Language of document : ECLI:EU:T:2015:805

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

23 ta’ Ottubru 2015 (*)

“Rikors għal annullament — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra l-Iran bl-għan li tixxekkel il-proliferazzjoni nukleari — Iffriżar ta’ fondi — Terminu għall-preżentata ta’ rikors — Tardività — Inammissibbiltà — Talba għad-danni — Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑552/13,

Oil Turbo Compressor Co. (Private Joint Stock), stabbilita fi Teheran (l-Iran), irrappreżentata minn K. Kleinschmidt, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop u J.‑P. Hix, bħala aġenti,

konvenut

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 319, p. 11), u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1), sa fejn dawn ir-regolamenti jikkonċernaw lir-rikorrenti, u, min-naħa l-oħra, talba għad-danni,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, S. Gervasoni u L. Madise (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Marzu 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Din il-kawża taqa’ fil-kuntest tas-sistema ta’ miżuri restrittivi adottati sabiex issir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex din tal-aħħar ittemm l-attivitajiet nukleari li joħolqu riskju ta’ proliferazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ kunsinna ta’ armi nukleari.

2        Ir-rikorrenti, Oil Turbo Compressor Co. (Private Joint Stock), hija kumpannija stabbilita fl-Iran li teżerċita attivitajiet ta’ produzzjoni, ta’ riċerka u ta’ servizzi fis-setturi tal-gass, tal-petrokimika u tal-enerġija b’mod ġenerali. B’mod partikolari, hija tipproduċi u tikkummerċjalizza turbini u kumpressuri mħaddma b’turbina użati fis-setturi tal-gass u tal-petrokimika.

3        Fis-26 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39). L-Artikolu 20(1) tad-Deċiżjoni 2010/413 jipprevedi l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tal-persuni u tal-entitajiet imsemmija fil-lista stabbilita fl-Annessi I u II ta’ din l-istess deċiżjoni.

4        Fil-25 ta’ Ottubru 2010, sussegwentement għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/413, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 961/2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 281, p. 1). L-Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament Nru 961/2010 jipprevedi l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tal-persuni, tal-entitajiet jew tal-korpi elenkati fl-Anness VIII tal-imsemmi regolament.

5        Fl-1 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/783/PESK, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK (ĠU L 319, p. 71), li permezz tagħha huwa żied isem ir-rikorrenti mal-lista tal-persuni u entitajiet elenkati fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413.

6        Fl-istess jum, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1245/2011, li jimplimenta r-Regolament Nru 961/2010 (ĠU L 319, p. 11), li permezz tiegħu huwa żied isem ir-rikorrenti fil-lista stabbilita fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010.

7        Fid-Deċiżjoni 2011/783 u fir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1245/2011, il-Kunsill ta motivazzjoni għall-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrenti kif ġej:

“Affiljata ma’ [Fergħa ta’] Sakhte Turbopomp va Kompressor (SATAK) indikat[a] mill-UE (magħruf[a] bħala Turbo Compressor Manufacturer, TCMFG).”

8        Fit-2 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, avviż għall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet li għalihom japplikaw l-Artikoli 19(1)(b) u 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010 (Anness II) u l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 961/2010 (Anness VIII) (ĠU C 351, p. 15, iktar ’il quddiem l-“Avviż tat-2 ta’ Diċembru 2011”), fil-verżjonijiet tagħhom li jirriżultaw mid-Deċiżjoni 2011/783 u mir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1245/2011 rispettivament. F’dan l-avviż, il-Kunsill, b’riferiment għall-atti rilevanti f’dak li jikkonċerna r-raġunijiet ta’ kull inklużjoni mwettqa, ippreċiża b’mod partikolari li huwa kien iddeċieda li jżid persuni u entitajiet fil-listi li jinsabu fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010. Barra minn hekk, il-Kunsill ġibed l-attenzjoni tal-persuni u entitajiet ikkonċernati dwar il-possibbiltà li jikkontestaw dawn l-atti quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kundizzjonijiet previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE u fir-raba’ u s-sitt paragrafi tal-Artikolu 263 TFUE.

9        Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Diċembru 2011 (iktar ’il quddiem l-“ittra tal-5 ta’ Diċembru 2011”), mibgħuta bil-posta rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ riċevuta fis-6 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill informa lir-rikorrenti bl-inklużjoni tagħha fil-lista tal-persuni u entitajiet elenkati fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/783, u fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010, kif emendat bir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1245/2011. Din l-ittra waslet lura għand il-Kunsill b’indikazzjoni “bidla fl-indirizz” imwaħħla mis-servizzi postali Iranjani.

10      Fit-13 ta’ Frar 2012, ir-rikorrenti adixxiet lill-Qorti Ġenerali b’rikors intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni 2011/783, sa fejn din kienet tikkonċernaha, għar-raġuni, b’mod partikolari, li l-Kunsill kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti li fuqhom kienet ibbażata l-imsemmija deċiżjoni fir-rigward tagħha. Dan ir-rikors ġie rreġistrat bir-referenza T‑63/12.

11      Ir-Regolament Nru 961/2010 tħassar bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 88, p. 1), li l-Artikolu 23(2) tiegħu jipprevedi l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tal-persuni, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness IX ta’ dan ir-regolament. Isem ir-rikorrenti ġie inkluż mill-Kunsill f’dan l-anness għall-istess raġunijiet bħal dawk li jidhru fid-Deċiżjoni 2011/783 u fir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1245/2011 (ara l-punt 7 iktar ’il fuq).

12      Permezz ta’ sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2012, Oil Turbo Compressor vs Il-Kunsill (T‑63/12, Ġabra, EU:T:2012:579), il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors tar-rikorrenti intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni 2011/783, sa fejn din id-deċiżjoni kienet tikkonċerna lilha.

13      Fil-11 ta’ Diċembru 2012, il-Kunsill ippubblika nota [avviż] għall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2010/656 u fir-Regolament Nru 560/2005 (ĠU 2011, C 14, p. 8, iktar ’il quddiem l-“avviż tal-11 ta’ Diċembru 2012”). Dan l-avviż ġibed l-attenzjoni tal-persuni u tal-entitajiet li jinsabu fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012, dwar il-possibbiltà li tintbagħat lill-Kunsill talba għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni li biha huma jkunu ġew inklużi fl-imsemmija annessi, billi magħha jehmżu d-dokumenti ta’ sostenn.

