Language of document : ECLI:EU:T:2013:136

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

19 ta’ Marzu 2013 (*)

“Unjoni doganali – Importazzjoni ta’ banana li ġejja mill-Ekwador – Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni – Talba għal maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni – Artikolu 220(2)(b), u Artikolu 239 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Żball tal-awtoritajiet doganali – Negliġenza manifesta tal-persuna kkonċernata”

Fil-Kawża T‑324/10,

Firma Léon Van Parys NV, stabbilita fi Antwerpen (il-Belġju), inizjalment irrappreżentata minn P. Vlaemminck u A. Hubert, sussegwentement minn P. Vlaemminck, R. Verbeke u J. Auwerx, avukati,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn J.-C. Halleux u M. Jacobs, bħala aġenti, assistiti minn P. Vander Schueren, avukat,

intervenjent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Keppenne u F. Wilman, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 2858 finali, tas-6 ta’ Mejju 2010, li tikkonstata li huwa ġustifikat li jsir teħid kont a posteriori tad-dazji u li l-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni huwa ġustifikat fir-rigward ta’ debitur, iżda li ma huwiex ġustifikat fir-rigward ta’ debitur ieħor f’każ partikolari,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn N. J. Forwood, President, F. Dehousse u J. Schwarcz (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Novembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Bejn it-22 ta’ Ġunju 1998 u t-8 ta’ Novembru 1999, ir-rikorrenti, Firma Léon van Parys NV ippreżentat, tramite l-aġent doganali tagħha, 116-il dikjarazzjoni ta’ importazzjoni ta’ banana li ġejja mill-Ekwador fl-Uffiċċju Doganali ta’ Antwerpen (il-Belġju).

2        Id-dikjarazzjonijiet ta’ importazzjoni kienu sostnuti minn 221 ċertifikat ta’ importazzjoni, apparentement maħruġa mir-Renju ta’ Spanja, li kienu jippermettu li tiġi importata banana fil-Komunità Ewropea, fil-kuntest ta’ kwota tariffarja bi ħlas ta’ dazju doganali mnaqqas ta’ EUR 75 kull tunnellata, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 404/93, tat-13 ta’ Frar 1993, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-banana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 388), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3290/94, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar l-aġġustamenti u l-arranġamenti transitorji meħtieġa fis-settur agrikolu sabiex jiġi implimentat ftehim konkluż matul ir-Round Urugwajan tan-negozjati kummerċjali multilaterali (ĠU L 176, p. 27), għall-perijodu li spiċċa fil-31 ta’ Diċembru 1998, u skont ir-Regolament Nru 404/93 u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2362/98, tat-28 ta’ Ottubru 1998, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 404/93 f’dak li jikkonċerna s-sistema ta’ importazzjoni tal-banana fil-Komunità (ĠU L 293, p. 32), għall-perijodu li beda fl-1 ta’ Jannar 1999.

3        Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Frar 2000, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) informa lill-awtoritajiet doganali Belġjani li xi ċertifikati foloz ta’ importazzjoni Spanjoli, b’timbri foloz tal-awtorità Spanjola kompetenti sabiex toħroġ dawn id-dokumenti, kienu intużaw għall-importazzjoni tal-banana fil-Komunità. Matul investigazzjoni, l-awtoritajiet doganali skoprew li l-221 ċertifikat ta’ importazzjoni ppreżentati mir-rikorrenti fl-Uffiċċju Doganali ta’ Antwerpen matul il-perijodu mit-22 ta’ Ġunju 1998 sat-8 ta’ Novembru 1998, kienu jikkorrispondu għal ċertifikati Spanjoli foloz.

4        Fil-5 ta’ Lulju 2002, l-amministrazzjoni doganali u tas-sisa Belġjana stabbilixxiet proċess verbali li jiddokumenta l-konstatazzjonijiet imwettqa, li hija indirizzat b’mod partikolari lir-rikorrenti u lill-Kummissjunarju Doganali (iktar ’il quddiem il-“PV tal-5 ta’ Lulju 2002”). Mill-PV tal-5 ta’ Lulju 2002 jirriżulta li 233 ċertifikat ta’ importazzjoni użati mir-rikorrenti jikkorrispondu għal ċertifikati Spanjoli foloz, fejn 221 minn dawn iċ-ċertifikati ġew ippreżentati f’Antwerpen u 12 f’Hamburg (il-Ġermanja). Fir-rigward tal-perijodu mill-1 ta’ Jannar sat-8 ta’ Novembru 1999, huma kkonċernati 107 ċertifikat, li kollha kemm huma ġew ippreżentati mir-rikorrenti fl-Uffiċċju Doganali ta’ Antwerpen.

5        Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Lulju 2002, l-amministrazzjoni doganali u tas-sisa Belġjana ordnat lir-rikorrenti u lill-Kummissjunarju Doganali sabiex iħallsu s-somma ta’ EUR 7 084 967.71 għall-importazzjonijiet tal-banana mill-1 ta’ Jannar 1998 sat-8 ta’ Novembru 1999, li jikkorrispondu għall-applikazzjoni ta’ dazju doganali ta’ EUR 850 għal kull tunnellata importata, skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 404/93.

6        Fit-28 ta’ Novembru 2003, ġie stabbilit proċess verbali addizzjonali mill-amministrazzjoni doganali u tas-sisa Belġjana (iktar ’il quddiem il-“PV addizzjonali”), li b’mod partikolari kien jirrigwarda l-istatus tat-twettiq ta’ kummissjonijiet rogatorji fil-Portugall fi Spanja u fl-Italja, fil-kuntest tal-investigazzjoni dwar iċ-ċertifikati Spanjoli foloz.

7        Wara li r-rikorrenti u l-Kummissjunarju doganali kkontestaw l-irkupru a posteriori tad-dazji doganali impost fuqhom, l-amministrazzjoni doganali u tas-sisa Belġjana qieset li t-talba sabiex l-irkupru a posteriori u l-maħfra tad-dazji ma jitwettqux, tintlaqa’, u fl-14 ta’ Diċembru 2007 għaddiet il-fajl lill-Kummissjoni Ewropea sabiex hija tieħu deċiżjoni, skont l-Artikoli 871 u 905 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3).

8        Fl-ittra tagħha tal-14 ta’ Diċembru 2007, l-amministrazzjoni doganali u tas-sisa Belġjana kienet tal-opinjoni li f’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307) (iktar ’il quddiem il-“KDK”), ma setgħux jiġu applikati, u dan peress li ma kinux jeżistu biżżejjed elementi probatorji sabiex jitqies li kien hemm żball min-naħa tal-Istati Membri jew tal-Kummissjoni. Għall-kuntrarju, hija qieset li kien hemm lok li d-dazji jingħataw lura, b’applikazzjoni tal-Artikolu 239 tal-KDK peress li kienet teżisti sitwazzjoni partikolari fis-sens tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, u r-rikorrenti u l-Kummissjunarju doganali ma kienu wettqu ebda negliġenza manifesta.

9        Fil-5 ta’ Mejju 2008, fit-18 u s-26 ta’ Novembru 2008, fil-15 ta’ Jannar 2009 u fl-4 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni indirizzat talbiet għal informazzjoni addizzjonali lill-amministrazzjoni doganali u tas-sisa Belġjana, li rrispondiet għal kull waħda minn dawn it-talbiet.

10      Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 906A tar-Regolament Nru 2454/93 informat lill-amministrazzjoni doganali u tas-sisa Belġjana u lir-rikorrenti li hija kellha l-intenzjoni li tieħu deċiżjoni sfavorevoli għat-talba ta’ maħfra u ta’ rimbors tad-dazji. F’ittra tat-8 ta’ Frar 2010, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha.

11      Il-każ tar-rikorrenti ġie eżaminat skont l-Artikoli 873 u 907 tar-Regolament Nru 2454/93, minn grupp ta’ esperti kompost minn rappreżentanti mill-Istati Membri kollha, matul laqgħa tat-12 ta’ April 2010.

12      Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 2858 finali, tas-6 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni laqgħet it-teħid kont a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni (Artikolu 1(1)) u l-maħfra tad-dazji fir-rigward ta’ debitur, il-Kummissjunarju Doganali (Artikolu 1(2)), iżda mhux fir-rigward ta’ debitur ieħor, ir-rikorrenti, f’każ partikolari (Artikolu 1(3)) (iktar ’il fuq id-“deċiżjoni kkontestata”).

13      Fil-premessi 4 u 5 tad-deċiżjoni kkontestata jissemma li, għall-importazzjonijiet tal-banana mwettqa fl-1998, il-Kummissjoni tawtorizza lill-awtoritajiet Belġjani sabiex jiddeċiedu huma stess jekk iwettqux il-maħfra tad-dazji jew le, peress li, f’fajl li jirrigwarda parzjalment każ paragunabbli fil-fatt u fil-liġi hija qieset li kien ġustifikat li jittieħed kont a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni u li kien ġustifikat li dawn id-dazji jinħafru. Mill-premessa 6 tagħha jirriżulta li għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda biss l-importazzjonijiet imwettqa mill-1 ta’ Jannar sat-8 ta’ Novembru 1999 u d-dazji fuq l-importazzjoni relattivi għalihom, li jammontaw għal EUR 3 628 248.48.

14      F’dak li jikkonċerna l-importazzjonijiet imwettqa fl-1999, fil-premessa 11 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni rrilevat li, matul it-tqegħid f’ċirkulazzjoni libera tal-prodotti importati, il-Kummissjunarju doganali kien ipproduċa xi ċertifikati ta’ importazzjoni, apparentement maħruġa mill-awtoritajiet Spanjoli, li r-rikorrenti kienet kisbet minn żewġ impriżi Spanjoli tramite kummerċjant Portugiż (iktar ’il quddiem “M”). Il-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti ma kinitx tidher fuq iċ-ċertifikati, peress li hija kienet biss xtrat l-użu tagħhom, u li hija ma kinitx ċessjonarja. Dejjem skont il-premessa 11 tad-deċiżjoni kkontestata, il-maġġoranza taċ-ċertifikati inkwistjoni kienu ddestinati sabiex ikollhom bħala proprjetarji operaturi “ġodda” fis-sens tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2362/98, u minoranza ta’ dawn iċ-ċertifikati kienu jappartjenu lil operaturi “tradizzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 3 tal-istess regolament.

