Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Frar 2024 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu

(Kawża C-138/24)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: W. Roels, A. Ferrand, aġenti)

Konvenut: Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 tat-12 ta’ Lulju 2006 li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta’ evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern (ĠU 2016, L 193, p. 1), billi żied l-entitajiet ta’ titolizzazzjoni fir-rigward tal-lista ta’ tipi ta’ impriżi finanzjarji elenkati fl-Artikolu 2(5) ta’ din id-direttiva, sabiex jippermetti l-esklużjoni tagħhom mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar il-limitazzjoni tal-interessi tal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva;

tikkundanna lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni ssostni li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu żied mat-tipi ta’ impriżi finanzjarji elenkati fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2016/1164 l-entitajiet ta’ titolizzazzjoni, u dan sa biex jippermetti l-esklużjoni tagħhom mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar il-limitazzjoni tal-interessi fis-sens tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva.

L-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2016/1164 jipprevedi, ċertament, l-għażla għall-Istati Membri li jeskludu l-impriżi finanzjarji mil-limitazzjoni tat-tnaqqis tal-kostijiet tas-self eċċessivi għall-kalkolu tal-bażi taxxabbli għat-taxxa tal-kumpanniji. Issa, l-Artikolu 2(5) ta’ din id-direttiva jinkludi lista eżawrjenti tal-entitajiet li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ impriżi finanzjarji. L-entitajiet ta’ titolizzazzjoni ma jagħmlux parti minn din il-lista u għalhekk ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ impriżi finanzjarji fis-sens tal-imsemmija direttiva.

____________