14      Permezz ta’ posta tal-21 ta’ Jannar 2013, ir-rikorrenti, filwaqt li fakkret is-sentenza Oil Turbo Compressor vs Il-Kunsill, punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2012:579), u osservat li isimha la kien għadu tneħħa mill-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u lanqas mill-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012, talbet lill-Kunsill sabiex jindikalha r-raġuniijet li jopponu l-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza.

15      Permezz ta’ posta tas-6 ta’ Frar u tad-29 ta’ April 2013, ir-rikorrenti essenzjalment talbet lill-Kunsill sabiex jeżegwixxi s-sentenza Oil Turbo Compressor vs Il‑Kunsill, punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2012:579).

16      Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1203/2013, tas-26 ta’ Novembru 2013, li jimplimenta r-Regolament Nru 267/2012 (ĠU L 316, p. 1), ir-rikorrenti tneħħiet mil-lista li tinsab fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

17      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Ottubru 2013, ir-rikorrenti ressqet din l-azzjoni.

18      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti ressqet talba intiża sabiex il-kawża tinqata’ skont proċedura mħaffa, b’applikazzjoni tal-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991.

19      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, innotifikata lill-partijiet fit-28 ta’ Novembru 2013, il-Qorti Ġenerali staqsiet lill-partijiet jekk u sa liema data l-Kunsill kien ikkomunika lir-rikorrenti, kemm jekk direttament kif ukoll jekk bil-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali, id-deċiżjoni tiegħu li jinkludi isem din tal-aħħar, minn naħa, fil-lista li tinsab fl-uniku Anness tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1245/2011 u, min-naħa l-oħra, fil-lista li tinsab fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012. Il-partijiet irrispondew għal din id-domanda fit-terminu mogħti.

20      Fid-29 ta’ Novembru 2013, il-Kunsill ippreżenta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, risposta li tinkludi, b’mod sussidjarju, talba għall-konstatazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni minħabba t-tneħħija ta’ isem ir-rikorrenti mil-lista li tinsab fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 permezz tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1203/2013 (ara l-punt 16 iktar ’il fuq).

21      Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 2013, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) ċaħdet it-talba intiża sabiex il-kawża tiġi deċiża skont proċedura mħaffa.

22      Fil-25 ta’ Marzu 2014, ir-rikorrenti ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali replika li tinkludi estensjoni tat-talbiet. Il-Qorti Ġenerali rreġistrat dan id-dokument, filwaqt li rriżervat id-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu.

23      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

24      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, innotifikata lill-partijiet fit-30 ta’ Jannar 2015, il-Qorti Ġenerali għamlitilhom domanda bil-miktub, u stednithom jirrispondu għaliha waqt is-seduta. Din id-domanda kienet tirrigwarda d-digriet tal-20 ta’ Frar 2014, Jannatian vs Il-Kunsill (T‑187/13, EU:T:2014:134), u kienet tirrigwarda r-rilevanza tiegħu fid-dawl tal-kawża preżenti.

25      Inizjalment iffissata għall-4 ta’ Frar 2015, is-seduta ġiet posposta għall-11 ta’ Marzu 2015 fuq talba tar-rikorrenti.

26      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-11 ta’ Marzu 2015.

27      Waqt is-seduta, b’risposta għad-domanda msemmija fil-punt 24 iktar ’il fuq, il-Kunsill invoka l-avviż tal-11 ta’ Diċembru 2012 u pproduċa, fuq talba tal-Qorti Ġenerali, kopja tiegħu. Dan id-dokument iddaħħal fil-proċess, mingħajr ma r-rikorrenti opponiet għal dan. Din tal-aħħar ifformulat xi osservazzjonijiet dwar dan id-dokument, u ttieħdet nota ta’ dan fil-proċess verbal tas-seduta.

28      Fir-rikors, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1245/2011 u r-Regolament Nru 267/2012 (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti kkontestati”), sa fejn dawn l-atti jikkonċernawha;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

29      Fir-replika, ir-rikorrenti barra minn hekk titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tikkundanna lill-Kunsill iħallasha s-somma ta’ EUR 90 528 392.56 bħala danni.

30      Fir-risposta tiegħu, il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tiċħad ir-rikors u tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż;

–        sussidjarjament, tiddeċiedi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni.

31      Bi tweġiba għat-talba għad-danni fformulata mir-rikorrenti fir-replika, il-Kunsill barra minn hekk talab, fil-kontroreplika, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad it-talba għad-danni bħala manifestament inammissibbli jew, sussidjarjament, infondata;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq it-talbiet għal annullament

32      Insostenn tar-rikors tagħha għal annullament, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi. Dawn huma bbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti li fuqhom l-atti kkontestati huma bbażati, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, it-tielet wieħed, fuq ksur tad-dritt għal smigħ, tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal rimedju effettiv.

33      Mingħajr ma qajjem b’mod formali eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, il-Kunsill isostni, prinċipalment, li t-talbiet għal annullament huma tardivi u, għaldaqstant, inammissibbli. Sussidjarjament huwa jqis li, billi r-rikorrenti tneħħiet mil-lista li tinsab fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 mir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1203/2013, fi kwalunkwe każ ma fadalx lok li tingħata deċiżjoni.

34      Qabel kollox, għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tat-talbiet għal annullament fir-rigward tat-terminu għall-preżentata tar-rikors.

35      F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Kunsill isostni li huwa pprova jikkomunika r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1245/2011 lir-rikorrenti permezz tal-ittra tal-5 ta’ Diċembru 2011, li reġgħet intbagħtitlu lura mis-servizzi tal-posta Iranjani. Għaldaqstant, peress li kien impossibbli għalih li jikkomunika magħha b’mod individwali, it-terminu għall-preżentata tar-rikors beda jiddekorri fid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż tat-2 ta’ Diċembru 2011. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-Regolament Nru 267/2012, fis-seduta l-Kunsill ġibed l-attenzjoni għall-fatt li t-terminu għall-preżentata tar-rikors kien beda jiddekorri fid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż tal-11 ta’ Diċembru 2011 jew, tal-inqas u kif sostna fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, fid-data meta r-rikorrenti kienet saret taf bl-adozzjoni ta’ dan ir-regolament u bil-kontenut tiegħu, jiġifieri mhux iktar tard mill-21 ta’ Jannar 2013.