15      Fil-premessa 32 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li kellu jittieħed kont a posteriori tad-dazji dovuti legalment, minħabba li ebda żball tal-awtoritajiet doganali ma seta’ jiġi kkonstatat f’dan il-każ. Sabiex tikkonkludi f’dan is-sens, il-Kummissjoni tirrileva, fil-premessa 26, li l-għoti ta’ trattament favorevoli, previst mill-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 404/93 kif emendat bir-Regolament Nru 3290/94, kien suġġett għall-preżentazzjoni ta’ ċertifikati ta’ importazzjoni, iżda l l-awtoritajiet Spanjoli kienu għarrfu li ċ-ċertifikati użati mir-rikorrenti ma kinux inħarġu minnhom. Skont il-Kummissjoni, dawn għaldaqstant kienu ċertifikati foloz. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni tqis, fil-punt 27, li din ma setgħetx tkun kwistjoni ta’ żball imwettaq mill-awtoritajiet Spanjoli, sa fejn dawn ma kinux ipparteċipaw għall-istabbiliment ta’ dawn iċ-ċertifikati. Fil-premessa 28, il-Kummissjoni identifikat is-suspetti ta’ involviment ta’ uffiċjal tal-amministrazzjoni Spanjola fil-frodi, liema suspetti twarrbu wara skambju ta’ ittri bejn l-OLAF u l-awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni warrbet, fil-premessi 29 sa 31, l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-impossibbiltà għall-operaturi ekonomiċi li jiċċekkjaw jekk l-impriżi li lilhom inħarġu ċ-ċertifikati kinux effettivament irreġistrati jew le u jekk iċ-ċertifikati u t-timbri fuqhom kinux awtentiċi, minħabba li kien impossibbli għall-awtoritajiet nazzjonali li jwettqu kontroll u minħabba n-nuqqas ta’ kontroll mill-awtoritajiet Komunitarji, sa fejn ebda waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi ma kienet tikkostitwixxi żball tal-awtoritajiet doganali.

16      Billi t-tliet kundizzjonijiet stabbiliti bl-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK huma kumulattivi, il-Kummissjoni, fil-premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata, kienet tal-opinjoni li ma kienx hemm lok li jiġu vverifikati l-kundizzjonijiet l-oħra barra l-eżistenza ta’ żball tal-awtoritajiet doganali.

17      Fil-kumplament tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti bl-Artikolu 239 tal-KDK sabiex titwettaq maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni kinux sodisfatti.

18      Fil-premessi 37 sa 51 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni vverifikat jekk kinitx teżisti sitwazzjoni partikolari, li hija l-ewwel kundizzjoni għall-maħfra tad-drittijiet fuq l-importazzjoni. Hija fakkret qabelxejn, fil-premessa 38, ir-regola li tgħid li l-preżentazzjoni, anki jekk ta’ bona fide, ta’ dokumenti ffalsifikati, fiha nnifisha ma setgħetx tikkostitwixxi sitwazzjoni partikolari li tiġġustifika l-maħfra tad-dazji. Il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 39, li r-rikorrenti u l-Kummissjunarju doganali bbażaw it-talba tagħhom għal maħfra mhux biss fuq l-eżistenza ta’ ċertifikati ta’ importazzjoni foloz, iżda wkoll prinċipalment fuq in-nuqqas ta’ sorveljanza tal-kwota tariffarja għall-importazzjoni tal-banana, li dawn kienu qegħdin jikkritikawha bih. Hija fakkret, fil-premessi 40 sa 44, il-kuntest ġuridiku li minnu jirriżultaw id-diversi obbligi li hija kellha u l-obbligi tal-Istati Membri fil-ġestjoni tal-kwota tariffarja. Fil-premessi 45 sa 49, il-Kummissjoni ppreżentat l-irregolaritajiet ikkonstatati fil-ġestjoni tal-kwota tariffarja, b’mod partikolari, minn naħa, in-nuqqas ta’ identifikazzjoni tal-qbiż tal-imsemmija kwota minn importazzjonijiet ta’ banana koperti b’ċertifikati ta’ importazzjoni u, min-naħa l-oħra, l-insuffiċjenza tal-miżuri ta’ prekawzjoni tal-awtoritajiet Spanjoli fil-ħruġ taċ-ċertifikati ta’ importazzjoni, b’mod iktar partikolari fil-komunikazzjoni tal-informazzjoni dwar il-mudell tat-timbru użat għall-ħruġ ta’ dawn iċ-ċertifikati. Konsegwentement, il-Kummissjoni qieset li tali ċirkustanzi kienu jeċċedu r-riskju kummerċjali normali li operatur kellu jsostni u li huma kienu jikkostitwixxu sitwazzjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 239 tal-KDK.

19      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni għall-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni, il-Kummissjoni eżaminat it-tliet kundizzjonijiet li fid-dawl tagħhom setgħet tiġi kkonstatata l-assenza ta’ qerq jew ta’ negliġenza. Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, dwar il-kumplessità tal-leġiżlazzjoni, hija kienet tal-opinjoni, fil-premessa 53, li ma kienx hemm lok li din tiġi evalwata, u dan peress li d-dejn doganali kien tnissel mill-falsifikazzjoni ta’ ċertifikati ta’ importazzjoni u mhux mill-applikazzjoni inkorretta tal-leġiżlazzjoni. Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-esperjenza professjonali tal-persuna kkonċernata, il-Kummissjoni qieset, fil-premessi 54 sa 56, li din kienet sodisfatta.

20      Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti ma kinitx tat prova ta’ diliġenza suffiċjenti. Il-Kummissjoni ddeskriviet il-kuntest fattwali li fih seħħ l-użu taċ-ċertifikati ta’ importazzjoni ffalsifikati. Fil-premessa 58 hija fakkret is-sistema operattiva li normalment kienet tiġi implementata sabiex l-operaturi “tradizzjonali” jkunu jistgħu jimportaw kwantità ta’ banana superjuri għal dik li tirriżulta miċ-ċertifikati ta’ importazzjoni li huma kellhom, u li kienet tikkonsisti f’li tali operatur ibiegħ il-banana, qabel l-importazzjoni tagħha, lil operatur li għandu ċertifikat ta’ importazzjoni, li kien ibigħhomlu lura wara l-importazzjoni u t-tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni libera tal-merkanzija. Fil-premessa 59, il-Kummissjoni kkonstatat li, fl-1999, minn naħa l-banana importata mir-rikorrenti kienet tqiegħdet f’ċirkolazzjoni libera mill-Kummissjunarju doganali abbażi tal-istruzzjonijiet tagħha u, min-naħa l-oħra, il-banana ma kinitx mibjugħa lill-proprjetarju taċ-ċertifikat ta’ importazzjoni, indikat bħala d-destinatarju tal-merkanzija fuq id-dikjarazzjoni tat-tqegħid f’ċirkolazzjoni libera. Barra minn hekk, il-Kummissjunarju doganali kien dejjem jiffattura d-dazji doganali fuq ir-rikorrenti.

21      Imbagħad, il-Kummissjoni ppreżentat id-diversi elementi li fid-dawl tagħhom hija qieset li r-rikorrenti ma kinitx diliġenti. L-ewwel nett, hija rrilevat, fil-premessa 60, l-assenza ta’ traċċa ta’ kuntatti bejn ir-rikorrenti u l-impriżi ppreżentati bħala proprjetarji taċ-ċertifikati ta’ importazzjoni, filwaqt li, skont din, tali kuntatti kienu meħtieġa għat-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni libera tal-merkanzija, peress li l-isem ta’ dawn l-impriżi kien jinsab fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ tqegħid f’ċirkolazzjoni libera, u din setgħet tiskatta r-responsabbiltà tagħhom. Hija kkonkludiet, fil-premessi 60 u 61, li, minkejja li r-rikorrenti kkuntattjat lil dawn l-impriżi, kien jidher li dawn ma kinux jafu bil-bejgħ tal-użu ta’ ċertifikati maħruġa f’isimhom, u li s-sistema użata u l-assenza ta’ kuntatti wrew li r-rikorrenti kienet lesta tieħu riskji sabiex timporta banana bi kwota tariffarja. It-tieni nett, il-Kummissjoni enfasizzat fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn ir-rikorrenti u M, jiġifieri l-fatt li n-negozjati għall-bejgħ ta’ ċertifikati ta’ importazzjoni twettqu direttament bejniethom (premessa 62), il-fatt li l-ħlasijiet tar-rikorrenti twettqu fuq kont personali ta’ M u mhux fuq kont tal-persuna li timpjega lil dan tal-aħħar (premessa 63), u l-fatt li r-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova li ċ-ċertifikati ta’ importazzjoni, li hija bagħtet lura lil M, kienu riċevuti minnu, filwaqt li l-proprjetarji tal-imsemmija ċertifikati kellhom jiġbruhom lura sabiex jiksbu r-rilaxx tal-garanzija li huma kellhom jikkostitwixxu (premessa 64). It-tielet nett, il-Kummissjoni nnotat li x-xiri tal-użu ta’ ċertifikati kien isir permezz ta’ fatturi pro forma, mibgħuta minn żewġ impriżi Spanjoli, u li xi fatturi kienu ntbagħtu permezz ta’ faks minn indirizzi jew minn persuni mhux magħrufa, jiġifieri s-sistema operattiva kollha, li dwarha ma jidhirx li r-rikorrenti ddubitat, ma jaqgħux taħt prattiki kummerċjali normali.

22      Fil-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkonkludiet li r-rikorrenti ma wrietx diliġenza tali għal dik mistennija minn operatur b’esperjenza u li, għaldaqstant, in-nuqqas ta’ negliġenza manifesta ma setgħetx tinżamm favur tagħha. Għall-kuntrarju, hija kienet tal-opinjoni li l-Kummissjunarju doganali tar-rikorrenti la kien wettaq qerq u lanqas negliġenza manifesta u li, għalhekk, huwa seta’ jibbenefika mill-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

23      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Awwissu 2010, ir-rikorrenti ressqet din l-azzjoni.

