill-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu.

38      Ir-rikorrenti ssostni li r-Raba’ Bord tal-Appell qies b’mod żbaljat, fil-punti 41, 57 u 59 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Qorti Ġenerali kienet ikkonfermat uħud mill-konklużjonijiet tal-Ħames Bord tal-Appell. Hija ssostni li, fis-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2017, Vita (T‑35/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:886), il-Qorti Ġenerali kkonkludiet biss li d-deċiżjoni preċedenti kienet ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni u li għalhekk kellha tiġi annullata fl-intier tagħha. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx il-motivi invokati quddiemha minn Sony Computer Entertainment Europe u, għaldaqstant, ma kkonfermatx il-fondatezza tal-motivazzjoni ta’ xi argument tal-partijiet.

39      Konsegwentement, ir-Raba’ Bord tal-Appell żbalja meta naqas milli jeżamina l-argumenti tar-rikorrenti fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-provi li hija kienet ippreżentat dwar il-console PlayStation Vita setgħux juru l-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata għall-kategorija ta’ “mezzi għall-ħżin tad-data bi programmi rreġistrati” u dik ta’ “mezzi għall-ħżin ta’ awdjo u/jew ta’ stampi (mhux tal-karta)”.

40      Għal dak li jirrigwarda l-kategorija ta’ “mezzi għall-ħżin ta’ awdjo u/jew ta’ stampi (mhux tal-karta)”, ir-rikorrenti ssostni li r-Raba’ Bord tal-Appell żbalja meta qies li l-Qorti Ġenerali kienet ikkonfermat il-konklużjoni li tgħid li l-console PlayStation Vita kienet tappartjeni għal din il-kategorija ta’ prodotti biss jekk il-funzjoni prinċipali tagħha kienet il-ħżin ta’ fajls tal-awdjo u ta’ stampi. Skont ir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tiddikjara, f’dan ir-rigward, li d-deċiżjoni preċedenti kienet esponiet b’mod suffiċjenti fid-dritt il-motivi li jippermettu li din tinftiehem.

41      Għal dak li jirrigwarda s-“softwer informatiku”, ir-rikorrenti tosserva li r-Raba’ Bord tal-Appell żbalja meta qies li l-Qorti Ġenerali kienet ikkonfermat id-deċiżjoni preċedenti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-provi dwar il-logħba diġitali Aqua Vita. Skont ir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali fakkret biss li r-raġunament tal-Ħames Bord tal-Appell f’dan ir-rigward kien ċar biżżejjed.

42      L-EUIPO jsostni li l-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni preċedenti għar-raġuni li l-Ħames Bord tal-Appell kien kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu għal dak li jirrigwarda l-elementi tar-raġunament li kienu essenzjali sabiex isostnu l-konklużjoni finali tad-deċiżjoni preċedenti. L-elementi tar-raġunament identifikati mill-Qorti Ġenerali bħala li huma vvizzjati b’nuqqas ta’ motivazzjoni ma jinkludux dawk relatati mal-użu tal-PlayStation Vita bħala “mezz għall-ħżin tad-data bi programmi rreġistrati” u bħala “mezz għall-ħżin ta’ awdjo u/jew ta’ stampi (mhux tal-karta)”. Kif ikkonstata r-Raba’ Bord tal-Appell fil-punti 41 u 59 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 31 iktar ’il fuq), il-konklużjonijiet tal-Ħames Bord tal-Appell saru għalhekk definittivi f’dan ir-rigward. Għal dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni fil-punt 57 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 32 iktar ’il fuq), l-EUIPO jżid li dan huwa raġunament “għal finijiet ta’ kompletezza”, li miegħu huwa jaqbel.

43      Sussidjarjament, l-EUIPO jsostni li, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tqis li l-konklużjonijiet tal-Ħames Bord tal-Appell ma kinux saru definittivi, id-deċiżjoni kkontestata xorta waħda ma hijiex ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni peress li huwa evidenti li l-pożizzjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell fuq il-punti inkwistjoni hija identika għal dik tal-Ħames Bord tal-Appell fuq dawn l-istess punti fid-deċiżjoni preċedenti.

44      Qabelxejn, għandu jitfakkar li, peress li s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2017, Vita (T‑35/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:886), ma ġietx appellata, hija saret definittiva.