36      Ir-rikorrenti tikkontesta dawn l-argumenti tal-Kunsill għar-raġuni, essenzjalment, li, fl-assenza ta’ komunikazzjoni individwali tal-atti kkontestati, it-terminu għall-preżentata tar-rikors ma kienx għadu beda jiddekorri. B’mod partikolari, minn naħa, fir-rigward tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1245/2011, il-Kunsill ma jistax jinvoka r-ritorn tal-ittra tal-5 ta’ Diċembru 2011 mis-servizzi postali Iranjani, peress li kienet din l-istituzzjoni li kellha tiżgura li l-ittri tagħha jiġu debitament riċevuti. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-Regolament Nru 267/2012, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Kunsill kellu jipprova jgħaddihulha direttament jew, tal-inqas, jgħaddih lill-avukat tagħha u li, fi kwalunkwe każ, l-avviż tal-11 ta’ Diċembru 2012 ma setax jagħti bidu għad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors. Barra minn hekk, sa fejn din setgħet tistenna b’mod leġittimu li, wara s-sentenza Oil Turbo Compressor vs Il-Kunsill, punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2012:579), il-Kunsill ineħħi isimha mil-listi li jinsabu fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010 u fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012, minħabba li l-inklużjoni kienet ġiet ibbażata fuq l-istess raġunijiet bħal dawk tad-Deċiżjoni 2011/783, annullata fir-rigward tagħha fl-imsemmija sentenza, ir-rikorrenti tqis li d-dekadenza ta’ dan ir-rikors tmur kontra l-prinċipju ta’ legalità tal-amministrazzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti żżid li l-Kunsill, li naqas milli jirrispondi għall-posta mibgħuta minnha tal-21 ta’ Jannar, tas-6 ta’ Frar u tad-29 ta’ April 2013, kellu jismagħha u jindikalha, fejn xieraq, ir-rimedju legali disponibbli.

37      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, “[i]l-proċeduri msemmija f’dan l-Artikolu għandhom jinbdew fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni [tal-att], jew minn meta dan jiġi notifikat lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta ir-rikorrent ikun sar jaf bih, skond il-każ”.

38      Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jirrikjedi li l-awtorità tal-Unjoni Ewropea tadotta att li jwassal għal miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuna jew entità għandha tagħti r-raġunijiet li fuqhom dan l-att huwa bbażat, sa fejn huwa possibbli, jew fil-mument li fih dak l-att ikun adottat jew, għall-inqas, malajr kemm jista’ jkun wara li jkun ġie adottat, sabiex dawn il-persuni jew entitajiet ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt għal azzjoni legali tagħhom (ara s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T‑35/10 u T‑7/11, Ġabra, EU:T:2013:397, punt 56; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, C‑548/09 P, Ġabra, EU:C:2011:735, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Din is-sitwazzjoni tirriżulta min-natura partikolari tal-atti li jimponu miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuna jew ta’ entità, li fl-istess ħin jikkostitwixxu kemm atti ta’ portata ġenerali, sa fejn jipprojbixxu, lil kategorija ta’ destinatarji ddeterminati b’mod ġenerali u astratt, b’mod partikolari, milli jqiegħdu fondi u riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni tal-persuni u tal-entitajiet li isimhom ikun jinsab fil-listi li jinsabu fl-annessi tagħhom, u kif ukoll sensiela ta’ deċiżjonijiet individwali fir-rigward ta’ dawn il-persuni u entitajiet (ara s-sentenza tat-23 ta’ April 2013, Gbagbo et vs Il-Kunsill, C‑478/11 P sa C‑482/11 P, Ġabra, EU:C:2013:258, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      F’dan il-każ, dan il-prinċipju huwa kkonkretizzat fl-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 961/2010 u fl-Artikolu 46(3) tar-Regolament Nru 267/2012, liema artikoli jistabbilixxu li l-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu lill-persuna jew lill-entità kkonċernata, inklużi r-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ isimha fil-lista tal-persuni u entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi, kemm direttament, jekk l-indirizz tagħha jkun magħruf, jew inkella bil-pubblikazzjoni ta’ avviż, filwaqt li jagħtiha l-possibbiltà li tippreżenta xi osservazzjonijiet.

41      Minn dan jirriżulta li, minkejja li, ċertament, id-dħul fis-seħħ ta’ atti bħall-atti kkontestati sseħħ permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament kontra dawn l-atti skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jibda jiddekorri, għal kull waħda mill-imsemmija persuni u entitajiet, sa mid-data tal-komunikazzjoni li għandha ssirilha (sentenza Gbagbo et vs Il-Kunsill, punt 39 iktar ’il fuq, EU:C:2013:258, punt 59).

42      Għalhekk, dan it-terminu jibda jiddekorri jew mid-data tal-komunikazzjoni individwali ta’ dan l-att lill-persuna kkonċernata, jekk l-indirizz tagħha jkun magħruf, jew mill-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali, fil-każ kuntrarju (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2014, Hassan vs Il-Kunsill, T‑572/11, Ġabra, EU:T:2014:682, punt 33; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Gbagbo et vs Il‑Kunsill, punt 39 iktar ’il fuq, EU:C:2013:258, punti 59 sa 62).

43      F’dan ir-rigward, minn naħa hemm lok li wieħed iżid li l-Kunsill ma huwiex ħieles li jagħżel b’mod arbitrarju l-metodu ta’ komunikazzjoni tad-deċiżjonijiet tiegħu lill-persuni kkonċernati. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, id-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punt 40 iktar ’il fuq għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-Kunsill ikollu l-indirizz ta’ persuna suġġetta għal miżuri restrittivi, fin-nuqqas ta’ komunikazzjoni diretta tal-atti li għandhom dawn il-miżuri, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors li din il-persuna għandha tosserva sabiex tikkontesta dawn l-atti quddiem il-Qorti Ġenerali ma jibdiex jiddekorri. Għaldaqstant, huwa biss meta jkun impossibbli li jikkomunika b’mod individwali lill-parti kkonċernata l-att li permezz tiegħu ġew adottati jew miżmuma miżuri restrittivi fir-rigward tagħha li l-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tagħti l-bidu għad-dekorrenza ta’ dan it-terminu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il-Kunsill, T‑307/12 u T‑408/13, Ġabra, EU:T:2014:926, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Gbagbo et vs Il-Kunsill, punt 39 iktar ’il fuq, EU:C:2013:258, punti 61 u 62).

44      Min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza, il-Kunsill jista’ jitqies li ma kienx impossibbli għalih li jikkomunika individwalment lil persuna fiżika jew ġuridika jew lil entità, att li jinvolvi miżuri restrittivi li jikkonċernawha kemm meta l-indirizz ta’ din il-persuna jew entità ma jkunx pubbliku u ma jkunx ingħatalu, kif ukoll meta l-komunikazzjoni mibgħuta fl-indirizz li l-Kunsill kellu ma waslitx, minkejja l-isforzi li wettaq, bid-diliġenza kollha rikjesta, sabiex iwettaq tali komunikazzjoni (sentenza Mayaleh vs Il-Kunsill, punt 43 iktar ’il fuq, EU:T:2014:926, punt 61).