24      Billi l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali ġiet modifikata, il-kawża, li inizjalment kienet assenjata lis-Seba’ Awla, ġiet assenjata lit-Tieni Awla fit-23 ta’ Settembru 2010.

25      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1(1) u (3) tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

26      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

27      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Novembru 2010, ir-Renju tal-Belġju, skont l-Artikolu 115 tar-Regoli tal-Proċedura, talab li jintervjeni insostenn tar-rikorrenti f’din il-kawża.

28      Permezz ta’ digriet tat-18 ta’ Jannar 2011, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza lir-Renju tal-Belġju sabiex jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

29      Insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti, ir-Renju tal-Belġju essenzjalment jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1(1) u (3) tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

30      Permezz ta’ att irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ April 2011, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent tar-Renju tal-Belġju, peress li min-naħa tagħha, ir-rikorrenti ma ppreżentat ebda nota ta’ osservazzjoni.

31      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali għamlet diversi domandi lill-partijiet u talbithom jipproduċu xi dokumenti. Il-partijiet irrispondew permezz ta’ ittri ppreżentati fit-18 ta’ Ottubru 2012 għar-rikorrenti u d-19 ta’ Ottubru 2012 għall-Kummissjoni.

 Id-dritt

32      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi: ksur tat-Trattat u tar-regoli dwar l-applikazzjoni tiegħu, b’mod partikolari l-Artikolu 239 tal-KDK, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1442/93, tal-10 ta’ Ġunju 1993, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ importazzjoni tal-banana fil-Komunità (ĠU L 142, p. 6) u tar-Regolament Nru 2362/98, il-prattiki kummerċjali rikonoxxuti mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), klassifikazzjoni żbaljata tal-fatti u ksur tas-saħħa probatorja tad-dokumenti; ksur tat-Trattat u tar-regoli dwar l-applikazzjoni tiegħu, b’mod partikolari l-Artikolu 239 tal-KDK u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità; ksur tat-Trattat u tar-regoli dwar l-applikazzjoni tiegħu, b’mod partikolari l-Artikolu 239 tal-KDK, l-ex Artikolu 211 KE, il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi u l-prinċipju ġenerali tad-dritt patere legem quam ipse fecisti; ksur tat-Trattat u tar-regoli dwar l-applikazzjoni tiegħu, b’mod partikolari l-Artikolu 239 tal-KDK u l-prinċipju ta’ ugwaljanza; ksur tat-Trattat u tar-regoli dwar l-applikazzjoni tiegħu, b’mod partikolari l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK; ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u b’mod partikolari tad-drittijiet tad-difiża.

33      Jaqbel li qabelxejn jġu eżaminati l-ħames u s-sitt motivi tar-rikors, diretti kontra l-irkupru a posteriori tad-dazji skont l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK.

 Fuq l-implementazzjoni tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK

34      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK jissuġġetta n-nuqqas ta’ rkupru a posteriori mill-awtoritajiet nazzjonali għal tliet kundizzjonijiet kumulattivi. Hekk kif dawn it-tliet kundizzjonijiet ikunu sodisfatti, il-persuna suġġetta għad-dazju jkollha d-dritt li l-irkupru tad-dazju ma jseħħx (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qroti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Novembru 2002, Ilumitrónica, C‑251/00, Ġabra p. I‑10433, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Qabelxejn, jeħtieġ li d-dazji ma jkunux inġabru b’riżultat ta’ żball tal-awtoritajiet kompetenti nfushom. Imbagħad, l-iżball imwettaq minn dawn għandu jkun ta’ natura tali li l-persuna suġġetta għad-dazju li taġixxi in bona fide ma setgħetx raġonevolment tinduna bih, minkejja l-esperjenza professjonali tagħha u d-diliġenza li hija kellha turi. Fl-aħħar nett, din tal-aħħar għandha tkun osservat id-dispożizzjonijiet kollha previsti bil-leġiżlazzjoni fis-seħħ f’dak li jikkonċerna d-dikjarazzjoni doganali tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza Ilumitrónica, punt 34 iktar ’il fuq, punt 38, u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      L-eżistenza ta’ dawn il-kundizzjonijiet għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, li huwa li jiġu protetti l-aspettattivi leġittimi tal-persuna suġġetta għad-dazju fir-rigward tal-fondatezza tal-elementi kollha involuti fid-deċiżjoni ta’ rkupru jew le tad-dazji doganali (ara, b’analoġija, is-sentenza Ilumitrónica, punt 34 iktar ’il fuq, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-ħames u s-sitt motivi tar-rikors għandhom jiġu eżaminati.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tat-Trattat u tar-regoli dwar l-applikazzjoni tiegħu, b’mod partikolari l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK

38      Il-ħames motiv tar-rikors huwa maqsum fi tliet partijiet. L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-assenza ta’ involviment tal-awtoritajiet Spanjoli fl-istabbiliment taċ-ċertifikati ta’ importazzjoni foloz ma jistax jiġi stabbilit b’ċertezza. It-tieni nett, din hija tal-opinjoni li teżisti rabta bejn il-livell tad-dazji mitluba u l-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni fil-ġestjoni tal-kwota tariffarja. It-tielet nett, il-Kummissjoni ma eżaminatx il-kundizzjonijiet l-oħra ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, li f’dan il-każ huma sodisfatti.

39      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti, filwaqt li r-Renju tal-Belġju ma intervjeniex insostenn ta’ dan il-motiv.

–       Il-konstatazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni

40      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat jekk kienx possibbli li ma jsirx irkupru a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni, billi llimitat ruħha li tivverifika jekk waħda mill-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din il-miżura kinitx sodisfatta, jiġifieri l-eżistenza ta’ żball tal-awtoritajiet Spanjoli.

41      Fil-premessi 26 u 27 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni l-ewwel nett innotat li l-għoti ta’ trattament tariffarju favorevoli kien suġġett għall-preżentazzjoni ta’ ċertifikati ta’ importazzjoni, it-tieni nett innotat li l-awtoritajiet Spanjoli kienu għarrfu li ċ-ċertifikati kontenzjużi ma kinux inħarġu minnhom, u b’hekk dawn huma ċertifikati foloz u li, it-tielet nett, f’dawn iċ-ċirkustanzi, din ma setgħetx tkun kwistjoni ta’ li wieħed “jitkellem” dwar żball min-naħa tal-imsemmija awtoritajiet, liema awtoritajiet ma kinux ipparteċipaw fl-istabbiliment ta’ dawn iċ-ċertifikati.

42      Fil-premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni indikat li l-ipoteżi tal-involviment ta’ uffiċjal Spanjol fil-frodi, imqajma fil-bidu tal-investigazzjoni, kienet twarrbet, wara skambju ta’ korrispondenzi bejn l-OLAF u l-awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli.

43      Fil-premessi 29 sa 31 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrispondiet għal xi argumenti tar-rikorrenti. Skont il-Kummissjoni, iċ-ċirkustanzi li skonthom, l-ewwel nett, ma kienx possibbli li l-operaturi ekonomiċi jikkontrollaw jekk il-proprjetarji taċ-ċertifikati ta’ importazzjoni kinux effettivament operaturi rreġistrati u jekk iċ-ċertifikati u t-timbri fuqhom kinux awtentiċi, it-tieni nett, ma kienx possibbli li l-awtoritajiet nazzjonali jwettqu kontroll u, it-tielet nett, kien hemm nuqqas ta’ kontroll mill-awtoritajiet tal-Unjoni Ewropea, ma setgħux jikkostitwixxu żball tal-awtoritajiet doganali.

–       Fuq l-ewwel parti tal-ħames motiv

44      Ir-rikorrenti ssostni li l-assenza ta’ żbalji tal-awtoritajiet Spanjoli ma hijiex stabbilita b’ċertezza. Hija tibbaża ruħha prinċipalment fuq il-proċessi verbali tal-amministrazzjoni doganali u tas-sisa Belġjana, dokument tax-xogħol tal-OLAF u elementi ta’ proċeduri kriminali, konklużi permezz ta’ deċiżjoni tat-Tribunale civile e penale di Ravenna (qorti ċivili u kriminali ta’ Ravenna, l-Italja), tas-6 ta’ Ottubru 2004, li minnha jirriżulta li kien hemm kompliċità ta’ uffiċjali Spanjoli fl-istabbiliment taċ-ċertifikati foloz.

45      Permezz ta’ din l-argumentazzjoni, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma wrietx l-assenza ta’ żball min-naħa tal-awtoritajiet doganali, fis-sens tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK. Issa, hekk kif tirrileva l-Kummissjoni, il-mekkaniżmu ta’ nuqqas ta’ rkupru tad-dazji a posteriori jippresupponi li l-eżistenza ta’ żball tintwera. Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ħames motiv hija bbażata fuq premessa li tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK u li, fi kwalunkwe każ, ma tippermetti qatt li l-eżistenza ta’ żball tintwera.

46      Barra minn hekk, l-analiżi tal-argumenti tar-rikorrenti u tad-dokumenti li fuqhom hija tibbaża ruħha ma tippermettix li wieħed iqis din il-konlużjoni mill-ġdid.

47      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq il-PV addizzjonali, li jirreferi għall-investigazzjoni tal-OLAF, li matulha ssemmiet l-eżistenza ta’ serq ta’ ċertifikati ta’ importazzjoni fi ħdan is-Segretarjat Ġenerali tal-Kummerċ Barrani Spanjol. Issa, mid-dokument tax-xogħol tal-OLAF, tat-22 ta’ Settembru 2000, jirriżulta li dan l-avveniment seħħ fi tmiem l-1999 u li ċ-ċertifikati misruqa kienu intużaw matul l-ewwel żewġ trimestri tal-2000. Għaldaqstant, dawn ma jistgħux ikunu ċ-ċertifikati inkwistjoni, ippreżentati għal xi importazzjonijiet li tal-aħħar fosthom seħħew fit-8 ta’ Novembru 1999, fejn iċ-ċertifikati użati f’din l-okkażjoni kellhom, skont il-formulazzjoni tagħhom, it-23 ta’ Settembru 1999 bħala allegata data tal-ħruġ.