45      Sussegwentement, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, sentenza ta’ annullament topera ex tunc u għalhekk ikollha l-effett li telimina b’mod retroattiv l-att annullat mill-ordinament ġuridiku (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2009, Kaul vs UASI – Bayer (ARCOL), T‑402/07, EU:T:2009:85, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). Mill-istess ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza ta’ annullament u sabiex din tingħata eżekuzzjoni sħiħa, l-istituzzjoni li tkun l-awtur tal-att annullat għandha tosserva mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza, iżda wkoll il-motivi li wasslu għal tali sentenza u li jikkostitwixxu l-bażi meħtieġa tagħha, fis-sens li huma indispensabbli sabiex tiġi ddeterminata t-tifsira eżatta ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv. Fil-fatt, huma dawn il-motivi li, minn naħa, jidentifikaw id-dispożizzjoni eżatta meqjusa bħala illegali u, min-naħa l-oħra, juru r-raġunijiet eżatti tal-illegalità kkonstatata fid-dispożittiv u li l-istituzzjoni kkonċernata għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tissostitwixxi l-att annullat (sentenzi tal‑25 ta’ Marzu 2009, ARCOL, T‑402/07, EU:T:2009:85, punt 22, u tat‑13 ta’ April 2011, Safariland vs UASI – DEF-TEC Defense Technology (FIRST DEFENSE AEROSOL PEPPER PROJECTOR), T‑262/09, EU:T:2011:171, punt 41).

46      Għandu jiġi rrilevat ukoll li, permezz tas-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2017, Vita (T‑35/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:886, punti 43 sa 59 u l-ġurisprudenza ċċitata), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni preċedenti abbażi ta’ motiv ta’ ordni pubbliku, imqajjem ex officio, jiġifieri l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.

47      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-ewwel sentenza tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament 2017/1001), id-deċiżjonijiet tal-EUIPO għandhom ikunu motivati. L-obbligu ta’ motivazzjoni, hekk stabbilit, għandu l-istess portata bħal dak stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE. Skont il-ġurisprudenza, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-awtur tal-att b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex neċessarju li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li huma rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu, kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2004, KWS Saat vs UASI, C‑447/02 P, EU:C:2004:649, punti 63 sa 65).

48      Għandu jitfakkar, min-naħa l-oħra, li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità essenzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li taqa’ taħt il-legalità sostantiva tal-att kontenzjuż. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkonsisti fl-espressjoni formali tal-motivi li fuqhom tkun ibbażata din id-deċiżjoni. Jekk dawn il-motivi jkunu vvizzjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità sostantiva tad-deċiżjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tagħha, li tista’ tkun suffiċjenti għalkemm tesprimi motivi żbaljati (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2016, Pensa Pharma vs EUIPO, C‑442/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:720, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      In-nuqqas ta’ motivazzjoni kkonstatat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2017, Vita (T‑35/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:886), kien jikkonċerna tliet aspetti tad-deċiżjoni preċedenti. Fl-ewwel lok, il-Ħames Bord tal-Appell ma spjegax għalfejn ir-riproduzzjonijiet tal-kards tal-memorja li jkollhom is-sinjal PSVita ma setgħux jistabbilixxu użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata għall-“mezzi għall-ħżin tad-data bi programmi rreġistrati” (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2017, Vita, T‑35/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:886, punt 51). Fit-tieni lok, huwa ma kienx ippreċiża, b’mod suffiċjentement ċar u mhux ekwivoku, għal liema raġunijiet huwa qies li ma kienx intwera użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata għall-“mezzi għall-ħżin ta’ awdjo u/jew ta’ stampi (mhux tal-karta), b’mod partikolari tejps u kasetts manjetiċi, tejps tal-awdjo, diski kumpatti tal-awdjo, kasetts DAT (tejps diġitali tal-awdjo), diski tal-vidjo, tejps tal-vidjo, pellikoli esposti, litografiji” (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2017, Vita, T‑35/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:886, punt 53). Fit-tielet lok, huwa ma kienx spjega għalfejn huwa ma kienx ħa inkunsiderazzjoni l-provi li jistabbilixxu l-preżenza tas-sinjal PSVita fuq il-logħob diġitali intiż li jintuża fuq il-console PlayStation Vita (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2017, Vita, T‑35/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:886, punt 55).

50      Fil-kuntest tal-eżami ta’ dan il-motiv ta’ ordni pubbliku, il-Qorti Ġenerali osservat ukoll li l-Ħames Bord tal-Appell kien espona b’mod suffiċjenti fid-dritt ir-raġunijiet li għalihom huwa qies li l-provi dwar il-console PlayStation Vita ma setgħux juru użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata għall-“mezzi għall-ħżin tad-data bi programmi rreġistrati” (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2017, Vita, T‑35/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:886, punt 50). L-istess japplika għal dak li jirrigwarda l-motivi li għalihom il-Ħames Bord tal-Appell kien qies li l-provi relatati mal-logħba diġitali Aqua Vita ma kinux jippermettu li jiġi stabbilit użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata għas-“softwer informatiku” (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2017, Vita, T‑35/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:886, punt 54).