45      Huwa fid-dawl ta’ dawn it-tfakkiriet li prinċipalment għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tat-talbiet għal annullament preżenti.

46      L-ewwel nett, fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-talba għall-annullament tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1245/2011, sa fejn dan l-att jikkonċerna lir-rikorrenti, minn naħa, huwa paċifiku li, fit-2 ta’ Diċembru 2011, dan ir-regolament kien is-suġġett ta’ avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjal għall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi.

47      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li fis-6 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill bagħat lir-rikorrenti ittra tal-5 ta’ Diċembru 2011 b’dikjarazzjoni ta’ riċevuta sabiex jinformaha, b’mod partikolari, bl-inklużjoni tagħha fl-uniku anness tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1245/2011. Huwa paċifiku li din l-ittra reġgħet lura għand il-Kunsill bl-indikazzjoni “bidla fl-indirizz” imwaħħla mis-servizzi postali Iranjani.

48      B’hekk jidher li l-Kunsill kien f’sitwazzjoni ta’ impossibbiltà, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 44 iktar ’il fuq, li twettaq il-komunikazzjoni individwali analoga għas-sitwazzjoni li kien ikun fiha kieku ma kienx jaf l-indirizz tar-rikorrenti. Kuntrarjament għall-argumenti mqajma mir-rikorrenti fis-seduta, din il-konstatazzjoni hija applikabbli, anki jekk l-indirizz ikun korrett.

49      Fil-fatt, meta bagħat l-ittra tal-5 ta’ Diċembru 2011 lir-rikorrenti, il-Kunsill ħa ħsieb jibgħathielha bil-posta rreġistrata u li magħha jżid dikjarazzjoni ta’ riċevuta. Issa, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li din in-norma ta’ trażmissjoni ta’ posta hija magħrufa mis-servizzi, fl-Iran, inkarigati mid-distribuzzjoni tal-posta (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-20 ta’ Novembru 2012, Shahid Beheshti University vs Il‑Kunsill, T‑120/12, EU:T:2012:610, punt 49). Min-naħa l-oħra, hija tikkostitwixxi metodu xieraq ta’ komunikazzjoni individwali fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 42 u 43 iktar ’il fuq, peress li, skont il-ġurisprudenza, in-notifika permezz ta’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ riċevuta ffirmata tippermetti li jiġi stabbilit b’ċertezza l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 1984, Ferriera Vittoria vs Il-Kummissjoni, 224/83, Ġabra, EU:C:1984:208, punt 9 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kunsill, li fl-Iran jista’ jkollu biss riżorsi limitati għall-finijiet ta’ riċerka tal-indirizzi privati tal-persuni u l-entitajiet kollha kkonċernati mis-sistema tal-miżuri restrittivi (ara, b’analoġija, Hassan vs Il‑Kunsill, punt 42 iktar ’il fuq, EU:T:2014:682, punt 58), ta prova tad-diliġenza meħtieġa fir-rigward tal-obbligu tiegħu li jikkomunika lir-rikorrenti l-miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tagħha.

51      Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 44 iktar ’il fuq u kuntrarjament għall-argumenti tar-rikorrenti, il-Kunsill seta’ b’mod leġittimu jibbaża ruħu fuq l-indikazzjoni, ipprovduta mis-servizzi postali Iranjani, li r-rikorrenti kienet bidlet l-indirizz, mingħajr ma huwa l-obbligu tiegħu li jerġa’ jwettaq il-komunikazzjoni permezz ta’ tentattiv ta’ notifika ġdid bil-posta, jew saħansitra b’miżuri oħra.

52      B’mod partikolari, kuntrarjament għall-argumenti mqajma mir-rikorrenti matul is-seduta, wieħed għandu jżid li, wara li l-ittra tal-5 ta’ Diċembru 2011 ġiet lura, il-Kunsill ma kienx obbligat li jikkomunikalha r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1245/2011 bil-faks jew bil-posta elettronika. Fil-fatt, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma stabbilixxiet li l-Kunsill kellu n-numru tal-faks tagħha jew l-indirizz tal-posta elettronika tagħha. Għall-kuntrarju, kulma għamlet kien li allegat li dawn tal-aħħar setgħu jinstabu fuq l-internet, liema allegazzjoni, madankollu, hija ma stabbilixxietha b’ebda prova.

53      F’dawn il-kundizzjonijiet, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors beda jiddekorri, fir-rigward tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1245/2011, mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż tat-2 ta’ Diċembru 2011.

54      Din il-konklużjoni hija applikabbli iktar u iktar peress li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Oil Turbo Compressor vs Il-Kunsill, punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2012:579), ir-rikorrenti ppreżentat rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni 2011/783 fit-termini mogħtija. Issa, din id-deċiżjoni, li ġiet adottata fl-istess jum li fih ġie adottat ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1245/2011, fir-rigward tar-rikorrenti kienet ibbażata fuq raġunijiet ta’ inklużjoni identiċi għal dawk ta’ dan ir-regolament u kienet is-suġġett anki tal-avviż tat-2 ta’ Diċembru 2011.

55      Għaldaqstant, it-talba għal annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1245/2011, imressqa fil-15 ta’ Ottubru 2013, hija inammissibbli għal raġuni ta’ tardività.

56      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-talba għall-annullament tar-Regolament Nru 267/2012, sa fejn dan l-att jikkonċerna lir-rikorrenti, huwa paċifiku li, hekk kif il-Kunsill ippreċiża b’risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali taħt il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, dan ir-regolament, li ġie ppubblikat fis-sensiela L tal-Ġurnal Uffiċjali, la ġie kkomunikat lir-rikorrenti u lanqas ma kien is-suġġett, fil-mument tal-adozzjoni tiegħu fit-23 ta’ Marzu 2012, ta’ avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali għall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi li huwa kien jistabbilixxi.