48      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tagħmel riferiment għad-deċiżjoni tat-Tribunale civile e penale. Madankollu, kulma għamlet din il-qorti kien li ddeskriviet l-ipoteżi, proposta mill-OLAF, ta’ korruzzjoni possibbli ta’ uffiċjal tal-Ministeru tal-Kummerċ Barrani Spanjol u taċ-ċirkustanza li l-OLAF kien ressaq kawża quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli. Hija ma kkonstatat ebda fatti ta’ korruzzjoni ta’ uffiċjal Spanjol, peress li hija indikat li, fid-data tad-deċiżjoni, l-investigazzjoni kienet għadha għaddejja fi Spanja.

49      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-assenza ta’ żball tal-awtoritajiet Spanjoli ma hijiex murija, peress li l-eżistenza ta’ korrispondenza bejn l-OLAF u l-awtoritajiet Spanjoli dwar l-assenza ta’ involviment ta’ uffiċjal Spanjol, skont hi, ma kinitx stabbilita. Issa, ittra tal-20 ta’ Ottubru 2005, indirizzata mill-awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli lill-OLAF, tiddeskrivi l-assenza ta’ involviment ta’ uffiċjali Spanjoli fil-każ taċ-ċertifikati ta’ importazzjoni foloz. Barra minn hekk, fit-28 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni bagħtet kopja ta’ din l-ittra lir-rikorrenti, fil-kuntest tal-proċedimenti amministrattivi.

50      Minkejja li r-rikorrenti tagħmel riferiment għal numru kbir ta’ provi ta’ involviment ta’ uffiċjali Spanjoli fl-istabbiliment taċ-ċertifikati foloz, għandu jiġi kkonstatat li mill-proċess ma jirriżultax li tali provi jeżistu, peress l-iktar l-iktar li kemm id-dokument tax-xogħol tal-OLAF, tat-22 ta’ Settembru 2000, kif ukoll il-PV addizzjonali u d-deċiżjoni tat-Tribunale civile e penale, tas-6 ta’ Ottubru 2004 jindikaw huma biss ipoteżijiet f’dan is-sens.

51      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tirrileva, fir-replika, l-eżistenza ta’ diversi aġiri, li hija kkwalifikat bħala żbalji, imputabbli għall-awtoritajiet Spanjoli: inħarġu ċertifikati ta’ importazzjoni vojta; ċertu informazzjoni ma ngħatatx lill-Kummissjoni, bħas-serq tal-formularji taċ-ċertifikati ta’ importazzjoni jew it-timbru użat minn dawn l-awtoritajiet, jew anki l-assenza ta’ informazzjoni dwar il-bdil tat-timbru użat minn dawn l-awtoritajiet.

52      L-ewwel nett għandu jitfakkar li s-serq ta’ ċertifikati ta’ importazzjoni ma għandu ebda effett fuq din il-kawża (ara l-punt 47 iktar ’il fuq) u li l-allegat serq tat-timbru fi ħdan l-amministrazzjoni Spanjola ma hijiex stabbilita, peress li ebda element tal-proċess ma jikkorrobora tali fatt u r-rikorrenti ma ssemmi ebda dokument f’dan is-sens.

53      It-tieni nett, l-assenza ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-bdil tat-timbru użat tikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu min-naħa tal-awtoritajiet Spanjoli, li, madankollu, ma jistax jiġi kklassifikat bħala żball li minnu oriġinat l-assenza ta’ teħid kont tad-dazji dovuti legalment, peress li huwa biss aġir attiv tal-awtoritajiet li jagħti dritt għan-nuqqas ta’ rkupru a posteriori (ara s-sentenza Ilumitrónica, punt 34 iktar ’il fuq, punti 38 u 42, u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      It-tielet nett, ir-rikorrenti ma tagħmel riferiment għal ebda preċiżjoni jew dokument dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni, mill-awtoritajiet Spanjoli, ta’ ċertifikati ta’ importazzjoni vojta, u kulma għamlet kien li indikat li tali ċirkustanza tirriżulta mid-dokument tax-xogħol tal-OLAF tat-22 ta’ Settembru 2000. Għandu jiġi rrilevat li l-OLAF ikkonstata li l-awtoritajiet Spanjoli kienu jbigħu formularji vojta ta’ ċertifikati ta’ importazzjoni u li huwa kien temm din is-sistema fl-1999, fid-dawl tar-riskji ta’ abbuż li dan kien jikkawża. Minkejja li tali ċirkustanza tqieset mil-awtoritajiet Spanjoli bħala li tikkawża riskju ta’ abbuż, hija waħedha ma tistax tikkostitwixxi żball tal-awtoritajiet doganali.

55      Għalhekk, l-ewwel parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni parti tal-ħames motiv

56      Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li, fil-ġestjoni tal-kwota tariffarja, wettqet żbalji li tagħhom kellu jittieħed kont fl-implementazzjoni tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK.

57      Il-Kummissjoni ssostni li hija ma tagħmilx parti mill-awtoritajiet doganali, li l-iżbalji tagħhom jittieħed kont tagħhom fl-applikazzjoni tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK.

58      L-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK jipprevedi li n-nuqqas ta’ rkupru a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni huwa possibbli biss jekk l-ammont tad-dazji dovuti legalment ma ttiħidx kont tiegħu bħala riżultat ta’ żball tal-awtoritajiet doganali stess.

59      Fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ qabel il-KDK, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-assenza ta’ definizzjoni preċiża u eżawrjenti tal-“awtoritajiet kompetenti”, mhux biss l-awtoritajiet kompetenti sabiex iwettqu l-irkupru, iżda kull awtorità li, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, tipprovdi elementi rilevanti għall-irkupru tad-dazji doganali u għaldaqstant tista’ tikkawża l-aspettattivi leġittimi tal-persuna suġġetta għad-dazju, għandha titqies bħala “awtorità kompetenti” (sentenza Ilumitrónica, punt 34 iktar ’il fuq, punt 40).

60      Barra minn hekk, mill-Artikolu 4(3) tal-KDK jirriżulta li “awtoritajiet doganali” tfisser l-awtoritajiet kompetenti, b’mod partikolari, għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali. Minn dan jirriżulta li għaldaqstant hawnhekk jissemmew l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri kif ukoll dawk ta’ Stati terzi li huma inkarigati li jiżguraw is-sorveljanza u l-kontroll tal-leġiżlazzjoni doganali, skont id-definizzjonijiet ta’ dawn il-missjonijiet mogħtija mill-Artikolu 4(13) u (14) tal-KDK. Minkejja li l-Kummissjoni għandha rwol fil-ġestjoni tal-kwota tariffarja li jippermetti li tiġi importata banana bi ħlas ta’ dazju doganali mnaqqas, hija ma tistax titqies, minħabba dan il-fatt, bħala awtorità doganali fis-sens tal-KDK. Għaldaqstant, l-iżbalji eventwalment imwettqa minnha, f’dan il-kuntest, ma jistgħux jagħtu dritt għall-mekkaniżmu ta’ nuqqas ta’ rkupru a posteriori tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK.

61      Fl-aħħar nett, għandu jitwarrab l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-fatt li l-Kummissjoni ma hijiex awtorità doganali ma huwiex biżżejjed sabiex jeżentaha mill-iżbalji tagħha, peress li l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK jikkostitwixxi klawżola ta’ ekwità li jipprekludi milli l-operaturi jiġu ssanzjonati minħabba żbalji tal-awtoritajiet. Fil-fatt, kieku dan l-argument kellu jintlaqa’, dan iwassal lill-Qorti Ġenerali sabiex twarrab l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK sabiex tapplika klawżola ta’ ekwità, li l-leġiżlazzjoni doganali tagħha tipprevedi li hija ma għandhiex tintervjeni fl-istadju tal-proċedimenti ta’ rkupru a posteriori, iżda iktar tard, fl-implementazzjoni tal-Artikolu 239 tal-KDK.

62      Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tielet parti tal-ħames motiv

63      Huwa minnu li, hekk kif issostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni, wara li eżaminat jekk żball setgħux jiġu kkritikati bih l-awtoritajiet Spanjoli, sostniet b’mod espliċitu, fil-premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma kienx hemm lok li jiġi vverifikat jekk iż-żewġ kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK l-oħra kinux sodisfatti. Issa, billi l-kundizzjonijet stabbiliti b’dan l-artikolu huma kumulattivi, il-Kummissjoni ma kellhiex teżamina l-kundizzjonijet ta’ applikazzjoni l-oħra tagħha, peress li fi kwalunkwe ipoteżi, l-ewwel waħda ma kinitx sodisfatta (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 1998, Unifrigo u CPL Imperial 2 vs Il-Kummissjoni, T‑10/97 u T‑11/97, Ġabra p. II‑2231, punt 65).

64      Konsegwentement, it-tielet parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda u, magħha, il-motiv kollu kemm hu.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u b’mod partikolari d-drittijiet tad-difiża

65      Ir-rikorrenti ssostni li hija talbet lill-OLAF l-aċċess għal kull dokument jew għal kull informazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ kompliċità matul il-ħruġ taċ-ċertifikati foloz. Madankollu, il-parti l-kbira tad-dokumenti mitluba qatt ma tqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha, u dan lanqas wara intervent mill-Ombudsman Ewropew, li ppropona kompromess bonarju li l-OLAF għadu ma eżegwixxiex. Kull tentattiv tar-rikorrenti sabiex tikseb iktar informazzjoni u tiddefendi ruħha kontra l-irkupru a posteriori kien inċaħad fir-rigward tad-dokumenti essenzjali dwar l-allegati falsifikazzjonijiet u l-kompliċità tal-awtoritajiet Spanjoli. Għal dan il-għan, ir-rikorrenti ssostni li d-drittijiet tad-difiża tagħha nkisru b’mod sostanzjali.

66      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti, filwaqt li r-Renju tal-Belġju ma intervjeniex insostenn ta’ dan il-motiv.

67      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-OLAF li ma tahiex aċċess totali għad-dokumenti mitluba. Hija tqis li l-informazzjoni li ġiet miċħuda lilha kienet essenzjali sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ żball tal-awtoritajiet Spanjoli, fis-sens tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK.