51      Għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 50 u 54 tas-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2017, Vita (T‑35/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:886), il-Qorti Ġenerali kkonstatat biss li l-Ħames Bord tal-Appell kien esprima, b’mod suffiċjenti fid-dritt, il-motivi li fuqhom kien ibbaża d-deċiżjoni preċedenti. Min-naħa l-oħra, minn din is-sentenza jirriżulta b’mod ċar li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-argumenti ta’ Sony Computer Entertainment Europe mqajma fil-kuntest tal-uniku motiv tagħha, ibbażat fuq il-fatt li l-Ħames Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 u li, għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx fuq il-legalità sostantiva tad-deċiżjoni preċedenti. Minn dan isegwi li l-awtorità ta’ res judicata tikkonċerna biss il-motivazzjoni, bħala formalità essenzjali, tad-deċiżjoni preċedenti, u mhux il-legalità sostantiva.

52      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-awtorità ta’ res judicata testendi biss għall-motivi ta’ sentenza li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tad-dispożittiv tagħha u li huma, minħabba dan il-fatt, indissoċjabbli minnu (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Société des produits Nestlé et vs Mondelez UK Holdings Services, C‑84/17 P, C‑85/17 P u C‑95/17 P, EU:C:2018:596, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, l-elementi tad-deċiżjoni preċedenti li l-Qorti Ġenerali kienet osservat li kienu motivati b’mod korrett ma jistgħux jitqiesu li kisbu l-awtorità ta’ res judicata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Société des produits Nestlé et vs Mondelez UK Holdings Services, C‑84/17 P, C‑85/17 P u C‑95/17 P, EU:C:2018:596, punt 53). F’dan il-każ, ir-Raba’ Bord tal-Appell ma setax għalhekk ikun marbut minn dawn l-elementi tad-deċiżjoni preċedenti u ma setax jikkonfermahom fid-deċiżjoni kkontestata.

53      Għaldaqstant, ir-Raba’ Bord tal-Appell wettaq żball meta qies, fil-punti 41 u 59 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-konklużjonijiet tal-Ħames Bord tal-Appell dwar il-console PlayStation Vita u l-logħba diġitali Aqua Vita kienu saru definittivi b’konsegwenza tas-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2017, Vita (T‑35/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:886), u, fil-punt 57 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Qorti Ġenerali kienet ikkonfermat il-konstatazzjoni tal-Ħames Bord tal-Appell li l-console PlayStation Vita ma kinitx tifforma parti mill-kategorija ta’ “mezzi għall-ħżin ta’ awdjo u/jew ta’ stampi (mhux tal-karta)” peress li l-funzjoni prinċipali tagħha ma kinitx il-ħżin ta’ fajls tal-awdjo u ta’ stampi.

54      Wara l-annullament tad-deċiżjoni preċedenti minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni u sabiex jikkonforma mal-obbligu tiegħu, li jirriżulta mill-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009, li jieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2017, Vita (T‑35/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:886), ir-Raba’ Bord tal-Appell kien għaldaqstant obbligat jiddeċiedi mill-ġdid fuq il-kwistjonijiet kollha rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009.

55      Fl-aħħar nett, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-argument imqajjem sussidjarjament mill-EUIPO, li jgħid li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni peress li huwa evidenti li l-pożizzjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell fuq il-punti inkwistjoni hija identika għal dik tal-Ħames Bord tal-Appell fuq dawn l-istess punti fid-deċiżjoni preċedenti, lanqas ma jista’ jintlaqa’. Fil-fatt, ma jirriżultax mid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 29 sa 33 iktar ’il fuq) li l-pożizzjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell fuq il-punti inkwistjoni hija identika għal dik tal-Ħames Bord tal-Appell fuq dawn l-istess punti fid-deċiżjoni preċedenti. Fid-deċiżjoni kkontestata, ir-Raba’ Bord tal-Appell ikkonstata b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali kienet ikkonfermat ċerti konklużjonijiet tal-Ħames Bord tal-Appell. Għaldaqstant, huwa qies li kien marbut b’dawn il-konklużjonijiet, mingħajr madankollu ma eżamina u ħa pożizzjoni fuq l-argumenti rilevanti tal-partijiet. Barra minn hekk, kif diġà ġie osservat fil-punt 52 iktar ’il fuq, ir-Raba’ Bord tal-Appell ma setax ikun marbut bil-konklużjonijiet tal-Ħames Bord tal-Appell u ma setax jikkonfermahom fid-deċiżjoni kkontestata.

56      Peress li r-Raba’ Bord tal-Appell naqas milli jwettaq l-obbligu li jiddeċiedi mill-ġdid fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha rilevanti, għandu jintlaqa’ l-ewwel motiv f’dan ir-rigward u għandha tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fuq l-ilmenti u l-motiv l-ieħor.

 Fuq l-ispejjeż

57      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-EUIPO tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tal10 ta’ Settembru 2018 (Każ R 695/20184), dwar proċedimenti ta’ revoka bejn Vieta Audio, SA u Sony Computer Entertainment Europe Ltd, hija annullata.

2)      L-EUIPO għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk sostnuti minn Sony Computer Entertainment Europe.

Collins

Kancheva

De Baere

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid‑19 ta’ Diċembru 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.