57      Madankollu, huwa wkoll paċifiku li, fil-11 ta’ Diċembru 2012, il-Kunsill ippubblika avviż fil-Ġurnal Uffiċjali għall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet li għalihom kienu japplikaw il-miżuri restrittivi previsti, b’mod partikolari, fir-Regolament Nru 560/2005. Il-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż, li jinforma lill-imsemmija persuni u entitajiet bil-possibbiltà li jindirizzaw lill-Kunsill talba għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni li permezz tagħha ġew inklużi, b’mod partikolari, fil-lista li tinsab fl-Anness IX ta’ dan ir-regolament, tagħti bidu għad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors fir-rigward tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, id-digriet Jannatian vs Il-Kunsill, punt 24 iktar ’il fuq, EU:T:2014:134, punt 22).

58      Din il-kunsiderazzjoni la hi kkontestata mill-assenza, invokata mir-rikorrenti, ta’ xi tentattiv min-naħa tal-Kunsill li jinnotifika lir-rikorrenti jew lill-avukat tagħha bir-Regolament Nru 267/2012, u lanqas mill-fatt, ukoll invokat mir-rikorrenti, li l-avviż tal-11 ta’ Diċembru 2012 ma fih ebda riferiment għar-rimedji ġudizzjarji disponibbli u għat-termini għall-kontestazzjoni tal-legalità tal-inklużjoni tagħha fl-Anness IX tal-imsemmi regolament.

59      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-assenza ta’ notifikazzjoni tar-Regolament Nru 267/2012, l-ewwel nett għandu jitfakkar li fil-punti 47 sa 52 iktar ’il fuq tqies li, wara r-ritorn tal-ittra tal-5 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill seta’ b’mod validu joqgħod fuq l-indikazzjoni pprovduta mis-servizzi postali Iranjani li r-rikorrenti kienet bidlet l-indirizz, mingħajr ma kien ikollu d-dmir li jerġa’ jwettaq in-notifikazzjoni, kemm jekk permezz tal-posta fl-istess indirizz, jew bil-faks jew posta elettronika.

60      Issa, għandu jiġi kkunsidrat li, erba’ xhur iktar tard, waqt l-adozzjoni, fit-23 ta’ Marzu 2012, tar-Regolament Nru 267/2012, il-Kunsill lanqas ma kien obbligat jinnotifika dan ir-regolament f’indirizz li huwa seta’ jqis b’mod raġonevoli li huwa inkorrett. Il-fatt li l-indirizz li jidher fuq in-nota tal-kunsinna tal-ittra tal-5 ta’ Diċembru 2011 jikkorrispondi għal dak li jinsab fis-sottomissjonijiet bil-miktub ippreżentati mir-rikorrenti fil-kawża li wasslet għall-adozzjoni tas-sentenza Oil Turbo Compressor vs Il-Kunsill, punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2012:579) ma huwiex rilevanti, u barra minn hekk ir-rikorrenti ma tallegax dan.

61      It-tieni nett għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għall-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti waqt is-seduta, il-Kunsill lanqas ma kien obbligat jinnotifika r-Regolament Nru 267/2012 lill-avukat tagħha.

62      Fil-fatt, fid-dawl tal-formulazzjoni tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jiġi ppreċiżat li, meta att ikollu jkun is-suġġett ta’ notifika sabiex it-terminu għall-preżentata ta’ rikors jibda jiddekorri, fil-prinċipju din in-notifika għandha tkun indirizzata lid-destinatarju ta’ dan l-att, u mhux lill-avukati li jirrappreżentawh. Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza, in-notifika lir-rappreżentant ta’ rikorrent tiswa bħala notifika lid-destinatarju biss meta tali forma ta’ notifika tkun prevista b’mod espress minn leġiżlazzjoni jew minn ftehim bejn il-partijiet (ara s-sentenza Mayaleh vs Il-Kunsill, punt 43 iktar ’il fuq, EU:T:2014:926, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata), u mhux b’mod unilaterali minn waħda minnhom (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, BVGD vs Il-Kummissjoni, T‑104/07 u T‑339/08, EU:T:2013:366, punt 146).

63      Issa, f’dan il-każ, minbarra l-fatt li r-Regolament Nru 267/2012 ma fih ebda dispożizzjoni li tipprevedi l-komunikazzjoni tal-miżuri restrittivi lir-rappreżentant ta’ persuna jew entità kkonċernata, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ tali ftehim bejnha u bejn il-Kunsill li abbażi tiegħu dan tal-aħħar seta’, u saħansitra kellu, jikkomunika l-imsemmi regolament lir-rappreżentant tagħha sabiex it-terminu jkun beda jiddekorri.

64      Għaldaqstant, fis-seduta, minn naħa r-rikorrenti invokat il-mandat tat-28 ta’ Diċembru 2011, li permezz tiegħu hija inkarigat lir-rappreżentant tagħha bir-rappreżentanza tagħha fir-rigward ta’ kull proċedura dwar il-miżuri restrittivi meħudin kontriha. Hija ppreċiżat li dan il-mandat kien intbagħat lill-Kunsill permezz ta’ posta tad-9 ta’ Frar 2012, posta li madankollu ma tinsabx fil-proċess, u li din kienet anki ġiet annessa mar-rikors tagħha ppreżentat fil-kawża li wasslet għas-sentenza Oil Turbo Compressor vs Il-Kunsill, punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2012:579). Min-naħa l-oħra, hija bbażat argument fuq il-posta mibgħuta mir-rappreżentant tagħha lill-Kunsill fil-21 ta’ Jannar, fis-6 ta’ Frar u fid-29 ta’ April 2013.

65      Madankollu, la l-mandat tat-28 ta’ Diċembru 2011 u lanqas il-posta tal-21 ta’ Jannar, tas-6 ta’ Frar u tad-29 ta’ April 2013, annessi mar-rikors, ma jsemmu xi ftehim bejn ir-rikorrenti u l-Kunsill li jippermetti lil dan tal-aħħar jikkomunika r-Regolament Nru 267/2012 lir-rappreżentant tal-ewwel waħda. Għall-kuntrarju, dawn id-dokumenti jesprimu deċiżjoni unilaterali tar-rikorrenti li tawtorizza lir-rappreżentant tagħha sabiex jiżgura r-rappreżentanza tagħha fir-rigward tal-miżuri restrittivi meħuda kontriha u sabiex jirċievi, f’dan il-kuntest, notifiki eventwali min-naħa tal-Kunsill. Issa, tali deċiżjoni unilaterali ma hijiex biżżejjed fir-rigward tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 62 iktar ’il fuq. Fl-assenza ta’ ftehim bejn il-partijiet fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 62 iktar ’il fuq, is-sempliċi fatt li l-Kunsill kien jaf bil-mandat tal-avukat tar-rikorrenti u bl-indirizz tiegħu ma huwiex biżżejjed sabiex ikun obbligat iwettaq notifika lill-avukat.