68      Sa fejn l-argument tar-rikorrenti deher dirett kontra d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom l-OLAF irrifjuta l-aċċess totali għad-dokumenti mitluba, meħuda abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u Il-Kunsill, tat-30 ta’Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), għandu jiġi kkonstatat li mill-proċess jirriżulta li, permezz ta’ deċiżjonijiet tas-26 ta’ Ottubru u t-3 ta’ Diċembru 2004, l-OLAF irrisponda għaż-żewġ talbiet konfermatorji ta’ aċċess għad-dokumenti mressqa mir-rikorrenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax li ma ressqitx azzjoni ġudizzjarja kontra dawn id-deċiżjonijiet, hekk kif irrilevat il-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-fatt li l-OLAF irrifjuta l-aċċess totali għad-dokumenti mitluba ma għandu ebda effett fuq il-kawża preżenti.

69      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li d-drittijiet tad-difiża tagħha inkisru b’mod sostanzjali, peress li hija ma setgħetx tikseb l-informazzjoni li hija fittxet dwar l-allegata falsifikazzjoni taċ-ċertifikati ta’ importazzjoni inkwistjoni u fuq il-possibbiltà ta’ kompliċitajiet fi ħdan l-awtoritajiet Spanjoli.

70      Għandu jitfakkar li, skont il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, ma huwiex biss l-obbligu tal-Kummissjoni li tiddeċiedi liema huma d-dokumenti utli għall-parti kkonċernata għall-finijiet tal-proċedura tan-nuqqas ta’ rkupru a posteriori. Il-fajl amministrattiv jista’ jinkludi dokumenti li fihom elementi favorevoli għan-nuqqas ta’ rkupru, li l-persuna kkonċernata tista’ tuża insostenn għat-talba tagħha, anke jekk il-Kummissjoni ma għamlitx użu minnhom. L-applikant għaldaqstant għandu jkollu aċċess għad-dokumenti kollha mhux kunfidenzjali li jinsabu fil-fajl, inklużi dawk li l-Kummissjoni ma użatx sabiex tibbaża l-oġġezzjonijiet tagħha (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2005, Ricosmos vs Il‑Kummissjoni, T‑53/02, Ġabra p. II‑3173, punt 72).

71      Permezz tal-argument tagħha, kulma tagħmel ir-rikorrenti huwa li ssostni li hija ma kellhiex aċċess għad-dokumenti relattivi għall-falsifikazzjoni taċ-ċertifikati ta’ importazzjoni inkwistjoni u għall-eventwali kompliċitajiet fi ħdan l-awtoritajiet Spanjoli. Dwar dan il-punt, hekk kif issostni l-Kummissjoni, hemm żewġ konstatazzjonijiet.

72      Minn naħa, qabel ma ħadet id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti kopja tal-ittra tal-awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli, tal-20 ta’ Ottubru 2005, li ssemmi l-assenza ta’ involviment ta’ uffiċjali Spanjoli fil-każ taċ-ċertifikati ta’ importazzjoni foloz. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li jista’ jkun li ma huwiex possibbli li tinkiseb informazzjoni dwar l-allegata kompliċità fi ħdan l-amministrazzjoni Spanjola għas-sempliċi raġuni li tali fatti ma ġewx stabbiliti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha titqies bħala li ssostni li hija ma tafx bl-eżistenza ta’ tali informazzjoni u ma għandha ebda dokument li saret riferiment għalih hemmhekk. Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-ineżistenza ta’ dokument li ntalab l-aċċess għalih hija preżunta meta l-istituzzjoni kkonċernata tagħmel affermazzjoni f’dan is-sens. Din hija madankollu preżunzjoni sempliċi li r-rikorrent jista’ jirribatti bil-mezzi kollha, fuq il-bażi ta’ indizji rilevanti u konkordanti (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2002, Tetra Laval vs Il‑Kummissjoni, T‑5/02, Ġabra p. II‑4381, punt 95, u tat-22 ta’ Diċembru 2005, Gorostiaga Atxalandabaso vs Il-Parlament, T‑146/04, Ġabra p. II‑5989, punt 121). F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma pproduċietx tali indizji dwar l-eżistenza ta’ dokumenti li jistabbilixxu l-allegata falsifikazzjoni taċ-ċertifikazzjoni ta’ importazzjoni inkwistjoni u l-kompliċitajiet possibbli fi ħdan l-awtoritajiet Spanjoli.

73      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ppreżentat diversi dokumenti quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex issostni l-eżistenza tal-allegata kompliċità u tal-mod jew modi ta’ falsifikazzjoni taċ-ċertifikati ta’ importazzjoni inkawża. Dan huwa b’mod partikolari minnu fir-rigward tad-dokument tax-xogħol tal-OLAF, tat-22 ta’ Settembru 2000, tad-deċiżjoni tat-Tribunale civile e penale, imsemmija matul l-eżami tal-ħames motiv, jew tal-proċess verbali tat-23 ta’ Ġunju 2004, dwar xhieda tal-membri tal-persunal tal-OLAF inkarigati mill-investigazzjoni dwar l-importazzjonjiet frawdolenti quddiem il-qorti tal-investigazzjoni preliminari ta’ Ravenna. Mill-proċess jirriżulta wkoll li r-rikorrenti diġà kellha dawn it-tliet dokumenti meta hija ppreżentat lill-amministrazzjoni doganali u tas-sisa Belġjana dokument imsejjaħ “Position paper” (rapport), datat il-25 ta’ Ġunju 2007, li huma kienu annessi miegħu. Kif intqal fil-punti 48 u 50 iktar ’il fuq, la d-dokument tax-xogħol tal-OLAF u lanqas id-deċiżjoni tat-Tribunale civile e penale ma jsemmu s-suspetti ta’ kompliċità fi ħdan l-amministrazzjoni Spanjola dwar l-istabbiliment ta’ ċertifikati ta’ importazzjoni foloz. Dan jgħodd ukoll għall-proċess verbali tax-xhieda li taw il-membri tal-persunal tal-OLAF.

74      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li, qabel ma l-Kummissjoni ġiet adita bil-proċedura tan-nuqqas ta’ rkupru a posteriori, ir-rikorrenti kellha dokumenti li jindikaw suspetti ta’ kompliċità fi ħdan l-amministrazzjoni Spanjola fit-tfassil ta’ ċertifikati ta’ importazzjoni foloz u li jiddeskrivu b’mod preċiż mhux ħażin il-proċeduri operattivi probabbli tal-falsifikazzjoni taċ-ċertifikat, li jippermettulha li tippreżenta d-difiża tagħha dwar il-kwistjoni tal-eventwali kompliċità ta’ uffiċjal Spanjol fl-istabbiliment ta’ ċertifikati foloz.

75      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tistax issostni li d-drittijiet tad-difiża tagħha nkisru b’mod sostanzjali minħabba li din ma kellhiex aċċes għal ċertu informazzjoni jew għal ċerti dokumenti.

76      Peress li r-rikorrenti ma ġabitx iktar preċiżazzjonijiet dwar l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża li hija sostniet u peress li hija ma sostnietx iktar is-sempliċi invokazzjoni ta’ ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, l-argument imqajjem u, flimkien miegħu, is-sitt motiv tar-rikors għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-implementazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 239(1) tal-KDK

 Kunsiderazzjonijiet preliminari

77      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 905 tar-Regolament Nru 2454/93, li hija dispożizzjoni li tippreċiża u żżid fuq ir-regola prevista fl-Artikolu 239 tal-KDK, jikkostitwixxi klawżola ġenerali ta’ ekwità intiża, b’mod partikolari, sabiex tkopri sitwazzjonijiet eċċezzjonali li, fihom infushom, ma jaqgħux taħt wieħed mill-każijiet previsti fl-Artikoli 900 sa 904 tal-imsemmi regolament (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Frar 1999, Trans-Ex-Import, C-86/97, Ġabra p. I-1041, punt 18). Mill-imsemmi Artikolu 905 jirriżulta li r-rimbors tad-dazji fuq l-importazzjoni huwa suġġett għall-fatt li jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, l-ewwel nett, l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari, u t-tieni nett, l-assenza ta’ negliġenza manifesta u ta’ qerq min-naħa tal-persuna kkonċernata (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Frar 2004, Aslantrans vs Il-Kummissjoni, T-282/01, Ġabra p. II‑693, punt 53). Bħala konsegwenza, huwa biżżejjed li ma tiġix sodisfatta waħda miż-żewġ kundizzjonijiet sabiex ir-rimbors tad-dazji jkollu jiġi miċħud (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Ġunju 1996, Günzler Aluminium vs Il-Kummissjoni, T-75/95, Ġabra p. II‑497, punt 54, u Aslantrans vs Il‑Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq, punt 53).

78      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, f’dan il-każ, il-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari hija sodisfatta (ara l-punt 18 iktar ’il fuq). Konsegwentement, l-eżami tal-Qorti Ġenerali għandu jirrigwarda biss il-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni qisitx ġustament l-eżistenza ta’ negliġenza manifesta.

79      Skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġi evalwat jekk hemmx negliġenza [traskuraġni] manifesta fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kumplessità tad-dispożizzjonijiet li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tagħhom ħoloq id-dejn doganali, kif ukoll l-esperjenza professjonali u d-diliġenza tal-operatur (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1999, Söhl & Söhlke, C‑48/98, Ġabra p. I‑7877, punt 56, u tat-13 ta’ Marzu 2003, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑156/00, Ġabra p. I‑2527, punt 92).

80      Barra minnhekk, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali meta hija tadotta deċiżjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 239 tal-KDK (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’Jannar 2000, Mehibas Dordtselaan vs Il-Kummissjoni, T‑290/97, Ġabra p. II‑15, punti 46 u 78). Għandu jitfakkar ukoll li r-rimbors jew il-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni, li jistgħu jingħataw biss taħt kundizzjonijiet speċifiċi u f’każijiet speċifikament previsti, jikkostitwixxu eċċezzjoni għas-sistema normali tal-importazzjoni u l-esportazzjoni u li, bħala konsegwenza, id-dispożizzjonijiet li jipprevedu tali rimbors jew tali maħfra għandhom jiġu interpretati b’mod ristrett. B’mod partikolari, peress li l-assenza ta’ negliġenza manifesta hija kundizzjoni sine qua non għall-applikazzjoni ta’ rimbors jew ta’ maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni, tali kunċett għandu jiġi interpretat b’mod li n-numru tal-każijiet ta’ rimbors jew maħfra jibqa’ limitat (is-sentenza Söhl & Söhlke, punt 79 iktar ’il fuq, punt 52).

