Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta' Awwissu 2008 - Stichting Natuur en Milieu u Pesticide Action Network Europe vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-338/08)

Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Stichting Natuur en Milieu (Utrecht, l-Olanda) u Pesticide Action Network Europe (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: B. Kloostra u A. van den Biesen, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet

tannulla d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tal-1 ta' Lulju 2008 indirizzati lir-rikorrenti;

tordna lill-Kummissjoni tmexxi eżami sostanzjali tat-talbiet għal reviżjoni interna;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti talbu lill-Kummissjoni tirrevedi r-Regolament Nru 149/2008 2, b'mod konformi mat-Titolu IV tar-Regolament Nru 1367/2006. 4 B'ittri tal-1 ta' Lulju 2008 il-Kummissjoni ddikjarat dawn it-talbiet bħala inammissibbli fuq il-bażi li r-Regolament ikkontestat ma setax jiġi meqjus bħala att ta' portata individwali jew bħala ġabra ta' deċiżjonijiet.

In sostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti l-ewwel isostnu li r-Regolament Nru 149/2008 jikkonsisti f'ġabra ta' deċiżjonijiet. Ir-rikorrenti jsostnu li r-Regolament Nru 149/2008 japplika għal grupp ta' prodotti u sustanzi attivi definittivament iddefinit u preċedentement stabbilit.

F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti jinvokaw ukoll il-kontenut tar-Regolament Nru 396/2005.  Skont l-Artikolu 6 ta' dan ir-Regolament, applikazzjoni separata għal modifikazzjoni tista' tiġi ppreżentata għal kull livell massimu ta' residwu stabbilit. Din il-possibbiltà tingħata wkoll lil organizzazzjonijiet ta' soċjetà ċivili b'interess fis-saħħa, bħar-rikorrenti. Huma jsostnu li deċiżjoni dwar applikazzjoni tali għandha, għalhekk, tkun deċiżjoni, li tirrigwarda speċifikament prodott partikolari jew sustanza attiva partikolari. L-istess raġunament għandu, fl-opinjoni tar-rikorrenti, jiġi msegwi fir-rigward tal-livelli massimi ta' residwu stabbiliti permezz tar-Regolament Nru 149/2008.

Bħala osservazzjoni alternattiva, ir-rikorrenti jsostnu li r-Regolament Nru 149/2008 jirrigwarda deċiżjoni li taqa' taħt il-portata tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus.  Tabilħaqq, skont ir-rikorrenti, dan huwa relatat ma' deċiżjoni li hija ta' interess dirett u individwali għar-rikorrenti b'mod li jissodisfa r-rekwiżiti tar-raba' paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

____________

1 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 149/2008 tad-29 ta' Jannar 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabblixxi l-Annessi II, III u IV li jistipulaw il-livelli massimi ta' residwi għall-prodotti koperti mill-Anness I tiegħu (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU 2008 L 58, p. 1).

2 - Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 6 ta' Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006 L 264, p. 13).

3 - Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-23 ta' Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU 2005 L 70, p. 1).

4 - Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali - Dikjarazzjonijiet (ĠU 2005 L 124, p. 4).