66      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi konkluż li l-assenza ta’ komunikazzjoni individwali tar-Regolament Nru 267/2012 lir-rikorrenti u lill-avukat tagħha, bħala tali ma hijiex ta’ natura li xxekkel il-komputazzjoni tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors sa mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż tal-11 ta’ Diċembru 2012.

67      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li l-fatt li l-avviż tal-11 ta’ Diċembru 2012, hekk kif uriet ir-rikorrenti matul is-seduta, ma fih ebda indikazzjoni fir-rigward tal-possibbiltà għall-persuni u entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi li jressqu azzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali skont id-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE u tar-raba’ u s-sitt paragrafi tal-Artikolu 263 TFUE, ma huwiex ta’ natura li jikkontesta l-konstatazzjoni li din il-pubblikazzjoni ppermettiet lir-rikorrenti li tkun informata bil-kontenut tar-raġunijiet tal-inklużjoni tagħha fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012.

68      Fil-fatt, minn naħa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li fl-assenza ta’ dispożizzjoni espressa tad-dritt tal-Unjoni, ma jistax jiġi rikonoxxut obbligu ġenerali fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jinformaw lill-partijiet fil-kawża bir-rimedji ġudizzjarji disponibbli kif ukoll bil-kundizzjonijiet li fihom dawn jistgħu jeżerċitawhom (digrieti tal-5 ta’ Marzu 1999, Guérin automobiles vs Il-Kummissjoni, C‑153/98 P, Ġabra, EU:C:1999:123, punt 15, u Guérin automobiles vs Il‑Kummissjoni, C‑154/98 P, Ġabra, EU:C:1999:124, punt 15; tat-30 ta’ Marzu 2000, Méndez Pinedo vs BĊE, T‑33/99, ĠabraSP, EU:T:2000:94, punt 36; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tas-7 ta’ Diċembru 2004, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni (C‑521/03 P, EU:C:2004:778, punt 44).

69      Issa, ir-Regolament Nru 267/2012 ma fih ebda dispożizzjoni li timponi fuq il-Kunsill sabiex, mal-komunikazzjoni permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali jindika r-rimedji legali disponibbli u l-kundizzjonijiet li fihom dawn jistgħu jiġu eżerċitati. B’mod partikolari, l-Artikolu 46(3) ta’ dan ir-regolament, li jirrigwarda l-komunikazzjoni tar-raġunijiet tal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi lill-persuni u entitajiet ikkonċernati (ara l-punt 40 iktar ’il fuq), ma fih ebda obbligu f’dan is-sens.

70      Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, b’teħid kont tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 54 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti kienet taf bir-rimedji legali disponibbli u bit-termini għall-preżentata ta’ rikors u, b’mod partikolari, bil-possibbiltà li hija għandha sabiex tikkontesta l-miżuri restrittivi stabbiliti fir-rigward tagħha.

71      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jiġi konkluż li, fir-rigward tar-Regolament Nru 267/2012, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors beda jiddekorri fid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż tal-11 ta’ Diċembru 2012. Għaldaqstant, it-talba għall-annullament parzjali tal-imsemmi regolament, imressqa fil-15 ta’ Ottubru 2013, hija inammissibbli għal raġuni ta’ tardività.

72      Fi kwalunkwe każ, anki jekk wieħed jippreżupponi li l-pubblikazzjoni tal-avviż tal-11 ta’ Diċembru 2012 ma tistax titqies li hija bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors għal annullament minħabba l-assenza ta’ kull indikazzjoni tar-rimedji ġudizzjarji li r-rikorrenti kellha sabiex tikkontesta l-inklużjoni tagħha fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012, għandu xorta jiżdied li, fil-posta li huwa bagħat lill-Kunsill fil-21 ta’ Jannar 2013, ir-rappreżentant tar-rikorrenti rrileva li, b’konsegwenza tas-sentenza Oil Turbo Compressor vs Il-Kunsill, punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2012:579), isem din tal-aħħar kien għadu ma tneħħiex mill-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u lanqas mill-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012, u f’dan ir-rigward sar riferiment għall-punt 103 tal-Parti I B tal-Anness IX ta’ dan ir-regolament, li fih kien jidher preċiżament isem ir-rikorrenti.

73      B’hekk, mill-elementi tal-proċess imfakkra fil-punt 72 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rappreżentant tar-rikorrenti u, għaldaqstant, ir-rikorrenti stess kellhom għarfien eżatt u ċert tal-inklużjoni ta’ din tal-aħħar fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 u tar-raġunijiet għal din l-inklużjoni mhux iktar tard mid-data tal-posta tal-21 ta’ Jannar 2013. F’dan ir-rigward dan l-argument għandu jitwarrab, liema argument ġie mqajjem mir-rikorrenti fis-seduta, ibbażat fuq li, f’din id-data, ir-rappreżentant tagħha biss kien jaf bl-inklużjoni ta’ din tal-aħħar fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 u r-raġunijiet għal din l-inklużjoni, iżda hija ma kinitx taf. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li matul is-seduta r-rikorrenti sostniet ukoll li, anki jekk wieħed jippreżupponi li l-Kunsill seta’ jibbaża ruħu fuq l-indikazzjoni tas-servizzi postali Iranjani li qalulu li din kienet bidlet l-indirizz, din l-istituzzjoni mandankollu setgħet u messa kkomunikat l-imsemmi regolament lir-rappreżentant tagħha. Issa, ir-rikorrenti ma tistax issostni, mingħajr ma tikkontradixxi lilha nnifisha, li komunikazzjoni lir-rappreżentant tagħha tiswa daqs komunikazzjoni individwali, filwaqt li tindika li l-indikazzjoni, mir-rappreżentant tagħha, tal-inklużjoni tagħha fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 ma turix li hija stess kienet taf biha.

74      Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, huwa biżżejjed li wieħed jikkonstata li, anki jekk wieħed jippreżupponi li d-data ta’ pubblikazzjoni tal-avviż tal-11 ta’ Diċembru 2012 ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni, kif issostni r-rikorrenti, dan ir-rikors madankollu huwa tardiv peress li minn elementi tal-proċess jirriżulta li r-rikorrenti saret taf bl-inklużjoni tagħha fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 mhux iktar tard mill-21 ta’ Jannar 2013.