81      Madankollu, minkejja li l-Kummissjoni tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 239 tal-KDK, hija obbligata teżerċita din is-setgħa billi tibbilanċja b’mod li tibbilanċja verament, minn naħa, l-interess tal-Unjoni sabiex l-osservanza tad-dispożizzjonijiet doganali tiġi żgurata u, min-naħa l-oħra, l-interess tal-importatur in bona fide li ma jsostnix ħsarat li jeċċedu r-riskju kummerċjali ordinarju (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Novembru 2006, Heuschen & Schrouff Oriëntal Foods vs Il-Kummissjoni, T‑382/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat b’mod partikolari t-tieni motiv tar-rikors, li insostenn tiegħu intervjena r-Renju tal-Belġju.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tat-Trattat u tar-regoli dwar l-applikazzjoni tiegħu, b’mod partikolari tal-Artikolu 239 tal-KDK u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

83      Ir-rikorrenti tikkritika l-konstatazzjoni ta’ negliġenza manifesta li l-Kummissjoni opponitilha fid-deċiżjoni kkontestata. Sostnuta mir-Renju tal-Belġju, hija ressqet diversi argumenti insostenn ta’ dan il-motiv.

84      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkritikaha bl-inqas negliġenza manifesta, peress li l-allegati nuqqasijiet huma bbażati fuq l-ipoteżi żbaljata li hija kkonkludiet ftehim ta’ xiri mill-ġdid tal-merkanzija. It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, ma kienx possibbli għaliha li tkun taf li kienu jeżistu allegati ċertifikati ta’ importazzjoni foloz, mixtrija bil-kundizzjonijiet tas-suq tramite M, li kellu relazzjoni ta’ fiduċja mas-sussidjarja tagħha għal numru ta’ snin. It-tielet nett, kuntrarjament għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ma pproduċietx prova ta’ negliġenza manifesta tar-rikorrenti, filwaqt li hija stess kienet dejjem aġixxiet fil-kuntest ta’ prattiki kummerċjali abitwali u tat prova ta’ aġir professjonali u diliġenti. Ir-raba’ nett, ir-rikorrent essenzjalment issostni li l-kritiki tal-Kummissjoni dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali ma’ M u l-proprjetarji taċ-ċertifikati ta’ importazzjoni inkawża huma infondati, peress li dawn ir-relazzjonijiet huma prattiki kummerċjali normali. Il-ħames nett, id-diliġenza imposta hija kuntrarja għall-ġurisprudenza, partikolarment oneruża u sproporzjonata, f’sitwazzjoni partikolari li teċċedi bil-kbir ir-riskju kummerċjali normali. Issa, fil-mument li fih seħħew il-fatt, ma kienx hemm lok li wieħed jissuspetta dwar l-awtentiċità taċ-ċertifikati ta’ importazzjoni. Is-sitt nett, il-Kummissjoni żbaljat meta kkunsidrat li l-kundizzjoni dwar il-kumplessità tal-leġiżlazzjoni ma hijiex rilevanti.

85      Permezz tat-tielet, ir-raba’ u l-ħames argumenti, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u preliminarjament, ir-rikorrenti essenzjalment tqis li l-Kummissjoni ma wrietx l-assenza ta’ diliġenza tagħha.

86      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, meta l-awtoritajiet doganali kkonkludew li ma setax jiġi stabbilit li l-operatur ekonomiku kien ta prova ta’ qerq jew ta’ negliġenza manifesta, tkun il-Kummissjoni li, meta hija jkollha l-intenzjoni li tinjora t-teħid ta’ pożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, għandha tagħti prova, abbażi ta’ elementi fattwali rilevanti, tal-eżistenza ta’ aġir manifestament negliġenti tal-imsemmi operatur (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2005, T-26/03, Ġabra p. II‑3885, punti 78 u 82).

87      Issa, għandu jiġi enfasizzat li, fl-ittra tagħha tal-14 ta’ Diċembru 2007, l-amministrazzjoni doganali u tas-sisa Belġjana kienet tal-opinjoni li kienet teżisti sitwazzjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 239 tal-KDK u li r-rikorrenti ma kienet wettqet ebda negliġenza manifesta.

88      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, sabiex tikkonkludi li r-rikorrenti ma kinitx diliġenti, fil-punt 60 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni osservat l-assenza ta’ traċċi ta’ kuntatti mal-proprjetarji taċ-ċertifikati ta’ importazzjoni, filwaqt li tali kuntatti kienu indispensabbli sabiex il-merkanzija titqiegħed f’ċirkolazzjoni libera, billi l-ismijiet ta’ dawn l-impriżi kienu jinsabu fuq id-dikjarazzjonijiet tat-tqegħid f’ċirkolazzjoni libera, li setgħet tiskatta r-responsabbiltà tagħhom. Fil-premessi 60 u 61 hija tirrileva li minkejja li r-rikorrenti kienet ikkuntattjat dawn l-impriżi, kien deher li huma ma kinux jafu dwar il-bejgħ tal-użu ta’ ċerifikati stabbiliti f’isimhom, billi kkonkludew li l-mezz użat u l-assenza ta’ kuntatti wrew li r-rikorrenti kienet lesta tieħu riskji sabiex timporta banana taħt kwota tariffarja. Fil-premessa 62 il-Kummissjoni indikat li n-negozjati għax-xiri ta’ ċertifikati ta’ importazzjoni twettqu direttament bejn ir-rikorrenti u M, fil-premessa 63 hija indikat li l-ħlasijiet tar-rikorrenti twettqu f’kont personali ta’ M u mhux fuq kont tal-persuna li timpjegah, fil-premessa 64 hija indikat li r-rikorrenti ma pproduċietx il-prova li ċ-ċertifikati ta’ importazzjoni li hija rreferiet għal M, kienu tabilħaqq ġew riċevuti minnu, filwaqt li l-proprjetarji tagħhom kellhom jirkuprawhom sabiex jiksbu r-rilaxx tal-garanzija li huma kellhom jikkostitwixxu, skont il-leġiżlazzjoni, u, fil-premessa 65 hija indikat li x-xiri tal-użu taċ-ċertifikati kien iseħħ permezz ta’ fatturi pro forma mibgħuta minn żewġ impriżi Spanjoli, fejn uħud mill-fatturi ntbagħtu bil-faks minn indirizz jew minn persuni mhux magħrufa. Għall-Kummissjoni, dan il-mezz ma kienx jaqa’ taħt il-prattiki kummerċjali normali.

89      Fil-qosor, iċ-ċirkustanzi invokati mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li kien hemm assenza ta’ diliġenza huma ħamsa: l-assenza ta’ kuntatt bejn ir-rikorrenti u l-impriżi li huma proprjetarji ta’ ċertifikati ta’ importazzjoni; ix-xiri tal-użu taċ-ċertifikati permezz ta’ negozjati diretti bejn ir-rikorrenti u M; il-ħlasijiet imwettqa fuq il-kont personali ta’ M; l-assenza ta’ prova li M irċieva ċertifikati rritornati mir-rikorrenti; il-fatturar tax-xiri tal-użu taċ-ċertifikati permezz ta’ fatturi pro forma mibgħuta permezz tal-faks, uħud minnhom minn indirizzi jew persuni mhux magħrufa.

90      Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li, fid-difiża, il-Kummissjoni tqis li l-mezz użat mir-rikorrenti sabiex tikseb l-użu ta’ ċertifikati ta’ importazzjoni huwa “illeċitu” għaliex huwa kuntrarju għat-tieni inċiż tal-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 2362/98, li jipprekludi kull trażmissjoni ta’ drittijiet li jirriżultaw minn ċertifikat ta’ importazzjoni ta’ operatur ġdid lil operatur tradizzjonali. Dwar dan il-punt, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn hija tirrifjuta l-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni, ma hijiex fondata fuq l-illegalità tal-mezz tax-xiri tal-użu taċ-ċertifikati ta’ importazzjoni, iżda fuq in-negliġenza manifesta tar-rikorrenti.

91      Għaldaqstant, l-argument tal-Kummissjoni f’dan il-każ ma jistax jinfluwenza l-fondatezza tar-rifjut li d-dazji fuq l-importazzjoni jinħafru.

92      Fir-raba’ lok, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti, sostnuta mir-Renju tal-Belġju, hija tal-opinjoni li huwa biss f’każ ta’ dubji dwar l-awtentiċità taċ-ċertifikati ta’ importazzjoni li l-livell ta’ diliġenza kien jinvolvi obbligu attiv għaliha. Il-Kummissjoni ssostni li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, magħrufa biss mir-rikorrenti, din kellu jkollha xi dubji u teżiġi iktar informazzjoni dwar il-proprjetarji taċ-ċertifikati ta’ importazzjoni, peress li l-assenza possibbli ta’ dubju tal-awtoritajiet doganali ma għandha ebda effett fuq dan il-punt.

93      Mal-ewwel qari, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Kummissjoni rrifjutat li taħfer id-dazji fuq l-importazzjoni minħabba li r-rikorrenti kellu jkollha dubji dwar l-awtentiċità taċ-ċertifikati ta’ importazzjoni inkawża. L-assenza ta’ diliġenza hemmhekk tidher ibbażata fuq il-mezz ta’ implementazzjoni sabiex tikseb l-użu ta’ dawn iċ-ċertifikati, li ċerti aspetti tagħhom ma kinux jaqgħu taħt prattiki kummerċjali notmali (premessa 65 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward ta’ tali kontenut, l-argument tar-rikorrenti ma huwiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata.

