Language of document : ECLI:EU:T:2013:136

Kawża T‑324/10

Firma Léon Van Parys NV

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Unjoni doganali — Importazzjoni ta’ banana li ġejja mill-Ekwador — Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni — Talba għal maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni — Artikolu 220(2)(b), u Artikolu 239 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 — Żball tal-awtoritajiet doganali — Negliġenza manifesta tal-persuna kkonċernata”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tad-19 ta’ Marzu 2013

1.      Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni — Kundizzjonijiet ta’ nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament Nru 2913/92

(Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikolu 220(2)(b))

2.      Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni — Kundizzjonijiet ta’ nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament Nru 2913/92 — Żball tal-awtoritajiet kompetenti nfushom — Rekwiżit ta’ aġir attiv

(Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikolu 220(2)(b))

3.      Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni — Kundizzjonijiet ta’ nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament Nru 2913/92

(Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikoli 4(3), (13) u (14), u 220(2)(b))

4.      Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni — Riferiment lill-Kummissjoni fil-każ ta’ talba għal nuqqas ta’ irkupru — Komunikazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-applikant — Aċċess għal dokumenti — Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92)

5.      Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — Rimbors jew maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni — Ċirkustanzi li la jinvolvu “qerq u lanqas negliġenza manifesta” tal-persuna kkonċernata — Kunċett ta’ negliġenza manifesta — Interpretazzjoni stretta — Ksib ta’ ċertifikati ta’ importazzjoni permezz ta’ intermedjarju mingħajr twettiq ta’ verifiki mal-proprjetarji tagħhom — Esklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikolu 239; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93, Artikolu 905)

6.      Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — Rimbors jew maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni — Klawżola ta’ ekwità stabbilita bl-Artikoli 239 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u 905 tar-Regolament ta’ applikazzjoni tiegħu Nru 2454/93 — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Modalitajiet ta’ eżerċizzju

(Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikolu 239)

7.      Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — Rimbors jew maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni — Ċirkustanzi li la jinvolvu “qerq u lanqas negliġenza manifesta” tal-persuna kkonċernata — Oneru tal-prova

(Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikolu 239(1))

1.      L-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament Nru 2913/92, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali, jissuġġetta n-nuqqas ta’ rkupru a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali għal tliet kundizzjonijiet kumulattivi. Hekk kif dawn it-tliet kundizzjonijiet ikunu sodisfatti, il-persuna suġġetta għad-dazju jkollha d-dritt li l-irkupru tad-dazju ma jseħħx.

Qabelxejn, jeħtieġ li d-dazji ma jkunux inġabru b’riżultat ta’ żball tal-awtoritajiet kompetenti nfushom. Imbagħad, l-iżball imwettaq minn dawn għandu jkun ta’ natura tali li l-persuna suġġetta għad-dazju li taġixxi in bona fide ma setgħetx raġonevolment tinduna bih, minkejja l-esperjenza professjonali tagħha u d-diliġenza li hija kellha turi. Fl-aħħar nett, din tal-aħħar għandha tkun osservat id-dispożizzjonijiet kollha previsti bil-leġiżlazzjoni fis-seħħ f’dak li jikkonċerna d-dikjarazzjoni doganali tagħha.

L-eżistenza ta’ dawn il-kundizzjonijiet għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 220(2)(b) tal-imsemmi regolament, li huwa li jiġu protetti l-aspettattivi leġittimi tal-persuna suġġetta għad-dazju fir-rigward tal-fondatezza tal-elementi kollha involuti fid-deċiżjoni ta’ rkupru jew le tad-dazji doganali.

(ara l-punti 34-36)

2.      Huwa biss aġir attiv tal-awtoritajiet nazzjonali li jagħti dritt għan-nuqqas ta’ rkupru a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni skont l-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament Nru 2913/92, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali.

(ara l-punt 53)

3.      Mill-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 2913/92, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali, jirriżulta li “awtoritajiet doganali” tfisser l-awtoritajiet kompetenti, b’mod partikolari, għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali. Minn dan jirriżulta li għaldaqstant hawnhekk jissemmew l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri kif ukoll dawk ta’ Stati terzi li huma inkarigati li jiżguraw is-sorveljanza u l-kontroll tal-leġiżlazzjoni doganali, skont id-definizzjonijiet ta’ dawn il-missjonijiet mogħtija mill-Artikolu 4(13) u (14) tar-Regolament Nru 2913/92. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tistax titqies li hija awtorità doganali fis-sens tal-imsemmi regolament. Għaldaqstant, l-iżbalji eventwalment imwettqa minnha, f’dan il-kuntest, ma jistgħux jagħtu dritt għall-mekkaniżmu ta’ nuqqas ta’ rkupru a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni tal-Artikolu 220(2)(b) ta’ dan ir-regolament.