75      F’dan ir-rigward, wieħed għandu anki jżid li, fil-qasam tal-iffriżar ta’ fondi, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-data li fiha r-rikorrenti saret taf bl-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fir-rigward tagħha u bir-raġunijiet għal dawn il-miżuri ma jmurx kontra l-ġurisprudenza, iċċitata minn din tal-aħħar, li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors ma jibdiex jiddekorri meta l-Kunsill jonqos milli jwettaq komunikazzjoni individwali ta’ att li jimponi miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuna jew ta’ entità lil din tal-aħħar, minkejja li huwa jkun jaf l-indirizz tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 38 iktar ’il fuq, EU:T:2013:397, punt 59; tas-16 ta’ Settembru 2013, Bank Kargoshaei et vs Il-Kunsill, T‑8/11, EU:T:2013:470, punt 44; Hassan vs Il-Kunsill, punt 42 iktar ’il fuq, EU:T:2014:682, punt 38; u Mayaleh vs Il-Kunsill, punt 43 iktar ’il fuq, EU:T:2014:926, punti 60 u 66), jew inkella fl-assenza ta’ kwalunkwe komunikazzjoni kemm individwali u anki permezz ta’ pubblikazzjoni ta’ avviż (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Frar 2014, Syrian Lebanese Commercial Bank vs Il-Kunsill, T‑174/12 u T‑80/13, Ġabra, EU:T:2014:52, punt 54, u tat-23 ta’ Settembru 2014, Mikhalchanka vs Il-Kunsill, T‑196/11 u T‑542/12, EU:T:2014:801, punt 57).

76      Fil-fatt, fis-sentenzi ċċitati fil-punt 75 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali la tat deċiżjoni dwar id-data li fiha l-parti kkonċernata saret taf bl-att inkwistjoni, u lanqas dwar il-kwistjoni ta’ jekk din id-data setgħetx, fin-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-imsemmija atti, tittieħed inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors. Minbarra dan, minkejja li, fil-punt 62 tas-sentenza Gbagbo et vs Il-Kunsill, punt 39 iktar ’il fuq (EU:C:2013:258), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, meta, f’każ li jkun impossibbli għall-Kunsill li jikkomunika b’mod dirett l-atti inkwistjoni lill-persuni kkonċernati, dawn l-atti jkunu ġew ippubblikati f’avviżi fil-Ġurnal Uffiċjali, l-imsemmija persuni ma jkunux jistgħu jinvokaw l-għarfien effettiv sussegwenti tal-imsemmija atti, madankollu għandu jiġi osservat li, għall-kuntrarju, il-Qorti ma tatx deċiżjoni dwar l-effett eventwali, fl-assenza ta’ kull komunikazzjoni tal-att inkwistjoni, tal-kriterju tal-għarfien tal-att. Fil-fatt, l-atti kontenzjużi fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza kienu s-suġġett ta’ komunikazzjonijiet permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali.

77      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq u, b’mod partikolari, mill-konklużjonijiet misluta fil-punti 71 u 74 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li t-talba għall-annullament tar-Regolament Nru 267/2012, sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti, imressqa fil-15 ta’ Ottubru 2013, hija inammissibbli għal raġuni ta’ tardività.

78      Il-konklużjonijiet misluta fil-punti 55 u 57 iktar ’il fuq ma humiex ikkontestati mill-argumenti l-oħra mqajma mir-rikorrenti. Permezz ta’ dawn l-argumenti, din tallega li d-dekadenza tat-talbiet għal annullament tmur kontra l-prinċipju ta’ legalità tal-amministrazzjoni, sa fejn din setgħet tistenna b’mod leġittimu li, wara s-sentenza Oil Turbo Compressor vs Il-Kunsill, punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2012:579), il-Kunsill ineħħi isimha mil-lista li tinsab fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010 u fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 u li l-Kunsill, li allegatament naqas milli jirrispondi għall-posta tagħha tal-21 ta’ Jannar, tas-6 ta’ Frar u tad-29 ta’ April 2013, kellu jismagħha u fejn xieraq jindikalha r-rimedju legali disponibbli.

79      F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jitfakkar li r-regoli dwar it-termini għall-preżentata ta’ rikors huma ta’ ordni pubbliku u għandhom jiġu applikati mill-qorti b’mod li jiżgura ċ-ċertezza legali kif ukoll l-ugwaljanza tal-partijiet fil-kawża quddiem il-liġi (sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill, C‑229/05 P, Ġabra, EU:C:2007:32, punt 101) u li dawn it-termini jikkostitwixxu, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, limitazzjoni inerenti għad-dritt ta’ aċċess għall-qrati (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-12 ta’ Settembru 2013, Ellinika Nafpigeia u Hoern vs Il-Kummissjoni, C‑616/12 P, EU:C:2013:884, punt 31).

80      Issa, li wieħed jilqa’ l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq l-allegata ommissjoni tal-Kunsill milli jirrispondi għall-posta tagħha tal-21 ta’ Jannar, tas-6 ta’ Frar u tad-29 ta’ April 2013 u l-allegat rifjut illegali tiegħu li jneħħi isimha mill-uniku anness tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1245/2011 u mill-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012, ikun imur kontra dan l-għan tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors.

81      Sussegwentement, sa fejn ir-rikorrenti tikkritika lill-Kunsill b’allegat rifjut illegali li jħassar, wara s-sentenza Oil Turbo Compressor vs Il-Kunsill, punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2012:579), isimha mil-lista tal-persuni u entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran, wieħed għandu jżid li huwa r-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni, previst bl-Artikolu 265 TFUE, li jikkostitwixxi r-rimedju xieraq sabiex tiġi kkonstatata l-astensjoni illegali ta’ istituzzjoni li tieħu l-miżuri li l-eżekuzzjoni tas-sentenza ġġib magħha (sentenza tad-19 ta’ Frar 2004, SIC vs Il-Kummissjoni, T‑297/01 u T‑298/01, Ġabra, EU:T:2004:48, punt 32) jew sabiex jiġi determinat jekk, minbarra s-sostituzzjoni tal-att annullat, l-istituzzjoni kinitx ukoll marbuta tieħu miżuri oħra dwar atti oħra li ma kinux ġew ikkontestati fil-kuntest tar-rikors għal annullament inizjali (sentenzi tas-26 ta’ April 1988, Asteris et vs Il-Kummissjoni, 97/86, 99/86, 193/86 u 215/86, Ġabra, EU:C:1988:199, punti 22 sa 24, u tat-18 ta’ Settembru 1996, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T‑387/94, Ġabra, EU:T:1996:120, punt 40).