94      Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li l-Kummissjoni qieset li, fir-rigward tal-mezz użat sabiex jinkiseb l-użu taċ-ċertifikati ta’ importazzjoni inkawża, ir-rikorrenti kellu jkollha dubji dwar l-awtentiċità tagħhom, peress li fil-premessi 60 u 65 tad-deċiżjoni kkontestata huwa rrilevat li kuntatti mal-proprjetarji ta’ dawn iċ-ċertifikati kien indispensabbli u li r-rikorrenti ma ddubitatx dwar il-fatt li somom kbar ta’ flus kienu tħallsu abbażi ta’ fatturi pro forma riċevuti permezz ta’ faks. Madankollu, għar-raġunijiet esposti fil-punti 98 sa 102 u 11 sa 115 iktar ’l isfel, fiċ-ċirkustanzi tal-każ dawn l-elementi ma setgħux joħolqu dubji dwar l-awtentiċità taċ-ċertifikati ta’ importazzjoni inkawża.

95      Fil-ħames lok, għandhom jiġu eżaminati l-ħames ilmenti li fid-dawl tagħhom il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti ma wrietx diliġenza.

96      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li, ħlief sabiex issostni piż amministrattiv sproporzjonat minħabba n-numru kbir ta’ ċertifikati inkwistjoni, hija ma setgħetx tikkuntattja lil kull proprjetarju ta’ ċertifikat. Hija aġixxiet fil-kuntest tar-relazzjonijiet kummerċjali normali billi ħalliet lil M jieħu ħsieb il-kuntatti man-netwerk tiegħu. Kieku hija aġixxiet b’mod ieħor, hija kienet tipperikola r-relazzjonijiet kummerċjali ma’ M, u hija kellha bżonnu sabiex isib operaturi ġodda li xtaqu jbigħu l-użu ta-ċertifikati ta’ importazzjoni tagħhom. Din hija tal-opinjoni li, fiż-żmien ta’ meta seħħew il-fatti, hija ma kellha ebda raġuni sabiex turi viġilanza partikolari fir-rigward tal-ftehim konklużi tramite M, peress li l-metodu użat kien l-istess bħal dak użat ma’ intermedjarji oħra.

97      Skont il-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma tistax tinħeba wara l-argument dwar ir-relazzjoni ta’ fiduċja ma’ M, ħlief sabiex tbati l-konsegwenzi kollha ta’ din l-għażla, peress li hija tat prijorità lil din ir-relazzjoni fuq l-osservazzjoni tad-diliġenza meħtieġa. Barra minn hekk, hija tal-opinjoni li r-rikorrenti setgħet teżiġi li M jipprovdilha informazzjoni dwar il-proprjetarji taċ-ċertifikati, billi r-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom fi żmien li fih seħħew il-fatti kienu pjuttost riċenti. Fl-aħħar nett, hija tqis li l-miżuri li r-rikorrenti ħadet speċifikament għall-ġestjoni taċ-ċertifikati ta’ importazzjoni ma humiex ta’ importanza, peress li ma ġiex indikat fiex huma kkontribwixxew sabiex jiġi vverifikat l-użu diliġenti u leċitu taċ-ċertifikati.

98      Mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti ħelset miċ-ċertifikati ta’ importazzjoni kollha inkwistjoni tramite M u li l-imsemmija ċertifikati tqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha, b’mod ġenerali, fi tmiem it-trimestri li ntużaw fihom. Għandu jiġi osservat li r-rikorrenti, sew fin-noti tagħha kif ukoll waqt is-seduta, insistiet dwar il-fatt li l-operazzjonijiet li għalihom intużaw iċ-ċertifikati ta’ importazzjoni inkwistjoni dejjem kienu jinvolvu kwantitajiet żgħar ta’ banana. Skont hi, tali ċirkustanza ġġustifikat ir-rikors għal intermedjarju li kien iktar probabbli li jikseb f’termini pjuttost qosra ċ-ċertifikati li jippermettu li tiġu importata tagħbija fil-limiti tal-kwota tariffarja. Dawn id-diversi elementi fattwali ma ġewx ikkontestati mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni, mingħajr ma tiġi kontradetta, li hija kienet tivverifika l-forma u l-kontenut taċ-ċertifikati ta’ importazzjoni li hija kienet tuża, b’mod partikolari dwar jekk il-kwantitajiet li jidhru fuq iċ-ċertifikati kinux jikkorrispondu għall-kwantitajiet attribwiti lill-operatur ġdid li ismu jidher fuq iċ-ċertifikat.

99      Minkejja l-kontrolli mwettqa, l-ewwel ilment tal-Kummissjoni jimplika li r-rikorrenti kienet obbligata tikkuntattja lill-proprjetarji taċ-ċertifikati inkawża fi żmien pjuttost qasir sabiex tevita l-kritiki fformulati fil-premessi 60 u 61 tad-deċiżjoni kkontestata.

100    Mistoqsija fis-seduta dwar in-natura u l-portata ta’ dan l-obbligu, mill-premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ma setgħetx tidentifika d-dispożizzjonijiet li fuqhom kienet ibbażata l-eżistenza tiegħu u tippreċiża l-portata tiegħu fuq il-proċedura ta’ żdoganar tal-merkanzija importata, b’mod partikolari fuq it-tqegħid f’ċirkolazzjoni libera, billi kulma għamlet kien li allegat li x-xiri tad-dritt tal-użu taċ-ċertifikati ta’ importazzjoni mingħand operaturi ġodda ma huwiex konformi mal-leġiżlazzjoni doganali. Issa, hekk kif diġà ntqal fil-punti 90 u 91 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq l-illegalità tal-mezz tax-xiri tad-dritt ta’ użu taċ-ċertifikati ta’ importazzjoni.

101    Għaldaqstant il-Kummissjoni ma tistabbilixxix li r-rikorrenti kienet marbuta tikkuntattja l-proprjetarji taċ-ċertifikati ta’ importazzjoni inkawża sabiex twettaq l-operazzjonijiet ta’ żdoganar. Preċiżament, il-Kummissjoni ma tipprovdi ebda element li juri li tali kuntatt kien obbligatorju sabiex ir-rikorrenti tqiegħed il-merkanzija importata f’ċirkolazzjoni libera, filwaqt li ma huwiex ikkontestat li din setgħet twettaq, mingħajr xkiel, il-formalitajiet amministrattivi kollha marbuta mal-importazzjoni tal-merkanzija msemmija fiċ-ċertifikati ta’ importazzjoni inkwistjoni.

102    Barra minn hekk, bħala regola ġenerali ma jistax jiġi aċċettat li operatur ekonomiku li jimporta merkanzija fl-Unjoni u li, għal dan il-għan, jirrikorri għas-servizz ta’ intermedjarju sabiex jikseb l-użu ta’ ċertifikati ta’ importazzjoni, jitqies bħala jonqos mill-prudenza jew mid-diliġenza jekk huwa ma jwettaqx verifiki mal-proprjetarji taċ-ċertifikati. Fil-fatt, l-użu tas-servizz ta’ tali intermedjarju huwa metodu prattiku ta’ eżerċizzju tal-attività ta’ importazzjoni fid-diskrezzjoni tal-importatur u li għandu l-għan li jiffaċilita l-eżerċizzju ta’ din l-attività peress li l-importatur iqis li, f’kuntest ekonomiku partikolari, l-intermedjarju huwa persuna li tinsab f’pożizzjoni aħjar minnu sabiex issib operaturi ġodda li kisbu ċertifikati u li jixtiequ jittrasferixxu l-użu tagħhom, speċjalment meta, bħal f’dan il-każ, l-importatur ikollu bżonn numru kbir ta’ ċertifikati fi żmien pjuttost qasir (ara l-punt 98 iktar ’il fuq). Fin-nuqqas ta’ kull element ċirkostanzjali ieħor li jista’ jqanqal id-dubju tal-operatur dwar l-awtentiċità taċ-ċertifikati ta’ importazzjoni użati, ma jistax jitqies li kuntatti mal-proprjetarji ta’ ċertifikati ta’ importazzjoni kienu indispensabbli sabiex jippermettu t-tqegħid f’ċirkolazzjoni libera tal-merkanzija importata.

103    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistabbilixxix li ċ-ċirkustanzi identifikati fil-premessi 60 u 61 tad-deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxu nuqqas ta’ diliġenza tar-rikorrenti.

104    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li kien normali li jitwettqu ħlasijiet fuq il-kont personali ta’ M, peress li dan kien jaġixxi fuq bażi indipendenti u li hija kienet tipprattika flimkien ma’ intermedjarji oħra, li hija ma tistax tiġi kkritikata li ma vverifikatx jekk iċ-ċertifikati li hija bagħtet lura lil M ġewx riċevuti minnu, għaliex dan jikkostitwixxi ammont ta’ xogħol sproporzjonat u ma jikkorrispondix għal prattika kummerċjali normali, u li hija kienet tiġi informata kieku M ma kienx irċieva ċ-ċertifikati, fid-dawl b’mod partikolari tar-regolarità tar-relazzjonijiet tan-negozju tagħhom.

105    Bħala difiża, il-Kummissjoni tenniet il-kritiki fformulati fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri li, abbażi tal-livell ta’ diliġenza applikabbli f’dan il-każ, wieħed seta’ jistenna li r-rikorrenti tiżgura li l-ħlasijiet jitwettqu fuq il-kontijiet xierqa u li hija tivverifika li ċ-ċertifikati li hija tibgħat lura jkunu waslu. Il-Kummissjoni tirrileva li bħala operatur diliġenti, ir-rikorrenti kellu jkollha dubji dwar il-fatt li M xtaq li l-ammonti l-kbar jitħallsu f’ismu stess u fuq kontijiet privati, mingħajr ma l-persuna li timpjegah tkun taf b’dan.

106    It-tieni, it-tielet u r-raba’ ilmenti li jinsabu fil-premessi 62 sa 64 tad-deċiżjoni kkontestata jirrigwardaw ix-xiri tad-dritt ta’ użu taċ-ċertifikati permezz ta’ negozjati diretti bejn ir-rikorrenti u M, il-ħlasijiet imwettqa fuq il-kont personali ta’ M u l-assenza ta’ prova li M irċieva ċ-ċertifikati mibgħuta lura mir-rikorrenti (ara l-punt 89 iktar ’il fuq).

