Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Ottubru 2013 – European Dynamics Luxembourg u Evropaïki Dynamiki vs L-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni

(Kawża T-553/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: European Dynamics Luxembourg SA (Ettelbrück, il-Lussemburgu); u Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentant: D. Mabger, avukat)

Konvenuta: L-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni ta’ għoti tal-konvenuta tas-7 ta’ Awwissu 2013 relatata mas-sejħa pubblika għal offerti F4E-ADM-0464 (ĠU 2012/S 213-352451) għall-għoti tal-kuntratt-qafas għal servizz fi stadji intitolat “Provision of Information and Communications Technology (ICT) Projects to Fusion for Energy” (ĠU 2013/S 198-342743);

tikkundanna lill-konvenuta għall-ħlas lir-rikorrenti ta’ kumpens għad-danni rappreżentanti t-telf tal-opportunità li tingħata kuntratt;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ħlas lir-rikorrenti ta’ danni diżważivi;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ħlas tal-ispejjeż u l-imposti kemm dawk legali u kemm dawk li ma humiex sostnuti b’rabta ma’ dan ir-rikors, u dan anki f’każ ta’ ċaħda ta’ dan l-istess rikors.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta ma osservatx id-dritt tal-UE meta din wettqet l-evalwazzjoni tal-offerti u tat il-kuntratt wara l-iskadenza tal-validità tal-offerti.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta ma osservatx id-dritt tal-UE meta kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni. Il-konvenuta kkomunikat lir-rikorrenti rapport ta’ evalwazzjoni li ma kienx jinkludi kummenti konkreti dwar l-evalwazzjoni tal-offerta tar-rikorrenti.