82      Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat li l-gravità tal-allegat nuqqas tal-istituzzjoni kkonċernata jew l-importanza tal-preġudizzju li jirriżulta minnu fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet fundamentali, fi kwalunkwe każ ma jippermettux li l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ ammissibbiltà stabbiliti b’mod espress mit-Trattat titwarrab (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-10 ta’ Mejju 2001, FNAB et vs Il‑Kunsill, C‑345/00 P, Ġabra, EU:C:2001:270, punt 40).

83      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq, hemm lok li t-talbiet għal annullament tal-atti kkontestati jiġu miċħuda, sa fejn dawn tal-aħħar jikkonċernaw lir-rikorrenti, bħala inammissibbli minħabba tardività, mingħajr ma jkun hemm bżonn li t-talba għall-konstatazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni ppreżentata b’mod sussidjarju mill-Kunsill tiġi eżaminata.

 Fuq it-talba għad-danni

84      Fir-replika, permezz ta’ “rikors ta’ amplifikazzjoni” r-rikorrenti titlob il-kumpens tad-dannu, ċifrat bis-somma ta’ EUR 90 528 392.56, li hija allegatament sostniet mill-fatt li, minħabba l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi illegali, ma kienx possibbli għaliha li tonora kuntratti li hija kienet ikkonkludiet mal-klijenti tagħha u kellha tħallas lil dawn tal-aħħar penalitajiet kuntrattwali u danni b’rata fissa. Fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ din it-talba, minn naħa, ir-rikorrenti tinvoka s-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 1990, Sofrimport vs Il-Kummissjoni (C‑152/88, Ġabra, EU:C:1990:259), li minnha allegatament jirriżulta li talba għad-danni tista’ tingħaqad ma’ talba għal annullament. Min-naħa l-oħra, hija tallega li t-tressiq ta’ tali talba fir-replika hija raġonevoli għal raġunijiet ta’ ekonomija proċedurali, filwaqt li barra minn hekk ġie ppreċiżat li d-danni mitluba jikkonċernaw is-suġġett tal-ewwel istanza.

85      Il-Kunsill jirribatti li t-talba għad-danni fformulata fir-replika hija manifestament inammissibbli, sa fejn din temenda s-suġġett tal-kawża kif ġie ddefinit mir-rikors promotur. Barra minn hekk, sa fejn it-talba għad-danni hija bbażata fuq l-illegalità tad-Deċiżjoni 2011/783, il-Qorti Ġenerali ma jkollhiex ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni tagħha. Fi kwalunkwe każ, din it-talba tkun infondata.

86      Skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, ir-rikorrenti għandha l-obbligu tispjega s-suġġett tal-kawża u tippreżenta t-talbiet tagħha fl-att promotur. Għalkemm l-Artikolu 48(2) tal-istess Regolament jippermetti li, f’ċerti ċirkustanzi, jiġu ppreżentati raġunijiet ġodda fil-mori tal-kawża, din id-dispożizzjoni fl-ebda każ ma tista’ tiġi interpretata bħala li hija tawtorizza lir-rikorrenti tippreżenta talbiet ġodda quddiem il-Qorti Ġenerali u b’hekk tbiddel is-suġġett tal-kawża (sentenzi tat-18 ta’ Settembru 1992, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T‑28/90, Ġabra, EU:T:1992:98, punt 43, u tal-20 ta’ Mejju 2009, VIP Car Solutions vs Il-Parlament, T‑89/07, Ġabra, EU:T:2009:163, punt 110; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Settembru 1979, Il-Kummissjoni vs Franza, 232/78, Ġabra, EU:C:1979:215, punt 3).

87      F’dan il-każ, mir-rikors jirriżulta mingħajr ekwivoċi li dan kien intiż biss għall-annullament tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1245/2011 u tar-Regolament Nru 267/2012, sa fejn dawn l-atti kienu jikkonċernaw lir-rikorrenti. Matul is-seduta, b’risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti barra minn hekk ikkonfermat b’mod espliċitu din l-interpretazzjoni tar-rikors, u dan tniżżel fil-proċess verbal tas-seduta.

88      F’dawn il-kundizzjonijiet, billi s-suġġett tal-azzjoni kien iddefinit fir-rikors bħala kkostitwit minn talba għall-annullament tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1245/2011 u tar-Regolament Nru 267/2012, it-talba għad-danni ppreżentata fir-replika hija, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 86 iktar ’il fuq, inammissibbli.

89      Din il-konklużjoni ma hijiex affettwata mill-argumenti tar-rikorrenti.

90      Minn naħa, sa fejn ir-rikorrenti tinvoka s-sentenza Sofrimport vs Il-Kummissjoni, punt 84 iktar ’il fuq (EU:C:1990:259), għandu jiġi osservat li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża huma differenti minn dawk tal-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, b’mod li din ma hijiex rilevanti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tat-talba għad-danni preżenti. Fil-fatt, fl-imsemmija kawża, hekk kif jirriżulta mill-punt 1 tal-imsemmija sentenza, kemm it-talba għall-annullament kif ukoll it-talba għad-danni kienu jinsabu fir-rikors promotur.

91      Min-naħa l-oħra, sa fejn ir-rikorrenti tinvoka raġunijiet ta’ ekonomija proċedurali, għandu jitfakkar li l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 huma ta’ ordni pubbliku (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-17 ta’ Lulju 2014, Melkveebedrijf Overenk et vs Il-Kummissjoni, C‑643/13 P, EU:C:2014:2118, punt 38, u s-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2002, Joynson vs Il-Kummissjoni, T‑231/99, Ġabra, EU:T:2002:84, punt 154) u għaldaqstant ma jistgħux jitħallew għad-dispożizzjoni tal-partijiet. Issa, jekk ir-rikorrenti titħalla tadixxi lill-Qorti Ġenerali, permezz tar-replika, b’talba għad-danni ġdida li l-għan tagħha huwa distint mit-talbiet li jidhru fir-rikors, anki jekk hija setgħet tifformula tali talba sa minn dan tal-aħħar, ikun ifisser li r-rikorrenti tiġi awtorizzata ma tiħux inkunsiderazzjoni dawn il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ ordni pubbliku.

92      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, għandu jiġi konkluż li t-talba għad-danni, ifformulata għall-ewwel darba fir-replika, għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2014, Syria International Islamic Bank vs Il-Kunsill, T‑293/12, EU:T:2014:439, punt 83).

93      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li dan ir-rikors jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

94      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Oil Turbo Compressor Co. (Private Joint Stock) għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk esposti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Martins Ribeiro

Gervasoni

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-23 ta’ Ottubru 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.