Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Ottubru 2013 – L-Ungerija vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-554/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Rikorrenti: L-Ungerija (rappreżentanti: M.Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni tal-Kummissjoni C(2013) 50129 finali tas-6 ta’ Awwissu 2013 dwar ir-rimbors parzjali tal-għajnuna finanzjarja nazzjonali mħallsa lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi għall-programmi operazzjonali implementati fl-Ungerija fl-2010;

tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti ssostni fuq il-fatt li l-Kummissjoni marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha u kisret ir-regoli applikabbli tad-dritt tal-Unjoni meta ffissat l-ammont dovut lill-Ungerija skont ir-rimbors parzjali tal-għajnuna finanzjarja nazzjonali mħallsa fl-2010 lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi tal-frott u tal-ħaxix.

Skont ir-rikorrenti, id-dritt tal-Unjoni ma jagħtix il-possibbiltà għall-Kummissjoni, fil-kuntest tal-deċiżjoni tagħha dwar ir-rimbors Komunitarju parzjali tal-għajnuna finanzjarja nazzjonali mħallsa, skont l-Artikolu 103e tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1234/2007 1 , lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi tal-frott u tal-ħaxix, li tawtorizza r-rimbors biss sal-ammonti li l-Ungerija, fil-mument tat-talba għal awtorizzazzjoni ta’ għoti tal-għanjuna nazzjonali, indikat bħala ammonti “stmati” jew “prevedibbli”.

Ir-rikorrenti tqis li l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni relatata mal-għajnuna nazzjonali tikkonċerna l-għoti ta’ din l-għajnuna, u mhux id-determinazzjoni mill-Kummissjoni ta’ limitu massimu rigward l-għajnuna li tista’ tingħata. Għar-rikorrenti, dan il-limitu massimu huwa stabbilit b’mod ċar mir-Regolament Nru 1234/2007 meta dan jipprevedi li l-għajnuna finanzjarja nazzjonali ma tistax teċċedi 80 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja mħallsa mill-membri jew mill-organizzazzjoni tal-produttri stess għall-fond operazzjonali.

Ir-regoli applikabbli għar-rimbors Komunitarju parzjali tal-għajnuna nazzjonali ma jippermettux lill-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ dan ir-rimbors parzjali, li tiffissa bħala limitu massimu tar-rimbors l-ammont li l-Istat Membru, fil-kuntest tat-talba għal awtorizzazzjoni, ikkomunika lill-Kummissjoni, kemm bħala ammont totali tal-għajnuna jew bħala ammont ta’ għajnuna li għandha titħallas lil kull organizazzjoni ta’ produtturi. Dan huwa partikolarment il-każ peress illi meta pprovda din l-informazzjoni, il-Gvern Ungeriż ippreċiża li l-ammonti inkwistjoni kienu biss ammonti previsti jew stmati. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li d-dritt tal-Kummissjoni li teżamina jekk l-għajnuna effettivament imħallsa ma teċċedix il-limitu ta’ 80 % jew li r-rimbors mitlub ma jeċċedix 60 % tal-għajnuna mogħtija ma huwiex ekwivalenti madankollu għal dritt li jiġu ffissati bħala limitu massimu tar-rimbors l-ammonti li jinsabu fit-talba għal awtorizzazzjoni, b’mod partikolari jekk in-natura tal-ammonti antiċipati jew stmati tad-data ġiet enfasizzata fit-talba. Jekk, għal motivi differenti, matul sena, sar tibdil fl-ammont tal-għajnuna nazzjonali mogħtija lil kull organizzazzjoni ta’ produtturi, ir-rimbors Komunitarju parzjali għandu jsir skont l-ammont effettivament imħallas, sa fejn il-kundizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Unjoni jkunu ssodisfatti.