107    Fuq livell fattwali, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti żammet relazzjonijiet kummerċjali ma’ M sa mill-1997, peress li waħda mis-sussidjarji tagħha, Taljana, li qabel din id-data kellha relazzjonijiet għal diversi snin ma’ impriża Portugiża ta’ kummerċ internazzjonali li M kien jaħdem magħha. Mill-proċess kollu jirriżulta li, hekk kif issostni r-rikorrenti, ir-relazzjoni kummerċjali għax-xiri tad-dritt ta’ użu taċ-ċertifikati inkawża kienet stabbilita bejnha u M biss, u din hija xi ħaġa li, matul is-seduta, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li ma tikkontestax. Barra minn hekk xejn fid-deċiżjoni kkontestata jew fin-noti tal-Kummissjoni ma jippermetti li tiġi kkontestata l-affermazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li M kien jeżerċita l-attività intermedjarja tiegħu b’mod indipendenti jew ma jindika li dan tal-aħħar eżerċita din l-attività b’mod frawdolenti. Għaldaqstant, l-argumenti tal-Kummissjoni mfakkra fil-punt 105 iktar ’il fuq ma jistgħux jitwarrbu, peress li huma bbażati fuq l-idea, li wkoll tirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, li rikors għal intermedjarju li barra minn hekk kien impjegat ta’ impriża kummerċjali internazzjonali, sabiex tikseb id-drittijiet ta’ użu taċ-ċertifikati inkawża jikkawża riskju ikbar ta’ manuvri frawdolenti.

108    Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, b’teħid inkunsiderazzjoni wkoll ta’ dak li ntqal fil-punt 102 iktar ’il fuq, la n-negozjazzjoni mir-rikorrenti tax-xiri tal-użu taċ-ċertifikati inkawża direttament ma’ M, la l-ħlasijiet tax-xiri kollu tagħha fuq il-kont personali tiegħu u lanqas l-assenza ta’ talba lilu sabiex jagħtiha prova li rċieva ċ-ċertifikati użati li hija kienet tirritornalu ma juri li r-rikorrenti wriet nuqqas ta’ diliġenza.

109    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-użu ta’ fatturi pro forma hija prattika kummerċjali normali, użata ma’ intermedjarji oħra u minn importaturi oħra, peress li dawn il-fatturi jikkostitwixxu ordnijiet li abbażi tagħhom hija kienet tħallas li M, li sussegwentement kien joħroġ il-fatturi definittivi. Il-fatt li l-fatturi kienu ntbagħtu minn kumpanniji Spanjoli li r-rikorrenti ma kinitx taf ma jikkostitwixxix partikolarità li kellha tħeġġiġha tkun iktar viġilanti, peress li l-operaturi inkwistjoni kienu impriżi li ma humiex magħrufa fis-settur tal-banana u peress li l-kuntatti kollha ma’ dawn l-operaturi kienu amministrati minn M, filwaqt li l-Kummissjoni ma tagħtix prova ta’ negliġenza manifesta.

110    Il-Kummissjoni tqis li l-problema huma ċ-ċirkustanzi li fihom seħħ l-użu tal-fatturi pro forma, jiġifieri t-trażmissjoni, permezz ta’ faks, minn persuni mhux magħrufa minn indirizzi mhux magħrufa. Għaldaqstant, ir-rikorrenti kellha twettaq xi verifiki.

111    Dwar dan il-punt, għandu jitfakkar li fil-premessa 65 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni rrilevat:

“[Il-]fatturar tax-xiri tal-użu taċ-ċertifikati kien isir permezz ta’ fatturi pro forma mibgħuta bil-[faks] miż-żewġ impriżi Spanjoli msemmija iktar ’il fuq, u mill-proċess jirriżulta li wħud minn dawn il-fatturi pro forma kienu ntbagħtu permezz ta’ [faks] minn indirizzi jew minn persuni mhux magħrufa. Il-Kummissjoni tiddubita li l-fatt li somom kbar ħafna ta’ flus jitħallsu abbażi ta’ sempliċi fatturi pro forma riċevuti bil-[faks] f’tali ċirkustanzi jaqa’ taħt prattiki kummerċjali normali; issa, mill-proċess ma jirriżultax li r-[rikorrenti] qatt iddubitat f’dan ir-rigward.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

112    Qabelxejn għandu jiġi kkonstatat li l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u s-seduta aġġornaw diverġenza ta’ evalwazzjoni fuq punt ta’ fatt. Fil-fatt, b’risposta għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni pproduċiet il-fatturi ta’ erba’ impriżi mingħand min ir-rikorrenti xtrat id-dritt ta’ użu taċ-ċertifikati inkawża. Issa, minn naħa, waqt is-seduta r-rikorrenti kkontestat ir-realtà ta’ din id-data, u dan billi sostniet li waħda biss mill-impriżi inkwistjoni kienet begħitilha d-dritt ta’ użu taċ-ċertifikati inkawża. Min-naħa l-oħra, din id-data hija kunfliġġenti mal-elementi rrilevati mill-OLAF, fid-dokument tax-xogħol tat-22 ta’ Settembru 2000, li kien isemmi żewġ impriżi Spanjoli involuti, waħda għas-sena 1998 u l-oħra għas-sena 1999, kif ukoll mad-deċiżjoni kkontestata (premessi 11 u 65).

113    Għandu jitfakkar ukoll li, sabiex issostni n-nuqqas ta’ diliġenza tar-rikorrenti, il-Kummissjoni tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq il-fatt li l-fatturi pro forma tax-xiri tad-drittijiet ta’ użu taċ-ċertifikati inkawża kienu ntbagħtu minn faksijiet mhux magħrufa minn persuni mhux magħrufa. Iktar preċiżament, fis-seduta l-Kummissjoni rrilevat li l-fatturi pro forma inkwistjoni kienu joriġinaw minn Spanja, li n-numri tal-faksijiet kienu Spanjoli u li fuq il-fatturi riċevuti bil-faks kienu jissemmew “copy shops” (ħwienet tal-fotokopji) Spanjoli.

114    Issa, mill-proċess kollu jirriżulta li d-drittijiet ta’ użu taċ-ċertifikati inkawża, li jikkonċernaw biss is-sena 1999, kienu nxtraw mingħand impriża Spanjola (ara l-punt 112 iktar ’il fuq). Il-fatturi pro forma ta’ din l-impriża, prodotti mill-Kummissjoni b’risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, kollha jinkludu indirizz postali u numru tat-telefown, imsemmija fil-headers tagħhom Waħda mill-fatturi tinkludi l-indikazzjoni “casa de fotocopia” (ħanut tal-fotokopji) fil-marġni superjuri u waħda oħra tinkludi numru ta’ faks, apparentement Spanjol, u l-indikazzjoni “cemon” fil-marġni superjuri.

115    Minkejja li l-elementi msemmija fil-punt 114 iktar ’il fuq ma jirriżultawx b’mod espliċitu mid-deċiżjoni kkontestata, jista’ jitqies li l-Kummissjoni rreferiet għalihom meta fil-premessa 65 osservat li xi fatturi pro forma kienu ntbagħtu bil-faks minn indirizzi mhux magħrufa. Madankollu, tali ċirkustanza ma hijiex biżżejjed sabiex jintwera n-nuqqas ta’ diliġenza tar-rikorrenti f’din il-kawża. Minn naħa, il-fatt li fattura pro forma li toriġina minn impriża li għandha s-sede tagħha fi Spanja tintbagħat minn faks li jinsab f’dan il-pajjiż ma tidhirx li hija ċirkustanza ta’ natura li twassal lill-operatur li jirċievi din il-fattura sabiex jgħolli l-livell ta’ diliġenza tiegħu. Min-naħa l-oħra, il-fatt li waħda mill-ħames fatturi mibgħuta mill-imsemmija impriża Spanjola lir-rikorrenti ntbagħtet minn dak li jidher li huwa ħanut tal-fotokopji, bħala tali ma jistax iqajjem dubji fir-rikorrenti dwar ir-relazzjoni kummerċjali ma’ din l-impriża jew dwar l-awtentiċità taċ-ċertifikati inkawża. Fin-nuqqas ta’ elementi ċirkostanzjali oħra insostenn tal-ilment dwar l-użu ta’ fatturi pro forma, id-dubji tal-Kummissjoni dwar il-fatt li l-ħlas ta’ somom kbar ħafna ta’ flus imħallsa abbażi ta’ tali fatturi riċevuti fiċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq jaqgħux taħt prattiki kummerċjali normali, ma jistgħux jitqiesu li huma stabbiliti.

116    Għaldaqstant, bl-elementi identifikati fil-premessa 65 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma tistabbilixxix li f’dan il-każ ir-rikorrenti wriet nuqqas ta’ diliġenza.

117    Mingħajr ma jkun hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ewwel, it-tieni u s-sitt argumenti tat-tieni motiv tar-rikors, mill-punti 103, 108 u 116 iktar ’il fuq jirriżulta li t-tieni motiv huwa fondat, peress li l-Kummissjoni ma tatx il-prova, hekk kif tirrikjedi l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 86 iktar ’il fuq, tal-assenza ta’ diliġenza tar-rikorrenti u, għaldaqstant, ta’ negliġenza manifesta.

118    Konsegwentement, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ewwel, it-tielet u r-raba’ motivi, l-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat u l-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

119    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont l-Artikolu 87(3), il-Qorti Ġenerali tista’ taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom.

120    F’dan il-każ, billi l-Kummissjoni tilfet fil-parti l-kbira, hemm lok li din tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha u dawk tar-rikorrenti.

121    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. F’dan il-każ, hemm lok li r-Renju tal-Belġju jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 2858 finali, tas-6 ta’ Mejju 2010, li tikkonstata li huwa ġustifikat li jsir teħid kont a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni u li l-maħfra tad-dazji hija ġustifikata fir-rigward ta’ debitur, iżda li ma hijiex ġustifikata fir-rigward ta’ debitur ieħor f’każ partikolari, huwa annullat.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn Firma Léon Van Parys NV.

4)      Ir-Renju tal-Belġju għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Forwood

Dehousse

Schwarcz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ Marzu 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.