(ara l-punt 60)

4.      Skont il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, ma huwiex biss l-obbligu tal-Kummissjoni li tiddeċiedi liema huma d-dokumenti utli għall-parti kkonċernata għall-finijiet tal-proċedura tan-nuqqas ta’ rkupru a posteriori. Il-fajl amministrattiv jista’ jinkludi dokumenti li fihom elementi favorevoli għan-nuqqas ta’ rkupru, li l-persuna kkonċernata tista’ tuża insostenn għat-talba tagħha, anki jekk il-Kummissjoni ma għamlitx użu minnhom. L-applikant għaldaqstant għandu jkollu aċċess għad-dokumenti kollha mhux kunfidenzjali li jinsabu fil-fajl, inklużi dawk li l-Kummissjoni ma użatx sabiex tibbaża l-oġġezzjonijiet tagħha.

Madankollu, l-ineżistenza ta’ dokument li ntalab l-aċċess għalih hija preżunta meta l-istituzzjoni kkonċernata tagħmel affermazzjoni f’dan is-sens. Din hija madankollu preżunzjoni sempliċi li l-applikant jista’ jirribatti bil-mezzi kollha, fuq il-bażi ta’ indizji rilevanti u konkordanti.

(ara l-punti 70, 72)

5.      Ir-rimbors tad-dazji fuq l-importazzjoni skont l-Artikolu 905 tar-Regolament Nru 2454/93, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali, huwa suġġett għall-fatt li jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, l-ewwel nett, l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari, u t-tieni nett, l-assenza ta’ negliġenza manifesta u ta’ qerq min-naħa tal-persuna kkonċernata. Bħala konsegwenza, huwa biżżejjed li ma tiġix sodisfatta waħda miż-żewġ kundizzjonijiet sabiex ir-rimbors tad-dazji jkollu jiġi miċħud.

F’dan ir-rigward, sabiex jiġi evalwat jekk hemmx negliġenza manifesta, jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kumplessità tad-dispożizzjonijiet li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tagħhom ħoloq id-dejn doganali, kif ukoll l-esperjenza professjonali u d-diliġenza tal-operatur. Barra minn hekk, peress li r-rimbors jew il-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni, li jistgħu jingħataw biss taħt kundizzjonijiet speċifiċi u f’każijiet speċifikament previsti, jikkostitwixxu eċċezzjoni għas-sistema normali tal-importazzjoni u l-esportazzjoni, id-dispożizzjonijiet li jipprevedu tali rimbors jew tali maħfra għandhom jiġu interpretati b’mod ristrett. B’mod partikolari, peress li l-assenza ta’ negliġenza manifesta hija kundizzjoni sine qua non għall-applikazzjoni ta’ rimbors jew ta’ maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni, tali kunċett għandu jiġi interpretat b’mod li n-numru tal-każijiet ta’ rimbors jew maħfra jibqa’ limitat.

Konsegwentement, bħala regola ġenerali ma jistax jiġi aċċettat li operatur ekonomiku li jimporta merkanzija fl-Unjoni u li, għal dan il-għan, jirrikorri għas-servizz ta’ intermedjarju sabiex jikseb l-użu ta’ ċertifikati ta’ importazzjoni, jitqies li jonqos mill-prudenza jew mid-diliġenza jekk huwa ma jwettaqx verifiki mal-proprjetarji taċ-ċertifikati. Fil-fatt, l-użu tas-servizz ta’ tali intermedjarju huwa metodu prattiku ta’ eżerċizzju tal-attività ta’ importazzjoni fid-diskrezzjoni tal-importatur u li għandu l-għan li jiffaċilita l-eżerċizzju ta’ din l-attività peress li l-importatur iqis li, f’kuntest ekonomiku partikolari, l-intermedjarju huwa persuna li tinsab f’pożizzjoni aħjar minnu sabiex issib operaturi ġodda li kisbu ċertifikati u li jixtiequ jittrasferixxu l-użu tagħhom, speċjalment meta l-importatur ikollu bżonn numru kbir ta’ ċertifikati fi żmien pjuttost qasir. Fin-nuqqas ta’ kull element ċirkustanzjali ieħor li jista’ jqanqal id-dubju tal-operatur dwar l-awtentiċità taċ-ċertifikati ta’ importazzjoni użati, ma jistax jitqies li kuntatti mal-proprjetarji ta’ ċertifikati ta’ importazzjoni huma indispensabbli sabiex jippermettu t-tqegħid f’ċirkolazzjoni libera tal-merkanzija importata.

(ara l-punti 77, 79, 80, 102)

6.      Minkejja li l-Kummissjoni tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 239 tar-Regolament Nru 2913/92, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali, hija obbligata teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha billi tibbilanċja verament, minn naħa, l-interess tal-Unjoni sabiex l-osservanza tad-dispożizzjonijiet doganali tiġi żgurata u, min-naħa l-oħra, l-interess tal-importatur in bona fide li ma jsostnix ħsarat li jeċċedu r-riskju kummerċjali ordinarju.

(ara l-punt 81)

7.      Meta l-awtoritajiet doganali jikkonkludu li ma jistax jiġi stabbilit li l-operatur ekonomiku ta prova ta’ qerq jew ta’ negliġenza manifesta, tkun il-Kummissjoni li, meta hija jkollha l-intenzjoni li tinjora t-teħid ta’ pożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, għandha tagħti prova, abbażi ta’ elementi fattwali rilevanti, tal-eżistenza ta’ aġir manifestament negliġenti tal-imsemmi operatur.

(ara l-punt 86)